Brussell, 23.9.2022

COM(2022) 481 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL U LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW

DWAR L-OPERAT TAD-DIRETTIVA DWAR IT-TRASPARENZA FIS-SUQ UNIKU MILL-2016 SAL-2020

{SWD(2022) 297 final}


Werrej

INTRODUZZJONI    

1.    Żviluppi bejn l-2016 u l-2020    

1.1.    Titjib fil-proċedura ta’ notifika    

1.2.    Użu tal-proċedura ta’ notifika fi ħdan il-kuntest ta’ “regolamentazzjoni aħjar” u ta' rikonoxximent reċiproku    

2.    Applikazzjoni tal-proċedura ta’ notifika    

2.1    Effettività: ħarsa ġenerali    

2.2    Użu tal-proċedura ta’ urġenza    

2.3    Notifika ta’ miżuri “fiskali jew finanzjarji    

2.4    Segwitu għar-reazzjonijiet tal-Kummissjoni    

2.5    Segwitu għall-proċedura ta’ notifika    

2.6    Skambji strutturati mal-Istati Membri, mal-pajjiżi taż-ŻEE-EFTA, mal-Iżvizzera u mat-Turkija    

2.7    Trasparenza    

3.    Konklużjoni    



Sommarju eżekuttiv

Dan ir-rapport huwa abbozzat u ppreżentat f’konformità mal-Artikolu 8 tad-Direttiva (UE) 2015/1535 1 (id-“Direttiva dwar it-Trasparenza fis-Suq Uniku”). Dan janalizza r-riżultati tal-applikazzjoni ta’ wieħed mill-pedamenti tas-suq uniku mill-2016 sal-2020: il-proċedura ta’ notifika stabbilita mid-Direttiva dwar it-Trasparenza fis-Suq Uniku. Ir-rapport jenfasizza l-kontribut importanti tal-proċedura ta’ notifika għall-funzjonament tas-suq uniku u għall-implimentazzjoni tal-linji gwida u tas-sett ta’ għodod għal Regolamentazzjoni Aħjar 2 , kif ukoll ir-rwol ċentrali tagħha matul il-pandemija tal-COVID-19.

In-notifikazzjoni tal-Kummissjoni tar-regolamenti tekniċi nazzjonali qabel l-adozzjoni tagħhom issoktat tkun għodda importanti biex jiġu indirizzati l-ostakli għall-kummerċ, bl-għan li jiġu evitati.  Baqgħet tkun mezz ta’ komunikazzjoni tajjeb biex tiġi żgurata l-kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri u fost l-Istati Membri nfushom. Dan huwa partikolarment importanti fiċ-ċirkostanzi kritiċi u li qatt ma rajna qabel bħal dawk tul il-pandemija tal-COVID-19. Barra minn hekk, ir-regolamenti tekniċi huma nnotifikati lill-Kummissjoni u t-testi finali tal-miżuri notifikati huma tradotti fi 23 lingwa uffiċjali tal-UE 3 .

Barra minn hekk, l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar it-Trasparenza fis-Suq Uniku tirrikjedi li l-Kummissjoni ssegwi u timmonitorja n-notifiki kollha li jqajmu tħassib dwar il-kompatibbiltà tagħhom mad-dritt tal-Unjoni. F’dak il-kuntest, il-Kummissjoni tagħti attenzjoni partikolari lill-miżuri li għandhom l-ogħla impatt fuq is-suq uniku 4 .

 INTRODUZZJONI

Bħala “ mutur biex tinbena ekonomija tal-UE aktar b’saħħitha u ġusta ”, is-suq uniku huwa parti ewlenija mis-sitt prijoritajiet tal-Kummissjoni għall-2019-2024 5 . Is-suq uniku tejjeb il-prosperità u l-opportunitajiet għan-negozji u għall-pubbliku fl-Ewropa. Suq uniku li jiffunzjona tajjeb jistimula l-kompetizzjoni u l-kummerċ, itejjeb l-effiċjenza, iżid il-kwalità u jgħin biex jitnaqqsu l-prezzijiet għan-negozji u għall-konsumaturi 6 .

Bħala parti mill-pakkett il-ġdid tal-Kummissjoni ta’ Marzu 2020 dwar l-istrateġija industrijali 7 , ġew adottati komunikazzjoni dwar l-ostakli 8 u pjan ta’ azzjoni dwar l-infurzar tas-suq uniku 9 biex ikomplu jtejbu l-kompetittività u jiffaċilitaw l-integrazzjoni tal-kumpaniji ta’ kull daqs fil-ktajjen tal-valur tal-UE u dawk globali. L-Azzjoni 10 tal-pjan ta’ azzjoni tal-Kummissjoni dwar l-infurzar fis-suq uniku tirreferi għad-Direttiva dwar it-Trasparenza fis-Suq Uniku. F’dak il-kuntest, “f’konformità mal-approċċ iktar strateġiku għall-azzjonijiet ta’ infurzar tal-Kummissjoni, l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar it-Trasparenza tas-Suq Uniku se tissejjes fuq erba’ assi:

(I)l-Istati Membri jinnotifikaw lill-Kummissjoni l-abbozzi kollha tar-regolamenti tekniċi marbutin mal-prodotti u mas-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni;

(II)il-Kummissjoni se tagħti segwitu għan-notifiki kollha li jqajmu tħassib dwar il-kompatibbiltà ta’ dawn ir-regolamenti mal-liġijiet tal-UE;

(III)hija u tfassal l-azzjonijiet ta’ segwitu tagħha, il-Kummissjoni se tagħti każ b’mod partikulari l-miżuri li jkollhom l-ikbar impatt fuq is-suq uniku;

(IV)il-Kummissjoni se timmonitorja l-leġiżlazzjoni li tkun wasslet għal reazzjoni min-naħa tagħha fil-kuntest tad-Direttiva dwar it-Trasparenza fis-Suq Uniku u li, jekk ma tiġix aġġustata kif xieraq, jaf twassal għal proċedimenti ta’ ksur”.

Il-Kummissjoni tiffoka b’mod ċar fuq il-prevenzjoni u l-infurzar fir-rigward tal-każijiet bl-aktar impatt sinifikanti fuq is-suq uniku b’mod ekonomiku jew b’xi mod ieħor.

Id-Direttiva dwar it-Trasparenza fis-Suq Uniku għandha l-għan li tipprevjeni l-ħolqien ta’ ostakli ġodda fis-suq uniku billi tiffoka fuq it-trasparenza, id-djalogu, il-prevenzjoni u r-regolamentazzjoni aħjar. L-Istati Membri jistgħu jipparteċipaw fuq l-istess livell mal-Kummissjoni f’din il-proċedura. Il-partijiet ikkonċernati għandhom aċċess kemm għar-regolamenti tekniċi nazzjonali li qed jitħejjew kif ukoll għat-testi finali tal-miżuri notifikati, tradotti fi 23 lingwa uffiċjali tal-UE. Għalhekk, l-operaturi ekonomiċi jistgħu jantiċipaw il-ħolqien ta’ ostakli għall-kummerċ u jevitaw piżijiet amministrattivi mhux meħtieġa u li jiswew ħafna flus li jaffettwaw in-negozju tagħhom.

Il-proċedura ta’ notifika għar-regolamenti tekniċi nazzjonali fil-kuntest tad-Direttiva dwar it-Trasparenza fis-Suq Uniku tippermetti lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jeżaminaw, qabel l-adozzjoni tagħhom, ir-regolamenti tekniċi li kwalunkwe Stat Membru jkollu l-ħsieb li jintroduċi għall-prodotti (industrijali, agrikoli u tas-sajd) u għas-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni (ara l-Anness 1 tad-dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanja dan ir-rapport). Il-proċedura tapplika b’mod simplifikat għall-istati tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles (EFTA) li huma partijiet għall-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE), għall-Iżvizzera, u għat-Turkija (ara l-Anness 4).

Id-Direttiva dwar it-Trasparenza fis-Suq Uniku għandha wkoll rwol ewlieni fil-laqgħat ta’ djalogu dwar l-“għarfien tal-pajjiżi” mal-Istati Membri u mal-partijiet ikkonċernati 10 . Tali laqgħat huma parti mill-isforzi tal-istrateġija tas-suq uniku biex tiġi żgurata kultura ta’ konformità u infurzar intelliġenti 11 . Il-Kummissjoni tqis dawn il-laqgħat bħala opportunità għal djalogu biex tittejjeb l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar it-Trasparenza fis-Suq Uniku. F’dan il-kuntest, id-djalogu skont id-Direttiva, flimkien ma’ indikaturi oħra, jippermetti lill-Kummissjoni biex tidentifika aħjar is-setturi problematiċi u l-problemi strutturali fl-Istati Membri.

Dan ir-rapport, li ġie abbozzat u ppreżentat f’konformità mad-Direttiva dwar it-Trasparenza fis-Suq Uniku, huwa stampa tal-operat tiegħu mill-2016 sal-2020, kemm minn lat kwalitattiv kif ukoll minn lat kwantitattiv.

Fl-2020, il-proċedura ta’ notifika skont id-Direttiva dwar it-Trasparenza fis-Suq Uniku kellha rwol kruċjali fil-ġestjoni tal-pandemija tal-COVID-19 u kkontribwiet għal approċċ koordinat għall-kriżi tas-saħħa madwar l-UE. Il-firxa tal-virus ikkawżat it-tfixkil tal-ktajjen tal-provvista globali. Matul il-pandemija, l-integrità tas-suq uniku u, b’mod aktar ġenerali, il-preservazzjoni tal-ktajjen tal-valur tal-produzzjoni u tad-distribuzzjoni li jiżguraw il-provvisti meħtieġa għas-sistemi tas-saħħa tagħna, ġew ipperikolati. Id-Direttiva pprovdiet qafas li jippermetti lill-Istati Membri jaġixxu b’mod koordinat.

1.Żviluppi bejn l-2016 u l-2020

Fil-perjodu ta’ ħames snin ta’ bejn l-2016 u l-2020 waslu 3 553 notifika (ara l-Anness 3.1), li jindika li d-djalogu li sar fil-kuntest tad-Direttiva dwar it-Trasparenza fis-Suq Uniku wera livell tajjeb ta’ parteċipazzjoni mill-Istati Membri, li ħarġu 243 opinjoni dettaljata u 475 kumment (ara l-Anness 3.6). Dan kien akkumpanjat minn reazzjonijiet frekwenti mill-Kummissjoni dwar ir-regolamenti tekniċi notifikati, b’mod partikolari 212-il opinjoni dettaljata u 816-il kumment maħruġa mill-Kummissjoni (ara l-Anness 3.4). L-ogħla għadd ta’ reazzjonijiet tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri tal-UE kienu jikkonċernaw l-agrikoltura, is-sajd u l-oġġetti tal-ikel u l-prodotti għall-bini.

L-introduzzjoni ta’ għodod ġodda tal-IT matul il-perjodu referenzjarju, kif deskritt fil-paragrafi ta’ hawn taħt, iffaċilitat il-parteċipazzjoni tal-operaturi ekonomiċi fil-proċedura tad-Direttiva dwar it-Trasparenza fis-Suq Uniku.

Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QĠUE) xeħtet dawl fuq xi kwistjonijiet interpretattivi tad-Direttiva dwar it-Trasparenza fis-Suq Uniku. Dawn kienu jinkludu d-definizzjoni ta’ regolamenti tekniċi, il-klassifikazzjoni ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni ġodda f’setturi emerġenti relatati ma’ mudelli ta’ ekonomija kollaborattiva, id-dritt ta’ aċċess għal dokumenti fir-rigward tal-proċedura tad-Direttiva dwar it-Trasparenza fis-Suq Uniku u l-penali għan-nuqqas ta’ notifika 12 .

1.1.Titjib fil-proċedura ta’ notifika

Wieħed mill-objettivi tad-Direttiva dwar it-Trasparenza fis-Suq Uniku huwa li tinforma lill-operaturi ekonomiċi, inklużi l-intrapriżi żgħar u medji, qabel ir-regolamenti tekniċi ppjanati qabel l-adozzjoni tagħhom mill-Istati Membri. Dan jippermetti lill-operaturi ekonomiċi jsemmgħu leħinhom u jadattaw l-attivitajiet tagħhom fil-ħin għal regolamenti tekniċi futuri 13 . L-għadd għoli ta’ kontributi dwar in-notifiki mibgħuta mill-partijiet ikkonċernati juri li dan id-dritt ta’ skrutinju jiġi eżerċitat b’mod estensiv u qed jgħin lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet nazzjonali biex jidentifikaw ostakli għall-kummerċ.

Fi sforz li dejjem jevolvi favur it-trasparenza u l-effiċjenza, fl-2015 il-Kummissjoni ħadmet biex tiżviluppa funzjonalità ġdida fuq is-sit web tas-Sistema ta’ Informazzjoni dwar ir-Regolamenti Tekniċi (TRIS) 14 . Din il-funzjoni ġiet implimentata fl-2016 u tippermetti lil kwalunkwe persuna li tuża s-sit web tat-TRIS biex tippreżenta kontributi dwar kwalunkwe notifika matul il-perjodu ta’ waqfien previst fl-Artikolu 6 tad-Direttiva dwar it-Trasparenza fis-Suq Uniku. Mill-2016 sal-2020, il-Kummissjoni rċeviet 1 618-il kontribut permezz ta’ din il-funzjoni (144 fl-2016, 421 fl-2017, 175 fl-2018, 281 fl-2019 u 597 fl-2020).

1.2.Użu tal-proċedura ta’ notifika fi ħdan il-kuntest ta’ “regolamentazzjoni aħjar” u ta' rikonoxximent reċiproku

Fil-Komunikazzjoni tagħha Regolamentazzjoni aħjar għat-tkabbir u għall-impjiegi fl-UE 15 , il-Kummissjoni enfasizzat li l-mekkaniżmu ta’ kontroll preventiv stabbilit bid-Direttiva dwar it-Trasparenza fis-Suq Uniku jikkontribwixxi għat-titjib tal-kwalità tar-regolamenti nazzjonali dwar il-prodotti u s-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni. Il-kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri fi ħdan il-kuntest tal-proċedura ta’ notifika għandha l-għan li tiżgura qafas regolatorju aktar ċar għall-operaturi ekonomiċi.

Id-Direttiva dwar it-Trasparenza fis-Suq Uniku tikkontribwixxi wkoll għal rikonoxximent reċiproku aħjar. Il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku, li jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-QĠUE dwar l-Artikoli 34 sa 36 tat-TFUE, jiżgura l-aċċess għas-suq għall-merkanzija li ma tkunx, jew li tkun biss parzjalment, soġġetta għal-leġiżlazzjoni ta’ armonizzazzjoni tal-UE. Dan jiggarantixxi li kwalunkwe oġġett kummerċjalizzat legalment fi Stat Membru wieħed jista’, fil-prinċipju, jinbiegħ fi Stat Membru ieħor. Il-valutazzjoni tar-regolamenti nazzjonali qabel l-adozzjoni tagħhom tgħin biex jiġi mminimizzat ir-riskju li dawn ir-regoli joħolqu ostakli regolatorji mhux ġustifikati għall-kummerċ, b’mod partikolari fid-dawl tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku. Dan għaliex il-Kummissjoni tista’: (i) tikkoreġi t-test tal-klawżoli tas-suq uniku fl-abbozzi nnotifikati mill-Istati Membri skont il-proċedura tad-Direttiva dwar it-Trasparenza fis-Suq Uniku; u (ii) tirrakkomanda li l-Istati Membri jdaħħlu l-klawżola dwar is-suq uniku fl-abbozzi ta’ miżuri nazzjonali notifikati meta din ma tkunx fl-abbozzi notifikati.

2.Applikazzjoni tal-proċedura ta’ notifika

2.1Effettività: ħarsa ġenerali 

Volum ta’ notifiki u setturi involuti

Mill-2016 sal-2020, il-Kummissjoni rċeviet 3 553 notifika (700 fl-2016, 676 fl-2017, 666 fl-2018, 657 fl-2019 u 854 fl-2020) 16 .

Ġew osservati differenzi kbar fl-għadd ta’ notifiki fost l-Istati Membri, billi xi wħud wettqu bħala medja aktar minn 50 notifika fis-sena, u oħrajn innotifikaw inqas minn 10 fis-sena (ara l-Anness 3.2). Filwaqt li din id-diskrepanza tista’ tiġi spjegata parzjalment b’referenza għall-mod kif l-organizzazzjoni tal-Istat hija strutturata f’pajjiżi differenti (eż. il-preżenza ta’ awtoritajiet reġjonali/lokali b’setgħat regolatorji), minħabba nuqqas ta’ għarfien jew minħabba grad ogħla/aktar baxx ta’ attività regolatorja, din id-diskrepanza wiesgħa qajmet dubji dwar jekk kienx hemm konformità sħiħa mal-obbligi ta’ notifika. L-analiżi wriet li fl-2017, fl-2018 u fl-2019 kważi l-Istati Membri kollha ma nnotifikawx u lanqas ma nnotifikaw mill-ġdid abbozzi ta’ regolamenti tekniċi. Madankollu, il-maġġoranza l-kbira tal-Istati Membri kellhom għadd relattivament baxx ta’ abbozzi mhux notifikati, daqs 10 fis-sena jew inqas.

Fl-Anness 3.2 (Tabella 1) tista’ tiġi osservata korrelazzjoni bejn id-daqs tal-Istati Membri u l-għadd ta’ notifiki, bl-akbar Stati Membri li, b’mod ġenerali, innotifikaw aktar minn dawk ta’ daqs medju u żgħir. Dan jista’ jiġi parzjalment spjegat minn għadd akbar ta’ awtoritajiet reġjonali u lokali li għandhom obbligu li jinnotifikaw l-abbozzi tagħhom ta’ regolamenti tekniċi. Madankollu, dan mhux dejjem ikun il-każ: pereżempju, f’xi każijiet, l-Istati Membri ta’ daqs medju nnotifikaw aktar minn ċerti Stati Membri akbar, u Stati Membri akbar bi struttura ċentralizzata nnotifikaw aktar minn Stati Membri bi struttura deċentralizzata.

Bħal fil-perjodu ta’ rapportar preċedenti, l-ogħla għadd ta’ notifiki matul l-2016-2020 kienu jikkonċernaw is-settur tal-kostruzzjoni, segwit min-notifiki fil-qasam tal-prodotti agrikoli, is-sajd, l-akkwakultura u oġġetti oħra tal-ikel. 

Saru wkoll bosta notifiki fil-qasam tas-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni, fis-setturi ambjentali u tas-sustanzi kimiċi (l-aktar dwar l-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ, il-prodotti tal-plastik, il-fertilizzanti, il-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom il-glifosat jew in-neonikotinojdi, l-istandards tal-emissjonijiet, il-prodotti kożmetiċi li fihom il-mikroplastiċi) u t-trasport (eż. dwar vetturi elettriċi, tagħmir speċjali għall-vetturi tal-passiġġieri u t-taxis, vetturi għal fuq il-borra, scooters elettriċi, vapuri u opri tal-baħar għar-rikreazzjoni, droni) (ara l-Anness 3.3).

Kwistjonijiet indirizzati mill-Kummissjoni fir-reazzjonijiet tagħha

Fl-oqsma mhux armonizzati, jiġifieri dawk li fihom il-miżuri nazzjonali fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni sekondarja, huma soġġetti għall-konformità mal-Artikoli 34 sa 36 (il-moviment liberu tal-merkanzija) u 49 u 56 (id-dritt ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi marbuta mas-soċjetà tal-informazzjoni) tat-TFUE, ir-reazzjonijiet tal-Kummissjoni kienu maħsuba biex jiġbdu l-attenzjoni tal-Istati Membri għal ostakli potenzjali għall-kummerċ mhux ġustifikati wara li jivvalutaw in-neċessità u l-proporzjonalità tal-miżura f’konformità mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

Meta l-miżuri nazzjonali kienu jaqgħu, f’parti minnhom jew fl-intier tagħhom, taħt oqsma armonizzati, ir-reazzjonijiet kienu maħsuba biex jiżguraw li l-miżuri nazzjonali jkunu kompatibbli mal-leġiżlazzjoni sekondarja tal-UE.

·Fl-2016-2020, l-Istati Membri nnotifikaw 765 abbozz ta’ regolamenti tekniċi fil-qasam tal-kostruzzjoni (131 fl-2016, 181 fl-2017, 139 fl-2018, 158 fl-2019 u 156 fl-2020 17 ). Dawn l-abbozzi kienu jikkonċernaw it-tipi kollha ta’ prodotti għall-bini, fosthom, strutturi ta’ pontijiet u strutturi tat-toroq tal-konkrit, kisi għall-bjut mżerżqa tal-bini, tagħmir għat-tifi tan-nar u għas-salvataġġ, iżolament termali, materjali sintetiċi tal-mili, strutturi tal-konkrit, installazzjonijiet elettriċi fuq l-istrutturi tal-konkrit u ġewwa fihom u materjali metalliċi li jiġu f’kuntatt mal-ilma tax-xorb.

B’mod partikolari, il-Kummissjoni eżaminat l-abbozzi ta’ regolamenti tekniċi li jistabbilixxu rekwiżiti tekniċi jew testijiet addizzjonali għal prodotti għall-bini li jostakolaw il-moviment liberu ta’ prodotti li jkunu ttikkettati bil-marka CE. L-abbozzi notifikati ġew eżaminati prinċipalment skont ir-Regolament (UE) Nru 305/2011 li jistabbilixxi kondizzjonijiet armonizzati għall-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti għall-bini 18 .

Il-Kummissjoni eżaminat abbozzi ta’ leġiżlazzjoni li tipprojbixxi l-installazzjoni ta’ fran taż-żejt fossili u fran tal-gass naturali f’bini ġdid għajr meta l-fran taż-żejt u tal-gass jużaw biss l-enerġija rinnovabbli. L-abbozz notifikat ġie eżaminat skont id-Direttiva 2009/142/KE rigward tagħmir li juża l-gass (GAD) 19 u d-Direttiva 92/42/KEE dwar il-ħtiġiet ta’ effiċjenza għal kaldaruni tal-misħun ġodda li jaħdmu b’karburanti likwidi jew gassużi 20 .

Ir-regolamenti tekniċi relatati mal-effiċjenza fl-enerġija tal-bini ġew ivvalutati skont id-Direttiva 2012/27/UE dwar l-effiċjenza fl-enerġija 21 , id-Direttiva 2010/31/UE dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija 22 u d-Direttiva 2009/125/KE li tistabbilixxi qafas għall-iffissar ta’ rekwiżiti għall-ekodisinn għal prodotti relatati mal-enerġija 23 .

Il-Kummissjoni vvalutat ukoll l-abbozz tal-leġiżlazzjoni dwar ir-rekwiżiti għat-tagħmir ta’ komunikazzjoni tal-awtostradi. L-abbozz notifikat ġie eżaminat skont id-Direttivi 1999/5/KE 24 , 2006/95/KE 25 u 2004/108/KE 26 .

·Dwar il-prodotti agrikoli, is-sajd, l-akkwakultura u oġġetti oħra tal-ikel, mill-2016 sal-2020 l-Istati Membri nnotifikaw 693 abbozz ta’ regolamenti tekniċi (145 fl-2016, 106 fl-2017, 146 fl-2018, 161 fl-2019 u 135 fl-2020 27 ). L-oqsma koperti minn dawn l-abbozzi kienu jinkludu, pereżempju, il-materjali li jiġu f’kuntatt mal-oġġetti tal-ikel, max-xorb enerġetiku, ix-xaħmijiet trans fil-prodotti tal-ikel, l-inbid u x-xorb spirituż, il-marki tal-kwalità għall-oġġetti tal-ikel, il-benesseri tal-annimali u l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti tal-fer.

   Ċerti Stati Membri nnotifikaw l-abbozzi ta’ regolamenti li stabbilew marki li jorbtu l-kwalità ta’ prodott mal-oriġini tiegħu. Dawn in-notifiki ġew eżaminati skont id-dispożizzjonijiet tat-TFUE dwar il-moviment liberu tal-merkanzija u r-Regolament (UE) Nru 1151/2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u merkanzija tal-ikel 28 .

   Matul il-perjodu rilevanti, il-Kummissjoni eżaminat notifiki dwar l-iġjene tal-oġġetti tal-ikel u ħarġet opinjonijiet dettaljati u kummenti dwar il-konformità tagħhom mar-Regolamenti (KE) Nru 852/2004 dwar l-iġjene tal-oġġetti tal-ikel 29 , mar-Regolament (KE) Nru 853/2004 li jistabbilixxi ċerti regoli speċifiċi ta’ iġjene għall-ikel li joriġina mill-annimali 30 , u mar-Regolament (KE) Nru 854/2004 li jippreskrivi regoli speċifiċi għall-organizzazzjoni ta’ kontrolli uffiċjali fuq prodotti li joriġinaw mill-annimali maħsuba għall-konsum uman 31 .

   Notifiki oħra kienu jikkonċernaw it-tikkettar tal-oġġetti tal-ikel. Il-Kummissjoni vvalutat il-kompatibbiltà tagħhom mar-Regolament (UE) Nru 1169/2011 dwar l-għoti ta’ informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi 32 , b’mod partikolari mad-dispożizzjonijiet dwar id-dikjarazzjonijiet nutrizzjonali, jew dispożizzjonijiet oħra speċifiċi għas-setturi dwar l-informazzjoni tal-konsumatur 33 .

·Fis-settur tas-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni, l-Istati Membri nnotifikaw 255 miżura (58 fl-2016, 43 fl-2017, 34 fl-2018, 57 fl-2019 u 63 fl-2020 34 ), bil-biċċa l-kbira tan-notifiki li kienu jikkonċernaw l-abbozzi ta’ leġiżlazzjoni li jaffettwaw il-kummerċ elettroniku, il-media soċjali u l-operaturi tal-pjattaformi online, in-newtralità tan-network u l-pluraliżmu tal-media, l-aħbarijiet foloz u d-diskors ta’ mibegħda online, kif ukoll regoli oħra dwar is-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/31/KE (“id-Direttiva dwar il-Kummerċ Elettroniku”) 35 u regoli relatati mas-servizzi tal-media awdjoviżiva li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva (UE) 2018/1808 (id-Direttiva riveduta dwar is-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva) 36 .

Inħarġu reazzjonijiet oħra tal-Kummissjoni fir-rigward tal-abbozzi ta’ miżuri notifikati li jikkonċernaw regoli dwar servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni li jiffukaw fuq l-identifikazzjoni elettronika u s-servizzi fiduċjarji li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) 910/2014 (ir-“Regolament eIDAS”) 37 u l-fluss liberu ta’ data mhux personali kif regolat skont ir-Regolament (UE) 2018/1807 38 . Kien hemm ukoll notifiki dwar il-privatezza tad-data diġitali, iċ-ċibersigurtà, iż-żamma tad-data, il-fatturazzjoni elettronika, id-drittijiet tal-awtur, it-telekomunikazzjoni u l-komunikazzjoni elettronika (inkluż il-5 G), internet aktar sikur għat-tfal, il-kotba elettroniċi, il-logħob tal-azzard online u f’diversi każijiet marbuta, b’mod espliċitu jew f’termini anċillari, mal-moviment liberu tas-servizzi u l-libertà tal-istabbiliment (l-Artikoli 49 u 56 tat-TFUE, kif ukoll id-Direttiva dwar is-Servizzi 39 ), mad-drittijiet tal-konsumatur skont id-Direttiva 2011/83/UE 40 , mal-protezzjoni ta’ data personali skont ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (UE) 2016/679 41 , u mal-libertà tal-espressjoni u l-libertà ta’ intrapriża kif minqux fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

·Fis-settur tas-sustanzi kimiċi, il-Kummissjoni rċeviet 167 notifika (32 fl-2016, 32 fl-2017, 28 fl-2018, 27 fl-2019 u 48 fl-2020 42 ), rigward oqsma bħall-prodotti bijoċidali, il-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u l-prodotti li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 dwar ir-Reġistrazzjoni, il-Valutazzjoni, l-Awtorizzazzjoni u r-Restrizzjoni ta’ Sustanzi Kimiċi (“REACH”) 43 , li ġew eżaminati prinċipalment skont ir-Regolament dwar il-Prodotti Bijoċidali 44 , ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti 45 u skont ir-REACH.

·Fis-settur ambjentali, il-Kummissjoni eżaminat 206 abbozzi ta’ miżuri (55 fl-2016, 39 fl-2017, 28 fl-2018, 33 fl-2019 u 51 fl-2020 46 ). Xi abbozzi notifikati kienu jikkonċernaw l-iskart mill-imballaġġ u l-prodotti tal-plastik mhux riutilizzabbli u qajmu problemi ta’ kompatibbiltà mad-Direttiva 94/62/KE dwar l-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ 47 (pereżempju fir-rigward tar-rekwiżiti għall-projbizzjoni ta’ basktijiet tal-plastik ħfief) u d-Direttiva (UE) 2019/904 dwar it-tnaqqis tal-impatt ta’ ċerti prodotti tal-plastik fuq l-ambjent 48 (pereżempju fir-rigward tad-definizzjonijiet ta’ “plastik”).

Il-proċedura ta’ notifika ppermettiet ukoll lill-Kummissjoni li tintervjeni f’setturi fejn l-armonizzazzjoni kienet prevista jew għadha għaddejja fil-livell tal-UE u, għalhekk, l-Istati Membri ma setgħux jintroduċu miżuri nazzjonali diverġenti. Skont l-Artikoli 6(3) u 6(4) tad-Direttiva dwar it-Trasparenza fis-Suq Uniku, il-Kummissjoni talbet lill-Istati Membri notifikanti biex jipposponu l-adozzjoni tal-abbozzi ta’ regolamenti tekniċi notifikati bi 12-il xahar mid-data tan-notifika, fl-oqsma tal-produzzjoni organika tal-pjanti, tal-annimali u l-prodotti tal-akkwakultura u tal-oġġetti tal-ikel (in-notifika 2018/190/BG), tal-produzzjoni organika tal-laħam tal-fniek (in-notifika 2018/219/E), tas-summien tas-simna organiċi (in-notifika 2018/666/F) u prodotti tal-plastik mhux riutilizzabbli (in-notifiki 2018/665/B u 2019/9/UK).

Eżempji pożittivi li juru l-impatt tad-Direttiva dwar it-Trasparenza fis-Suq Uniku

Matul il-perjodu ta’ rapportar, id-Direttiva dwar it-Trasparenza fis-Suq Uniku wriet li kienet effettiva f’bosta każijiet hekk kif l-awtoritajiet nazzjonali abbozzaw mill-ġdid l-abbozzi notifikati skont ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni, jew irtirawhom. Każ partikolari kien in-notifika dwar abbozz ta’ digriet li jobbliga lis-sewwieqa tal-karozzi li jirrisjedu fl-Italja u li jittrasportaw magħhom tfal taħt l-erba’ snin biex jużaw apparat ta’ allarm speċifiku ta’ twissija għas-sits tal-karozzi tat-tfal li jipprevjenu lill-minorenni milli jitħallew fil-vettura. Fl-opinjoni dettaljata tagħha, il-Kummissjoni indikat li diversi rekwiżiti tal-abbozz notifikat kienu f’kunflitt mar-regoli ta’ armonizzazzjoni tal-UE u mal-moviment liberu tal-merkanzija (l-Artikoli 34-36 tat-TFUE). Dan kien minħabba n-nuqqas ta’ evidenza: (i) għall-proporzjonalità tar-rekwiżit li jikkonċerna l-proċedura ta’ approvazzjoni minn qabel għal apparat ta’ allarm ta’ twissija għas-sits tal-karozzi tat-tfal mmanifatturati legalment fi Stati Membri oħra; u (ii) għall-obbligu li dan l-apparat jiġi mgħammar b’sistema ta’ komunikazzjoni awtomatika biex jintbagħtu messaġġi jew telefonati permezz ta’ networks ta’ komunikazzjoni mobbli bla fili għal mill-inqas tliet numri tat-telefon differenti. Il-Kummissjoni enfasizzat li l-“proċedura ta’ awtorizzazzjoni minn qabel” li tobbliga lill-“korpi akkreditati” japplikaw għar-rikonoxximent mad-Direttorat Ġenerali Taljan għall-Vetturi bil-Mutur tista’ tkun f’kunflitt mal-prinċipju tal-provvista libera ta’ servizzi fl-Unjoni (l-Artikolu 56 tat-TFUE). L-awtoritajiet Taljani abbozzaw mill-ġdid id-digriet propost skont ir-rimarki tal-Kummissjoni, filwaqt li żguraw li l-abbozz ta’ miżura notifikata jista’ jilħaq l-objettiv tas-sikurezza tat-tfal.

Bl-istess mod, fl-2016, fl-2017 u fl-2018, il-Kummissjoni rċeviet diversi notifiki dwar il-karatteristiċi u t-tagħmir speċifiku ta’ inġenji tal-ajru mingħajr ekwipaġġ (droni). Fir-reazzjonijiet tagħha, il-Kummissjoni fakkret fil-proċess ta’ armonizzazzjoni li għaddej fil-livell tal-UE u stiednet lill-Istati Membri kkonċernati jikkooperaw biex jistabbilixxu qafas regolatorju tal-UE applikabbli għall-inġenji tal-ajru mingħajr ekwipaġġ biex jiżgura livell għoli ta’ sikurezza fir-rigward tal-operat ta’ tali inġenji tal-ajru u jagħmilha possibbli li jiġu ġestiti ir-riskji assoċjati relatati mas-sikurezza, mal-protezzjoni tal-privatezza u mad-data personali. L-Istati Membri kkonċernati kkonformaw mar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni, kif espressi fil-kummenti u fl-opinjonijiet dettaljati, jew irtiraw l-abbozzi notifikati 49 .

Fl-2020, fil-bidu tal-pandemija tal-COVID-19, xi Stati Membri adottaw jew ħejjew miżuri nazzjonali li jaffettwaw il-moviment liberu ta’ tagħmir protettiv personali bħal nuċċalijiet protettivi, maskri tal-wiċċ, ingwanti, overalls u lbies kirurġiċi, u l-moviment liberu tal-mediċini. Dawn il-miżuri rriskjaw li jipprevjenu tali merkanzija essenzjali milli tilħaq lil dawk li kienu jeħtiġuha l-aktar, b’mod partikolari l-ħaddiema fil-kura tas-saħħa, it-timijiet ta’ intervent fuq il-post u l-pazjenti f’żoni milquta madwar l-Ewropa kollha. Dawn ħolqu effetti domino, filwaqt li l-Istati Membri ħadu miżuri biex itaffu l-impatt tal-miżuri meħuda minn Stati Membri oħra. F’perjodu qasir ta’ żmien, ir-restrizzjonijiet infirxu għal firxa dejjem akbar ta’ prodotti, li bdew minn tagħmir protettiv personali u ġew estiżi aktar riċentement għall-mediċini. Tali miżuri fixklu l-ktajjen tal-loġistika u tad-distribuzzjoni u ħeġġew ir-rispons għall-kumulazzjoni ta’ riżerva fil-katina tal-provvista. Fl-aħħar mill-aħħar, tali miżuri reġgħu introduċew il-fruntieri interni fi żmien meta is-solidarjetà bejn l-Istati Membri kienet l-aktar meħtieġa. Il-Kummissjoni ħeġġet lill-Istati Membri biex jinnotifikaw tali miżuri permezz tal-mekkaniżmu tad-Direttiva dwar it-Trasparenza fis-Suq Uniku u pprovdiet gwida dwar kif dan għandu jsir. Il-miżuri nnotifikati lill-Kummissjoni ġew ivvalutati bħala kwistjoni ta’ prijorità għolja u l-Kummissjoni appoġġat lill-Istati Membri fil-korrezzjoni ta’ dawk il-miżuri li setgħu fixklu l-moviment liberu tal-prodotti essenzjali fis-suq uniku 50 . L-esperjenza tal-pandemija tal-COVID-19 uriet ir-rilevanza tal-proċeduri tad-Direttiva dwar it-Trasparenza fis-Suq Uniku, li jinkludu l-proċedura ta’ urġenza (ara l-paragrafu 2.2), filwaqt li offriet wkoll lezzjonijiet utli biex fil-ġejjieni jiġu indirizzati l-effetti negattivi tas-suq uniku kkaġunati mis-sitwazzjonijiet ta’ emerġenza. Meta l-miżuri huma notifikati wara l-adozzjoni tagħhom, kif kien il-każ għal madwar 150 notifika relatata mal-COVID-19 fl-2020, il-mekkaniżmu ta’ notifika offrut mid-Direttiva kien ifisser li l-informazzjoni u l-benefiċċji tar-rieżami bejn il-pari xorta setgħu jiġi sfruttati tul il-kriżi permezz tal-pjattaforma ta’ komunikazzjoni TRIS, fejn l-Istati Membri setgħu jsiru midħla tal-miżuri tal-COVID adottati mill-Istati Membri l-oħra.

Ħafna mill-ostakli komuni indirizzati

Wieħed mill-iskopijiet tad-Direttiva dwar it-Trasparenza fis-Suq Uniku huwa li jiġu identifikati oqsma fejn jirriżultaw ostakli rikorrenti għall-moviment liberu tal-merkanzija u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni u, b’riżultat ta’ dan, biex tiġi identifikata l-ħtieġa li jsir intervent b’miżuri ta’ armonizzazzjoni mmirati biex jiżguraw funzjonament bla xkiel tas-suq uniku 51 . Fil-perjodu analizzat, il-Kummissjoni identifikat diversi ostakli rikorrenti fl-abbozzi ta’ miżuri notifikati. Dawn kienu jinkludu n-nuqqas ta’ klawżola tas-suq uniku, dispożizzjonijiet qarrieqa u mhux ċari li setgħu ġew interpretati u applikati bħala restrizzjonijiet tas-suq jew ripetizzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-regolamenti tal-UE, il-kwistjoni ta’ standards obbligatorji, u metodi ta’ ttestjar addizzjonali 52 .

Reazzjonijiet

Id-Direttiva dwar it-Trasparenza fis-Suq Uniku tippermetti biex isir skambju formali u strutturat ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni u fost l-Istati Membri, meta jiġu vvalutati l-abbozzi notifikati. L-intensità ta’ dan l-iskambju ta’ informazzjoni hija murija mill-għadd għoli ta’ reazzjonijiet mibgħuta mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri għan-notifiki u mit-tweġibiet tal-Istati Membri notifikanti u mill-iskambju sussegwenti ta’ messaġġi (ara l-Annessi 3.4, 3.5, 3.6 u 3.8). Dan l-iskambju ta’ informazzjoni jipprovdi lill-Istati Membri l-possibbiltà li jaċċertaw il-grad ta’ kompatibbiltà tal-abbozzi notifikati mal-leġiżlazzjoni tal-UE. Matul il-perjodu ta’ rapportar il-Kummissjoni ltaqgħet regolarment fil-livell ta’ esperti ma’ rappreżentanti tal-Istati Membri biex tiċċara kwistjonijiet pendenti, fejn kien meħtieġ, u talbet informazzjoni supplimentari mill-Istati Membri biex jiċċaraw il-kamp ta’ applikazzjoni tar-regolamenti tekniċi notifikati.

Fil-perjodu taħt kunsiderazzjoni, il-Kummissjoni ħarġet 212-il opinjoni dettaljata (60 fl-2016, 34 fl-2017, 40 fl-2018, 38 fl-2019 u 40 fl-2020), li jirrappreżentaw 5,9 % tal-għadd totali ta’ abbozzi notifikati mill-Istati Membri matul il-perjodu ta’ rapportar. Min-naħa tagħhom, l-Istati Membri ppubblikaw 243 opinjoni dettaljata (78 fl-2016, 44 fl-2017, 38 fl-2018, 30 fl-2019 u 53 fl-2020). Mill-1 291 kumment maħruġ matul il-perjodu ta’ rapportar, 816 saru mill-Kummissjoni (154 fl-2016, 189 fl-2017, 184 fl-2018, 155 fl-2019 u 134 fl-2020) u 475 mill-Istati Membri (118 fl-2016, 74 fl-2017, 77 fl-2018, 64 fl-2019 u 142 fl-2020) (ara l-Annessi 3.4 u 3.6). F’ħames każijiet, il-Kummissjoni stiednet lill-Istati Membri kkonċernati jipposponu l-adozzjoni tar-regolamenti tekniċi notifikati għal sena mid-data ta’ meta waslu, minħabba li tħabbret ħidma ta’ armonizzazzjoni tal-UE jew li kienet għaddejja fil-qasam kopert mill-abbozzi notifikati (ara l-Anness 3.5).

Meta wieħed iħares skont is-settur lejn l-għadd ta’ reazzjonijiet (kummenti, opinjonijiet dettaljati u deċiżjonijiet tal-Kummissjoni biex tiġi posposta l-adozzjoni ta’ abbozz) maħruġa minn kull Stat Membru u mill-Kummissjoni fil-perjodu ta’ rapportar, nistgħu niksbu aktar għarfien dwar il-parteċipazzjoni tal-Istati Membri fid-djalogu xprunat min-notifiki u dwar l-interessi speċifiċi ta’ ċerti Stati Membri li r-reazzjonijiet tagħhom huma aktar ikkonċentrati f’setturi speċifiċi (ara l-Anness 3.6, it-Tabella 6). L-Italja, Spanja, l-Awstrija u l-Polonja huma fost l-aktar Stati Membri attivi. L-analiżi tar-reazzjonijiet għal kull Stat Membru u skont is-settur turi li l-Awstrija, Spanja u l-Italja għandhom interess partikolari fis-settur tal-agrikoltura, tas-sajd u tal-oġġetti tal-ikel. Il-biċċa l-kbira tar-reazzjonijiet maħruġa mill-Kummissjoni jikkonċernaw is-settur tal-kostruzzjoni u tal-agrikoltura.

Bis-saħħa tal-aċċess għan-notifiki kollha u għall-messaġġi skambjati fi ħdan id-djalogi, l-Istati Membri jistgħu jużaw id-Direttiva dwar it-Trasparenza fis-Suq Uniku biex jisiltu mill-ideat tas-sħab tagħhom. Dawn jistgħu jintużaw biex jiġu solvuti problemi komuni fir-rigward tar-regolamenti tekniċi u biex jiġi mifhum meta abbozz ta’ regolament tekniku jista’ jkun qed jikser id-dritt tal-Unjoni.

2.2Użu tal-proċedura ta’ urġenza

L-Istati Membri jistgħu jitolbu lill-Kummissjoni tivvaluta l-proposta tagħhom biex jinvokaw il-proċedura ta’ urġenza prevista fl-Artikolu 6(7) tad-Direttiva dwar it-Trasparenza fis-Suq Uniku jekk, sabiex jirrispondu għal sitwazzjoni urġenti jkunu obbligati jadottaw regolamenti tekniċi minnufih u ma jkollhomx żmien biex jistennew il-perjodu ta’ waqfien ta’ tliet xhur biex jikkonsultaw lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra minn qabel. Jekk il-Kummissjoni, wara li tkun ivvalutat ir-raġunijiet imqajma mill-Istat Membru kkonċernat, taċċetta l-proċedura ta’ urġenza, il-perjodu ta’ waqfien ta’ tliet xhur ma japplikax u l-miżura tista’ tiġi adottata minnufih 53 . Normalment, il-Kummissjoni tieħu bosta ġranet xogħol wara n-notifika sabiex tiddeċiedi jekk taċċettax ir-raġunijiet ippreżentati mill-Istat Membru kkonċernat u jekk tħallihx jadotta r-regolamenti tekniċi minnufih.

Minn total ta’ 3 553 notifika, l-Istati Membri għamlu 346 talba biex japplikaw il-proċedura ta’ urġenza għall-abbozzi notifikati (51 fl-2016, 34 fl-2017, 35 fl-2018, 39 fl-2019 u 187 fl-2020) 54 . L-użu tal-proċedura ta’ urġenza ġie rrifjutat għal każijiet li fihom il-ġustifikazzjoni ma ġietx stabbilita b’mod suffiċjenti jew fejn kienet ibbażata fuq raġunijiet purament ekonomiċi jew ta’ dewmien amministrattiv nazzjonali, kif ukoll f’każijiet li għalihom ma kienet seħħet l-ebda ċirkustanza imprevedibbli. Il-proċedura ta’ urġenza tqieset iġġustifikata f’283 każ (41 fl-2016, 28 fl-2017, 21 fl-2018, 29 fl-2019 u 164 fl-2020). Dawn il-każijiet kienu jikkonċernaw b’mod partikolari s-sustanzi psikotropiċi, il-kontroll tan-narkotiċi, il-ġlieda kontra t-terroriżmu, l-armi tan-nar, l-infezzjoni tan-naħal, il-prodotti bijoċidali, il-projbizzjoni ta’ prodotti li huma ta’ ħsara għas-saħħa, l-oġġetti pirotekniċi, il-mediċini (mediċini/sustanzi kritiċi meħtieġa għat-trattament tal-pazjenti tal-COVID-19), it-tagħmir protettiv, il-maskri, l-apparat mediku u l-apparat mediku in vitro, id-diżinfettanti u l-alkoħol meħtieġa għall-produzzjoni tagħhom (ara l-Anness 3.7).

2.3Notifika ta’ miżuri “fiskali jew finanzjarji

Skont id-Direttiva dwar it-Trasparenza fis-Suq Uniku, l-Istati Membri jridu jipprovdu notifika tal-“miżuri fiskali u finanzjarji”, jiġifieri r-regolamenti tekniċi li huma marbuta ma’ miżuri fiskali jew finanzjarji li jaffettwaw il-konsum ta’ prodotti jew ta’ servizzi billi jħeġġu l-konformità ma’ tali regolamenti tekniċi. Il-pekuljarità ta’ tali miżuri hija li l-perjodu ta’ waqfien ma japplikax (l-Artikolu 7(4) tad-Direttiva dwar it-Trasparenza fis-Suq Uniku).

Matul il-perjodu 2016-2020, l-Istati Membri nnotifikaw 149 abbozz ta’ miżuri bħala “miżuri fiskali jew finanzjarji” (44 fl-2016, 48 fl-2017, 26 fl-2018, 31 fl-2019 u 45 fl-2020) 55 .

2.4Segwitu għar-reazzjonijiet tal-Kummissjoni

Skont l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva dwar it-Trasparenza fis-Suq Uniku, l-Istati Membri jridu jirrapportaw dwar l-azzjoni li jipproponu li jieħdu bħala tweġiba għal opinjoni dettaljata.

Mill-2016 sal-2020, il-proporzjon bejn l-għadd ta’ tweġibiet mill-Istati Membri għal opinjonijiet dettaljati tal-Kummissjoni u l-volum tal-opinjonijiet dettaljati maħruġa mill-Kummissjoni kien sodisfaċenti, iżda kellu lok għal aktar titjib (medja ta’ 87 % matul il-perjodu). It-tweġibiet sodisfaċenti mill-Istati Membri kienu jirrappreżentaw medja ta’ 45 % tat-tweġibiet (ara l-Anness 3.8).

Fil-perjodu meqjus, l-Istati Membri rtiraw 217 56 -il abbozz ta’ regolamenti tekniċi. Fi 30 każ (4 fl-2016, 13 fl-2017, 9 fl-2018, 2 fl-2019 u 2 fl-2020) l-irtirar segwa l-adozzjoni ta’ opinjoni dettaljata maħruġa mill-Kummissjoni. Ir-raġunijiet għal dan l-irtirar jinkludu: (i) l-introduzzjoni mill-Istat Membru notifikanti ta’ bidliet sostanzjali fl-abbozz ta’ regolament tekniku, li kienu jeħtieġu notifika ġdida (l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva); u (ii) id-deċiżjoni sempliċi tal-awtoritajiet nazzjonali li ma jibqgħux għaddejjin bl-adozzjoni tal-abbozz ta’ regolament tekniku. Għal abbozzi ta’ regolamenti tekniċi notifikati oħra d-djalogu għadu għaddej.

2.5Segwitu għall-proċedura ta’ notifika 

Għal dawk il-każijiet li fihom il-ksur potenzjali tad-dritt tal-Unjoni dwar is-suq intern ma tneħħiex kompletament permezz tal-proċedura ta’ notifika, il-Kummissjoni wettqet investigazzjonijiet ulterjuri (eż. dwar il-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, is-sigaretti elettroniċi, it-tabakk). Il-Kummissjoni wettqet ukoll investigazzjonijiet dwar l-allegat ksur mill-Istati Membri tal-obbligu ta’ notifika, pereżempju, fir-rigward tar-regoli dwar it-tassimetri, il-fliexken tal-ħġieġ għall-inbid u għax-xorb spirituż, it-tagħmir tar-reklamar, l-iskart, il-logħob tal-azzard, il-magni tal-logħob, l-emissjonijiet ta’ gassijiet fluworurati b’effett ta’ serra, il-prodotti tal-plastik, l-għamara, l-ekonomija kollaborattiva, eċċ. F’tali każijiet, il-Kummissjoni infurmat lill-punt ta’ kuntatt nazzjonali kkonċernat għad-Direttiva dwar it-Trasparenza fis-Suq Uniku bil-konsegwenzi tal-ksur tal-obbligu ta’ notifika u fakkret fl-obbligu ta’ notifika.

2.6Skambji strutturati mal-Istati Membri, mal-pajjiżi taż-ŻEE-EFTA, mal-Iżvizzera u mat-Turkija

Il-laqgħat regolari tal-Kumitat Permanenti tar-Regolamenti Tekniċi rawmu skambju ta’ fehmiet produttiv dwar punti ta’ interess ġenerali kif ukoll dwar aspetti speċifiċi tal-proċedura ta’ notifika.

Fir-rigward tal-proċedura ta’ notifika, id-diskussjonijiet fil-kuntest tal-laqgħat tal-Kumitat Permanenti tar-Regolamenti Tekniċi kienu jikkonċernaw b’mod partikolari:

·il-proċedura ta’ urġenza skont id-Direttiva dwar it-Trasparenza tas-Suq Uniku;

·l-aċċess għad-dokumenti tal-Kummissjoni u n-notifiki kunfidenzjali;

·il-proċedura ta’ notifika għan-notifiki Żvizzeri u taż-ŻEE;

·l-obbligu tal-Istati Membri li jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test finali ta’ regolament tekniku notifikat;

·l-iżviluppi dwar il-ġurisprudenza tal-QĠUE rigward id-Direttiva dwar it-Trasparenza fis-Suq Uniku; u

·l-funzjonament tal-mekkaniżmu ta’ punt uniku ta’ servizz.

Abbażi tat-talbiet mill-Istati Membri jew fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni, il-Kummissjoni tat preżentazzjonijiet fil-Kumitat Permanenti tar-Regolamenti Tekniċi biex tipprovdi kjarifika dwar xi ostakli rikorrenti jew dwar partijiet ġodda tal-leġiżlazzjoni tal-UE. Il-preżentazzjonijiet kienu jikkonċernaw:

·id-Direttiva (UE) 2019/904 dwar it-tnaqqis tal-impatt ta’ ċerti prodotti tal-plastik fuq l-ambjent;

·il-proċedura ta’ notifika skont id-Direttiva dwar is-Servizzi 2006/123/KE, ir-Regolament (UE) 2018/1807 dwar il-moviment liberu ta’ data mhux personali fl-UE;

·ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (UE) 2016/679;

·id-Direttivi dwar is-Sikurezza fit-Toroq 2014/45/UE 57 , 2014/46/UE 58 u 2014/47/UE 59 ;

·ir-restrizzjonijiet fuq il-mikrożibeġ fil-livell tal-UE;

·id-Direttiva 94/62/KE dwar l-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ;

·il-klawżola tas-suq uniku u l-Artikoli 34-36 tat-TFUE.

Diversi Stati Membri qasmu l-aħjar prattiki tagħhom għan-notifiki skont id-Direttiva dwar it-Trasparenza fis-Suq Uniku mal-Kumitat Permanenti.

Saru wkoll laqgħat bilaterali f’ħafna Stati Membri bħala parti mill-missjonijiet ta’ “għarfien tal-pajjiż”. Dawn il-laqgħat kellhom l-għan li jimmiraw il-ħtiġijiet speċifiċi tas-suq uniku ta’ kull Stat Membru permezz ta’ djalogu dirett bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet nazzjonali, kif ukoll permezz ta’ laqgħat mal-partijiet ikkonċernati nazzjonali. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni żaret diversi bliet kapitali tal-UE 60 u attendiet laqgħat mal-awtoritajiet tal-Istati Membri u mal-partijiet ikkonċernati nazzjonali. Il-problemi ewlenin li jikkonċernaw l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar it-Trasparenza fis-Suq Uniku fil-livell nazzjonali kif identifikati permezz ta’ dawn il-missjonijiet jikkonċernaw il-livell baxx ta’ notifiki (eż. fir-Rumanija, fil-Litwanja u fil-Portugall), il-kapaċità amministrattiva (eż. fil-Bulgarija) jew il-kwistjonijiet ta’ koordinazzjoni (eż. fl-Italja, fi Spanja u fil-Ġermanja) u l-għarfien limitat tad-Direttiva dwar it-Trasparenza fis-Suq Uniku mill-amministrazzjonijiet nazzjonali.

Matul il-perjodu referenzjarju, il-Kummissjoni ddiskutiet ukoll l-applikazzjoni tad-Direttiva fil-laqgħat ta’ djalogu dwar il-konformità mal-Istati Membri, li jitwettqu b’segwitu għall-impenn dwar l-istrateġija għal suq uniku. Il-Kummissjoni organizzat ukoll b’mod regolari seminars tekniċi ad hoc lill-awtoritajiet nazzjonali involuti fil-proċedura ta’ notifika.

It-Turkija tejbet il-parteċipazzjoni tagħha fil-proċedura ta’ notifika matul il-perjodu referenzjarju.

2.7Trasparenza

2.7.1 Talbiet għal aċċess għal dokumenti maħruġa skont id-Direttiva dwar it-Trasparenza fis-Suq Uniku

Mill-2016 sal-2020, il-Kummissjoni rċeviet 531 61 talba għal aċċess għad-dokumenti maħruġa fil-kuntest tad-Direttiva dwar it-Trasparenza fis-Suq Uniku. Il-biċċa l-kbira tat-talbiet kienu jikkonċernaw opinjonijiet u kummenti dettaljati mogħtija mill-Kummissjoni. F’konformità mal-aktar żviluppi reċenti fil-ġurisprudenza tal-QĠUE (ara l-Anness 2, il-Kawża C-331/15 P, Franza vs Schlyter), il-biċċa l-kbira tad-dokumenti ġew żvelati.

2.7.2 Parteċipazzjoni tal-partijiet ikkonċernati

It-trasparenza hija karatteristika fundamentali tal-proċedura ta’ notifika. Is-sit web tat-TRIS, li huwa disponibbli għall-pubbliku, jiżgura li l-partijiet ikkonċernati jiġu infurmati b’mod kostanti dwar l-abbozzi ta’ regolamenti tekniċi kollha li jkunu qed jitħejjew mill-Istati Membri u li jsir djalogu bejn il-partijiet ikkonċernati u l-Kummissjoni, bis-saħħa tal-funzjoni li tippermetti lill-partijiet ikkonċernati jippreżentaw kontributi dwar abbozzi ta’ regolamenti tekniċi. Kif diġà ssemma, bejn l-2016 u l-2020, il-Kummissjoni rċeviet 1 618-il kontribut permezz ta’ din il-funzjonalità. Matul il-perjodu referenzjarju, il-Kummissjoni bdiet ukoll tittraduċi t-testi finali tal-miżuri notifikati fil-lingwi kollha tal-UE. It-traduzzjonijiet tat-testi finali huma disponibbli fuq is-sit web tat-TRIS u jipprovdu trasparenza addizzjonali.

Is-suċċess tas-sit web tat-TRIS huwa kkonfermat bin-numri:

·Fi tmiem l-2020 kien hemm 6 467 abbonat attiv fil-lista ta’ indirizzi elettroniċi tat-TRIS, meta mqabbla mal-5 196 fi tmiem l-2015, li jimmarka żieda ta’ 25 % matul il-perjodu ta’ rapportar ta’ ħames snin.

·Fil-perjodu meqjus, saru 871 744 tfittxija permezz tas-sit web tat-TRIS (151 202 fl-2016, 134 737 fl-2017, 152 158 fl-2018, 197 341 fl-2019 u 236 306 fl-2020), b’medja ta’ 174 349 tfittxija fis-sena 62 .

·L-aċċess għan-notifiki mill-utenti żdied ukoll, minn 1 203 299 okkorrenza sa tmiem l-2015 għal 7 394 991 sa tmiem l-2020, li jammontaw għal żieda speċifika ta’ 514,6 % matul il-perjodu referenzjarju kollu tal-2016-2020 meta mqabbla ma’ tmiem l-2015.

3.Konklużjoni

Matul il-perjodu bejn l-2016 u l-2020, l-effettività tal-proċedura tad-Direttiva dwar it-Trasparenza fis-Suq Uniku ġiet ikkonfermata mill-ġdid f’termini ta’ trasparenza, ta' kooperazzjoni amministrattiva u ta' prevenzjoni ta’ ostakli tekniċi fis-suq uniku. L-approċċ preventiv u ta’ networking tal-proċedura ta’ notifika naqqas ir-riskju li l-attivitajiet regolatorji nazzjonali jistgħu joħolqu ostakli tekniċi għall-moviment liberu tal-merkanzija u tas-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni. F’dak ir-rigward, it-tisħiħ tal-parteċipazzjoni tal-Istati Membri fil-proċedura tad-Direttiva dwar it-Trasparenza fis-Suq Uniku, kemm f’termini ta’ notifiki mibgħuta kif ukoll ta’ reazzjonijiet għal abbozzi notifikati minn Stati Membri oħra, juri s-sjieda konġunta tas-suq uniku, li huwa objettiv ewlieni għall-Kummissjoni. Fl-2020, matul il-pandemija tal-COVID-19, il-proċedura tad-Direttiva dwar it-Trasparenza fis-Suq Uniku żgurat li l-objettiv primarju tal-protezzjoni tas-saħħa u tal-ħajja tal-bniedem kien segwit minn miżuri nazzjonali f’konformità mar-regoli tas-suq uniku. Id-Direttiva u s-sistema ta’ notifika tagħha appoġġaw lill-Istati Membri f’dan ir-rigward billi żguraw it-trasparenza, is-sinerġiji u, fl-aħħar mill-aħħar, is-solidarjetà Ewropea.

L-importanza tad-Direttiva tintwera mill-interess dejjem akbar tal-partijiet ikkonċernati fil-proċedura ta’ notifika u l-għadd ta’ kontributi mingħandhom permezz tas-sit web tat-TRIS fil-perjodu referenzjarju. Dan l-interess dejjem akbar jirrifletti l-isforz biex jittejbu t-trasparenza u l-effiċjenza tas-sit web tat-TRIS.

Il-proċedura ta’ notifika kkonfermat ukoll l-utilità tagħha fil-forniment tal-possibbiltà li jiġu identifikati oqsma fejn hija meħtieġa aktar armonizzazzjoni fil-livell tal-UE, bħall-armonizzazzjoni tat-tikkettar tal-imballaġġ għar-rimi tal-iskart. Se jkomplu l-isforzi biex jiġi żgurat qafas legali ċar għall-operaturi ekonomiċi bl-għan li tissaħħaħ il-kompetittività tal-intrapriżi Ewropej fl-UE u barra minnha, b’kunsiderazzjoni tar-rabtiet bejn il-proċedura ta’ notifika u dik stabbilita mill-Ftehim dwar l-Ostakli Tekniċi għall-Kummerċ fil-kuntest tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) 63 .

L-esperjenza miksuba f’dawn l-aħħar snin hija essenzjali biex jinbena dan ix-xenarju mtejjeb għall-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar it-Trasparenza fis-Suq Uniku. Sabiex jinkiseb il-potenzjal sħiħ tad-Direttiva, il-Kummissjoni se tkompli tinċentiva l-parteċipazzjoni tal-Istati Membri, kemm fin-notifika ta’ abbozzi ta’ regolamenti tekniċi nazzjonali kif ukoll fir-reazzjoni għal abbozzi nnotifikati minn Stati Membri oħra. Fir-reazzjonijiet tagħha, il-Kummissjoni se tqiegħed enfasi speċjali fuq kwistjonijiet ta’ importanza sinifikanti għas-suq uniku u fuq dawk li jservu b’mod partikolari biex jindirizzaw b’mod effiċjenti r-restrizzjonijiet identifikati fil-kuntest tal-irkupru u tat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali. Din l-enfasi akbar se twassal ukoll għas-segwitu xieraq għar-reazzjonijiet tal-Kummissjoni sabiex tittieħed azzjoni effettiva biex jiġi evitat li jiġu stabbiliti ostakli potenzjali.

(1) Id-Direttiva (UE) 2015/1535 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Settembru 2015 li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tar-regolamenti tekniċi u tar-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà tal-Informatika, ĠU L 241, 17.9.2015, p. 1.
(2)    Pjan ta’ Azzjoni għat-titjib tal-ambjent regolatorju, COM(2002) 278. Ara wkoll Regolamentazzjoni Aħjar għat-Tkabbir u għall-Impjiegi fl-Unjoni Ewropea, COM(2005) 97; L-implimentazzjoni tal-programm ta’ Liżbona tal-Komunità: Strateġija għas-simplifikazzjoni tal-ambjent regolatorju, KUMM(2005) 535; Reviżjoni strateġika ta’ Regolamentazzjoni Aħjar fl-Unjoni Ewropea, KUMM(2006) 689; It-tieni reviżjoni strateġika ta’ Regolamentazzjoni Aħjar fl-Unjoni Ewropea, KUMM(2008) 32; It-tielet reviżjoni strateġika ta’ Regolamentazzjoni Aħjar fl-Unjoni Ewropea, KUMM(2009) 15; Regolamentazzjoni Intelliġenti fl-Unjoni Ewropea, KUMM(2010) 543 u, Ir-Regolamentazzjoni Aħjar: Inwasslu riżultati aħjar għal Unjoni iktar b’saħħitha, COM(2016) 615.
(3)      It-traduzzjoni Irlandiża ma hijiex disponibbli.
(4)       https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX:52020DC0094&qid=1650876529508  
(5)      https://ec.europa.eu/info/strategy/priorities-2019-2024/economy-works-people/internal-market_mt
(6)      https://ec.europa.eu/commission/presscorner/detail/mt/fs_20_427
(7)      https://ec.europa.eu/commission/presscorner/detail/mt/ip_20_416
(8)      https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=COM%3A2020%3A0093%3AFIN
(9)    Ara n-nota 4 f’qiegħ il-paġna.
(10)

     Id-djalogu dwar l-“għarfien tal-pajjiżi” jikkonsisti f’laqgħat strutturati mal-awtoritajiet nazzjonali involuti fil-proċedura ta’ notifika f’kull Stat Membru tal-UE u mal-partijiet ikkonċernati nazzjonali.

(11)      Ara l-paragrafu “Ensure a culture of compliance and smart enforcement to help deliver a true Single Market” tal-istrateġija tas-suq uniku, http://ec.europa.eu/growth/single-market/strategy_en.
(12)      Ara l-Anness 2 għal aktar dettalji rigward il-ġurisprudenza tal-QĠUE dwar id-Direttiva dwar it-Trasparenza fis-Suq Uniku bejn l-2016 u l-2020.
(13)      Ara l-Premessa 7 tad-Direttiva dwar it-Trasparenza fis-Suq Uniku.
(14)       http://ec.europa.eu/growth/tools-databases/tris/mt/
(15)    Ara supra, in-nota 2 f’qiegħ il-paġna.
(16)      Ara l-Anness 3.1. Dawn iċ-ċifri ma jinkludux notifiki mill-pajjiżi tal-EFTA li huma firmatarji għall-Ftehim ŻEE (in-Norveġja, il-Lichtenstein u l-Iżlanda), jew notifiki mit-Turkija jew mill-Iżvizzera. Fil-perjodu ta’ rapportar il-Kummissjoni rċeviet 232 notifika minn dawn il-pajjiżi (124 mill-pajjiżi tal-EFTA/taż-ŻEE, 74 mit-Turkija u 34 mill-Iżvizzera). Ara l-Anness 4 għal aktar informazzjoni dwar dawn in-notifiki.
(17)      Ara l-Anness 3.3.
(18)    Ir-Regolament (UE) Nru 305/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2011 li jistabbilixxi kondizzjonijiet armonizzati għall-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti għall-bini u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 89/106/KEE, ĠU L 88, 4.4.2011, p. 5.
(19)      Id-Direttiva 2009/142/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Novembru 2009 rigward tagħmir li juża l-gass, ĠU L 330, 16.12.2009, p. 10.
(20)      Id-Direttiva tal-Kunsill 92/42/KEE tal-21 ta’ Mejju 1992 dwar il-ħtiġiet ta’ effiċjenza għal kaldaruni tal-misħun ġodda li jaħdmu b’karburanti likwidi jew gassużi, ĠU L 167, 22.6.1992, p. 17.
(21)      Id-Direttiva 2012/27/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar l-effiċjenza fl-enerġija, li temenda d-Direttivi 2009/125/KE u 2010/30/UE u li tħassar id-Direttivi 2004/8/KE u 2006/32/KE, ĠU L 315, 14.11.2012, p. 1.
(22)      Id-Direttiva 2010/31/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Mejju 2010 dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija, ĠU L 153, 18.6.2010, p. 13.
(23)      Id-Direttiva 2009/125/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 li tistabbilixxi qafas għall-iffissar ta’ rekwiżiti għall-ekodisinn għal prodotti relatati mal-enerġija, ĠU L 285, 31.10.2009, p. 10.
(24)      Id-Direttiva 1999/5/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 1999 dwar it-tagħmir tar-radju u tagħmir terminali ta’ telekomunikazzjonijiet u r-rikonoxximent reċiproku tal-konformità tagħhom, ĠU L 91, 7.4.1999, p. 10.
(25)

     Id-Direttiva 2006/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu mat-tagħmir elettriku ddisinjat għall-użu fi ħdan ċerti limiti tal-voltaġġ, ĠU L 374, 27.12.2006, p. 10.

(26)

     Id-Direttiva 2004/108/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Diċembru 2004 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu mal-kompatibilità elettromanjetika, ĠU L 390, 31.12.2004, p. 24.

(27)      Ara l-Anness 3.3.
(28)      Ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel, ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.
(29)      Ir-Regolament (KE) Nru 852/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar l-iġjene tal-oġġetti tal-ikel, ĠU L 139, 30.4.2004, p. 1.
(30)      Ir-Regolament (KE) Nru 853/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 li jistabbilixxi ċerti regoli speċifiċi ta’ iġjene għall-ikel li joriġina mill-annimali, ĠU L 139, 30.4.2004, p. 55.
(31)      Ir-Regolament (KE) Nru 854/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 li jippreskrivi regoli speċifiċi għall-organizzazzjoni ta’ kontrolli uffiċjali fuq prodotti li joriġinaw mill-annimali maħsuba għall-konsum uman, ĠU L 139, 30.4.2004, p. 206. Ir-Regolament (KE) Nru 854/2004 tħassar bir-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2017 dwar il-kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra mwettqa biex jiżguraw l-applikazzjoni tal-liġi tal-ikel u tal-għalf, ta’ regoli dwar is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali, dwar is-saħħa tal-pjanti u dwar prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 999/2001, (KE) Nru 396/2005, (KE) Nru 1069/2009, (KE) Nru 1107/2009, (UE) Nru 1151/2012, (UE) Nru 652/2014, (UE) 2016/429 u (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 u (KE) Nru 1099/2009 u d-Direttivi tal-Kunsill 98/58/KE, 1999/74/KE, 2007/43/KE, 2008/119/KE u 2008/120/KE, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 854/2004 u (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 89/608/KEE, 89/662/KEE, 90/425/KEE, 91/496/KEE, 96/23/KE, 96/93/KE u 97/78/KE u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 92/438/KEE (Regolament dwar il-Kontrolli Uffiċjali), ĠU L 95, 7.4.2017, p. 1.
(32)      Ir-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2011 dwar l-għoti ta’ informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1924/2006 u (KE) Nru 1925/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttiva tal-Kummissjoni 87/250/KEE, id-Direttiva tal-Kunsill 90/496/KEE, id-Direttiva tal-Kummissjoni 1999/10/KE, id-Direttiva 2000/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kummissjoni 2002/67/KE u 2008/5/KE u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 608/2004, ĠU L 304, 22.11.2011, p. 18.
(33)      Ir-Regolament (UE) Nru 1379/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fil-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1184/2006 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 104/2000, ĠU L 354, 28.12.2013, p. 1.
(34)      Ara l-Anness 3.3.
(35)

     Id-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (“Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku”), ĠU L 178, 17.7.2000, p. 1.

(36)

     Id-Direttiva (UE) 2018/1808 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Novembru 2018 li temenda d-Direttiva 2010/13/UE dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar il-forniment ta’ servizzi tal-media awdjoviżiva (Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva) fid-dawl ta’ realtajiet tas-suq li qed jinbidlu, ĠU L 303, 28.11.2018, p. 69.

(37)    Ir-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Lulju 2014 dwar l-identifikazzjoni elettronika u s-servizzi fiduċjarji għal tranżazzjonijiet elettroniċi fis-suq intern u li jħassar id-Direttiva 1999/93/KE, ĠU L 257, 28.8.2014, p. 73.
(38)      Ir-Regolament (UE) 2018/1807 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Novembru 2018 dwar qafas għall-moviment liberu ta’ data mhux personali fl-Unjoni Ewropa, ĠU L 303, 28.11.2018, p. 59.
(39)      Id-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern, ĠU L 376, 27.12.2006, p. 36.
(40)      Id-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2011 dwar drittijiet tal-konsumatur, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE u d-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 85/577/KEE u d-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ĠU L 304, 22.11.2011, p. 64.
(41)    Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data), ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1.
(42)      Ara l-Anness 3.3.
(43)    Ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni, ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1.
(44)      Ir-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2012 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali, ĠU L 167, 27.6.2012, p. 1.
(45)    Ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE, ĠU L 309, 24.11.2009, p. 1.
(46)      Ara l-Anness 3.3.
(47)      Id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 94/62/KE tal-20 ta’ Diċembru 1994 dwar l-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ, ĠU L 365, 31.12.1994, p. 10.
(48)

     Id-Direttiva (UE) 2019/904 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Ġunju 2019 dwar it-tnaqqis tal-impatt ta’ ċerti prodotti tal-plastik fuq l-ambjent, ĠU L 155, 12.6.2019, p. 1.

(49)      Ara l-Anness 3.9 għal eżempji addizzjonali.
(50)      Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Bank Ċentrali Ewropew, lill-Bank Ewropew tal-Investiment u lill-Grupp tal-Euro – Rispons ekonomiku kkoordinat għat-tifqigħa tal-COVID-19, COM(2020) 112.
(51)      Ara l-Premessa 15 tad-Direttiva dwar it-Trasparenza fis-Suq Uniku.
(52)      Ara l-Anness 3.11 għal dettalji addizzjonali dwar l-aktar ostakli komuni mneħħija.
(53)      Ara l-Anness 1 għal aktar dettalji dwar il-proċedura ta’ urġenza.
(54)      Ara l-Anness 3.7.
(55)      Ara l-Anness 1 għal aktar dettalji dwar il-“miżuri fiskali u finanzjarji”.
(56)      Data estrapolata fl-14 ta’ Lulju 2021.
(57)    Id-Direttiva 2014/45/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta’ April 2014 dwar testijiet perjodiċi tal-affidabbiltà stradali għal vetturi bil-mutur u t-trejlers tagħhom u li tħassar id-Direttiva 2009/40/KE, ĠU L 127, 29.4.2014, p. 51.
(58)      Id-Direttiva 2014/46/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta’ April 2014 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 1999/37/KE dwar id-dokumenti ta’ reġistrazzjoni għall-vetturi, ĠU L 127, 29.4.2014, p. 129.
(59)      Id-Direttiva 2014/47/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta’ April 2014 dwar l-ispezzjonijiet tekniċi waqt it-traġitt tal-affidabilità stradali ta’ vetturi kummerċjali li jiċċirkolaw fl-Unjoni u li jirrevoka d-Direttiva 2000/30/KE, ĠU L 127, 29.4.2014, p. 134.
(60)      Il-Kummissjoni żaret il-Bulgarija, Spanja, il-Polonja, ir-Rumanija, l-Italja, Franza, il-Ġermanja, il-Portugall, l-Irlanda u l-Litwanja.
(61)

     Peress li ma kien hemm l-ebda possibbiltà li l-Unità ewlenija tiġi kkodifikata għall-aċċess għat-talbiet għad-dokumenti fil-bażijiet tad-data tal-Kummissjoni matul il-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2018 sal-1 ta’ Ottubru 2018, iċ-ċifri li jikkonċernaw dan il-perjodu huma bbażati fuq simulazzjoni bl-użu tal-perċentwal medju tat-talbiet għall-aċċess għad-dokumenti assenjati lill-Unità inkarigata mill-ġestjoni tad-Direttiva dwar it-Trasparenza fis-Suq Uniku għas-snin 2016, 2017 u 2019.

(62) Ara l-Anness 5.
(63)      Fil-perjodu kkonċernat, l-Istati Membri tal-UE, l-Istati Membri tal-EFTA li huma firmatarji tal-Ftehim ŻEE, l-Iżvizzera u t-Turkija rreġistraw 363 notifika fil-bażi tad-data tat-TRIS bħala soġġetti għal notifika lid-WTO skont il-Ftehim dwar l-Ostakli Tekniċi għall-Kummerċ.