15.11.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 434/31


P9_TA(2022)0114

Implimentazzjoni ta' azzjonijiet ta' edukazzjoni ċivika

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-6 ta' April 2022 dwar l-implimentazzjoni ta' azzjonijiet ta' edukazzjoni ċivika (2021/2008(INI))

(2022/C 434/06)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Artikoli 2 u 10(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),

wara li kkunsidra l-Artikoli 9 u 165 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-“Karta”),

wara li kkunsidra l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti, b'mod partikolari l-għan 4 (Edukazzjoni ta' kwalità) u l-mira 4.7,

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta' Marzu 2020 intitolata “Unjoni ta' Ugwaljanza: Strateġija ta' Ugwaljanza Bejn is-Sessi għall-2020-2025” (COM(2020)0152),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Settembru 2015 dwar l-emanċipazzjoni tal-bniet permezz tal-edukazzjoni fl-UE (1),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta' Novembru 2020 bit-titolu “Unjoni ta' Ugwaljanza: Strateġija dwar l-Ugwaljanza tal-LGTBIQ 2020-2025” (COM(2020)0698),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Marzu 2021 dwar it-tfassil tal-politika tal-edukazzjoni diġitali (2),

wara li kkunsidra l-Qafas ta' Referenza tal-Kunsill tal-Ewropa dwar Kompetenzi għal Kultura Demokratika,

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill u tar-rappreżentanti tal-gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill dwar it-trawwim tal-kuxjenza demokratika u l-involviment demokratiku fost iż-żgħażagħ fl-Ewropa (3),

wara li kkunsidra l-Karta dwar l-Edukazzjoni dwar iċ-Ċittadinanza Demokratika u l-Edukazzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa,

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-4 ta' Marzu 2021 dwar il-Pjan ta' Azzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali (COM(2021)0102),

wara li kkunsidra il-Pjan ta' Azzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali pproklamat u ffirmat mill-Kunsill tal-UE, mill-Parlament Ewropew u mill-Kummissjoni fis-17 ta' Novembru 2017,

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta' Novembru 2017 dwar it-Tisħiħ tal-Identità Ewropea permezz tal-Edukazzjoni u l-Kultura – Il-kontribuzzjoni tal-Kummissjoni Ewropea għal-laqgħa tal-Mexxejja f'Gothenburg, is-17 ta' Novembru 2017 (COM(2017)0673),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta' Ġunju 2016 bit-titolu “Appoġġ lill-prevenzjoni mir-radikalizzazzjoni li twassal għal estremiżmu vjolenti” (COM(2016)0379),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-1 ta' Lulju 2020 bit-titolu “Aġenda għall-Ħiliet għall-Ewropa għall-kompetittività sostenibbli, il-ġustizzja soċjali u r-reżiljenza” (COM(2020)0274),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta' Settembru 2020 bit-titolu “Pjan ta' Azzjoni dwar l-Edukazzjoni Diġitali 2021-2027 – Tfassil mill-ġdid tal-edukazzjoni u t-taħriġ għall-era diġitali” (COM(2020)0624),

wara li kkunsidra l-qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ (ET 2020), b'mod partikolari l-objettiv tiegħu li jippromwovi l-ekwità, il-koeżjoni soċjali, u ċ-ċittadinanza attiva,

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta' Settembru 2020 dwar il-kisba sal-2025 taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni (COM(2020)0625),

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-22 ta' Mejju 2018 dwar il-kompetenzi ewlenin għat-tagħlim tul il-ħajja (4),

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-22 ta' Mejju 2018 dwar il-promozzjoni tal-valuri komuni, l-edukazzjoni inklużiva u d-dimensjoni Ewropea tat-tagħlim (5),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Kunsill tad-19 ta' Frar 2021 dwar qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ lejn iż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni u lil hinn (2021-2030) (6),

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-laqgħa tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri fi ħdan il-Kunsill tas-17 ta' Mejju 2021 dwar it-tisħiħ tal-governanza f'diversi livelli waqt il-promozzjoni tal-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fil-proċessi tat-teħid ta' deċiżjonijiet (7),

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni dwar il-promozzjoni taċ-ċittadinanza u l-valuri komuni tal-libertà, tat-tolleranza u tan-nondiskriminazzjoni permezz tal-edukazzjoni (id-Dikjarazzjoni ta' Pariġi 2015), iffirmata fis-17 ta' Marzu 2015 f'Pariġi, fi Franza,

wara li kkunsidra r-rapport minn Panel 1 taċ-Ċittadini Ewropej tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa bit-titolu “Ekonomija aktar b'saħħitha, ġustizzja soċjali u impjiegi / Edukazzjoni, il-kultura, iż-żgħażagħ u l-isport / Trasformazzjoni diġitali”,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Avveniment Ewropew taż-Żgħażagħ 2021 bit-titolu “Rapport dwar l-Ideat taż-Żgħażagħ għall-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa”,

wara li kkunsidra r-rapport Eurydice tal-Kummissjoni tas-7 ta' Novembru 2017 bit-titolu “L-Edukazzjoni fiċ-Ċittadinanza fl-Iskejjel fl-Ewropa, 2017”,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Unjoni tal-Federalisti Ewropej (UEF) dwar approċċ sistematiku għall-edukazzjoni ċivika Ewropea, adottata fl-4 ta' Lulju 2021 fil-Kungress Ewropew XXVII tal-UEF f'Valencia,

wara li kkunsidra l-laqgħa ta' informazzjoni ta' Mejju 2021 mis-Servizz ta' Riċerka tal-Parlament Ewropew dwar iż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni u l-qafas strateġiku tal-2030 għall-edukazzjoni u t-taħriġ,

wara li kkunsidra r-rapport Eurydice tal-Kummissjoni tad-19 ta' Ottubru 2020 bit-titolu “L-ekwità fl-edukazzjoni skolastika fl-Ewropa – Strutturi, politiki u prestazzjoni tal-istudenti”,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tal-15 ta' Diċembru 2021 bit-titolu “Ir-rapport dwar iċ-Ċittadinanza tal-UE tal-2020 – Responsabbilizzazzjoni taċ-ċittadini u protezzjoni tad-drittijiet tagħhom” (COM(2020)0730),

wara li kkunsidra il-pjan ta' azzjoni għad-demokrazija Ewropea tal-Kummissjoni tat-3 ta' Diċembru 2020,

wara li kkunsidra s-sommarju tas-sejbiet u tad-diskussjonijiet fil-Forum dwar il-Futur tat-Tagħlim tal-2019 ippubblikat mill-panel ta' esperti Ewropej tal-Kummissjoni dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ fis-7 ta' Diċembru 2019,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni ta' Ġunju 2020 bit-titolu “Iċ-Ċittadinanza u d-Demokrazija tal-Unjoni Ewropea”,

wara li kkunsidra l-linji gwida tal-2017 tan-Network Jean Monnet għall-edukaturi tal-għalliema dwar l-identità u ċ-ċittadinanza tat-tfal fl-Ewropa,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tat-18 ta' Marzu 2015 bit-titolu “Il-Promozzjoni taċ-ċittadinanza u l-valuri komuni tal-libertà, tat-tolleranza u tan-nondiskriminazzjoni permezz tal-edukazzjoni – Ħarsa ġenerali lejn l-iżviluppi tal-politika tal-edukazzjoni fl-Ewropa wara d-Dikjarazzjoni ta' Pariġi tas-17 ta' Marzu 2015”,

wara li kkunsidra l-Monitor tal-Edukazzjoni u t-Taħriġ tal-2018 u l-2020,

wara li kkunsidra d-dokument dwar il-kwistjoni tal-Bord ta' Esperti Ewropej fuq l-Edukazzjoni u t-Taħriġ dwar l-inklużjoni u ċ-ċittadinanza,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' April 2016 dwar it-tagħlim tal-UE fl-iskejjel (8),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Jannar 2016 dwar ir-rwol tad-djalogu interkulturali, id-diversità kulturali u l-edukazzjoni fil-promozzjoni tal-valuri fundamentali tal-UE (9),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Novembru 2021 dwar iż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni: approċċ olistiku kondiviż (10),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Diċembru 2017 dwar ir-Rapport dwar iċ-Ċittadinanza tal-UE 2017: Insaħħu d-Drittijiet taċ-Ċittadini f'Unjoni ta' Tibdil Demokratiku (11),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Lulju 2021 dwar id-djalogi maċ-Ċittadini u l-parteċipazzjoni taċ-Ċittadini fil-proċess deċiżjonali tal-UE (12),

wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, kif ukoll l-Artikolu 1(1)(e) u l-Anness 3 tad-deċiżjoni tal-Konferenza tal-Presidenti tat-12 ta' Diċembru 2002 dwar il-proċedura għall-għoti ta' awtorizzazzjoni għat-tħejjija ta' rapporti fuq inizjattiva proprja,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni (A9-0060/2022),

A.

billi l-edukazzjoni hi dritt fundamentali u beni pubbliku li għandu jkun aċċessibbli mingħajr ħlas għal kulħadd b'mod ugwali; billi l-Pilastru tad-Drittijiet Soċjali jiddikjara li kulħadd għandu d-dritt għal edukazzjoni u taħriġ tul il-ħajja ta' kwalità u inklużivi sabiex jipparteċipa bis-sħiħ u b'sinifikat fis-soċjetà; billi l-edukazzjoni u t-tagħlim m'għandhomx jitqiesu biss bħala għodda għad-dispożizzjoni tas-suq tax-xogħol;

B.

billi sfidi sistemiċi ġodda b'impatti lokali, reġjonali u globali, bħat-tibdil fil-klima, il-bidla diġitali, id-distakki soċjali u territorjali, jew l-integrazzjoni politika supranazzjonali nnifisha, jeħtieġu l-adattament korrispondenti tas-sistemi edukattivi, inkluża l-edukazzjoni dwar iċ-ċittadinanza; billi t-tranżizzjoni ekoloġika u l-Patt Ekoloġiku jappellaw għal espansjoni tal-edukazzjoni dwar iċ-ċittadinanza biex din tinkludi l-ħtieġa ta' azzjoni responsabbli, mhux biss fi ħdan komunità jew soċjetà partikolari, iżda lejn il-pjaneta kollha kemm hi; billi l-bidla diġitali u l-aġenda diġitali mhux biss jiftħu opportunitajiet ġodda għal ċittadinanza attiva u parteċipazzjoni demokratika online, iżda jinkludu wkoll riskji u theddid ikkawżati mill-miżinformazzjoni u mid-diżinformazzjoni; billi ċittadinanza diġitali attiva għandha tqis u tindirizza d-distakk diġitali bejn il-ġenerazzjonijiet; billi l-involviment tal-midja lokali, nazzjonali u Ewropea fil-popolarizzazzjoni tal-kultura u l-istorja Ewropej huwa parti importanti tad-dibattitu pubbliku u tal-involviment taċ-ċittadinanza;

C.

billi l-edukazzjoni ċivika trid tinftiehem f'diversi livelli, li jinkludu d-dimensjonijiet lokali, reġjonali, nazzjonali, Ewropej u globali taċ-ċittadinanza; billi l-proċess kontinwu tal-globalizzazzjoni u tal-integrazzjoni Ewropea se jirrikjedi li l-ġenerazzjoni l-ġdida ta' Ewropej tinvolvi dejjem aktar ruħha politikament f'diversi livelli, biex tkun tista' tgħix u taħdem internazzjonalment u tamministra d-differenzi fil-ħajja ta' kuljum tagħha; billi l-ħsieb kritiku, il-ħiliet interpersonali u l-kompetenzi ċiviċi qegħdin ikunu dejjem aktar importanti fis-suq tax-xogħol u fil-ħajja soċjali; billi s-soċjetajiet qegħdin isiru aktar diversifikati, u b'hekk qiegħda ssir dejjem aktar importanti li fl-Ewropa jkun hemm ir-rispett għad-diversità tal-kulturi u tal-oriġini u r-rifjut ta' kwalunkwe tip ta' diskriminazzjoni kontra n-nisa, il-persuni LGTBIQ jew il-minoranzi;

D.

billi l-edukazzjoni dwar iċ-ċittadinanza tibbenefika minn approċċ transsettorjali u kooperazzjoni reċiproka bejn edukazzjoni formali, mhux formali u informali; billi l-edukazzjoni dwar iċ-ċittadinanza tippermetti lill-edukaturi u lill-apprendisti jiskopru l-valuri, l-attitudnijiet, il-ħiliet u l-għarfien u jifhmu d-dinja flimkien, inkluż permezz ta' pedagoġija parteċipattiva;

E.

billi l-bidliet soċjopolitiċi osservati fl-Istati Membri, li jvarjaw mill-polarizzazzjoni soċjali u minn fiduċja baxxa fl-istituzzjonijiet sa rigress demokratiku, l-erożjoni tal-istat tad-dritt, in-nazzjonaliżmu esklużiv u l-istrumentalizzazzjoni tal-Ewroxettiċiżmu għal skopijiet politiċi, flimkien maż-żieda ta' movimenti estremisti, it-tfaċċar mill-ġdid tar-razziżmu u l-ksenofobija fil-forom kollha tagħhom, l-awtoritarjaniżmu flimkien mal-miżinformazzjoni u d-diżinformazzjoni jistgħu jkunu ta' theddida serja għad-demokraziji Ewropej u jiddestabbilizzaw lill-UE kollha kemm hi; billi t-tisħiħ tal-edukazzjoni ċivika f'kuntesti formali, mhux formali u informali, permezz ta' edukazzjoni ta' tagħlim tul il-ħajja jista' jkollu rwol importanti fil-ġlieda kontra din it-tendenza u fit-tkattir ta' diskors politiku aktar miftuħ, kif ukoll fl-inkoraġġiment ta' involviment akbar taċ-ċittadini fil-proċessi politiċi u leġiżlattivi fil-livell nazzjonali u f'dak Ewropew;

F.

billi l-appoġġ politiku għall-Unjoni għandu t-tendenza li jiġi espress f'termini ta' sentimenti, attitudnijiet u valuri aktar milli f'termini tal-impatt konkret tiegħu fil-ħajja ta' kuljum taċ-ċittadini; billi hemm nuqqas ta' prossimità u fehim tal-proċessi demokratiċi u tal-mekkaniżmi ta' parteċipazzjoni tal-Unjoni fost iċ-ċittadini, speċjalment iż-żgħażagħ; billi momentum Ewropew imġedded għall-edukazzjoni ċivika jista' jkun mod kif iż-żgħażagħ jiġu mħeġġa jieħdu sehem fl-elezzjonijiet, filwaqt li tiġi limitata l-attraenza ta' diskorsi estremisti u populisti, u b'hekk tissaħħaħ ukoll il-koeżjoni soċjali;

G.

billi l-ħolqien ta' ċittadinanza dinamika Ewropea ġie mfixkel minn lakuna fl-għarfien u fl-aspett emozzjonali, kif ukoll minn nuqqas ta' mekkaniżmi li jippermettu l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini u djalogu bejniethom; billi l-identità Ewropea tikkomplementa l-bosta identitajiet lokali, nazzjonali, ġeografiċi, kulturali jew identitajiet oħra li persuna jista' jkollha; billi għarfien limitat dwar l-UE, jew nuqqas tiegħu, u nuqqas ta' fehim tal-funzjonament u l-valur miżjud tagħha jistgħu jikkontribwixxu għall-perċezzjoni ta' defiċit demokratiku u jistgħu jwasslu għal nuqqas ta' fiduċja, diżimpenn ċiviku u Ewroxettiċiżmu fl-Istati Membri;

H.

billi r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' April 2016 dwar it-tagħlim tal-UE fl-iskejjel stiednet lill-Kummissjoni tipprovdi qafas komuni u tħejji linji gwida b'eżempji konkreti ta' tagħlim dwar l-UE sabiex jitrawwem ħsieb oġġettiv u kritiku dwar il-benefiċċji tal-Unjoni Ewropea għaċ-ċittadini tagħha;

I.

billi r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Novembru 2021 dwar iż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni tappella biex ż-ŻEE tippermetti fluss akbar ta' studenti, għalliema u għarfien, trawwem sens ta' appartenenza Ewropea u sensibilizzazzjoni ċivika, tiggarantixxi d-drittijiet u l-valuri, tipprovdi opportunitajiet ġusti u ugwali, u ttejjeb il-koeżjoni soċjali;

J.

billi l-Kummissjoni naqset milli twettaq kwalunkwe inizjattiva sostanzjali ta' natura sistemika f'dan il-qasam strateġiku; billi l-programmi eżistenti tal-UE, bħal Erasmus+ jew il-Korp Ewropew ta' Solidarjetà, għad għandhom potenzjal sinifikanti mhux sfruttat għat-titjib tal-implimentazzjoni tal-edukazzjoni dwar iċ-ċittadinanza b'approċċ aktar strateġiku għall-komponenti ta' apprendiment formali, mhux formali u informali tal-programmi, u b'koordinazzjoni aħjar tar-riżorsi; billi l-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jagħmlu aktar biex itejbu u jżidu l-fluss ta' informazzjoni dwar l-Unjoni Ewropea u dwar drittijiet u obbligi speċifiċi;

K.

billi diversi Stati Membri żviluppaw skemi nazzjonali ta' volontarjat; billi l-istabbiliment u l-iżvilupp ta' dawn l-iskemi huwa importanti sabiex titrawwem edukazzjoni ċivika prattika, tissaħħaħ il-koeżjoni soċjali, tiġi permessa l-mobilizzazzjoni għal kawżi ta' interess ġenerali, speċjalment għal dawk b'inqas opportunitajiet, u jingħata kontribut għall-iżvilupp personali u professjonali tal-parteċipanti; billi aktar mobilità ċivika Ewropea tista' tikkontribwixxi biex jiżdied is-sens ta' appartenenza taż-żgħażagħ f'komunità Ewropea, filwaqt li ssaħħaħ il-ħolqien ta' Ewropa taċ-ċittadini; billi l-iskemi nazzjonali ta' volontarjat għandhom il-potenzjal li jkunu portal naturali għall-mobilità Ewropea għaż-żgħażagħ, speċjalment dawk b'inqas opportunitajiet;

L.

billi l-Korp Ewropew ta' Solidarjetà, imniedi fl-2018 bħala suċċessur tas-Servizz Volontarju Ewropew stabbilit fl-1996, huwa l-programm ġenerali Ewropew ta' mobilità għall-volontarjat, iżda għandu baġit limitat matul il-perjodu 2021-2027; billi għandhom jiġu żviluppati sinerġiji u kooperazzjoni akbar bejn il-Korp Ewropew ta' Solidarjetà u s-sistemi nazzjonali ta' volontarjat, kif ukoll bejn is-sistemi nazzjonali eżistenti ta' volontarjat permezz tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà;

L-istat tal-edukazzjoni ċivika fl-UE

1.

Jesprimi dispjaċir għall-fatt li ma hemm l-ebda definizzjoni komuni għal edukazzjoni ċivika; jemmen li t-tagħlim tal-edukazzjoni ċivika jinvolvi taħlita ta' għarfien, ħiliet, metodi, għodod, kontenut, kompetenzi, attitudnijiet, valuri u kura, u huwa essenzjali għall-ħolqien ta' solidarjetà u sens ta' għaqda;

2.

Iqis li fehim minimu tal-edukazzjoni ċivika għandu jipprovdi fehim teoretiku dwar il-kunċetti u l-istrutturi politiċi, legali, soċjali, ambjentali u ekonomiċi, inklużi dawk li jappartjenu għal-livell Ewropew, kif ukoll dwar l-iżviluppi globali, proporzjonati mal-livell ta' edukazzjoni u taħriġ, flimkien ma' esperjenzi prattiċi; jirrimarka l-importanza tal-ħsieb kritiku u l-litteriżmu medjatiku bħala parti integrali mill-edukazzjoni ċivika; jinsisti fuq il-ħtieġa ta' tiġdid pedagoġiku u l-adozzjoni ta' approċċ teoretiku u prattiku għall-edukazzjoni ċivika fl-Unjoni; jissuġġerixxi li jintużaw id-definizzjonijiet tal-edukazzjoni ċivika pprovduti mill-Karta tal-Kunsill tal-Ewropa dwar l-Edukazzjoni għaċ-Ċittadinanza Demokratika u l-Edukazzjoni dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Qafas ta' Referenza tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Kompetenzi għall-Kultura Demokratika;

3.

Jinsab imħasseb dwar l-enfasi limitata fuq iċ-ċittadinanza Ewropea u l-aspetti globali fil-kurrikuli nazzjonali; jinnota bi tħassib li nofs biss tal-istudenti li jistudjaw fl-UE rrapportaw li kellhom opportunitajiet biex jitgħallmu dwar l-Ewropa fl-iskola; jevidenzja li r-rapport ikkonkluda li l-appoġġ tal-istudenti għall-kooperazzjoni fost il-pajjiżi Ewropej kien assoċjat b'mod pożittiv ma' livelli ogħla ta' għarfien ċiviku; jiddeplora t-tensjoni li qiegħda tiżdied bejn il-livell nazzjonali u dak Ewropew fil-kurrikuli ta' xi Stati Membri; jinsab imħasseb dwar il-politiċizzazzjoni eċċessiva tal-edukazzjoni ċivika u l-konsegwenzi tagħha, bħal bidliet ripetuti u drastiċi fil-kurrikuli, u jtenni l-ħtieġa għal stabbiltà u koerenza fit-tul fl-għoti tal-edukazzjoni ċivika;

4.

Jissottolinja li l-bidliet soċjopolitiċi u globali se jirrikjedu żieda sostanzjali fil-livell attwali tal-kwalità tal-edukazzjoni ċivika u l-approċċi lejha; jinsab imħasseb li l-istudenti maskili jiksbu punteġġ ferm inqas mill-kontropartijiet femminili tagħhom (13); jinsab imħasseb dwar in-nuqqas ta' bilanċ f'termini ta' għarfien ċiviku medju madwar u fi ħdan l-Istati Membri; jinnota li l-istudenti li jgħixu f'reġjuni rurali, remoti, soċjalment żvantaġġati u f'żoni ultraperiferiċi jiffaċċjaw ostakli addizzjonali meta jinvolvu ruħhom fi programmi ta' edukazzjoni ċivika; jafferma li kull student għandu jkollu aċċess għal edukazzjoni ċivika ta' kwalità għolja li tiffoka fuq il-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom f'termini ta' finanzjament u infrastruttura, fost riżorsi oħra, li hija kruċjali għall-ħolqien b'suċċess ta' Żona Ewropea tal-Edukazzjoni;

5.

Jindika li filwaqt li xi aspetti tal-edukazzjoni ċivika huma preżenti fil-parti l-kbira tal-kurrikuli nazzjonali, hemm differenzi kbar bejn l-Istati Membri u fi ħdanhom f'termini tal-livelli ta' edukazzjoni li fihom tiġi mgħallma, is-sigħat totali ddedikati għas-suġġett, il-kontenut u l-metodoloġiji tiegħu; jinnota li xi Stati Membri biss għandhom valutazzjonijiet strutturati, objettivi, orjentazzjonijiet pedagoġiċi jew taħriġ speċifiku għall-għalliema; jinnota li anke fejn ma jinsabux dawn l-elementi, hemm distakk bejn il-programmi nazzjonali u l-implimentazzjoni effettiva tagħhom fl-iskejjel;

6.

Ifakkar li l-kwalità tat-tagħlim għandha l-akbar impatt fuq it-tagħlim effettiv u li għalhekk it-taħriġ inizjali u kontinwu għall-għalliema u l-edukaturi kollha, irrispettivament mill-ispeċjalizzazzjoni tas-suġġett, għandu jkun prijorità fil-qasam tal-edukazzjoni ċivika u, b'mod partikolari, fir-rigward tad-dimensjonijiet Ewropej u globali tal-edukazzjoni ċivika;

7.

Jevidenzja li n-nuqqas ta' riċerka soda dwar kif l-edukazzjoni ċivika tista' tiġi mgħallma u vvalutata b'mod effettiv, u n-nuqqas ta' strumenti pedagoġiċi xierqa għal dan il-għan, ifixklu t-tagħlim effettiv tal-edukazzjoni ċivika; jinnota li hemm evidenza empirika li tindika kif approċċi ta' “skola sħiħa” jew “komunità sħiħa” għandhom impatt pożittiv fuq il-ħiliet u l-attitudnijiet ċiviċi; jemmen li meta tiġi indirizzata l-edukazzjoni ċivika, għandhom jitqiesu pedagoġiji parteċipattivi sabiex l-apprendisti jkunu jistgħu jesperjenzaw iċ-ċittadinanza fid-dimensjonijiet kollha tagħha u r-rwol tagħhom fi u għall-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri, l-individwu u s-soċjetà inġenerali;

8.

Jiddenunzja n-nuqqas ta' attenzjoni għall-edukazzjoni ċivika fl-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali inizjali u l-apprendiment għall-adulti; jappella għall-inklużjoni tal-edukazzjoni ċivika fil-livelli kollha tal-edukazzjoni, b'mod adatt għall-karatteristiċi u l-ħtiġijiet speċifiċi tal-istudenti; jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta' enfasi fuq il-valur tal-kuntesti ta' apprendiment interġenerazzjonali li jiffaċilitaw id-djalogu interġenerazzjonali;

9.

Jemmen li qatt mhuwa kmieni wisq biex wieħed jitgħallem dwar iċ-ċittadinanza fil-livell reġjonali, nazzjonali, Ewropew u globali; jinnota li l-edukazzjoni bikrija tat-tfal għandha rwol importanti fl-iżvilupp ta' ħiliet soċjali u emozzjonali kritiċi, u tkabbar il-benesseri, id-djalogu, ir-rispett reċiproku, il-fehim u l-valuri komuni;

10.

Ifakkar fir-rwol pedagoġiku kruċjali tat-tagħlim mhux formali u informali, inkluż il-volontarjat, il-mentoraġġ, id-dibattitu u l-isport, fl-iżvilupp tal-ħiliet, il-kompetenzi u l-imġiba soċjali u ċiviċi, u fil-formazzjoni ta' ċittadini li jkunu responsabbli u attivi;

Il-politiki tal-UE fil-qasam tal-edukazzjoni ċivika

11.

Jesprimi dispjaċir għall-fatt li l-kunsens politiku fil-livell Ewropew dwar il-ħtieġa li tiġi avvanzata l-edukazzjoni ċivika u t-tagħlim tal-valuri komuni Ewropej ma ssarrafx f'objettivi, miri, parametri referenzjarji u azzjonijiet konkreti, u jikkonkludi li l-politiki dwar l-edukazzjoni ċivika jsofru minn lakuna fl-implimentazzjoni;

12.

Iqis li l-programmi tal-UE jagħtu kontribut limitat għall-avvanz ta' ċerti dimensjonijiet tal-edukazzjoni ċivika, l-aktar minħabba nuqqas ta' appoġġ dirett espliċitu, riżorsi limitati u kopertura ġeografika mhux uniformi; jesprimi dispjaċir għall-fatt li sa issa, il-proġetti ffinanzjati mill-UE f'dan il-qasam ma kellhomx impatt mifrux fit-tul;

13.

Iqis li hemm nuqqas ta' koerenza politika fil-qasam tal-edukazzjoni ċivika fil-livell tal-UE, u li attwalment ma hemm ebda strument ta' politika li jlaqqa' flimkien il-korpi u l-awtoritajiet rilevanti kollha b'mod strutturat;

14.

Jikkonkludi li programmi tal-UE bħal Erasmus+, Orizzont Ewropa, il-Korp Ewropew ta' Solidarjetà, il-Programm dwar id-Drittijiet u l-Valuri jew Ewropa Kreattiva, fost oħrajn, ikkontribwew, l-aktar b'mod indirett, għall-forniment attiv tal-edukazzjoni ċivika; jinnota, madankollu, li s'issa ma rnexxilhomx iħallu impatt sistematiku u dejjiemi;

15.

Jafferma li abbażi tal-Artikoli 9, 10, 165 u 166 tat-TUE, u tal-Karta, l-UE għandha responsabbiltà primarja li trawwem l-edukazzjoni ċivika tal-UE bħala mod ta' kif tiżgura għarfien aktar profond fost iċ-ċittadini tagħha tal-proġett Ewropew bħala unjoni ta' stati demokratiċi, b'hekk tiggarantixxi liċ-ċittadini tagħha d-dritt li jipparteċipaw bis-sħiħ fil-ħajja politika u fit-teħid ta' deċiżjonijiet fil-livell tal-UE;

16.

Jenfasizza r-rieda li tiġi mħeġġa identità komuni Ewropea permezz ta' programm akkademiku komuni u li tiġi integrata bil-qawwa dimensjoni Ewropea fl-edukazzjoni, kif espressa miċ-ċittadini fil-kuntest tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa, kif ukoll it-talba miż-żgħażagħ Ewropej li l-għarfien dwar l-opportunitajiet u l-benefiċċji tal-Ewropa jiġi inkluż fil-kurrikuli;

17.

Jinnota li xi Stati Membri jirrikonoxxu l-influwenza pożittiva tal-iżviluppi tal-politika tal-UE fit-trawwim ta' bidla edukattiva fil-qasam tal-edukazzjoni ċivika;

18.

Jinsab imħasseb dwar in-nuqqas ta' azzjoni effettiva mill-Kummissjoni rigward l-avvanz tal-qafas tal-Kompetenzi Ewlenin għat-Tagħlim Tul il-Ħajja 2018, “Il-Kompetenza taċ-Ċittadinanza”, filwaqt li kompetenzi bażiċi oħra huma riflessi fil-parametri referenzjarji tal-ET 2020 jew huma appoġġjati minn oqfsa ta' kompetenza dedikati biex jiffaċilitaw it-tagħlim u l-adozzjoni fil-livell nazzjonali;

19.

Jiġbed l-attenzjoni għall-għoti tal-premju taċ-Ċittadin Ewropew tal-2021 lill-inizjattivi ta' dibattitu tal-istudenti; iqis li, fi klima ta' polarizzazzjoni li dejjem qed tiżdied, id-dibattitu demokratiku huwa aktar importanti minn qatt qabel; jemmen li t-trawwim tal-ħiliet u l-kompetenzi għad-dibattitu huwa parti integrali mill-edukazzjoni ċivika;

20.

Jinnota l-importanza tal-edukazzjoni ċivika fis-sensibilizzazzjoni dwar it-tranżizzjoni klimatika u għall-kisba tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli sal-2030; jenfasizza r-rabta bejn l-edukazzjoni ċivika u l-edukazzjoni għas-sostenibbiltà, u l-importanza li jiġu kkoordinati l-isforzi li qed isiru biex iż-żewġ oqsma jiġu integrati fil-politiki, il-kurrikuli, l-approċċi pedagoġiċi u l-metodoloġiji fit-tagħlim u l-edukazzjoni formali, mhux formali u informali;

Rakkomandazzjonijiet għal edukazzjoni ċivika Ewropea mġedda

21.

Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jappoġġjaw, jirrieżaminaw u jaġġornaw is-sistemi edukattivi tagħhom u l-forom kollha ta' kontenut ta' kurrikuli marbutin mal-UE fil-livelli kollha tal-edukazzjoni – inklużi l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali – bl-iskop li tissaħħaħ id-dimensjoni tal-UE filwaqt li jiġu inkoraġġiti bil-qawwa r-reġjuni u l-awtoritajiet lokali, b'mod partikolari meta jkollhom kompetenzi diretti fis-sistemi edukattivi;

22.

Jissottolinja, f'dan ir-rigward, l-importanza li titqies id-diversità lingwistika fl-edukazzjoni ċivika Ewropea, b'kunsiderazzjoni xierqa għal-lingwi minoritarji u reġjonali, kif ukoll il-lingwi fil-periklu ta' estinzjoni;

23.

Itenni t-talba tiegħu lill-Istati Membri u lill-komunità edukattiva biex jinvolvu lill-persuni kollha, inklużi dawk bi sfond ta' migrazzjoni, il-migranti, ir-rifuġjati u l-komunitajiet reliġjużi, fi proċessi tal-bini taċ-ċittadinanza li jkunu bidirezzjonali, rispettużi u li jagħtu s-setgħa, filwaqt li jiżguraw parteċipazzjoni attiva fil-ħajja ċivika u kulturali; jemmen li t-trawwim ta' fehim aħjar fost iċ-ċittadini tal-kawżi storiċi u personali tal-vjaġġi tal-migranti, inkluż il-kolonjaliżmu, kif ukoll ta' sfondi kulturali kondiviżi, huwa komponent importanti taċ-ċittadinanza globali;

24.

Jitlob lill-Istati Membri jsaħħu u jżidu l-opportunitajiet inizjali u kontinwi, professjonali u ta' żvilupp tul il-ħajja għall-għalliema, l-edukaturi, il-familji u l-komunità edukattiva usa', u jipprovdulhom appoġġ u riżorsi xierqa biex jgħallmu l-edukazzjoni ċivika, żviluppata f'kollaborazzjoni mill-qrib mal-atturi rilevanti kollha fil-livell tal-UE u dak nazzjonali;

25.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, tiżviluppa qafas ta' kompetenza komuni għall-edukazzjoni ċivika għall-għalliema u l-istudenti għaċ-“ċittadinanza” tal-Kompetenza Ewlenija, inklużi l-kompetenzi multilingwi u interkulturali tal-edukaturi, u filwaqt li jitqiesu l-isferi lokali, reġjonali, nazzjonali, Ewropej u globali, b'mod simili għall-Qafas Ewropew ta' Kompetenza Diġitali, il-Qafas Ewropew għall-Kompetenza Intraprenditorjali, il-Qafas Ewropew għall-Kompetenza Personali, Soċjali u tat-Tagħlim għat-Tmexxija tal-Kompetenza Ewlenija u l-Qafas Ewropew għall-Kompetenza fis-Sostenibbiltà li tnieda reċentement, li jibni relazzjonijiet bejn l-oqfsa kollha;

26.

Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu promossi u mħeġġa opportunitajiet ta' mobbiltà, tagħlim bejn il-pari u skambji tal-aħjar prattiki fost il-persunal tat-tagħlim; iqis li l-karatteristiċi tal-mobbiltà ibrida u flessibbli tal-programm Erasmus+ 2021-2027 huma opportunità biex tiżdied il-mobbiltà għall-għalliema attwali u futuri; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippromwovi l-mobbiltà fuq terminu qasir tal-għalliema u tistabbilixxi sħubijiet ta' mobbiltà fit-tul, filwaqt li tieħu vantaġġ mill-mezzi diġitali mingħajr ma tissostitwixxi l-mobbiltà fiżika u l-iskambji interpersonali;

27.

Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jinkoraġġixxu u jiffaċilitaw taħriġ ta' kwalità għolja, fil-ħinijiet tax-xogħol, dwar suġġetti tal-UE għall-għalliema, persunal edukattiv ieħor u mexxejja taż-żgħażagħ u ħarrieġa, inklużi moduli barra mill-pajjiż, li jippermettilhom iqattgħu parti mit-taħriġ tagħhom fi Stat Membru ieħor, u billi jiżguraw ir-rikonoxximent tal-kompetenzi tagħhom biex jgħallmu dwar l-UE;

28.

Jitlob il-ħolqien u l-promozzjoni ta' premju bit-tikketta “Euro Teacher”; itenni t-talba tiegħu għall-promozzjoni u l-iżvilupp ta' “Akkademji tal-Għalliema tal-Erasmus+” biex titrawwem dimensjoni Ewropea fl-edukazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni tiddedika sejħa għal proposti għal Akkademja tal-Għalliema tal-Erasmus+ iddedikata għall-edukazzjoni ċivika għall-għalliema, il-ħarrieġa u l-istudenti kemm mis-settur formali kif ukoll minn dak mhux formali, inkluż is-settur tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (VET);

29.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jsaħħu s-sinerġiji sabiex iżidu l-impatt sistemiku tal-edukazzjoni ċivika, u jaħdmu flimkien fuq l-iżvilupp ta' modulu inizjali ta' taħriġ għall-għalliema biex jiffamiljarizzaw lill-għalliema mas-sistemi edukattivi Ewropej, l-aħjar prattiki pedagoġiċi, il-pjattaformi ta' skambju tal-UE, l-għodod u s-sħubijiet li jirriflettu l-valuri Ewropej u jrawmu l-ħolqien ta' kultura edukattiva dwar iċ-ċittadinanza Ewropea, filwaqt li jirrikonoxxu d-diversitajiet fl-Ewropa; jissottolinja l-ħtieġa li dan it-tip ta' modulu ta' taħriġ jiġi inkluż fil-programm tal-Akkademji tal-Għalliema;

30.

Jitlob ir-rikonoxximent u l-validazzjoni tal-kompetenzi taċ-ċittadinanza miksuba permezz tat-tagħlim mhux formali u informali, inkluż ix-xogħol taż-żgħażagħ u l-volontarjat, u għat-tisħiħ tar-rabtiet bejn it-tagħlim formali, mhux formali u informali fl-edukazzjoni ċivika;

31.

Iqis li fil-qafas ta' kooperazzjoni ta' wara l-ET 2020, l-attenzjoni għandha tkun iffukata fuq l-iżvilupp ta' kurrikuli u valutazzjonijiet nazzjonali fl-edukazzjoni ċivika li jintegraw l-aspetti rilevanti kollha tas-suġġett f'konformità mal-Qafas ta' Referenza Ewropew għall-Kultura Demokratika tal-Kunsill tal-Ewropa u l-Qafas ta' Referenza Ewropew għall-Kompetenzi Ewlenin għat-Tagħlim Tul il-Ħajja, b'mod partikolari fir-rigward tal-kompetenzi soċjali u ċiviċi, filwaqt li titqies ukoll l-edukazzjoni informali u mhux formali, il-koordinazzjoni u l-faċilitazzjoni tagħha;

32.

Jitlob li jitwaqqaf grupp ta' ħidma ġdid li jiffoka fuq l-edukazzjoni ċivika biex isegwi l-ħidma tal-Grupp ta' Ħidma ET 2020 dwar il-Promozzjoni tal-Valuri Komuni u l-Edukazzjoni Inklużiva stabbilit wara d-Dikjarazzjoni ta' Pariġi tal-2015;

33.

Jitlob li jiġu żviluppati objettivi u punti ta' riferiment tanġibbli u li jistgħu jitkejlu dwar l-edukazzjoni ċivika, inkluża l-edukazzjoni ċivika Ewropea, fil-qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ lejn iż-żona Ewropea u lil hinn mill-2021-2030; jirrimarka li dawn l-objettivi għandhom jissarrfu f'miri għall-2025, b'miri speċifiċi għal studenti żvantaġġati, u inklużi fi pjan ta' azzjoni speċifiku għall-edukazzjoni ċivika Ewropea, filwaqt li titqies perspettiva ta' tagħlim tul il-ħajja, li tibda mit-tfulija bikrija;

34.

Jissottolinja l-ħtieġa ta' approċċ aktar strutturat lejn l-identifikazzjoni u t-tixrid tar-riżultati tal-proġetti tal-edukazzjoni ċivika mill-programmi tal-UE, b'mod partikolari Erasmus+, Orizzont Ewropa, Ewropa għaċ-Ċittadini, il-programm dwar iċ-Ċittadini, l-Ugwaljanza, id-Drittijiet u l-Valuri, Ewropa Kreattiva u l-Korp Ewropew ta' Solidarjetà u s-suċċessuri tiegħu, sabiex jiżdiedu r-riżultati madwar l-Unjoni, bl-involviment tal-Parlament Ewropew fil-proċess; iqis, għal dan il-għan, il-ħtieġa li jiġi stabbilit mekkaniżmu permanenti ta' rieżami u analiżi fil-livell tal-UE biex jiġu identifikati prattiki tajba li jistgħu jinxterdu u jiżdiedu b'mod wiesa' biex jikkontribwixxu għal bidliet sistemiċi u dejjiema fil-politika;

35.

Jenfasizza l-ħtieġa li tiġi avvanzata b'mod deċiżiv ir-riċerka dwar kif l-aħjar tiġi mgħallma u vvalutata l-edukazzjoni ċivika, u, b'mod partikolari, għall-edukazzjoni bikrija tat-tfal, kif ukoll ir-rwol tal-opportunitajiet ta' tagħlim formali, mhux formali u informali, u l-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tagħha abbażi ta' data komparattiva suffiċjenti u aġġornata mill-Istati Membri kollha; jissottolinja l-importanza tal-Azzjoni Ewlenija 2, l-Azzjoni Ewlenija 3, il-Katedri Jean Monnet u Orizzont Ewropa; jilqa' l-enfasi akbar tal-Azzjoni Ewlenija 2 fuq “il-valuri komuni, l-involviment ċiviku u l-parteċipazzjoni” f'Erasmus+ 2021-2027;

36.

Jissottolinja l-ħtieġa li jsir aktar investiment fil-formati tal-edukazzjoni dwar l-Unjoni Ewropea fil-livell tal-iskola u tal-università billi jissaħħu n-networks eżistenti u jiġu żviluppati kurrikuli ġodda adattati għal dan it-tip ta' taħriġ; jitlob l-involviment ta' fakultajiet speċjalizzati tal-affarijiet Ewropej fir-riċerka u l-użu tal-aħjar metodi u għodod ta' tagħlim għall-edukazzjoni ċivika, filwaqt li jintużaw il-fondi u r-riżorsi disponibbli tal-UE;

37.

Jenfasizza li l-allinjament sostantiv tal-edukazzjoni ċivika jrid jimxi id f'id mal-għoti ta' kompetenzi u edukazzjoni diġitali jekk mhux biss biex jissodisfa r-rekwiżiti tat-trasformazzjoni diġitali, iżda wkoll jiżgura l-użu responsabbli tal-midja diġitali;

38.

Itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiżviluppaw riċerka edukattiva komuni u parteċipattiva, b'mod partikolari ttestjar komparabbli fl-UE kollha fil-qasam tal-edukazzjoni ċivika, inkluża ċ-ċittadinanza tal-UE, b'mandat u objettivi definiti sew fi ħdan il-mandat tal-kompetenzi tal-UE; jirrakkomanda li jsir Stħarriġ Speċjali tal-Ewrobarometru dwar l-għarfien ġenerali taċ-ċittadini dwar l-UE, li jwessa' l-ambitu tas-serje attwali dwar iċ-ċittadinanza u d-demokrazija tal-Unjoni Ewropea;

39.

Jistieden lill-Kummissjoni tinkludi moduli għat-tagħlim taċ-ċittadinanza Ewropea u programm ta' żjara f'siti ta' wirt u ta' memorja ta' sinifikat storiku għall-Unjoni u għall-pajjiżi ospitanti biex jippromwovu approċċ interkulturali u dijaloġiku għall-istorja u jsaħħu l-valuri u l-prinċipji Ewropej bħala parti integrali minn kull opportunità ta' mobbiltà tal-Erasmus+ u tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà;

40.

Jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi l-edukazzjoni ċivika għaċ-ċittadini kollha, inklużi l-adulti, b'mod aktar attiv u tirrifletti dan fil-programmi ta' finanzjament rilevanti u fil-gruppi ta' ħidma; jitlob lill-Kummissjoni torbot l-inizjattivi tal-Aġenda Ewropea għall-Ħiliet mal-kompetenzi ċiviċi u tinkludi ċ-ċittadinanza diġitali fl-iżvilupp taċ-Ċertifikat Ewropew tal-Ħiliet Diġitali;

41.

Jitlob li jinħolqu badges Ewropej għall-iskejjel u l-universitajiet li jippromwovu b'mod attiv l-edukazzjoni ċivika; jitlob li jinħoloq premju Ewropew li jappoġġja l-edukaturi u l-atturi lokali li qed jippromwovu b'mod attiv l-edukazzjoni dwar l-Ewropa;

42.

Jitlob lill-Kummissjoni tivvaluta l-introduzzjoni ta' fergħa speċifika ġdida fil-programm dwar iċ-Ċittadini, l-Ugwaljanza, id-Drittijiet u l-Valuri biex trawwem l-edukazzjoni ċivika, b'allokazzjonijiet baġitarji ddedikati, u żżid l-azzjonijiet u l-attivitajiet immirati lejn l-edukazzjoni ċivika taħt Erasmus+ u Orizzont Ewropa b'sejħiet iddedikati; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tagħmel l-aħjar użu mis-Sena Ewropea taż-Żgħażagħ 2022 biex tiżviluppa programmi u azzjonijiet speċifiċi li jsaħħu ċ-ċittadinanza u l-identità Ewropea;

43.

Jemmen li huwa importanti li jkomplu jinxterdu l-opportunitajiet eżistenti fil-livell tal-UE fost il-komunità edukattiva tal-VET; iqis li huwa importanti li jiġi pprovdut appoġġ imfassal apposta biex jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-programmi; jitlob l-inklużjoni ta' enfasi ddedikata fuq l-edukazzjoni ċivika fl-azzjonijiet kollha tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali tal-UE, b'mod partikolari fi ħdan l-attivitajiet taċ-Ċentri ta' Eċċellenza Vokazzjonali;

44.

Jenfasizza r-rwol ta' Dar l-Istorja Ewropea fl-iżvilupp ta' programmi, strumenti u attivitajiet speċifiċi li jibnu narrattiva konvinċenti tal-integrazzjoni Ewropea u l-valuri bażiċi tagħha, b'mod partikolari għall-istudenti u l-għalliema fil-livelli kollha tal-edukazzjoni; jitlob lill-Kummissjoni tikkoopera mal-Parlament fil-valutazzjoni tal-mezzi għad-deċentralizzazzjoni ta' Dar l-Istorja Ewropea sabiex titwessa' l-aċċessibbiltà, inkluż mill-Istati Membri u, b'mod partikolari, mill-komunità edukattiva, permezz ta', fost inizjattivi oħra, kollaborazzjoni msaħħa mal-istituzzjonijiet kulturali tal-Istati Membri, wirjiet rotanti u network ta' delegazzjonijiet permanenti;

45.

Jappella għal strateġija Ewropea komprensiva dwar l-edukazzjoni ċivika u dwar iċ-ċittadinanza Ewropea, kif ukoll il-ħolqien ta' pjattaformi ta' appoġġ biex tiġi promossa l-implimentazzjoni tagħha, li tiffoka b'mod partikolari fuq il-valuri u l-prinċipji demokratiċi kondiviżi tal-UE, u fuq id-drittijiet fundamentali – bħad-dinjità tal-bniedem, id-demokrazija, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem, l-ugwaljanza, it-tolleranza, ir-rispett għad-diversitajiet u l-libertà tal-kuxjenza – bil-għan li jissaħħaħ il-fehim taċ-ċittadini tal-istituzzjonijiet tal-UE, id-distribuzzjoni tal-kompetenzi, il-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet u tal-politiki tal-UE, is-sensibilizzazzjoni dwar il-benefiċċji, id-drittijiet u l-obbligi taċ-ċittadinanza tal-UE, it-tisħiħ tal-għarfien tal-proċess ta' integrazzjoni Ewropea, ta' kif jipparteċipaw b'mod attiv fil-proċessi demokratiċi tal-UE u fit-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE, kif ukoll it-tisħiħ ta' sens kondiviż ta' appartenenza;

46.

Iħeġġeġ lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, lill-istituzzjonijiet, lill-esperti u lill-prattikanti li jaħdmu fil-qasam tal-edukazzjoni ċivika biex iżidu l-kooperazzjoni u jiżviluppaw sinerġiji permezz ta' networks transnazzjonali miftuħa; jenfasizza r-rwol tan-Networking tal-Edukazzjoni Ċivika Ewropea fil-provvediment ta' fora u bl-għan ta' prijoritizzazzjoni aktar b'saħħitha tal-edukazzjoni ċivika fil-livell nazzjonali, Ewropew u internazzjonali; jappella għal istituzzjonalizzazzjoni ulterjuri ta' tali networks Ewropej, peress li dawn jiżviluppaw u jippromwovu inizjattivi ta' edukazzjoni ċivika madwar u lil hinn mill-Unjoni;

47.

Jenfasizza li l-istrateġija għandha tinkludi perspettiva ta' tagħlim tul il-ħajja u tal-komunità, li tinvolvi s-setturi informali u mhux formali, kif ukoll in-negozji u l-NGOs, b'mod partikolari dawk li jirċievu finanzjament mill-UE, li għandhom jikkontribwixxu direttament għat-tisħiħ tal-għarfien dwar l-UE fost il-parteċipanti u l-komunitajiet li fihom huma attivi;

48.

Jemmen li l-istrateġija għandha tinkludi sinerġiji ma' azzjonijiet rilevanti tal-UE fil-qasam taż-żgħażagħ u l-politiki tal-UE li jiġġieldu r-razziżmu u l-ksenofobija fil-forom kollha tagħhom, il-mibegħda kontra l-persuni LGTBIQ u d-diskriminazzjoni kontra n-nisa u l-minoranzi, billi jiġu stabbiliti rabtiet mal-pjan ta' azzjoni tal-UE kontra r-razziżmu, u strumenti ta' finanzjament bħall-Programm tad-Drittijiet, l-Ugwaljanza u ċ-Ċittadinanza;

49.

Jitlob li l-integrazzjoni tal-edukazzjoni ċivika fil-programmi rilevanti tal-UE u li jissaħħu s-sinerġiji bejniethom sabiex jiżdied l-impatt sistemiku tal-edukazzjoni ċivika, fost l-oħrajn, billi jiġi introdott u pprovdut modulu dwar iċ-ċittadinanza tal-UE li għandu jittieħed bħala kors ta' taħriġ qabel, jew b'mod parallel mat-twettiq ta' proġett iffinanzjat mill-fondi strutturali tal-UE jew opportunità ta' mobbiltà permezz ta' programmi bħal Erasmus+ jew il-Korp Ewropew ta' Solidarjetà; jemmen li t-twettiq ta' modulu fl-edukazzjoni ċivika tal-UE għandu jinvolvi ċertifikazzjoni permezz ta' mikrokredenzjali;

50.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippromwovi t-tagħlim dwar l-UE fl-iskola fil-proċessi tan-negozjati mal-pajjiżi kandidati għas-sħubija fl-UE;

51.

Jissottolinja l-ħtieġa li jsir aktar investiment fil-formati tal-edukazzjoni dwar l-Unjoni Ewropea fil-livell tal-iskola u universitarju, kemm għall-edukazzjoni u t-taħriġ formali kif ukoll dawk vokazzjonali, billi jiġu żviluppati kurrikuli ġodda; jitlob lill-Kummissjoni tipproponi rakkomandazzjoni li jkun fiha edukazzjoni primarja, sekondarja u għolja indikattiva, kif ukoll edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali, kurrikuli dwar l-UE u l-edukazzjoni ċivika globali għall-adozzjoni volontarja tagħha mill-Istati Membri, b'rispett sħiħ tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat, b'mod partikolari l-Artikolu 165 tat-TFUE, żviluppati b'mod konġunt mal-esperti tal-Istati Membri, il-fakultajiet speċjalizzati tal-affarijiet Ewropej, l-għalliema, l-edukaturi, l-istudenti u l-komunità edukattiva usa', u akkumpanjata minn miżuri ta' inċentiv għall-adozzjoni tagħha; jemmen li l-kurrikuli dimostrattivi komuni msemmija għandhom irawmu fehim aħjar tal-istorja tal-integrazzjoni Ewropea, l-organizzazzjoni u l-istruttura tal-istituzzjonijiet eżistenti tal-UE, tal-proċessi elettorali u tat-teħid ta' deċiżjonijiet Ewropej, inklużi l-mezzi tal-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fil-ħajja demokratika tal-UE, li jikkombinaw approċċi u metodi pedagoġiċi differenti, inkluż tagħlim teoretiku u bbażat fuq proġetti, adattati għall-ħtiġijiet tal-istudenti;

52.

Jitlob lill-Kummissjoni tissoda ħidmietha dwar l-edukazzjoni ċivika biex ittejjeb l-aċċessibbiltà għaliha u l-kwalità tagħha fl-Istati Membri kollha u tappoġġja l-iżvilupp ta' dimensjoni Ewropea fl-edukazzjoni ċivika għall-etajiet kollha; jemmen li struttura permanenti għandha tkun inkarigata mill-ħolqien ta' sinerġiji fil-livell Ewropew dwar l-edukazzjoni ċivika, il-ġestjoni tar-riżorsi tal-UE allokati għal dan il-għan u l-koordinazzjoni tal-isforzi dwar metodi, prattiki, għodod u kontenut komuni; iqis li għandha tkun inkarigata wkoll mill-ġbir tad-data u mill-evalwazzjoni tal-impatt tal-azzjonijiet tal-edukazzjoni ċivika ffinanzjati mill-Unjoni, bil-ħsieb li xxerred u tkabbar l-aktar azzjonijiet ta' suċċess u tippermetti lill-Kummissjoni, fuq din il-bażi, tipproponi inizjattivi politiċi u leġiżlattivi f'dan il-qasam; jemmen li għandha tappoġġja opportunitajiet għal taħriġ fl-edukazzjoni ċivika kemm għall-għalliema kif ukoll għall-edukaturi u tinkoraġġixxi skambji transnazzjonali;

53.

Jemmen li huwa urġenti li tingħata spinta lill-ħidma f'din id-direzzjoni billi tiġi introdotta azzjoni ta' fattibbiltà ffukata fuq il-ġbir tad-data u evalwazzjoni tal-impatt tal-azzjonijiet tal-edukazzjoni ċivika kkoordinati minn unitajiet dedikati dwar l-edukazzjoni ċivika fi ħdan id-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni għall-Edukazzjoni, iż-Żgħażagħ, l-Isport u l-Kultura u l-Aġenzija Eżekuttiva Ewropea għall-Edukazzjoni u l-Kultura; jemmen li din tista' tkun opportunità biex jiżdiedu l-appoġġ u l-koordinazzjoni tal-azzjonijiet ta' edukazzjoni ċivika tal-Istati Membri u l-implimentazzjoni tagħhom, biex tingħata orjentazzjoni strateġika għall-iżvilupp ta' strutturi u kurrikuli nazzjonali għall-edukazzjoni ċivika u biex jiġu stabbiliti standards minimi komuni f'termini ta' kontenut u metodoloġija fiċ-ċittadinanza u l-edukazzjoni ċivika madwar l-Unjoni; iqis li sabiex jagħmlu dan, dawn l-unitajiet għandhom jinvolvu lill-Istati Membri, lill-Parlament Ewropew, lill-istudenti u lill-komunità usa' tat-tagħlim;

54.

Ifaħħar il-Programm “Skejjel Ambaxxaturi”, li jżid l-għarfien tal-istudenti dwar id-demokrazija parlamentari Ewropea u tal-valuri Ewropej, kif ukoll l-inizjattiva Euroscola, li toffri esperjenza immersiva prattika fil-Kamra tal-Parlament Ewropew għall-istudenti tal-iskejjel sekondarji, li tirrappreżenta valur miżjud sostenibbli f'termini tal-għoti individwali tal-edukazzjoni ċivika u l-parteċipazzjoni attiva fil-ħajja demokratika; jitlob l-introduzzjoni ta' ċertifikazzjoni u r-rikonoxximent tal-ħiliet u l-kompetenzi miksuba mill-parteċipanti, kemm għall-istudenti kif ukoll għall-għalliema; iqis li hija l-aħjar prattika li jistħoqqilha li tiżdied biex jinkiseb effett sistemiku madwar l-Unjoni;

55.

Iħeġġeġ lill-Istati Membri kollha jistabbilixxu u jiżviluppaw skemi nazzjonali ta' volontarjat; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw rikonoxximent reċiproku bejn is-sistemi nazzjonali u jżidu l-kooperazzjoni Ewropea fis-servizzi ċiviċi u l-volontarjat taż-żgħażagħ; iħeġġeġ skemi nazzjonali ta' volontarjat u servizzi ċiviċi biex jallokaw esperjenzi ta' mobbiltà Ewropea fuq bażi reċiproka;

56.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżviluppaw il-mobbiltà ċivika Ewropea fil-qafas tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà indirizzata liż-żgħażagħ bil-ħsieb li jikkontribwixxu għal involviment ċiviku u servizzi ġenwini Ewropej; jitlob, b'kunsiderazzjoni ta' dan l-għan, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jżidu b'mod sostanzjali r-riżorsi għall-Korp Ewropew ta' Solidarjetà; jenfasizza li l-istandards Ewropej dwar l-attivitajiet ta' volontarjat, bħall-appoġġ finanzjarju għall-voluntiera, l-assigurazzjoni, it-tagħlim, it-taħriġ, l-inklużjoni u l-prinċipju tal-ebda sostituzzjoni tal-impjiegi, għandu jkollhom effett fuq kwalunkwe żvilupp futur tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà; jinsisti li l-attivitajiet tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà jistgħu biss jikkomplementaw u mhux jieħdu post l-iskemi nazzjonali ta' volontarjat jew is-servizzi ċiviċi;

57.

Iqis li l-gżira ta' Ventotene u l-Manifest tagħha kellhom rwol deċiżiv fl-istorja tal-integrazzjoni Ewropea; jenfasizza r-rwol tagħha bħala post emblematiku ta' memorja għall-integrazzjoni Ewropea u għall-protezzjoni tal-valuri komuni Ewropej; jenfasizza l-kontribut tagħha għat-trawwim tal-edukazzjoni ċivika Ewropea, b'mod partikolari, permezz tal-involviment attiv taż-żgħażagħ fis-seminar annwali tagħha dwar l-integrazzjoni Ewropea, imniedi minn Altiero Spinelli fl-1982; jenfasizza wkoll l-importanza simbolika tax-xogħlijiet ta' rkupru tal-ħabs ta' Santo Stefano u l-potenzjal tiegħu li jsir ċentru ta' referenza għal skambju kulturali permanenti, avvenimenti pubbliċi, wirjiet u dibattitu; għalhekk iqisha bħala kapitali storika tal-kostruzzjoni morali u intellettwali tal-valuri Ewropej;

58.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinvestu b'mod ugwali fl-azzjonijiet formali tal-edukazzjoni ċivika u fl-appoġġ għall-edukazzjoni informali dwar iċ-ċittadinanza, f'attivitajiet kurrikulari u ekstrakurrikulari, u jsaħħu l-programmi tal-UE li jappoġġjaw l-edukazzjoni u l-edukazzjoni ċivika; jitlob biex miri speċifiċi relatati mal-edukazzjoni ċivika jiġu inklużi fil-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u l-programmi edukattivi ffinanzjati mill-fondi tal-UE; jitlob li jiġu allokati aktar riżorsi finanzjarji għall-attivitajiet, l-għodod u l-azzjonijiet tal-Parlament relatati mal-promozzjoni tal-edukazzjoni ċivika fl-Istati Membri kollha, b'mod partikolari Euroscola; jistieden lill-Kummissjoni tapprova l-proġetti pilota proposti mill-Parlament, li huma mfassla biex isaħħu l-edukazzjoni ċivika; jinsisti fuq il-ħtieġa ta' baġit iddedikat biex jiġi żviluppat ittestjar komparabbli fl-UE kollha fil-qasam taċ-ċittadinanza;

59.

Jikkunsidra l-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa bħala opportunità f'waqtha biex issir diskussjoni f'diversi livelli dwar l-iżvilupp tal-politika fil-qasam tal-edukazzjoni, iż-żgħażagħ u l-kultura; jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex iħaddnu u jmexxu 'l quddiem ir-rapporti ta' konklużjoni tal-Grupp ta' Ħidma tal-Konferenza dwar l-Edukazzjoni, il-Kultura, iż-Żgħażagħ u l-Isport; jemmen, għalhekk, li l-kompetenzi kondiviżi fil-qasam tal-edukazzjoni għandhom jiġu introdotti, bħala minimu fil-qasam tal-edukazzjoni ċivika, filwaqt li l-eżerċizzju ta' dik il-kompetenza mill-UE “m'għandux iwassal biex l-Istati Membri ma jitħallewx jeżerċitaw tagħhom”;

60.

Jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra l-possibbiltà li tappoġġja l-ħolqien, f'kull muniċipalità fl-Istati Membri, ta' monument għall-Unjoni Ewropea li jipprovdi liċ-ċittadini b'simbolu viżiv tal-integrazzjoni Ewropea;

61.

Jistieden lill-Istati Membri jsaħħu l-isforzi tagħhom biex jimplimentaw ir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2012 dwar il-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali (14), minħabba li l-kompetenzi miksuba permezz ta' dawn it-tipi ta' tagħlim huma kontigwi jew komplementari għall-iżvilupp tal-kompetenzi ċiviċi, jew huma assolutament essenzjali għalihom;

o

o o

62.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1)  ĠU C 316, 22.9.2017, p. 182.

(2)  ĠU C 494, 8.12.2021, p. 2.

(3)  ĠU C 415, 1.12.2020, p. 16.

(4)  ĠU C 189, 4.6.2018, p. 1.

(5)  ĠU C 195, 7.6.2018, p. 1.

(6)  ĠU C 66, 26.2.2021, p. 1.

(7)  ĠU C 241, 21.6.2021, p. 3.

(8)  ĠU C 58, 15.2.2018, p. 57.

(9)  ĠU C 11, 12.1.2018, p. 16.

(10)  Testi adottati, P9_TA(2021)0452.

(11)  ĠU C 369, 11.10.2018, p. 11.

(12)  ĠU C 99, 1.3.2022, p. 96.

(13)  Schulz, W. et al., Becoming Citizens in a Changing World, IEA International Civic and Citizenship Education Study 2016 International Report, Springer, Cham, 2016.

(14)  ĠU C 398, 22.12.2012, p. 1.