IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 31.10.2022
COM(2022) 568 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI
LILL-PARLAMENT EWROPEW
dwar l-attivitajiet u l-konsultazzjonijiet tal-Grupp ta’ Koordinament Kontra t-Tortura msemmi fl-Artikolu 31 tar-Regolament (UE) 2019/125 dwar il-kummerċ ta’ ċerti oġġetti li jistgħu jintużaw għall-piena kapitali, it-tortura jew trattament jew pieni krudili, inumani jew degradanti oħra
1.Introduzzjoni
L-Artikolu 31(4) tar-Regolament (UE) 2019/125 tas-16 ta’ Jannar 2019 (“ir-Regolament”) dwar il-kummerċ ta’ ċerti oġġetti li jistgħu jintużaw għall-piena kapitali, it-tortura jew trattament jew pieni krudili, inumani jew degradanti oħra
jesiġi li l-Kummissjoni tippreżenta rapport annwali lill-Parlament Ewropew dwar l-attivitajiet, l-eżaminazzjonijiet u l-konsultazzjonijiet tal-Grupp ta’ Koordinament Kontra t-Tortura (Anti-Torture Coordination Group, ATCG). Ir-rapport ma jistax jikkomprometti l-interessi kummerċjali ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi.
Dan ir-rapport jipprovdi informazzjoni dwar l-attivitajiet tal-ATCG fl-2021.
2.Qafas regolatorju
L-objettiv tar-Regolament huwa li jimpedixxi l-piena kapitali, minn naħa waħda, u t-tortura u trattament jew pieni krudili, inumani jew degradanti oħra f’pajjiżi barra mill-UE, min-naħa l-oħra, billi jirrestrinġi l-kummerċ ta’ ċerti oġġetti. Jiddistingwi bejn:
-oġġetti li huma abbużivi b’mod inerenti u ma għandhomx jiġu kkummerċjalizzati għalkollox (l-Anness II); u
-oġġetti li jista’ jkollhom użi leġittimi, bħal tagħmir tal-infurzar tal-liġi (l-Anness III) u oġġetti għal użu terapewtiku (l-Anness IV).
Il-kummerċ tal-oġġetti elenkati fl-Anness III u l-Anness IV huwa soġġett għal ċerti restrizzjonijiet. B’mod partikolari, ir-Regolament:
I.jipprojbixxi l-importazzjonijiet fl-UE, l-esportazzjonijiet mill-UE u t-tranżitu mill-UE ta’ oġġetti elenkati fl-Anness II, li ma għandhom l-ebda użu prattiku ħlief għall-finijiet ta’ piena kapitali jew tortura. Jipprojbixxi l-għoti ta’ kwalunkwe assistenza teknika relatata ma’ dawn l-oġġetti, inkluż taħriġ fl-użu tagħhom. Jipprojbixxi wkoll ir-reklamar ta’ dawn l-oġġetti f’media stampata, fuq l-internet, jew fuq it-televiżjoni jew ir-radju, u l-wiri jew l-offerta għall-bejgħ tagħhom f’wirja jew f’fiera;
II.jirrikjedi awtorizzazzjoni minn qabel, skont il-każ, għall-esportazzjonijiet tal-oġġetti elenkati fl-Anness III, li jistgħu jintużaw għall-finijiet ta’ piena kapitali jew tortura, iżda li jista’ jkollhom użi leġittimi oħrajn (eż. għall-infurzar tal-liġi). Awtorizzazzjoni għall-esportazzjoni minn qabel hija meħtieġa wkoll għall-forniment ta’ assistenza teknika jew servizzi ta’ senserija li jirrigwardaw din il-kategorija ta’ oġġetti. L-Anness III ma jinkludix:
a)armi tan-nar soġġetti għar-Regolament (UE) Nru 258/2012
;
b)oġġetti b’użu doppju soġġetti għar-Regolament (UE) 2021/821
; jew
c)oġġetti soġġetti għat-termini tal-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK
; kif ukoll
III.jirregola l-kummerċ tas-sustanzi kimiċi u tas-sustanzi farmaċewtiċi (l-Anness IV) li jistgħu jintużaw għall-piena kapitali (eż. permezz ta’ injezzjoni letali). Ġiet introdotta awtorizzazzjoni għal liċenzja speċifika (Awtorizzazzjoni ġenerali għall-Esportazzjoni tal-Unjoni (general export authorisation, GEA)) biex tikkontrolla l-esportazzjoni ta’ dawn is-sustanzi kimiċi anestetiċi u tipprevjeni t-trasferiment tagħhom għall-użu f’eżekuzzjonijiet ta’ injezzjoni letali, mingħajr ma tillimita l-kummerċ tagħhom għal skopijiet mediċi, veterinarji jew leġittimi oħrajn.
3.Attivitajiet tal-Grupp ta’ Koordinament Kontra t-Tortura
L-ATCG ġie stabbilit skont ir-Regolament (UE) 2016/2134 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
biex jeżamina mistoqsijiet li jirrigwardaw l-applikazzjoni tar-Regolament.
L-ATCG iservi bħala pjattaforma għall-esperti tal-Istati Membri u għas-servizzi tal-Kummissjoni biex jaqsmu l-informazzjoni dwar il-prattiki amministrattivi u jiddiskutu l-kwistjonijiet ta’ interpretazzjoni tar-Regolament, il-kwistjonijiet tekniċi li jirrigwardaw l-oġġetti elenkati, l-iżviluppi marbuta mar-Regolament, u kwalunkwe kwistjoni oħra li tista’ tinqala’. Il-Kummissjoni tikkonsulta wkoll lill-ATCG meta tħejji atti delegati, f’konformità mal-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet
.
L-ATCG iltaqa’ tliet darbiet fl-2021, fl-10 ta’ Marzu, fl-10 ta’ Ġunju u fl-24 ta’ Novembru, b’mod virtwali, biex isir skambju ta’ informazzjoni dwar għadd ta’ kwistjonijiet (miġbura fil-qosor hawn taħt) rigward l-implimentazzjoni tar-Regolament.
3.1Żviluppi li jirrigwardaw l-att bażiku
Il-Kummissjoni infurmat lill-ATCG dwar ir-rapport adottat dwar l-użu tad-delega tas-setgħa mogħtija lill-Kummissjoni skont ir-Regolament (UE) 2019/125
. L-Artikolu 29(2) tar-Regolament jipprevedi li d-delega tas-setgħa tiġi estiża awtomatikament għal perjodi tal-istess tul ta’ żmien, sakemm il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill ma joġġezzjonawx għat-tali estensjoni sa mhux aktar tard minn tliet xhur qabel ma jintemm kull perjodu. Ir-rapport ippropona li d-delega tas-setgħa, biex jiġu adottati atti delegati, tiġi estiża għal perjodu ulterjuri ta’ ħames snin. Ma kien hemm l-ebda oppożizzjoni għal tali estensjoni. L-estensjoni tqieset meħtieġa sabiex, fost l-oħrajn, twieġeb meta jiġu żviluppati oġġetti ġodda jew meta pajjiż terz wieħed jew aktar jissodisfaw ir-rekwiżiti għall-applikazzjoni tal-awtorizzazzjoni ġenerali tal-Unjoni għall-esportazzjoni, jiksru impenn internazzjonali li jabolixxu l-piena kapitali għar-reati kollha jew meta jinbidlu d-dettalji tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri.
L-ebda att delegat li jemenda r-Regolament ma ġie adottat fl-2021.
3.2Informazzjoni dwar il-kummerċ: rapportar tad-data
Il-Kummissjoni ppreżentat is-sitwazzjoni tal-mument fir-rigward tar-rapport annwali msemmi fl-Artikolu 26(3). B’mod partikolari, ġiet ippreżentata d-data tal-2020 mill-awtoritajiet kollha fl-Istati Membri kif ukoll mir-Renju Unit, li tikkostitwixxi l-bażi għat-tħejjija mill-Kummissjoni tar-rapport annwali tagħha lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Barra minn hekk, il-Kummissjoni pprovdiet informazzjoni dwar id-data kummerċjali f’dak ir-rapport ladarba ġie adottat
.
F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni ġibdet l-attenzjoni tal-ATCG għall-fatt li huwa obbligatorju għall-awtoritajiet kompetenti li jinnotifikaw meta jinħarġu ċaħdiet permezz tas-Sistema Elettronika għall-Oġġetti b’Użu Doppju (Dual-Use Electronic System, DUeS).
3.3Kwistjonijiet ta’ implimentazzjoni relatati mar-Regolament (UE) 2019/125
Il-Kummissjoni kellha, fuq talba ta’ Stat Membru wieħed, skambju ta’ fehmiet dwar l-użu ta’ kanuni tal-ilma, u b’mod aktar ġenerali dwar l-użu ta’ oġġetti oħra mfassla għall-kontroll tal-irvellijiet jew għall-awtoprotezzjoni minn aġenti tal-infurzar tal-liġi, għall-assemblej u d-dimostrazzjonijiet tal-pulizija, li qed isiru kwistjoni ta’ tħassib dejjem akbar. L-ATCG irrikonoxxa l-isfidi li jikkonċernaw il-kannuni tal-ilma peress li l-użu tagħhom jista’ jiġi ddevjat mit-tifi tan-nar għal użu abbużiv kontra d-dimostranti. F’dan il-kuntest, ġiet innutata l-ħtieġa ta’ viġilanza partikolari fil-valutazzjoni tar-riskji potenzjali fil-pajjiż tal-esportazzjoni.
3.4Aġġornament tad-DUeS
Il-Kummissjoni infurmat lill-ATCG bid-deċiżjoni tagħha dwar l-aċċess tar-Renju Unit għan-networks, għas-sistemi tal-informazzjoni u għall-bażijiet tad-data (abbażi tal-Artikolu 13(5) tal-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta’ Fuq) u l-anness tiegħu adottat fis-16 ta’ Ottubru 2020. Skont dik id-deċiżjoni, ir-Renju Unit jingħata aċċess parzjali (aċċess għall-kitba u aċċess għall-qari) għad-DUeS. Dan l-aċċess huwa meqjus meħtieġ biex ir-Renju Unit jikkonforma mal-obbligi tiegħu skont il-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta’ Fuq. Il-Kummissjoni għalhekk ħabbret dwar funzjoni ta’ notifika ġdida fid-DUeS biex tappoġġa l-implimentazzjoni korretta tal-Artikolu 23(5) tar-Regolament biex tippermetti l-iskambju ta’ informazzjoni bejn ir-Renju Unit u l-Kummissjoni u bejn ir-Renju Unit u Stat Membru wieħed.
Barra minn hekk, il-Kummissjoni infurmat lill-ATCG dwar l-Awtentikazzjoni b’Żewġ Fatturi għall-utenti tad-DUeS, operattiva mit-3 ta’ Diċembru 2021, skont il-politika ta’ sigurtà tal-Kummissjoni għas-sistemi ta’ informazzjoni kollha li jimmaniġġjaw informazzjoni sensittiva.
3.5Grupp informali ta’ esperti tal-Kummissjoni
Il-Kummissjoni infurmat lill-ATCG dwar il-grupp informali ta’ esperti ffurmat skont il-konklużjonijiet tar-rapport ta’ rieżami tagħha
. Il-grupp informali jiġbor flimkien perspettivi differenti (eż. promozzjoni, infurzar tal-liġi, riċerka, u dwana). Stat Membru wieħed (il-Ġermanja) innomina rappreżentant għall-grupp informali. Il-grupp informali jinkludi wkoll rappreżentanti mill-Kunsill tal-Ewropa u mill-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem (Office of the High Commissioner for Human Rights, OHCHR). Il-funzjoni tiegħu hija strettament konsultattiva u komplementari għal dik ipprovduta mill-Grupp ta’ Koordinament Kontra t-Tortura (ATCG).
Il-grupp informali kien qed jipprovdi appoġġ tekniku f’kapaċità konsultattiva dwar aspetti differenti, bħall-kamp ta’ applikazzjoni ta’ oġġetti pprojbiti jew regolati għal implimentazzjoni aktar robusta tar-Regolament. F’dan ir-rigward, l-ATCG ġie infurmat dwar skambju ta’ fehmiet dwar ix-xejriet u l-isfidi li jikkonċernaw l-armi u t-tagħmir imfassla għall-fini tal-kontroll tal-irvellijiet jew tal-awtoprotezzjoni, tal-assemblej u tad-dimostrazzjonijiet tal-pulizija. Ċerti oġġetti għall-kontroll tal-irvellijiet, li bħalissa mhumiex koperti mir-Regolament (bħall-gassijiet tad-dmugħ komuni), spiss jintużaw biex jiffaċilitaw jew iwettqu repressjoni interna. Issemmiet iż-żieda ta’ lembubi standard u balel tal-gomma mal-lista ta’ oġġetti kkontrollati fir-Regolament. L-użu ta’ tagħmir akustiku jew ta’ teknoloġija tal-laser b’effett ta’ tgħammix f’sitwazzjonijiet ta’ kontroll tal-folol huwa qasam ieħor, li tqajjem biex jiġi eżaminat.
Il-grupp informali kien strumentali fit-tisħiħ tal-għarfien dwar ir-Regolament, ukoll billi pprovda rabta mal-ħidma tal-Grupp ta’ Esperti Governattivi tan-Nazzjonijiet Uniti (GEG tan-NU), u b’hekk jipprovdi rabta importanti bejn ir-Regolament u l-isforzi internazzjonali biex jiġi promoss il-kummerċ liberu mit-torturi (ara l-punt 3.6 hawn taħt).
3.6Kummerċ liberu mit-torturi — żviluppi reġjonali u internazzjonali
L-ATCG serva bħala pjattaforma għall-iskambju ta’ informazzjoni u s-sensibilizzazzjoni dwar l-iżviluppi reġjonali u internazzjonali fil-qasam tal-Kummerċ Liberu mit-Torturi.
Il-Kummissjoni aġġornat lid-delegati tal-ATCG dwar il-passi li segwew ir-rapport tas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, “Lejn kummerċ liberu mit-torturi: eżami tal-fattibbiltà, il-kamp ta’ applikazzjoni u l-parametri għal standards internazzjonali komuni possibbli”, b’mod partikolari dwar l-istabbiliment tal-Grupp ta’ Esperti Governattivi tan-NU (GEG tan-NU) biex titkompla l-ħidma abbażi ta’ dak ir-rapport.
Wara xi dewmien fin-nomina tal-esperti, f’Ottubru 2021, il-GEG tan-NU ġie stabbilit b’mod formali b’żewġ esperti għal kull grupp reġjonali tan-NU. Il-Kummissjoni infurmat lill-ATCG dwar il-proċess ta’ konsultazzjoni tan-NU mal-Istati Membri tan-NU, is-soċjetà ċivili u l-esperti esterni, li jikkontribwixxi għat-tħejjija tar-rapport tal-GEG tan-NU.
Xi Stati Membri tal-UE pparteċipaw fil-proċess konsultattiv tan-NU mal-GEG tan-NU.
Ir-rapport tal-GEG tan-NU, adottat fit-30 ta’ Mejju 2022, indirizza s-suġġetti li ġejjin: (i) il-fattibbiltà ta’ standards internazzjonali komuni; (ii) il-kamp ta’ applikazzjoni tal-oġġetti li għandu jiġi kkunsidrat; u (iii) l-abbozz ta’ parametri għal firxa ta’ għażliet biex jiġu stabbiliti standards internazzjonali komuni dwar il-kwistjoni.