16.3.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 100/45


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej — Insalvaw lin-naħal u lill-bdiewa”

(opinjoni fuq inizjattiva proprja)

(2023/C 100/07)

Relatur:

Arnold PUECH d’ALISSAC

Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja

19.5.2022

Bażi legali

Artikolu 52(2) tar-Regoli ta’ Proċedura

 

Opinjoni fuq inizjattiva proprja

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent

Adozzjoni fis-sezzjoni

24.11.2022

Adozzjoni fil-plenarja

15.12.2022

Sessjoni plenarja Nru

574

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

168/0/2

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Is-suċċess ta’ din l-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej (IĊE) juri aspettattivi għoljin ħafna taċ-ċittadini Ewropej fil-konfront tal-Kummissjoni Ewropea (KE). Il-KESE l-ewwel jixtieq jifraħ lill-organizzatur u jagħraf l-impenn taċ-ċittadini għal dan is-suċċess, minkejja d-diffikultà biex jinġabru l-firem kollha meħtieġa. Għalhekk huwa stieden lill-KE biex tipprovdi tweġibiet preċiżi u konkreti għat-talbiet li saru minn din l-IĊE.

1.2.

Il-KESE jiddispjaċih li l-proposta prinċipali tal-IĊE, li tikkonsisti f’eliminazzjoni gradwali totali tal-pestiċidi sintetiċi sal-2035, mhijiex enfasizzata fit-titolu magħżul: “Insalvaw lin-naħal u lill-bdiewa”. Barra minn hekk il-KESE jisħaq li l-KE diġà qed tfassal jew adottat ħafna atti legali favur in-naħal, il-pollinaturi, il-bijodiversità, l-użu sostenibbli tal-pestiċidi u l-appoġġ għall-bdiewa fit-tranżizzjoni agroekoloġika, iżda jirrikonoxxi madankollu li dawn il-miżuri ma laħqux bis-sħiħ l-objettivi tagħhom. Għalhekk jistieden lill-KE biex tieħu miżuri ulterjuri biex tikseb l-objettivi ambizzjużi tagħha b’mod konkret u aktar effettiv. Pereżempju, jirrakkomanda appoġġ aktar b’saħħtu għall-biedja ta’ preċiżjoni, l-agrikoltura diġitali, il-kontroll bijoloġiku, ir-robotika, iżda wkoll l-agroekoloġija.

1.3.

Il-KESE jenfasizza l-ħtieġa li jitqiesu t-tliet pilastri kollha tas-sostenibbiltà (ambjentali, soċjali u ekonomiku), mingħajr ma jiġi injorat l-aspett ekonomiku li ta’ spiss jitwarrab, f’kuntest essenzjali tas-sostenibbiltà tas-sistemi u tas-sovranità tal-ikel.

1.4.

Il-KESE jistieden ukoll lill-KE twettaq valutazzjonijiet tal-impatt qabel ma tieħu kwalunkwe deċiżjoni, b’mod partikolari biex tivvaluta l-ispejjeż tal-inizjattiva dwar il-produzzjoni agrikola u dwar l-ekonomija, meta mqabbla mal-ispiża ekonomika tat-telf tal-bijodiversità għall-bdiewa.

2.   Sfond

2.1.   IĊE għal agrikoltura li tirrispetta aktar in-naħal, il-bnedmin u l-ambjent

2.1.1.

Il-mekkaniżmu tal-IĊE joffri l-possibbiltà liċ-ċittadini Ewropej biex jipparteċipaw b’mod attiv fil-proċessi demokratiċi tal-Unjoni Ewropea (UE), billi jitlob lill-KE tipproponi leġiżlazzjoni ġdida. Ladarba inizjattiva tirċievi l-appoġġ ta’ mill-anqas miljun ċittadin tal-UE u tilħaq il-limiti meħtieġa f’mill-anqas kwart tal-Istati Membri (1), il-KE trid twieġeb għall-IĊE.

2.1.2.

L-IĊE “Insalvaw lin-naħal u lill-bdiewa! Lejn agrikoltura favur in-naħal għal ambjent b’saħħtu”, wara li laħqet dawn il-limiti, stiednet għalhekk lill-KE tipproponi atti legali biex telimina gradwalment il-pestiċidi sintetiċi sal-2035, tirrestawra l-bijodiversità u tgħin lill-bdiewa matul din il-fażi ta’ tranżizzjonia.

2.2.   Kuntest ta’ tnaqqis tal-pollinaturi u l-erożjoni tal-bijodiversità fl-Ewropa

2.2.1.

It-talbiet ta’ din l-IĊE jagħmlu parti minn kuntest fejn l-Ewropa qed tiffaċċja tnaqqis fin-naħal. Fil-fatt, skont il-lista l-ħamra Ewropea tan-naħal, waħda minn kull tliet speċi tan-naħal u tal-friefet qed tonqos u waħda minn kull għaxra hija mhedda bl-estinzjoni (2).

2.2.2.

Madankollu, 84 % tal-għelejjel Ewropej jibbenefikaw mill-anqas parzjalment mid-dakkir tal-annimali (3) u 78 % tal-pjanti selvaġġi fl-UE jiddependu mill-insetti pollinaturi (4). Il-protezzjoni tagħhom hija għalhekk kwistjoni kruċjali għall-produzzjoni agrikola, fil-kuntest essenzjali attwali tas-sigurtà u s-sovranità tal-ikel. Barra minn hekk, in-naħal huma essenzjali għall-produzzjoni tal-għasel, filwaqt li l-Unjoni Ewropea tipproduċi hija stess 60 % biss tal-għasel. Sabiex tissodisfa d-domanda, trid tiddependi mill-importazzjonijiet (li minnhom 28 % jiġu miċ-Ċina), li huma ta’ kwalità aktar baxxa mill-għasel Ewropew.

2.2.3.

Skont ir-rapport ta’ valutazzjoni dwar il-pollinaturi, id-dakkir u l-produzzjoni tal-ikel tal-Pjattaforma Intergovernattiva tal-Politika tax-Xjenza dwar il-Bijodiversità u s-Servizzi Ekosistemiċi (IPBES) (5), il-fatturi ewlenin tat-tnaqqis tal-pollinaturi huma l-bidliet fl-użu tal-art, il-prattiki agrikoli intensivi u l-użu tal-pestiċidi, it-tniġġis ambjentali, l-ispeċi aljeni invażivi, il-patoġeni u t-tibdil fil-klima.

2.2.4.

Riżorsa tal-ikel diversifikata (nektar u polline) li tkun disponibbli fi kwantitajiet suffiċjenti matul is-sena kollha hija wkoll fattur ewlieni fl-iżvilupp xieraq tan-naħal u fl-iżgurar ta’ produzzjoni tal-għasel aktar regolari għal dawk li jrabbu n-naħal (6).

2.2.5.

It-tnaqqis tan-naħal jagħmel parti minn kuntest aktar globali ta’ erożjoni tal-bijodiversità. Tabilħaqq, ir-rapport ta’ valutazzjoni globali tal-2019 tal-IPBES (7) dwar il-bijodiversità u s-servizzi ekosistemiċi vvaluta l-erożjoni bla preċedent tal-bijodiversità.

2.2.6.

Wara dawn ir-rapporti tal-IPBES, l-Istitut Nazzjonali tar-Riċerka għall-Agrikoltura, l-Ikel u l-Ambjent (INRAE) u l-Istitut Franċiż tar-Riċerka għall-Esplojtazzjoni tal-Baħar (Ifremer) ippubblikaw, f'Mejju 2022, għarfien espert xjentifiku kollettiv (ESCo) dwar l-impatti tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti fuq il-bijodiversità u s-servizzi ekosistemiċi (8). L-ESCo jenfasizza l-aspett multidimensjonali tat-tnaqqis tal-bijodiversità, kif ukoll id-diffikultà li jiġi stabbilit is-sehem relattiv tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (PPP) f'dan it-tnaqqis minħabba l-interdipendenza ta' fatturi differenti. Min-naħa l-oħra, l-għarfien xjentifiku ppermetta lill-ESCo jistabbilixxi rabta kawżali ċara bejn l-użu tal-PPP u t-tnaqqis ta' ċerti popolazzjonijiet: dan huwa l-każ tal-insetti pollinaturi.

2.3.   Ħafna atti legali qed jitfasslu jew diġà ġew adottati mill-KE favur in-naħal, l-użu sostenibbli tal-pestiċidi, ir-restawr tal-bijodiversità u l-appoġġ għall-bdiewa fit-tranżizzjoni agroekoloġika

2.3.1.

Fir-rigward tal-protezzjoni tan-naħal u l-pollinaturi: fl-2018, l-UE nediet l-Inizjattiva tal-UE dwar il-Pollinaturi, li għandha l-għan li tiġġieled it-tnaqqis tal-pollinaturi selvaġġi fl-UE. Din tikkonsisti f’10 azzjonijiet maqsuma fi tliet temi prijoritarji:

it-titjib tal-għarfien dwar it-tnaqqis tal-pollinaturi, il-kawżi u l-konsegwenzi tiegħu;

l-indirizzar tal-kawżi tat-tnaqqis tal-pollinaturi;

il-ħolqien ta’ sensibilizzazzjoni, l-involviment tas-soċjetà kollha kemm hi u l-promozzjoni tal-kollaborazzjoni.

Madankollu, fir-rapport speċjali 15/2020 tagħha dwar il-protezzjoni tal-pollinaturi selvaġġi fl-UE (9), il-Qorti Ewropea tal-Awdituri nnotat li “dan ftit li xejn kellu effett fuq it-twaqqif tat-tnaqqis u li kien jinħtieġ li l-inizjattiva tiġi mmaniġġjata aħjar biex tilħaq l-objettivi tagħha”. Il-KE nnifisha rrikonoxxiet ukoll fir-rapport tagħha dwar l-implimentazzjoni tal-inizjattiva (10) li filwaqt li sar progress sinifikanti fl-implimentazzjoni tal-azzjonijiet tal-inizjattiva, għadhom meħtieġa sforzi biex jiġu indirizzati l-kawżi differenti tat-tnaqqis.

2.3.2.

Fir-rigward tat-tnaqqis tal-impatti u r-riskji tal-prodotti għall-ħarsien tal-pjanti: il-KE nediet ir-reviżjoni tad-Direttiva tagħha dwar l-użu sostenibbli tal-pestiċidi, sabiex tindirizza l-kwistjoni ewlenija tal-effettività limitata tagħha fit-tnaqqis tal-użu u r-riskji tagħha għas-saħħa tal-bniedem u l-ambjent, billi ppreżentat abbozz ta’ regolament ġdid f’Ġunju 2022 (11). Fost il-miżuri ewlenin insibu:

miri legalment vinkolanti fil-livell tal-UE biex jitnaqqsu l-użu u r-riskju tal-pestiċidi kimiċi b’ 50 % u l-użu tal-pestiċidi l-aktar perikolużi sal-2030;

miżuri ġodda biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni ta’ ġestjoni integrata tal-pesti mill-bdiewa;

il-projbizzjoni, fejn ma ngħatat l-ebda deroga, tal-pestiċidi kollha f’żoni sensittivi.

2.3.3.

It-tqegħid fis-suq tal-PPP fl-UE huwa rregolat b’mod strett. Il-qafas legali għat-tqegħid fis-suq tal-PPP fl-UE huwa stabbilit bir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12). F’konformità ma’ dan ir-Regolament, il-valutazzjonijiet tar-riskju jitwettqu qabel l-approvazzjoni ta’ sustanza attiva fil-livell Ewropew, sabiex jiġu evitati effetti negattivi potenzjali fuq is-saħħa jew l-ambjent. Barra minn hekk, qed jiġu riveduti l-linji gwida dwar il-valutazzjoni tar-riskju tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti fuq in-naħal (Dokument ta’ Gwida dwar in-Naħal jew “Bee Guidance Document” (13)) sabiex jitqiesu l-aħħar żviluppi xjentifiċi f’dan il-qasam.

2.3.4.

Fir-rigward tar-restawr tal-bijodiversità fiż-żoni agrikoli: għalkemm ma tirrigwardjax biss iż-żoni agrikoli, l-UE tista’ tiddependi min-network Natura 2000 u mid-Direttivi dwar “l-Għasafar” (14) u dwar “il-Ħabitats” (15), li jiffurmaw il-bażi tal-leġiżlazzjoni Ewropea dwar il-konservazzjoni tan-natura. Il-KE stabbilixxiet ukoll l-Istrateġija tal-UE għall-Bijodiversità għall-2030 (16). Din tinkludi b’mod partikolari azzjonijiet u impenji li għandhom l-għan li jirrestawraw il-bijodiversità fiż-żoni agrikoli, kif stabbilit fl-abbozz ta’ Regolament dwar ir-restawr tan-natura (17), preżentat mill-KE fit-22 ta’ Ġunju 2022. B’mod partikolari, l-Artikolu 8 tal-abbozz jistabbilixxi l-mira vinkolanti għall-Istati Membri biex ireġġgħu lura t-tnaqqis tal-popolazzjonijiet tal-pollinaturi sal-2030, u l-Artikolu 9 jistabbilixxi impenji għar-restawr tal-ekosistemi agrikoli, bħall-kopertura ta’ mill-anqas 10 % taż-żoni agrikoli fl-UE b’elementi ta’ “karatteristiċi tal-pajsaġġ b’diversità għolja” sal-2030.

2.3.5.

Fir-rigward tal-appoġġ għall-bdiewa fit-tranżizzjoni: il-PAK il-ġdida tal-2023-2027 hija għodda ewlenija biex jintlaħqu l-objettivi ambizzjużi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u biex jiġu appoġġati l-bdiewa. Rapport speċjali mill-Qorti tal-Awdituri wera fl-2020 li l-kontribut tal-PAK attwali ma rnexxilux iwaqqaf it-tnaqqis fil-bijodiversità fl-art agrikola (18). Il-Qorti tal-Awdituri kkonkludiet li “l-mod kif il-Kummissjoni ssegwi n-nefqa għall-bijodiversità fil-baġit tal-UE mhuwiex affidabbli; l-impatt tal-pagamenti diretti taħt il-PAK huwa limitat jew inkella mhuwiex magħruf; u l-Kummissjoni u l-Istati Membri taw preferenza lil miżuri ta’ żvilupp rurali b’impatt aktar baxx”. Il-PAK il-ġdida tinkludi miżuri ġodda biex jittejjeb l-impatt ambjentali tagħha, bħal kundizzjonalità mtejba.

2.3.6.

It-testi u l-ħidma Ewropea f’setturi oħra minbarra l-agrikoltura jista’ jkollhom ukoll effett indirett pożittiv fuq il-pollinaturi, bħall-pakkett leġiżlattiv “lesti għall-mira ta’ 55 %”, b’referenza għall-objettiv tal-UE li tnaqqas l-emissjonijiet tal-karbonju b’ 55 % sal-2030 (bin-naħal ukoll ikun affettwat mit-tibdil fil-klima), il-pjan ta’ azzjoni “tniġġis żero” biex jiġi eliminat it-tniġġis fl-arja, fl-ilma u fil-ħamrija, id-Direttiva dwar l-enerġija rinnovabbli, u l-Istrateġija ġdida tal-UE għall-foresti, bl-ambizzjoni tal-KE li tħawwel tliet biljun siġra madwar l-Ewropa sal-2030.

3.   Kummenti ġenerali

3.1.

Il-KESE jenfasizza l-importanza tal-Inizjattivi taċ-Ċittadini Ewropej bħala għodda għall-parteċipazzjoni diretta taċ-ċittadini Ewropej. Tabilħaqq, l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej hija l-aktar għodda b’saħħitha tad-demokrazija parteċipattiva fil-livell Ewropew. Matul is-snin, il-KESE, bħala pont bejn l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-istituzzjonijiet Ewropej, saħħaħ il-post mogħti lill-Inizjattivi taċ-Ċittadini Ewropej u żied il-viżibbiltà tagħhom fil-ħidma ta’ kuljum tal-istituzzjonijiet Ewropej. Huwa jilqa’ l-fatt li din l-Opinjoni kienet l-ewwel waħda li ġiet adottata dwar Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej, qabel it-tweġiba tal-KE, u jistieden lill-Kummissjoni twieġeb preċiżament għat-talbiet li saru.

3.2.

Il-KESE jiddispjaċih li l-proposta prinċipali tal-IĊE, li tikkonsisti f’eliminazzjoni gradwali totali tal-pestiċidi sintetiċi sal-2035, mhijiex enfasizzata fit-titolu magħżul: “Insalvaw lin-naħal u lill-bdiewa”. Huwa enfasizza li ħafna atti legali kienu qed jiġu abbozzati jew kienu diġà ġew adottati mill-KE f’tentattiv biex iwieġbu għal dawn it-talbiet, iżda rrikonoxxa li dawn il-miżuri ma kinux laħqu bis-sħiħ l-objettivi tagħhom. Għalhekk jistieden lill-KE biex tieħu miżuri ulterjuri biex tikseb l-objettivi tagħha aktar malajr u b’mod konkret. Madankollu, il-KESE jenfasizza l-ħtieġa li jitqiesu t-tliet pilastri kollha tas-sostenibbiltà (ambjentali, soċjali u ekonomiku), f’kuntest essenzjali tas-sostenibbiltà tas-sistemi u s-sovranità tal-ikel, u li jitwettqu valutazzjonijiet tal-impatt qabel ma tittieħed kwalunkwe deċiżjoni, b’mod partikolari sabiex jiġu vvalutati l-ispejjeż tal-inizjattiva fuq il-produzzjoni agrikola u fuq l-ekonomija.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1.

Fir-rigward tat-talba tal-IĊE għat- “tnaqqis gradwali fl-użu tal-pestiċidi sintetiċi fl-agrikoltura tal-UE bi 80 % sal-2030, li jibda l-ewwel b-eliminazzjoni tal-prodotti l-aktar perikolużi, sabiex ma nibqgħux nużaw pestiċidi sintetiċi sal-2035”:

4.1.1.

Il-KESE jwissi kontra l-proposta li jiġu stabbiliti objettivi idealistiċi jew li ma jistgħux jintlaħqu fi żmien qasir wisq. Huwa enfasizza li l-KE diġà kienet ipproponiet li tnaqqas l-użu u r-riskju tal-pestiċidi kimiċi b’50 % u l-użu tal-pestiċidi l-aktar perikolużi sal-2030. B’mod aktar ġenerali, huwa kontra li jiġu stabbiliti miri li jnaqqsu l-pestiċidi mingħajr ma jkun hemm rabta mad-disponibbiltà ta’ soluzzjonijiet alternattivi effettivi u aċċessibbli għall-bdiewa.

4.1.2.

Il-KESE jenfasizza li l-qafas regolatorju għall-PPP fl-Ewropa huwa fost l-aktar eżiġenti f’termini ta’ objettivi fid-dinja, peress li jistabbilixxi bħala prinċipju n-nuqqas ta’ effetti inaċċettabbli fuq l-ambjent.

4.1.3.

Fil-fehma tal-KESE, peress li t-tnaqqis tan-naħal domestiku u tal-pollinaturi selvaġġi għandu kawżi b’diversi fatturi, l-irtirar tal-pestiċidi ma għandux jitqies bħala l-lieva unika jew ewlenija biex jiġi żgurat li jiġu salvati. Huwa essenzjali li jiġu miġġielda l-fatturi kollha tat-tnaqqis. Pereżempju, għan-naħal tal-għasel, il-ġlieda kontra l-varroa u ż-żunżan bagħal Ażjatiku hija ta’ tħassib ewlieni għal dawk li jrabbu n-naħal b’mod professjonali, li qed jittamaw għal soluzzjonijiet ġodda ta’ trattament biex jipproteġu aħjar in-naħal tagħhom.

4.1.4.

Il-KESE jinnota l-importanza tan-naħal domestiku, tal-pollinaturi selvaġġi u ta’ insetti oħra għall-agrikoltura (dakkir tal-għelejjel, regolamentazzjoni naturali tal-organiżmi ta’ ħsara, eċċ.). Huwa jsemmi l-eżempju tas-sħubijiet ta’ benefiċċju għal kulħadd bejn il-bdiewa u dawk li jrabbu n-naħal, bħal “Adotta kaxxa tan-naħal” (19), imnedija mill-bdiewa. Fil-fatt, il-bdiewa li jadottaw kaxxa tan-naħal jagħtu attenzjoni partikolari lill-protezzjoni tan-naħal meta jwettqu trattamenti fitosanitarji mmirati għall-protezzjoni tal-għelejjel tagħhom. Ikun meħtieġ ukoll li jiġi żviluppat tagħmir tat-tip “ApiAlert” (20), li jippermetti li tingħadd il-mortalità tal-frieħ naħal u li jiġu identifikati b’mod oġġettiv l-kawżi reali tal-mortalità tagħhom.

4.2.

Fir-rigward tat-talba tal-IĊE għat-“treġġigħ lura tal-ekosistemi naturali fiż-żoni agrikoli biex il-biedja ssir mezz għall-irkupru tal-bijodiversità”:

4.2.1.

Il-KESE jenfasizza li l-attività tal-bniedem, bħal ċerti prattiki agrikoli, tagħmel parti mill-kawżi għat-tnaqqis tal-pollinaturi u tal-bijodiversità, iżda li l-agrikoltura tista’ tkun ukoll soluzzjoni. Pereżempju, jixtieq jara aktar appoġġ għal proġetti bħat-tħawwil mill-ġdid ta’ ringieli ta’ sġajriet jew l-iżvilupp mill-bdiewa ta’ riżorsi li jipproduċu l-għasel, sabiex jiġu rikonoxxuti bħala atturi fis-salvagwardja tan-naħal u l-bijodiversità. Barra minn hekk, se jkun essenzjali li l-bdiewa jitħallsu aħjar għas-servizzi ekosistemiċi li jipprovdu, sabiex jiġu appoġġjati fit-twettiq ta’ tali proġetti.

4.2.2.

Il-KESE jinnota l-ambizzjoni qawwija tal-KE li l-agrikoltura ssir mezz ta’ restawr tal-bijodiversità, bl-objettivi u l-miżuri tal-“Istrateġija għall-Bijodiversità” u l-istrateġija “Mill-Għalqa sal-Platt” u l-abbozz ta’ Regolament dwar ir-restawr tan-natura, u jinsab imħasseb dwar ir-rispett tas-sovranità tal-ikel tal-Unjoni Ewropea.

4.2.3.

Il-KESE jqis li għandhom jiġu promossi wkoll approċċi volontarji għall-inizjattivi agrikoli favur il-pollinaturi jew il-bijodiversità li qed jinfirxu madwar l-Ewropa. Pereżempju, fi Franza, il-FNSEA ppubblikat kompendju ta’ inizjattivi agrikoli favur il-pollinaturi (21). Bl-għan li jiġu mmultiplikati l-prattiki tajbin “Api-Agri”, hija tidentifika inizjattivi volontarji fi Franza favur il-pollinaturi, filwaqt li tiġbor eżempji ta’ ispirazzjoni, pożittivi u prammatiċi. Fuq l-istess bażi, tnediet kampanja ta’ komunikazzjoni bl-isem ta’ “10 bee-friendly recommendations for your farm” (22) fl-2018 fid-Danimarka. Din tippromovi diversi inizjattivi volontarji li l-bdiewa jistgħu jieħdu fil-livell tal-azjenda agrikola tagħhom, bħat-tħawwil ta’ ringieli ta’ sġajriet, it-tħawwil ta’ flanni tal-fjuri, jew saħansitra l-limitazzjoni ta’ raxx li jinfirex bir-riħ waqt l-applikazzjoni ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, permezz ta’ bexx li jsir f’kundizzjonijiet klimatiċi xierqa (eż. riħ ħafif) jew bl-użu ta’ sistemi li jnaqqsu l-firxa bir-riħ.

4.2.4.

Il-KESE jqis li biex l-ekosistemi naturali fiż-żoni agrikoli jerġgħu jiġu rrestawrati, il-KE se jkollha tiddependi minn sett ta’ lievi: iż-żamma u r-restawr tal-infrastrutturi agroekoloġiċi, id-diversifikazzjoni tal-uċuħ tar-raba’ biex jiġi promoss it-tkabbir ta’ uċuħ tar-raba’ f’forma ta’ mużajk fil-pajsaġġ, l-iżvilupp tal-agroforestrija, tal-biedja organika u tal-prodotti li jġorru marka ta’ identifikazzjoni tal-kwalità u tal-oriġini, iż-żamma ta’ mergħat permanenti, it-tnaqqis tal-użu u l-impatti tal-pestiċidi, eċċ.

4.3.

Fir-rigward tat-talba tal-IĊE għar-“riforma tal-agrikoltura billi tingħata prijorità lill-biedja fuq skala żgħira, diversa u sostenibbli, b’appoġġ għal żieda malajr fil-prattika agroekoloġika u organika, u li tippermetti taħriġ u riċerka indipendenti mill-bdiewa fuq il-biedja tal-pestiċidi u mingħajr OMĠ”:

4.3.1.

Il-KESE jiġbed l-attenzjoni li jeżisti rapport ta’ 300 espert minn 23 Stat Membru, li analizzaw l-impatti potenzjali tal-PAK futura fuq il-protezzjoni u r-restawr tal-bijodiversità (23). Ix-xjentisti fformulaw proposti konkreti biex itejbu l-impatt tal-PAK fuq il-bijodiversità u jappoġġjaw lill-bdiewa f’din it-tranżizzjoni. Il-KESE jirrakkomanda li l-KE u l-Istati Membri jisiltu ispirazzjoni minn dan meta jirriformaw il-PAK, li hija għodda b’saħħitha għar-riforma agrikola.

4.3.2.

Madankollu, il-KESE jqis li t-tranżizzjoni agroekoloġika u t-titjib tal-bijodiversità ma jistgħux isiru biss minn Brussell permezz tal-PAK, u jenfasizza wkoll l-importanza tal-livell lokali. Fil-fatt, biex ikun hemm adattament għall-karatteristiċi speċifiċi tar-reġjuni, għandhom jiġu żviluppati wkoll soluzzjonijiet lokali mal-bdiewa u s-sidien tal-art.

4.3.3.

Barra minn hekk, il-KESE jixtieq jenfasizza l-impenn tiegħu fit-tfittxija ta’ alternattivi effettivi, sabiex l-ebda bidwi ma jitħalla mingħajr soluzzjoni. Għalhekk jixtieq iħeġġeġ aktar il-biedja ta’ preċiżjoni, il-biedja diġitali, il-kontroll bijoloġiku, ir-robotika, iżda wkoll l-agroekoloġija, b’komponent finanzjarju sinifikanti għall-iżvilupp tar-riċerka, l-innovazzjonijiet u l-adozzjoni tagħhom b’mod konkret mis-setturi u mill-bdiewa.

4.3.4.

Il-KESE jirrikonoxxi l-importanza tat-trobbija tan-naħal bħala settur ekonomiku f’ħafna Stati Membri, li jikkontribwixxi b’mod partikolari għall-iżvilupp rurali u ż-żamma tal-popolazzjonijiet lokali. Fid-dawl tan-nuqqas ta’ produzzjoni tal-għasel fl-Ewropa, għandu jiżdied l-appoġġ għat-trobbija tan-naħal u l-isfruttar ekonomiku tal-għasel u prodotti oħra tal-miġbħa (polline, xama’, royal jelly, eċċ.), biex tinżamm trobbija tan-naħal professjonali u favur l-ambjent, li tkun kapaċi tissodisfa l-ħtiġijiet tal-konsum tal-għasel tal-Ewropa. Il-KESE jenfasizza wkoll l-importanza li dawk li jrabbu n-naħal jingħaqdu f’organizzazzjonijiet professjonali biex jistrutturaw lilhom infushom aħjar u jiddefendu l-interessi tal-apikultura Ewropea b’mod aktar effettiv. B’mod partikolari, jixtieq li l-KE taħtaf l-opportunità tar-reviżjoni li jmiss tad-Direttiva dwar l-Għasel sabiex issaħħaħ it-tikkettar u t-traċċabbiltà tal-għasel, sabiex jiġu miġġielda b’mod aktar effettiv il-frodi u l-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi li ma jissodisfawx l-istandards tagħna, li jdgħajfu l-produzzjoni Ewropea tal-għasel.

4.3.5.

Fl-aħħar nett, sabiex it-tranżizzjoni agroekoloġika tkun aċċettabbli għall-bdiewa Ewropej, il-KESE jirrakkomanda li l-KE timplimenta malajr ir-reċiproċità tal-istandards, sabiex tillimita d-distorsjonijiet fil-kompetizzjoni għall-bdiewa Ewropej.

Brussell, il-15 ta’ Diċembru 2022.

Christa SCHWENG

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


(1)  Ir-Regolament (UE) 2019/788 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' April 2019 dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej (ĠU L 130, 17.5.2019, p. 55).

(2)  Nieto et al., 2014. European Red List of Bees (Il-lista ħamra Ewropea tan-naħal – mhux disponibbli bil-Malti).

(3)  Williams, 1994. The dependence of crop production within the European Union on pollination by honeybees.

(4)  Ollerton et al., 2011. How many flowering plants are pollinated by animals?

(5)  IPBES, 2016. Assessment Report on Pollinators, Pollination and Food Production (Ir-rapport ta’ valutazzjoni dwar il-pollinaturi, id-dakkir u l-produzzjoni tal-ikel – mhux disponibbli bil-Malti).

(6)  ITSAP, 2015. Ressources alimentaires pour les abeilles (Riżorsi tal-ikel għan-naħal).

(7)  IPBES, 2019. Global Assessment Report on Biodiversity and Ecosystem Services (Ir-rapport ta’ valutazzjoni globali dwar il-bijodiversità u s-servizzi ekosistemiċi — mhux disponibbli bil-Malti).

(8)  INRAE u Ifremer, 2022. Impacts des produits phytopharmaceutiques sur la biodiversité et les services écosystémiques (L-impatti tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti fuq il-bijodiversità u s-servizzi ekosistemiċi — mhux disponibbli bil-Malti).

(9)  Qorti Ewropea tal-Awdituri. Rapport Speċjali 15/2020.

(10)  COM(2021) 261 final.

(11)  COM(2022) 305 final.

(12)  Ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (ĠU L 309, 24.11.2009, p. 1).

(13)  EFSA, 2022. Revised guidance on the risk assessment of plant protection products on bees (Apis mellifera, Bombus spp. and solitary bees).

(14)  Id-Direttiva 2009/147/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi (ĠU L 20, 26.1.2010, p. 7).

(15)  Id-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU L 206, 22.7.1992, p. 7).

(16)  COM(2020) 380 final.

(17)  COM(2022) 304 final.

(18)  Qorti Ewropea tal-Awdituri. Rapport Speċjali 13/2020.

(19)  Le Betteravier. Quand 14 agriculteurs de l’Aisne deviennent apiculteurs (Meta 14-il bidwi minn Aisne bdew irabbu n-naħal – mhux disponibbli bil-Malti).

(20)  20 Minutes. Toulouse: Pour suivre la mortalité des abeilles, BeeGuard met au point un compteur vidéo sur ses ruches connectées (Toulouse: Biex tiġi mmonitorjata r-rata ta’ mwiet tan-naħal, BeeGuard installat kalkulatur vidjow fuq il-kaxxi tan-naħal konnessi tagħha – mhux disponibbli bil-Malti).

(21)  EFSA, 2022. Recueil des initiatives agricoles favorables aux pollinisateurs (Kompendju ta’ inizjattivi agrikoli favorevoli għall-pollinaturi — mhux disponibbli bil-Malti).

(22)  Kunsill Daniż għall-Agrikoltura u l-Ikel, 2018. 10 bee-friendly recommendations for your farm (10 rakkomandazzjonijiet favur in-naħal għar-razzett tiegħek – mhux disponibbli bil-Malti).

(23)  Pe’er et al., 2022. How can the European Common Agricultural Policy help halt biodiversity loss? Recommendations by over 300 experts. (Kif tistal-Politika Agrikola Komuni Ewropea tgħin twaqqaf it-telf tal-bijodiversità? Rakkomandazzjonijiet minn aktar minn 300 espert — mhux disponibbli bil-Malti).