Brussell, 16.9.2022

COM(2022) 463 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

dwar l-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 850/2004 dwar pollutanti organiċi persistenti

{SWD(2022) 291 final}


Werrej

Werrej        

1.    Introduzzjoni    

2.    Miżuri ta’ Mmaniġġar u Kontroll    

2.1    Ħarsa Ġenerali    

2.2    Il-produzzjoni, it-tqegħid fis-suq, l-użu u l-infurzar    

2.3    Riżervi    

2.4    Immaniġġar u Ħżin tal-Iskart    

3.    Emissjonijiet Ambjentali u Konċentrazzjonijiet Ambjentali    

4.    Attivitajiet li jippromwovu l-iskambju ta’ għarfien    

5.    Konklużjonijiet    

Tabelli

Tabella 1: Tnaqqis tal-emissjonijiet għall-poliklorobifenil (PCBs) abbażi tad-data rrapportata skont il-Protokoll tal-POP tal-UNECE (perċentwal negattiv juri żieda)    

Illustrazzjonijiet

Illustrazzjoni 1: Sommarju tas-sorsi ewlenin għas-sustanzi soġġetti għal dispożizzjonijiet ta’ tnaqqis tar-rilaxxi (Anness III), abbażi tad-data tal-UNECE għal bejn l-2013 u l-2015 (emissjonijiet fl-arja)    

Illustrazzjoni 2: Mapep ta’ Monitoraġġ tal-EMEP għall-Ewropa. Id-Dijagramma “a” tippreżenta l-konċentrazzjonijiet fl-arja tal-1990, u d-Dijagramma “b” tippreżenta l-konċentrazzjonijiet fl-arja tal-2014    

Illustrazzjoni 3: Mapep ta’ Monitoraġġ tal-EMEP għall-Ewropa. Id-Dijagramma “a” tippreżenta l-konċentrazzjonijiet fl-arja tal-1990, u d-Dijagramma “b” tippreżenta l-konċentrazzjonijiet fl-arja tal-2014    



1.1.    Introduzzjoni

Il-Pollutanti Organiċi Persistenti (POPs) huma kimiċi ta’ tħassib globali minħabba l-proprjetajiet persistenti, bijoakkumulattivi u tossiċi (PBT) tagħhom u l-potenzjal tagħhom li jiġu ttrasportati għal distanzi twal, li jwassal għad-depożizzjoni u għall-akkumulazzjoni tagħhom ’il bogħod mill-punt ta’ produzzjoni u użu. Żewġ trattati internazzjonali jindirizzaw il-POPs u għandhom l-għan li jipproteġu s-saħħa tal-bniedem u l-ambjent mill-impatti avversi tagħhom billi jeliminaw jew billi jnaqqsu l-produzzjoni, l-użu u r-rilaxxi tagħhom fl-ambjent. Il-Protokoll ta’ Aarhus dwar il-Pollutanti Organiċi Persistenti ġie adottat fl-1998 bħala parti mill-Konvenzjoni tal-UNECE fuq it-Tniġġis tal-Arja Transkonfini fuq Distanza Twila (CLRTAP) u l-Konvenzjoni ta’ Stokkolma dwar il-Pollutanti Organiċi Persistenti (il-“Konvenzjoni”) ġiet adottata fl-2001 u daħlet fis-seħħ fl-2004.

L-Unjoni Ewropea (l-“Unjoni”) hija Parti għall-Protokoll ta’ Aarhus u għall-Konvenzjoni u adottat ir-Regolament (KE) Nru 850/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar pollutanti organiċi persistenti u li jemenda d-Direttiva 79/117/KEE (ir-Regolament dwar il-POPs) sabiex tiġi implimentata l-Konvenzjoni. Ir-Regolament (KE) Nru 850/2004 tħassar u ġie sostitwit bir-Regolament (UE) 2019/1021 dwar pollutanti organiċi persistenti mill-15 ta’ Lulju 2019 (dħul fis-seħħ tar-Regolament (UE) 2019/1021).

Għandu jiġi nnotat li r-Regolament (KE) Nru 850/2004 fih obbligu ta’ rapportar speċifiku tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 12(6), li ma għadux jeżisti, peress li ma hemm l-ebda dispożizzjoni korrispondenti fir-Regolament (UE) 2019/1021. Madankollu, il-Kummissjoni tqis li huwa xieraq li tadotta rapport li jkopri l-perjodu 2013-2015 abbażi tar-rapportar tal-Istati Membri f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 850/2004 peress li dan ir-rapport jaqdi l-objettivi tar-Regolament (UE) 2019/1021 fir-rigward tal-monitoraġġ tal-progress li sar fl-eliminazzjoni tal-użu u tar-rilaxxi tal-POPs.

Ir-Regolament dwar il-POPs ġie aġġornat regolarment biex jimplimenta emendi għall-Konvenzjoni u għall-Protokoll (l-aktar iż-żieda ta’ sustanzi ġodda fl-annessi rispettivi) fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni u jqiegħed obbligi speċifiċi fuq l-operaturi fl-Istati Membri kollha tal-UE. Dawn l-obbligi jinkludu dettalji dwar il-produzzjoni, it-tqegħid fis-suq, u l-użu tal-POPs elenkati koperti minn tliet Annessi (Anness I – ipprojbiti, Anness II – ristretti, Anness III – rilaxxati b’mod mhux intenzjonat). Huwa jkopri wkoll l-immaniġġar ta’ dawk is-sustanzi f’riżervi, f’rilaxxi ambjentali u fil-monitoraġġ ta’ konċentrazzjonijiet ambjentali, kif ukoll fih dispożizzjonijiet dwar l-immaniġġar tal-iskart. Bħala parti mir-Regolament dwar il-POPs, huwa wkoll rekwiżit għall-Istati Membri li jfasslu pjanijiet ta’ implimentazzjoni u pjanijiet ta’ azzjoni nazzjonali biex jidentifikaw u jimmaniġġaw is-sorsi tal-POPs fit-territorju tagħhom stess.

Ir-rekwiżiti ta’ rapportar għall-Istati Membri u għall-Kummissjoni Ewropea skont ir-Regolament (KE) Nru 850/2004 ġew deskritti fl-Artikolu 12. L-Istati Membri kienu meħtieġa jirrapportaw annwalment dwar data statistika għall-produzzjoni u għat-tqegħid fis-suq tas-sustanzi tal-Anness I u tal-Anness II. L-Istati Membri ntalbu wkoll jirrapportaw lill-Kummissjoni kull tliet snin dwar l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament dwar il-POPs. Il-Kummissjoni, kellha l-obbligu li tfassal rapport ta’ sinteżi kull tliet snin li jiġbor fil-qosor l-informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri kif ukoll l-informazzjoni ta’ appoġġ mogħtija permezz tar-Reġistru Ewropew dwar ir-Rilaxx u t-Trasferiment ta’ Inkwinanti (E-PRTR) u l-inventarji tal-emissjonijiet CORINAIR fl-ambitu tal-EMEP (Programm Kooperattiv għall-Monitoraġġ u l-Evalwazzjoni tat-Trażmissjoni fuq Medda Twila ta’ Sustanzi li Jniġġsu l-Arja fl-Ewropa). Il-Kummissjoni kienet meħtieġa wkoll tibgħat sommarju ta’ dik is-sinteżi lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

Sal-lum ġew ippubblikati tliet rapporti ta’ sinteżi li jkopru l-attivitajiet tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha skont ir-Regolament (KE) Nru 850/2004. L-ewwel rapport ta’ sinteżi jkopri l-perjodu mid-dħul fis-seħħ tar-Regolament dwar il-POPs fl-2004 sal-2006 u ġie ppubblikat fl-2009. It-tieni rapport ta’ sinteżi, ippubblikat fl-2011, ikopri l-perjodu 2007 – 2009. It-tielet rapport ta’ sinteżi ġie ppubblikat fl-2021 u jkopri l-perjodu 2010-2013. Ir-raba’ rapport ta’ sinteżi tal-Unjoni jkopri l-perjodu mill-2013 sal-2015 u dan is-sommarju huwa maħsub biex jipprovdi verżjoni mqassra tar-rapport ewlieni li jipprovdi s-sejbiet ewlenin. Ir-rapport sħiħ għandu jiġi kkonsultat għal analiżi dettaljata ulterjuri tas-sejbiet ippreżentati.

2.2.    Miżuri ta’ Mmaniġġar u Kontroll

2.12.1    Ħarsa Ġenerali

L-immaniġġar tal-POPs ikopri diversi elementi tul iċ-ċiklu tal-ħajja ta’ sustanza. Dan jinkludi l-produzzjoni, it-tqegħid fis-suq, u l-użu ta’ sustanzi kimiċi, kif ukoll ir-riżervi ta’ oġġetti obsoleti, kwistjonijiet ta’ mmaniġġar tal-iskart u l-infurzar tar-regolament innifsu.

2.22.2    Il-produzzjoni, it-tqegħid fis-suq, l-użu u l-infurzar

Abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri dwar il-produzzjoni u t-tqegħid fis-suq ta’ sustanzi elenkati fl-Annessi I u II, fil-perjodu ta’ bejn l-2013 u l-2015 ġiet prodotta sustanza POP waħda biss, jiġifieri l-aċidu perfluworoottansulfoniku (PFOS), filwaqt li kien hemm għadd ta’ eżenzjonijiet fis-seħħ għall-PFOS (l-użu prinċipali kien bħala sustanza li trażżan ir-raxx għall-ipplejtjar tal-kromu). Barra minn hekk, ġew importati żewġ sustanzi tal-Anness I u II (f’konformità mal-eżenzjonijiet) jiġifieri, eżabromoċiklododekan (HBCDD) u paraffini klorurati b’katina qasira (SCCPs).

Abbażi tal-informazzjoni pprovduta, jistgħu jiġu nnotati d-dettalji li ġejjin:

·L-importazzjoni tal-HBCDD ġiet irrapportata minn żewġ Stati Membri (DK, FI). Id-Danimarka rrapportat l-importazzjonijiet għas-sena 2014 biss, fi kwantità ta’ 1,4 tunnellati; filwaqt li l-Finlandja nnotat li kien hemm importazzjonijiet iżda li dawn kienu qegħdin jonqsu.

·L-importazzjoni tal-SCCPs ġiet irrapportata mid-Danimarka (15-il tunnellata fl-2013, u 5 tunnellati fl-2014) u mill-Iżvezja (2,8 tunnellati fis-sena).

·Il-produzzjoni tal-PFOS fl-Unjoni Ewropea saret fi Stat Membru wieħed biss, il-Ġermanja. Il-produzzjoni naqset minn 9 tunnellati fis-sena fl-2013 għal 2,4 tunnellati fl-2015. Madwar 50 % tal-PFOS prodott ġie esportat jew mibgħut lejn l-Istati Membri tal-UE (prinċipalment BE, DK, NL, AT, FI, SE). Il-kwantità li jifdal ta’ PFOS prodott intużat fil-Ġermanja, primarjament bħala sustanza li trażżan ir-raxx għall-ipplejtjar tal-krom.

Għadd żgħir ta’ Stati Membri għamlu użu wkoll mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4 għall-użu tal-POPs fir-riċerka jew fl-analiżi. Ħames Stati Membri (BE, ES, FR, AT, PL) iddikjaraw li kwantitajiet żgħar ta’ POPs ġew esportati mill-UE għal skopijiet ta’ riċerka jew ta’ analiżi. Dawn l-esportazzjonijiet saru fil-biċċa l-kbira lejn pajjiżi Afrikani u Asjatiċi u koprew il-pestiċidi POP u PCBs.

Erba’ Stati Membri (BE, BG, NL, SE) bdew proċedimenti ta’ infurzar dwar il-bejgħ illegali tal-POPs fl-Unjoni. Barra minn hekk, Spanja rrapportat dwar sett ta’ proċedimenti legali li ilu għaddej (li beda fl-1989) fir-rigward tal-kontaminazzjoni tal-art bil-lindan.

Id-dettalji tal-proċedimenti ta’ infurzar jinkludu:

·il-Belġju rrapporta proċedimenti ta’ infurzar imnedija fl-2013 dwar l-individwazzjoni tal-eżaklorobenżen (HCB) fil-logħob tan-nar. Barra minn hekk, f’kampjuni istantanji ta’ dwal tal-Milied instabu SCCPs, iżda f’dan il-każ ma kien hemm l-ebda proċediment ta’ infurzar.

·Il-Bulgarija kkummentat li kienu tnedew proċedimenti ta’ infurzar, iżda ma pprovdietx aktar dettalji.

·In-Netherlands ikkummentaw li fl-2012 kienu tnedew proċedimenti ta’ infurzar kontra żewġ kumpaniji, fir-rigward tal-PFOS fil-fowms għat-tifi tan-nar, li qabżu l-limiti ta’ konċentrazzjoni stabbiliti skont ir-Regolament għal sustanzi jew taħlitiet 1 . Bdew ukoll attivitajiet ta’ infurzar fir-rigward tad-detezzjoni tal-HCB fil-logħob tan-nar.

·L-Iżvezja indikat li fl-2013 kienu tnedew proċedimenti ta’ infurzar rigward il-preżenza tal-SCCPs fil-ġugarelli. Barra minn hekk, fl-2014 u fl-2015, ġew identifikati HCB u SCCPs f’firxa ta’ oġġetti domestiċi importati fl-UE.

2.32.3    Riżervi

Riżervi ta’ sustanzi POPs irrapportati għall-perjodu ta’ bejn l-2013 u l-2015 tipikament relatati ma’ tliet tipi ta’ oġġetti, jiġifieri PCBs jew tagħmir dielettriku kkontaminat bil-PCB; pestiċidi obsoleti; u riżervi li jifdal ta’ sustanzi, taħlitiet jew oġġetti li fihom il-POPs miżjuda reċentement mal-Konvenzjoni u mar-Regolament. Ħafna mill-Istati Membri kienu diġà ħadu passi sinifikanti biex jidentifikaw u jneħħu tagħmir li fih il-PCB mis-servizz.

Fi stħarriġ li sar fl-2017, l-Istati Membri pprovdew stimi tal-iskala tal-istokkijiet li jifdal tal-PCBs fl-użu għall-2015 meta mqabbla ma’ linja bażi tal-1990. Tlettax-il Stat Membru pprovdew tweġibiet, bi stimi li jvarjaw minn 0,3 % sa 49 %. Ħdax-il Stat Membru (BE, CZ, DK, DE, IE, LT, NL, PT, FI, SE, UK) ipprovdew stimi tal-bqija tal-istokkijiet fl-2015 bħala anqas minn 10 % meta mqabbla mal-1990, bi sforzi sinifikanti li għaddejjin għat-tneħħija u għall-qerda finali. Iż-żewġ Stati Membri l-oħrajn (HR, RO) ikkwotaw ir-riżervi li kien fadal bħala 30 % u 49 % tal-linja bażi tal-1990, rispettivament.

Għal POPs pestiċidi obsoleti, għadd ta’ Stati Membri rrapportaw li huma qatt ma pproduċew jew użaw dawn is-sustanzi jew li bdew it-tneħħija gradwali bikrija, li jfisser li l-istokkijiet ma baqgħux jeżistu fil-pajjiż sal-2013.

Għar-riżervi ta’ sustanzi, taħlitiet jew oġġetti li fihom il-POPs miżjuda fir-Regolament wara l-2009, ir-riżervi primarji huma relatati mal-PFOS. Erba’ Stati Membri (DE, ES, LU, UK) rrapportaw riżervi eżistenti ta’ PFOS, primarjament relatati ma’ fowms għat-tifi tan-nar, li kienu soġġetti għal immaniġġjar ulterjuri.

2.42.4    Immaniġġar u Ħżin tal-Iskart

Filwaqt li proporzjon tajjeb tal-Istati Membri daħħlu fis-seħħ programmi biex jiġbru u biex jeqirdu pestiċidi li ma għadhomx jintużaw, huma enfasizzaw ukoll il-kwistjoni tal-art ikkontaminata, b’mod partikolari art qrib siti fejn qabel kien jiġu manifatturati dawk is-sustanzi. Id-data min-Netherlands u mill-Finlandja enfasizzat l-għadd potenzjalment għoli ta’ siti li jistgħu jiġu kkontaminati, filwaqt li Spanja rriflettiet ukoll fuq art ikkontaminata relatata mal-manifattura preċedenti tal-lindan, u l-prodotti sekondarji mill-eżakloroċikloeżan mormi. Il-passi tipiċi ta’ rimedju jinvolvu skavar, li min-naħa tiegħu jiġġenera kwantitajiet kbar ta’ ħamrija kkontaminata li trid tiġi ttrattata bħala skart perikoluż.

3.3.    Emissjonijiet Ambjentali u Konċentrazzjonijiet Ambjentali

L-Artikolu 6(1) tar-Regolament (KE) Nru 850/2004 irrekjeda li l-Istati Membri jiżviluppaw inventarji tal-emissjonijiet fl-arja, fl-art u fl-ilma għal dawk is-sustanzi elenkati fl-Anness III fi żmien sentejn wara d-dħul fis-seħħ. L-inventarji tal-emissjonijiet jiffurmaw riżorsa ewlenija biex dawk li jfasslu l-politika jiġu infurmati matul l-iżvilupp tal-pjanijiet nazzjonali ta’ implimentazzjoni. B’mod partikolari, dawn jgħinu biex jiġu identifikati sorsi ewlenin għat-tnaqqis ta’ emissjonijiet jew oqsma ta’ inċertezza, li fihom tkun meħtieġa aktar riċerka biex tgħin tikkaratterizza sors.

Wieħed u għoxrin Stat Membru (minn 28) ipprovdew data dwar l-istima tal-emissjonijiet fir-rapporti tagħhom. Id-data kienet tvarja fil-kompletezza, inklużi stimi tal-arja biss (14-il Stat Membru), stimi tal-emissjonijiet tal-arja u tal-ilma (3 Stati Membri), u stimi tal-arja, tal-ilma u tal-emissjonijiet tal-art (4 Stati Membri). Dawn il-varjazzjonijiet jenfasizzaw lakuni kbar fis-sett ta’ data disponibbli pprovdut. Id-data mill-bażi ta’ data dwar l-emissjonijiet tal-EMEP (WebDab) 2 intużat ukoll biex tinbena stampa aktar kompluta. Il-bażi ta’ data tipprovdi emissjonijiet irrapportati għall-perjodu ta’ bejn l-2013 u l-2015 inkluża informazzjoni dwar id-data sottomessa lill-UNECE bħala parti mill-Protokoll ta’ Aarhus (emissjonijiet tal-arja). Sar ukoll paragun mad-data mis-sit web E-PRTR u mad-data ta’ monitoraġġ ambjentali mill-EMEP MSC-E u l-Programm ta’ Monitoraġġ u Valutazzjoni tal-Artiku (AMAP) biex jiġu vverifikati x-xejriet fl-emissjonijiet.

Sebgħa u għoxrin minn 28 Stat Membru żviluppaw u rrapportaw stimi tal-emissjonijiet għad-diossini u l-furani, il-PCBs, u l-HCB, filwaqt li t-28 kollha rrapportaw stimi tal-emissjonijiet għall-PAHs. Huwa importanti li jiġi nnotat li d-data tal-UNECE tkopri biss l-emissjonijiet fl-arja u r-rapportar tal-Artikolu 12 kien fil-biċċa l-kbira ddominat mill-emissjonijiet fl-arja. L-istimi tal-emissjonijiet fl-ilma u fl-art ġew ipprovduti minn ħafna anqas Stati Membri (7 minn 28).

Bl-użu tad-data tal-UNECE li tkopri s-sustanzi tal-Anness III 3 , ġie żviluppat sommarju tas-sorsi ewlenin tal-emissjonijiet għal kull sustanza POP għall-emissjonijiet fl-arja, muri fl-Illustrazzjoni 1.

Diossini u Furani

Id-Diossini u l-Furani ma jiġux prodotti kummerċjalment u huma tipikament assoċjati ma’ proċessi ta’ kombustjoni mhux kompluti bħall-ħruq fil-miftuħ, jew mal-metallurġija. Is-settur tas-sors ewlieni identifikat għall-Unjoni fl-Illustrazzjoni 1 kien is-settur tal-ġenerazzjoni tal-enerġija (inklużi l-operazzjonijiet tar-raffineriji taż-żejt), li jirrappreżenta 27 % tal-emissjonijiet kollha. Dan kien biss marġinalment akbar (proporzjonalment) mill-użu residenzjali ta’ fjuwils solidi, li kien jammonta għal 23 % tal-emissjonijiet kollha. Filwaqt li s-settur tal-ġenerazzjoni tal-enerġija jikkonsma kwantitajiet kbar ta’ fjuwils fossili solidi, it-temperatura għolja operazzjonali u l-livelli avvanzati ta’ tnaqqis li issa huma meħtieġa skont il-politika tal-Unjoni dwar l-emissjonijiet industrijali jfissru li l-emissjonijiet għal kull tunnellata ta’ faħam huma ħafna anqas minn dawk minn sorsi residenzjali. Minbarra l-użu residenzjali tal-fjuwils, is-sorsi ewlenin l-oħrajn tal-emissjonijiet kienu l-inċinerazzjoni tal-iskart (enerġija mill-iskart) (19 %), kombustjoni oħra tal-fjuwils fossili mill-industrija (10 %) u l-manifattura tal-metall (9 %). It-tqabbil mad-data mill-E-PRTR jikkorrobora l-konklużjoni, bi 82 % tal-emissjonijiet minn sors ta’ punt marbuta mal-impjanti tal-enerġija, u 10 % oħra għall-faċilitajiet tal-manifattura tal-metall.

F’każijiet li fihom l-Istati Membri jkunu pprovdew stimi għall-vetturi għajr l-arja, kien hemm qbil ġenerali li l-emissjonijiet fl-arja kienu mqabbla b’mod wiesa’ mal-emissjonijiet mir-residwi 4 . It-tnaqqis tal-emissjonijiet fl-arja u d-disinn tal-proċessi ttejbu minn meta daħlet fis-seħħ id-Direttiva dwar l-Inċinerazzjoni tal-Iskart (WID) (2000/76/KE) 5 , u l-emissjonijiet tad-diossini u tal-furani fl-arja mill-industrija naqsu b’mod sinifikanti bejn l-1990 u l-2015.



Illustrazzjoni 1: Sommarju tas-sorsi ewlenin għas-sustanzi soġġetti għal dispożizzjonijiet ta’ tnaqqis tar-rilaxxi (Anness III), abbażi tad-data tal-UNECE għal bejn l-2013 u l-2015 (emissjonijiet fl-arja)

Diossini u Furani

Poliklorobifenili

Idrokarburi aromatiċi poliċikliċi (PAHs)

Eżaklorobenżen (HCB)


Madankollu, dan iwassal għall-ġenerazzjoni ta’ residwi tal-kontroll tat-tniġġis tal-arja, magħrufa anke bħala rmied li jtir, li jista’ jkun ikkontaminat b’ħafna pollutanti bħad-diossini u l-furani. Hija meħtieġa attenzjoni fl-interpretazzjoni tad-data, peress li l-emissjonijiet fl-arja, fl-art u fl-ilma huma rilaxxi diretti mitlufa fl-ambjent b’mod mhux ikkontrollat, filwaqt li “residwu” jirreferi għall-iskart solidu kkontaminat iġġenerat, li tipikament jintrema b’mod ikkontrollat u mhux neċessarjament jikkostitwixxi telf totali fl-ambjent.

Poliklorobifenili (PCBs)

Il-PCBs kellhom użu kummerċjali f’varjetà ta’ applikazzjonijiet, b’mod partikolari t-tagħmir dielettriku. L-istabbiltà u l-persistenza kimika għolja tagħhom għamluhom fluwidi ideali għat-trasferiment tas-sħana għal din l-applikazzjoni. Il-PCBs jistgħu jiġu prodotti wkoll permezz ta’ mogħdijiet mhux intenzjonati, b’mod partikolari l-kombustjoni. L-Illustrazzjoni 1 tindika li s-sors ewlieni tal-emissjonijiet kien minn tagħmir dielettriku, li kkontribwixxa għal 52 % tal-emissjonijiet kollha fl-arja. Dan jirrappreżenta kontribut ħafna ogħla minn dak irrapportat fil-perjodu ta’ rapportar preċedenti (2010-2012) (32 %).

Analiżi aktar mill-qrib tax-xejriet temporali u settorjali fl-emissjonijiet tal-PCB, irrapportati fis-sett tad-data tal-WebDab tal-EMEP, tissuġġerixxi li wieħed mill-aktar sorsi importanti ta’ emissjonijiet tal-PCB fl-Ewropa fl-2000 kien il-produzzjoni tal-ħadid u tal-azzar (2,285 kg: 33 % tat-total). Minn dak iż-żmien ’l hawn, il-kontribut totali u perċentwali ta’ dan is-sors naqas b’mod sostanzjali, u dan ikkontribwixxa għal 428 kg (12 %) fl-2015. Dan jissuġġerixxi li, matul l-aħħar 20 sena, l-emissjonijiet tal-PCB minn sorsi industrijali naqsu bl-introduzzjoni ta’ proċessi aktar effiċjenti ta’ kombustjoni u tnaqqis, filwaqt li l-emissjonijiet mit-tagħmir elettriku u mill-iskart naqsu ħafna aktar bil-mod, u dan wassal għal kontribut relattiv dejjem akbar minn dan is-sors għat-total tal-Unjoni.

Sorsi ewlenin oħrajn tal-emissjonijiet tal-PCB fl-arja fil-perjodu ta’ rapportar attwali jinkludu l-kombustjoni residenzjali tal-fjuwil (b’mod partikolari fjuwils solidi bħall-faħam u l-iskart tal-injam) (15 %), kif ukoll il-manifattura ta’ metalli (13 %). It-Tabella 1 tipprovdi sommarju tal-emissjonijiet irrapportati fl-2015.

L-Illustrazzjoni 2 tipprovdi mapep tad-data tal-monitoraġġ ambjentali disponibbli mill-EMEP/MSC-E kemm fl-1990 kif ukoll fl-2014, bħala mezz ta’ tqabbil mal-istimi tal-inventarju. Kemm id-data tal-EMEP għall-Ewropa fl-Illustrazzjoni 2 kif ukoll il-monitoraġġ tal-Artiku mill-AMAP jindikaw tnaqqis ċar fil-konċentrazzjonijiet u l-emissjonijiet atmosferiċi ambjentali mill-1990.

Hija disponibbli data limitata dwar l-emissjoni tal-PCBs għal vetturi oħrajn għajr l-arja. Abbażi tar-rapporti tal-Artikolu 12 għal tmien Stati Membri li pprovdew stimi għal vetturi oħrajn (BE, CZ, IE, ES, FR, NL, SE, UK), l-ebda xejra ċara ma kienet evidenti. Stati Membri differenti enfasizzaw l-importanza tar-residwu tal-ilma, l-art u l-iskart f’livelli differenti.

Idrokarburi aromatiċi poliċikliċi (PAHs)

Il-PAHs huma familja ta’ sustanzi kimiċi li jistgħu jiffurmaw b’mod naturali fl-ambjent mill-kombustjoni tal-veġetazzjoni bħal nirien fil-foresti, iżda li għandhom ukoll sorsi antropoġeniċi, b’mod partikolari marbuta mal-kombustjoni tal-fjuwils fossili. Id-data ppreżentata fl-Illustrazzjoni 1 turi li s-sors dominanti tal-emissjonijiet tal-PAH kien l-użu ta’ fjuwils domestiċi, b’mod partikolari l-faħam, li fil-perjodu bejn l-2013 u l-2015 kien jirrappreżenta 77 % tal-emissjonijiet kollha.

Sorsi ewlenin oħrajn ta’ emissjonijiet ta’ PAH fl-arja kienu l-produzzjoni tal-ħadid u tal-azzar (inkluż l-użu ta’ fjuwils fossili) (7 %), nirien naturali (3 %) u forom oħrajn ta’ kombustjoni tal-fjuwils fossili, inkluż it-trasport bit-triq li jirrappreżenta 1 % tal-emissjonijiet totali tal-arja. L-emissjonijiet annwali medji kienu stmati li naqsu b’aktar minn 90 % bejn l-1990 u l-2015 (abbażi tad-data rrapportata tal-EMEP). Dan it-tnaqqis huwa simili b’mod ġenerali għad-diossini u l-furani u l-PCBs, għalkemm għadd żgħir ta’ Stati Membri raw żieda fl-emissjonijiet mill-1990. Id-data ta’ monitoraġġ mill-EMEP tindika tnaqqis ta’ 40 % fil-konċentrazzjonijiet ta’ PAH fl-arja mill-1990 sal-2015, meta mqabbla mat-tnaqqis ta’ 60 % għall-PCBs u 85 % għad-diossini u l-furani.

Tabella 1.Tnaqqis tal-emissjonijiet għall-poliklorobifenil (PCBs) abbażi tad-data rrapportata skont il-Protokoll tal-POP tal-UNECE (perċentwal negattiv juri żieda)

Stat Membru

Emissjonijiet fl-arja fl-1990

kg

Emissjonijiet fl-arja fl-2015

kg

Tnaqqis fl-emissjonijiet annwali 1990:2015 bħala perċentwal

Il-Belġju

107,1

3,1

97 %

Il-Bulgarija

13,8

3,0

78 %

Iċ-Ċekja

3,7

1,8

52 %

Id-Danimarka

110,5

41,5

62 %

Il-Ġermanja

1,735,6

229,0

87 %

L-Estonja

8,4

4,2

49 %

L-Irlanda

40,5

14,5

64 %

Il-Greċja

9,2

29,1

-216 %

Spanja

25,8

26,9

-4 %

Franza

176,8

41,6

76 %

Il-Kroazja

483,1

425,1

12 %

L-Italja

288,8

194,8

33 %

Ċipru

0,0

0,0

-9 %

Il-Latvja

4,3

0,2

94 %

Il-Litwanja

6,2

1,3

79 %

Il-Lussemburgu

39,9

3,1

92 %

L-Ungerija

25,9

10,8

59 %

Malta

0,0

In-Netherlands

0,09 g

0,09 g

0 %

L-Awstrija

47,2

35,7

24 %

Il-Polonja

760,6

627,3

18 %

Il-Portugall

2 305,7

85,9

96 %

Ir-Rumanija

134,7

20,2

85 %

Is-Slovenja

416,9

38,9

91 %

Is-Slovakkja

66,2

18,4

72 %

Il-Finlandja

33,4

35,7

-7 %

L-Iżvezja

9,0

9,1

-2 %

Ir-Renju Unit

6 744,5

608,5

91 %

Hemm data limitata disponibbli għal vetturi oħrajn lil hinn mill-arja għall-PAHs. Madankollu, abbażi tal-erba’ Stati Membri li pprovdew data (CZ, ES, NL, UK), l-ilma u r-residwi huma wkoll vetturi ewlenin tal-emissjonijiet għall-PAHs. Tqabbil mal-E-PRTR issuġġerixxa li s-sors ewlieni tal-emissjonijiet tal-PAH fl-ilma kien proċessi ta’ raffinament taż-żejt mhux maħdum, filwaqt li l-iskart ta’ kombustjoni, skart metallurġiku u skart ta’ awtotiswija kienu kollha sorsi importanti għar-residwu.

Il-klorobenżeni (l-eżaklorobenżen u l-pentaklorobenżen)

L-eżaklorobenżen (HCB) ġie identifikat bħala sustanza tal-Anness III fl-2004 u fl-2010, il-pentaklorobenżen (PeCB) żdied mal-Anness I u III tar-Regolament wara ż-żieda tiegħu mal-Konvenzjoni ta’ Stokkolma. Kemm l-HCB kif ukoll il-PeCB kienu ntużaw kummerċjalment bħala pestiċidi, iżda jinħolqu wkoll bħala prodott sekondarju ta’ proċessi industrijali, b’mod partikolari l-manifattura ta’ solventi kloroorganiċi. Il-PeCB intuża wkoll biex titnaqqas il-viskożità tal-PCBs f’tagħmir dielettriku. Kemm l-HCB kif ukoll il-PeCB jistgħu jiġu prodotti wkoll bħala prodott ta’ kombustjoni ta’ fjuwils fossili solidi, żejt għar-rimi u materjal ta’ skart.

L-istimi għall-PeCB huma limitati ħafna b’ħames Stati Membri biss li pprovdew stimi (CZ, ES, NL, AT, UK). L-istimi rrapportati jvarjaw minn anqas minn 0,01 kg għal 50 kg, u għal darba oħra juru varjazzjonijiet kbar bejn Stat Membru u ieħor.

Id-data tal-HCB sottomessa għall-arja fl-Illustrazzjoni 1 turi li 33 % tal-emissjonijiet kollha fl-arja jiġu mill-metallurġija bħala s-sors ewlieni. Madankollu, lil hinn mill-manifattur tal-metalli, il-kombustjoni tal-fjuwils fossili (b’mod partikolari l-faħam) tiddomina ħafna, bil-kombustjoni industrijali tal-fjuwils fossili (25 %), il-kombustjoni domestika (18 %), l-impjanti tal-enerġija (12 %) u l-kombustjonijiet agrikoli tal-fjuwils (1 %) flimkien jammontaw għal aktar minn nofs l-emissjonijiet kollha fl-arja (56 % tal-emissjonijiet kollha).

Illustrazzjoni 2: Mapep ta’ Monitoraġġ tal-EMEP għall-Ewropa. Id-Dijagramma “a” tippreżenta l-konċentrazzjonijiet fl-arja tal-1990, u d-Dijagramma “b” tippreżenta l-konċentrazzjonijiet fl-arja tal-2014

Diossini u Furani             Poliklorobifenili

 

Illustrazzjoni 3: Mapep ta’ Monitoraġġ tal-EMEP għall-Ewropa. Id-Dijagramma “a” tippreżenta l-konċentrazzjonijiet fl-arja tal-1990, u d-Dijagramma “b” tippreżenta l-konċentrazzjonijiet fl-arja tal-2014

Idrokarburi Poliaromatiċi             Eżaklorobenżen

 

Il-monitoraġġ tal-EMEP indika tnaqqis sinifikanti fil-konċentrazzjonijiet fl-arja tal-HCB, li kien naqas b’85 % mill-1990 sal-2015. Madankollu, il-monitoraġġ tal-AMAP tal-arja tal-Artiku ppreżenta stampa differenti bi tnaqqis żgħir ħafna fil-konċentrazzjonijiet fl-arja tal-HCB fiż-żona tal-Artiku.

Hemm disponibbli data limitata ħafna għal stimi ta’ emissjonijiet għal vetturi mhux tal-ajru, bi tmien Stati Membri biss (BE, CZ, IE, ES, FR, NL, SE, UK) jipprovdu tali informazzjoni fir-rapportar tagħhom tal-Artikolu 12 għall-HCB. Barra minn hekk, iċ-Ċekja, Spanja, l-Awstrija u r-Renju Unit ipprovdew stimi tal-emissjonijiet tal-PeCB lil vetturi oħra. Abbażi ta’ dik id-data, l-ilma u r-residwu huma t-tieni l-aktar vetturi ta’ emissjonijiet sinifikanti wara l-arja għall-HCB, bl-ilma u l-art ikunu ta’ importanza kbira għall-PeCB.

4.4.    Attivitajiet li jippromwovu l-iskambju ta’ għarfien

Tmintax-il Stat Membru (BE, BG, CY, CZ, DK, DE, EE, IE, LV, LU, NL, AT, PL, PT, RO, SI, SE, UK) ipprovdew rapporti triennali sħaħ bħala parti mir-rapportar tal-Artikolu 12. Erba’ Stati Membri (EL, IT, HU, MT) ma pprovdew l-ebda rapport annwali jew triennali. Dan għamilha diffiċli li wieħed jikkummenta dwar l-attivitajiet ta’ ċerti Stati Membri rigward l-iskambju tal-għarfien, l-involviment pubbliku, u l-għarfien.

Ir-rapporti disponibbli indikaw li ġew stabbiliti sistemi li jippermettu l-iskambju tal-għarfien u t-tixrid tal-informazzjoni. Disa’ Stati Membri (BG, CZ, DE, FR, NL, PL, SI, RO, UK) ikkummentaw li għamlu użu min-networks tagħhom ta’ skambju ta’ għarfien biex jaħdmu bis-sħiħ mal-partijiet ikkonċernati fl-iżvilupp ta’ pjanijiet ta’ implimentazzjoni nazzjonali biex jiżguraw li l-industrija, l-akkademja, l-organizzazzjonijiet mhux governattivi u l-pubbliku ġenerali kienu involuti u kellhom l-opportunità li jsemmgħu leħinhom fix-xogħol li sar.

Ħmistax-il Stat Membru (BE, CZ, DK, DE, IE, ES, FR, LV, LU, NL, PL, SI, SK, FI, SE) ipprovdew ukoll jew appoġġ finanzjarju jew appoġġ tekniku matul il-perjodu 2013-2015. Dan kien fil-biċċa l-kbira permezz ta’ skemi organizzati bħall-Fond Globali għall-Ambjent (GEF) jew l-Approċċ Strateġiku għall-Immaniġġar Internazzjonali ta’ Sustanzi Kimiċi (SAICM).

Flimkien mal-appoġġ għall-iskemi globali, bosta Stati Membri kkummentaw ukoll dwar l-inizjattivi nazzjonali li kienu twettqu, li kienu jinkludu:

§l-ospitar ta’ workshops u konferenzi għal esperti internazzjonali;

§il-finanzjament ta’ programmi ta’ riċerka għal ħidma fuq l-iskart ta’ POPs fl-Afrika;

§il-finanzjament ta’ programmi ta’ riċerka għall-monitoraġġ tal-Artiku;

§il-komunikazzjoni bilaterali u l-bini tal-għarfien ma’ pajjiżi mhux tal-UE; u

§l-programmi ta’ riċerka dwar il-preżenza ta’ POPs fi Stati li qabel kienu jiffurmaw parti mill-Unjoni Sovjetika.

L-Istati Membri kkummentaw ukoll dwar il-ħidma biex jinħoloq għarfien u jkun hemm djalogu mal-pubbliku ġenerali. Ġew stabbiliti attivitajiet biex jippromwovu l-għarfien dwar kwistjonijiet relatati ma’ POPs permezz ta’ għadd ta’ inizjattivi bħal:

§il-produzzjoni ta’ informazzjoni li għandha tinqasam mal-pubbliku ġenerali;

§workshops u seminars għall-organizzazzjonijiet tal-partijiet ikkonċernati;

§kampanji u kwestjonarji ta’ sensibilizzazzjoni biex jinkiseb feedback mill-pubbliku ġenerali.

5.5.    Konklużjonijiet

Ir-raba’ rapport ta’ sinteżi jkopri l-aspetti kollha meħtieġa mir-Regolament dwar il-POPs u l-implimentazzjoni tiegħu fil-livell tal-Unjoni u tal-Istati Membri. Din it-taqsima qasira tislet xi konklużjonijiet dwar il-ħidma mwettqa u l-progress li sar biex jiġu eliminati l-POPs fl-Unjoni.

Il-produzzjoni, it-tqegħid fis-suq u l-użu ta’ sustanzi kimiċi

Il-produzzjoni tal-POPs kienet limitata biss għall-PFOS, u l-volum tal-produzzjoni għall-PFOS fil-perjodu ta’ bejn l-2013 u l-2015 kien qiegħed jonqos b’mod qawwi (tnaqqis minn 9 tunnellati fis-sena għal 2,4 tunnellati). Barra minn hekk, għadd żgħir ta’ Stati Membri kienu għadhom qegħdin jimportaw l-HBCDD u l-SCCPs. Xi Stati Membri għamlu użu mid-deroga għall-importazzjoni/l-esportazzjoni tal-POPs għall-finijiet ta’ riċerka jew ta’ analiżi.

L-attivitajiet ta’ infurzar identifikaw kwistjonijiet potenzjali bl-HCB fil-logħob tan-nar fi tliet Stati Membri, assoċjati mal-importazzjoni tal-logħob tan-nar. Dan kien relatat primarjament ma’ logħob tan-nar immanifatturat fl-Asja, b’mod partikolari fiċ-Ċina. Każijiet oħrajn ta’ infurzar identifikaw kwistjonijiet possibbli dwar l-SCCPs fil-ġugarelli u f’oġġetti oħrajn (b’mod partikolari dwal tal-Milied). PFOS ġie identifikat ukoll fl-istokkijiet li kien fadal u li kienu għadhom qegħdin jintużaw tal-fowms għat-tifi tan-nar.

Immaniġġar tal-iskart u siti kkontaminati

Il-maġġoranza tal-Istati Membri għamlu progress tajjeb fit-tneħħija u l-eliminazzjoni finali tal-PCBs minn tagħmir dielettriku. Ħdax minn 13-il Stat Membru stmaw li l-istokkijiet li jifdal huma anqas minn 10 % meta mqabbla ma’ linja bażi tal-1990. Żewġ Stati Membri oħrajn kkummentaw li jistgħu jeżistu riżervi aktar sinifikanti (30 % u 49 % meta mqabbla mal-livelli tal-1990, rispettivament).

Il-maġġoranza tal-Istati Membri kellhom mekkaniżmi biex jidentifikaw, jiġbru u jeqirdu pestiċidi obsoleti li jista’ jkun fihom il-POPs. Ma ġiet irrapportata l-ebda riżerva ta’ pestiċidi obsoleti. Madankollu, erba’ Stati Membri identifikaw riżervi ta’ PFOS (fil-biċċa l-kbira relatati ma’ fowms għat-tifi tan-nar), li kienu ġestiti b’mod xieraq għall-qerda finali.

Xi Stati Membri enfasizzaw ukoll l-isfidi b’art u POPs ikkontaminati li jirrikjedu mmaniġġar attiv għal ħafna snin wara li tkun seħħet il-kontaminazzjoni inizjali.

Emissjonijiet Ambjentali u Konċentrazzjonijiet Ambjentali

Id-data dwar l-emissjoni tas-sustanzi tal-Anness III turi tnaqqis qawwi mill-1990, bid-data ta’ monitoraġġ għall-konċentrazzjonijiet tal-arja ambjentali (ara l-Illustrazzjoni 3) turi titjib ċar.

Is-sorsi ewlenin tal-emissjonijiet tal-POPs ivarjaw skont is-sustanza, iżda bħala tema komuni, il-kombustjoni ta’ fjuwils solidi u skart (kemm f’ambjent industrijali kif ukoll domestiku) hija importanti, kif inhi l-manifattura tal-metalli. Sett ta’ sorsi aktar esklużiv huwa importanti għall-POPs speċifiċi, eż. it-tnixxija minn tagħmir dielettriku hija kruċjali għall-PCBs.

Id-data dwar l-emissjonijiet hija faċilment disponibbli għall-emissjonijiet fl-arja, filwaqt li d-data għal vetturi oħrajn hija ħafna aktar limitata. B’mod partikolari, id-data dwar l-istima tal-emissjonijiet għall-ilma u l-art ġiet irrapportata minn seba’ u erba’ Stati Membri biss, rispettivament, mingħajr l-ebda xejra ċara li tippermetti analiżi komparattiva. Barra minn hekk, id-data sottostanti użata f’tali rapporti għandha tiġi prodotta f’format armonizzat sabiex tkun tista’ tiġi inkorporata faċilment fl-IPCHeM.

L-iskambju tal-għarfien u l-assistenza finanzjarja u teknika

18 biss minn 28 Stat Membru pprovdew rapportar sħiħ meħtieġ biex dan is-suġġett speċifiku jiġi vvalutat bis-sħiħ. Madankollu, għal dawk li rrapportaw, kollha stabbilew networks ta’ komunikazzjoni għall-POPs biex jiffaċilitaw id-diskussjoni bejn dawk li jfasslu l-politika, l-industrija, l-akkademiċi u l-pubbliku ġenerali. Il-maġġoranza stabbilew sistemi biex ifittxu l-involviment tal-pubbliku bħala parti mill-iżvilupp kontinwu tal-pjanijiet nazzjonali ta’ implimentazzjoni.

L-Unjoni u l-Istati Membri appoġġaw b’mod sostanzjali l-ħidma skont il-Konvenzjoni permezz tal-ħlas tal-kontribuzzjoni obbligatorja tagħhom bħala Parti u permezz ta’ kontribuzzjonijiet għall-Fond Fiduċjarju Volontarju Speċjali. Ħmistax-il Stat Membru ddikjaraw li huma appoġġaw il-ħidma internazzjonali fuq il-POPs jew finanzjarjament jew teknikament, b’finanzjament għall-Fond għall-Ambjent Dinji bħala perkors primarju biex jiġi pprovdut l-appoġġ tagħhom.

(1)

Fl-Anness I, il-Parti A tar-Regolament dwar il-POPs tistabbilixxi limiti kritiċi għall-PFOS (li ma jridux jinqabżu) ta’ 10 mg/kg fejn preżenti f’sustanzi jew f’taħlitiet. Barra minn hekk, għal oġġetti jew partijiet minnhom, il-konċentrazzjoni tal-PFOS trid tkun anqas minn 0,1 % skont il-piż.

(2)

http://www.ceip.at/

(3)

Innota li l-istimi tal-pentaklorobenżen għall-emissjonijiet fl-arja ma kinux disponibbli mill-bażi ta’ data webdab tal-EMEP fiż-żmien tal-kitba.

(4)

Skont il-Konvenzjoni ta’ Stokkolma, “residwu” huwa preżunt li jikkostitwixxi skart ikkontaminat mill-POPs li jintrema b’mod ikkontrollat; dan ivarja minn “art” li hija rilaxx dirett mhux ikkontrollat ta’ materjal għall-art.

(5)

Innota li d-WID aktar tard ġiet sostitwita bid-Direttiva dwar l-Emissjonijiet Industrijali. Madankollu, il-wasla tad-WID ikkontribwiet direttament biex ittejjeb b’mod sinifikanti l-kontroll tal-proċess u t-tnaqqis għall-impjant tal-inċinerazzjoni.