7.2.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 47/283


P9_TA(2022)0281

Emenda tar-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament fir-rigward tal-Artikolu 216 dwar il-laqgħat tal-kumitati

Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tas-6 ta' Lulju 2022 dwar l-emenda tar-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Ewropew fir-rigward tal-Artikolu 216 dwar il-laqgħat tal-kumitati (2022/2069(REG))

(2023/C 47/24)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-ittra tal-President tiegħu tad-9 ta' Ġunju 2022,

wara li kkunsidra l-Artikoli 236 u 237 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali (A9-0203/2022),

1.

Jiddeċiedi li jemenda r-Regoli ta' Proċedura tiegħu kif jidher hawn taħt;

2.

Jiddeċiedi li dawn l-emendi għandhom jidħlu fis-seħħ fl-ewwel jum wara dak tal-adozzjoni tagħhom;

3.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din id-deċiżjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni għal skopijiet ta' informazzjoni.

Emenda 1

Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Ewropew

Artikolu 216 – paragrafu 1

Test fis-seħħ

Emenda

1.   Kumitat għandu jiltaqa' meta jissejjaħ mill-president tiegħu jew fuq talba tal-President tal-Parlament.

1.   Kumitat għandu jiltaqa' meta jissejjaħ mill-president tiegħu jew fuq talba tal-President tal-Parlament.

 

Meta jsejjaħ tali laqgħa, il-president jista' jiddeċiedi, fuq bażi ta' każ b'każ u bl-approvazzjoni tal-koordinaturi li jirrappreżentaw maġġoranza tal-membri tal-kumitat, li l-attendenza għal-laqgħa tista' ssir ukoll b'mod remot, ħlief għal laqgħat tal-kumitati li jsiru bil-magħluq.

Meta jkun qed isejjaħ laqgħa, il-president għandu jressaq abbozz tal-aġenda. Il-kumitat għandu jieħu deċiżjoni fuq l-aġenda fil-bidu tal-laqgħa.

Meta jkun qed isejjaħ laqgħa, il-president għandu jressaq abbozz tal-aġenda , li fih għandu jiġi ddikjarat jekk l-attendenza għal-laqgħa tistax issir ukoll b'mod remot . Il-kumitat għandu jieħu deċiżjoni fuq l-aġenda fil-bidu tal-laqgħa.

Emenda 2

Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Ewropew

Artikolu 216 – paragrafu 4

Test fis-seħħ

Emenda

4.   L-Artikolu 171(2) dwar l-allokazzjoni tal-ħin tad-diskors għandu japplika mutatis mutandis għall-kumitati.

4.   L-Artikolu 171(2) għandu japplika mutatis mutandis għall-kumitati. Madankollu, it-tieni sentenza tal-Artikolu 171(2) ma għandhiex tapplika għall-Membri li jkunu qed jattendu l-laqgħa b'mod remot.

Emenda 3

Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Ewropew

Artikolu 216 – paragrafu 5a (ġdid)

Test fis-seħħ

Emenda

 

5a.     Għal kwalunkwe reġim ta' parteċipazzjoni remota, għandu jiġi żgurat li:

il-Membri jkunu jistgħu jeżerċitaw il-mandat parlamentari tagħhom, inkluż, b'mod partikolari, id-dritt tagħhom li jitkellmu fil-kumitati mingħajr tfixkil;

is-soluzzjonijiet tat-teknoloġija tal-informatika għad-dispożizzjoni jkunu “teknoloġikament newtrali”;

jintużaw mezzi elettroniċi siguri li huma ġestiti u ssorveljati mis-servizzi tal-Parlament direttament u internament;

it-tagħmir tekniku jippermetti l-kwalità awdjo u vidjo meħtieġa; u

l-intervent isir minn post xieraq.