9.9.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 347/37


P9_TA(2022)0059

Politika ta' koeżjoni: promozzjoni ta' trasformazzjoni innovattiva u intelliġenti kif ukoll tal-konnettività reġjonali tal-ICT

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Marzu 2022 dwar ir-rwol tal-politika ta' koeżjoni fil-promozzjoni ta' trasformazzjoni innovattiva u intelliġenti kif ukoll tal-konnettività reġjonali tal-ICT (2021/2101(INI))

(2022/C 347/04)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Artikolu 174 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea dwar it-tisħiħ tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali tal-Unjoni,

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2021/1060 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ġunju 2021 li jistipula dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew Plus, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura u r-regoli finanzjarji għalihom u għall-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni, il-Fond għas-Sigurtà Interna u l-Istrument għall-Appoġġ Finanzjarju għall-Ġestjoni tal-Fruntieri u l-Politika dwar il-Viżi (1) (ir-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni), u b'mod partikolari l-ewwel objettiv ta' politika tiegħu kif stabbilit fl-Artikolu 5,

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2021/1058 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ġunju 2021 dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Fond ta' Koeżjoni (2),

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2021/1059 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ġunju 2021 dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għall-mira tal-kooperazzjoni territorjali Ewropea (Interreg) appoġġata mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u mill-istrumenti ta' finanzjament estern (3),

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2021/1057 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+) u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1296/2013 (4),

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2020/2221 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Diċembru 2020 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1303/2013 fir-rigward ta' riżorsi addizzjonali u arranġamenti ta' implimentazzjoni biex jipprovdi assistenza għat-trawwim ta' miżuri li jsewwu d-dannu kkawżat mill-kriżi fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19 u l-konsegwenzi soċjali tagħha u għat-tħejjija ta' rkupru ekoloġiku, diġitali u reżiljenti tal-ekonomija (REACT-EU) (5),

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2021/1056 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta (6),

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2021/523 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Marzu 2021 li jistabbilixxi l-Programm InvestEU u li jemenda r-Regolament (UE) 2015/1017 (7),

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2021/694 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2021 li jistabbilixxi l-Programm Ewropa Diġitali (Regolament dwar il-Programm Ewropa Diġitali) (8), li huwa ddedikat għall-appoġġ lit-trasformazzjoni diġitali fl-UE,

wara li kkunsidra l-istrument għall-irkupru NextGenerationEU,

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta' Frar 2020 bit-titolu “Insawru l-futur diġitali tal-Ewropa” (COM(2020)0067),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-9 ta' Marzu 2021 bit-titolu “Il-Kumpass Diġitali tal-2030: l-approċċ Ewropew għad-Deċennju Diġitali” (COM(2021)0118),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Marzu 2020 bit-titolu “Strateġija għall-SMEs għal Ewropa sostenibbli u diġitali” (COM(2020)0103),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' Diċembru 2019 dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew (COM(2019)0640),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-1 ta' Lulju 2020 bit-titolu “Aġenda għall-Ħiliet għall-Ewropa għall-kompetittività sostenibbli, il-ġustizzja soċjali u r-reżiljenza” (COM(2020)0274),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta' Settembru 2020 bit-titolu “Pjan ta' Azzjoni dwar l-Edukazzjoni Diġitali 2021-2027 – Tfassil mill-ġdid tal-edukazzjoni u t-taħriġ għall-era diġitali” (COM(2020)0624),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta' Ġunju 2021 dwar viżjoni fit-tul għaż-żoni rurali tal-UE – Lejn żoni u komunitajiet rurali aktar b'saħħithom, konnessi, reżiljenti u prosperużi sal-2040 (COM(2021)0345),

wara li kkunsidra r-rapporti tal-Kummissjoni tal-2020 dwar l-Indiċi tal-Ekonomija u s-Soċjetà Diġitali,

wara li kkunsidra l-istudju tad-Dipartiment Tematiku tiegħu għall-Politika Strutturali u ta' Koeżjoni tal-15 ta' Ġunju 2018 bit-titolu “Digital Agenda and Cohesion Policy” (Aġenda Diġitali u Politika ta' Koeżjoni),

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Impenn dwar in-Nisa fil-Qasam Diġitali tad-9 ta' April 2019, iffirmata minn ministri u rappreżentanti tal-Istati Membri u tal-UE flimkien man-Norveġja u r-Renju Unit,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Berlin dwar is-Soċjetà Diġitali u dwar Gvern Diġitali Bbażat fuq il-Valuri tat-8 ta' Diċembru 2020,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi tas-16 ta' Ottubru 2020 bit-titolu “Gender Equality Index 2020: Digitalisation and the future of work” (Indiċi tal-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri 2020: Id-diġitalizzazzjoni u l-futur tax-xogħol),

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD) dwar il-Konnettività tal-Broadband, emendata fl-24 ta' Frar 2021,

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-2 ta' Ottubru 2020 dwar il-COVID-19, is-suq uniku, il-politika industrijali, il-qasam diġitali u r-relazzjonijiet esterni, b'mod speċifiku dawk dwar it-trasformazzjoni diġitali,

wara li kkunsidra l-abbozz ta' konklużjonijiet tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2020 dwar id-diġitalizzazzjoni għall-benefiċċju tal-ambjent,

wara li kkunsidra l-abbozz ta' konklużjonijiet tal-Kunsill tas-7 ta' April 2021 dwar it-telexogħol fil-kuntest tax-xogħol mill-bogħod,

wara li kkunsidra l-pjan konġunt tal-Belt ta' Brussell dwar it-telexogħol u l-klima,

wara li kkunsidra l-istudju tad-Dipartiment Tematiku tiegħu għall-Politika Ekonomika, Xjentifika u tal-Kwalità tal-Ħajja tat-30 ta' April 2021 bit-titolu “The impact of teleworking and digital work on workers and society: Special focus on surveillance and monitoring, as well as on mental health of workers” (L-impatt tat-telexogħol u tax-xogħol diġitali fuq il-ħaddiema u s-soċjetà: enfasi speċjali fuq is-sorveljanza u l-monitoraġġ, kif ukoll fuq is-saħħa mentali tal-ħaddiema),

wara li kkunsidra l-inizjattiva tal-Kummissjoni “Azzjoni tal-UE għal Irħula Intelliġenti”,

wara li kkunsidra l-istudju tad-Dipartiment Tematiku tiegħu għall-Politika Strutturali u ta' Koeżjoni tat-30 ta' Settembru 2020 bit-titolu “EU Lagging Regions: state of play and future challenges” (Reġjuni tal-UE li għadhom lura: is-sitwazzjoni attwali u l-isfidi futuri),

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Cork 2.0 tal-5 u s-6 ta' Settembru 2016 bit-titolu “A Better Life in Rural Areas” (Ħajja Aħjar fiż-Żoni Rurali),

wara li kkunsidra l-istudju konġunt tal-Kumitat tar-Reġjuni u tal-Kummissjoni tat-18 ta' Jannar 2018 bit-titolu “Innovation camp methodology handbook: realising the potential of the entrepreneurial discovery process for territorial innovation and development” (Manwal tal-metodoloġija tal-kamp tal-innovazzjoni: it-twettiq tal-potenzjal tal-proċess ta' skoperta intraprenditorjali għall-innovazzjoni u l-iżvilupp territorjali) (9),

wara li kkunsidra l-politika tal-Irlanda għall-iżvilupp rurali għall-2021-2025 bit-titolu “Our Rural Future” (Il-Futur Rurali Tagħna), u l-enfasi tagħha fuq it-telexogħol fiż-żoni rurali,

wara li kkunsidra r-rapport tat-28 ta' Settembru 2020 tal-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kundizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol bit-titlu “Living, working and Covid-19” (Il-ħajja, ix-xogħol u l-COVID-19),

wara li kkunsidra l-istudju tal-Kummissjoni ta' Awwissu 2019 bit-titolu “The changing nature of work and skills in the digital age” (In-natura li qed tinbidel tax-xogħol u tal-ħiliet fl-era diġitali) (10),

wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-Kummissjoni ta' Diċembru 2018 bit-titolu “The Geography of EU Discontent” (Il-Ġeografija tal-Iskuntentizza fl-UE) (11),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Mejju 2021 dwar it-tiswir tal-futur diġitali tal-Ewropa: it-tneħħija tal-ostakli għall-funzjonament tas-suq uniku diġitali u t-titjib tal-użu tal-IA għall-konsumaturi Ewropej (12),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Jannar 2020 dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew (13),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Marzu 2021 dwar il-politika ta' koeżjoni u l-istrateġiji ambjentali reġjonali fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima (14),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Mejju 2021 dwar it-treġġigħ lura tax-xejriet demografiċi fir-reġjuni tal-UE bl-użu tal-istrumenti tal-politika ta' koeżjoni (15),

wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċeduri tiegħu,

wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali (A9-0010/2022),

A.

billi l-ambizzjoni tal-UE hija li tikseb politiki diġitali effettivi li jagħtu s-setgħa lin-nies u lin-negozji kollha biex jiksbu futur diġitali sostenibbli u prosperu fir-reġjuni kollha;

B.

billi t-trasformazzjoni diġitali trid tkun ekwa u inklużiva, toħloq opportunitajiet u tippromwovi l-ugwaljanza, il-kwalità tal-ħajja, il-kompetittività reġjonali u l-modernizzazzjoni tal-ekonomija;

C.

billi t-tranżizzjoni diġitali trid timxi id f'id mat-tranżizzjoni ekoloġika li għaddejja – li flimkien huma magħrufin bħala t-tranżizzjoni doppja; billi d-dimensjoni soċjali tagħha ma għandhiex tiġi injorata;

D.

billi ekonomija moderna hija assoċjata mal-introduzzjoni ta' mudelli kummerċjali ġodda skont ix-xejriet li jirrappreżentaw ir-Raba' Rivoluzzjoni Industrijali, li se twieġeb għall-isfidi moderni tat-trasformazzjonijiet diġitali u ekoloġiċi;

E.

billi r-reġjuni Ewropej bl-akbar ħtieġa ta' tranżizzjoni sostenibbli huma ġeneralment dawk b'livelli għoljin ta' faqar u esklużjoni; billi huma meħtieġa investiment u miżuri deċiżivi għal irkupru mgħaġġel li għandu jkun iffukat fuq il-mitigazzjoni tal-effetti ekonomiċi u soċjali tal-pandemija, ir-rilanċ tal-attività ekonomika, it-trawwim tal-iżvilupp sostenibbli, it-tranżizzjoni ekoloġika u t-trasformazzjoni diġitali, u l-implimentazzjoni tal-prinċipji ta' politika tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, bl-għan li tittejjeb il-kompetittività tal-Ewropa;

F.

billi l-qafas finanzjarju pluriennali l-ġdid, flimkien ma' NextGenerationEU, jikkostitwixxi l-akbar pakkett ta' stimolu li qatt ingħata fl-UE u se jgħin biex tinbena mill-ġdid Unjoni aktar ekoloġika, aktar diġitali u aktar reżiljenti fl-era wara l-COVID-19; billi fl-istess ħin, il-politika ta' koeżjoni l-ġdida tippreżenta opportunità mingħajr preċedent għall-Istati Membri biex jagħtu spinta lid-diġitalizzazzjoni peress li tirrikjedi li jallokaw ammont minimu għat-tranżizzjoni diġitali u li jiżguraw li ċerti kundizzjonijiet ikunu ġew stabbiliti, kif deskritt fil-qafas ta' investiment tal-politika ta' koeżjoni 2021-2027, sabiex jirċievu tali finanzjament;

G.

billi għad hemm distakk diġitali fl-UE f'termini ta' ġeografija, età, ġeneru, livell ta' edukazzjoni, status soċjoekonomiku u introjtu, distakk li ma jippermettix lil xi individwi u negozji li jgawdu mill-benefiċċji tat-trasformazzjoni diġitali; billi dan id-distakk diġitali jista' jkompli jbiegħed lir-reġjuni li jbatu minn tnaqqis demografiku, li jikkontribwixxi għall-iżbilanċi territorjali tal-UE;

H.

billi l-livell ta' kopertura tal-broadband fl-Ewropa juri li għad hemm bżonn ta' investiment sinifikanti, speċjalment fiż-żoni rurali, fejn 10 % tal-unitajiet domestiċi mhumiex koperti minn xi tip ta' network fiss u 41 % ma għandhom ebda tip ta' teknoloġija tal-broadband veloċi, u 59 % biss għandhom aċċess għall-broadband tal-ġenerazzjoni li jmiss (mill-inqas 30Mbps), meta mqabbla ma' 87 % tal-unitajiet domestiċi fil-bqija tal-UE (16); billi minbarra konnettività ħażina tal-ICT, iż-żoni rurali u periferiċi spiss jiffaċċaw sfidi strutturali oħra bħal nuqqas ta' infrastruttura u servizzi, introjti baxxi, jew nuqqas ta' faċilitajiet tal-edukazzjoni u opportunitajiet kulturali, li jwasslu biex persuni b'ħiliet kbar jiċċaqalqu lejn żoni aktar promettenti (eżodu ta' mħuħ) (17); billi l-finanzjament tal-UE għandu jiffaċilita l-forniment ta' infrastruttura essenzjali sabiex jiġu indirizzati l-isfidi demografiċi;

I.

billi l-intrapriżi żgħar u medji (SMEs) huma s-sinsla tal-ekonomija Ewropea, u jirrappreżentaw 99 % tan-negozji kollha fl-UE u jimpjegaw madwar 100 miljun ruħ; billi dawn jirrappreżentaw aktar minn nofs il-PDG tal-Ewropa u huma kruċjali mhux biss għall-kisba tat-tranżizzjoni doppja tal-UE għal ekonomija sostenibbli u diġitali iżda anki fiż-żieda tal-valur f'kull settur tal-ekonomija; billi, madankollu, 17 % biss tal-SMEs integraw b'suċċess it-teknoloġiji diġitali fin-negozji tagħhom, meta mqabbla ma' 54 % tal-kumpaniji l-kbar; billi xi industriji u setturi tradizzjonali bħall-kostruzzjoni, l-ikel agrikolu, it-tessuti u l-azzar għadhom lura fit-trasformazzjonijiet diġitali tagħhom (18);

J.

billi għalkemm il-pandemija tal-COVID-19 irriżultat f'espansjoni massiva tat-telexogħol u tax-xogħol mobbli bbażat fuq l-ICT (TICTM) (19), li joffri potenzjal kbir ħafna biex jiġu konnessi l-postijiet tax-xogħol miċ-ċentri urbani sal-bliet iżgħar, is-subborgi u ż-żoni rurali, hemm differenzi sinifikanti fil-kapaċità ta' telexogħol bejn ħaddiema b'pagi għoljin u b'pagi baxxi, ħaddiema mhux manwali u manwali u bejn il-ġeneri (20); billi t-TICTM u d-diġitalizzazzjoni tas-servizzi jistgħu, taħt ċerti kundizzjonijiet, jiffaċilitaw distribuzzjoni ġeografika aktar bilanċata tal-impjiegi u tal-popolazzjoni;

K.

billi sabiex jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, jenħtieġ li l-FSE+ jappoġġa l-investimenti fin-nies u s-sistemi fl-oqsma tal-impjiegi, l-edukazzjoni u l-inklużjoni soċjali, filwaqt li jagħti appoġġ ukoll biex jittejbu l-kwalità, l-inklużività, l-effikaċja u r-rilevanza għas-suq tax-xogħol tas-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ, inklużi l-promozzjoni tat-tagħlim diġitali u l-iżvilupp professjonali tal-persunal tat-tagħlim; billi dan jappoġġa l-koeżjoni ekonomika, territorjali u soċjali skont l-Artikolu 174 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;

L.

billi l-esperjenzi tal-pandemija tal-COVID-19 urew kemm huwa importanti l-iżvilupp tal-infrastruttura diġitali għall-funzjonament tal-ekonomiji u s-soċjetajiet inklużi s-servizzi tas-saħħa pubblika, l-edukazzjoni pubblika u l-amministrazzjoni pubblika; billi aċċentwat ukoll ħafna mill-problemi eżistenti fiż-żoni rurali u enfasizzat il-vulnerabbiltà ta' dawn ir-reġjuni, b'mod partikolari f'termini tal-kapaċità diġitali, il-kwalità u l-għoti tas-servizzi tas-saħħa, l-edukazzjoni, l-aċċess għall-broadband, ir-reżiljenza tal-ktajjen tal-valur u l-ħiliet diġitali;

M.

billi, għalkemm l-Aġenda għall-Ħiliet għall-Ewropa ffissat l-objettiv li 70 % tal-popolazzjoni adulta tal-UE jkollhom tal-anqas ħiliet diġitali bażiċi sal-2025, 42 % tal-popolazzjoni tal-UE għad ma għandhomx ħiliet diġitali bażiċi u 37 % tal-ħaddiema għad ma għandhomx ħiliet diġitali suffiċjenti, skont il-Kummissjoni; billi għad hemm disparitajiet ġeografiċi kbar ħafna fil-ħiliet tal-ICT; billi n-nisa huma sottorappreżentati b'mod sproporzjonat fis-settur tal-ICT fl-UE, peress li jokkupaw biss 17 % (21) tar-rwoli speċjalizzati tal-ICT u huma inqas probabbli li jkollhom ħiliet diġitali speċjalizzati u li jaħdmu f'oqsma relatati mal-ICT; billi inqas minn 25 % tal-intrapriżi fl-UE-27 ipprovdew taħriġ fl-ICT lill-persunal tagħhom fl-2019, b'differenzi sinifikanti bejn l-Istati Membri (22); billi d-distakk bejn il-ġeneri għadu persistenti b'mod partikolari għall-istart-ups, filwaqt li 91 % tal-kapital totali investit fit-teknoloġija Ewropea fl-2020 mar għal timijiet ta' fundaturi magħmula esklużivament minn irġiel (23);

N.

billi l-iżvilupp tas-settur tal-ICT u l-miżuri għall-promozzjoni tal-innovazzjoni huma meħtieġa wkoll biex jappoġġaw id-diġitalizzazzjoni ekonomika u soċjali b'mod ġenerali u d-diġitalizzazzjoni fis-setturi industrijali b'mod partikolari;

O.

billi d-diġitalizzazzjoni tas-servizzi pubbliċi trid timxi id f'id mad-drittijiet għall-privatezza u l-protezzjoni tad-data personali f'konformità tar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (24);

Il-politika ta' koeżjoni għall-perjodu 2021-2027 u l-isfidi tat-tranżizzjoni doppja

1.

Jilqa' l-pakkett tal-politika ta' koeżjoni għall-perjodu 2021-2027 u l-ewwel objettiv ta' politika (OP 1) tiegħu li jiffoka fuq l-iżvilupp ta' “Ewropa aktar kompetittiva u aktar intelliġenti bis-saħħa tal-promozzjoni ta' trasformazzjoni ekonomika innovattiva u intelliġenti u konnettività tal-ICT reġjonali” (25);

2.

Jenfasizza r-rwol li l-politika ta' koeżjoni l-ġdida jista' jkollha fl-avvanz tat-tranżizzjoni doppja diġitali u ekoloġika; jissottolinja li l-komponenti diġitali u tal-innovazzjoni tal-politika ta' koeżjoni l-ġdida se jkunu fundamentali għal trasformazzjoni sostenibbli u inklużiva tas-soċjetà lejn ekonomika aktar soċjali u kompetittiva u biex jintlaħqu l-għanijiet tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u l-miri tad-Deċennju Diġitali tal-Ewropa għall-2030; jisħaq fuq il-ħtieġa ta' infrastruttura diġitali tajba u affordabbli flimkien ma' miżuri biex jiġu żviluppati l-ħiliet diġitali tal-gruppi ta' utenti kollha, u dan għandu jiġi inkoraġġit ukoll permezz tal-applikazzjoni flessibbli u komplementari ta' diversi tipi ta' appoġġ u finanzjament;

3.

Ifakkar li l-appoġġ permezz tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u tal-Fond ta' Koeżjoni (FEŻR-FK) fl-ambitu tal-OP 1 huwa disponibbli għall-Istati Membri biex jagħmlu investimenti fl-innovazzjoni f'konformità mal-kunċett ta' speċjalizzazzjoni intelliġenti; jistieden lill-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali jgħollu l-livell tal-approċċ tagħhom għall-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti billi jiffukaw fuq l-aktar oqsma u proġetti promettenti f'termini ta' opportunitajiet ta' innovazzjoni u żvilupp sostenibbli;

4.

Jenfasizza l-importanza tal-kunċett tal-irħula intelliġenti fl-indirizzar tal-isfidi diġitali tal-UE u dawk relatati mal-klima u jilqa' l-integrazzjoni tiegħu fil-politika agrikola komuni (PAK) futura u fil-politiki ta' koeżjoni u f'dawk reġjonali; jinsisti li l-Istati Membri jinkludu l-approċċ tal-irħula intelliġenti fil-programmi tal-politika ta' koeżjoni tagħhom fil-livell nazzjonali u reġjonali;

5.

Ifakkar li skont ir-Regolament FEŻR-FK, l-Istati Membri għandhom l-obbligu li jallokaw mill-inqas 8 % tar-riżorsi tagħhom għall-investiment għall-impjiegi u t-tkabbir biex jinkiseb żvilupp urban sostenibbli; jiddeplora l-fatt li għadha ma setgħetx tiġi stabbilita allokazzjoni simili għaż-żoni rurali; jinnota, f'dan ir-rigward, li r-regolament jiddikjara li għandha tingħata attenzjoni speċjali biex jiġu indirizzati l-bidliet ambjentali u klimatiċi u biex jiġi sfruttat il-potenzjal tat-teknoloġiji diġitali għal skopijiet ta' innovazzjoni, filwaqt li l-awtoritajiet reġjonali jkunu jistgħu jiffukaw il-finanzjament fil-qasam tal-iżvilupp urban sostenibbli;

6.

Ifakkar li r-Regolament dwar il-Programm Ewropa Diġitali jistabbilixxi li l-azzjoni konġunta bejn dan l-istrument u l-FEŻR-FK jeħtieġ li tikkontribwixxi għall-iżvilupp u t-tisħiħ tal-ekosistemi tal-innovazzjoni reġjonali u lokali, it-trasformazzjoni industrijali u t-trasformazzjoni diġitali tas-soċjetà u tal-amministrazzjonijiet pubbliċi;

7.

Iħeġġeġ lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jistabbilixxu miri aktar ambizzjużi għall-iżvilupp diġitali tar-reġjuni kollha tal-UE u jappella għal pjan ta' azzjoni diġitali Ewropew għar-reġjuni kollha b'miri għal nofs it-terminu u miżuri għall-2025 u b'rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-UE u l-Istati Membri sabiex jinkisbu riżultati tanġibbli sal-2030;

8.

Jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġi żgurat li l-proċessi ta' diġitalizzazzjoni jqisu b'mod xieraq l-ispeċifiċitajiet reġjonali u l-ħtiġijiet partikolari tagħhom; ifakkar li approċċ wieħed tajjeb għal kulħadd jista' jaggrava d-distakk eżistenti bejn ir-reġjuni u t-territorji b'livelli differenti ta' żvilupp;

9.

Jisħaq fuq l-importanza li tiġi żgurata l-konsistenza bejn id-diversi inizjattivi u programmi tal-UE li jippromwovu d-diġitalizzazzjoni u li jinħolqu sinerġiji mal-istrumenti tal-politika ta' koeżjoni kif xieraq sabiex l-opportunitajiet f'dan il-qasam jiġu massimizzati; iħeġġeġ lill-Istati Membri jqisu l-ħtieġa li l-investimenti fid-diġitalizzazzjoni jinkludu objettiv ta' tkabbir li jkun allinjat ma' strateġiji ta' żvilupp ekonomiku sostenibbli, filwaqt li jevitaw id-duplikazzjoni;

10.

Jinnota li sistema ta' mobilità effiċjenti hija waħda mill-kundizzjonijiet għall-iżvilupp ekonomiku reġjonali, il-koeżjoni territorjali u l-iżvilupp tal-potenzjal reġjonali; jirrimarka dwar il-ħtieġa, għalhekk, li jiġu allokati l-fondi neċessarji għall-iżvilupp u ż-żamma tal-konnessjonijiet tat-trasport ambjentalment sostenibbli u affordabbli, billi dan jista' jinkoraġġixxi lill-ġenerazzjoni akbar fl-età tibqa' fl-agrikultura għal aktar żmien u jattira liż-żgħażagħ minn ċentri reġjonali biex jaħdmu fiż-żoni rurali;

11.

Jissottolinja li r-reġjuni inqas żviluppati fl-UE jiffaċċaw sfidi speċifiċi; jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi lil dawn ir-reġjuni b'assistenza mfassla apposta, bl-għan li jissaħħu l-kapaċità amministrattiva, l-għarfien u l-għarfien espert xprunat mit-teknoloġija, sabiex tiġi żgurata tranżizzjoni li tirnexxi tal-ekonomiji u s-soċjetajiet tagħhom għal futur dejjem aktar diġitali;

12.

Jilqa' l-pożizzjoni tal-Kunsill li tappoġġa r-rikonoxximent tal-Kummissjoni tal-“isfida doppja” tat-tranżizzjoni ekoloġika u t-trasformazzjoni diġitali; jissottolinja l-potenzjal tat-tranżizzjoni doppja biex jinħolqu impjiegi ekoloġiċi u diġitali ġodda meħtieġa għall-irkupru ekonomiku wara l-pandemija tal-COVID-19 u huwa konvint li l-komponent diġitali se jkun kruċjali biex jinkisbu l-ambizzjonijiet tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-NU, kif stabbiliti fl-istrateġija diġitali tal-UE “Insawru l-futur diġitali tal-Ewropa”;

13.

Jissottolinja l-ħtieġa li jiġi appoġġat l-iżvilupp ta' soluzzjonijiet diġitali mhux biss għall-prevenzjoni tat-tibdil fil-klima, bħat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra permezz tal-effiċjenza fir-riżorsi diġitali u l-innovazzjoni intelliġenti, iżda anki għall-adattament għat-tibdil fil-klima; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu żviluppati għodod u apps ta' twissija diġitali biex jitnaqqsu l-effetti negattivi tad-diżastri naturali, bħall-għargħar, il-valangi tat-tajn, il-mewġ tas-sħana u n-nirien fil-foresti;

Negħlbu d-distakki diġitali

14.

Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-osservatorju rurali futur jiġbor data komprensiva u aġġornata dwar id-distakk diġitali sabiex jappoġġa lill-Istati Membri fl-identifikazzjoni tal-ħtiġijiet tar-reġjuni u l-bliet tagħhom; iqis li huwa fundamentali li jkun hemm informazzjoni aġġornata dwar il-progress tad-diġitalizzazzjoni fir-reġjuni Ewropej kollha u jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi d-data tal-Indiċi tal-Ekonomija u s-Soċjetà Diġitali (DESI) fil-livell NUTS 2;

15.

Jisħaq li hemm żewġ aspetti tad-distakk diġitali: l-infrastruttura u l-kapaċità, li l-oriġini tagħhom huma differenti, u li politiki differenti jridu jiġu applikati għalihom u mfassla skont il-karatteristiċi rispettivi tagħhom;

16.

Jinnota bi tħassib id-distakk diġitali li jippersisti fl-Istati Membri u bejniethom; huwa partikolarment imħasseb dwar id-distakk diġitali bejn il-bliet u ż-żoni rurali f'termini ta' kwalità u affordabbiltà tan-networks tal-broadband (26); ifakkar, b'mod partikolari, li l-investimenti futuri fl-ambitu tal-FEŻR-FK għandhom jikkontribwixxu aktar għall-iżvilupp ta' networks ta' infrastruttura diġitali b'veloċità għolja; jenfasizza l-ħtieġa li tingħata prijorità liż-żoni rurali f'dan ir-rigward;

17.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jipprovdu appoġġ u assistenza lill-pjattaformi u l-proġetti eżistenti fil-qasam tad-diġitalizzazzjoni inklużiva u ekwa bħala strumenti biex iż-żoni kollha tal-UE, inklużi ż-żoni remoti u rurali, jinġiebu fis-seklu 21;

18.

Jinnota li hemm distakk kritiku fil-ħiliet diġitali bejn l-adulti fiż-żoni rurali u dawk li jgħixu fil-bliet, u dan jaffettwa b'mod partikolari lil dawk b'introjti baxxi, lin-nisa u lill-anzjani; jinnota li dan id-distakk huwa partikolarment sinifikanti f'ċerti Stati Membri u li jaggrava d-diffikultà eżistenti biex jinstab impjieg fiż-żoni rurali; jistieden lill-Istati Membri jinvestu f'miżuri mmirati ta' titjib tal-ħiliet u f'miżuri edukattivi biex jingħalqu l-lakuni diġitali, u jenfasizza li dawn il-lakuni huma marbuta ma' nuqqas ta' aċċess għal networks b'kapaċità għolja, fost kawżi oħrajn;

19.

Jinnota b'interess kbir il-Kumpass Diġitali tal-Kummissjoni, li se jkollu l-għan li jsarraf l-ambizzjonijiet diġitali tal-UE għall-2030 f'miri konkreti f'erba' setturi ewlenin: il-ħiliet, l-infrastruttura diġitali sigura u sostenibbli, it-trasformazzjoni diġitali tan-negozju, u d-diġitalizzazzjoni tas-servizzi pubbliċi; jitlob lill-Kummissjoni tirrapporta regolarment dwar il-progress li jkun sar f'dawn l-erba' oqsma;

20.

Huwa konvint li d-diġitalizzazzjoni tirrappreżenta opportunità biex tittejjeb il-kwalità tal-ħajja u jiġu promossi l-opportunitajiet ta' edukazzjoni, il-ħolqien tal-impjiegi, l-innovazzjoni, kif ukoll aċċessibbiltà aħjar għas-servizzi pubbliċi fir-reġjuni rurali u li baqgħu lura, u b'hekk tikkontribwixxi għat-treġġigħ lura tat-tendenzi ta' depopolazzjoni u għall-ġlieda kontra l-eżodu ta' mħuħ;

21.

Jilqa' l-objettiv tal-Programm ta' Politika Diġitali tal-2030 li jiżgura li ż-żoni popolati kollha fl-UE jkunu koperti mill-5G sa tmiem id-deċennju; jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi miżuri fil-leġiżlazzjoni li jmiss biex tiffaċilita l-introduzzjoni ta' networks 5G fiż-żoni rurali, b'mod partikolari billi tnaqqas jew tneħħi proċeduri amministrattivi onerużi;

22.

Jenfasizza l-ħtieġa li jingħeleb id-distakk diġitali persistenti bejn iż-żoni rurali u urbani u li jiġi sfruttat il-potenzjal tal-konnettività u d-diġitalizzazzjoni fiż-żoni rurali permezz tal-iżvilupp ta' strateġija orizzontali; jistieden lill-Istati Membri jużaw ir-riżorsi tal-politika ta' koeżjoni, il-PAK u NextGenerationEU biex jintroduċu u jiżviluppaw kunċett ta' rħula intelliġenti wara l-2020 li jikkontribwixxi għad-diġitalizzazzjoni, it-tisħiħ tal-potenzjal ekonomiku, l-innovazzjoni u l-inklużjoni soċjali fiż-żoni rurali u l-għoti tas-setgħa lill-komunitajiet rurali permezz ta' proġetti mfassla apposta bl-għan li jtejbu l-konnettività u l-infrastruttura tal-broadband; ifakkar, madankollu, li l-istrateġiji tad-diġitalizzazzjoni għandhom jiġu adattati għall-kuntest rurali u implimentati bl-involviment u l-parteċipazzjoni attiva tal-komunitajiet rurali nfushom u bl-applikazzjoni ta' teknoloġiji diġitali u tar-robotika fl-agrikoltura; jisħaq li l-mira għall-2030 ta' tranżizzjoni lejn agrikoltura sostenibbli tista' tintlaħaq permezz tal-promozzjoni ta' teknoloġiji ġodda, ir-riċerka u l-innovazzjoni u t-trasferiment kontinwu tal-għarfien lejn il-kampanja;

23.

Iħeġġeġ lill-Istati Membri jużaw bl-aħjar mod possibbli u bl-aktar mod effiċjenti r-riżorsi finanzjarji disponibbli għalihom kemm permezz tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej kif ukoll permezz ta' NextGenerationEU sabiex ir-reġjuni jingħataw l-appoġġ immirat li jeħtieġu biex jirkupraw u jegħlbu d-distakk diġitali fiż-żoni rurali u bejn il-ġenerazzjonijiet; jistieden lill-Istati Membri, barra minn hekk, jappoġġaw l-introduzzjoni ta' networks b'kapaċità għolja ħafna permezz ta' skemi adegwati ta' finanzjament pubbliku f'żoni li ma jkunux moqdija mis-suq u jipprovdu soluzzjonijiet transsettorjali u komprensivi, bħall-irħula intelliġenti u ċ-ċentri ta' innovazzjoni rurali; jappoġġa l-isforzi biex tiġi promossa d-diġitalizzazzjoni billi tissaħħaħ il-konċentrazzjoni tematika fil-politika ta' koeżjoni, waqt li fl-istess ħin tiġi promossa l-kooperazzjoni mal-Bank Ewropew tal-Investiment jew ma' banek oħra għall-iżvilupp; jiġbed l-attenzjoni għar-riskju li jiżdiedu d-disparitajiet billi ma jingħatax appoġġ xieraq liż-żoni l-aktar vulnerabbli, li spiss ikollhom kapaċità aktar dgħajfa biex jippjanaw u jonfqu l-fondi b'mod effettiv, minkejja li jkollhom l-akbar ħtieġa;

24.

Jappella, barra minn hekk, għall-implimentazzjoni sħiħa tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, li l-istrument il-ġdid ta' finanzjament diġitali tagħha se jkollu rwol vitali, flimkien ma' konnettività diġitali transfruntiera akbar, biex jingħalqu d-distakki ekonomiċi, soċjali u territorjali, filwaqt li joffru opportunitajiet ġodda u numerużi lir-reġjuni u liż-żoni rurali tal-Ewropa;

Diġitalizzazzjoni inklużiva u ekwa

25.

Jisħaq fuq il-ħtieġa ta' proċess ta' diġitalizzazzjoni sostenibbli u inklużiv li jkun soċjalment u ekonomikament ekwu u li ma jħalli lil ħadd lura; jissottolinja li l-appoġġ fl-ambitu tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej għandu jikkontribwixxi għall-iżvilupp tal-potenzjal diġitali u tal-innovazzjoni fis-settur tal-SMEs biex jissaħħu l-kapaċitajiet u l-ħiliet diġitali fil-popolazzjoni, u għandu jappoġġa l-inklużjoni fis-soċjetà diġitali u jrawwem il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali fir-reġjuni kollha tal-UE b'enfasi fuq ir-reġjuni inqas żviluppati;

26.

Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li d-diġitalizzazzjoni tas-servizzi pubbliċi timxi id f'id ma' miżuri li jiffaċilitaw il-kapaċità tan-nies li jkollhom aċċess għall-internet mingħajr diskriminazzjoni, restrizzjoni jew indħil; ifakkar li l-premessa ta' tranżizzjoni diġitali ta' suċċess tiddependi minn konnessjoni tal-internet b'kapaċità għolja u affordabbli;

27.

Jissottolinja l-isfidi li jiffaċċaw ir-reġjuni periferiċi tal-Ewropa, inklużi l-gżejjer tagħha, f'termini ta' konnettività diġitali; iqis li l-konnettività diġitali hija wieħed mill-pilastri essenzjali ta' kwalunkwe strateġija għall-gżejjer tal-Ewropa; jappella għal aktar azzjoni biex it-tranżizzjoni diġitali ssir inklużiva għall-komunitajiet lokali kollha;

28.

Jinnota bi tħassib li ż-żieda fl-użu ta' soluzzjonijiet diġitali u tat-TICTM b'riżultat tal-pandemija tal-COVID-19 ħarrxet l-inugwaljanzi preeżistenti kkawżati minn distakki diġitali fi gruppi differenti tal-popolazzjoni; jisħaq, madankollu, li d-diġitalizzazzjoni għandha wkoll il-potenzjal li tkun ta' benefiċċju għall-gruppi soċjalment u ekonomikament vulnerabbli u emarġinati dment li jiġu ssodisfati ċerti kundizzjonijiet; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-persuni esklużi mid-diġitalizzazzjoni jiffaċċaw esklużjoni doppja peress li jistgħu jiffaċċaw ukoll diffikultajiet f'termini ta' aċċess għall-edukazzjoni, għas-suq tax-xogħol jew għal servizzi pubbliċi essenzjali; jissottolinja li l-irħula intelliġenti b'mod partikolari jistgħu jservu bħala soluzzjoni prattika biex jiżdiedu s-servizzi disponibbli fiż-żoni rurali, u b'hekk jitnaqqsu l-inugwaljanzi eżistenti;

29.

Jisħaq li l-pandemija tal-COVID-19 enfasizzat l-importanza ta' soluzzjonijiet diġitali, b'mod partikolari t-telexogħol; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tipproponi direttiva dwar standards u kundizzjonijiet minimi għal telexogħol ekwu sabiex tipproteġi s-saħħa u s-sikurezza tal-ħaddiema u tiżgura kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti, inklużi n-natura volontarja ta' tali xogħol, ir-rispett tas-sigħat tax-xogħol, il-liv, bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata u drittijiet diġitali oħra fuq il-post tax-xogħol bħad-dritt għall-iskonnessjoni u l-protezzjoni tal-privatezza tal-ħaddiema, inkluż permezz tal-projbizzjoni tal-monitoraġġ remot jew kwalunkwe tip ieħor ta' traċċar diġitali, u tal-użu tal-intelliġenza artifiċjali fil-proċessi ta' reklutaġġ, filwaqt li tqis il-Ftehim Qafas tas-Sħab Soċjali Ewropej dwar id-Diġitalizzazzjoni;

30.

Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżviluppaw strateġija globali li tintegra perspettiva olistika fil-livelli kollha biex jiġu indirizzati l-inugwaljanzi soċjali u d-diskriminazzjoni assoċjati mad-diġitalizzazzjoni u mat-telexogħol jew ix-xogħol ibridu, bl-għan li jissaħħu l-effetti pożittivi tagħha;

31.

Iqis li l-għoti tas-setgħa liċ-ċittadini, il-konsultazzjoni tal-partijiet ikkonċernati rilevanti u l-involviment tal-awtoritajiet lokali huma kruċjali kemm għall-ippjanar xieraq kif ukoll għall-implimentazzjoni b'suċċess tal-istrateġiji diġitali reġjonali;

Id-diġitalizzazzjoni tal-intrapriżi żgħar u medji u tas-servizzi pubbliċi

32.

Jitlob li jingħata segwitu għall-pjan ta' azzjoni dwar il-gvern elettroniku b'żewġ objettivi globali ewlenin: l-iżgurar ta' trasformazzjoni diġitali effiċjenti u t-tnaqqis tal-burokrazija, biex b'hekk tissaħħaħ il-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini, permezz ta' miżuri li jtejbu l-aċċess u s-servizzi pubbliċi fl-Istati Membri kollha u jagħtu spinta lit-trasparenza; u l-istabbiliment ta' miżuri biex jiżdiedu l-ħiliet diġitali għall-ħaddiema tas-settur pubbliku; jissottolinja li dan is-segwitu għandu jqis il-ħafna tagħlimiet meħuda mill-pandemija tal-COVID-19, li matulha s-servizzi tal-amministrazzjoni pubblika saru kważi esklużivament online;

33.

Jinnota li l-pandemija tal-COVID-19 uriet li ż-żieda tat-TICTM kemm fis-settur privat kif ukoll f'dak pubbliku għamlet lis-soċjetà tagħna aktar vulnerabbli għall-attakki ċibernetiċi; ifakkar li l-aċċess remot għal networks tas-settur privat jew pubbliku jeħtieġ soluzzjonijiet ġodda taċ-ċibersigurtà;

34.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħmlu progress aktar mgħaġġel fir-rigward tad-diġitalizzazzjoni tas-servizzi pubbliċi, inklużi l-iskejjel, l-universitajiet, l-istituti tar-riċerka, it-trasport pubbliku, il-gvern elettroniku u l-amministrazzjoni effiċjenti;

35.

Jinnota li l-pandemija tal-COVID-19 aċċellerat iż-żieda ta' soluzzjonijiet fir-rigward tas-servizzi pubbliċi elettroniċi u tas-saħħa elettronika; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi indirizzat id-distakk fil-ħiliet elettroniċi fost il-professjonisti tas-saħħa u li l-pazjenti, speċjalment l-anzjani u ċ-ċittadini soċjalment żvantaġġati, jingħataw is-setgħa li jużaw is-saħħa diġitali; iwissi li xi persuni li jistgħu jkunu inqas kapaċi jużaw jew jaffordjaw it-teknoloġiji li jeħtieġu, bħall-anzjani jew dawk soċjalment żvantaġġati, jistgħu jitħallew lura; jindika l-ħtieġa ta' investiment pubbliku f'oqsma bħar-riżorsi umani, l-offerti pubbliċi diġitali u miżuri ta' appoġġ proattivi biex jiġi ggarantit aċċess mhux diskriminatorju, rapidu u ta' kwalità għolja għas-servizzi pubbliċi diġitali għal kulħadd, inklużi s-servizzi tas-saħħa; jenfasizza l-ħtieġa, f'dan il-kuntest, li tiġi aċċentwata l-importanza tal-promozzjoni u t-tisħiħ ta' azzjoni dwar l-edukazzjoni u l-iżvilupp tal-ħiliet diġitali, speċjalment fiż-żoni rurali; jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġi sfruttat il-potenzjal sħiħ ta' għodod, teknoloġiji u soluzzjonijiet diġitali ġodda għal soċjetà sana;

36.

Jirrikonoxxi li huwa importanti aktar minn qatt qabel li jiġi żgurat xogħol ekwu u soċjalment sostenibbli u parteċipazzjoni reali tal-impjegati fit-tiswir tal-kundizzjonijiet tax-xogħol – fil-pjattaformi diġitali kif ukoll fis-setturi l-oħra kollha – u li l-ħaddiema jeħtiġilhom ikollhom influwenza demokratika fuq il-governanza tax-xogħol; jissottolinja li l-benefiċċji tad-diġitalizzazzjoni jridu jiġu kondiviżi b'mod wiesa' u ekwu u li l-ħaddiema fis-settur diġitali jeħtiġilhom igawdu l-istess drittijiet u kundizzjonijiet tax-xogħol bħal dawk f'setturi oħra; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi direttiva dwar kundizzjonijiet u drittijiet tax-xogħol deċenti fl-ekonomija diġitali;

37.

Jissottolinja r-rwol kruċjali tal-imprendituri, tal-mikrointrapriżi u tal-SMEs fil-ħolqien ta' impjiegi deċenti, tkabbir sostenibbli u żvilupp rurali u jemmen li l-investimenti pubbliċi permezz tal-politika ta' koeżjoni u strumenti oħra se jikkontribwixxu għal koeżjoni soċjali, ekonomika u territorjali aħjar fir-reġjuni kollha tal-UE; jenfasizza li l-aċċess għall-finanzjament huwa waħda mill-aktar kwistjonijiet urġenti għal ħafna intrapriżi mikro u żgħar u li tipi differenti ta' SMEs jeħtieġu tipi individwalizzati ta' appoġġ u inċentivi fil-livelli tal-UE, nazzjonali, reġjonali u lokali, skont iċ-ċirkostanzi tagħhom u l-livell tagħhom fir-rigward tat-teknoloġija; iħeġġeġ lir-reġjuni jistabbilixxu strateġiji ta' innovazzjoni orjentati lejn l-SMEs li jkunu allinjati mal-istrateġiji tagħhom ta' riċerka u innovazzjoni għal speċjalizzazzjoni intelliġenti;

38.

Jiddispjaċih għall-fatt li l-maġġoranza l-kbira tal-SMEs fl-UE għadhom ma laqgħux bis-sħiħ it-trasformazzjoni diġitali; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-Istati Membri jużaw il-programmi operazzjonali biex jindirizzaw lil SMEs f'żoni bi żvilupp diġitali aktar baxx;

39.

Jinnota li l-kummerċ elettroniku għandu potenzjal kbir għall-SMEs rurali u għall-produtturi lokali peress li jkabbar il-firxa tagħhom u jnaqqas l-ostakli assoċjati mar-reġjuni li qed jiffaċċaw sfidi ġeografiċi jew demografiċi serji u permanenti; jistieden lir-reġjuni u lill-Istati Membri jistabbilixxu proġetti pilota u strateġiji ta' diġitalizzazzjoni biex jintegraw il-kummerċ elettroniku fil-mudelli kummerċjali tal-SMEs rurali;

40.

Jirrikonoxxi l-potenzjal tad-diġitalizzazzjoni biex jiġu konnessi l-kumpaniji, speċjalment l-SMEs, u jenfasizza l-impatt pożittiv tad-diġitalizzazzjoni fl-għoti ta' servizzi soċjali bħal soluzzjonijiet ta' trasport intelliġenti, saħħa elettronika, servizzi bankarji online u soluzzjonijiet ta' tagħlim imfassla apposta għal studenti vulnerabbli; ifakkar fl-importanza li fl-istess ħin tiġi pprovduta edukazzjoni dwar il-ħiliet diġitali biex jiġi żgurat li ħadd ma jitħalla jibqa' lura;

41.

Ifakkar li r-Regolament dwar il-Programm Ewropa Diġitali jistabbilixxi li s-sinerġiji bejn dan il-programm u l-FEŻR-FK għandhom jikkontribwixxu għall-iżvilupp u t-tisħiħ tal-ekosistemi tal-innovazzjoni reġjonali u lokali, it-trasformazzjoni industrijali u t-trasformazzjoni diġitali tas-soċjetà u tal-amministrazzjonijiet pubbliċi;

42.

Jenfasizza l-fehma tal-Qorti tal-Awdituri (27) dwar il-FEŻR-FK, jiġifieri li l-SMEs jipprovdu soluzzjonijiet innovattivi għal sfidi bħat-tibdil fil-klima, l-effiċjenza fir-riżorsi u l-koeżjoni soċjali u jgħinu biex din l-innovazzjoni tinfirex madwar ir-reġjuni tal-Ewropa, ħaġa li tagħmilhom essenzjali għat-tranżizzjoni tal-UE lejn ekonomija sostenibbli u diġitali;

43.

Jinnota bi tħassib li kemm l-istart-ups kif ukoll l-SMEs stabbiliti jbatu biex isibu impjegati b'ħiliet u jenfasizza li n-nuqqas ta' ħiliet huwa partikolarment akut għall-ħiliet relatati mad-diġitalizzazzjoni u t-teknoloġiji ġodda, peress li 35 % tal-forza tax-xogħol (28) għandhom livell baxx ta' ħiliet jew ebda ħila diġitali; jemmen li għandhom jiġu varati inizjattivi sabiex jiġu appoġġati l-SMEs li jiffaċċaw sfidi partikolari u biex jiġu żviluppati kompetenzi u ħiliet fil-forza tax-xogħol li huma vitali għall-ekonomija moderna, inkluż f'termini li jiġu attirati u miżmuma talenti diġitali, filwaqt li jitrawmu ħiliet diġitali flessibbli u opportunitajiet ta' titjib tal-ħiliet u taħriġ mill-ġdid ta' ħiliet għal kulħadd, irrispettivament mill-istatus tal-impjieg, l-età, l-edukazzjoni jew il-professjoni;

44.

Jenfasizza l-importanza li jiżdied in-numru ta' negozji innovattivi billi jiġi żgurat l-aċċess għal teknoloġiji ġodda, billi jkun hemm konformità ma' Industrija 4.0 u mal-istandards tal-ekonomija sostenibbli, billi jiġi mobilizzat il-kapital privat, billi jiġu żviluppati r-riżorsi umani, u billi jingħata appoġġ għall-inizjattivi ta' bliet intelliġenti;

Il-promozzjoni tal-ħiliet għall-era diġitali

45.

Jisħaq fuq il-ħtieġa li jitnaqqsu d-distakki tal-ħiliet diġitali fl-UE kollha biex l-individwi u n-negozji jkunu jistgħu jisfruttaw it-trasformazzjoni diġitali bis-sħiħ; jappella għall-implimentazzjoni progressiva tal-Pjan ta' Azzjoni tal-Kummissjoni għall-Edukazzjoni Diġitali għall-perjodu 2021-2027 għall-promozzjoni ta' ħiliet aħjar ta' diġitalizzazzjoni, li jiggarantixxu edukazzjoni, taħriġ, u opportunitajiet ta' impjieg għal kulħadd, inkluż għall-intraprenditorija; jenfasizza r-rwol kruċjali tal-Istati Membri u tal-gvernijiet reġjonali fl-appoġġ tal-awtoritajiet rurali fl-isforzi tagħhom biex isawru u jiżguraw l-inklużjoni diġitali billi jipproteġu d-data taċ-ċittadini u jagħtu s-setgħa lin-nies u lin-negozju lokali permezz tal-aċċess għad-data; jisħaq fuq il-ħtieġa li l-ħiliet diġitali u l-litteriżmu medjatiku jiġu promossi tul il-ħajja u minn età bikrija; jistieden lill-Kummissjoni tinkoraġġixxi l-appoġġ għall-programmi u l-inizjattivi edukattivi dwar il-litteriżmu medjatiku diġitali fl-iskejjel, fl-istabbilimenti tat-taħriġ vokazzjonali u fl-universitajiet; jisħaq, f'dan ir-rigward, fuq l-importanza tal-FSE+ fir-rigward tal-finanzjament ta' proġetti li jgħinu lill-ħaddiema jew lill-persuni qiegħda jiksbu ħiliet ġodda, fid-dawl tal-objettivi tal-fond li jħejjihom b'ħiliet ġodda biex itejbu l-pożizzjonijiet tagħhom fuq il-post tax-xogħol (titjib tal-ħiliet) jew b'ħiliet li jgħinuhom isibu xogħol ieħor (taħriġ mill-ġdid ta' ħiliet); iqis li huwa importanti li jiġu stabbiliti mudelli ta' tagħlim ibridu li jagħmlu t-titjib tal-ħiliet aċċessibbli għal dawk b'ħiliet bażiċi jew għal dawk mingħajr ħiliet diġitali;

46.

Jilqa' r-rakkomandazzjoni fil-Garanzija għaż-Żgħażagħ imsaħħa, li l-persuni barra mill-edukazzjoni, l-impjieg jew it-taħriġ għandhom jgħaddu minn valutazzjoni tal-ħiliet diġitali u – fejn jiġu identifikati lakuni – jingħataw taħriġ biex itejbu l-ħiliet diġitali tagħhom;

47.

Jinnota distakk kritiku fil-ħiliet diġitali bejn persuni li jgħixu fiż-żoni rurali u dawk li jgħixu fil-bliet, kif ukoll bejn il-ġenerazzjonijiet; jinnota, barra minn hekk, il-prevalenza sproporzjonata ta' TICTM fost impjegati bbażati fil-bliet, b'livell għoli ta' edukazzjoni u li jaħdmu fis-settur tas-servizzi b'livell għoli ta' ħiliet diġitali; josserva n-nuqqas ta' opportunitajiet biex jinkisbu ħiliet diġitali fiż-żoni rurali; iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jużaw l-FSE+ u l-FEŻR biex jadottaw miżuri biex jikkumpensaw għal dan l-iżbilanċ u jipprovdu opportunitajiet ta' impjieg fir-reġjuni f'riskju ta' depopolazzjoni; jinnota li l-irħula intelliġenti jistgħu jservu bħala soluzzjoni prattika, minħabba li jinkorporaw strumenti ta' tagħlim diġitali fl-approċċ diġitali minn isfel għal fuq li japplikaw;

48.

Jissottolinja li l-promozzjoni u l-iżvilupp tal-ħiliet elettroniċi għandhom rwol essenzjali fil-bini ta' kapaċità akbar fis-suq tax-xogħol, jippromwovu l-inklużjoni soċjali, jappoġġaw id-diversifikazzjoni teknoloġika u joħolqu opportunitajiet ta' impjieg, speċjalment fiż-żoni rurali u fir-reġjuni inqas żviluppati; iħeġġeġ lill-Kummissjoni ssaħħaħ l-isforzi tagħha biex tindirizza d-distakki fil-ħiliet diġitali billi tilħaq lill-partijiet ikkonċernati kollha permezz tal-Koalizzjoni għall-Ħiliet u l-Impjiegi Diġitali;

49.

Jinnota li l-FSE+, imsemmi taħt l-objettiv ta' politika erbgħa (OP 4) tar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni, jinkludi objettiv speċifiku li jkopri l-ħiliet diġitali, l-inklużività u s-sistemi ta' taħriġ, inkluż permezz tal-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali;

50.

Jenfasizza li l-Aġenda għall-Ħiliet għall-Ewropa titlob investiment fl-infrastruttura b'impatt soċjali għoli, inkluża l-infrastruttura diġitali, permezz tal-FEŻR-FK u l-programm InvestEU; jisħaq fuq il-ħtieġa ta' investiment fl-infrastruttura diġitali permezz tal-FEŻR-FK u l-programm InvestEU li jibni fuq inizjattivi biex jiġu promossi l-ħiliet diġitali bħall-Pjan ta' Azzjoni għall-Edukazzjoni diġitali għall-perjodu 2021-2027;

51.

Itenni li l-indirizzar tat-tibdil demografiku jikkostitwixxi sfida fundamentali għall-UE li għandha tingħata prijorità fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-programmi; ifakkar, f'dan ir-rigward, li wieħed mill-objettivi ewlenin stipulati fl-FEŻR-FK għall-2021-2027 huwa li jiġu appoġġati żoni urbani u rurali bi żvantaġġi ġeografiċi jew demografiċi, fejn l-Istati Membri jkollhom jallokaw appoġġ finanzjarju tal-UE għal proġetti li jippromwovu l-iżvilupp diġitali fir-reġjuni kkonċernati u l-konnettività tal-ICT; ifakkar, f'dan ir-rigward, li għandu jingħata appoġġ partikolari liż-żoni ta' livell NUTS 3 jew lil raggruppamenti ta' unitajiet amministrattivi lokali b'densità tal-popolazzjoni ta' inqas minn 12,5-il abitant għal kull kilometru kwadru jew bi tnaqqis medju annwali fil-popolazzjoni ta' aktar minn 1 % bejn l-2007 u l-2017, li għandhom ikunu soġġetti għal valutazzjonijiet reġjonali u nazzjonali speċifiċi;

52.

Jilqa' l-varar tal-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta u l-enfasi tiegħu fuq it-taħriġ u l-ħiliet; japprezza l-fatt li jippermetti investiment fl-infrastruttura soċjali bħal ċentri ta' taħriġ għal opportunitajiet ta' impjieg aħjar u impjiegi ta' kwalità għar-reġjuni kollha fit-tranżizzjoni lejn in-newtralità klimatika sa mhux aktar tard mill-2050, filwaqt li jenfasizza l-ħtieġa li tingħata attenzjoni partikolari lill-ħiliet diġitali; jistieden lill-Kummissjoni tevalwa l-ħtieġa u l-fattibbiltà ta' Fond għal Tranżizzjoni Ġusta rivedut biex jiġu indirizzati l-isfidi attwali;

53.

Jistieden lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet amministrattivi tagħhom jiffaċilitaw u jissimplifikaw l-aċċess għall-fondi ta' NextGenerationEU u għall-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej għaż-żoni rurali; iqis li huwa neċessarju li jiġi żgurat li l-atturi istituzzjonali rilevanti kollha jiġu mmonitorjati bir-reqqa fl-użu tal-fondi ta' NextGenerationEU u tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej fil-livell territorjali biex jiġi żgurat li l-finanzjament jitqassam b'mod ekwu bejn ir-reġjuni;

54.

Jesprimi tħassib li ħafna offerti pubbliċi għal programmi diġitali se jiġu allokati permezz ta' sejħa għal proposti, għaliex dan jista' jimmina l-kapaċità taż-żoni rurali li jaċċessaw il-fondi ta' NextGenerationEU u l-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej, peress li l-bini ta' kapaċitajiet u l-appoġġ tekniku tagħhom fil-programmazzjoni u l-infiq tal-fondi tal-UE huma tradizzjonalment aktar dgħajfa;

55.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jimplimentaw malajr il-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar id-drittijiet tal-bniedem, il-parteċipazzjoni u l-benesseri tal-persuni akbar fl-età fl-era tad-diġitalizzazzjoni, inkluż il-ħolqien ta' pjattaforma għall-parteċipazzjoni u l-volontarjat wara l-ħajja tax-xogħol u l-promozzjoni ta' skambji u rabtiet bejn il-ġenerazzjonijiet;

o

o o

56.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-Istati Membri.

(1)  ĠU L 231, 30.6.2021, p. 159.

(2)  ĠU L 231, 30.6.2021, p. 60.

(3)  ĠU L 231, 30.6.2021, p. 94.

(4)  ĠU L 231, 30.6.2021, p. 21.

(5)  ĠU L 437, 28.12.2020, p. 30.

(6)  ĠU L 231, 30.6.2021, p. 1.

(7)  ĠU L 107, 26.3.2021, p. 30.

(8)  ĠU L 166, 11.5.2021, p. 1.

(9)  Rissola, G., Kune, H., Martinez, P., Innovation camp methodology handbook: realising the potential of the entrepreneurial discovery process for territorial innovation and development, Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, Lussemburgu.

(10)  Arregui Pabollet, E. et al., The Changing nature of work and skills in the digital age, Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, Lussemburgu.

(11)  Dijkstra, L., Poelman, H., Rodríguez-Pose, A., The Geography of EU Discontent, Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, Lussemburgu.

(12)  ĠU C 15, 12.1.2022, p. 204.

(13)  ĠU C 270, 7.7.2021, p. 2.

(14)  ĠU C 494, 8.12.2021, p. 26.

(15)  ĠU C 15, 12.1.2022, p. 125.

(16)  Dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tal-11 ta' Ġunju 2020 bit-titolu “Digital Economy and Society Index (DESI) 2020” (Indiċi tal-Ekonomija u s-Soċjetà Diġitali (DESI) 2020) (SWD(2020)0111).

(17)  SWD(2020)0111.

(18)  Negreiro, M., Madiega, T., Servizz Ewropew ta' Riċerka Parlamentari, Digital Transformation, Ġunju 2019.

(19)  Abbozz ta' konklużjonijiet tal-Kunsill dwar it-telexogħol fil-kuntest tax-xogħol mill-bogħod, paragrafu 17.

(20)  Dokument ta' ħidma tal-Kummissjoni ta' Mejju 2020 bit-titolu “Teleworkability and the COVID-19 crisis: a new digital divide?” (Il-possibbiltà ta' telexogħol u l-kriżi tal-COVID-19: distakk diġitali ġdid?).

(21)  Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi, “Work-life balance in the ICT sector – Women in the ICT sector” (Il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata fis-settur tal-ICT – In-nisa fis-settur tal-ICT).

(22)  Policy brief taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni, Telework in the EU before and after the COVID-19: where we were, where we head to (It-telexogħol fl-UE qabel u wara l-COVID-19: fejn konna, fejn sejrin), 2020.

(23)  Ir-rapport tal-2020 dwar l-istat tat-teknoloġiji Ewropej.

(24)  ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1.

(25)  L-Artikolu 5(1)(a) tar-Regolament (UE) 2021/1060.

(26)  Negreiro, M., Servizz Ewropew ta' Riċerka Parlamentari, The rise of digital health technologies during the pandemic (L-avvanz tat-teknoloġiji diġitali tas-saħħa matul il-pandemija), April 2021.

(27)  Qorti Ewropea tal-Awdituri, stqarrija għall-istampa, “Il-finanzjament Ewropew li jagħti spinta lill-kompetittività tal-SMEs qed jiġi eżaminat mill-Awdituri tal-UE”, 14 ta' Ottubru 2020.

(28)  Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri, Azzjonijiet li ttieħdu mill-UE biex jiġi indirizzat il-livell baxx ta' ħiliet diġitali, Frar 2021.