Brussell, 23.5.2022

COM(2022) 600 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-BANK ĊENTRALI EWROPEW, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW, LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI U LILL-BANK EWROPEW TAL-INVESTIMENT

Semestru Ewropew 2022 - Pakkett tar-Rebbiegħa

{SWD(2022) 628 final} - {SWD(2022) 629 final} - {SWD(2022) 630 final} - {SWD(2022) 631 final} - {SWD(2022) 632 final} - {SWD(2022) 633 final} - {SWD(2022) 634 final} - {SWD(2022) 635 final} - {SWD(2022) 636 final} - {SWD(2022) 637 final} - {SWD(2022) 638 final} - {SWD(2022) 639 final}


1. INTRODUZZJONI

Ir-rispons politiku deċiżiv tal-UE wara l-pandemija tal-COVID-19 appoġġa r-reżiljenza tal-Unjoni, kif muri wkoll taħt l-ambjent ġeopolitiku u ekonomiku bla preċedent attwali. Azzjoni ta’ politika kkoordinata fil-livell tal-UE u dak nazzjonali taffiet l-impatt tal-pandemija fuq l-ekonomiji tal-Istati Membri u fetħet it-triq għal irkupru b’saħħtu. L-ekonomija tal-UE laħqet il-livell ta’ produzzjoni tagħha ta’ qabel il-pandemija fil-ħarifa tal-2021 u l-prospetti ta’ qabel ma r-Russja invadiet l-Ukrajna kienu ta’ fażi ta’ espansjoni fit-tul u robusta. Madankollu, il-gwerra tal-aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna ħolqot ambjent ġdid u aggravat l-intoppi li kienu jeżistu qabel għat-tkabbir, li kienu mistennija li jbattu. Aktar żidiet fil-prezzijiet tal-prodotti bażiċi, interruzzjonijiet imġedda fil-provvista u żieda fl-inċertezza qed ixekklu t-tkabbir u jimplikaw riskji negattivi sinifikanti. Dan joħloq ukoll sfidi addizzjonali għall-ekonomiji tal-UE relatati mas-sigurtà tal-provvista tal-enerġija u d-dipendenzi fuq il-fjuwils fossili mir-Russja. Il-pressjonijiet inflazzjonarji li qed jikbru lil hinn mill-prezzijiet tal-enerġija, flimkien mal-influss kbir ta’ nies li qed jaħarbu mill-gwerra, qed ikollhom impatt dirett fuq is-soċjetajiet Ewropej. Madankollu, l-ekonomija tal-UE qed turi r-reżiljenza tagħha, u hija pproġettata li tkompli tespandi fl-2022-2023. Imbottaturi residwi minn dinamiċi li fetħu mill-ġdid, suq tax-xogħol li għadu qed jitjieb u rispons politiku b’saħħtu għax-xokk pandemiku għadhom jappoġġaw it-tkabbir. Azzjonijiet fuq terminu qasir, inkluż l-Appoġġ temporanju biex jittaffew ir-Riskji ta’ Qgħad f’Emerġenza (Support to mitigate Unemployment Risks in an Emergency, SURE), l-Inizjattiva ta’ Investiment fir-Rispons għall-Coronavirus, REACT-EU jew il-qafas temporanju tal-għajnuna mill-Istat, u l-introduzzjoni li għaddejja ta’ NextGenerationEU, bil-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (Recovery and Resilience Facility, RRF) fil-qalba tagħha, taw riżultati ċari. Fl-istess ħin, il-proġettazzjonijiet tat-tkabbir huma mdawra b’inċertezza eċċezzjonali u soġġetti għal riskji negattivi qawwija.

REPowerEU huwa l-pjan tal-UE li tnaqqas id-dipendenza tal-Ewropa mill-fjuwils fossili Russi malajr kemm jista’ jkun u ferm qabel l-2030, billi taċċellera l-Patt Ekoloġiku Ewropew. Fuq il-bażi tal-pakkett tal-Kummissjoni tat-18 ta’ Mejju 1 , REPowerEU jaċċellera l-miżuri mmirati lejn enerġija aktar affordabbli, sigura u sostenibbli fid-dawl tal-isfidi emerġenti. Il-każ għat-tnaqqis tad-dipendenza tagħna fuq il-fjuwils fossili mir-Russja qatt ma kien aktar ċar. Jenħtieġ li jkun ibbażat fuq tranżizzjoni rapida lil hinn mill-fjuwils fossili kollha, kif ukoll fuq it-tisħiħ tar-reżiljenza soċjali u ekonomika tagħna. Il-pjan REPowerEU jinkludi miżuri konkreti biex titnaqqas id-dipendenza enerġetika tal-Unjoni fuq il-fjuwils Russi kollha u titħaffef l-implimentazzjoni tal-Patt Ekoloġiku Ewropew b’azzjonijiet ġodda, li jibnu fuq il-pakkett “Lesti għall-mira ta’ 55 %”. Il-pjan jimmobilizza finanzjament addizzjonali biex ikompli jaċċellera d-dekarbonizzazzjoni tal-ekonomija tagħna u jindirizza l-lakuni li fadal fl-infrastruttura tal-UE, inklużi konnessjonijiet transfruntiera importanti. Dan jinkludi wkoll miżuri biex jittaffew l-impatti fuq id-ditti u l-unitajiet domestiċi tal-interruzzjonijiet fil-provvista tal-enerġija marbuta mal-invażjoni Russa. Il-miżuri biex jitħaffu l-proċeduri tal-għoti tal-permessi se jisfruttaw il-potenzjal tal-UE fl-enerġija rinnovabbli, flimkien ma’ azzjonijiet biex jiġi indirizzat in-nuqqas ta’ ħiliet ekoloġiċi.

Is-Semestru Ewropew u l-RRF jipprovdu oqfsa robusti biex tiġi żgurata koordinazzjoni effettiva tal-politika u biex jiġu indirizzati l-isfidi attwali. L-erba’ dimensjonijiet tas-sostenibbiltà kompetittiva tal-UE - is-sostenibbiltà ambjentali, il-produttività, il-ġustizzja u l-istabbiltà makroekonomika - se jkomplu jiggwidaw l-azzjoni ta’ politika fil-livell Ewropew u nazzjonali. Ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi adottati fil-kuntest tas-Semestru Ewropew jipprovdu gwida lill-Istati Membri biex iwieġbu b’mod adegwat għall-isfidi persistenti u ġodda u jaslu għall-objettivi ewlenin ta’ politika kondiviżi tagħhom. Din is-sena jinkludu wkoll gwida għal kapitoli dedikati ġodda tar-REPowerEU fil-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza (recovery and resilience plans, RRPs), biex titnaqqas id-dipendenza fuq il-fjuwils fossili permezz ta’ riformi u investimenti f’konformità mal-prijoritajiet tar-REPowerEU 2 . L-RRF se tkompli tixpruna l-aġendi ta’ riforma u ta’ investiment tal-Istati Membri għas-snin li ġejjin u hija l-għodda ewlenija biex titħaffef it-tranżizzjoni doppja ekoloġika u diġitali u tissaħħaħ ir-reżiljenza tal-Istati Membri, inkluż permezz tal-implimentazzjoni ta’ miżuri nazzjonali u transfruntiera skont ir-REPowerEU. L-RRF tappoġġa wkoll proġetti multinazzjonali u ssaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri. Dan huwa kkomplementat minn fondi tal-politika ta’ koeżjoni u programmi oħra 3 , li jiffaċilitaw it-twettiq ta’ prijoritajiet ewlenin tal-Unjoni għall-investiment fil-livelli nazzjonali u reġjonali, sabiex l-ebda reġjun u l-ebda persuna ma jitħallew lura. Iċ-ċiklu tas-Semestru Ewropew 2022 jipprovdi wkoll rappurtar aġġornat u konsistenti dwar il-progress lejn il-kisba tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (Sustainable Development Goals, SDGs) fl-Istati Membri kollha. Fil-livell tal-Unjoni, filwaqt li ġie osservat progress f’dawn l-aħħar snin fir-rigward ta’ kważi l-SDGs kollha, jeħtieġ li jsir aktar, anke fil-kuntest tal-konsegwenzi tal-COVID-19 u s-sitwazzjoni ġeopolitika u ekonomika attwali 4 .

2. IL-PROSPETTI EKONOMIĊI U TAL-IMPJIEGI

Wara perjodu kajman fil-bidu tal-2021, il-prospetti għall-ekonomija tal-UE kienu ta’ espansjoni vigoruża matul din is-sena u dik li jmiss. Wara l-irkupru qawwi fl-attività ekonomika li beda fir-rebbiegħa tas-sena l-oħra u li kompla bl-istess rittmu matul il-bidu tal-ħarifa, il-momentum tat-tkabbir fl-UE naqas bl-impatt tal-intensifikazzjoni tar-reżistenzi. Il-qawmien mill-ġdid tal-pandemija fil-ħarifa li għaddiet u t-tixrid rapidu tal-varjant il-ġdid ta’ Omicron wasslu għal pressjonijiet imġedda fuq is-sistemi tal-kura tas-saħħa u wasslu biex jerġgħu jiddaħħlu r-restrizzjonijiet, għalkemm ġeneralment ta’ natura aktar moderata jew aktar immirata milli f’mewġiet preċedenti. Ostakli loġistiċi u fil-provvista persistenti, inklużi nuqqasijiet ta’ semikondutturi, materja prima u komoditajiet tal-metall, kienu ta’ piż fuq il-produzzjoni, bħalma kienu l-prezzijiet għoljin tal-enerġija u n-nuqqas ta’ ħaddiema f’ħafna pajjiżi tal-UE. Il-pressjonijiet inflazzjonarji bdew inaqqsu l-kapaċità tal-akkwist tal-unitajiet domestiċi. Madankollu, billi l-kundizzjonijiet tal-provvista kienu mistennija li jinnormalizzaw u l-pressjonijiet inflazzjonarji jimmoderaw, l-attività ekonomika kienet mistennija terġa’ taqbad tirpilja. Suq tax-xogħol li qed jitjieb kontinwament, tfaddil akkumulat kbir tal-unitajiet domestiċi, kundizzjonijiet ta’ finanzjament li għadhom favorevoli, u l-introduzzjoni tal-RRF kollha kienu mistennija li jsostnu fażi espansjonarja fit-tul u robusta.

L-invażjoni Russa tal-Ukrajna dgħajfet l-aspettattivi ekonomiċi globali. L-impatt negattiv fuq il-prospetti ekonomiċi jaġixxi permezz ta’ diversi kanali. Dawn jinkludu effetti negattivi fuq il-fiduċja, kummerċ aktar baxx, kundizzjonijiet ta’ finanzjament aktar stretti u speċjalment prezzijiet ogħla tal-komoditajiet, li min-naħa tagħhom iġibu interruzzjonijiet imġedda fil-ktajjen tal-provvista u stress addizzjonali fuq il-loġistika globali. Lil hinn minn dawn il-konsegwenzi immedjati, l-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja wasslet għal diżakkoppjament mir-Russja, inkluż fir-rigward tar-relazzjonijiet kummerċjali u finanzjarji, li l-iskala tiegħu hija diffiċli biex tinftiehem kompletament f’dan l-istadju. B’mod parallel, il-miżuri drastiċi reċenti ta’ konteniment tal-pandemija applikati f’xi partijiet taċ-Ċina jistgħu, jekk imtawla, iżidu l-konġestjonijiet eżistenti. L-ambjent ġeopolitiku l-ġdid jitlob azzjonijiet biex tinkiseb l-awtonomija strateġika miftuħa tal-UE u titnaqqas id-dipendenza tagħha fuq l-enerġija u prodotti u teknoloġiji strateġiċi oħra.

Filwaqt li l-invażjoni Russa tal-Ukrajna żiedet l-inċertezza, il-prospetti ekonomiċi għadhom jindikaw espansjoni ekonomika kontinwa fl-2022 u l-2023, li juri r-reżiljenza tal-ekonomija tal-UE. Dan jirrifletti l-pożizzjoni komda tal-bidu qabel it-tifqigħa tal-gwerra u l-appoġġ kruċjali pprovdut mill-użu sħiħ tal-RRF. Skont it-Tbassir Ekonomiku Ewropew tar-rebbiegħa 2022, it-tkabbir reali tal-PDG fl-UE huwa mistenni li jonqos minn madwar 5,4 % fl-2021 għal 2,7 % fl-2022 u 2,3 % fl-2023. Ir-rata ta’ impjieg għal nies ta’ bejn il-15 u l-74 sena hija mbassra li tiżdied minn 72,5 % fl-2021 għal 73,5 % fl-2022 u 74,2 % fl-2023. L-inflazzjoni hija mistennija li tkun ogħla u tibqa’ elevata għal żmien itwal mit-tbassir preċedenti, xprunata minn żidiet fil-prezzijiet tal-komoditajiet ikkawżati mill-gwerra u pressjonijiet dejjem akbar fuq il-prezzijiet. Għall-2022, hija pproġettata għal 6,8 % u 3,2 % fl-2023. Il-prospetti ġodda ta’ tkabbir huma konsiderevolment inqas brillanti milli pproġettati qabel l-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja, minħabba riskji negattivi għall-prospetti ekonomiċi fil-kuntest tal-aggressjoni tar-Russja, żidiet bla preċedent fil-prezzijiet tal-enerġija u tfixkil kontinwu fil-katina tal-provvista. Fl-istess ħin, in-natura u d-daqs bla preċedent tax-xokkijiet il-ġodda jagħmlu l-proġettazzjonijiet kollha soġġetti għal inċertezza konsiderevoli.

Prospetti aktar baxxi ta’ tkabbir u l-intensifikazzjoni tal-pressjonijiet fuq il-prezzijiet joħolqu dilemmi ta’ politika. Għal ħafna minn dawn l-aħħar sentejn, il-kombinazzjoni ta’ politika monetarja akkomodattiva u appoġġ fiskali b’saħħtu ppermettew lill-Istati Membri tal-UE jistabbilizzaw l-ekonomija fid-dawl tal-pandemija. Ix-xokkijiet li nħolqu mill-gwerra huma ta’ piż predominanti fuq in-naħa tal-provvista tal-ekonomija, u dan ifixkel it-tkabbir tal-produzzjoni filwaqt li jgħolli l-inflazzjoni għal rati li qatt ma dehru mill-introduzzjoni tal-munita unika. Min-naħa tagħha, il-politika fiskali hija mitluba ttaffi l-impatt tal-prezzijiet tal-enerġija li qed jogħlew, b’mod partikolari għall-unitajiet domestiċi vulnerabbli, filwaqt li żżomm f’moħħha l-impatt potenzjali tal-miżuri fuq l-inflazzjoni, il-konsistenza mal-għan fit-tul li titnaqqas id-dipendenza ġenerali fuq il-fjuwils fossili u li l-importazzjonijiet tal-fjuwils fossili jitbiegħdu mir-Russja, kif ukoll il-ħtieġa għal prudenza biex tinżamm is-sostenibbiltà fiskali.

3. RABTA BEJN IS-SEMESTRU EWROPEW, ir-RRF U REPOWEREU - OBJETTIVI EWLENIN GĦAR-RAKKOMANDAZZJONIJIET SPEĊIFIĊI GĦALL-PAJJIŻI TAL-2022

L-RRF hija l-għodda ċentrali biex jitwettqu l-prijoritajiet ta’ politika tal-UE taħt is-Semestru Ewropew u, flimkien mar-REPowerEU, biex jiġu indirizzati l-isfidi li għadhom kif tfaċċaw. Il-Faċilità, bis-sistema ta’ monitoraġġ b’saħħitha tagħha bbażata fuq il-prestazzjoni, qed tipprovdi appoġġ finanzjarju importanti għall-implimentazzjoni ta’ riformi u investimenti ewlenin, li jinvolvu impuls fiskali u ta’ riforma ffinanzjat mill-Unjoni. Sena wara l-introduzzjoni tagħha, sar progress kbir, li wassal għal effetti konsegwenzjali pożittivi madwar l-UE filwaqt li appoġġa l-konverġenza, b’mod partikolari madwar iż-Żona tal-Euro. L-implimentazzjoni tal-RRPs ambizzjużi hija kruċjali biex titrawwem it-tranżizzjoni doppja u tiżdied ir-reżiljenza tal-Istati Membri. F’konformità mar-Regolament dwar ir-RRF, l-RRPs nazzjonali jkopru r-rakkomandazzjonijiet rilevanti speċifiċi għall-pajjiżi kollha jew subsett sinifikanti minnhom. Is-Semestru Ewropew u l-RRF għalhekk se jkomplu jkunu interkonnessi mill-qrib biex tiġi żgurata l-komplementarjetà fil-prijoritajiet ta’ politika li huma stabbiliti li jiksbu, billi jiġu evitati d-duplikazzjonijiet u jiġi minimizzat il-piż amministrattiv. L-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja biddlet il-kuntest ġeopolitiku u ekonomiku. Id-Dikjarazzjoni ta’ Versailles 5 appellat għal aktar passi deċiżivi lejn il-bini tas-sovranità Ewropea, billi jitnaqqsu d-dipendenzi strateġiċi tal-UE, tiżdied is-sigurtà tal-provvista b’mod partikolari fil-qasam tal-materja prima kritika u jitneħħew gradwalment id-dipendenzi tagħna fuq il-fjuwils fossili mir-Russja. L-RRF se jkollha rwol ċentrali fil-mobilizzazzjoni u t-tmexxija tar-riżorsi disponibbli fil-livell Ewropew biex jintlaħqu dawn l-objettivi, kif deskritt ukoll bir-REPowerEU.

Kif imħabbar fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir Sostenibbli tal-2022, il-Pakkett tar-rebbiegħa ta’ din is-sena jintroduċi mill-ġdid ir-rapporti tal-pajjiżi u r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi (country-specific recommendations, CSRs). Ir-rapporti tal-pajjiżi jipprovdu stampa tal-isfidi eżistenti u emerġenti ġodda tul l-erba’ dimensjonijiet tas-sostenibbiltà kompetittiva, kif ukoll ir-reżiljenza tal-Istati Membri individwali biex jindirizzaw dawn l-isfidi, kif rifless ukoll fid-dashboards tar-reżiljenza żviluppati mill-Kummissjoni 6 . Ir-rapporti tal-pajjiżi jqisu l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi tal-passat u tal-miżuri inklużi fl-RRPs li fil-biċċa l-kbira se jixprunaw l-aġendi ta’ riforma u investiment tal-Istati Membri sal-2026 7 . Ir-rapporti jidentifikaw sfidi ewlenin pendenti jew emerġenti ġodda, li mhumiex koperti biżżejjed mill-impenji meħuda fl-RRPs, li huma l-bażi għas-CSRs ta’ din is-sena. Din l-“analiżi tal-lakuni” u r-rakkomandazzjonijiet relatati jqisu b’mod partikolari l-ħtieġa li jitnaqqsu d-dipendenzi tagħna fuq l-enerġija wara l-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja, f’konformità mal-prijoritajiet tar-REPowerEU, u li jiġu indirizzati l-implikazzjonijiet soċjoekonomiċi relatati.

Minħabba n-natura inklużiva tal-RRPs, rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi mmirati jindirizzaw għadd limitat ta’ sfidi addizzjonali ta’ riforma u investiment 8 . L-Istati Membri għandhom jiffukaw primarjament fuq l-implimentazzjoni f’waqtha tal-RRPs. Għalhekk, il-Kummissjoni tipproponi lill-Kunsill biex jindirizza lill-Istati Membri kollha b’RRP approvat: rakkomandazzjoni dwar il-politika fiskali, inklużi riformi fiskali-strutturali fejn rilevanti; rakkomandazzjoni dwar l-implimentazzjoni tal-RRP u l-programmi tal-politika ta’ koeżjoni; rakkomandazzjoni dwar il-politika tal-enerġija f’konformità mal-objettivi ta’ REPowerEU; fejn rilevanti, rakkomandazzjoni addizzjonali dwar sfidi strutturali pendenti u/jew emerġenti ġodda,  ibbażata fuq l-analiżi tal-lakuni. Il-kamp ta’ applikazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet huwa akbar għall-Istati Membri li ma għandhomx RRPs approvati.

L-RRF hija għodda b’saħħitha biex jintlaħqu l-objettivi ta’ REPowerEU. L-RRF toffri qafas eżistenti ta’ monitoraġġ u rappurtar li skontu l-Istati Membri jistgħu jirrapportaw ukoll il-progress li jkun sar fl-ilħuq tal-objettivi ta’ REPowerEU, f’sinerġija sħiħa mal-implimentazzjoni tal-pjanijiet nazzjonali eżistenti u aġġornati dwar l-enerġija u l-klima 9 u s-Semestru Ewropew. L-Istati Membri huma mħeġġa bil-qawwa biex jippreżentaw investimenti u riformi addizzjonali u jsaħħu l-miżuri eżistenti biex irawmu s-sigurtà tal-enerġija tal-UE u jnaqqsu d-dipendenza fuq il-fjuwils fossili Russi. Għal dan il-għan, l-Istati Membri huma mistiedna jipproponu kapitolu ddedikat dwar ir-REPowerEU fl-RRPs tagħhom, f’konformità mal-Gwida rispettiva maħruġa fit-18 ta’ Mejju 10 . F’dan il-kuntest, is-CSRs li għadhom kif inħarġu fl-2022 fil-qasam tal-enerġija se jsiru partikolarment rilevanti għar-riformi u l-investimenti inklużi fil-kapitoli REPowerEU. Meta tivvaluta l-kapitolu addizzjonali u kwalunkwe modifika mmirata oħra biex tindirizza CSRs ġodda, il-Kummissjoni se tqis l-informazzjoni analitika kollha dwar l-Istat Membru disponibbli fil-kuntest tas-Semestru Ewropew u tikkunsidra l-miżuri diġà inklużi fl-RRPs kif ukoll fil-programmi tal-politika ta’ koeżjoni għall-2021–2027.

4. LIL HINN MILL-RRPs - ĦARSA ĠENERALI LEJN L-ISFIDI KOMUNI IDENTIFIKATI

Filwaqt li jenħtieġ li l-Istati Membri jipproċedu bl-implimentazzjoni tal-RRPs tagħhom, għad hemm għadd ta’ sfidi pendenti u tfaċċaw oħrajn ġodda, inkluż bħala riżultat tal-invażjoni tal-Ukrajna, li għandhom impatt fuq l-erba’ dimensjonijiet tas-sostenibbiltà kompetittiva. Għalhekk, l-Istati Membri jiffaċċjaw kemm sfidi komuni kif ukoll dawk speċifiċi għall-pajjiż li jeħtieġu azzjoni ta’ politika, kif rifless fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi.

4.1 Enerġija u sostenibbiltà ambjentali

L-aċċellerazzjoni tad-dekarbonizzazzjoni se tnaqqas id-dipendenza tagħna fuq il-fjuwils fossili filwaqt li tgħin ukoll biex jintlaħqu l-għanijiet klimatiċi tagħna għall-2030 kif stabbilit fil-Liġi Ewropea dwar il-Klima 11 . L-invażjoni tal-Ukrajna kixfet id-dipendenza tal-UE fuq l-importazzjonijiet tal-fjuwils fossili. Hija ssaħħaħ il-każ ambjentali, ekonomiku u ta’ sigurtà għaż-żieda fl-enerġija rinnovabbli u t-tnaqqis tal-konsum tal-enerġija. B’sehem ta’ 22 % tal-konsum finali gross tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli, fuq il-bażi tal-aktar data reċenti, l-UE qabżet b’2 punti perċentwali l-mira tagħha għall-2020, iżda issa huwa meħtieġ aktar sforz. Fil-pakkett tagħha “Lesti għall-Mira ta’ 55 %” ta’ Lulju 2021, il-Kummissjoni pproponiet li żżid il-mira tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli għall-2030 minn tal-anqas 32 % għal mill-inqas 40 % tat-taħlita enerġetika globali tal-UE, u li żżid il-mira tal-effiċjenza fl-enerġija biex jinkiseb tnaqqis ta’ 9 % fil-konsum tal-enerġija sal-2030 meta mqabbel mal-proġettazzjonijiet tal-linja bażi. Minħabba l-ħtieġa urġenti li l-UE ssir inqas dipendenti fuq il-fjuwils fossili Russi, bħala parti mill-Pjan REPowerEU tagħha, il-Kummissjoni ressqet emendi leġiżlattivi biex iżżid il-mira tal-enerġija rinnovabbli għall-2030 għal mill-inqas 45 % u l-mira tal-effiċjenza enerġetika għall-2030 għal mill-inqas -13 %.

It-tnaqqis tal-konsum tal-enerġija u ż-żieda fis-sehem tal-enerġija rinnovabbli jirrikjedu l-mobilizzazzjoni ta’ livelli ogħla ta’ investiment pubbliku u privat. Stimi preċedenti tal-ħtiġijiet ta’ investiment addizzjonali għat-tranżizzjoni ekoloġika ta’ EUR 520 biljun fis-sena 12 x’aktarx li jkunu fin-naħa t’isfel tal-ħtiġijiet reali, bħala riżultat tal-ħtieġa li t-tranżizzjoni tal-enerġija tiġi antiċipata wara l-invażjoni Russa tal-Ukrajna. L-investiment pubbliku u privat fl-enerġija jenħtieġ li jiffoka fuq it-tnaqqis tal-konsum tal-enerġija f’konformità mal-prinċipju “l-effiċjenza enerġetika tiġi l-ewwel” 13 , l-appoġġ lill-unitajiet domestiċi foqra fl-enerġija, l-għoti tas-setgħa lill-parteċipazzjoni attiva tal-konsumaturi fit-tranżizzjoni tal-enerġija, iż-żieda fis-sehem tal-enerġija rinnovabbli u l-promozzjoni tal-mobbiltà sostenibbli u d-dekarbonizzazzjoni tal-industrija, filwaqt li s-sussidji diretti u indiretti għall-enerġiji fossili jenħtieġ li jitneħħew gradwalment bħala kwistjoni ta’ prijorità. L-investimenti fir-riċerka u l-innovazzjoni se jkunu kruċjali biex titħaffef it-tranżizzjoni ekoloġika. Se jkun meħtieġ ukoll investiment fl-infrastruttura tal-enerġija, inkluż f’kuntest transfruntier, biex jiġu diversifikati s-sorsi tal-provvista tal-enerġija, b’enfasi fuq l-enerġija nadifa, u biex tiġi żgurata s-sigurtà tal-enerġija. B’mod partikolari, l-iżvilupp ta’ interkonnetturi transfruntiera se jikkontribwixxi biex tiżdied is-sigurtà tal-provvista billi jagħtu lill-Istati Membri aċċess għal sorsi tal-enerġija addizzjonali u aktar diversifikati u jżidu l-flessibbiltà u r-reżiljenza tas-swieq tal-enerġija tagħhom. L-Istati Membri jridu jimmobilizzaw is-sorsi ta’ finanzjament pubbliċi u privati kollha disponibbli biex jiffinanzjaw dawn l-investimenti, inkluż billi jallokaw sehem akbar mid-dħul tal-ETS (emissions trading system). Investimenti ġodda fl-infrastruttura u fin-networks relatati mal-gass jista’ jkollhom rwol fid-diversifikazzjoni tal-provvisti tal-enerġija u fiż-żieda tas-sigurtà tal-provvista. Huwa rrakkomandat li dawn jibqgħu tajbin għall-futur fejn possibbli, sabiex jiffaċilitaw is-sostenibbiltà fit-tul tagħhom permezz ta’ adattament futur għal fjuwils sostenibbli.

Proċeduri amministrattivi kkumplikati jfixklu l-użu ta’ proġetti tal-enerġija rinnovabbli. Il-partijiet ikkonċernati ripetutament indikaw il-proċeduri amministrattivi f’diversi Stati Membri bħala ostaklu ewlieni għall-użu ta’ proġetti tal-enerġija rinnovabbli u infrastruttura relatata, li jħallu impatt fuq iċ-ċertezza tal-investituri, l-ippjanar tal-proġetti u r-rati ġenerali tal-approvazzjoni tal-proġetti. L-isforzi għandhom jiffukaw b’mod partikolari fuq it-traspożizzjoni sħiħa tad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli u fuq l-applikazzjoni rigoruża tar-Rakkomandazzjoni dwar l-aċċellerazzjoni tal-proċeduri tal-permessi adottata fit-18 ta’ Mejju. L-Istati Membri jenħtieġ li jidentifikaw ukoll mingħajr dewmien “oqsma ta’ enerġija rinnovabbli”, kif stabbilit fl-emenda proposta tad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli, u jindirizzaw l-ostakli li fadal għall-użu tal-enerġija rinnovabbli u l-infrastruttura relatata. Proġetti ġodda ta’ infrastruttura tal-enerġija rinnovabbli u tal-enerġija jenħtieġ li jibbenefikaw minn proċeduri simplifikati ta’ ppjanar u ta’ għoti ta’ permessi. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ilha minn Marzu 2022 taħdem ukoll mal-awtoritajiet tal-Istati Membri fil-qafas tat-Taskforce għall-Infurzar tas-Suq Uniku fl-indirizzar tal-ostakli relatati mal-permessi. L-Istati Membri se jkollhom bżonn jiffukaw ukoll fuq l-indirizzar tal-konġestjonijiet relatati man-nuqqas ta’ ħaddiema u jagħmlu disponibbli opportunitajiet addizzjonali ta’ titjib tal-ħiliet u taħriġ mill-ġdid, inkluż għall-awtoritajiet tal-permessi rilevanti fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali, bħala parti mill-isforzi usa’ tagħhom biex jiżguraw id-disponibbiltà tal-ħiliet meħtieġa għall-objettivi tal-Patt Ekoloġiku, inkluż il-Mewġa ta’ Rinnovazzjoni.

It-tħassib dwar id-disponibbiltà tal-materja prima jenfasizza l-ħtieġa u l-urġenza li navvanzaw it-tranżizzjoni tagħna lejn ekonomija ċirkolari. Flimkien ma’ reviżjoni strateġika tal-akkwist tal-materja prima, b’mod partikolari l-elementi terrestri rari meħtieġa għat-tranżizzjonijiet doppji, inkluż il-kunsiderazzjoni tal-estrazzjoni u l-ipproċessar sostenibbli tal-materja prima fl-UE, iż-żieda ta’ soluzzjonijiet ċirkolari u innovattivi se ttejjeb id-disponibbiltà tal-materja prima u tikkontribwixxi għat-tnaqqis tad-domanda għall-enerġija. 14 L-ekonomija ċirkolari, l-effiċjenza fir-riżorsi u l-miżuri ta’ ġestjoni tal-iskart għandhom benefiċċji ambjentali, klimatiċi u ekonomiċi. Dawn għandhom jingħataw prijorità minn dawk l-Istati Membri li l-politiki attwali tagħhom f’dawn l-oqsma għadhom ma laħqux il-potenzjal sħiħ tagħhom. Dan jitlob li jiġu stabbiliti oqfsa regolatorji aktar b’saħħithom biex tiġi promossa l-ekonomija ċirkolari, b’inċentivi għal prattiki innovattivi.

4.2 Produttività

L-iżgurar ta’ Suq Uniku li jiffunzjona tajjeb jibqa’ kruċjali għat-tkabbir tal-produttività, il-prosperità ekonomika u l-konverġenza. L-effett ikkombinat tal-kriżi tal-COVID-19 u l-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja aggravaw l-interruzzjonijiet fil-katina tal-provvista u n-negozji se jkollhom bżonn jiddiversifikaw il-ktajjen tal-provvista tagħhom biex jimmaniġġaw ir-riskji relatati mal-prezzijiet, il-kwalità u l-provvisti tal-materja prima. Il-miżuri ta’ konteniment li għaddejjin bħalissa u n-nuqqas fit-tul ta’ ħaddiema jistgħu wkoll ixekklu l-attività ekonomika u jxekklu l-funzjonament tal-ktajjen tal-provvista kritiċi għal aktar żmien milli mistenni. Billi Suq Uniku li jiffunzjona tajjeb huwa s-sors ewlieni tal-UE għat-tkabbir tal-produttività, il-ħolqien tal-impjiegi u r-reżiljenza, jeħtieġ li tiġi indirizzata kwalunkwe distorsjoni fis-Suq Uniku u ostaklu għalih, li jillimitaw il-moviment liberu tal-persuni, l-oġġetti, is-servizzi u l-kapital. Dan jirrikjedi sforz kostanti mill-Istati Membri biex jindirizzaw il-konġestjonijiet biex jitrawmu l-investimenti, inkluż fl-infrastruttura tat-trasport, u l-istabbiltà tal-ktajjen tal-provvista permezz tal-ekosistemi kollha. Huma meħtieġa azzjonijiet biex jittaffa l-impatt fuq in-negozji vijabbli tal-UE kemm taż-żieda fil-prezz tal-enerġija kif ukoll tar-riskji li jirriżultaw mill-invażjoni Russa tal-Ukrajna fuq l-interruzzjonijiet fil-katina tal-provvista, il-loġistika, u l-investimenti. L-isfruttar tad-diversità tar-reġjuni tal-UE u l-għajnuna lir-reġjuni kollha biex jisfruttaw il-potenzjal sħiħ tagħhom se jikkontribwixxu għal Suq Uniku aktar integrat, b’saħħtu u reżiljenti. Suq Uniku aktar integrat se jtejjeb il-kapaċità tal-kumpaniji tal-UE li jkabbru l-kapital madwar l-UE, u b’hekk jinkoraġġixxi investimenti fit-tul biex jappoġġaw l-innovazzjoni u jiffinanzjaw it-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali. Aktar progress fit-tlestija tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali u l-Unjoni Bankarja huwa importanti wkoll f’dak ir-rigward.

Riformi ambizzjużi mmirati lejn it-titjib tal-ambjent tan-negozju, il-kapaċitajiet amministrattivi u r-reżiljenza istituzzjonali iridu jakkumpanjaw investimenti addizzjonali. Sabiex jiġu implimentati riformi strutturali li jtejbu l-produttività u investimenti fuq skala kbira, hemm bżonn ta’ approċċ ta’ politika komprensiv, immirat lejn it-titjib tal-kapaċitajiet amministrattivi u kundizzjonijiet ta’ qafas adegwati fil-livelli nazzjonali u sottonazzjonali. Għadd ta’ Stati Membri għadhom qed jiffaċċjaw l-isfida tat-titjib tal-ambjent tan-negozju, inklużi l-professjonijiet regolati, l-amministrazzjoni pubblika effiċjenti, l-akkwist pubbliku, l-aċċess għall-finanzi, u t-tnaqqis tal-piż amministrattiv għan-negozji, b’mod partikolari għall-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (small and medium enterprises, SMEs). Barra minn hekk, sforzi kontinwi biex jissaħħaħ l-Istat tad-Dritt, b’mod partikolari sistemi ġudizzjarji indipendenti, ta’ kwalità u effiċjenti u oqfsa kontra l-korruzzjoni li jiffunzjonaw tajjeb, huma essenzjali għas-solidità tar-reżiljenza istituzzjonali tal-Istati Membri u għal ambjent tan-negozju tajjeb.

Ir-Riċerka u l-Innovazzjoni (RuI) jibqgħu għodda vitali biex tingħata spinta lill-kompetittività tal-Istati Membri, u strumentali għat-tranżizzjonijiet doppji u għall-awtonomija strateġika miftuħa tal-UE. Fil-kuntest attwali, strumenti ta’ riċerka u innovazzjoni effettivi u kkoordinati tajjeb flimkien ma’ sforzi ulterjuri biex jitnaqqas id-distakk bejn l-innovazzjoni u s-suq huma kruċjali biex jiġu aċċellerati t-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali u titnaqqas id-dipendenza fuq il-fjuwils fossili fil-pajjiżi u r-reġjuni kollha tal-UE. Filwaqt li s-sett sostanzjali ta’ riformi u investimenti tar-R&I inkluż fl-RRPs għandu jikkontribwixxi b’mod sinifikanti għat-tisħiħ tas-sistemi tar-RuI tal-Istati Membri, diversi pajjiżi se jkollhom bżonn jieħdu aktar azzjonijiet biex isaħħu x-xenarju tal-innovazzjoni tagħhom u jindirizzaw l-isfidi li jiffaċċjaw fil-qasam tar-RuI. Azzjonijiet bħal dawn jinkludu t-titjib tar-rabtiet bejn ix-xjenza u n-negozju, l-iffaċilitar tat-trasferimenti tal-għarfien, il-produzzjoni tal-eċċellenza, it-trawwim tal-innovazzjoni tan-negozju inkluż permezz tal-appoġġ tal-SMEs, in-negozji ġodda u l-intrapriżi soċjali, l-espansjoni tal-bażi reġjonali tal-ekosistema pubblika u privata tar-riċerka u l-innovazzjoni nazzjonali tagħhom u l-attrazzjoni tat-talent. B’hekk, allokazzjoni finanzjarja xierqa, flimkien ma’ objettivi artikolati b’mod ċar ta’ riċerka u innovazzjoni u miri ta’ finanzjament huma strumentali.

L-investimenti fit-teknoloġiji diġitali, in-nies u l-ħiliet tagħhom jixprunaw it-trasformazzjoni diġitali tagħna. Skont l-Indiċi tal-Ekonomija u s-Soċjetà Diġitali (Digital Economy and Society Index, DESI), il-progress tal-Istati Membri fit-tnedija tan-networks 5G u fid-diġitalizzazzjoni tas-settur tas-servizzi pubbliċi u privati huwa mħallat. Madankollu, il-progress fil-qasam diġitali huwa marbut mill-qrib ma’ fatturi abilitanti oħra bħar-RuI, ir-riformi tal-finanzi, tas-suq tax-xogħol u tal-edukazzjoni u t-taħriġ, kif ukoll il-ħtieġa ta’ sinjali ċari ta’ investiment biex tiġi ffaċilitata l-integrazzjoni ta’ soluzzjonijiet diġitali f’setturi rilevanti (pereż. l-enerġija, il-mobbiltà, is-saħħa). L-investimenti fl-infrastruttura u t-teknoloġiji diġitali huma faċilitaturi siewja għat-trasformazzjoni ekoloġika u diġitali tal-ekonomiji u s-soċjetajiet tagħna u jeħtieġ li jiġu kkomplementati billi jsir investiment fl-edukazzjoni diġitali, fin-nies u fil-ħiliet tagħhom, inkluż b’appoġġ għat-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid, b’enfasi qawwija fuq l-indirizzar tad-disparitajiet reġjonali, inkluż billi jiġu indirizzati l-isfidi tal-eżodu ta’ mħuħ, id-distakk urban-rurali u d-depopolazzjoni f’reġjuni partikolari. Dan se jikkontribwixxi wkoll biex jiġu stimulati ż-żidiet fil-produttività min-negozji Ewropej u se jinċentiva lin-negozji, b’mod partikolari lill-SMEs biex jimxu lejn diġitalizzazzjoni akbar tal-attivitajiet tagħhom u jikkontribwixxu għall-irkupru ekonomiku b’mod ġenerali.

4.3 Ġustizzja

Il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali huwa l-qafas ta’ gwida ġenerali biex tiġi żgurata l-ġustizzja fl-UE; l-implimentazzjoni sħiħa tiegħu hija kruċjali biex tinkiseb konverġenza soċjali u ekonomika 'l fuq. L-RRPs jinkludu firxa wiesgħa ta’ riformi u investimenti li se jikkontribwixxu biex jappoġġaw parteċipazzjoni usa’ fis-suq tax-xogħol, żidiet fil-produttività permezz tal-edukazzjoni, miżuri ta’ taħriġ mill-ġdid u titjib tal-ħiliet, kif ukoll l-inklużjoni soċjali u r-reżiljenza. Flimkien mal-fondi tal-politika ta’ koeżjoni u l-Mekkaniżmu għal Tranżizzjoni Ġusta, l-RRF qed tappoġġa rkupru ġust u inklużiv fl-UE f’konformità mal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. Il-Pjan ta’ Azzjoni tal-Kummissjoni biex tkompli timplimenta l-Pilastru ppropona miri ewlenin ġodda tal-UE dwar l-impjiegi, il-ħiliet u t-tnaqqis tal-faqar sal-2030 15 , kif ukoll Tabella ta’ Valutazzjoni Soċjali riveduta, kollha milqugħa fis-Summit Soċjali ta’ Porto tal-2021. L-Istati Membri jinsabu fil-proċess li jistabbilixxu miri nazzjonali f’konformità mal-ambizzjoni tal-miri ewlenin tal-UE. L-implimentazzjoni tal-Pilastru, u l-monitoraġġ tiegħu permezz tat-Tabella ta’ Valutazzjoni Soċjali, ġew integrati fiċ-ċiklu tas-Semestru Ewropew u huma riflessi fl-analiżijiet li jirfdu r-rakkomandazzjonijiet rilevanti speċifiċi għall-pajjiżi.

Il-pandemija tal-COVID-19 affettwat gruppi differenti tal-popolazzjoni u reġjuni b’mod mhux uniformi u żvelat vulnerabbiltajiet u inugwaljanzi sottostanti. Bis-saħħa ta’ reazzjoni ta’ politika f’waqtha, l-inugwaljanzi ġenerali fl-introjtu u r-riskju tal-faqar jew l-esklużjoni soċjali baqgħu ġeneralment stabbli bejn l-2019 u l-2020 fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri. Madankollu, l-effetti ta’ nofs it-terminu tal-pandemija fuq il-faqar u l-inugwaljanza għadhom inċerti. Il-kriżi tal-COVID-19 laqtet b’mod sproporzjonat lil xi reġjuni, setturi u gruppi tal-popolazzjoni li diġà kienu qed jiffaċċjaw kundizzjonijiet tal-impjiegi u soċjali agħar, b’mod partikolari: iż-żgħażagħ, il-ħaddiema b’livell baxx ta’ ħiliet u dawk temporanji, il-persuni b’diżabbiltà, il-persuni bi sfond ta’ migrazzjoni u r-Rom. Wessgħet ukoll l-inugwaljanzi edukattivi u d-diskrepanzi fil-ħiliet u wriet l-importanza li jiġi żgurat aċċess għal edukazzjoni ta’ kwalità fil-livelli kollha, kif ukoll kopertura adegwata minn xbieki ta’ sikurezza soċjali u skemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar, inklużi dawk appoġġati mill-Fond Soċjali Ewropew u SURE, li għenu biex jiġu ppreservati l-impjiegi. L-aċċess għall-benefiċċji soċjali, l-adegwatezza u l-effettività tagħhom ivarjaw fost l-Istati Membri, u dan jindika ineffiċjenzi fis-sistemi ta’ protezzjoni soċjali. Iż-żieda fid-disponibbiltà ta’ akkomodazzjoni affordabbli u soċjali hija ġġustifikata f’għadd ta’ Stati Membri. Il-pandemija enfasizzat ukoll kemm huwa essenzjali li jkun hemm sistemi tal-kura tas-saħħa effettivi, reżiljenti u sostenibbli. Diversi Stati Membri għadhom qed jiffaċċjaw l-isfida li jtejbu r-reżiljenza, il-kwalità u l-aċċessibbiltà tas-sistemi tal-kura tas-saħħa u tal-kura fit-tul tagħhom, inkluża l-ħtieġa li jindirizzaw in-nuqqasijiet fil-forza tax-xogħol tas-saħħa, filwaqt li jiżguraw is-sostenibbiltà fiskali fit-tul tagħhom.

Iż-żidiet reċenti fil-prezzijiet tal-enerġija u tal-ikel laqtu l-aktar lill-ifqar unitajiet domestiċi. Iż-żidiet fil-prezzijiet tal-fjuwils fossili, tal-elettriku u tal-komoditajiet, li diġà bdew ikunu apparenti fit-tieni nofs tal-2021, komplew jiġu aggravati bl-invażjoni tal-Ukrajna. Dawn huma ta’ piż b’mod partikolari fuq l-unitajiet domestiċi l-aktar vulnerabbli, li jridu jonfqu sehem akbar mill-introjtu disponibbli tagħhom fuq prodotti bażiċi, bħall-enerġija u l-ikel. Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-Prezzijiet tal-Enerġija 16 tinkludi “sett ta’ għodod” li l-UE u l-Istati Membri tagħha jistgħu jużaw biex jindirizzaw l-impatt immedjat taż-żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija, u jkomplu jsaħħu r-reżiljenza kontra xokkijiet futuri. Il-miżuri nazzjonali fuq medda qasira ta’ żmien jinkludu appoġġ ta’ introjtu ta’ emerġenza lill-familji, appoġġ mill-Istat għall-kumpaniji, u tnaqqis fit-taxxa. Is-“sett ta’ għodod” ġie kkomplementat fil-Komunikazzjoni REPowerEU bi gwida addizzjonali dwar l-interventi fl-iffissar tal-prezzijiet. L-implimentazzjoni tal-RRPs, il-pjan REPowerEU, il-programmi ta’ koeżjoni, kif ukoll il-politiki ta’ akkumpanjament li jqisu l-impatti distribuzzjonali u soċjali, bħalissa huma saħansitra aktar meħtieġa biex tiġi żgurata tranżizzjoni ekoloġika ġusta għaċ-ċittadini u t-territorji kollha 17 . Il-politiki ta’ appoġġ jenħtieġ li jkunu temporanji u mmirati lejn dawk l-aktar vulnerabbli sabiex ikunu l-aktar effettivi, filwaqt li jinżammu l-inċentivi biex jitnaqqas il-konsum tal-fjuwils fossili u jitrażżan l-impatt baġitarju tagħhom.

Hekk kif is-swieq tax-xogħol jirkupraw, nosservaw ċaqliq fl-impjiegi minħabba trasformazzjonijiet diġitali, ekoloġiċi, ġeopolitiċi u demografiċi, li jwasslu għal nuqqas ta’ ħaddiema. Għal ħafna impjegaturi, it-trasformazzjonijiet diġitali, ekoloġiċi u ġeopolitiċi li jikkoinċidu x’aktarx li jwasslu għal bidliet profondi fl-operazzjonijiet u fil-mudelli tan-negozju. F’ħafna Stati Membri qed jitfaċċaw nuqqasijiet ta’ ħaddiema, b’mod partikolari f’setturi bħall-kostruzzjoni, il-kura tas-saħħa u t-teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni. Li l-forza tax-xogħol tiġi mgħammra bil-ħiliet it-tajba tibqa’ sfida ewlenija mhux biss biex jiġi indirizzat in-nuqqas ta’ ħaddiema iżda wkoll biex jiġu żblukkati l-investimenti mid-ditti u jiġu permessi t-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali. Dan ikompli jenfasizza r-rwol ta’ miżuri ta’ politika tas-suq tax-xogħol attivi u effettivi u servizzi ta’ impjieg pubbliku, edukazzjoni u taħriġ rilevanti għas-suq tax-xogħol, u għalliema u trainers kwalifikati fi swieq tax-xogħol u soċjetajiet dejjem aktar intensivi fl-għarfien, kif enfasizzat fir-Rakkomandazzjoni dwar l-Appoġġ Attiv Effettiv għal Impjiegi (Effective Active Support to Employment, EASE). Fil-kuntest tan-nuqqasijiet ta’ ħaddiema u diskrepanzi persistenti fl-impjiegi, iż-żieda fil-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol, inkluż billi jissaħħaħ l-aċċess għall-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal, u l-gruppi sottorappreżentati, bħall-persuni b’diżabilità, migranti u r-Rom, għadhom jirrappreżentaw opportunità kbira għal tkabbir u ugwaljanza inklużivi u sostenibbli.

L-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja wasslet biex miljuni ta’ nies jaħarbu minn pajjiżhom għas-sikurezza. Dawn in-nies, l-aktar in-nisa u t-tfal, jeħtieġu appoġġ permezz tas-sistemi soċjali, edukattivi u tas-saħħa tal-Istati Membri 18 . Il-mewġa ta’ persuni spostati mill-Ukrajna ġiet segwita minn mewġa bla preċedent ta’ solidarjetà madwar l-Ewropa. Fl-4 ta’ Marzu 2022, id-Direttiva dwar il-Protezzjoni Temporanja ġiet attivata għall-ewwel darba, u tat lill-persuni spostati mill-Ukrajna d-dritt li joqogħdu legalment fl-UE, kif ukoll l-aċċess għall-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal, l-edukazzjoni u t-taħriġ, is-suq tax-xogħol, il-kura tas-saħħa, l-akkomodazzjoni u l-assistenza soċjali 19 . Huwa essenzjali li l-ħajjiet tal-persuni spostati ma jiġux ostakolati matul il-gwerra sabiex ikunu jistgħu jkomplu bl-edukazzjoni tagħhom u jkunu jistgħu jaħdmu u jiksbu ħiliet ġodda. Dan jirrikjedi li l-Istati Membri jipprovdu assistenza li tindirizza l-ħtiġijiet immedjati tal-persuni li qed jaħarbu mill-Ukrajna, iżda jeħtieġ ukoll li jgħammru l-amministrazzjonijiet nazzjonali fl-isforzi tagħhom biex jappoġġaw lill-persuni spostati fl-aċċess għall-kura tas-saħħa, l-indukrar tat-tfal, l-akkomodazzjoni, il-protezzjoni soċjali, l-involviment fl-edukazzjoni u t-taħriġ, u t-tiftix ta’ impjiegi. Biex tappoġġa finanzjarjament lill-Istati Membri biex jospitaw lil dawk li qed jaħarbu mill-Ukrajna, il-Kummissjoni ħadet għadd ta’ inizjattivi minn Marzu 2022 20 u se tkompli tipprovdi assistenza bħala parti minn sforz ikkoordinat tal-UE.

Ir-riformi u l-investimenti kontinwi tal-Istati Membri se jkunu kruċjali biex jappoġġaw il-ħolqien ta’ impjiegi ta’ kwalità, l-iżvilupp tal-ħiliet u tranżizzjonijiet bla xkiel fis-suq tax-xogħol, kif enfasizzat mill-proposta tal-Kummissjoni dwar il-Linji Gwida dwar l-Impjiegi. Il-Linji Gwida jipprovdu direzzjoni dwar kif jiġu mmodernizzati l-istituzzjonijiet tas-suq tax-xogħol, l-edukazzjoni u t-taħriġ kif ukoll il-protezzjoni soċjali u s-sistemi tas-saħħa, bil-ħsieb li dawn isiru aktar inklużivi u ġusti. Huma jintegraw ukoll gwida speċifika mmirata biex tindirizza ż-żieda fl-iskarsezzi ta’ ħiliet u ħaddiema, u biex jinkisbu tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali soċjalment ġusti. Fl-2022, il-Kummissjoni tipproponi li tallinja l-Linji Gwida dwar l-Impjiegi biex jirriflettu aħjar l-ambjent ta’ wara l-COVID, l-inizjattivi ta’ politika l-aktar reċenti u l-elementi ta’ politika rilevanti fir-rigward tal-aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna.

4.4 Stabbiltà Makroekonomika

Azzjoni ta’ politika kkoordinata taffiet l-impatt tal-pandemija fuq l-ekonomiji tal-UE u fetħet it-triq għal irkupru robust fl-2021. Il-klawżola liberatorja ġenerali tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir, flimkien mal-qafas temporanju tal-għajnuna mill-Istat, ippermettew appoġġ fiskali fuq skala kbira fl-Istati Membri kollha. B’mod parallel, l-UE mmobilizzat il-baġit tagħha, b’mod partikolari permezz ta’ SURE, biex ittaffi l-impatt tal-kriżi fuq il-ħaddiema u l-kumpaniji. L-introduzzjoni ta’ NextGenerationEU, inkluża l-RRF, qed tipprovdi impetu qawwi għall-irkupru. Il-qagħda fiskali fl-UE kollha kemm hi - inkluża n-nefqa pubblika ffinanzjata minn għotjiet mill-RRF u fondi oħra tal-UE 21 - hija stmata li kienet ġeneralment newtrali fl-2020 u espansjonarja bi kważi 1 % tal-PDG fl-2021.

Miżuri ta’ politika diskrezzjonarji, inkluż investiment ogħla, jikkontribwixxu għal pożizzjoni fiskali espansjonarja fl-2022 għall-UE kollha kemm hi. Din il-qagħda espansjonarja fl-2022 hija stmata għal madwar 1¾ % tal-PDG. Il-kompożizzjoni ta’ miżuri diskrezzjonarji evolviet maż-żmien fid-dawl ta’ sfidi emerġenti, inklużi b’mod partikolari politiki biex jittaffa l-impatt ta’ prezzijiet ogħla tal-enerġija fuq id-ditti u l-unitajiet domestiċi, u miżuri għall-appoġġ ta’ dawk li qed jaħarbu mill-aggressjoni militari tar-Russja kontra l-Ukrajna. Il-miżuri fiskali diskrezzjonali li ġew adottati mill-ħarifa tal-2021 biex jitnaqqas l-impatt tal-prezzijiet għoljin tal-enerġija huma attwalment stmati għal 0,6 % tal-PDG tal-UE fl-2022. Dawn jinkludu tnaqqis temporanju fit-taxxi indiretti fuq il-prodotti tal-enerġija, sussidji għall-produzzjoni tal-enerġija, sussidji għall-konsumaturi tal-enerġija, trasferimenti soċjali (marbuta direttament mal-konsum tal-enerġija) lil unitajiet domestiċi vulnerabbli u prezzijiet regolati fil-livell tal-bejgħ bl-imnut. Filwaqt li l-biċċa l-kbira ta’ dawn il-miżuri tħabbru bħala temporanji, l-ispejjeż assoċjati jiżdiedu kif xieraq jekk jiġu estiżi fiż-żmien jew jikber l-ambitu tagħhom fin-nuqqas ta’ miżuri ta’ kumpens. Barra minn hekk, huwa importanti li wieħed jinnota li l-impatt fuq il-finanzi pubbliċi miż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija jmur lil hinn mill-miżuri diskrezzjonali meħuda. Id-deċellerazzjoni fl-attività ekonomika li tirriżulta mix-xokk fil-prezz tal-enerġija hija mistennija li twassal għal tnaqqis fil-ġbir tat-taxxa u tal-kontribuzzjonijiet soċjali. Dan, flimkien mal-possibbiltà ta’ nefqa pubblika ogħla li tirriżulta minn aġġustamenti għall-inflazzjoni tal-pagi, il-benefiċċji soċjali u nfiq ieħor, għandu impatt fuq id-defiċit u d-dejn tal-gvern. Sabiex jitrażżnu l-ispejjeż baġitarji, jiġu massimizzati l-impatti ekonomiċi u soċjali tagħhom, u jinżammu l-inċentivi għat-tranżizzjoni ekoloġika, il-miżuri ta’ politika mmirati biex jindirizzaw iż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija jenħtieġ li jkunu temporanji u mmirati lejn unitajiet domestiċi vulnerabbli, li għalihom il-kont tal-enerġija jirrappreżenta parti sinifikanti mill-basket tal-konsum tagħhom, kif ukoll lejn l-industriji speċifikament esposti. Dawn il-miżuri għandhom ikunu akkumpanjati wkoll minn inċentivi biex tiżdied l-effiċjenza enerġetika u jitnaqqas il-konsum tal-enerġija fossili.

Il-politika fiskali jenħtieġ li tkun prudenti fl-2023, filwaqt li tkun lesta tirreaġixxi għas-sitwazzjoni ekonomika li qed tevolvi. In-natura speċifika tax-xokk makroekonomiku kkawżat mill-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja, kif ukoll l-implikazzjonijiet fit-tul tagħha għall-ħtiġijiet tas-sigurtà tal-enerġija tal-UE, jitolbu tfassil bir-reqqa tal-politika fiskali fl-2023. Fuq il-bażi tat-tbassir tar-rebbiegħa 2022, li jipproġetta li t-tkabbir tal-PDG jibqa’ f’territorju pożittiv matul il-perjodu ta’ tbassir għalkemm fost inċertezza għolja u riskji negattivi, ma jidhirx li hemm bżonn ta’ impuls fiskali b’bażi wiesgħa għall-ekonomija fl-2023. Il-politika fiskali jenħtieġ li tikkombina investiment ogħla mal-kontroll tat-tkabbir fin-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata nazzjonalment, filwaqt li tippermetti lill-istabbilizzaturi awtomatiċi joperaw u tipprovdi miżuri temporanji u mmirati biex itaffu l-impatt tal-kriżi tal-enerġija u biex jipprovdu assistenza umanitarja lin-nies li qed jaħarbu mill-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja. L-implimentazzjoni sħiħa u f’waqtha tal-RRPs hija kruċjali biex jinkisbu livelli ogħla ta’ investiment. Barra minn hekk, il-pjanijiet fiskali tal-Istati Membri għas-sena d-dieħla jenħtieġ li jkunu ankrati b’perkorsi ta’ aġġustament prudenti fuq terminu medju li jirriflettu l-isfidi tas-sostenibbiltà fiskali assoċjati ma’ livelli għoljin ta’ dejn għall-PDG li komplew jiżdiedu minħabba l-pandemija. Biex jitnaqqsu r-riskji mit-tibdil fil-klima, l-Istati Membri huma mħeġġa jikkunsidraw b’mod sistematiku l-implikazzjonijiet tiegħu fl-ippjanar baġitarju, flimkien ma’ politiki u għodod li jgħinu fil-prevenzjoni, it-tnaqqis u t-tħejjija għal impatti relatati mal-klima b’mod ġust. Il-prattiċi ta’ bbaġitjar ekoloġiku fl-Istati Membri jenħtieġ li jitkomplew u jitħeġġu biex tiġi żgurata l-koerenza tal-infiq u d-dħul pubbliku mal-għanijiet ambjentali.

Il-politiki fiskali jenħtieġ li ikomplu jiġu differenzjati b’mod xieraq fost l-Istati Membri (ara wkoll il-Kaxxa 1). Jenħtieġ li l-Istati Membri b’dejn għoli jiżguraw politika fiskali prudenti, b’mod partikolari billi jillimitaw it-tkabbir tan-nefqa kurrenti ffinanzjata nazzjonalment taħt it-tkabbir potenzjali tal-produzzjoni fuq terminu medju, filwaqt li jqisu l-appoġġ temporanju u mmirat kontinwu għall-unitajiet domestiċi u d-ditti (soġġetti għar-regoli dwar l-Għajnuna mill-Istat) li huma l-aktar vulnerabbli għaż-żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija u għan-nies li qed jaħarbu mill-Ukrajna. Jenħtieġ li l-Istati Membri b’dejn baxx/medju jiżguraw speċifikament li t-tkabbir tan-nefqa kurrenti ffinanzjata nazzjonalment ikun konformi ma’ pożizzjoni politika ġeneralment newtrali, filwaqt li jitqies l-appoġġ temporanju u mmirat kontinwu għall-unitajiet domestiċi u d-ditti (soġġetti għar-regoli dwar l-Għajnuna mill-Istat) li huma l-aktar vulnerabbli għaż-żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija u għan-nies li qed jaħarbu mill-Ukrajna. L-Istati Membri kollha jenħtieġ li jespandu l-investiment pubbliku għat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali u għas-sigurtà tal-enerġija, inkluż billi jagħmlu użu mill-RRF, fondi oħra tal-UE u REPowerEU.

Inċertezza akbar u riskji negattivi qawwija għall-prospetti ekonomiċi fil-kuntest tal-gwerra fl-Ewropa, żidiet bla preċedent fil-prezzijiet tal-enerġija u disturbi kontinwi fil-katina tal-provvista jiġġustifikaw l-estensjoni tal-klawżola liberatorja ġenerali tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir sal-2023. Fit-3 ta’ Marzu 2021, il-Kummissjoni kkonkludiet li d-diżattivazzjoni tal-klawżola liberatorja ġenerali tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir jenħtieġ li tkun kundizzjonali fuq l-istat tal-UE u l-ekonomija taż-Żona tal-Euro, filwaqt li tirrikonoxxi l-ekonomija se tieħu ż-żmien biex terġa’ lura għal kundizzjonijiet aktar normali u li d-deċiżjoni dwar id-diżattivazzjoni jew l-applikazzjoni kontinwa tal-klawżola liberatorja ġenerali jenħtieġ li tittieħed bħala valutazzjoni ġenerali tal-istat tal-ekonomija bil-livell ta’ attività ekonomika fl-UE jew fiż-Żona tal-Euro meta mqabbel mal-livelli ta’ qabel il-kriżi bħala l-kriterju kwantitattiv ewlieni 22 . Fil-kuntest tal-gwerra fl-Ewropa, żidiet bla preċedent fil-prezzijiet tal-enerġija u disturbi kontinwi fil-katina tal-provvista, l-istat tal-ekonomija tal-UE u taż-Żona tal-Euro ma reġgħux lura għal kundizzjonijiet aktar normali. Barra minn hekk, id-deċiżjoni dwar it-tkomplija tal-applikazzjoni jew id-diżattivazzjoni tal-klawżola liberatorja ġenerali jenħtieġ li tikkunsidra wkoll il-ħtieġa li l-politika fiskali tkun tista’ tirrispondi b’mod xieraq għar-riperkussjonijiet ekonomiċi tal-aggressjoni militari tar-Russja kontra l-Ukrajna, inkluż minn interruzzjonijiet fil-provvista tal-enerġija. L-attivazzjoni kontinwa tal-klawżola liberatorja ġenerali fl-2023 se tipprovdi l-ispazju għall-politika fiskali nazzjonali biex tirreaġixxi fil-pront meta jkun meħtieġ, filwaqt li tiżgura tranżizzjoni bla xkiel mill-appoġġ wiesa’ għall-ekonomija matul iż-żminijiet tal-pandemija lejn enfasi dejjem akbar fuq miżuri temporanji u mmirati u l-prudenza fiskali meħtieġa biex tiġi żgurata s-sostenibbiltà fuq terminu medju. Il-klawżola liberatorja ġenerali ma tissospendix il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. Din tippermetti devjazzjoni temporanja mir-rekwiżiti baġitarji normali dment li ma tipperikolax is-sostenibbiltà fiskali fit-terminu medju. Fil-ħarifa 2022, il-Kummissjoni se tivvaluta mill-ġdid ir-rilevanza li tipproponi li tiftaħ proċeduri ta’ defiċit eċċessiv ibbażati fuq id-data tal-eżitu għall-2021. Fir-rebbiegħa 2023, il-Kummissjoni se tivvaluta r-rilevanza li tipproponi li tiftaħ proċeduri ta’ defiċit eċċessiv fuq il-bażi tad-data tal-eżitu għall-2022, b’mod partikolari billi tqis il-konformità mar-rakkomandazzjonijiet fiskali speċifiċi għall-pajjiżi indirizzati lill-Istati Membri mill-Kunsill. Fuq il-bażi tal-kunsiderazzjonijiet ta’ hawn fuq, u minħabba l-implikazzjonijiet ta’ inċertezza akbar u riskji negattivi qawwija fuq il-prospetti ekonomiċi għall-UE u ż-Żona tal-Euro kollha kemm hi, il-Kummissjoni tqis li l-Unjoni għadha mhijiex barra minn perjodu ta’ tnaqqis serju fir-ritmu ekonomiku. Fuq din il-bażi, il-kundizzjonijiet biex tinżamm il-klawżola liberatorja ġenerali fl-2023 u biex tiġi diżattivata mill-2024 huma ssodisfati. Il-Kummissjoni tistieden lill-Kunsill japprova din il-konklużjoni biex jipprovdi ċarezza lill-Istati Membri. Il-Kummissjoni se tipprovdi orjentazzjonijiet dwar bidliet possibbli fil-qafas tal-governanza ekonomika wara l-waqfa tas-sajf u kmieni sew qabel l-2023.

It-tkomplija tal-iżgurar tas-sostenibbiltà tad-dejn pubbliku tibqa’ importanti għal ħafna Stati Membri. L-isfidi tas-sostenibbiltà fiskali fuq terminu medju u twil fil-biċċa l-kbira jirriflettu d-deterjorament sinifikanti tal-pożizzjonijiet baġitarji strutturali, li żiedu mal-vulnerabbiltajiet eżistenti tad-dejn ta’ qabel il-kriżi f’diversi pajjiżi. L-isfida taż-żieda fin-nefqa fuq il-pensjonijiet, il-kura tas-saħħa u l-kura fit-tul minħabba popolazzjoni li qed tixjieħ jeħtieġ li timxi id f’id mal-iżgurar tal-adegwatezza tal-pensjonijiet u benefiċċji soċjali oħra. It-tqegħid tas-sistemi tal-pensjonijiet fuq bażi sostenibbli kemm mill-perspettiva fiskali kif ukoll minn dik soċjali se jirrikjedi aktar riformi biex jittawlu l-karrieri u biex is-swieq tax-xogħol isiru aktar inklużivi. It-titjib tas-sostenibbiltà fiskali tal-kura tas-saħħa u l-kura fit-tul jeħtieġ titjib fl-effiċjenza tagħhom, filwaqt li fl-istess ħin jiġu żgurati l-adegwatezza u l-aċċessibbiltà tagħhom.

L-isforzi konġunti jenħtieġ li jkomplu jsaħħu l-ġlieda kontra l-ippjanar aggressiv tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa 23 . Dawn flimkien mat-trasferiment tal-piż tat-taxxa lil hinn mix-xogħol u lejn l-appoġġ għat-tranżizzjoni doppja huma politiki li jipprevjenu d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni, jittrattaw lill-kontribwenti b’mod ġust, jissalvagwardjaw il-finanzi pubbliċi, u jiżguraw tkabbir sostenibbli u li joħloq l-impjiegi. L-effetti sekondarji tal-istrateġiji ta’ ppjanar aggressiv tat-taxxa mill-kontribwenti bejn l-Istati Membri jirrikjedu azzjoni kkoordinata fuq il-politiki nazzjonali biex jikkomplimentaw il-leġiżlazzjoni tal-UE. Is-sigħat tax-xogħol minn dawk b’introjtu baxx u dawk b’tieni sors ta’ dħul huma partikolarment risponsivi għall-bidliet fil-pagi ta’ wara t-taxxa. Għall-kuntrarju, ċerti taxxi oħra, b’mod partikolari taxxi rikorrenti fuq il-proprjetà u taxxi fuq il-konsum, huma inqas distorsivi u jippermettu bidla fit-taxxa mix-xogħol, filwaqt li jitqies l-impatt distribuzzjonali. Barra minn hekk, it-taxxi ambjentali jnaqqsu l-esternalitajiet negattivi bħat-tniġġis, u b’hekk jgħinu biex jintlaħqu l-miri ambjentali tal-UE.

Kaxxa 1: Aġġornament dwar is-sorveljanza taħt il-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir

Bħala parti mill-pakkett tas-Semestru Ewropew tar-rebbiegħa 2022, il-Kummissjoni adottat rapport skont l-Artikolu 126(3) TFUE għal 18-il Stat Membru. Dawn jikkonsistu mill-Belġju, il-Bulgarija, iċ-Ċekja, il-Ġermanja, il-Greċja, Spanja, Franza, l-Italja, il-Latvja, il-Litwanja, l-Ungerija, Malta, l-Estonja, l-Awstrija, il-Polonja, is-Slovenja, is-Slovakkja u l-Finlandja. Għal dawn l-Istati Membri kollha minbarra l-Finlandja, ir-rapport jivvaluta l-konformità tagħhom mal-kriterju tad-defiċit. Fil-każ tal-Litwanja, l-Estonja u l-Polonja, ir-rapport tħejja minħabba defiċit ippjanat fl-2022 li jaqbeż it-3 % tal-valur ta’ referenza tal-PDG skont it-Trattat, filwaqt li l-Istati Membri l-oħra kellhom defiċit tal-gvern estiż fl-2021 li jaqbeż it-3 % tal-PDG. Barra minn hekk, għall-Belġju, Franza, l-Italja, l-Ungerija, is-Slovakkja u l-Finlandja, ir-rapport jevalwa l-konformità mal-kriterju tad-dejn fl-2021 fuq il-bażi tad-data tar-riżultat.

Il-Kummissjoni ma tipproponix li tiftaħ proċeduri ġodda ta’ defiċit eċċessiv fir-rebbiegħa 2022. Il-pandemija tal-COVID-19 jibqa’ jkollha impatt makroekonomiku u fiskali straordinarju li, flimkien mas-sitwazzjoni ġeopolitika kurrenti, joħolqu inċertezza eċċezzjonali, inkluż għat-tfassil ta’ perkors dettaljat għall-politika fiskali. Fuq il-bażi ta’ dawn ir-raġunijiet, il-Kummissjoni tqis li ma għandhiex tittieħed deċiżjoni dwar jekk l-Istati Membri għandhomx ikunu soġġetti għall-proċedura ta’ defiċit eċċessiv. Fir-rigward tal-Istati Membri bi proporzjon ta’ dejn ’il fuq mill-valur ta’ referenza ta’ 60 % tal-PDG, il-Kummissjoni tikkunsidra, fil-valutazzjoni tagħha tal-fatturi rilevanti kollha, li l-konformità mal-valur referenzjali tat-tnaqqis tad-dejn timplika sforz fiskali kkonċentrat fil-bidu li jkun wisq impenjattiv u li jissogra jipperikola t-tkabbir. Għaldaqstant, fil-fehma tal-Kummissjoni, il-konformità mal-valur referenzjali tat-tnaqqis tad-dejn mhijiex iġġustifikata taħt il-kundizzjonijiet ekonomiċi eċċezzjonali attwali.

Ir-Rumanija hija l-uniku Stat Membru taħt proċedura ta’ defiċit eċċessiv, fuq il-bażi tal-iżviluppi ta’ qabel il-pandemija. Fit-3 ta’ April 2020 il-Kunsill iddeċieda li kien jeżisti defiċit eċċessiv fir-Rumanija bbażat fuq defiċit eċċessiv ippjanat fl-2019. Fl-aħħar rakkomandazzjoni tiegħu tat-18 ta’ Ġunju 2021, il-Kunsill talab lir-Rumanija biex ittemm is-sitwazzjoni ta’ defiċit eċċessiv sa mhux aktar tard mill-2024. Id-defiċit tal-gvern estiż tar-Rumanija fl-2021 u l-isforz fiskali fl-2021 huma konformi ma’ dawk rakkomandati mill-Kunsill. Għalhekk, il-proċedura tinżamm sospiża.

Il-Kummissjoni se tivvaluta mill-ġdid is-sitwazzjoni baġitarja tal-Istati Membri fil-ħarifa tal-2022. Il-monitoraġġ tal-iżviluppi tad-dejn u tad-defiċit se jkompli fuq il-bażi tat-Tbassir Ekonomiku tal-ħarifa tal-2022 u l-Abbozz ta’ Pjanijiet Baġitarji tal-2023 li għandhom jiġu ppreżentati mill-Istati Membri taż-Żona tal-Euro sal-15 ta’ Ottubru 2022. Fil-ħarifa 2022, il-Kummissjoni se tivvaluta mill-ġdid ir-rilevanza li tipproponi li tiftaħ proċeduri ta’ defiċit eċċessiv.

Bl-irkupru matul l-2021, l-iżbilanċi makroekonomiċi b’mod ġenerali bdew jonqsu mill-ġdid. It-tkabbir ekonomiku, flimkien ma’ azzjoni ta’ politika xierqa u ambizzjuża, huwa mistenni li jkompli jnaqqas il-vulnerabbiltajiet makroekonomiċi. B’mod partikolari, implimentazzjoni rapida tal-RRPs u tal-pjan REPowerEU se ssaħħaħ it-tkabbir potenzjali, iżżid ir-reżiljenza tal-ekonomiji tal-UE, u b’hekk tgħin biex jiġu indirizzati l-vulnerabbiltajiet fis-snin li ġejjin. Fil-kuntest tal-Proċedura ta’ Żbilanċi Makroekonomiċi, il-Kummissjoni identifikat vulnerabbiltajiet makroekonomiċi relatati ma’ żbilanċi u żbilanċi eċċessivi f’10 mit-12-il Stat Membru li għalihom twettaq rieżami fil-fond. Il-Kaxxa 2 tiġbor fil-qosor is-sejbiet rigward l-iżbilanċi makroekonomiċi fl-Istati Membri; L-Appendiċi 4 jipprovdi aktar dettalji dwarhom.

Kaxxa 2: Żbilanċi makroekonomiċi fl-Istati Membri

Il-Kummissjoni vvalutat l-eżistenza ta’ żbilanċi makroekonomiċi għat-12-il Stat Membru magħżula għal rieżamijiet fil-fond fir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta’ Twissija tal-2022. Dawn l-Istati Membri kollha kienu ġew identifikati bi żbilanċi jew żbilanċi eċċessivi fl-aħħar ċiklu annwali ta’ sorveljanza taħt il-Proċedura ta’ Żbilanċi Makroekonomiċi.

Il-valutazzjoni tal-vulnerabbiltajiet makroekonomiċi hija kkaratterizzata minn irkupru ekonomiku qawwi mill-kriżi tal-COVID-19 f’kuntest ta’ inċertezza li qed tiżdied fid-dawl taż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija u tal-prodotti bażiċi u impatti oħra mill-aggressjoni Russa tal-Ukrajna. Il-livelli ta’ dejn privat u pubbliku qed jonqsu hekk kif l-ekonomija qed tirpilja mill-kriżi. Madankollu, f’ħafna każijiet dawn jibqgħu ogħla mil-livelli tagħhom ta’ qabel il-COVID-19, li jirrifletti l-gravità tal-kontrazzjoni ekonomika fl-2020, u l-miżuri meħuda biex jappoġġaw l-ekonomija. Ir-riekwilibriju estern għadu mhux komplut: il-kontijiet kurrenti ta’ pajjiżi debituri netti kbar b’setturi tat-turiżmu transfruntiera sinifikanti tjiebu, iżda għadhom taħt il-livelli tagħhom ta’ qabel il-COVID-19, filwaqt li surpluses kbar fil-kont kurrenti f’xi Stati Membri għadhom jippersistu minkejja xi tnaqqis temporanju matul il-pandemija. Il-prezzijiet tad-djar qed jiżdiedu bl-aktar pass mgħaġġel tagħhom f’aktar minn 10 snin. Is-settur bankarju rnexxielu jegħleb il-kriżi pandemika sew, għalkemm jistgħu jitfaċċaw xi riskji hekk kif il-moratorji fuq ir-ripagamenti tad-dejn intemmu u l-miżuri ta’ appoġġ temporanji ġew irtirati.

B’mod ġenerali, il-vulnerabbiltajiet qed jonqsu u qed jaqgħu taħt il-livelli tagħhom ta’ qabel il-pandemija f’diversi Stati Membri; li jiġġustifika reviżjoni tal-klassifikazzjoni tal-iżbilanċi f’żewġ każijiet. L-aġenda ta’ politika inkorporata fl-RRPs, kif ukoll l-azzjoni ta’ politika tal-passat jappoġġaw aktar aġġustament u prinċipji fundamentali aktar b’saħħithom għall-ekonomiji kkonċernati, filwaqt li jipprovdu prospetti għal tnaqqis kontinwu tal-vulnerabbiltajiet. It-tkabbir ekonomiku se jappoġġa aktar aġġustament iżda l-pajjiżi kkaratterizzati minn tkabbir potenzjali baxx jistgħu jiffaċċjaw dinamika diffiċli. Il-pressjonijiet inflazzjonarji qed jiżdiedu u kundizzjonijiet ta’ finanzjament aktar stretti u l-volatilità tar-rata tal-kambju jistgħu jkunu ta’ piż fuq is-servizzjar tad-dejn. Dan huwa riskju partikolari fejn id-dejn privat jew pubbliku jinżamm f’muniti barranin, u fejn il-ħtiġijiet ta’ rifinanzjament ikunu sostanzjali.

- L-Irlanda u l-Kroazja ma għadhomx jesperjenzaw żbilanċi. Fl-Irlanda, il-proporzjonijiet tad-dejn naqsu b’mod sinifikanti matul is-snin u għadhom juru dinamika qawwija ’l isfel. Fil-Kroazja, il-proporzjonijiet tad-dejn naqsu b’mod sinifikanti matul is-snin u għadhom juru dinamika qawwija ’l isfel.

- Il-Greċja, l-Italja u Ċipru qed ikomplu jesperjenzaw żbilanċi eċċessivi.

- Il-Ġermanja, Spanja, Franza, in-Netherlands, il-Portugall, ir-Rumanija u l-Iżvezja qed ikomplu jesperjenzaw żbilanċi.

L-Appendiċi 4 jagħti dettalji dwar l-aspetti speċifiċi għall-pajjiżi għat-12-il Stat Membru kkonċernati.

5. SFORZ KONĠUNT BEJN L-ISTITUZZJONIJIET TAL-UE, L-ISTATI MEMBRI U L-PARTIJIET IKKONĊERNATI

Id-djalogu kostruttiv mal-Istati Membri kif ukoll id-djalogu interistituzzjonali msaħħaħ fil-livell Ewropew se jkomplu matul il-proċess tas-Semestru Ewropew. Id-djalogu politiku intensiv dwar l-RRPs ippermetta lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jsaħħu u japprofondixxu l-kooperazzjoni tagħhom, li żgura sjieda wiesgħa u huwa mistenni li jkompli matul il-fażi ta’ implimentazzjoni tal-pjanijiet. It-tkomplija tar-rapporti tal-pajjiżi u s-CSRs toffri opportunità ulterjuri biex jitwessa’ d-djalogu interistituzzjonali u bilaterali li jibni fehim komuni tal-isfidi u l-prijoritajiet ta’ politika li qed jevolvu. Skambju kontinwat dwar l-iżviluppi soċjali u ekonomiċi fl-Unjoni Ewropea huwa żgurat permezz tad-Djalogu Makroekonomiku biannwali fil-livell politiku u tekniku bejn il-Kunsill, il-Kummissjoni u r-rappreżentanti tas-sħab soċjali Ewropej. Il-Kummissjoni se tkompli wkoll id-djalogu mill-qrib tagħha mal-Parlament Ewropew dwar l-iżviluppi soċjali u ekonomiċi ewlenin, u se tkompli tinvolvi ruħha mal-Parlament Ewropew qabel kull stadju ewlieni taċ-ċiklu ta’ koordinazzjoni annwali.

L-implimentazzjoni b’suċċess tas-Semestru Ewropew u tal-RRF tiddependi fuq l-involviment sistematiku tas-sħab soċjali u partijiet ikkonċernati oħra kemm fil-livell tal-UE kif ukoll f’dak nazzjonali. L-involviment attiv tal-partijiet ikkonċernati, permezz ta’ laqgħat regolari ddedikati huwa importanti matul l-istadji kollha tas-Semestru Ewropew u l-proċess ta’ implimentazzjoni tal-RRF. Il-Kummissjoni tappella lill-Istati Membri kollha biex jinvolvu ruħhom b’mod attiv mas-sħab soċjali tagħhom, l-awtoritajiet lokali u reġjonali u partijiet ikkonċernati oħra, b’mod partikolari r-rappreżentanti tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, permezz ta’ skambji regolari, fuq il-bażi tal-applikazzjoni b’suċċess tal-prinċipju tas-sħubija fl-ipprogrammar u l-implimentazzjoni tal-politika ta’ koeżjoni. Dan jgħin biex b’mod konġunt jiġu identifikati l-isfidi, jitjiebu s-soluzzjonijiet ta’ politika, u tiġi żgurata sjieda usa’ tal-aġenda tal-politika ekonomika u soċjali, inkluża l-implimentazzjoni tas-CSRs. Il-Kummissjoni se tagħmel użu mill-fora eżistenti taħt is-Semestru Ewropew biex tinforma u tinvolvi lis-sħab soċjali wkoll dwar l-implimentazzjoni tal-RRF. Matul is-sena, il-Kummissjoni se tadotta wkoll Komunikazzjoni u proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar it-tisħiħ tad-djalogu soċjali fil-livell tal-UE u dak nazzjonali.

6. Konklużjoni

L-indirizzar tal-isfidi kontinwi u emerġenti ġodda se jkun kruċjali biex tiġi żgurata r-reżiljenza tal-ekonomiji u s-soċjetajiet Ewropej u t-tkabbir inklużiv u sostenibbli. Bl-introduzzjoni mill-ġdid tar-rapporti tal-pajjiżi u r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi, iċ-ċiklu l-ġdid tas-Semestru Ewropew 2022 jiffoka fuq irkupru sostenibbli u inklużiv ibbażat fuq l-implimentazzjoni ta’ RRPs ambizzjużi u l-erba’ dimensjonijiet tas-sostenibbiltà kompetittiva bħala l-boxxla tagħna għall-azzjoni ta’ politika, kollha f’konformità mal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU. Fl-istess ħin, l-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja, u l-impatt fuq l-ekonomiji tal-Istati Membri hija tfakkira ċara tal-isfidi strateġiċi tal-Ewropa. Il-każ għal tranżizzjoni rapida tal-enerġija lil hinn mill-fjuwils fossili qatt ma kien aktar b’saħħtu. Huma meħtieġa aktar passi deċiżivi lejn it-trawwim tar-reżiljenza ekonomika u soċjali, l-iżgurar tas-sigurtà tal-provvista tal-enerġija tal-UE u t-tnaqqis tad-dipendenzi tagħna fuq il-fjuwils fossili mir-Russja ferm qabel l-2030.

Lil hinn mit-tkomplija tal-implimentazzjoni tal-RRPs, jenħtieġ li l-Istati Membri jieħdu azzjoni biex jimplimentaw is-CSRs tal-2022, li jirriflettu l-isfidi li fadal u dawk emerġenti, filwaqt li jqisu l-pjan REPowerEU. Ir-rapporti tal-pajjiżi ssimplifikati ta’ din is-sena jidentifikaw dawk l-isfidi li huma biss parzjalment indirizzati jew mhux indirizzati mill-RRPs tul l-erba’ dimensjonijiet tas-sostenibbiltà kompetittiva, inklużi l-ħtiġijiet addizzjonali ta’ riforma u investiment li jistgħu jappoġġaw l-implimentazzjoni tal-pjan REPowerEU. Il-valutazzjoni tal-isfidi pendenti u emerġenti għalhekk tipprovdi l-appoġġ għall-proposta tal-Kummissjoni dwar is-CSRs tal-2022. Ladarba jiġu adottati mill-Kunsill, dawn ir-rakkomandazzjonijiet se jkollhom rwol ċentrali għall-kapitoli l-ġodda u ddedikati tar-REPowerEU fl-RRPs tal-Istati Membri, f’konformità mal-Gwida rilevanti, u jipprovdu orjentazzjoni dwar aktar miżuri meħtieġa fil-kuntest tal-pjan REPowerEU.

Il-Kummissjoni tappella lill-Kunsill Ewropew biex jappoġġa u lill-Kunsill biex jadotta l-proposti tal-Kummissjoni għas-CSRs għall-2022. Il-Kummissjoni tistieden ukoll lill-Istati Membri biex jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet b’mod sħiħ u f’waqtu, fi djalogu mill-qrib mas-sħab soċjali tagħhom, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u partijiet ikkonċernati oħra fil-livelli kollha.

APPENDIĊI 1 - ĦARSA ĠENERALI LEJN L-OQSMA TEMATIĊI KOPERTI FIS-CSRs

APPENDIĊI 2 - PROGRESS FL-IMPLIMENTAZZJONI TAR-RAKKOMANDAZZJONIJIET SPEĊIFIĊI GĦALL-PAJJIŻI

Iċ-ċiklu tas-Semestru Ewropew tal-2022 jieħu kont tal-azzjoni ta’ politika tal-Istati Membri meħuda biex jiġu indirizzati l-isfidi strutturali identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi (country specific-recommendations, CSR) adottati mill-2019. Wara l-istabbiliment tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (Recovery and Resilience Facility, RRF) bħala għodda ċentrali biex jitwettqu l-prijoritajiet ta’ politika tal-UE u dawk nazzjonali, il-valutazzjoni tas-CSR tal-2022 tqis l-azzjoni ta’ politika meħuda mill-Istati Membri sal-lum ( 24 ), kif ukoll l-impenji meħuda fil-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza (Recovery and Resilience Plans, RRPs), skont il-grad ta’ implimentazzjoni tagħhom. Għalhekk, il-valutazzjoni tirrifletti l-istadji bikrin attwali tal-implimentazzjoni tal-RRPs biss, aktar milli l-livell ta’ progress li jista’ jinkiseb jekk wieħed jassumi implimentazzjoni sħiħa tal-pjanijiet ( 25 ). F’konformità mal-kamp ta’ applikazzjoni tal-RRF, il-valutazzjoni tas-CSR tal-2022 tiffoka fuq is-CSRs tal-2019-2020 (valutazzjoni pluriennali). Il-valutazzjoni tinkludi wkoll il-valutazzjoni tas-CSRs tal-2021 li huma relatati biss mal-politika fiskali (valutazzjoni annwali).

Illustrazzjoni 1: Il-livell attwali ta’ implimentazzjoni tas-CSRs tal-2019-2020

Illustrazzjoni 2: Implimentazzjoni tas-CSRs tal-2019-2021: valutazzjoni annwali f’kull sena konsekuttiva fil-konfront tal-implimentazzjoni sa issa

Nota: Il-valutazzjoni pluriennali tħares lejn l-implimentazzjoni tas-CSRs tal-2019-2020 miż-żmien li fih ir-CSR ġew adottati l-ewwel darba sal-pubblikazzjoni ta’ din il-Komunikazzjoni. Is-CSRs tal-2021 huma relatati biss mal-politika fiskali.

Minn perspettiva pluriennali, tal-anqas inkiseb xi progress bl-implimentazzjoni ta’ 63 % tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi għall-2019-2020 (ara l-Illustrazzjoni 1). Meta mqabbel mal-valutazzjoni tas-sena l-oħra, inkiseb progress addizzjonali mdaqqas kemm fir-rigward tas-CSRs tal-2019 ta’ natura struttrali kif ukoll fir-rigward tas-CSRs tal-2020 orjentati aktar lejn il-kriżi. Madankollu, l-implimentazzjoni tar-riformi hija ferm differenti f’oqsma ta’ politika differenti. B’mod partikolari, l-Istati Membri għamlu l-aktar progress matul dawn l-aħħar snin fl-aċċess għall-finanzi u s-servizzi finanzjarji, segwiti mill-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-ambjent tan-negozju. Min-naħa l-oħra, il-progress kien partikolarment kajman fis-sistemi tal-pensjonijiet, is-suq uniku, il-kompetizzjoni u l-għajnuna mill-Istat, u l-akkomodazzjoni.

Il-progress fl-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet adottati fl-2021 kien imdaqqas. L-Istati Membri għamlu mill-inqas “xi progress” fi kważi 80 % tar-rakkomandazzjonijiet indirizzati lilhom f’Lulju 2021, li kienu biss kwistjonijiet fir-rigward tal-politiki fiskali (l-Illustrazzjoni 2).

Ir-riżultati tal-valutazzjoni tas-CSR tal-2022, flimkien ma’ dawk tas-snin li għaddew, se jkunu disponibbli f’Ġunju fuq is-sit web tal-Kummissjoni.



APPENDIĊI 3 - IL-PROGRESS MADWAR L-UE TAL-IMPLIMENTAZZJONI TAL-SDGs

Nota: Il-figura ta’ hawn fuq turi l-pass li bih l-UE għamlet progress lejn kull wieħed mis-17-il għan matul l-aktar perjodu reċenti ta’ ħames snin skont l-indikaturi magħżula. Il-metodu għall-valutazzjoni tat-tendenzi tal-indikaturi u l-aggregazzjoni tagħhom fil-livell tal-objettivi, kif ukoll analiżijiet aktar dettaljati huma disponibbli fuq is-sit web tal-Eurostat: Ħarsa ġenerali - Indikaturi tal-iżvilupp sostenibbli - Eurostat (europa.eu).

Bħal fis-snin preċedenti, l-UE għamlet l-aktar progress qawwi lejn it-trawwim tal-paċi u s-sigurtà personali fit-territorju tagħha u lejn it-titjib tal-aċċess għall-ġustizzja u l-fiduċja fl-istituzzjonijiet (SDG 16) fil-perjodu osservat (dawn l-aħħar ħames snin u sal-2021). Inkiseb ukoll titjib sinifikanti fit-tkabbir ekonomiku u s-suq tax-xogħol (SDG 8), li reġa’ żdied fl-2021 wara l-bidu tal-pandemija tal-COVID-19, u fl-innovazzjoni u l-infrastruttura (SDG 9). Il-progress lejn it-tnaqqis tal-faqar u l-esklużjoni soċjali (SDG 1) kien ukoll sinifikanti iżda d-data disponibbli tirreferi parzjalment għall-perjodu sal-2019 biss, u għalhekk ma tirriflettix bis-sħiħ l-impatti tal-pandemija tal-COVID-19. Sar ukoll progress fl-enerġija nadifa u affordabbli (SDG 7) iżda dan l-iżvilupp kien affettwat ħafna mit-tnaqqis notevoli fil-konsum tal-enerġija tal-2020, bħala riżultat tar-restrizzjonijiet fuq il-ħajja pubblika relatati mal-COVID-19 u b’riżultat ta’ attività ekonomika aktar baxxa. Iċ-ċifri għadhom ma jkoprux l-aħħar żviluppi tal-enerġija relatati mal-invażjoni Russa tal-Ukrajna.

L-UE kisbet ukoll progress tajjeb lejn l-għanijiet dwar is-saħħa u l-benesseri (SDG 3), il-ħajja fil-baħar (SDG 14) u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri (SDG 5). Sar inqas progress lejn il-bliet sostenibbli (SDG 11), it-tnaqqis fl-inugwaljanzi (SDG 10), il-konsum u l-produzzjoni responsabbli (SDG 12), l-edukazzjoni ta’ kwalità (SDG 4), l-azzjoni klimatika (SDG 13) u t-tneħħija tal-ġuħ u l-agrikoltura sostenibbli (SDG 2). Dwar l-ilma nadif u s-sanità (SDG 6) u s-sħubijiet globali għall-għanijiet u l-governanza (SDG 17), matul l-aħħar snin li għalihom hija disponibbli d-data, l-UE kienet fuq perkors newtrali, li juri taħlita ta’ żviluppi sostenibbli u mhux sostenibbli kważi ugwali. Għall-kuntrarju, kien hemm ftit treġġigħ lura fil-ħajja fuq l-art (SDG 15), li jirrifletti l-fatt li l-ekosistemi u l-bijodiversità għadhom taħt pressjoni mill-attivitajiet tal-bniedem.

APPENDIĊI 4 — SEJBIET TAR-RIEŻAMIJIET FIL-FOND TAL-IŻBILANĊI MAKROEKONOMIĊI FIL-PAJJIŻI TAL-UE

Ġew identifikati żbilanċi jew żbilanċi eċċessivi f’10 mit-12-il Stat Membru li għalihom twettaq rieżami fil-fond. Ir-rieżami fil-fond (in-depth review, IDR) iħares lejn il-gravità tal-iżbilanċi, l-evoluzzjoni riċenti u prospettiva tagħhom u r-reazzjonijiet ta’ politika relatati. L-effetti konsegwenzjali rilevanti u l-implikazzjonijiet transfruntieri sistemiċi tal-iżbilanċi huma kkunsidrati wkoll.

Wara żidiet qawwija fl-2020, il-proporzjonijiet tad-dejn privat u tal-gvern qed jerġgħu jibdew it-triq tagħhom ta’ tnaqqis gradwali fil-biċċa l-kbira tal-każijiet. Iż-żidiet fid-dejn tas-settur privat u tal-gvern li kienu xprunati mit-tnaqqis qawwi fil-PDG u l-miżuri meħtieġa biex itaffu l-konsegwenzi tal-pandemija tal-COVID-19 kienu b’mod ġenerali limitati għall-2020. Il-livelli tad-dejn issa qed jonqsu hekk kif l-ekonomija qed tirpilja. Madankollu, it-tnaqqis s’issa kien limitat fid-daqs u d-djun għadhom sostanzjalment ogħla mil-livelli tagħhom ta’ qabel il-kriżi tal-COVID-19 f’xi każijiet. It-tnaqqis fil-proporzjonijiet tad-dejn tal-gvern kien partikolarment żgħir u jirrifletti l-appoġġ importanti li l-politiki fiskali komplew jagħtu lill-ekonomija fl-2021. L-iżviluppi tad-dejn privat kienu aktar varjati fost l-Istati Membri, b’xi tnaqqis viżibbli

Għall-ġejjieni, it-tkabbir ekonomiku xprunat minn implimentazzjoni rapida tal-Pjanijiet għall-Irkupru u r-Reżiljenza se jappoġġa aktar tnaqqis fl-ingranaġġ iżda hemm riskji. L-inċertezza madwar il-prospetti ekonomiċi hija elevata, b’mod partikolari minħabba l-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja. Il-pressjonijiet inflazzjonarji qed jiżdiedu u kundizzjonijiet ta’ finanzjament aktar stretti u l-volatilità tar-rata tal-kambju jistgħu jkunu ta’ piż fuq is-servizzjar tad-dejn mill-korporazzjonijiet, l-unitajiet domestiċi u l-gvernijiet. Dan huwa riskju partikolari fejn id-dejn huwa denominat f’muniti barranin, fejn ir-rati tal-imgħax huma varjabbli u fejn il-ħtiġijiet ta’ finanzjament huma ogħla. Fl-istess ħin, inflazzjoni ogħla ttaffi l-proporzjonijiet tad-dejn għall-PDG permezz tal-effetti tad-denominatur. Bidliet strutturali u nuqqasijiet ta’ ħaddiema jistgħu jirriżultaw f’aċċellerazzjoni fil-pagi, li tista’ tqajjem tħassib dwar il-kompetittività. Implimentazzjoni rapida tal-Pjanijiet għall-Irkupru u r-Reżiljenza (Recovery and Resilience Plans, RRPs) u l-pjan REPowerEU se jsaħħu t-tkabbir potenzjali u jżidu r-reżiljenza tal-ekonomiji tal-UE. Dan huwa ta’ importanza partikolari għall-pajjiżi kkaratterizzati minn tkabbir potenzjali baxx billi jista’ jgħin biex jiġu indirizzati l-vulnerabbiltajiet tagħhom fis-snin li ġejjin, inklużi dawk relatati ma’ dejn għoli.

Il-pożizzjonijiet esterni qed jerġgħu jitjiebu. Il-kontijiet kurrenti ta’ pajjiżi debituri netti kbar b’setturi tat-turiżmu transfruntiera sinifikanti bdew jitjiebu iżda għadhom taħt il-livelli tagħhom ta’ qabel il-kriżi. Il-kontinwazzjoni mistennija tal-irkupru tal-ivvjaġġar internazzjonali għandha tappoġġa aktar tisħiħ, iżda hemm riskji ta’ tfixkil mill-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja. Surpluses kbar fil-kont kurrenti f’xi Stati Membri għadhom jippersistu, b’bidliet marġinali, minħabba l-eċċess tat-tfaddil fuq l-investiment, filwaqt li prezzijiet ogħla tal-importazzjoni tal-enerġija huma mistennija li jnaqqsu l-kontijiet kurrenti ta’ kważi l-Istati Membri kollha. Il-biċċa l-kbira tal-pożizzjonijiet ta’ investiment internazzjonali netti negattivi kbar bdew jitjiebu fl-2021 appoġġati mit-tkabbir tal-PDG u l-kontijiet kurrenti mtejba, u huma mistennija li jkomplu jitjiebu din is-sena u dik li jmiss. L-influss tal-fondi tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (Recovery and Resilience Facility, RRF) se jappoġġa l-pożizzjoni esterna f’għadd ta’ każijiet matul is-snin li ġejjin.

Il-prezzijiet tad-djar komplew jiżdiedu b’mod qawwi, b’domanda qawwija u provvista limitata. Il-prezzijiet reali tad-djar komplew jaċċelleraw fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri fl-2021, u f’xi każijiet irreġistraw l-aktar tkabbir mgħaġġel tagħhom f’għaxar snin. Ir-restrizzjonijiet fil-provvista li kienu diġà preżenti qabel il-pandemija jistgħu jkunu mistennija li jippersistu fis-snin li ġejjin. L-aspettattivi ta’ kundizzjonijiet ta’ finanzjament aktar stretti f’dawn l-aħħar xhur setgħu rriżultaw f’xi antiċipazzjoni ta’ deċiżjonijiet ta’ xiri, li jkomplu jżidu l-prezzijiet. Meta ż-żidiet fil-prezzijiet seħħew flimkien ma’ dejn għoli - u li qed jiżdied - tal-unitajiet domestiċi, l-unitajiet domestiċi u s-selliefa jistgħu juru vulnerabbiltà akbar għal korrezzjonijiet ’l isfel tal-prezzijiet tad-djar.

Is-settur bankarju rnexxielu jegħleb il-kriżi pandemika sew u qed juri aktar saħħa, u bbenefika minn riformi tal-passat. L-Istati Membri b’self improduttiv ta’ legat għoli komplew inaqqsuh, xi drabi b’mod sostanzjali. Madankollu, is-self improduttiv xorta jista’ jiżdied hekk kif l-impatt sħiħ tat-tmiem tal-moratorji fuq il-ħlasijiet lura tad-dejn u l-irtirar ta’ miżuri temporanji ta’ appoġġ relatati mal-pandemija tal-COVID-19 isir viżibbli. Fl-aħħar nett, id-deterjorament tal-prospetti ekonomiċi jista’ jqajjem ukoll kwistjonijiet għall-karti tal-bilanċ tal-banek, filwaqt li rati tal-imgħax ogħla għandhom jgħinu lill-marġnijiet ta’ profitt tal-banek. Fi Stati Membri b’rabta b’saħħitha bejn il-banek u l-gvern, żieda fl-ispejjeż ta’ finanzjament għas-sovran tista’ wkoll toħloq riskju għall-banek.

Tabella 1: Sejbiet mir-Rieżamijiet Fil-Fond skont l-Istat Membru

L-Eżitu tal-IDRs tal-2021

L-Eżitu tal-IDRs tal-2022

L-ebda żbilanċ

Żbilanċi

-

DE, ES, FR, HR, IE, NL, PT, RO, SE

HR, IE

DE, ES, FR, NL, PT, RO, SE

Żbilanċi Eċċessivi

CY, EL, IT

CY, EL, IT

 

L-Istati Membri li m’għadhomx jesperjenzaw żbilanċi

Il-Kroazja, li fl-2021 ġiet identifikata li kellha żbilanċi, issa nstabet li ma għandha l-ebda żbilanċ. Sar progress importanti fit-tnaqqis tad-dejn privat u l-obbligazzjonijiet esterni netti. Id-dejn tal-gvern estiż għadu għoli iżda reġa’ beda t-trajettorja ’l isfel li wasslet għal titjib sinifikanti qabel il-pandemija. Is-settur bankarju għadu stabbli u likwidu, bi proporzjon ta’ self improduttiv li qed jonqos. It-tkabbir potenzjali fil-produzzjoni żdied, filwaqt li jibni fuq azzjoni ta’ politika b’saħħitha, u tisħiħ ulterjuri bbażat fuq implimentazzjoni b’saħħitha tal-RRP jista’ jindirizza l-vulnerabbiltajiet li fadal 26 . Skont it-tbassiriet attwali, kemm id-dejn privat kif ukoll dak tal-gvern huma mistennija li jkomplu jonqsu bil-pożizzjoni esterna li tkompli tissaħħaħ u tkompli tibbenefika wkoll mill-fondi tal-RRF.

L-Irlanda, li fl-2021 ġiet identifikata li kellha żbilanċi, issa nstabet li ma għandha l-ebda żbilanċ. Sar progress importanti fit-tnaqqis tad-dejn tal-gvern u dak privat kif ukoll fl-obbligazzjonijiet esterni netti, kemm qabel kif ukoll wara l-pandemija. It-tnaqqis tal-proporzjonijiet tad-dejn jibqa’ sinifikanti, għalkemm iżgħar, meta l-produzzjoni nazzjonali tiġi aġġustata għall-effetti tal-operazzjonijiet tal-intrapriżi multinazzjonali rreġistrati fl-Irlanda. Kemm id-dejn privat kif ukoll dak tal-gvern huma mistennija li jkomplu jonqsu, bil-pożizzjoni esterna tissaħħaħ aktar. Il-banek Irlandiżi komplew inaqqsu l-proporzjon tas-self improduttiv tagħhom. It-tkabbir għoli fil-prezzijiet tad-djar għadu sfida għall-affordabbiltà tal-akkomodazzjoni, iżda r-riskji għall-istabbiltà makroekonomika s’issa jidhru mrażżna. Filwaqt li l-impatt dirett tiegħu jista’ jkun limitat minħabba d-daqs relattivament żgħir tiegħu, l-RRP għandu l-potenzjal li jgħin biex jissaħħu aktar il-prinċipji fundamentali tal-ekonomija.

L-Istati Membri li qed jesperjenzaw żbilanċi

Franza qed tesperjenza żbilanċi. Il-vulnerabbiltajiet huma relatati ma’ dejn għoli tal-gvern u kompetittività dgħajfa, li għandhom rilevanza transfruntiera, f’kuntest ta’ tkabbir baxx fil-produttività. Il-kriżi tal-COVID-19 ġabet magħha żieda mdaqqsa fid-dejn diġà għoli tal-gvern, iżda bl-irkupru ekonomiku, il-proporzjon tad-dejn għall-PDG tal-gvern naqas fl-2021 u huwa mbassar li jkompli jonqos din is-sena u dik li jmiss, filwaqt li jibqa’ ferm ogħla mil-livell tiegħu ta’ qabel il-pandemija. Id-dejn privat baqa’ jikber f’dawn l-aħħar snin u qed jaqbeż il-livelli prudenzjali, għalkemm ir-riskji relatati maż-żieda fid-dejn korporattiv huma kemxejn mitigati minn akkumulazzjoni parallela ta’ riżervi ta’ likwidità. Id-dinamika tal-produttività sottostanti baqgħet stabbli maż-żmien. L-ishma mis-suq tal-esportazzjonijiet, li kienu ġeneralment stabbilizzaw fis-snin ta’ qabel, naqsu drastikament matul il-pandemija bis-setturi ewlenin tal-esportazzjoni li ntlaqtu b’mod sever iżda huwa pproġettat irkupru mdaqqas għall-2022 u l-2023. Il-kompetittività tal-ispejjeż, kif ukoll il-produttività, huma mistennija li jibbenefikaw minn riformi reċenti u futuri, inkluża implimentazzjoni b’saħħitha kontinwa tal-RRP.

Il-Ġermanja qed tesperjenza żbilanċi. Il-vulnerabbiltajiet huma relatati ma’ surplus kbir persistenti fil-kont kurrenti, li jirrifletti investiment imrażżan meta mqabbel mat-tfaddil, u għandu rilevanza transfruntiera. Is-surplus fil-kont kurrenti naqas biss bil-mod sal-2020, u żdied fl-2021. Dan għadu ferm lil hinn mil-livelli ssuġġeriti mill-prinċipji fundamentali tal-pajjiż, li jirrifletti t-trażżin tal-konsum u l-investiment persistentement imrażżan. L-investiment korporattiv baqa’ taħt il-livell ta’ qabel il-pandemija u l-korporazzjonijiet komplew jagħmlu tfaddil nett qawwi. L-investiment residenzjali żdied gradwalment minn livell baxx iżda l-provvista għadha ma laħqitx id-domanda għall-akkomodazzjoni. L-ostakli eżistenti, inklużi dawk amministrattivi, jillimitaw l-investiment pubbliku u privat. Is-surplus fil-kont kurrenti x’aktarx li jibqa’ għoli anki jekk mistenni jonqos xi ftit fl-2022 minħabba prezzijiet ogħla tal-komoditajiet. Tħabbiriet reċenti għall-promozzjoni tal-investiment huma promettenti u l-RRP huwa mmirat biex jindirizza l-ostakli għall-investiment. Madankollu, aktar riżorsi u sforzi biex jiġu indirizzati l-ostakli għall-investiment kif ukoll l-implimentazzjoni bir-reqqa huma kruċjali għall-promozzjoni ulterjuri tal-investiment.

In-Netherlands qed jesperjenzaw żbilanċi. Il-vulnerabbiltajiet huma relatati ma’ dejn privat għoli u surplus kbir fil-kont kurrenti, li għandhom rilevanza transfruntiera. Minn perspettiva settorjali, tfaddil għoli u investiment domestiku baxx ta’ korporazzjonijiet mhux finanzjarji huma l-muturi strutturali ewlenin tas-surplus għoli u persistenti fil-kont kurrenti, li huwa ferm lil hinn mil-livelli ssuġġeriti mill-prinċipji fundamentali tal-pajjiż u li kompla jiżdied fl-2021. Parti mis-surplus estern u d-dinamika reċenti tiegħu huma marbuta mal-operazzjonijiet ta’ xi korporazzjonijiet multinazzjonali kbar. Fil-futur, is-surplus x’aktarx li jibqa’ għoli billi l-muturi ewlenin tiegħu jibqgħu fis-seħħ. Id-dejn tas-settur privat għadu għoli minħabba kemm dejn għoli tal-unitajiet domestiċi kif ukoll dejn korporattiv, dan tal-aħħar parzjalment minħabba dejn transfruntier intragrupp ta’ kumpaniji multinazzjonali. Id-dejn għoli tal-unitajiet domestiċi jagħmel l-unitajiet domestiċi aktar vulnerabbli għax-xokkijiet, minħabba li żidiet qawwija fil-prezzijiet tad-djar ikkontribwew għal żieda fid-dejn u l-prezzijiet tad-djar jidhru li huma sopravalutati. Id-dejn tal-unitajiet domestiċi huwa mistenni li jibqa’ għoli fid-dawl tat-tkabbir kontinwu fil-prezzijiet tad-djar u tad-distorsjonijiet fis-suq tad-djar li jiffavorixxu s-sjieda tad-djar iffinanzjata mid-dejn flimkien ma’ nuqqas fil-provvista tad-djar. Ittieħdu passi ta’ politika limitati iżda jeħtieġ li jsir aktar.

Il-Portugall qed jesperjenza żbilanċi. Il-vulnerabbiltajiet għandhom x’jaqsmu mad-dejn privat, tal-gvern u estern għoli f’kuntest ta’ tkabbir baxx fil-produttività. Is-self improduttiv naqas b’mod konsiderevoli minn livelli għoljin. Wara treġġigħ lura temporanju fl-2020 minħabba l-kriżi tal-COVID-19, dawk il-vulnerabbiltajiet reġgħu bdew it-trajettorja ’l isfel tagħhom fl-2021. Il-bilanċ tal-kont kurrenti sar negattiv fl-2020 u fl-2021, prinċipalment minħabba x-xokk xprunat mill-pandemija fis-settur tat-turiżmu, filwaqt li l-pożizzjoni ta’ investiment internazzjonali netta tjiebet b’mod konsiderevoli diġà fl-2021, anki lil hinn mil-livell tagħha ta’ qabel il-pandemija. Il-proporzjonijiet tad-dejn għall-PDG tas-settur privat u tal-gvern reġgħu bdew jonqsu fl-2021 iżda baqgħu ogħla mil-livelli ta’ qabel il-pandemija u dawn tal-ewwel għadhom qed jaqbżu l-livelli prudenzjali. Għall-ġejjieni, id-dejn privat, tal-gvern u estern huwa mistenni li jkompli jonqos bis-saħħa tat-tkabbir ekonomiku. Il-pożizzjoni esterna se tibbenefika wkoll direttament mill-fondi tal-RRF. Sar progress fil-politika biex jiġu indirizzati l-iżbilanċi u implimentazzjoni b’suċċess tal-RRP tista’ tgħin biex dawn jitnaqqsu aktar, iżda għad fadal sfidi ta’ politika.

Ir-Rumanija qed tesperjenza żbilanċi. Il-vulnerabbiltajiet huma relatati ma’ kontijiet esterni, marbuta ma’ defiċits fiskali kbar, u ma’ kwistjonijiet ta’ kompetittività li qed jerġgħu jitfaċċaw. Id-defiċit għoli fil-kont kurrenti kompla jmur għall-agħar fl-2021 u mhuwiex previst li jitjieb din is-sena jew dik li jmiss. Defiċits fiskali kbar ġew qabel il-kriżi tal-COVID-19 u żiedu d-defiċit tal-kont kurrenti li joħloq riskji għas-sostenibbiltà tad-dejn estern. L-ispejjeż tas-self sovran żdiedu mill-bidu tal-2021. L-aċċellerazzjoni mistennija fil-pagi tista’ tkun ta’ piż ulterjuri fuq il-kompetittività tal-ispejjeż. Id-deprezzament nominali jista’ jtaffi t-telf fil-kompetittività iżda jżid il-pressjonijiet inflazzjonarji u jżid il-piż tal-ħlas tad-djun f’muniti barranin, li huma sinifikanti għall-gvern u għas-settur privat. Il-pożizzjoni ta’ investiment internazzjonali netta negattiva hija mistennija li tibqa’ taħt il-livelli tagħha ta’ qabel il-pandemija. Il-pożizzjoni esterna hija mistennija li tibbenefika minn fondi sinifikanti tal-RRF iżda l-finanzjament estern jista’ altrimenti jsir aktar diffiċli fost kundizzjonijiet finanzjarji globali aktar stretti. Inizjattivi ta’ politika reċenti, inkluża l-implimentazzjoni b’suċċess tal-RRP tar-Rumanija, jistgħu jindirizzaw xi vulnerabbiltajiet, iżda għad hemm bżonn ta’ aktar azzjoni biex jittejbu l-kompetittività u t-tkabbir potenzjali.

Spanja qed tesperjenza żbilanċi. Il-vulnerabbiltajiet huma relatati ma’ dejn estern, tal-gvern u privat għoli, f’kuntest ta’ qgħad għoli, u għandhom rilevanza transfruntiera. Fl-2021, il-proporzjonijiet tad-dejn għall-PDG reġgħu bdew ix-xejriet ta’ tnaqqis tagħhom osservati qabel il-pandemija u huma mbassra li jkomplu jonqsu din is-sena u dik li jmiss. Il-kont kurrenti jirreġistra surplus żgħir u l-pożizzjoni ta’ investiment internazzjonali netta laħqet l-aħjar qari tagħha minn nofs is-snin 2000. Madankollu, id-dejn privat għadu ogħla minn qabel il-kriżi tal-COVID-19, u għadu jaqbeż il-livelli prudenzjali, filwaqt li l-proporzjon għoli tad-dejn għall-PDG tal-gvern għadu ferm ogħla mil-livell tiegħu ta’ qabel il-pandemija. Is-self improduttiv kompla jonqos, iżda għad fadal xi riskji speċjalment f’setturi intensivi fl-enerġija u dawk li qabel kienu ntlaqtu ħażin mill-kriżi tal-COVID-19. Il-qgħad reġa’ beda jonqos fl-2021, iżda s-segmentazzjoni tas-suq tax-xogħol u l-qgħad fost iż-żgħażagħ għadhom għoljin, għalkemm ir-riformi tal-passat u dawk reċenti tas-suq tax-xogħol u l-implimentazzjoni kontinwa tal-RRP se jgħinu biex jiġu indirizzati l-vulnerabbiltajiet li fadal ta’ Spanja.

L-Iżvezja qed tesperjenza żbilanċi. Il-vulnerabbiltajiet huma relatati ma’ prezzijiet tad-djar għoljin u li qed jogħlew u dejn għoli tal-unitajiet domestiċi. Fl-2021, il-prezzijiet tad-djar komplew jitbiegħdu mill-valuri fundamentali b’kundizzjonijiet finanzjarji ta’ appoġġ li jkomplu jalimentaw id-domanda għall-akkomodazzjoni. Id-dejn għoli tal-unitajiet domestiċi jesponi lill-Iżvezja għar-riskju ta’ xokkijiet negattivi u korrezzjoni diżordinata tal-prezzijiet tad-djar, b’implikazzjonijiet potenzjalment dannużi għall-ekonomija reali u għas-settur bankarju. Id-dejn privat kompla jiżdied, li sehem kbir minnu huwa kkonċentrat fil-proprjetà immobbli, kemm kummerċjali kif ukoll tad-djar, u l-biċċa l-kbira tad-dejn ipotekarju tal-unitajiet domestiċi huwa b’rati tal-imgħax varjabbli. Il-miżuri ta’ politika ma indirizzawx biżżejjed vulnerabbiltajiet relatati mad-dejn tad-djar u valutazzjonijiet eċċessivi potenzjali tal-prezzijiet tad-djar. L-inċentivi fiskali għall-akkomodazzjoni ffinanzjata mid-dejn għadhom jeżistu, flimkien ma’ nuqqasijiet fil-provvista u nuqqasijiet identifikati fil-funzjonament tas-suq tal-kiri. Il-miżuri fl-RRP jindirizzaw biss il-vulnerabbiltajiet b’mod parzjalment sodisfaċenti.

L-Istati Membri li qed jesperjenzaw żbilanċi eċċessivi

Ċipru qed jesperjenza żbilanċi eċċessivi. Il-vulnerabbiltajiet huma relatati ma’ dejn għoli tal-gvern u privat, defiċits kbar fil-kont kurrenti u stokk li għadu għoli ta’ self improduttiv. Il-proporzjonijiet tad-dejn għall-PDG tal-gvern u privat reġgħu naqsu bis-saħħa ta’ rkupru ekonomiku qawwi fl-2021. Is-self improduttiv tas-settur bankarju naqas b’mod sostanzjali bis-saħħa ta’ bejgħ kbir ta’ tali self lil kumpaniji akkwirenti tal-kreditu iżda għadu għoli. Id-defiċit fil-kont kurrenti huwa kbir minkejja titjib fl-2021, u barra minn hekk huwa pproġettat li jikber fl-2022 u jonqos biss bil-mod minn hemm ’il quddiem, u b’hekk ma jiżgurax pożizzjoni ta’ investiment internazzjonali netta prudenti fuq terminu medju. Il-proporzjonijiet tad-dejn tal-gvern u privat mal-PDG huma mistennija li jkomplu jitjiebu, parzjalment bis-saħħa tat-tkabbir ekonomiku. Madankollu, il-prospetti ekonomiċi għall-2022 huma mdawra b’inċertezza akbar relatata mal-impatt tal-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja fid-dawl ta’ kummerċ partikolarment imdaqqas ta’ skoperturi tas-servizzi. Jekk jiġi implimentat fil-ħin u b’mod effettiv, l-RRP għandu l-potenzjal li jikkontribwixxi għal tnaqqis sinifikanti tal-vulnerabbiltajiet, iżda hija meħtieġa azzjoni ta’ politika addizzjonali.

Il-Greċja qed tesperjenza żbilanċi eċċessivi. Il-vulnerabbiltajiet huma relatati ma’ dejn għoli tal-gvern, riekwilibriju estern mhux komplut u self improduttiv għoli, f’kuntest ta’ tkabbir potenzjali baxx u qgħad għoli. Il-proporzjon tad-dejn għall-PDG tal-gvern reġa’ beda jonqos, li huwa pproġettat li jkompli grazzi għal titjib fir-riżultati baġitarji u t-tkabbir ekonomiku. Id-defiċit fil-kont kurrenti għadu jirrifletti l-irkupru mhux komplut mit-tnaqqis qawwi fit-turiżmu barrani fl-2020 u huwa mistenni li jibqa’ negattiv b’mod ċar din is-sena u dik li jmiss. Il-pożizzjoni ta’ investiment internazzjonali netta għadha wkoll fil-biċċa l-kbira negattiva, u dan jirrifletti b’mod sostanzjali d-dejn tal-gvern miżmum l-aktar minn kredituri tas-settur uffiċjali. Madankollu, dan jista’ jitjieb espress bħala sehem tal-PDG bis-saħħa tat-tkabbir ekonomiku u l-influssi ta’ fondi sinifikanti tal-RRF. Minkejja progress sostanzjali, is-sehem ta’ self improduttiv għadu għoli u jxekkel il-kapaċità tal-banek li jipprovdu kreditu lil ditti u unitajiet domestiċi. Ittieħdu miżuri rilevanti biex jiġi ffaċilitat l-aġġustament ekonomiku u t-tneħħija tal-vulnerabbiltajiet. L-implimentazzjoni b’suċċess tal-RRP tirrappreżenta opportunità kbira biex jiġu indirizzati l-vulnerabbiltajiet u jissaħħaħ it-tkabbir potenzjali.

L-Italja qed tesperjenza żbilanċi eċċessivi. Il-vulnerabbiltajiet huma relatati ma’ dejn għoli tal-gvern u tkabbir dgħajjef fil-produttività, f’kuntest ta’ fraġilitajiet fis-suq tax-xogħol u xi dgħufijiet fis-swieq finanzjarji, li għandhom rilevanza transfruntiera. It-tkabbir baxx persistenti fil-produttività kien fattur ewlieni wara t-tkabbir dgħajjef fit-tul tal-PDG tal-Italja, li naqqas id-diżingranaġġ tad-dejn tal-gvern, xekkel l-opportunitajiet ta’ impjieg u kellu impatt fuq il-karti tal-bilanċ tal-banek. Il-proporzjon tad-dejn għall-PDG tal-gvern beda jonqos fl-2021 u huwa mbassar li jkompli jonqos iżda jibqa’ riskju għas-sostenibbiltà fiskali, is-settur finanzjarju u t-tkabbir ekonomiku. Minkejja t-titjib fis-suq tax-xogħol, għadhom jippersistu rati baxxi ta’ parteċipazzjoni. Sar titjib sinifikanti fit-tnaqqis tas-self improduttiv, għalkemm ir-rabta bejn il-banek u s-sovrani ssaħħet matul il-kriżi tal-COVID-19 u għadha sfida. Barra minn hekk, is-settur bankarju jista’ jiffaċċja sfidi hekk kif l-impatt tat-tneħħija gradwali ta’ miżuri temporanji ta’ appoġġ b’rispons għall-kriżi pandemika jiżvolġi kompletament. L-RRP qed jindirizza l-vulnerabbiltajiet, inkluż billi jixpruna l-kompetittività u l-produttività. Madankollu, l-effett li jsaħħaħ it-tkabbir tal-investiment u r-riformi x’aktarx li jieħu ż-żmien biex jiżviluppa u jiddependi b’mod kruċjali fuq implimentazzjoni rapida u soda.

(1)      COM(2022) 230
(2)      COM(2022) 231 
(3)      Bħall-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, il-Mekkaniżmu għal Tranżizzjoni Ġusta, Orizzont Ewropa u l-Fondi għall-Innovazzjoni u l-Modernizzazzjoni tas-Sistema tal-UE għan-Negozjar ta’ Emissjonijiet.
(4)      Ara l-Appendiċi 3 dwar il-progress fl-UE kollha fl-implimentazzjoni tal-SDGs u r-Rapport ta’ Monitoraġġ tal-SDGs tal-Eurostat għall-2022: https://ec.europa.eu/eurostat/product?code=KS-09-22-019 .
(5)      https://www.consilium.europa.eu/media/54773/20220311-versailles-declaration-en.pdf
(6)      Id-dashboards tar-reżiljenza, żviluppati mill-Kummissjoni, għandhom l-għan li jipprovdu valutazzjoni olistika tar-reżiljenza fl-UE u fl-Istati Membri tagħha. Huma jivvalutaw ir-reżiljenza bħala l-kapaċità li jsir progress lejn l-objettivi ta’ politika fost l-isfidi. Ara: https://ec.europa.eu/info/strategy/strategic-planning/strategic-foresight/2020-strategic-foresight-report/resilience-dashboards_mt
(7)      Ara l-Appendiċi 2 dwar il-progress fl-UE kollha fl-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi. 
(8)      Ara l-Appendiċi 1 dwar il-ħarsa ġenerali lejn l-oqsma tematiċi koperti fil-proposti ta’ din is-sena għar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi.
(9)      L-Istati Membri se jaġġornaw il-pjanijiet nazzjonali għall-enerġija u l-klima fl-2023 f’konformità mar-REPowerEU, ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi rilevanti u l-modifiki eventwali tal-RRPs.
(10)      C(2022) 3300
(11)      Ir-Regolament (UE) 2021/1119.
(12)      Kaxxa 2 fil-Kummissjoni Ewropea, “L-ekonomija tal-UE wara l-COVID-19: implikazzjonijiet għall-governanza ekonomika”, COM(2021) 662 final. 
(13)      Il-prinċipju “l-Effiċjenza Enerġetika tiġi l-Ewwel” huwa wieħed mill-pilastri ewlenin mhux biss biex jintlaħqu l-objettivi klimatiċi tal-UE iżda wkoll biex titnaqqas id-dipendenza fuq il-fjuwils fossili minn barra u tiżdied is-sigurtà tal-provvista u l-użu tal-enerġija rinnovabbli. Jenħtieġ li jiġi applikat billi jitqiesu bis-sħiħ il-miżuri kosteffiċjenti tal-effiċjenza enerġetika fit-tfassil tal-politika dwar l-enerġija u fit-teħid ta’ deċiżjonijiet ta’ investiment rilevanti.
(14)      Fil-qasam tal-materja prima kritika, l-isforzi rilevanti għadhom għaddejjin u se jiżdiedu, kif imħabbar fil-pjan REPowerEU (COM(2022) 230).
(15)      Sal-2030: rata ta’ impjieg ta’ mill-inqas 78 % tal-popolazzjoni ta’ bejn l-20 u l-64 sena; mill-inqas 60 % tal-adulti kollha jipparteċipaw fit-tagħlim kull sena; mill-inqas 15-il miljun persuna inqas fir-riskju tal-faqar jew tal-esklużjoni soċjali.
(16)      COM(2021) 660 final.
(17)      Ara: Proposta tal-Kummissjoni għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-iżgurar ta’ tranżizzjoni ġusta lejn in-newtralità klimatika https://ec.europa.eu/commission/presscorner/detail/mt/ip_21_6795
(18)      Il-biċċa l-kbira tal-wasliet huma rreġistrati fil-Polonja, segwiti minn Stati Membri oħra tal-UE ġirien tal-Ukrajna, iżda hija mistennija xi risistemazzjoni lejn pajjiżi oħra tal-UE. Ara: Komunikazzjoni dwar “Merħba lil dawk li qed jaħarbu mill-gwerra fl-Ukrajna” tat-23 ta’ Marzu 2022.
(19)      Ara: Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/382 tal-4 ta’ Marzu 2022 li tistabbilixxi l-eżistenza ta' influss bil-massa ta' persuni spostati mill-Ukrajna skont it-tifsira tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2001/55/KE, u li għandha l-effett li tintroduċi protezzjoni temporanja, ĠU L 71, 4.3.2022, p. 1). 
(20)      Fit-8 ta’ Marzu, il-Kummissjoni adottat il-proposta ta’ Azzjoni ta’ Koeżjoni għar-Refuġjati fl-Ewropa (Cohesion’s Action for Refugees in Europe, CARE), li tippermetti r-riallokazzjoni rapida tal-finanzjament disponibbli mill-politika ta’ koeżjoni 2014-20 (FSE, FEŻR) u l-Fond għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn (FEAD). Il-pakkett tal-2022 tal-Assistenza fl-Irkupru għall-Koeżjoni u għat-Territorji tal-Ewropa (REACT-EU) jista’ jintuża wkoll mill-Istati Membri biex jindirizzaw il-ħtiġijiet ta’ dawk li qed jaħarbu mill-Ukrajna. Il-Kummissjoni pproponiet li jiżdied bi EUR 3,4 biljun il-prefinanzjament totali minn REACT-EU għall-Istati Membri li jilqgħu persuni spostati mill-Ukrajna. Dawn il-fondi se jikkomplementaw il-fondi tematiċi eżistenti bħall-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni (Asylum, Migration and Integration Fund, AMIF) u l-Istrument għall-Ġestjoni tal-Fruntieri u tal-Viżi (Border Management and Visa Instrument, BMVI). Mit-13 ta’ April, il-Kummissjoni introduċiet proċedura ta’ finanzjament simplifikata ġdida bil-politika ta’ koeżjoni 2014-2020 biex tkopri l-ħtiġijiet bażiċi ta’ persuni mogħtija protezzjoni temporanja bħala riżultat tal-gwerra fl-Ukrajna.
(21)      Esklużi l-miżuri temporanji ta’ emerġenza tal-COVID-19.
(22)      COM(2021) 105 final
(23)      F’Diċembru 2021, il-Kummissjoni ppreżentat inizjattiva ewlenija biex twaqqaf l-użu ta’ entitajiet fittizji għal skopijiet ta’ taxxa. L-għan tal-proposta (“UNSHELL”) huwa li jiġi żgurat li l-entitajiet fl-Unjoni Ewropea li ma jkollhom l-ebda attività ekonomika jew li jkollhom attività ekonomika minima ma jkunu jistgħu jibbenefikaw mill-ebda vantaġġi fiskali. F’Diċembru 2021, il-Kummissjoni adottat ukoll proposta għal Direttiva għall-implimentazzjoni ta’ livell minimu globali ta’ tassazzjoni (Pilastru 2) fl-UE. Il-proposta tistabbilixxi regoli biex jiġi żgurat livell minimu ta’ tassazzjoni għal intrapriżi multinazzjonali kbar u gruppi domestiċi fuq skala kbira, u b’hekk tikkontribwixxi kemm għal tassazzjoni ġusta kif ukoll għal ambjent tan-negozju sod. Ladarba d-Direttiva tiġi adottata mill-Kunsill, din se jkollha l-għan li tpoġġi limitu minimu fuq il-kompetizzjoni eċċessiva fil-qasam tat-taxxa bejn il-ġurisdizzjonijiet.
(24)      Inkluża l-azzjoni ta’ politika rrapportata fil-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma, kif ukoll fir-rapportar dwar l-RRF (rapportar biannwali dwar il-progress fl-implimentazzjoni tal-istadji importanti u l-miri u li jirriżulta mill-valutazzjoni tat-talba għal pagament), bl-eċċezzjoni tal-Istati Membri li, sad-data limitu ta’ din il-Komunikazzjoni, ikunu għadhom ma ppreżentawx pjan għall-irkupru u r-reżiljenza jew li l-pjan tagħhom ma jkunx ġie approvat (l-Ungerija, il-Polonja, in-Netherlands).
(25)      L-Istati Membri ntalbu jindirizzaw b’mod effettiv fl-RRPs tagħhom ir-rakkomandazzjonijiet rilevanti speċifiċi għall-pajjiżi kollha jew subsett sinifikanti minnhom. Għall-RRPs adottati sad-data limitu ta’ din il-Komunikazzjoni, is-CSRs rilevanti huma dawk adottati mill-Kunsill fl-2019 u fl-2020. Il-valutazzjoni tas-CSR ippreżentata hawnhekk tqis il-grad ta’ implimentazzjoni tal-miżuri inklużi fl-RRPs u ta’ dawk li saru barra mill-RRPs fiż-żmien tal-valutazzjoni. Il-miżuri previsti fl-annessi tad-Deċiżjonijiet ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill adottati dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-RRPs li għadhom ma ġewx adottati jew implimentati iżda li huma meqjusa bħala mħabbra b’mod kredibbli, f’konformità mal-metodoloġija ta’ valutazzjoni tas-CSR, jiġġustifikaw “progress limitat”. Ladarba jiġu implimentati, dawn il-miżuri jistgħu jwasslu għal “xi progress/progress sostanzjali” jew “implimentazzjoni sħiħa”, skont ir-rilevanza tagħhom.
(26)      L-impenji tal-Kroazja fil-kuntest tal-parteċipazzjoni fl-ERM II se jiġu vvalutati mill-Kummissjoni u mill-BĊE fl-oqsma rispettivi ta’ kompetenza tagħhom u fi żmien debitu.