Brussell, 19.12.2022

COM(2022) 736 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Rapport dwar il-progress li sar fil-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin (Ir-Raba' Rapport)

{SWD(2022) 429 final}


1.INTRODUZZJONI

It-traffikar tal-bnedmin huwa reat serju u ksur gravi tad-drittijiet fundamentali. Il-ġlieda kontrih hija prijorità għall-Unjoni Ewropea 1 . L-Artikolu 20 tad-Direttiva 2011/36/UE 2 jipprevedi rapport ta’ kull sentejn dwar il-progress li sar fil-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin. Minkejja l-progress li sar matul l-aħħar snin, it-theddida għadha kbira. Kriżijiet kbar reċenti, b’mod partikolari l-pandemija tal-COVID-19 u l-aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, komplew jaggravaw il-vulnerabbiltà tan-nies li jkunu soġġetti għal sfruttament.

Skont il-Valutazzjoni mill-UE tat-Theddid mill-Kriminalità Serja u Organizzata tal-2021 3 (EU SOCTA 2021), it-traffikar tal-bnedmin huwa attività ewlenija ta’ kriminalità serja u organizzata fl-UE u huwa mistenni li jibqa’ theddida għall-futur prevedibbli. Ittieħdu miżuri fil-livell tal-UE u mill-Istati Membri sabiex jiġi pprevenut ir-reat, titnaqqas id-domanda li trawwem it-traffikar tal-bnedmin; jitkisser il-mudell kummerċjali tat-traffikanti; jiġu protetti u appoġġati l-vittmi; kif ukoll tiġi indirizzata d-dimensjoni internazzjonali.

Dan ir-rapport iqis:

·Il-kontributi ppreżentati mill-Istati Membri kollha permezz tan-Network tal-UE ta’ Relaturi Nazzjonali u Mekkaniżmi Ekwivalenti (NREM);

·Il-kontributi mill-membri tal-Pjattaforma tas-Soċjetà Ċivili tal-UE kontra t-traffikar tal-bnedmin;

·Il-kontributi minn disa’ Aġenziji tal-UE 4 ;

·Rapporti u dokumenti oħrajn mill-Aġenziji tal-UE, mill-istituzzjonijiet tal-UE u mill-Organizzazzjonijiet Internazzjonali.

B’mod aktar speċifiku, ir-rapport i) jidentifika x-xejriet u l-isfidi ewlenin fl-indirizzar tat-traffikar tal-bnedmin, ii) jiddeskrivi l-azzjonijiet ewlenin kontra t-traffikar mill-2019 sal-2022 u iii) jipprovdi analiżi tal-istatistika għall-perjodu 2019-2020, li hija inkluża f’Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal 5 . Id-data inkluża fir-rapport u fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal inġabret mill-EUROSTAT mill-Istati Membri kollha permezz tal-awtoritajiet nazzjonali tal-istatistika.

2.SFIDI U XEJRIET FIL-ĠLIEDA KONTRA T-TRAFFIKAR TAL-BNEDMIN FL-UE

2.1.Sfidi reċenti relatati mat-traffikar tal-bnedmin

It-tielet rapport dwar il-progress li sar fil-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin 6 , diġà enfasizza l-implikazzjonijiet tal-pandemija tal-COVID-19 għat-traffikar tal-bnedmin. Skont il-Europol, l-effetti ekonomiċi tal-pandemija se jwasslu għal żieda fid-domanda għall-isfruttament tal-ħaddiema. L-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili ssottolinjaw li ċerti kategoriji ta’ persuni, bħall-migranti mingħajr dokumenti, il-ħaddiema staġunali, il-persuni f’kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-għajxien prekarji u l-persuni fil-prostituzzjoni kienu affettwati b’mod sproporzjonat minn miżuri relatati mal-pandemija tal-COVID-19, inklużi restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar. Sussegwentement, dawn il-gruppi huma aktar vulnerabbli għar-riskju li jispiċċaw vittmi tat-traffikanti.

Il-pandemija kellha wkoll impatt sinifikanti fuq it-traffikar għall-isfruttament sesswali, b’mod partikolari minħabba li l-kuntatti fiżiċi bejn it-traffikanti, il-vittmi u l-klijenti naqsu u aktar operazzjonijiet bdew isiru online 7 . Bl-istess mod, diversi Stati Membri rrapportaw li l-pandemija tal-COVID-19 aċċellerat il-bidla mill-prostituzzjoni fit-toroq għal djar privati, kiri għal żmien qasir u lukandi 8 , kif ukoll għall-ambjent online 9 . Dan għamilha aktar diffiċli għall-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u għal partijiet ikkonċernati rilevanti oħrajn sabiex jidentifikaw u jilħqu l-vittmi possibbli tat-traffikar għall-isfruttament sesswali.

Ir-restrizzjonijiet tal-COVID-19 u diversi lockdowns ikkontribwew għall-iżolament ulterjuri tal-vittmi, xi drabi flimkien mat-traffikanti tagħhom. Dan kien partikolarment il-każ għall-vittmi li ma setgħux jirritornaw fil-pajjiż ta’ oriġini tagħhom. L-Istati Membri u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili osservaw sfidi fl-identifikazzjoni u r-riferimenti tal-vittmi għal servizzi ta’ assistenza, appoġġ u protezzjoni (eż. kura tas-saħħa, konsulenza, servizzi amministrattivi, assistenza legali), kif ukoll l-aċċess tal-vittmi għall-ġustizzja. Barra minn hekk, il-partijiet ikkonċernati enfasizzaw aktar diffikultajiet fl-infurzar tal-liġi u fil-kooperazzjoni ġudizzjarja transfruntiera, proċedimenti kriminali itwal minħabba seduti mill-bogħod, kif ukoll tnaqqis fin-numru ta’ spezzjonijiet tax-xogħol matul il-pandemija.

Il-pandemija tal-COVID-19 aċċellerat b’mod konsiderevoli t-trasferiment ta’ attivitajiet kriminali fl-ispazju diġitali, b’mod partikolari għat-traffikar għall-isfruttament sesswali, iżda anke għal forom oħrajn. It-traffikanti jużaw it-teknoloġija u l-internet (kemm il-web viżibbli kif ukoll id-dark web) għal kull fażi tar-reat, inkluż ir-reklutaġġ tal-vittmi (li spiss iseħħ permezz ta’ pjattaformi tal-media soċjali), il-komunikazzjoni bejn it-traffikanti, il-vittmi u l-klijenti, ir-reklamar tas-servizzi, l-organizzazzjoni tat-trasport tal-vittmi, kif ukoll il-proċediment bil-pagamenti. B’mod partikolari, it-tfal saru aktar vulnerabbli għar-reklutaġġ u għall-grooming online. L-użu tat-teknoloġija sabiex jitwettqu reati ta’ traffikar ħoloq sfidi sinifikanti għall-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u ġudizzjarji peress li jippermetti lill-kriminali jilħqu lil aktar vittmi potenzjali kif ukoll lill-klijenti, sabiex iċaqilqu l-vittmi minn post għal ieħor aktar faċilment u jwettqu l-operazzjonijiet tagħhom mill-bogħod. It-traffikanti jibbenefikaw ukoll minn anonimità akbar, b’mod partikolari permezz ta’ soluzzjonijiet ta’ komunikazzjoni kriptati 10 .

Il-perjodu ta’ rapportar kien ikkaratterizzat ukoll mill-aggressjoni militari tar-Russja kontra l-Ukrajna, li bdiet fl-24 ta’ Frar 2022 u wasslet għal influss bil-massa ta’ persuni li ħarbu mill-gwerra fl-UE, li minnhom 90 % kienu nisa u tfal. Ir-riskji tat-traffikar tal-bnedmin tqiesu għoljin ħafna mill-bidu nett. L-organizzazzjonijiet kriminali kienu attivi fil-fruntiera bejn l-Ukrajna u l-UE diġà qabel il-gwerra. Fl-2019-2020, l-Ukrajna kienet fost l-aktar għaxar ċittadinanzi mhux tal-UE ta’ vittmi identifikati fl-UE, l-aktar għall-isfruttament sesswali u tal-ħaddiema. Il-gwerra kompliet iżżid l-opportunitajiet għat-traffikanti sabiex jisfruttaw is-sitwazzjoni vulnerabbli tal-persuni li qegħdin jaħarbu mill-aggressjoni, speċjalment nisa u tfal, għall-gwadann finanzjarju tagħhom. Hemm riskji partikolari ta’ domanda dejjem akbar għas-servizzi sfruttati mill-vittmi tat-traffikar, kemm offline, pereżempju fil-kuntest ta’ offerti malizzjużi għal akkomodazzjoni privata, trasport u assistenza, u online, inkluż fuq il-media soċjali, pereżempju reklamar online għal servizzi sesswali ma’ nisa Ukreni.

2.2.Xejriet fit-traffikar tal-bnedmin

2.2.1. Vittmi (sess, età, ċittadinanza)

Matul il-perjodu ta’ rapportar tal-2019-2020, ġew irreġistrati 14 311 vittma tat-traffikar fl-UE. Dan in-numru huwa kemxejn ogħla min-numru rreġistrat fl-UE matul is-sentejn preċedenti (14 145). Fl-2021, in-numru stmat ta’ vittmi kien ta’ 7 109 11 . It-tnaqqis fin-numru ta’ vittmi rreġistrati bejn l-2019 (7 777) u l-2020 (6 534) probabbilment huwa marbut mal-pandemija tal-COVID-19, li ħolqot sfidi fl-identifikazzjoni tal-vittmi tat-traffikar. Għandu jiġi nnotat li n-numru reali ta’ vittmi x’aktarx li jkun ogħla b’mod sinifikanti minn dak indikat mid-data rrapportata, peress li l-istatistika tkopri biss vittmi li jsiru magħrufa minn waħda mill-entitajiet ta’ reġistrazzjoni, u ħafna vittmi għadhom ma ġewx identifikati.

It-traffikar tal-bnedmin għadu reat b’dimensjoni sinifikanti tal-ġeneru. In-nisa u l-bniet kienu jirrappreżentaw 63 % tal-vittmi rreġistrati kollha fl-UE. Madankollu, is-sehem tal-vittmi rġiel (33 %) 12 żdied meta mqabbel mal-2017-2018 (23 %) 13 .

53 % tal-vittmi kienu ċittadini tal-UE u 43 % kellhom ċittadinanza mhux tal-UE 14 . 
Skont in-numri, l-ewwel ħames pajjiżi tal-UE bħala ċittadinanza li kellhom vittmi tat-traffikar kienu r-Rumanija, Franza, l-Italja, il-Bulgarija u l-Polonja. L-ewwel ħames pajjiżi mhux tal-UE bħala ċittadinanza tal-vittmi tat-traffikar fl-UE kienu n-Niġerja, iċ-Ċina, il-Moldova, il-Pakistan u l-Marokk. 37 % tal-vittmi rreġistrati kollha kienu ċittadini tal-pajjiż li fih ġew irreġistrati (traffikar intern). Il-vittmi kollha jew kważi kollha rreġistrati mill-Estonja, mill-Ungerija, mill-Bulgarija, mir-Rumanija u mis-Slovakkja kienu ċ-ċittadini tagħhom stess.

2.2.2. It-traffikar tal-bnedmin għall-finijiet ta’ sfruttament sesswali 

It-traffikar għall-finijiet ta’ sfruttament sesswali kompla jkun l-aktar forma prevalenti ta’ sfruttament fl-UE matul l-2019-2020 (51 %). Il-maġġoranza l-kbira tal-vittmi huma ta’ sess femminili (87 %), li minnhom 73 % huma nisa u 27 % bniet.

Is-setturi b’riskju għoli ta’ sfruttament sesswali jibqgħu l-istess bħal dawk tas-snin preċedenti, jiġifieri l-prostituzzjoni, l-aġenziji u s-servizzi ta’ escorts, l-industrija tal-pornografija, is-servizzi tal-massaġġi, il-barijiet u n-nightclubs. L-Istati Membri osservaw żieda fil-vjolenza kontra n-nisa u l-bniet matul il-pandemija. Il-Europol enfasizzat li s-servizzi ta’ sfruttament sesswali huma rreklamati fuq sit web ta’ escorts u ta’ dating, kif ukoll fuq pjattaformi tal-media soċjali. Qegħdin jiġu rrapportati dejjem aktar “ġiti sesswali”, li matulhom il-vittmi jivvjaġġaw lejn bliet differenti sabiex jiltaqgħu mal-klijenti f’appartamenti tal-kiri u fi kmamar tal-lukandi. Kif imsemmi hawn fuq, l-Istati Membri kkonfermaw ukoll li t-teknoloġija tintuża b’mod wiesa’ bħala mezz għar-reklutaġġ, għar-reklamar u għall-isfruttament sesswali tal-vittmi. Barra minn hekk, il-Europol irrapportat li t-traffikanti jħajru lill-vittmi sabiex jidħlu fi ftehimiet ta’ negozju volontarji, li bħala parti minnhom jaċċettaw li jinvolvu ruħhom fil-prostituzzjoni u jagħtu sehem mill-qligħ tagħhom bi skambju għall-protezzjoni u għall-appoġġ fi kwistjonijiet amministrattivi. Il-persuni f’dan it-tip ta’ arranġament mhux neċessarjament iqisu lilhom infushom bħala vittmi, u dan jagħmilha aktar faċli għat-traffikanti sabiex jisfruttawhom.

L-Istati Membri 15 spiss irrapportaw lin-Niġerja bħala wieħed mill-pajjiżi ewlenin ta’ oriġini tal-vittmi tat-traffikar għall-isfruttament sesswali. Barra minn hekk, diversi Stati Membri 16 , kif ukoll il-Europol, indikaw żieda fin-nisa u fil-persuni transġeneru tal-Amerka t’Isfel, li huma ttraffikati għall-isfruttament sesswali.

2.2.3. It-traffikar tal-bnedmin għall-finijiet ta’ sfruttament tal-ħaddiema

It-traffikar għall-finijiet ta’ sfruttament tal-ħaddiema huwa t-tieni l-aktar forma prevalenti ta’ traffikar tal-bnedmin fl-UE (28 %). Dan żdied b’mod sinifikanti meta mqabbel mal-2017-2018 (15 %). L-irġiel jirrappreżentaw il-maġġoranza tal-vittmi ttraffikati għall-isfruttament tal-ħaddiema (66 %), filwaqt li 34 % huma vittmi nisa. It-traffikar għall-isfruttament tal-ħaddiema huwa l-forma predominanti ta’ sfruttament f’seba’ Stati Membri 17 . Il-Europol issottolinjat li, filwaqt li t-traffikar għall-isfruttament tal-ħaddiema huwa rrapportat b’mod aktar frekwenti minn qabel fl-UE, ħafna każijiet għadhom ma ġewx skoperti.

In-networks kriminali involuti fit-traffikar għall-isfruttament tal-ħaddiema joperaw prinċipalment f’negozji b’użu intensiv ta’ flus kontanti li fihom huma impjegati numru kbir ta’ ħaddiema mħallsa b’paga baxxa, kif ukoll ħaddiema staġunali. Dawn is-setturi b’riskju għoli jinkludu l-agrikoltura, il-kostruzzjoni, il-forestrija, l-ipproċessar tal-ikel, il-linji ta’ assemblaġġ, l-ospitalità, il-bejgħ bl-imnut, il-ħasil tal-karozzi, is-servizzi ta’ sbuħija u tindif, it-trasport, iż-żamma tad-djar u l-assistenza domestika. It-traffikanti qegħdin jirreklutaw dejjem aktar vittmi tat-traffikar għall-isfruttament tal-ħaddiema online, billi jistabbilixxu jew jikkooperaw ma’ aġenziji ta’ reklutaġġ u sottokuntratturi sabiex l-operazzjonijiet tagħhom jidhru li huma legali.

Filwaqt li l-irġiel huma fil-biċċa l-kbira l-vittmi tal-isfruttament tal-ħaddiema (66 %), diversi Stati Membri rrapportaw li n-nisa kienu dejjem aktar vittmi tat-traffikar għall-isfruttament tal-ħaddiema (34 %), speċjalment fix-xogħol domestiku jew fis-servizzi tat-tindif. Ħafna drabi jibqgħu inviżibbli, peress li l-isfruttament tagħhom normalment iseħħ fl-isfera privata u ħafna minnhom jiġu minn pajjiżi mhux tal-UE.

Fl-UE, fl-2019-2020 ġie rreġistrat kważi l-istess sehem ta’ vittmi mill-UE (45 %) u li ma humiex mill-UE (50 %) 18 tat-traffikar għall-isfruttament tal-ħaddiema. Madankollu, l-Istati Membri enfasizzaw il-vulnerabbiltà partikolari tal-migranti għal din il-forma ta’ sfruttament. Dawn spiss jiġu rreklutati fil-pajjiż ta’ oriġini tagħhom minn traffikanti tal-istess nazzjonalità u jiġu mħajra jittrasferixxu ruħhom fl-UE mill-perspettiva ta’ pagi ogħla.

L-Istati Membri 19 rrapportaw li l-vittmi li ma humiex mill-UE spiss jidħlu fl-UE b’viża, għalkemm it-traffikanti xi drabi jużaw dokumenti frawdolenti (eż. frodi tal-identità, kuntratti ta’ impjieg foloz u permessi ta’ xogħol legali miksuba permezz tal-użu ta’ kumpaniji fittizji u jabbużaw minn perkorsi legali). Xi Stati Membri 20 semmew li l-vittmi minn pajjiżi mhux tal-UE, b’mod partikolari mill-Asja (eż. il-Vjetnam), spiss ikollhom jaħdmu, pereżempju f’salons tad-dwiefer jew f’farms tal-kannabis, sabiex iħallsu lura d-djun li jġarrbu mill-ispejjeż tal-ivvjaġġar.

Fl-2019-2020, ma ġiet irrapportata l-ebda data mill-Istati Membri dwar persuni ġuridiċi, li kienu soġġetti għal investigazzjonijiet, prosekuzzjonijiet jew kundanni għal reati ta’ traffikar.

2.2.4. It-traffikar tal-bnedmin għal forom oħrajn ta’ sfruttament

Matul il-perjodu ta’ rapportar, il-forom ta’ traffikar tal-bnedmin, minbarra l-isfruttament sesswali u tal-ħaddiema, kienu jammontaw għal 11 % tal-każijiet kollha 21 . Tali forom ta’ sfruttament jinkludu attivitajiet kriminali furzati, elemożina furzata, it-tneħħija illegali ta’ organi u forom “oħrajn”, li ma humiex inklużi fid-definizzjoni tal-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 2011/36/UE, bħall-adozzjoni illegali, iż-żwiġijiet furzati u ta’ konvenjenza, il-maternità surrogata illegali u l-frodi ta’ benefiċċji 22 .

Filwaqt li l-kriminalità furzata u l-elemożina furzata ammontaw biss għal 3 % tal-vittmi rreġistrati kollha fl-UE għall-2019-2020, diversi Stati Membri 23 rrapportaw żieda f’dawn il-forom ta’ sfruttament. Il-kriminalità furzata ħafna drabi hija assoċjata ma’ serq, reati żgħar, serq minn ġol-bwiet, serq mill-ħwienet u bejgħ tad-drogi. L-elemożina furzata kien it-tieni forma ewlenija ta’ sfruttament fl-Estonja (20 %) u l-kriminalità furzata kienet it-tieni l-aktar forma prevalenti ta’ sfruttament fil-Greċja (42 %).

L-Istati Membri rrapportaw li n-nisa, it-tfal u l-migranti irregolari huma partikolarment vulnerabbli għat-traffikar għal dawn il-finijiet. Il-vittmi spiss ikollhom sfond żvantaġġat, ikunu mingħajr dar jew ibatu minn vizzju tal-alkoħol jew ta’ xorta oħra. Xi Stati Membri 24 ssottolinjaw li l-vittmi tat-traffikar għall-elemożina furzata huma l-aktar minn komunitajiet Rom u persuni b’diżabilità. Id-data dwar in-numru ta’ vittmi tat-traffikar tal-bnedmin għall-fini ta’ elemożina furzata fl-2019-2020 tindika li 47 % kienu tfal 25 .

Diversi Stati Membri 26  rrapportaw dwar każijiet ta’ traffikar għal żwiġijiet furzati u ta’ konvenjenza, li jaffettwaw l-aktar lin-nisa migranti vulnerabbli kif ukoll lill-minoranzi etniċi, bħar-Rom. L-Istati Membri enfasizzaw li l-vittmi ta’ din il-forma ta’ sfruttament spiss jiġu ttraffikati wkoll għall-isfruttament sesswali, għall-isfruttament tal-ħaddiema jew għall-elemożina furzata. Skont il-Eurojust, in-nisa li ġejjin mill-komunitajiet Rom fl-Istati Membri huma partikolarment vulnerabbli għat-traffikar u għall-isfruttament għal żwiġijiet ta’ konvenjenza bil-għan li jiġu permessi d-dħul u l-moviment liberu ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi fl-UE 27 . Barra minn hekk, l-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi rrapporta li n-nisa u l-bniet vittmi ta’ żwieġ furzat spiss ikunu moħbija f’unitajiet domestiċi privati u fis-settur tal-prostituzzjoni, li jagħmel id-detezzjoni u l-identifikazzjoni tagħhom aktar diffiċli.

Il-Europol, il-Eurojust u xi Stati Membri 28 rrapportaw każijiet ta’ traffikar għall-finijiet ta’ maternità surrogata illegali u tqala kostretta, li fihom in-nisa jiġu rreklutati sabiex jagħtu t-trabi tat-twelid tagħhom bil-wegħda li jingħataw kumpens jew sabiex jipparteċipaw fi programmi ta’ maternità surrogata illegali.

Xi Stati Membri rrapportaw ukoll it-traffikar għall-finijiet tat-tneħħija ta’ organi 29 u l-frodi ta’ benefiċċju 30 . Dawn iż-żewġ forom ta’ sfruttament kienu jirrappreżentaw anqas minn 1 % tal-każijiet irreġistrati fl-UE fl-2019-2020.

2.2.5. It-traffikar tat-tfal

Fl-2019-2020, kważi wieħed jew waħda minn kull erba’ vittmi tat-traffikar tal-bnedmin kien tifel jew tifla (23 %). Il-maġġoranza tal-vittmi tfal kienu bniet (75 %). Iċ-ċittadini tal-UE kienu rrappreżentati b’mod sproporzjonat fost il-vittmi tfal irreġistrati (85 %), li fosthom 75 % ġew irreġistrati fil-pajjiż taċ-ċittadinanza tagħhom stess. 10 % tal-vittmi tfal kienu ċittadini mhux tal-UE 31 . Nofs il-vittmi tfal irreġistrati kienu ttraffikati għall-isfruttament sesswali (50 %), filwaqt li 17 % kienu ttraffikati għall-isfruttament tal-ħaddiema u 4 % għall-elemożina furzata 32 .

Siti web ta’ dating u ta’ escorts spiss jirreklamaw vittmi tfal bħala adulti. It-tfal jiġu rreklamati wkoll fuq siti web apposta fejn l-adulti jkunu qegħdin ifittxu speċifikament sabiex jiltaqgħu mat-tfal għal skopijiet sesswali. It-tfal spiss jiġu abbużati wkoll f’ambjenti klandestini, bħal burdelli temporanji u xi drabi f’postijiet pubbliċi (lukandi, ristoranti, kif ukoll sex clubs, nightclubs u strip clubs).

Diversi Stati Membri 33 enfasizzaw l-użu tal-metodu “lover boy” mit-traffikanti sabiex iħajru lit-tfal u lin-nisa adulti żgħażagħ fl-isfruttament sesswali. Matul il-perjodu ta’ rapportar, il-Europol u l-Eurojust appoġġaw b’mod partikolari lir-Rumanija, lil Franza u lil Spanja f’żewġ operazzjonijiet differenti mmirati lejn in-networks kriminali, li rreklutaw vittmi permezz tal-metodu “lover boy”. Il-“lover boys” huma traffikanti tal-bnedmin li normalment jaħdmu billi jipprovaw iġiegħlu lil bniet jew subien żgħar isiru jħobbuhom, jew billi ż-żgħażagħ jiġu mmanipulati b’mezzi oħrajn sabiex jiġu sfruttati, pereżempju fl-industrija tas-sess. Illum il-ġurnata, il-lover-boys jirrikorru aktar malajr u ta’ spiss għal theddid fil-konfront tal-vittmi tagħhom, bl-użu ta’ rikatt u vjolenza 34 .

Il-Europol u diversi Stati Membri 35 rrapportaw li l-klanns tal-familja tal-UE jkomplu jittraffikaw it-tfal tagħhom stess, kif ukoll lil tfal oħrajn li jagħmlu parti mill-istess komunitajiet bħalhom, prinċipalment għall-elemożina, għal serq minn ġol-bwiet u għal serq mill-ħwienet jew bħala ħaddiema domestiċi. In-networks kriminali attivi fl-UE jużaw ukoll lit-tfal, spiss minn pajjiżi mhux tal-UE, sabiex iwettqu diversi tipi ta’ reati, bħal serq minn ġol-bwiet, serq mill-ħwienet u għal bejgħ ta’ oġġetti 36 . It-tfal jiġu ttraffikati wkoll permezz ta’ skemi ta’ adozzjoni illegali 37 .

2.2.6. It-traffikar tal-bnedmin fil-kuntest tal-migrazzjoni

It-traffikar baqa’ sfida fil-kuntest tal-migrazzjoni 38 , speċjalment f’xi Stati Membri, li rrapportaw li l-maġġoranza tal-vittmi għandhom sfond ta’ migrazzjoni. Il-migrazzjoni irregolari ħolqot opportunitajiet ta’ profitt għan-networks tat-traffikar u l-migranti esposti għal diversi forom ta’ traffikar mhux biss f’pajjiżi ta’ destinazzjoni, iżda wkoll f’punti ta’ tranżitu u f’kampijiet ta’ migrazzjoni. Hemm rabta ċara mal-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ migranti, mal-vittmi rreklutati fil-pajjiż ta’ oriġini, xi drabi bil-wegħda ta’ impjieg rispettabbli fl-UE, u ttraffikati f’pajjiżi ta’ destinazzjoni għal xogħol furzat jew sfruttament sesswali sabiex iħallsu lura l-arranġamenti tat-trasport li wassluhom fl-UE 39 . F’dan il-każ, it-traffikanti spiss ikunu tal-istess nazzjonalità, jew grupp etniku, bħall-vittmi 40 . Kien hemm każijiet ta’ reklutaġġ volontarju minn vittmi oħrajn 41 , iżda wkoll ta’ reklutaġġ involontarju bbażat fuq informazzjoni mgħoddija lill-pajjiżi ta’ oriġini rigward l-opportunitajiet li wieħed jikseb impjieg jew permess ta’ residenza fil-pajjiżi ta’ destinazzjoni 42 . Hemm ukoll bosta każijiet ta’ traffikar ta’ migranti li kienu waslu fl-UE permezz ta’ rotot legali u li aktar tard ġew sfruttati 43 .

3.L-AZZJONIJIET TAL-UE U TAL-ISTATI MEMBRI SABIEX JINDIRIZZAW IT-TRAFFIKAR TAL-BNEDMIN

3.1. Approċċ komprensiv għall-indirizzar tat-traffikar tal-bnedmin

F’April 2021, il-Kummissjoni adottat l-Istrateġija tal-UE dwar il-Ġlieda kontra t-Traffikar tal-Bnedmin 2021-2025 44 , li tieħu approċċ komprensiv li jkopri kollox, mill-prevenzjoni u l-protezzjoni tal-vittmi sal-prosekuzzjoni u l-kundanna tat-traffikanti. Kif irrapportat fit-taqsimiet li jmiss, ħafna mill-inizjattivi legali, ta’ politika u operazzjonali mħabbra fl-erba’ oqsma tal-Istrateġija tal-UE avvanzaw b’mod sinifikanti jew diġà ġew implimentati 45 .

Waħda mill-azzjonijiet prijoritarji tal-Istrateġija tal-UE hija l-evalwazzjoni tad-Direttiva 2011/36/UE 46 . L-evalwazzjoni sabet li d-Direttiva kienet tikkostitwixxi qafas robust għall-prevenzjoni u għall-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin, kif ukoll għall-protezzjoni tal-vittmi, u kienet ħolqot bażi komuni fil-livell tal-UE sabiex jiġi indirizzat ir-reat. Madankollu, hija identifikat ukoll numru ta’ kwistjonijiet, li jippreżentaw ostakli għat-tnaqqis tal-iskala tar-reat, l-iżgurar ta’ infurzar effettiv tal-liġi u rispons ġudizzjarju kontra t-traffikanti, kif ukoll għall-identifikazzjoni bikrija tal-vittmi u l-assistenza u l-appoġġ għalihom. Sabiex tindirizza dawn in-nuqqasijiet, fit-13 ta’ Diċembru 2022 il-Kummissjoni pproponiet Direttiva li temenda d-Direttiva 2011/36/UE dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-protezzjoni tal-vittmi tiegħu 47 . Barra minn hekk, f’konformità mal-eżitu tal-evalwazzjoni, l-azzjonijiet mhux leġiżlattivi ewlenin tal-Istrateġija tal-UE għadhom rilevanti ħafna sabiex tittejjeb l-implimentazzjoni tad-Direttiva fl-Istati Membri.

L-Istrateġija tal-UE tissottolinja l-ħtieġa li tittejjeb ir-reġistrazzjoni tad-data u l-ġbir ta’ data dwar it-traffikar tal-bnedmin sabiex tiżgura informazzjoni affidabbli u komparabbli għal politiki mfassla apposta. Fl-2021, il-Kummissjoni għaddiet minn ġbir ta’ data biannwali għal ġbir ta’ data annwali, li se jkun disponibbli flimkien mad-data għas-snin ta’ rapportar preċedenti, fuq is-sit web tal-EUROSTAT 48 . Il-Kummissjoni tipproponi li temenda d-Direttiva 2011/36/UE sabiex tagħmilha obbligatorja għall-Istati Membri li jiġbru data dwar it-traffikar tal-bnedmin u jirrapportaw dik l-istatistika lill-Kummissjoni fuq bażi annwali. Dan se jippermetti ħarsa ġenerali u monitoraġġ aktar aġġornati tal-iskala tal-fenomenu fl-UE.

Il-finanzjament għall-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin ġie pprovdut permezz tal-Programmi ta’ Ħidma tal-Faċilità Tematika għall-2021-2022 fl-ambitu tal-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni (AMIF) 49 u l-Fond għas-Sigurtà Interna (ISF) 50 (għal baġit totali ta’ EUR 13-il miljun għall-azzjoni tal-Unjoni u għal azzjoni speċifika taħt ġestjoni diretta u kondiviża).

Il-Koordinatur attwali tal-UE Kontra t-Traffikar 51 (EU ATC) inħatar fl-1 ta’ Lulju 2021. Minn dak iż-żmien, il-Koordinatur tal-UE Kontra t-Traffikar iltaqa’ ma’ partijiet ikkonċernati differenti fl-Istati Membri u f’pajjiżi mhux tal-UE u saħħaħ il-kooperazzjoni ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali fil-kuntest tal-implimentazzjoni tad-Direttiva Kontra t-Traffikar u l-Istrateġija tal-UE dwar il-Ġlieda Kontra t-Traffikar tal-Bnedmin. Saru sitt laqgħat tan-Network tal-UE tar-Relaturi Nazzjonali u Mekkaniżmi Ekwivalenti, kif ukoll erba’ laqgħat tal-Pjattaforma tas-Soċjetà Ċivili tal-UE kontra t-traffikar tal-bnedmin. Il-Koordinatur attwali tal-UE Kontra t-Traffikar żviluppa u kkoordina l-implimentazzjoni ta’ Pjan Komuni Kontra t-Traffikar 52 sabiex jindirizza r-riskji tat-traffikar tal-bnedmin u jappoġġa lill-vittmi potenzjali fost dawk li jaħarbu mill-gwerra fl-Ukrajna, f’kooperazzjoni mill-qrib mar-Relaturi u l-Koordinaturi Nazzjonali, mal-Aġenziji tal-UE, mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, mal-Ukrajna u mal-Moldova.

It-traffikar tal-bnedmin huwa indirizzat ukoll permezz ta’ approċċ komprensiv fil-livell nazzjonali. Matul il-perjodu ta’ rapportar, l-Istati Membri adottaw strumenti legali u ta’ politika għall-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u għall-appoġġ tal-implimentazzjoni tad-Direttiva 2011/36/UE. Dawn kienu jinkludu strateġiji u pjanijiet ta’ azzjoni nazzjonali ġodda jew imġedda 53 , settijiet ta’ linji gwida, protokolli u proċeduri 54  li għandhom l-għan li jappoġġaw lill-partijiet ikkonċernati rilevanti fid-detezzjoni, fl-identifikazzjoni u fil-protezzjoni tal-vittmi, kif ukoll miżuri sabiex jiġu kkoordinati l-isforzi fil-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin 55 .

3.2. Il-prevenzjoni tat-traffikar tal-bnedmin u t-tnaqqis tad-domanda li trawwem il-kriminalità

L-Istrateġija tal-UE enfasizzat li, minkejja l-inizjattivi ta’ prevenzjoni, ma kienx hemm tnaqqis fid-domanda għall-użu tas-servizzi tal-vittmi sfruttati. L-istatistika tal-2019-2020 għar-reat kriminali tal-użu tas-servizzi tal-vittmi tat-traffikar, turi li 11-il Stat Membru rrapportaw total ta’ 159 persuna suspettata, 46 prosekuzzjoni u 51 kundanna. Dawn in-numri huma ferm anqas minn dawk matul il-perjodu ta’ rapportar preċedenti 56 , li jista' jkun marbut mal-impatt tal-pandemija tal-COVID-19 fuq is-sistema tal-ġustizzja kriminali.

Il-valutazzjoni tal-possibbiltà li jiġu mmodifikati d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2011/36/UE dwar il-kriminalizzazzjoni tal-użu tas-servizzi sfruttati mill-vittmi tat-traffikar kienet waħda mill-azzjonijiet ewlenin tal-Istrateġija tal-UE. L-Istati Membri għandhom approċċi differenti sabiex jiskoraġġixxu u jnaqqsu d-domanda u mhux kollha kemm huma użaw l-Artikolu 18(4) tad-Direttiva 2011/36/UE, li jirrikjedi li huma jikkunsidraw li jieħdu miżuri sabiex jikkriminalizzaw l-użu konxju ta’ servizzi li jiġu mill-vittmi. Matul il-perjodu ta’ rapportar, l-Ungerija adottat leġiżlazzjoni ġdida, li tikkriminalizza l-użu konxju ta’ servizzi sfruttati u żiedet il-livell ta’ pieni għall-utenti meta l-vittma tkun wild minuri. In-Netherlands ikkriminalizzaw l-użu ta’ servizzi sesswali meta l-utent kien jaf jew kellu raġuni serja sabiex jissuspetta li l-persuna kienet vittma tat-traffikar. Il-pieni jkunu aħrax jekk il-vittma tkun wild minuri. Fl-2021, il-Ġermanja, li kienet diġà kkriminalizzat l-użu konxju ta’ servizzi sesswali sfruttati, adottat approċċ aktar strett billi stabbiliet responsabbiltà kriminali għall-użu ta’ servizzi sesswali sfruttati b’negliġenza. Ċipru emenda l-leġiżlazzjoni tiegħu fl-2019 sabiex iżid il-pieni għar-reat tal-użu ta’ kwalunkwe servizz sfruttat tal-vittmi u sabiex ineħħi r-rekwiżit li l-utent jeħtieġlu jkollu “suspett raġonevoli” f’każijiet ta’ sfruttament sesswali. Barra minn hekk, f’xi Stati Membri, bħas-Slovakkja u Spanja, qegħdin isiru diskussjonijiet dwar il-kriminalizzazzjoni tal-użu konxju tas-servizzi sfruttati u d-domanda għas-servizzi sesswali. Tliet Stati Membri 57 wettqu wkoll jew bħalissa qegħdin iwettqu evalwazzjoni tal-leġiżlazzjoni rilevanti li tikkriminalizza l-użu tas-servizzi sfruttati.

Sabiex issaħħaħ ir-rispons tal-ġustizzja kriminali sabiex tiġi skoraġġita d-domanda, il-Kummissjoni tipproponi modifika tad-Direttiva 2011/36/UE, li għandha l-għan li tagħmel il-kriminalizzazzjoni tal-użu konxju tas-servizzi li jiġu minn vittmi tat-traffikar tal-bnedmin obbligatorja.

F’konformità mal-Istrateġija tal-UE, il-Kummissjoni adottat diversi miżuri li għandhom l-għan li jindirizzaw ir-responsabbiltà tal-kumpaniji u tan-negozji sabiex inaqqsu d-domanda għat-traffikar tal-bnedmin, u jidentifikaw każijiet potenzjali tiegħu, fl-attivitajiet u fil-ktajjen tal-provvista tagħhom. F’Lulju 2021, il-Kummissjoni u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna ppubblikaw Gwida sabiex jgħinu lin-negozji tal-UE jieħdu miżuri xierqa ħalli jindirizzaw ir-riskju ta’ xogħol furzat fl-operazzjonijiet u fil-ktajjen tal-provvista tagħhom 58 . Barra minn hekk, il-proposta tal-Kummissjoni għal Direttiva dwar id-diliġenza dovuta tas-sostenibbiltà korporattiva tistabbilixxi qafas orizzontali sabiex jitrawwem il-kontribut tan-negozji li joperaw fis-suq uniku għar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem permezz tal-operazzjonijiet tagħhom stess u permezz tal-ktajjen tal-valur tagħhom, billi jiġi identifikat, ipprevenut, immitigat u kkunsidrat l-impatt negattiv tagħhom fuq id-drittijiet tal-bniedem, inkluż it-traffikar tal-bnedmin. Fl-14 ta’ Settembru 2022, il-Kummissjoni ppreżentat proposta għal Regolament li jipprojbixxi l-prodotti magħmula b’xogħol furzat fis-suq tal-Unjoni 59 . Dawn il-proposti - ladarba jiġu adottati - se jsaħħu l-isforzi tal-Unjoni sabiex tassenja responsabbiltà aktar stretta tal-persuni ġuridiċi għar-reati tat-traffikar tal-bnedmin. Fil-livell nazzjonali, l-Istati Membri ħadu jew qegħdin jikkunsidraw li jieħdu miżuri sabiex jobbligaw lill-kumpaniji ta’ aktar minn ċertu daqs iwettqu d-diliġenza dovuta tul il-katina tal-provvista tagħhom sabiex jidentifikaw u jipprevjenu l-isfruttament potenzjali tal-ħaddiema. Fil-Ġermanja, l-Att dwar id-Diliġenza Dovuta Korporattiva fil-Ktajjen tal-Provvista se jidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2023. Il-Belġju, il-Finlandja, in-Netherlands u r-Rumanija qegħdin jaħdmu sabiex jadottaw leġiżlazzjoni simili. Il-Belġju ħejja wkoll sett ta’ għodod bi gwida għall-kumpaniji sabiex jidentifikaw il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u l-isfruttament tal-ħaddiema.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni pproponiet azzjonijiet 60 sabiex issaħħaħ l-effettività tad-Direttiva dwar sanzjonijiet kontra min iħaddem 61 , li tipprojbixxi l-impjieg ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi b’residenza irregolari, inklużi l-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin. Il-komunikazzjoni stabbiliet li l-Kummissjoni tippromwovi l-iskambju ta’ prassi tajba għall-identifikazzjoni tal-vittmi tal-isfruttament u tat-traffikar, inkluż dwar spezzjonijiet konġunti ma’ unitajiet dedikati. Il-Kummissjoni tipparteċipa fil-laqgħat tal-Pjattaforma Ewropea li tindirizza x-xogħol mhux iddikjarat fi ħdan l-Awtorità Ewropea tax-Xogħol, li timmobilizza l-ispettorati tax-xogħol fl-Istati Membri sabiex tqajjem kuxjenza dwar ix-xogħol mhux iddikjarat u l-isfruttament tal-ħaddiema u tikkondividi prattiki fl-iskoperta ta’ vittmi possibbli tat-traffikar tal-bnedmin. Barra minn hekk, l-Awtorità Ewropea tax-Xogħol tieħu sehem fl-azzjonijiet operazzjonali tal-Pjattaforma Multidixxiplinari Ewropea Kontra t-Theddid Kriminali (EMPACT) li jindirizzaw it-traffikar għall-isfruttament tax-xogħol.

L-Istrateġija tal-UE tgħid li l-kampanji ta’ sensibilizzazzjoni dwar ir-riskji tat-traffikar huma mezzi importanti sabiex jiġi identifikat u pprevenut ir-reat. L-Istati Membri 62 wettqu kampanji ta’ sensibilizzazzjoni dwar it-traffikar tal-bnedmin permezz, fost l-oħrajn, tal-media soċjali, ta’ videos, ta’ fuljetti, ta’ posters, tal-media, kif ukoll fl-iskejjel. Xi Stati Membri 63 stabbilew kampanji mmirati lejn il-klijenti fuq il-media soċjali, is-siti web tad-dating u pjattaformi ta’ reklamar għas-servizzi sesswali sabiex iżidu l-għarfien tagħhom dwar ir-riskji tat-traffikar tal-bnedmin u jħeġġuhom sabiex ikollhom imġiba aktar responsabbli. Stati Membri oħrajn 64 wettqu kampanji ta’ sensibilizzazzjoni dwar id-drittijiet tax-xogħol u l-opportunitajiet ta’ xogħol sikur, kif ukoll dwar ir-riskji tat-traffikar għall-isfruttament tal-ħaddiema.

Minkejja l-pandemija tal-COVID-19, l-Istati Membri komplew jipprovdu taħriġ lil firxa wiesgħa ta’ partijiet ikkonċernati sabiex ikunu jistgħu jiskopru u jidentifikaw każijiet ta’ traffikar, inklużi l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u ġudizzjarji, il-persunal tal-ewwel linja, il-gwardji tal-fruntiera, l-uffiċjali tal-ażil u tal-immigrazzjoni, il-professjonisti tas-saħħa, il-ħaddiema soċjali, l-ispetturi soċjali u tax-xogħol, il-persunal konsulari, il-persunal tal-muniċipalitajiet, kif ukoll il-persunal tat-titjiriet.

3.3. It-tkissir tal-mudell kummerċjali kriminali tat-traffikanti

Il-kooperazzjoni fl-infurzar tal-liġi intensifikat b’mod sinifikanti matul il-perjodu 2019-2022 65 , kemm fil-livell tal-UE kif ukoll f’dak internazzjonali. Dan huwa rifless ukoll miż-żieda ta’ 29 % fin-numru totali ta’ individwi ssuspettati bi traffikar tal-bnedmin, meta mqabbel mal-perjodu ta’ rapportar preċedenti 66 . Iċ-ċittadini tal-UE kienu jirrappreżentaw 62 % tal-persuni suspettati kollha rreġistrati fl-UE fl-2019-2020.

Ħafna Stati Membri 67 rrapportaw li ħadu sehem fl-azzjonijiet operazzjonali tal-EMPACT sabiex jiġi indirizzat it-traffikar tal-bnedmin, inkluż f’kooperazzjoni ma’ pajjiżi mhux tal-UE 68 . Il-Europol appoġġat bosta azzjonijiet fuq skala kbira madwar l-UE dwar l-isfruttament sesswali, it-traffikar tat-tfal, l-isfruttament tal-ħaddiema (inklużi azzjonijiet iffokati fis-settur agrikolu), kif ukoll l-elemożina furzata u l-kriminalità furzata. Il-Europol kompliet tmexxi t-Task Force Konġunta ta’ Kollegament dwar il-Faċilitazzjoni ta’ Dħul Klandestin ta’ Migranti u t-Traffikar tat-Bnedmin stabbilita fl-2019, billi ffokat fuq l-iżvilupp ta’ azzjonijiet koordinati mmexxija mill-intelligence kontra networks kriminali involuti fil-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ migranti u t-traffikar tal-bnedmin. Barra minn hekk, l-Istati Membri 69 wettqu kooperazzjoni bilaterali ma’ Stati Membri oħrajn tal-UE, ma’ pajjiżi mhux tal-UE 70 kif ukoll ma’ Aġenziji tal-UE 71 u mal-Interpol, inkluż, fost l-oħrajn, għal każijiet ta’ investigazzjonijiet, l-istazzjonar ta’ uffiċjali ta’ kollegament, it-taħriġ u l-bini tal-kapaċitajiet, l-iskambju ta’ prattiki.

Għall-perjodu 2019-2020, ġew irreġistrati 6 539 prosekuzzjoni u 3 019-il kundanna fl-UE. Dan jirrappreżenta żieda żgħira meta mqabbel mal-perjodu ta’ rapportar preċedenti 72 . Madankollu, in-numru ta’ prosekuzzjonijiet meta mqabbel man-numru ta’ persuni suspettati naqas minn 52 % fl-2017-2018 għal 43 % fl-2019-2020. In-numru ta’ persuni kundannati meta mqabbel man-numru ta’ prosekuzzjonijiet żdied minn 39 % għal 46 % matul l-2019-2020 73 . Fl-2021, in-numru stmat ta’ prosekuzzjonijiet huwa ta’ 4 452 74 u n-numru stmat ta’ kundanni huwa ta’ 2 507 75 . Madankollu, minkejja ż-żieda globali, in-numru assolut ta’ prosekuzzjonijiet u kundanni għadu baxx, speċjalment meta mqabbel man-numru ta’ vittmi rreġistrati u ta’ persuni suspettati.

Bejn l-2019 u l-2021, ġew riferuti 486 investigazzjoni u prosekuzzjoni lill-Eurojust għall-assistenza 76 . Il-Eurojust appoġġat 156 Investigazzjoni Konġunta fl-istess perjodu 77 . In-numru ta’ investigazzjonijiet u prosekuzzjonijiet ikkoordinati mill-Eurojust naqas, minn 183 fl-2019, għal 163 fl-2020 u għal 140 fl-2021, li jista’ jenfasizza diffikultajiet jew nuqqas ta’ għarfien tal-Istati Membri fir-riferiment ta’ każijiet lill-Aġenzija tal-UE. Diversi Stati Membri 78 rrapportaw dwar il-parteċipazzjoni fi Skwadri ta’ Investigazzjoni Konġunta kkoordinati mill-Eurojust, kemm mal-Istati Membri tal-UE kif ukoll ma’ dawk mhux tal-UE.

Fl-14 ta’ Ġunju 2022, il-Koordinatur tal-UE Kontra t-Traffikar, flimkien mal-Eurojust, organizzaw l-ewwel laqgħa tal-Grupp fokali ta’ prosekuturi speċjalizzati kontra t-traffikar tal-bnedmin, li hija waħda mill-azzjonijiet ewlenin tal-Istrateġija tal-UE 79 . Il-laqgħa laqqgħet flimkien prosekuturi u mħallfin mill-Istati Membri tal-UE sabiex tibni għarfien espert u tintensifika l-kooperazzjoni ġudizzjarja kontra t-traffikar tal-bnedmin, inkluż fil-kuntest tal-gwerra fl-Ukrajna.

Kif issottolinjat fl-Istrateġija tal-UE, it-taħriġ sistematiku tal-prattikanti tal-infurzar tal-liġi u tal-ġustizzja huwa importanti sabiex jiġi indirizzat b’mod effettiv it-traffikar tal-bnedmin. Is-CEPOL kompliet tipprovdi taħriġ li jkopri l-aspetti ewlenin tal-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin, bħall-prevenzjoni, l-approċċ speċifiku għall-ġeneru u li jqis is-sitwazzjoni tat-tfal, l-investigazzjonijiet finanzjarji u online, l-infurzar tal-liġi u l-kooperazzjoni ġudizzjarja transfruntiera, kif ukoll l-identifikazzjoni bikrija, l-assistenza, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi.

Kif issemma qabel, it-traffikanti qegħdin dejjem aktar jaqilbu online għal kull fażi tat-traffikar. Bħala waħda mill-azzjonijiet ewlenin tal-Istrateġija tal-UE dwar il-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin, il-Kummissjoni estendiet l-attivitajiet tal-Forum tal-UE dwar l-Internet sabiex tiddiskuti mal-kumpaniji tal-internet u tat-teknoloġija u tinkludi miżuri għall-prevenzjoni, għall-identifikazzjoni u għat-tneħħija tal-kontenut relatat mat-traffikar tal-bnedmin. Il-Kummissjoni tipproponi ulterjorment li fid-definizzjoni tat-traffikar tal-bnedmin jiġu inklużi reati mwettqa jew iffaċilitati permezz tat-teknoloġiji tal-informazzjoni jew tal-komunikazzjoni.

Barra minn hekk, l-Att dwar is-Servizzi Diġitali 80 se jkun għodda rilevanti fl-identifikazzjoni, fil-monitoraġġ u fit-tneħħija tal-kontenut online relatat mat-traffikar tal-bnedmin, peress li jintroduċi obbligu ta’ diliġenza dovuta għall-fornituri ta’ servizzi intermedjarji, bħal pjattaformi online, bil-għan li jitnaqqas il-kontenut illegali u dannuż online, inkluż it-traffikar tal-bnedmin.

Id-diġitalizzazzjoni tal-mudell kummerċjali tat-traffikanti ġabet opportunitajiet għall-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi sabiex jidentifikaw il-vittmi u jarrestaw lit-traffikanti, b’mod partikolari permezz tat-traċċar u l-ġbir ta’ evidenza diġitali, li jistgħu jikkontribwixxu għall-bini ta’ każ u jikkomplementaw ix-xhieda tal-vittma 81 . Diversi azzjonijiet konġunti online koordinati tal-EMPACT, appoġġati mill-Aġenziji tal-UE, inkluż il-Europol, immiraw networks kriminali li jużaw siti web u pjattaformi tal-media soċjali għar-reklutaġġ ta’ vittmi għall-isfruttament sesswali, inklużi pjattaformi online relatati ma’ refuġjati Ukreni vulnerabbli 82 .

L-Istati Membri 83 adottaw diversi strateġiji sabiex jidentifikaw każijiet ta’ traffikar tal-bnedmin iffaċilitati bl-użu tat-teknoloġija. Dawn jinkludu l-monitoraġġ tal-internet (kemm il-web viżibbli kif ukoll id-dark web) flimkien ma’ analiżi tal-intelligence minn sorsi miftuħa f’ħin reali, il-ħolqien ta’ ċiberunità speċjalizzata fil-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-iskjerament ta’ “pattulji ċibernetiċi” b’uffiċjali speċjalizzati inkarigati mit-twettiq ta’ investigazzjonijiet fuq l-Internet, soġġetti għal rekwiżiti legali rilevanti. Xi aġenziji tal-infurzar tal-liġi jużaw għodod ta’ web-scraping żviluppati speċifikament għall-estrazzjoni ta’ informazzjoni minn siti web, b’mod partikolari sabiex jidentifikaw ir-riskju u l-vulnerabbiltà fuq Siti Web tas-Servizzi għall-Adulti 84 . Diversi Stati Membri implimentaw sistemi għall-utenti tal-Internet sabiex jirrapportaw il-kontenut u s-siti web li jissuspettaw huma marbuta ma’ attivitajiet illegali, inkluż l-isfruttament sesswali u tal-ħaddiema. L-Awstrija qalet li l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi jużaw evidenza diġitali sabiex jittraċċaw is-sigħat u l-kundizzjonijiet tax-xogħol, il-loġistika tat-trasport, l-introjtu ta’ kuljum, it-theddid u l-kontroll u l-abbuż kostanti tan-nisa li huma vittmi tat-traffikar.

L-Istati Membri 85 wettqu spezzjonijiet tax-xogħol sabiex jidentifikaw każijiet possibbli ta’ traffikar għall-isfruttament tal-ħaddiema, inkluż fil-qafas tal-EMPACT “Traffikar tal-Bnedmin”. Xi Stati Membri 86 adottaw ukoll miżuri speċifiċi li għandhom l-għan li jtejbu l-ispezzjonijiet tax-xogħol fil-qasam tat-traffikar tal-bnedmin, bħal atti leġiżlattivi li jespandu s-setgħat ta’ spezzjoni u investigattivi tal-awtoritajiet finanzjarji, l-istabbiliment ta’ ftehimiet ta’ kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u tax-xogħol, kif ukoll il-ħolqien ta’ unità speċifika ta’ spetturi tax-xogħol kompetenti għal każijiet ta’ traffikar tal-bnedmin.

Barra minn hekk, l-Istati Membri ħadu miżuri li għandhom l-għan li jżidu u jtejbu l-użu ta’ investigazzjonijiet finanzjarji fil-każijiet tat-traffikar tal-bnedmin, inkluż it-taħriġ għall-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u ġudizzjarji, l-iżvilupp ta’ sħubijiet pubbliċi-privati bejn l-Unitajiet tal-Intelliġenza Finanzjarja, l-Awtoritajiet Nazzjonali tax-Xogħol u l-banek, u t-tisħiħ tal-kapaċità tal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi li jwettqu investigazzjonijiet dwar il-ħasil tal-flus fir-rigward tat-traffikar tal-bnedmin; u l-iżvilupp ta’ manwali dwar l-investigazzjonijiet finanzjarji u l-irkupru tal-assi 87 . L-Istati Membri rrapportaw ukoll dwar il-qbid u l-konfiska tal-assi u r-rikavati fil-kuntest ta’ proċedimenti kriminali dwar it-traffikar tal-bnedmin. Il-proposta tal-Kummissjoni għal Direttiva ġdida dwar l-irkupru u l-konfiska tal-assi 88 tikkontribwixxi għall-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin billi tipprovdi sett ġdid ta’ regoli li jsaħħu l-irkupru tal-assi mit-traċċar u mill-identifikazzjoni, permezz tal-iffriżar u l-ġestjoni, sal-konfiska u r-rimi finali tar-rikavati u l-mezzi strumentali ta’ reati kriminali, inkluż mit-traffikar tal-bnedmin.

Il-Kummissjoni tipproponi li temenda d-Direttiva 2011/36/UE sabiex tkompli tarmonizza l-qafas legali tal-UE bil-għan li tiffaċilita l-kooperazzjoni transfruntiera f’każijiet ta’ traffikar u tindirizza t-theddid emerġenti. Minbarra dawk li ssemmew hawn fuq, dawn il-modifiki jikkonsistu fiż-żieda taż-żwieġ furzat u fl-adozzjoni illegali fost il-forom ta’ sfruttament li l-Istati Membri għandhom jikkriminalizzaw u t-tisħiħ tar-reġim ta’ sanzjonijiet kontra persuni ġuridiċi fir-rigward ta’ reati ta’ traffikar imwettqa għall-benefiċċju tagħhom.

Fl-2022, il-Kummissjoni nediet sejħa għal proposti fl-ambitu tal-ISF dwar azzjonijiet kontra t-traffikar tal-bnedmin 89 , b’baġit totali ta’ EUR 3 miljun, li għandu l-għan li jkisser il-mudell kummerċjali kriminali tat-traffikanti tal-bnedmin. Il-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin hija integrata bis-sħiħ fl-għotjiet tal-EMPACT li jappoġġaw azzjonijiet multidixxiplinari kontra għaxar prijoritajiet tal-kriminalità identifikati mill-Kunsill fil-kuntest taċ-Ċiklu tal-EMPACT 90 .

3.4. Identifikazzjoni bikrija, assistenza u protezzjoni tal-vittmi

Fl-2022, il-Kummissjoni nediet sejħa għal proposti fl-ambitu tal-AMIF dwar l-assistenza, l-appoġġ u l-integrazzjoni ta’ vittmi nazzjonali ta’ pajjiżi terzi tat-traffikar tal-bnedmin 91 , b’baġit totali ta’ EUR 4 miljun. Is-sejħa tappoġġa miżuri tranżnazzjonali konkreti li għandhom l-għan li jtejbu l-integrazzjoni tal-vittmi fil-pajjiż ospitanti, filwaqt li jitqiesu l-ħtiġijiet u ċ-ċirkostanzi speċifiċi tagħhom, kif ukoll il-vittmi fost gruppi vulnerabbli.

L-aġenziji tal-UE rrapportaw dwar ir-rwoli u l-azzjonijiet rispettivi tagħhom għall-identifikazzjoni bikrija u għall-protezzjoni tal-vittmi 92 . L-EUAA żviluppat sett ta’ għodod għall-vulnerabbiltà sabiex jipprovdi approċċ komprensiv għall-kwistjoni tat-traffikar tal-bnedmin flimkien mal-vulnerabbiltajiet l-oħrajn li jiffokaw ukoll fuq il-vittmi bi bżonnijiet speċjali. Il-FRONTEX żviluppat manwali għat-Tfal VEGA sabiex ittejjeb l-identifikazzjoni tat-tfal li jinsabu f’riskju fil-fruntieri tal-ajru, tal-art u tal-baħar. Il-Manwal tal-FRONTEX dwar il-Profili tar-Riskju dwar it-Traffikar tal-Bnedmin huwa wkoll għodda prattika u operazzjonalment rilevanti li għandha l-għan li twieġeb għall-ħtiġijiet tal-Gwardji tal-Fruntiera u tal-awtoritajiet nazzjonali fil-qasam tal-ġlieda kontra t-traffikar. L-FRA ħejjiet manwal għal min iħarreġ dwar il-kustodja għat-tfal mhux akkumpanjati, inklużi t-tfal vittmi tat-traffikar, u twettaq monitoraġġ fil-fruntiera sabiex tgħin lill-persunal jidentifika l-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin.

L-Istati Membri ħadu miżuri mmirati sabiex iżidu u jintensifikaw l-identifikazzjoni bikrija tal-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin u r-riferiment tagħhom għal servizzi ta’ assistenza u appoġġ. Tali miżuri jinkludu għodod ta’ detezzjoni u valutazzjoni użati fiċ-ċentri ta’ akkoljenza, linji gwida għar-riferiment ta’ vittmi li ma humiex mill-UE tat-traffikar li jaslu fl-ajruporti, kif ukoll l-iżvilupp ta’ proġetti, linji gwida, protokolli, manwali u indikaturi sabiex jiġu identifikati s-sinjali tat-traffikar tal-bnedmin 93 . L-Istati Membri rrapportaw ukoll dwar it-taħriġ tal-ħaddiema tal-każijiet tal-ewwel linja, tal-uffiċjali tal-pulizija u tal-gwardji tal-fruntiera dwar l-identifikazzjoni bikrija tal-vittmi potenzjali tat-traffikar tal-bnedmin 94 . Taħriġ multidixxiplinari ddedikat għall-identifikazzjoni u għall-protezzjoni tat-tfal f’riskju li jisfaw vittmi tat-traffikar ġie organizzat ukoll minn xi Stati Membri 95 , f’kooperazzjoni mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u li jinvolvi, fost l-oħrajn, servizzi ta’ protezzjoni tat-tfal, persunal mis-settur amministrattiv, ġudizzjarju u soċjoedukattiv.

L-Istati Membri ħadu inizjattivi sabiex itejbu mekkaniżmi nazzjonali ta’ riferiment informali jew formali. Pereżempju, il-Portugall beda jimplimenta l-Mekkaniżmu Nazzjonali ta’ Riferiment, li jikkonsisti fi protokoll li jiddefinixxi l-proċeduri għall-identifikazzjoni u għar-riferiment ta’ vittmi tfal (potenzjali). Franza qiegħda tiżviluppa Mekkaniżmu Nazzjonali ta’ Riferiment, li se jieħu l-forma ta’ dokument li jinkludi indikaturi sabiex jiġu identifikati l-vittmi u jiġu ddefiniti r-rwoli u l-attributi tal-partijiet ikkonċernati rilevanti. L-Irlanda approvat il-ħolqien ta’ Mekkaniżmu Nazzjonali ta’ Riferiment rivedut, li se jippermetti lil organizzazzjonijiet magħżula tas-soċjetà ċivili jirreferu lill-vittmi, fost miżuri oħrajn. Il-Kummissjoni tipproponi fl-emenda għad-Direttiva 2011/36/UE li tagħmilha obbligatorja għall-Istati Membri li jistabbilixxu mekkaniżmi nazzjonali ta’ riferiment immirati lejn l-identifikazzjoni bikrija tal-vittmi, l-assistenza lilhom u l-appoġġ għalihom, f’kooperazzjoni mal-organizzazzjonijiet ta’ appoġġ rilevanti, u li taħtar punt fokali nazzjonali għar-riferiment tal-vittmi.

F’konformità mal-Istrateġija tal-UE, il-Kummissjoni ħeġġet lill-Istati Membri jistabbilixxu postijiet ta’ kenn speċjalizzati għall-vittmi tat-traffikar permezz ta’ finanzjament mill-UE. L-Istati Membri kollha indikaw miżuri u azzjonijiet sabiex jiżguraw li l-vittmi kollha identifikati jingħataw assistenza, appoġġ u protezzjoni, filwaqt li jitqiesu l-ħtiġijiet speċifiċi għall-ġeneru u għat-tfal. Dawn il-miżuri u l-azzjonijiet jinkludu akkomodazzjoni u postijiet ta’ kenn speċjalizzati għall-vittmi adulti kif ukoll għat-tfal u għoti ta’ assistenza medika, psikoloġika u legali. L-Organizzazzjonijiet tas-Soċjetà Ċivili offrew ukoll firxa varjata ta’ servizzi ta’ konsulenza għall-vittmi potenzjali tat-traffikar, kif ukoll ipprovdew protezzjoni, kenn, appoġġ mediku, psikoloġiku u psikjatriku, kura legali, soċjali, edukattiva u professjonali.

Diversi Stati Membri 96 rrapportaw dwar ammonti speċifiċi ta’ kumpens mogħtija lill-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin, li jvarjaw minn EUR 1 000 sa EUR 29 295 f’sena. Il-vittmi jkomplu jiffaċċjaw ostakli fl-aċċess għall-ġustizzja u għall-kumpens, b’mod partikolari minħabba l-fatt li jistgħu ma jkunux konxji tad-drittijiet tagħhom, ma jkollhomx informazzjoni dwar il-proċedimenti ċivili jew kriminali jew ma jkunux residenti legalment fl-Istati Membri. L-Istati Membri u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili pproduċew materjal ta’ informazzjoni għall-vittmi tal-kriminalità, inkluż it-traffikar tal-bnedmin, dwar id-drittijiet u l-proċeduri rilevanti tagħhom. Huma adottaw ukoll emendi għal-leġiżlazzjoni eżistenti; stabbilew taħriġ tal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u servizzi speċjalizzati dwar is-smigħ tal-vittmi; stabbilew kmamar iddedikati għas-smigħ tal-vittmi tat-traffikar; u żviluppaw proċeduri ġodda sabiex jivvalutaw iċ-ċirkostanzi individwali speċifiċi tal-vittmi li jitolbu kumpens 97 .

Il-miżuri speċifiċi ta’ prevenzjoni, protezzjoni u appoġġ previsti fil-proposta tal-Kummissjoni għal Direttiva dwar il-ġlieda kontra l-vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza domestika 98 jikkomplementaw il-miżuri stabbiliti fid-Direttiva 2011/36/UE.

3.5. Dimensjoni internazzjonali

L-Istrateġija tal-UE tindirizza t-traffikar tal-bnedmin bħala reat tranżnazzjonali. Kważi nofs il-vittmi rreġistrati fl-2019-2020 kienu ċittadini mhux tal-UE. Kif imħabbar fl-Istrateġija tal-UE, il-Kummissjoni adottat Pjan ta’ Azzjoni tal-UE kontra t-Traffikar tal-Migranti (2021-2025) 99 , li għandu l-għan li jipprovdi protezzjoni u assistenza lill-migranti vulnerabbli involuti fit-traffikar, b’attenzjoni partikolari lit-tfal u lin-nisa, u jikkontribwixxi għall-ġlieda kontra n-networks ta’ kuntrabandu u għat-tfixkil tan-negozju tagħhom li jċaqilqu l-vittmi għall-isfruttament lejn l-UE.

Fl-2022, l-aggressjoni militari tar-Russja kontra l-Ukrajna poġġiet l-enfasi fuq l-indirizzar tat-theddid tat-traffikar tal-bnedmin għal dawk li qegħdin jaħarbu mill-gwerra. L-UE ħadet azzjoni fil-pront. Kif imsemmi hawn fuq, fil-11 ta’ Mejju 2022, il-Pjattaforma ta’ Solidarjetà approvat Pjan Komuni Kontra t-Traffikar 100 , żviluppat u implimentat taħt it-tmexxija tal-Koordinatur tal-UE Kontra t-Traffikar, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-NREM, mal-Aġenziji tal-UE u mas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna. Il-Pjan jistabbilixxi azzjonijiet konkreti fil-livell tal-UE u rakkomandazzjonijiet għall-Istati Membri sabiex jipprevjenu l-kriminalità, iżidu l-infurzar tal-liġi u l-kooperazzjoni ġudizzjarja u jipproteġu lil vittmi potenzjali. Huwa jirrikonoxxi wkoll ir-rwol pożittiv tal-missjonijiet tal-UE fil-prattika, inkluża l-EUAM Ukrajna li tassisti lill-awtoritajiet tal-Ukrajna fil-ġestjoni tal-fruntieri u tikkontribwixxi għall-faċilitazzjoni tal-fluss ta’ refuġjati mill-Ukrajna lejn l-UE. Il-Kunsill attiva wkoll id-Direttiva dwar il-Protezzjoni Temporanja 101 , li naqqset il-vulnerabbiltà tal-persuni li jaħarbu mill-gwerra għat-traffikar tal-bnedmin u kkomplementat l-azzjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet stabbiliti fil-Pjan Komuni Kontra t-Traffikar.

L-azzjonijiet kollha tal-Pjan jew tlestew jew għadhom għaddejjin. B’mod partikolari, il-Kummissjoni nediet paġna web apposta li tindirizza lin-nies li qegħdin jaħarbu mill-Ukrajna, inkluża taqsima li fiha pariri prattiċi lir-refuġjati dwar kif għandhom jevitaw li jispiċċaw f’idejn it-traffikanti 102 . Lista ta’ linji telefoniċi apposta ta’ emerġenza kontra t-traffikar sabiex jgħinu lill-vittmi potenzjali ġiet ikkompilata u ppubblikata online 103 . Saru azzjonijiet fl-ambitu tal-Pjan ta’ Azzjoni Operazzjonali (OAP) tal-EMPACT sabiex jiġi indirizzat it-traffikar tal-bnedmin fir-rigward tal-Ukrajna 104 . Il-Koordinatur attwali tal-UE Kontra t-Traffikar ippresjeda laqgħa mal-pjattaforma tal-internet u mal-kumpaniji tat-teknoloġija fi ħdan il-Forum tal-UE dwar l-Internet sabiex iħeġġeġ il-pjattaformi online u l-media soċjali sabiex iqajmu kuxjenza dwar ir-riskji tat-traffikar tal-bnedmin, tal-prevenzjoni u tad-detezzjoni tiegħu. Il-Pjattaforma Ewropea li tindirizza x-Xogħol Mhux Iddikjarat ħolqot sottogrupp speċifiku dwar l-indirizzar tax-xogħol mhux iddikjarat fost il-persuni spustati u r-refuġjati mill-Ukrajna.

L-Istati Membri u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, kif ukoll id-Delegazzjonijiet tal-UE u l-missjonijiet tal-UE fl-Ukrajna u fil-Moldova, implimentaw miżuri ta’ sensibilizzazzjoni u ta’ prevenzjoni sabiex inaqqsu l-vulnerabbiltajiet tal-persuni li jaħarbu mill-aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna u jindirizzaw ir-riskji speċifiċi tat-traffikar tal-bnedmin. Ir-rispons immedjat fil-livell tal-UE u dak nazzjonali ċertament ikkontribwixxa għan-numru limitat ħafna ta’ każijiet ikkonfermati ta’ traffikar tal-bnedmin.

Matul il-perjodu ta’ rapportar, il-Kummissjoni, flimkien mas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, daħlet fi djalogu ma’ pajjiżi ewlenin oħrajn ta’ oriġini u ta’ tranżitu ta’ vittmi u traffikanti (in-Niġerja, iċ-Ċina, il-Moldova, il-Pakistan, il-Marokk, il-Balkani tal-Punent, it-Turkija, eċċ.) permezz tal-involviment f’azzjonijiet operazzjonali, djalogi ta’ politika u finanzjament immirat. Dan kien jinkludi l-involviment tal-Albanija, tal-Bożnija-Ħerzegovina, tal-Montenegro, tal-Maċedonja ta’ Fuq u tas-Serbja f’azzjonijiet operazzjonali tal-EMPACT dwar it-traffikar tal-bnedmin. F’Lulju 2022, l-UE nediet iċ-Ċentru ta’ Appoġġ għas-Sigurtà Interna u l-Ġestjoni tal-Fruntieri fil-Moldova 105 bit-traffikar tal-bnedmin bħala waħda mill-prijoritajiet tematiċi ewlenin tiegħu. It-traffikar tal-bnedmin huwa indirizzat ukoll b’mod sistematiku mill-Kummissjoni u mis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna fi djalogi dedikati dwar id-drittijiet tal-bniedem u s-sigurtà kif ukoll permezz ta’ firxa ta’ strumenti ta’ politika barranija u kooperazzjoni operazzjonali ma’ pajjiżi sħab.

Fil-viċinat, l-UE ffinanzjat azzjonijiet b’impatt kontra t-traffikar għal EUR 15-il miljun fl-ambitu tal-Fond Fiduċjarju ta’ Emerġenza għall-Afrika fl-2019-2022 u se tkompli tikkuntratta EUR 84 miljun fl-ambitu tal-Istrument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni (NDICI) 2021-2022 sabiex jiġi indirizzat l-involviment dejjem akbar ta’ gruppi tal-kriminalità organizzata fl-istampa tal-migrazzjoni irregolari, li jwassal għal theddida dejjem akbar ta’ traffikar tal-bnedmin tul ir-rotot ta’ migrazzjoni speċjalment fil-viċinat. L-UE ffinanzjat azzjonijiet b’impatt kontra t-traffikar permezz tal-baġit tas-sħubija internazzjonali tagħha, b’EUR 27,8 miljun fi proġetti nazzjonali (u EUR 13-il miljun addizzjonali li għandhom jiġu kuntrattati), kif ukoll EUR 575,5 miljun fi proġetti reġjonali jew multinazzjonali (u EUR 38 miljun addizzjonali li għandhom jiġu kuntrattati). Bħalissa qegħdin jiġu diskussi aktar kontribuzzjonijiet finanzjarji. Permezz tal-istrument għal appoġġ finanzjarju għall-kooperazzjoni tal-pulizija, il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità, u l-ġestjoni tal-kriżijiet, il-Kummissjoni appoġġat proġetti ma’ pajjiżi sħab tul rotot migratorji lejn l-UE sabiex tipprevjeni u tiġġieled it-traffikar tal-migranti u t-traffikar tal-bnedmin b’EUR 11,6-il miljun, inkluża l-kooperazzjoni mal-Kosta tal-Avorju, il-Guinea Conakry, in-Niġerja, il-Gambja, il-Qarn tal-Afrika, it-Turkija u l-Balkani tal-Punent.

L-UE żiedet il-kooperazzjoni ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali u reġjonali attivi fiż-żona 106 , inkluż fil-kuntest tal-Grupp ta’ Koordinazzjoni bejn l-Aġenziji kontra t-Traffikar tal-Persuni (ICAT). Hija kompliet ukoll id-djalogu tagħha mal-Kunsill tal-Ewropa u l-Grupp ta’ esperti dwar l-azzjoni kontra t-traffikar tal-bnedmin (GRETA). L-UE pparteċipat b’mod attiv fil-Gruppi ta’ Ħidma u fil-Konferenzi tal-Partijiet tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti Kontra l-Kriminalità Organizzata Tranżnazzjonali (UNTOC). Hija qiegħda tieħu sehem ukoll fil-Mekkaniżmu ta’ Rieżami tal-UNTOC.

L-Istati Membri kkontribwew sabiex tiġi indirizzata d-dimensjoni internazzjonali inkluż permezz tal-għoti ta’ kampanji ta’ sensibilizzazzjoni, taħriġ, kooperazzjoni operazzjonali, assistenza teknika u finanzjament immirat 107 filwaqt li kkooperaw ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali. L-Aġenziji tal-UE wettqu bini tal-kapaċitajiet, kooperazzjoni operazzjonali, u assistenza teknika fil-pajjiżi sħab.

4.KONKLUŻJONIJIET

Bejn l-2019 u l-2022, l-UE ffaċċjat sfidi mingħajr preċedent fil-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin. Il-pandemija tal-COVID-19 kellha impatt sinifikanti fuq il-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin u fir-rigward tal-modus operandi dejjem jinbidel tal-kriminali, li kull ma jmur qiegħed jinbidel b’rata mgħaġġla lejn mudell kummerċjali diġitali tat-traffikar tal-bnedmin għal kull forma ta’ sfruttament. Filwaqt li r-riskji tat-traffikar tal-bnedmin ittieħdu bis-serjetà ħafna mill-bidu tal-aggressjoni militari tar-Russja fl-Ukrajna, it-theddida għadha kbira. Is-sitwazzjoni ekonomika tar-refuġjati mill-Ukrajna tista’ tmur għall-agħar, li jżid l-opportunitajiet kriminali tat-traffikanti li jieħdu vantaġġ minn persuni vulnerabbli. Dan jirrikjedi li jitkompla l-monitoraġġ tas-sitwazzjoni.

Id-data rrapportata mill-Istati Membri turi li t-traffikar tal-bnedmin ma naqasx. Filwaqt li ż-żieda żgħira fin-numru ta’ vittmi identifikati tista’ tkun marbuta ma’ identifikazzjoni aħjar, ħafna vittmi għadhom ma ġewx identifikati. It-traffikar għall-isfruttament tal-ħaddiema żdied b’mod sinifikanti matul il-perjodu ta’ rapportar. Din il-forma ta’ sfruttament ma hijiex irrapportata biżżejjed, li jfisser li n-numru reali ta’ vittmi x’aktarx li jkun ogħla b’mod sinifikanti. Minkejja l-progress fl-infurzar tal-liġi u fil-kooperazzjoni ġudizzjarja transfruntiera, in-numri ta’ prosekuzzjonijiet u ta’ kundanni tat-traffikanti għadhom baxxi. In-numru ta’ prosekuzzjonijiet għal reati ta’ traffikar meta mqabbel man-numru ta’ persuni suspettati naqas b’9 % matul il-perjodu ta’ rapportar meta mqabbel mal-2017-2018, li jista’ jkun ukoll dovut għall-isfidi li ħabbtu wiċċhom magħhom l-awtoritajiet ġudizzjarji matul il-pandemija, inkluż id-dewmien fil-proċedimenti kriminali.

Madankollu, ittieħdu ħafna miżuri fil-livell tal-UE u mill-Istati Membri sabiex jiġu indirizzati dawn l-isfidi, b’mod partikolari fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE dwar il-Ġlieda kontra t-Traffikar tal-Bnedmin għall-2021-2025 u l-Pjan Komuni Kontra t-Traffikar. Dawn il-miżuri jikkontribwixxu għall-approċċ komprensiv għall-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u jeħtieġ li jkomplu. Barra minn hekk, il-proposta tal-Kummissjoni sabiex tiġi emendata d-Direttiva 2011/36/UE għandha l-għan ukoll li ssaħħaħ ir-rispons legali għat-traffikar tal-bnedmin u li tarmonizza l-qafas legali tal-UE kontra t-traffikar.

(1)

Komunikazzjoni dwar l-Istrateġija tal-UE dwar il-Ġlieda kontra t-Traffikar tal-Bnedmin 2021-2025, COM(2021) 171 final ; Il-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-26 ta’ Mejju 2021 li jistabbilixxu l-prijoritajiet tal-UE tal-2022-2025 għall-ġlieda kontra l-kriminalità serja u organizzata permezz tal-Pjattaforma Multidixxiplinari Ewropea Kontra t-Theddid Kriminali (EMPACT).

(2)

Id-Direttiva 2011/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ April 2011 dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-protezzjoni tal-vittmi tiegħu, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/629/ĠAI, ĠU L 101, 15.4.2011

(3)

Europol, 2021 EU Serious and Organised Crime Threat Assessment, disponibbli fuq: link .

(4)

Iċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga u l-Aġenzija tal-UE għat-Taħriġ fl-Infurzar tal-Liġi (CEPOL), l-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (EIGE), iċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga (EMCDDA), l-Aġenzija Ewropea għat-Tmexxija Operattiva tas-Sistemi tal-IT fuq Skala Kbira fl-Ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja (eu-LISA), l-Aġenzija tal-UE għall-Kooperazzjoni fil-Ġustizzja Kriminali (Eurojust), l-Aġenzija tal-UE għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol), l-Aġenzija tal-UE għad-Drittijiet Fundamentali (FRA), l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (FRONTEX), l-Aġenzija tal-UE għall-Ażil (EUAA).

(5)

SWD(2022) 429.

(6)

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL It-tielet rapport dwar il-progress li sar fil-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin (2020) kif meħtieġ skont l-Artikolu 20 tad-Direttiva 2011/36/UE dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-protezzjoni tal-vittmi tiegħu, COM/2020/661 final, u d-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni ta' akkumpanjamanet tiegħu, SWD(2020) 226 final.

(7)

Iċ-Ċentru Ewropew kontra l-Faċilitazzjoni ta’ Dħul Klandestin ta’ Migranti, 5th Annual Activity Report (2021).

(8)

L-Awstrija, il-Belġju, il-Kroazja, Franza u l-Ungerija.

(9)

Il-Kroazja, is-Slovakkja, is-Slovenja u l-Iżvezja.

(10)

Iċ-Ċentru Ewropew kontra l-Faċilitazzjoni ta’ Dħul Klandestin ta’ Migranti, 6th Annual Activity Report (2022).

(11)

Il-EUROSTAT nieda l-ġbir ta’ data għall-2021, li ma setax jitlesta kompletament peress li xi Stati Membri ma setgħux jipprovdu s-sett sħiħ ta’ data fil-ħin. Għalhekk, il-EUROSTAT għamel stimi għall-Istati Membri neqsin abbażi tal-valuri tas-snin preċedenti. Għan-numru ta’ vittmi, il-Ġermanja u l-Iżvezja ma setgħux jipprovdu data.

(12)

Tul ir-rapport kollu, il-perċentwali għall-istess indikaturi u sena ta’ rapportar mhux dejjem jammontaw għal 100 %, minħabba l-fatt li l-Istati Membri rreġistraw xi vittmi taħt il-kategoriji ta’ “mhux magħrufa” jew “oħrajn”. Id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal dwar l-analiżi statistika jipprovdi informazzjoni aktar dettaljata.

(13)

Għal 4 % tal-vittmi rreġistrati tat-traffikar tal-bnedmin, is-sess irrapportat kien “mhux magħruf”.

(14)

Għal 2 % tal-vittmi rreġistrati, iċ-ċittadinanza kienet “mhux magħrufa” u għal 2 % iċ-ċittadinanza kienet “oħra”. Din id-data ġiet stmata mill-Eurostat abbażi tad-data miġbura mill-Istati Membri permezz tal-uffiċċji statistiċi nazzjonali.

(15)

Inklużi l-Belġju, Franza, l-Irlanda, Spanja u l-Iżvezja.

(16)

L-Estonja, Franza, in-Netherlands u Spanja.

(17)

Il-Belġju, l-Italja, il-Latvja, il-Lussemburgu, Malta, il-Polonja, is-Slovakkja.

(18)

Iċ-ċittadinanza ta’ 5 % tal-vittmi rreġistrati tat-traffikar għall-isfruttament tal-ħaddiema ġiet irrapportata bħala “oħra”.

(19)

Il-Belġju, Ċipru, l-Estonja, Franza, il-Litwanja u Malta.

(20)

Il-Belġju, l-Irlanda, Spanja

(21)

Fl-2017-2018, forom oħrajn ta’ sfruttament kienu jirrappreżentaw 18 % tal-każijiet ta’ traffikar tal-bnedmin fl-UE.

(22)

Għall-10 % li jifdal tal-vittmi rreġistrati tat-traffikar tal-bnedmin, il-forma rrapportata ta’ sfruttament kienet “mhux magħrufa”.

(23)

Il-Bulgarija, il-Kroazja, il-Greċja, l-Irlanda, ir-Rumanija u Spanja

(24)

L-Awstrija u l-Bulgarija.

(25)

31 % kienu adulti u 22 % ma kinux magħrufa.

(26)

Il-Bulgarija, Ċipru, l-Irlanda, il-Greċja u l-Litwanja

(27)

Il-Eurojust, Report on national legislation and Eurojust casework on sham marriages (2020), sham-marriage-oct-2020-redacted.pdf (europa.eu)

(28)

Il-Bulgarija, Ċipru u l-Greċja.

(29)

Il-Greċja, in-Netherlands u l-Polonja.

(30)

Ċipru, il-Litwanja u s-Slovakkja.

(31)

Fil-każ ta’ 3 % tal-vittmi tfal irreġistrati tat-traffikar tal-bnedmin, iċ-ċittadinanza rrapportata kienet “mhux magħrufa” u għal 2 % kienet “oħra mhux speċifikata”.

(32)

8 % ġew irreġistrati għal forom oħrajn ta’ sfruttament. Fil-każ ta’ 20 % tal-vittmi tfal irreġistrati, il-forma ta’ sfruttament ma kinitx magħrufa.

(33)

Il-Belġju, il-Bulgarija, l-Estonja, il-Finlandja, l-Ungerija, il-Lussemburgu, ir-Rumanija u Spanja.

(34)

  “Loverboys” | Human trafficking and people smuggling | Government.nl

(35)

Il-Greċja, l-Ungerija u r-Rumanija.

(36)

Europol, 2021 EU Serious and Organised Crime Threat Assessment, disponibbli fuq: link .

(37)

Il-Europol u s-Slovakkja.

(38)

L-Irlanda, il-Greċja, il-FRONTEX u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili.

(39)

Franza u Spanja.

(40)

L-Italja u l-Iżvezja.

(41)

Franza.

(42)

Il-Portugall.

(43)

Franza, Malta.

(44)

COM/2021/171 final.

(45)

It-tnaqqis tad-domanda li trawwem it-traffikar għal kull forma ta’ sfruttament; it-tkissir tal-mudell kummerċjali tat-traffikanti; il-protezzjoni, l-appoġġ u l-għoti ta’ setgħa lill-vittmi, b’enfasi speċifika fuq in-nisa u t-tfal; u d-dimensjoni internazzjonali.

(46)

SWD(2022) 427.

(47)

Proposta tal-Kummissjoni għall-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2011/36/UE dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-protezzjoni tal-vittmi tiegħu (COM(2022) 732)

(48)

Id-data se tiġi ppubblikata fis-sit web tal-Eurostat ( Bażi tad-data - Eurostat (europa.eu) ) taħt Popolazzjoni u kundizzjonijiet soċjali/Kriminalità u ġustizzja kriminali.

(49)

  AMIF - Thematic Facility Work Programme 2021-2022_en.pdf (europa.eu)

(50)

  ISF - Thematic Facility Work Programme 2021-2022_en.PDF (europa.eu) .

(51)

  Koordinatur tal-UE Kontra t-Traffikar(europa.eu) .

(52)

  A new Anti-Trafficking Plan to protect people fleeing the war in Ukraine (europa.eu) .

(53)

L-Awstrija, il-Belġju, il-Bulgarija, Ċipru, iċ-Ċekja, Spanja, l-Ungerija, l-Italja, l-Irlanda, il-Greċja, il-Finlandja, il-Litwanja, il-Latvja, in-Netherlands, ir-Rumanija, is-Slovakkja, il-Portugall.

(54)

Il-Ġermanja, il-Kroazja, il-Greċja, l-Italja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, il-Latvja.

(55)

Il-Ġermanja.

(56)

Matul il-perjodu ta’ rapportar tal-2017-2018, 11-il Stat Membru rrapportaw total ta’ 170 persuna suspettata, 162 prosekuzzjoni u 133 kundanna fir-rigward tar-reat kriminali tal-użu tas-servizzi tal-vittmi tat-traffikar.

(57)

L-Irlanda, Franza u l-Lussemburgu.

(58)

  Linji-gwida ġodda tal-UE jgħinu lill-kumpaniji jiġġieldu kontra x-xogħol furzat (europa.eu) .

(59)

COM(2022) 453 final.

(60)

COM(2021) 592 final.

(61)

Id-Direttiva 2009/52/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 2009 li tipprevedi standards minimi għal sanzjonijiet u miżuri kontra min iħaddem lil ċittadini minn pajjiżi terzi b’residenza illegali, ĠU L 168, 30.6.2009, p. 24–32

(62)

Bħall-Belġju, il-Bulgarija, il-Kroazja, il-Finlandja, l-Ungerija, il-Lussemburgu, il-Latvja, Malta, il-Portugall u Spanja.

(63)

Il-Belġju u n-Netherlands.

(64)

Il-Bulgarija, il-Kroazja, l-Italja, in-Netherlands, il-Polonja u Spanja.

(65)

Il-Europol appoġġat 60 laqgħa operazzjonali fl-2021, meta mqabbla ma’ 32 laqgħa operazzjonali fl-2020. Sa nofs l-2022, il-Europol diġà appoġġat 37 laqgħa operazzjonali.

(66)

15 214-il persuna suspettata ġew irreġistrati fil-perjodu 2019-2020, meta mqabbla ma’ 11 788 fl-2017-2018.

(67)

Pereżempju, l-Awstrija, il-Belġju, Ċipru, iċ-Ċekja, il-Ġermanja, il-Greċja, Spanja, il-Finlandja, Franza, il-Kroazja, l-Ungerija, l-Irlanda, l-Italja, Malta, in-Netherlands, il-Portugall, ir-Rumanija, l-Iżvezja, is-Slovakkja.

(68)

Iċ-Ċina, in-Niġerja, il-Vjetnam, kif ukoll ir-reġjun tal-Balkani u l-Afrika ta’ Fuq.

(69)

Bħall-Awstrija, il-Belġju, il-Bulgarija, Ċipru, il-Greċja, Spanja, il-Kroazja, l-Italja, il-Latvja, Malta, il-Portugall.

(70)

Pereżempju, il-Bożnija-Ħerzegovina, iċ-Ċina, il-Ġordan, il-Moldova, il-Montenegro, in-Niġerja, ir-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq, is-Serbja, it-Turkija, ir-Renju Unit, eċċ.

(71)

Il-Europol, il-Frontex u, is-CEPOL.

(72)

Fl-2017-2018, ġew mixlija 6 163 persuna.

(73)

Fl-2017-2018, 2 426 persuna nstabu ħatja.

(74)

Il-valur tal-Portugall ġie stmat.

(75)

Il-valur tal-Ġermanja u tal-Portugall ġie stmat.

(76)

Matul il-perjodu ta’ rapportar preċedenti (2017-2018) ġew riferuti 273 każ ta’ traffikar tal-bnedmin lill-Eurojust.

(77)

Fl-2017-2018, il-Eurojust appoġġat 107 Skwadri ta’ Investigazzjoni Konġunta.

(78)

Bħall-Bulgarija, il-Finlandja, il-Ġermanja, l-Ungerija, l-Irlanda, Malta, Spanja u r-Rumanija.

(79)

  Focus group of prosecutors specialised in human trafficking meets for the first time | Eurojust | L-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fil-Ġustizzja Kriminali (europa.eu)  

(80)

Ir-Regolament 2022/2065/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Ottubru 2022 dwar Suq Uniku għas-Servizzi Diġitali u li jemenda d-Direttiva 2000/31/KE (l-Att dwar is-Servizzi Diġitali) (ĠU L 277, 27.10.2022, p. 1) Ara wkoll EUR-LEX - 32022R2065 - MT - EUR-LEX (europa.eu)

(81)

Europol, The challenges of countering human trafficking in the digital era (2020), https://www.europol.europa.eu/publications-events/publications/challenges-of-countering-human-trafficking-in-digital-era  

(82)

Ara pereżempju: 20 countries spin a web for human traffickers during a hackathon | Europol (europa.eu) .

(83)

Bħal Spanja, Franza, il-Kroazja u n-Netherlands.

(84)

Grupp ta’ esperti tal-Kunsill tal-Ewropa dwar l-azzjoni kontra t-traffikar tal-bnedmin Online and technology-facilitate trafficking in human beings (2022), https://rm.coe.int/online-and-technology-facilitated-trafficking-in-human-beings-summary-/1680a5e10c

(85)

Bħall-Kroazja, Franza, l-Irlanda u n-Netherlands.

(86)

Il-Ġermanja, l-Ungerija u l-Litwanja.

(87)

Ċipru, in-Netherlands u Spanja.

(88)

  COM/2022/ 245 final .

(89)

  Finanzjament u offerti (europa.eu)

(90)

Konklużjonijiet tal-Kunsill li jistabbilixxu l-prijoritajiet tal-UE għall-ġlieda kontra l-kriminalità serja u organizzata għall-EMPACT 2022-2025, https://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-8665-2021-INIT/mt/pdf  

(91)

  Finanzjament u offerti (europa.eu)

(92)

  Joint report of the JHA agencies’ network on the identification and protection of victims of human trafficking (europa.eu)

(93)

Pereżempju l-Belġju, il-Kroazja, l-Estonja, l-Italja, il-Finlandja, l-Ungerija u Spanja.

(94)

Pereżempju, Ċipru, il-Finlandja, il-Latvja, il-Lussemburgu u r-Rumanija.

(95)

Pereżempju, Franza.

(96)

Il-Belġju, il-Latvja u s-Slovakkja.

(97)

Iċ-Ċekja, Franza, il-Ġermanja, il-Litwanja u n-Netherlands.

(98)

  COM/2022/105 final .

(99)

COM(2021) 591 final.

(100)

  A new Anti-Trafficking Plan to protect people fleeing the war in Ukraine (europa.eu) .

(101)

Id-Direttiva tal-Kunsill 2001/55/KE tal-20 ta’ Lulju 2001 dwar l-istandards minimi sabiex tingħata protezzjoni temporanja fl-eventwalità ta’ influss bil-massa ta’ persuni spostati u dwar il-miżuri li jippromwovu bilanċ fl-isforzi bejn l-Istati Membri meta jirċievu dawn il-persuni u li jġorru l-konsegwenzi ta’ dawn

(102)

  Informazzjoni għan-nies li qegħdin jaħarbu mill-gwerra fl-Ukrajna | Il-Kummissjoni Ewropea (europa.eu) .

(103)

  National hotline numbers for reporting a crime or seeking assistance (europa.eu) .

(104)

  Human traffickers luring Ukrainian refugees on the web targeted in EU-wide hackathon | Europol (europa.eu) .

(105)

  Informal Home Affairs Council: EU launches the Support Hub for Internal Security and Border Management in Moldova (europa.eu)

(106)

Bħall-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti kontra d-Droga u l-Kriminalità (UNODC), l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni (IOM), l-Aġenzija tan-NU għar-Refuġjati (UNHCR), iċ-Ċentru Internazzjonali għall-Iżvilupp tal-Politika dwar il-Migrazzjoni (ICMPD) u l-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE).

(107)

Il-Belġju, iċ-Ċekja, l-Estonja, Franza, il-Ġermanja, l-Ungerija, l-Italja, il-Litwanja, in-Netherlands, il-Portugall, is-Slovenja u Spanja.