Rakkomandazzjoni għal
RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL
dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-Litwanja tal-2022 u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Stabbiltà tal-Litwanja tal-2022
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 121(2) u 148(4) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta’ pożizzjonijiet ta’ baġit u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta’ politika ekonomika, u b’mod partikolari l-Artikolu 5(2) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,
Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,
Billi:
(1)Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, li stabbilixxa l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, daħal fis-seħħ fid-19 ta’ Frar 2021. Il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza tipprovdi sostenn finanzjarju għall-implimentazzjoni ta’ riformi u investiment, li jinvolvi impuls fiskali ffinanzjat mill-Unjoni. Hija tikkontribwixxi għall-irkupru ekonomiku u għall-implimentazzjoni ta’ riformi u investiment sostenibbli u li jsaħħu t-tkabbir, b’mod partikolari għall-promozzjoni tat-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali, filwaqt li ssaħħaħ ir-reżiljenza u t-tkabbir potenzjali tal-ekonomiji tal-Istati Membri. Tgħin ukoll biex jissaħħu l-finanzi pubbliċi sostenibbli u tingħata spinta lit-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi fuq perjodu medju u twil ta’ żmien. Il-kontribuzzjoni finanzjarja massima għal kull Stat Membru permezz tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza [ġiet] aġġornata fi [XX] ta’ Ġunju 2022, f’konformità mal-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2021/241.
(2)Fl-24 ta’ Novembru 2021, il-Kummissjoni adottat l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir Sostenibbli, li ta bidu għas-Semestru Ewropew tal-2022 għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika. Qieset kif xieraq l-impenn konġunt affermat mill-ġdid tas-Summit Soċjali ta’ Porto ta’ Mejju 2021 biex tkompli timplimenta l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali pproklamat mill-Parlament Ewropew, mill-Kunsill u mill-Kummissjoni fis-17 ta’ Novembru 2017. Il-Kunsill Ewropew approva l-prijoritajiet tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir Sostenibbli tal-2022 fil-25 ta’ Marzu 2022. Fl-24 ta’ Novembru 2021, abbażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, il-Kummissjoni adottat ukoll ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta’ Twissija, li fih ma identifikatx lil-Litwanja bħala wieħed mill-Istati Membri li għalih tkun meħtieġa analiżi fil-fond. Fl-istess data, il-Kummissjoni adottat ukoll rakkomandazzjoni għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro, li ġiet adottata fil-5 ta’ April 2022 mill-Kunsill, kif ukoll il-proposta għar-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi tal-2022 li janalizza l-implimentazzjoni tal-Linji Gwida dwar l-Impjiegi u l-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, li ġiet adottata mill-Kunsill fl-14 ta’ Marzu 2022.
(3)L-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja, wara l-pandemija globali, biddlet b’mod sinifikanti l-kuntest ġeopolitiku u ekonomiku. L-impatt tal-invażjoni fuq l-ekonomiji tal-Istati Membri nħass permezz ta’ prezzijiet ogħla tal-enerġija u tal-ikel u prospetti ta’ tkabbir aktar dgħajfa. Il-prezzijiet ogħla tal-enerġija huma partikolarment ta’ piż fuq l-unitajiet domestiċi l-aktar vulnerabbli li jgħixu fil-faqar enerġetiku jew li jinsabu f’riskju ta’ faqar enerġetiku. L-UE qed tara wkoll influss bla preċedent ta’ nies li qed jaħarbu mill-Ukrajna. F’dan il-kuntest, fl-4 ta’ Marzu 2022, id-Direttiva dwar il-Protezzjoni Temporanja ġiet attivata għall-ewwel darba, u tat lill-persuni spostati mill-Ukrajna d-dritt li jibqgħu legalment fl-UE, kif ukoll aċċess għall-edukazzjoni u t-taħriġ, is-suq tax-xogħol, il-kura tas-saħħa, l-akkomodazzjoni u l-assistenza soċjali. Appoġġ eċċezzjonali huwa disponibbli għal-Litwanja permezz tal-inizjattiva Azzjoni ta’ Koeżjoni għar-Refuġjati fl-Ewropa (Cohesion’s Action for Refugees in Europe, CARE) u permezz ta’ prefinanzjament addizzjonali taħt il-programm Assistenza fl-Irkupru għall-Koeżjoni u għat-Territorji tal-Ewropa (Recovery Assistance for Cohesion and the Territories of Europe, REACT-EU) biex jiġu indirizzati b’mod urġenti l-ħtiġijiet ta’ akkoljenza u integrazzjoni għal dawk li qed jaħarbu mill-Ukrajna.
(4)B’kont meħud tas-sitwazzjoni ekonomika u ġeopolitika li qed tinbidel malajr, is-Semestru Ewropew jissokta l-koordinazzjoni wiesgħa tiegħu tal-politika ekonomika u tal-impjiegi fl-2022, filwaqt li jevolvi f’konformità mar-rekwiżiti ta’ implimentazzjoni tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, kif deskritt fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir Sostenibbli tal-2022. L-implimentazzjoni tal-pjanijiet adottati għall-irkupru u r-reżiljenza hija essenzjali għall-kisba tal-objettivi tal-prioritajiet tal-politika taħt is-Semestru Ewropew, billi l-pjanijiet jindirizzaw ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż rilevanti kollha jew subsett sinifikanti tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż rilevanti maħruġa fiċ-ċikli tas-Semestru tal-2019 u l-2020. Ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2019 u tal-2020 jibqgħu ugwalment rilevanti wkoll għall-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza riveduti, aġġornati jew emendati f’konformità mal-Artikoli 14, 18 u 21 tar-Regolament (UE) 2021/241, flimkien ma’ kwalunkwe rakkomandazzjoni speċifika għall-pajjiż maħruġa sad-data tal-preżentazzjoni tal-pjan modifikat.
(5)Il-Klawżola Liberatorja Ġenerali ilha attiva minn Marzu 2020. Fil-Komunikazzjoni tagħha tat-3 ta’ Marzu 2021, il-Kummissjoni kienet tal-fehma li d-deċiżjoni dwar id-diżattivazzjoni jew it-tkomplija tal-applikazzjoni tal-klawżola liberatorja ġenerali jenħtieġ li tittieħed bħala valutazzjoni ġenerali tal-istat tal-ekonomija, bil-livell tal-attività ekonomika fl-Unjoni jew fiż-żona tal-euro mqabbel mal-livelli ta’ qabel il-kriżi (tmiem l-2019) bħala kriterju kwantitattiv ewlieni. L-inċertezza akbar u r-riskji negattivi qawwija għall-perspettiva ekonomika fil-kuntest tal-gwerra fl-Ewropa, iż-żidiet bla preċedent fil-prezzijiet tal-enerġija u d-disturbi kontinwi fil-katina tal-provvista jiġġustifikaw l-estensjoni tal-klawżola liberatorja ġenerali tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir sal-2023.
(6)Skont l-approċċ fl-opinjoni tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 2021 dwar il-Programm ta’ Stabbiltà tal-2021, il-pożizzjoni fiskali bħalissa titkejjel l-aħjar bħala l-bidla fin-nefqa primarja (netta minn miżuri ta’ dħul diskrezzjonarji), bl-esklużjoni tal-miżuri temporanji ta’ emerġenza relatati mal-kriżi tal-COVID-19 iżda bl-inklużjoni tan-nefqa ffinanzjata minn appoġġ mhux ripagabbli (għotjiet) mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u fondi oħra tal-UE, meta mqabbla mat-tkabbir potenzjali fuq terminu medju. Lil hinn mill-pożizzjoni fiskali kumplessiva, sabiex jiġi vvalutat jekk il-politika fiskali nazzjonali hijiex prudenti u jekk il-kompożizzjoni tagħha twassalx għal irkupru sostenibbli konsistenti mat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, tingħata wkoll attenzjoni lill-evoluzzjoni tan-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata fil-livell nazzjonali (netta minn miżuri ta’ dħul diskrezzjonali u bl-esklużjoni ta’ miżuri temporanji ta’ emerġenza relatati mal-kriżi tal-COVID-19) u lill-investiment.
(7)Fit-2 ta’ Marzu 2022, il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni li tipprovdi gwida wiesgħa għall-politika fiskali fl-2023, bil-għan li tappoġġa t-tħejjija tal-Programmi ta’ Stabbiltà u Konverġenza tal-Istati Membri u b’hekk issaħħaħ il-koordinazzjoni tal-politika. Abbażi tal-prospetti makroekonomiċi tat-tbassir tax-xitwa 2022, il-Kummissjoni tinnota li jkun xieraq li t-tranżizzjoni minn pożizzjoni fiskali aggregata ta’ appoġġ fl-2020-2022 għal pożizzjoni fiskali aggregata xi ftit jew wisq newtrali sseħħ fl-2023, filwaqt li tkun lesta tirreaġixxi għas-sitwazzjoni ekonomika li qed tevolvi. Il-Kummissjoni ħabbret li r-rakkomandazzjonijiet fiskali għall-2023 jenħtieġ li jkomplu jiġu differenzjati bejn l-Istati Membri u jqisu l-effetti konsegwenzjali possibbli minn pajjiż għall-ieħor. Il-Kummissjoni stiednet lill-Istati Membri biex jirriflettu l-gwida fil-Programmi ta’ Stabbiltà u Konverġenza tagħhom. Il-Kummissjoni impenjat ruħha li timmonitorja mill-qrib l-iżviluppi ekonomiċi u taġġusta l-gwida politika tagħha kif meħtieġ u mhux aktar tard mill-pakkett tagħha tar-rebbiegħa tas-Semestru tal-aħħar ta’ Mejju 2022.
(8)Fir-rigward tal-gwida fiskali pprovduta fit-2 ta’ Marzu 2022, ir-rakkomandazzjonijiet fiskali għall-2023 iqisu l-perspettiva ekonomika li marret għall-agħar, l-inċertezza akbar u aktar riskji negattivi, u l-inflazzjoni ogħla meta mqabbla mat-tbassir tax-xitwa. Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, ir-rispons fiskali għandu jespandi l-investiment pubbliku għat-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali u għas-sigurtà tal-enerġija, u jsostni l-kapaċità tal-akkwist tal-unitajiet domestiċi l-aktar vulnerabbli sabiex jittaffa l-impatt taż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija u jgħin biex jiġu limitati l-pressjonijiet inflazzjonarji mill-effetti indiretti permezz ta’ miżuri mmirati u temporanji; il-politika fiskali għandha tibqa’ aġli sabiex taġġusta għaċ-ċirkostanzi li qed jevolvu b’mod rapidu, u tkun differenzjata bejn il-pajjiżi skont is-sitwazzjoni fiskali u ekonomika tagħhom, inkluż fir-rigward tal-esponiment għall-kriżi u l-influss ta’ persuni spostati mill-Ukrajna.
(9)Fl-14 ta’ Mejju 2021, il-Litwanja ppreżentat il-pjan tagħha nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza lill-Kummissjoni, f’konformità mal-Artikolu 18(1) tar-Regolament (UE) 2021/241. Skont l-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) 2021/241, il-Kummissjoni vvalutat ir-rilevanza, l-effettività, l-effiċjenza u l-koerenza tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, f’konformità mal-linji gwida tal-valutazzjoni tal-Anness V ta’ dan ir-Regolament. Fl-20 ta’ Lulju 2021, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni tiegħu dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza għal-Litwanja. Ir-rilaxx tal-pagamenti parzjali jiddependi fuq deċiżjoni mill-Kummissjoni, meħuda f’konformità mal-Artikolu 24(5) tar-Regolament (UE) 2021/241, li l-Litwanja wettqet b’mod sodisfaċenti l-istadji importanti u l-miri rilevanti stabbiliti fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill. It-twettiq sodisfaċenti jippresupponi li l-kisba tal-istadji importanti u l-miri preċedenti ma tkunx treġġgħet lura.
(10)Fis-27 ta’ April 2022, il-Litwanja ppreżentat il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tagħha tal-2022 u, fid-29 ta’ April 2022, il-Programm ta’ Stabbiltà tagħha tal-2022, f’konformità mal-iskadenza stabbilita fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1466/97. Biex jitqiesu l-konnessjonijiet ta’ bejniethom, iż-żewġ programmi ġew ivvalutati flimkien. F’konformità mal-Artikolu 27 tar-Regolament (UE) 2021/241, il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2022 jirrifletti wkoll ir-rappurtar biannwali tal-Litwanja dwar il-progress li sar fil-kisba tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tagħha.
(11)Il-Kummissjoni ppubblikat ir-rapport tal-pajjiż tal-2022 għal-Litwanja fit-23 ta’ Mejju 2022. Dan ivvaluta l-progress tal-Litwanja fl-indirizzar tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż rilevanti adottati mill-Kunsill fl-2019, l-2020 u l-2021, u qies l-implimentazzjoni tal-Litwanja tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, li jibni fuq it-Tabella ta’ Valutazzjoni għall-Irkupru u r-Reżiljenza. Abbażi ta’ din l-analiżi, ir-rapport tal-pajjiż identifika lakuni fir-rigward ta’ dawk l-isfidi li mhumiex indirizzati jew li huma indirizzati biss parzjalment mill-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, kif ukoll sfidi ġodda u emerġenti, inklużi dawk li jirriżultaw mill-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja. Ivvaluta wkoll il-progress tal-Litwanja fl-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u fil-kisba tal-miri ewlenin tal-UE dwar l-impjiegi, il-ħiliet u t-tnaqqis tal-faqar, kif ukoll il-progress fil-kisba tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU.
(12)Fit-23 ta’ Mejju 2022, il-Kummissjoni ħarġet rapport skont l-Artikolu 126(3) TFUE. Dak ir-rapport jiddiskuti s-sitwazzjoni baġitarja tal-Litwanja, billi fl-2022 id-defiċit tal-gvern estiż tagħha huwa ppjanat li jaqbeż il-valur referenzjarju ta’ 3 % tal-PDG skont it-Trattat. Ir-rapport ikkonkluda li l-kriterju tad-defiċit ma ġiex issodisfat. F’konformità mal-Komunikazzjoni tat-2 ta’ Marzu 2022, il-Kummissjoni ma pproponietx li jinfetħu proċeduri ġodda ta’ defiċit eċċessiv fir-rebbiegħa 2022 u se tivvaluta mill-ġdid ir-rilevanza tal-proposta li jinfetħu proċeduri ta’ defiċit eċċessiv fil-ħarifa 2022.
(13)Fl-20 ta’ Lulju 2020, il-Kunsill irrakkomanda lil-Litwanja biex fl-2020 u l-2021 tieħu l-miżuri kollha meħtieġa, f’konformità mal-klawżola liberatorja ġenerali, biex tindirizza b’mod effettiv il-pandemija, issostni l-ekonomija u tappoġġa l-irkupru li jirriżulta. Irrakkomanda lil-Litwanja wkoll biex, meta l-kundizzjonijiet ekonomiċi jippermettu, issegwi politiki fiskali li jkollhom l-għan li jiksbu pożizzjonijiet fiskali prudenti fit-terminu medju u li jiggarantixxu s-sostenibbiltà tad-dejn, filwaqt li jsaħħu l-investiment. Fl-2021, abbażi ta’ data vvalidata mill-Eurostat, id-defiċit tal-gvern estiż tal-Litwanja naqas minn 7,3 % tal-PDG fl-2020 għal 1,0 fl-2021. Ir-rispons tal-politika fiskali mil-Litwanja appoġġa l-irkupru ekonomiku fl-2021, filwaqt li l-miżuri temporanji ta’ appoġġ ta’ emerġenza naqsu minn 3,9 % tal-PDG fl-2020 għal 2,8 % fl-2021. Il-miżuri meħuda mil-Litwanja fl-2021 kienu konformi mar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta’ Lulju 2020. Il-miżuri baġitarji diskrezzjonarji adottati mill-gvern fl-2020 u l-2021 huma fil-biċċa l-kbira temporanji. Fl-istess ħin, uħud mill-miżuri diskrezzjonarji adottati mill-gvern matul il-perjodu 2020–2021 ma kinux temporanji jew ibbilanċjati minn miżuri ta’ tpaċija, li jikkonsistu prinċipalment f’kumpens ogħla għall-impjegati tas-settur pubbliku. Abbażi ta’ data vvalidata mill-Eurostat, id-dejn tal-gvern estiż kien ta’ 44,3 % tal-PDG fl-2021.
(14)Ix-xenarju makroekonomiku li jirfed dawn il-proġezzjonijiet baġitarji fil-Programm ta’ Stabbiltà tal-2022 huwa realistiku. Il-Gvern jipproġetta li l-PDG reali jiżdied b’1,6 % fl-2022 u bi 2,5 % fl-2023. B’paragun ma’ dan, it-tbassir tar-rebbiegħa 2022 tal-Kummissjoni jipproġetta tkabbir tal-PDG reali ta’ 1,7 % fl-2022 u 2,6 % fl-2023. Fil-Programm ta’ Stabbiltà tiegħu tal-2022, il-Gvern qed jistenna li d-defiċit nominali jiżdied għal 4,9 % tal-PDG fl-2022 u jonqos għal 2,4 % fl-2023. Iż-żieda fid-defiċit fl-2022 tirrifletti prinċipalment il-miżuri biex jitrażżan l-impatt ta’ prezzijiet għoljin tal-enerġija, biex jiġu appoġġati unitajiet domestiċi b’introjtu aktar baxx u biex jiġu akkomodati l-flussi ta’ persuni li qed jaħarbu mill-Ukrajna. Skont il-Programm, il-proporzjon tad-dejn tal-gvern estiż mal-PDG huwa mistenni li jonqos għal 43,3 % fl-2022 u mbagħad jibqa’ stabbli fl-2023. Abbażi ta’ miżuri politiċi magħrufa fid-data limitu tat-tbassir, it-tbassir tar-rebbiegħa 2022 tal-Kummissjoni jipproġetta defiċit tal-gvern għall-2022 u l-2023 ta’ 4,6 % tal-PDG u 2,3 % rispettivament. Dan huwa konformi mal-proġezzjoni tad-defiċit fil-Programm ta’ Stabbiltà tal-2022. It-tbassir tar-rebbiegħa 2022 tal-Kummissjoni jipproġetta proporzjon tad-dejn tal-gvern estiż mal-PDG simili, ta’ 42,7 % fl-2022 u ta’ 43,1 % fl-2023.
Abbażi tat-tbassir tar-rebbiegħa 2022 tal-Kummissjoni, it-tkabbir tal-output potenzjali (medja ta’ 10 snin) huwa stmat għal 3,2 %. Madankollu, din l-istima ma tinkludix l-impatt tar-riformi li huma parti mill-Pjan għall-Irkupru u r-Reżiljenza u li jistgħu jagħtu spinta lit-tkabbir potenzjali tal-Litwanja.
(15)Fl-2022, il-gvern neħħa gradwalment il-maġġoranza tal-miżuri meħuda b’rispons għall-kriżi tal-COVID-19, b’tali mod li l-miżuri temporanji ta’ appoġġ ta’ emerġenza huma proġettati li jonqsu minn 2,8 % tal-PDG fl-2021 għal 1,2 % fl-2022. Id-defiċit tal-gvern huwa affettwat mill-miżuri adottati għall-ġlieda kontra l-impatt ekonomiku u soċjali taż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija, li fit-tbassir tar-rebbiegħa 2022 tal-Kummissjoni huma stmati għal 1,2 % tal-PDG fl-2022 u 0,0 % tal-PDG fl-2023. Dawn il-miżuri jikkonsistu prinċipalment f’sussidji lill-kumpaniji tal-gass u tal-elettriku, kumpens tal-VAT applikata għall-enerġija termali u applikazzjoni usa’ ta’ kumpensi oħra għall-enerġija termali. Dawn il-miżuri tħabbru bħala, fil-biċċa l-kbira, temporanji. Madankollu, fil-każ li l-prezzijiet tal-enerġija jibqgħu għoljin ukoll fl-2023, xi wħud minn dawn il-miżuri jistgħu jitkomplew. Xi wħud minn dawn il-miżuri mhumiex immirati, b’mod partikolari s-sussidji lill-kumpaniji tal-gass u tal-elettriku u l-kumpensi għall-VAT fuq l-enerġija termali. Id-defiċit tal-gvern huwa affettwat ukoll mill-ispejjeż biex tiġi offruta protezzjoni temporanja lill-persuni spostati mill-Ukrajna, li fit-tbassir tar-rebbiegħa 2022 tal-Kummissjoni huma pproġettati li jkunu 0,2 % tal-PDG fl-2022 u l-2023, kif ukoll miż-żieda fl-ispiża tan-nefqa fid-difiża b’0,5 % tal-PDG kemm fl-2022 kif ukoll fl-2023.
(16)Fit-18 ta’ Ġunju 2021, il-Kunsill irrakkomanda li fl-2022 il-Litwanja żżomm pożizzjoni fiskali ta’ appoġġ, inkluż mill-impuls ipprovdut mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, u tippreserva l-investiment iffinanzjat fil-livell nazzjonali. Il-Kunsill irrakkomanda wkoll lil-Litwanja biex iżżomm f’kontroll it-tkabbir tan-nefqa kurrenti ffinanzjata fil-livell nazzjonali. Irrakkomanda lil-Litwanja wkoll biex, meta l-kundizzjonijiet ekonomiċi jippermettu, issegwi politika fiskali li jkollha l-għan li tikseb pożizzjonijiet fiskali prudenti fit-terminu medju u fl-istess ħin, issaħħaħ l-investiment biex jingħata spinta lill-potenzjal tat-tkabbir.
(17)Fl-2022, abbażi tat-tbassir tar-rebbiegħa 2022 tal-Kummissjoni u inkluża l-informazzjoni inkorporata fil-Programm ta’ Stabbiltà tal-Litwanja tal-2022, il-pożizzjoni fiskali hija pproġettata li tkun ta’ appoġġ b’-4.2 % tal-PDG, kif irrakkomandat mill-Kunsill. Il-Litwanja qed tippjana li tipprovdi appoġġ kontinwu għall-irkupru billi tagħmel użu mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza biex tiffinanzja investiment addizzjonali, kif irrakkomandat mill-Kunsill. Il-kontribuzzjoni pożittiva għall-attività ekonomika tan-nefqa ffinanzjata mill-għotjiet tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u minn fondi oħra tal-Unjoni hija pproġettata li tiżdied b’0,5 punt perċentwali tal-PDG meta mqabbla mal-2021. L-investiment iffinanzjat fil-livell nazzjonali huwa pproġettat li jipprovdi kontribuzzjoni espansjonarja għall-pożizzjoni fiskali ta’ 0,3 punt perċentwali fl-2022. Għalhekk, il-Litwanja tippjana li tippreserva l-investiment iffinanzjat fil-livell nazzjonali, kif irrakkomandat mill-Kunsill. Fl-istess waqt, it-tkabbir fin-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata fil-livell nazzjonali (nett minn miżuri ġodda ta’ dħul) fl-2022 huwa pproġettat li jipprovdi kontribuzzjoni espansjonarja ta’ 3,2 punti perċentwali għall-pożizzjoni fiskali kumplessiva. Din il-kontribuzzjoni espansjonarja sinifikanti tinkludi l-impatt addizzjonali tal-miżuri biex jindirizzaw l-impatt ekonomiku u soċjali taż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija (1,2 % tal-PDG) kif ukoll l-ispejjeż biex tiġi offruta protezzjoni temporanja għall-persuni spostati mill-Ukrajna (0,2 % tal-PDG) filwaqt li, fost miżuri oħra, l-appoġġ addizzjonali għal unitajiet domestiċi b’introjtu aktar baxx (żieda addizzjonali fil-pensjonijiet, il-benefiċċji tat-tfal, l-assistenza soċjali, livell minimu ta’ introjtu mhux taxxabbli) huwa wkoll ipproġettat li jikkontribwixxi għal 0,4 % tal-PDG għat-tkabbir fin-nefqa kurrenti netta. Għalhekk, abbażi tal-istimi attwali tal-Kummissjoni, il-Litwanja ma żżommx biżżejjed f’kontroll it-tkabbir tan-nefqa kurrenti ffinanzjata fil-livell nazzjonali fl-2022.
(18)Fl-2023, il-pożizzjoni fiskali hija pproġettata, fit-tbassir tar-rebbiegħa 2022 tal-Kummissjoni, għal 1,5 % tal-PDG fuq suppożizzjoni ta’ ebda bidla fil-politika. Il-Litwanja hija pproġettata li tkompli tuża l-għotjiet mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza fl-2023 biex tiffinanzja investiment addizzjonali b’appoġġ għall-irkupru. Il-kontribuzzjoni pożittiva għall-attività ekonomika tan-nefqa ffinanzjata mill-għotjiet tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u minn fondi oħra tal-Unjoni hija pproġettata li tiżdied b’0,4 punt perċentwali tal-PDG fl-2023. L-investiment iffinanzjat fil-livell nazzjonali huwa pproġettat li jipprovdi kontribuzzjoni espansjonarja għal pożizzjoni fiskali ta’ 0,5 punt perċentwali tal-PDG fl-2023. Fl-istess ħin, it-tkabbir fin-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata fil-livell nazzjonali (nett minn miżuri ġodda ta’ dħul) fl-2023 huwa pproġettat li jipprovdi kontribuzzjoni espansjonarja ta’ 1,5 punt perċentwali għall-pożizzjoni fiskali kumplessiva. Dan jinkludi l-impatt mit-tneħħija gradwali tal-miżuri li jindirizzaw iż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija (1,2 % tal-PDG) u l-ispejjeż addizzjonali biex tiġi offruta protezzjoni temporanja lill-persuni spostati mill-Ukrajna (0,1 % tal-PDG).
(19)Fil-Programm ta’ Stabbiltà tal-2022, id-defiċit tal-gvern huwa mistenni li jonqos gradwalment għal 1,3 % fl-2024 u għal 1,0 % fl-2025. Għalhekk, id-defiċit tal-gvern estiż huwa ppjanat li jibqa’ taħt it-3 % tal-PDG fl-orizzont tal-programm. Skont il-Programm ta’ Stabbiltà, il-proporzjon tad-dejn tal-gvern estiż mal-PDG huwa mistenni li jonqos sal-2025, speċifikament bi tnaqqis għal 42,6 % fl-2024 u tnaqqis għal 42,5 % fl-2025. Abbażi tal-analiżi tal-Kummissjoni, ir-riskji għas-sostenibbiltà tad-dejn jidhru baxxi fuq terminu medju.
(20)It-tabella ta’ valutazzjoni tal-akkwist pubbliku tal-2020 identifikat xi ostakli fis-sistema tal-akkwist pubbliku fil-Litwanja: nuqqas ta’ kooperazzjoni bejn l-organizzazzjonijiet tax-xiri, ftit jew l-ebda parteċipant fis-sejħiet għall-offerti, u dipendenza żejda fuq il-kriterju tal-prezz. It-twessigħ tal-ambitu tal-isforzi li għaddejjin biex jitrawwem l-akkwist pubbliku kooperattiv fost il-muniċipalitajiet, sabiex ir-riforma tkun tkopri wkoll il-livell tal-gvern ċentrali jgħin fl-iżvilupp u t-tixrid tal-aħjar prattiki u jtejjeb l-effiċjenza u l-effettività ġenerali tal-proċessi. Dan jgħin ukoll biex tiżdied is-sostenibbiltà fiskali.
(21)F’konformità mal-Artikolu 19(3)(b), u l-kriterju 2.2 tal-Anness V tar-Regolament (UE) 2021/241, il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza jinkludi sett estensiv ta’ riformi u investimenti li jsaħħu lil xulxin li għandhom jiġu implimentati sal-2026. Dawn jgħinu biex jiġu indirizzati l-isfidi ekonomiċi u soċjali kollha jew subsett sinifikanti minnhom deskritti fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż indirizzati lil-Litwanja mill-Kunsill fis-Semestru Ewropew fl-2019 u l-2020, flimkien ma’ kwalunkwe rakkomandazzjoni speċifika għall-pajjiż maħruġa sad-data tal-adozzjoni ta’ pjan. B’mod partikolari, il-pjan jiffoka bis-sħiħ fuq miżuri li jippromwovu d-diġitalizzazzjoni u t-tranżizzjoni ekoloġika, jiżgura l-kwalità u l-effiċjenza tas-servizzi tas-saħħa, itejjeb il-protezzjoni soċjali, jagħti prijorità lill-edukazzjoni u l-innovazzjoni u jżidu l-effiċjenza tas-settur pubbliku.
(22)L-implimentazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tal-Litwanja tikkontribwixxi biex isir aktar progress fit-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali. Il-miżuri li jappoġġaw l-objettivi klimatiċi fil-Litwanja jammontaw għal 37,8 % tal-allokazzjoni totali tal-pjan, filwaqt li l-miżuri li jappoġġaw l-objettivi diġitali jammontaw għal 31,5 % tal-allokazzjoni totali tal-pjan. L-implimentazzjoni sħiħa tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, f’konformità mal-istadji importanti u l-miri rilevanti, se tgħin lil-Litwanja tirkupra malajr mill-konsegwenzi tal-kriżi tal-COVID-19, filwaqt li ssaħħaħ ir-reżiljenza tagħha. L-involviment sistematiku tas-sħab soċjali u ta’ partijiet ikkonċernati rilevanti oħra jibqa’ importanti għall-implimentazzjoni b’suċċess tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, kif ukoll ta’ politiki ekonomiċi u tal-impjiegi oħra li jmorru lil hinn mill-pjan, biex tiġi żgurata sjieda wiesgħa tal-aġenda ta’ politika ġenerali.
(23)Il-Kummissjoni approvat il-Ftehim ta’ Sħubijatal-Litwanja fit-22 ta’ April 2022. Il-Litwanja ppreżentat il-programm tal-politika ta’ koeżjoni fil-21 ta’ Marzu 2022. F’konformità mar-Regolament (UE) 2021/1060 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ġunju 2021, il-Litwanja qieset ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż rilevanti fl-ipprogrammar tal-fondi tal-politika ta’ koeżjoni 2021-2027. Dan huwa prerekwiżit għat-titjib tal-effettività u l-massimizzazzjoni tal-valur miżjud tal-appoġġ finanzjarju li għandu jiġi riċevut mill-fondi tal-politika ta’ koeżjoni, filwaqt li jiġu promossi l-koordinazzjoni, il-komplementarjetà u l-koerenza bejn dawn il-fondi u strumenti u fondi oħra tal-Unjoni. L-implimentazzjoni b’suċċess tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u l-programmi tal-politika ta’ koeżjoni tiddependi wkoll mit-tneħħija ta’ ostakli għall-investiment biex tiġi appoġġata t-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali u l-iżvilupp territorjali bbilanċjat.
(24)Lil hinn mill-isfidi ekonomiċi u soċjali indirizzati mill-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, il-Litwanja qed tiffaċċja għadd ta’ sfidi addizzjonali relatati mal-kura primarja u preventiva, dgħufijiet fl-ippjanar u fl-għoti ta’ servizzi soċjali u nuqqas ta’ strateġija dwar l-akkomodazzjoni soċjali. Il-livelli għoljin ta’ ammissjonijiet fl-isptarijiet evitabbli u ta’ rati ta’ mortalità evitabbli permezz tal-kura tas-saħħa juru l-ħtieġa għal aktar azzjonijiet preventivi fil-kura tas-saħħa Litwana. Barra minn hekk, in-nuqqasijiet u d-distribuzzjoni mhux uniformi tal-professjonisti tas-saħħa jillimitaw l-aċċess għall-kura tas-saħħa primarja. Lil hinn mir-riformi tas-saħħa u l-investimenti fil-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tal-Litwanja, hemm bżonn li jkomplu jissaħħu l-kura primarja u l-prevenzjoni. In-nuqqas ta’ kollaborazzjoni bejn diversi ministeri u korpi pubbliċi oħra u n-nuqqasijiet fl-identifikazzjoni tal-ħtiġijiet ixekklu l-forniment integrat tas-servizzi soċjali. Is-servizzi wkoll ma jindirizzawx biżżejjed il-ħtiġijiet tal-persuni qiegħda. L-infiq tal-Litwanja fuq l-akkomodazzjoni soċjali, jiġifieri EUR 10,31 kull abitant (fi prezzijiet kostanti tal-2010), meta mqabbel mal-medja tal-UE ta’ EUR 101,58 fl-2019, huwa ferm inqas mill-medja tal-UE, u dan iwassal għal nuqqasijiet persistenti u listi twal ta’ stennija. Jeħtieġ ukoll li tittejjeb il-kwalità tal-akkomodazzjoni soċjali pprovduta. Il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza jinkludi miżuri importanti bħal riforma tal-iskema tal-introjtu minimu u s-sistema tal-benefiċċji tat-taxxa flimkien maż-żieda fil-kopertura tal-assigurazzjoni soċjali tal-qgħad. Dawn il-miżuri huma mistennija jgħinu biex jiġu indirizzati wħud mill-isfidi ewlenin tal-protezzjoni soċjali ladarba jiġu implimentati. Madankollu, lil hinn mill-miżuri inklużi fil-pjan, jeħtieġ li jkun hemm aktar sforzi biex jittejbu l-ippjanar, il-kwalità u l-effettività tas-servizzi soċjali u biex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet u l-kwalità insuffiċjenti tal-akkomodazzjoni soċjali.
(25)Bi tweġiba għall-mandat tal-Kapijiet ta’ Stat tal-UE jew tal-Gvern, stabbilit fid-Dikjarazzjoni ta’ Versailles, il-pjan REPowerEU għandu l-għan li jelimina gradwalment id-dipendenza tal-Unjoni Ewropea fuq l-importazzjonijiet tal-fjuwils fossili mir-Russja malajr kemm jista’ jkun. Għal dan il-għan, l-aktar proġetti, investimenti u riformi xierqa fil-livell nazzjonali, reġjonali u tal-UE qed jiġu identifikati fi djalogu mal-Istati Membri. Dawn il-miżuri għandhom l-għan li jnaqqsu d-dipendenza ġenerali fuq il-fjuwils fossili u jċaqalqu l-importazzjonijiet tal-fjuwils fossili lil hinn mir-Russja.
(26)Il-Litwanja tiddependi ħafna fuq l-importazzjonijiet għall-provvista tal-enerġija tagħha, peress li timporta madwar żewġ terzi tal-ħtiġijiet grossi tal-elettriku tagħha u l-biċċa l-kbira taż-żejt u l-gass tagħha. Iż-żejt u l-gass jirrappreżentaw tliet kwarti tat-taħlita tal-enerġija tal-pajjiż. Sal-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja, iż-żejt u l-gass kienu fil-biċċa l-kbira importati mir-Russja. Fl-2020, il-Litwanja importat 42 % tal-importazzjonijiet tal-gass naturali tagħha mir-Russja (fil-biċċa l-kbira f’konformità mal-medja tal-UE ta’ 44 %) u 73 % taż-żejt mhux raffinat mir-Russja (ogħla mill-medja tal-UE ta’ 26 %). Id-domanda għall-enerġija hija xprunata minn flotta kbira tat-trasport, bit-trasport pubbliku u l-ferroviji jibqgħu mhux użati biżżejjed, bi stokk kbir ta’ bini ineffiċjenti fl-enerġija u industriji intensivi ħafna fl-enerġija, li jammontaw għal 67 % tal-konsum totali tal-gass. Sforzi addizzjonali biex titnaqqas l-intensità enerġetika f’dawn is-setturi, permezz tal-promozzjoni tat-trasformazzjoni industrijali, inklużi proċessi ta’ produzzjoni innovattivi u l-promozzjoni ulterjuri tal-użu ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, innaqqsu id-dipendenza tal-Litwanja fuq l-importazzjonijiet ġenerali tal-enerġija. Il-Litwanja tejbet b’mod konsiderevoli s-sigurtà tal-enerġija billi żviluppat konnessjonijiet tal-elettriku u tal-gass mal-Istati Membri ġirien u mat-terminal tal-gass naturali likwifikat f’Klaipėda. B’mod ġenerali, jeħtieġ li l-Litwanja tkompli bl-isforzi tagħha biex tkompli ssaħħaħ il-kooperazzjoni reġjonali mal-ġirien tagħha biex tikkoordina aktar importazzjonijiet tal-gass u l-użu effiċjenti tal-infrastrutturi reġjonali. F’dan il-kuntest, l-interkonnettur tal-gass mal-Polonja (GIPL) li huwa operattiv mill-1 ta’ Mejju 2022, u t-titjib ta’ interkonnetturi oħra tal-gass ma’ Stati Membri ġirien se jgħinu biex tiġi salvagwardjata l-provvista tal-enerġija fir-reġjun. Madankollu, jenħtieġ li t-tlestija tas-sinkronizzazzjoni kontinwa mal-grilja elettrika kontinentali tal-UE, l-iżgurar ta’ kapaċità suffiċjenti għall-interkonnessjonijiet mal-Istati Membri ġirien u t-twettiq ta’ proġetti konġunti tal-enerġija rinnovabbli jibqgħu prijorità politika. Huwa rrakkomandat li investimenti ġodda fl-infrastruttura u fin-networks relatati mal-gass jibqgħu validi għall-futur fejn possibbli, sabiex tiġi ffaċilitata s-sostenibbiltà fit-tul permezz ta’ adattament futur għal fjuwils sostenibbli. Żieda ulterjuri fl-ambizzjoni għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra u ż-żieda tal-miri tal-enerġija rinnovabbli u tal-effiċjenza fl-enerġija se jkunu meħtieġa biex il-Litwanja tkun konformi mal-objettivi “Lesti għall-mira ta’ 55 %”.
(27)Filwaqt li l-aċċellerazzjoni tat-tranżizzjoni lejn in-newtralità klimatika u lil hinn mill-fjuwils fossili se toħloq spejjeż ta’ ristrutturar sinifikanti f’diversi setturi, il-Litwanja tista’ tagħmel użu mill-Mekkaniżmu ta’ Tranżizzjoni Ġusta fil-kuntest tal-politika ta’ koeżjoni biex itaffi l-impatti soċjoekonomiku tat-tranżizzjoni fir-reġjuni l-aktar affettwati. Barra minn hekk, il-Litwanja tista’ tagħmel użu mill-Fond Soċjali Ewropew Plus biex ittejjeb l-opportunitajiet ta’ impjieg u ssaħħaħ il-koeżjoni soċjali.
(28)Fid-dawl tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm ta’ Stabbiltà tal-2022 u l-opinjoni tiegħu hija riflessa fir-Rakkomandazzjoni (1) hawn taħt.
(29)Fid-dawl tal-interkonnessjonijiet mill-qrib bejn l-ekonomiji tal-Istati Membri taż-żona tal-euro u l-kontribuzzjoni kollettiva tagħhom għall-funzjonament tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja, il-Kunsill irrakkomanda li l-Istati Membri taż-żona tal-euro jieħdu azzjoni, inkluż permezz tal-pjanijiet tagħhom għall-irkupru u r-reżiljenza, biex jimplimentaw ir-rakkomandazzjoni dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro. Għal-Litwanja, dan huwa rifless b’mod partikolari fir-Rakkomandazzjonijiet (1) u (2) hawn taħt.
B’DAN JIRRAKKOMANDA li fl-2022 u fl-2023 il-Litwanja tieħu azzjoni biex:
1.Fl-2023, tiżgura li t-tkabbir tan-nefqa kurrenti ffinanzjata fil-livell nazzjonali ikun konformi ma’ pożizzjoni politika newtrali b’mod kumplessiv, filwaqt li jitqies l-appoġġ temporanju u mmirat kontinwu għall-unitajiet domestiċi u d-ditti l-aktar vulnerabbli għaż-żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija u għan-nies li jaħarbu mill-Ukrajna. Tkun lesta li taġġusta l-infiq kurrenti għas-sitwazzjoni li qed tevolvi. Tespandi l-investiment pubbliku għat-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali u għas-sigurtà tal-enerġija, inkluż billi tagħmel użu mill-RRF, RePowerEU u fondi oħra tal-UE. Għall-perjodu ta’ wara l-2023, issegwi politika fiskali bl-għan li tikseb pożizzjonijiet fiskali prudenti fuq terminu medju. Trawwem l-akkwist pubbliku kooperattiv fil-livelli tal-gvern ċentrali u tal-muniċipalità.
2.Tipproċedi bl-implimentazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tagħha, f’konformità mal-istadji importanti u l-miri inklużi fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta’ Lulju 2021. Tiffinalizza malajr in-negozjati mal-Kummissjoni tad-dokumenti ta’ programmar tal-politika ta’ koeżjoni 2021-2027 bil-ħsieb li tibda l-implimentazzjoni tagħhom.
3.Issaħħaħ il-kura primarja u preventiva. Tnaqqas il-frammentazzjoni fl-ippjanar u l-għoti ta’ servizzi soċjali u ttejjeb il-personalizzazzjoni u l-integrazzjoni tagħhom ma’ servizzi oħra. Ittejjeb l-aċċess għall-akkomodazzjoni soċjali u l-kwalità tagħha.
4.Tnaqqas id-dipendenza ġenerali fuq il-fjuwils fossili billi taċċellera l-użu ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, iżżid l-effiċjenza fl-enerġija u d-dekarbonizzazzjoni tal-industrija, it-trasport u l-bini, u tiżgura kapaċità suffiċjenti ta’ interkonnessjonijiet.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President