Brussell, 4.8.2022

COM(2022) 387 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar il-konformità tal-Awtorità Bankarja Ewropea mar-rekwiżiti dwar il-post tas-sede tagħha


1.    Introduzzjoni

Fil-kuntest tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni, matul il-Kunsill Affarijiet Ġenerali fl-20 ta’ Novembru 2017 is-27 Stat Membru l-ieħor għażlu lil Pariġi, Franza, bħala s-sede l-ġdida tal-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA - European Banking Authority) 1 .

Il-post tas-sede tal-EBA huwa stabbilit fl-Artikolu 7 tar-Regolament ta’ twaqqif tal-EBA 2 (“ir-Regolament EBA”), li għalhekk kellu jiġi emendat 3 biex is-sede tiġi rilokata minn Londra għal Pariġi. Minbarra li mmodifikat il-post tas-sede, l-emenda għar-Regolament EBA introduċiet ċerti rekwiżiti ġodda rigward il-post tas-sede kif ukoll obbligu għall-Kummissjoni li tippubblika rapport sat-30 ta’ Marzu 2019 u kull 12-il xahar wara dan dwar il-konformità tal-EBA ma’ dawn ir-rekwiżiti.

Skont l-Artikolu 7 tar-Regolament EBA: “Il-post tas-sede tal-Awtorità ma għandux jaffettwa l-eżekuzzjoni tal-kompiti u tas-setgħat tal-Awtorità, l-organizzazzjoni tal-istruttura ta’ governanza tagħha, l-operat tal-organizzazzjoni prinċipali tagħha, jew il-finanzjament prinċipali tal-attivitajiet tagħha, filwaqt li jippermetti, fejn ikun applikabbli, l-kondiviżjoni ma’ aġenziji tal-Unjoni ta’ servizzi ta’ appoġġ amministrattiv u ta’ ġestjoni tal-faċilitajiet li ma jkunux relatati mal-attivitajiet ewlenin tal-Awtorità”. 

L-EBA pprovdiet il-kontribut meħtieġ biex tissodisfa dawn ir-rekwiżiti ta’ rapportar. L-ewwel tliet rapporti ġew ippubblikati fl-2019 4 , fl-2020 5 u fl-2021 6 . Dan hu r-raba’ rapport skont dan l-obbligu ta’ rappurtar.

2.    Ftehim dwar il-Kwartieri Ġenerali tal-EBA

Fis-6 ta’ Marzu 2019 ġie ffirmat Ftehim dwar il-Kwartieri Ġenerali (minn hawn ’il quddiem, HQA - Headquarters Agreement) mal-Gvern Franċiż f’Pariġi. F’konformità mal-Artikolu 25 tal-HQA, l-EBA lestiet il-proċeduri interni għad-dħul fis-seħħ tiegħu fl-4 ta’ Marzu 2019, u f’Ġunju 2021 ikkonfermat lill-Ministeru tal-Affarijiet Barranin Franċiż li dawn kienu tlestew. L-EBA qed tistenna konferma tat-tlestija tal-proċeduri meħtieġa mil-liġi Franċiża biex l-HQA jidħol fis-seħħ. l-Assemblée nationale adottat l-HQA fis-17 ta’ Frar 2022 u qed tistenna l-approvazzjoni tagħha fis-Sénat segwita minn pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali.

Minbarra li jirrifletti r-rekwiżiti tal-Protokoll Nru 7 dwar il-privileġġi u l-immunitajiet tal-Unjoni Ewropea 7 , l-HQA jintitola lill-membri tal-persunal tal-EBA għal permess ta’ residenza speċjali FI (Fonctionnaire International), li jattesta l-istatus tagħhom bħala impjegati internazzjonali taċ-ċivil fi Franza (applikabbli wkoll għall-membri tal-familja). L-EBA tinsab f’kuntatt mal-Uffiċċju tal-Protokoll tal-Ministeru Franċiż tal-Ewropa u l-Affarijiet Barranin u kif ukoll mal-awtoritajiet doganali Franċiżi biex tiggarantixxi proċess bla xkiel fir-rigward tal-wasla tal-persunal u l-familji tagħhom fi Franza, il-provvediment ta’ permessi ta’ residenza speċjali, u l-applikazzjoni tal-privileġġi fiskali għall-EBA. Minn April 2022, 223 membru tal-persunal u tal-familja rċevew permessi ta’ residenza speċjali, qed tiġi pproċessata applikazzjoni addizzjonali waħda u ġew irritornati 24 permess ta’ residenza speċjali minħabba t-tmiem tal-impjieg.

L-Artikolu 9 tal-HQA jeżenta lill-EBA mill-VAT imġarrba fuq spejjeż uffiċjali meta l-ammont tal-fattura mingħajr il-VAT ikun ta’ aktar minn EUR 150. Fil-prattika, l-EBA qed tħallas il-VAT fuq l-akkwisti Franċiżi, u fuq l-akkwisti fejn tapplika l-iskema “VAT Mini One Stop Shop” 8 , u qed tirkupra din il-VAT mill-gvern Franċiż. Sa April 2022, l-EBA kienet talbet rimborż ta’ EUR 2,522,883, li kollha ġew rimborżati.

Skont l-Artikolu 19 tal-HQA, il-Gvern Franċiż fetaħ l-Iskola Ewropea ta’ Pariġi-La Défense f’Courbevoie f’Settembru 2019. L-iskola toffri kurrikulu komprensiv mill-kindergarten sal-Bakkalawrjat Ewropew lit-tfal tal-persunal tal-korpi tal-UE stabbiliti fir-Reġjun ta’ Pariġi, kif ukoll lil studenti bi sfond internazzjonali. Il-Bord tal-Gvernaturi tal-Iskejjel Ewropej ta l-akkreditazzjoni unanima għas-snin skolastiċi kollha. Dan jipprovdi aċċess għall-Bakkalawrjat Ewropew; l-ewwel gradwazzjoni tal-Bakkalawrjat se ssir f’Ġunju 2022. It-taqsima tal-lingwa Ingliża tinkludi ċ-ċiklu kollu mill-klassi preprimarja sal-aħħar sena tal-iskola sekondarja. It-Taqsima tal-lingwa Franċiża tipprovdi ċiklu preprimarju u primarju sħiħ, u l-ewwel sena taċ-ċiklu sekondarju se tiftaħ f’Settembru 2022. Għas-sena skolastika 2021-2022, 25 tifel u tifla tal-membri tal-persunal tal-EBA ġew irreġistrati fl-iskola.

3.    Governanza, Operazzjonijiet u Eżekuzzjoni tal-Kompiti tal-EBA

Il-kompiti u s-setgħat tal-EBA, l-organizzazzjoni tal-istruttura ta’ governanza tagħha, l-operat tal-organizzazzjoni prinċipali tagħha, u l-finanzjament prinċipali tagħha ma kinux affettwati mir-rilokazzjoni tas-sede tagħha. L-EBA ilha kompletament operattiva fl-uffiċċji l-ġodda tagħha f’Pariġi mill-bidu ta’ Ġunju 2019.

Ir-rilokazzjoni tas-sede tal-EBA lejn Pariġi ma kellha l-ebda impatt fuq il-finanzjament ewlieni tal-attivitajiet tagħha mill-UE u mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti. B’mod separat għal dan il-finanzjament, il-gvern Franċiż qed jipprovdi EUR 8,5 miljun biex ikopri l-ispejjeż tal-uffiċċji ta’ Pariġi. Dan il-finanzjament huwa maqsum bejn EUR 1,5 miljun għall-ispejjeż ta’ installazzjoni, li diġà waslu u ntefqu, u EUR 7,0 miljun għall-ispejjeż ta’ lokazzjoni li tinsab għaddejja li għandhom jaslu matul id-disa’ snin tal-lokazzjoni sabiex jittaffa l-impatt baġitarju. Sal-lum, l-EBA ffatturat u rċeviet EUR 5,650,000 skont dan il-ftehim.

Kondiviżjoni ta’ servizzi ta’ appoġġ amministrattiv ma’ aġenziji oħra tal-Unjoni

L-EBA tikkoopera b’mod attiv mal-ESMA dwar kwistjonijiet amministrattivi, b’laqgħat regolari li jsiru bejn l-unitajiet amministrattivi ekwivalenti taż-żewġ aġenziji.

L-EBA ffirmat Ftehim dwar il-Livell ta’ Servizz mal-ESMA għall-forniment ta’ servizzi kontabilistiċi, u l-EBA ilha minn Lulju 2021 tipprovdi dawn is-servizzi lill-ESMA. Iż-żewġ aġenziji jaqsmu s-servizzi tal-Uffiċjal tal-Kontabilità u tal-Assistent tal-Kontabilità tal-EBA biex b’hekk qed isir użu aktar effiċjenti tar-riżorsi. Il-Bord tat-Tmexxija tal-ESMA ħatar lill-Uffiċjal tal-Kontabilità tal-EBA bħala l-Uffiċjal tal-Kontabilità tal-ESMA b’effett mill-1 ta’ Lulju 2021.

L-EBA taħdem mill-qrib ma’ aġenziji oħra tal-UE bbażati fi Franza fir-rigward tal-proċeduri ta’ akkwist tagħhom, speċjalment mal-ESMA. It-tabella ta’ hawn taħt tiġbor l-attività f’dan il-qasam fil-qosor.

Aġenzija ewlenija

Aġenziji parteċipanti

Proċedura

Stat

EBA

ESMA + 9 aġenzija oħra

Konsulenza dwar il-protezzjoni tad-data

Kuntratt qafas iffirmat fl-2021

EBA

ESMA, EUISS 9 EUSPA 10  

Servizzi mediċi

Kuntratt qafas iffirmat fl-2021

EBA

ESMA, EIOPA

Servizzi ta’ netwerk amministrati

Firma ppjanata f’Ġunju 2022

EBA

ESMA

Servizzi ta’ konsulenza u akkoljenza dwar il-ġestjoni tal-faċilitajiet

Firma ppjanata fl-2023

EBA

ESMA

Servizzi tat-tindif

Firma ppjanata fl-2023

EBA

ESMA

Servizzi ta’ catering

Firma ppjanata fl-2023

EBA

ESMA

Awditu estern tal-kontijiet annwali

Firma ppjanata f’Settembru 2022

ESMA

EBA, EIOPA

Żvilupp, manutenzjoni u appoġġ tal-applikazzjoni

Firma ppjanata fir-4a’ trimestru tal-2022

ESMA

EBA, EIOPA

Konsulenza tal-ICT

Iffirmat f’April 2022

ESMA

EBA, EIOPA

Taħriġ fl-iżvilupp tal-ħiliet professjonali

Firma ppjanata fir-3et trimestru tal-2022

L-EBA u l-ESMA jipparteċipaw ukoll f’network ta’ uffiċjali tal-akkwist ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali bbażati f’Pariġi.

Kooperazzjoni dwar proġetti konġunti tal-ASE

L-EBA, l-ESMA u l-EIOPA jaħdmu fuq proġett konġunt (immexxi mill-EIOPA) bl-objettiv li tiġi stabbilita sistema għall-iskambju ta’ informazzjoni rilevanti għall-valutazzjoni tal-idoneità u l-adegwatezza tad-detenturi ta’ parteċipazzjonijiet kwalifikanti, diretturi, u detenturi ta’ funzjonijiet ewlenin tal-parteċipanti fis-swieq finanzjarji mill-awtoritajiet kompetenti.

Koordinazzjoni dwar il-COVID-19

Mindu faqqgħet il-pandemija, l-EBA kompliet bl-operazzjonijiet tagħha, u wettqet il-firxa sħiħa ta’ kompiti tagħha. L-EBA kienet f’kuntatt regolari u mill-qrib mal-ESMA u organizzazzjonijiet internazzjonali bbażati fi Franza (l-OECD u l-Interpol) biex taqsam prattiki tajbin rigward miżuri matul il-lockdown kif ukoll pjanijiet relatati mar-ritorn lejn l-uffiċċju.

L-EBA mexxiet l-inizjattiva biex tingħata kontribuzzjoni lill-persunal tagħha li jaħdem mid-dar u kkoordinat l-iżvilupp ta’ linji gwida mal-EIOPA u l-ESMA biex tiżgura li jkun hemm allinjament kemm jista’ jkun fost l-ASE.

L-EBA u l-ESMA kkoordinaw ukoll mill-qrib l-approċċi tagħhom ta’ ritorn gradwali lejn l-uffiċċju bil-ħsieb li jiggarantixxu li jkun hemm kemm jista’ jkun allinjament.

4.    Konklużjonijiet

Abbażi tal-informazzjoni disponibbli, l-eżekuzzjoni min-naħa tal-EBA tal-kompiti u s-setgħat tagħha, l-istruttura ta’ governanza tagħha, l-organizzazzjoni ewlenija tagħha, u l-finanzjament tal-attivitajiet tagħha ma ġewx affettwati mir-rilokazzjoni tas-sede tagħha lejn Pariġi u mill-ftehimiet ta’ kooperazzjoni amministrattiva mal-ESMA u l-EIOPA deskritti hawn fuq, li mhumiex relatati mal-attivitajiet ewlenin tal-EBA.

(1)

     Il-Kunsill Affarijiet Ġenerali (Art. 50), l-20 ta’ Novembru 2017:      https://www.consilium.europa.eu/en/press/press-releases/2017/11/20/european-banking-authority-to-be-relocated-to-city-country/  

(2)

     Ir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 12).

(3)

     Ir-Regolament (UE) 2018/1717 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Novembru 2018 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 fir-rigward tal-post tas-sede tal-Awtorità Bankarja Ewropea (ĠU L 291, 16.11.2018, p. 1).

(4)

     COM(2019) 451 final.

(5)

     COM(2020) 317 final.

(6)

     COM(2021) 771 final

(7)

     ĠU C202, 7.6.2016, p. 266-272

(8)

    Il-VAT fuq is-servizzi diġitali/il-MOSS: Liema servizzi huma koperti? L-Ewropa Tiegħek (europa.eu)

(9)

Ir-rwol tal-Istitut tal-Unjoni Ewropea għall-Istudji fuq is-Sigurtà

(10)

L-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Programm Spazjali.