Brussell, 26.10.2022

COM(2022) 515 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

Il-kwalità tal-karburanti tal-petrol u tad-diżil użati għat-trasport bit-triq fl-Unjoni Ewropea







(Sena ta’ rapportar 2020)


RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

Il-kwalità tal-karburanti tal-petrol u tad-diżil użati għat-trasport bit-triq fl-Unjoni Ewropea 
(Sena ta’ rapportar 2020)

1.    Introduzzjoni

Skont l-Artikolu 7a tad-Direttiva 98/70/KE 1 dwar il-kwalità tal-karburanti tal-petrol u tad-diżil (minn issa ’l quddiem id-“Direttiva dwar il-Kwalità tal-Karburanti”) u l-Artikolu 5 tad-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2015/652 li tistabbilixxi l-metodi ta’ kalkolu u r-rekwiżiti tar-rapportar skont id-Direttiva 98/70/KE 2 , l-Istati Membri huma meħtieġa li kull sena jirrapportaw dwar l-intensità tal-gassijiet serra (GHG) tal-karburanti u tal-enerġija fornuti fit-territorji tagħhom. Dan l-obbligu ta’ rapportar japplika għall-ewwel darba għas-sena ta’ rapportar 2017, wara l-applikazzjoni u t-traspożizzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2015/652. Dan ir-rapport annwali jinkludi d-data rrapportata għas-sena 2020.

Barra minn hekk, skont l-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 98/70/KE, l-Istati Membri huma mitluba jirrapportaw dwar id-data nazzjonali tal-kwalità tal-karburanti għas-sena kalendarja preċedenti.

Dan ir-rapport annwali jiġbor fil-qosor l-informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri fir-rigward tar-rekwiżiti ta’ rapportar imsemmija hawn fuq. Dan huwa bbażat fuq id-data ppreżentata mill-Istati Membri lill-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (EEA) għas-sena 2020.

2.    Il-volumi u l-intensità tal-gassijiet serra tul iċ-ċiklu tal-ħajja tat-tipi ta’ karburant u enerġija

L-Artikolu 7a tad-Direttiva dwar il-Kwalità tal-Karburanti, flimkien mad-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2015/652, jistabbilixxi r-rekwiżiti ta’ rapportar li jikkonċernaw dan li ġej:

·il-volum totali ta’ kull tip ta’ karburant jew enerġija fornuta għat-trasport bit-triq u għal makkinarju mobbli mhux tat-triq (inklużi bastimenti tal-passaġġi fuq l-ilma interni meta ma jkunux fuq il-baħar), tratturi agrikoli u forestali, u dgħajjes li jintużaw għar-rikreazzjoni meta ma jkunux fuq il-baħar;

·l-emissjonijiet tal-GHG tul iċ-ċiklu tal-ħajja għal kull unità ta’ enerġija, inklużi l-valuri medji provviżorji tal-emissjonijiet stmati tat-tibdil indirett fl-użu tal-art (ILUC) mill-bijokarburanti 3 ;

·il-materja prima u l-perkors tal-produzzjoni tal-bijokarburanti użati għal kull wieħed mill-bijokarburanti fornuti fit-territorji tal-Istati Membri.

Id-Direttiva dwar il-Kwalità tal-Karburanti tobbliga lill-Istati Membri jirrikjedu lill-fornituri tal-karburanti jnaqqsu l-intensità tal-gassijiet serra tul iċ-ċiklu tal-ħajja tal-karburanti tat-trasport, jiġifieri l-emissjonijiet tal-gassijiet serra tul iċ-ċiklu tal-ħajja għal kull unità ta’ enerġija mill-karburanti u mill-enerġija fornuti, b’mill-inqas 6 % sal-31 ta’ Diċembru 2020 meta mqabbel mal-istandard tal-linja bażi tal-karburant għall-2010 ta’ 94,1 gCO2eq/MJ. L-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tal-ILUC ma jitqisux fil-valutazzjoni tal-konformità mal-mira minima ta’ tnaqqis ta’ 6 %. Id-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli (UE) 2018/2001 4 tipprevedi bosta miżuri biex jiġi indirizzat l-ILUC, inkluż limitu massimu fuq il-bijokarburanti bbażati fuq l-ikel u l-għalf, bl-att delegat tagħha 5 jistabbilixxi kriterji dettaljati għad-determinazzjoni tal-materja prima b’riskju għoli ta’ ILUC għall-bijokarburanti li trid titneħħa gradwalment sal-2030 u l-kriterji għaċ-ċertifikazzjoni ta’ bijokarburanti, bijolikwidi u karburanti mill-bijomassa b’riskju baxx ta’ ILUC.

Fis-sena 2020, is-27 Stat Membru kollha, ir-Renju Unit, in-Norveġja u l-Iżlanda, ipprovdew data dwar it-tnaqqis fl-emissjonijiet ta’ gassijiet serra fil-format xieraq. Madankollu, ir-Renju Unit ipprovda data mingħajr ma ssepara d-data għall-Irlanda ta’ Fuq 6 , għalhekk ma setgħet tiġi inkluża l-ebda data għall-Irlanda ta’ Fuq fiċ-ċifri aggregati tar-rapport. Peress li l-obbligu ta’ rapportar għall-2020 ma japplikax għar-Renju Unit kollu kemm hu, id-data għar-Renju Unit kollu lanqas mhija inkluża fir-rapport. Madankollu, xi data għall-Irlanda ta’ Fuq, li ġiet ipprovduta barra mill-format tas-sottomissjoni tar-rapportar, hija inkluża f’dan ir-rapport. Il-paraguni bejn iċ-ċifri aggregati jirreferu għall-EU-27 għas-snin ta’ referenza kollha.

2.1    L-emissjonijiet tal-gassijiet serra u d-distanza sal-mira tal-2020

Skont id-data pprovduta, l-intensità medja tal-gassijiet serra tal-karburanti u tal-enerġija fornuti fis-27 Stat Membru li qed jirrapportaw fl-2020, kienet ta’ 89 gCO2eq/MJ, li tissarraf f’iffrankar ta’ 51 Mt ta’ ekwivalenti ta’ diossidu tal-karbonju (CO2eq) matul is-sena 2020. Dan huwa 5,5 % inqas mil-linja bażi tal-2010 ta’ 94,1 gCO2eq/MJ (żieda minn tnaqqis ta’ 4,3 % miksub minn 27 Stat Membru tal-UE fl-2019), li jfisser li huwa meħtieġ tnaqqis addizzjonali ta’ 0,5 % fl-intensità tal-gassijiet serra tal-karburanti fossili, tal-bijokarburanti u tal-enerġija kollha fornuti biex tintlaħaq il-mira ta’ 6 %. 

Id-data rrapportata għall-2020 turi li l-progress miksub mill-fornituri tal-karburanti tal-UE jvarja ħafna fost l-Istati Membri tal-UE. Ħdax-il Stat Membru (il-Belġju, Ċipru, iċ-Ċekja, id-Danimarka, l-Estonja, il-Finlandja, il-Ġermanja, l-Ungerija, il-Lussemburgu, Malta u l-Iżvezja) laħqu l-objettiv tagħhom li jnaqqsu l-intensità tal-gassijiet serra tal-karburanti tat-trasport b’6 % sal-2020, meta mqabbla mal-2010 (ara l-Illustrazzjoni 1). Dan jirrappreżenta titjib importanti għal ħafna Stati Membri meta mqabbel mas-sena ta’ rapportar 2019 meta żewġ Stati Membri biss, l-Iżvezja u l-Finlandja, kienu laħqu l-mira ta’ 6 %. L-akbar progress f’sena nkiseb minn Ċipru u mill-Estonja b’żidiet ta’ 4,7 u 4,5 punti perċentwali bejn l-2019 u l-2020, meta mqabbla mal-linja bażi tal-2010, segwiti mill-Belġju, mid-Danimarka u mill-Ungerija b’żidiet li jvarjaw minn 3,3 sa 3,1 punti perċentwali. Abbażi tad-data preliminari pprovduta mir-Renju Unit 7 , l-Irlanda ta’ Fuq kisbet tnaqqis ta’ 6,2 % fl-intensità tal-gassijiet serra għall-karburanti fornuti fl-Irlanda ta’ Fuq fl-2020.

F’termini tad-distanza li fadal biex tintlaħaq il-mira, is-Slovakkja, in-Netherlands u l-Awstrija diġà huma qrib ħafna li jilħqu l-mira ta’ 6 %, b’5,8 %, 5,4 % u 5,1 % rispettivament, filwaqt li r-Rumanija, il-Polonja, l-Italja, Franza, il-Bulgarija u l-Greċja kisbu tnaqqis fil-medda ta’ bejn 4 % u 5 %. Fl-aħħar nett, f’seba’ Stati Membri (is-Slovenja, Spanja, il-Portugall, il-Litwanja, l-Irlanda, il-Latvja u l-Kroazja), it-tnaqqis fl-intensità tal-gassijiet serra għadu anqas minn 4 %. Aktar informazzjoni tista’ tinstab fir-Rapport Tekniku Nru 2022/2 dwar “L-intensitajiet tal-gassijiet serra tal-karburanti tat-trasport fl-UE fl-2020” 8 .

Illustrazzjoni 1: Tnaqqis fl-intensità tal-gassijiet serra tal-karburanti miksub mill-fornituri tal-karburanti tal-UE fl-Istati Membri fil-perjodi 2010-2019 u 2010-2020 (Sors: EEA)

Barra minn hekk, fl-2020, ġie rrapportat tnaqqis fl-emissjonijiet upstream (UER) 9 minn 11-il Stat Membru (l-Awstrija, Ċipru, iċ-Ċekja, id-Danimarka, l-Estonja, l-Ungerija, l-Italja, il-Lussemburgu, il-Polonja, ir-Rumanija u s-Slovakkja) li jikkontribwixxi bejn 0,3 u 2,3 punti perċentwali f’dawn l-Istati Membri għall-ilħuq ġenerali tat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra. B’riżultat ta’ dan, l-UER totali rrapportat kien ta’ 2 625 kt CO2eq fl-2020 li rriżulta fi tnaqqis addizzjonali ta’ 0,3 punti perċentwali tal-intensità tal-gassijiet serra tal-karburanti minn 5,2 % għal 5,5 % (ara t-Tabella 5 fl-Anness tar-rapport). L-UER iddikjarat minn fornitur irid jiġi kkwantifikat u rrapportat f’konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fid-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2015/652. Aktar informazzjoni dettaljata rigward l-approċċi għall-kwantifikazzjoni, il-monitoraġġ u r-rapportar dwar l-EUR tista’ tinstab fin-nota ta’ gwida 10 .

Meta wieħed iqis l-emissjonijiet tal-ILUC 11 , l-intensità medja tal-gassijiet serra tal-karburanti fornuti fl-2020 fl-UE kienet 3,3 % inqas milli fl-2010. Dan jikkorrispondi għal iffrankar ta’ 30 Mt CO2eq matul is-sena 2020. Skont l-Artikolu 7d tad-Direttiva 98/70/KE li jistabbilixxi l-kalkolu tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tul iċ-ċiklu tal-ħajja mill-bijokarburanti, l-emissjonijiet tal-ILUC ma jitqisux fil-valutazzjoni tal-konformità mal-mira ta’ tnaqqis minima ta’ 6 %.

Se tkun meħtieġa azzjoni ulterjuri sabiex jiġi dekarbonizzat il-karburant użat fit-trasport u jingħata kontribut għaż-żieda fl-ambizzjoni klimatika, kif stabbilit fil-Patt Ekoloġiku Ewropew u l-pakkett leġiżlattiv “lesti għall-mira ta’ 55 %” sussegwenti propost mill-Kummissjoni fl-14 ta’ Lulju 2021 u li għaddej minn proċessi ta’ kodeċiżjoni. Ir-reviżjoni proposta tad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli 12 żżid b’mod sostanzjali l-ambizzjoni ġenerali sabiex l-intensità tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tal-karburanti kollha tat-trasport titnaqqas bi 13 % sal-2030 meta mqabbla mal-linja bażi tal-2010, filwaqt li l-Kummissjoni pproponiet li tħassar il-mira ta’ tnaqqis ta’ 6 % tad-Direttiva dwar il-Kwalità tal-Karburanti sabiex tevita regolamentazzjoni doppja u tissimplifika l-leġiżlazzjoni. Ir-Regolamenti ReFuelEU Aviation u FuelEU Maritime proposti għandhom l-għan ukoll li jagħtu spinta lill-produzzjoni u l-użu tal-karburanti alternattivi sostenibbli fis-setturi tal-avjazzjoni u dawk marittimi.

2.2    Provvista tal-karburant

Din it-taqsima tiġbor fil-qosor id-data ppreżentata għall-ewwel darba mill-Istati Membri dwar il-karburanti fossili, il-bijokarburanti u l-karburanti ta’ oriġini mhux bijoloġika kollha fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva dwar il-Kwalità tal-Karburanti għat-trasport bit-triq u l-makkinarju mobbli mhux tat-triq.

Il-provvista totali tal-karburanti rrapportata mis-27 Stat Membru fl-2020 kienet ta’ 10 585 petajoules (PJ), li tirrappreżenta tnaqqis ta’ 10,8 % meta mqabbla mal-2019, l-aktar bħala riżultat tal-effetti tal-kriżi tal-COVID-19. Il-provvista tal-karburanti baqgħet fil-biċċa l-kbira ddominata mill-karburanti fossili (93,2 %) segwiti mill-bijokarburanti (6,8 %) u sehem żgħir ħafna (0,02 %) tal-elettriku (ara t-Taqsima 2.4). Fl-2020 ma ġie rrapportat l-ebda karburant rinnovabbli ta’ oriġini mhux bijoloġika.

Il-provvista tal-karburanti fossili fl-2020 baqgħet iddominata mid-diżil (56,1 %; 5 934 PJ), segwit mill-petrol (22,2 %; 2 354 PJ) u ż-żejt tal-gass (12,6 %; 1 337 PJ). Il-gass likwifikat miż-żejt u l-gass naturali kellhom sehem totali ta’ 2,2 % (236 PJ) (ara l-Illustrazzjoni 2).

Illustrazzjoni 2: Ishma tal-provvista tal-enerġija mill-karburanti għal kull tip ta’ karburant fl-2020 (Sors: EEA)

2.3    Konsum tal-bijokarburanti

Il-konsum totali tal-bijokarburanti żdied kemxejn minn 693 PJ għal 723 PJ bejn l-2019 u l-2020 fis-27 Stat Membru. Qed ikompli jiġi ddominat mill-bijodiżil (ester metiliku tal-aċidi xaħmin, FAME) li jammonta għal 62,0 % tal-konsum totali tal-bijokarburanti (449 PJ), segwit miż-żejt veġetali idrotrattat (HVO) (20,2 %; 146 PJ), u l-bijoetanol (13,4 %; 97 PJ). Il-bijo etere etil terz-butiliku (bijo-ETBE) ammonta għal 1,6 % (11 PJ) u l-bijogass għal 1,4 % (10 PJ) tal-konsum totali tal-bijokarburanti. Il-bijokarburanti l-oħrajn kollha kienu jirrappreżentaw sehem ħafna iżgħar (ara l-Illustrazzjoni 3). Għalhekk, aktar minn 80 % tal-bijokarburanti kollha jitħalltu fil-karburant tad-diżil. L-informazzjoni dettaljata għall-bijokarburanti u l-perkorsi kollha tista’ tinstab fir-Rapport Tekniku tal-EEA Nru 2022/02.

Illustrazzjoni 3: Ishma tal-provvista tal-enerġija mill-bijokarburanti għal kull tip ta’ karburant fl-2020 (Sors: EEA)

2.4    Konsum tal-elettriku

Ir-rapportar tal-konsum tal-elettriku mill-fornituri tal-karburanti huwa volontarju u 15-il Stat Membru (meta mqabbla ma’ 11 fl-2019) irrapportaw id-data dwar l-elettriku kkunsmat mill-vetturi u l-muturi elettriċi (ara t-Tabella 1). Il-kwantità totali rrapportata ta’ elettriku kkunsmat minn vetturi elettriċi żdiedet għal 6 218 196 GJ (eskluż l-aġġustament tal-effiċjenza tas-sistema tal-motopropulsjoni) minn 3 714 644 GJ fl-2019, li tirrappreżenta żieda ta’ 67 %. Il-konsum reali tal-elettriku tal-vetturi elettriċi fl-Istati Membri differenti jista’ jkun akbar peress li r-rapportar tal-elettriku mhuwiex obbligatorju skont l-Artikolu 7a u għadu mhuwiex irrapportat minn ħafna Stati Membri għalkemm dan jikkontribwixxi għall-ilħuq tal-mira ta’ 6 %.



Tabella 1: Elettriku kkunsmat minn vetturi u muturi elettriċi fl-2020 bħala kontribut irrapportat mill-fornituri tal-karburanti għall-mira tagħhom ta’ tnaqqis tal-gassijiet serra (Sors: EEA)

Stat Membru

Kwantità ta’ enerġija

Intensità tal-gassijiet serra

 

eskluża l-effiċjenza tas-sistema tal-motopropulsjoni (GJ)

inkluża l-effiċjenza tas-sistema tal-motopropulsjoni 13 (GJ)

rrapportata mill-Istat Membru (g CO2e/MJ)

rrapportata mill-Istat Membru (g CO2e/kWh)

L-Awstrija

69 971

27 988

21,8

78

Il-Bulgarija

129 600

51 840

522,0

1 879

Iċ-Ċekja

1 085

434

177,0

637

L-Estonja

62 091

24 836

114,5

412

Franza

1 526 400

610 560

16,6

60

Il-Ġermanja

2 394 000

957 600

153,0

551

L-Ungerija

17 387

6 955

56,3

203

L-Irlanda

176 276

70 511

110,1

396

L-Italja

234 015

93 606

110,3

397

In-Netherlands

766 091

306 437

141,0

508

Il-Portugall

37 350

14 940

65,7

237

Ir-Rumanija

645 225

258 090

-

-

Is-Slovakkja

155 950

62 380

46,4

167

Is-Slovenja

2 447

979

97,5

351

L-Iżvezja

308

123

13,0

47

Total

6 218 196

2 487 279

3.    Ħarsa ġenerali lejn id-data dwar il-kwalità tal-karburanti tal-2020 fl-UE

Skont l-Artikolu 8 tad-Direttiva dwar il-Kwalità tal-Karburanti, is-27 Stat Membru kollha, in-Norveġja, u r-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq ippreżentaw rapporti dwar data nazzjonali dwar il-kwalità tal-karburanti għas-sena 2020.

Din it-taqsima tipprovdi d-data għall-bejgħ tal-petrol u tad-diżil, u l-bijokomponenti inklużi fiha, għat-trasport bit-triq irrapportat minn 27 Stat Membru tal-UE. Dawn jeskludu karburanti fossili oħra, bijokarburanti oħra u karburanti ta’ oriġini mhux bijoloġika, kif ukoll karburanti użati għal makkinarju mobbli mhux tat-triq.

3.1    Petrol u diżil

Is-sehem tad-diżil baqa’ stabbli bejn l-2017 u l-2020, u laħaq il-valur ta’ 73,2 % tal-bejgħ totali fl-2020. Aktar kmieni dan żdied xi ftit, minn 71,2 % fl-2014 għal 73,3 % fl-2017. Dan huwa l-legat tal-hekk imsejħa żieda ta’ vetturi li jaħdmu bid-diżil fil-flotta ta’ vetturi fl-Ewropa matul l-aħħar deċennji li waqfet wara l-iskandlu tal-emissjonijiet tad-diżil. L-ammont totali ta’ diżil mibjugħ fl-2020 naqas bi 12 % meta mqabbel mal-2019 bħala effett tal-kriżi tal-COVID-19. Il-bejgħ tal-petrol fl-2020 naqas b’perċentwal simili (12,4 %) (ara t-Tabella 2).



Tabella 2: Bejgħ tal-karburanti diżil u petrol għall-EU-27 (f’miljuni ta’ litri u l-ishma rispettivi tagħhom) fl-2017 – 2020

 

2017

2018

2019

2020

Bejgħ tal-karburant diżil

235 388 (73,3 %)

241 653 (73,3 %)

246 865 (73,0 %)

217 395 (73,2 %)

Bejgħ tal-karburant petrol

85 911 (26,7 %)

87 994 (26,7 %)

90 917 (27,0 %)

79 659 (26,8 %)

Total (diżil u petrol)

321 299

329 629

337 782

297 054

Il-konsum tal-karburanti tad-diżil huwa dominanti fl-Istati Membri kollha tal-UE, ħlief f’Ċipru fejn il-proporzjon tal-użu tal-petrol huwa ta’ 50 %. Pajjiżi oħra b’konsum relattivament għoli ta’ petrol huma l-Greċja, in-Netherlands u l-Finlandja bl-ishma korrispondenti ta’ 45 %, 42 % u 38 % rispettivament, filwaqt li min-naħa l-oħra, fil-Bulgarija, fil-Latvja u fil-Litwanja, l-ishma korrispondenti tal-petrol ivarjaw minn 18 %, 16 % u 13 % rispettivament.

M’hemm l-ebda tibdil sinifikanti fid-distribuzzjoni tal-bejgħ tal-petrol f’termini tan-numri ta’ ottan tar-riċerka tal-grad tal-petrol (RON) bejn l-2019 u l-2020. Il-maġġoranza tal-bejgħ tal-petrol fl-2020 kien jikkonsisti f’karburanti bi grad ta’ petrol RON 95, li s-sehem tiegħu żdied kemxejn meta mqabbel mal-2019. Is-sehem tal-bejgħ 95 ≤ RON < 98 naqas, filwaqt li s-sehem tal-bejgħ RON ≥ 98 żdied kemxejn meta mqabbel mas-sena preċedenti (ara t-Tabella 3).

Tabella 3: Sehem tal-bejgħ tal-petrol fl-EU-27 skont in-numri RON

2017

2018

2019

2020

RON 95

84,3 %

80,0 %

77,8 %

79,3 %

95 ≤ RON < 98

8,5 %

14,9 %

16,7 %

14,3 %

RON ≥ 98

6,9 %

4,9 %

5,4 %

6,4 %

RON = 91

0,2 %

0,2 %

0,1 %

0,01 %

3.2    Kontenut ta’ bijokomponenti

Fl-2020, kważi l-petrol u d-diżil kollu mibjugħ fl-UE huwa mmarkat bħala li fih il-bijokomponenti. Mill-petrol kollu mibjugħ, 99,8 % kien fih bijokomponenti 14 bid-diżaggregazzjoni li ġejja: 65,7 % kien fih sa 5 % kontenut ta’ etanol skont il-volum (E5) li huwa b’7,6 punti perċentwali inqas mill-2019, filwaqt li 33,3 % kien fih sa 10 % kontenut ta’ etanol (E10) li juri żieda b’7,6 punti perċentwali meta mqabbel mal-2019; 1,0 % tal-petrol kien fih aktar minn 10 % etanol (E+ 15 ).

Mill-karburant kollu tad-diżil mibjugħ, 99,7 % kien fih bijokomponenti, filwaqt li 86,2 % tal-karburant tad-diżil kien fih sa 7 % FAME (B7), 13,8 % kien fih aktar (B+) 16 u dan juri żieda importanti minn 0,8 % fl-2019 (ara t-Tabella 4).

Tabella 4: Użu ta’ bijokomponenti fil-karburanti tal-petrol u tad-diżil mibjugħin fl-EU-27 bejn l-2017 u l-2020

Tip ta’ karburant

2017

2018

2019

2020

Petrol

E0

14,5 %

4,9 %

0,7 %

0,0 % 17

E5

66,7 %

81,5 %

73,3 %

65,7 %

E10

18,6 %

13,4 %

25,7 %

33,3 %

E+

0,1 %

0,2 %

0,4 %

1,0 %

Diżil

B0

0,0 %

0,0 %

0,0 %

0,0 % 18

B7

81,8 %

99,2 %

99,1 %

86,2 %

B+

16,2 %

0,8 %

0,8 %

13,8 %

3,3    Konformità ta’ karburanti mibjugħin mal-limiti ta’ kwalità

Ġeneralment fl-UE hija osservata konformità għolja mal-limiti tal-kwalità. Il-maġġoranza l-kbira tal-parametri ewlenin tal-karburanti fil-kampjuni meħuda fl-2020 ġew irrapportati fi ħdan il-limiti tat-tolleranza.

Il-Litwanja, is-Slovenja u l-Iżvezja vverifikaw u rrapportaw konformità sħiħa kemm għall-karburanti tal-petrol kif ukoll tad-diżil. Tmien Stati Membri vverifikaw u rrapportaw konformità sħiħa għall-petrol (il-Bulgarija, il-Litwanja, il-Lussemburgu, Malta, in-Netherlands, ir-Rumanija, is-Slovenja u l-Iżvezja), u 17 għad-diżil (l-Awstrija, il-Kroazja, id-Danimarka, il-Finlandja, l-Ungerija, l-Irlanda, l-Italja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, Malta, in-Netherlands, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovenja u l-Iżvezja).

L-Istati Membri rrapportaw total ta’ 235 każ ta’ nonkonformità għall-petrol u 90 għad-diżil, li jikkorrispondu għal sehem ta’ 1 % u 0,4 % rispettivament tal-għadd totali ta’ kampjuni meħuda fl-2020, li huwa 33 % inqas mill-2019. Għall-petrol, l-aktar parametri komuni li ma jidħlux fl-ispeċifikazzjonijiet kienu l-qbiż tal-pressjoni tal-fwar tas-sajf (fi 15-il Stat Membru), l-indiċi tal-ottan riċerka (RON, f’sitt Stati Membri), l-indiċi tal-ottan mutur (MON, f’ħames Stati Membri), il-kontenut aromatiku (l-analiżi tal-idrokarburi, f’ħames Stati Membri) u l-kontenut tal-kubrit (fi Stat Membru wieħed, Franza). Għad-diżil, l-aktar parametri komuni li ma jidħlux fl-ispeċifikazzjonijiet kienu l-kontenut tal-kubrit u l-kontenut tal-FAME (f’sitt Stati Membri għaż-żewġ parametri).

L-Istati Membri kollha ddeskrivew l-azzjonijiet meħuda meta ġew identifikati kampjuni mhux konformi. Dawn l-azzjonijiet kienu jinkludu l-għoti ta’ informazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti, il-bidu ta’ investigazzjonijiet, l-għoti ta’ penali u multi, u l-kampjunar mill-ġdid. F’għadd żgħir ta’ każijiet, ma ttieħdet ebda azzjoni meta l-parametri mhux konformi nstabu li kienu qrib ħafna tal-limiti tat-tolleranza.

Għalhekk, ma kienx hemm bżonn li l-Kummissjoni tniedi investigazzjoni f’dan il-qasam. Jista’ jiġi konkluż li s-sistema ta’ monitoraġġ tal-kwalità tal-karburanti fis-seħħ tiżgura li jinbiegħu karburanti ta’ kwalità għolja fl-UE f’konformità mar-rekwiżiti tad-Direttiva dwar il-Kwalità tal-Karburanti.



Anness

Tabella 5: Kontribuzzjoni għat-Tnaqqis tal-Emissjonijiet Upstream lejn il-mira ta’ intensità tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra ta’ 6 % fl-2020, eskluż l-ILUC (Sors: EEA)

Stat Membru

Tnaqqis fl-intensità tal-gassijiet serra minbarra l-UERs

Kontribuzzjoni tal-UERs

Tnaqqis fl-intensità tal-gassijiet serra inklużi l-UERs

Intensità tal-gassijiet serra inklużi l-UERs (g CO2eq/MJ)

Intensità tal-gassijiet serra minbarra l-UERs (g CO2eq/MJ)

Ċipru

3,7 %

2,3 %

6,0 %

88,4

90,6

Id-Danimarka

3,7 %

2,3 %

6,0 %

88,5

90,6

L-Awstrija

3,2 %

1,9 %

5,1 %

89,3

91,1

L-Ungerija

4,2 %

1,8 %

6,1 %

88,4

90,1

L-Estonja

4,9 %

1,4 %

6,3 %

88,2

89,5

Is-Slovakkja

4,5 %

1,3 %

5,8 %

88,6

89,9

Ir-Rumanija

4,0 %

0,8 %

4,8 %

89,6

90,3

Iċ-Ċekja

5,4 %

0,7 %

6,1 %

88,4

89,0

Il-Polonja

4,4 %

0,4 %

4,7 %

89,6

90,0

Il-Lussemburgu

5,7 %

0,4 %

6,0 %

88,4

88,8

L-Italja

4,5 %

0,3 %

4,7 %

89,6

89,9

Il-Belġju

6,3 %

0,0 %

6,3 %

88,1

88,1

Il-Bulgarija

4,0 %

0,0 %

4,0 %

90,3

90,3

Il-Kroazja

2,2 %

0,0 %

2,2 %

92,0

92,0

Il-Finlandja

7,2 %

0,0 %

7,2 %

87,4

87,4

Franza

4,4 %

0,0 %

4,4 %

90,0

90,0

Il-Ġermanja

6,1 %

0,0 %

6,1 %

88,3

88,3

Il-Greċja

4,0 %

0,0 %

4,0 %

90,3

90,3

L-Irlanda

3,2 %

0,0 %

3,2 %

91,1

91,1

Il-Latvja

2,9 %

0,0 %

2,9 %

91,3

91,3

Il-Litwanja

3,3 %

0,0 %

3,3 %

91,0

91,0

Malta

6,2 %

0,0 %

6,2 %

88,2

88,2

In-Netherlands

5,4 %

0,0 %

5,4 %

89,0

89,0

Il-Portugall

3,4 %

0,0 %

3,4 %

90,9

90,9

Is-Slovenja

3,8 %

0,0 %

3,8 %

90,5

90,5

Spanja

3,7 %

0,0 %

3,7 %

90,6

90,6

L-Iżvezja

19,1 %

0,0 %

19,1 %

76,1

76,1

EU27

5,2 %

0,3 %

5,5 %

89,0

89,2

(1)

Id-Direttiva 98/70/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kwalità tal-karburanti tal-petrol u tad-diżil u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/12/KEE, ĠU L 350, tat-28.12.1998, p. 58.

(2)

 Id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2015/652 tal-20 ta’ April 2015 li tistabbilixxi l-metodi ta’ kalkolu u r-rekwiżiti ta’ rappurtar skont id-Direttiva 98/70/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kwalità tal-karburanti tal-petrol u tad-diżil, ĠU L 107, 25.4.2015, p. 26.

(3)

Id-Direttiva (UE) 2015/1513 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Settembru 2015 li temenda d-Direttiva 98/70/KE dwar il-kwalità tal-karburanti tal-petrol u tad-diżil u li temenda d-Direttiva 2009/28/KE dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli, ĠU L 239, 15.9.2015, p. 8.

(4)

Id-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli, ĠU L 328, 21.12.2018, p. 82-209

(5)

 C(2019) 2055 final: https://ec.europa.eu/energy/sites/ener/files/documents/2_en_act_part1_v3.pdf

(6)

 Wara t-tmiem tal-perjodu ta’ tranżizzjoni, id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2015/652 li tistabbilixxi l-obbligi ta’ rapportar rilevanti m’għadhiex tapplika għar-Renju Unit kollu kemm hu. Madankollu, skont l-Artikolu 5(4) moqri flimkien mal-Anness 2, il-punt 47 tal-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta’ Fuq tal-Ftehim Dwar il-Ħruġ ( https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/PDF/?uri=CELEX:12020W/TXT ), id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2015/652 tkompli tapplika għar-Renju Unit u fih fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq.

(7)

Ir-Renju Unit bħalissa qiegħed jiffinalizza s-sottomissjoni ta’ rapportar tiegħu għall-Irlanda ta’ Fuq skont l-Artikolu 7a tad-Direttiva dwar il-Kwalità tal-Karburanti u f’konformità mal-Artikolu 5 tad-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2015/652.

(8)

  https://www.eionet.europa.eu/etcs/etc-cm/products/etc-cm-report-2022-02  

(9)

“Emissjonijiet upstream” tfisser l-emissjonijiet kollha tal-gassijiet serra li jseħħu qabel id-dħul ta’materja prima f’raffinerija jew f’impjant tal-ipproċessar fejn jiġi prodott il-karburant.

(10)

https://ec.europa.eu/clima/system/files/2016-11/guidance_note_on_uer_en.pdf

(11)

Għal dan il-kalkolu, tqiesu l-emissjonijiet proviżorji stmati minn tibdil indirett fl-użu tal-art mill-bijokarburanti kif elenkati fl-Anness V tad-Direttiva dwar il-Kwalità tal-Karburanti.

(12)

https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX:52021PC0557

(13)

F’konformità mal-Anness I, il-Parti 1 tad-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2015/652, il-mira għat-tnaqqis tal-gassijiet serra tiġi kkalkolata abbażi tal-kwantitajiet tal-elettriku bl-użu tal-fattur ta’ aġġustament għat-teknoloġija tal-vetturi elettriċi, li jikkorrispondi għall-inklużjoni tal-effiċjenza tas-sistema tal-motopropulsjoni.

(14)

Dan jinkludi l-bijoetanol imħallat direttament fil-petrol jew ikkonvertit f’ETBE u mbagħad imħallat fil-petrol.

(15)

E+ huwa karburant tal-petrol b’kontenut ta’ etanol > 10 % ( % v/v)

(16)

B+ huwa karburant tad-diżil b’kontenut ta’ bijodiżil > 7 % ( % v/v)

(17)

Malta u s-Slovakkja biss irrapportaw 186 miljun litru ta’ petrol mibjugħ mingħajr kontenut ta’ bijokarburant, li jikkorrispondi għal sehem ta’ 0,2 % tal-bejgħ totali tal-petrol fl-2020 (minħabba s-sehem baxx, dan jitħalla barra mit-Tabella 4).

(18)

Il-Latvja biss irrapportat 638 miljun litru ta’ diżil mibjugħ fil-perjodu tax-xitwa mingħajr kontenut ta’ bijokarburant, li jikkorrispondi għal sehem ta’ 0,3 % tal-bejgħ totali tad-diżil fl-2020 (minħabba s-sehem baxx, dan jitħalla barra mit-Tabella 4).