|
15.11.2022 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 434/2 |
P9_TA(2022)0103
Il-futur tas-sajd fil-Kanal Ingliż, fil-Baħar tat-Tramuntana, fil-Baħar Irlandiż u fl-Oċean Atlantiku
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta' April 2022 dwar il-futur tas-sajd fil-Kanal Ingliż, fil-Baħar tat-Tramuntana, fil-Baħar Irlandiż u fl-Oċean Atlantiku fid-dawl tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE (2021/2016(INI))
(2022/C 434/01)
Il-Parlament Ewropew,
|
— |
wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd (1), |
|
— |
wara li kkunsidra l-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (2) (“il-Ftehim dwar il-Ħruġ”), u d-dikjarazzjoni politika li takkumpanjah u li tistabbilixxi l-qafas għar-relazzjoni futura bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit (3) (“id-Dikjarazzjoni Politika”), |
|
— |
wara li kkunsidra l-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq, min-naħa l-oħra (4) (“il-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni”), b'mod partikolari l-Ħames Intestatura tat-Tieni Parti tiegħu, dwar is-sajd, |
|
— |
wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1026/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ċerti miżuri għall-iskop tal-konservazzjoni tal-istokkijiet tal-ħut fir-rigward ta' pajjiżi li jippermettu sajd mhux sostenibbli (5), |
|
— |
wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2017/2403 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2017 dwar il-ġestjoni sostenibbli ta' flotot tas-sajd esterni (6), |
|
— |
wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2021/1203 tad-19 ta' Lulju 2021 li jemenda r-Regolament (UE) 2020/1706 rigward l-inklużjoni ta' kwoti tariffarji awtonomi tal-Unjoni għal ċerti prodotti tas-sajd (7), |
|
— |
wara li kkunsidra r-Regolament tal-Parlament Ewropew (UE) 2021/1755 u tal-Kunsill tas-6 ta' Ottubru 2021 li jistabbilixxi r-Riżerva ta' Aġġustament għall-Brexit (8) u l-opinjoni tal-Kumitat għas-Sajd tal-11 ta' Mejju 2021 (A9-0178/2021), |
|
— |
wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar il-Liġi tal-Baħar tal-10 ta' Diċembru 1982 (9), |
|
— |
wara li kkunsidra l-Ftehim dwar l-Implimentazzjoni tad-Dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni tan-NU dwar il-Liġi tal-Baħar tal-10 ta' Diċembru 1982 relatati mal-Konservazzjoni u l-Ġestjoni ta' Stokkijiet ta' Ħut Transżonali u Stokkijiet ta' Ħut li Jpassi Ħafna, iffirmat fi New York fl-4 ta' Awwissu 1995 (10), |
|
— |
wara li kkunsidra l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-NU, |
|
— |
wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Arċipelagu ta' Spitsbergen (Trattat dwar Svalbard), iffirmat f'Pariġi fid-9 ta' Frar 1920, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar is-Sajd fl-Atlantiku tal-Grigal (11), |
|
— |
wara li kkunsidra l-Ftehim għall-Prevenzjoni tas-Sajd Mhux Regolat fl-Ibħra Miftuħa fl-Oċean Artiku Ċentrali, li daħal fis-seħħ fil-25 ta' Ġunju 2021 (12), |
|
— |
wara li kkunsidra l-Ftehim dwar is-Sajd bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea, fuq in-naħa l-waħda, u l-Gvern tad-Danimarka u l-Gvern Lokali tal-Gżejjer Faeroe, fuq in-naħa l-oħra (13), |
|
— |
wara li kkunsidra l-Ftehim dwar is-Sajd bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u r-Renju tan-Norveġja (14), |
|
— |
wara li kkunsidra l-Ftehim dwar is-Sajd u l-Ambjent Marittimu bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda (15), |
|
— |
wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli bejn l-Unjoni Ewropea, minn naħa waħda, u l-Gvern ta' Greenland u l-Gvern tad-Danimarka, min-naħa l-oħra (16), |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Frar 2020 dwar il-mandat propost għan-negozjati għal sħubija ġdida mar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq (17), |
|
— |
wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tiegħu tat-18 ta' Ġunju 2020 dwar in-negozjati għal sħubija ġdida mar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq (18) u l-opinjoni tal-Kumitat għas-Sajd tas-26 ta' Mejju 2020 (A9-0117/2020), |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta' April 2021 dwar l-eżitu tan-negozjati bejn l-UE u r-Renju Unit (19) u l-opinjoni tal-Kumitat għas-Sajd tal-4 ta' Frar 2021, f'forma ta' ittra, dwar il-konklużjoni tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni (A9-0128/2021), |
|
— |
wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' Mejju 2020 bit-titlu “Strateġija tal-UE għall-Bijodiversità għall-2030 – Inreġġgħu n-natura lura f'ħajjitna” (COM(2020)0380), |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Ġunju 2021 dwar l-Istrateġija tal-UE għall-Bijodiversità għall-2030: Inreġġgħu n-natura lura f'ħajjitna (20), |
|
— |
wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tat-13 ta' Ottubru 2021 bit-titlu “Impenn aktar b'saħħtu tal-UE għal Artiku paċifiku, sostenibbli u prosperu” (JOIN(2021)0027), |
|
— |
wara li kkunsidra l-ewwel Dikjarazzjoni ta' Santiago de Compostela tal-25 ta' Ottubru 2017 u t-tieni Dikjarazzjoni ta' Santiago de Compostela tal-20 ta' Ġunju 2020, maħruġin mill-komunitajiet tas-sajd Ewropej, dwar il-futur tas-settur tas-sajd fl-Ewropa wara l-Brexit, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, |
|
— |
wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Sajd (A9-0042/2022), |
|
A. |
billi l-Ftehim dwar il-Ħruġ jistabbilixxi t-termini għall-ħruġ uffiċjali tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq mill-Unjoni Ewropea, id-Dikjarazzjoni Politika tistabbilixxi l-qafas għar-relazzjoni futura bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit, u l-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni konsegwenti jistabbilixxi l-bażi għal relazzjoni wiesgħa, fi spazju ta' prosperità u viċinanza tajba, ikkaratterizzat minn relazzjonijiet mill-qrib u paċifiċi bbażati fuq il-kooperazzjoni, u b'rispett għall-awtonomija u s-sovranità tal-Partijiet; |
|
B. |
billi ġiet rikonoxxuta l-importanza tal-konservazzjoni u l-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi bijoloġiċi u l-ekosistemi tal-baħar abbażi tal-aqwa pariri xjentifiċi disponibbli u l-promozzjoni ta' akkwakultura responsabbli u sostenibbli, kif ukoll ir-rwol ewlieni tal-kummerċ biex jintlaħqu dawn l-għanijiet, partikolarment permezz ta' azzjoni koerenti f'konformità mal-ftehimiet internazzjonali rilevanti tal-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tan-NU u l-Konvenzjoni tan-NU dwar il-Liġi tal-Baħar, inklużi sforzi biex jiġi evitat u eliminat is-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat u l-esklużjoni tal-kummerċjalizzazzjoni ta' prodotti tas-sajd li jirriżultaw minn din l-attività dannuża; |
|
C. |
billi l-Politika Komuni tas-Sajd (PKS) tobbliga lill-Unjoni Ewropea tippromwovi l-objettivi ta' dik il-politika fil-livell internazzjonali, filwaqt li tiżgura li l-attivitajiet tas-sajd tal-UE barra l-ibħra tagħha jkunu bbażati fuq l-istess prinċipji, tipprovdi kundizzjonijiet ekwi għall-operaturi tal-UE u ta' pajjiżi terzi, u tikkoopera ma' pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali sabiex titjieb il-konformità ma' miżuri internazzjonali, inklużi miżuri biex jiġi indirizzat is-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat, abbażi tal-aqwa għarfien xjentifiku disponibbli; |
|
D. |
billi wieħed mill-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs) tan-NU huwa l-ħarsien tal-ħajja tal-baħar (SDG 14); |
|
E. |
billi, fil-passat, l-istokkijiet tal-ħut ġestiti eklużivament mill-UE kienu ġestiti b'mod aktar sostenibbli mill-istokkijiet kondiviżi; billi għadd ta' stokkijiet li kienu ġestiti esklużivament mill-UE issa se jkunu stokkijiet kondiviżi mar-Renju Unit; |
|
F. |
billi l-PKS tistipula li, minħabba l-evoluzzjoni tal-istatus bijoloġiku tal-istokkijiet, l-istabbiltà relattiva tal-attivitajiet tas-sajd għandha tissalvagwardja l-ħtiġijiet partikolari tar-reġjuni fejn il-komunitajiet lokali jiddependu ħafna fuq is-sajd u attivitajiet relatati; |
|
G. |
billi l-Partijiet qablu li jaħdmu flimkien fuq il-konservazzjoni u fuq politiki u miżuri relatati mal-kummerċ fil-qasam tas-sajd u l-akkwakultura, inkluż taħt l-awspiċji tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ u l-organizzazzjonijiet reġjonali tal-ġestjoni tas-sajd, kif ukoll f'istanzi multilaterali oħra, skont il-każ, bil-għan li jippromwovu prattiki tas-sajd u akkwakultura sostenibbli u kummerċ fi prodotti tal-ħut minn operazzjonijiet ta' sajd u akkwakultura ġestiti b'mod sostenibbli; |
|
H. |
billi l-Partijiet għandhom l-objettiv komuni li jisfruttaw l-istokkijiet kondiviżi b'rata li tagħmilha possibbli li jżommu u jirrestawraw progressivament il-popolazzjonijiet tal-ispeċijiet mistada fil-livelli tal-bijomassa li jsostnu r-rendiment massimu sostenibbli jew 'il fuq minnhom; |
|
I. |
billi l-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni jistabbilixxi prinċipji għall-ġestjoni tas-sajd u s-sostenibbiltà ambjentali, soċjali u ekonomika fit-tul għall-isfruttament ottimali tal-istokkijiet kondiviżi, abbażi tal-aqwa għarfien xjentifiku disponibbli, primarjament dak ipprovdut mill-Kunsill Internazzjonali għall-Esplorazzjoni tal-Baħar; |
|
J. |
billi s-sajd kellu rwol prominenti ħafna fil-kampanja ta' qabel ir-referendum tal-2016 dwar is-sħubija tar-Renju Unit fl-UE; billi l-kwistjonijiet relatati mas-sajd kienu l-aħħar ostaklu fin-negozjati dwar il-Ftehim bejn ir-Renju Unit u l-UE u billi l-objettiv espress fid-Dikjarazzjoni Politika li sal-1 ta' Lulju 2020 jiġi konkluż u ratifikat ftehim dwar is-sajd ma ntlaħaqx; |
|
K. |
billi t-trasferiment ta' sehem mill-kwoti tal-UE lir-Renju Unit matul il-perjodu ta' tranżizzjoni, kif miftiehem fil-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni, se jkollu konsegwenzi ekonomiċi negattivi kbar għas-sajjieda tal-UE; billi ġiet rikonoxxuta l-importanza li jiġi limitat l-impatt ekonomiku negattiv ta' ftehimiet futuri mar-Renju Unit; |
|
L. |
billi fil-qafas tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni twaqqaf Kumitat Speċjalizzat għas-Sajd; billi dan il-kumitat se jħejji strateġiji pluriennali ta' konservazzjoni u ġestjoni bħala bażi għad-determinazzjoni tal-qabdiet totali permissibbli u miżuri oħra ta' ġestjoni, inkluż għal stokkijiet barra l-kwota, id-definizzjoni tal-ġbir ta' data xjentifika għal skopijiet ta' ġestjoni tas-sajd, kif ukoll il-kondiviżjoni ta' din id-data ma' korpi xjentifiċi sabiex jingħata l-aqwa parir xjentifiku possibbli; |
|
M. |
billi l-protokoll dwar l-aċċess għall-ibħra, mehmuż mal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bħala l-Anness 38, jipprevedi “perjodu ta' aġġustament”, bejn l-1 ta' Jannar 2021 u t-30 ta' Ġunju 2026, li matulu kull Parti għandha tagħti lill-bastimenti tal-Parti l-oħra aċċess sħiħ għall-ibħra tagħha biex jistadu għall-ispeċijiet imsemmija fih; |
|
N. |
billi s-sajjieda sofrew dewmien u inċertezzi minħabba l-ħruġ ta' liċenzji relatati mal-aċċess għall-ibħra; |
|
O. |
billi għad hemm kwistjonijiet mhux solvuti fir-rigward tal-aċċess ta' bastimenti mill-UE għall-ibħra madwar gżejjer diżabitati fit-Tramuntana tal-Atlantiku, bħal Rockall, u dan qed joħloq inċertezza u riskji għas-sajjieda; |
|
P. |
billi l-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni jipprevedi aċċess bla dazju u bla kwoti għall-prodotti tas-sajd li joriġinaw fl-ibħra Brittaniċi, għalkemm it-territorji Brittaniċi lil hinn minn xtutha issa la huma assoċjati mal-UE u lanqas ma jgawdu minn eżenzjonijiet tariffarji għall-esportazzjonijiet ta' prodotti tas-sajd lejn l-UE peress li ma jidħlux fil-kamp ta' applikazzjoni tal-ftehim; |
|
Q. |
billi, fit-18 ta' Novembru 2020, in-Norveġja ħadet id-deċiżjoni unilaterali u diskriminatorja li tnaqqas il-kwoti tal-bakkaljaw tal-UE fl-ibħra ta' Svalbard għall-2021; billi, fit-28 ta' Mejju 2021, in-Norveġja ddeċidiet, għal darb'oħra unilateralment u kontra kull parir xjentifiku, li żżid il-kwota tagħha mill-istokk kondiviż tal-kavalli b'55 %; billi anke l-Gżejjer Faeroe u l-Iżlanda żiedu unilateralment il-kwoti tagħhom għall-kavalli; |
|
R. |
billi l-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE kkawża tfixkil sinifikanti fil-katina tal-provvista fl-Irlanda u interrompa l-kollegamenti bejn il-gżira Irlandiża u l-Ewropa kontinentali, li jmorru lura ħafna snin; |
|
1. |
Jenfasizza l-bżonn li l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit ikomplu jaħdmu flimkien favur governanza internazzjonali tajba għall-oċeani bil-promozzjoni tal-użu u l-isfruttament sostenibbli tar-riżorsi tal-oċeani u bl-inkoraġġiment tal-protezzjoni u r-restawr ta' żoni abbażi tal-aqwa għarfien xjentifiku u dak l-aktar aġġornat; |
|
2. |
Jirrimarka li l-impatt sħiħ tal-Brexit għadu mhux magħruf, anke għax l-implimentazzjoni sħiħa tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni fir-rigward tas-sajd għadha għaddejja u għadha ma saritx bis-sħiħ, u jenfasizza li għadhom qed joħorġu kwistjonijiet li ma kinux koperti fil-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni, bħal aspetti relatati mal-akkwakultura; |
|
3. |
Jirrimarka li l-impatt tal-Brexit fuq is-settur tas-sajd jestendi lil hinn miż-żona ġeografika tar-Renju Unit u għandu implikazzjonijiet kbar fiż-żona tal-Oċean Atlantiku tal-Grigal kollha, kif ukoll għall-bastimenti tal-UE li joperaw f'partijiet oħra tad-dinja, bħall-ibħra madwar il-Gżejjer Falkland, Greenland u Svalbard; jenfasizza li r-relazzjoni bejn l-UE u r-Renju Unit trid isservi bħala pedament għall-governanza tas-sajd fl-Atlantiku tal-Grigal u l-ġestjoni sostenibbli tal-istokkijiet kondiviżi ma' pajjiżi terzi oħra, bħall-kavalli jew l-istokkafixx; |
|
4. |
Jiddeplora l-fatt li l-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni gradwalment inaqqas is-sehem tal-opportunitajiet tas-sajd fl-ibħra tar-Renju Unit għall-flotta tal-UE b'25 % fuq perjodu ta' ħames snin u nofs, tnaqqis li se jaffettwa s-segmenti kollha tal-flotta tal-UE, inkluż is-sajd fuq skala żgħira; jesprimi tħassib dwar kif se tkun is-sitwazzjoni meta jintemm il-perjodu ta' aġġustament; jistieden lill-Kummissjoni tieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex tiżgura li, wara t-30 ta' Ġunju 2026, l-aċċess reċiproku għall-ibħra u r-riżorsi tas-sajd jinżamm għaddej u li, meta jintemm il-perjodu ta' tranżizzjoni, ma jkun hemm l-ebda tnaqqis ulterjuri fil-kwoti għas-sajjieda tal-UE; |
|
5. |
Jistieden lill-Partijiet jagħtu l-attenzjoni dovuta lill-aspetti soċjoekonomiċi meta jkunu qed jaqblu dwar il-qabdiet totali permissibbli għall-istokkijiet imsemmija fil-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni; jitlob li l-mekkaniżmi għall-iskambju tal-kwoti tas-sajd bejn il-Partijiet jiġu ssimplifikati u ma jkunux ta' piż fuq is-settur; |
|
6. |
Jirrimarka li hija responsabbiltà tal-Istati Membri li jallokaw il-kwoti lill-flotot tagħhom u jħeġġiġhom, fejn xieraq, jagħmlu użu mill-possibbiltajiet previsti fl-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 biex itaffu l-impatt tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni fuq il-flotot tagħhom, inkluż is-sajd fuq skala żgħira, meta jallokaw il-kwoti tagħhom; |
|
7. |
Itenni l-bżonn urġenti li jiġi aċċertat kull effett negattiv possibbli, mhux biss fil-Baħar tat-Tramuntana iżda fl-Atlantiku kollu, partikolarment fuq il-komunitajiet tas-sajd fir-reġjuni ultraperiferiċi, fejn l-ekonomiji huma vulnerabbli, l-ekosistemi huma fraġli u d-dipendenza fuq is-setturi primarji hija qawwija; |
|
8. |
Jirrimarka li ż-żieda fl-espansjoni ta' parks eoliċi lil hinn mill-kosta fil-Kanal Ingliż, fil-Baħar tat-Tramuntana, fil-Baħar Irlandiż u fl-Oċean Atlantiku se tagħmilha saħansitra aktar diffiċli għas-sajjieda biex jiksbu aċċess għaż-żoni tas-sajd; |
|
9. |
Jirrimarka li l-aċċess għall-ibħra u r-riżorsi kemm għall-flotta tal-UE kif ukoll għal dik tar-Renju Unit irid jitqies fl-ambitu sħiħ tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni u, għalhekk, ma jistax jitqies b'mod iżolat minn kwistjonijiet bħall-aċċess għas-suq; jenfasizza li parti sinifikanti mill-flotta tal-UE hija storikament dipendenti fuq iż-żoni tas-sajd li issa huma esklużivament ġestiti mir-Renju Unit, li hemm ħafna kumpaniji Brittaniċi, partikolarment dawk involuti fil-produzzjoni tal-akkwakultura, li jiddependu fuq is-suq uniku tal-UE, u li fl-UE hemm domanda għal dawn il-prodotti; jilqa' l-fatt li l-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni jinkorpora rabta diretta bejn id-dispożizzjonijiet dwar il-kummerċ u d-dispożizzjonijiet dwar is-sajd; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jiżguraw li n-negozjati dwar is-sajd mar-Renju Unit kif ukoll ma' stati kostali oħra fl-Atlantiku tal-Grigal ikunu marbuta wkoll ma' kwistjonijiet relatati mal-kummerċ u l-aċċess għas-suq uniku tal-UE; |
|
10. |
Jistieden lill-Kummissjoni żżomm kull rotta ta' negozjati mar-Renju Unit miftuħa bil-ħsieb li jinstabu soluzzjonijiet stabbli u permanenti li jkunu ta' benefiċċju għaż-żewġ Partijiet, jipprovdu kundizzjonijiet stabbli u prevedibbli għas-sajjieda u għas-settur tas-sajd kollu kemm hu u jmorru lil hinn mill-2026; jirrimarka, madankollu, li sabiex jiġi żgurat li l-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni jiġi implimentat bis-sħiħ, għandhom jintużaw l-istrumenti legali kollha, inklużi dawk relatati mal-aċċess għas-suq, kif ukoll kull miżura kompensatorja u ta' rispons u l-mekkaniżmi għas-soluzzjoni tat-tilwim previsti mill-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni; |
|
11. |
Jirrimarka li ħafna reġjuni kostali fl-UE jiddependu ħafna fuq is-settur tas-sajd u għalhekk jeħtieġu ċerta stabbiltà u prevedibbiltà fir-rigward tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni u l-impatt tiegħu; jitlob, għalhekk, li jkun hemm kemm jista' jkun trasparenza fil-konfront tal-Istati Membri fir-rigward tal-proċess ta' negozjati mar-Renju Unit u li l-informazzjoni ma tinżammx fil-livell tekniku fi ħdan il-Kummissjoni; |
|
12. |
Jitlob li, wara t-terminazzjoni tat-Trattat tal-Bajja ta' Granville, tinstab soluzzjoni permanenti għall-kwistjoni tas-sajd f'din iż-żona; |
|
13. |
Ifakkar li, jekk ir-Renju Unit jikkunsidra li jillimita l-aċċess wara l-perjodu ta' aġġustament, l-UE se tkun tista' tieħu azzjoni biex tħares l-interessi tagħha, inkluż billi terġa' tistabbilixxi tariffi jew kwoti għall-ħut importat mir-Renju Unit jew tissospendi partijiet oħra tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni, jekk ikun hemm riskju ta' diffikultajiet ekonomiċi jew soċjali serji għall-komunitajiet tas-sajd tal-UE; |
|
14. |
Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar l-inċertezza maħluqa mill-klawżola fl-Artikolu 510 tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni dwar ir-rieżami tal-Ħames Intestatura (Sajd) tat-Tieni Parti tal-ftehim erba' snin wara tmiem il-perjodu ta' aġġustament; |
|
15. |
Jinnota li s-sitwazzjoni tas-sajd wara l-2026 għadha inċerta ħafna u mhijiex prevista għalkollox mill-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni; iqis li ftehim pluriennali għal wara l-2026 joffri aktar stabbiltà u viżibbiltà ekonomika; jistieden lill-Kummissjoni tidħol f'negozjati b'dak l-objettiv f'moħħha; |
|
16. |
Jistieden lill-Kummissjoni tgħin lill-Istati Membri jagħmlu użu sħiħ mill-fondi tar-Riżerva ta' Aġġustament għall-Brexit biex jippromwovu u jappoġġjaw is-settur u l-komunitajiet kostali affettwati u jikkumpensaw bis-sħiħ għat-telf li jġarrbu, partikolarment it-telf tal-kwoti tagħhom; jistieden lill-Istati Membri jużaw il-fondi allokati għas-sajd fl-ambitu tar-riżerva u jallokaw aktar ammonti fejn ikun hemm bżonn; iqis li dawn il-fondi għandhom jintużaw filwaqt li jitqies il-fatt li l-perjodu ta' tranżizzjoni għall-kwoti se jdum għaddej sat-30 ta' Ġunju 2026; |
|
17. |
Jenfasizza li dawn il-fondi jridu jitqiegħdu għall-benefiċċju tas-sajjieda u n-negozji kollha kkonċernati, inkluż fis-sajd fuq skala żgħira, u li kwalunkwe ostaklu potenzjali għall-finanzjament dirett, bħal regoli dwar l-għajnuna mill-Istat li jxekklu l-assistenza lis-sajjieda affettwati, għandu jiġi indirizzat; jistieden lill-Kummissjoni tqis l-opinjoni tal-Kumitat għas-Sajd tal-11 ta' Mejju 2021 dwar ir-Riżerva ta' Aġġustament għall-Brexit kif dovut u tieħu kull azzjoni neċessarja f'dan ir-rigward, inkluż li tressaq proposta leġiżlattiva, jekk ikun xieraq; |
|
18. |
Jistieden lill-Kummissjoni tiffaċilita l-iżvilupp ta' opportunitajiet ekonomiċi addizzjonali għall-komunitajiet kostali, speċjalment dawk l-aktar affettwati mill-Brexit; |
|
19. |
Jinnota li l-Brexit iddestabbilizza r-relazzjonijiet fost l-istati kostali fl-Atlantiku tat-Tramuntana u jenfasizza li l-UE qed tiffaċċja effetti negattivi, bħat-telf tal-kwoti tal-bakkaljaw ta' Svalbard, minħabba l-preżenza ta' pajjiż ieħor f'negozjati bilaterali ma' pajjiżi terzi fl-Atlantiku tat-Tramuntana; jiddeplora l-fatt li l-kuntest internazzjonali l-ġdid ta' wara l-Brexit fl-Atlantiku tal-Grigal qed jintuża minn pajjiżi u territorji terzi bħan-Norveġja, l-Iżlanda u l-Gżejjer Faeroe biex jadottaw deċiżjonijiet unilaterali, li għandhom impatt sinifikanti u negattiv fuq l-istokkijiet tal-ħut u l-flotta tas-sajd tal-UE; jenfasizza li dawn l-effetti negattivi jeħtieġ li jitqiesu u jeħtieġu rispons; jenfasizza l-ħtieġa li s-settur jingħata appoġġ li jindirizza dawn l-effetti negattivi, dment li dawn ma jkunux diġà koperti minn fondi eżistenti oħra jew minn għajnuna mill-Istat; |
|
20. |
Jistieden lill-Kummissjoni, fid-dawl tal-isfida li tindirizza b'mod koordinat l-isfidi ppreżentati mill-Brexit fl-Atlantiku tal-Grigal, tieħu d-deċiżjonijiet xierqa dwar l-istruttura organizzattiva u r-riżorsi u taħdem fuq soluzzjonijiet strutturali ma' stati kostali oħra fir-reġjun sabiex tinkiseb ġestjoni aħjar tas-sajd, inklużi kooperazzjoni u skambju aktar profondi dwar studji xjentifiċi u ġbir ta' data; |
|
21. |
Jirrimarka li r-relazzjonijiet internazzjonali jridu jkunu ankrati fl-istat tad-dritt, iħarsu l-awtonomija neċessarja ta' kull pajjiż jew unjoni ta' pajjiżi, u jkunu ggwidati f'kull waqt minn spirtu ta' relazzjonijiet tajbin u mill-ftehimiet fis-seħħ; |
|
22. |
Jopponi d-deċiżjonijiet kollha, speċjalment dawk meħuda b'mod unilaterali, li jistabbilixxu opportunitajiet tas-sajd li jiksru d-dritt internazzjonali jew li jmorru kontra l-pariri bbażati fuq l-aqwa għarfien xjentifiku u dak l-aktar aġġornat, u li jmorru kontra ftehimiet internazzjonali kif ukoll l-isfruttament sostenibbli tar-riżorsi kondiviżi; |
|
23. |
Iħeġġeġ lin-Norveġja, b'mod partikolari, tirrettifika d-deċiżjoni tagħha li tnaqqas b'mod unilaterali l-kwoti tal-bakkaljaw ta' Svalbard għall-flotta tal-UE; iħeġġeġ lin-Norveġja, l-Iżlanda, il-Gżejjer Faeroe u Greenland, barra minn hekk, biex jirrettifikaw id-deċiżjonijiet tagħhom li jżidu l-kwoti tal-kavalli tagħhom b'mod unilaterali u skont kriterji xjentifiċi; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jissalvagwardjaw id-drittijiet li ilhom stabbiliti u l-interessi soċjoekonomiċi leġittimi tal-flotta tal-UE fl-Atlantiku tal-Grigal; |
|
24. |
Jistieden lill-Kummissjoni, filwaqt li żżomm in-negozjati mas-sħab kollha, issaħħaħ il-pożizzjoni tagħha fir-rigward tar-Renju Unit u timpenja ruħha fil-livelli kollha, inkluż l-ogħla livell politiku, u tkun lesta tuża l-għodod xierqa kollha inklużi l-miżuri ta' aċċess għas-suq, anke fl-ambitu taż-Żona Ekonomika Ewropea, li huma diffiċli biżżejjed, speċjalment fir-rigward ta' deċiżjonijiet unilaterali minn pajjiżi terzi, sabiex tintwera l-importanza li jiġi solvut kwalunkwe kunflitt li jista' jinqala'; barra minn hekk iħeġġeġ lill-Kummissjoni ma teskludix il-possibbiltà li tuża l-miżuri ta' rispons previsti fir-Regolament (UE) Nru 1026/2012, li jistgħu jinkludu restrizzjonijiet fuq l-importazzjoni ta' prodotti tas-sajd jew fuq l-aċċess għall-portijiet tal-UE; |
|
25. |
Jiddeplora l-attitudni restrittiva tan-Norveġja, l-Iżlanda u l-Gżejjer Faeroe lejn l-investiment Ewropew fis-setturi tas-sajd tagħhom; jenfasizza li l-UE għandha żżomm relazzjoni aktar ibbilanċjata ma' dawn il-pajjiżi u t-territorji sabiex tersaq lejn il-punt fejn jitneħħew ir-restrizzjonijiet fuq il-libertà tal-istabbiliment u l-investiment; |
|
26. |
Ifakkar li l-UE hija l-akbar suq ta' importazzjoni kif ukoll l-aktar wieħed attraenti għall-prodotti tal-frott tal-baħar; jitlob li din il-pożizzjoni ta' saħħa tiġi rikonoxxuta u użata biex tipproteġi l-interessi tal-flotta tas-sajd tal-UE, tipprevjeni lis-sħab tagħha milli jirrinunzjaw għal ftehimiet jew impenji stabbiliti u trawwem kundizzjonijiet ekwi fil-livell internazzjonali, b'mod partikolari fir-rigward tal-istandards soċjali, ekonomiċi u ambjentali; |
|
27. |
Jirrimarka li huwa fl-interess taż-żewġ Partijiet li jfittxu kooperazzjoni leali fir-rigward tal-isfruttament mhux biss taż-żoni fil-ġuriżdizzjoni tal-Unjoni Ewropea, ir-Renju Unit u l-Irlanda ta' Fuq iżda wkoll tal-ibħra internazzjonali kontigwi; jirrimarka, barra minn hekk, li r-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar ma għandhomx fruntieri, u għalhekk il-ġestjoni ta' dawn ir-riżorsi għandha riperkussjonijiet diretti fuq l-ibħra fil-ġuriżdizzjoni ta' kull Parti; jenfasizza, f'dan ir-rigward, l-importanza ta' kooperazzjoni u skambju tajbin fir-rigward tax-xjenza u l-ġbir tad-data; |
|
28. |
Ifakkar li l-Brexit ma jridx jintuża bħala skuża biex tiddewwem l-azzjoni tant meħtieġa għar-restawr tal-ekosistemi tal-baħar, biex jinkiseb status ambjentali tajjeb tal-ambjent tal-baħar kif mitlub mid-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina (21), jew biex jintlaħqu l-objettivi tal-Istrateġija tal-UE għall-Bijodiversità għall-2030; |
|
29. |
Jenfasizza l-bżonn li l-Kummissjoni tiżgura li l-aktar deċiżjonijiet reċenti tal-Kummissjoni tas-Sajd tal-Atlantiku tal-Grigal jiġu rrispettati mill-partijiet kontraenti kollha u mill-partijiet mhux kontraenti li jikkooperaw, u jiġu integrati bis-sħiħ u b'mod rapidu fid-dritt tal-Unjoni; iħeġġeġ lill-Kummissjoni taħdem flimkien ma' partijiet kontraenti oħra biex tinkludi miżuri ambizzjużi ta' kontroll u ta' ġestjoni tas-sajd li jkunu konformi mal-objettivi stabbiliti fil-PKS u fil-Patt Ekoloġiku Ewropew u li jkunu kompatibbli mar-regoli stabbiliti fil-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni dwar l-aċċess għall-ibħra u għar-riżorsi fl-ibħra taħt il-ġuriżdizzjoni taż-żewġ Partijiet; |
|
30. |
Ifaħħar in-negozjati li seħħew minkejja d-diffikultajiet tal-pandemija tal-COVID-19 u jirrikonoxxi li dawn laħqu l-qofol tagħhom fi Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni ambizzjuż, li madankollu kien jinvolvi telf ta' kwoti għas-sajjieda tal-UE; jesprimi tħassib dwar il-fatt li l-aċċess għall-ibħra tar-Renju Unit ingħata biss għal perjodu ta' ħames snin u nofs, li wassal għal nuqqas ta' sigurtà dwar il-futur; jenfasizza, għaldaqstant, li l-impenji meħuda jridu jiġu ssodisfati u infurzati; |
|
31. |
Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u r-Renju Unit jikkonformaw mal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni u jinfurzawh mingħajr ma jirrikorru għal interpretazzjoni tar-regoli li ma tkunx konformi mal-ispirtu ta' bona fide u viċinat tajjeb u jfittxu relazzjonijiet paċifiċi, kostruttivi u mill-qrib ibbażati fuq il-kooperazzjoni, u jiggarantixxu ċ-ċertezza tad-dritt u r-rispett għall-awtonomija u s-sovranità tal-Partijiet; jirrimarka li r-Renju Unit ipprova jinterpreta ħażin it-termini tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni billi kiser l-ispirtu tal-ftehim, bħal meta stabbilixxa kundizzjonijiet addizzjonali għall-kisba ta' liċenzji għall-bastimenti; |
|
32. |
Jinsab imħasseb dwar is-sitwazzjoni fir-rigward tal-liċenzji għall-bastimenti tal-UE fl-ibħra tad-Dipendenzi tal-Kuruna u n-nuqqas ta' impenn mir-Renju Unit biex jimplimenta fedelment il-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni f'dan ir-rigward; jistieden għalhekk lir-Renju Unit jibqa' lura milli jagħmel interpretazzjonijiet restrittivi u kontroversjali tal-kundizzjonijiet għall-għoti ta' liċenzji, b'mod partikolari għal bastimenti li storikament stadu fiż-żona ta' bejn 6 u 12-il mil nawtiku tal-baħar territorjali Brittaniku u fl-ibħra tal-Bailiwicks ta' Jersey u Guernsey u ta' Isle of Man; jistieden lill-Partijiet jagħtu attenzjoni partikolari lis-sitwazzjoni tal-bastimenti fil-flotta tas-sajd fuq skala żgħira, li qabel il-Brexit ma kinux obbligati jużaw teknoloġiji biex iżommu rekord kontinwu tal-attivitajiet tas-sajd tagħhom u issa qed ikollhom diffikultà jipprovdu din l-informazzjoni; |
|
33. |
Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tikkunsidra l-għażliet kollha sabiex tiżgura li d-drittijiet tal-bastimenti tal-UE jiġu rispettati mir-Renju Unit; jirrimarka li l-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni jipprevedi dispożizzjonijiet biex il-Kunsill ta' Sħubija jikkunsidra arranġamenti differenti għall-kooperazzjoni fl-ibħra tad-Dipendenzi tal-Kuruna; jenfasizza, f'dan ir-rigward, li arranġamenti preċedenti skont it-Trattat tal-Bajja ta' Granville jistgħu jipprovdu bażi għal adattamenti futuri tar-regoli mill-Kunsill ta' Sħubija; |
|
34. |
Jistieden lir-Renju Unit ma jfixkilx is-sajd li jsir minn bastimenti tal-UE li jistadu bil-konz tal-wiċċ, li tradizzjonalment jidħlu fl-ibħra Brittaniċi biex ifittxu ġlejjeb ta' alongi u pixxispad; ifakkar li s-sajd għal dawn l-ispeċijiet migratorji ħafna huwa rregolat fi ħdan il-Kummissjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn tal-Atlantiku; jistieden lill-Kummissjoni tagħti attenzjoni speċjali lis-sitwazzjoni ta' dawn is-setturi tal-flotta; |
|
35. |
Jenfasizza li l-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni jipprevedi li l-miżuri tekniċi għandhom ikunu proporzjonati, għandhom ikunu bbażati fuq l-aħjar parir xjentifiku, ma għandhomx ikunu diskriminatorji, għandhom japplikaw bl-istess mod għall-bastimenti miż-żewġ partijiet u jridu jiġu nnotifikati minn qabel; jitlob li jkun hemm kooperazzjoni u koordinazzjoni aħjar fir-rigward tal-introduzzjoni ta' miżuri tekniċi, ta' ġestjoni u ta' kontroll inkluż l-iżvilupp ta' kriterji ċari u mhux diskriminatorji għal dawn il-miżuri biex jiġi żgurat li ma jkunux jistgħu jintużaw biex jirrestrinġu indirettament l-aċċess għall-flotot tas-sajd fejn ikollhom drittijiet tas-sajd; |
|
36. |
Jistieden lill-Partijiet jiżguraw li d-deżinjazzjoni taż-żoni protetti tal-baħar fil-ġuriżdizzjonijiet tagħhom tkun nondiskriminatorja, ibbażata fuq ix-xjenza u proporzjonata; jenfasizza li ż-żoni protetti tal-baħar għandhom jiġu stabbiliti b'objettivi ta' konservazzjoni definiti sew u ma għandhomx jintużaw bħala għodda biex jiġi ristrett l-aċċess barrani għall-ibħra; jiddeplora, f'dan ir-rigward, in-nuqqas ta' kooperazzjoni mir-Renju Unit meta identifika żoni ġodda madwar id-Dogger Bank; |
|
37. |
Jeżiġi li r-Renju Unit iwaqqaf immedjatament kwalunkwe kontroll ta' intimidazzjoni tal-bastimenti tal-UE u jżomm lura milli jimponi kwalunkwe miżura teknika diskriminatorja; jesprimi t-tħassib serju tiegħu li r-Renju Unit jista' jitbiegħed mingħajr ġustifikazzjoni mir-regolamenti tal-UE dwar miżuri tekniċi u leġiżlazzjoni ambjentali oħra relatata tal-UE, u b'hekk jimponi limitazzjonijiet de facto fuq l-aċċess ta' xi bastimenti tas-sajd Ewropej għall-ibħra tar-Renju Unit, b'tali mod li s-sajd isir kumpless bla bżonn; jisħaq fuq ir-rwol tal-Kumitat Speċjalizzat għas-Sajd fit-tfittxija ta' approċċ komuni dwar il-miżuri tekniċi u fid-diskussjonijiet dwar kwalunkwe miżura li Parti waħda tista' tagħti avviż dwarha lill-oħra; ifakkar li l-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni jobbliga lil kull Parti tiġġustifika b'mod preċiż in-natura nondiskriminatorja ta' kwalunkwe miżura f'dan il-qasam u l-ħtieġa li tiġi żgurata sostenibbiltà ambjentali fit-tul, abbażi ta' data xjentifikament verifikabbli; jistieden lill-Kummissjoni tkun partikolarment viġilanti dwar ir-rispett ta' dawn il-kundizzjonijiet u tirreaġixxi bil-qawwa f'każ li r-Renju Unit jaġixxi b'mod diskriminatorju; |
|
38. |
Jieħu nota tal-miżuri ta' “rabta ekonomika” tar-Renju Unit li, mill-1 ta' April 2022, se jillimitaw il-wiri tal-bandiera tal-bastimenti tiegħu, se jżidu l-perċentwal minimu ta' membri tal-ekwipaġġ tar-Renju Unit abbord il-bastimenti tiegħu u se jistabbilixxu l-ammont minimu ta' ħut li jrid jinħatt l-art fil-portijiet tar-Renju Unit għal 70 %; jistieden lill-Kummissjoni tagħti attenzjoni partikolari lill-impatt ta' dawn il-miżuri protezzjonisti u twieġeb kif xieraq, fejn meħtieġ; |
|
39. |
Jilqa' l-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2021/1203 bil-għan li jittaffew l-effetti tal-Brexit f'termini tat-telf ta' status preferenzjali għat-territorji extra-Ewropej tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jeliminaw it-tariffi fuq l-importazzjonijiet tal-klamar tal-Patagonja (Loligo gahi); |
|
40. |
Jesprimi tħassib dwar il-fatt li, reċentement, l-Assemblea tal-Gżejjer Falkland għaddiet l-Att dwar is-Sajd (Konservazzjoni u Amministrazzjoni) tal-2021, li jirrikjedi li 51 % tal-ishma tal-kumpaniji kollha tas-sajd li joperaw fil-Gżejjer Falkland irid ikollhom sjieda fil-Falklands; |
|
41. |
Jesprimi tħassib dwar każijiet reċenti ta' infurzar eċċessiv tar-regoli ta' kontroll tas-sajd fil-Baħar Ċeltiku; iħeġġeġ lill-Istati Membri kollha jevitaw prattiki li jistgħu jammontaw għal “nazzjonaliżmu tas-sajd” mhux ġustifikat; |
|
42. |
Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat li l-Kumitat Speċjalizzat għas-Sajd, li se jkun responsabbli biex jieħu deċiżjonijiet li jkunu ġusti għaż-żewġ Partijiet u li jiżgura li r-riżorsi jiġu ġestiti b'mod sostenibbli fit-tul, jieħu forma u jibda l-ħidma tiegħu malajr, inkluż billi jipprijoritizza l-ħidma fuq kwistjonijiet urġenti, bħall-applikazzjoni prattika tal-aċċess għall-ibħra u d-definizzjoni ta' “sostituzzjoni diretta” ta' bastiment li jikkwalifika bil-ħsieb li tiġi ffaċilitata aktar implimentazzjoni leali tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni; |
|
43. |
Jenfasizza l-ħtieġa li l-ħidma tal-Kumitat Speċjalizzat għas-Sajd tkun trasparenti u li l-Parlament Ewropew jiġi aġġornat regolarment dwar il-ħidma tiegħu u d-deċiżjonijiet li jieħu, kemm qabel kif ukoll wara l-laqgħat tiegħu; jitlob li r-rappreżentanti tekniċi mill-Kumitat għas-Sajd tal-Parlament Ewropew jiġu mistiedna jieħdu sehem bħala osservaturi fil-laqgħat tal-Kumitat Speċjalizzat għas-Sajd; |
|
44. |
Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jiżguraw li d-deċiżjonijiet kollha meħuda fil-qafas tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni jirrispettaw il-prerogattivi tal-istituzzjonijiet differenti u jsegwu l-proċess leġiżlattiv xieraq, b'mod partikolari fir-rigward ta' miżuri tekniċi; |
|
45. |
Ifakkar li l-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni jipprevedi li l-Partijiet tiegħu jikkonsultaw mas-soċjetà ċivili; jisħaq fuq l-importanza li entitajiet reġjonali li jirrappreżentaw is-settur u l-awtoritajiet pubbliċi reġjonali jiġu inklużi fi gruppi konsultattivi, filwaqt li jiġi żgurat li l-komunitajiet kostali tar-reġjuni affettwati direttament jew indirettament ikunu protetti legalment skont il-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni, inkluż protetti mill-effetti ta' kwalunkwe deċiżjoni unilaterali meħuda mir-Renju Unit; |
|
46. |
Jitlob li r-rappreżentanti tas-settur tas-sajd, l-awtoritajiet reġjonali, il-komunitajiet kostali u partijiet interessati oħra jkunu involuti b'mod attiv fil-monitoraġġ u l-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni, b'mod partikolari permezz tal-parteċipazzjoni tagħhom fil-gruppi konsultattivi interni u l-Forum tas-Soċjetà Ċivili previst fl-Artikoli 13 u 14 tal-ftehim; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippromwovi l-istabbiliment ta' grupp konsultattiv intern domestiku dwar is-sajd għal dan il-għan, mingħajr preġudizzju għall-kunsilli konsultattivi eżistenti; |
|
47. |
Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Kumitat tar-Reġjuni, lill-Gvernijiet u lill-Parlamenti tal-Istati Membri, u lill-Gvernijiet u lill-Parlamenti tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq, ta' Jersey, ta' Guernsey, ta' Isle of Man, tan-Norveġja, tal-Iżlanda, ta' Greenland u tal-Gżejjer Faeroe. |
(1) ĠU L 354, 28.12.2013, p. 22.
(4) ĠU L 149, 30.4.2021, p. 10.
(5) ĠU L 316, 14.11.2012, p. 34.
(6) ĠU L 347, 28.12.2017, p. 81.
(7) ĠU L 261, 22.7.2021, p. 1.
(8) ĠU L 357, 8.10.2021, p. 1.
(9) Il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar u l-Ftehim dwar l-implimentazzjoni tal-Parti XI tagħha (ĠU L 179, 23.6.1998, p. 3).
(10) ĠU L 189, 3.7.1998, p. 14.
(11) Ir-Regolament (UE) Nru 1236/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Diċembru 2010 li jistabbilixxi skema ta' kontroll u infurzar applikabbli fiż-żona koperta mill-Konvenzjoni dwar il-Kooperazzjoni Multilaterali fil-Ġejjieni dwar is-Sajd fl-Atlantiku tal-Grigal, (ĠU L 348, 31.12.2010, p. 17).
(12) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/407 tal-4 ta' Marzu 2019 dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim għall-Prevenzjoni tas-Sajd mhux Regolat fl-Ibħra Miftuħa fl-Oċean Artiku Ċentrali, (ĠU L 73, 15.3.2019, p. 1).
(13) ĠU L 226, 29.8.1980, p. 12.
(14) ĠU L 226, 29.8.1980, p. 48.
(15) ĠU L 161, 2.7.1993, p. 2.
(16) ĠU L 175, 18.5.2021, p. 3.
(17) ĠU C 294, 23.7.2021, p. 18.
(18) ĠU C 362, 8.9.2021, p. 90.
(19) ĠU C 506, 15.12.2021, p. 26.
(20) ĠU C 67, 8.2.2022, p. 25.
(21) Direttiva 2008/56/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 17 ta’ Ġunju 2008 li tistabbilixxi Qafas għal Azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-Politika ta’ l-Ambjent Marin (Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina) (ĠU L 164, 25.6.2008, p. 19).