Rakkomandazzjoni għal
RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL
dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2022 tal-Iżvezja u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Konverġenza tal-2022 tal-Iżvezja
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 121(2) u 148(4) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta’ pożizzjonijiet ta’ budget u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta’ politika ekonomika, u b’mod partikolari l-Artikolu 9(2) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi, u b’mod partikolari l-Artikolu 6(1) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,
Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,
Billi:
(1)Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, li stabbilixxa l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, daħal fis-seħħ fid-19 ta’ Frar 2021. Il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza tipprovdi sostenn finanzjarju għall-implimentazzjoni tar-riformi u tal-investiment, b’impuls fiskali ffinanzjat mill-Unjoni. Hija tikkontribwixxi għall-irkupru ekonomiku u għall-implimentazzjoni ta’ riformi u investiment sostenibbli u li jsaħħu t-tkabbir, b’mod partikolari għall-promozzjoni tat-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali, filwaqt li ssaħħaħ ir-reżiljenza u t-tkabbir potenzjali tal-ekonomiji tal-Istati Membri. Tgħin ukoll biex jissaħħu l-finanzi pubbliċi sostenibbli u tingħata spinta lit-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi fuq perjodu medju u twil ta’ żmien. Il-kontribuzzjoni finanzjarja massima għal kull Stat Membru permezz tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza [ġiet] aġġornata fi [XX] ta’ Ġunju 2022, f’konformità mal-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2021/241.
(2)Fl-24 ta’ Novembru 2021, il-Kummissjoni adottat l-Isħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir Sostenibbli, li ta bidu għas-Semestru Ewropew tal-2022 għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika. Hija ħadet kont debitu tal-impenn konġunt affermat mill-ġdid tas-Summit Soċjali ta’ Porto ta’ Mejju 2021 biex tkompli timplimenta l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali pproklamat mill-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni fis-17 ta’ Novembru 2017. Il-Kunsill Ewropew approva l-prijoritajiet tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir Sostenibbli tal-2022 fil-25 ta’ Marzu 2022. Fl-24 ta’ Novembru 2021, il-Kummissjoni adottat ukoll ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta’ Twissija fuq il-bażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 fejn l-Iżvezja ġiet identifikata bħala wieħed mill-Istati Membri li fil-konfront tagħhom kienet se ssir analiżi fil-fond. Fl-istess data, il-Kummissjoni adottat ukoll il-proposta tar-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi tal-2022 li janalizza l-implimentazzjoni tal-Linji Gwida dwar l-Impjiegi u l-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, li ġie adottat mill-Kunsill fl-14 ta’ Marzu 2022.
(3)L-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja, wara l-pandemija globali biddlet b’mod sinifikanti l-kuntest ġeopolitiku u ekonomiku. L-impatt tal-invażjoni fuq l-ekonomiji tal-Istati Membri nħass pereżempju permezz ta’ prezzijiet ogħla tal-enerġija u tal-ikel u prospetti ta’ tkabbir aktar dgħajfa. Il-prezzijiet ogħla tal-enerġija huma partikolarment ta’ piż fuq il-familji l-aktar vulnerabbli li qed jesperjenzaw il-faqar enerġetiku jew li jinsabu f’riskju ta’ faqar enerġetiku. L-UE qed tara wkoll influss bla preċedent ta’ nies li qed jaħarbu mill-Ukrajna. F’dan il-kuntest, fl-4 ta’ Marzu 2022, id-Direttiva dwar il-Protezzjoni Temporanja ġiet attivata għall-ewwel darba, u tat lill-persuni spostati mill-Ukrajna d-dritt li jibqgħu legalment fl-UE, kif ukoll aċċess għall-edukazzjoni u t-taħriġ, għas-suq tax-xogħol, għall-kura tas-saħħa, għall-akkomodazzjoni u għall-assistenza soċjali.
(4)Filwaqt li titqies is-sitwazzjoni ekonomika u ġeopolitika li qed tinbidel malajr, is-Semestru Ewropew fl-2022 jerġa’ jibda l-koordinazzjoni wiesgħa tiegħu tal-politika ekonomika u tal-impjiegi, filwaqt li jevolvi f’konformità mar-rekwiżiti ta’ implimentazzjoni tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, kif deskritt fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir Sostenibbli tal-2022. L-implimentazzjoni tal-pjanijiet adottati għall-irkupru u r-reżiljenza hija essenzjali għat-twettiq tal-prijoritajiet tal-politika fl-ambitu tas-Semestru Ewropew, billi l-pjanijiet jindirizzaw ir-rakkomandazzjonijiet kollha jew subsett sinifikanti tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż rilevanti maħruġa fiċ-ċikli tas-Semestru tal-2019 u tal-2020. Ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2019 u tal-2020 jibqgħu rilevanti wkoll għall-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza riveduti, aġġornati jew emendati f’konformità mal-Artikoli 14, 18 u 21 tar-Regolament (UE) 2021/241, flimkien ma’ kwalunkwe rakkomandazzjoni speċifika għall-pajjiż maħruġa sad-data tal-preżentazzjoni tal-pjan immodifikat.
(5)Il-klawżola liberatorja ġenerali ilha attiva minn Marzu 2020. Fil-komunikazzjoni tagħha tat-3 ta’Marzu2021, il-Kummissjoni stabbiliet il-fehma tagħha li d-deċiżjoni dwar id-deattivazzjoni jew l-applikazzjni kontinwa tal-klawżola liberatorja ġenerali jenħtieġ li tittieħed bħala valutazzjoni kumplessiva tal-istat tal-ekonomija, bil-livell ta’ attività ekonomika fl-UE jew fiż-żona tal-euro mqabbel mal-livelli ta’ qabel il-kriżi (tmiem l-2019) bħala l-kriterju kwantitattiv ewlieni. L-inċertezza kbira u r-riskji qawwija ta’ telf ta’ valur fil-prospettiva ekonomika fil-kuntest tal-gwerra fl-Ewropa, iż-żidiet bla preċedent fil-prezzijiet tal-enerġija u t-tħarbit kontinwu fil-katina ta’ provvista jirrikjedu l-estensjoni tal-klawżola liberatorja ġenerali tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir sal-2023.
(6)Skont l-approċċ fl-opinjoni tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 2021 dwar il-Programm ta’ Konverġenza tal-2021, il-pożizzjoni fiskali bħalissa titkejjel l-aħjar bħala l-bidla fin-nefqa primarja (netta minn miżuri ta’ dħul diskrezzjonarji), bl-esklużjoni tal-miżuri temporanji ta’ emerġenza relatati mal-kriżi tal-COVID-19 iżda inkluża n-nefqa ffinanzjata minn appoġġ mhux ripagabbli (l-għotjiet) mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u fondi oħra tal-UE, apparagun tat-tkabbir potenzjali fuq terminu medju. Lil hinn mill-pożizzjoni fiskali ġenerali, sabiex jiġi vvalutat jekk il-politika fiskali nazzjonali hijiex prudenti u jekk il-kompożizzjoni tagħha twassalx għal irkupru sostenibbli konsistenti mat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, tingħata attenzjoni wkoll lill-evoluzzjoni tan-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata nazzjonalment (netta minn miżuri ta’ dħul diskrezzjonali u bl-esklużjoni ta’ miżuri temporanji ta’ emerġenza relatati mal-kriżi tal-COVID-19) u lill-investiment.
(7)Fit-2 ta’ Marzu 2022, il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni li tipprovdi gwida wiesgħa għall-politika fiskali fl-2023, bil-għan li tappoġġa t-tħejjija tal-Programmi ta’ Stabbiltà u Konverġenza tal-Istati Membri u b’hekk issaħħaħ il-koordinazzjoni tal-politika. Il-Kummissjoni nnotat li, abbażi tal-prospettiva makroekonomika tat-tbassir tax-xitwa 2022, it-tranżizzjoni minn pożizzjoni fiskali aggregata ta’ appoġġ fl-2020-2022 għal pożizzjoni fiskali aggregata ġeneralment newtrali jidher li hija adegwata fl-2023, filwaqt li tinsab lesta li tirreaġixxi għas-sitwazzjoni ekonomika li qed tevolvi. Il-Kummissjoni ħabbret li r-rakkomandazzjonijiet fiskali għall-2023 jenħtieġ li jkomplu jiddifferenzjaw bejn l-Istati Membri u jqisu l-effetti konsegwenzjali possibbli bejn il-pajjiżi. Il-Kummissjoni stiednet lill-Istati Membri biex fil-Programmi ta’ Stabbiltà u Konverġenza tagħhom jirriflettu l-gwida politika. Il-Kummissjoni impenjat ruħha li żżomm taħt monitoraġġ mill-qrib l-iżviluppi ekonomiċi u li taġġusta l-gwida politika tagħha kif meħtieġ u mhux aktar tard mill-pakkett tagħha tar-rebbiegħa tas-Semestru Ewropew lejn l-aħħar ta’ Mejju 2022.
(8)Fir-rigward tal-gwida fiskali pprovduta fit-2 ta’ Marzu 2022, ir-rakkomandazzjonijiet fiskali għall-2023 iqisu l-prospettiva ekonomika li marret għall-agħar, l-inċertezza kbira u riskji oħra ta’ telf ta’ valur, kif ukoll inflazzjoni ogħla apparagun tat-tbassir tax-xitwa. Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, ir-rispons fiskali għandu jespandi l-investiment pubbliku għat-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali u għas-sigurtà tal-enerġija, u jsostni l-kapaċità tal-akkwist tal-unitajiet domestiċi l-aktar vulnerabbli sabiex jittaffa l-impatt taż-żieda fil-prezz tal-enerġija u jgħin biex jiġu limitati l-pressjonijiet inflazzjonarji mill-effetti indiretti permezz ta’ miżuri mmirati u temporanji; il-politika fiskali għandha tibqa’ aġli sabiex taġġusta għaċ-ċirkostanzi li qed jevolvu b’mod rapidu, u tkun differenzjata bejn il-pajjiżi skont is-sitwazzjoni fiskali u ekonomika tagħhom, inkluż fir-rigward tal-esponiment għall-kriżi u l-influss ta’ persuni spostati mill-Ukrajna.
(9)Fit-28 ta’ Mejju 2021 l-Iżvezja ppreżentat il-pjan nazzjonali tagħha għall-irkupru u r-reżiljenza lill-Kummissjoni, f’konformità mal-Artikolu 18(1) tar-Regolament (UE) 2021/241. Skont l-Artikolu 19 tar-Regolament (EU) 2021/241, il-Kummissjoni vvalutat ir-rilevanza, l-effettività, l-effiċjenza u l-koerenza tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza f’konformità mal-linji gwida ta’ valutazzjoni tal-Anness V ta’ dan ir-Regolament. Fl-4 ta’ Mejju l-Kunsill adotta d-Deċiżjoni tiegħu dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tal-Iżvezja. Il-ħruġ tal-pagamenti parzjali jiddependi fuq deċiżjoni tal-Kummissjoni, meħuda f’konformità mal-Artikolu 24(5) tar-Regolament (UE) 2021/241, li l-Iżvezja tkun laħqet b’mod sodisfaċenti l-istadji importanti u l-miri rilevanti stabbiliti fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill. It-twettiq sodisfaċenti jippresupponi li l-kisba tal-istadji importanti u tal-miri preċedenti ma tkunx treġġgħet lura.
(10)Fid-29 ta’ April 2022, l-Iżvezja ppreżentat il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tagħha tal-2022 u l-Programm ta’ Konverġenza tal-2022 tagħha, skont l-iskadenza stabbilita fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1466/97. Biex jitqiesu l-konnessjonijiet ta’ bejniethom, iż-żewġ programmi ġew ivvalutati flimkien. F’konformità mal-Artikolu 27 tar-Regolament (UE) 2021/241, il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2022 jirrifletti wkoll ir-rappurtar biannwali tal-Iżvezja dwar il-progress li sar fil-kisba tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tagħha.
(11)Il-Kummissjoni ppubblikat ir-rapport tal-pajjiż tal-2022 għall-Iżvezja fit-23 ta’ Mejju 2022. Hija vvalutat l-progress tal-Iżvezja fl-indirizzar tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż rilevanti adottati mill-Kunsill fl-2019, fl-2020 u fl-2021, u qieset l-implimentazzjoni mill-Iżvezja tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, li jibni fuq it-Tabella ta’ Valutazzjoni għall-Irkupru u r-Reżiljenza. Fuq il-bażi ta’ din l-analiżi, ir-rapport tal-pajjiż identifika lakuni fir-rigward ta’ dawk l-isfidi li mhumiex indirizzati jew li huma indirizzati biss parzjalment mill-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, kif ukoll sfidi ġodda u emerġenti, inklużi dawk li jirriżultaw mill-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja. Ivvaluta wkoll il-progress tal-Iżvezja fl-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u fil-kisba tal-miri ewlenin tal-UE dwar l-impjiegi, il-ħiliet u t-tnaqqis tal-faqar, kif ukoll il-progress fil-kisba tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU.
(12)Il-Kummissjoni għamlet analiżi fil-fond skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 għall-Iżvezja u ppubblikat ir-riżultati tagħha fit-23 ta’ Mejju 2022. Il-Kummissjoni kkonkludiet li l-Iżvezja qed tesperjenza żbilanċi makroekonomiċi. Il-vulnerabbiltajiet huma relatati ma’ prezzijiet tad-djar għoljin u li qed jogħlew u dejn għoli tal-unitajiet domestiċi. Id-dejn privat żdied għal 216 % tal-PDG fl-2020, li huwa ta’ tħassib minħabba li sehem kbir mid-dejn kien għax-xiri ta’ proprjetà. L-istituzzjonijiet finanzjarji huma esposti għas-suq tal-proprjetà immobbli permezz ta’ self ipotekarju u kreditu għall-proprjetà immobbli kummerċjali u għad-ditti tal-kostruzzjoni. Xprunati minn nuqqas ta’ akkomodazzjonijiet, minn suq tal-kiri regolat iżżejjed, inċentivi fiskali biex jittieħed self ipotekarju u minn rati tal-imgħax li qed jonqsu, l-unitajiet domestiċi ddejnu aktar biex jiffinanzjaw ix-xiri ta’ akkomodazjonijiet. Dan jagħmilhom vulnerabbli għal bidliet potenzjali fir-rati tal-imgħax. Id-dejn tal-unitajiet domestiċi kien ta’ 188 % tal-introjtu disponibbli u ta’ 95 % tal-PDG fi tmiem l-2020. Il-korrezzjoni jista’ jkollha impatt negattiv fuq l-ekonomija u fuq is-settur bankarju. Din jista’ jkollha effett sekondarju fuq il-pajjiżi b’konnessjonijiet ekonomiċi u finanzjarji mal-ekonomija u mas-settur bankarju Żvediżi. F’dawn l-aħħar snin, ittieħdu xi miżuri biex jiġu indirizzati dawn l-iżbilanċi, iżda dawn kellhom impatt limitat. Għad hemm lakuni f’oqsma ta’ politika importanti, b’mod partikolari fir-rigward tal-inċentivi fiskali għas-sjieda tal-akkomodazzjonijiet iffinanzjati bid-dejn, il-provvista tad-djar u s-suq tal-kiri.
(13)Fl-20 ta’ Lulju 2020, il-Kunsill irrakkomanda lill-Iżvezja biex fl-2020 u fl-2021 tieħu l-miżuri kollha meħtieġa, f’konformità mal-klawżola liberatorja ġenerali, biex tindirizza b’mod effettiv il-pandemija, issostni l-ekonomija u tappoġġa l-irkupru li jirriżulta. Irrakkomanda wkoll lill-Iżvezja biex issegwi, meta l-kundizzjonijiet ekonomiċi jkunu jippermettu, politiki fiskali mmirati lejn il-kisba ta’ pożizzjonijiet fiskali prudenti fuq perjodu medju ta’ żmien u tiżgura s-sostenibbiltà fejn jidħol id-dejn, filwaqt li ttejjeb l-investiment. Fl-2021, abbażi ta’ data vvalidata mill-Eurostat, id-defiċit tal-gvern estiż tal-Iżvezja naqas minn 2,7 % tal-PDG fl-2020 għal 0,2 % fl-2021. Ir-rispons tal-politika fiskali tal-Iżvezja appoġġa l-irkupru ekonomiku fl-2021, filwaqt li l-miżuri temporanji ta’ appoġġ ta’ emerġenza naqsu minn 3,3 % tal-PDG fl-2020 għal 2,2 % fl-2021. Il-miżuri li ħadet l-Iżvezja fl-2021 kienu konformi mar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta’ Lulju 2020. Il-miżuri baġitarji diskrezzjonali adottati mill-gvern fl-2020 u l-2021 kienu fil-biċċa l-kbira temporanji. Fl-istess ħin, uħud mill-miżuri diskrezzjonali adottati matul il-perjodu mill-2020 sal-2021 ma kinux temporanji jew ibbilanċjati minn miżuri ta’ tpaċija li jikkonsistu prinċipalment minn diversi miżuri ta’ nfiq kif ukoll minn tnaqqis fit-taxxa fuq l-introjtu. Abbażi ta’ data vvalidata mill-Eurostat, id-dejn tal-gvern estiż kien ta’ 36,7 % tal-PDG fl-2021.
(14)Ix-xenarju makroekonomiku li fuqu huma msejsin il-proġettazzjonijiet baġitarji fil-Programm ta’ Konverġenza tal-2022 huwa realistiku. Il-Gvern jipproġetta li l-PDG reali se jikber bi 3,1 % fl-2022 u b’1,6 % fl-2023. B’paragun ma’ dan, it-tbassir tar-rebbiegħa 2022 tal-Kummissjoni jipproġetta tkabbir tal-PDG reali aktar baxx, ta’ 2,3 % fl-2022 u ta’ 1,4 % fl-2023. Il-Gvern jistenna li d-defiċit nominali jiżdied għal 0,5 % tal-PDG fl-2022 u jinbidel f’surplus ta’ 0,5 % fl-2023. Iż-żieda fl-2022 tirrifletti prinċipalment tkabbir ekonomiku aktar dgħajjef u prijoritajiet ta’ nfiq addizzjonali, li flimkien jiddominaw it-tneħħija tal-miżuri ta’ emerġenza. Skont il-Programm, il-proporzjon tad-dejn għall-PDG tal-gvern estiż huwa mistenni li jonqos għal 33,5 % fl-2022, u li jibqa’ jonqos għal 30,7 % fl-2023. Abbażi tal-miżuri ta’ politika mħabbra li jkunu magħrufin fid-data limitu tat-tbassir, it-tbassir tar-rebbiegħa 2022 tal-Kummissjoni jipproġetta defiċit tal-gvern għall-2022 ta’ 0,5 % tal-PDG, li jinbidel f’surplus ta’ 0,5 % fl-2023. Dan huwa konformi mad-defiċit ipproġettat fil-Programm ta’ Konverġenza tal-2022. It-tbassir tar-rebbiegħa 2022 tal-Kummissjoni jipproġetta proporzjon tad-dejn għall-PDG tal-gvern estiż simili, ta’ 33,8 % fl-2022 u ta’ 30,5 % fl-2023.
Abbażi tat-tbassir tar-rebbiegħa 2022 tal-Kummissjoni, it-tkabbir tal-output potenzjali fuq terminu medju (medja ta’ 10 snin) huwa stmat għal 1,9 %. Madankollu, din l-istima ma tinkludix l-impatt tar-riformi li huma parti mill-Pjan għall-Irkupru u r-Reżiljenza li jistgħu jagħtu spinta lit-tkabbir potenzjali tal-Iżvezja.
(15)Fl-2022, il-gvern neħħa gradwalment il-biċċa l-kbira tal-miżuri meħuda b’rispons għall-kriżi tal-COVID-19, b’tali mod li l-miżuri temporanji ta’ appoġġ ta’ emerġenza huma pproġettati li jonqsu minn 2,2 % tal-PDG fl-2021 għal 1,2 % fl-2022. Il-bilanċ tal-gvern huwa affettwat mill-miżuri adottati biex jilqgħu għall-impatt ekonomiku u soċjali taż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija, li fit-tbassir tar-rebbiegħa 2022 tal-Kummissjoni huma stmati għal 0,4 % tal-PDG fl-2022 u għal 0,0 % tal-PDG fl-2023. Apparagun tal-medja tal-UE, l-Iżvezja għandha intensità enerġetika aktar baxxa mill-ekonomija u sehem aktar baxx min-nefqa tal-unitajiet domestiċi fuq l-enerġija. Dawn il-miżuri jikkonsistu fi trasferimenti soċjali għall-unitajiet domestiċi biex jikkumpensaw għall-prezzijiet ogħla tal-elettriku, u fi tnaqqis fit-taxxi fuq il-fjuwil għall-agrikoltura, il-forestrija u s-sajd. Tħabbar li dawn il-miżuri huma temporanji. Madankollu, f’każ li l-prezzijiet tal-enerġija jibqgħu għoljin ukoll fl-2023, xi wħud minn dawn il-miżuri jistgħu jibqgħu għaddejjin. Xi wħud minn dawn il-miżuri mhumiex immirati, b’mod partikolari t-trasferimenti għall-unitajiet domestiċi biex jitkoprew il-prezzijiet ogħla tal-elettriku. L-ispejjeż biex tiġi offruta protezzjoni temporanja lill-persuni spostati mill-Ukrajna huma pproġettati fit-tbassir tar-rebbiegħa 2022 tal-Kummissjoni li se jkunu 0,1 % tal-PDG fl-2022 u l-2023, filwaqt li ż-żieda fl-ispiża tan-nefqa għad-difiża tammonta għal ftit inqas minn 0,1 % tal-PDG fl-2022 biss.
(16)Fit-18 ta’ Ġunju 2021, il-Kunsill irrakkomanda li fl-2022 l-Iżvezja żżomm pożizzjoni fiskali ta’ appoġġ, inkluż mill-impuls ipprovdut mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, u tippreserva l-investiment iffinanzjat nazzjonalment. Irrakkomanda wkoll lill-Iżvezja biex issegwi, meta l-kundizzjonijiet ekonomiċi jkunu jippermettu, politika fiskali mmirata lejn il-kisba ta’ pożizzjonijiet fiskali prudenti fuq terminu medju u biex tiżgura sostenibbiltà fiskali fuq terminu medju, filwaqt li fl-istess ħin ittejjeb l-investiment.
(17)Fl-2022, abbażi tat-tbassir tar-rebbiegħa 2022 tal-Kummissjoni u filwaqt li titqies tal-informazzjoni inkorporata fil-Programm ta’ Konverġenza tal-2022 tal-Iżvezja, il-pożizzjoni fiskali hija pproġettata li tkun ta’ appoġġ b’-0,6 % tal-PDG kif rakkomandat mill-Kunsill. L-Iżvezja qed tippjana li tipprovdi appoġġ kontinwu għall-irkupru billi tagħmel użu mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza biex tiffinanzja impuls addizzjonali, kif rakkomandat mill-Kunsill. Il-kontribuzzjoni pożittiva għall-attività ekonomika tan-nefqa ffinanzjata mill-għotjiet tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u minn fondi oħra tal-UE hija pproġettata li tiżdied b’0,1 punt perċentwali tal-PDG apparagun tal-2021. L-investiment iffinanzjat nazzjonalment huwa pproġettat li jipprovdi kontribuzzjoni newtrali għall-pożizzjoni fiskali fl-2022. Għalhekk, l-Iżvezja qed tippjana li tippreserva l-investiment iffinanzjat nazzjonalment, kif irrakkomandat mill-Kunsill. Fl-istess ħin, it-tkabbir fin-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata nazzjonalment (netta minn miżuri ġodda ta’ dħul) fl-2022 huwa pproġettat li jipprovdi kontribuzzjoni espansjonarja ta’ 0,4 punti perċentwali għall-pożizzjoni fiskali ġenerali. Dan jinkludi l-impatt addizzjonali tal-miżuri msemmijin hawn fuq biex jiġi indirizzat l-impatt ekonomiku u soċjali taż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija (0,4 % tal-PDG) kif ukoll l-ispejjeż biex tiġi offruta protezzjoni temporanja lill-persuni spostati mill-Ukrajna (0,1 % tal-PDG).
(18)Fl-2023, fit-tbassir tar-rebbiegħa 2022 tal-Kummissjoni l-pożizzjoni fiskali hija pproġettata għal +1,3 % tal-PDG fuq is-suppożizzjoni li ma ssirx bidla fil-politika. L-Iżvezja hija pproġettata li tkompli tuża l-għotjiet mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza fl-2023 biex tiffinanzja appoġġ addizzjonali għall-irkupru. Il-kontribuzzjoni pożittiva għall-attività ekonomika tan-nefqa ffinanzjata mill-għotjiet tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u minn fondi oħra tal-UE hija pproġettata li tiżdied b’0,1 punt perċentwali tal-PDG apparagun tal-2022. L-investiment iffinanzjat nazzjonalment huwa pproġettat li jipprovdi kontribuzzjoni kemxejn restrittiva għall-pożizzjoni fiskali ta’ 0,1 punt perċentwali fl-2023. Fl-istess ħin, it-tkabbir fin-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata nazzjonalment (netta minn miżuri ġodda ta’ dħul) fl-2023 huwa pproġettat li jipprovdi kontribuzzjoni restrittiva ta’ 1,1 punti perċentwali għall-pożizzjoni fiskali ġenerali. Dan jinkludi l-impatt mit-tneħħija gradwali tal-miżuri li jindirizzaw iż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija (0,4 % tal-PDG).
(19)Fil-Programm ta’ Konverġenza tal-2022, is-surplus tal-gvern estiż huwa mistenni li jiżdied gradwalment għal 0,8 % tal-PDG fl-2024, u għal 1,4 % sal-2025. Għalhekk, id-defiċit tal-gvern estiż huwa ppjanat li jibqa’ taħt it-3 % tal-PDG matul il-perjodu tal-Programm. Skont il-Programm, il-proporzjon tad-dejn għall-PDG tal-gvern estiż huwa mistenni li jkompli jonqos, speċifikament għal 28,9 % fl-2024, u li jkompli jonqos għal 26,4 % fl-2025. Abbażi tal-analiżi tal-Kummissjoni, ir-riskji għas-sostenibbiltà tad-dejn jidhru baxxi fuq terminu medju.
(20)Il-kombinazzjoni ta’ prezzijiet għoljin tal-akkomodazzonijiet u d-dejn tal-unitajiet domestiċi toħloq riskji ta’ korrezzjoni diżordinata. L-Iżvezja implimentat diversi miżuri makroprudenzjali f’dawn l-aħħar snin biex tnaqqas id-dejn tal-unitajiet domestiċi meta mqabbel mal-introjtu u mal-valur tal-proprjetà ipotekata. Madankollu għadhom fis-seħħ inċentivi oħra għas-self u d-dejn. B’riżultat ta’ dan, il-miżuri ta’ politika li ttieħdu sa issa jidhru li kellhom impatt limitat fuq it-tkabbir tas-self ipotekarju. Minn nofs is-snin disgħin il-prezzijiet tad-djar baqgħu jiżdiedu, u dawn issuperaw it-tkabbir fl-introjtu tal-unitajiet domestiċi. Din ix-xejra żiedet il-pass matul l-2021, bil-prezzijiet nominali tal-akkomodazzjonijiet jiżdiedu bi 11,3 % sena wara sena fit-tielet trimestru. Ir-raġunijiet ewlenin għal dan jinkludu l-inċentivi fiskali li jiffavorixxu s-sjieda tal-akkomodazzjonijiet u d-dejn ipotekarju, u kundizzjonijiet tal-kreditu akkomodanti flimkien ma’ rati ta’ ħlas lura ta’ ipoteki relattivament baxxi. Il-piż globali tat-taxxa fuq il-proprjetà huwa relattivament baxx fl-Iżvezja minħabba tnaqqis ġeneruż fit-taxxi marbutin mal-pagamenti tal-imgħax fuq l-ipoteki u t-taxxi rikorrenti baxxi fuq il-proprjetà. Filwaqt li t-taxxi fuq il-qligħ kapitali tbaxxew fl-2020 u l-2021 biex titnaqqas l-ispiża tas-sidien ta’ akkomodazzjonijiet eżistenti biex jixtru jew jitrażlokaw, din il-bidla setgħet żiedet xi ftit l-ostakli għal min jixtri għall-ewwel darba minħabba żieda fil-prezzijiet tal-akkomodazzjonijiet. Minkejja żieda sinifikanti f’binjiet ġodda f’dawn l-aħħar snin u żieda fl-għadd ta’ permessi tal-bini mogħtija, huwa mistenni li jkompli n-nuqqas ta’ akkomodazzjonijiet fis-snin li ġejjin. Barra minn hekk, l-istokk eżistenti tad-djar mhux jintuża b’mod effiċjenti. Dan kollu jagħmilha aktar diffiċli għan-nies biex ibiddlu l-impjiegi u x’aktarx jikkontribwixxi għall-inugwaljanza interġenerazzjonali. Fis-suq tal-kiri, il-kirjiet irregolati aktar baxxi minn tas-suq qed jibbenefikaw minnhom grupp limitat ta’ familji. Ma hemm l-ebda rabta bejn il-kera u l-ħtiġijiet u d-dħul ta’ unità domestika. Li kieku l-kirjiet isegwu l-prezzijiet tas-suq aktar mill-qrib flimkien ma’ appoġġ għall-kiri relatat mal-introjtu u l-ġid nett, ikun hemm titjib fl-effiċjenza.
(21)F’konformità mal-Artikolu 19(3)(b), u l-kriterju 2.2 tal-Anness V tar-Regolament (UE) 2021/241, il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza jinkludi ġabra estensiva ta’ riformi u investimenti li jsaħħu lil xulxin li għandhom jiġu implimentati sal-2026. Dawn jgħinu biex jiġu indirizzati l-isfidi ekonomiċi u soċjali kollha jew subsett sinifikanti minnhom li jinsabu fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż indirizzati lill-Iżvezja mill-Kunsill fis-Semestru Ewropew fl-2019 u fl-2020, flimkien ma’ kwalunkwe rakkomandazzjoni speċifika għall-pajjiż maħruġa sad-data tal-adozzjoni ta’ pjan. B’mod partikolari, jintorduċi riformi u investimenti biex jiġu appoġġati t-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, biex is-sistema tal-kura tas-saħħa tkun aktar reżiljenti, biex jitnaqqas ir-riskju tal-ħasil tal-flus, u biex jiżdied il-livell tal-edukazzjoni u tal-ħiliet.
(22)L-implimentazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tal-Iżvezja huwa mistenni li jikkontribwixxi biex isir aktar progress fit-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali. Il-miżuri li jappoġġaw l-objettivi klimatiċi fl-Iżvezja jammontaw għal 44 % tal-allokazzjoni totali tal-pjan, filwaqt li l-miżuri li jappoġġaw l-objettivi diġitali jammontaw għal 21 % tal-allokazzjoni totali tal-pjan. L-implimentazzjoni sħiħa tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, f’konformità mal-istadji importanti u l-miri rilevanti, se tgħin lill-Iżvezja tirkupra malajr mill-konsegwenzi tal-kriżi tal-COVID-19, filwaqt li ssaħħaħ ir-reżiljenza tagħha. L-involviment sistematiku tas-sħab soċjali u ta’ partijiet ikkonċernati rilevanti oħra jibqa’ importanti għall-implimentazzjoni b’suċċess tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, kif ukoll ta’ politiki oħra ekonomiċi u dwar l-impjiegi li jmorru lil hinn mill-pjan, biex tiġi żgurata s-sjieda wiesgħa tal-aġenda tal-politika ġenerali.
(23)L-Iżvezja ppreżentat id-dokumenti ta’ programmar tal-politika ta’ koeżjoni bejn Novembru 2021 u Frar 2022. F’konformità mar-Regolament (UE) 2021/1060 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ġunju 2021, l-Iżvezja għandha tqis ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi rilevanti fl-ipprogrammar tal-fondi tal-politika ta’ koeżjoni għall-2021-2027. Dan huwa prerekwiżit għat-titjib tal-effettività u l-massimizzazzjoni tal-valur miżjud tal-appoġġ finanzjarju li għandu jasal mill-fondi tal-politika ta’ koeżjoni, filwaqt li jiġu promossi l-koordinazzjoni, il-komplementarjetà u l-koerenza bejn dawn il-fondi u strumenti u fondi oħra tal-Unjoni. L-implimentazzjoni b’suċċess tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u l-programmi tal-politika ta’ koeżjoni tiddependi wkoll mit-tneħħija ta’ ostakli għall-investiment biex jiġu appoġġati t-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali kif ukoll l-iżvilupp territorjali bbilanċjat.
(24)Lil hinn mill-isfidi ekonomiċi u soċjali indirizzati mill-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, l-Iżvezja qed tiffaċċja għadd ta’ sfidi addizzjonali relatati ma’ (i) livelli tal-prezzijiet tad-djar sopravalutati flimkien ma’ żieda kontinwa fid-dejn tal-unitajiet domestiċi; (ii) opportunitajiet mhux indaqs fl-edukazzjoni għal studenti li ġejjin minn sfond żvantaġġat u ta’ migrazzjoni u l-ħtieġa għal integrazzjoni aħjar ta’ gruppi żvantaġġati fis-suq tax-xogħol; u (iii) il-ħtieġa li tkompli titnaqqas id-dipendenza fuq il-fjuwils fossili, inkluż mir-Russja.
(25)Minkejja riżultati tajbin b’mod ġenerali, l-inugwaljanzi fis-sistema edukattiva Żvediża għandhom impatt fuq il-livell tal-ħiliet bażiċi ta’ studenti minn sfondi soċjo-ekonomiċi żvantaġġati u dawk ta’ migrazzjoni. Id-differenza fil-prestazzjoni bejn l-istudenti li twieldu fl-Iżvezja u l-istudenti mwielda barra mill-pajjiż żdied b’mod sinifikanti, anke fl-isfond ta’ rduppjar tal-għadd ta’ studenti bi sfond ta’ migrazzjoni bejn l-2009 u l-2018. Minkejja li r-riżultati tal-ittestjar internazzjonali juru li l-ħiliet bażiċi tjiebu b’mod ġenerali, id-differenza fil-ħiliet tal-qari bejn l-istudenti bi sfond ta’ migrazzjoni jew mhux bih hija fost l-ogħla fl-UE. Barra minn hekk, ir-rata ta’ tluq bikri mill-iskola hija ħafna ogħla għall-istudenti mwielda barra mill-pajjiż. L-inugwaljanzi fl-edukazzjoni qed jiżdiedu u ħafna drabi huma marbutin mal-opportunitajiet limitati ta’ għażla skolastika għall-istudenti bi sfond ta’ migrazzjoni. Id-differenza fl-eżitu edukazzjonali għandu impatt kbir fuq il-possibbiltajiet li l-istudenti f’sitwazzjonijiet żvantaġġati jiżviluppaw il-ħiliet rilevanti biex isibu impjieg. Hemm opportunitajiet biex jittejbu l-istruttura u l-governanza tas-sistema edukattiva, inkluż il-proċess ta’ reġistrazzjoni, kif ukoll biex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet dejjiema ta’ għalliema kwalifikati biex jiġu promossi l-kwalità u l-ekwità tas-sistema edukattiva. L-Iżvezja qed tiffaċċja wkoll sfidi, f’termini ta’ integrazzjoni fis-suq tax-xogħol, ta’ nies li qabżu l-età tal-iskola, b’ħiliet baxxi u mwielda barra mill-pajjiż. B’mod ġenerali dan jikkontribwixxi għal lakuni kontinwi fil-parteċipazzjoni tas-suq tax-xogħol u fil-ħiliet għal għadd imdaqqas ta’ ħaddiema.
(26)Bi tweġiba għall-mandat tal-Kapijiet ta’ Stat jew ta’ Gvern tal-UE stabbilit fid-Dikjarazzjoni ta’ Versailles, il-pjan REPowerEU għandu l-għan li jelimina gradwalment id-dipendenza tal-Unjoni Ewropea fuq l-importazzjonijiet tal-fjuwils fossili mir-Russja malajr kemm jista’ jkun. Għal dan il-għan, l-aktar proġetti, investimenti u riformi xierqa fil-livell nazzjonali, reġjonali u tal-UE qed jiġu identifikati fi djalogu mal-Istati Membri. Dawn il-miżuri għandhom l-għan li jnaqqsu d-dipendenza ġenerali fuq il-fjuwils fossili u li jispustjaw l-importazzjonijiet tal-fjuwils fossili lil hinn mir-Russja.
(27)Huwa kruċjali li jiżdiedu l-isforzi biex jintlaħqu l-miri tal-enerġija rinnovabbli stabbiliti fil-pjan nazzjonali għall-enerġija u l-klima. Għalkemm l-Iżvezja għandha l-ogħla sehem ta’ sorsi rinnovabbli fil-konsum tal-enerġija fl-UE (51,1 % fl-2020), fost l-Istati Membri hija waħda bl-ogħla konsum tal-enerġija għal kull persuna. Barra minn hekk, sehem kbir mill-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tal-Iżvezja ġej mis-settur tat-trasport, speċjalment it-trasport bit-triq. Dan is-settur għadu jiddependi ħafna fuq iż-żejt, li jammonta għal 17,7 % tat-taħlita totali tal-enerġija. Barra minn hekk, il-limitazzjonijiet tal-kapaċità tal-elettriku u tal-grilja, speċjalment fin-Nofsinhar tal-Iżvezja, komplew jiżdiedu fl-2021, u dan illimita l-espansjoni u l-post tal-attivitajiet kummerċjali fin-Nofsinhar. Din il-kwistjoni tkompli tiggrava ruħha aktar bin-nuqqas ta’ kapaċità ta’ trażmissjoni bejn it-Tramuntana u n-Nofsinhar. Investiment addizzjonali fl-enerġija rinnovabbli, fil-kapaċità tal-grilja u tan-network, u l-interkonnettività bejn ir-reġjuni tal-pajjiż huma meħtieġa biex tintlaħaq il-mira nazzjonali sal-2040 ta’ 100 % ta’ elettriku rinnovabbli u biex tinkiseb in-newtralità karbonika sal-2045. Aktar simplifikazzjoni fil-proċeduri tal-għoti tal-permessi tħaffef il-piż tal-użu tal-enerġija rinnovabbli, b’mod partikolari l-enerġija mir-riħ. Barra minn hekk, it-tnaqqis fil-konsum tal-enerġija billi tiżdied l-effiċjenza enerġetika huwa essenzjali biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-karbonju u l-ispejjeż tal-enerġija għall-konsumaturi u l-industrija. Iż-żieda fl-investiment fis-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u fl-elettrifikazzjoni, l-indirizzar tal-konġestjonijiet fl-infrastruttura, it-tisħiħ tal-effiċjenza enerġetika u t-tnaqqis tal-konsum tal-fjuwils fossili fit-trasport se jikkontribwixxu għat-tnaqqis tad-dipendenza ġenerali fuq il-fjuwils fossili, inkluż mir-Russja. L-ammont tal-fjuwils fossili (2,6 % gass, 3,2 % faħam u 17,7 % żejt fl-2020) fit-taħlita tal-enerġija Żvediża huwa sostanzjalment inqas mill-medja tal-UE (24,4 % gass, 10,8 % faħam u 32,7 % żejt fl-2020). Madankollu, id-dipendenza tal-Iżvezja fuq il-fjuwils fossili Russi tista’ tkompli tonqos. Dan huwa speċjalment il-każ għaż-żejt (fl-2020, 20 % tal-importazzjonijiet taż-żejt raffinat u 8 % tal-importazzjonijiet totali taż-żejt mhux maħdum ġew mir-Russja) u l-gass (fl-2020, 13 % tal-importazzjonijiet totali tal-gass ġew mir-Russja). Id-dipendenza fuq il-gass u ż-żejt, filwaqt li hija sinifikanti, hija taħt il-medja tal-UE ta’ 44 % dipendenza fuq l-importazzjoni tal-gass, ta’ 23 % dipendenza fuq l-importazzjoni taż-żejt mhux raffinat, u ta’ 35 % dipendenza fuq l-importazzjoni taż-żejt raffinat mir-Russja. Barra minn hekk, l-iffaċilitar ta’ proġetti ta’ interkonnessjoni mal-pajjiżi ġirien jista’ jżid is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija u tal-adattabbiltà tal-Iżvezja għall-varjazzjonijiet reġjonali, fid-dawl tas-sitwazzjoni geopolitika reċenti. Tajjeb li jiġi nnutat li żieda ulterjuri fl-ambizzjoni għal tnaqqis fl-emissjonijiet tal-gassijiet serra u żieda fis-sorsi tal-enerġija rinnovabbli u fl-effiċjenza enerġetika se tkun meħtieġa biex l-Iżvezja tkun konformi mal-objettivi ta’ “lesti għall-mira ta’ 55 %”.
(28)Filwaqt li t-tħaffif tat-tranżizzjoni lejn in-newtralità klimatika u lil hinn mill-fjuwils fossili se toħloq spejjeż ta’ ristrutturar sinifikanti f’diversi setturi, l-Iżvezja tista’ tagħmel użu mill-Mekkaniżmu ta’ Tranżizzjoni Ġusta fil-kuntest tal-politika ta’ koeżjoni biex ittaffi l-impatt soċjo-ekonomiku tat-tranżizzjoni fir-reġjuni l-aktar milquta. Barra minn hekk, l-Iżvezja tista’ tagħmel użu mill-Fond Soċjali Ewropew Plus biex ittejjeb l-opportunitajiet ta’ impjieg u ssaħħaħ il-koeżjoni soċjali.
(29)Fid-dawl ta’ din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm ta’ Konverġenza tal-2022 u l-opinjoni tiegħu hija riflessa fir-Rakkomandazzjoni (1) hawn taħt.
(30)Fid-dawl tal-analiżi fil-fond tal-Kummissjoni u ta’ din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2022 u l-Programm ta’ Konverġenza tal-2022. Ir-rakkomandazzjonijiet skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 huma riflessi fir-Rakkomandazzjonijiet (1) u (2) hawn taħt. Il-politiki msemmijin fir-Rakkomandazzjonijiet (1) u (2) jgħinu fost l-oħrajn biex jiġu indirizzati l-iżbilanċi marbutin mal-funzjonament ħażin tas-suq tal-akkomodazzjonijiet u ma’ livelli fil-prezzijiet tal-akkomodazzjonijiet sopravvalutati, flimkien ma’ żieda kontinwa fid-dejn tal-unitajiet domestiċi.
B’DAN JIRRAKKOMANDA li l-Iżvezja fl-2022 u fl-2023 tieħu azzjoni biex:
1.Fl-2023, tiżgura li t-tkabbir tan-nefqa kurrenti ffinanzjata nazzjonalment ikun konformi ma’ pożizzjoni politika ġeneralment newtrali, filwaqt li tqis l-appoġġ temporanju u mmirat kontinwu għall-unitajiet domestiċi u d-ditti l-aktar vulnerabbli għaż-żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija u għan-nies li jaħarbu mill-Ukrajna. Tkun lesta li taġġusta l-infiq attwali għas-sitwazzjoni li qed tevolvi. Tespandi l-investiment pubbliku għat-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali u għas-sigurtà tal-enerġija, inkluż billi tagħmel użu mill-RRF, RePowerEU u fondi oħra tal-UE. Għall-perjodu ta’ wara l-2023, issegwi politika fiskali mmirata lejn il-kisba ta’ pożizzjonijiet fiskali prudenti fuq terminu medju. Tnaqqas ir-riskji relatati mad-dejn għoli tal-unitajiet domestiċi u mal-iżbilanċi fis-suq tal-akkomodazzjonijiet billi ċċekken it-tnaqqis tat-taxxa marbut mal-pagamenti tar-rata tal-imgħax fuq l-ipoteki jew billi żżid it-taxxi fuq il-proprjetà rikorrenti. Tistimula l-investiment fil-bini residenzjali biex ittaffi n-nuqqasijiet l-aktar urġenti, b’mod partikolari billi tneħħi l-ostakli strutturali għall-kostruzzjoni u billi tiżgura provvista tal-art li tista’ tinbena. Ittejjeb l-effiċjenza tas-suq tad-djar, inkluż bl-introduzzjoni ta’ riformi fis-suq tal-kiri.
2.Tipproċedi bl-implimentazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tagħha, f’konformità mal-istadji importanti u l-miri fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tal-4 ta’ Mejju 2022. Tiffinalizza malajr in-negozjati mal-Kummissjoni tad-dokumenti ta’ programmazzjoni tal-politika ta’ koeżjoni għall-2021-2027, sabiex tibda l-implimentazzjoni tagħhom.
3.Tnaqqas l-impatt li għandu l-isfond soċjo-ekonomiku u ta’ migrazzjoni tal-istudenti fuq l-eżitu edukattiv tagħhom, billi tipprovdi opportunitajiet ugwali ta’ aċċess għall-iskejjel u billi tindirizza n-nuqqas ta’ għalliema kwalifikati. Tiżviluppa l-ħiliet ta’ gruppi żvantaġġati, inklużi ta’ persuni minn sfond ta’ migrazzjoni, billi tadatta r-riżorsi u l-metodi għall-ħtiġijiet tagħhom biex tkun megħjuna l-integrazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol.
4.Tnaqqas id-dipendenza ġenerali fuq il-fjuwils fossili billi tħaffef l-użu ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u tagħti spinta lill-investiment komplementari fl-infrastruttura tan-network, issaħħaħ il-grilji interni fil-pajjiż biex tiżgura l-kapaċità suffiċjenti tan-network, ittejjeb l-effiċjenza enerġetika, u tissimplifika aktar il-proċeduri tal-għoti ta’ permessi fir-rigward tal-proġetti tal-enerġija rinnovabbli.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President