16.3.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 100/24


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Nikkomunikaw dwar id-drittijiet fundamentali u l-istat tad-dritt”

(opinjoni fuq inizjattiva proprja)

(2023/C 100/04)

Relatur:

Cristian PÎRVULESCU

Korelatur:

José Antonio MORENO DÍAZ

Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja

20.1.2022

Bażi legali

Artikolu 52(2) tar-Regoli ta’ Proċedura

 

Opinjoni fuq inizjattiva proprja

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza

Adozzjoni fis-sezzjoni

23.11.2022

Adozzjoni fil-plenarja

14.12.2022

Sessjoni plenarja Nru

574

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

199/3/4

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

L-Unjoni Ewropea hija bbażata fuq valuri komuni, kif iddikjarat fl-Artikolu 2 tat-TUE: il-valuri tad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem, il-pluraliżmu, in-nondiskriminazzjoni, it-tolleranza, il-ġustizzja, is-solidarjetà u l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa. L-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem huma parti mill-identità Ewropea.

1.2.

Barra minn hekk, il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, dokument essenzjali u vinkolanti, tiddikjara li l-Unjoni hi mibnija fuq il-valuri indiviżibbli u universali tad-dinjità tal-bniedem, tal-libertà, tal-ugwaljanza u tas-solidarjetà, u hi bbażata fuq il-prinċipji ta’ demokrazija u l-istat tad-dritt (1). It-tisħiħ tal-applikazzjoni tal-Karta huwa kemm obbligu kif ukoll mod sinifikanti biex jiġu protetti n-nies u jsiru konxji tal-importanza tal-istat tad-dritt u l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali. Filwaqt li l-Kumitat japprova l-isforzi kollha f’dawn id-dimensjonijiet, huwa jenfasizza l-ħtieġa li l-istituzzjonijiet kollha tal-UE jikkomunikaw b’mod attiv direttament lill-pubbliku ġenerali. L-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali huma kruċjali u jridu jsiru parti mill-kultura ċivika u demokratika kondiviża fil-kontinent.

1.3.

Il-Kummissjoni ta’ Venezja tal-Kunsill tal-Ewropa toffri deskrizzjoni ċara tal-prinċipji ewlenin koperti mill-istat tad-dritt: il-legalità, iċ-ċertezza legali, il-prevenzjoni tal-abbuż tal-poter, l-ugwaljanza quddiem il-liġi u n-nondiskriminazzjoni, u l-aċċess għall-ġustizzja (2). Dawn huma kriterji ċari għall-valutazzjoni tal-konformità ta’ kwalunkwe azzjoni mill-Istat mal-prinċipji tal-istat tad-dritt, u ġew approvati mill-Qorti tal-Ġustizzja (3).

1.4.

Il-KESE jħeġġeġ lill-istituzzjonijiet kollha tal-UE biex ma juru l-ebda tolleranza għall-ksur tal-istat tad-dritt fl-Istati Membri. L-UE għandha dmir legali li tħares l-istat tad-dritt u l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali, irrispettivament mill-intenzjonijiet ta’ diversi atturi politiċi li jistgħu jmorru kontra dak l-għan.

1.5.

Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għad-deċiżjoni tal-Qorti fejn il-baġit huwa wieħed mill-istrumenti li jagħtu effett prattiku lill-obbligu tal-Istati Membri kollha li jirrispettaw il-valuri ewlenin tal-UE, inkluż l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem (4).

1.6.

Ir-Rapport Annwali dwar l-Istat tad-Dritt, tal-Kummissjoni Ewropea, huwa strument siewi li jista’ jipprevjeni rigress fid-demokrazija, l-istat tad-dritt u l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali. Madankollu, dan għandu jiġi riformat sabiex jilħaq l-għanijiet tagħha. Jenħtieġ li jiġi aġġustat biex jinkludi l-valuri, l-azzjonijiet legali u/jew finanzjarji kollha tal-Artikolu 2 tat-TUE, meta r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż ma jiġux indirizzati bis-sħiħ, u l-ħames pilastru ddedikat għall-monitoraġġ tal-iżviluppi nazzjonali relatati mal-ispazju ċiviku (5).

1.7.

Il-KESE diġà enfasizza li s-soċjetà ċivili għandha rwol ewlieni fil-preservazzjoni tad-demokrazija fl-Ewropa, u li soċjetà ċivili b’saħħitha u diversa biss tista’ tiddefendi d-demokrazija u l-libertà u tippreserva l-Ewropa mill-awtoritarjaniżmu (6). Madankollu, ma hemm l-ebda stat tad-dritt mingħajr id-demokrazija u d-drittijiet fundamentali, u viċi versa; it-tliet kunċetti huma intrinsikament marbuta (7). Għalhekk, il-KESE jħeġġeġ lill-partijiet ikkonċernati kollha biex jieqfu jitkellmu dwar l-hekk imsejħa demokrazija illiberali, anke biex jikkritikaw il-kunċett. M’hemm l-ebda demokrazija mingħajr prinċipji liberali.

1.8.

Aktar partijiet interessati għandhom ikunu involuti fl-isforzi biex l-istat tad-dritt isir realtà aktar tanġibbli: l-imsieħba soċjali, l-organizzazzjonijiet professjonali bħall-Għaqdiet tal-Avukati, u l-organizzazzjonijiet lokali li jaħdmu ma’ persuni u komunitajiet vulnerabbli f’riskju akbar ta’ ħsara, żvantaġġ u diskriminazzjoni.

1.9.

L-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem jistgħu jitqiesu minn xi wħud bħala kunċetti eċċessivament astratti, distanti, speċjalizzati u legalistiċi. Il-komunikazzjoni tal-istat tad-dritt b’mod effettiv teħtieġ enfasi fuq valuri kondiviżi u kunċetti li wieħed jista’ jirrelata magħhom ta’ ekwità u ġustizzja. Jista’ jkun utli wkoll li l-istorja tiġi umanizzata billi jintwerew l-uċuh tal-individwi u l-persuni kkonċernati mill-evidenza u l-istatistika.

1.10.

Il-KESE jitlob lill-Istati Membri jintegraw l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali fl-iskejjel u fl-edukazzjoni għolja. L-edukazzjoni ċivika għandha tkun obbligatorja, tibda kmieni kemm jista’ jkun u tiġi mgħallma għal għadd sinifikanti ta’ snin. Barra minn hekk, għandhom jiġu pprovduti riżorsi tal-UE u nazzjonali għat-taħriġ xieraq tal-għalliema tal-edukazzjoni ċivika.

1.11.

Il-qafas tad-drittijiet tal-bniedem huwa mibni fuq il-prinċipju tar-responsabbiltà, u għalhekk jeħtieġ miżuri biex jiġi identifikat min huwa responsabbli għal liema eżitu u jiġu identifikati bidliet mixtieqa fil-politika. Huwa importanti wkoll li jiġu identifikati kwistjonijiet ta’ interess wiesa’ għall-pubbliku ġenerali, bħall-aċċess għall-enerġija, it-trasport, l-ugwaljanza reġjonali, ix-xogħol, l-akkomodazzjoni, il-kura tas-saħħa u diversi servizzi pubbliċi oħra, fil-livell lokali, reġjonali u nazzjonali.

1.12.

Il-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt jissaħħu bi stat soċjali b’saħħtu, irrispettivament mid-diversi forom li dan jista’ jieħu madwar l-Ewropa. Din l-interkonnettività hija rikonoxxuta mill-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, għodda ta’ politika essenzjali għall-bini ta’ Unjoni aktar inklużiva.

1.13.

Il-movimenti fil-livell lokali u l-persuni b’esperjenza ta’ faqar għandhom ikunu fiċ-ċentru ta’ kawża demokratika għad-drittijiet tal-bniedem. Ma hemm l-ebda mod aħjar biex jiġu difiżi d-drittijiet tal-bniedem, b’mod partikolari d-drittijiet soċjali, milli b’li jkollok il-vuċijiet tal-persuni l-aktar affettwati mill-inugwaljanza, il-faqar u l-esklużjoni soċjali jinstemgħu fl-ispazji pubbliċi u d-dibattiti ta’ politika.

2.   Kummenti ġenerali

2.1.

Il-KESE jfakkar fil-pożizzjoni espressa fl-Opinjoni SOC/598 tiegħu (2018): “l-istat tad-dritt huwa interdipendenti u inseperabbli minn garanziji li jipproteġu d-demokrazija pluralista u r-rispett għad-drittijiet fundamentali. L-istat tad-dritt jiżgura li l-gvernijiet jirrispettaw l-istandards tad-drittijiet fundamentali, u d-demokrazija pluralista tiżgura li l-gvernijiet isegwu politiki li javvanzaw il-benessri tal-popli tagħhom. Il-ħarsien tal-istat tad-dritt minnu nnifsu ma jiggarantix li l-liġi tirrispetta d-drittijiet fundamentali, lanqas li l-liġi ssir skont proċess inklużiv u leġittimu bbażat fuq dibattitu pubbliku u l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini li jkunu infurmati tajjeb, pluralisti u bbilanċjati. Sabiex sempliċement tiġi evitata ‘saltna bil-liġi’, jeħtieġ li d-drittijiet fundamentali u l-istandards demokratiċi pluralisti jkunu mħarsa flimkien mal-istat tad-dritt” (8).

2.2.

Kif osservat fir-Rapporti dwar l-Istat tad-Dritt tal-2021 u l-2022 tal-Kummissjoni, il-preservazzjoni tal-fiduċja taċ-ċittadini fl-istituzzjonijiet pubbliċi u l-istat tad-dritt tirrikjedi, fost affarijiet oħra, l-eżistenza ta’ sistema ġudizzjarja indipendenti, b’rieżami ġudizzjarju effettiv biex tiġi żgurata l-konformità mad-Dritt tal-UE; impenn pubbliku qawwi għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-iżgurar tar-responsabbiltà demokratika; pluraliżmu tal-media u l-libertà tal-media, inkluża t-trasparenza tas-sjieda tal-media; mekkaniżmi kostituzzjonali u istituzżzjonali trasparenti biex jiġu żgurati kontrolli u bilanċi, b’parteċipazzjoni attiva mis-soċjetà ċivili; u t-tisħiħ tal-kooperazzjoni internazzjonali għall-iżvilupp sostenibbli, id-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-istat tad-dritt (9). Fir-Rapport tal-2022, il-Kummissjoni tenfasizza wkoll it-theddid sinifikanti għall-valuri tal-UE u l-ordni bbażat fuq ir-regoli tal-aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, aggressjoni li tikser b’mod serju d-dritt internazzjonali u l-prinċipji tal-Karta tan-NU u ddgħajjef id-demokrazija kif ukoll l-istat tad-dritt, flimkien mas-sigurtà u l-istabbiltà Ewropea u globali (10).

2.3.

L-ebda norma demokratika u rappreżentattiva ma tista’ tiġi invokata biex tilleġittimizza l-ksur tal-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali. L-istituzzjonijiet tal-UE, u l-Kummissjoni Ewropea b’mod partikolari, iridu jużaw l-istrumenti kollha għad-dispożizzjoni tagħhom biex jirrestawraw l-integrità tal-prinċipji tal-UE.

2.4.

Billi jimmonitorjaw is-sitwazzjoni fuq il-post, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem għandhom rwol essenzjali x’jaqdu, b’mod partikolari meta l-istat tad-dritt jiddeterjora u d-drittijiet tal-bniedem ikunu qed jiġu attakkati (11). Il-gvernijiet awtoritarji jheddu lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili mhux biss billi jnaqqsu u jċaqilqu l-ispazji disponibbli għall-attivitajiet tagħhom, iżda wkoll permezz ta’ theddid u persekuzzjoni personali, restrizzjonijiet finanzjarji, jew protezzjoni inadegwata kontra attakki fiżiċi jew verbali (12).

2.5.

Kif intqal qabel, il-kapaċità ġenerali tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem li jaħdmu fil-qafas tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali għandha tissaħħaħ b’mod sinifikanti permezz ta’ pakkett li jinkludi t-taħriġ u t-trasferiment tal-għarfien, l-appoġġ organizzazzjonali u finanzjarju, u l-protezzjoni minn attakki u kampanji negattivi (13). Għal dan l-għan, il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni tipproponi strateġija komprensiva Ewropea għas-soċjetà ċivili biex tiggwida l-kollaborazzjoni, l-isforzi tal-bini tal-kapaċità u l-komunikazzjoni effettiva tal-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali.

2.6.

Il-KESE jqis li l-ħidma tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem hija essenzjali biex il-gruppi vulnerabbli jiġu megħjuna jlaħħqu ma’ sfidi serji għas-sikurezza, il-benesseri u d-dinjità tagħhom. In-nies kollha jistgħu xi darba jsibu ruħhom f’pożizzjoni ta’ vulnerabbiltà. F’ħafna każijiet, is-sorsi ta’ vulnerabbiltà jikkoinċidu u jirriżultaw f’marġinalizzazzjoni strutturali u diskriminazzjoni.

2.7.

L-istat tad-dritt u l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali għandhom jiġu żgurati fir-rigward tad-demokrazija, speċjalment il-promozzjoni ta’ elezzjonijiet ħielsa u ġusti u parteċipazzjoni demokratika b’saħħitha (14). Dawk li huma f’pożizzjoni li jikkontestaw l-istat tad-dritt jaġixxu wkoll kontra l-oppożizzjoni politika u l-media tal-massa indipendenti. Il-Pjan ta’ Azzjoni tgħad-Demokrazija Ewropea huwa pass meħtieġ f’din id-direzzjoni.

2.8.

L-imsieħba soċjali għandhom rwol sinifikanti x’jaqdu fil-komunikazzjoni tal-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali. Il-postijiet tax-xogħol kollha huma affettwati mid-deterjorament tal-klima politika u legali f’pajjiż. In-negozji, l-SMEs u l-intrapriżi soċjali ma jistgħux jiffunzjonaw b’mod effettiv jekk ma jkunx hemm fis-seħħ sistemi ta’ protezzjoni tal-istat tad-dritt u tad-drittijiet fundamentali. L-imsieħba soċjali għandhom jimpenjaw ruħhom li jieħdu azzjoni biex itejbu l-integrità u l-effettività tagħhom. Il-ħaddiema għandhom ikunu liberi li jiffurmaw u jingħaqdu mat-trade union tal-għażla tagħhom, u t-trade unions għandhom ikunu jistgħu jiffunzjonaw liberament (15). Il-ħaddiema u l-impjegaturi għandhom id-dritt li jinnegozjaw u jikkonkludu ftehimiet kollettivi u, f’każijiet ta’ kunflitt ta’ interess, li jieħdu azzjoni kollettiva biex jiddefendu l-interessi tagħhom, inkluż li jistrajkjaw (16).

2.9.

L-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali għandha kapaċità sinifikanti biex tiġbor informazzjoni rilevanti. Diġà bniet bażi ta’ għarfien vasta li l-atturi interessati kollha jistgħu jużaw. L-għarfien espert tagħha huwa solidu u għandu jipprovdi l-bażi għat-tisħiħ tad-dimensjoni ta’ komunikazzjoni tiegħu. Għandhom jingħataw aktar riżorsi lill-Aġenzija biex tinvolvi ruħha f’komunikazzjoni pubblika fil-pajjiżi membri kollha tal-UE. Tenħtieġ aktar kooperazzjoni ma’ istituzzjonijiet speċjalizzati bħall-Kunsill tal-Ewropa u l-Uffiċċju tal-OSKE għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem (ODIHR).

2.10.

L-UE hija wkoll attur globali, li r-responsabbiltà tiegħu li jirrispetta l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali hija ċentrali għall-identità u r-rwol internazzjonali tiegħu. Il-politiki, il-programmi, l-istrumenti u l-azzjonijiet esterni kollha għandhom jirriflettu ċ-ċentralità tagħhom għall-UE u l-importanza għal dinja demokratika u paċifika.

3.   Kummenti speċifiċi

3.1.   Narrattiva u nkwadrar pożittivi

3.1.1.

L-edukazzjoni ċivika dwar il-prinċipji tad-demokrazija, id-drittijiet fundamentali u l-istat tad-dritt għandha tissaħħaħ fil-livelli kollha. Il-Kummissjoni għandha wkoll tkompli tippromovi s-sensibilizzazzjoni tal-pubbliku permezz ta’ aġenda ta’ komunikazzjoni ambizzjuża (17).

3.1.2.

Il-mit tat-twaqqif tal-UE waħedha m’għadhiex biżżejjed biex tappella lin-nies tal-Ewropa. L-UE għandha tipproponi narrattivi dwar futur mixtieq u terġa’ tqajjem il-prinċipji ewlenin li kellhom rwol ewlieni fil-proġett Ewropew, (18) inkluż l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem. Dan huwa partikolarment importanti fil-kuntest tal-aggressjoni militari Russa kontra l-Ukrajna.

3.1.3.

Il-qafas tad-drittijiet tal-bniedem huwa mibni fuq il-prinċipju tar-responsabbiltà, u għalhekk jeħtieġ miżuri biex jiġi identifikat min huwa responsabbli għal liema eżitu u għal liema bidla mixtieqa fil-politika. Huwa importanti wkoll li jiġu identifikati kwistjonijiet ta’ interess ġenerali għall-pubbliku ġenerali, kwistjonijiet bħall-aċċess għat-trasport, l-enerġija, ix-xogħol, l-akkomodazzjoni, il-kura tas-saħħa u diversi servizzi pubbliċi oħra, fil-livell lokali, reġjonali u nazzjonali. Wieħed irid imur lil hinn mill-kritika tas-sitwazzjoni li ma tissodisfax l-istandards tad-drittijiet tal-bniedem, u jiddeskrivi l-futur li l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem jistgħu jgħinu biex jibnu billi jispiraw assoċjazzjonijiet pożittivi f’moħħ in-nies (19).

3.1.4.

Ma hemm l-ebda stat tad-dritt mingħajr id-demokrazija u d-drittijiet fundamentali, u viċi versa; it-tliet kunċetti huma intrinsikament marbuta (20). Għalhekk, il-KESE jħeġġeġ lill-partijiet ikkonċernati kollha biex jieqfu jitkellmu dwar l-hekk imsejħa demokrazija illiberali, anke meta jagħmlu dan biex jikkritikaw il-kunċett. M’hemm l-ebda demokrazija mingħajr prinċipji liberali. Id-demokrazija illiberali mhijiex alternattiva jew saħansitra forma dilwita ta’ demokrazija. Id-demokrazija illiberali mhijiex demokrazija.

3.2.   Politiki meħtieġa u oqsma ta’ politika rilevanti

3.2.1.

Kif osserva l-KESE qabel, hemm korrelazzjoni bejn il-perċezzjoni tan-nies jew in-nuqqas reali ta’ benefiċċju mill-prosperità ekonomika, minn naħa, u l-attitudnijiet negattivi lejn l-istituzzjonijiet pubbliċi u l-prinċipji fundamentali, min-naħa l-oħra (21).

3.2.2.

L-argument favur id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt jeħtieġ passi biex jiġu identifikati politiki li jistgħu jtejbu l-ħajja ta’ kuljum tan-nies.

3.2.3.

Il-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt jissaħħu bi stat soċjali b’saħħtu, irrispettivament mid-diversi forom li dan jista’ jieħu madwar l-Ewropa. Din l-interkonnettività hija rikonoxxuta mill-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, għodda ta’ politika essenzjali għall-bini ta’ Unjoni aktar inklużiva (22). Il-ħaddiema jrid ikollhom id-dritt għal pagi ġusti li jipprovdu standard ta’ għajxien deċenti (is-6 prinċipju tal-Pilastru), u kull min ma jkollux riżorsi suffiċjenti jrid ikollu d-dritt għal introjtu minimu adegwat, biex jiġi żgurat li jkun jista’ jgħix b’dinjità fl-istadji kollha tal-ħajja, u aċċess effettiv għal oġġetti u servizzi abilitanti (l-14-il prinċipju) (23).

3.2.4.

Il-pandemija tal-COVID-19 hija tfakkira tal-importanza ta’ sistema tal-kura tas-saħħa pubblika universali, aċċessibbli u ġusta. Il-KESE jtenni l-pożizzjoni espressa fl-Opinjoni SOC/691 (2022): “L-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom jipparteċipaw f’riflessjoni profonda tas-soċjetà dwar l-oriġini tal-kriżi u r-raġunijiet għaliex il-biċċa l-kbira tas-sistemi tas-saħħa Ewropej ġew imbuttati kważi lejn kollass totali minħabba l-pandemija. Snin ta’ politiki ta’ awsterità wasslu għal xejra ġenerali ta’ diżinvestiment fis-settur tas-saħħa u servizzi soċjali ewlenin oħra (għajnuna għall-persuni dipendenti u vulnerabbli, id-djar tal-kura, eċċ.), u ħolqu bużżieqa li kienet biss kwistjoni ta’ meta se tinfaqa’, li ġrat quddiem din l-isfida kbira għas-saħħa (24).”

3.2.5.

Il-pandemija mhijiex l-unika kriżi li taffettwa d-drittijiet fundamentali. Il-gwerra fl-Ukrajna qed tipperikola miljuni ta’ nies fl-Ukrajna u madwar id-dinja. It-tibdil fil-klima u l-isfidi u d-diżastri assoċjati miegħu, bħan-nirien fil-foresti, jaffettwaw direttament lin-nies madwar il-kontinent. Ħafna Ewropej qed jitħabtu ma’ żieda fil-prezzijiet tal-enerġija. L-għodod ta’ azzjoni tal-Ewropa għandhom jiġu aġġornati u aġġustati kif xieraq.

3.2.6.

Il-politiki, b’mod partikolari l-politiki ta’ riforma ekonomika, għandhom ikunu bbażati fuq valutazzjonijiet sistematiċi ex ante u ex post tad-drittijiet tal-bniedem (25), sabiex jiffaċilitaw dibattiti infurmati u inklużivi Ewropej u nazzjonali dwar l-arbitraġġ u l-aġġustament tal-għażliet politiċi (26).

3.2.7.

Għandha ssir enfasi akbar fuq il-Kapitolu III (Ugwaljanza) u l-Kapitolu IV (Solidarjetà) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali bħala elementi ewlenin tal-kredenzjali demokratiċi u bbażati fuq il-valuri tal-UE (27). Id-drittijiet tal-bniedem kollha rikonoxxuti fil-Karta huma indiviżibbli, interdipendenti u ugwalment importanti. Kif indikat mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem f’kawża storika, ma hemm l-ebda diviżjoni stretta bejn id-drittijiet soċjoekonomiċi u d-drittijiet ċivili u politiċi (28).

3.2.8.

Hija mixtieqa aktar kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri biex jiġi żgurat li ċ-ċittadini u r-residenti kollha jgawdu d-drittijiet kollha rikonoxxuti fil-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, il-Karta Soċjali Ewropea (fil-forom diversi tagħha) u l-konvenzjonijiet rilevanti tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem. Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jqisu kif xieraq il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u l-Karta Soċjali Ewropea meta jfasslu, jinterpretaw u jimplimentaw id-Dritt tal-UE.

3.2.9.

Il-KESE jistieden lill-Istati Membri kollha jiffirmaw u jirratifikaw il-Karta Soċjali Ewropea tal-1996 (Riveduta) u jaċċettaw il-proċedura tal-ilmenti kollettivi tal-Kumitat Ewropew tad-Drittijiet Soċjali.

3.2.10.

Il-KESE jappoġġja l-inizjattiva tal-Kummissjoni li tipprevedi miżuri korrettivi ekonomiċi fir-rigward tal-Istati Membri li jwettqu ksur serju u persistenti tal-valuri elenkati fl-Artikolu 2 tat-TUE (29). “[J]eħtieġ li l-Kummissjoni talloka riżorsi umani u finanzjarji adegwati u ssegwi b’mod konsistenti indikazzjonijiet ta’ ksur possibbli. Meta tagħmel dan, il-Kummissjoni għandha tapplika kriterji strettament oġġettivi u teżamina l-ksur bl-istess mod fl-Istati Membri kollha (30).”

3.3.   Kawża demokratika għad-drittijiet tal-bniedem u l-importanza tal-esperjenza mġarrba

3.3.1.

Skont stħarriġ wiesa’ mwettaq mill-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali, kważi disgħa minn kull għaxar persuni fl-UE jaħsbu li d-drittijiet tal-bniedem huma importanti għall-ħolqien ta’ soċjetà aktar ġusta (31). L-Ewropej jemmnu li d-drittijiet tal-bniedem jista’ jkollhom rwol sinifikanti f’ħajjithom.

3.3.2.

Biex id-drittijiet tal-bniedem isiru reali fl-Ewropa tenħtieġ azzjoni biex jiġi enfasizzat il-mod li bih id-drittijiet tal-bniedem — pereżempju d-drittijiet soċjali bħax-xogħol, is-sigurtà soċjali, l-akkomodazzjoni, l-edukazzjoni u l-kura tas-saħħa — jistgħu jagħmlu differenza għal kulħadd fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum, fil-postijiet li huma l-aktar importanti għalihom, u fil-komunitajiet lokali tagħhom (32).

3.3.3.

Il-movimenti fil-livell lokali u l-persuni b’esperjenza ta’ faqar għandhom ikunu fiċ-ċentru ta’ kawża demokratika għad-drittijiet tal-bniedem. Ma hemm l-ebda mod aħjar biex jiġu difiżi d-drittijiet tal-bniedem, b’mod partikolari d-drittijiet soċjali, milli b’li jkollok il-vuċijiet tal-persuni l-aktar affettwati mill-inugwaljanza, il-faqar u l-esklużjoni soċjali jinstemgħu fl-ispazji pubbliċi u d-dibattiti ta’ politika. Jista’ jkun utli wkoll li l-istorja tiġi umanizzata u jintwerew l-uċuh tal-individwi u l-persuni kkonċernati mill-evidenza u l-istatistika. It-teħid serju tad-drittijiet soċjali jeħtieġ mhux biss politiki differenti, iżda wkoll proċessi aktar inklużivi għat-tfassil tagħhom (33).

3.3.4.

Is-soċjetà Ewropea ma tiflaħx għal għażla binarja frodulenti ta’ drittijiet kontra demokrazija. Ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem jirrikjedi li dawn isiru popolari billi jinbena u jiġi ppreservat moviment għad-difiża tad-drittijiet fil-livelli lokali, nazzjonali u globali.

3.3.5.

Il-gruppi tas-soċjetà ċivili għandhom imexxu dan il-proċess, u l-awtoritajiet pubbliċi fl-UE u fl-Istati Membri għandhom jiffaċilitaw il-kawża demokratika għad-drittijiet tal-bniedem billi jaġixxu b’mod trasparenti u billi jirrispettaw ir-rwol tas-soċjetà ċivili li żżommhom responsabbli. L-istituzzjonijiet nazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem għandhom jissaħħu, u għandhom jissensibilizzaw dwar ir-rimedji possibbli disponibbli għaċ-ċittadini.

Brussell, l-14 ta’ Diċembru 2022.

Christa SCHWENG

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


(1)  Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (ĠU C 326, 26.10.2012, p. 391), Preambolu.

(2)  Venice Commission of the Council of Europe, The Rule of Law Checklist [Il-Kummissjoni ta’ Venezja tal-Kunsill tal-Ewropa, Il-Lista ta’ Kontroll tal-Istat tad-Dritt], adottata fil-106 Sessjoni Plenarja tagħha, 2016.

(3)  Is-Sentenza tal-QĠUE tas-16 ta’ Frar 2022, Il-Polonja vs Il-Parlament u l-Kunsill, C-157/21, EU:C:2022:98, punt 325.

(4)  Il-Polonja vs Il-Parlament u l-Kunsill, C-157/21 , punti 130-131; Is-Sentenza tas-16 ta’ Frar 2022, Is-Sentenza tal-QĠUE, L-Ungerija vs Il-Parlament u l-Kunsill, C-156/21, EU:C:2022:97, punti 116-117.

(5)  Laurent Pech u Petra Bard, Rule of Law Report and the EU Monitoring and Enforcement of Article 2 TEU Values, [Rapport dwar l-Istat tad-Dritt u l-Monitoraġġ u l-Infurzar mill-UE tal-Valuri tal-Artikolu 2 tat-TUE], Rapport għall-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern tal-Parlament Ewropew u l-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali, Frar 2022, p. 12-13.

(6)  L-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Demokrazija reżiljenti permezz ta’ soċjetà ċivili b’saħħitha u diversa” (opinjoni fuq inizjattiva proprja) (ĠU C 228, 5.7.2019, p. 24).

(7)  L-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-mekkaniżmu ta’ kontroll Ewropew dwar l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali” (opinjoni fuq inizjattiva proprja) (ĠU C 34, 2.2.2017, p. 8).

(8)  L-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni f’każ ta’ nuqqasijiet iġġeneralizzati fir-rigward tal-istat tad-dritt fl-Istati Membri” (COM(2018) 324 final — 2018/0136 (COD)) (ĠU C 62, 15.2.2019, p. 173).

(9)  Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Ir-Rapport tal-2021 dwar l-Istat tad-Dritt — Is-sitwazzjoni tal-istat tad-dritt fl-Unjoni Ewropea (COM/2021/700 final).

(10)  Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Ir-Rapport tal-2022 dwar l-Istat tad-Dritt — Is-sitwazzjoni tal-istat tad-dritt fl-Unjoni Ewropea (COM/2022/500 final).

(11)  L-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew u lill-Kunsill — It-tisħiħ ulterjuri tal-Istat tad-Dritt fi ħdan l-Unjoni Is-sitwazzjoni bħalissa u l-passi li jmiss li jistgħu jittieħdu” (COM(2019) 163 final) (ĠU C 282, 20.8.2019, p. 39).

(12)  L-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-populiżmu u d-drittijiet fundamentali — iż-żoni suburbani u rurali” (opinjoni fuq inizjattiva proprja) (ĠU C 97, 24.03.2020, p. 53), il-punt 1.6.

(13)  L-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Strateġija biex tissaħħaħ l-applikazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali fl-UE” (COM(2020) 711 final) (ĠU C 341, 24.8.2021, p. 50).

(14)  L-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-Pjan ta’ Azzjoni għad-Demokrazija Ewropea” (COM(2020) 790 final) (ĠU C 341, 24.8.2021, p. 56).

(15)  Article 8(1) of the International Covenant on Economic, Social and Cultural Rights [Artikolu 8(1) tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali].

(16)  Artikolu 28 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE.

(17)  L-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-Pjan ta’ Azzjoni għad-Demokrazija Ewropea” (COM(2020) 790 final) (ĠU C 341, 24.8.2021, p. 56).

(18)  L-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-populiżmu u d-drittijiet fundamentali — iż-żoni suburbani u rurali” (opinjoni fuq inizjattiva proprja) (ĠU C 97, 24.03.2020, p. 53).

(19)  FRA, 10 elementi ewlenin għal komunikazzjoni effettiva dwar id-drittijiet tal-bniedem, 2018; Network Ewropew tal-Istituzzjonijiet Nazzjonali għad-Drittijiet tal-Bniedem, Tips for Effective Messaging about Economic & Social Rights [Għajnuna għall-komunikazzjoni effettiva tad-drittijiet tal-bniedem u dawk ekonomiċi], 2019.

(20)  L-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-mekkaniżmu ta’ kontroll Ewropew dwar l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali” (opinjoni fuq inizjattiva proprja) (ĠU C 34, 2.2.2017, p. 8).

(21)  L-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-populiżmu u d-drittijiet fundamentali — iż-żoni suburbani u rurali” (opinjoni fuq inizjattiva proprja) (ĠU C 97, 24.3.2020, p. 53).

(22)  Kummissjoni Ewropea, Il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali f'20 prinċipju.

(23)  L-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Lejn Direttiva Qafas Ewropea dwar l-introjtu minimu” (Opinjoni fuq inizjattiva proprja) (ĠU C 190, 5.6.2019, p. 1).

(24)  L-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar ‘L-impatt tal-COVID-19 fuq id-drittijiet fundamentali u l-istat tad-dritt fl-UE, u l-futur tad-demokrazija’ (Opinjoni fuq inizjattiva proprja) (ĠU C 275, 18.07.2022, p. 11).

(25)  L-Espert Indipendenti tan-NU dwar l-effetti tad-dejn barrani u obbligi finanzjarji internazzjonali relatati oħra tal-Istati fuq it-tgawdija sħiħa tad-drittijiet kollha tal-bniedem, b’mod partikolari d-drittijiet ekonomiċi, soċjali u kulturali, Guiding Principles for human rights impact assessments for economic reform policies [Il-Prinċipji Gwida għall-valutazzjonijiet tal-impatt tad-drittijiet tal-bniedem għall-politiki ta’ riforma ekonomika], dokument tan-NU A/HRC/40/57, id-19 ta’ Diċembru 2018.

(26)  L-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-populiżmu u d-drittijiet fundamentali — iż-żoni suburbani u rurali” (opinjoni fuq inizjattiva proprja) (ĠU C 97, 24.03.2020, p. 53).

(27)  Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Strateġija biex tissaħħaħ l-applikazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali fl-UE” (COM(2020) 711 final) (ĠU C 341, 24.8.2021, p. 50).

(28)  Airey vs Irlanda, Sentenza, Merti, Applikazzjoni Nru 6289/73 (1979) Sentenza tal-KEDB tad-9 ta’ Ottubru 1979, punt 26.

(29)  L-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-istat tad-dritt u l-fond ta’ rkupru” (opinjoni fuq inizjattiva proprja) (ĠU C 194, 12.5.2022, p. 27).

(30)  L-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar ‘L-impatt tal-COVID-19 fuq id-drittijiet fundamentali u l-istat tad-dritt fl-UE, u l-futur tad-demokrazija’ (Opinjoni fuq inizjattiva proprja) (ĠU C 275, 18.07.2022, p. 11).

(31)  FRA, Many Europeans believe human rights can build a fairer society but challenges remain [Bosta Ewropej jemmnu li d-drittijiet tal-bniedem jistgħu jibnu soċjetà aktar ġusta iżda għad fadal l-isfidi], Stqarrija għall-istampa, 24 ta’ Ġunju 2020.

(32)  Casla, Koldo u Barker, Lyle, Human Rights Local, Human Rights Centre blog — L-Università ta’ Essex, 17 ta’ Jannar 2022.

(33)  Casla, Koldo, Nothing about us, without us, is really for us, Global Policy, 14 ta’ Ottubru 2019.