6.9.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 342/2


P9_TA(2022)0022

L-isfidi għaż-żoni urbani fl-era ta' wara l-COVID-19

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Frar 2022 dwar l-isfidi għaż-żoni urbani fl-era ta' wara l-COVID-19 (2021/2075(INI))

(2022/C 342/01)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), b'mod partikolari t-Titolu XVIII tiegħu,

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2020/2221 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Diċembru 2020 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1303/2013 fir-rigward ta' riżorsi addizzjonali u arranġamenti ta' implimentazzjoni biex jipprovdi assistenza għat-trawwim ta' miżuri li jsewwu d-dannu kkawżat mill-kriżi fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19 u l-konsegwenzi soċjali tagħha u għat-tħejjija ta' rkupru ekoloġiku, diġitali u reżiljenti tal-ekonomija (REACT-EU) (1),

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2021/1060 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ġunju 2021 li jistipula dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew Plus, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura u r-regoli finanzjarji għalihom u għall-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni, il-Fond għas-Sigurtà Interna u l-Istrument għall-Appoġġ Finanzjarju għall-Ġestjoni tal-Fruntieri u l-Politika dwar il-Viżi (2) (ir-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni),

wara li kkunsidra r-Regolament (KE) 2021/1058 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ġunju 2021 dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Fond ta' Koeżjoni (3),

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2021/1059 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ġunju 2021 dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għall-mira tal-kooperazzjoni territorjali Ewropea (Interreg) appoġġata mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u mill-istrumenti ta' finanzjament estern (4),

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2021/1056 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta (5),

wara li kkunsidra l-Patt ta' Amsterdam li jistabbilixxi l-Aġenda Urbana tal-UE, miftiehma bejn il-Ministri tal-UE responsabbli għal kwistjonijiet urbani fit-30 ta' Mejju 2016,

wara li kkunsidra l-Ftehim adottat fil-21 Konferenza tal-Partijiet għall-UNFCCC (COP21) li saret f'Pariġi fit-12 ta' Diċembru 2015 (il-Ftehim ta' Pariġi),

wara li kkunsidra l-Aġenda 2030 tan-NU għall-Iżvilupp Sostenibbli, b'mod partikolari l-Għan ta' Żvilupp Sostenibbli (SDG) 11 dwar bliet u komunitajiet sostenibbli,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Settembru 2015 dwar id-dimensjoni urbana tal-politiki tal-UE (6),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Marzu 2018 dwar ir-rwol tar-reġjuni u tal-bliet tal-UE fl-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Pariġi tas-COP 21 dwar it-tibdil fil-klima (7),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-3 ta' Lulju 2018 dwar ir-rwol tal-bliet fil-qafas istituzzjonali tal-Unjoni (8),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Settembru 2020 dwar is-Sena Ewropea tal-Bliet Aktar Ekoloġiċi 2022 (9),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta' Jannar 2021 dwar l-aċċess għal akkomodazzjoni diċenti u affordabbli għal kulħadd (10),

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni dwar l-Aġenda Urbana tal-UE, miftiehma bejn il-ministri responsabbli għall-koeżjoni territorjali u kwistjonijiet urbani fl-10 ta' Ġunju 2015,

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-24 ta' Ġunju 2016 dwar Aġenda Urbana tal-UE,

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' Diċembru 2019 dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew (COM(2019)0640),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta' Lulju 2014 bit-titolu “Id-dimensjoni urbana tal-politiki tal-UE – aspetti prinċipali tal-aġenda urbana tal-UE” (COM(2014)0490),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta' Ġunju 2021 bit-titolu “Viżjoni fit-tul għaż-żoni rurali tal-UE – Lejn żoni u komunitajiet rurali aktar b'saħħithom, konnessi, reżiljenti u prosperużi sal-2040” (COM(2021)0345),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta' Marzu 2021 bit-titolu “Unjoni ta' Ugwaljanza: Strateġija dwar id-Drittijiet tal-Persuni b'Diżabilità 2021-2030” (COM(2021)0101),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-7 ta' Ottubru 2020 bit-titolu “Unjoni tal-Ugwaljanza: Qafas strateġiku tal-UE għar-Rom għall-ugwaljanza, għall-inklużjoni u għall-parteċipazzjoni” (COM(2020)0620),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta' Novembru 2020 bit-titolu “Unjoni ta' Ugwaljanza: Strateġija dwar l-Ugwaljanza tal-LGBTIQ 2020-2025” (COM(2020)0698),

wara li kkunsidra n-New Leipzig Charter on the transformative power of cities for the common good (New Leipzig Charter dwar il-qawwa trasformattiva tal-bliet għall-ġid komuni), adottata fil-Laqgħat Ministerjali Informali organizzati fit-30 ta' Novembru 2020,

wara li kkunsidra l-Aġenda Urbana Ġdida adottata fil-Konferenza tan-NU dwar l-Akkomodazzjoni u l-Iżvilupp Urban Sostenibbli (Habitat III) fi Quito, l-Ekwador, fl-20 ta' Ottubru 2016,

wara li kkunsidra r-Rapport tal-Kummissjoni tal-2016 dwar l-Istat tal-Bliet Ewropej,

wara li kkunsidra l-Inizjattiva Ewlenija Globali tan-Nisa tan-NU “Safe Cities and Safe Public Spaces for Women and Girls” (Bliet Sikuri u Spazji Pubbliċi Sikuri għan-Nisa u l-Bniet),

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika, li nfetħet għall-iffirmar f'Istanbul fil-11 ta' Mejju 2011 (“il-Konvenzjoni ta' Istanbul”),

wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura tagħha,

wara li kkunsidra l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali u tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali (A9-0352/2021),

A.

billi l-bliet jibqgħu fuq quddiem nett tal-kriżi tal-COVID-19, bi tnaqqis fl-attività ekonomika, rati għoljin ta' infezzjoni, rati baxxi ta' tilqim u spiss riżorsi inadegwati; billi l-pandemija aggravat ukoll in-nuqqasijiet prevalenti fiż-żoni urbani, u kixfet il-vulnerabbiltajiet tagħhom;

B.

billi l-inugwaljanzi li ilhom jeżistu kibru fil-bliet kbar u żgħar minħabba l-pandemija; billi n-nies f'sitwazzjonijiet vulnerabbli saru saħansitra aktar vulnerabbli; billi l-bliet jiffaċċjaw sfidi bħall-aċċess għall-akkomodazzjoni bi prezz raġonevoli, il-kondizzjoni ta' persuni mingħajr dar, l-esklużjoni soċjali, il-faqar u nuqqas ta' aċċess għas-servizzi pubbliċi, tas-saħħa u servizzi essenzjali oħra;

C.

billi 72 % tan-nies fl-UE jgħixu fi bliet u fi bliet żgħar; billi l-bliet u l-bliet żgħar jeħtiġilhom ikunu involuti direttament fl-irkupru mill-COVID-19; billi l-isforzi ta' rkupru jridu jagħmlu ħilithom biex jindirizzaw vulnerabbiltajiet li ilhom jeżistu u jmorru lil hinn mill-indirizzar tal-impatti fuq is-saħħa tal-COVID-19 ħalli jindirizzaw l-inugwaljanzi persistenti;

D.

billi l-pandemija kellha impatti fuq il-ġeneru li l-bliet, il-bliet żgħar u ż-żoni urbani funzjonali se jkollhom iqisu; billi l-kwarantini u r-rekwiżiti tat-tbegħid soċjali poġġew lin-nisa f'riskju akbar ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru u, fl-istess ħin, l-aċċess tan-nisa għal networks ta' appoġġ, servizzi soċjali u faċilitajiet tas-saħħa sesswali u riproduttiva naqas;

E.

billi ż-żoni metropolitani huma l-aktar inugwali fir-rigward tal-aċċess għal riżorsi essenzjali bħall-kura tas-saħħa, l-edukazzjoni u d-diġitalizzazzjoni, speċjalment għal persuni f'sitwazzjonijiet vulnerabbli; billi huma meħtieġa sforzi aktar sostnuti biex jiġu miġġielda forom multipli ta' diskriminazzjoni u inugwaljanza;

F.

billi d-distakk diġitali huwa intersezzjonali u jkopri l-kategoriji kollha, inklużi d-differenzi bejn il-ġeneri, il-ġenerazzjonijiet u l-istatus soċjali, u ġie aggravat matul il-pandemija tal-COVID-19; billi ħafna akkomodazzjonijiet u istituzzjonijiet edukattivi ma għandhomx aċċess għal tagħmir diġitali adegwat u aġġornat;

G.

billi t-telf ta' impjiegi huwa stmat li huwa ogħla fi bliet kbar milli bnadi oħra, u jolqot ħafna b'mod partikolari lill-ħaddiema b'livell baxx ta' ħiliet, lill-ħaddiema li jaħdmu għal rashom u lill-ħaddiema migranti, kif ukoll lil dawk b'kuntratti prekarji; billi r-riskju tal-qgħad huwa l-ogħla fost iż-żgħażagħ, li l-perkorsi tal-edukazzjoni u tat-taħriġ tagħhom u l-iżvilupp personali tagħhom ġew imfixkla, u ħafna minnhom ma sabux l-internships jew l-apprendistati meħtieġa sabiex itemmu l-istudji tagħhom;

H.

billi l-pandemija tal-COVID-19 kellha impatt sinifikanti fuq is-setturi tal-kultura u tal-isport, u dan wassal għal reċessjoni ekonomika u telf ta' impjiegi; billi ż-żoni urbani, speċjalment iż-żoni metropolitani, jeħtieġu riżorsi adegwati għas-setturi kulturali u kreattivi biex jippermettu l-iżvilupp personali tal-abitanti tagħhom;

I.

billi l-bliet, il-bliet żgħar u ż-żoni urbani funzjonali, bħaż-żoni metropolitani, huma pilastri ekonomiċi ewlenin biex tingħata spinta lit-tkabbir, jinħolqu l-impjiegi u tissaħħaħ il-kompetittività tal-Unjoni f'ekonomija globalizzata; billi ż-żoni urbani funzjonali u l-bliet ta' daqs medju, minkejja disparitajiet qawwija fil-kwalità tas-servizzi pprovduti bejn iż-żoni urbani u rurali, jistgħu jaġixxu bħala forzi li jmexxu 'l quddiem l-attraenza u l-iżvilupp rurali u jipprovdu liż-żoni rurali u depopolati ta' madwarhom b'aċċess għal għadd ta' servizzi;

J.

billi fiż-żoni urbani, minbarra l-lista tal-isfidi eżistenti, l-emerġenza klimatika u l-isfidi demografiċi huma preżenti wkoll; billi l-multipliċità ta' sfidi fl-aħħar mill-aħħar tirrikjedi rispons li huwa bbażat fuq approċċ integrat li jiġbor flimkien setturi u sfidi differenti u jfittex soluzzjonijiet li jakkomodaw il-ħtiġijiet settorjali;

K.

billi r-rekwiżiti ta' tbegħid fiżiku enfasizzaw in-nuqqas ta' parks adegwati, żoni ħodor u faċilitajiet ta' rikreazzjoni fuq barra kif ukoll in-nuqqas ta' trasport adegwat u sikur u infrastruttura tat-trasport alternattiv fiż-żoni urbani u ta' madwarhom;

L.

billi l-kriżi tal-COVID-19 aggravat l-isfidi bħat-trasport tal-ikel u tal-mediċini u l-forniment ta' servizzi tas-saħħa, u enfasizzat nuqqasijiet serji fl-infrastruttura medika u fit-taħriġ professjonali għall-ħaddiema tal-kura tas-saħħa dwar kif jindirizzaw il-pandemiji jew sitwazzjonijiet oħra ta' emerġenza tas-saħħa;

M.

billi l-akkomodazzjoni hija dritt universali u għalhekk l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu strateġiji speċifiċi u miżuri xierqa biex jingħelbu l-ostakli għad-dritt għall-akkomodazzjoni; billi huwa meħtieġ investiment f'akkomodazzjoni bi prezz raġonevoli;

N.

billi ż-żoni urbani huma responsabbli għall-akbar proporzjon ta' konsum tal-enerġija u ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra fl-UE u għandhom rwol ewlieni fil-ġlieda tal-Unjoni kontra t-tibdil fil-klima; billi l-bliet, il-bliet żgħar u ż-żoni urbani funzjonali se jirrikjedu kostruzzjoni urbana estensiva u l-ħolqien ta' ekonomija ċirkolari biex tgħin fil-mitigazzjoni tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra, fil-limitazzjoni tat-tisħin globali, fit-tnaqqis tal-konġestjoni, fir-riċiklaġġ tal-iskart u fl-iżgurar tas-sostenibbiltà tal-ekonomija;

O.

billi l-popolazzjoni urbana globali hija mistennija li tiżdied b'sa 3 biljun persuna sal-2050 u żewġ terzi tal-popolazzjoni globali se tkun qed tgħix fil-bliet, u se tikkonsma 75 % tar-riżorsi naturali tad-dinja u tipproduċi 50 % tal-iskart globali u 'l fuq minn 60 % tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra;

P.

billi t-trasport pubbliku għandu rwol importanti fil-ġlieda kontra l-faqar fit-trasport; billi hemm ħtieġa urġenti ta' żieda rapida fl-investimenti fi trasport pubbliku sostenibbli u fit-titjib fl-aċċess għalih, u fl-infrastruttura tal-mixi u ċ-ċikliżmu aħjar għas-sikurezza tal-utenti tat-triq u speċjalment għall-utenti b'mobbiltà mnaqqsa u b'diżabilitajiet oħra;

Q.

billi l-bliet Ewropej kollha qed jiffaċċjaw żieda rekord fil-prezzijiet tal-enerġija li thedded li taffettwa l-irkupru ekonomiku ta' wara l-pandemija;

R.

billi l-governanza f'diversi livelli, inkluż l-involviment attiv tal-awtoritajiet urbani, ibbażata fuq azzjoni koordinata mill-UE, mill-Istati Membri u mill-awtoritajiet reġjonali u lokali, u f'konformità mal-prinċipju ta' sħubija kif stabbilit fir-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni, huma elementi essenzjali għat-tfassil u l-implimentazzjoni tal-programmi kollha tal-UE; billi l-awtoritajiet urbani għandhom ġuriżdizzjoni fuq l-għażla tal-proġetti fl-ambitu tal-finanzjament mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) għall-iżvilupp urban sostenibbli u fl-ambitu tal-Inizjattiva Urbana Ewropea l-ġdida, li tissostitwixxi l-Azzjonijiet Innovattivi Urbani għall-perjodu ta' programmazzjoni ġdid u toffri aktar opportunitajiet biex jiġu ttestjati soluzzjonijiet u approċċi ġodda inklużi dawk li jappoġġjaw iż-żoni urbani għall-era ta' wara l-COVID-19;

Bliet inklużivi

1.

Jirrikonoxxi d-diversità soċjali, ekonomika, territorjali, kulturali u storika taż-żoni urbani madwar l-Unjoni; u jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu indirizzati sfidi bħas-segregazzjoni u l-faqar;

2.

Jissottolinja li filwaqt li d-densità tal-bliet għandha ħafna vantaġġi f'termini ta' għajxien sostenibbli, il-konċentrazzjoni għolja tal-popolazzjoni f'ċerti żoni urbani jista' anke jkollha riperkussjonijiet fuq l-aċċessibbiltà tal-prezzijiet tal-akkomodazzjoni, il-livell tat-tniġġis, il-kwalità tal-ħajja u r-riskju ta' diskriminazzjoni, faqar, inugwaljanza u esklużjoni soċjali;

3.

Jissottolinja li l-pandemija tal-COVID-19 aċċentwat it-tendenza ta' depopolazzjoni f'żoni urbani sottożviluppati, li sikwit ma jkollhomx dħul proprju suffiċjenti biex jipprovdu lir-residenti servizzi pubbliċi ta' kwalità; jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tipprovdi rakkomandazzjonijiet u trawwem il-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki bejn l-Istati Membri rigward l-organizzazzjoni u r-riformi amministrattivi-territorjali;

4.

Jistieden lill-Istati Membri jiżviluppaw miżuri ta' azzjoni pożittiva li jippromwovu l-inklużjoni ta' komunitajiet emarġinati bħal persuni b'diżabilità, persuni anzjani aktar iżolati, persuni mingħajr dar, migranti u refuġjati u minoranzi etniċi bħar-Rom; jappella biex il-ħtiġijiet ta' finanzjament jiġu indirizzati fil-livell lokali, inklużi dawk taż-żoni urbani, speċjalment iż-żoni metropolitani, kif ukoll fil-livell reġjonali, nazzjonali u tal-UE, sabiex dawn il-komunitajiet emarġinati jiġu appoġġjati b'mod sostenibbli; ifakkar li, minbarra riżorsi nazzjonali suffiċjenti, il-fondi strutturali huma essenzjali għall-implimentazzjoni b'suċċess tal-miżuri ta' politika mressqa mill-qafas strateġiku tal-UE dwar ir-Rom għall-ugwaljanza, l-inklużjoni u l-parteċipazzjoni; jisħaq fuq ir-rwol tal-awtoritajiet urbani biex jiżguraw li dawn il-miżuri jirriflettu l-ħtiġijiet reali tal-komunitajiet Rom;

5.

Jissottolinja r-rwol vitali tal-aċċessibbiltà urbana biex il-persuni b'diżabilità jkunu jistgħu jeżerċitaw bis-sħiħ id-dritt tagħhom għall-mobilità, l-istudju u x-xogħol; jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi inklużività sħiħa u tipprovdi aċċess għall-finanzjament għall-iżvilupp urban biex tiżgura aċċessibbiltà sħiħa għal persuni b'diżabilità;

6.

Jisħaq li biex l-ekonomiji urbani jirkupraw u ma jħallu lil ħadd jibqa' lura, l-investimenti u r-riformi għandhom iwasslu għal impjiegi stabbli u ta' kwalità għolja, infrastruttura u servizzi pubbliċi msaħħa, djalogu soċjali msaħħaħ u appoġġ għall-inklużjoni u l-integrazzjoni ta' gruppi żvantaġġati, inkluż permezz tat-tisħiħ tal-protezzjoni soċjali u s-sistemi tal-benessri;

7.

Jenfasizza l-ħtieġa ta' qafas tal-UE biex jappoġġja strateġiji lokali u nazzjonali biex jiġġieldu kontra l-kondizzjoni ta' persuni mingħajr dar u jiżguraw aċċess ugwali għal akkomodazzjoni deċenti għal kulħadd billi jippromwovu approċċ integrat li jgħaqqad l-appoġġ tal-akkomodazzjoni ma' servizzi ta' kura soċjali u tas-saħħa, u inklużjoni attiva;

8.

Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet lokali u reġjonali jistabbilixxu strateġiji speċifiċi u miżuri xierqa biex jegħlbu l-ostakli għad-dritt għal-akkomodazzjoni bħad-diskriminazzjoni, il-finanzjalizzazzjoni, l-ispekulazzjoni, it-turistifikazzjoni, il-prattiki ta' self abbużiv u l-iżgumbramenti sfurzati;

9.

Jisħaq li s-servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali (SGEIs) fl-akkomodazzjoni għandhom ikunu prinċipalment iggwidati minn rekwiżiti speċifiċi ddeterminati mill-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali jew lokali, peress li dawn l-awtoritajiet għandhom il-kapaċità li jidentifikaw u jindirizzaw il-ħtiġijiet tal-akkomodazzjoni u l-kundizzjonijiet tal-għajxien ta' gruppi differenti, li jistgħu jvarjaw ħafna bejn iż-żoni rurali u urbani, u peress li dawn l-awtoritajiet għandhom rwoli kruċjali fit-teħid ta' deċiżjonijiet immirat sew; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tadatta d-definizzjoni tal-grupp fil-mira ta' akkomodazzjoni soċjali u ffinanzjata minn fondi pubbliċi fir-regoli dwar l-SGEIs, sabiex l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali jkunu jistgħu jappoġġjaw l-akkomodazzjoni għall-gruppi kollha li l-ħtiġijiet tagħhom għal akkomodazzjoni deċenti u bi prezz raġonevoli ma jistgħux jiġu ssodisfati faċilment f'kundizzjonijiet tas-suq, filwaqt li jiżguraw ukoll li jiġi allokat biżżejjed finanzjament lil dawk l-aktar żvantaġġati, sabiex jiġi żblukkat l-investiment u jiġu żgurati akkomodazzjoni bi prezz raġonevoli, newtralità fil-pussess ta' akkomodazzjoni u żvilupp urban sostenibbli, u jinħolqu viċinati b'diversità soċjali u tissaħħaħ il-koeżjoni soċjali;

10.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jkomplu jżidu l-investiment f'akkomodazzjoni soċjali, pubblika, effiċjenti fl-użu tal-enerġija, adegwata u bi prezz raġonevoli, u fil-ġlieda kontra l-kundizzjoni ta' persuni mingħajr dar u l-esklużjoni mill-akkomodazzjoni fl-UE; jappella f'dan ir-rigward li jsir investiment permezz tal-FEŻR, il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta, l-InvestUE, il-FSE+, l-Orizzont Ewropa, in-Next Generation EU, u speċjalment permezz tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, l-Inizjattiva ta' Investiment fir-Rispons għall-Coronavirus u l-Inizjattiva ta' Investiment fir-Rispons għall-Coronavirus Plus; jappella biex ikun hemm kooperazzjoni akbar bejn dawn l-istrumenti; jilqa' l-finanzjament tas-self għax-xiri ta' akkomodazzjoni soċjali u bi prezz raġonevoli permezz ta' InvestEU u l-portafoll usa' tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI); jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jintegraw il-progress soċjali bħala prijorità ta' investiment, flimkien ma' tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, fil-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza sabiex il-persuni vulnerabbli jiġu mħarsa mill-impatt negattiv tal-kriżi attwali u jiġu inklużi l-pjanijiet ta' progress soċjali fil-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza, filwaqt li jiġi deskritt kif il-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali se jiġu implimentati u fejn se jiġu indirizzati l-investimenti soċjali, inkluż investiment fl-akkomodazzjoni soċjali; jistieden b'mod urġenti lill-Kummissjoni tiżgura li l-finanzjament tal-UE u tal-BEI jsir aktar aċċessibbli għall-fornituri lokali u reġjonali ta' akkomodazzjoni bi prezz raġonevoli, soċjali u pubblika; jistieden lill-BEI jipprova jżid il-finanzjament korrispondenti permezz ta' assistenza teknika mmirata u kooperazzjoni aktar mill-qrib ma' intermedjarji finanzjarji u l-Istati Membri;

11.

Jenfasizza l-isfidi soċjoekonomiċi taċ-ċentri urbani, speċjalment iż-żoni metropolitani b'popolazzjonijiet sinifikanti ta' migranti u refuġjati u persuni oħra f'komunitajiet vulnerabbli oħra; ifakkar li l-bliet għandhom rwol ewlieni fil-bini ta' komunitajiet inklużivi, aċċessibbli u akkoljenti fejn ħadd ma jitħalla jibqa' lura;

12.

Jinnota li l-migrazzjoni ekonomika għandha impatt dirett fuq l-inklużività tal-bliet, u tirrikjedi tweġibiet ta' politika mfassla apposta; jindika l-potenzjal tal-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar l-Integrazzjoni u l-Inklużjoni 2021-2027 għall-bini ta' soċjetajiet inklużivi u koeżivi u l-immirar ta' programmi lejn il-viċinati l-aktar fil-bżonn; jinnota anke li l-istrateġiji ta' żvilupp lokali mmexxija mill-komunità huma għodda essenzjali biex jinħolqu l-impjiegi, jitnaqqas il-faqar u jiżdied l-aċċess għas-servizzi fiż-żoni urbani;

13.

Jenfasizza li f'żoni fil-bżonn, it-tfal ħafna drabi jesperjenzaw fatturi ta' riskju multipli, bħal akkomodazzjoni fqira, diskriminazzjoni, vjolenza u aċċess mhux ugwali għal servizzi bħall-kura tat-tfal, il-kura tas-saħħa u l-edukazzjoni; jistieden lill-Istati Membri jappoġġjaw skemi lokali ta' garanzija għat-tfal biex jindirizzaw l-isfidi urbani speċifiċi tal-faqar fost it-tfal;

14.

Jisħaq fuq ir-rwol tal-bliet favur l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u jfakkar li f'konformità mar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni, l-azzjonijiet kollha implimentati fl-ambitu tal-politika ta' koeżjoni għandhom iqisu l-ugwaljanza bejn il-ġeneri bħala prinċipju ta' gwida matul il-preparazzjoni, l-implimentazzjoni, il-monitoraġġ, ir-rapportar u l-evalwazzjoni tagħhom; jissottolinja li l-azzjoni li għandha l-għan li tnaqqas id-differenza bejn il-ġeneri fl-ambitu tal-politika ta' koeżjoni għandha tuża approċċ intersezzjonali li jieħu passi xierqa biex jipprevjeni kwalunkwe diskriminazzjoni bbażata fuq ir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabilità, l-età jew l-orjentazzjoni tal-ġeneru u li jibbaża ruħu fuq oqfsa strateġiċi nazzjonali għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri; jisħaq, madankollu, li l-benefiċjarji tal-programmi ta' politika ta' koeżjoni ma għandhomx jadottaw politiki diskriminatorji, speċjalment kontra l-minoranzi, bħall-komunità LGBTI; iħeġġeġ biex jiġu rrifjutati applikazzjonijiet minn benefiċjarji potenzjali, inkluż mill-awtoritajiet reġjonali jew lokali, li adottaw politiki diskriminatorji kontra membri tal-komunità LGBTI bħad-dikjarazzjoni ta' “żoni ħielsa mil-LGBT”;

15.

Jenfasizza li minbarra r-riskji għas-saħħa, in-nisa huma aktar vulnerabbli għar-riskji ekonomiċi assoċjati mal-pandemija tal-COVID-19; jirrikonoxxi li f'kuntest ta' wara l-pandemija, l-appoġġ lin-nisa fis-setturi formali u informali u l-integrazzjoni aħjar tan-nisa fl-ippjanar tal-politika għall-iżvilupp reġjonali u urban li jiffoka fuq it-tfassil ta' bliet u komunitajiet inklużivi għall-ġeneru huma essenzjali għall-irkupru ekonomiku urban;

16.

Jenfasizza d-differenza wiesgħa fid-data dwar il-ġeneri fil-qasam tal-politika ta' koeżjoni u l-ippjanar urban u jistieden lill-Istati Membri jintroduċu metodi għall-ġbir tad-data bl-użu ta' data diżaggregata skont il-ġeneru;

17.

Jenfasizza l-fatt li l-pandemija tal-COVID-19 wasslet għal żidiet qawwija fil-vjolenza domestika; jistieden lill-Istati Membri jallokaw finanzjament ta' politika ta' koeżjoni u jimmobilizzaw l-awtoritajiet urbani biex jindirizzaw iż-żieda globali fil-vjolenza abbażi tal-ġeneru; iħeġġeġ lill-bliet tal-UE jiżviluppaw, jimplimentaw, u jevalwaw approċċi komprensivi biex jipprevjenu u jirrispondu għall-fastidju sesswali u l-vjolenza abbażi tal-ġeneru fi spazji pubbliċi billi jimpenjaw ruħhom favur il-prinċipji tal-Inizjattiva Ewlenija Globali tan-Nisa tan-NU “Safe Cities and Safe Public Spaces for Women and Girls” (Bliet Sikuri u Spazji Pubbliċi Sikuri għan-Nisa u l-Bniet);

18.

Jistieden lill-Istati Membri kollha jikkonkludu b'mod urġenti r-ratifika tal-Konvenzjoni ta' Istanbul dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa; jitlob lill-Kummissjoni tipproponi leġiżlazzjoni biex tindirizza kull forma ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru u tieħu l-passi meħtieġa ħalli tidentifika l-vjolenza abbażi tal-ġeneru bħala qasam ġdid ta' kriminalità li għandu jiġi elenkat fl-ambitu tal-Artikolu 83(1) tat-TFUE;

19.

Jirrikonoxxi l-piż imqiegħed fuq in-nisa bħala indokraturi ewlenin f'ambjenti formali u informali, kif ukoll il-valur soċjali ta' dik il-kura, speċjalment matul il-kriżi tal-COVID-19; jirrimarka li 80 % tal-kura kollha pprovduta madwar l-UE tingħata minn persuni li jindukraw b'mod informali (mhux bi ħlas), u li 75 % minnhom huma nisa; jindika r-rwol rilevanti tal-fondi strutturali Ewropej biex jiġi żgurat l-investiment fis-servizzi tal-indukrar; jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tipproponi strateġija Ewropea dwar l-indokrar;

20.

Jiġbed l-attenzjoni għall-qgħad u b'mod partikolari għall-qgħad fost iż-żgħażagħ, li ġie aggravat mill-pandemija tal-COVID-19; jistieden lill-Istati Membri jinvolvu b'mod attiv lill-awtoritajiet urbani fit-tfassil ta' programmi li jissodisfaw il-ħtiġijiet taż-żgħażagħ fil-bliet u fil-ħolqien ta' politiki li jiffokaw fuq is-saħħa mentali u l-benessri taż-żgħażagħ, li huma kruċjali, speċjalment fil-kuntest ta' wara l-COVID-19;

Bliet sostenibbli

21.

Jisħaq fuq l-importanza ta' żvilupp urban sostenibbli, inkluż trasport pubbliku sostenibbli u bi prezz raġonevoli, għall-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali tal-Unjoni u l-kwalità tal-ħajja tal-popolazzjoni tagħha u biex sa mhux aktar tard mill-2050 jintlaħqu l-għanijiet tagħha tan-newtralità klimatika; ifakkar fl-opportunitajiet għaż-żoni urbani ppreżentati mill-inizjattiva Bauhaus Ewropea l-Ġdida u l-prinċipji gwida li jinkludu s-sostenibbiltà, il-governanza fuq diversi livelli, l-estetika u l-inklużjoni;

22.

Jirrikonoxxi li għandha tiġi implimentata strateġija sinkronizzata li twieġeb għall-COVID-19 u li t-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali għandhom jiġu implimentati biex jinbeda rkupru ekonomiku li jaċċellera t-tranżizzjoni sostenibbli;

23.

Jistieden lill-Unjoni u lill-Istati Membri, f'konformità mal-impenji tagħhom fl-ambitu tal-Ftehim ta' Pariġi u l-SDGs tan-NU biex jagħtu prijorità u jappoġġjaw oqfsa ta' ekonomija ċirkolari, investimenti fl-enerġija rinnovabbli, mobilità urbana u suburbana sostenibbli u bi prezz raġonevoli (b'mod partikolari networks ta' mogħdijiet għaċ-ċiklisti), infrastruttura alternattiva tat-trasport fiż-żoni urbani u madwarhom, manutenzjoni xierqa tal-infrastruttura eżistenti u investiment rapidu fl-infrastruttura ekoloġika, parks, faċilitajiet ekoloġiċi u rikreattivi fil-beraħ u rispett għall-prinċipji “la tagħmilx ħsara sinifikanti” u “l-effiċjenza enerġetika tiġi l-ewwel”; jinnota li inizjattivi bħall-Bauhaus Ewropea l-Ġdida huma opportunità għal żoni urbani biex juru l-Mewġa ta' Rinnovazzjoni (11), u proġetti li jagħtu prijorità lill-ekonomija ċirkolari, lis-sostenibbiltà u lill-bijodiversità; huwa mħeġġeġ mill-fatt li l-Bauhaus Ewropea l-Ġdida hija ddedikata biex issegwi approċċ parteċipattiv u transdixxiplinari għall-bini ta' ambjent sostenibbli għall-persuni biex jgħixu fih;

24.

Jemmen li l-kriżi tal-COVID-19 uriet il-ħtieġa ta' soluzzjonijiet ġodda ta' ppjanar u mobilità urbana sabiex iż-żoni urbani jsiru aktar reżiljenti u adattabbli għad-domanda tal-mobilità u li l-kriżi għandha tittieħed bħala opportunità biex jitnaqqsu l-konġestjoni tat-trasport u l-emissjonijiet ta' gassijiet serra; jappella għal investimenti li jippromwovu mobilità urbana sostenibbli permezz ta' sistemi ta' trasport li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu promossi u żviluppati sistemi tat-trasport pubbliku sostenibbli fiż-żoni urbani, u li tiġi adattata l-kapaċità tat-trasport pubbliku għad-domanda dejjem tikber ta' vjaġġar għax-xogħol ta' kuljum fiċ-ċentri tal-bliet jew barra minnhom; jistieden lill-Istati Membri jivvalutaw mill-ġdid l-investiment tagħhom fil-mobilità urbana u jagħtu prijorità lill-infrastruttura diġitali li tibbenefika lill-passiġġieri kollha, inklużi persuni b'mobilità mnaqqsa;

25.

Jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li timpenja ruħha mal-bliet u mal-Istati Membri biex tiżgura li sal-2030 il-bliet il-kbar u n-nodi urbani kollha fin-Network trans-Ewropew tat-Trasport (TEN-T) ifasslu pjanijiet ta' mobilità urbana sostenibbli (SUMPs) sal-2030; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, f'dan ir-rigward, jaħdmu mill-qrib mar-reġjuni u mal-bliet, b'mod partikolari bejn il-fruntieri, biex itejbu u jlestu l-infrastruttura tal-aħħar mil u l-konnessjonijiet multimodali u transfruntiera li għadhom nieqsa tul it-TEN-T; jirrimarka li ħafna portijiet Ewropej jinsabu qrib ċentri urbani u huma nodi importanti tat-trasport fit-TEN-T;

26.

Jemmen li l-Kummissjoni għandha tiżgura li l-aċċess għall-programmi ta' finanzjament tal-UE għall-mobilità urbana, bħall-FEŻR, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, ikun jiddependi minn SUMPs eżistenti jew prospettivi; jenfasizza li l-politika ta' koeżjoni tista' tgħin biex jiġi sfruttat il-potenzjal kemm tal-intelliġenza artifiċjali kif ukoll tal-mudell tal-belt intelliġenti, perezempju billi ttejjeb il-kapaċità amministrattiva u l-ħiliet diġitali, u għandha tinkoraġġixxi bidla mill-esperimentazzjoni b'inizjattivi tal-bliet intelliġenti għal żieda fl-iskala tagħhom b'finanzjament u appoġġ relatat; jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra modi kif tappoġġja l-bliet fit-tħejjija tal-SUMPs tagħhom skont l-ogħla standards; jisħaq li l-Kummissjoni, l-Istati Membri u r-reġjuni għandhom jassistu lill-awtoritajiet lokali kull fejn possibbli biex jilħqu dan l-għan; jilqa', barra minn hekk, l-intenzjoni tal-BEI li jaħdem flimkien mal-awtoritajiet pubbliċi biex jappoġġja programmi ta' investiment ambizzjużi li jippromwovu l-mobilità sostenibbli fil-livelli lokali u reġjonali, inkluż permezz ta' SUMPs u proġetti tat-trasport pubbliku;

27.

Jenfasizza li l-lockdown u l-miżuri sanitarji kellhom impatt konsiderevoli fuq id-domanda għall-mobilità u l-għażla tal-mod tat-trasport, u dan wassal sabiex in-nies biex jużaw anqas it-trasport pubbliku; jappella għall-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki fir-rigward tal-implimentazzjoni ta' sistema ta' ħruġ ta' biljetti unika u multimodali li tippermetti liċ-ċittadini jiċċaqalqu b'mod aktar faċli għall-utent u sikur bejn u ġewwa ż-żoni urbani fl-UE;

28.

Jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni trawwem il-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki bejn iż-żoni urbani dwar l-urbaniżmu u l-infrastruttura sostenibbli, l-ippjanar urban ekoloġiku, l-enerġija nadifa, l-effiċjenza fl-enerġija, it-trasport pubbliku b'emissjonijiet żero, il-mobilità tal-persuni miexja u ċ-ċiklisti, il-ġestjoni effiċjenti tar-riżorsi tal-ilma u l-ġestjoni sostenibbli u ċirkolari tal-iskart;

29.

Jappella għar-reviżjoni tal-linji gwida tal-Kummissjoni dwar l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' SUMPs; jappella biex dawk il-pjanijiet irawmu l-multimodalità u jindirizzaw xi riperkussjonijiet ta' konċentrazzjoni żejda tal-popolazzjoni f'ċerti żoni urbani, bħall-konġestjoni u kostijiet dejjem jiżdiedu tat-trasport, permezz ta', pereżempju, arranġamenti soċjoekonomiċi bbilanċjati biex jiġi żgurat li l-pjanijiet ma jkunux diskriminatorji;

30.

Jistieden lill-Kummissjoni, fid-dawl tar-reviżjoni li jmiss tal-pakkett dwar il-mobilità urbana, biex tippromwovi sinerġiji bejn il-miżuri ta' sikurezza u ta' sostenibbiltà fiż-żoni urbani; jinkoraġġixxi l-possibbiltajiet ta' parkeġġ fid-dħul ta' żoni urbani (bħas-sistemi ta' park-and-ride), biex jiġi pprovdut aċċess faċli għal modi differenti tat-trasport pubbliku, sabiex jitnaqqsu sostanzjalment il-konġestjoni urbana, l-emissjonijiet tas-CO2 u l-parkeġġ fuq l-art u taħt l-art ġewwa l-bliet, u anke biex tinbena mill-ġdid u tissaħħaħ l-attraenza taċ-ċentri tal-bliet u jiġu attirati klijenti potenzjali biex jappoġġjaw is-settur tal-bejgħ bl-imnut imdgħajjef wara l-pandemija u jagħtu spinta lill-valur lokali;

31.

Jenfasizza li l-irkupru ekonomiku tal-bliet se jkun ostakolat minn prezzijiet tal-enerġija li qed jogħlew; jappella biex jittieħdu passi xierqa biex isir progress fl-Unjoni tal-Enerġija u tissaħħaħ ir-reżiljenza tas-suq tal-enerġija Ewropew; jissottolinja li enerġija orħos għal kulħadd fiż-żoni urbani hija indispensabbli; jinkoraġġixxi, għalhekk, l-istabbiliment ta' programmi massivi għall-iżolament tal-bini u t-tqegħid tal-pannelli solari fuq is-soqfa; jenfasizza li l-komunitajiet lokali tal-enerġija rinnovabbli għandhom jingħataw is-setgħa, sabiex jitnaqqas il-konsum tal-enerġija, titkompla d-dekarbonizzazzjoni tas-sistemi tal-enerġija, u jkunu jistgħu jitgawdew l-benefiċċji soċjali ta' suq tal-enerġija lokali;

32.

Jappella għal azzjoni biex titjieb il-kwalità tal-arja urbana biex jiġu mminimizzati r-riskji għas-saħħa tal-bniedem u jiġu miġġielda l-livelli ta' ħsejjes ambjentali, li qed jiżdiedu fiż-żoni urbani;

33.

Jinnota li apparati ġodda għall-mobilità personali (inklużi scooters elettroniċi u r-roti elettriċi) iqajmu għadd ta' punti ta' tħassib dwar is-sikurezza fiż-żoni urbani; jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni toħroġ linji gwida għall-Istati Membri dwar il-ġestjoni ta' dawn il-kwistjonijiet ta' sikurezza;

34.

Jinnota li l-pandemija tal-COVID-19 wasslet għall-espansjoni tas-settur tal-konsenja fid-djar, li tat spinta lill-ħolqien ta' tipi ġodda ta' xogħol fuq pjattaformi u mudelli ta' negozju fiż-żoni urbani; jirrikonoxxi l-ħtieġa ta' rakkomandazzjonijiet dwar is-sikurezza tal-persunal tal-konsenja u dwar it-taħriġ fl-għodod diġitali li juża, bħal applikazzjonijiet u pjattaformi interattivi;

35.

Ifakkar li kważi 40 % tal-imwiet fit-toroq kollha fl-Ewropa jseħħu fiż-żoni urbani; itenni li l-veloċità eċċessiva hija fattur ewlieni f'madwar 30 % tal-ħabtiet fatali fit-toroq u fattur aggravanti fil-biċċa l-kbira tal-ħabtiet; jistieden lill-Kummissjoni tuża r-rakkomandazzjoni antiċipata tagħha dwar il-veloċità biex tagħmel il-veloċità ta' 30 km/h dik massima awtomatika f'żoni residenzjali u f'żoni b'għadd kbir ta' persuni miexja u ċiklisti, bil-possibbiltà ta' limiti ogħla fuq it-toroq arterjali ewlenin u protezzjoni xierqa għall-utenti vulnerabbli tat-triq; jilqa' l-fatt li l-UE affermat mill-ġdid l-għan strateġiku fuq terminu twil tagħha ta' kważi l-ebda mewt u korriment serju fit-toroq Ewropej sal-2050 (Vision Zero), u l-għan tagħha fuq terminu medju li tnaqqas l-imwiet u l-korrimenti serji b'50 % sal-2030; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, biex tintegra aħjar is-sikurezza fit-toroq fil-linji gwida tal-SUMP u jistieden lill-awtoritajiet lokali jippromwovu s-sikurezza fit-toroq permezz ta' inizjattivi ta' sensibilizzazzjoni, azzjonijiet xierqa u opportunitajiet ta' finanzjament;

36.

Iwissi li l-bliet u l-bliet żgħar huma vulnerabbli ħafna għall-impatti tat-tibdil fil-klima; huwa mħasseb ħafna li l-mewġiet tas-sħana, li diġà huma aktar estremi fil-bliet minħabba l-effetti ta' gżejjer ta' sħana urbana, qed jiżdiedu kemm fl-intensità kif ukoll fil-frekwenza, filwaqt li avvenimenti ta' preċipitazzjoni estrema u mareġġati x'aktarx li jirriżultaw f'aktar għargħar bħal dak li rajna fl-Ewropa fis-sajf 2021, jew maltempati bis-silġ estremi bħal fix-xitwa 2020-2021, li juru l-bżonn li r-reżiljenza għad-diżastri fil-bliet tiżdied b'mod sinifikanti; jistieden lill-Kummissjoni biex fejn xieraq issaħħaħ il-kollaborazzjoni tagħha mal-gvernijiet lokali permezz ta' strutturi eżistenti, bħall-Patt tas-Sindki tal-UE, il-Ftehim dwar il-Bliet Ekoloġiċi u l-Alleanza tas-Sindki għall-Patt Ekoloġiku Ewropew, biex jiġu identifikati l-ħtiġijiet u l-isfidi relatati mat-tibdil fil-klima li jiffaċċjaw iż-żoni urbani, jitfasslu b'mod konġunt soluzzjonijiet biex il-bliet isiru aktar ekoloġiċi u l-investimenti jitmexxew lejn azzjonijiet lokali; iħeġġeġ lill-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali jistabbilixxu, minbarra l-pjanijiet nazzjonali tagħhom dwar l-enerġija u l-klima, strateġiji urbani għall-adattament għat-tibdil fil-klima li jinkoraġġixxu l-investiment biex jittrasformaw il-bliet u jadattawhom għat-theddid tat-tibdil fil-klima;

37.

Itenni li 30 % tal-qafas finanzjarju pluriennali u 37 % tan-Next Generation EU huma ddedikati għall-azzjoni klimatika, filwaqt li 20 % tan-Next Generation EU huwa allokat għat-tranżizzjoni diġitali; jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja u tipprovdi gwida u rakkomandazzjonijiet lill-Istati Membri biex tiżgura li l-ħiliet meħtieġa jiġu żviluppati ħalli jinkisbu t-tranżizzjonijiet doppji ekoloġiċi u diġitali; jiddeplora l-esklużjoni taż-żoni urbani fil-kuntest tan-Next Generation EU u għalhekk jappella għal involviment u parteċipazzjoni aħjar tal-bliet, tal-bliet żgħar u taż-żoni urbani funzjonali fl-ippjanar u fl-implimentazzjoni tal-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza;

38.

Jenfasizza l-ħtieġa li jitħawlu aktar siġar u li jiġu installati soqfa ekoloġiċi, minħabba li l-ekoloġizzazzjoni tal-bliet tipprovdi valur rikreattiv importanti għall-bnedmin u tnaqqas it-temperatura, tassorbi l-ilma tax-xita żejjed u għalhekk tikkontrobatti l-effetti tat-tibdil fil-klima u t-telfien tal-bijodiversità; jenfasizza li r-rinnovazzjoni tal-bini biex jitnaqqas l-użu tal-enerġija, u t-tfassil mill-ġdid tal-bliet biex jiżdiedu l-ispazji ekoloġiċi u jiġu promossi l-mixi u ċ-ċikliżmu, se jiġġeneraw iffrankar, joħolqu impjiegi, jgħinu fil-ġlieda kontra l-faqar enerġetiku, u jagħtu benefiċċji klimatiċi;

39.

Jisħaq li l-impenn taż-żoni urbani huwa kruċjali għat-tranżizzjoni lejn soċjetà newtrali għall-klima u għal ekonomija prospera, ġusta, sostenibbli u kompetittiva; jinnota li, f'xi każijiet, il-gvernijiet lokali ma għandhomx in-know-how, ir-riżorsi umani u l-aċċess għal data ta' kwalità għolja meħtieġa biex iniedu azzjonijiet u jsir progress; jemmen, għalhekk, li l-bini tal-kapaċitajiet, l-appoġġ tekniku u l-finanzjament iridu jintużaw bis-sħiħ, kif miftiehem fir-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni għall-awtoritajiet urbani u suburbani biex jintlaħqu l-miri tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u jemmen li l-awtoritajiet urbani jeħtiġilhom ikollhom aċċess dirett għall-finanzjament tal-UE fil-futur;

Bliet innovattivi

40.

Jenfasizza li d-diġitalizzazzjoni għenet biex jiġu indirizzati xi wħud mill-isfidi immedjati li jirriżultaw mill-pandemija, b'mod partikolari matul il-perjodi ta' lockdown, u li fost il-ħafna inugwaljanzi esposti mill-pandemija tal-COVID-19, id-distakk diġitali huwa wieħed serju; jinnota li l-pandemija aċċellerat id-diġitalizzazzjoni, u li t-teknoloġija saret imperattiva għat-telexogħol, għall-edukazzjoni mid-dar, għall-kummerċ elettroniku, għas-saħħa elettronika, għall-gvern elettroniku, għad-demokrazija diġitali, u għad-divertiment diġitali; jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja mill-qrib dawn l-iżviluppi u tiżgura konformità sħiħa mal-acquis tal-Unjoni, b'mod partikolari fir-rigward tad-drittijiet soċjali u tal-ħaddiema; ifakkar li d-diġitalizzazzjoni u l-konnettività diġitali jridu jkunu prijorità għall-komunitajiet lokali fl-irkupru tagħhom; itenni l-importanza li jkun hemm dritt tal-kompetizzjoni adegwat u qafas ta' għajnuna mill-Istat li jagħti lill-Istati Membri flessibbiltà sħiħa fl-ambitu tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat biex jappoġġjaw l-ekonomija matul it-tifqigħa tal-coronavirus, speċjalment billi jużaw infrastruttura tal-broadband u tal-5G b'veloċità għolja fil-bliet kollha irrispettivament mid-daqs tagħhom; jistieden lill-Istati Membri jappoġġjaw il-konnettività, jipprovdu tagħmir u jiżguraw il-preżenza ta' persunal imħarreġ fl-istituzzjonijiet pubbliċi, soċjali u edukattivi;

41.

Jappella għal azzjonijiet u politiki għal tranżizzjoni diġitali ġusta, li għandhom jiġu applikati f'diversi livelli, mill-bliet għall-UE nnifisha; jappella biex l-inklużjoni diġitali tiġi rikonoxxuta bħala dritt għall-ġenerazzjonijiet kollha u għal impenn ċar biex tinkiseb konnettività universali tal-internet għall-bliet;

42.

Jisħaq li l-litteriżmu diġitali għandu jissaħħaħ biex jespandi l-aċċess għal opportunitajiet ġodda; iqis li l-investiment fl-edukazzjoni u t-taħriġ irid jingħata spinta bi programmi komprensivi kemm fis-settur pubbliku kif ukoll dak privat għat-titjib tal-ħiliet tal-ħaddiema, għat-taħriġ mill-ġdid u għat-tagħlim tul il-ħajja li jwieġbu għall-bidliet fid-domanda għall-ħiliet; jappella għall-avvanzi tan-nisa u tal-bniet fl-edukazzjoni u fil-karrieri fix-xjenza, fit-teknoloġija, fl-inġinerija u fil-matematika (STEM);

43.

Ifakkar li t-turiżmu urban kellu rwol essenzjali fil-ħolqien tal-politiki urbani; jirrimarka li ħafna mill-bliet tal-UE sofrew min-nuqqas fil-fluss tat-turiżmu wara t-tifqigħa tal-pandemija u li kellhom ifittxu modi operandi ġodda u aktar sostenibbli biex it-turiżmu jirkupra, u li dan wassal għal użu akbar ta' teknoloġiji diġitali ġodda, li ppermettew ġestjoni aħjar tal-ispazji urbani u l-moviment tat-turisti urbani sabiex tiġi evitata l-formazzjoni ta' gruppi kbar u sitwazzjonijiet ta' riskju fil-kuntest tal-pandemija;

44.

Jenfasizza li l-libreriji u ċ-ċentri kulturali huma vetturi għall-faċilitazzjoni tal-inklużjoni diġitali u soċjali, it-tagħlim tul il-ħajja u l-mogħdijiet għall-impjieg għall-komunitajiet urbani u għall-gruppi żvantaġġati; jiġbed l-attenzjoni, barra minn hekk, għall-ħtieġa ta' postijiet addizzjonali għall-iskambju personali u politiku;

45.

Jissottolinja li l-intelliġenza artifiċjali tippermetti soluzzjonijiet urbani intelliġenti, inklużi ġestjoni aktar effiċjenti tal-enerġija, tal-ilma u tal-iskart, u tnaqqis fit-tniġġis, l-ħsejjes u l-konġestjoni tat-traffiku; jinsab imħasseb li l-awtoritajiet lokali se jiffaċċjaw diversi sfidi diġitali, bħad-disponibbiltà u l-affidabbiltà tat-teknoloġija tad-data, id-dipendenza minn partijiet terzi privati u n-nuqqas ta' ħiliet; jisħaq li t-teknoloġiji emerġenti bħall-intelliġenza artifiċjali jridu jaderixxu ma' kriterji etiċi biex tiġi evitata r-riproduzzjoni tal-inugwaljanzi soċjali eżistenti;

46.

Jikkunsidra li l-istrutturi tas-saħħa primarja urbana eżistenti jeħtieġ li jissaħħu fiżikament u finanzjarjament; jinnota li l-bidla fl-għoti tal-kura tas-saħħa għandha wkoll iżżid l-innovazzjoni diġitali u ttejjeb l-integrazzjoni tal-kura permezz ta' kanali ta' informazzjoni aġġornati biex tagħti kura tas-saħħa aktar immirata, personalizzata, effettiva u effiċjenti; jistieden lill-Istati Membri jaħdmu mal-awtoritajiet lokali, reġjonali u speċjalment urbani biex jiżviluppaw networks ħalli jedukaw lin-nies fl-użu tal-kura tas-saħħa diġitali u l-amministrazzjoni pubblika diġitali, li jippermettu aċċess universali u ekwu, filwaqt li jipproteġu sew id-data sensittiva u jipprevjenu ċ-ċiberkriminalità; jenfasizza, għalhekk, ir-rwol kruċjali tal-Istati Membri fl-appoġġ tal-awtoritajiet tal-bliet fl-isforzi tagħhom biex isawru u jiżguraw l-inklużjoni diġitali, billi jipproteġu d-data personali u jagħtu s-setgħa lin-nies u lin-negozji lokali permezz tal-aċċess għad-data;

Bliet għat-tagħlim

47.

Jisħaq fuq l-effetti negattivi tal-pandemija tal-COVID-19 fuq l-edukazzjoni u jenfasizza l-ħtieġa li jiġu żgurati l-inklużjoni u l-aċċess għall-edukazzjoni;

48.

Jissottolinja l-ħtieġa ta' appoġġ għas-settur kulturali billi l-kultura u l-patrimonju kulturali huma ta' valur vitali għall-kompetittività reġjonali u l-koeżjoni soċjali u jgħinu biex tissawwar l-identità tal-bliet u r-reġjuni; jisħaq fuq l-importanza tal-ħolqien ta' aktar siti kulturali u li jiġi żgurat l-irkupru tagħhom wara l-COVID-19 u jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu attirati aktar żgħażagħ lejhom;

49.

Jissottolinja l-kontributi ekonomiċi u soċjali u l-impatt tas-setturi kulturali u sportivi lejn is-soċjetà; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jikkooperaw u jallokaw biżżejjed fondi nazzjonali u tal-UE biex tinħoloq infrastruttura kulturali u sportiva robusta u jippromwovu l-edukazzjoni għas-setturi ekonomiċi u rikreattivi, speċjalment għall-kultura tad-dilettanti u għall-isport mhux professjonali fiż-żoni urbani u suburbani; jinkoraġġixxi lill-Istati Membri joħorġu bi pjan ta' azzjoni ħalli jirriġeneraw liż-żewġ setturi bħala partijiet importanti tal-ekonomija fil-livell lokali, nazzjonali u tal-UE u jagħtu spinta lir-reżiljenza tagħhom;

50.

Jisħaq fuq l-importanza li jitħarsu d-drittijiet tat-tfal u taż-żgħażagħ, kif ukoll il-ħtieġa li jinħolqu sistemi ta' edukazzjoni u taħriġ li huma robusti, inklużivi u funzjonali, li jissodisfaw il-ħtiġijiet reali tan-nies fiż-żoni urbani rispettivi tagħhom, u li jkunu mgħammra għal kwalunkwe kriżi tas-saħħa jew diżastru naturali li jista' jseħħ fil-futur;

51.

Jinnota bi tħassib li l-kriżi tal-COVID-19 kellha effetti drammatiċi fuq numru sinifikanti taż-żgħażagħ Ewropej, li dehret b'mod partikolari f'iżolament inkwetanti, telf qawwi ta' impjiegi u tfixkil tal-perkors tal-edukazzjoni jew tat-taħriġ; jissottolinja li din is-sitwazzjoni rriżultat f'bidliet kemm fil-kompożizzjoni kif ukoll fid-daqs tal-popolazzjoni taż-żgħażagħ mhux fl-edukazzjoni, l-impjiegi jew it-taħriġ, li hija sitwazzjoni li teħtieġ li tiġi vvalutata u identifikata sabiex jiġu ttrattati l-isfidi speċifiċi li jirriżultaw mill-kriżi u l-Istati Membri jiġu megħjuna fl-iżvilupp ta' strateġiji effettivi ta' sensibilizzazzjoni għaż-żgħażagħ; jissuġġerixxi li l-Kummissjoni twettaq studju dwar il-possibbiltà li jiġu żviluppati għodod Ewropej komuni biex jiġu mmappjati u mmonitorjati żgħażagħ li mhumiex fl-edukazzjoni, f'impjieg jew f'taħriġ, sabiex tkun tista' tingħata reazzjoni politika xierqa b'appoġġ għal dan il-grupp partikolarment vulnerabbli fil-kuntest tal-kriżi tal-COVID-19;

52.

Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu riveduti s-soluzzjonijiet għat-tiġdid taċ-ċentri tal-bliet li sofrew minn għeluq ta' negozji u siti kulturali, postijiet vakanti, telf ta' attraenza u żieda fil-kummerċ online matul u wara l-pandemija;

53.

Jistieden lill-Istati Membri u lir-reġjuni jirrevedu u jfasslu mill-ġdid l-infrastruttura edukattiva f'konformità mal-iżviluppi l-ġodda fil-professjonijiet tal-edukazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jallokaw fondi suffiċjenti għall-iżvilupp ta' faċilitajiet edukattivi u għat-taħriġ kemm tal-għalliema kif ukoll tal-istudenti ta' kull età fl-iżvilupp ta' ħiliet ekoloġiċi u diġitali biex ikunu ppreparati għall-futur; ifakkar li d-diġitalizzazzjoni għandha timxi id f'id mhux biss mal-għoti ta' aċċess għall-internet, iżda anke tat-tagħmir neċessarju għall-użu tal-internet;

54.

Iqis li sensiela ta' kunċetti innovattivi, speċjalment l-użu ibridu u l-multifunzjonalità tal-ispazji urbani, il-ġustizzja fl-użu tal-art u l-“belt ta' 15-il minuta”, se jkollhom rwol kruċjali fil-mudell il-ġdid għaż-żoni urbani tal-UE;

Inizjattivi ta' politika mfassla apposta

55.

Jissottolinja l-ħtieġa li jkun hemm adattament għar-realtà l-ġdida fid-dawl tal-pandemija tal-COVID-19 u li ssir riflessjoni dwar mudell ġdid għaż-żoni urbani tal-UE, filwaqt li jingħata lok akbar għall-kreattività, għall-involviment ċiviku u għall-esperimentazzjoni; jemmen li l-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa hija opportunità biex il-bliet jinġiebu b'mod aktar prominenti fil-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE, u biex jingħataw rwol essenzjali fil-bini ta' demokrazija parteċipattiva u djalogu mar-residenti aktar b'saħħithom filwaqt li jiġi adottat approċċ minn isfel għal fuq u tiġi riveduta l-governanza urbana; jenfasizza l-importanza li jiġu żviluppati strateġiji komprensivi bbażati fuq il-Patt Ekoloġiku Ewropew, l-istrateġija Diġitali Ewropea (12) u l-viżjoni fit-tul għaż-żoni rurali tal-UE; ifakkar fil-karatteristiċi speċifiċi tar-reġjuni ultraperiferiċi f'konformità mal-Artikolu 349 tat-TFUE;

56.

Jirrikonoxxi l-fatt li minkejja n-nuqqas ta' kompetenzi espliċiti tal-UE fir-rigward tal-iżvilupp urban, firxa wiesgħa ta' inizjattivi tal-UE għandhom impatt fuq il-bliet, il-bliet żgħar u ż-żoni urbani funzjonali; jirrikonoxxi l-ħtieġa ta' kooperazzjoni aktar b'saħħitha dwar il-programmi u l-politiki tal-UE fost u fiż-żoni urbani; huwa mħasseb li filwaqt li diversi inizjattivi kibru f'dawn l-aħħar snin, il-koordinazzjoni tibqa' baxxa u b'riskji ta' duplikazzjoni u impatti vagi;

57.

Jilqa' l-Aġenda Urbana tal-UE bħala mudell ġdid ta' governanza f'diversi livelli; jesprimi dispjaċir għall-fatt li dan għadu proċess volontarju u jħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jimpenjaw ruħhom biex jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet; jissottolinja l-ħtieġa ta' involviment aktar b'saħħtu tas-soċjetà ċivili fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet kif ukoll ta' promozzjoni ta' approċċi minn isfel għal fuq sabiex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet lokali u reġjonali; jisħaq fuq l-importanza tal-parteċipazzjoni tal-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju u n-negozji ġodda fil-kuntest ta' strateġiji u pjanijiet ta' żvilupp urban u distrettwali;

58.

Jirrikonoxxi r-rwol importanti li ż-żoni urbani għandhom fl-implimentazzjoni konkreta ta' programmi u proġetti derivati mil-leġiżlazzjoni tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jipprovdu appoġġ b'saħħtu lill-awtoritajiet lokali u reġjonali u lit-timijiet tal-ġestjoni tal-proġetti tagħhom dwar il-programmi tal-UE u l-opportunitajiet ta' finanzjament, filwaqt li jiżguraw l-eżistenza ta' faċilitajiet amministrattivi adegwati fil-bliet, fil-bliet żgħar u fiż-żoni urbani funzjonali, inkluż persunal imħarreġ kif xieraq;

59.

Jinsisti li l-awtoritajiet reġjonali u lokali għandhom rwol ewlieni x'jaqdu fl-istadji kollha tat-teħid ta' deċiżjonijiet tal-UE: ippjanar, preparazzjoni u implimentazzjoni; jappella biex aktar finanzjament tal-UE jkun disponibbli b'mod dirett għall-awtoritajiet lokali u reġjonali, sabiex tittejjeb l-effiċjenza, tiġi żgurata l-konsistenza u jitnaqqas il-piż amministrattiv; jistieden lill-Kummissjoni, barra minn hekk, tipprovdi lill-Istati Membri bil-gwida kollha meħtieġa u tiffaċilita l-aċċess għall-finanzjament, filwaqt li tiddistingwi bejn il-bliet u r-reġjuni skont il-livell ta' diġitalizzazzjoni tagħhom;

60.

Itenni l-ħtieġa ta' aktar opportunitajiet ta' finanzjament aċċessibbli b'mod adegwat u dirett fil-futur għall-bliet biex jimplimentaw programmi fuq livell lokali; ifakkar li EUR 400 miljun mir-riżorsi għall-investimenti fl-impjiegi u t-tkabbir għandhom jiġu allokati għall-Inizjattiva Urbana Ewropea b'ġestjoni diretta jew indiretta mill-Kummissjoni kif stabbilit fir-Regolament (UE) 2021/1058; jistieden lill-Kummissjoni, fir-rieżami ta' nofs it-terminu tagħha tal-perjodu ta' programmazzjoni attwali, teżamina l-effettività tal-Inizjattiva Urbana Ewropea, b'mod partikolari l-baġit u l-kamp ta' applikazzjoni tagħha, u tinkoraġġixxi lill-Istati Membri jipprovdu riżorsi akbar biex jappoġġjaw it-twettiq tal-Aġenda Urbana;

61.

Jappella biex l-Inizjattiva Urbana Ewropea tingħata baġit u kamp ta' applikazzjoni akbar filwaqt li jiġi żgurat aċċess effettiv u ffaċilitat għall-bliet fir-reġjuni ultraperiferiċi; jinnota li għandu jappoġġja t-twettiq tal-Aġenda Urbana fil-perjodu ta' programmazzjoni attwali; iqis lill-komunitajiet urbani bħala atturi u partijiet ikkonċernati ewlenin fl-implimentazzjoni b'suċċess tal-politiki ffinanzjati mill-UE inkorporati fil-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza nazzjonali; jistieden lill-Kunsill u lill-Istati Membri jallokaw sa 15 % għaż-żoni urbani biex jindirizzaw l-isfidi ta' wara l-COVID;

62.

Jenfasizza l-importanza tal-finanzjament tal-UE għall-implimentazzjoni tal-inklużjoni soċjali fuq livell lokali; jappella biex l-impatt tiegħu jissaħħaħ permezz ta' qafas komuni ta' ġestjoni u rapportar;

63.

Jirrikonoxxi r-rwol kruċjali u uniku tal-awtoritajiet lokali u reġjonali biex jindirizzaw il-kwistjonijiet relatati mal-pandemija tal-COVID-19; jesprimi dispjaċir għall-fatt li ma hemm l-ebda possibbiltà attwali li jiġi stabbilit djalogu strutturat bejn il-Kummissjoni u l-bliet dwar il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza sabiex jiġi mmonitorjat l-involviment tal-awtoritajiet urbani fl-implimentazzjoni tal-pjanijiet nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza; jistieden lill-Kummissjoni biex, fir-rieżami tagħha, tirrapporta dwar l-implimentazzjoni tal-faċilità biex teżamina r-rwol possibbli taż-żoni urbani funzjonali u, jekk meħtieġ, issaħħaħ ir-rwol tagħhom sabiex tiggarantixxi implimentazzjoni effettiva tal-faċilità; jissottolinja li l-awtoritajiet urbani għandhom jingħataw l-appoġġ meħtieġ biex jimplimentaw sewwa l-pjanijiet nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza permezz tal-bini tal-kapaċitajiet, l-iskambji u l-assistenza teknika;

64.

Huwa tal-fehma li, fi ħdan il-politika ta' koeżjoni, l-appoġġ mill-fondi għandu jsaħħaħ il-proċessi ta' parteċipazzjoni biex jiġu ttestjati kunċetti ġodda u tiġi kondiviża l-esperjenza billi jitrawwem l-iżvilupp sostenibbli u integrat tat-tipi kollha ta' territorji u inizjattivi lokali; jemmen li l-bini tal-kapaċitajiet tal-atturi urbani huwa fattur importanti fil-ħolqien ta' bliet aktar reżiljenti u sostenibbli; jinkoraġġixxi lill-bliet, lill-bliet żgħar u liż-żoni urbani funzjonali biex jappoġġjaw l-inizjattivi taċ-ċittadini; jissottolinja li l-bliet huma laboratorji urbani, peress li huma postijiet fejn jistgħu jiġu ttestjati kunċetti u politiki futuri u fejn jistgħu jiġu żviluppati soluzzjonijiet għal komunitajiet intelliġenti u inklużivi;

65.

Ifakkar lil kull Stat Membru li għandu jħejji Ftehim ta' Sħubija, f'konformità mal-kodiċi ta' kondotta dwar is-sħubijiet, li jistabbilixxi standards minimi għall-involviment ta' awtoritajiet pubbliċi reġjonali, lokali, urbani u oħrajn, sħab ekonomiċi u soċjali u sħab oħra, kif iddikjarat fl-Artikolu 8(1) tar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni; jappella għal involviment akbar tas-sħab, inklużi dawk fl-akkademja, fl-innovazzjoni u r-riċerka, fil-preparazzjoni, fl-implimentazzjoni, fil-monitoraġġ u fl-evalwazzjoni tal-programmi tal-UE, inkluż fil-kumitati ta' monitoraġġ;

66.

Jistieden lill-Istati Membri u lir-reġjuni jiżguraw sħubija komprensiva, inkluż mal-awtoritajiet urbani, biex ifasslu u jimplimentaw il-politika ta' koeżjoni u jinnotifikaw lill-awtoritajiet urbani r-raġunijiet li għalihom l-applikazzjonijiet għall-finanzjament jiġu rrifjutati; jistieden lill-Kummissjoni teżamina l-ilment mill-partijiet ikkonċernati bħall-awtoritajiet urbani, inkluż fejn ma tingħata l-ebda ġustifikazzjoni valida għar-rifjut ta' applikazzjoni għal finanzjament;

67.

Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa strateġija għaż-żoni urbani funzjonali u għall-bliet ta' daqs medju, inklużi opportunitajiet ta' finanzjament għal azzjonijiet bħal sħubijiet ta' innovazzjoni u skemi ta' akkwist konġunt bejn il-bliet tal-UE u kooperazzjoni bejn il-bliet u r-reġjuni tal-UE;

o

o o

68.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-parlamenti tagħhom.

(1)  ĠU L 437, 28.12.2020, p. 30.

(2)  ĠU L 231, 30.6.2021, p. 159.

(3)  ĠU L 231, 30.6.2021, p. 60.

(4)  ĠU L 231, 30.6.2021, p. 94.

(5)  ĠU L 231, 30.6.2021, p. 1.

(6)  ĠU C 316, 22.9.2017, p. 124.

(7)  ĠU C 162, 10.5.2019, p. 31.

(8)  ĠU C 118, 8.4.2020, p. 2.

(9)  ĠU C 385, 22.9.2021, p. 167.

(10)  ĠU C 456, 10.11.2021, p. 145.

(11)  COM(2020)0662.

(12)  COM(2020)0067.