IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 23.5.2022
COM(2022) 614 final
Rakkomandazzjoni għal
RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL
dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-Ungerija tal-2022 u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Konverġenza tal-Ungerija tal-2022
{SWD(2022) 614 final} - {SWD(2022) 640 final}
Rakkomandazzjoni għal
RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL
dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-Ungerija tal-2022 u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Konverġenza tal-Ungerija tal-2022
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 121(2) u 148(4) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta’ pożizzjonijiet ta’ baġit u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta’ politika ekonomika, u b’mod partikolari l-Artikolu 9(2) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,
Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju Ewropew,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,
Billi:
(1)Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, li stabbilixxa l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, daħal fis-seħħ fid-19 ta’ Frar 2021. Il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza tipprovdi sostenn finanzjarju għall-implimentazzjoni ta’ riformi u investiment, li jinvolvi impuls fiskali ffinanzjat mill-Unjoni. Hija tikkontribwixxi għall-irkupru ekonomiku u għall-implimentazzjoni ta’ riformi u investiment sostenibbli u li jsaħħu t-tkabbir, b’mod partikolari sabiex jippromwovu t-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali, filwaqt li ssaħħaħ ir-reżiljenza u t-tkabbir potenzjali tal-ekonomiji tal-Istati Membri. Tgħin ukoll biex issaħħaħ il-finanzi pubbliċi sostenibbli u żżid it-tkabbir u l-ħolqien tal-impiegi fuq terminu medju u twil. Il-kontribuzzjoni finanzjarja massima għal kull Stat Membru taħt il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza [ġiet] aġġornata fil-[XX] ta’ Ġunju 2022, f’konformità mal-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2021/241.
(2)Fl-24 ta’ Novembru 2021, il-Kummissjoni adottat l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir Sostenibbli, li tat bidu għas-Semestru Ewropew tal-2022 għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika. Hija ħadet kont debitu tal-impenn konġunt affermat mill-ġdid tas-Summit Soċjali ta’ Porto ta’ Mejju 2021 biex tkompli timplimenta l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali pproklamat mill-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni fis-17 ta’ Novembru 2017. Il-Kunsill Ewropew approva l-prijoritajiet tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir Sostenibbli tal-2022 fil-25 ta’ Marzu 2022. Fl-24 ta’ Novembru 2021, fuq il-bażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, il-Kummissjoni adottat ukoll ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta’ Twissija, li fih ma identifikatx lill-Ungerija bħala wieħed mill-Istati Membri li għalih tkun meħtieġa analiżi fil-fond. Fl-istess data, il-Kummissjoni adottat ukoll il-proposta għar-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi tal-2022 li janalizza l-implimentazzjoni tal-Linji Gwida dwar l-Impjiegi u l-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, li ġie adottat mill-Kunsill fl-14 ta’ Marzu 2022.
(3)L-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja, wara l-pandemija globali, bidlet b’mod sinifikanti l-kuntest ġeopolitiku u ekonomiku. L-impatt tal-invażjoni fuq l-ekonomiji tal-Istati Membri nħass pereżempju permezz ta’ prezzijiet ogħla tal-enerġija u tal-ikel u prospetti ta’ tkabbir aktar dgħajfa. Il-prezzijiet ogħla tal-enerġija huma partikolarment ta’ piż fuq l-unitajiet domestiċi l-aktar vulnerabbli li qed jesperjenzaw il-faqar enerġetiku jew li jinsabu f’riskju ta’ faqar enerġetiku. L-UE qed tara wkoll influss bla preċedent ta’ nies li qed jaħarbu mill-Ukrajna. F’dan il-kuntest, fl-4 ta’ Marzu 2022, id-Direttiva dwar il-Protezzjoni Temporanja ġiet attivata għall-ewwel darba, u tat lill-persuni spostati mill-Ukrajna d-dritt li jibqgħu legalment fl-UE, kif ukoll aċċess għall-edukazzjoni u t-taħriġ, is-suq tax-xogħol, il-kura tas-saħħa, l-akkomodazzjoni u l-assistenza soċjali. Appoġġ eċċezzjonali huwa disponibbli għall-Ungerija taħt l-inizjattiva Azzjoni ta’ Koeżjoni għar-Refuġjati fl-Ewropa (CARE) u permezz tal-prefinanzjament addizzjonali taħt il-programm Assistenza għall-Irkupru għall-Koeżjoni u t-Territorji tal-Ewropa (REACT-EU) biex jiġu indirizzati b’mod urġenti l-ħtiġijiet ta’ akkoljenza u integrazzjoni għal dawk li qed jaħarbu mill-Ukrajna.
(4)B’kont meħud tas-sitwazzjoni ekonomika u ġeopolitika li qed tinbidel malajr, is-Semestru Ewropew jerġa’ jibda l-koordinazzjoni wiesgħa tiegħu tal-politika ekonomika u tal-impjiegi fl-2022, filwaqt li jevolvi f’konformità mar-rekwiżiti ta’ implimentazzjoni tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, kif deskritt fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir Sostenibbli tal-2022. L-implimentazzjoni tal-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza adottati hija essenzjali għall-kisba tal-prijoritajiet tal-politika taħt is-Semestru Ewropew, billi l-pjanijiet jindirizzaw ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż rilevanti kollha maħruġa fiċ-ċikli tas-Semestru tal-2019 u l-2020, jew subsett sinifikanti tagħhom. Ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2019 u tal-2020 jibqgħu ugwalment rilevanti wkoll għall-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza riveduti, aġġornati jew emendati f’konformità mal-Artikoli 14, 18 u 21 tar-Regolament (UE) 2021/241, flimkien ma’ kwalunkwe rakkomandazzjoni speċifika għall-pajjiż maħruġa sad-data tal-preżentazzjoni tal-pjan modifikat.
(5)Il-klawżola Liberatorja Ġenerali ilha attiva minn Marzu 2020. Fil-Komunikazzjoni tagħha tat-3 ta’ Marzu 2021, il-Kummissjoni stabbilixxiet il-fehma tagħha li d-deċiżjoni dwar id-diżattivazzjoni jew it-tkomplija tal-applikazzjoni tal-klawżola liberatorja ġenerali jenħtieġ li tittieħed bħala valutazzjoni ġenerali tal-istat tal-ekonomija, bil-livell ta’ attività ekonomika fl-UE jew fiż-żona tal-euro mqabbel mal-livelli ta’ qabel il-kriżi (tmiem l-2019) bħala kriterju kwantitattiv ewlieni. Inċertezza akbar u riskji negattivi qawwija għall-perspettiva ekonomika fil-kuntest ta’ gwerra fl-Ewropa, żidiet bla preċedent fil-prezzijiet tal-enerġija u disturbi kontinwi fil-katina tal-provvista jiġġustifikaw l-estensjoni tal-klawżola liberatorja ġenerali tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir sal-2023.
(6)Skont l-approċċ fl-opinjoni tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 2021 dwar il-Programm ta’ Konverġenza tal-2021, il-pożizzjoni fiskali bħalissa titkejjel l-aħjar bħala l-bidla fin-nefqa primarja (netta minn miżuri ta’ dħul diskrezzjonarji), bl-esklużjoni tal-miżuri temporanji ta’ emerġenza relatati mal-kriżi tal-COVID-19 iżda inkluża n-nefqa ffinanzjata minn appoġġ mhux ripagabbli (għotjiet) mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u fondi oħra tal-UE, meta mqabbla mat-tkabbir potenzjali fuq terminu medju. Lil hinn mill-pożizzjoni fiskali ġenerali, sabiex jiġi vvalutat jekk il-politika fiskali nazzjonali hijiex prudenti u l-kompożizzjoni tagħha twassalx għal irkupru sostenibbli konsistenti mat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, tingħata wkoll attenzjoni lill-evoluzzjoni tan-nefqa kurrenti primarja (netta minn miżuri ta’ dħul diskrezzjonali u bl-esklużjoni ta’ miżuri temporanji ta’ emerġenza relatati mal-kriżi tal-COVID-19) u l-investiment iffinanzjati fil-livell nazzjonali.
(7)Fit-2 ta’ Marzu 2022, il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni li tipprovdi gwida wiesgħa għall-politika fiskali fl-2023, bil-għan li tappoġġa t-tħejjija tal-Programmi ta’ Stabbiltà u Konverġenza tal-Istati Membri u b’hekk issaħħaħ il-koordinazzjoni tal-politika. Il-Kummissjoni nnotat li, abbażi tal-prospettiva makroekonomika tat-tbassir tax-xitwa 2022, it-tranżizzjoni minn pożizzjoni fiskali ta’ appoġġ aggregata fl-2020-2022 għal pożizzjoni fiskali aggregata ġeneralment newtrali tidher xierqa fl-2023, filwaqt li tinsab lesta li tirreaġixxi għas-sitwazzjoni ekonomika li qed tevolvi. Il-Kummissjoni ħabbret li r-rakkomandazzjonijiet fiskali għall-2023 jenħtieġ li jkomplu jiddifferenzjaw bejn l-Istati Membri u jqisu l-effetti konsegwenzjali possibbli bejn il-pajjiżi. Il-Kummissjoni stiednet lill-Istati Membri biex jirriflettu l-gwida fil-Programmi ta’ Stabbiltà u Konverġenza tagħhom. Il-Kummissjoni impenjat ruħha li timmonitorja mill-qrib l-iżviluppi ekonomiċi u taġġusta l-gwida politika tagħha kif meħtieġ u mhux aktar tard mill-pakkett tagħha tar-rebbiegħa tas-Semestru tal-aħħar ta’ Mejju 2022.
(8)Fir-rigward tal-gwida fiskali pprovduta fit-2 ta’ Marzu 2022, ir-rakkomandazzjonijiet fiskali għall-2023 iqisu l-perspettiva ekonomika li marret għall-agħar, l-inċertezza akbar u aktar riskji negattivi, u l-inflazzjoni ogħla meta mqabbla mat-tbassir tax-xitwa. Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, ir-rispons fiskali għandu jespandi l-investiment pubbliku għat-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali u għas-sigurtà tal-enerġija, u jsostni l-kapaċità tal-akkwist tal-unitajiet domestiċi l-aktar vulnerabbli sabiex itaffi l-impatt taż-żieda fil-prezz tal-enerġija u jgħin biex jiġu limitati l-pressjonijiet inflazzjonarji mill-effetti sekondarji permezz ta’ miżuri mmirati u temporanji; il-politika fiskali trid tibqa’ aġli sabiex taġġusta għaċ-ċirkostanzi li qed jevolvu b’mod rapidu, u tkun differenzjata bejn il-pajjiżi skont is-sitwazzjoni fiskali u ekonomika tagħhom, inkluż fir-rigward tal-esponiment għall-kriżi u l-influss ta’ persuni spostati mill-Ukrajna.
(9)Fid-29 ta’ April 2022, l-Ungerija ppreżentat il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2022 tagħha u l-Programm ta’ Konverġenza tal-2022 tagħha. Biex jitqiesu l-konnessjonijiet ta’ bejniethom, iż-żewġ programmi ġew ivvalutati flimkien.
(10)Il-Kummissjoni ppubblikat ir-rapport tal-pajjiż tal-2022 għall-Ungerija fit-23 ta’ Mejju 2022. Huwa vvaluta l-progress tal-Ungerija fl-indirizzar tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż rilevanti adottati mill-Kunsill fl-2019, l-2020 u l-2021. Huwa vvaluta wkoll il-progress tal-Ungerija fl-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u fil-kisba tal-miri ewlenin tal-UE dwar l-impjiegi, il-ħiliet u t-tnaqqis tal-faqar, kif ukoll il-progress fil-kisba tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU.
(11)Fid-29 ta’ April 2022, l-Ungerija ppreżentat il-Programm ta’ Konverġenza tagħha għall-2022, f’konformità mal-iskadenza stabbilita fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1466/97.
(12)Fit-23 ta’ Mejju 2022, il-Kummissjoni ħarġet rapport skont l-Artikolu 126(3) TFUE. Dan ir-rapport iddiskuta s-sitwazzjoni baġitarja tal-Ungerija, peress li d-defiċit tal-gvern estiż tagħha fl-2021 qabeż il-valur referenzjarju ta’ 3 % tal-PDG skont it-Trattat, filwaqt li d-dejn tal-gvern estiż tagħha qabeż il-valur referenzjarju ta’ 60 % tal-PDG skont it-Trattat u ma rrispettax il-valur referenzjarju tat-tnaqqis tad-dejn. Ir-rapport ikkonkluda li l-kriterji tad-defiċit u tad-dejn ma ġewx issodisfati. F’konformità mal-Komunikazzjoni tat-2 ta’ Marzu 2022, il-Kummissjoni kkunsidrat, fil-valutazzjoni tagħha tal-fatturi rilevanti kollha, li l-konformità mal-parametru referenzjarju tat-tnaqqis tad-dejn timplika sforz fiskali antiċipat impenjattiv wisq li jirriskja li jipperikola t-tkabbir. Għalhekk, fil-fehma tal-Kummissjoni, il-konformità mal-parametru referenzjarju tat-tnaqqis tad-dejn mhijiex ġustifikata skont il-kundizzjonijiet ekonomiċi eċċezzjonali attwali. Kif imħabbar, il-Kummissjoni ma pproponietx li tiftaħ proċeduri ġodda ta’ defiċit eċċessiv fir-rebbiegħa tal-2022 u se tivvaluta mill-ġdid il-ftuħ possibbli ta’ proċeduri ta’ defiċit eċċessiv fil-ħarifa tal-2022.
(13)Fl-20 ta’ Lulju 2020, il-Kunsill irrakkomanda lill-Ungerija biex fl-2020 u fl-2021 tieħu l-miżuri kollha meħtieġa, f’konformità mal-klawżola liberatorja ġenerali, biex tindirizza b’mod effettiv il-pandemija, issostni l-ekonomija u tappoġġa l-irkupru li jsegwi. Lill-Ungerija rrakkomandalha wkoll biex, meta l-kundizzjonijiet ekonomiċi jippermettu, issegwi politiki fiskali li jkollhom l-għan li jiksbu pożizzjonijiet fiskali prudenti fit-terminu medju u li jiggarantixxu s-sostenibbiltà tad-dejn, filwaqt li jsaħħu l-investiment. Fl-2021, abbażi ta’ data vvalidata mill-Eurostat, id-defiċit tal-gvern estiż tal-Ungerija naqas minn 7,8 % tal-PDG fl-2020 għal 6,8 % fl-2021. Ir-rispons tal-politika fiskali mill-Ungerija appoġġa l-irkupru ekonomiku fl-2021, filwaqt li l-miżuri temporanji ta’ appoġġ ta’ emerġenza naqsu minn 4,0 % tal-PDG fl-2020 għal 0,8 % fl-2021. Il-miżuri meħuda mill-Ungerija fl-2021 kienu konformi mar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta’ Lulju 2020. Il-miżuri baġitarji diskrezzjonali adottati mill-gvern fl-2020 u fl-2021 kienu fil-biċċa l-kbira temporanji jew ibbilanċjati minn miżuri ta’ tpaċija. Fl-istess ħin, uħud mill-miżuri diskrezzjonali adottati mill-gvern matul il-perjodu bejn l-2020 u l-2021 ma kinux temporanji jew ibbilanċjati minn miżuri ta’ tpaċija, u prinċipalment kienu jikkonsistu fi tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali ta’ min iħaddem, tneħħija tal-imposta għat-taħriġ, eżenzjoni ta’ impjegati taħt l-età ta’ 25 sena mit-taxxa fuq l-introjtu personali, introduzzjoni mill-ġdid tal-pensjoni tat-13-il xahar, u żieda fil-pagi tat-tobba. Abbażi ta’ data vvalidata mill-Eurostat, id-dejn tal-gvern estiż kien ta’ 76,8 % tal-PDG fl-2021.
(14)Ix-xenarju makroekonomiku li jirfed il-projezzjonijiet baġitarji fil-Programm ta’ Konverġenza tal-2022 huwa favorevoli. Il-Gvern jipprojetta li l-PDG reali se jikber b’4,3 % fl-2022 u b’4,1 % fl-2023. B’paragun ma’ dan, it-tbassir tar-rebbiegħa 2022 tal-Kummissjoni jipprojetta tkabbir tal-PDG reali aktar baxx ta’ 3,6 % fl-2022 u ta’ 2,6 % fl-2023, prinċipalment minħabba s-suppożizzjoni dwar l-impatt makroekonomiku aktar persistenti tal-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja fl-Ukrajna. It-tbassir tal-Kummissjoni jipprojetta tkabbir aktar dgħajjef fil-konsum privat, speċjalment fl-2023, u tkabbir tal-investiment aktar bil-mod kemm fl-2022 kif ukoll fl-2023. Fil-programm ta’ Konverġenza tiegħu tal-2022, il-Gvern jistenna li d-defiċit nominali se jonqos għal 4,9 % tal-PDG fl-2022 u għal 3,5 % fl-2023. It-tnaqqis fl-2022 jirrifletti prinċipalment it-tkomplija tat-tkabbir dinamiku fil-PDG nominali. Skont il-Programm, il-proporzjon tad-dejn tal-gvern estiż mal-PDG huwa mistenni li jonqos għal 76,1 % fl-2022, u li jonqos għal 73,8 % fl-2023. Abbażi ta’ miżuri ta’ politika magħrufa fid-data tal-għeluq tat-tbassir, it-tbassir tar-rebbiegħa 2022 tal-Kummissjoni jipprojetta defiċit tal-gvern għall-2022 u l-2023 ta’ 6,0 % tal-PDG u 4,9 % rispettivament. Dan huwa ogħla mid-defiċit imbassar fil-Programm ta’ Konverġenza tal-2022, prinċipalment minħabba l-projezzjoni ta’ prospetti makroekonomiċi inqas favorevoli, speċjalment fl-2023, u tkabbir ogħla fin-nefqa, li jinkorpora injezzjonijiet ta’ kapital lil kumpaniji tal-utilitajiet li jammontaw għal 1,1 % tal-PDG fl-2022 u 0,7 % oħra fl-2023. It-tbassir tar-rebbiegħa 2022 tal-Kummissjoni jipprojetta proporzjon ogħla ta’ dejn tal-gvern estiż mal-PDG, ta’ 76,4 % fl-2022 u 76,1 % fl-2023. Id-differenza hija dovuta għal bilanċ primarju ogħla u dinamika tal-PDG nominali inqas favorevoli.
Abbażi tat-tbassir tar-rebbiegħa 2022 tal-Kummissjoni, it-tkabbir potenzjali tal-produzzjoni fuq terminu medju (medja ta’ 10 snin) huwa stmat għal 3,2 %. Madankollu, din l-istima ma tinkludix l-impatt tar-riformi li huma parti mill-Pjan għall-Irkupru u r-Reżiljenza u li jistgħu jagħtu spinta lit-tkabbir potenzjali tal-Ungerija.
(15)Fl-2022, il-gvern neħħa gradwalment il-miżuri meħuda b’rispons għall-kriżi tal-COVID-19, b’tali mod li l-miżuri temporanji ta’ appoġġ ta’ emerġenza huma projettati li jonqsu minn 0,8 % tal-PDG fl-2021 għal 0,0 % fl-2022. Id-defiċit tal-gvern huwa affettwat mill-miżuri adottati biex jikkumbattu l-impatt ekonomiku u soċjali taż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija, li fit-tbassir tar-rebbiegħa 2022 tal-Kummissjoni huma stmati għal 1,2 % tal-PDG fl-2022 u 0,7 % tal-PDG fl-2023. Dawn il-miżuri jikkonsistu f’kumpensi lill-kumpaniji tal-utilitajiet mill-gvern bi trasferimenti kapitali għat-telf mistenni li jirriżulta minn prezzijiet regolati tal-enerġija, tnaqqis temporanju fid-dazji tas-sisa fuq il-fjuwils u kumpensi għal pompi żgħar tal-petrol. Il-miżuri kollha minbarra l-limiti tal-prezzijiet permanenti fuq il-prezzijiet bl-imnut tal-gass u tal-elettriku tħabbru bħala temporanji. Madankollu, f’każ li l-prezzijiet tal-enerġija jibqgħu għoljin ukoll fl-2023, xi wħud minn dawn il-miżuri jistgħu jitkomplew. Xi wħud minn dawn il-miżuri mhumiex immirati fin-natura tagħhom, b’mod partikolari l-limiti ġenerali tal-prezzijiet fuq il-prezzijiet bl-imnut tal-enerġija u t-tnaqqis fid-dazji tas-sisa. Id-defiċit tal-gvern huwa affettwat ukoll mill-kostijiet biex tiġi offruta protezzjoni temporanja lill-persuni spostati mill-Ukrajna, li fit-tbassir tar-rebbiegħa 2022 tal-Kummissjoni huma projettati li jkunu 0,2 % tal-PDG fl-2022 u 0,3 % fl-2023.
(16)Fit-18 ta’ Ġunju 2021, il-Kunsill irrakkomanda li fl-2022 l-Ungerija żżomm pożizzjoni fiskali ta’ appoġġ, inkluż mill-impuls ipprovdut mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, u tippreserva l-investiment iffinanzjat nazzjonalment. Huwa rrakkomanda wkoll li l-Ungerija ssegwi, meta l-kundizzjonijiet ekonomiċi jippermettu, politika fiskali mmirata lejn il-kisba ta’ pożizzjonijiet fiskali prudenti fuq terminu medju u li tiżgura s-sostenibbiltà fiskali fit-terminu medju, u fl-istess ħin, li ssaħħaħ l-investiment biex tagħti spinta lill-potenzjal tat-tkabbir.
(17)Fl-2022, abbażi tat-tbassir tar-rebbiegħa 2022 tal-Kummissjoni u inkluża l-informazzjoni inkorporata fil-Programm ta’ Konverġenza tal-Ungerija għall-2022, il-pożizzjoni fiskali hija pprojettata li tkun ġeneralment newtrali fil-livell ta’ - 0,1 % tal-PDG, filwaqt li l-Kunsill irrakkomanda pożizzjoni fiskali ta’ appoġġ. L-Ungerija qed tippjana li tkompli tipprovdi appoġġ għall-irkupru billi tagħmel użu mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza biex tiffinanzja investiment addizzjonali kif rakkomandat mill-Kunsill. Il-kontribuzzjoni pożittiva għall-attività ekonomika tan-nefqa ffinanzjata mill-għotjiet tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u minn fondi oħra tal-UE hija pprojettata li tonqos b’1,0 punti perċentwali tal-PDG meta mqabbla mal-2021 minħabba t-tnaqqis mistenni fl-assorbiment tal-fondi tal-UE. L-investiment iffinanzjat nazzjonalment huwa pprojettat li jipprovdi kontribuzzjoni espansjonarja għall-pożizzjoni fiskali ta’ 0,2 punti perċentwali fl-2022. Għalhekk, l-Ungerija qed tippjana li tippreserva l-investiment iffinanzjat nazzjonalment, kif irrakkomandat mill-Kunsill. Fl-istess ħin, it-tkabbir fin-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata nazzjonalment (netta minn miżuri ġodda ta’ dħul) fl-2022 huwa pprojettat li jipprovdi kontribuzzjoni espansjonarja ta’ 0,4 punti perċentwali għall-pożizzjoni fiskali ġenerali. Dan jinkludi l-impatt addizzjonali tal-miżuri biex jiġi indirizzat l-impatt ekonomiku u soċjali taż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija (0,1 % tal-PDG) kif ukoll l-ispejjeż biex tiġi offruta protezzjoni temporanja lill-persuni spostati mill-Ukrajna (0,2 % tal-PDG). Diversi miżuri diskrezzjonarji jikkontribwixxu wkoll għat-tkabbir fin-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata nazzjonalment (netta minn miżuri ġodda ta’ dħul), bħall-introduzzjoni mill-ġdid tal-pensjoni tat-13-il xahar, benefiċċji tal-pagi għall-uffiċjali tal-infurzar tal-liġi u militari, tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali tal-impjegaturi u imposta tat-taħriġ.
(18)Fl-2023, il-pożizzjoni fiskali hija pprojettata fit-tbassir tar-rebbiegħa 2022 tal-Kummissjoni għal 1,9 % tal-PDG fuq suppożizzjoni ta’ ebda bidla fil-politika. L-Ungerija hija pprojettata li tkompli tuża l-għotjiet mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza fl-2023 biex tiffinanzja investiment addizzjonali b’appoġġ għall-irkupru. Il-kontribuzzjoni pożittiva għall-attività ekonomika tan-nefqa ffinanzjata mill-għotjiet tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u minn fondi oħra tal-UE hija pprojettata li tiżdied b’0,3 punti perċentwali tal-PDG fl-2023. L-investiment iffinanzjat nazzjonalment huwa pprojettat li jipprovdi kontribuzzjoni espansjonarja għall-pożizzjoni fiskali ta’ 0,4 punti perċentwali fl-2023. Fl-istess ħin, it-tkabbir fin-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata nazzjonalment (netta minn miżuri ġodda ta’ dħul) fl-2023 huwa pprojettat li jipprovdi kontribuzzjoni restrittiva ta’ 1,9 punti perċentwali għall-pożizzjoni fiskali ġenerali. Dan jinkludi l-impatt mit-tneħħija gradwali tal-miżuri li jindirizzaw iż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija (0,1 % tal-PDG) u spejjeż addizzjonali biex tiġi offruta protezzjoni temporanja lill-persuni spostati mill-Ukrajna (0,1 % tal-PDG).
(19)Fil-Programm ta’ Konverġenza tal-2022, id-defiċit tal-gvern estiż huwa mistenni li jonqos gradwalment għal 2,5 % tal-PDG fl-2024 u għal 1,5 % sal-2025. Għalhekk, id-defiċit tal-gvern estiż huwa ppjanat li jinżel taħt it-3 % tal-PDG sal-2024. Skont il-Programm, il-proporzjon tad-dejn tal-gvern estiż mal-PDG huwa mistenni li jonqos sal-2025, speċifikament bi tnaqqis għal 70,4 % fl-2024, u tnaqqis għal 66,9 % fl-2025. Abbażi tal-analiżi tal-Kummissjoni, ir-riskji għas-sostenibbiltà tad-dejn jidhru bħala medji fuq perjodu medju ta’ żmien.
(20)L-impatt tat-tixjiħ tal-popolazzjoni u ż-żieda tad-dejn pubbliku matul il-kriżi tal-COVID-19 huma mistennija li jintensifikaw l-isfidi tas-sostenibbiltà fiskali fit-tul fl-Ungerija. In-nefqa fuq il-pensjonijiet hija pprojettata li tiżdied b’mod sostanzjali, minn madwar 8 % fl-2019 għal aktar minn 12 % tal-PDG fl-2070. L-indikaturi tas-sostenibbiltà fiskali jindikaw riskji medji għas-sostenibbiltà fit-terminu medju u riskji għoljin fit-tul. Miżuri ta’ politika reċenti jaggravaw l-isfida tas-sostenibbiltà billi jżidu l-obbligazzjonijiet fit-tul għall-pensjonijiet tal-gvern. Il-pensjoni tat-13-il xahar introdotta mill-ġdid fl-2021 u l-2022 hija mistennija li żżid in-nefqa fuq il-pensjonijiet. Il-bidliet fis-sistemi tat-taxxa u tal-pensjonijiet f’dawn l-aħħar għaxar snin huma mistennija li jżidu n-nefqa fuq il-pensjonijiet ta’ persuni rtirati b’paga għolja u jamplifikaw l-inugwaljanzi fost il-pensjonanti. Dawk il-miżuri jinkludu t-tneħħija tal-limitu massimu fuq l-introjtu pensjonabbli u l-pensjonijiet u l-introduzzjoni ta’ taxxa fissa fuq l-introjtu personali li tagħti spinta lill-introjtu pensjonabbli ta’ dawk li jaqilgħu paga għolja. Il-pensjoni minima baqgħet nominalment l-istess mill-2008, u dan jaffettwa s-sitwazzjoni ta’ dawk bi storja ta’ impjieg interrotta u qligħ medju baxx matul il-karriera tagħhom.
(21)L-Ungerija ppreżentat id-dokumenti tal-ipprogrammar tal-politika ta’ koeżjoni - il-Ftehim ta’ Sħubija fit-30 ta’ Diċembru 2021 u l-Programm għall-Iżvilupp Ekonomiku u l-Innovazzjoni Plus fis-26 ta’ Jannar 2022 [żid aktar OPs jekk imressqa sal-pubblikazzjoni tal-Pakkett tar-Rebbiegħa]. F’konformità mar-Regolament (UE) 2021/1060 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ġunju 2021, l-Ungerija se tqis ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż rilevanti fl-ipprogrammar tal-fondi tal-politika ta’ koeżjoni 2021-2027. Dan huwa prerekwiżit għat-titjib tal-effettività u l-massimizzazzjoni tal-valur miżjud tal-appoġġ finanzjarju li għandu jiġi riċevut mill-fondi tal-politika ta’ koeżjoni, filwaqt li jiġu promossi l-koordinazzjoni, il-komplementarjetà u l-koerenza bejn dawn il-fondi u strumenti u fondi oħra tal-Unjoni. L-implimentazzjoni b’suċċess tal-programmi tal-politika ta’ koeżjoni tiddependi wkoll mit-tneħħija ta’ ostakli għall-investiment biex tiġi appoġġata t-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali u l-iżvilupp territorjali bbilanċjat.
(22)Is-suq tax-xogħol tal-Ungerija huwa b’mod ġenerali f’forma tajba, madankollu, għad fadal sfidi fir-rigward tar-rata baxxa ta’ impjieg tan-nisa u ta’ gruppi żvantaġġati. L-ommijiet bi tfal żgħar għandhom it-tendenza li jibqgħu ’l bogħod mix-xogħol għal żmien twil, parzjalment minħabba l-iskarsezza ta’ postijiet għall-indukrar tat-tfal għal tfal taħt l-età ta’ tliet snin. L-għadd ta’ postijiet għall-indukrar tat-tfal qed jiżdied gradwalment bis-saħħa ta’ programmi ddedikati, iżda dawn l-istituzzjonijiet qed jiffaċċjaw ukoll nuqqas ta’ persunal. Hemm lok sinifikanti biex tiżdied ir-rata ta’ impjieg ta’ ċerti gruppi żvantaġġati, bħall-persuni b’livell baxx ta’ ħiliet, il-persuni qiegħda fit-tul, il-persuni b’diżabilità u r-Rom. Dawn il-gruppi jistgħu jiġu mobilizzati aħjar billi jiġu mgħammra b’ħiliet u billi jiġu megħjuna b’mod attiv biex isibu impjieg. L-assistenza matul it-tiftix ta’ impjieg hija limitata, u nofs biss tal-persuni qiegħda rreġistrati jirċievu benefiċċji finanzjarji. It-tul tal-benefiċċju tal-qgħad huwa fost l-iqsar fl-UE. In-nuqqas ta’ impjieg huwa kkonċentrat fir-reġjuni inqas żviluppati u fiż-żoni rurali.
(23)Ir-riskju tal-faqar naqas b’mod sinifikanti, iżda ħafna nies għadhom ma jistgħux jaffordjaw ħtiġijiet bażiċi. Ir-rati ta’ privazzjoni materjali u soċjali għadhom fost l-ogħla fl-UE, speċjalment għat-tfal. Il-faqar u l-esklużjoni soċjali huma kkonċentrati fi gruppi u territorji speċifiċi. Ir-rati tal-faqar huma minn tlieta sa erba’ darbiet ogħla għar-Rom, li hu relatat mal-aċċess aktar limitat tagħhom għas-suq tax-xogħol u għas-servizzi pubbliċi. Ix-xibka ta’ sikurezza soċjali ddgħajfet għall-familji mingħajr impjieg stabbli matul l-aħħar għaxar snin u d-distakk tal-faqar kiber dan l-aħħar. Is-sistema tat-taxxa hija ta’ piż sproporzjonat għall-ħaddiema b’paga aktar baxxa. Il-familji bi dħul baxx huma wkoll inqas probabbli li jibbenefikaw mill-allowance tat-taxxa fuq l-introjtu għal kull tifel u tifla. Is-sorsi ewlenin ta’ dħul tagħhom, bħall-paga tax-xogħlijiet pubbliċi, l-introjtu minimu u l-allowance tal-familja ma laħħqux l-għoli tal-ħajja. Il-prezzijiet regolati għall-enerġija residenzjali baqgħu l-istess, u b’hekk jipproteġu parzjalment lill-unitajiet domestiċi minn żidiet riċenti fil-prezzijiet tal-komoditajiet. Madankollu, dan ma jgħinx lil unitajiet domestiċi rurali fqar li jużaw fjuwils solidi għat-tisħin. Iż-żieda fil-prezzijiet tad-djar tippreżenta sfida ulterjuri għall-familji bi dħul baxx, li għandhom diffikultà biex jaċċessaw skemi ta’ appoġġ għall-akkomodazzjoni pubblika. Sadanittant, l-akkomodazzjoni soċjali saret skarsa u spiss mhix mantnuta tajjeb.
(24)Ir-riżultati tal-edukazzjoni fl-Ungerija huma taħt il-medja tal-UE. Sal-età ta’ 15 sena, il-ħiliet bażiċi huma ferm taħt il-medji tal-UE u reġjonali u naqsu matul l-aħħar għaxar snin. Għall-kuntrarju tax-xejriet Ewropej, it-tluq bikri mill-iskola f’dawn l-aħħar għaxar snin żdied għal 12,0 % fl-2021, ogħla mill-medja tal-UE ta’ 9,7 %. It-tluq bikri mill-iskola huwa ogħla fid-distretti l-inqas żviluppati, u sitt darbiet ogħla fost ir-Rom milli fost dawk li mhumiex Rom. Is-sehem ta’ persuni bejn il-25 u l-34 sena b’diploma terzjarja żdied mill-2010, iżda għadu fost l-aktar baxxi fl-UE. Il-parteċipazzjoni fit-tagħlim għall-adulti hija ftit aktar minn nofs il-medja tal-UE. Hemm nuqqas ta’ ħiliet diġitali, speċjalment fost nies aktar fqar. Fl-aktar żewġ kwartili bl-inqas introjtu, 13 % u 18 % biss tal-Ungeriżi għandhom mill-inqas ħiliet diġitali bażiċi, li huma fost l-aktar perċentwal baxx fl-UE. L-istudenti żvantaġġati għandhom ċans baxx li jidħlu fil-mogħdijiet tal-edukazzjoni għolja. L-inugwaljanza fl-edukazzjoni tnaqqas il-possibbiltà għall-mobilità soċjali. L-effikaċja u l-ekwità baxxi fis-sistema skolastika x’aktarx li jkunu marbuta mal-livell baxx ta’ awtonomija kurrikulari, in-nuqqas ta’ diversità soċjoekonomika fl-iskejjel u s-salarji baxxi tal-għalliema. In-nuqqas ta’ għalliema huwa dejjem aktar problema. Filwaqt li l-indikaturi aggregati, bħall-proporzjon bejn l-għalliema u l-istudenti, ma jindikawx nuqqasijiet akuti, analiżi aktar dettaljata turi li jeżistu nuqqasijiet għal suġġetti speċifiċi bħall-matematika, ix-xjenza u l-lingwi barranin. In-nuqqas ta’ għalliema huwa marbut ukoll mal-frammentazzjoni tas-sistema skolastika, peress li nofs l-iskejjel primarji u sekondarji tal-ewwel livell kollha għandhom inqas minn 150 student. L-iskejjel bi proporzjon għoli ta’ studenti żvantaġġati għandhom it-tendenza li jbatu b’mod partikolari min-nuqqas ta’ għalliema kwalifikati. Aktar minn nofs il-gradwati mill-edukazzjoni tal-għalliema jispiċċaw f’karrieri oħra minħabba l-piż kbir ta’ xogħol u l-paga baxxa tal-għalliema, speċjalment fil-bidu tal-karriera tagħhom. Barra minn hekk, il-ġestjoni ċentralizzata tal-iskejjel tħalli lill-kapijiet tal-iskejjel b’awtonomija u għodod limitati biex itejbu l-kwalità tat-tagħlim.
(25)Ir-riżultati tas-saħħa għadhom lura meta mqabbla ma’ ħafna mill-Istati Membri, u dan jirrifletti kemm stili ta’ ħajja li mhumiex tajbin għas-saħħa kif ukoll l-effikaċja limitata tal-provvediment tal-kura tas-saħħa. Il-prevalenza tat-tipjip, tal-problemi tal-abbuż tal-alkoħol u tal-obeżità hija waħda mill-ogħla fl-Unjoni. L-Ungeriżi huma fost dawk li l-aktar probabbli fl-Unjoni li jsofru minn mewta prematura minħabba l-kwalità ħażina tal-arja. L-għadd ta’ mwiet li jistgħu jiġu evitati huwa wieħed mill-ogħla fl-Unjoni parzjalment minħabba kontroll u ġestjoni tal-kura primarja inadegwati. Hemm disparitajiet soċjoekonomiċi sinifikanti fl-aċċess għal kura ta’ kwalità, minħabba nuqqas imdaqqas ta’ persunal tal-kura tas-saħħa, b’mod partikolari tobba tal-familja u infermiera. In-netwerk tal-isptarijiet huwa frammentat u għandu għadd kbir ta’ sodod tal-isptarijiet. Il-pazjenti Ungeriżi jqattgħu l-itwal żmien fi sptarijiet madwar l-UE, minħabba li l-użu tal-proċeduri tal-kirurġija ta’ jum wieħed baqa’ baxx meta mqabbel mal-bqija tal-UE. Riformi reċenti ħeġġew lill-prattikanti mediċi ġenerali jikkooperaw, u dan itejjeb il-forniment tas-servizzi. Ittieħdu miżuri sinifikanti biex jinqerdu l-pagamenti ta’ gratwitajiet u jiġu indirizzati n-nuqqasijiet ta’ tobba.
(26)Mekkaniżmi ta’ kontroll indipendenti inadegwati u interkonnessjonijiet stretti bejn il-politika u ċerti negozji jwasslu għall-korruzzjoni. Meta jsiru allegazzjonijiet serji, hemm nuqqas sistematiku ta’ azzjoni ddeterminata sabiex jiġu investigati u pproċessati każijiet ta’ korruzzjoni li jinvolvu uffiċjali ta’ livell għoli jew iċ-ċirku immedjat tagħhom. Ir-responsabbiltà għad-deċiżjonijiet biex jingħalqu l-investigazzjonijiet hija kwistjoni ta’ tħassib billi ma hemm l-ebda rimedju effettiv kontra d-deċiżjonijiet tas-servizz tal-prosekuzzjoni li ma ssirx prosekuzzjoni ta’ allegazzjonijiet ta’ attivitajiet kriminali. It-tnaqqis fil-possibbiltajiet ta’ sorveljanza ċivika fil-kuntest tar-restrizzjonijiet għal-libertà tal-media, l-ambjent ostili għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u sfidi rikorrenti fl-applikazzjoni tat-trasparenza u fl-aċċess għar-regoli dwar l-informazzjoni pubblika jkomplu jdgħajfu l-qafas kontra l-korruzzjoni. F’Diċembru 2021, il-gvern ippospona l-implimentazzjoni tal-biċċa l-kbira tal-miżuri fl-istrateġija tiegħu kontra l-korruzzjoni għas-snin 2020-22.
(27)L-indipendenza, l-effiċjenza u l-kwalità tas-sistema ġudizzjarja huma kruċjali biex jattiraw in-negozju u jippermettu t-tkabbir ekonomiku. Għad hemm tħassib dwar l-indipendenza ġudizzjarja. Il-Kunsill Ġudizzjarju Nazzjonali qed tkompli tħabbat wiċċha ma’ diffikultajiet dejjem akbar fil-ħolqien ta’ kontrobilanċ għas-setgħat tal-President tal-Uffiċċju Nazzjonali għall-Ġudikatura. Ir-regoli dwar l-elezzjoni tal-President tal-Qorti Suprema joħolqu riskji ta’ influwenza politika fuq l-ogħla qorti tal-pajjiż. In-nuqqas ta’ trasparenza tal-iskema ta’ allokazzjoni tal-każijiet ma jippermettix lill-partijiet jivverifikaw jekk ġietx applikata xi diskrezzjoni indebita. Tqajmu mistoqsijiet dwar ir-rwol tal-Qorti Kostituzzjonali, magħmula minn membri eletti mill-Parlament mingħajr l-involviment tal-ġudikatura, fir-rieżami tas-sentenzi tal-qrati ordinarji.
(28)L-Ungerija għandha punteġġ baxx fost l-Istati Membri fid-djalogu soċjali, l-involviment tal-partijiet ikkonċernati fl-iżvilupp tal-liġi primarja, il-konsultazzjoni mas-sħab soċjali, is-soċjetà ċivili, u l-użu ta’ strumenti bbażati fuq l-evidenza. Ir-regoli nazzjonali dwar il-konsultazzjoni pubblika obbligatorja dwar abbozzi ta’ atti legali u l-valutazzjonijiet tal-impatt tagħhom ġew sistematikament injorati. L-għadd ta’ liġijiet soġġetti għal konsultazzjoni naqas b’mod sinifikanti f’dawn l-aħħar snin.
(29)Ittieħdu miżuri biex tkompli titjieb is-sistema tat-taxxa, iżda għad hemm xi sfidi. Il-piż tat-taxxa fuq ix-xogħol naqas iżda għadu għoli għal dawk bi dħul baxx. Taxxi speċifiċi għas-settur u għadd kbir ta’ taxxi żgħar jikkomplikaw is-sistema tat-taxxa u jgħollu l-kostijiet ta’ konformità, b’mod partikolari għal ditti iżgħar.
(30)L-ostakli regolatorji u l-involviment tal-Istat fis-swieq tal-prodotti jfixklu l-għażla tal-intrapriżi effiċjenti u jillimitaw il-kompetizzjoni. Eżenzjonijiet ad hoc ta’ tranżazzjonijiet kummerċjali mill-iskrutinju tal-kompetizzjoni jfixklu l-funzjonament tas-suq u jfixklu l-investiment. In-nuqqas ta’ prevedibbiltà tal-qafas legali huwa problema ulterjuri, speċjalment fis-settur tal-bejgħ bl-imnut, li fis-snin reċenti ħabbat wiċċu ma’ bidliet frekwenti fir-regolamenti. Ir-regolamenti u t-taxxi jistgħu jipprevjenu lin-negozji milli jikbru, speċjalment fil-bejgħ bl-imnut u fl-utilitajiet. Ir-regolamentazzjoni tal-professjonijiet għadha restrittiva wkoll. Proċeduri ta’ insolvenza bil-mod u għaljin jistgħu jfixklu r-ristrutturar ta’ negozji li qed ifallu. Is-suq tal-akkwist jibqa’ vulnerabbli għal prattiki antikompetittivi. Il-proporzjon ta’ kuntratti mogħtija fi proċeduri fejn kien hemm offerent wieħed biss jibqa’ fost l-ogħla fl-UE. L-awtoritajiet tejbu s-superviżjoni tar-regolarità tal-akkwist pubbliku bi tweġiba għas-sejbiet tal-awditi suċċessivi tal-Kummissjoni fil-qasam tal-ġestjoni tal-fondi tal-UE, li identifikaw nuqqasijiet u irregolaritajiet serji u sistemiċi, b’mod partikolari relatati mal-użu ta’ ftehimiet qafas. Jekk in-nuqqasijiet kollha identifikati preċedentement ġewx indirizzati b’mod sħiħ għad irid jitqies fil-prattika. Dan l-aħħar, tfaċċaw riskji ġodda bl-esklużjoni apparenti ta’ trusts ta’ interess pubbliku mir-regoli tal-akkwist pubbliku. Fi Frar 2021, il-gvern stabbilixxa għalih innifsu mira ambizzjuża li jnaqqas il-perċentwal ta’ proċeduri ta’ akkwist pubbliku b’offerta waħda biss għal inqas minn 15 %, għalkemm mingħajr skeda ta’ żmien fissa.
(31)It-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali għall-klima għadha fi stadju bikri. Nofs it-territorju tal-Ungerija huwa espost b’mod sinifikanti għar-riskji tat-tibdil fil-klima inklużi n-nixfa u l-għargħar. Dan joħloq il-ħtieġa għal soluzzjonijiet sostenibbli ta’ adattament għat-tibdil fil-klima, b’mod partikolari permezz taż-żamma tal-ilma bbażata fuq in-natura, inkluż permezz tar-restawr tal-idroloġija naturali, l-adattament tal-prattiki agrikoli, u l-monitoraġġ bir-reqqa tal-astrazzjonijiet tal-ilma tal-art u tal-wiċċ għall-irrigazzjoni. Il-kwalità tal-arja u tal-ilma għadhom ta’ tħassib. Is-sorsi ewlenin tat-tniġġis tal-arja huma l-kombustjoni residenzjali ta’ fjuwil solidu u l-emissjonijiet mill-agrikoltura u mit-trasport. Parti kbira min-netwerk tal-provvista tal-ilma tax-xorb tinsab f’qagħda fqira u l-ambjent regolatorju joħloq ostakli għall-investiment. L-ekonomija ċirkolari għadha f’fażi inizjali, ir-riċiklaġġ tal-iskart muniċipali huwa sottożviluppat u l-istrumenti ekonomiċi mhumiex biżżejjed biex jindirizzaw l-isfidi ambjentali. Il-ġestjoni tal-iskart ġiet organizzata mill-ġdid mill-gvern f’diversi stadji. Il-bidliet illimitaw il-kompetizzjoni fis-settur, bl-effett sekondarju ta’ tnaqqis fl-effiċjenza u fir-rati ta’ riċiklaġġ. Is-setturi li x’aktarx jonqsu jew jinbidlu minħabba t-tranżizzjoni ekoloġika jipprovdu impjiegi għal kważi 4 % tal-ħaddiema kollha, li jista’ jkollhom ħtieġa partikolari għal titjib tal-ħiliet u taħriġ mill-ġdid. In-nuqqas ta’ ħaddiema fis-settur tal-enerġija jista’ jxekkel it-tranżizzjoni lejn in-newtralità klimatika.
(32)L-infrastruttura tat-trasport hija kkaratterizzata minn netwerk b’densità għolja ta’ awtostradi u u ta’ ferroviji elettrifikati. L-Ungerija esperjenzat żieda qawwija fl-emissjonijiet fis-settur tat-trasport, li b’mod rapidu qed isir l-akbar settur emittenti. L-Ungerija hija fost l-aktar Stati Membri kkonġestjonati b’għadd dejjem akbar ta’ sigħat mitlufa għal kull sewwieq f’żoni urbani. Is-sehem ta’ karozzi tal-passiġġieri b’emissjonijiet żero f’reġistrazzjonijiet ġodda u l-għadd ta’ punti tal-iċċarġjar qed jikbru b’mod kostanti. Filwaqt li l-indikaturi korrispondenti juru pożizzjoni ta’ tmexxija fost il-pari reġjonali, xorta tibqa’ taħt il-medja tal-UE.
(33)Ir-riċerka u l-innovazzjoni huma fattur kritiku għat-tkabbir u l-kompetittività fit-tul. L-Ungerija hija kklassifikata bħala innovatur emerġenti. L-infiq fuq ir-riċerka u l-iżvilupp qed jiżdied u laħaq 1,61 % tal-PDG fl-2020. In-nuqqas ta’ ħaddiema b’livell għoli ta’ ħiliet huwa ta’ xkiel kbir għall-innovazzjoni. Ir-rati ta’ kisbiet fl-edukazzjoni terzjarja huma fost l-aktar baxxi fl-UE. L-eżenzjoni reċenti tal-ħaddiema żgħażagħ mit-taxxa fuq l-introjtu personali u bidliet strutturali oħra li jfixklu l-libertà akkademika jnaqqsu l-attraenza tal-edukazzjoni għolja. Il-ħiliet diġitali u l-użu tat-teknoloġiji diġitali mid-ditti u mis-servizzi pubbliċi għadhom taħt il-medja tal-Unjoni.
(34)Bi tweġiba għall-mandat tal-Kapijiet ta’ Stat jew ta’ Gvern tal-UE stabbilit fid-Dikjarazzjoni ta’ Versailles, il-pjan REPowerEU għandu l-għan li jelimina d-dipendenza tal-Unjoni Ewropea fuq l-importazzjonijiet tal-fjuwils fossili mir-Russja malajr kemm jista’ jkun. Għal dan il-għan, l-aktar proġetti, investimenti u riformi xierqa fil-livell nazzjonali, reġjonali u tal-UE qed jiġu identifikati fi djalogu mal-Istati Membri. Dawn il-miżuri għandhom l-għan li jnaqqsu d-dipendenza ġenerali fuq il-fjuwils fossili u jċaqalqu l-importazzjonijiet tal-fjuwils fossili lil hinn mir-Russja.
(35)Is-settur tal-enerġija tal-Ungerija jiddependi ħafna fuq ir-Russja għall-fjuwils fossili. Skont id-data tal-2020, kważi l-gass naturali importat kollu jiġi mir-Russja (95 % meta mqabbel mal-medja tal-UE ta’ 44 %). Id-dipendenza fuq ir-Russja għaż-żejt hija wkoll ogħla mill-medja tal-UE (61 % meta mqabbla ma’ 26 %), iżda għall-faħam hija inqas (22 % meta mqabbla ma’ 54 %). Is-sehem tal-gass naturali fit-taħlita tal-enerġija huwa ogħla mill-medja tal-UE (35 % meta mqabbel ma’ 24 %), filwaqt li s-sehem taż-żejt (30 % meta mqabbel ma’ 33 %) u tal-faħam (7 % meta mqabbel ma’ 11 %) huma aktar baxxi. Is-sehem ta’ 13,9 % ta’ sorsi rinnovabbli fil-konsum finali gross tal-enerġija huwa wieħed mill-aktar baxxi fl-UE. L-Ungerija biħsiebha tiddependi aktar fuq l-enerġija solari filwaqt li l-potenzjal tal-enerġija mir-riħ u ġeotermali għadu mhux utilizzat biżżejjed. Il-grilja tal-elettriku teħtieġ investimenti, bħal metraġġ intelliġenti, skemi ta’ prosumaturi, komunitajiet tal-enerġija u pprezzar dinamiku biex takkomoda aktar enerġija rinnovabbli. Barra minn hekk, il-proċeduri ta’ permessi għall-installazzjoni ta’ impjanti li jużaw sorsi ta’ enerġija rinnovabbli jistgħu jiġu ssimplifikati. L-interkonnessjonijiet reġjonali tal-gass jistgħu jippermettu d-diversifikazzjoni tal-importazzjonijiet. Huwa rrakkomandat li investimenti ġodda fl-infrastruttura u fin-netwerks relatati mal-gass ikunu validi għall-futur fejn possibbli, sabiex tiġi ffaċilitata s-sostenibbiltà fit-tul tagħhom permezz ta’ adattament futur għal fjuwils sostenibbli. Biex titnaqqas id-dipendenza ulterjuri, hemm potenzjal kbir biex tittejjeb l-effiċjenza enerġetika fis-settur tal-bini residenzjali. L-applikazzjoni ta’ standards ambjentali aktar stretti għal djar ġodda ġiet posposta bi 18-il xahar sa Ġunju 2022. Il-programm attwali ta’ rinnovazzjoni residenzjali ma jiffokax fuq l-effiċjenza enerġetika u jeskludi fil-prattika l-familji l-aktar vulnerabbli. Il-livell uniformi baxx ta’ prezzijiet regolati tal-enerġija, irrispettivament mill-introjtu tal-unitajiet domestiċi jew il-livell tal-konsum, iżid l-inugwaljanzi fid-dħul u ma joħloqx inċentivi għall-iffrankar tal-enerġija. Biex l-Ungerija tkun konformi mal-objettivi “Lesti għall-mira ta’ 55 %”, se tkun meħtieġa żieda ulterjuri fl-ambizzjoni għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra u ż-żieda fl-enerġija rinnovabbli u l-effiċjenza enerġetika.
(36)Filwaqt li l-aċċellerazzjoni tat-tranżizzjoni lejn in-newtralità klimatika u lil hinn mill-fjuwils fossili se toħloq kostijiet ta’ ristrutturar sinifikanti f’diversi setturi, l-Ungerija tista’ tagħmel użu mill-Mekkaniżmu ta’ Tranżizzjoni Ġusta fil-kuntest tal-politika ta’ koeżjoni biex ittaffi l-impatt soċjoekonomiku tat-tranżizzjoni fir-reġjuni l-aktar milquta. Barra minn hekk, l-Ungerija tista’ tagħmel użu mill-Fond Soċjali Ewropew Plus biex ittejjeb l-opportunitajiet ta’ impjieg u ssaħħaħ il-koeżjoni soċjali.
(37)Fid-dawl tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm ta’ Konverġenza tal-2022 u l-opinjoni tiegħu hija riflessa fir-rakkomandazzjoni (1) hawn taħt,
B’DAN JIRRAKKOMANDA li l-Ungerija tieħu azzjoni fl-2022 u l-2023 biex:
1.Fl-2023, tiżgura li t-tkabbir tan-nefqa kurrenti ffinanzjata nazzjonalment ikun konformi ma’ pożizzjoni ta’ politika ġeneralment newtrali, filwaqt li tqis l-appoġġ temporanju u mmirat kontinwat għall-unitajiet domestiċi u d-ditti l-aktar vulnerabbli għaż-żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija u għan-nies li jaħarbu mill-Ukrajna. Tkun lesta li taġġusta l-infiq attwali għas-sitwazzjoni li qed tevolvi. Tespandi l-investiment pubbliku għat-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali u għas-sigurtà tal-enerġija, inkluż billi tagħmel użu mill-RRF, RePowerEU u fondi oħra tal-UE. Għall-perjodu ta’ wara l-2023, issegwi politika fiskali mmirata lejn il-kisba ta’ pożizzjonijiet fiskali prudenti fuq terminu medju. Ittejjeb is-sostenibbiltà fit-tul tas-sistema tal-pensjonijiet, filwaqt li tippreserva l-adegwatezza b’mod partikolari billi tindirizza l-inugwaljanzi fl-introjtu.
2.Tiffinalizza malajr in-negozjati mal-Kummissjoni tad-dokumenti ta’ programmar tal-politika ta’ koeżjoni 2021-2027 bil-ħsieb li jibda l-implimentazzjoni tagħhom.
3.Tkompli l-integrazzjoni tal-aktar gruppi vulnerabbli fis-suq tax-xogħol, b’mod partikolari permezz tat-titjib tal-ħiliet, u testendi t-tul tal-benefiċċji tal-qgħad. Ittejjeb l-adegwatezza tal-assistenza soċjali u tiżgura l-aċċess għas-servizzi essenzjali u għal akkomodazzjoni adegwata għal kulħadd. Ittejjeb ir-riżultati edukattivi u żżid il-parteċipazzjoni tal-gruppi żvantaġġati, b’mod partikolari r-Rom, f’edukazzjoni formali inklużiva ta’ kwalità. Ittejjeb l-aċċess għas-servizzi preventivi u tal-kura primarja ta’ kwalità.
4.Issaħħaħ il-qafas kontra l-korruzzjoni, anki billi ttejjeb l-isforzi tal-prosekuzzjoni u l-aċċess għall-informazzjoni pubblika, u ssaħħaħ l-indipendenza ġudizzjarja. Ittejjeb il-kwalità u t-trasparenza tal-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet permezz ta’ djalogu soċjali effettiv u impenn ma’ partijiet ikkonċernati oħrajn u valutazzjonijiet tal-impatt regolari. Tkompli tissimplifika s-sistema tat-taxxa. Ittejjeb il-prevedibbiltà regolatorja u l-kompetizzjoni fis-settur tas-servizzi b’mod partikolari fil-bejgħ bl-imnut u fl-utilitajiet, u tapplika l-iskrutinju tal-kompetizzjoni b’mod sistematiku fit-tranżazzjonijiet kummerċjali. Ittejjeb il-kompetizzjoni fl-akkwist pubbliku.
5.Tippromwovi r-riforma u l-investiment fil-ġestjoni tal-ilma u tal-iskart u ċ-ċirkolarità tal-ekonomija, id-diġitalizzazzjoni tan-negozji, il-ħiliet ekoloġiċi u diġitali, u r-riċerka u l-innovazzjoni.
6.Tnaqqas id-dipendenza ġenerali fuq il-fjuwils fossili billi taċċellera l-użu ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, b’mod partikolari billi tissimplifika l-proċeduri għall-għoti ta’ permessi u ttejjeb l-infrastruttura tal-elettriku. Tiddiversifika l-importazzjonijiet tal-fjuwils fossili b’mod partikolari billi ssaħħaħ l-interkonnessjoni ma’ pajjiżi oħra. Tnaqqas id-dipendenza fuq il-fjuwils fossili fil-bini u t-trasport billi żżid l-isforzi fuq miżuri ta’ effiċjenza enerġetika għal kulħadd, speċjalment fi djar residenzjali u fuq l-elettrifikazzjoni tat-trasport.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President