IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 17.6.2022
COM(2022) 407 final
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL EWROPEW U LILL-KUNSILL
Opinjoni tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-Ukrajna għas-sħubija fl-Unjoni Ewropea
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 17.6.2022
COM(2022) 407 final
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL EWROPEW U LILL-KUNSILL
Opinjoni tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-Ukrajna għas-sħubija fl-Unjoni Ewropea
A. INTRODUZZJONI
L-aspirazzjoni li tappartjeni għall-Unjoni Ewropea ilha għal ħafna snin prijorità importanti għall-Ukrajna, għall-gvernijiet u għaċ-ċittadini tagħha. Din kienet raġuni sottostanti għall-bidliet demokratiċi matul l-aħħar għaxar snin u xprunatur ta’ għadd ta’ riformi ewlenin ibbażati fuq il-valuri Ewropej. Id-deċiżjoni fl-aħħar tal-2013 meħuda mill-President ta’ dak iż-żmien li ma jiffirmax il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Ukrajna, li ssimbolizza għal ħafna mill-Ukreni triq lejn l-Unjoni Ewropea, wasslet għal protesti fuq skala kbira kontra l-awtoritajiet. Sussegwentement, il-Federazzjoni Russa ħadet azzjoni kontra l-Ukrajna, u ma aċċettatx l-għażla indipendenti tal-poplu Ukren. Filwaqt li tilfet il-kontroll fuq parti mit-territorju tagħha u sofriet telf uman u ekonomiku minħabba l-kunflitt fil-parti tal-Lvant tal-pajjiż, l-Ukrajna baqgħet, matul is-snin, demokrazija reżiljenti li qed toqrob aktar lejn l-Unjoni Ewropea u li qed tallinja gradwalment mal-acquis.
a) Applikazzjoni għas-sħubija
Fit-28 ta’ Frar 2022, ħamest ijiem wara li r-Russja nediet l-aggressjoni mhux ipprovokata u mhux iġġustifikata tagħha fuq skala sħiħa, l-Ukrajna ppreżentat l-applikazzjoni tagħha għas-sħubija fl-Unjoni Ewropea. Fis-7 ta’ Marzu 2022, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea talab lill-Kummissjoni tippreżenta l-Opinjoni tagħha dwar din l-applikazzjoni. Il-Kapijiet ta’ Stat u ta’ Gvern tal-UE approvaw din id-deċiżjoni fil-laqgħa informali tal-mexxejja f’Versailles 1 .
L-Artikolu 49 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jiddikjara li “Kwalunkwe Stat Ewropew li jirrispetta l-valuri msemmija fl-Artikolu 2 u jimpenja ruħu sabiex jippromwovihom jista’ japplika sabiex isir membru tal-Unjoni. Il-Parlament Ewropew u l-Parlamenti nazzjonali għandhom ikunu informati b’din l-applikazzjoni. L-Istat applikant għandu jindirizza l-applikazzjoni tiegħu lill-Kunsill li għandu jaġixxi b’mod unanimu wara li jikkonsulta l-Kummissjoni u wara li jirċievi l-approvazzjoni mill-Parlament Ewropew, li għandu jaġixxi b’maġġoranza tal-membri komponenti tiegħu. Għandu jittieħed kont tal-kriterji ta’ eliġibbiltà miftiehma mill-Kunsill Ewropew.”
L-Artikolu 2 jiddikjara li “l-Unjoni hija bbażata fuq il-valuri tar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet ta’ persuni li jagħmlu parti minn minoranzi. Dawn il-valuri huma komuni għall-Istati Membri f’soċjetà fejn jipprevalu l-pluraliżmu, in-nondiskriminazzjoni, it-tolleranza, il-ġustizzja, is-solidarjetà u l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel.”
Dan huwa l-qafas legali li fih il-Kummissjoni tippreżenta din l-Opinjoni.
F’Ġunju 1993 f’Copenhagen, il-Kunsill Ewropew ikkonkluda li:
“L-adeżjoni se sseħħ malli pajjiż ikun jista’ jassumi l-obbligi tas-sħubija billi jissodisfa l-kundizzjonijiet ekonomiċi u politiċi meħtieġa.
Is-sħubija tirrikjedi:
-li l-Istat kandidat ikun kiseb l-istabbiltà tal-istituzzjonijiet li jiggarantixxu d-demokrazija, l-istat tad-dritt, id-drittijiet umani u r-rispett lejn u l-protezzjoni tal-minoranzi;
- l-eżistenza ta’ ekonomija tas-suq li tkun funzjonabbli, kif ukoll il-kapaċità li jreġi għall-pressjoni tal-kompetizzjoni u l-forzi tas-suq fi ħdan l-Unjoni;
-l-abbiltà li jassumi l-obbligi tas-sħubija, inkluż l-aderenza għall-għanijiet tal-unjoni politika, ekonomika u monetarja”.
F’Diċembru 1995, f’Madrid, il-Kunsill Ewropew irrefera għall-ħtieġa “li jinħolqu l-kundizzjonijiet għall-integrazzjoni gradwali u armonjuża tal-pajjiżi [applikanti], b’mod partikolari permezz tal-iżvilupp tal-ekonomija tas-suq, l-aġġustament tal-istrutturi amministrattivi tagħhom u l-ħolqien ta’ ambjent ekonomiku u monetarju stabbli”.
F’Diċembru 2006, il-Kunsill Ewropew qabel li “l-istrateġija tat-tkabbir imsejsa fuq il-konsolidament, il-kundizzjonalità u l-komunikazzjoni, imħallta mal-kapaċità tal-UE li tintegra membri ġodda, tifforma l-bażi għal konsensus imġedded dwar it-tkabbir”.
F’din l-Opinjoni, il-Kummissjoni tivvaluta l-applikazzjoni tal-Ukrajna abbażi tal-kapaċità tagħha li tissodisfa l-kriterji stabbiliti mill-Kunsill Ewropew f’Copenhagen fl-1993, kif ukoll f’Madrid fl-1995, b’mod partikolari fir-rigward tal-kapaċità amministrattiva tal-pajjiż. L-Opinjoni tqis ukoll l-isforzi tal-Ukrajna fl-implimentazzjoni tal-obbligi tagħha skont il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni (AA) u ż-Żona ta’ Kummerċ Ħieles Approfondita u Komprensiva (DCFTA), li daħlu fis-seħħ fl-1 ta’ Settembru 2017. Il-Kummissjoni se tivvaluta l-impatt tal-adeżjoni tal-Ukrajna fuq l-oqsma ta’ politika tal-UE fi stadju aktar tard.
Din l-Opinjoni tħejjiet skont metodoloġija simili għal dik li ntużat f’Opinjonijiet preċedenti tal-Kummissjoni. L-Ukrajna rċeviet kwestjonarji fit-8 ta’ April 2022 dwar il-kriterji politiċi u ekonomiċi u fit-13 ta’ April dwar il-kapitoli tal-acquis tal-UE u tat it-tweġibiet tagħha fis-17 ta’ April u fid-9 ta’ Mejju rispettivament. Din l-Opinjoni hija valutazzjoni strutturali skont kriterji stabbiliti u tibni fuq l-għarfien u l-esperjenza miksuba matul ħafna snin ta’ kooperazzjoni mill-qrib tal-UE mal-Ukrajna.
b) Relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ukrajna
Tmien snin wara l-annessjoni illegali tal-Krimea u d-destabbilizzazzjoni tal-Lvant tal-Ukrajna fl-2014, fl-24 ta’ Frar 2022 ir-Russja nediet invażjoni militari fuq skala kbira kontra l-pajjiż kollu. Aktar minn seba’ miljun persuna ħarbu lejn pajjiżi oħra, b’mod partikolari lejn l-Istati Membri tal-UE u r-Repubblika tal-Moldova, u hemm kważi tmien miljun persuna spostata internament fl-Ukrajna. L-UE adottat diversi pakketti ta’ sanzjonijiet mingħajr preċedent kontra r-Russja 2 . Hija żiedet ukoll b’mod sinifikanti l-appoġġ politiku, finanzjarju, umanitarju u militari tagħha. Iċ-ċittadini Ewropej urew solidarjetà mingħajr preċedent permezz ta’ numru bla għadd ta’ inizjattivi privati. Matul il-gwerra, il-gvern tal-Ukrajna wera livell eċċezzjonali ta’ saħħa istituzzjonali, determinazzjoni u kapaċità li jiffunzjona. Huwa mmobilizza ruħu biex iwieġeb malajr għall-kwestjonarju tal-UE dwar l-applikazzjoni tas-sħubija tiegħu.
Il-bidu tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Ukrajna jmur lura għall-perjodu wara l-proklamazzjoni tal-indipendenza tal-Ukrajna fl-1991. F’Ġunju 1994, l-UE ffirmat Ftehim ta’ Sħubija u Kooperazzjoni mal-Ukrajna, li daħal fis-seħħ f’Marzu 1998. Il-kooperazzjoni politika u ekonomika ġiet imsaħħa fl-2004 meta l-Ukrajna saret sieħba ta’ prijorità tal-UE fi ħdan il-Politika Ewropea tal-Viċinat u kompliet tissaħħaħ bit-tnedija tal-Inizjattiva tas-Sħubija tal-Lvant fl-2009.
L-integrazzjoni mal-Unjoni Ewropea ilha dimensjoni importanti tal-politika barranija u interna tal-Ukrajna għal ħafna snin. Ir-Rivoluzzjoni Oranġjo fl-2004 kontra l-frodi u l-korruzzjoni elettorali kienet ukoll tirrigwarda l-orjentazzjoni lejn il-Punent u l-integrazzjoni mal-UE. Wara l-elezzjonijiet parlamentari f’Marzu 2006, l-UE ddeċidiet li tibda konsultazzjonijiet bil-ħsieb li tinnegozja ftehim imsaħħaħ ġdid mal-Ukrajna. In-negozjati bdew f’Marzu 2007. L-abbozz tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni ġie inizjalat f’Marzu 2012. Ir-Rivoluzzjoni tad-Dinjità, fl-2014 ġiet skattata mir-rifjut mill-President tal-Ukrajna ta’ dak iż-żmien li jiffirma l-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni/iż-Żona ta’ Kummerċ Ħieles Approfondita u Komprensiva (AA/DCFTA).
Wara r-Rivoluzzjoni tad-Dinjità, ir-Russja annessat il-Krimea illegalment u appoġġat gruppi armati illegali fil-Lvant tal-Ukrajna. L-UE u l-komunità internazzjonali kkundannaw dan il-ksur gravi tad-dritt internazzjonali, u sussegwentement, l-UE imponiet sanzjonijiet kontra l-Federazzjoni Russa.
Il-gvern il-ġdid tal-Ukrajna, li ħa l-poter wara r-Rivoluzzjoni tad-Dinjità, iffirma l-parti politika tal-AA f’Marzu 2014. Il-parti ekonomika ta’ AA/DFCTA ġiet iffirmata wara l-elezzjoni presidenzjali f’Mejju 2014. Partijiet ewlenin tal-ftehim ġew applikati provviżorjament mill-2014. F’Settembru 2017, l-AA/DCFTA daħlu fis-seħħ bis-sħiħ.
L-AA/DCFTA jipprovdu l-pedamenti għal assoċjazzjoni politika u integrazzjoni ekonomika bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ukrajna. Fil-preambolu tagħha, l-UE rrikonoxxiet l-aspirazzjonijiet Ewropej tal-Ukraina u laqgħet l-għażla Ewropea tagħha, inkluż l-impenn tagħha li tibni demokrazija u ekonomija tas-suq profondi u sostenibbli. Bħalissa, il-ftehim huwa l-istrument legali bilaterali ewlieni li jservi bħala bażi għall-approfondiment ta’ rabtiet politiċi, rabtiet ekonomiċi aktar b’saħħithom, il-promozzjoni ta’ valuri komuni u kooperazzjoni msaħħa f’oqsma ta’ interess reċiproku. Abbażi tal-AA/DCFTA, l-Ukrajna wettqet għadd ta’ riformi impenjattivi u allinjat b’suċċess il-leġiżlazzjoni tagħha mal-UE f’ħafna oqsma.
Il-Pjattaforma tas-Soċjetà Ċivili (CSP) UE-Ukrajna hija waħda mill-korpi stabbiliti skont il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ukrajna. Din tippermetti lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fuq iż-żewġ naħat jimmonitorjaw il-proċess ta’ implimentazzjoni u jħejju rakkomandazzjonijiet lill-awtoritajiet rilevanti.
Fl-2019, emenda kostituzzjonali appoġġata minn 335 minn 450 Membru tal-Parlament tal-Ukrajna ddefiniet bħala l-kors strateġiku tal-Istat “is-sħubija sħiħa tal-Ukrajna fl-Unjoni Ewropea u fl-Organizzazzjoni tat-Trattat tal-Atlantiku tat-Tramuntana”.
L-Ukrajna hija Parti kontraenti għat-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija u għall-Ftehim dwar iż-Żona ta’ Avjazzjoni Komuni, li jgħinu fl-approssimazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Ukrajna mal-acquis tal-UE. L-Ukrajna hija parti min-network estiż tat-TEN-T.
Mill-11 ta’ Ġunju 2017, iċ-ċittadini tal-Ukrajna jgawdu minn ivjaġġar mingħajr viża lejn iż-żona Schengen. Ftehim dwar ir-riammissjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ukrajna ilu fis-seħħ mill-2007.
L-UE u l-Ukrajna ilhom jiltaqgħu f’laqgħat ta’ livell għoli mill-1997. B’kollox, sal-lum saru tlieta u għoxrin Summit bejn l-UE u l-Ukrajna fil-livell presidenzjali. Minn dak iż-żmien, ir-relazzjonijiet żviluppaw, b’aktar involviment u momentum. Id-djalogi l-ġodda bejn l-UE u l-Ukrajna dwar il-Patt Ekoloġiku u ċ-ċibersigurtà mnedija fl-2021 huma eżempji tajbin tal-espansjoni tal-kooperazzjoni f’oqsma ta’ interess strateġiku konġunt. L-UE flimkien ma’ ħafna sħab internazzjonali oħra ngħaqdu ma’ Pjattaforma Internazzjonali tal-Krimea stabbilita mill-Ukrajna fl-2021 bħala format ta’ koordinazzjoni konsultattiva bil-għan li tintemm b’mod paċifiku l-annessjoni illegali Russa tal-peniżola.
L-Ukrajna hija membru sħiħ tan-Nazzjonijiet Uniti, tal-Kunsill tal-Ewropa u Stat Parteċipanti tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE).
L-UE pprovdiet assistenza finanzjarja sinifikanti lill-Ukrajna, li tul is-snin, mill-2014 sal-2021, ammontat għal EUR 1,7 biljun f’għotjiet mogħtija permezz tal-Istrument Ewropew ta’ Viċinat, EUR 5,6 biljuni permezz ta’ ħames programmi ta’ assistenza makrofinanzjarja, fil-forma ta’ self, EUR 194 miljun f’għajnuna umanitarja u EUR 355 miljun minn strumenti ta’ politika barranija. L-UE tipprovdi l-appoġġ tagħha lill-Ukrajna għall-iżvilupp ta’ politika u riformi komprensivi, bl-involviment b’saħħtu tal-Istati Membri tal-UE fi spirtu ta’ Tim Ewropa. Għall-programmazzjoni pluriennali attwali, il-Kummissjoni żiedet l-enfasi tagħha fuq l-investimenti u l-prijoritajiet ewlenin fl-ambitu ta’ Pjan Ekonomiku u ta’ Investiment (EIP) 3 , li jfittex li jagħmel disponibbli sa EUR 6,5 biljuni f’investimenti pubbliċi u privati għall-pajjiż u se jipprovdi bażi għal rikostruzzjoni futura. L-approċċ żviluppat fl-ambitu tal-EIP se jservi bħala bażi tajba għal kwalunkwe pjan futur ta’ rikostruzzjoni.
Minn meta bdiet l-invażjoni Russa, l-UE żiedet l-appoġġ tagħha, billi mmobilizzat madwar EUR 4,1 biljuni għar-reżiljenza ekonomika, soċjali u finanzjarja ġenerali tal-Ukrajna fil-forma ta’ assistenza makrofinanzjarja ta’ emerġenza, appoġġ baġitarju, assistenza ta’ emerġenza, rispons għall-kriżijiet u għajnuna umanitarja. Dan jinkludi wkoll miżuri ta’ assistenza militari biex jappoġġaw lill-Ukrajna fl-ambitu tal-Faċilità Ewropea għall-Paċi, li jammontaw għal EUR 2 biljuni li se jintużaw għar-rimborż tal-Istati Membri tal-UE għall-appoġġ militari in natura tagħhom lill-Ukrajna.
Qabel u matul il-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja, l-UE ħadmet id f’id mal-istituzzjonijiet finanzjarji biex tappoġġa lill-Ukrajna. Sa mill-2014, il-Bank Ewropew tal-Investiment u l-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp immobilizzaw aktar minn EUR 9,5 biljuni f’self lill-Ukrajna. Minn dan il-BEI żborża EUR 668 miljun għall-baġit tal-Ukrajna f’dawn l-aħħar ġimgħat. L-UE qed taħdem ukoll f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Bank Dinji u l-Fond Monetarju Internazzjonali, li ilhom sħab ewlenin fl-isforzi għall-Ukrajna sa mill-2014.
Mill-2014, bl-istabbiliment tal-Grupp ta’ Appoġġ għall-Ukrajna, l-UE ttrasformat il-programmi ta’ assistenza tagħha. Hija għaddiet minn proġetti individwali għal pakketti ta’ appoġġ koerenti akbar għal riformi ewlenin u l-bini ta’ istituzzjonijiet tal-Istat. Din il-bidla importanti se tkun rilevanti ħafna fil-bini mill-ġdid u r-riforma wara l-gwerra tal-Ukrajna.
Mill-2016, l-Ukrajna estendiet progressivament il-parteċipazzjoni tagħha fil-programmi tal-UE, li ġiet parzjalment kofinanzjata mill-UE. B’mod partikolari, l-Ukrajna tipparteċipa f’Orizzont 2020 u Orizzont Ewropa, fil-Programm ta’ Riċerka u Taħriġ tal-Euratom, fil-programmi COSME, Ewropa Kreattiva u EU4 Youth. L-organizzazzjonijiet u l-individwi mill-Ukrajna jistgħu jibbenefikaw ukoll minn ċerti azzjonijiet tal-Programm Erasmus+ u tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà. F’xi programmi oħra bħall-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd. L-Ukrajna qed tipparteċipa f’diversi programmi tal-Interreg u hija membru tal-Istrateġija makroreġjonali tal-UE għar-reġjun tad-Danubius.
L-Ukrajna kkonkludiet arranġamenti ta’ ħidma, ftehimiet ta’ kooperazzjoni jew memoranda ta’ qbil ma’ għadd ta’ aġenziji tal-UE bħall-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (Frontex), l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Taħriġ fl-Infurzar tal-Liġi (CEPOL), iċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga (EMCDDA), l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fil-Ġustizzja Kriminali (EUROJUST), l-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija (Europol), l-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF), l-Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea (EASA), l-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima (EMSA), l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ferroviji (ERA), il-Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ (ETF), l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA), l-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol (EU-OSHA), iċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC) u oħrajn. L-Ukrajna qed tipparteċipa, mingħajr drittijiet tal-vot, fl-Uffiċċju tal-Korp ta’ Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (BEREC). Tlestew arranġamenti proċedurali biex l-Ukrajna tissieħeb fil-programm LIFE.
L-Ukrajna tipparteċipa fis-Sħubija tal-Lvant (SL). Is-SL hija bbażata fuq il-prinċipju tal-inklużività u d-differenzazzjoni. Il-gwerra tar-Russja fl-Ukrajna wriet li l-kooperazzjoni u l-koeżjoni multilaterali issa huma aktar importanti minn qatt qabel, bħalma huwa wkoll it-tisħiħ tar-reżiljenza tar-reġjun. Iktar ’il quddiem, se tkun importanti wkoll enfasi fuq ir-relazzjonijiet bilaterali, biex l-Ukrajna tkun tista’ timplimenta riformi ewlenin, inkluż fil-qasam tal-governanza, il-ġustizzja u l-istat tad-dritt.
B. KRITERJI GĦAS-SĦUBIJA
1. KRITERJI POLITIĊI
Din il-valutazzjoni hija bbażata fuq il-kriterji ta’ Copenhagen li għandhom x’jaqsmu mal-istabbiltà tal-istituzzjonijiet li jiggarantixxu d-demokrazija, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u r-rispett għall-minoranzi, u l-protezzjoni tagħhom.
1.1 Demokrazija
Kif stabbilit mill-Kostituzzjoni tagħha, l-Ukrajna hija demokrazija parlamentari-presidenzjali li fiha s-setgħat leġiżlattivi jiġu eżerċitati mill-Assemblea Parlamentari (Verkhovna Rada) u s-setgħat eżekuttivi mill-Gvern, filwaqt li l-President ikollu setgħat eżekuttivi importanti.
Il-Kostituzzjoni tipprevedi l-prinċipji fundamentali ta’ stat demokratiku, inklużi l-istat tad-dritt, l-elezzjonijiet liberi u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem. Il-primat tad-dritt internazzjonali huwa ddeterminat b’mod espliċitu mill-Kostituzzjoni li tirrendi t-trattati internazzjonali fis-seħħ bħala vinkolanti u parti integrali mil-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Ukrajna.
L-uniku korp li jista’ jinterpreta l-Kostituzzjoni u jiddetermina jekk il-leġiżlazzjoni tikkonformax magħha huwa l-Qorti Kostituzzjonali tal-Ukrajna (CCU), li għadha fi bżonn urġenti ta’ riforma f’konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni ta’ Venezja. L-introduzzjoni ta’ proċedura ta’ għażla kredibbli u trasparenti għall-ħatriet tal-imħallfin fis-CCU, inkluża verifika tal-integrità, hija ċentrali għal din ir-riforma. Il-leġiżlazzjoni rilevanti hija pendenti fil-Parlament.
Skont il-Kostituzzjoni tiegħu, il-President tal-Ukrajna huwa l-kap tal-Istat, elett direttament miċ-ċittadini għal mandat ta’ ħames snin. Il-politika barranija hija formalment ir-responsabbiltà tal-President, li huwa wkoll il-Kap Kmandant Suprem tal-Armata. Il-President għandu d-dritt li jagħżel il-ministri tad-difiża u tal-affarijiet barranin u jaħtar il-gvernaturi lokali. Is-setgħa eżekuttiva hija eżerċitata mill-Gvern, li jikkonsisti minn Prim Ministru, l-Ewwel Viċi Prim Ministru, tliet Viċi Prim Ministri u 18-il ministru. B’mod ġenerali, il-gvern għandu kapaċitajiet adegwati għall-ippjanar tal-politika. Matul il-gwerra, il-gvern tal-Ukrajna wera reżiljenza u kapaċità istituzzjonali biex jiffunzjona u baqa’ sieħeb internazzjonali affidabbli.
Il-Parlament, imsemmi Verkhovna Rada, huwa l-korp leġiżlattiv tal-Ukrajna, li jeżerċita kontroll demokratiku effettiv fuq il-fergħa eżekuttiva. Il-Parlament għandu rwol ewlieni fil-ħatra u t-tkeċċija tal-Gvern, u l-kapijiet u l-membri ta’ għadd ta’ istituzzjonijiet pubbliċi oħra. Huwa magħmul minn 450 deputat eletti għal mandat ta’ ħames snin. Għad hemm 26 siġġu vakanti fil-Verkhovna Rada, l-elezzjonijiet għal dawk is-siġġijiet ma sarux fir-Repubblika Awtonoma tal-Krimea u fil-Belt ta’ Sevastopol (il-Krimea) annessa illegalment mill-Federazzjoni Russa u fil-partijiet tal-oblasts ta’ Donetsk u Luhansk l lil hinn mill-kontroll tal-gvern. Il-Parlament approva d-deċiżjoni tal-President li jintroduċi l-liġi marzjali minħabba l-aggressjoni militari Russa fuq skala sħiħa fi Frar 2022, iżda l-ħidma leġiżlattiva għadha għaddejja matul dan il-perjodu.
L-iżviluppi politiċi fl-Ukrajna u r-rakkomandazzjonijiet minn organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti wasslu għal bidliet ripetuti fis-sistema elettorali użata għall-elezzjonijiet parlamentari. Fl-2019, ġie adottat Kodiċi Elettorali ġdid, li jirregola t-tipi kollha ta’ elezzjonijiet, biex il-liġi ssir konformi b’mod ġenerali mal-istandards internazzjonali rilevanti. Il-Kodiċi introduċa, fost l-oħrajn, sistema ta’ rappreżentanza proporzjonali b’lista miftuħa, persuni spostati internament mogħtija d-dritt għall-vot u kwoti msaħħa tal-ġeneru. Dan ġie ttestjat għall-ewwel darba matul l-elezzjonijiet lokali fl-2020 u wera l-ħtieġa ta’ xi emendi ulterjuri relatati mat-trasparenza tal-finanzjament tal-kampanja, dwar kopertura tal-media bbilanċjata u imparzjali, u ċerti aspetti tal-proċeduri tat-trattament tal-ilmenti u l-appelli elettorali. Il-liġi dwar ir-referenda nazzjonali ġiet adottata f’Jannar 2021 u għaddejja ħidma fuq il-liġi dwar referenda lokali. L-Uffiċċju tal-OSKE għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem (ODIHR) ivvaluta l-aktar elezzjonijiet presidenzjali b’żewġ ċikli reċenti u elezzjonijiet parlamentari bikrija fl-2019 bħala kompetittivi u t-tnejn, b’mod ġenerali, jirrispettaw id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali. Inħarġu xi rakkomandazzjonijiet li qed jiġu segwiti.
L-użu ta’ proċeduri urġenti biex jgħaddu leġiżlazzjoni, inkluż f’oqsma rilevanti għall-acquis tal-UE, huwa relattivament limitat. Jeħtieġ li jissaħħu l-valutazzjonijiet tal-impatt komprensivi tal-leġiżlazzjoni proposta u tas-sorveljanza leġiżlattiva tal-eżekuttiv, inkluż il-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni.
Il-finanzjament pubbliku tal-partiti politiċi ġie introdott fl-2016 bħala strument biex jissaħħu l-kapaċitajiet finanzjarji u istituzzjonali tagħhom. Ir-restawr sħiħ tal-obbligi ta’ rapportar finanzjarju tal-partiti politiċi, sospiżi matul il-pandemija tal-COVID-19, għadu qed jistenna l-approvazzjoni tal-Parlament. Wara l-bidu tal-aggressjoni militari Russa fuq skala sħiħa fi Frar 2022, l-awtoritajiet tal-Ukrajna ddeċidew li jipprojbixxu 11-il partit politiku meqjusa li qed jippromwovu l-interessi Russi.
L-Ukrajna għandha soċjetà ċivili vibranti li għandha rwol attiv fil-promozzjoni u s-sorveljanza tar-riformi. L-għarfien espert tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili tal-Ukrajna dwar ir-riformi settorjali ewlenin jagħmilhom sħab siewja għall-gvern u atturi importanti għall-forniment ta’ servizzi lokali. Il-qafas legali jiżgura l-protezzjoni tal-libertà ta’ assoċjazzjoni, ta’ espressjoni u ta’ għaqda paċifika. Ittieħdu miżuri biex tiġi appoġġata r-reġistrazzjoni tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, u jiġu ssimplifikati r-regoli dwar ir-rapportar u t-tassazzjoni. Filwaqt li hemm spazju ċiviku miftuħ ħafna, kien hemm pressjoni u theddid kontra attivisti ċiviċi minn interessi personali lokali, li f’xi każijiet wasslu għal vjolenza. L-awtoritajiet jikkundannaw tali attakki u żdiedu l-investigazzjonijiet, madankollu, huma meħtieġa sforzi addizzjonali biex jiġi żgurat li ma jkun hemm l-ebda impunità għal tali reati.
1.2. Riforma tal-amministrazzjoni pubblika
L-Ukrajna għamlet progress fit-titjib tal-amministrazzjoni pubblika tagħha mill-2014. Il-qafas legali għal amministrazzjoni pubblika moderna huwa fil-biċċa l-kbira tiegħu implimentat. Madankollu, dan għadu ma huwiex implimentat bis-sħiħ.
L-Ukrajna għandha qafas strateġiku għar-riforma tal-amministrazzjoni pubblika (PAR) żviluppat sew u mill-2016 ħejjiet u implimentat strateġiji PAR, skont l-istandards tal-prinċipji Ewropej tal-amministrazzjoni pubblika. Il-kisba ta’ aktar progress se tirrikjedi impenn aktar intensiv fl-ogħla livell politiku. Huma meħtieġa aktar sforzi mill-Ukrajna biex tiġi żgurata kapaċità amministrattiva adegwata għall-implimentazzjoni u l-infurzar tal-leġiżlazzjoni, speċjalment fir-rigward tal-ispezzjoni.
It-twassil effettiv u effiċjenti tas-servizz pubbliku ilu punt essenzjali distint tal-politika mill-2014. Mill-2019, il-gvern introduċa miżuri fost l-oħrajn biex: jissimplifika u jimmonitorja t-twassil tas-servizz; jelimina d-duplikazzjoni tal-front offices; u jtejjeb ir-rispons. Barra minn hekk, huwa abbozza liġi dwar is-simplifikazzjoni tat-tariffa amministrattiva, stabbilixxa l-kundizzjonijiet għas-servizzi elettroniċi (portali tal-web, it-tqegħid ta’ servizzi amministrattivi online, u l-interoperabbiltà); u ddefinixxa bil-liġi l-ispeċifiċitajiet tat-twassil ta’ servizzi pubbliċi (elettroniċi). L-Ukrajna għandha gvern elettroniku avvanzat, li fih iċ-ċittadini tagħha għandhom aċċess faċli għas-servizzi pubbliċi permezz ta’ pjattaforma online u applikazzjoni fuq il-mobile li kibret f’inqas minn sentejn għal 14-il miljun utent. Il-governanza diġitali żiedet l-effiċjenza u t-trasparenza tal-gvern, u ffaċilitat id-djalogu bejn il-gvern u ċ-ċittadin.
L-Ukrajna tejbet b’mod sinifikanti l-Ġestjoni Finanzjarja Pubblika (PFM) mill-ewwel strateġija PFM tagħha fl-2013. L-Istrateġija u l-Pjan ta’ Azzjoni PFM tal-2022-2025 ġew adottati f’Diċembru 2021. Din l-istrateġija l-ġdida hija konformi mal-metodoloġija tan-Nefqa Pubblika u tar-Responsabbiltà Finanzjarja (PEFA), u mal-istandards internazzjonali u tal-UE. Il-Gvern introduċa ppjanar baġitarju fuq terminu medju fl-2018. Id-dikjarazzjoni baġitarja ta’ tliet snin għall-2022-2024 ġiet approvata għall-ewwel darba fl-2021 u ġiet applikata għall-baġit tal-2022. Il-baġit tal-2020 ġie eżegwit skont l-indikaturi proposti mil-Liġi dwar il-Baġit. L-Ukrajna kompliet iżżid it-trasparenza baġitarja mill-2017. Il-leġiżlatura u l-istituzzjoni suprema tal-awditjar, jipprovdu, flimkien, sorveljanza aktar minn adegwata matul il-proċess tal-baġit. Id-dokumenti tal-baġit jipprovdu ħarsa ġenerali tajba lejn id-dħul u n-nefqa tal-baġit. Sar progress fit-tisħiħ tal-mobilizzazzjoni tad-dħul domestiku kemm fl-oqsma tat-taxxa kif ukoll f’dawk doganali f’konformità mal-impenji tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni. Is-sorveljanza tal-kontijiet barra l-baġit u l-użu tal-istandards internazzjonali fil-Kamra tal-Kontabilità tal-Ukrajna jeħtieġu aktar titjib.
Fir-rigward tal-governanza f’diversi livelli, id-deċentralizzazzjoni tal-Ukrajna għamlet progress kbir mill-2014. Din hija waħda mill-aktar riformi implimentati fil-pajjiż li ħalliet impatt u li rnexxiet. Saret faċilitatur kruċjali tal-iżvilupp soċjali u ekonomiku. Aspett ewlieni tar-riforma kien fużjoni (amalgamazzjoni) ta’ aktar minn 10 000 entità lokali żgħira u mxerrda f’1 470 muniċipalità akbar (“hromadas”) b’kapaċità amministrattiva u ekonomika akbar biex jiġu ġestiti r-responsabbiltajiet tagħhom b’mod aktar effettiv. Network mifrux mal-pajjiż kollu ta’ ċentri ta’ servizzi amministrattivi lokali ta’ “punt uniku ta’ servizz” jipprovdi servizzi ta’ kwalità liċ-ċittadini u lin-negozji. Ir-riforma kienet sostnuta minn deċentralizzazzjoni fiskali (inkluż sehem ta’ 64 % tat-taxxa fuq l-introjtu personali attwalment allokat lill-muniċipalitajiet) bl-għan li jiġu żgurati riżorsi stabbli meħtieġa għall-eżerċizzju tal-kompiti l-ġodda tal-awtonomija lokali. Il-muniċipalitajiet ibbenefikaw ukoll mit-trasferiment tal-proprjetà u kisbu opportunitajiet biex jirregolaw il-kummerċ tal-art fit-territorju tagħhom. Id-deċentralizzazzjoni settorjali għamlet progress kbir fis-saħħa u fl-edukazzjoni.
Fir-rigward tal-Ġestjoni tas-Servizz pubbliku u tar-Riżorsi Umani, fl-2016 daħlet fis-seħħ liġi ġdida dwar is-servizz ċivili. Il-liġi tħejji l-bażi għal servizz ċivili modern. Madankollu, il-bini ta’ servizz ċivili professjonali u bbażat fuq il-mertu jkun jirrikjedi rfinar kemm tal-qafas legali kif ukoll tal-prattika operazzjonali. Jeħtieġ li tiġi ffinalizzata riforma tas-sistema ta’ remunerazzjoni tas-servizz ċivili biex ikunu jistgħu jinżammu professjonisti kwalifikati u jiġi attirat talent ġdid. Immedjatament qabel ma faqqgħet il-gwerra, l-Ukrajna kienet wasslet biex tadotta liġi ewlenija dwar il-proċeduri amministrattivi. L-arkitettura istituzzjonali tal-amministrazzjoni tal-Istat hija regolata b’mod komprensiv, iżda d-disinn organizzazzjonali u l-mekkaniżmi ta’ tmexxija tagħha għandhom jittejbu biex tiġi żgurata governanza effettiva, orjentata lejn ir-riżultati u effiċjenti.
L-iżvilupp u l-koordinazzjoni tal-politika laħqu livell tajjeb f’għadd ta’ ministeri filwaqt li f’oħrajn jeħtieġ li jittejbu. Jeħtieġ li jiġi aġġornat il-qafas regolatorju għall-iżvilupp tal-politika, sabiex tittejjeb il-kapaċità analitika u biex id-dokumenti tal-ippjanar isiru aktar realistiċi, speċjalment billi jkun hemm allinjament aħjar mal-baġits disponibbli. Il-mekkaniżmu għall-konsultazzjonijiet pubbliċi u interministerjali jeħtieġ li jittejjeb aktar.
Il-ġestjoni tar-responsabbiltà tjiebet b’mod ġenerali, pereżempju billi introduċiet indikaturi tal-prestazzjoni fil-ministeri kollha. Il-qafas legali mhux dejjem jistabbilixxi linji ta’ responsabbiltà u arranġamenti ta’ governanza koerenti bejn il-korpi superviżorji u subordinati. L-awtonomija mogħtija lill-korpi mhux ministerjali ma tiffukax fuq iż-żamma tal-aġenziji responsabbli għar-riżultati.
1.3. Stat tad-dritt
Mir-Rivoluzzjoni tad-Dinjità fl-2014, l-Ukrajna wettqet żewġ ċikli ta’ riformi ġudizzjarji u ta’ kontra l-korruzzjoni (fl-2014-2016 u fl-2020-21) biex tallinja s-sistema ġudizzjarja mal-prinċipji tal-istat tad-dritt, biex issaħħaħ l-indipendenza ġudizzjarja u r-responsabbiltà u tistabbilixxi korpi indipendenti kontra l-korruzzjoni. Dawn ir-riformi kellhom ukoll l-għan li jagħmlu s-sistema aktar effiċjenti u trasparenti. Din il-ħtieġa ta’ riformi rriżultat fl-isfond ta’ indipendenza insuffiċjenti tal-ġudikatura mill-fergħat eżekuttivi u leġiżlattivi, livell baxx ta’ responsabbiltà, livelli għoljin ta’ korruzzjoni u influwenza b’saħħitha ta’ interessi oligarkiċi.
a) Il-ġudikatura
L-Ukrajna bdiet ir-riforma tas-settur tal-ġustizzja u l-approċċ strateġiku rilevanti huwa stabbilit.
Il-Kunsill Ġudizzjarju Għoli huwa l-korp ewlieni responsabbli għall-awtonomija tal-ġudikatura. Il-qafas kostituzzjonali u leġiżlattiv jiggarantixxi l-indipendenza tal-ġudikatura u l-imparzjalità tagħha. Hemm stabbiliti kodiċijiet ta’ etika għall-imħallfin u għall-prosekuturi, kif ukoll sistema integrata ta’ ġestjoni tal-każijiet b’allokazzjoni awtomatizzata tal-każijiet. Il-ħatra tal-imħallfin u tal-prosekuturi hija fil-prinċipju bbażata fuq kriterji oġġettivi u ta’ mertu, wara kompetizzjonijiet pubbliċi. Madankollu, tentattivi ta’ interferenza interna u esterna żejda fuq il-ġudikatura għadhom kwistjoni ta’ tħassib.
L-ewwel ċiklu ta’ riformi tal-ġustizzja li rriżulta f’emendi kostituzzjonali fl-2016 irnexxielu jissimplifika s-sistema tal-qorti minn waħda b’erbgħa livelli għal waħda bi tliet livelli. Huwa impona wkoll eżamijiet ġodda u kontrolli tal-integrità għall-imħallfin kollha li jippresjedu, li wasslu għar-riżenja ta’ aktar minn kwart tal-korp ġudizzjarju, madwar 2 000 imħallef. Il-ġudikatura bħalissa għandha nuqqas serju ta’ persunal, minħabba li l-korp responsabbli għall-proċeduri tal-għażla ġie xolt fi tmiem l-2019. Il-membri l-ġodda tal-Qorti Suprema ġew innominati b’mod trasparenti, madankollu ġew maħtura wkoll xi mħallfin b’integrità dubjuża. Il-ħatriet ġudizzjarji kienu miftuħa għall-professjoni legali kollha u ġiet introdotta sistema ta’ għażla ġudizzjarja aktar trasparenti. Żieda importanti mas-sistema ġudizzjarja kienet l-istabbiliment fl-2019 tal-Qorti Suprema Kontra l-Korruzzjoni, iffaċilitat minn involviment b’saħħtu tas-soċjetà ċivili tal-Ukrajna u tal-komunità internazzjonali.
Fil-preżent, il-ġudikatura għadha titqies bħala waħda mill-inqas istituzzjonijiet fdati u kredibbli. Fiż-żmien meta faqqgħet il-gwerra, l-Ukrajna kienet wasslet biex tiffinalizza l-implimentazzjoni ta’ riforma ġudizzjarja fundamentali (2020-2022) li twassal għal bidliet sistemiċi, jekk tiġi implimentata bis-sħiħ. L-aspetti ewlenin tar-riformi l-ġodda huma inkorporati fi Strateġija komprensiva ġdida għall-Iżvilupp tas-Sistema Ġudizzjarja u l-Ġudikatura Kostituzzjonali għall-2021-2023.
Fir-rigward tal-effiċjenza tas-sistema ġudizzjarja, l-istampa hija mħallta, b’xejra pożittiva fil-proċedimenti ċivili u kummerċjali u xejra negattiva fil-proċedimenti amministrattivi. L-akbar kwistjoni hija x-xogħol b’lura ta’ 578 750 kawża b’mod ġenerali (fl-2018), li hija problema b’mod partikolari fir-rigward tal-Qorti Suprema (bħalissa xogħol b’lura ta’ 24 000 kawża). Iż-żmien għar-riżoluzzjoni tal-kawża f’kawżi kontenzjużi ċivili u kummerċjali naqas għal 122 jum fl-2020, meta mqabbel ma’ 129 jum fl-2018 li jikkorrispondi għal livell standard ta’ effiċjenza. Ir-rata tal-ikklirjar żdiedet għal 98 % (97 % fl-2018)
Il-baġit ġenerali għall-2018 kien ta’ 632,1 miljun (0,56 % tal-PDG). Għalkemm 78 % tal-baġit tal-qrati jintefaq fuq salarji u kumpensi, ġew allokati fondi limitati ħafna għall-ħtiġijiet ta’ investiment (0,2 %) u għat-taħriġ (0,004 %). L-Ukrajna għandha 13-il imħallef u 21 prosekutur għal kull 100 000 abitant, meta mqabbla ma’ medja Ewropea ta’ 21 imħallef u 12-il prosekutur għal kull 100 000 abitant 4 .
F’Lulju 2021, ġiet adottata leġiżlazzjoni ġdida li tintroduċi kontrolli tal-integrità u tal-etika professjonali għall-korpi ewlenin tal-governanza ġudizzjarja (il-Kunsill Għoli tal-Ġustizzja, li r-responsabbiltajiet ewlenin tiegħu jinkludu ħatriet u tkeċċijiet ta’ mħallfin, u l-Kummissjoni Għolja għall-Kwalifiki tal-Imħallfin li tmexxi l-proċeduri tal-għażla għall-imħallfin il-ġodda), f’konformità sħiħa mar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni ta’ Venezja. Il-korpi inkarigati mill-kontrolli tal-integrità ġew stabbiliti u bdew ix-xogħol tagħhom. Wara sospensjoni tax-xogħlijiet mill-24 ta’ Frar 2022, bil-gwerra għaddejja, il-kontroll tal-integrità tal-membri attwali tal-HCJ ġie ffinalizzat fis-7 ta’ Mejju 2022; minn 21 membru tal-HCJ, għad fadal biss tlieta. Dawn ir-riformi għandhom il-potenzjal mhux biss li jibnu ġudikatura indipendenti u responsabbli, iżda wkoll li jnaqqsu l-influwenza tal-interessi personali li użaw is-sistema attwali ta’ governanza ġudizzjarja biex jimminaw l-istat tad-dritt fl-Ukrajna.
Sabiex tiġi indirizzata l-problema sistemika tan-nuqqas ta’ infurzar tad-deċiżjonijiet tal-qorti domestika, fl-2020, il-Gvern adotta Strateġija dwar ir-riżoluzzjoni tan-nuqqas ta’ infurzar tad-deċiżjonijiet tal-qorti fejn entità tal-Istat jew intrapriża tal-Istat tkun debitur. Fl-2021, il-Parlament adotta l-abbozz tal-liġi li jirriforma l-infurzar tad-deċiżjonijiet tal-qorti fl-ewwel qari.
Fi tmiem l-2019, tnediet riforma ambizzjuża tas-servizz ta’ prosekuzzjoni. L-element ewlieni tagħha kien l-eżaminar tal-11 700 prosekutur kollha fil-livell ċentrali, reġjonali u lokali abbażi ta’ kriterji ta’ professjonaliżmu u integrità. 30 % tal-prosekuturi fallew l-attestazzjoni u kellhom jitilqu mis-servizz. Infetħu madwar 2 000 każ tal-qorti li kkontestaw l-eżitu tal-attestazzjoni individwali u l-proċedimenti tal-qorti fil-biċċa l-kbira ta’ dawn il-każijiet għadhom għaddejjin. Fl-2021, il-Prosekutur Ġenerali introduċa b’suċċess proċedura ġdida għall-għażla trasparenti u bbażata fuq il-mertu tal-prosekuturi fil-livell tal-maniġment. Fl-2022, bdiet il-ħidma biex din il-proċedura interim tinbidel f’waħda permanenti, u tittejjeb is-sistema dixxiplinarja għall-prosekuturi.
b) Il-ġlieda kontra l-korruzzjoni
Il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni kienu partikolarment ta’ prijorità fuq l-aġenda tar-riforma tal-Ukrajna mir-Rivoluzzjoni tad-Dinjità. Aktar trasparenza u miżuri preventivi ġabu riżultati tanġibbli fit-tnaqqis tal-ispazju għall-korruzzjoni f’diversi setturi. Madankollu, għad hemm ħafna sfidi. Il-korruzzjoni għadha sfida serja li tirrikjedi attenzjoni kontinwa peress li timponi kostijiet sinifikanti fuq il-baġit tal-Istat, fuq in-negozji u fuq il-popolazzjoni, tiskoraġġixxi l-investiment domestiku u barrani u timmina l-istat tad-dritt.
Il-pajjiż huwa parti għall-konvenzjonijiet internazzjonali ewlenin kollha kontra l-korruzzjoni, inkluża l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-Korruzzjoni (UNCAC). Għadd ta’ rakkomandazzjonijiet mill-mekkaniżmi internazzjonali rilevanti ta’ monitoraġġ kontra l-korruzzjoni, inkluż il-GRECO, għadhom pendenti. Kull forma ta’ korruzzjoni hija kkriminalizzata, inkluż l-arrikkiment illeċitu, u l-liġijiet jirregolaw il-kunflitt ta’ interessi, jipproteġu lill-informaturi u jiżguraw finanzjament trasparenti tal-partijiet pubbliċi. Wara proċess ta’ abbozzar inklużiv, ġiet elaborata strateġija nazzjonali ġdida kontra l-korruzzjoni b’enfasi fuq is-setturi rilevanti, għalkemm l-adozzjoni finali tagħha mill-Verkhovna Rada għadha pendenti. Il-pjanijiet ta’ integrità u l-kodiċi ta’ etika huma stabbiliti f’partijiet ewlenin tal-amministrazzjoni pubblika u tal-ġudikatura bl-infurzar tagħhom żgurat b’mod gradwali permezz ta’ unitajiet ta’ kontroll intern u korpi dixxiplinari rispettivi.
L-Ukrajna segwiet b’suċċess riformi ewlenin biex tipprevjeni l-korruzzjoni u tipproteġi l-baġit tal-Istat, b’mod partikolari fir-rigward tal-akkwist pubbliku, it-twassil tas-servizz pubbliku, l-enerġija u s-setturi bankarji u tas-saħħa. L-istudji vvalutaw l-iffrankar reali ta’ dawn il-miżuri għal madwar sitta fil-mija tal-PDG kull sena. Sistemi elettroniċi trasparenti u komprensivi għad-dikjarazzjonijiet tal-assi għall-uffiċjali pubbliċi bdew joperaw fl-2016. Dawn jippermettu verifiki awtomatiċi u aċċess pubbliku għad-dikjarazzjonijiet ippreżentati. Bl-istess mod, ġiet introdotta sistema elettronika internazzjonali ġdida għall-akkwist pubbliku rebbieħa ta’ premjijiet Pro-Zorro (u l-spin-off tagħha Pro-Zorro Sale) biex tingħata spinta lit-trasparenza fi proċessi ta’ akkwist preċedentement mhux trasparenti. Kull sena, skont sorsi affidabbli, dawn is-sistemi pproduċew iffrankar reali ta’ wieħed fil-mija tal-PDG u se jkomplu jagħmlu dan.
Wara l-2014, is-soċjetà ċivili tal-Ukrajna u l-komunità internazzjonali kellhom rwol ewlieni ta’ abilitazzjoni fl-istabbiliment ta’ istituzzjonijiet speċjalizzati kontra l-korruzzjoni, jiġifieri l-Uffiċċju Nazzjonali ta’ Kontra l-Korruzzjoni (NABU), l-Uffiċċju Speċjalizzat ta’ Prosekuzzjoni Kontra l-Korruzzjoni (SAPO), l-Aġenzija Nazzjonali għall-Prevenzjoni tal-Korruzzjoni (NAPC), l-Aġenzija għall-Irkupru u l-Ġestjoni tal-Assi (ARMA) u l-Qorti Suprema Kontra l-Korruzzjoni (HACC). Dawn l-istituzzjonijiet għandhom mandati komprensivi f’konformità mal-istandards internazzjonali u joperaw b’mod dejjem aktar indipendenti, bir-riżorsi meħtieġa fil-biċċa l-kbira tagħhom stabbiliti, filwaqt li l-koordinazzjoni bejn l-aġenziji tista’ tittejjeb. Xi wħud minn dawn l-aġenziji bdew l-operazzjonijiet ta’ suċċess qabel (eż. NABU, HAAC) oħrajn (eż. SAPO, NAPC). L-indipendenza tal-istituzzjonijiet kollha ta’ kontra l-korruzzjoni għadha kruċjali. Il-kapijiet tagħhom għandhom jintgħażlu f’kompetizzjonijiet trasparenti u bbażati fuq il-kompetenza fejn tkun qed tiġi vverifikata wkoll l-integrità tal-kandidati potenzjali. Huwa partikolarment importanti li l-ħatra ta’ kap ġdid tal-SAPO titlesta b’urġenza permezz taċ-ċertifikazzjoni tar-rebbieħ identifikat tal-kompetizzjoni u li titwettaq l-għażla u l-ħatra tad-direttur tal-NABU.
Mil-lat ta’ prevenzjoni, l-NAPC għandha l-mandat tal-kunflitti ta’ interess, il-verifika tal-assi ddikjarati, l-awditjar tal-infiq tal-partiti politiċi u l-protezzjoni tal-informaturi. Fejn jidħol l--infurzar tal-liġi, l-NABU huwa fost l-aktar istituzzjonijiet fdati u żviluppa dejjem aktar il-kapaċitajiet istituzzjonali tiegħu u attitudni proattiva biex jiġu indirizzati l-allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni li jinvolvu uffiċjali ta’ livell għoli. Intużat sistema moderna ta’ ġestjoni tal-każijiet elettroniċi mill-NABU, l-SAPO u l-HACC biex jiġu ffaċilitati l-investigazzjonijiet u l-aġġudikazzjoni ta’ każijiet ta’ korruzzjoni ta’ livell għoli. L-istabbiliment tal-HACC fl-2019 permezz ta’ reklutaġġ trasparenti u bbażat fuq il-mertu tal-imħallfin u tal-persunal iffaċilita bil-kbir il-ħidma tal-istituzzjonijiet kontra l-korruzzjoni u wassal għal aġġudikazzjoni ġenerali aktar effettiva tal-każijiet tal-korruzzjoni.
Filwaqt li l-Ukrajna għamlet kisbiet notevoli, mil-lat ta’ prevenzjoni, fl-indirizzar tal-korruzzjoni, il-lat ta’ repressjoni jeħtieġ li jissaħħaħ b’mod konsiderevoli. L-għadd ta’ uffiċjali ta’ livell għoli mressqa quddiem il-ġustizzja għall-korruzzjoni għadu limitat. L-investigazzjonijiet tal-korruzzjoni xi drabi ma jkunux imparzjali u l-aġenziji tal-infurzar tal-liġi jesperjenzaw interferenzi politiċi.
Fir-rigward tar-rekord ta’ każijiet ta’ korruzzjoni ta’ livell għoli, mill-2019, l-HACC ħarġet total ta’ 72 verdett, li minnhom 39 huma kundanni finali, inkluż kontra membri tal-parlament, imħallfin, prosekuturi, membri tal-kunsilli lokali u kapijiet ta’ intrapriżi tal-Istat.
L-hekk imsejħa “liġi kontra l-Oligarki” ġiet ippromulgata f’Novembru 2021, bl-objettiv strateġiku li tiġi limitata l-influwenza eċċessiva tal-oligarki, billi jitnaqqas ir-rwol tagħhom fil-ħajja ekonomika, politika u pubblika tal-Ukrajna. L-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni rilevanti hija kruċjali.
c) Il-kriminalità organizzata
Fl-2019 saret riforma kbira tal-pulizija. Din kellha l-għan li żżid il-fiduċja tal-pubbliku fil-pulizija u ssaħħaħ il-kapaċità tagħhom li jittrattaw il-kriminalità organizzata. Ġew stabbiliti unitajiet speċjalizzati tal-pulizija biex jittrattaw it-terroriżmu, iċ-ċiberkriminalità u d-drogi. Il-Ministeru tal-Intern jaġixxi bħala koordinatur nazzjonali dwar il-kriminalità organizzata. Madankollu, il-pulizija għadha ssofri minn livell baxx ta’ tagħmir u għarfien espert biex twettaq investigazzjonijiet finanzjarji kumplessi. Ir-riforma tal-pulizija trid titkompla, inkluża l-introduzzjoni ta’ sistema ta’ ġestjoni verament professjonali.
L-Ukrajna rratifikat il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-Kriminalità Organizzata Tranżnazzjonali, kif ukoll il-protokolli tagħha dwar it-Traffikar ta’ Bnedmin u dwar il-Kuntrabandu ta’ Migranti. Il-leġiżlazzjoni tal-pajjiż kontra l-ħasil tal-flus tirrifletti parzjalment l-istandards tat-Task Force ta’ Azzjoni Finanzjarja (FATF) u l-leġiżlazzjoni internazzjonali rilevanti iżda għad hemm rakkomandazzjonijiet pendenti mill-Kumitat ta’ Esperti tal-Kunsill tal-Ewropa dwar l-Evalwazzjoni tal-Miżuri Kontra l-Ħasil tal-Flus u l-Finanzjament tat-Terroriżmu (MONEYVAL), li hija r-raġuni għaliex l-Ukrajna kienet qed tirrapporta lill-MONEYVAL taħt proċedura ta’ segwitu msaħħa. Huma meħtieġa aktar riformi biex tittejjeb il-konformità tal-Ukrajna mal-istandards tal-FATF, b’mod partikolari dawk relatati mal-assi virtwali, is-sjieda benefiċjarja aħħarija, u s-superviżjoni ta’ negozji u professjonijiet mhux bankarji. L-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ skemi ewlenin ta’ ħasil tal-flus għandhom jimxu ’l quddiem. L-istabbiliment ta’ qafas komprensiv għall-ġlieda kontra l-kriminalità finanzjarja u l-ħasil tal-flus, u l-iżgurar tal-implimentazzjoni effettiva tiegħu, huma kruċjali biex jiġu indirizzati r-riskji sinifikanti li joħolqu. Hija stabbilita Aġenzija għall-Irkupru u l-Ġestjoni tal-Assi (ARMA), madankollu, l-Aġenzija ilha mingħajr Kap permanenti mill-aħħar tal-2019. Il-leġiżlazzjoni relatata mal-ġestjoni tal-assi sekwestrati għandha tittejjeb u għandha tiġi adottata strateġija nazzjonali rilevanti dwar l-irkupru tal-assi.
Fil-livell nazzjonali, l-Ukrajna approvat Strateġija dwar il-Ġlieda kontra l-Kriminalità Organizzata fl-2020; il-Pjan ta’ Azzjoni għall-Istrateġija qed jiġi żviluppat u approvat aktar. Fl-2022 ġie adottat regolament tal-gvern dwar Valutazzjonijiet ta’ Theddid mill-Kriminalità Serja u Organizzata (SOCTA) u t-Task Forces Reġjonali għall-Valutazzjoni ta’ Theddid mill-Kriminalità Organizzata (ROCTAFs) tnedew mal-pajjiż kollu.
L-Ukrajna għandha arranġament ta’ ħidma stabbilit mal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Taħriġ fl-Infurzar tal-Liġi (CEPOL), ftehim operazzjonali u strateġiku mal-Aġenzija tal-infurzar tal-liġi tal-Unjoni Ewropea (Europol) u Memorandum ta’ Qbil maċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga (EMCDDA). L-Ukrajna tipparteċipa b’mod attiv fil-Pjattaforma Multidixxiplinari Ewropea Kontra t-Theddid Kriminali (EMPACT) u hija membru tal-Interpol. Hija tipparteċipa fi Skwadri ta’ Investigazzjoni Konġunta ffaċilitati mill-EUROJUST.
Il-pajjiż jinsab f’salib it-toroq importanti ta’ kuntrabandu ta’ oġġetti illegali lejn l-UE, inklużi l-armi u d-droga. Il-qtugħ illegali tas-siġar kien mifrux u minkejja l-isforzi li saru f’dawn l-aħħar snin, il-kummerċ illegali tal-injam għadu jippersisti. L-Ukrajna hija wkoll pajjiż ta’ oriġini, ta’ tranżitu u ta’ destinazzjoni għat-traffikar ta’ bnedmin. L-għadd ta’ investigazzjonijiet kriminali kompluti relatati ma’ reati mwettqa minn gruppi organizzati u organizzazzjonijiet kriminali żdied bil-mod f’dawn l-aħħar snin iżda għadu relattivament baxx (2021 – 499 każ; 2020 – 377 każ; 2019 – 293 każ), b’mod partikolari relatati ma’ allegazzjonijiet ta’ traffikar ta’ bnedmin (2021 – 45 każ; 2020 – 57 każ; 2019 – 10 każi).
B’mod ġenerali, ir-riforma tal-ambjent tal-infurzar tal-liġi trid titkompla abbażi ta’ pjan strateġiku ġenerali.
1.4. Drittijiet fundamentali
a) Il-qafas internazzjonali
L-Ukrajna rratifikat l-istrumenti internazzjonali ewlenin tad-drittijiet tal-bniedem u l-qafas legali u istituzzjonali domestiku tagħha li jirregola d-drittijiet fundamentali jsegwi b’mod wiesa’ l-istandards Ewropej u internazzjonali. Il-pajjiż ma rratifikax il-Konvenzjoni dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika (il-Konvenzjoni ta’ Istanbul).
b) L-istruttura legali u istituzzjonali
Il-qafas legali u istituzzjonali li jirregola d-drittijiet fundamentali huwa fis-seħħ u l-liġijiet ġeneralment isegwu l-istandards Ewropej u internazzjonali. Madankollu, l-implimentazzjoni għandha tittejjeb u l-kapaċità tal-istituzzjonijiet inkarigati mill-protezzjoni u l-infurzar tad-drittijiet tal-bniedem kif ukoll l-implimentazzjoni tal-istrateġiji u l-pjanijiet ta’ azzjoni eżistenti għadhom limitati. Dan xi drabi jimpedixxi l-infurzar effettiv tad-drittijiet tal-bniedem.
Fl-2021, l-Ukrajna adottat Strateġija Nazzjonali ġdida dwar id-Drittijiet tal-Bniedem għall-2021-2023 u Pjan ta’ Azzjoni biex jissaħħu l-isforzi biex l-istrutturi u l-proċeduri tal-amministrazzjoni pubblika tagħha jiġu allinjati mal-qafas internazzjonali.
L-istituzzjoni tal-Ombudsman – il-Kummissarju tal-Parlament tal-Ukrajna għad-Drittijiet tal-Bniedem – hija maħtura bħala l-Istituzzjoni Nazzjonali għad-Drittijiet tal-Bniedem u akkreditata bi status “A” mill-Alleanza Globali tal-Istituzzjonijiet Nazzjonali tad-Drittijiet tal-Bniedem bħala li tikkonforma fil-biċċa l-kbira tagħha mal-Prinċipji ta’ Pariġi.
c) Kwistjonijiet ewlenin dwar id-drittijiet fundamentali
Il-pajjiż għandu 501 sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem taħt proċedura ta’ superviżjoni msaħħa li qed jistennew li jiġu infurzati. Il-maġġoranza tal-każijiet huma ripetittivi u għandhom x’jaqsmu mal-ksur tad-dritt għal rimedju effettiv, it-tul tal-proċedimenti kriminali, it-trattament ħażin inklużi kundizzjonijiet ta’ detenzjoni ħżiena, it-tul tal-arrest preventiv u d-dritt għal-libertà u s-sigurtà.
Iċ-ċittadini tal-Ukrajna jibbenefikaw mil-libertà ta’ espressjoni u hemm spazju ċiviku pubbliku vibranti. Il-libertà tal-media tjiebet ukoll b’mod sinifikanti f’dawn l-aħħar snin, speċjalment bis-saħħa tal-media online. Il-media kkontrollata minn oligarki għandha influwenza sproporzjonata, b’mod partikolari fis-segment tat-televiżjoni. L-Ukrajna sabet bilanċ ġenerali tajjeb bejn il-preservazzjoni tal-libertà tal-media u l-miżuri kontra attakki ta’ diżinformazzjoni ibridi u massivi Russi mifruxa, li qed jiġu mmultiplikati minn xi mezzi tal-media lokali.
Il-Kostituzzjoni tal-Ukrajna tiggarantixxi l-protezzjoni kontra d-diskriminazzjoni, u l-Kodiċi Kriminali u diversi liġijiet kriminali fihom dispożizzjonijiet awtonomi dwar reati ta’ mibegħda. Madankollu, l-orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru ma humiex rikonoxxuti bħala raġunijiet protetti fil-leġiżlazzjoni kontra d-diskriminazzjoni. Il-leġiżlazzjoni meħtieġa għall-allinjament mal-acquis tal-UE hija identifikata fl-Istrateġija Nazzjonali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem 2021-2023, iżda għad trid tiġi implimentata.
L-Ukrajna qed tagħmel progress gradwali fir-rigward tal-aġenda tagħha dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, b’rappreżentanza politika akbar tan-nisa (20,5 % tad-deputati parlamentari eletti fl-2019 huma nisa) għalkemm id-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa għadha tippersisti bin-nisa b’mod ġenerali jaqilgħu 23 % inqas mill-irġiel bħala medja fl-2019. L-Ukrajna ma rratifikatx il-Konvenzjoni ta’ Istanbul, filwaqt li l-vjolenza abbażi tal-ġeneru għadha kwistjoni ta’ tħassib. Hemm żieda fit-tolleranza u fl-aċċettazzjoni ta’ persuni leżbjani, gay, bisesswali, transġeneri, intersesswali jew queer (LGBTIQ) fis-soċjetà tal-Ukrajna u l-infurzar tal-liġi huwa ta’ appoġġ fil-protezzjoni tal-eventi tal-LGBTIQ.
L-Ukrajna ħadet diversi inizjattivi legali biex ittejjeb id-drittijiet tat-tfal u rratifikat il-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal kif ukoll issieħbet fit-tliet Protokolli Fakultattivi tal-Konvenzjoni. Hija approvat ukoll l-Impenji ta’ Pariġi biex it-tfal jiġu protetti minn reklutaġġ jew użu illegali minn gruppi armati. Fl-istess ħin, l-Ukrajna għandha waħda mill-ogħla rati ta’ istituzzjonalizzazzjoni tat-tfal fid-dinja (madwar 1,5 % tat-tfal kollha), li huwa ta’ tħassib serju u jeħtieġ li jiġi indirizzat b’urġenza. Bl-istess mod, għad hemm nuqqas ta’ riżorsi fl-appoġġ għall-persuni b’diżabilità (madwar 6 % tal-popolazzjoni) u jeħtieġ li jiġi implimentat proċess ta’ deistituzzjonalizzazzjoni għat-tranżizzjoni lejn kura bbażata fil-komunità ta’ persuni b’diżabilità.
Id-drittijiet tal-persuni li jappartjenu għall-minoranzi huma ggarantiti b’mod kostituzzjonali fl-Ukrajna. Ir-rispett għad-drittijiet ta’ persuni li jappartjenu għal minoranzi nazzjonali fil-qasam tal-edukazzjoni u l-lingwa u r-rappreżentanza tagħhom f’korpi eletti fil-livelli kollha tal-ħajja pubblika jeħtieġ li jiġu żgurati billi jiġu implimentati bis-sħiħ ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni ta’ Venezja tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-liġi dwar l-edukazzjoni, l-implimentazzjoni ta’ dawk dwar il-liġi tal-Istat dwar il-lingwa u l-kunsiderazzjoni tal-aħħar ċiklu ta’ monitoraġġ tal-Konvenzjoni Qafas tal-Minoranzi Nazzjonali. Filwaqt li l-Ukrajna ħadet passi biex timplimenta r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni ta’ Venezja, teħtieġ li tiffinalizza r-riforma tagħha tal-qafas legali għall-minoranzi nazzjonali u tadotta mekkaniżmi effettivi ta’ implimentazzjoni.
In-nuqqasijiet preċedenti fl-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni tat-tortura u tat-trattament ħażin mill-uffiċjali tal-infurzar tal-liġi qed jiġu indirizzati mill-ħolqien tad-Dipartiment għas-Sorveljanza Proċedurali tal-Każijiet Kriminali tat-Tortura u Ksur Serju Ieħor mill-Infurzar tal-Liġi fl-Uffiċċju tal-Prosekutur Ġenerali f’Ottubru 2019. Hemm nuqqas ta’ persunal fil-ġudikatura fl-Ukrajna, u dan jipprevjeni l-konklużjoni ta’ proċessi fi żmien raġonevoli u jwassal għal nuqqas ta’ rimedju effettiv għall-vittmi ta’ reati serji. Barra minn hekk, is-sistema penitenzjarja ma għandhiex biżżejjed riżorsi u l-kundizzjonijiet f’postijiet ta’ ċaħda tal-libertà huma ħżiena.
2. KRITERJI EKONOMIĊI
Din il-valutazzjoni hija bbażata fuq il-kriterji ta’ Copenhagen relatati mal-eżistenza ta’ ekonomija tas-suq li tiffunzjona u l-kapaċità li treġi għall-pressjoni tal-kompetizzjoni u l-forzi tas-suq fi ħdan l-Unjoni. 5
2.1. Ekonomija tas-suq li tiffunzjona
Il-PDG per capita fl-Ukrajna kien jirrappreżenta 29,8 % tal-medja tal-UE fl-2020. Il-gvern għandu rekord sodisfaċenti fit-twettiq ta’ politiki makroekonomiċi ġeneralment sodi, fl-isfond ta’ kooperazzjoni ta’ suċċess f’nofs it-terminu ma’ sħab internazzjonali u reżiljenza b’saħħitha mill-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja (u huwa ta’ min jinnota kif il-gvern kompla jiżgura l-istabbiltà makroekonomika anke matul il-gwerra). Madankollu, l-iżviluppi ekonomiċi u ta’ politika ġew miżmuma minn implimentazzjoni kemxejn irregolari tar-riformi strutturali, li spiss tirrifletti n-nuqqas ta’ kunsens politiku u interferenza regolari minn interessi personali, li dewmu r-riformi, eż. bl-għan li jittejjeb l-ambjent tan-negozju, tissaħħaħ ir-responsabbiltà tal-finanzi pubbliċi jew tal-leġiżlazzjoni dwar l-ambjent u l-azzjoni klimatika.
Fil-fatt, l-awtoritajiet tal-Ukrajna wrew impenn b’saħħtu biex isegwu politiki makroekonomiċi orjentati lejn l-istabbiltà mir-Rivoluzzjoni ta’ Maidan. Il-gvern segwa konsolidazzjoni fiskali ambizzjuża li naqqset bin-nofs id-defiċit pubbliku għal madwar 2 % tal-PDG bħala medja mill-2015 u rnexxielu jillimita l-effett negattiv tar-reċessjoni minħabba l-COVID-19 fuq il-finanzi pubbliċi. Is-sostenibbiltà tad-dejn pubbliku, appoġġata minn tkabbir tal-PDG nominali b’saħħtu, tjiebet b’mod partikolari, peress li l-proporzjon tad-dejn naqas b’aktar minn 30 punti perċentwali għal anqas minn 50 % tal-PDG fl-2021. Fl-2016, il-Bank Nazzjonali tal-Ukrajna introduċa u sussegwentement ġestixxa b’suċċess il-qafas tiegħu mmirat lejn l-inflazzjoni, u b’hekk ippreserva l-istabbiltà tar-reġim flessibbli tar-rata tal-kambju u tejjeb il-fiduċja fil-munita nazzjonali. Madankollu, il-kuntest tal-gwerra jqajjem sfidi ġodda fir-rigward tal-inflazzjoni, li tnaqqset b’mod sinifikanti matul l-aħħar ħames snin għal 2,7 % fl-2020 qabel ma laħqet 9,4 % fl-2021. Il-livelli baxxi b’mod kroniku ta’ investiment domestiku u barrani jammontaw għat-tkabbir ekonomiku reali pjuttost imrażżan ta’ madwar 3 % fis-sena fl-erba’ snin qabel il-pandemija u d-differenza relattiva persistenti sussegwenti għall-istandards tal-għajxien fl-UE.
Dgħufijiet kbar persistenti fl-ambjent tan-negozju huma l-kawża ewlenija għan-nuqqas ta’ investiment. Fl-2019, l-Ukrajna kklassifikat fil-85 post fl-indiċi ta’ kompetittività globali tal-Forum Ekonomiku Dinji, primarjament minħabba istituzzjonijiet dgħajfa, il-prevalenza għolja ta’ dominanza tas-suq u politika ineffettiva kontra l-monopolju. Madankollu, il-kanċellazzjoni ta’ kważi wieħed minn kull ħamsa tal-atti regolatorji li qed jiġu rieżaminati fil-perjodu 2016-2020 wasslet għal xi progress fid-deregolamentazzjoni. Minkejja piż regolatorju moderat u l-ebda ostaklu legali sinifikanti għad-dħul fis-suq, il-korruzzjoni hija mifruxa u, flimkien ma’ sistema tal-qorti li għadha ma ġietx riformata bis-sħiħ, tirriżulta f’livell baxx ta’ infurzar tal-kuntratti, li jiskoraġġixxi l-intraprenditorija u r-relazzjonijiet kummerċjali transfruntiera. Minkejja ħafna inċertezza fl-istimi u fit-titjib f’dawn l-aħħar snin, is-sehem tal-ekonomija informali għadu sinifikanti u jista’ jilħaq sa terz tal-attività ekonomika fl-Ukrajna.
B’aktar minn 3 500 intrapriża tal-Istat (SOEs) fil-livell tal-gvern ċentrali, li jammontaw għal 10 % tal-output u madwar 18 % tal-impjiegi, l-impronta tal-Istat fl-Ukrajna hija konsiderevoli, filwaqt li l-SOEs huma wkoll riċevituri tal-għajnuna mill-Istat. Ir-riforma tal-governanza korporattiva tal-SOEs għamlet progress tajjeb fid-dawl tal-allinjament tagħha mal-istandards internazzjonali biex tiġi żgurata ġestjoni indipendenti, professjonali u trasparenti orjentata lejn il-profitt. F’dan il-kuntest, Privatbank ġie nnazzjonalizzat fl-2016 bħala riżultat ta’ frodi enormi. Madankollu, ir-redditu medju fuq l-ekwità fl-SOEs baqa’ ta’ 0,3 % fl-2019 6 , meta mqabbel ma’ 8 % fis-settur privat. Il-privatizzazzjoni pjuttost b’suċċess tal-assi żgħar tal-proprjetà u tal-produzzjoni, b’mod partikolari permezz ta’ rkantijiet elettroniċi, għad trid issir katalizzatur għall-privatizzazzjoni fuq skala kbira.
L-istabbiltà tas-settur finanzjarju ġiet imsaħħa mir-riforma regolatorja u superviżorja mill-kriżi bankarja tal-2014-2016, appoġġata minn tnaqqis konsiderevoli fis-self improduttiv minn 58 % fl-2017 għal 30 % fl-2021 u r-rikapitalizzazzjoni tal-banek għal livelli adegwati. B’sehem mis-suq ta’ kważi 50 % matul l-aħħar ħames snin, l-erba’ banek tal-Istat jiddominaw is-settur bankarju. Madankollu, l-intermedjazzjoni finanzjarja għadha baxxa, bis-self bankarju lis-settur privat li jammonta biss għal 19 % tal-PDG fl-2021. Is-swieq kapitali u l-intermedjazzjoni finanzjarja mhux bankarja huma fi stadju bikri ħafna ta’ żvilupp u ma joffrux għażliet ta’ finanzjament vijabbli lill-kumpaniji. Wara l-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja, il-Bank Nazzjonali tal-Ukrajna ħa passi xierqa biex jissalvagwardja l-likwidità tal-banek u l-fiduċja fis-sistema.
Leġiżlazzjoni mhux riformata li ntirtet li ma hijiex flessibbli kienet qed tfixkel il-funzjonament tas-suq tax-xogħol. Madwar 3 miljun persuna, jew kważi 20 % tal-impjegati kollha, kienu f’impjieg informali fl-2021. Ir-rata tal-qgħad baqgħet relattivament baxxa għal madwar 9 % fl-aħħar snin u ċ-ċiklu ekonomiku ma kellu l-ebda impatt kbir fuqha. Ir-rata tal-attività ekonomika kienet ferm ogħla minn xi pari reġjonali u baqgħet relattivament l-istess għal madwar 62 % (56 % għan-nisa) mill-2014, fil-kuntest ta’ emigrazzjoni sinifikanti tax-xogħol. Fil-fatt, skont l-estimi tal-2019, madwar 2,5 miljun Ukren u Ukrena, jew kważi 15 % tal-impjiegi totali, kienu qed jgħixu u jaħdmu barra mill-pajjiż. Din l-emigrazzjoni tal-ħaddiema wasslet għall-flussi konsiderevoli ta’ rimessi, li qabżu b’mod persistenti l-flussi ta’ investiment dirett barrani bi kważi erba’ darbiet.
2.2. Kapaċità li treġi għall-pressjoni tal-kompetizzjoni u l-forzi tas-suq fi ħdan l-Unjon
Sistema edukattiva żviluppata sew kienet tirrappreżenta rata ta’ litteriżmu ta’ kważi 100 % u medja pjuttost sodisfaċenti tal-valutazzjoni PISA tal-2018 fejn l-Ukrajna kisbet punteġġ fil-grad 40 minn 78 pajjiż. Minkejja n-nefqa konsiderevoli tal-gvern fis-settur (5,7 % tal-PDG fl-2021) u proporzjon ta’ reġistrazzjoni grossa fl-edukazzjoni terzjarja ta’ aktar minn 80 %, il-kurrikuli u l-kwalità ġenerali jistgħu jkunu allinjati aħjar mal-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol. In-nefqa fuq ir-riċerka u l-iżvilupp, li hija fil-biċċa l-kbira tagħha kkonċentrata fis-settur pubbliku u li kienet qed tonqos matul l-aħħar għaxar snin għal inqas minn 0,5 % fl-2020, baqgħet insuffiċjenti biex iżżid il-kapital uman b’mod sostenibbli.
Diġà qabel id-dannu sinifikanti kkawżat mill-gwerra Russa ta’ aggressjoni, l-istat tal-infrastruttura fiżika fl-Ukrajna kien jirrifletti livell baxx b’mod persistenti ta’ akkumulazzjoni ta’ kapital ġenerali, bil-proporzjon ta’ investiment f’medja ta’ madwar 17 % tal-PDG mir-rivoluzzjoni ta’ Maidan. Il-qerda kkawżata mill-gwerra hija immensa u tammonta għal mijiet ta’ biljuni ta’ euro. Wara l-gwerra, se jkun kruċjali mhux biss li dak li kien jeżisti jiġi restawrat, iżda wkoll li “jinbena mill-ġdid aħjar” b’rabta ċara mal-aġenda wiesgħa ta’ riforma fit-triq Ewropea tal-Ukrajna, sabiex tkun tista’ ssir it-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali tal-Ukrajna. It-tul tat-triq u l-produzzjoni tal-elettriku per capita kienu jirrappreżentaw, rispettivament, 48 % u 57 % tal-medja tal-UE fl-2020. Il-grad ta’ użu tan-networks tad-distribuzzjoni tal-elettriku kien stmat għal kważi 50 %. Minkejja t-tkabbir notevoli tas-settur tal-ICT fl-aħħar snin, il-biċċa l-kbira tal-kumpaniji jużaw biss għodod u teknoloġiji diġitali bażiċi.
F’livell moderat ta’ diversifikazzjoni, l-istruttura tal-ekonomija tal-Ukrajna ftit li xejn inbidlet mill-2014 u baqgħet ikkonċentrata f’setturi b’valur miżjud baxx. Is-sehem tal-manifattura fil-PDG naqas minn 12,2 % fl-2014 għal 10,3 % fl-2021. Il-kummerċ (13,8 % tal-PDG), l-agrikoltura (10,8 % tal-PDG) u l-estrazzjoni minerarja (6,7 % tal-PDG) kienu l-aktar tliet setturi importanti l-oħra fl-2021. Fl-istess ħin, is-setturi tal-kummerċ, tal-agrikoltura u tal-industrija kienu jirrappreżentaw kważi 60 % tal-impjiegi, u b’hekk hija ssuġġerita produttività tax-xogħol aktar baxxa meta mqabbla mal-partijiet l-oħra tal-ekonomija.
Il-ftuħ ġenerali tal-ekonomija ilu jonqos matul l-aħħar snin, bi tnaqqis fil-kummerċ barrani fl-oġġetti u s-servizzi bħala sehem tal-PDG bi kważi kwart mill-2015 għal 82,6 % tal-PDG fl-2021. Madankollu, l-integrazzjoni ekonomika mal-UE kompliet tagħmel progress bis-saħħa tal-implimentazzjoni tal-AA/DCFTA. L-ambitu tal-esportazzjonijiet tal-Ukrajna lejn l-UE kien twessa’ mill-2015, anke f’termini tan-numru ta’ ditti esportaturi (14 238 kumpanija ta’ esportazzjoni fl-2021, jiġifieri 22 % aktar milli fl-2015). Is-sehem tal-esportazzjonijiet lejn l-UE, li kkonsista l-aktar minn prodotti agrikoli, metalli u minerali, żdied minn 28 % fl-2015 għal 36 % fl-2021. Is-sehem tal-importazzjonijiet mill-UE, li kien magħmul primarjament minn magni, sustanzi kimiċi u minerali, issaħħaħ ukoll minn 36 % fl-2015 għal 41 % fl-2021. Bħala membru tad-WTO mill-2008, l-Ukrajna għandha politika kummerċjali relattivament miftuħa.
3. KAPAĊITÀ LI L-PAJJIŻ JASSUMI L-OBBLIGI TAS-SĦUBIJA
Il-kapaċità tal-Ukrajna li tassumi l-obbligi tas-sħubija ġiet evalwata abbażi tal-indikaturi li ġejjin:
-L-impenji fil-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni u fiż-Żona ta’ Kummerċ Ħieles Approfondita u Komprensiva u l-implimentazzjoni tagħhom;
-Il-livell ta’ adozzjoni, implimentazzjoni u infurzar tal-acquis barra l-AA/DCFTA.
Il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Ukrajna, inkluża Żona ta’ Kummerċ Ħieles Approfondita u Komprensiva (AA/DFCTA), jappartjeni għal ġenerazzjoni ġdida ta’ ftehimiet ta’ assoċjazzjoni bejn l-UE u l-pajjiżi sħab. 21 mill-annessi/l-appendiċijiet tiegħu fihom listi ta’ biċċiet speċifiċi tal-acquis bi skeda dettaljata ta’ implimentazzjoni li tvarja minn sentejn sa 10 snin. Għalhekk, il-Ftehim jiġbor parti sostanzjali mill-acquis tal-UE. Impenn b’saħħtu mill-Ukrajna għall-implimentazzjoni tal-AA/DCFTA wassal għal kooperazzjoni bilaterali msaħħa u integrazzjoni ekonomika gradwali mal-Unjoni Ewropea f’firxa wiesgħa ta’ setturi. In-natura dinamika tal-Ftehim ġiet sfruttata permezz tal-aġġornament tal-annessi, biex jiġi kopert ukoll acquis tal-UE aktar reċenti minn dak inizjalment inkluż fil-Ftehim. L-annessi li ġejjin ġew aġġornati dan l-aħħar: L-Anness XXVII dwar l-enerġija, l-Anness XXI dwar l-akkwist pubbliku, l-Anness V dwar il-miżuri sanitarji u fitosanitarji u l-Anness XVII dwar is-servizzi fi 3 setturi: is-servizzi tat-telekomunikazzjoni, tal-posta u tal-kurrier, u s-servizzi internazzjonali tat-trasport marittimu. Intlaħaq ftehim preliminari dwar l-Anness XXXI dwar l-azzjoni klimatika, l-Anness XV dwar l-approssimazzjoni tal-leġiżlazzjoni doganali u l-Anness XLIV dwar il-kooperazzjoni finanzjarja mad-dispożizzjonijiet kontra l-frodi.
Fl-2020, l-UE u l-Ukrajna nedew ir-Rieżami Komprensiv tal-Kisbiet tal-Objettivi tal-Ftehim skont l-Artikolu 481 tal-AA sabiex jieħdu vantaġġ sħiħ mill-potenzjal tal-AA/DCFTA.
Il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Ukrajna jipprovdi struttura istituzzjonali komprensiva għad-djalogu bilaterali u għall-monitoraġġ tal-proċess tal-approssimazzjoni u l-implimentazzjoni gradwali tal-leġiżlazzjoni tal-Ukrajna mal-acquis tal-UE. Dan jinkludi laqgħat annwali tas-Summit fl-ogħla livell politiku, fil-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni, fil-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni u fil-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni fil-Konfigurazzjoni tal-Kummerċ, f’Sottokumitati speċjali f’ħames oqsma, kif ukoll f’sitt Sottokumitat ta’ Raggruppamenti speċjali li jkopru kważi l-kapitoli kollha tal-acquis tal-UE. Il-passi li ħa l-gvern tal-Ukrajna fl-implimentazzjoni tal-Ftehim jikkonfermaw ukoll il-kapaċità tiegħu li jimplimenta l-acquis rilevanti tal-UE inkluż l-istabbiliment ta’ qafas ta’ koordinazzjoni interistituzzjonali adegwat. Fl-2016 inħolqot kariga ta’ Viċi Prim Ministru għall-integrazzjoni tal-UE u tal-Ewro-Atlantika, flimkien ma’ Uffiċċju tal-Gvern riformat għall-Koordinazzjoni tal-Integrazzjoni Ewropea u Ewro-Atlantika fil-Kabinett tal-Ministri. Il-Viċi Ministri responsabbli għall-kwistjonijiet ta’ integrazzjoni Ewropea ġew maħtura fil-gvernijiet suċċessivi fil-ministeri kollha.
L-implimentazzjoni mill-Ukrajna tal-acquis tal-UE hija dokumentata fir-“Rapporti dwar l-Implimentazzjoni tal-Assoċjazzjoni” annwali tal-UE mill-2016 7 . L-Ukrajna qed toħroġ ukoll ir-rapport tagħha stess.
L-Istati Membri tal-UE huma involuti mill-qrib fl-implimentazzjoni tal-AA/DCFTA permezz tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni u l-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni. Pożizzjonijiet Komuni huma adottati għall-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni u jintlaħaq qbil dwar Aġenda Annotata dettaljata għall-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni. Il-Kumitat Parlamentari ta’ Assoċjazzjoni UE-Ukrajna jinvolvi lill-Parlament Ewropew u lill-Parlament tal-Ukrajna fl-implimentazzjoni tal-ftehim. Is-soċjetà ċivili qed timmonitorja wkoll l-implimentazzjoni permezz tal-Pjattaforma tas-Soċjetà Ċivili bejn l-UE u l-Ukrajna.
Wara l-adozzjoni tal-metodoloġija riveduta tat-tkabbir 8 għall-finijiet tal-politika tat-Tkabbir tal-UE, l-acquis tal-UE huwa strutturat madwar sitt gruppi tematiċi. L-acquis f’dawn il-gruppi huwa sostanzjalment kopert mill-AA/DFCTA. L-Ukrajna approssimat b’mod gradwali mal-acquis tal-UE inkluż fl-AA/DCFTA u għandha rekord sodisfaċenti ġenerali ta’ implimentazzjoni, għalkemm il-progress ma huwiex uniformi u d-dewmien biex jintlaħqu l-iskedi ta’ żmien ambizzjużi fl-AA/DCFTA kien frekwenti. Sakemm titwettaq analiżi sħiħa tal-kapitoli kollha fi stadju aktar tard fil-proċess, l-analiżi tipprovdi eżempji ta’ kapitoli fir-raggruppamenti li fihom l-Ukrajna kisbet riżultati partikolarment tajbin u tenfasizza oqsma fejn kien hemm approssimazzjoni limitata mal-acquis.
Ir-raggruppament tal-Elementi Fundamentali jinkludi l-kapitoli tal-acquis tal-UE dwar Il-ġudikatura u d-drittijiet fundamentali, il-Ġustizzja, il-libertà u s-sigurtà, L-Akkwist pubbliku, L-istatistika, u L-kontroll finanzjarju. Dan ir-raggruppament ġie vvalutat prinċipalment skont it-taqsimiet tal-kriterji Politiċi u Ekonomiċi.
Ir-raggruppament tas-Suq Intern jinkludi l-kapitoli tal-acquis tal-UE dwar Il-moviment liberu tal-merkanzija, Il-moviment liberu tal-ħaddiema, Id-dritt tal-istabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi, Il-moviment liberu tal-kapital, Id-dritt tal-kumpaniji, Il-liġi dwar il-proprjetà Intellettwali, Il-politika tal-kompetizzjoni, Is-servizzi finanzjarji, Il-protezzjoni tal-konsumatur u tas-saħħa. F’dan ir-raggruppament inkisbu riżultati partikolarment tajbin, pereżempju, fil-qasam tal-moviment liberu tal-merkanzija. L-Ukrajna għamlet progress tajjeb fl-allinjament tal-acquis tal-UE dwar l-Ostakoli Tekniċi għall-Kummerċ bl-għan li tikkonforma mal-istandards tal-UE dwar is-sikurezza tal-prodotti. Dan ippermetta li jibdew it-tħejjijiet għal Ftehim futur dwar il-Valutazzjoni tal-Konformità u l-Aċċettazzjoni tal-Prodotti Industrijali (AAC) fi tliet setturi li għalihom għadha għaddejja valutazzjoni minn qabel.
Inkisbu wkoll riżultati tajbin fil-qasam tal-kompetizzjoni. L-Ukrajna għandha stabbilita liġi dwar il-kompetizzjoni, li fiha sett standard ta’ regoli komparabbli mal-biċċa l-kbira tal-atti tal-antitrust fl-UE. Barra minn hekk, matul l-aħħar snin, l-awtorità tal-kontroll tal-kompetizzjoni tal-Ukrajna tejbet b’mod sinifikanti l-prattiki tagħha ta’ ġestjoni tal-każijiet bl-għan li tallinja mal-liġijiet u l-prattiki tal-UE dwar il-kompetizzjoni. Il-liġi attwali dwar l-Għajnuna mill-Istat tipprovdi bażi għall-kontroll tal-Għajnuna mill-Istat iżda jeħtieġ li tiġi allinjata aktar.
Hemm oqsma oħra fir-raggruppament fejn l-approssimazzjoni għall-acquis tal-UE għadha limitata; dan japplika, pereżempju, għall-qasam tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali (DPI). Ġew adottati għadd ta’ liġijiet ġodda fl-2019 u fl-2020: dwar trademarks u disinji, dwar il-privattivi, dwar Indikaturi Ġeografiċi u dwar miżuri tad-DPI fil-fruntieri. Huma meħtieġa aktar sforzi b’mod partikolari fir-rigward tal-implimentazzjoni u l-infurzar.
Ir-raggruppament tal-Kompetittività u t-tkabbir inklużiv jinkludi l-kapitoli tal-acquis tal-UE dwar Is-soċjetà tal-informazzjoni u l-media, It-tassazzjoni, Il-politika ekonomika u monetarja, Il-politika soċjali u l-impjiegi, Il-politika tal-intrapriżi u industrijali, Ix-Xjenza u r-riċerka, l-Edukazzjoni u l-kultura, L-Unjoni doganali. F’dan ir-raggruppament inkisbu riżultati partikolarment tajbin, pereżempju, fil-qasam tas-soċjetà tal-informazzjoni u tal-media fejn l-Ukrajna wettqet riforma settorjali fil-fond u approssimazzjoni mal-acquis tal-UE dwar is-Suq Uniku Diġitali. L-Ukrajna adottat il-liġijiet dwar il-komunikazzjonijiet elettroniċi u r-regolatur tat-telekomunikazzjoni, u ilha tinforza dawk il-liġijiet mill-bidu tal-2022. L-allinjament mal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-media awdjoviżiva għad irid jitlesta, b’mod partikolari fir-rigward tar-rwol tar-regolatur tal-media, it-trasparenza tas-sjieda tal-media, u kundizzjonijiet ugwali tas-suq.
Inkisbu wkoll riżultati tajbin fil-qasam tad-dwana. L-Ukrajna adottat il-leġiżlazzjoni meħtieġa biex tikkonforma mar-rekwiżiti u tingħaqad mal-konvenzjonijiet dwar il-Proċedura Komuni ta’ Tranżitu u dwar is-simplifikazzjoni tal-formalitajiet fil-kummerċ tal-merkanzija, u timplimenta l-Programm tal-Operaturi Ekonomiċi Awtorizzati, filwaqt li tisfrutta l-vantaġġi fil-proċeduri tal-iżdoganar tal-merkanzija u l-faċilitazzjoni tal-kummerċ fil-merkanzija. In-negozjati dwar l-aġġornament tal-Anness XV relatat mal-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar il-Kodiċi Doganali l-ġdid tal-Unjoni ġew iffinalizzati b’suċċess. L-assoċjazzjoni tal-Ukrajna ma’ Orizzont Ewropa u mal-Programm ta’ Riċerka u Taħriġ tal-Euratom hija strument ta’ suċċess għall-integrazzjoni mal-prattiki tal-UE fil-qasam tar-riċerka u l-innovazzjoni.
Hemm oqsma oħra fir-raggruppament fejn l-approssimazzjoni għall-acquis għadha limitata, pereżempju fil-qasam tal-politika soċjali u tal-impjiegi.
Ir-raggruppament dwar l-aġenda ekoloġika u l-konnettività sostenibbli jinkludi l-kapitoli tal-acquis dwar Il-politika tat-Trasport, l-Enerġija, in-networks Trans-Ewropej, u l-Ambjent u t-tibdil fil-klima. F’dan ir-raggruppament inkisbu riżultati partikolarment tajbin fil-qasam tal-enerġija fir-rigward tal-istabbiliment tas-swieq tal-elettriku u tal-gass tiegħu, inklużi s-separazzjoni u ċ-ċertifikazzjoni tal-operaturi tan-network tat-trażmissjoni tal-gass u tal-elettriku. L-Ukrajna wettqet ukoll trasformazzjoni strutturali tad-disinn tagħha tas-suq tal-elettriku u tal-gass, abbażi tar-regoli tal-UE. Is-sħubija tal-Ukrajna fil-Komunità tal-Enerġija tat spinta lill-proċess tal-approssimazzjoni tal-leġiżlazzjoni. Il-leġiżlazzjoni qafas dwar l-Effiċjenza Enerġetika qed tkopri partijiet sostanzjali tal-acquis tal-UE. Il-ħidma tajba f’dan il-qasam ippermettiet lill-Ukrajna tkun konnessa mal-grilja tal-elettriku tal-UE f’Marzu 2022 u taqbel dwar żieda gradwali tal-esportazzjonijiet tal-elettriku taħt kundizzjonijiet tekniċi ċari li għandhom jiġu ssodisfati. L-Ukrajna għandha potenzjal kbir għall-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli u għall-iżvilupp ta’ ekonomija tal-idroġenu nadif. Dawn kollha jgħinu biex titnaqqas id-dipendenza enerġetika fuq il-fjuwils fossili Russi f’konformità mal-pjan REPowerEU u biex jitnaqqsu l-kwistjonijiet ta’ likwidità fis-settur tal-enerġija. Il-Grupp ta’ Ħidma ta’ Livell Għoli dwar is-suq tal-enerġija se jkompli jaċċellera r-riformi meħtieġa filwaqt li jiżgura s-sigurtà reġjonali tal-provvista, u jwitti t-triq għall-kummerċ futur tal-elettriku u tal-idroġenu rinnovabbli, kif ukoll il-bini mill-ġdid tas-sistema tal-enerġija fl-ambitu tal-inizjattiva REPowerUkraine. Għal dan ir-raggruppament, id-djalogu strateġiku ta’ livell għoli mal-Ukrajna dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew 9 u t-tranżizzjoni ekoloġika tal-Ukrajna, li tnieda fl-2021 wera interess ta’ livell għoli u dedikazzjoni għall-aġenda ekoloġika min-naħa tal-gvern tal-Ukrajna. Dan huwa meħtieġ biex tkun tista’ sseħħ it-tranżizzjoni ekoloġika tal-pajjiż u jintlaħqu l-miri klimatiċi l-ġodda tiegħu f’konformità mal-objettivi tal-Ftehim ta’ Pariġi. Id-djalogu wera wkoll li huma meħtieġa sforzi konsiderevoli biex jiġi żgurat allinjament leġiżlattiv, pereżempju, mal-acquis tal-UE dwar il-klima u l-ambjent, kif ukoll biex jiġu żgurati l-kapaċitajiet amministrattivi, finanzjarji u organizzattivi adegwati għall-implimentazzjoni u l-infurzar tiegħu.
Hemm oqsma oħra fir-raggruppament li fihom l-approssimazzjoni għall-acquis għadha limitata, pereżempju, fil-qasam tat-trasport, fejn ġie implimentat biss madwar terz tal-acquis rilevanti tal-UE. Inkisbu riżultati sinifikanti biss f’xi oqsma ta’ importanza essenzjali għar-riforma tas-settur tat-trasport, bħal permezz tal-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni dwar il-passaġġi fuq l-ilma interni u dwar it-trasport multimodali. Mill-2018, id-Djalogu dwar it-Trasport jgħin biex tissaħħaħ il-konnettività u tiġi appoġġata l-approssimazzjoni. L-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar iż-Żona ta’ Avjazzjoni Komuni bejn l-UE u l-Ukrajna ffirmat f’Ottubru 2021 se twassal għall-armonizzazzjoni progressiva tal-leġiżlazzjoni tal-Ukrajna mar-regoli u l-istandards tal-avjazzjoni tal-UE.
Ir-raggruppament Riżorsi, agrikoltura u koeżjoni jinkludi l-kapitoli tal-acquis tal-UE dwar L-agrikoltura u l-iżvilupp rurali, Is-sikurezza tal-ikel, Il-politika veterinarja u fitosanitarja, Is-Sajd, Il-politika reġjonali u l-koordinazzjoni ta’ strumenti strutturali, u Dispożizzjonijiet finanzjarji u baġitarji. F’dan ir-raggruppament inkisbu riżultati partikolarment tajbin, pereżempju, fil-qasam tas-sikurezza tal-ikel, il-politika veterinarja u fitosanitarja. Is-settur sanitarju u fitosanitarju jispikka bħala żona l-aktar komprensiva u kumplessa unika fl-AA/DCFTA. L-Ukrajna għandha rata ta’ allinjament partikolarment għolja ta’ leġiżlazzjoni fil-qasam tas-sikurezza tal-ikel, is-saħħa tal-annimali u tal-pjanti. Ir-responsabbiltajiet li jirriżultaw mil-leġiżlazzjoni aġġornata huma kondiviżi b’mod ċar bejn is-setturi pubbliċi u privati biex jiġi żgurat li jitqiegħdu fis-suq prodotti ta’ sikurezza xierqa, kemm domestikament – biex b’hekk tittejjeb il-fiduċja tal-konsumaturi tal-Ukrajna fil-prodotti tal-Ukrajna – iżda anke għall-esportazzjonijiet, inkluż lejn l-UE. L-Ukrajna qed taħdem f’kooperazzjoni mill-qrib mal-organizzazzjonijiet reġjonali għall-ġestjoni tas-sajd biex tallinja l-leġiżlazzjoni rilevanti tagħha mal-acquis tal-UE u mal-istandards internazzjonali. Il-pajjiż beda jimplimenta xi mekkaniżmi ewlenin għall-politika reġjonali.
L-approssimazzjoni għall-acquis tal-UE fil-qasam tal-Agrikoltura u l-iżvilupp rurali hija limitata.
Ir-raggruppament relazzjonijiet esterni jinkludi r-relazzjonijiet esterni u l-politika barranija, tas-sigurtà u tad-difiża. L-Ukrajna għandha rekord ġenerali tajjeb ta’ allinjament mal-pożizzjonijiet tal-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni tal-UE. Ir-rata ta’ allinjament mad-dikjarazzjonijiet rilevanti tar-Rappreżentant Għoli f’isem id-Deċiżjonijiet tal-UE u tal-Kunsill kienet ta’ 79 % fl-2021 (2020: 81 %; 2019: 63 %; 2018: 46 %, 2017: 80 %). L-Ukrajna kienet kontributur attiv għall-EUNAVFOR ATALANTA bejn Novembru 2010 u Novembru 2011 (forniment ta’ uffiċjal navali) u f’Jannar-Frar 2014 (forniment ta’ frejgata). L-Ukrajna kkontribwiet ukoll għall-Gruppi Tattiċi tal-UE f’diversi okkażjonijiet bejn l-2011 u l-2020 u kienet qed tħejji biex tipparteċipa fil-missjoni EUFOR Althea li eventwalment ma kienx possibbli minħabba l-gwerra tar-Russja kontra l-Ukrajna. Hemm lok ta’ tisħiħ ulterjuri tal-kooperazzjoni fil-qasam tal-Politika ta’ Sigurtà u ta’ Difiża Komuni (PSDK) u biex tinkiseb aktar konverġenza mal-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni (PESK) inkluż fir-rigward tal-pożizzjonijiet tal-UE. L-Ukrajna għad trid tissodisfa l-impenn tagħha skont l-Artikolu 8 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni biex tirratifika l-Istatut ta’ Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali.
4. KONKLUŻJONIJIET U RAKKOMANDAZZJONIJIET
L-Ukrajna hija demokrazija parlamentari-presidenzjali vitali b’elezzjonijiet kompetittivi fil-livell nazzjonali u lokali, ibbażata fuq qafas kostituzzjonali, leġiżlattiv u istituzzjonali komprensiv li ġeneralment jikkorrispondi għal standards Ewropej u internazzjonali. Il-qafas legali għal amministrazzjoni pubblika moderna huwa stabbilit iżda għadu ma huwiex implimentat bis-sħiħ. L-Ukrajna wettqet riforma ta’ deċentralizzazzjoni b’suċċess, inkluża deċentralizzazzjoni fiskali. L-indipendenza ġudizzjarja ġiet imsaħħa u ġew stabbiliti korpi indipendenti kontra l-korruzzjoni, inkluża Qorti Suprema Kontra l-Korruzzjoni li tiffunzjona tajjeb. L-indipendenza tal-istituzzjonijiet kollha ta’ kontra l-korruzzjoni għadha kruċjali. Għandhom jissaħħu r-responsabbiltà u l-effiċjenza tal-ġudikatura u li jiġu indirizzati n-nuqqasijiet fil-funzjonament tal-istituzzjonijiet tal-infurzar tal-liġi, b’mod partikolari fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni, li għadha sfida serja fil-pajjiż kollu. Il-qafas legali u istituzzjonali li jiżgura r-rispett għad-drittijiet fundamentali huwa stabbilit u huwa mħares b’mod ġenerali iżda l-implimentazzjoni għandha tittejjeb aktar. Soċjetà ċivili attiva u mogħtija s-setgħa hija karatteristika li tiddefinixxi d-demokrazija tal-Ukrajna. Ir-reżiljenza tal-istituzzjonijiet tal-Ukrajna ilha tintwera bis-sħiħ mill-invażjoni Russa, bil-gvern ikompli jiffunzjona fil-livelli kollha. B’mod ġenerali, fir-rigward tal-kriterji politiċi, l-Ukrajna hija f’pożizzjoni tajba sew biex tilħaq l-istabbiltà tal-istituzzjonijiet li jiggarantixxu d-demokrazija, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u r-rispett għal u l-protezzjoni tal-minoranzi.
Fir-rigward tal-kriterji ekonomiċi, l-Ukrajna kompliet ir-rekord makroekonomiku b’saħħtu tagħha, u wriet reżiljenza notevoli bi stabbiltà makroekonomika u finanzjarja żgurata anke wara l-invażjoni tar-Russja fi Frar 2022. Dan jirrifletti mhux biss determinazzjoni politika b’saħħitha ħafna, iżda wkoll istituzzjonijiet li jiffunzjonaw relattivament tajjeb. Fl-istess ħin, riformi strutturali ambizzjużi biex titneħħa l-korruzzjoni, titnaqqas l-impronta tal-Istat u l-influwenza persistenti tal-oligarki u jissaħħu d-drittijiet tal-proprjetà privata u flessibbiltà tas-suq tax-xogħol jeħtieġ li jkomplu fl-Ukrajna biex jittejjeb il-funzjonament tal-ekonomija tas-suq tagħha. Il-kapaċità tal-pajjiż li jreġi għall-pressjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan l-UE se tiddependi b’mod kruċjali minn kif l-investimenti ta’ wara l-gwerra fl-Ukrajna huma mfassla u sekwenzjati sabiex jittejjeb il-kapital fiżiku tiegħu, jittejbu l-eżiti edukattivi u titħeġġeġ l-innovazzjoni.
Fir-rigward tal-kapaċità li tissodisfa l-obbligi tas-sħubija, l-Ukrajna ilha taħdem mill-2016 fuq l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Ukrajna, inkluża Żona ta’ Kummerċ Ħieles Approfondita u Komprensiva (AA/DFCTA). Dawn il-ftehimiet diġà jiġbru ammont bla preċedent tal-acquis tal-UE. L-Ukrajna approssimat b’mod gradwali għal elementi sostanzjali tal-acquis tal-UE f’ħafna kapitoli. Għandha rekord sodisfaċenti ġenerali tal-implimentazzjoni, filwaqt li f’xi setturi l-pajjiż huwa aktar avvanzat milli f’oħrajn.
L-Ukrajna hija Stat Ewropew li ta prova biżżejjed tal-aderenza tiegħu mal-valuri li fuqhom hija bbażata l-Unjoni Ewropea. Għalhekk, il-Kummissjoni tirrakkomanda lill-Kunsill li l-Ukrajna għandha tingħata l-perspettiva li ssir membru tal-Unjoni Ewropea.
L-Ukrajna wriet ir-reżiljenza tal-istituzzjonijiet tagħha li jiggarantixxu d-demokrazija, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u r-rispett għall-minoranzi u l-protezzjoni tagħhom.
Għalhekk, il-Kummissjoni tirrakkomanda li l-Ukrajna tingħata status ta’ kandidat, bil-fehim li jittieħdu l-passi li ġejjin:
-tiġi ppromulgata u implimentata leġiżlazzjoni dwar proċedura ta’ għażla għall-imħallfin tal-Qorti Kostituzzjonali tal-Ukrajna, inkluż proċess ta’ preselezzjoni bbażat fuq l-evalwazzjoni tal-integrità u l-ħiliet professjonali tagħhom, f’konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni ta’ Venezja;
-jiġi ffinalizzat l-eżami tal-integrità tal-kandidati għall-membri tal-Kunsill Għoli tal-Ġustizzja mill-Kunsill tal-Etika u l-għażla ta’ kandidat li jistabbilixxi l-Kummissjoni ta’ Kwalifika Għolja tal-Imħallfin tal-Ukrajna;
-tkompli tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-korruzzjoni, b’mod partikolari f’livell għoli, permezz ta’ investigazzjonijiet proattivi u effiċjenti, u rekord kredibbli ta’ prosekuzzjonijiet u kundanni; titlesta l-ħatra ta’ kap ġdid tal-Uffiċċju Speċjalizzat tal-Prosekutur kontra l-Korruzzjoni permezz taċ-ċertifikazzjoni tar-rebbieħ identifikat tal-kompetizzjoni u jitnieda u jitlesta l-proċess tal-għażla u l-ħatra għal Direttur ġdid tal-Uffiċċju Nazzjonali ta’ Kontra l-Korruzzjoni tal-Ukrajna;
-jiġi żgurat li l-leġiżlazzjoni kontra l-ħasil tal-flus tkun konformi mal-istandards tat-Task Force ta’ Azzjoni finanzjarja (FATF); jiġi adottat pjan strateġiku ġenerali għar-riforma tas-settur kollu tal-infurzar tal-liġi bħala parti mill-ambjent tas-sigurtà tal-Ukrajna;
-tiġi implimentata l-liġi kontra l-Oligarki biex tiġi llimitata l-influwenza eċċessiva tal-oligarki fil-ħajja ekonomika, politika u pubblika; dan għandu jsir b’mod legalment sod, filwaqt li titqies l-opinjoni li jmiss tal-Kummissjoni ta’ Venezja dwar il-leġiżlazzjoni rilevanti;
-tiġi indirizzata l-influwenza tal-interessi personali billi tiġi adottata liġi dwar il-media li tallinja l-leġiżlazzjoni tal-Ukrajna mad-Direttiva tal-UE dwar is-servizzi tal-media awdjoviżiva u tingħata s-setgħa lir-regolatur indipendenti tal-media;
-tiġi ffinalizzata r-riforma tal-qafas legali għall-minoranzi nazzjonali li bħalissa qed titħejja kif irrakkomandat mill-Kummissjoni ta’ Venezja, u jiġu adottati mekkaniżmi ta’ implimentazzjoni immedjati u effettivi
Il-Kummissjoni se timmonitorja l-progress tal-Ukrajna fit-twettiq ta’ dawn il-passi u tirrapporta dwarhom, flimkien ma’ valutazzjoni dettaljata tal-pajjiż, sa tmiem l-2022.
Il-proċess tal-adeżjoni għadu bbażat fuq kriterji u kundizzjonijiet stabbiliti. Dan jippermetti lil kwalunkwe pajjiż fil-proċess jimxi ’l quddiem fuq il-bażi tal-merti tiegħu stess iżda jfisser ukoll li l-passi lejn l-UE jistgħu jitreġġgħu lura jekk il-kundizzjonijiet sottostanti ma jibqgħux jiġu ssodisfati.
Mappa tas-sanzjonijiet tal-UE - https://www.sanctionsmap.eu/#/main
SWD(2021) 186 final
Kif irrapportat mill-Kummissjoni Ewropea għall-Effiċjenza tal-Ġustizzja tal-Kunsill tal-Ewropa.
Ta’ min wieħed iżomm f’moħħu li l-grad għoli ta’ inċertezza relatata mal-gwerra li għaddejja u l-impatt li qed jevolvi tagħha jaffettwaw is-saħħa predittiva ta’ din il-valutazzjoni, li hija bbażata fil-biċċa l-kbira tagħha fuq data disponibbli (ta’ qabel il-gwerra).
Bl-esklużjoni ta’ Naftogaz li tirrendi profitt kbir (l-akbar SOE fl-Ukrajna, b’monopolju nazzjonali fin-negozju taż-żejt u tal-gass).
SWD(2020) 329 final
COM (2020) 57 final
COM(2019) 640 final
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 17.6.2022
COM(2022) 407 final
ANNESS
tal-
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI
LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL EWROPEW U LILL-KUNSILL
Opinjoni tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-Ukrajna għas-sħubija fl-Unjoni Ewropea
DATA STATISTIKA (estratta fil-11.05.2022) |
||||||||
L-Ukrajna |
||||||||
Data bażika |
Nota |
2010 |
2016 |
2017 |
2018 |
2019 |
2020 |
2021 |
Popolazzjoni (f’eluf) |
1) |
45 782,6 |
42 590,9b |
42 414,9 |
42 216,8 |
41 983,6 |
41 732,8 |
41 418,7 |
Erja totali tal-pajjiż (km²) |
2) |
603 548,0 |
603 549,0 |
603 549,0 |
603 549,0 |
603 549,0 |
603 549,0 |
|
Kontijiet nazzjonali |
Nota |
2010 |
2016 |
2017 |
2018 |
2019 |
2020 |
|
Prodott domestiku gross (PDG) (f’miljuni tal-munita nazzjonali) |
|
1 120 585,0 |
2 385 367,0 |
2 981 227,0 |
3 560 302,0p |
3 977 198,0p |
4 191 864,0p |
|
Prodott domestiku gross (PDG) (f'miljuni ta’ euro) |
|
106 388,7 |
84 312,6 |
99 360,5 |
110 764.8p |
137 372.9p |
136 153.2p |
|
PDG (euro per capita) |
|
2 319,3 |
1 975,8 |
2 338,7 |
2 620.4p |
3 268.6p |
3 261.5p |
|
PDG per capita (fi standards tal-kapaċità tal-akkwist (PPS)) |
|
: |
: |
: |
: |
: |
: |
|
GDP per capita (f’PPS), relatat mal-medja tal-UE (EU-28 = 100) |
|
: |
: |
: |
: |
: |
: |
|
Rata ta' tkabbir tal-PDG reali: bidla fil-volum tal-PDG tas-sena ta’ qabel (%) |
|
4,1 |
2,4 |
2,4 |
3.5p |
3.2p |
-4,0p |
|
Tkabbir fl-impjiegi (data tal-kontijiet nazzjonali), relattiv għas-sena ta’ qabel (%) |
3) |
0,4 |
-1,0 |
-0,7 |
1,3 |
1,9 |
-4,0 |
|
Valur gross miżjud mis-setturi ewlenin |
|
|
|
|
|
|
|
|
Agrikoltura, forestrija u sajd (%) |
|
8,4 |
13,8 |
12,1 |
12,0 |
10,4 |
10,8 |
|
Industrija (%) |
|
25,3 |
25,0 |
25,0 |
24,8 |
23,2 |
21 |
|
Kostruzzjoni (%) |
|
3,7 |
2,3 |
2,6 |
2,7 |
3,1 |
3,3 |
|
Servizzi (%) |
|
62,6 |
58,9 |
60,3 |
60,5 |
63,3 |
64,9 |
|
Nefqa tal-konsum finali, bħala sehem mill-PDG (%) |
|
84,4 |
85,2 |
87,8 |
90,2 |
93,2 |
93,7 |
|
Formazzjoni grossa tal-kapital fiss, bħala sehem mill-PDG (%) |
|
18,1 |
15,5 |
15,8 |
17,7 |
17,6 |
13,0 |
|
Bidliet fl-inventarji, bħala sehem mill-PDG (%) |
|
0,3 |
6,2 |
4,2 |
0,9 |
-2,7 |
-5,6 |
|
Esportazzjonijiet ta’ oġġetti u servizzi, relattivi għall-PDG (%) |
|
46,5 |
49,3 |
48,1 |
45,2 |
41,2 |
39,1 |
|
Importazzjonijiet ta’ oġġetti u servizzi, relattivi għall-PDG (%) |
|
49,3 |
56,2 |
55,9 |
54 |
49,3 |
40,2 |
|
Formazzjoni grossa tal-kapital fiss mis-settur tal-gvern estiż, bħala perċentwal tal-PDG (%) |
|
: |
: |
: |
: |
: |
: |
|
Negozju |
Nota |
2010 |
2016 |
2017 |
2018 |
2019 |
2020 |
|
Indiċi tal-produzzjoni industrijali (2015 = 100) |
4) |
130,6 |
105,7 |
111,4 |
114,6 |
115,5 |
108,1 |
|
Rata ta’ inflazzjoni u prezzijiet tad-djar |
Nota |
2010 |
2016 |
2017 |
2018 |
2019 |
2020 |
|
Indiċi tal-prezzijiet għall-konsumatur (CPI), bidla relattiva għas-sena ta’ qabel (%) |
|
: |
13,9 |
14,5 |
10,9 |
7,9 |
2,8 |
|
Bilanċ tal-pagamenti |
Nota |
2010 |
2016 |
2017 |
2018 |
2019 |
2020 |
|
Bilanċ tal-pagamenti: total tal-kont kurrenti (f’miljuni ta’ euro) |
5) |
-2 272,3 |
-1 685,2 |
-3 078,6 |
-5 443,0 |
-3 681,5 |
4 611,7 |
|
Kont kurrenti tal-bilanċ tal-pagamenti: bilanċ kummerċjali (f’miljuni ta’ euro) |
|
-3 000,1 |
-5 827,9 |
-7 751,0 |
-9 628,5 |
-11 168,7 |
-2 082,1 |
|
Kont kurrenti tal-bilanċ tal-pagamenti: servizzi netti (f’miljuni ta’ euro) |
|
4 230,4 |
441,6 |
814,6 |
1 130,6 |
1 562,2 |
3 852,6 |
|
Investiment dirett barrani (IDB) barra mill-pajjiż (f’miljuni ta’ euro) |
|
554,5 |
14,5 |
7,1 |
-4,2 |
578,5 |
71,8 |
|
li minnhom IDB tal-ekonomija li tirrapporta fil-pajjiżi tal-EU-27 (f’miljuni ta’ euro) |
|
527,1 |
14,5 |
1,8 |
0,8 |
575,8 |
71,8 |
|
Investiment dirett barrani (IDB) fl-ekonomija li tirrapporta (f’miljuni ta’ euro) |
6) |
4 893,4 |
3 440,9 |
3 272,7 |
3 770,0 |
5 231,3 |
-30,6 |
|
li minnhom IDB tal-pajjiżi tal-EU-27 fl-ekonomija li tirraporta (f’miljuni ta’ euro) |
6) |
3 948,2 |
1 080,2 |
1 755,1 |
2 537,8 |
4 045,1 |
-714,1 |
|
Finanzi Pubbliċi |
Nota |
2010 |
2016 |
2017 |
2018 |
2019 |
2020 |
|
Defiċit/surplus tal-gvern estiż, relattiv għall-PDG (%) |
6) |
-6,3 |
-1,9 |
-1,2 |
-1,9 |
-1,9 |
-5,4 |
|
Dejn gross tal-gvern estiż relattiv għall-PDG (%) |
6) |
38,4 |
80,5 |
64,4 |
61,7 |
55,1 |
54,0 |
|
Indikaturi finanzjarji |
Nota |
2010 |
2016 |
2017 |
2018 |
2019 |
2020 |
|
Dejn estern gross tal-ekonomija kollha, relattiv għall-PDG (%) |
|
83,1 |
127,7 |
97,4 |
90,4 |
79,4 |
75,1 |
|
Dejn estern gross tal-ekonomija kollha, relattiv għall-esportazzjonijiet totali (%) |
|
178,7 |
259,1 |
202,3 |
200 |
192,4 |
192,4 |
|
Rati ta' imgħax: self b’avviż ta’ jum, per annum (%) |
|
1,7 |
15,4 |
11,6 |
16,3 |
15,0 |
7,1 |
|
Rati tal-kambju tal-euro: medja tal-perjodu (EUR 1 =... munita nazzjonali) |
|
10,6 |
28,3 |
30,1 |
32,1 |
28,9 |
30,9 |
|
Kummerċ estern fi prodotti |
Nota |
2010 |
2016 |
2017 |
2018 |
2019 |
2020 |
|
Valur tal-importazzjonijiet: il-prodotti kollha, is-sħab kollha (f’miljuni ta’ euro) |
|
45 524,6s |
35 459,2s |
43 911,8s |
48 423,0s |
54 310,1s |
47 490,1s |
|
Valur tal-esportazzjonijiet: il-prodotti kollha, is-sħab kollha (f’miljuni ta’ euro) |
|
38 277,4s |
32 850,0s |
38 297,5s |
40 080,4s |
44 711,6s |
43 052,6s |
|
Bilanċ tal-kummerċ il-prodotti kollha, is-sħab kollha (f’miljuni ta’ euro) |
|
-7 247,2s |
-2 609,2s |
-5 614,3s |
-8 342,6s |
-9 598,5s |
-4 437,5s |
|
Termini ta’ kummerċ (indiċi tal-prezzijiet tal-esportazzjoni/indiċi tal-prezzijiet tal-importazzjoni * 100) (numru) |
|
: |
: |
: |
: |
: |
: |
|
Sehem tal-esportazzjoni lill-pajjiżi tal-EU-27 f'valur ta' esportazzjoni totali (%) |
|
: |
: |
: |
: |
: |
: |
|
Sehem tal-importazzjonijiet mill-pajjiżi tal-EU-28 f'valur ta' importazzjoni totali (%) |
|
: |
: |
: |
: |
: |
: |
|
Demografija |
Nota |
2010 |
2016 |
2017 |
2018 |
2019 |
2020 |
|
Rata mhux raffinata ta’ tibdil naturali tal-popolazzjoni (rata ta’ tkabbir naturali): għadd ta’ twelid nieqes l-imwiet (għal kull elf abitant) |
|
-4,4 |
-4,4 |
-5,0 |
-6,0 |
-6,5 |
-7,8e |
|
Stennija tal-għomor fit-twelid: maskil (snin) |
|
65,2 |
68 |
68,3 |
68,1 |
68,4 |
: |
|
Stennija tal-għomor fit-twelid: femminil (snin) |
|
75,3 |
77,6 |
78,0 |
78,0 |
78,3 |
: |
|
Suq tax-xogħol |
Nota |
2010 |
2016 |
2017 |
2018 |
2019 |
2020 |
|
Rata ta' attività ekonomika għall-persuni ta' bejn l-20 u l-64 sena: proporzjon tal-popolazzjoni fl-età bejn l-20 u l-64 sena li hija ekonomikament attiva (%) |
7) |
72,2 |
70,7 |
70,9 |
71,8 |
72,9 |
72,0 |
|
Rata ta’ impjieg għal persuni bejn l-20 u 64 sena: proporzjon tal-popolazzjoni fl-età bejn l-20 u l-64 sena li hija impjegata (%) |
|
66,4 |
64,2 |
64,2 |
65,6 |
66,9 |
65,2 |
|
Rata ta’ impjieg għal persuni maskili fl-età bejn l-20 u l-64 (%) |
|
71,1 |
69,5 |
69,4 |
70,5 |
72,7 |
70,8 |
|
Rata ta’ impjieg għal persuni femminili fl-età bejn l-20 u l-64 (%) |
|
62,1 |
59,3 |
59,4 |
61,0 |
61,6 |
60,0 |
|
Rata ta’ impjieg għal persuni bejn il-55 u l-64 sena: proporzjon tal-popolazzjoni fl-età bejn il-55 u l-64 sena li huma impjegati (%) |
|
40,4 |
37,0 |
38,2 |
39,5 |
41,9 |
42,1 |
|
Impjieg skont is-setturi ewlenin |
|
|
|
|
|
|
|
|
Agrikoltura, forestrija u sajd (%) |
8) |
20,2 |
15,6 |
15,4 |
14,9 |
13,9 |
14,1 |
|
Industrija (%) |
8) |
19,1 |
17,7 |
17,7 |
17,8 |
17,8 |
17,8 |
|
Kostruzzjoni (%) |
8) |
6,4 |
6,6 |
6,6 |
6,5 |
7,1 |
7 |
|
Servizzi (%) |
8) |
54,3 |
60,1 |
60,3 |
60,8 |
61,2 |
61,1 |
|
Nies impjegati fis-settur pubbliku bħala sehem mill-impjiegi totali, persuni bejn l-20 u l-64 sena (%) |
|
: |
: |
: |
: |
: |
: |
|
Nies impjegati fis-settur privat bħala sehem mill-impjiegi totali, persuni bejn l-20 u l-64 sena (%) |
|
: |
: |
: |
: |
: |
: |
|
Rata tal-qgħad: proporzjon tal-forza tax-xogħol li hija qiegħda (%) |
8) |
8,1 |
9,3 |
9,5 |
8,8 |
8,2 |
9,5 |
|
Rata tal-qgħad maskili (%) |
8) |
9,3 |
10,8 |
11,1 |
10 |
8,5 |
9,8 |
|
Rata tal-qgħad femminili (%) |
8) |
6,8 |
7,7 |
7,7 |
7,4 |
7,9 |
9,1 |
|
Rata tal-qgħad fost iż-żgħażagħ: proporzjon tal-forza tax-xogħol fl-età bejn il-15 u l-24 sena li hija ekonomikament attiva (%) |
|
17,4 |
23,0 |
18,9 |
17,9 |
15,4 |
19,3 |
|
Rata tal-qgħad fit-tul: proporzjon tal-forza tax-xogħol li ilha qiegħda għal 12-il xahar jew aktar (%) |
8) |
1,8 |
2,3 |
2,5 |
1,9 |
1,0 |
2,0 |
|
Koeżjoni soċjali |
Nota |
2010 |
2016 |
2017 |
2018 |
2019 |
2020 |
|
Pagi u salarji medji nominali fix-xahar (munita nazzjonali) |
9) |
2 239,2 |
5 182,6 |
7 103,8 |
8 864,6 |
10 496,8 |
: |
|
Indiċi tal-pagi u s-salarji reali (indiċi tal-pagi u s-salarji nominali diviż bl-indiċi tal-inflazzjoni) (2016 = 100) |
|
: |
100,0 |
119,1 |
134,0 |
147,1 |
157,9 |
|
Proporzjon ta’ persuni f’riskju ta’ faqar relattiv (wara t-trasferimenti) (%) |
|
24,1 |
23,5 |
24,4 |
24,1 |
24,4 |
22,3 |
|
Infrastruttura |
Nota |
2010 |
2016 |
2017 |
2018 |
2019 |
2020 |
|
Tul tal-awtostradi (kilometri) |
|
15,0 |
15,0 |
15,0 |
15,0 |
15,0 |
15,0 |
|
Innovazzjoni u Riċerka |
Nota |
2010 |
2016 |
2017 |
2018 |
2019 |
2020 |
|
Nefqa pubblika fuq l-edukazzjoni bħala proporzjoni tal-PDG (%) |
|
6,6 |
5 |
5,4 |
5,3 |
5,4 |
: |
|
Nefqa domestika grossa fuq ir-R&Ż meta mqabbla mal-PDG (%) |
|
0,8 |
0,5 |
0,4 |
0,5 |
0,4 |
0,4 |
|
Ambjent |
Nota |
2010 |
2016 |
2017 |
2018 |
2019 |
2020 |
|
Indiċi tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra, ekwivalenti ta’ CO2 (1990 = 100) |
|
43,2e |
35,8e |
34,3e |
36,0e |
35,2e |
: |
|
Elettriku ġġenerat minn sorsi rinnovabbli relattiv għall-konsum gross tal-elettriku (%) |
|
7,0 |
7,0 |
8,1 |
: |
: |
: |
|
Enerġija |
Nota |
2010 |
2016 |
2017 |
2018 |
2019 |
2020 |
|
Produzzjoni primarja tal-prodotti kollha tal-enerġija (elf TOE) |
|
78 712,0 |
66 323,0 |
58 863,0 |
60 883,0 |
60 095,0 |
: |
|
Importazzjonijiet netti tal-prodotti kollha tal-enerġija (elf TOE) |
|
51 260,0 |
29 152,0 |
35 145,0 |
33 795,0 |
34 768,0 |
: |
|
Konsum gross intern tal-enerġija (elf TOE) |
|
132 308,0 |
94 383,0 |
89 462,0 |
93 526,0 |
89 072,0 |
: |
|
Agrikoltura |
Nota |
2010 |
2016 |
2017 |
2018 |
2019 |
2020 |
|
Erja agrikola utilizzata (eluf ta’ ettari) |
2) |
41 275,6 |
41 274,2 |
41 274,3 |
41 259,9 |
41 138,4 |
41 144,2 |
|
Id-data għall-Politika Ewropea tal-Viċinat - il-pajjiżi tal-Lvant hija pprovduta minn u taħt ir-responsabbiltà unika tal-awtoritajiet nazzjonali tal-istatistika ta’ kull pajjiż fuq bażi volontarja.
|
||||||||
: = mhux disponibbli |
||||||||
b = interruzzjoni fis-serje |
||||||||
e = estimu |
||||||||
p = proviżorju |
||||||||
s = estimu tal-Eurostat |
||||||||
1) Mill-2014, id-data dwar il-popolazzjoni ma tinkludix ir-Repubblika Awtonoma tal-Krimea annessa illegalment u l-Belt ta’ Sevastopol. L-aktar statistika reċenti tkopri t-territorji li kienu taħt il-kontroll tal-gvern Ukren qabel il-bidu tal-aggressjoni militari mir-Russja fl-24 ta’ Frar 2022. |
||||||||
2) Data tas-Servizz tal-Istat dwar il-Ġeodesija, il-Kartografija u l-Katast tal-Ukrajna. 2017-2021: Id-data tingħata skont il-Klassifikazzjoni l-ġdida tat-Tipi ta’ Art. Inkluż ir-Repubblika Awtonoma tal-Krimea annessa illegalment u l-Belt ta’ Sevastopol u t-territorji li mhumiex taħt il-kontroll tal-gvern Ukren. |
||||||||
3) 2016-2018: Persuni ta’ bejn il-15 u s-70 sena. 2019-2020: Persuni li għandhom 15-il sena jew aktar. |
||||||||
4) Indiċi inizjalment ipprovdut bl-2010 = 100. Riklassifikat għall-2015 = 100. |
||||||||
5) Mis-S2020 il-bank Nazzjonali tal-Ukrajna tejjeb il-kompilazzjoni tal-investiment dirett barrani, li fil-kuntest tiegħu l-qligħ investit mill-ġdid tal-korporazzjonijiet mhux finanzjarji ġie inkorporat fil-flussi tal-IDB u fid-data dwar l-istokks. Għalhekk, id-data tal-BoP, IIP, IDB għas-S2015- S2019 ġiet riveduta. |
||||||||
6) Dejn tal-Istat u dak garantit mill-Istat. |
||||||||
7) Iffissar mill-popolazzjoni ekonomikament attiva 2019 - forza tax-xogħol. |
||||||||
8) Persuni ta’ bejn il-15 u s-70 sena. 9) Id-data tirreferi għall-intrapriżi u d-diviżjonijiet indipendenti tagħhom b’ 10 impjegat jew aktar. |