Brussell, 31.8.2022

COM(2022) 419 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL

rapport għall-2016-2020 dwar l-implimentazzjoni tal-iskema ta' għajnuna nazzjonali fuq terminu twil għall-agrikoltura fir-reġjuni tat-Tramuntana tal-Finlandja u tal-Iżvezja skont id-Deċiżjoni C(2009) 3067, kif emendata bid-Deċiżjoni C(2009) 9122, id-Deċiżjoni C(2013) 2809 u d-Deċiżjoni C(2015) 2790, u d-Deċiżjoni (UE) 2018/672 fir-rigward tal-Finlandja u d-Deċiżjoni C(2010) 6050 u d-Deċiżjoni (UE) 2018/479 fir-rigward tal-Iżvezja


WERREJ

1.    INTRODUZZJONI    

2.    PRINĊIPJI ĠENERALI TAL-GĦAJNUNA NORDIKA    

2.1.    Objettivi tal-Għajnuna    

2.2.    Awtorizzazzjonijiet tal-Kummissjoni    

2.3.    Reġjuni koperti mill-għajnuna    

2.4.    Relazzjoni mal-produzzjoni    

3.    GĦAJNUNA NORDIKA FIL-FINLANDJA 2016-2020    

3.1.    Awtorizzazzjonijiet mogħtija    

3.2.    Għajnuna żborżata    

3.3.    Volumi tal-produzzjoni fiż-żona ta’ għajnuna Nordika    

3.4.    Żvilupp tal-ekonomija agrikola fir-reġjuni ta’ għajnuna Nordika    

4.    GĦAJNUNA NORDIKA FL-IŻVEZJA BEJN L-2016 U L-2020    

4.1.    Awtorizzazzjonijiet mogħtija    

4.2.    Għajnuna żborżata    

4.3.    Volumi tal-produzzjoni fiż-żona ta’ Għajnuna    

4.4.    Żvilupp tal-ekonomija agrikola fir-reġjun ta’ Għajnuna    

5.    KONKLUŻJONIJIET    

5.1.    Il-Finlandja    

5.2.    L-Iżvezja    

 

1.    INTRODUZZJONI

Skont l-Artikolu 142 tal-Att ta’ Adeżjoni mal-Unjoni Ewropea tal-Awstrija, il-Finlandja u l-Iżvezja 1 , il-Kummissjoni awtorizzat lill-Finlandja u lill-Iżvezja biex jagħtu għajnuna nazzjonali fit-tul għall-agrikoltura fir-reġjuni tat-Tramuntana, bl-iskop li tibqa’ ssir l-attività agrikola. Din l-għajnuna tissejjaħ l-għajnuna Nordika (“l-Għajnuna”).

Dan ir-rapport qed jiġi ppreżentat lill-Kunsill f’konformità mal-obbligu ta’ rapportar tal-Artikolu 143(2) tal-Att ta’ Adeżjoni, fejn huwa stipulat li l-Kummissjoni, sena wara l-adeżjoni u sussegwentement kull ħames snin, għandha tippreżenta rapport lill-Kunsill dwar l-awtorizzazzjonijiet mogħtija u r-riżultati tal-għajnuna mogħtija fl-ambitu ta’ tali awtorizzazzjonijiet. Ir-rapporti preċedenti ġew ippreżentati fl-1996, fl-2002 2 , fl-2007 3 , fl-2012 4 u fl-2017 5 .

2.    PRINĊIPJI ĠENERALI TAL-GĦAJNUNA NORDIKA

2.1.    Objettivi tal-Għajnuna

L-Għajnuna tingħata, b’mod partikolari, biex jibqgħu jsiru l-produzzjoni primarja tradizzjonali u l-ipproċessar adattat b’mod naturali għall-kundizzjonijiet klimatiċi tar-reġjuni konċernati, biex jittejbu l-istrutturi għall-produzzjoni, il-kummerċjalizzazzjoni u l-ipproċessar ta’ prodotti agrikoli, biex jiġi ffaċilitat ir-rimi ta’ tali prodotti u biex jiġi żgurat li l-ambjent ikun protett u l-kampanja tiġi kkonservata.

2.2.    Awtorizzazzjonijiet tal-Kummissjoni

L-Għajnuna hija awtorizzata bid-Deċiżjoni C(2009)3067, kif emendata mid-Deċiżjoni C(2009)9122, id-Deċiżjoni C(2013)2809 u d-Deċiżjoni C(2015)2790, u sussegwentement mid-Deċiżjoni (UE) 2018/672, innotifikata fid-dokument C(2016) 8419 għall-Finlandja u mid-Deċiżjoni C(2010)6050 u d-Deċiżjoni (UE) 2018/479, innotifikata fid-dokument C(2018) 1622 għall-Iżvezja. L-estensjoni tal-iskema għall-Finlandja għall-2022-2027 kien magħmul permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/2312, innotifikata fid-dokument C(2021) 8773, li ma taqax taħt l-obbligu ta’ rapportar ta’ dan ir-rapport ta’ ħames snin.

Il-kundizzjonijiet bażiċi huma stabbiliti fl-Artikolu 142(3) tal-Att ta’ Adeżjoni; l-ammont totali tal-għajnuna mogħtija jenħtieġ li jkun biżżejjed biex tibqa’ ssir l-attività agrikola fir-reġjuni tat-Tramuntana iżda ma jistax iwassal għal appoġġ ġenerali li jaqbeż il-livell ta’ appoġġ li jkun hemm matul perjodu ta’ referenza ta’ qabel l-adeżjoni, definit fl-awtorizzazzjonijiet. Barra minn hekk, fir-rigward tal-livelli ta’ referenza, kif iddeterminati mill-Kummissjoni, l-għajnuna ma tistax tintrabat ma’ produzzjoni futura jew tintroduċi żieda fil-produzzjoni.

2.3.    Reġjuni koperti mill-għajnuna

Ir-reġjuni koperti bl-iskema ta’ Għajnuna (l-Illustrazzjoni 1) huma definiti fid-Deċiżjonijiet rispettivi, jinsabu fit-Tramuntana tat-62 parallel u f’xi żoni qrib li jinsabu fin-Nofsinhar tal-parallel affettwati minn kundizzjonijiet klimatiċi li jixxiebhu u li jagħmlu l-attività agrikola pjuttost diffiċli. Il-fatturi kkunsidrati meta jiġu ddeterminati ż-żoni huma densità tal-popolazzjoni baxxa (massimu ta’ 10 residenti/km2), l-Erja Agrikola Utilizzata (EAU) bħala proporzjon tal-erja totali (<10 %), l-erja agrikola użata għall-kultivazzjoni tal-għelejjel maħsuba għall-konsum uman bħala proporzjon tal-EAU (≤ 20 %), u l-muniċipalitajiet imdawra b’oħrajn f’żoni li ssemmew qabel (anke meta ma jissodisfawx l-istess rekwiżiti).

Fil-Finlandja, iż-żona ta’ Għajnuna rrappurtata f’dan ir-rapport tkopri 1 417 140 ettaru (ha) ta’ EAU (55,5 % tal-EAU totali) u fl-Iżvezja 335 881 ha ta’ EAU (11 % tal-EAU totali).

Illustrazzjoni 1: Żoni ta’ appoġġ fil-Finlandja (C1-C4) u fl-Iżvezja (1-3)

2.4.    Relazzjoni mal-produzzjoni

L-Għajnuna hija limitata għal setturi agrikoli speċifiċi, kif definit għal kull Stat Membru fid-Deċiżjoni rispettiva.

L-Għajnuna tingħata abbażi ta’ unitajiet ta’ produzzjoni, jew unitajiet ta’ bhejjem (LU) jew ettari, bl-eċċezzjoni tal-appoġġ għall-ħalib u t-trasport tiegħu, fejn jiġu appoġġati l-kwantitajiet imqassma u ttrasportati. L-għajnuna tal-Finlandja għar-renni tingħata abbażi ta’ kull annimal.

Fir-rigward ta’ perjodu ta’ referenza, l-Għajnuna ma tistax tintrabat ma’ produzzjoni futura jew tintroduċi żieda fil-produzzjoni. Il-perjodi ta’ referenza huma stipulati fid-Deċiżjoni rispettiva għal kull Stat Membru għal kull settur.

3.    GĦAJNUNA NORDIKA FIL-FINLANDJA 2016-2020

3.1.    Awtorizzazzjonijiet mogħtija

Matul il-perjodu ta’ rapportar, l-obbligi ta’ rapportar għall-awtorizzazzjonijiet mogħtija nbidlu biex tiġi ssimplifikata s-sistema ta’ Għajnuna. L-informazzjoni għall-awtorizzazzjonijiet mogħtija għas-snin fil-perjodu ta’ rapportar ġiet ipprovduta f’konformità mad-Deċiżjonijiet rispettivi u hija ppreżentata fit-Tabelli 1 u 2 hawn taħt.



Tabella 1: Għajnuna awtorizzata matul l-2016 f’konformità mad-Deċiżjoni C(2015)2790

Għajnuna

medja massima

permessa / unità 6

Unità

Għajnuna massima

permessa skont il-kategorija

(f’miljuni ta’ EUR) 7

Għadd massimu

ta’ fatturi ta’ produzzjoni

eleġibbli

1. ĦALIB

10,9

ċenteżimi/kg

193,7

1 776 765 t 8

2. RUMINANTI

97,7

Bovini

9

546

EUR/LU

181 000 LU

Nagħaġ u mogħoż nisa

584

EUR/LU

Żwiemel

252

EUR/LU

3. ĦNIEŻER U POLLAM

10

266

EUR/LU

37,0

4. ORTIKULTURA

25,4

Serer

11

11,3

EUR/m2

202,9 ha

Ħżin ta’ prodotti ortikulturali

12

18,5

EUR/m3

5. PRODUZZJONI TAL-GĦELEJJEL

58,3

Għajnuna ġenerali bbażata fuq l-ettari

13

37

EUR/ha

881 825 ha

Għajnuna għal ċerti għelejjel

14

145

EUR/ha

62 475 ha

Għajnuna għal bdiewa żgħażagħ

15

36

EUR/ha

6. GĦAJNUNA OĦRA

14,9

Renna

16

36

EUR/annimal

171 100 annimali

Għajnuna għat-trasport tal-ħalib u l-laħam

17

Servizzi ta’ salvagwardja għall-produzzjoni

tal-bhejjem

18

Għajnuna għall-ħżin ta’ frott artab u

faqqiegħ salvaġġ

19

0,10–0,42

EUR/kg

Għajnuna oħra

20

Tabella 2: Għajnuna awtorizzata matul il-perjodu bejn l-2017 u l-2020 f’konformità mad-Deċiżjoni (UE) 2018/672, innotifikata fid-dokument C(2016)8419

Kategorija ta’ għajnuna

Setturi tal-produzzjoni

Għajnuna annwali medja massima fil-perjodu bejn l-1 ta’ Jannar 2017 u l-31 ta’ Diċembru 2021 (f’miljuni ta’ EUR) 21

Għadd massimu annwali ta’ fatturi ta’ produzzjoni eliġibbli

1. Żooteknika

Ħalib tal-baqar, annimali bovini, nagħaġ u mogħoż nisa, żwiemel, ħnieżer u pollam

433,7 li minnu 216,9 huwa ħalib tal-baqar

227 200 baqar tal-ħalib 
181 000 LU oħrajn 
139 200 ħnieżer u pollam LU

2. Produzzjoni tal-pjanti

Produzzjoni fl-għelieqi u fis-serer, ħżin ta’ prodotti ortikulturali

110,5

944 300 ha għall-produzzjoni fl-għelieqi li minnu 481 200 ha ta’ art bil-ħaxix; 203 ha ta’ produzzjoni fis-serer

3. Għajnuna oħra

Renni, trasport tal-ħalib u tal-laħam, servizzi li huma indispensabbli għall-produzzjoni tal-bhejjem, ħżin tal-frott artab salvaġġ u tal-faqqiegħ salvaġġ

19,7

171 100 renna

GĦAJNUNA TOTALI

563,9

3.2.    Għajnuna żborżata 

Għajnuna Nordika

Fil-perjodu ta’ rapportar, l-għajnuna Nordika annwali żborżata fil-Finlandja rrispettat il-livelli massimi stabbiliti fid-Deċiżjonijiet. L-ammonti totali ta’ Għajnuna żborżati baqgħu pjuttost kostanti matul il-perjodu ta’ rapportar. Il-kategoriji għar-rapportar dwar l-Għajnuna ġew issimplifikati matul il-perjodu ta’ rapportar, u l-formati tat-tabelli ta’ hawn taħt jikkorrispondu għar-rekwiżiti rispettivi.



Tabella 3: Għajnuna Nordika żborżata fil-Finlandja fl-2016 (f’miljuni ta’ EUR)

Settur appoġġat

2016

Ħalib

161,10

Ruminanti

72,66

Ħnieżer u pollam

17,41

Ortikultura

16,80

Produzzjoni tal-għelejjel

9,99

Għajnuna oħra

14,30

Total

292,26

Tabella 4: Għajnuna Nordika żborżata fil-Finlandja bejn l-2017 u l-2020 (f’miljuni ta’ EUR)

Settur appoġġat

2017

2018

2019

2020

Żooteknika

258,51

259,49

255,15

253,31

Produzzjoni tal-pjanti

34,06

33,31

33,27

32,66

Għajnuna oħra

7,60

7,00

6,90

6,98

Total

300,17

299,80

295,32

292,95

Appoġġ totali fiż-żona ta’ għajnuna Nordika

L-agrikoltura fiż-żoni li jingħataw appoġġ fl-iskema ta’ Għajnuna tibbenifika wkoll minn strumenti ffinanzjati mil-UE. L-appoġġ għaż-żoni żvantaġġati (ANC) u l-miżuri agroambjentali (AECM) huma ta’ importanza partikolari għas-settur agrikolu fiż-żoni ta’ appoġġ. Id-Deċiżjoni (UE) 2018/672, innotifikata fid-dokument C(2018) 8419, iffissat il-livell massimu ta’ appoġġ globali fiż-żona ta’ Għajnuna għajnuna għal EUR 1 118.9 miljun (fil-livell tal-1993). It-tabella 3 turi li l-għajnuna żborżata fiż-żona ta’ Għajnuna fis-snin 2016-2020 irrispettat il-livell massimu stabbilit fid-Deċiżjoni.



Tabella 5: Sommarju tal-għajnuna annwali totali żborżata fiż-żona ta’ Għajnuna fil-Finlandja, inkluż għajnuna tal-UE (f’miljuni ta’ EUR)

Sena

Għajnuna diretta, iffinanzjata kompletament mill-UE

ANC, inkluż għajnuna nazzjonali skont ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat

Appoġġ AE

Għajnuna Nordika

Total

2016

288,70

314,10

169,00

292,26

1 064.06

2017

239,90

311,60

155,80

300,17

1 007.47

2018

239,90

311,60

155,20

299,80

1 006.50

2019

236,30

309,80

155,30

295,32

996,72

2020

236,50

307,90

155,60

292,95

992,95

3.3.    Volumi tal-produzzjoni fiż-żona ta’ għajnuna Nordika

Settur tal-ħalib

Il-produzzjoni tal-ħalib hija l-aktar settur sinifikanti appoġġat mill-iskema ta’ Għajnuna Nordika fil-Finlandja. Matul il-perjodu ta’ rapportar, madwar 80 % tal-ħalib Finlandiż ġie prodott fiż-żona ta’ Għajnuna, u s-sehem tal-produzzjoni nazzjonali totali baqa’ pjuttost kostanti matul il-perjodu ta’ rapportar. Il-produzzjoni hija kkonċentrata fiż-żona C2 (ara l-Illustrazzjoni 1).

Matul il-perjodu ta’ rapportar, il-volum tal-produzzjoni tal-ħalib fiż-Żona tal-Għajnuna baqa’ kostanti. Barra miż-żona ta’ għajnuna Nordika, il-produzzjoni naqset b’6 %. F’dan il-kuntest, l-istabbiltà tal-livelli tal-produzzjoni fiż-żona ta’ Għajnuna turi li l-iskema ta’ Għajnuna effettivament issodisfat l-għan tagħha li żżomm l-attività agrikola fir-reġjuni tat-Tramuntana kif stabbilit fid-Deċiżjonijiet.

Ruminanti

Matul il-perjodu ta’ rapportar, madwar 81 % tal-produzzjoni taċ-ċanga Finlandiża seħħet fiż-żona ta’ għajnuna Nordika. Il-produzzjoni baqgħet kostanti matul il-perjodu ta’ rapportar, u esperjenzat varjazzjoni biss f’marġni ta’ 2 %. Iż-żona C2 (ara l-Illustrazzjoni 1) kellha l-ogħla volumi tal-produzzjoni li jammontaw għal madwar 60 % tal-produzzjoni taċ-ċanga fiż-żona ta’ Għajnuna Nordika. L-istabbiltà tal-livelli tal-produzzjoni turi li l-Għajnuna hawnhekk issodisfat l-għan tagħha li żżomm l-attività agrikola fiż-żona ta’ Għajnuna kif stabbilit fid-Deċiżjonijiet.

Ħnieżer u pollam

Fil-livell nazzjonali, madwar nofs il-produzzjoni tal-laħam tal-majjal isseħħ fiż-żona ta’ Għajnuna Nordika. Il-produzzjoni naqset b’madwar 6 % bejn l-2016 u l-2020 fiż-żona ta’ Għajnuna. Madankollu, fil-bqija tal-pajjiż it-tnaqqis fil-produzzjoni kien ftit akbar. Dan il-kuntrast juri r-rwol tal-Għajnuna Nordika fiż-żamma tal-produzzjoni agrikola. Il-produzzjoni tal-laħam tal-majjal hija kkonċentrata fir-reġjun ta’ Għajnuna li jinsab l-aktar fin-Nofsinhar (C1, ara l-Illustrazzjoni 1), bi ftit aktar minn 70 % tal-produzzjoni kollha fiż-żona ta’ Għajnuna li sseħħ f’dan ir-reġjun.

Il-produzzjoni tal-laħam tal-pollam (inkluż it-tiġieġ tas-simna u d-dundjan) baqgħet pjuttost kostanti matul il-perjodu ta’ rapportar. Il-produzzjoni tal-pollam hija kkonċentrata fir-reġjun ta’ Għajnuna C1 (ara l-Illustrazzjoni 1).

Ortikultura

Matul il-perjodu ta’ rapportar, il-produzzjoni tal-ortikultura baqgħet pjuttost kostanti, hekk kif il-produzzjoni totali varjat b’marġni ta’ madwar 3 % biss.

Fir-rapportar għall-ortikultura, id-data għaż-żoni taħt produzzjoni fis-serer għal perjodu qasir (xahrejn sa seba’ xhur) u fit-tul (seba’ xhur jew aktar) hija ddifferenzjata. L-analiżi tad-data distinta f’dan il-livell turi bidliet aktar sinifikanti.

Il-produzzjoni tal-ortikultura fuq perjodu qasir naqset b’7 % fiż-żona ta’ Għajnuna matul il-perjodu ta’ rapportar. Fil-livell nazzjonali, madwar nofs il-produzzjoni ortikulturali fuq perjodu qasir seħħ fiż-żona ta’ Għajnuna, bil-produzzjoni li hija kkonċentrata fir-reġjun ta’ Għajnuna C1 (ara l-Illustrazzjoni 1).

Il-produzzjoni tal-ortikultura fit-tul żdiedet b’madwar 5 % fiż-żona ta’ Għajnuna matul il-perjodu ta’ rapportar. Madwar 59 % tal-produzzjoni nazzjonali fit-tul seħħet fiż-żona ta’ Għajnuna, bil-produzzjoni li hija kkonċentrata fir-reġjun ta’ Għajnuna C1 (ara l-Illustrazzjoni 1).

L-iżviluppi fil-produzzjoni tal-ortikultura juru li l-iskema ta’ Għajnuna ssodisfat l-għan tagħha li żżomm il-produzzjoni agrikola, peress li l-produzzjoni totali fis-serer baqgħet pjuttost kostanti, minkejja xi bidliet li jistgħu jiġu distinti biss fuq livell ta’ analiżi aktar raffinat.

Produzzjoni tal-għelejjel

Il-produzzjoni tal-għelejjel taċ-ċereali u tal-pitravi ħelu hija kkonċentrata l-aktar fir-reġjuni A u B (ara l-Illustrazzjoni 1), barra miż-żona ta’ Għajnuna. Id-data għal-livelli tal-produzzjoni tal-għelejjel ma hijiex disponibbli differenzjata skont ir-reġjun ta’ appoġġ. Madankollu, jista’ jiġi ddeterminat li, minħabba l-kundizzjonijiet klimatiċi u ġeografiċi, il-livelli tal-produzzjoni tal-għelejjel huma ferm aktar baxxi fiż-żona ta’ Għajnuna meta mqabbla mal-parti tan-Nofsinhar tal-pajjiż.

B’kuntrast, il-kultivazzjoni tal-ħaxix hija kkonċentrata fir-reġjuni tat-Tramuntana, peress li l-ħaxix spiss jiġi kkultivat f’farms tal-ifrat. Meta mqabbla mal-produzzjoni tal-għelejjel, il-kultivazzjoni tal-ħaxix hija relattivament orħos fiż-żona ta’ Għajnuna. Fil-livell nazzjonali, aktar minn nofs l-għelejjel għall-għalf tal-annimali jiġu prodotti fiż-żona ta’ Għajnuna, u l-biċċa l-kbira tal-patata tal-lamtu titkabbar fir-reġjuni ta’ Għajnuna C1 u C2 (ara l-Illustrazzjoni 1).

Għajnuna oħra

L-iskema ta’ Għajnuna Nordika fil-Finlandja tinkludi appoġġ għar-renni fuq bażi ta’ kull annimal. L-għadd massimu ta’ fatturi ta’ produzzjoni eliġibbli stabbiliti fid-Deċiżjonijiet ġie rrispettat fil-perjodu ta’ rapportar. Il-parti li jifdal tal-għajnuniet l-oħrajn ma hijiex marbuta direttament mal-produzzjoni.

Konklużjonijiet relatati mal-volumi tal-produzzjoni

Bħala konklużjoni, l-Għajnuna Nordika tgħin biex jinżammu livelli stabbli ta’ produzzjoni fiż-żona ta’ Għajnuna fil-Finlandja. Il-produzzjoni totali tas-setturi appoġġati baqgħet relattivament kostanti fiż-żona ta’ Għajnuna matul il-perjodu ta’ rapportar. L-għadd massimu ta’ fatturi ta’ produzzjoni eliġibbli fil-kategoriji ta’ produzzjoni differenti ġie effettivament irrispettat matul il-perjodu ta’ rapportar.

3.4.    Żvilupp tal-ekonomija agrikola fir-reġjuni ta’ għajnuna Nordika

Fil-perjodu ta’ rapportar, kien hemm madwar 47 000 farm fil-Finlandja, li minnhom 58 % kienu jinsabu fiż-żona ta’ Għajnuna. Din iċ-ċifra tirrappreżenta tnaqqis ta’ 8 % minn linja bażi tal-2015. Fil-perjodu ta’ rapportar, l-għadd ta’ farms naqas bejn is-setturi u r-reġjuni ta’ Għajnuna. L-iżvilupp kien ftit aktar mgħaġġel fir-reġjuni ta’ Għajnuna li jinsabu l-aktar fin-Nofsinhar C1 u C2P (ara l-Illustrazzjoni 1) milli fil-bqija taż-żona ta’ Għajnuna.

L-għadd ta’ farms tal-ħalib naqas b’mod aktar rapidu mir-rata nazzjonali ta’ tnaqqis fl-għadd ta’ farms. Anke bl-Għajnuna riċevuta, ir-rata ta’ tnaqqis fl-għadd ta’ farms tal-ħalib fiż-żona ta’ Għajnuna u fil-bqija tal-pajjiż kien bejn wieħed u ieħor ugwali: madwar wieħed minn kull erba’ farms tal-ħalib waqqaf il-produzzjoni matul il-perjodu ta’ rapportar. Fir-reġjun ta’ Għajnuna C4 (ara l-Illustrazzjoni 1) madwar kull wieħed minn kull tliet farms tal-ħalib għalaq. L-iżvilupp avvers tal-ekonomija agrikola fis-settur tal-ħalib juri b’mod effettiv il-kuntest ekonomiku li fih tiġi applikata l-Għajnuna Nordika, kif ukoll l-impatt tagħha: minkejja l-għadd dejjem jonqos ta’ farms, il-produzzjoni nżammet għal livell kostanti.

It-tibdil fil-farms taċ-ċanga saret aktar bil-mod mill-bidla fil-farms tal-ħalib. Ir-rati ta’ tibdil fiż-żona ta’ Għajnuna jvarjaw bejn ir-reġjuni ta’ Għajnuna. Fir-reġjun C2P (ara l-Illustrazzjoni 1), aktar minn wieħed minn kull ħames farms taċ-ċanga għalqu, iżda fir-reġjun C1 (ara l-Illustrazzjoni 1), 2 % biss tal-farms taċ-ċanga temmew l-operazzjonijiet tagħhom matul il-perjodu ta’ rapportar. B’kuntrast, fuq livell nazzjonali, l-għadd ta’ farms li jipproduċu ċ-ċanga naqas b’aktar minn 8 %. Din id-differenza turi r-rwol tal-Għajnuna Nordika fiż-żamma tal-produzzjoni.

L-għadd ta’ farms tal-pollam fiż-żona ta’ Għajnuna baqa’ pjuttost kostanti matul il-perjodu ta’ rapportar, u dan jerġa’ juri l-impatt tal-Għajnuna fiż-żamma tal-produzzjoni agrikola fir-reġjuni tat-Tramuntana.

Minkejja l-iskema ta’ Għajnuna, xi setturi fiż-żona ta’ Għajnuna esperjenzaw ħruġ sinifikanti, li parzjalment juri l-kundizzjonijiet ekonomiċi ħżiena tal-bdiewa u l-profittabbiltà baxxa tal-agrikoltura fil-Finlandja. L-għadd ta’ farms tal-għelejjel naqas b’mod sinifikanti matul il-perjodu ta’ rapportar (eż. -45 % fir-reġjun C2P u -35 % f’C3, ara l-Illustrazzjoni 1) iżda r-rata relattiva ta’ tnaqqis l-ewwel nett tista’ tiġi attribwita parzjalment għall-ammont assolut żgħir ta’ farms tal-għelejjel fiż-żona ta’ Għajnuna. Fiż-żoni barra miż-żona ta’ Għajnuna, l-għadd ta’ farms tal-għelejjel naqas bi 11 %. Barra minn hekk, l-għadd ta’ farms ortikulturali naqas ukoll (-19 % fil-livell nazzjonali, -23 % fir-reġjun C3, ara l-Illustrazzjoni 1).

Barra minn hekk, l-għadd ta’ farms tal-ħnieżer naqas b’mod sinifikanti. Ir-reġjuni tat-Tramuntana C2P u C3 għandhom biss ftit farms tal-ħnieżer u r-reġjun l-aktar fit-Tramuntana ta’ C4 ma għandu l-ebda farm (ara l-Illustrazzjoni 1 għaż-żoni).

Is-sinifikat tal-għajnuna nazzjonali għall-profitt totali tal-farms varja fost is-setturi tal-produzzjoni u r-reġjuni ta’ Għajnuna. Is-sinifikat jiżdied lejn it-Tramuntana fis-setturi kollha. Fis-snin 2016 - 2019, is-sinifikat kien l-ogħla fil-produzzjoni tal-ħalib (10,4 % ta’ profitt fir-reġjun C1, 11,5 % f’C2, 12 % f’C2P, 19,2 % f’C3) u farms tal-ifrat (10 % f’C1, 11,3 % f’C2, 16,2 % f’C3). Dawn huma wkoll is-setturi, fejn l-għadd ta’ farms baqa’ pjuttost kostanti matul il-perjodu ta’ rapportar, u dan juri r-rwol tal-Għajnuna Nordika fiż-żamma tal-produzzjoni agrikola fit-Tramuntana. Is-sinifikat għall-profitt totali tal-farms kien l-aktar baxx fl-ortikultura (1,1 % f’C1, 1,2 % f’C2).

Skont l-istitut tar-riċerka ekonomika, ir-Riċerka Ekonomika ta’ Pellervo, huwa diffiċli li jiġi ddeterminat l-impatt dirett tal-Għajnuna Nordika fuq is-sitwazzjoni ekonomika ġenerali fiż-żona ta’ Għajnuna, peress li determinanti bħal għajnuna oħra, fatturi ta’ politika u tas-soċjetà għandhom rwol fit-tfassil tiegħu wkoll. Madankollu, fid-dawl tad-data dwar l-impjiegi u l-għadd ta’ intrapriżi, jista’ jiġi stabbilit li r-reġjuni C tat-Tramuntana (ara l-Illustrazzjoni 1) huma fi żvantaġġ meta mqabbla mar-reġjun agrikolu li jinsab l-aktar fin-Nofsinhar A (ara l-Illustrazzjoni 1). L-impjiegi agrikoli huma proporzjonalment aktar sinifikanti fiż-żona ta’ Għajnuna (eż. madwar 8 % tal-impjiegi totali fir-reġjun C2) milli fil-bqija tal-pajjiż (eż. 0,8 % fir-reġjun A). Is-sehem għoli tal-impjiegi agrikoli tal-popolazzjoni totali fiż-żona ta’ Għajnuna Nordika jenfasizza l-importanza tal-appoġġ nazzjonali għas-settur fit-Tramuntana.

Il-kontinwità tal-produzzjoni agrikola fiż-żona ta’ Għajnuna żammet bosta servizzi ambjentali u l-pajsaġġ agrikolu miftuħ, li huwa skarsezza fir-reġjun iddominat mill-foresta. Dan l-iżvilupp jikkontribwixxi b’mod sinifikanti għat-tnaqqis tal-erożjoni u l-lixxivjazzjoni tan-nutrijenti u għandu effett pożittiv fuq il-bijodiversità. Ta’ min jinnota li mingħajr l-Għajnuna Nordika, huwa possibbli li l-produzzjoni agrikola tkun saħansitra aktar ikkonċentrata fil-parti tan-Nofsinhar tal-pajjiż, li tintensifika t-trasferiment tan-nutrijenti lejn il-passaġġi fuq l-ilma.

4.    GĦAJNUNA NORDIKA FL-IŻVEZJA BEJN L-2016 U L-2020

4.1.    Awtorizzazzjonijiet mogħtija

Matul il-perjodu ta’ rapportar, l-obbligi ta’ rapportar għall-awtorizzazzjonijiet mogħtija nbidlu biex tiġi ssimplifikata s-sistema ta’ Għajnuna. L-informazzjoni għall-awtorizzazzjonijiet mogħtija għas-snin fil-perjodu ta’ rapportar ġiet ipprovduta f’konformità mad-Deċiżjonijiet rispettivi u hija ppreżentata fit-Tabelli 6 u 7 hawn taħt. Id-Deċiżjoni C(2010)6050 awtorizzat lill-Iżvezja tħallas SEK 318,67 miljun/sena (madwar EUR 33,37 miljun/sena 22 ) fl-2016 u fl-2017 kif muri fit-tabella 6 hawn taħt. Mill-1 ta’ Jannar 2018, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/479, innotifikata fid-dokument C(2018) 1622 tawtorizza lill-Iżvezja biex tħallas SEK 422,92 miljun fis-sena (madwar EUR 40,51 miljun 23 ). L-ammonti massimi annwali għandhom jiġu kkunsidrati bħala medji annwali tal-għajnuna mogħtija fil-perjodu ta’ ħames snin kalendarji koperti bid-Deċiżjoni (UE) 2018/479.

Tabella 6: Għajnuna awtorizzata matul il-perjodu bejn l-2016 u l-2017 f’konformità mad-Deċiżjoni C(2010) 6050, kif emendata minn C(2015) 6592

Għajnuna medja massima permessa/unità 24

Unità

Għajnuna massima permessa (SEK miljun/sena) 25

Għadd massimu ta’ fatturi ta’ produzzjoni eliġibbli

1. Settur tal-ħalib

299,87

450 000 tunnellata

-Ħalib tal-baqar tal-ħalib

0,73

SEK/kg

-Mogħoż nisa

26

500

SEK/ras

-Għajnuna għat-trasport tal-ħalib tal-baqar tal-ħalib

27

0,039

SEK/kg

2. Ħnieżer u pollam

28

1 350

SEK/LU

13,60

16 532 LU

-Ħnieżer għall-qatla

-Ħnieżer nisa

-Tiġieġ tal-bajd

3. Frott artab u ħaxix

29

2 800

SEK/ha

1,00

750 ha

4. Patata

2 500

SEK/ha

4,20

2 910 ha

Tabella 7: Għajnuna awtorizzata f’konformità mad-Deċiżjoni (UE) 2018/479, innotifikata fid-dokument C(2018) 1622, matul il-perjodu bejn l-2018 u l-2022

 

L-għajnuna annwali medja massima għal perjodu ta’ 5 snin mill-1 ta’ Jannar 2018 sal-31 ta’ Diċembru 2022 (f’miljuni ta’ SEK)

Għadd massimu annwali ta’ fatturi jew ta’ ammonti tal-produzzjoni eliġibbli 30

Ħalib tal-baqra u għajnuna għat-trasport tal-ħalib tal-baqra

 

450 000 000 kg

Mogħoż nisa, ħnieżer għall-qatla, ħnieżer nisa, tiġieġ tal-bajd

 

17 000 LU

Frott artab, ħaxix u patata

 

3 660 ettaru

GĦAJNUNA TOTALI

422,92 31

 

4.2.    Għajnuna żborżata

Għajnuna Nordika

Fil-perjodu ta’ rapportar, l-għajnuna Nordika annwali żborżata fl-Iżvezja rrispettat il-livelli massimi stabbiliti fid-Deċiżjonijiet. L-Għajnuna żborżata żdiedet b’terz fl-2018 (f’konformità mal-livelli awtorizzati miżjuda skont id-Deċiżjoni (UE) 2018/479, b’żidiet marġinali fis-snin ta’ wara. Il-kategoriji għar-rapportar dwar l-Għajnuna ġew issimplifikati matul il-perjodu ta’ rapportar, u l-formati tat-tabelli ta’ hawn taħt jikkorrispondu għar-rekwiżiti rispettivi.

Tabella 8: Għajnuna Nordika għall-Iżvezja skont is-settur, MSEK

Għall-perjodu bejn l-2016 u l-2017, l-għajnuna massima permessa kienet ta’ SEK 318,67 miljun 32 . Għall-perjodu bejn l-2018 u l-2020, il-massimu permess kien ta’ SEK 422,92 miljun 33 . It-tabella ta’ hawn taħt turi li l-ammonti massimi ġew irrispettati.

Settur appoġġat

2016

2017

2018

2019

2020

Ħalib 34

291,79

283,43

374,92

378,72

383,18

Ħnieżer, pollam, mogħoż

13,51

13,44

23,39

22,23

23,68

Frott artab, ħaxix inkluża l-patata

4,77

4,7

6,11

5,94

5,81

Total

310,07

301,57

404,42

406,89

412,67

Appoġġ totali fiż-żona ta’ għajnuna Nordika

L-agrikoltura fiż-żoni tal-iskema ta’ Għajnuna jistgħu jibbenefikaw wkoll mill-istrumenti ffinanzjati mill-UE, b’mod partikolari miż-żewġ pilastri fil-kuntest tal-PAK (it-Tabella 9). Mill-miżuri tat-tieni pilastru, l-appoġġ għal Żoni ta’ Limitazzjonijiet Naturali (ANC) u l-miżura agroambjentali-klimatika (AECM) kienu ta’ importanza partikolari. Mhemmx iffissat limitu ta' appoġġ totali għar-reġjun li jirċievi l-Għajnuna la fid-Deċiżjoni C(2010) 6050 u lanqas fid-Deċiżjoni (UE) 2018/479. Permezz tal-Programm tal-Iżvilupp Rurali 2014-2022, tista’ ssir applikazzjoni għal appoġġ għal newb il-bwar biss għal żoni barra dawk b’restrizzjonijiet naturali. Għalhekk, l-appoġġ ambjentali għal newb il-bwar f’żoni ta’ restrizzjonijiet naturali (għall-impenji mill-perjodu ta’ programmazzjoni ta’ bejn l-2007 u l-2013) naqas gradwalment sakemm intemm fl-2018. Segwitu ex post tal-livell tal-għajnuna tal-UE ilu jseħħ sa mill-2003.

Tabella 9: Sommarju tal-għajnuna żborżata fl-Iżvezja, inkluż l-Għajnuna Komunitarja, miljuni ta’ SEK

Tip ta’ għajnuna

2016

2017

2018

2019

2020

Pagament ta’ kumpens (ANC)

587,22

593,73

591,12

597,81

599,25

Appoġġ agroambjentali (newb il-bwar)

36,60

21,69

-

-

-

Għajnuna Nordika

310,07 35

301,57 36

404,42 37

406,89 38

412,67 39

Total

933,89

916,99

995,54

1 004.70

1 011.92

L-appoġġ totali kkombinat, b’xi varjazzjoni, żdied bi ftit matul l-aħħar ħames snin, iżda baqa’ b’mod konsistenti taħt il-livell ta’ referenza u fl-istess firxa mill-1997.

4.3.    Volumi tal-produzzjoni fiż-żona ta’ Għajnuna

Settur tal-ħalib

Il-ħalib huwa l-aktar prodott agrikolu importanti fiż-żona, b’sehem ta’ madwar 13 % tal-produzzjoni totali tal-ħalib Żvediż. Is-sehem baqa’ fil-biċċa l-kbira l-istess matul il-perjodu ta’ ħames snin, iżda naqas minn linja bażi ta’ 15 % fis-sena ta’ referenza 1991. Matul il-perjodu ta’ rapportar, l-ammont medju mħallas għall-produzzjoni tal-ħalib tal-baqra kien ta’ SEK 342 miljun fis-sena (meta mqabbel ma’ medja ta’ SEK 267 miljun bejn l-2011 u l-2015) f’konformità maż-żieda fil-livelli awtorizzati skont id-Deċiżjoni (UE) 2018/479.

Fil-perjodu ta’ rapportar, il-produzzjoni tal-ħalib naqset b’madwar 3,9 % fiż-żona ta’ Għajnuna (tnaqqis ta’ 3,1 % fil-livell nazzjonali). It-tnaqqis kien relattivament stabbli matul il-perjodu ta’ rapportar. L-appoġġ għat-trasport tħallas għal medja ta’ 362 778 tunnellata fis-sena (meta mqabbel ma’ medja ta’ 386 202 tunnellati/sena fil-perjodu preċedenti ta’ ħames snin). Il-fatt li l-produzzjoni fiż-żona ta’ Għajnuna esperjenzat biss tnaqqis simili għal dak fil-bqija tal-pajjiż jenfasizza l-impatt tal-Għajnuna fiż-żamma tal-produzzjoni fil-kundizzjonijiet tat-Tramuntana li huma aktar diffiċli.

Ħnieżer u pollam

Il-produzzjoni tal-ħnieżer żdiedet bi ftit fiż-żona matul il-perjodu ta’ ħames snin. Fattur wieħed diffiċli għall-produtturi tal-majjali fit-Tramuntana tal-Iżvezja huwa l-għadd baxx ta’ biċċeriji. Dan jimplika distanzi twal mill-farm sal-biċċerija u jnaqqas il-possibbiltajiet li l-bdiewa jagħżlu fejn jikkonsenjaw l-annimali tagħhom u jinnegozjaw il-prezzijiet tal-qatla. Fir-rigward tal-ħnieżer nisa għall-produzzjoni tal-ħnieżer, l-għadd ta’ farms u ta’ ħnieżer nisa wera varjazzjonijiet żgħar matul il-perjodu, f’konformità mal-iżviluppi fil-pagamenti. Il-produzzjoni annwali (bħala medja 11 436 LU) tibqa’ ferm taħt il-fattur ta’ produzzjoni totali permess (17 000 LU).

Il-produzzjoni tal-bajd uriet varjazzjonijiet bejn is-snin fil-perjodu ta’ rapportar. Il-varjazzjonijiet annwali jistgħu jiddependu mill-mument meta t-tiġieġ ikunu qed jiġu sostitwiti b’oħrajn ġodda. Il-produzzjoni tal-bajd fil-partijiet tat-Tramuntana tal-Iżvezja tiddependi ħafna fuq l-għalf ibbażat fuq iċ-ċereali peress li l-kundizzjonijiet għall-kultivazzjoni taċ-ċereali huma inqas produttivi milli fil-partijiet tan-Nofsinhar tal-Iżvezja.

Frott artab u ħaxix

Il-farms li jipproduċu frott artab u ħaxix ġew appoġġati fuq bażi annwali, u jkopru erja medja ta’ 341 ha, li tirrappreżenta tnaqqis ta’ 5 % mill-perjodu preċedenti ta’ ħames snin. Iż-żona varjat, bħalma varjat ukoll il-produzzjoni matul l-aħħar ħames snin, u tinsab madwar nofs l-għadd massimu ta’ fatturi ta’ produzzjoni eleġibbli.

Konklużjonijiet relatati mal-volumi tal-produzzjoni

Fir-rigward tal-ħalib, il-volumi tal-produzzjoni baqgħu pjuttost kostanti, bi tnaqqis ta’ żieda żgħira fl-2020 f’konformità max-xejra nazzjonali. Is-setturi l-oħrajn baqgħu relattivament stabbli għalkemm il-produzzjoni tvarja minn sena għal sena. Is-setturi kollha effettivament jirrispettaw l-għadd massimu ta’ fatturi ta’ produzzjoni eleġibbli.

4.4.    Żvilupp tal-ekonomija agrikola fir-reġjun ta’ Għajnuna

Iż-żona ta’ Għajnuna tal-Iżvezja għandha densità tal-popolazzjoni baxxa u li qed tonqos, limitazzjonijiet fil-potenzjal għall-iżviluppi ekonomiċi u kundizzjonijiet ħżiena għall-agrikoltura. L-istruttura tal-farm hija kkaratterizzata minn għelieqi iżgħar, aktar mifruxa u irregolari mis-sitwazzjoni medja fl-Iżvezja. Dan iwassal biex il-kostijiet ikunu ogħla, anke għat-trasport minn farm għal ieħor minħabba d-distanza bejn l-għelieqi. Għall-kontej l-aktar fit-Tramuntana koperti mill-iskema ta’ Għajnuna Nordika, is-sehem tal-produzzjoni nazzjonali (fi prodott gross reġjonali – PGR) juri xejra ta’ tnaqqis b’varjazzjonijiet annwali żgħar, mill-1995 sal-2015 u minn dak iż-żmien ’il quddiem, sehem illivellat (il-PGR għall-kontej ikkonċernati jkun madwar 13 % espress bħala sehem tal-PDG totali nazzjonali).

Il-prodott agrikolu ewlieni fiż-żona huwa l-ħalib li jammonta għal madwar 13 % tal-produzzjoni tal-ħalib totali tal-Iżvezja (meta mqabbla ma’ 15 % fl-1991). L-għadd ta’ produtturi naqas b’20 % fiż-żona kif ukoll fil-pajjiż kollu mill-2016 sal-2020, filwaqt li l-għadd ta’ baqar naqas b’10 % fiż-żona meta mqabbel ma’ 8 % fil-livell nazzjonali. Il-produzzjoni tal-ħalib naqset b’pass aktar bil-mod (-3,9 %), iżda b’mod aktar mgħaġġel milli fil-pajjiż b’mod ġenerali (-3,1 %). Fiż-żona ta’ Għajnuna, il-produzzjoni tal-ħalib kienet ta’ 15 000 tunnellata inqas fl-2020 milli fl-2016. Minkejja l-għajnuna Nordika u għajnuna oħra mogħtija, il-vijabbiltà ekonomika tal-farms fiż-żona ta’ Għajnuna kienet ferm aktar baxxa meta mqabbla mal-partijiet tan-Nofsinhar u tan-nofs tal-pajjiż. Fiż-żona ta’ Għajnuna, li hija ddominata mill-foresti, l-art użata għall-produzzjoni agrikola tikkontribwixxi għaż-żamma ta’ pajsaġġ miftuħ li jiffavorixxi l-bijodiversità. Il-prattiki agrikoli fiż-żoni ta’ appoġġ huma kkaratterizzati minn produzzjoni inqas intensiva peress li l-kultivazzjoni ewlenija hija l-art bil-ħaxix u l-mergħat. Dawn normalment jiddependu minn livell baxx ta’ użu ta’ pestiċidi u fertilizzanti. Għalhekk l-impatt ambjentali huwa inqas minn dak ta’ attivitajiet agrikoli f’partijiet oħrajn tal-pajjiż.

Minkejja li ż-żona kkonċernata kellha tkabbir żgħir fil-popolazzjoni bejn l-2016 u l-2020, kienet ħafna aktar baxxa miż-żieda fil-popolazzjoni fil-bqija tal-pajjiż, u għalhekk id-diskrepanza fil-popolazzjoni bejn iż-żoni tat-Tramuntana u l-pajjiż kollu żdiedet. Mill-1990 ’l hawn l-iżvilupp tal-popolazzjoni tar-reġjun ta’ appoġġ kien negattiv bi tnaqqis ta’ 3 %, meta mqabbel ma’ żieda fil-popolazzjoni fil-bqija tal-Iżvezja (18 %).

5.    KONKLUŻJONIJIET 

Dan ir-rapport jagħti rendikont tal-awtorizzazzjonijiet tal-għajnuna Nordika mogħtija lill-Finlandja u lill-Iżvezja fil-perjodu bejn l-2016 u l-2020 u tar-riżultati miksuba. Ir-rapport tfassal abbażi tad-data fornuta mill-awtoritajiet tal-Istati Membri f’konformità mal-Artikolu 143(2) tal-Att ta’ Adeżjoni.

5.1.    Il-Finlandja

Fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-iskema ta’ għajnuna Nordika għall-Finlandja, il-Kummissjoni tinnota li:

1.Konformità mal-għajnuna massima permessa mill-awtorizzazzjonijiet tal-Kummissjoni: l-ammonti totali ta’ għajnuna mħallsa, u l-appoġġ totali fiż-żona ta’ għajnuna Nordika matul il-perjodu bejn l-2016 u l-2020 irrispettaw l-għajnuna massima permissibbli awtorizzata fid-Deċiżjoni C(2009) 3067 kif emendata bid-Deċiżjonijiet C(2009) 9122, C(2013) 2809 u C(2015) 2790, u sussegwentement fid-Deċiżjoni (UE) 2018/672, innotifikata fid-dokument C(2016) 8419.

2.Konformità mal-għadd massimu ta’ fatturi ta’ produzzjoni eliġibbli: Il-produzzjoni totali tas-setturi appoġġati baqgħet pjuttost kostanti fiż-żona ta’ Għajnuna matul il-perjodu ta’ rapportar. L-għadd massimu ta’ fatturi ta’ produzzjoni eliġibbli ġie rrispettat matul il-perjodu ta’ rapportar.

3.Ilħuq tal-objettivi tal-iskema ta’ għajnuna: B’mod ġenerali, l-għajnuna fil-Finlandja kkontribwiet għaż-żamma tal-produzzjoni agrikola fiż-żona ta’ Għajnuna u kellha rwol fl-appoġġ tal-impjiegi fiż-żona. L-Għajnuna hija partikolarment importanti għall-produzzjoni tal-ħalib u taċ-ċanga, li l-maġġoranza tagħha sseħħ fiż-żona ta’ Għajnuna.

5.2.    L-Iżvezja

Fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-iskema ta’ għajnuna Nordika għall-Iżvezja, il-Kummissjoni tinnota li:

1.Konformità mal-għajnuna massima permessa mill-awtorizzazzjonijiet tal-Kummissjoni: l-ammonti totali tal-għajnuna Nordika mħallsa matul il-perjodu bejn l-2016 u l-2020 irrispettaw il-livell massimu stabbilit għall-għajnuna massima permessibbli awtorizzata fid-Deċiżjoni C(2010)6050 u sussegwentement fid-Deċiżjoni (UE) 2018/479, innotifikata fid-dokument C(2018) 1622.

2.Konformità mal-għadd massimu ta’ fatturi ta’ produzzjoni eliġibbli: l-għadd massimu ta’ fatturi ta’ produzzjoni eliġibbli li jirċievu l-għajnuna kien irrispettat fis-setturi kollha li jirċievu l-għajnuna Nordika.

3.Ilħuq tal-objettivi tal-iskema ta’ għajnuna: wara r-rieżami tal-iskema fl-2010, il-produzzjoni tal-ħalib fiż-żona ta’ Għajnuna baqgħet stabbli matul l-ewwel erba’ snin tal-perjodu ta’ rapportar, u esperjenzat żieda żgħira bejn l-2019 u l-2020. Kategoriji ta’ produzzjoni oħrajn żammew volum pjuttost kostanti.

Għaż-żewġ pajjiżi, il-kontinwità tal-produzzjoni agrikola tikkontribwixxi għaż-żamma ta’ pajsaġġ agrikolu miftuħ u ġestit sew fiż-żona ta’ Għajnuna Nordika li hija ddominata mill-foresta. Iż-żamma ta’ pajsaġġ miftuħ hija tajba għall-bijodiversità u għas-sbuħija tal-pajsaġġ. Iż-żamma tal-produzzjoni agrikola għandha wkoll impatt pożittiv fuq il-vitalità taż-żoni rurali remoti.

Abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet nazzjonali, il-Kummissjoni tqis li l-awtoritajiet applikaw id-Deċiżjoni C(2009) 3067, emendata bid-Deċiżjonijiet C(2009) 9122, C(2013) 2809 u C(2015) 2790, u sussegwentement    id-Deċiżjoni (UE) 2018/672, innotifikata fid-dokument C(2016) 8419, li jikkonċernaw il-Finlandja, u d-Deċiżjoni C(2010) 6050 u sussegwentement id-Deċiżjoni (UE) 2018/479, innotifikata fid-dokument C(2018) 1622, li jikkonċernaw l-Iżvezja, dwar għajnuna lil reġjuni tat-Tramuntana b’mod sodisfaċenti.

(1)    ĠU C 241, 29.8.1994, p. 9.
(2)    Il-Finlandja COM(2002) 102 ta’ 25.2.2002, l-Iżvezja COM(2002) 105 ta’ 1.3.2002.
(3)    Il-Finlandja COM(2007) 459 ta’ 31.7.2007, l-Iżvezja COM(2007) 416 ta’ 31.7.2007.
(4)    COM (2012) 358 final ta’ 29.6.2012.
(5)      COM (2017) 189 final ta’ 24.4.2017.
(6)      L-għajnuna għal kull unità tista’ tiġi ddifferenzjata skont ir-reġjun fil-limiti tal-medja massima.
(7)

     L-għajnuna totali massima mħallsa ma tistax taqbeż EUR 382 miljun fis-sena.

(8)

     Massimu eliġibbli għal kull sena kalendarja u għas-sena ta’ kwota 2014/2015.

(9)      Baqar li jreddgħu, erħiet li jreddgħu, bovini rġiel > sitt xhur u erħiet maqtula kif ukoll barrin u gniedes maqtula fir-reġjuni ta’ appoġġ C3 u C4.
(10)      Għajnuna diżakkoppjata. Kwantità ta’ referenza li ma taqbiżx 139 200 LU.
(11)      L-għajnuna għall-produzzjoni fis-serer tista’ tiġi ddifferenzjata skont it-tul tal-perjodu tat-tkabbir.
(12)      L-għajnuna tista’ tiġi ddifferenzjata skont l-istandard tekniku tal-faċilità ta’ ħżin.
(13)      Għajnuna ġenerali bbażata fuq l-ettari għal erja agrikola utilizzata (EAU) fir-reġjuni ta’ appoġġ C2–C4.
(14)      Abbażi taż-żona ta’ kultivazzjoni taċ-ċereali (ħlief għax-xgħir, għall-ħafur u ċereali mħalltin) u għelejjel oħrajn (żrieragħ żejtnin u għelejjel oħrajn taż-żejt, għelejjel tal-proteina u tal-fibra), pitravi ħelwin, patata tal-lamtu u tuffieħ fir-reġjuni ta’ appoġġ C1, C2 u C2 tat-Tramuntana. L-għajnuna għal ħxejjex li jitkabbru fil-beraħ tista’ titħallas fir-reġjuni ta’ appoġġ C1–C4.
(15)      Għajnuna għal bdiewa żgħażagħ għal erja agrikola utilizzata (EAU) fir-reġjuni ta’ appoġġ C1–C4.
(16)      Fir-reġjuni ta’ appoġġ C3 u C4.
(17)      Ħalib: Kainuu u l-Provinċja ta’ Lapland u Koillismaa (il-Finlandja tal-Grigal). Laħam: Il-provinċja ta’ Lapland.
(18)      L-għajnuna tista’ titħallas għal servizzi ta’ manutenzjoni tal-kundizzjonijiet operattivi għall-produzzjoni tal-bhejjem f’żoni fejn id-distanzi huma itwal mill-medja.
(19)      Ammont massimu ta’ għajnuna: L-għajnuna tingħata għal kwantitajiet maħżuna fl-aħħar ta’ Ġunju sal-ammonti massimi li ġejjin, EUR 0,34/kg għal frott l-għollieq tal-muntanji salvaġġ, EUR 0,10/kg għal frott artab salvaġġ ieħor u EUR 0,42/kg għall-faqqiegħ salvaġġ.
(20)      Skolts, għajxien li jiddependi minn ambjent naturali u trobbija tar-renni.
(21)      Il-kwantità ta’ referenza għall-għajnuna diżakkoppjata għall-ħnieżer u għall-pollam.
(22)      Rata tal-kambju EUR 1 = SEK 9,55 derivata mid-data tal-Bank Ċentrali Ewropew għar-rata tal-kambju medja mill-4 ta’ Jannar 2016 sad-29 ta’ Diċembru 2017.
(23)      Din il-konverżjoni tuża r-rata EUR 1 = SEK 10,44 ibbażata fuq ir-rata ta’ konverżjoni medja tal-2018 - 2020 kif irreġistrata mill-BĊE.
(24)      L-għajnuna għal kull unità tista’ tiġi ddifferenzjata skont ir-reġjun fil-limiti tal-medja massima.
(25)      Għajnuna massima permessa: SEK 318,67 miljun.
(26)      Il-mogħoż biss li jintużaw għall-produzzjoni tal-ħalib. Il-produzzjoni tal-ħalib stmata hija ta’ 800 kg ta’ ħalib għal kull mogħża fis-sena.
(27)      Bejn il-farm u ċ-ċentru tal-ġbir jew l-ewwel ċentru ta’ pproċessar.
(28)      Fejn tiġieġa tal-bajd waħda hija 0,01 LU, ħanżira hija 0,33 LU u ħanżir għall-qatla wieħed huwa 0,10 LU.
(29)      Minbarra l-patata.
(30)      Rati ta’ konverżjoni f’unitajiet ta’ bhejjem (LU): Mogħża hija 0,15 LU, ħanżir għall-qatla huwa 0,10 LU, ħanżira hija 0,33 LU, u tiġieġa tal-bajd hija 0,01 LU.
(31)      Li minnhom jista’ jingħata appoġġ massimu ta’ SEK 395,9 miljun għall-kategorija ħalib tal-baqra u għajnuna għat-trasport tal-ħalib tal-baqra.
(32)      Id-Deċiżjoni C(2010) 6050, kif emendata minn C(2015) 6592.
(33)      Id-Deċiżjoni (UE) 2018/479, innotifikata fid-dokument C(2018) 1622.
(34)      Inkluż l-appoġġ għat-trasport.
(35)      Livell ta’ referenza: SEK 318,67 miljun.
(36)      Livell ta’ referenza: SEK 318,67 miljun.
(37)      Livell ta’ referenza: SEK 422,92 miljun.
(38)      Livell ta’ referenza: SEK 422,92 miljun.
(39)      Livell ta’ referenza: SEK 422,92 miljun.