|
15.11.2022 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 434/23 |
P9_TA(2022)0112
Approċċ globali għar-riċerka u l-innovazzjoni – L-istrateġija tal-Ewropa għall-kooperazzjoni internazzjonali f'dinja li qed tinbidel
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-6 ta' April 2022 dwar approċċ globali għar-riċerka u l-innovazzjoni: L-istrateġija tal-Ewropa għall-kooperazzjoni internazzjonali f'dinja li qed tinbidel (2021/3001(RSP))
(2022/C 434/04)
Il-Parlament Ewropew,
|
— |
wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta' Mejju 2021 dwar approċċ globali għar-riċerka u l-innovazzjoni: L-istrateġija tal-Ewropa għall-kooperazzjoni internazzjonali f'dinja li qed tinbidel (COM(2021)0252), |
|
— |
wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta' Settembru 2020 dwar ŻER ġdida għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (COM(2020)0628), |
|
— |
wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' Diċembru 2019 dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew (COM(2019)0640), |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-NU fil-25 ta' Settembru 2015 bl-isem “Transforming our World: the 2030 Agenda for Sustainable Development” (Nittrasformaw id-dinja tagħna: l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli), |
|
— |
wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Pariġi adottat fl-ambitu tal-Konvenzjoni Qafas tan-NU dwar it-Tibdil fil-Klima (1), |
|
— |
wara li kkunsidra l-mistoqsija lill-Kummissjoni dwar approċċ globali għar-riċerka u l-innovazzjoni: L-istrateġija tal-Ewropa għall-kooperazzjoni internazzjonali f'dinja li qed tinbidel (O-000013/2022 – B9-0011/2022), |
|
— |
wara li kkunsidra l-Artikoli 136(5) u 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, |
|
— |
wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija, |
|
A. |
billi l-istrateġija għall-kooperazzjoni internazzjonali f'dinja li qed tinbidel tirrikonoxxi li ċ-ċaqliq attwali fil-poter ġeopolitiku joħloq sfidi għad-drittijiet tal-bniedem, il-valuri u l-libertà akkademika; |
|
B. |
billi l-istrateġija għandha l-għan li tippromwovi regoli bbażati fuq il-multilateraliżmu, it-trasparenza reċiproka, kundizzjonijiet ekwivalenti, u soluzzjonijiet ekoloġiċi, diġitali, tas-saħħa, soċjali u bbażati fuq l-innovazzjoni f'kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi, filwaqt li tħares ir-rispett għad-drittijiet fundamentali u l-valuri kondiviżi; |
|
C. |
billi l-istrateġija se tiġi implimentata permezz ta' inizjattivi mfassla fuq l-approċċ Tim Ewropa; |
|
D. |
billi l-programm Orizzont Ewropa se jibqa' miftuħ għad-dinja, u billi l-Unjoni se taħdem favur fehim u implimentazzjoni komuni ta' prinċipji bħalma huma l-etika u l-integrità tar-riċerka, l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, id-diversità u l-inklużività, id-data miftuħa u x-xjenza miftuħa, il-libertà akkademika, l-istandards u t-tfassil tal-politika bbażat fuq l-evidenza; |
|
E. |
billi l-istrateġija għandha l-għan li timmobilizza x-xjenza, it-teknoloġija u l-innovazzjoni biex tiġi aċċellerata t-tranżizzjoni sostenibbli u inklużiva lejn soċjetajiet u ekonomiji bbażati fuq l-għarfien f'pajjiżi b'introjtu baxx u medju; |
|
F. |
billi l-insegwiment tal-aġenda għad-diplomazija xjentifika jsaħħaħ is-sħubijiet tal-Unjoni ma' pajjiżi terzi u jgħin biex jiġu appoġġjati l-objettivi diplomatiċi; |
|
G. |
billi l-kooperazzjoni internazzjonali dwar ir-riċerka u l-innovazzjoni (R&I) hija parti integrali miż-Żona Ewropea tar-Riċerka; |
|
H. |
billi l-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni u l-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija se jkollhom rwoli importanti fl-appoġġ tan-negozji ġodda innovattivi f'inizjattivi ta' kollaborazzjoni ma' pajjiżi terzi; |
|
I. |
billi l-kooperazzjoni internazzjonali fir-R&I konformi mal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-NU, il-Ftehim ta' Pariġi u l-Patt Ekoloġiku Ewropew hija indispensabbli u neċessarja biex tissaħħaħ is-saħħa globali u jiġu żviluppati soluzzjonijiet innovattivi għal tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali ġusti, filwaqt li jiġi żgurat li tinstab soluzzjoni fit-tul għal dawn l-isfidi; |
|
J. |
billi l-UE għandha tmexxi bl-eżempju billi tipproteġi l-istandards tal-proprjetà intellettwali tal-UE u tindirizza l-indħil barrani; |
|
K. |
billi r-R&I internazzjonali jista' jkollhom rwol importanti fil-kontribut għall-istrateġija tal-Unjoni għall-idroġenu; |
|
L. |
billi l-istrateġija tippromwovi kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi industrijalizzati; |
|
1. |
Jilqa' l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar approċċ globali għar-riċerka u l-innovazzjoni: L-istrateġija tal-Ewropa għall-kooperazzjoni internazzjonali f'dinja li qed tinbidel, li tirrikonoxxi li x-xjenza u l-innovazzjoni huma parti mill-istess sistema u li l-kooperazzjoni globali jeħtieġ li tikkunsidra l-aspetti kollha tal-katina tal-valur tal-għarfien; |
|
2. |
Jilqa' l-objettiv tal-Kummissjoni li tagħmel l-approċċ globali sforz li fir-rigward tiegħu Tim Ewropa se jiġbor flimkien ir-riżorsi tiegħu; |
|
3. |
Jikkunsidra li l-kooperazzjoni internazzjonali fir-R&I hija parti integrali miż-Żona Ewropea tar-Riċerka mġedda u jitlob lill-Kummissjoni tisfrutta l-potenzjal tal-azzjonijiet u l-programmi rilevanti tal-Unjoni biex tattira t-talenti minn madwar id-dinja; |
|
4. |
Ifakkar fil-ħtieġa ta' investiment kontinwu fil-ħiliet u l-karrieri tar-riċerkaturi, li għandu jinkludi l-appoġġ għaċ-ċirkolazzjoni tal-imħuħ; |
|
5. |
Jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi rwol strutturat għall-partijiet ikkonċernati Ewropej rilevanti tar-R&I u għall-Parlament Ewropew fil-Forum taż-Żona Ewropea tar-Riċerka għat-Tranżizzjoni; |
|
6. |
Jenfasizza l-ħtieġa li l-Unjoni tiżviluppa kooperazzjoni multilaterali bbażata fuq ir-regoli biex tindirizza l-isfidi ekonomiċi, soċjetali u ambjentali globali ewlenin, fejn ir-R&I għandu jkollhom rwol ċentrali; |
|
7. |
Ifakkar li l-ftehimiet ta' assoċjazzjoni ma' pajjiżi terzi li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tal-Artikolu 16(1), il-punt (d) tar-Regolament dwar l-Orizzont Ewropa (2) jistgħu jiġu ffirmati biss ma' pajjiżi terzi u territorji li jieħdu impenn fir-rigward ta' ekonomija tas-suq miftuħa u bbażata fuq ir-regoli, inkluż trattament ġust u ekwu tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, bl-appoġġ ta' istituzzjonijiet demokratiċi; |
|
8. |
Jiddispjaċih bir-rwol limitat tax-Xjenzi Soċjali u Umanistiċi f'dixxiplini għall-kooperazzjoni globali; |
|
9. |
Jisħaq fuq ir-rwol ewlieni li l-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija u l-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni jista' jkollhom fit-trawwim tal-kooperazzjoni internazzjonali u fl-isfruttar tal-potenzjal tal-kumpaniji ġodda u li qed jespandu permezz tal-parteċipazzjoni tagħhom f'inizjattivi ma' pajjiżi terzi; iħeġġeġ impriżi konġunti u sħubijiet oħra tal-Unjoni fir-R&I biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni internazzjonali; |
|
10. |
Jisħaq li l-kooperazzjoni globali fir-R&I hija kruċjali għall-kompetittività tal-Ewropa, filwaqt li jinnota li din ma tistax twassal għal ftuħ mingħajr ebda kundizzjoni min-naħa tal-Unjoni; jappoġġja l-approċċ ġenerali kkaratterizzat mill-prinċipju ta' “kemm jista' jkun miftuħ, magħluq kemm meħtieġ”; |
|
11. |
Jappoġġja l-prinċipju li jiġi permess aċċess reċiproku għall-programmi ta' riċerka, ix-xjenza miftuħa u l-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali filwaqt li s-sħab jiġu meħtieġa jirrispettaw u jilħqu l-istandards Ewropej għall-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali; jilqa' s-sett ta' għodod tal-Kummissjoni dwar l-Indirizzar tal-Indħil Barrani fir-R&I filwaqt li jinżamm l-impenn favur il-preservazzjoni ta' approċċ kollaborattiv u miftuħ għax-xjenza u l-innovazzjoni; |
|
12. |
Jappoġġja l-użu tal-Artikolu 22(5) tar-Regolament dwar l-Orizzont Ewropa f'każijiet eċċezzjonali; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, madankollu, tippubblika politika għal esklużjonijiet ġustifikati u tniedi dibattitu pubbliku dwar l-użu xieraq ta' dawn il-possibbiltajiet; |
|
13. |
Jissottolinja l-ħtieġa li l-approċċ globali jiġi allinjat mal-istrateġija industrijali tal-Unjoni u mal-Patt Ekoloġiku Ewropew bħala muturi għall-prosperità u t-tkabbir ekonomiku u sostenibbli; jitlob li tingħata kunsiderazzjoni aktar b'saħħitha lill-kooperazzjoni industrijali bħala parti mill-istrateġija; |
|
14. |
Jisħaq fuq ir-rwol kruċjali tas-semikondutturi biex tiġi żgurata s-sovranità diġitali tal-Unjoni; jilqa' l-inizjattivi tal-Kummissjoni f'dan ir-rigward, u jenfasizza l-kollaborazzjoni fir-riċerka ma' pajjiżi terzi assoċjati mal-programmi eżistenti tal-Unjoni; |
|
15. |
Jenfasizza r-rwol importanti tal-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju Ewropej (SMEs) fil-kooperazzjoni internazzjonali u jisħaq li l-SMEs jeħtiġilhom jingħataw l-opportunità ta' aċċess għal konsulenza dwar l-investimenti, strumenti li jgħinu biex iżidu l-kapaċità ta' innovazzjoni tagħhom, u jeħtiġilhom ikollhom il-ħila li jiżviluppaw kapaċitajiet biex jattiraw it-talenti minn madwar id-dinja; |
|
16. |
Jenfasizza li l-UE għandha tiżgura li l-kooperazzjoni internazzjonali kollha fir-R&I titwettaq f'konformità mal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-NU, il-Ftehim ta' Pariġi u l-Patt Ekoloġiku Ewropew, u tikkontribwixxi għalihom, u fl-aħħar mill-aħħar tiżgura l-iżvilupp tal-innovazzjoni u t-teknoloġiji f'konformità mal-prinċipju ta' “la tagħmilx ħsara sinifikanti”; |
|
17. |
Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġjaw u jieħdu impenn favur aktar trasferimenti ta' teknoloġiji u soluzzjonijiet ambjentali u klimatiċi kruċjali lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw; |
|
18. |
Jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tippromwovi s-sinerġiji bejn il-Grupp Intergovernattiv ta' Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima u l-Pjattaforma Intergovernattiva tal-Politika tax-Xjenza dwar il-Bijodiversità u s-servizzi Ekosistemiċi; iqis li jeħtieġ li jiġu żviluppati sħubijiet imfassla apposta fir-R&I ma' pajjiżi terzi u li dawn jiġu integrati f'kooperazzjoni ekonomika u għall-iżvilupp usa' bħal dik fl-ambitu tal-inizjattiva Global Gateway; |
|
19. |
Huwa tal-fehma li l-approċċ globali għar-R&I għandu jagħmel enfasi qawwija fuq is-saħħa, il-mediċina preventiva u l-kura tas-saħħa u jkollu fil-qalba tiegħu l-prinċipji ta' aċċess miftuħ, kondiviżjoni tad-data, il-ġestjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u t-trijade tad-disponibbiltà, l-aċċessibbiltà u l-affordabbiltà; iqis li dawn il-prinċipji għandhom japplikaw għall-proġetti ta' riċerka li jiżviluppaw teknoloġiji u prodotti mediċinali li jaqdu lill-komunitajiet lokali filwaqt li jtejbu l-aċċess għas-servizzi tas-saħħa; |
|
20. |
Jirrakkomanda l-intensifikazzjoni tal-kollaborazzjoni mal-pajjiżi kollha interessati u li għandhom l-istess fehma sabiex tinstab soluzzjoni fit-tul għan-nuqqas ta' materja prima, u li jiżdiedu l-kapaċijiet ta' innovazzjoni globali fix-xjenza tal-materjali u l-ekonomija ċirkolari filwaqt li tiġi mħeġġa s-sostituzzjoni, sabiex titnaqqas l-impronta ambjentali taċ-ċiklu tal-ħajja ta' din il-materja prima kritika; |
|
21. |
Jappoġġja l-isforzi u l-inizjattivi tal-Unjoni biex tippromwovi d-diplomazija dwar ix-xjenza inkluż l-iżvilupp ta' aġenda ta' diplomazija dwar ix-xjenza mill-Kummissjoni u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna; |
|
22. |
Josserva bi tħassib dejjem akbar il-pressjoni u r-restrizzjonijiet li qed jikbru fuq il-libertà akkademika fl-Unjoni u madwar id-dinja; |
|
23. |
Huwa mħasseb dwar iż-żieda fid-dipendenza finanzjarja tal-universitajiet Ewropej fuq pajjiżi terzi u l-implikazzjonijiet għal-libertà akkademika; |
|
24. |
Jistieden lill-Kummissjoni tfassal proposta għall-protezzjoni legali tal-libertà akkademika fl-Unjoni fit-Trattati u tagħmel referenza għar-rispett ta' din il-libertà fil-ftehimiet ta' assoċjazzjoni; |
|
25. |
Jistieden lill-Kummissjoni tirrapporta kull sena u bħala parti mir-rieżami ta' nofs it-terminu tal-programm Orizzont Ewropa dwar l-istat tal-libertà akkademika fl-Ewropa u fil-pajjiżi terzi li magħhom l-Unjoni għandha xi assoċjazzjoni jew ftehim ta' kollaborazzjoni xjentifika; |
|
26. |
Jisħaq li l-Kummissjoni jeħtieġ li toħroġ b'mod urġenti linji gwida prattiċi lill-partijiet ikkonċernati tar-R&I dwar il-libertà akkademika sabiex tiżgura s-sikurezza, is-sigurtà, il-benesseri u l-kompetittività tal-Unjoni; |
|
27. |
Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jrawmu azzjonijiet u jistabbilixxu programm tal-UE biex jappoġġjaw soġġorni jew fellowships akkademiċi għar-riċerkaturi f'riskju; |
|
28. |
Jisħaq li l-Unjoni għandha rwol fundamentali fl-avvanz tax-xjenza miftuħa madwar id-dinja u l-kondiviżjoni transfruntiera ta' data, riżultati u infrastruttura tar-riċerka, filwaqt li taderixxi mal-prinċipju FAIR (traċċabbli, aċċessibbli, interoperabbli u riutilizzabbli); jinnota, madankollu, li dan ma jistax iwassal għal ftuħ mingħajr ebda kundizzjoni u jappoġġja l-prinċipju ġenerali ta' “kemm jista' jkun miftuħ, magħluq kemm meħtieġ”; |
|
29. |
Jemmen li approċċ strateġiku għall-istandardizzazzjoni internazzjonali huwa komponent kruċjali ta' approċċ globali ta' suċċess għar-R&I u jistenna bil-ħerqa strateġija Ewropea għall-istandardizzazzjoni; |
|
30. |
Jisħaq li fil-kooperazzjoni internazzjonali tagħha fir-R&I, l-Unjoni għandha tieħu rwol mexxej u tistabbilixxi standards etiċi għoljin u tapplika grad għoli ta' integrità tar-riċerka fil-forniment ta' xjenza ta' klassi dinjija, filwaqt li tiżgura li r-riċerka u l-iżvilupp ta' teknoloġiji ġodda jkunu konformi mal-Artikolu 19 tar-Regolament dwar l-Orizzont Ewropa u ma jikkawżawx ħsara lill-ambjent; |
|
31. |
Jenfasizza l-ħtieġa li tiġi promossa l-ugwaljanza bejn il-ġeneri b'enfasi fuq it-tisħiħ tal-kompetenzi u r-rwol tar-riċerkaturi nisa; jissottolinja l-ħtieġa li d-dimensjoni tal-ġeneru tiġi integrata aħjar fil-kontenut tar-R&I u l-ġbir ta' data u riżultati disaggregati, filwaqt li jissaħħaħ il-bilanċ bejn il-ġeneri fit-timijiet tar-R&I; jitlob lill-Kummissjoni tagħti segwitu għal dawn l-għanijiet permezz tad-djalogu u l-iskambju tal-aħjar prattiki ma' pajjiżi terzi; |
|
32. |
Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jidħlu fi ftehim interistituzzjonali mal-Parlament sabiex jagħtuh rwol aktar b'saħħtu fil-ġestjoni tal-ftehimiet ta' assoċjazzjoni ffirmati skont l-Artikolu 16(1), il-punt (d) tar-Regolament dwar l-Orizzont Ewropa, fid-dawl tan-natura politika profonda tagħhom u l-impatt baġitarju tagħhom fuq il-programmi qafas attwali u futuri; |
|
33. |
Jenfasizza l-importanza li jinsabu s-sinerġiji u tissaħħaħ il-kooperazzjoni permezz tal-programmi ta' azzjoni esterna tal-Unjoni, bħall-Istrument ta' Viċinat, ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta' Kooperazzjoni Internazzjonali, l-investimenti fl-iżvilupp ta' infrastruttura globali fl-ambitu tal-inizjattiva Global Gateway, u l-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni, biex tinbena l-kapaċità fil-pajjiżi sħab fil-qasam tar-R&I u l-edukazzjoni għolja, filwaqt li jissaħħu s-sħubijiet diġà eżistenti, b'mod partikolari dawk mas-sħab Afrikani; iqis li hu daqstant ieħor importanti li jinbnew kapaċitajiet tar-R&I fid-delegazzjonijiet tal-UE madwar id-dinja biex jiġi żgurat approċċ verament globali għar-riċerka u l-innovazzjoni tal-UE; |
|
34. |
Jenfasizza l-ħtieġa tat-tisħiħ tar-R&I fil-kooperazzjoni tal-UE ma' pajjiżi bi b'introjtu baxx u medju f'oqsma ewlenin bħat-tibdil fil-klima, is-saħħa, it-tħejjija għall-epidemiji, id-diġitalizzazzjoni, is-sigurtà alimentari u n-nutrizzjoni; |
|
35. |
Jinnota li l-istrateġija tal-UE għall-idroġenu se teħtieġ l-importazzjoni ta' idroġenu nadif; jenfasizza li l-pajjiżi tan-Nofsinhar fil-madwar tal-Mediterran għandhom potenzjal kbir biex jużaw u jesportaw idroġenu nadif lejn l-Ewropa; jirrikonoxxi, barra minn hekk, li l-aħjar mod biex tiġi ffaċilitata din ir-relazzjoni kummerċjali futura jkun li s-sħab kollha jiġu inklużi fl-isforzi tar-R&I li se jirfdu l-istrateġija għall-idroġenu; jistieden lill-Kummissjoni tevalwa l-possibbiltà li tespandi l-finanzjament tas-sħubijiet tal-Unjoni fir-R&I, bħas-sħubija fir-R&I fiż-żona tal-Mediterran (PRIMA), mingħajr ma tiddevja mill-objettivi prinċipali tagħhom, b'mod partikolari billi tiżviluppa soluzzjonijiet innovattivi konġunti li l-Mediterran jeħtieġ b'mod urġenti; |
|
36. |
Jilqa' l-appoġġ politiku mġedded favur kooperazzjoni trans-Atlantika aktar fil-fond permezz ta' fora kummerċjali u teknoloġiċi differenti u jappoġġja l-intensifikazzjoni ulterjuri tal-kollaborazzjoni xjentifika bejn l-UE u l-Istati Uniti; |
|
37. |
Jisħaq fuq l-importanza li jitrawmu sforzi tar-R&I u li tissaħħaħ il-kooperazzjoni mal-pajjiżi tal-Viċinat tan-Nofsinhar u tal-Lvant sabiex jiġu promossi l-iżvilupp, il-paċi u l-istabbiltà ġeopolitika; |
|
38. |
Jikkundanna bil-qawwa l-invażjoni vjolenti tal-Ukrajna mill-Federazzjoni Russa; jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa, f'kooperazzjoni mal-Gvern Ukren, sejħiet għal proġetti fl-ambitu tal-programm Orizzont Ewropa mmirati lejn it-tisħiħ tas-settur tax-xjentifiku Ukren, kif ukoll il-kooperazzjoni bejn l-Unjoni u l-Ukrajna; jistieden lill-Unjoni twaqqaf kull kooperazzjoni fix-xjenza u r-riċerka mal-Federazzjoni Russa, l-entitajiet Russi u l-entitajiet Ewropej ikkontrollati minn entitajiet Russi, u tapplika l-istess approċċ għal kwalunkwe pajjiż li jappoġġja l-isforzi tal-gwerra Russi; |
|
39. |
Iħeġġeġ l-iżvilupp ta' politika dwar l-innovazzjoni mal-Georgia u r-reġjun tal-Kawkasu tan-Nofsinhar kif stabbilit fil-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Georgia; |
|
40. |
Jistieden lill-gvernijiet tal-Iżvizzera u tar-Renju Unit u lill-Kummissjoni jistabbilixxu mill-ġdid relazzjonijiet kostruttivi bħala bażi għal kooperazzjoni msaħħa u assoċjazzjoni potenzjali mal-programm Orizzont Ewropa; |
|
41. |
Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri. |
(1) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/1841 tal-5 ta' Ottubru 2016 dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim ta' Pariġi adottat skont il-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (ĠU L 282, 19.10.2016, p. 1).
(2) Ir-Regolament (UE) 2021/695 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta' April 2021 li jistabbilixxi l-Orizzont Ewropa – il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, li jistabbilixxi r-regoli tiegħu għall-parteċipazzjoni u d-disseminazzjoni, u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1290/2013 u (UE) Nru 1291/2013 (ĠU L 170, 12.5.2021, p. 1).