Brussell, 9.8.2022

COM(2022) 391 final

2022/0233(NLE)

Proposta għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

dwar il-prinċipji gwida għall-valorizzazzjoni tal-għarfien


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Fl-2008, il-Kummissjoni ħarġet Rakkomandazzjoni dwar il-ġestjoni ta’ proprjetà intellettwali (PI) f’attivitajiet għat-trasferiment ta’ għarfien u Kodiċi ta’ Prattika għal universitajiet u organizzazzjonijiet ta’ riċerka pubbliċi oħrajn (C(2008)1329). Ix-xenarju tar-riċerka u l-innovazzjoni (R&I) inbidel b’mod konsiderevoli mill-2008 f’termini ta’ atturi u kumplessità tal-ekosistemi tar-R&I, kif ukoll f’termini ta’ sfidi globali. Il-pandemija tal-COVID-19 uriet ukoll il-ħtieġa urġenti li jintuża u jiġi vvalorizzat l-għarfien tar-R&I ġġenerat fl-Unjoni Ewropea (UE). Dan jirrikjedi li dawk li jfasslu l-politika jistabbilixxu objettivi ġodda u jipprovdu gwida aġġornata dwar il-valorizzazzjoni tal-għarfien.

Il-prinċipji gwida għall-valorizzazzjoni tal-għarfien se jissostitwixxu r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tal-2008 billi jiffukaw fuq il-massimizzazzjoni tal-valur tal-investimenti fir-R&I lil hinn mit-trasferiment tradizzjonali tal-għarfien. Il-valorizzazzjoni tal-għarfien tiddependi fuq kanali differenti 1 u tinvolvi lill-atturi kollha fl-ekosistema tar-R&I u l-assi tal-għarfien tagħhom. Il-prinċipji gwida se jgħinu wkoll biex jimtlew il-lakuni fil-valorizzazzjoni tal-għarfien madwar l-Istati Membri u jiżguraw li ċ-ċittadini fl-Istati Membri kollha jkunu jistgħu jibbenefikaw aħjar mir-riżultati tar-R&I.

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-2020 dwar “ŻER Ġdida għar-Riċerka u l-Innovazzjoni” 2 tistabbilixxi l-pedamenti għall-iżvilupp u għall-aġġornament tal-prinċipji gwida għall-valorizzazzjoni tal-għarfien u kodiċi ta’ prattika għall-użu intelliġenti tal-proprjetà intellettwali, sa tmiem l-2022. Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tas-26 ta’ Novembru 2021 “dwar Patt għar-Riċerka u l-Innovazzjoni fl-Ewropa” 3 tidentifika l-valorizzazzjoni tal-għarfien bħala wieħed mill-oqsma ta’ prijorità għal azzjoni konġunta b’appoġġ għaż-Żona Ewropea tar-Riċerka (ŻER).

Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar “Il-governanza futura taż-Żona Ewropea tar-Riċerka” adottati fis-26 ta’ Novembru 2021 4 approvaw l-Aġenda ta’ Politika taż-ŻER għall-2022-2024. L-Aġenda ta’ Politika taż-ŻER tinkludi “Aġġornament tal-gwida tal-UE għal valorizzazzjoni aħjar tal-għarfien” bħala l-Azzjoni 7 taż-ŻER. L-ewwel eżitu ta’ dan huwa li “Jiġu żviluppati u approvati prinċipji gwida għall-valorizzazzjoni tal-għarfien”.

Il-prinċipji gwida għall-valorizzazzjoni tal-għarfien se jiġu appoġġati ulterjorment minn żewġ Kodiċijiet ta’ Prattika li jipprovdu gwida aktar dettaljata dwar l-implimentazzjoni ta’ ċerti oqsma ta’ valorizzazzjoni tal-għarfien għall-atturi fl-ekosistema tar-R&I. L-Azzjoni 7 taż-ŻER tipprevedi Kodiċi ta’ prattika dwar l-użu intelliġenti tal-proprjetà intellettwali u Kodiċi ta’ prattika għar-riċerkaturi dwar l-istandardizzazzjoni.

Il-prinċipji gwida jibnu fuq il-kokreazzjoni mis-sottogrupp tal-Forum taż-ŻER dwar il-valorizzazzjoni tal-għarfien stabbilit mill-grupp informali ta’ esperti tal-Kummissjoni dwar il-Forum taż-ŻER għat-Tranżizzjoni.

Il-proposta attwali għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill se tagħmilha possibbli li tiġi adottata linja komuni dwar il-prinċipji u l-miżuri ta’ politika għat-titjib tal-valorizzazzjoni tal-għarfien fl-UE mingħajr ma jiġu imposti dispożizzjonijiet legalment vinkolanti.

Il-prinċipji gwida dwar il-valorizzazzjoni tal-għarfien se jappoġġaw l-Istrateġija Industrijali aġġornata għall-Ewropa 5  u l-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE dwar il-Proprjetà Intellettwali 6 , billi jżidu l-għarfien tal-komunità tar-riċerka dwar l-importanza tal-ġestjoni tal-PI, jippromwovu l-użu effettiv u l-varar tal-PI, u l-iżgurar ta’ aċċess u kondiviżjoni aktar faċli tal-assi protetti mill-PI. Dawn se jappoġġaw ukoll l-inizjattivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, u se jtejbu r-rabta bejn ir-riċerka u l-istandardizzazzjoni f’konformità mal-Istrateġija ta’ Standardizzazzjoni tal-UE 7 . F’konformità mal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar Aġenda Ewropea Ġdida għall-Innovazzjoni, il-prinċipji gwida se jgħinu wkoll fl-ingranaġġ tat-talenti, l-assi intellettwali u l-kapaċitajiet industrijali differenti fl-Ewropa 8 . Dawn se jgħinu wkoll biex itejbu l-valorizzazzjoni tal-għarfien fl-universitajiet u jiffokaw fuq il-ħiliet kreattivi u intraprenditorjali li jappoġġaw l-istrateġija Ewropea għall-universitajiet 9 , iż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni (EEA) 10 u l-Aġenda għall-Ħiliet għall-Ewropa għall-kompetittività sostenibbli, il-ġustizzja soċjali u r-reżiljenza 11 . Barra minn hekk, il-prinċipji gwida jikkonformaw mal-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-valutazzjoni tar-Riċerka u l-implimentazzjoni tax-Xjenza Miftuħa adottati fl-10 ta’ Ġunju 2022 12 li jissuġġerixxu li l-evoluzzjoni tas-sistemi ta’ valutazzjoni tar-riċerka fl-Ewropa jenħtieġ li tqis il-valorizzazzjoni tal-għarfien. Fl-aħħar nett, il-prinċipji gwida se jsaħħu l-kapaċità tas-sistemi tar-R&I biex jappoġġaw tfassil tal-politika mnebbaħ mill-evidenza, l-amministrazzjonijiet pubbliċi 13 u regolamentazzjoni aħjar 14 .    

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi ġuridika

Il-bażi ġuridika għal din l-inizjattiva huma l-Artikoli 182(5) u 292 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). F’konformità mal-Artikolu 292 tat-TFUE, il-Kunsill jista’ jadotta rakkomandazzjonijiet u se jaġixxi fuq proposta tal-Kummissjoni fil-każijiet kollha li fihom it-Trattati jiddikjaraw li jrid jadotta atti abbażi ta’ proposta tal-Kummissjoni.

L-Artikolu 182(5) jiftaħ il-possibbiltà li jikkomplementa l-attivitajiet imfassla fil-programm qafas pluriennali billi jippermetti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, li jaġixxu f’konformità mal-proċedura leġiżlattiva ordinarja u wara li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali, jistabbilixxu l-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni taż-ŻER.

Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

F’konformità mal-Artikolu 179 tat-TFUE, l-Unjoni Ewropea (UE) se jkollha l-objettiv li ssaħħaħ il-bażijiet xjentifiċi u teknoloġiċi tagħha billi tistabbilixxi żona ta’ riċerka Ewropea li fiha r-riċerkaturi, l-għarfien xjentifiku u t-teknoloġiji jiċċirkolaw liberament, u tinkoraġġiha ssir aktar kompetittiva, inkluż fl-industrija tagħha, kif ukoll tippromwovi l-attivitajiet kollha ta’ riċerka li huma meqjusa meħtieġa permezz ta’ Kapitoli oħra tat-Trattati. L-Artikolu 180 tat-TFUE jiddikjara li l-UE trid twettaq għadd ta’ attivitajiet li jikkomplementaw l-attivitajiet imwettqa fl-Istati Membri. Dawn jinkludu l-promozzjoni tal-kooperazzjoni mal-impriżi u bejniethom, iċ-ċentri tar-riċerka u l-universitajiet, kif ukoll it-tixrid u l-ottimizzazzjoni tar-riżultati tal-attivitajiet fir-riċerka, l-iżvilupp teknoloġiku u d-dimostrazzjoni tal-UE.

F’konformità mal-Artikolu 181 tat-TFUE, l-UE u l-Istati Membri jridu jikkoordinaw l-attivitajiet tagħhom ta’ riċerka u żvilupp teknoloġiku sabiex jiżguraw li l-politiki nazzjonali u l-politika tal-UE jkunu koerenti ma’ xulxin. B’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri, il-Kummissjoni tista’ tieħu kull inizjattiva utli sabiex tippromwovi din il-koordinazzjoni, b’mod partikolari inizjattivi mmirati lejn l-istabbiliment ta’ linji gwida u indikaturi, l-organizzazzjoni tal-iskambju tal-aħjar prattika, u t-tħejjija tal-elementi meħtieġa għall-monitoraġġ u għall-evalwazzjoni fuq bażi perjodika. Il-Parlament Ewropew irid jinżamm kompletament informat.

L-għan tal-prinċipji gwida għall-valorizzazzjoni tal-għarfien huwa li tiġi adottata linja komuni dwar il-prinċipji u l-miżuri ta’ politika għal dawk li jfasslu l-politika nazzjonali, reġjonali u lokali biex tittejjeb il-valorizzazzjoni tal-għarfien. L-implimentazzjoni tal-prinċipji gwida se tiżgura li d-data, ir-riżultati tar-riċerka u l-innovazzjoni jiġu ttrasformati b’mod effiċjenti fi prodotti, proċessi, servizzi u politiki sostenibbli li huma ta’ valur soċjoekonomiku u ta’ benefiċċju għas-soċjetà. L-inizjattiva proposta hija konformi mal-Artikoli 179 u 181 tat-TFUE, u tagħti lill-UE l-kompetenza ġenerali li tappoġġa, tikkoordina jew tissupplimenta l-azzjonijiet tal-Istati Membri għall-attivitajiet tagħhom ta’ riċerka u żvilupp teknoloġiku. Billi tenfasizza s-sensibilizzazzjoni, l-iskambju tal-aħjar prattiki u t-tagħlim bejn il-pari dwar l-aspetti ewlenin tal-valorizzazzjoni tal-għarfien, din il-proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill se ttejjeb il-ħolqien ta’ valur li jirriżulta mir-riżultati tar-R&I madwar l-Istati Membri kollha mingħajr ma timponi dispożizzjonijiet legalment vinkolanti.

Konsultazzjonijiet mal-Istati Membri (fl-ambitu tal-Forum taż-ŻER għat-Tranżizzjoni stabbilit bħala grupp informali ta’ esperti tal-Kummissjoni) u mal-partijiet ikkonċernati indikaw ukoll li hemm il-ħtieġa li tiġi aġġornata r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tal-2008 dwar il-ġestjoni tal-proprjetà intellettwali f’attivitajiet għat-trasferiment ta’ għarfien u li sseħħ bidla kulturali, filwaqt li jkun hemm tbegħid mill-kunċett tradizzjonali ta’ trasferiment tal-għarfien għall-valorizzazzjoni tal-assi intellettwali ġġenerati minn firxa wiesgħa ta’ attivitajiet tar-R&I, li jinvolvu ammont dejjem akbar ta’ kokreazzjoni minn tipi differenti ta’ atturi fl-ekosistemi tar-R&I.

Rakkomandazzjoni tal-Kunsill se tipprovdi valur miżjud fit-tfassil tal-politika billi tagħti aktar viżibbiltà lill-prinċipji gwida fl-Istati Membri u lill-partijiet ikkonċernati. Dan se jiffaċilita l-adozzjoni mill-UE ta’ pożizzjoni biex jinkiseb valur soċjoekonomiku akbar mir-riżultati tar-riċerka u mill-innovazzjoni.

Proporzjonalità

L-azzjonijiet proposti huma proporzjonali għall-objettivi fil-mira. Il-proposta tappoġġa l-ilħuq tal-objettivi taż-ŻER il-ġdida. Din tikkomplementa l-isforzi ta’ valorizzazzjoni tal-għarfien tal-Istati Membri. Il-proposta tirrispetta l-prattiki tal-Istati Membri u takkomoda approċċ differenzjali li jirrifletti s-sitwazzjonijiet ekonomiċi, finanzjarji u soċjali differenti tal-Istati Membri, kif ukoll id-diversità tas-sistemi tar-riċerka u l-istituzzjonijiet u l-organizzazzjonijiet rispettivi. Hija tirrikonoxxi wkoll li kundizzjonijiet nazzjonali, reġjonali jew lokali differenti jistgħu jwasslu għal differenzi fil-mod ta’ kif tiġi implimentata r-rakkomandazzjoni proposta.

F’konformità mal-Artikolu 5(4) tat-Trattat tal-Unjoni Ewropea, la l-kontenut u lanqas il-forma tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill proposta ma jmorru lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jintlaħqu l-objettivi tiegħu. L-impenji li l-Istati Membri se jieħdu ma humiex vinkolanti, u kull Stat Membru jibqa’ liberu li jiddeċiedi liema approċċ għandu jieħu.

Għażla tal-istrument

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tal-2008 dwar il-ġestjoni tal-PI f’attivitajiet għat-trasferiment ta’ għarfien kienet bidla radikali għal ħafna produtturi tal-għarfien iffinanzjati pubblikament. Studju ppubblikat fl-2013 15 wera li kważi l-pajjiżi kollha (92 %) involuti fl-istudju indikaw li l-gvernijiet nazzjonali u reġjonali appoġġaw l-iżvilupp tal-kapaċità u l-ħiliet tat-trasferiment tal-għarfien fl-universitajiet u f’organizzazzjonijiet pubbliċi oħrajn tar-riċerka. Xi Stati Membri għamlu investimenti strateġiċi fl-infrastrutturi u fis-servizzi tat-trasferiment tal-għarfien, bħall-uffiċċji tat-trasferiment tat-teknoloġija u intermedjarji oħrajn, u xi wħud implimentaw politiki speċifiċi għall-PI, bħall-Protokoll Nazzjonali dwar il-PI fl-Irlanda. Minkejja dawn il-kisbiet, l-UE għadha lura meta mqabbla mal-kompetituri globali tagħha biex tibdel l-ideat ibbażati fuq ix-xjenza f’innovazzjonijiet 16 , u ċ-ċirkolazzjoni tal-għarfien tibqa’ inkoerenti fl-UE 17 . Id-Diġitalizzazzjoni, ix-Xjenza Miftuħa u l-Innovazzjoni Miftuħa biddlu drastikament l-ekosistema li fiha joperaw l-atturi tar-R&I u l-UE trid tadatta kif xieraq.

It-titjib tat-trasferiment tal-għarfien u tal-valorizzazzjoni fl-UE ġie identifikat bħala sfida pendenti fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni tal-2020 li jakkumpanja l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “ŻER Ġdida għar-Riċerka u l-Innovazzjoni” 18 . Ma għandniex strateġija ta’ valorizzazzjoni Ewropea komprensiva li tipprovdi direzzjoni u objettivi u tagħti gwida dwar il-ġestjoni tar-relazzjoni tar-R&I biex jiġu mħeġġa kollaborazzjonijiet ta’ valorizzazzjoni, inkluż parir dwar il-ġestjoni u l-użu tal-PI. Hemm bżonn li jitqiesu l-ekosistemi aktar kumplessi tar-R&I u li jiġi involut sett usa’ ta’ partijiet ikkonċernati u atturi biex jiġu żgurati flussi dinamiċi ta’ għarfien.

Il-prinċipji gwida preċedenti mill-2008 ġew adottati bħala Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni. L-istrument magħżul għall-prinċipji gwida attwali huwa Rakkomandazzjoni tal-Kunsill minħabba l-kuntest politiku, b’mod partikolari l-ħtieġa li jittejjeb il-ħolqien tal-valur u li jiżdiedu l-impatti soċjetali u ekonomiċi tar-R&I kif iddikjarat fir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill “dwar Patt għar-Riċerka u l-Innovazzjoni fl-Ewropa”. Dan se jagħti lill-Istati Membri sens akbar ta’ sjieda tal-prinċipji, se jżid il-viżibbiltà tagħhom u se jħeġġeġ l-adozzjoni mill-UE ta’ pożizzjoni biex jinkiseb valur soċjoekonomiku akbar mir-riżultati tar-riċerka u l-innovazzjoni mingħajr ma jiġu imposti dispożizzjonijiet legalment vinkolanti.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

F’diversi okkażjonijiet inġabru fehmiet tal-partijiet ikkonċernati. Il-proposta attwali hija r-riżultat ta’ proċess ta’ kokreazzjoni mal-Istati Membri fil-Forum taż-ŻER għat-Tranżizzjoni (stabbilit bħala grupp informali ta’ esperti tal-Kummissjoni), b’mod partikolari s-sottogrupp tal-Forum dwar il-valorizzazzjoni tal-għarfien, li kellu l-kompitu speċifiku u l-għarfien espert meħtieġ biex jagħti pariri lill-Kummissjoni dwar l-abbozzar ta’ prinċipji gwida għall-valorizzazzjoni tal-għarfien. L-istħarriġ dwar “Prinċipji gwida għall-valorizzazzjoni tal-għarfien” indirizzat lill-Istati Membri u lill-pajjiżi taż-Żona Ekonomika Ewropea sar bejn April u Mejju 2021 biex jinġabar feedback dwar is-sitwazzjoni attwali u l-impatt tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tal-2008 dwar il-ġestjoni tal-PI f’attivitajiet ta’ trasferiment ta’ għarfien. Bejn Lulju u Settembru 2021, twettqet ukoll konsultazzjoni pubblika dwar il-prinċipji gwida għall-valorizzazzjoni tal-għarfien biex jinkisbu l-fehmiet ta’ firxa wiesgħa ta’ partijiet ikkonċernati 19 .

Ir-riżultati ta’ dawn il-konsultazzjonijiet jindikaw b’mod ċar il-ħtieġa ta’ aġġornament biex titrawwem bidla kulturali, filwaqt li jkun hemm tbegħid mill-kunċett tradizzjonali tat-trasferiment tal-għarfien għall-valorizzazzjoni tal-assi intellettwali ġġenerati minn firxa wiesgħa ta’ attivitajiet ta’ riċerka u innovazzjoni li jinvolvu ż-żieda fil-kokreazzjoni bejn tipi differenti ta’ atturi fl-ekosistemi tar-R&I. Meta mqabbla mar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tal-2008, il-gwida jenħtieġ li tiġi estiża mill-universitajiet u mill-organizzazzjoni pubblika tar-riċerka għal firxa usa’ ta’ atturi, bħal riċerkaturi individwali, innovaturi u negozji ta’ kull daqs, amministrazzjonijiet pubbliċi u soċjetà ċivili. Żieda fil-kokreazzjoni u fil-kondiviżjoni tar-riżultati tar-riċerka jirrikjedu kunsiderazzjoni bikrija tal-kontroll u tas-sjieda ta’ kull tip ta’ assi intellettwali f’kull pass tal-proċess tar-R&I.

Il-partijiet ikkonċernati rilevanti u l-organizzazzjonijiet umbrella ġew mistiedna jaqsmu l-fehmiet tagħhom fil-laqgħa tal-Partijiet Ikkonċernati taż-ŻER fis-16 ta’ Marzu 2022. Din il-proposta tqis dawk il-fehmiet.

Valutazzjoni tal-impatt

Il-proposta attwali ma tirrikjedix valutazzjoni tal-impatt u ma twettqet l-ebda waħda. Madankollu, bħala azzjoni definita fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar “ŻER Ġdida għar-Riċerka u l-Innovazzjoni”, hija tislet ħafna mill-ħidma analitika u mill-evidenza li jappoġġaw iż-Żona Ewropea tar-Riċerka l-ġdida (Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni tal-2020 li jakkumpanja l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “ŻER Ġdida għar-Riċerka u l-Innovazzjoni”). Hija tikkonkludi li ħafna strateġiji, strumenti u miżuri ġew żviluppati fil-livell tal-UE, nazzjonali u reġjonali, minn atturi privati u pubbliċi, biex itejbu t-trasferiment tal-għarfien u l-valorizzazzjoni. Madankollu, politika aktar effettiva dwar il-valorizzazzjoni tal-għarfien tirrikjedi bidla lejn approċċ aktar olistiku sabiex jinħoloq valur mill-għarfien u r-riżultati tar-R&I jinbidlu f’soluzzjonijiet sostenibbli ta’ valur ekonomiku u ta’ benefiċċju għas-soċjetà.    

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Ma hijiex rilevanti.

5.ELEMENTI OĦRA

Il-proposta attwali bħala parti mill-pjan ta’ azzjoni taż-ŻER se tkun soġġetta għall-mekkaniżmu xieraq ta’ monitoraġġ, evalwazzjoni u rapportar stabbilit fiha stess.

2022/0233 (NLE)

Proposta għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

dwar il-prinċipji gwida għall-valorizzazzjoni tal-għarfien

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel u t-tieni sentenzi tal-Artikolu 292 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Fl-10 ta’ April 2008, il-Kummissjoni adottat rakkomandazzjoni dwar il-ġestjoni ta' proprjetà intellettwali (PI) f’attivitajiet għat-trasferiment ta’ għarfien u Kodiċi ta’ Prattika għal universitajiet u organizzazzjonijiet ta' riċerka pubbliċi oħrajn 20 . Il-Kunsill laqa’ u appoġġa r-Rakkomandazzjoni u l-Kodiċi ta’ Prattika fir-Riżoluzzjoni tiegħu tat-30 ta’ Mejju 2008 21 . Flimkien, ir-Rakkomandazzjoni u l-Kodiċi ta’ Prattika taw spinta lil ħafna produtturi tal-għarfien iffinanzjati pubblikament. Xi Stati Membri għamlu investimenti strateġiċi f’infrastrutturi u f’servizzi ta’ trasferiment tal-għarfien bħall-uffiċċji tat-trasferiment tat-teknoloġija u intermedjarji oħra; u xi wħud implimentaw politiki speċifiċi għall-PI, bħall-Protokoll Nazzjonali dwar il-PI fl-Irlanda. Ġew żviluppati aktar attivitajiet li jippromwovu t-trasferiment tal-għarfien fil-livell tal-UE bħala parti mill-Unjoni tal-Innovazzjoni (2010) 22 .

(2)Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-Aċċellerazzjoni taċ-ċirkolazzjoni tal-għarfien fl-UE, adottati fid-29 ta’ Mejju 2018 23 , iqisu li l-UE jeħtieġ li tagħmel użu sħiħ mill-għarfien xjentifiku u teknoloġiku rilevanti li tipproduċi u jeħtieġ li tiżgura trasferiment aktar effettiv tar-riżultati tal-proġetti tar-R&I għas-soċjetà u għall-industrija sabiex jiġi mmassimizzat l-impatt tal-investiment fir-R&I. Huwa jistieden ukoll lill-Istati Membri jeżaminaw u jikkondividu l-aħjar prattiki ta’ trasferiment tal-għarfien, u jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa u timplimenta strateġija għat-tixrid u għall-applikazzjoni prattika tar-riżultati biex tkompli żżid id-disponibbiltà u l-użu tar-riżultati tal-proġetti tar-R&I u taċċellera l-użu potenzjali tagħhom.

(3)Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “ŻER Ġdida għar-Riċerka u l-Innovazzjoni”, adottata fit-30 ta’ Settembru 2020 24 , tinkludi t-tisħiħ tal-ekosistemi tal-innovazzjoni għaċ-ċirkolazzjoni u l-valorizzazzjoni tal-għarfien bħala wieħed mill-objettivi ewlenin taż-ŻER il-ġdida u azzjoni biex “Jiġu aġġornati u żviluppati prinċipji gwida għall-valorizzazzjoni tal-għarfien u kodiċi ta’ prattika għall-użu intelliġenti tal-PI”.

(4)Strateġija Industrijali Ġdida għall-Ewropa 25 u l-aġġornament tagħha għall-2021 jissottolinjaw l-importanza tal-ġestjoni tal-PI, b’mod partikolari s-sensibilizzazzjoni tal-komunità tar-riċerka dwar il-PI, u ħabbru strateġija dwar l-istandardizzazzjoni biex jappoġġaw pożizzjoni aktar assertiva dwar l-interessi tal-UE. Fost il-prijoritajiet ewlenin tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE dwar il-PI 26  hemm “il-promozzjoni tal-użu u l-varar b’mod efettiv tal-PI kif ukoll l-iżgurar ta’ aċċess aktar faċli għall-assi protetti mill-PI u l-kondiviżjoni tagħhom.

(5)L-Istrateġija tal-UE dwar l-Istandardizzazzjoni 27 tenfasizza l-importanza li titqajjem kuxjenza strateġika dwar l-istandardizzazzjoni fost ir-riċerkaturi u li tiġi involuta l-komunità tar-riċerka u l-innovazzjoni fi stadju bikri fl-istandardizzazzjoni, bħala mod kif jiġu żviluppati l-għarfien espert u l-ħiliet rilevanti. L-istrateġija tiddikjara wkoll li sa nofs l-2022, il-Kummissjoni se tiżviluppa Kodiċi ta’ Prattika għar-riċerkaturi dwar l-istandardizzazzjoni biex issaħħaħ ir-rabta bejn l-istandardizzazzjoni u r-R&I.

(6)Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar “Iż-Żona Ewropea tar-Riċerka Ġdida”, adottati fl-1 ta’ Diċembru 2020 28 , laqgħu l-inizjattiva tal-Kummissjoni li tirrieżamina r-Rakkomandazzjoni tal-2008 dwar il-ġestjoni tal-PI f’attivitajiet ta’ trasferiment ta’ għarfien u l-Kodiċi ta’ Prattika f’konformità mal-Istrateġija Industrijali l-Ġdida għall-Ewropa.

(7)Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar “Patt għar-Riċerka u l-Innovazzjoni fl-Ewropa” tas-26 ta’ Novembru 2021 29 tidentifika l-valorizzazzjoni tal-għarfien bħala wieħed mill-oqsma ta’ prijorità għal azzjoni konġunta b’appoġġ għaż-ŻER. Il-Patt jirrikonoxxi wkoll il-ħolqien tal-valur u l-impatt soċjetali u ekonomiku bħala parti mis-sett komuni ta’ valuri u prinċipji għar-riċerka u l-innovazzjoni fl-Unjoni li l-Istati Membri jenħtieġ li jqisu fl-iżvilupp tas-sistemi tagħhom tar-R&I.

(8)L-Aġenda ta’ Politika taż-ŻER għall-2022-2024 annessa mal-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar “Il-governanza futura taż-Żona Ewropea tar-Riċerka” tas-26 ta’ Novembru 2021 30 tinkludi azzjoni għal “L-aġġornament tal-gwida tal-UE għal valorizzazzjoni aħjar tal-għarfien”. L-ewwel eżitu ta’ dan se jkun “L-iżvilupp u l-approvazzjoni ta’ Prinċipji Gwida għall-valorizzazzjoni tal-għarfien”. L-azzjoni tinkludi wkoll l-iżvilupp ta’ Kodiċi ta’ Prattika għall-użu intelliġenti tal-PI u ta' Kodiċi ta’ Prattika għar-riċerkaturi dwar l-istandardizzazzjoni biex jipprovdu gwida aktar dettaljata dwar kif għandhom jiġu implimentati ċerti aspetti tal-valorizzazzjoni tal-għarfien.

(9)Ix-Xjenza Miftuħa 31 hija metodu standard għall-ħidma fl-ambitu tal-programmi qafas tal-UE għar-riċerka u l-innovazzjoni u qasam prijoritarju ieħor għal azzjoni konġunta fl-Aġenda ta’ Politika taż-ŻER għall-2022-2024. Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni “dwar l-aċċess għall-informazzjoni xjentifika u l-konservazzjoni tagħha” 32 tħeġġeġ lill-Istati Membri jistabbilixxu u jimplimentaw politiki nazzjonali għat-tixrid u l-aċċess miftuħ għall-pubblikazzjonijiet xjentifiċi u għall-ġestjoni tad-data tar-riċerka b’mod partikolari permezz tal-Cloud Ewropew tax-Xjenza Miftuħa. Ir-rapport finali tal-Pjattaforma tal-politika tax-xjenza miftuħa 33 jelenka t-tisħiħ tal-għarfien dwar il-valur tal-PI u l-ġestjoni tal-assi tal-PI fost l-elementi li sistema ta’ riċerka kondiviża għall-innovazzjoni trid tinkludi. Il-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar “Il-valutazzjoni tar-riċerka u l-implimentazzjoni tax-Xjenza Miftuħa” adottati fl-10 ta’ Ġunju 2022 34 jissuġġerixxu li l-evoluzzjoni tas-sistemi ta’ valutazzjoni tar-riċerka fl-Ewropa jenħtieġ li tqis il-valorizzazzjoni tal-għarfien.

(10)Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Strateġija Ewropea għad-data” adottata fid-19 ta’ Frar 2020 35 tħeġġeġ l-isfruttament tal-opportunità ppreżentata mid-data għall-ġid soċjali u ekonomiku u li dan il-potenzjal jenħtieġ li jintuża biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet tal-individwi u b’hekk jinħoloq valur għall-ekonomija u għas-soċjetà. L-innovazzjoni mmexxija mid-data se toħloq benefiċċji kbar għaċ-ċittadini, fosthom permezz ta’ mediċina personalizzata mtejba, permezz ta’ mobilità ġdida u permezz tal-kontribut tagħha għall-Patt Ekoloġiku Ewropew.

(11)Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, “Regolazzjoni aħjar: Ningħaqdu flimkien biex nagħmlu liġijiet aħjar” adottata fid-29 ta’ April 2021 36 tissottolinja li l-evidenza xjentifika hija waħda mill-pedamenti ta’ regolamentazzjoni aħjar, vitali biex tiġi stabbilita deskrizzjoni akkurata tal-problema, fehim reali tal-kawżalità u għalhekk tal-loġika ta’ intervent u biex tevalwa l-impatt. Ir-riċerka ta’ kwalità għolja ma tistax issir mil-lum għall-għada, u għalhekk biex jiġi żgurat li jkun hemm evidenza pertinenti disponibbli meta jkun hemm bżonn jirrikjedi li jiġu antiċipati u kkoordinati aħjar il-ħtiġijiet għall-evidenza. Dan ifisser ukoll mobilizzazzjoni u involviment aħjar tal-komunità tar-riċerka fil-proċess regolatorju.

(12)It-trawwim ta’ ħiliet trażversali bħall-intraprenditorija, il-kreattività, il-ħsieb kritiku u l-involviment ċiviku huma fost l-objettivi tal-Komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni “dwar il-kisba sal-2025 taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni” 37 , “l-istrateġija Ewropea għall-universitajiet” 38 u “Aġenda għall-Ħiliet għall-Ewropa għall-kompetittività sostenibbli, il-ġustizzja soċjali u r-reżiljenza” 39 . Il-qafas strateġiku taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni jippromwovi l-kollaborazzjoni u t-tagħlim bejn il-pari bejn l-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati ewlenin eż. fil-forma ta’ gruppi ta’ ħidma.

(13)L-ekosistema tar-riċerka u l-innovazzjoni nbidlet ħafna mir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tal-2008 dwar il-ġestjoni tal-PI f’attivitajiet ta’ trasferiment ta’ għarfien. Hemm bżonn ta’ aġġornament, biex jiffoka fuq il-valorizzazzjoni tal-assi kollha tal-għarfien iġġenerati minn tipi differenti ta’ atturi f’ekosistema dinamika tar-riċerka u l-innovazzjoni. Sfidi ġodda jridu jiġu indirizzati, bħall-ktajjen tal-valur tal-għarfien dejjem aktar kumplessi, opportunitajiet ġodda tas-suq maħluqa minn teknoloġiji emerġenti, forom ġodda ta’ kollaborazzjonijiet bejn l-industrija u l-akkademja u l-involviment taċ-ċittadini, kif ukoll ir-reċiproċità fil-ġestjoni tal-assi intellettwali fil-kuntest tal-kooperazzjoni internazzjonali fir-R&I.

(14)Id-diversità tal-kanali u tal-għodod tal-valorizzazzjoni tal-għarfien 40 jenħtieġ li tiġi riflessa biex jiġu indirizzati s-sostenibbiltà, l-innovazzjoni soċjali u politika u jiġu mħeġġin kollaborazzjonijiet multidixxiplinari li jmorru lil hinn mill-oqsma teknoloġiċi li jinvolvu dixxiplini bħax-xjenzi soċjali, l-umanistika u l-arti, eż. ħarsa lejn l-interkonnessjonijiet bejn il-politiki soċjali u ambjentali jew ekonomiċi u ambjentali.

(15)L-għan tal-prinċipji gwida għall-valorizzazzjoni tal-għarfien huwa li tiġi adottata linja komuni dwar miżuri u inizjattivi ta’ politika għat-titjib tal-valorizzazzjoni tal-għarfien fl-UE.

ADOTTA DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI:

Prinċipji gwida għall-valorizzazzjoni tal-għarfien

Kuntest u ambitu

Fl-2008, il-Kummissjoni Ewropea ħarġet Rakkomandazzjoni dwar il-ġestjoni tal-IP f’attivitajiet għat-trasferiment ta’ għarfien u Kodiċi ta’ Prattika għall-universitajiet u organizzazzjonijiet pubbliċi oħra tar-riċerka. Ir-rakkomandazzjoni kienet prinċipalment immirata lejn l-organizzazzjonijiet pubbliċi tar-riċerka 41 .

Il-valorizzazzjoni tal-għarfien hija l-proċess tal-ħolqien ta’ valur soċjali u ekonomiku mill-għarfien billi oqsma u setturi differenti jiġu marbuta u billi r-riżultati tad-data u tar-riċerka jiġu ttrasformati fi prodotti u f’soluzzjonijiet sostenibbli li huma ta’ benefiċċju għas-soċjetà f’termini ta’ prosperità ekonomika, benefiċċji ambjentali, progress u tfassil aħjar tal-politika. L-enfasi fuq il-valorizzazzjoni tal-għarfien tagħmilha neċessarja li jitwessa’ l-ambitu tar-Rakkomandazzjoni tal-2008, biex tinkludi l-ekosistema kollha tar-riċerka u l-innovazzjoni u l-atturi tagħha.

Il-valorizzazzjoni tal-għarfien hija bidla fundamentali li ġġib magħha aspetti ġodda li se joħolqu valur tal-assi eżistenti u futuri tar-riċerka u l-innovazzjoni u l-għarfien, inkluż l-għarfien taċitu 42 . Il-valorizzazzjoni tal-għarfien se twassal għal benefiċċji għat-tfassil tal-politika u għal modi ġodda ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni tar-riċerka u l-innovazzjoni permezz tal-iżvilupp ta’ indikaturi u għodod ta’ kejl. Dan se jaffettwa l-finanzjament tar-riċerka u l-innovazzjoni u se jżid il-valur għax-xjenza u r-riċerka u r-riżultati tagħhom. Il-valorizzazzjoni tal-għarfien tirrikjedi l-parteċipazzjoni tal-atturi fl-ekosistema tar-R&I u l-utenti/benefiċjarji tal-għarfien u l-innovazzjoni, b’enfasi partikolari fuq l-użu u l-użu mill-ġdid tal-għarfien għall-benefiċċju tas-soċjetà. Bħala tali, huwa kunċett usa’ mit-tixrid li jinvolvi li l-għarfien u r-riżultati jsiru magħrufa u aċċessibbli.

Il-ġestjoni tal-assi intellettwali hija kruċjali għall-valorizzazzjoni effiċjenti tal-għarfien. L-assi intellettwali jkopru kwalunkwe riżultat jew prodott iġġenerat minn kwalunkwe attività ta’ R&I (eż. privattivi, drittijiet tal-awtur, trademarks, pubblikazzjonijiet, data, l-għarfien espert, il-prototipi, il-proċessi, il-prattiki, it-teknoloġiji, l-invenzjonijiet, is-software eċċ.) 43 . L-enfasi fuq il-ġestjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-PI tillimita l-opportunitajiet għall-ħolqien tal-valur. L-isfruttament tal-valur sħiħ tal-assi intellettwali ġġenerati mill-attivitajiet tar-R&I jirrikjedi li l-organizzazzjonijiet li jwettqu attivitajiet tar-R&I jimmaniġġjaw l-assi intellettwali f’sens wiesa’, kemm dawk li jistgħu jiġu protetti legalment (privattivi, drittijiet tal-awtur, trademarks eċċ.) kif ukoll assi intellettwali oħra li jistgħu jintużaw f’attivitajiet ta’ valorizzazzjoni. Dan jirrikjedi l-iżvilupp ta’ strateġiji ta’ ġestjoni u l-promozzjoni ta’ ħiliet speċifiċi u trażversali biex jiġi sfruttat il-valur sħiħ tal-assi intellettwali ġġenerati.

Il-ftuħ bħala prinċipju jappoġġa l-ħolqien tal-valur 44 u l-użu ta’ għodod ta’ ġestjoni tal-assi intellettwali jista’ jwassal għal użu aħjar tar-riżultati, jikkontribwixxi b’mod pożittiv għall-innovazzjoni u jżid il-valur miżjud ġenerali tar-riżultati xjentifiċi 45 . Bil-prinċipju ta’ “miftuħ kemm jista’ jkun u magħluq kemm jista’ jkun”, huwa importanti li jiġi rikonoxxut li kemm ix-Xjenza Miftuħa kif ukoll l-Innovazzjoni Miftuħa 46 jużaw u jisfruttaw l-għodod għall-ġestjoni tal-assi intellettwali. L-użu sensittiv tar-riżultati tar-riċerka biex jinħolqu benefiċċji soċjoekonomiċi se jżid ukoll mal-valur ġenerali u mal-importanza tar-riċerka xjentifika għas-soċjetà.

Il-prattiki, il-proċessi u l-ħiliet intraprenditorjali u dawk li jiffaċilitaw id-djalogu maċ-ċittadini, mas-soċjetà ċivili u ma’ dawk li jfasslu l-politika huma komponenti meħtieġa ta’ inizjattivi ta’ valorizzazzjoni tal-għarfien ta’ suċċess. It-trasformazzjoni tal-għarfien f’valur ġdid, irrispettivament minn jekk dan jikkonċernax innovazzjonijiet inkrementali jew ta’ tfixkil, it-tfassil tal-politika bbażat fuq l-evidenza, jew il-benesseri taċ-ċittadini, tirrikjedi attitudnijiet jew kulturi proattivi/intraprenditorjali u ta’ kokreazzjoni/involviment transsettorjali flimkien ma’ sforzi intraprenditorjali f’xi stadji tal-proċess ta’ valorizzazzjoni jew matulhom kollha. B’dan il-mod, il-proċess ta’ valorizzazzjoni jista’ jispira aġġustamenti fis-sistemi edukattivi sabiex dawn ikunu jistgħu jaqdu aħjar il-ħiliet, il-kompetenzi u l-attitudnijiet li jwasslu għal kreattività akbar u ħolqien ta’ valur soċjetali. Għalhekk, l-iżvilupp u l-użu ta’ approċċi intraprenditorjali u orjentati lejn l-involviment/il-kollaborazzjoni huma kruċjali biex il-valorizzazzjoni tkun effettiva.

Il-proċessi u l-metodi intraprenditorjali 47 huma skoperta bbażata fuq l-esperimenti, azzjonijiet b’kokreazzjoni li jkopru l-konfini organizzazzjonali u li jinvolvu ħafna kompetenzi komplementari. Dawn il-proċessi u l-metodi jirrikjedu l-ħiliet u l-kapaċitajiet soċjo-intraprenditorjali meħtieġa biex jiffaċilitaw l-effett konsegwenzjali tal-għarfien soċjali lil hinn mill-kummerċjalizzazzjoni. L-użu ta’ networks, għodod u strumenti ta’ koordinazzjoni tal-metodu miftuħ mill-qafas strateġiku taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni (EEA), se jistimula l-valorizzazzjoni tal-għarfien u l-iżvilupp ta’ ħiliet relatati.

Għalhekk, il-prinċipji gwida jenħtieġ li jkopru l-iżvilupp, l-użu u l-ġestjoni tal-prattiki, tal-proċessi u tal-ħiliet intraprenditorjali fil-livelli kollha tas-soċjetà fis-setturi privati u pubbliċi involuti fil-valorizzazzjoni tal-għarfien. Dan l-ambitu ġdid jirrikjedi li dawk li jfasslu l-politika jallinjaw l-objettivi ta’ politika tagħhom kif xieraq u jistabbilixxu approċċi ġodda meħtieġa għall-valorizzazzjoni tal-għarfien. Dawn il-prinċipji gwida għandhom l-għan li jgħinu lil dawk li jfasslu l-politika fl-Istati Membri jagħmlu dan.

Għalhekk, il-prinċipji gwida f’din ir-Rakkomandazzjoni jikkonċernaw inizjattivi ta’ politika mmirati lejn il-kategoriji kollha ta’ atturi tal-ekosistema involuti f’attivitajiet tar-R&I, bħal:

·l-akkademja, l-universitajiet, l-organizzazzjonijiet tar-riċerka u tat-teknoloġija u organizzazzjonijiet pubbliċi oħra tar-riċerka, kif ukoll l-akkademji u s-soċjetajiet tal-għerf

·l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, iċ-ċittadini u l-organizzazzjonijiet mhux governattivi

·investituri privati, organizzazzjonijiet ta’ finanzjament u investiment inklużi fondazzjonijiet u organizzazzjonijiet tal-karità

·individwi, eż. innovaturi, riċerkaturi, xjenzati u studenti

·l-industrija inklużi l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs), in-negozji l-ġodda, l-ispin-offs, in-negozji li qegħdin jespandu u l-intrapriżi soċjali

·intermedjarji (eż. professjonisti fit-trasferiment tal-għarfien u t-teknoloġija, inkubaturi, parks tax-xjenza, ċentri ta’ innovazzjoni reġjonali, nazzjonali u Ewropej, esperti tal-PI, konsulenti u professjonisti ta’ appoġġ għall-innovazzjoni, timijiet ta’ komunikazzjoni tax-xjenza u involviment tal-politika, għarfien għall-organizzazzjonijiet ta’ konsulenza dwar il-politika / ix-xjenza, professjonisti fil-parteċipazzjoni taċ-ċittadini)

·awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali, dawk li jfasslu l-politika u l-fornituri tas-servizzi pubbliċi u privati (eż. sptarijiet, fornituri tat-trasport pubbliku u tal-enerġija)

·organizzazzjonijiet privati tar-riċerka

·l-infrastrutturi tar-riċerka u l-innovazzjoni u l-faċilitajiet pilota tal-ogħla livell ta’ żvilupp tekniku

·korpi tal-istandardizzazzjoni.

Il-prinċipji gwida ta’ hawn taħt huma fformulati bħala applikabbli għall-kategoriji kollha ta’ hawn fuq jew għall-biċċa l-kbira tagħhom. Madankollu, l-implimentazzjoni tal-prinċipji trid tiġi adattata għall-atturi fil-mira permezz ta’ dokumenti tal-Kodiċi ta’ Prattika li għandhom jinħolqu flimkien mal-partijiet ikkonċernati. Kull Kodiċi ta’ Prattika jista’ jkun tematiku (jiġifieri dwar l-assi intellettwali, il-kollaborazzjoni bejn l-akkademja u l-industrija jew il-kollaborazzjoni bejn l-akkademja u s-settur pubbliku) jew aktar dirett lejn wieħed jew aktar mill-atturi ta’ hawn fuq (eż. professjonisti fit-trasferiment tal-għarfien, negozji ġodda jew kumpaniji ta’ kull daqs). Il-Kodiċijiet ta’ Prattika se jibbenefikaw minn skambji mal-Komunità tal-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (EIT).

Prinċipji gwida

Dawn il-prinċipji gwida ma humiex vinkolanti. Dan ifisser li l-applikazzjoni tal-prinċipji gwida jenħtieġ li tirrispetta l-leġiżlazzjoni internazzjonali u nazzjonali kif ukoll id-dritt tal-UE (inklużi r-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat) u dawn jenħtieġ li jitqiesu fl-isforzi biex il-qafas legali tal-UE jkun ta’ appoġġ għall-valorizzazzjoni tal-għarfien. Il-prinċipji gwida kollha jridu jiġu applikati filwaqt li jitqies l-aktar użu wiesa’ possibbli tas-soċjetà 48 inkluż il-kontribut għas-soċjetà sostenibbli f’konformità mal-linji gwida tal-UE għall-indirizzar tal-interferenza barranija fir-R&I 49 .

Il-valorizzazzjoni tal-għarfien hija proċess kumpless li jirrikjedi riżorsi sinifikanti biex jiġi żgurat li l-firxa meħtieġa ta’ ħiliet u kapaċità skalabbli tiġi żviluppata u miżmuma fl-UE. Jenħtieġ li jkun hemm investiment kontinwu u miżjud fl-iżvilupp ta’ professjonisti u ta’ faċilitaturi tat-trasferiment u tas-senserija tal-għarfien li jaġixxu bħala intermedjarji bejn l-atturi rilevanti tar-riċerka u l-innovazzjoni. Huwa partikolarment importanti li l-SMEs jiġu mħeġġa permezz ta’ ekosistemi ta’ innovazzjoni reġjonali b’saħħithom ibbażati fl-universitajiet, kif ukoll li titħeġġeġ il-proattività fin-negozji ġodda, fin-negozji li qegħdin jespandu u fil-kumpaniji ta’ kull daqs u li s-sħab industrijali jiġu persważi biex ikunu lesti jieħdu riskji.

L-Istati Membri, dawk li jfasslu l-politika u atturi rilevanti oħra jenħtieġ li jagħmlu dan li ġej fl-oqsma li ġejjin.

Valorizzazzjoni tal-għarfien fil-politika tar-riċerka u l-innovazzjoni

·Jiżguraw li jkun hemm stabbiliti strutturi nazzjonali ta’ appoġġ biex jgħinu lill-organizzazzjonijiet isiru konxji dwar l-ambitu ta’ din ir-rakkomandazzjoni dwar il-valorizzazzjoni tal-għarfien, jivvalutaw l-implikazzjonijiet tagħha għalihom, jimmobilizzaw riżorsi finanzjarji u mhux finanzjarji biex ipoġġuha fil-prattika u jiżviluppaw l-istrateġiji u l-prattiki meħtieġa biex jimplimentawhom u jippubblikawha.

·Jiżguraw li l-politiki u l-prattiki tal-ħolqien tal-valur jiġu ddefiniti, implimentati u ppubblikati fil-livell organizzazzjonali.

·Jiżguraw li l-attivitajiet tar-R&I ffinanzjati mill-gvern iqisu l-aktar użu u valorizzazzjoni soċjetali wiesa’ possibbli tal-assi intellettwali ġġenerati mill-attivitajiet tar-R&I u jinvolvu lill-atturi kollha tal-ekosistema, f’konformità mar-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat.

·Isaħħu l-proċessi u l-prattiki tal-istrutturi fl-użu tar-riżultati tar-riċerka u l-għarfien xjentifiku għat-tfassil u għall-implimentazzjoni tal-politika pubblika u għall-iżvilupp u għar-reviżjoni tal-istandards.

·Jippromwovu l-ugwaljanza, id-diversità u l-inklużjoni fl-attivitajiet ta’ valorizzazzjoni tal-għarfien, l-objettivi tagħha u n-nies involuti f’attivitajiet bħal dawn, pereżempju permezz ta’ timijiet ta’ riċerka varjati u kontenut tar-R&I, li jirriflettu l-perspettivi, l-imġibiet u l-ħtiġijiet ta’ gruppi differenti fis-soċjetà.

Ħiliet u kapaċitajiet

·Jippromwovu u jappoġġaw l-iżvilupp tal-ħiliet u l-kapaċitajiet meħtieġa għall-iżvilupp u l-prattika ta’ operazzjonijiet ta’ valorizzazzjoni tal-għarfien li jinvolvu l-partijiet ikkonċernati kollha minn studenti, riċerkaturi u inventuri sa intermedjarji professjonali, u minn utenti tat-teknoloġija sa dawk li jfasslu l-politika.

·Jiżguraw li jkunu stabbiliti skemi ta’ mobilità bejn l-akkademja, l-industrija u s-settur pubbliku biex jiffaċilitaw l-iżvilupp tal-ħiliet u l-iskambju ta’ kompetenzi u prattiki fost l-atturi tal-valorizzazzjoni tal-għarfien fil-livell nazzjonali u tal-UE.

·Jiżguraw li l-għarfien taċitu ta’ dawk li jiġġeneraw l-assi intellettwali li għandhom jiġu vvalorizzati jkun parti integrali mill-proċess ta’ valorizzazzjoni. Dan ifisser li huwa importanti li jiġu promossi approċċi parteċipattivi li jagħmluha possibbli li jiġu inklużi t-talenti, il-ħiliet u l-għarfien taċitu fl-innovazzjoni u l-valorizzazzjoni.

·Jinkoraġġixxu u jiffaċilitaw kollaborazzjonijiet multidixxiplinari li jmorru lil hinn minn oqsma teknoloġiċi u li jinvolvu dixxiplini bħax-xjenzi soċjali, l-istudji umanitarji u l-arti, kif ukoll approċċi kokreattivi.

Sistema ta’ inċentivi

·Jiżviluppaw sistema rilevanti u ġusta ta’ inċentivi u jiżguraw li dawn l-inċentivi jkunu stabbiliti għall-atturi kollha tal-ekosistema tar-R&I, b’mod partikolari r-riċerkaturi, l-innovaturi, l-istudenti u l-persunal tal-universitajiet u l-organizzazzjonijiet pubbliċi tar-riċerka, biex jitgħallmu, japplikaw u jipprattikaw valorizzazzjoni tal-għarfien, kif ukoll biex jattiraw u jżommu t-talenti.

·Jipprovdu miżuri għall-SMEs, għas-soċjetà ċivili, għaċ-ċittadini, għall-utenti finali u għall-awtoritajiet pubbliċi biex ikunu sħab attivi fil-kokreazzjoni ta’ innovazzjoni li żżid il-valur, u b’hekk itejbu l-aċċess għall-għarfien u l-użu tiegħu, u l-akkwist tal-ħiliet, u jħeġġu esperimentazzjoni konġunta.

Il-ġestjoni tal-assi intellettwali

·Jiżguraw li l-politiki u l-prattiki għall-ġestjoni tal-assi intellettwali jiġu ddefiniti, implimentati u ppubblikati fl-organizzazzjonijiet kollha involuti fil-valorizzazzjoni tal-għarfien.

·Iqajmu kuxjenza fost l-universitajiet, l-organizzazzjonijiet tar-riċerka, l-awtoritajiet pubbliċi u n-negozji dwar l-importanza tal-ġestjoni tal-assi intellettwali f’ambjent internazzjonali.

·Jiżguraw li l-assi intellettwali żviluppati minn attivitajiet ta’ R&I ffinanzjati pubblikament fl-UE jiġu ġestiti u kkontrollati b’tali mod li l-benefiċċju soċjoekonomiku inkluż il-kontribut għas-sostenibbiltà għall-UE kollha kemm hi jitqies u jiġi massimizzat.

·Iżidu l-għarfien u l-adozzjoni ta’ prattiki u għodod ta’ ġestjoni tal-assi intellettwali fix-Xjenza Miftuħa biex jiffaċilitaw l-użu tar-riżultati u tad-data għall-innovazzjoni.

·Jiżguraw li l-assi intellettwali jiġu ġestiti b’mod effiċjenti fi proċessi ta’ Innovazzjoni Miftuħa, eż. billi jgħinu fil-bini ta’ portafoll attiv u pjattaformi ta’ appoġġ li jorbtu l-offerta u d-domanda għall-assi intellettwali biex jiġi massimizzat il-ħolqien tal-valur għal dawk kollha involuti.

Ir-rilevanza fl-iskemi ta’ finanzjament pubbliku

·Jiżguraw li l-finanzjament tar-R&I mill-gvern iqis u jsaħħaħ l-applikazzjoni tal-prinċipji ta’ valorizzazzjoni tal-għarfien fir-riċerka li trid tiġi ffinanzjata.

·Jikkunsidraw skemi ta’ finanzjament speċifiċi biex jikkomplementaw il-finanzjament tar-riċerka sabiex jiżguraw li l-valorizzazzjoni tiġi inċentivata fi stadju bikri fir-riċerka bi gwida dwar opportunitajiet ta’ finanzjament komplementari għall-valorizzazzjoni tal-għarfien.

Tagħlim bejn il-pari

·Jippromwovu u jappoġġaw proċessi u prattiki nazzjonali u tranżnazzjonali ta’ tagħlim bejn il-pari għat-tixrid u għall-inkoraġġiment tal-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki 50 , studji tal-każijiet, mudelli tar-rwol, tagħlimiet meħuda u l-iżvilupp ta’ speċifikazzjonijiet komuni għall-valorizzazzjoni tal-għarfien.

·Jużaw bħala standard l-organizzazzjonijiet, l-ekosistemi u l-inizjattivi tal-valorizzazzjoni tal-għarfien sabiex jiġu żviluppati u promossi kunċetti, mudelli u inċentivi komuni biex iservu bħala gwida għall-valutazzjoni u għall-implimentazzjoni tal-ġestjoni u l-proċessi tal-valorizzazzjoni tal-għarfien. Barra minn hekk, jużaw l-għarfien espert, in-networks u t-tagħlimiet meħuda minn organizzazzjonijiet rilevanti, bħall-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea, l-Uffiċċju Ewropew tal-Privattivi, in-Network Enterprise Europe, l-EIT u l-Komunitajiet tal-Għarfien u l-Innovazzjoni tagħhom u organizzazzjonijiet internazzjonali, Ewropej jew nazzjonali oħra.

·Jinkoraġġixxu lill-universitajiet u lill-organizzazzjonijiet pubbliċi tar-riċerka biex jiġbru flimkien ir-riżorsi, l-għarfien espert, id-data u l-infrastruttura tagħhom fost id-dixxiplini, il-pajjiżi u r-reġjuni biex jippromwovu aktar prattiki ta’ tagħlim bejn il-pari.

Metrika

·Jiżguraw li għadd suffiċjenti ta’ indikaturi għall-valorizzazzjoni tal-għarfien jirriflettu u jkopru l-inputs, l-imġiba u l-outputs tal-proċess ta’ valorizzazzjoni, inkluża l-firxa sħiħa ta’ kanali u mogħdijiet għall-valorizzazzjoni tal-għarfien. Ikunu ċerti li tintuża metrika kwantitattiva u kwalitattiva rilevanti fid-definizzjoni tal-indikaturi.

·Jippromwovu sforzi kollaborattivi biex jiġu adottati definizzjonijiet, metrika u indikaturi komuni u miftiehma biex jgħinu fit-titjib tal-prestazzjoni tal-valorizzazzjoni tal-għarfien tal-UE, filwaqt li jitqiesu d-differenzi kuntestwali fost l-Istati Membri u l-atturi tal-valorizzazzjoni tal-għarfien u l-ispeċifiċitajiet ta’ setturi differenti.

·Jinkoraġġixxu, jappoġġaw u jinċentivaw l-organizzazzjonijiet li jwettqu l-valorizzazzjoni tal-għarfien biex jiġbru, jikkondividu u jużaw metrika li ttejjeb it-tagħlim u l-prestazzjoni tal-atturi tal-valorizzazzjoni tal-għarfien fl-UE.

Monitoraġġ u evalwazzjoni

·Jiżguraw li l-prattiki ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni użati għall-valutazzjoni u l-evalwazzjoni tal-operazzjonijiet ta’ valorizzazzjoni tal-għarfien ikunu trażversali, iqisu l-oqfsa eżistenti u jikkunsidraw it-tipi kollha ta’ benefiċċji għal diversi partijiet ikkonċernati u varjetà ta’ eżiti ta’ valorizzazzjoni tal-għarfien inkluż il-kontribut għas-sostenibbiltà.

·Jiżviluppaw aktar għodod ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni tal-valorizzazzjoni tal-għarfien biex ikejlu l-progress u l-maturità tal-assi intellettwali u l-isforzi ta’ innovazzjoni matul il-proċess ta’ valorizzazzjoni tal-għarfien. Dawn l-għodod jenħtieġ li jindirizzaw kemm il-ħolqien tal-valur kif ukoll il-kontribut tiegħu għat-tranżizzjoni lejn soċjetà sostenibbli. Ladarba jiġi żviluppat, jippromwovu l-użu ta’ dan il-mudell u jiżviluppaw sinerġiji ma’ azzjonijiet rilevanti oħra tal-politika taż-ŻER.

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta’ April 2008 dwar il-ġestjoni tal-proprjetà intellettwali f’attivitajiet ta’ trasferiment ta’ għarfien u l-Kodiċi ta’ Prattika għall-universitajiet u organizzazzjonijiet pubbliċi oħra tar-riċerka hija b’dan imħassra.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)     Il-Kummissjoni Ewropea, Id-Direttorat Ġenerali għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, Research & innovation valorisation channels and tools: boosting the transformation of knowledge into new sustainable solutions, Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet, 2020.
(2)    COM(2020) 628 final.
(3)    Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2021/2122 tas-26 ta’ Novembru 2021 dwar Patt għar-Riċerka u l-Innovazzjoni fl-Ewropa, ĠU L 431, 2.12.2021, p. 1.
(4)    Id-Dokument tal-Kunsill 14308/21.
(5)    COM(2020) 102 final u COM(2021) 350 final.
(6)    COM(2020) 760 final.
(7)    COM(2022) 31 final.
(8)    COM(2022) 332 final.
(9)    COM(2022) 16 final.
(10)    COM(2020) 625 final.
(11)    COM(2020) 274 final.
(12)    Dokument tal-Kunsill 10126/22.
(13)    SWD(2021) 101 final.
(14)    COM(2021) 219 final.
(15)     Il-Kummissjoni Ewropea, Id-Direttorat Ġenerali għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, Barjak, F., Perrett, P., Es-Sadki, N., et al., Knowledge transfer study 2010-2012 : final report, Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet, 2014 .  
(16)     Il-Kummissjoni Ewropea, Id-Direttorat Ġenerali għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, Science, research and innovation performance of the EU, 2020 : 11 recommendations for a fair, green and digital Europe, Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet, 2021.  
(17)     Il-Kummissjoni Ewropea, Id-Direttorat Ġenerali għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, ERA progress report 2018 : the European Research Area : advancing together the Europe of research and innovation, Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet, 2019 .  
(18)    SWD(2020) 214 final.
(19)     Il-Kummissjoni Ewropea, Id-Direttorat Ġenerali għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, Eerola, I., Stakeholder consultation on the guiding principles for knowledge valorisation : report of the results, Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet, 2021 .  
(20)    C(2008) 1329.
(21)    Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-ġestjoni ta’ proprjetà intellettwali f’attivitajiet għat-trasferiment ta’ għarfien u Kodiċi ta’ Prattika għal universitajiet u organizzazzjonijiet ta’ riċerka pubbliċi oħrajn,10323/08.
(22)    COM(2010) 546 final.
(23)    Id-Dokument tal-Kunsill 9507/18.
(24)    COM(2020) 628 final.
(25)    COM(2020) 102 final u COM(2021) 350 final.
(26)    COM(2020) 760 final.
(27)    COM(2022) 31 final.
(28)    Id-Dokument tal-Kunsill 13567/20.
(29)    Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2021/2122 tas-26 ta’ Novembru 2021 dwar Patt għar-Riċerka u l-Innovazzjoni fl-Ewropa, ĠU L 431, 2.12.2021, p. 1.
(30)    Id-Dokument tal-Kunsill 14308/21.
(31)    Ix-xjenza miftuħa tfisser approċċ għall-proċess xjentifiku bbażat fuq il-kooperazzjoni miftuħa fir-rigward ta’ xogħol, strumenti u tixrid tal-għarfien, kif definit fir-Regolament (UE) 2021/695, ĠU L l 170, 12.5.2021, p. 15.
(32)    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2018/790, ĠU L 134, 31.5.2018, p. 12.
(33)     Il-Kummissjoni Ewropea, Id-Direttorat Ġenerali għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, Mendez, E., Progress on open science : towards a shared research knowledge system : final report of the open science policy platform, Lawrence, R.(editor), Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet, 2020.
(34)    Id-Dokument tal-Kunsill 10126/22.
(35)    COM(2020) 66 final.
(36)    COM(2021) 219 final.
(37)    COM(2020) 625 final.
(38)    COM(2022) 16 final.
(39)    COM(2020) 274 final.
(40)     Il-Kummissjoni Ewropea, Id-Direttorat Ġenerali għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, Research & innovation valorisation channels and tools : boosting the transformation of knowledge into new sustainable solutions, Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet, 2020.
(41)    It-terminu “organizzazzjoni tar-riċerka pubblika” jinkludi kemm organizzazzjonijiet speċjalizzati tar-riċerka teknoloġika kif ukoll istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja li jinvolvu ruħhom f’attivitajiet ta’ riċerka u żvilupp u taħriġ fir-riċerka (RDT) b’appoġġ sostanzjali ta’ finanzjament minn sorsi pubbliċi u kważi pubbliċi (eż. organizzazzjonijiet tal-karità u mingħajr skop ta’ qligħ) , https://ec.europa.eu/invest-in-research/pdf/download_en/metcalfe_report5.pdf .
(42)    L-għarfien taċitu huwa kwalunkwe għarfien li ma jistax jiġi kkodifikat u trażmess bħala informazzjoni permezz ta’ dokumentazzjoni, ta’ dokumenti akkademiċi, ta’ lectures, ta’ konferenzi jew ta’ mezzi oħra ta’ komunikazzjoni. Tali għarfien jiġi ttrasferit b’mod aktar effettiv fost individwi b’kuntest soċjali komuni u prossimità fiżika, kif spjegat fir-Rapport tal-OECD Global Competition for Talent: Mobility of the Highly Skilled, P.9 tas-sommarju eżekuttiv.
(43)    Meta rilevanti, l-assi intellettwali jistgħu jinkludu wkoll ir-riżultati u l-prodotti tal-attivitajiet ta’ tagħlim.
(44)    OECD, Making Open Science a realty, OECD Science, Technology and Industry Policy Papers, Nru 25, OECD Publishing, Pariġi, 2015.
(45)     Il-Kummissjoni Ewropea, Id-Direttorat Ġenerali għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, Open science and intellectual property rights : How can they better interact? : state of the art and reflections : executive summary, 2022.
(46)    Il-premessa bażika tal-Innovazzjoni Miftuħa hija li l-proċess ta’ innovazzjoni jinfetaħ għall-atturi attivi kollha sabiex l-għarfien ikun jista’ jiċċirkola b’mod aktar liberu u jiġi ttrasformat fi prodotti u servizzi li joħolqu swieq ġodda, filwaqt li titrawwem kultura aktar b’saħħitha ta’ intraprenditorija, Il-Kummissjoni Ewropea, Id-Direttorat Ġenerali għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, Open innovation, open science, open to the world : a vision for Europe, Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet, 2016, p.13.
(47)    Hawnhekk il-proċess intraprenditorjali jitqies bħala metodu xprunat mill-iskoperti biex jiġu indirizzati l-isfidi u l-opportunitajiet relatati mas-suq u mas-soċjetà billi jiġu żviluppati u sfruttati b’mod sperimentali assi intellettwali f’valuri (innovazzjonijiet) ġodda u utli għal sett partikolari ta’ partijiet ikkonċernati.
(48)    Meta possibbli u skont il-kuntest, l-attivitajiet ta’ valorizzazzjoni jenħtieġ li jikkunsidraw il-ħtiġijiet tas-soċjetà u l-benefiċċji għaliha, minbarra l-ixprunaturi tradizzjonali tal-profitt. Wieħed mill-eżempji huwa l-liċenzjar soċjalment responsabbli, li fih il-liċenzjar tal-assi intellettwali jrid jiżgura li l-iffissar tal-prezzijiet tal-prodotti u s-servizzi finali ma jfixkilx l-aċċessibbiltà.
(49)     Il-Kummissjoni Ewropea, Id-Direttorat Ġenerali għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, Tackling R&I foreign interference: staff working document, 2022.
(50)     Repożitorju ta’ eżempji tal-aħjar prattika huwa disponibbli fuq il-pjattaforma ta’ valorizzazzjoni tal-għarfien tal-Kummissjoni Ewropea li hija miftuħa fuq bażi kontinwa għas-sottomissjonijiet ta’ eżempji ġodda tal-aħjar prattika.