15.11.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 434/59


P9_TA(2022)0121

Konklużjonijiet tal-laqgħa tal-Kunsill Ewropew tal-24 u l-25 ta' Marzu 2022: inklużi l-aħħar żviluppi tal-gwerra fl-Ukrajna u s-sanzjonijiet tal-UE kontra r-Russja u l-implimentazzjoni tagħhom

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta' April 2022 dwar il-konklużjonijiet tal-laqgħa tal-Kunsill Ewropew tal-24 u l-25 ta' Marzu 2022: inklużi l-aħħar żviluppi tal-gwerra kontra l-Ukrajna u s-sanzjonijiet tal-UE kontra r-Russja u l-implimentazzjoni tagħhom (2022/2560(RSP))

(2022/C 434/09)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-Russja u l-Ukrajna, b'mod partikolari dawk tas-16 ta' Diċembru 2021 dwar is-sitwazzjoni fil-fruntiera Ukrena u fit-territorji okkupati mir-Russja tal-Ukrajna (1) u tal-1 ta' Marzu 2022 dwar l-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna (2),

wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet dwar l-Ukrajna mill-mexxejja tal-Parlament Ewropew tas-16 u l-24 ta' Frar 2022,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-24 ta' Frar 2022 tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, f'isem l-UE, dwar l-invażjoni tal-Ukrajna mill-forzi armati tal-Federazzjoni Russa,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-President tal-Kunsill Ewropew u tal-President tal-Kummissjoni tal-24 ta' Frar 2022 dwar l-aggressjoni militari bla preċedent u mhux provokata tar-Russja kontra l-Ukrajna,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Versailles tal-11 ta' Marzu 2022,

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-25 ta' Marzu 2022,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-4 ta' April 2022 tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, f'isem l-UE, dwar l-atroċitajiet Russi mwettqa f'Bucha u fi bliet oħra tal-Ukrajna,

wara li kkunsidra d-deċiżjonijiet li ttieħdu mill-Kunsill dwar sanzjonijiet u miżuri restrittivi kontra r-Russja, li jinkludu miżuri diplomatiċi, miżuri restrittivi individwali bħall-iffriżar tal-assi u r-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar, ir-restrizzjonijiet fuq ir-relazzjonijiet ekonomiċi mal-Krimea u Sevastopol u maż-żoni mhux ikkontrollati mill-gvern ta' Donetsk u Luhansk, sanzjonijiet ekonomiċi, restrizzjonijiet fuq il-media u restrizzjonijiet fuq il-kooperazzjoni ekonomika,

wara li kkunsidra l-prinċipji ta' Nuremberg imfassla mill-Kummissjoni tad-Dritt Internazzjonali tan-Nazzjonijiet Uniti, li jiddeterminaw x'jikkostitwixxi delitt tal-gwerra,

wara li kkunsidra l-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI),

wara li kkunsidra l-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti,

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni ta' Ġinevra u l-protokolli addizzjonali tagħha,

wara li kkunsidra l-Att Finali ta' Ħelsinki u d-dokumenti sussegwenti,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Assemblea Ġenerali tan-NU tat-2 ta' Marzu 2022 dwar l-aggressjoni kontra l-Ukrajna u tal-24 ta' Marzu 2022 dwar il-konsegwenzi umanitarji tal-aggressjoni kontra l-Ukrajna,

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar il-Prevenzjoni u l-Kastig tad-Delitt ta' Ġenoċidju,

wara li kkunsidra s-sentenza tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja tan-NU tas-16 ta' Marzu 2022,

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, il-Memorandum ta' Budapest dwar Garanziji ta' Sigurtà u d-Dokument ta' Vjenna u l-protokolli addizzjonali tiegħu,

wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi, f'konformità mal-Karta tan-NU u l-prinċipji tad-dritt internazzjonali, l-istati kollha jgawdu minn sovranità ugwali u “għandhom iżommu lura fir-relazzjonijiet internazzjonali tagħhom milli jirrikorru għat-theddid jew għall-użu tal-forza kontra l-integrità territorjali jew l-indipendenza politika ta' kwalunkwe Stat”; billi l-Federazzjoni Russa ilha mill-24 ta' Frar 2022 twettaq gwerra ta' aggressjoni illegali, mhux provokata u mhux ġustifikata kontra l-Ukrajna, u billi fis-16 ta' Marzu 2022, il-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja ordnat lill-Federazzjoni Russa “tissospendi minnufih l-operazzjonijiet militari tagħha fit-territorju tal-Ukrajna”;

B.

billi eluf ta' ċivili Ukreni tilfu ħajjithom jew sfaw feruti fl-aggressjoni u fl-invażjoni Russa mill-24 ta' Frar 2022 'l hawn, filwaqt li kważi 6,5 miljun ċittadin Ukren ġew spostati internament u aktar minn 4 miljuni ħarbu lejn pajjiżi ġirien, li jżid mal-aktar minn 14 000 persuna, kemm mill-persunal militari kif ukoll mill-popolazzjoni ċivili, li tilfu ħajjithom fit-tmien snin preċedenti bħala riżultat tal-okkupazzjoni tal-Krimea mill-Federazzjoni Russa u l-kunflitt li ġġenerat fl-Ukrajna tal-lvant;

C.

billi xahar wara li bdiet l-aggressjoni mir-Russja, il-gwerra fl-Ukrajna għadha tikkawża mwiet ta' persuni innoċenti; billi l-atroċitajiet mwettqa mit-truppi Russi qatt ma laħqu livell daqshekk baxx meta nhar il-Ħadd 3 ta' April 2022 ġew skoperti iġsma ta' rġiel u nisa ċivili mitluqin fit-toroq ta' Bucha, belt li għal kważi xahar ma kinitx aċċessibbli għall-armata Ukrena; billi dawn il-fatti jiġġustifikaw b'mod ċar it-twaqqif ta' kummissjoni internazzjonali biex tinvestiga r-reati kollha mwettqa mill-armata Russa sa mill-bidu tal-gwerra;

D.

billi l-armata Russa qed tkompli twettaq bumbardamenti indiskriminatorji u attakki mill-ajru kontra żoni residenzjali u infrastruttura ċivili, bħal sptarijiet, skejjel u skejjel materni, li wasslu għall-qerda sħiħa jew kważi sħiħa ta' Mariupol, Volnovakha u bliet u villaġġi oħra;

E.

billi l-Ukrajna s'issa wriet livelli bla preċedent ta' reżistenza u reżiljenza u ċaħdet lir-Russja milli jirnexxielha tilħaq l-objettiv inizjali tagħha għall-gwerra li tokkupa l-pajjiż kollu;

F.

billi l-Kummissjoni pproponiet u ħabbret sanzjonijiet ġodda fil-5 ta' April 2022 u qed taħdem fuq pakketti oħra ta' sanzjonijiet; billi l-ewwel sanzjonijiet tal-UE kontra l-Federazzjoni Russa ġew imposti f'Marzu 2014 wara l-annessjoni illegali tal-Krimea fl-2014, u billi l-aħħar pakkett ġie adottat fil-15 ta' Marzu 2022 wara l-invażjoni mhux provokata u mhux ġustifikata tal-Ukrajna mir-Russja, li varat fl-24 ta' Frar 2022; billi l-UE adottat ukoll sanzjonijiet kontra l-Belarussja b'reazzjoni għall-involviment tagħha fl-aggressjoni u fl-invażjoni Russa;

G.

billi s-sanzjonijiet qed iħallu effett iżda x-xiri tal-fjuwils fossili mingħand ir-Russja min-naħa tal-UE għadu qiegħed jipprovdi lir-reġim b'mezzi li jgħinu jiffinanzjaw il-gwerra;

H.

billi l-UE qed tħallas lir-Russja sa EUR 800 miljun kuljum għall-forniment ta' fjuwils fossili, li fis-sena jammontaw għal kważi EUR 300 biljun;

I.

billi kważi 500 kumpanija u korporazzjoni internazzjonali għażlu li jissospendu l-operazzjonijiet tagħhom fir-Russja jew jirtiraw kompletament mis-suq Russu; billi, madankollu, xi kumpaniji baqgħu għaddejjin bin-negozju fir-Russja, u poġġew il-profitti minn operazzjonijiet fis-suq Russu qabel is-sigurtà u r-responsabbiltà soċjali, u b'hekk dgħajfu l-effetti tas-sanzjonijiet u mminaw il-kundanna tal-Federazzjoni Russa mill-komunità internazzjonali;

J.

billi studji akkademiċi (3) juru li l-projbizzjoni tal-importazzjonijiet tal-fjuwils fossili mir-Russja jkollha impatt fuq it-tkabbir ekonomiku tal-UE, li jikkorrispondi għal telf stmat ta' inqas minn 3 % tal-PDG, filwaqt li t-telf potenzjali għall-ekonomija Russa matul l-istess perjodu jammonta għal 30 % tal-PDG u jkun strumentali biex titwaqqaf l-aggressjoni Russa;

K.

billi l-President Metsola indirizzat lill-Verkhovna Rada fl-1 ta' April 2022 u ltaqgħet mal-President u mal-Prim Ministru tal-Ukrajna kif ukoll mal-mexxejja tal-fazzjonijiet politiċi f'isem il-Parlament Ewropew;

1.

Jikkundanna bl-aktar mod qawwi possibbli l-gwerra ta' aggressjoni tal-Federazzjoni Russa kontra l-Ukrajna, kif ukoll l-involviment tal-Belarussja f'din il-gwerra, u jeżiġi li r-Russja ttemm minnufih kull attività militari fl-Ukrajna u tirtira mingħajr kundizzjonijiet il-forzi u t-tagħmir militari kollha mit-territorju kollu rikonoxxut internazzjonalment tal-Ukrajna; jesprimi d-dispjaċir tiegħu għat-telf u t-tbatija ta' qsim il-qalb li qed jesperjenza l-poplu tal-Ukrajna;

2.

Jissottolinja li l-aggressjoni u l-invażjoni militari jikkostitwixxu ksur serju tad-dritt internazzjonali, b'mod partikolari tal-Konvenzjoni ta' Ġinevra u l-Protokolli addizzjonali tagħha u tal-Karta tan-NU, u jistieden lill-Federazzjoni Russa terġa' tibda tissodisfa r-responsabbiltajiet ta' membru permanenti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU fiż-żamma tal-paċi u s-sigurtà u tirrispetta l-impenji tagħha skont l-Att Finali ta' Ħelsinki, il-Karta ta' Pariġi għal Ewropa Ġdida u l-Memorandum ta' Budapest dwar Garanziji ta' Sigurtà; iqis l-invażjoni Russa tal-Ukrajna bħala attakk mhux biss kontra pajjiż sovran, iżda anki kontra l-prinċipji u l-mekkaniżmu ta' kooperazzjoni u sigurtà fl-Ewropa u l-ordni internazzjonali bbażat fuq ir-regoli, kif definit mill-Karta tan-NU;

3.

Jesprimi r-rabja u l-indinjazzjoni tiegħu għall-atroċitajiet irrappurtati, inklużi l-istupru u l-eżekuzzjoni ta' ċivili, l-ispostament furzat, is-sakkeġġ u l-attakki fuq infrastruttura ċivili, bħal sptarijiet, faċilitajiet mediċi, skejjel, xelters u ambulanzi, u l-isparar fuq ċivili li qed jippruvaw jaħarbu miż-żoni ta' kunflitt permezz ta' kurituri umanitarji miftiehma minn qabel flimkien mal-forzi armati Russi f'għadd ta' bliet Ukreni okkupati, bħal Bucha; jinsisti li l-awturi ta' delitti tal-gwerra u ksur serju ieħor tad-drittijiet, kif ukoll l-uffiċjali tal-gvern u l-mexxejja militari responsabbli, iridu jinżammu responsabbli għal għemilhom; ifakkar li f'każ ta' delitti tal-gwerra u ġenoċidju, il-komunità internazzjonali hija obbligata taġixxi u għandha tuża l-għodod kollha għad-dispożizzjoni tagħha; jappoġġja bis-sħiħ l-investigazzjoni varata mill-Prosekutur tal-QKI dwar delitti tal-gwerra u delitti kontra l-umanità, kif ukoll il-ħidma tal-Kummissjoni ta' Inkjesta tal-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem; jappella lill-istituzzjonijiet tal-UE jieħdu l-azzjoni kollha meħtieġa f'istituzzjonijiet u fi proċedimenti internazzjonali u fil-QKI jew tribunali jew qrati internazzjonali xierqa oħra biex jibdew proċedimenti kontra l-azzjonijiet ta' Vladimir Putin u Aliaksandr Lukashenka bħala delitti tal-gwerra u delitti kontra l-umanità, u jipparteċipaw b'mod attiv fl-investigazzjoni tagħhom; jitlob li jitwaqqaf tribunal speċjali tan-NU għad-delitti fl-Ukrajna; iqis li jkun pertinenti li jittieħed vantaġġ mill-Mekkaniżmu Internazzjonali, Imparzjali u Indipendenti biex tingħata assistenza fi kwalunkwe investigazzjoni internazzjonali dwar delitti tal-gwerra mwettqa fl-Ukrajna; jistieden lill-Istati Membri u lill-UE jsaħħu l-kapaċità tagħhom li jiġġieldu b'mod effettiv l-impunità għal dawk li wettqu jew ipparteċipaw f'delitti tal-gwerra;

4.

Itenni li l-kunsinni ta' armi jridu jkomplu u jiżdiedu biex l-Ukrajna tkun tista' tiddefendi ruħha b'mod effettiv; itenni l-appoġġ tiegħu għall-għajnuna difensiva kollha pprovduta lill-forzi armati tal-Ukrajna offruta individwalment mill-Istati Membri u kollettivament permezz tal-Faċilità Ewropea għall-Paċi (EPF); jilqa' d-deċiżjoni li tiżdied l-assistenza lill-Ukrajna permezz tal-EPF b'EUR 500 miljun oħra u jitlob għal żieda ulterjuri f'kontribuzzjonijiet konkreti biex jissaħħu b'mod urġenti l-kapaċitajiet ta' difiża tal-Ukrajna, kemm b'mod bilaterali kif ukoll fl-ambitu tal-EPF;

5.

Jitlob li jiġu stabbiliti passaġġi u kurituri umanitarji sikuri biex jiġu evakwati ċ-ċivili li jaħarbu l-bumbardamenti u li tingħata spinta lin-networks tal-għajnuna umanitarja tal-UE fl-Ukrajna (inkluż għall-fjuwil, l-ikel, il-mediċini, il-provvisti tal-ilma tax-xorb, il-ġeneraturi tal-enerġija u l-kampusijiet mobbli); jissuġġerixxi li l-Kummissjoni tintroduċi skemi ta' għajnuna bejn il-pari għall-Ukrajna sabiex tiżdied l-effikaċja tal-assistenza; jitlob li tingħata attenzjoni partikolari lis-sitwazzjoni tat-tfal, kemm il-minorenni mhux akkumpanjati kif ukoll dawk li qed jaħarbu mal-familji tagħhom, u jitlob li kull tifel jew tifla li jfittxu kenn jiġu ttrattati l-ewwel u qabel kollox bħala tifel jew tifla, u li tiġi żgurata l-protezzjoni għall-persuni kollha li jaħarbu mill-Ukrajna, irrispettivament mill-isfond soċjali jew etniku tagħhom, mill-ġeneru, mill-orjentazzjoni sesswali, mill-kapaċità jew mill-istatus ta' migrazzjoni; ifaħħar lill-Istati Membri u lill-pajjiżi tal-viċinat tal-Ukrajna għar-rispons rapidu u pożittiv tagħhom għall-fluss ta' aktar minn 4 miljun rifuġjat li qed jaħarbu mill-gwerra; jilqa' l-attivazzjoni tad-Direttiva dwar il-Protezzjoni Temporanja (4) u jappella għall-promozzjoni ta' mekkaniżmi għar-rilokazzjoni tar-rifuġjati fost l-Istati Membri, inkluż it-trasport ikkoordinat malajr għar-rifuġjati, b'mod partikolari għal tfal mhux akkumpanjati u tfal b'diżabilità li jirrikjedu kura speċifika;

6.

Jissottolinja li r-reazzjoni tal-UE u l-impenn politiku tagħha jridu jilqgħu l-isfida ostili u jikkorrispondu għall-isforz tas-sħab Ukreni tal-istess fehma tagħna, li qed jiġġieldu u jissagrifikaw ruħhom għall-valuri u l-prinċipji Ewropej, li jmorru lil hinn mis-sħubija preżenti tal-UE;

7.

Jesprimi s-solidarjetà kollha tiegħu mal-poplu tal-Ukrajna u mal-aspirazzjonijiet qawwija taċ-ċittadini li jittrasformaw lil pajjiżhom fi Stat Ewropew demokratiku u prosperu; jirrikonoxxi r-rieda tal-Ukrajna li tkun involuta fil-proġett Ewropew, kif espressa permezz tal-applikazzjoni tagħha għal sħubija fl-UE ppreżentata fit-28 ta' Frar 2022; itenni t-talba tiegħu lill-istituzzjonijiet tal-UE biex jaħdmu biex jagħtu l-istatus ta' kandidat tal-UE lill-Ukrajna, bħala sinjal politiku ċar tal-impenn tagħhom, f'konformità mal-Artikolu 49 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u abbażi tal-mertu, u, sadanittant, ikomplu jaħdmu favur l-integrazzjoni tagħha fis-suq uniku tal-UE f'konformità mal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni; jilqa' d-Dikjarazzjoni ta' Versailles tal-Kunsill Ewropew, li tiddikjara li l-Ukrajna hija membru tal-familja Ewropea tagħna;

8.

Jikkundanna bil-qawwa r-retorika Russa li tindika rikors possibbli għall-użu ta' armi ta' qerda massiva mill-Federazzjoni Russa u jenfasizza li kwalunkwe użu bħal dan ma jkunx aċċettabbli u jkollu l-aktar konsegwenzi ħarxa; barra minn hekk, jikkundanna t-teħid mill-forzi Russi ta' faċilitajiet u siti nukleari attivi jew li ma għadhomx jintużaw fit-territorju tal-Ukrajna, filwaqt li jenfasizza li l-immaniġġjar tajjeb ta' dawn il-faċilitajiet huwa kwistjoni kruċjali tas-saħħa għar-reġjun kollu; jissottolinja r-rwol kruċjali tal-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika (IAEA) fl-iżgurar tas-sikurezza tal-faċilitajiet nukleari fl-Ukrajna; jappoġġja l-appell tal-awtoritajiet Ukreni lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU biex minnufih jieħu miżuri għad-demilitarizzazzjoni taż-żona ta' esklużjoni tal-impjant tal-enerġija nukleari ta' Chernobyl u jippermetti lill-IAEA tieħu minnufih il-kontroll sħiħ tas-sit tal-impjant tal-enerġija nukleari;

9.

Jilqa' l-adozzjoni rapida tas-sanzjonijiet mill-Kunsill u jfaħħar l-għaqda tal-istituzzjonijiet tal-UE u tal-Istati Membri b'reazzjoni għall-aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, kif ukoll il-livell għoli ta' koordinazzjoni fost il-G7; jistieden lis-sħab kollha, b'mod partikolari lill-pajjiżi kandidati tal-UE u lill-pajjiżi kandidati potenzjali, biex jallinjaw ruħhom mal-pakketti ta' sanzjonijiet; jilqa' b'sodisfazzjon it-Task Force dwar l-Elites, il-Proxies u l-Oligarki Russi li għadha kif ġiet stabbilita li l-għan tagħha huwa li tikkoordina l-ħidma tal-UE, tal-G7 u tal-Awstralja dwar sanzjonijiet kontra l-oligarki Russi u Belarussi; jistieden lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u lill-Kummissjoni jintensifikaw l-involviment tagħhom f'pajjiżi li għadhom ma ngħaqdux mal-UE fl-introduzzjoni ta' sanzjonijiet kontra l-Federazzjoni Russa, bl-użu tas-saħħa tal-UE u l-firxa sħiħa tal-għodod disponibbli tagħhom għal dak il-għan, u bl-għoti ta' assistenza jekk tkun meħtieġa; jiddeplora n-nuqqas ta' allinjament ta' ċerti pajjiżi kandidati tal-UE mas-sanzjonijiet tal-UE; jitlob li jiġi stabbilit pjan ċar ta' azzjoni vis-à-vis pajjiżi mhux tal-UE li qed jiffaċilitaw l-evażjoni tas-sanzjonijiet mill-Federazzjoni Russa; iħeġġeġ lill-Kunsill jadotta sanzjonijiet ħorox ulterjuri li jirriflettu l-eskalazzjoni bla waqfien tal-aggressjoni Russa u l-atroċitajiet xokkanti mwettqa mill-forzi militari Russi, li bla dubju jikkostitwixxu delitti tal-gwerra;

10.

Jistieden lill-Istati Membri jappoġġjaw il-fatt li jintbagħtu l-forzi taż-żamma tal-paċi tan-NU biex jipproteġu l-15-il reattur nukleari fl-Ukrajna, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-missjoni tal-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika; jenfasizza li skont ir-Riżoluzzjoni 377 tagħha, l-Assemblea Ġenerali tan-NU għandha setgħat ta' teħid ta' deċiżjonijiet sussidjarji meta l-Kunsill tas-Sigurtà ma jkunx f'pożizzjoni li jieħu deċiżjonijiet adegwati dwar kwistjonijiet ta' żamma tal-paċi;

11.

Jistieden lill-mexxejja tal-UE u lill-mexxejja ta' stati oħra biex jeskludu lir-Russja mill-G20 u minn organizzazzjonijiet kooperattivi multilaterali oħra, bħall-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, l-Interpol, l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, il-UNESCO u oħrajn, bħala sinjal importanti li l-komunità internazzjonali mhux se terġa' tibda topera bħas-soltu mal-istat aggressur;

12.

Jissottolinja li l-implimentazzjoni sħiħa u effettiva tas-sanzjonijiet eżistenti fl-UE kollha u mill-alleati internazzjonali tal-UE issa trid tkun prijorità; jistieden lill-Istati Membri jidentifikaw u, fejn meħtieġ, joħolqu malajr bażi ġuridika biex, mingħajr dewmien, jiżguraw il-konformità sħiħa u effettiva mas-sanzjonijiet fil-ġuriżdizzjonijiet nazzjonali; jistieden lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet superviżorji tal-UE jimmonitorjaw mill-qrib l-implimentazzjoni effettiva u komprensiva tas-sanzjonijiet kollha tal-UE mill-Istati Membri u jindirizzaw kwalunkwe prattika ta' ċirkomvenzjoni;

13.

Iħeġġeġ lill-Istati Membri jiżguraw li l-penali nazzjonali għall-ksur tas-sanzjonijiet tal-UE jkunu effettivi, proporzjonati u dissważivi; jilqa' t-tħabbira ta' repożitorju ta' informazzjoni dwar is-sanzjonijiet u ta' pjan direzzjonali (li jinkludi kriterji u skeda ta' żmien) għal tranżizzjoni mill-identifikazzjoni ta' nuqqasijiet ta' konformità sistematiċi mas-sanzjonijiet tal-UE għal proċeduri ta' ksur quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea;

14.

Jistieden lill-Kunsill jimponi aktar sanzjonijiet fuq personalitajiet pubbliċi li qed ixerrdu propaganda aggressiva fir-Russja b'appoġġ għall-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna;

15.

Ifakkar li d-dħul mit-taxxa mill-akbar kumpaniji barranin tar-Russja jikkostitwixxi parti sinifikanti mill-baġit tar-Russja u huwa stmat li jammonta għal terz tan-nefqa militari; jilqa', f'dan ir-rigward, id-deċiżjonijiet ta' bosta kumpaniji tal-Punent li jirrifjutaw li jwettqu negozju fir-Russja jew li jipprovdu l-prodotti u s-servizzi tagħhom hemmhekk; jistieden lin-negozji privati jirtiraw l-investimenti tagħhom, jirrilokaw is-siti ta' produzzjoni mir-Russja, u jnaqqsu l-kuntratti li għaddejjin bħalissa; jistieden lil kumpaniji kbar tal-IT jirrestrinġu b'mod sinifikanti jew sħiħ lill-utenti fir-Russja milli jaċċessaw il-prodotti, is-servizzi u s-sistemi operattivi tagħhom;

16.

Jitlob li tiżdied l-effettività tas-sanzjonijiet eżistenti, fost l-oħrajn billi jiġu esklużi, f'koordinazzjoni mas-sħab internazzjonali tal-UE li jaħsbuha bl-istess mod, il-banek kollha mill-Federazzjoni Russa mis-sistema SWIFT u billi jiġi pprojbit kwalunkwe bastiment li jtajjar il-bandiera Russa, li r-reġistrazzjoni, is-sjieda, il-kirja jew l-operat tiegħu relatati mar-Russja, kwalunkwe bastiment li joriġina minn port Russu jew li jbaħħar lejh jew kwalunkwe bastiment li b'xi mod ieħor marbut mar-Russja, inkluż Sovicomflot, mid-dħul fl-ilmijiet territorjali tal-UE u mit-trakkar fil-portijiet tal-UE; jitlob il-projbizzjoni tat-trasport tal-merkanzija bit-triq minn u lejn it-territorju tar-Russja u l-Belarussja u jissuġġerixxi li l-projbizzjoni fuq l-esportazzjoni tiġi estiża għall-konsenji li ġew ikkuntrattati qabel id-dħul fis-seħħ tas-sanzjonijiet, iżda li għadhom ma tlestewx għalkollox; jitlob b'insistenza l-introduzzjoni ta' sanzjonijiet sekondarji fuq l-entitajiet kollha rreġistrati fl-UE u f'pajjiżi mhux tal-UE li qed jgħinu lir-reġim Russu u r-reġim Belarussu jevitaw is-sanzjonijiet;

17.

Jitlob embargo sħiħ immedjat fuq l-importazzjonijiet Russi ta' żejt, faħam. fjuwil nukleari, u gass, biex in-Nordstream 1 u 2 jiġu abbandunati għalkollox, u biex jiġi ppreżentat pjan biex tkompli tiġi żgurata s-sigurtà tal-provvista tal-enerġija tal-UE fuq perjodu ta' żmien qasir; jistieden lill-Kummissjoni, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u lill-Istati Membri jistabbilixxu pjan ta' azzjoni komprensiv għall-UE dwar sanzjonijiet ulterjuri u jikkomunikaw b'mod ċar il-limiti assoluti u l-passi korrispondenti għall-azzjonijiet biex ineħħu s-sanzjonijiet f'każ li r-Russja tieħu passi biex terġa' tistabbilixxi l-indipendenza, is-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ukrajna fil-fruntieri internazzjonalment rikonoxxuti tagħha u tneħħi kompletament it-truppi tagħha mit-territorju tal-Ukrajna;

18.

Jisħaq, għal darb'oħra, fuq l-importanza tad-diversifikazzjoni tar-riżorsi tal-enerġija, tat-teknoloġiji u tar-rotot tal-provvista, flimkien ma' aktar investiment fl-effiċjenza enerġetika, fl-enerġija rinnovabbli, fis-soluzzjonijiet tal-ħżin tal-gass u tal-elettriku u f'investimenti sostenibbli fit-tul f'konformità mal-Patt Ekoloġiku Ewropew; jenfasizza l-importanza li jiġu żgurati provvisti tal-enerġija sostenibbli mis-sħab kummerċjali tal-UE permezz ta' ftehimiet ta' kummerċ ħieles eżistenti u futuri, li tkompli tnaqqas id-dipendenza tal-UE fuq ir-Russja, b'mod partikolari għall-materja prima; jitlob, barra minn hekk, li jiġu stabbiliti riżervi strateġiċi komuni tal-enerġija u mekkaniżmi għall-akkwist tal-enerġija fil-livell tal-UE bil-għan li tiżdied is-sigurtà tal-enerġija filwaqt li titnaqqas id-dipendenza esterna fuq l-enerġija u l-volatilità tal-prezzijiet; jitlob li tinbeda ħidma fuq il-ħolqien ta' unjoni tal-gass, ibbażata fuq xiri komuni ta' gass mill-Istati Membri;

19.

Iħeġġeġ lill-Istati Membri jtemmu l-kollaborazzjoni ma' kumpaniji Russi fuq proġetti nukleari eżistenti u ġodda, inkluż fil-Finlandja, fl-Ungerija u fil-Bulgarija, fejn l-esperti Russi jistgħu jiġu ssostitwiti b'oħrajn mill-Punent, u jeliminaw gradwalment l-użu tas-servizzi ta' Rosatom; jitlob li tintemm il-kooperazzjoni xjentifika mal-kumpaniji Russi tal-enerġija, bħal Rosatom, u ma' entitajiet xjentifiċi Russi rilevanti oħra; jitlob b'insistenza li s-sanzjonijiet fuq il-Belarussja jirriflettu dawk introdotti kontra r-Russja sabiex tingħalaq kwalunkwe lakuna li tippermetti lil Putin juża l-għajnuna ta' Lukashenka biex jevita s-sanzjonijiet;

20.

Iħeġġeġ lill-organizzazzjonijiet internazzjonali tal-enerġija jikkunsidraw mill-ġdid ir-rwol tar-Russja fl-attivitajiet tagħhom, inkluż li potenzjalment jissospendu proġetti ta' kooperazzjoni bejn ir-Russja u l-IAEA, kif ukoll is-sospensjoni tal-parteċipazzjoni tar-Russja fi proġetti multilaterali;

21.

Jisħaq li l-assi kollha li jappartjenu għall-uffiċjali Russi jew għall-oligarki assoċjati mar-reġim ta' Putin, il-prokuraturi tagħhom u dawk li jaġixxu f'isimhom, kif ukoll dawk fil-Belarussja marbuta mar-reġim ta' Lukashenka, għandhom jiġu ssekwestrati u l-viżi tal-UE għandhom jiġu revokati bħala parti minn tmiem sħiħ u projbizzjoni immedjata għall-passaporti tad-deheb, il-viżi u l-permessi ta' residenza; jissottolinja li segment usa' ta' uffiċjali, gvernaturi, sindki u membri Russi tal-elite ekonomika li jirrispettaw il-politika attwali tar-reġim ta' Putin u li jibbenefikaw minnha għandhom ikunu fil-mira tas-sanzjonijiet;

22.

Jitlob li tinbeda ħidma fuq fond simili għall-Pjan Marshall (il-Fond Fiduċjarju ta' Solidarjetà għall-Ukrajna) biex wara l-gwerra l-Ukrajna terġa' tinbena, jitnieda programm ta' investiment massiv u jiġi sfruttat il-potenzjal ta' tkabbir tal-pajjiż; iqis li l-fond għandu jkun ġeneruż u ffinanzjat inter alia mill-UE, l-Istati Membri tagħha, minn kontribuzzjonijiet tad-donaturi u kumpens mir-Russja għad-danni tal-gwerra, inklużi assi Russi li qabel kienu ġew ikkonfiskati b'riżultat ta' sanzjonijiet u li għandhom ikunu kkonfiskati legalment f'konformità mad-dritt internazzjonali;

23.

Jistieden lill-UE żżid malajr it-trasparenza finanzjarja, tagħlaq il-lakuni kollha li għandhom l-għan li jaħbu s-sjieda benefiċjarja fi ħdan il-qafas tan-negozjati rigward il-pakkett leġiżlattiv dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu u tiżgura li jiġi kkonfiskat kwalunkwe ammont ta' flus maħżun minn oligarki Russi fl-Unjoni; jitlob, f'dan il-kuntest, li kwalunkwe istituzzjoni finanzjarja f'pajjiżi mhux tal-UE li tkun involuta fil-ħasil tal-flus jew li tippermetti li dan isir, titniżżel f'lista sewda;

24.

Jitlob li jkun hemm mekkaniżmu ta' solidarjetà tal-UE biex jittratta l-konsegwenzi ekonomiċi u soċjali tal-gwerra tar-Russja kontra l-Ukrajna u tas-sanzjonijiet imposti; jirrikonoxxi li sanzjonijiet effettivi kontra l-Federazzjoni Russa u l-fluss ta' miljuni ta' rifuġjati li qed jaħarbu mill-Ukrajna bħala riżultat tal-aggressjoni u l-invażjoni Russa qed jiġġeneraw sfidi ekonomiċi u soċjali inevitabbli madwar l-UE u l-Istati Membri tagħha; jappella għal miżuri ta' kumpens u provvisti alternattivi ta' merkanzija u sorsi tal-enerġija sabiex jitnaqqsu dawn l-impatti negattivi, kif ukoll għal miżuri effettivi kontra l-ispekulazzjoni inaċċettabbli li tkompli taggravahom, inkluż b’apprendimentmill-miżuri ta' suċċess implimentati mill-UE b'reazzjoni għall-pandemija tal-COVID-19;

25.

Jilqa' d-dikjarazzjonijiet ta' ħafna bliet Ewropej li temmew l-iskemi ta' kooperazzjoni u sħubija tagħhom ma' bliet u organizzazzjonijiet Russi; jistieden lill-gvernijiet lokali u l-bliet jeżaminaw mill-ġdid u jitterminaw l-ftehimiet ta' sħubija tagħhom mal-bliet tal-Federazzjoni Russa, u minflok jistabbilixxu kooperazzjoni mal-bliet Ukreni;

26.

Jisħaq fuq l-importanza li jiġi żgurat li s-settur agrikolu tal-Ukrajna jkun jista' jiffunzjona kif suppost mill-ġdid malajr kemm jista' jkun, filwaqt li jsiru l-isforzi kollha possibbli biex jiġi ssalvagwardjat l-istaġun li jmiss taż-żrigħ u tal-produzzjoni u biex ikunu jistgħu jiġu ttrasportati u jiġu pprovduti kurituri tal-ikel u tal-fjuwil sikuri lejn u mill-pajjiż; jappella għall-ftuħ ta' kurituri tal-art ekoloġiċi biex tiddaħħal fl-Ukrajna kwalunkwe ħaġa meħtieġa biex tinżamm il-produzzjoni agrikola (eż. pestiċidi u fertilizzanti) u biex jinħarġu mill-Ukrajna l-prodotti agrikoli kollha li għadhom jistgħu jiġu esportati;

27.

Jesprimi l-appoġġ sħiħ tiegħu għad-deċiżjoni tal-Prosekutur tal-QKI li jiftaħ investigazzjoni dwar l-allegati delitti tal-gwerra u reati kontra l-umanità mwettqa fl-Ukrajna u jissottolinja l-importanza ta' ħidma u ta' progress b'ħeffa sabiex tiġi żgurata l-evidenza meħtieġa; jitlob, għalhekk, għal appoġġ finanzjarju u prattiku għall-ħidma importanti tal-QKI, eż. billi l-Missjoni ta' Konsulenza tal-UE għall-Ukrajna tiġi permessa tassisti bid-dokumentazzjoni tal-evidenza;

28.

Jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jistabbilixxu mekkaniżmu globali ta' sanzjonijiet kontra l-korruzzjoni u jadottaw malajr sanzjonijiet immirati kontra individwi responsabbli għall-korruzzjoni ta' livell għoli fir-Russja u fil-Belarussja;

29.

Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jappoġġjaw il-proċessi leġittimi internazzjonali u nazzjonali kollha biex jiġu investigati l-allegati delitti kontra l-umanità u delitti tal-gwerra mwettqa fl-Ukrajna bl-għan li l-awturi u l-kompliċi kollha jinżammu responsabbli quddiem qorti tal-ġustizzja;

30.

Itenni li d-diżinformazzjoni mir-Russja hija parti mill-isforzi tal-gwerra tar-Russja fl-Ukrajna u li s-sanzjonijiet tal-UE kontra l-mezzi tal-media tar-Russja li huma proprjetà tal-Istat jistgħu faċilment jiġu evitati permezz tal-VPN, it-televiżjoni bis-satellita u l-funzjonijiet tat-televiżjoni intelliġenti; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jimplimentaw bis-sħiħ il-projbizzjoni fuq il-mezzi ta' propaganda tar-Russja li huma proprjetà tal-Istat;

31.

Jitlob li r-rekwiżiti ta' divulgazzjoni tal-istituzzjonijiet finanzjarji Ewropej jiġu estiżi sabiex l-awtoritajiet kompetenti jiġu infurmati dwar l-assi kollha miżmuma minn ċerti ċittadini Russi u Belarussi msemmija hawn fuq, u mhux biss id-depożiti tagħhom; ifakkar li ċ-ċittadini tal-UE jistgħu jużaw l-għodda għall-informaturi tal-Kummissjoni biex jirrapportaw b'mod anonimu ksur tas-sanzjonijiet tal-passat, attwali u ppjanati kontra individwi u entitajiet Russi u Belarussi; jemmen li l-kamp ta' applikazzjoni tal-listi ta' sanzjonijiet individwali għandu jiġi estiż għall-benefiċjarji attwali u preċedenti ta' rabtiet mill-qrib mal-Gvernijiet Russi u Belarussi; jistieden lill-Kummissjoni tagħmel użu sħiħ mill-qafas kontra l-ħasil tal-flus u tinkludi lir-Russja u lill-Belarussja fil-lista ta' ġuriżdizzjonijiet b'riskju għoli kif imsemmi fl-Artikolu 9 tar-raba' Direttiva Kontra l-Ħasil tal-Flus (5); jistieden lill-Kummissjoni tipproponi l-ħolqien ta' korp iddedikat biex jissorvelja l-infurzar tas-sanzjonijiet finanzjarji u ta' miżuri restrittivi oħra tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni tidentifika u tippubblika l-assi ffriżati u ssekwestrati minn kull Stat Membru; jilqa' l-isforzi tas-soċjetà ċivili u tal-ġurnalisti investigattivi fl-iżvelar tal-assi li huma proprjetà tal-oligarki Russi;

32.

Jilqa' b'sodisfazzjon id-deċiżjonijiet ta' organizzazzjonijiet internazzjonali, inkluż fil-qasam tal-kultura u l-isport, li jissospendu l-parteċipazzjoni tar-Russja; jistieden lill-Istati Membri jnaqqsu l-livell ta' rappreżentazzjoni tal-Federazzjoni Russa u jnaqqsu l-għadd ta' persunal diplomatiku u konsulari Russu u Belarussu fl-UE, b'mod partikolari fejn l-azzjonijiet tagħhom jinvolvu spjunaġġ, diżinformazzjoni jew kwistjonijiet militari; jitlob li jkun hemm koordinazzjoni kontinwa mal-alleati transatlantiċi u ma' sħab li jaħsbuha bl-istess mod bħal dawk fin-NATO, fil-G7 u fl-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi, il-membri tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles, l-Istati assoċjati u l-pajjiżi kandidati; jissottolinja li l-UE għandha tirreaġixxi b'mod deċiżiv meta s-sħab preżunti jonqsu milli jappoġġaw il-pożizzjonijiet tal-UE;

33.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lin-Nazzjonijiet Uniti, lin-NATO, lill-G7, lill-Kunsill tal-Ewropa, lill-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa, lill-President, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Ukrajna, lill-President, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Federazzjoni Russa u lill-President, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Belarussja.

(1)  Testi adottati, P9_TA(2021)0515.

(2)  ĠU C 125, 18.3.2022, p. 2.

(3)  Inkluż minn Bachmann et al., il-Bank Ċentrali Ewropew, Deutsche Bank Research, Oxford Economics, Goldman Sachs, etc. kif sar sommarju tiegħu minn Sachverständigenrat zur Begutachtung der gesamtwirtschaftlichen Entwicklung (Kunsill Ġermaniż tal-Esperti Ekonomiċi) fir-rapport tiegħu ta' Marzu 2022 bit-titlu “Auswirkungen eines möglichen Wegfalls russischer Rohstofflieferungen auf Energiesicherheit und Wirtschaftsleistung: Auszug aus der aktualisierten Konjunkturprognose 2022 und 2023”.

(4)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2001/55/KE tal-20 ta' Lulju 2001 dwar l-istandards minimi sabiex tingħata protezzjoni temporanja fl-eventwalità ta' influss bil-massa ta' persuni spostati u dwar il-miżuri li jippromwovu bilanċ fl-isforzi bejn l-Istati Membri meta jirċievu dawn il-persuni u li jġorru l-konsegwenzi ta' dawn (ĠU L 212, 7.8.2001, p. 12).

(5)  ĠU L 141, 5.6.2015, p. 73.