Brussell, 28.7.2022

COM(2022) 386 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL

dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) 2020/521 li jattiva l-appoġġ ta’ emerġenza biex jiffinanzja n-nefqa neċessarja ħalli tiġi indirizzata l-pandemija tal-COVID-19


Werrej

1.Introduzzjoni

2.Attivazzjoni tal-Istrument għall-Appoġġ ta’ Emerġenza

2.1.Strument li tfassal sabiex iwieġeb għal kriżi li l-ħin kollu tinbidel

2.2.Il-governanza u t-teħid ta’ deċiżjonijiet

2.3.Baġit u implimentazzjoni

2.4. Komunikazzjoni u koordinazzjoni

3.Outputs u riżultati

3.1.Azzjonijiet iffinanzjati fil-qafas tal-ESI

3.1.1. Il-Pakkett dwar il-Mobbiltà

3.1.2. Faċilità għall-prodotti essenzjali relatati mas-saħħa

3.1.3. It-trattament ta’ pazjenti bil-COVID-19 bi plażma ta’ konvalexxenti

3.1.4. L-ittestjar kliniku tal-adattament tal-mediċini bi skop ġdid għat-trattament tal-pazjenti bis-SARS-COV-2

3.1.6. Appoġġ fil-faċilitajiet ta’ akkoljenza fil-Greċja

3.1.7. Sistemi rivoluzzjonarji sabiex jiġi indirizzat b’mod effettiv it-tixrid tal-virus

3.1.8. Il-punt ta’ riferiment tar-rispons tal-UE għall-pandemija: iċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE

3.1.9. Pjattaforma komuni għall-iskambju ta’ formoli tal-lokalizzazzjoni tal-passiġġieri diġitali

3.2.Implimentazzjoni u Prestazzjoni

3.2.1.Sforz bla preċedent: il-finanzjament tal-vaċċini fl-UE u lil hinn minnha

4.Il-valur miżjud tal-attivazzjoni tar-regolament tal-ESI fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19

5.It-triq ’il quddiem



1.Introduzzjoni

Il-COVID‐19 ġiet iddikjarata pandemija mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) fil-11 ta’ Marzu 2020. Il-pandemija wasslet għal numru kbir ta’ ħajjiet mitlufa fl-Unjoni Ewropea u madwar id-dinja u l-Istati Membri adottaw miżuri eċċezzjonali sabiex jillimitaw it-tixrid tal-virus b’konsegwenzi soċjali u ekonomiċi serji. Is-sistemi nazzjonali tal-kura tas-saħħa kienu, u f’xi każijiet għadhom, taħt pressjoni severa: L-Istati Membri ffaċċjaw ħtiġijiet urġenti u kbar għal apparati mediċi, tagħmir protettiv personali, u prodotti mediċinali inklużi t-trattamenti u l-vaċċini tal-COVID-19, sodod addizzjonali fl-isptarijiet u t-tisħiħ tal-forza tax-xogħol. Filwaqt li l-Istati Membri kollha tal-UE qegħdin inaqqsu r-restrizzjonijiet li rriżultaw mill-pandemija u s-severità tal-marda kkawżata mill-varjant Omicron tal-virus - flimkien mal-immunità mtejba indotta mill-vaċċini - ilha tonqos għal dawn l-aħħar ftit xhur, il-virus għadu theddida persistenti u l-pressjonijiet żejda fuq is-servizzi tas-saħħa jistgħu jkomplu b’mewġiet ġodda ta’ infezzjonijiet tal-COVID-19.

It-tixrid rapidu tal-virus fir-Rebbiegħa 2020 u s-sitwazzjoni kritika talbu rispons komprensiv tal-UE sabiex tiġi indirizzata l-kriżi fi spirtu ta’ solidarjetà. Malajr deher ċar li l-azzjonijiet bikrija meħuda mill-Istati Membri b’mod indipendenti ma kinux se jissodisfaw il-ħtiġijiet taċ-ċittadini u rriskjaw ħsara estensiva lis-suq uniku.

Intlaħaq minnufih kunsens fil-livell tal-UE sabiex jingħata appoġġ ta’ emerġenza bbażat fuq il-ħtiġijiet ħalli tiġi evitata u tittaffa t-tbatija umana, u -tiġi ppreservata d-dinjità tal-bniedem. Dan l-appoġġ kellu jikkomplementa l-isforzi tal-Istati Membri. F’April 2020, il-Kunsill qabel li jattiva l-Istrument għall-Appoġġ ta’ Emerġenza (ESI). L-ESI għamilha possibbli li jingħata appoġġ dirett lill-Istati Membri permezz ta’ miżuri mmirati użati b’mod strateġiku u kkoordinat.

L-ESI attrezza lis-setturi tal-kura tas-saħħa tal-Istati Membri b’sett ta’ għodod wiesa’ sabiex jappoġġaw u jikkomplementaw is-sistemi nazzjonali tal-kura tas-saħħa fl-isforzi tagħhom sabiex jindirizzaw il-pandemija. Ipprovda strument rapidu, flessibbli u effiċjenti sabiex jittaffew il-konsegwenzi akuti immedjati tal-pandemija.

Dan ir-rapport għandu l-għan li jipprovdi ħarsa ġenerali lejn l-impatt ewlieni tal-ESI mill-attivazzjoni tiegħu fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19, analiżi tal-isfidi ewlenin iffaċċjati, u deskrizzjoni tal-attivitajiet futuri ppjanati.

2.Attivazzjoni tal-Istrument għall-Appoġġ ta’ Emerġenza

L-ESI ġie stabbilit fl-2016 (ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2016/369 tal-15 ta’ Marzu 2016 1 ) u ġie attivat l-ewwel darba għal perjodu ta’ tliet snin b’reazzjoni għall-influss ta’ refuġjati u migranti fl-Unjoni.

Fit-2 ta’ April 2020, il-Kummissjoni pproponiet 2 li tattiva l-ESI fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19 għall-perjodu mill-1 ta’ Frar 2020 sal-31 ta’ Jannar 2022. Din il-proposta kienet informata mill-ewwel stħarriġ dwar il-ħtiġijiet relatati mal-kriżi (valutazzjoni tal-ħtiġijiet) mid-dipartimenti tal-Kummissjoni, li pprovda l-lista mhux eżawrjenti ta’ oqsma possibbli ta’ azzjoni tal-ESI li hemm fil-proposta ta’ attivazzjoni tiegħu. B’mod parallel, il-Kummissjoni pproponiet u nnegozjat mal-Awtorità tal-Baġit l-Abbozz tal-Baġit Emendatorju 2/2020 relatat sabiex tipprovdi EUR 3 000 000 000 f’approprjazzjonijiet ta’ impenn u EUR 1 530 000 000 f’approprjazzjonijiet ta’ pagament, li minnhom EUR 2 700 000 000 f’approprjazzjonijiet ta’ impenn u EUR 1 380 000 000 f’approprjazzjonijiet ta’ pagament kienu taħt l-intestatura 3 Sigurtà u Ċittadinanza għall-finanzjament tal-għoti ta’ appoġġ ta’ emerġenza fl-Unjoni permezz tal-Istrument għall-Appoġġ ta’ Emerġenza.

Fl-14 ta’ April 2020, il-Kunsill adotta r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/521 li jattiva l-appoġġ ta’ emerġenza skont ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2016/369 u li jemenda d-dispożizzjonijiet tiegħu sabiex jiffinanzja n-nefqa neċessarja sabiex tiġi indirizzata l-pandemija tal-COVID‐19. Il-baġit emendatorju 2/2020 ġie adottat fis-17 ta’ April 2020.

2.1.Strument li tfassal sabiex iwieġeb għal kriżi li l-ħin kollu tinbidel

L-attivazzjoni tal-ESI tfasslet sabiex tippermetti rispons komprensiv u flessibbli għal diversi ħtiġijiet urġenti, li qegħdin jevolvu tal-Istati Membri li tfaċċaw matul il-pandemija.

Speċjalment fil-fażi bikrija tal-kriżi, in-nuqqas ta’ informazzjoni dwar il-ħtiġijiet kemm fil-livell tal-Unjoni kif ukoll f’dak nazzjonali/subnazzjonali naqqas ir-ritmu tar-rispons komuni. Sabiex dan jittaffa, ix-xogħol tal-Punt Ċentrali ta’ Koordinament tal-COVID-19 għat-tagħmir mediku 3 , u b’mod partikolari r-riżultati tal-istħarriġiet u l-projezzjonijiet tal-ħtiġijiet tal-Istati Membri, intużaw sabiex jiġi stabbilit programm ta’ azzjoni għall-istrument. Il-ħtiġijiet irrapportati mill-Istati Membri ġew kontroreferenzjati mal-metodoloġija epidemjoloġika taċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC) sabiex tiġi żgurata d-distribuzzjoni ekwa tat-tagħmir u tal-prodotti għad-donazzjoni lill-Istati Membri.

F’konformità mal-bażi ġuridika, il-Kummissjoni kkooperat mill-qrib mal-Istati Membri fl-implimentazzjoni tal-istrument. Id-diskussjonijiet fil-laqgħat tal-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti (Coreper) u r-Rispons Politiku Integrat għall-Kriżi (IPCR) kienu ta’ importanza partikolari sabiex jipprovdu input dwar oqsma possibbli ta’ azzjoni, minbarra l-laqgħat iddedikati mal-punti ta’ kuntatt tal-Istati Membri.

2.2.Il-governanza u t-teħid ta’ deċiżjonijiet

L-Istrument għall-Appoġġ ta’ Emerġenza huwa bbażat fuq l-Artikolu 122(1) tat-TFUE, li jippermetti lill-Kunsill, fuq proposta mill-Kummissjoni, jiddeċiedi, fi spirtu ta’ solidarjetà bejn l-Istati Membri, dwar il-miżuri xierqa għas-sitwazzjoni ekonomika, b’mod partikolari jekk jinqalgħu diffikultajiet serji fil-provvista ta’ ċerti prodotti.

Diġà kienu jeżistu strumenti oħrajn tal-Unjoni sabiex jirrispondu għal tipi differenti ta’ sfidi interni, eż. il-miżuri previsti fil-qafas tall-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili (UCPM) stabbilit bid-Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE, rescEU jew il-Ftehim ta’ Akkwist Konġunt għall-mediċini u t-tagħmir mediku. Madankollu, filwaqt li l-UE diġà bbenefikat minnhom, dawn l-istrumenti kienu limitati fl-iskala u r-rispons li setgħu jipprovdu ma kienx biżżejjed sabiex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet eċċezzjonali u fuq firxa wiesgħa li rriżultaw mill-pandemija. Fl-ambitu tiegħu u f’ċirkostanzi eċċezzjonali biss, meta l-ebda strument ieħor disponibbli għall-Istati Membri u għall-Unjoni ma kien se jkun biżżejjed, l-ESI ikkomplementa l-isforzi tal-Istati Membri filwaqt li baqa’ jikkopera mill-qrib u jikkonsulta magħhom.

Sabiex tiġi pprovduta koordinazzjoni strateġika tal-istrument, b’mod partikolari fir-rigward tal-iffissar tal-prijoritajiet u l-allokazzjoni tal-finanzjament, inħoloq arranġament speċifiku intern ta’ governanza. Dan kien jinkludi Kumitat ta’ Tmexxija (il-“Kumitat ta’ Tmexxija tal-ESI”), li l-kompiti ewlenin tiegħu kienu jinkludu l-ħruġ ta’ linji gwida sabiex jiġu żgurati azzjonijiet strateġiċi fil-qafas tal-ESI, l-iffissar tal-prijoritajiet u l-allokazzjoni tal-baġit rilevanti, u eventwalment l-analiżi tal-progress. Filwaqt li kien ippresedut mis-Segretarjat Ġenerali (SG) – u mill-15 ta’ Lulju 2021 mid-Direttorat Ġenerali għas-Saħħa u s-Sikurezza Alimentari (DĠ SANTE) – kien jikkonsisti mid-Diretturi Ġenerali għall-Baġit (BUDG), għas-Suq Intern, l-Industrija, l-Intraprenditorija u l-SMEs (GROW), għas-Saħħa u s-Sikurezza Alimentari (SANTE), għall-Operazzjonijiet tal-Għajnuna Umanitarja Ewropea u tal-Protezzjoni Ċivili (ECHO), għall-Migrazzjoni u l-Affarijiet Interni (HOME) u għan-Networks tal-Komunikazzjonijiet, Kontenut u Teknoloġija (CNECT).

Il-Kumitat ta’ Tmexxija tal-ESI kien appoġġat mit-Task Force tal-ESI, responsabbli għall-abbozzar tal-aġenda u għall-koordinazzjoni tal-attivitajiet tal-Kumitat ta’ Tmexxija, li jiżgura t-twettiq f’waqtu tad-deċiżjonijiet tiegħu u l-implimentazzjoni effettiva tal-azzjonijiet tiegħu. Flimkien, il-Kumitat ta’ Tmexxija u t-Task Force tal-ESI għażlu l-attivitajiet tal-benefiċjarji, skont il-ħtiġijiet emerġenti f’kull mument tal-pandemija, wara li żguraw li ma kienet teżisti l-ebda possibbiltà sabiex jiġu ffinanzjati dawk l-attivitajiet permezz ta’ mekkaniżmi u fondi oħrajn tal-UE.

Bħala riżultat tal-għażla tal-azzjonijiet prijoritizzati għall-finanzjament, kien hemm servizzi addizzjonali li jimplimentaw parti mill-baġit, permezz ta’ kodelegazzjonijiet jew subdelegazzjonijiet trasversali (DĠ Informatika (DIGIT), Mobbiltà u Trasport (MOVE), Ambjent (ENV), Iċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka (JRC), l-Awtorità għat-Tħejjija u għar-Rispons f’Każ ta’ Emerġenza tas-Saħħa (HERA), u Sħubijiet Internazzjonali (INTPA)). Ma kien hemm l-ebda azzjoni implimentata fil-qasam tas-Suq Intern, l-Industrija, l-Intraprenditorija u l-SMEs.

L-ESI kien ġestit ċentralment mill-Kummissjoni u implimentat fil-biċċa l-kbira permezz ta’ ġestjoni diretta (għotjiet (9 %) u akkwist (89 %)), u madwar 2 % tal-finanzjament ġie implimentat fil-qafas ta’ ġestjoni indiretta permezz tal-Federazzjoni Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar (IFRC), l-Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea (EASA) u l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni (IOM).

2.3.Baġit u implimentazzjoni

Mal-attivazzjoni tal-ESI fl-14 ta’ April 2020, l-Awtorità tal-Baġit awtorizzat EUR 2 700 000 000 għall-implimentazzjoni tal-azzjonijiet ta’ Appoġġ ta’ Emerġenza. Bid-Deċiżjoni C(2020)2794 tagħha 4 , il-Kummissjoni awtorizzat il-finanzjament ta’ azzjonijiet ta’ appoġġ ta’ emerġenza skont ir-Regolament dwar l-ESI.

F’Ġunju 2020, il-Kummissjoni approvat 5 il-ftehim mal-Istati Membri dwar l-akkwist tal-vaċċini tal-COVID-19 f’isem l-Istati Membri u ddeċidiet 6 li tuża parti mill-finanzjament disponibbli fil-qafas tal-fondi tal-ESI għax-xiri tal-vaċċini tal-COVID-19 (l-hekk imsejħa inizjattiva tal-“Istrument tal-Vaċċini”) u f’Lulju 2020 kienet diġà ttieħdet deċiżjoni urġenti 7 sabiex jiżdied il-finanzjament allokat għal din l-azzjoni.

F’Diċembru 2020, żdiedu azzjonijiet ġodda mal-ESI bid-Deċiżjoni tiegħu C(2020)8800 8 , sabiex jirriflettu l-ħtiġijiet emerġenti relatati mal-kriżi. Din l-aħħar Deċiżjoni adattat ukoll il-baġit tal-“Istrument tal-Vaċċini” wara kontribuzzjonijiet mill-Istati Membri skont l-Artikolu 4(2) tal-ESI, li jipprevedi l-possibbiltà li l-Istati Membri u donaturi pubbliċi jew privati oħrajn jagħmlu kontribuzzjonijiet lill-ESI bħala dħul assenjat estern f’konformità mal-Artikolu 21(5) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046. Kienu neċessarji riżorsi addizzjonali minħabba li l-flessibbiltajiet eżistenti kollha skont il-baġit 2020 kienu diġà ġew eżawriti.

Sal-aħħar ta’ Diċembru 2020, l-Istati Membri kkontribwew għall-Istrument b’ammont totali ta’ EUR 750 miljun ta’ dħul assenjat estern fil-kuntest tal-inizjattiva dwar il-vaċċini. Għalhekk, sa tmiem l-2020, l-“Istrument tal-Vaċċini” kien jammonta għal EUR 2,9 biljun.

Minħabba l-ħtiġijiet emerġenti marbuta mal-ħolqien ta’ varjanti ġodda, ġie deċiż li jissaħħaħ il-baġit tal-ESI u li jiġi mobilizzat għal miżuri addizzjonali. Il-Kummissjoni pproponiet li ssaħħaħ l-ESI b’EUR 231,7 miljun addizzjonali f’approprjazzjonijiet ta’ impenn (EUR 75,5 miljun permezz ta’ trasferiment tal-Awtorità tal-Baġit DEC 5/2021 mir-Riżerva ta’ Solidarjetà u Għajnuna ta’ Emerġenza (SEAR) u EUR 156,2 miljun permezz tal-Abbozz ta’ Baġit Emendatorju 2/2021) sabiex tkopri azzjonijiet ġodda. Dan ħoloq riżerva ta’ EUR 100 miljun għall-ħtiġijiet emerġenti. Wara negozjati intensivi dwar ir-regolament bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni, din ir-riżerva aktar tard ġiet allokata għal għotjiet lill-Istati Membri sabiex jappoġġaw l-aċċessibbiltà tat-test dijanjostiku li jikkwalifika għall-ħruġ taċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE 9 .

Id-Deċiżjoni C(2021)2347 10 tad-29 ta’ Marzu 2021 ipprevediet li l-emenda għall-pakkett baġitarju globali riżervat għal kull linja tal-baġit ġenerali tal-Unjoni u kull metodu ta’ implimentazzjoni ssir permezz ta’ deċiżjonijiet sussegwenti tal-Kumitat ta’ Tmexxija f’konformità mal-flessibbiltà prevista fl-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni C(2020)2794. Hija estendiet ukoll il-perjodu ta’ validità tad-Deċiżjoni ta’ Finanzjament sa tmiem il-perjodu ta’ attivazzjoni tal-ESI, minħabba l-ħtieġa li jissaħħaħ l-appoġġ ta’ emerġenza b’aktar azzjonijiet u baġit assoċjat fl-2021.

L-ESI skada fil-31 ta’ Jannar 2022 u għalhekk ma ntalbet l-ebda approprjazzjoni ta’ impenn għall-2022.

Matul id-diskors dwar l-Istat tal-Unjoni fil-15 ta’ Settembru 2021, il-President von der Leyen ħabbret donazzjoni ta’ 200 miljun doża oħra ta’ vaċċini lil pajjiżi b’introjtu baxx. L-approprjazzjonijiet li ma ntużawx fil-qafas tal-kontribuzzjoni eċċezzjonali tal-Istati Membri tal-2020 (bil-ftehim tal-Istat Membru rispettiv) ġew diretti mill-ġdid lejn din l-azzjoni l-ġdida. Il-finanzjament tal-ESI 11 ikkomplementa l-finanzjament ta’ din l-azzjoni permezz tal-Istrument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali (NDICI).

Sussegwentement, fit-12 ta’ Mejju 2022, matul it-Tieni Summit Globali tal-COVID-19, il-President ħabbret l-intenzjoni li jitħaffu l-introduzzjoni u l-użu tal-vaċċini u għodod oħrajn tal-COVID-19 f’pajjiżi b’introjtu baxx.

Din l-intenzjoni ġiet ifformulata b’kunsiderazzjoni tal-bidla konsiderevoli fis-sitwazzjoni tal-provvista u tad-domanda tal-vaċċini tal-COVID-19 li seħħet matul dawn l-aħħar xhur. Madankollu, l-isfida li l-provvista tilħaq il-kapaċità ta’ assorbiment tal-pajjiżi tad-dożi mogħtija bħala donazzjoni għadha parzjalment mhux issodisfata, minħabba sistemi tas-saħħa li spiss ikunu strutturalment dgħajfa u aċċess batut għall-kura tas-saħħa f’pajjiżi terzi. Għalhekk, ġie deċiż li l-azzjoni tiġi orjentata mill-ġdid sabiex tappoġġa aħjar lill-pajjiżi b’introjtu inferjuri u medju inferjurii dħul baxx u medju baxx sabiex jintroduċu t-tilqim tal-COVID-19 u tkopri wkoll ħtiġijiet oħrajn marbuta mar-rispons tagħhom għall-COVID-19, jiġifieri materjal awżiljarju, dijanjostika, terapewtiċi u tisħiħ tas-sistemi tas-saħħa relatati. L-objettiv inizjali li tingħata spinta lit-tilqim globali sabiex jingħata kontribut għall-immunizzazzjoni globali li tipproteġi wkoll lill-UE mill-feġġ ta’ varjanti oħrajn xi mkien ieħor baqa’ l-istess.

Fl-aħħar nett, mis-EUR 750 miljun fi dħul assenjat estern mill-kontribuzzjonijiet tal-Istati Membri, EUR 27 miljun ma ntefqux wara tweġibiet negattivi mill-Istati Membri li indikaw li huma rrifjutaw l-użu tal-kontribuzzjoni tagħhom għall-azzjonijiet proposti li jvarjaw mill-APAs tal-vaċċini oriġinali.

Id-donazzjoni tad-dożi tal-vaċċini u l-bejgħ mill-ġdid bil-prezz imħallas lil pajjiżi terzi

Ġew iffirmati tmien Ftehimiet ta’ Xiri bil-Quddiem (Advanced Purchase Agreements, APA) fil-qafas tal-ESI bejn il-Kummissjoni u l-kuntratturi. Dawn fihom dispożizzjonijiet għall-bejgħ mill-ġdid tad-dożi tal-vaċċini mill-Istati Membri - f’kull APA ħlief wieħed, fejn il-bejgħ mill-ġdid jista’ jsir ukoll mill-Kummissjoni - u għal donazzjonijiet lil pajjiżi terzi f’kull APA ħlief wieħed, meta tkun possibbli biss donazzjoni għall-Istati Membri.

L-APAs kienu jinkludu finanzjament tal-UE bil-quddiem sabiex jitnaqqas ir-riskju tal-investimenti essenzjali sabiex jiżdiedu l-veloċità u l-iskala tal-manifattura tal-vaċċini li jirnexxu. Min-naħa l-oħra, l-APAs jipprovdu d-dritt – jew f’ċirkostanzi speċifiċi, l-obbligu tal-Istati Membri parteċipanti li jixtru numru speċifiku ta’ dożi ta’ vaċċini f’perjodu ta’ żmien partikolari u bi prezz partikolari. Madankollu, l-aħħar APA (2021) ma rċeviex finanzjament permezz tal-ESI iżda kien iffinanzjat kompletament mill-Istati Membri.

Fid-dawl tal-“[i]spirtu ta’ solidarjetà bejn l-Istati Membri” stabbilit fl-Artikolu 122(1) tat-TFUE, l-għoti tal-fondi tal-ESI lill-pajjiżi terzi jista’ jidher bħala “miżuri xierqa għas-sitwazzjoni ekonomika” skont it-tifsira ta’ dak l-Artikolu. F’dak ir-rigward, l-approċċ dwar in-nuqqas ta’ ammonti rimborsabbli f’każ ta’ donazzjonijiet jew ta’ bejgħ mill-ġdid mingħajr vantaġġ ekonomiku ġie ppreżentat mill-Kummissjoni lill-Bord ta’ Tmexxija tal-Vaċċini (l-Istati Membri) f’Diċembru 2021. Konsegwentement, fi Frar 2022, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni 12 dwar in-nuqqas ta’ ammonti riċevibbli skont l-ESI f’każ ta’ donazzjonijiet jew ta’ bejgħ mill-ġdid mingħajr vantaġġ ekonomiku tad-dożi tal-vaċċin tal-COVID-19 mill-Istati Membri lil pajjiżi terzi. Din id-deċiżjoni tikkonkludi li jenħtieġ li ma jkun hemm l-ebda ammont riċevibbli fis-sens tal-Artikolu 98 tar-Regolament Finanzjarju f’każ ta’ donazzjonijiet u bejgħ bil-prezz imħallas mill-Istati Membri.

Bejgħ mill-ġdid tad-dożi tal-vaċċini b’vantaġġ ekonomiku

Fir-rigward tal-bejgħ mill-ġdid mill-Istati Membri bi prezz li jinkludi l-kontribuzzjoni tal-ESI, l-Istati Membri ġew informati wkoll li l-Kummissjoni se tirkupra l-fondi tal-ESI f’każijiet ta’ bejgħ mill-ġdid tad-dożi tal-vaċċini lil pajjiżi terzi bil-prezz sħiħ. Għalhekk, il-Kummissjoni talbet lill-Istati Membri sabiex jinformaw dwar dan il-bejgħ mill-ġdid. Sat-12 ta’ Mejju 2022, l-ammont ta’ EUR 22 miljun kien ġie rimborżat mill-Istati Membri, madankollu l-proċess għadu għaddej.

2.4.     Komunikazzjoni u koordinazzjoni

Mill-attivazzjoni tal-ESI, il-Kummissjoni stinkat sabiex tirrapporta l-iżviluppi importanti kollha marbuta mal-approvazzjoni u l-implimentazzjoni tal-miżuri maħluqa mill-istrument. Għal dan il-għan, inħoloq sit web apposta . Is-sit web uffiċjali jiġi aġġornat regolarment permezz tal-applikazzjoni tal-istrument. 13

Barra minn hekk, il-Kummissjoni żammet komunikazzjoni regolari mal-Istati Membri dwar il-ħtiġijiet tagħhom u kif dawn kienu qegħdin jiġu kkunsidrati fl-ipprogrammar, filwaqt li żżommhom informati dwar is-sitwazzjoni attwali tal-azzjonijiet li għandhom jiġu ffinanzjati mill-istrument. Dan sar permezz ta’ informazzjoni bil-miktub, permezz tal-laqgħat tal-Coreper u tar-Rispons Politiku Integrat għall-Kriżi (IPCR), kif ukoll permezz ta’ laqgħat apposta mal-punti ta’ kuntatt tal-Istati Membri. Il-Kumitat għas-Sigurtà tas-Saħħa, in-Network tas-Saħħa Elettronika u l-Kumitat tal-Protezzjoni Ċivili wkoll kien hemm komunikazzjoni regolari magħhom. Il-Parlament Ewropew ġie informat ukoll dwar il-fondi supplimentari mill-Istati Membri, il-bejgħ mill-ġdid tal-vaċċini u l-allokazzjoni ta’ għotjiet lill-Istati Membri sabiex jappoġġaw l-implimentazzjoni taċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE.

Din il-kooperazzjoni u dan l-iskambju ta’ fehmiet ippermettew il-prijoritizzazzjoni tal-azzjonijiet, fin-nuqqas ta’ objettivi speċifiċi fil-bażi ġuridika.

3.Outputs u riżultati

3.1.    Azzjonijiet iffinanzjati fil-qafas tal-ESI

F’konformità mal-ambitu wiesa’ tal-interventi possibbli previsti mill-bażi ġuridika u r-raġunament tiegħu bbażat fuq il-ħtiġijiet, l-ESI iffinanzja firxa ta’ azzjonijiet magħżula b’mod strateġiku. Dawn irriflettew il-ħtiġijiet espressi mill-Istati Membri matul il-konsultazzjonijiet u ffokaw fuq ir-rispons u t-tħejjija akbar, filwaqt li ġabu impatt rapidu, immirat u tanġibbli b’valur miżjud massimu tal-UE.

Il-Ftehim ta’ Xiri bil-Quddiem, iċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE, il-ħolqien ta’ pakkett dwar il-mobbiltà sabiex jiġi ffaċilitat it-trasport ta’ prodotti mediċi, persunal jew pazjenti u l-akkwist ta’ prodotti sanitarji essenzjali huma wħud mill-aktar azzjonijiet importanti stabbiliti mill-ESI. Il-lista sħiħa ta’ azzjonijiet implimentati fil-qafas tal-ESI u l-baġits allokati relattivi tagħhom huma spjegati fid-dettall fl-Anness ta’ dan ir-rapport.

   3.1.1. Il-Pakkett dwar il-Mobbiltà

Skont il-Pakkett dwar il-Mobbiltà (ESI-MP), ikkoordinat mid-DĠ ECHO, l-azzjonijiet li ġejjin tnedew permezz tal-ewwel stedina lill-Istati Membri sabiex jiġu ppreżentati applikazzjonijiet f’Ġunju 2020:

·It-trasport tal-merkanzija (eż. tagħmir protettiv personali, tagħmir mediku u relatat mat-tilqim, u terapewtiċi) lejn l-UE minn pajjiżi terzi u fl-UE. 

·It-trasferiment ta’ pazjenti fl-UE u mill-UE lejn pajjiżi terzi (minn Stat Membru għal Stat Membru jew pajjiż terz li jilqa’ lill-pazjenti); u 

·It-trasport tal-persunal u ta’ timijiet mediċi, fi ħdan l-UE u għall-UE minn pajjiżi terzi, kif ukoll appoġġ operazzjonali għall-kapaċitajiet ta’ rispons mediku mobbli. 

Minn April 2020 ’l hawn, ġew appoġġati aktar minn 2 000 operazzjoni permezz tal-ajru, l-art jew il-baħar għat-trasport ta’ tagħmir mediku u t-trasport ta’ madwar 515-il ħaddiem tas-saħħa u 135 pazjent permezz ta’ 78 proġett (60 relatati mal-operazzjonijiet tal-merkanzija u 18 mat-trasferiment ta’ pazjenti u timijiet mediċi) bi 73 ftehim ta’ għotja ffirmati. B’mod kumplessiv, l-operazzjonijiet tal-merkanzija ġew iffinanzjati b’aktar minn EUR 164 miljun u s’issa ngħataw EUR 9 miljun lill-Istati Membri għat-trasport ta’ timijiet mediċi u għat-trasferiment tal-pazjenti.

   3.1.2. Faċilità għall-prodotti essenzjali relatati mas-saħħa

L-ESI ppermetta lill-Istati Membri kollha jkollhom aċċess għar-Remdesivir terapewtiku (madwar 34 000 kors ta’ trattament), l-ewwel mediċina awtorizzata mill-UE għat-trattament tal-COVID-19 u l-aħjar evidenza xjentifika disponibbli dak iż-żmien, għalkemm dan sussegwentement ġie kkontestat, u fi żmien meta ma kinux qegħdin jiġu offruti kuntratti nazzjonali mal-produttur uniku.

Barra minn hekk, fil-qafas ta’ din il-faċilità, l-istrument ippermetta lill-Unjoni takkwista u tagħti donazzjoni lill-Istati Membri interessati ta’ aktar minn 23 miljun test rapidu tal-antiġeni u 10 miljun maskra.

L-azzjoni sabiex jiġi pprovdut taħriġ f’ħiliet ta’ kura intensiva wriet li kienet ta’ suċċess kbir sabiex tiżdied il-kapaċità disponibbli sabiex tappoġġa l-persunal tal-Unità tal-Kura Intensiva regolari sabiex jieħu ħsieb il-pazjenti bil-COVID-19. Bil-kollaborazzjoni tas-Soċjetà Ewropea tal-Mediċina għall-Kura Intensiva (ESICM), aktar minn 17 000-il professjonist ġew imħarrġa f’24 Stat Membru tal-UE flimkien mar-Renju Unit, f’717-il sptar bejn Awwissu 2020 u Mejju 2021. Ġew iċċertifikati total ta’ 5 696 tabib u 6 400 infermiera rreġistrati.

Wara s-suċċess tal-inizjattiva, il-Kummissjoni rċeviet talbiet minn pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali sabiex tibbenefika mis-sistema stabbilita u sabiex taċċessa l-pjattaforma ta’ taħriġ. Għalhekk, ġie ffirmat ftehim ta’ ċessjoni li jistabbilixxi t-trasferiment tad-drittijiet mill-KE għall-ESICM. B’riżultat ta’ dan, l-ESICM fetħet is-C19_SPACE għat-taħriġ lill-professjonisti tas-saħħa kollha interessati u sa Marzu 2022 diġà kienu lestew il-programm 700 utent addizzjonali. F’Marzu 2022, l-ESICM iffirma kuntratt mad-WHO sabiex jipprovdi l-programm ta’ taħriġ C19_SPACE fis-6 lingwi tad-WHO u dan se jinfetaħ fit-tieni trimestru tal-2022.

   3.1.3. It-trattament ta’ pazjenti bil-COVID-19 bi plażma ta’ konvalexxenti

Fir-rigward tat-trattament ta’ pazjenti bil-COVID-19 bi plażma ta’ konvalexxenti, l-istrument iffinanzja 20 proġett madwar 13-il Stat Membru u r-Renju Unit. Dan kellu l-għan li żżid il-kapaċità tas-servizzi tad-demm pubbliċi u tal-NGOs sabiex jiġbru l-plażma minn donaturi li kienu rkupraw mill-COVID-19, u kien jinvolvi 150 ċentru ta’ ġbir.

Intefqu madwar EUR 22,5 miljun mill-EUR 35 miljun allokati: għax-xiri jew il-kiri ta’ 299 magna tal-plażmafereżi, sabiex tiġi estiża l-kapaċità tal-ħżin tal-plażma permezz tax-xiri ta’ 145 freezer b’temperatura baxxa, u għax-xiri ta’ tagħmir/għamara u ta’ aktar minn 70 000 sett ta’ ġbir. Barra minn hekk, infetħu 35 ċentru ta’ ġbir ġdid filwaqt li l-benefiċjarji l-oħrajn setgħu jespandu l-kapaċità tal-ġbir tagħhom. Skont ir-rapporti finali pprovduti, il-benefiċjarji ġabru 165 444 unità ta’ plażma ta’ konvalexxenti. Iż-żieda fil-kapaċità tal-plażmafereżi se jkollha benefiċċju sekondarju fit-tul li tgħin sabiex tiġi indirizzata d-dipendenza sinifikanti tal-UE fuq l-Istati Uniti għal provvista adegwata ta’ donazzjonijiet tal-plażma għall-manifattura ta’ prodotti mediċinali essenzjali.

   3.1.4. L-ittestjar kliniku tal-adattament tal-mediċini bi skop ġdid għat-trattament tal-pazjenti bis-SARS-COV-2

Fir-rigward tal-provi kliniċi għall-ittestjar ta’ mediċini bi skop ġdid, tnediet sejħa għal ħames benefiċjarji tal-finanzjament ta’ Orizzont 2020 sabiex japplikaw. L-intenzjoni kienet li tiġi żviluppata l-ġenerazzjoni ta’ data klinika sabiex tiġi appoġġata l-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq għal mediċini eżistenti sabiex jiġu adattati għall-fini ta’ trattament tal-pazjenti bil-COVID-19. L-objettiv aħħari kien li tiżdied il-kapaċità tal-Istati Membri li jwieġbu għad-domanda għall-mediċini u t-terapiji, sabiex jivvalutaw is-sikurezza u l-effikaċja tal-prodotti mediċinali fil-fażi ta’ investigazzjoni f’suġġetti umani għat-trattament tal-COVID-19; u sabiex jiżguraw li l-Istati Membri kollha jkollhom aċċess ġust għal prodotti mediċi essenzjali għat-trattament tal-COVID-19, fosthom trattamenti ġodda u dawk bi skop ġdid. Sfortunatament, ma kien hemm l-ebda riżultat adegwat.

Applikant wieħed irċieva għotja ta’ EUR 1 miljun sabiex iwettaq prova klinika bis-sustanza Raloxifene sabiex jistudja l-użu tagħha għall-prevenzjoni tal-evoluzzjoni tal-COVID-19 lejn marda serja u kritika. Fir-rigward tal-prova klinika nnifisha, il-kumpanija ffaċċjat diversi problemi operazzjonali u b’riżultat ta’ dan, l-azzjoni ġiet (xi ftit) imtawla sabiex jiġi rreklutat in-numru previst ta’ parteċipanti. Ir-riżultati tal-prova jaġixxu bħala prova tal-kunċett dwar l-użu ta’ raloxifene. Tliet sottomissjonijiet oħrajn ġew miċħuda peress li ma kinux jaqgħu fl-ambitu tas-sejħa u waħda ma kinitx tapplika.

3.1.5. Żieda fil-kapaċità tal-ittestjar

B’ħidma mal-fergħat nazzjonali tal-Federazzjoni Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar, l-istrument żgura t-tisħiħ tal-kapaċità tal-ittestjar f’seba’ Stati Membri li esprimew interess. Bejn Lulju 2020 u Settembru 2021, ġew imħarrġa total ta’ 9 222 voluntier u professjonisti f’tekniki ta’ ttestjar, ġew stabbiliti 1 795 tim ta’ ttestjar mobbli u saru 1 263 309 testijiet.

   3.1.6. Appoġġ fil-faċilitajiet ta’ akkoljenza fil-Greċja

L-azzjoni sabiex jiġu pprovduti kapaċitajiet mediċi għall-faċilitajiet ta’ akkoljenza u l-komunitajiet ospitanti tagħhom fil-Greċja kienet komplementari u mibnija fuq it-tagħlimiet meħuda billi jiġi pprovdut investiment strutturali sabiex tiżdied il-kapaċità tal-isptarijiet lokali u fi ħdan iċ-ċentri ta’ akkoljenza, immirat lejn l-isfidi partikolari relatati mal-pandemija tal-COVID-19. L-enfasi fuq l-investimenti strutturali żiedet is-sostenibbiltà tal-azzjoni, f’konformità mar-rakkomandazzjonijiet ta’ evalwazzjoni. Il-ħtiġijiet ġew ivvalutati b’mod konġunt, filwaqt li ġew ikkonsultati f’approċċ minn isfel għal fuq l-isptarijiet lokali u s-sħab tas-saħħa Griegi, u l-għażla tas-sħab għall-għotja tiżgura taħlita ta’ involviment lokali u għarfien espert rilevanti. L-azzjoni ġiet implimentata mill-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni u se tibqa’ għaddejja sat-30 ta’ Ġunju 2022, fejn il-proċessi ta’ akkwist rilevanti kollha huma mistennija jitlestew u jingħataw lill-Awtoritajiet Griegi. Fl-aħħar nett, l-azzjoni tfasslet sabiex tikkomplementa l-finanzjament għall-kura tas-saħħa fis-sistema Griega ta’ akkoljenza tal-migranti skont il-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni.

   3.1.7. Sistemi rivoluzzjonarji sabiex jiġi indirizzat b’mod effettiv it-tixrid tal-virus

L-istrument iffinanzja l-provvista ta’ 305 robots tad-diżinfezzjoni bil-UV fl-isptarijiet fis-27 Stat Membru kollha, u pprovda soluzzjonijiet innovattivi, effiċjenti u effettivi sabiex tiġi żgurata s-sikurezza tal-ambjenti tal-kura tas-saħħa u tal-persunal tagħhom.

Is-sistema ta’ monitoraġġ tal-ilma mormi tal-UE jew il-karatterizzazzjoni urġenti tal-varjant Omicron tas-SARS/CoV2 kienu wkoll azzjonijiet addizzjonali ffinanzjati minn dan l-istrument u li ma setgħux jiġu implimentati mod ieħor.

L-istrument iffinanzja wkoll il-karatterizzazzjoni bijoloġika, immunoloġika u epidemjoloġika tal-varjant Omicron tas-SARS-CoV-2. Il-karatterizzazzjoni tal-Omicron ġabet ħafna valur miżjud għall-implimentazzjoni ta’ miżuri effettivi tas-saħħa pubblika peress li kkontribwiet għall-fehim tal-virulenza, il-patoġeniċità, u l-karatteristiċi immunoloġiċi tal-varjant

Permezz tal-istrument, l-Unjoni setgħet tipprovdi soluzzjonijiet għal sfidi komuni oħrajn, bħall-iżvilupp tal-interoperabbiltà bejn l-apps nazzjonali tat-traċċar tal-kuntatti. Is-sistema bdiet topera f’Ottubru 2020.

3.1.8. Il-punt ta’ riferiment tar-rispons tal-UE għall-pandemija: iċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE

L-istabbiliment ta’ qafas għall-ħruġ, il-verifika u l-aċċettazzjoni komuni ta’ ċertifikati interoperabbli tat-tilqim, tat-testijiet u tal-irkupru tal-COVID-19 kien wieħed mis-suċċessi l-kbar tal-UE sabiex tippermetti l-mobbiltà taċ-ċittadini u tikkontribwixxi għall-ftuħ mill-ġdid tas-servizzi u l-ivvjaġġar.

L-istrument iffinanzja għotjiet lil 24 Stat Membru interessat għall-iżvilupp ta’ sistemi għall-ħruġ u l-verifika taċ-Ċertifikati COVID Diġitali tal-UE (id-DCC tal-UE) bħala prova tat-tilqim, tal-irkupru jew ta’ test negattiv, bejn id-29 ta’ Marzu u l-31 ta’ Diċembru 2021. Il-pedament tas-sistema tad-DCC tal-UE huwa l-portal tad-DCC tal-UE żviluppat u miżmum mill-Kummissjoni Ewropea. Il-portal huwa kruċjali għall-qafas ta’ fiduċja tad-DCC tal-UE, peress li jintuża għall-kondiviżjoni ta’ informazzjoni dwar il-firem diġitali, ir-regoli tan-negozju, is-settijiet ta’ valuri, u l-listi ta’ revoka. L-iżvilupp tal-portal tad-DCC tal-UE wkoll ġie ffinanzjat permezz tal-istrument. Barra minn hekk, l-għotjiet lil 18-il Stat Membru interessat appoġġaw l-aċċessibbiltà tat-testijiet għall-ħruġ taċ-Ċertifikat COVID Diġitali, għall-perjodu mill-1 ta’ Ġunju sal-31 ta’ Ottubru 2021.

3.1.9. Pjattaforma komuni għall-iskambju ta’ formoli tal-lokalizzazzjoni tal-passiġġieri diġitali

Il-pjattaforma komuni għall-iskambju ta’ formoli tal-lokalizzazzjoni tal-passiġġieri diġitali (inkluż il-proġett pilota), jiġifieri l-pjattaforma ta’ skambju tal-ePLF, ukoll ġiet iffinanzjata mill-Istrument. Din il-pjattaforma offriet il-possibbiltà li jissaħħu l-kapaċitajiet ta’ traċċar tal-kuntatti tal-Istati Membri għall-ivvjaġġar transfruntier permezz ta’ pjattaforma apposta għall-iskambju u l-ipproċessar ta’ data selettiva tal-passiġġieri bejn l-Istati Membri.

Sabiex tkun tista’ tiffunzjona l-pjattaforma, l-atti ta’ implimentazzjoni ta’ Mejju u Lulju 2021 stabbilew din il-pjattaforma, speċifikaw l-operaturi u indikaw numru ta’ data minima li għandha tinġabar permezz tal-PLFs nazzjonali sabiex jiġi żgurat li l-passiġġieri potenzjalment esposti kollha jiġu identifikati u ddeskrivew il-ħtieġa għal pjattaforma ta’ skambju apposta effettiva fit-traċċar transfruntier tal-kuntatti. L-atti jispeċifikaw li l-iskambju tad-data għandu jintemm wara l-31 ta’ Mejju 2022 jew sakemm l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa tkun iddikjarat, f’konformità mar-Regolamenti Internazzjonali dwar is-Saħħa, li l-emerġenza tas-saħħa pubblika ta’ rilevanza internazzjonali kkawżata mis-SARS-CoV-2 tkun intemmet.

Wara li feġġ il-varjant Omicron fil-ħarifa tal-2021, il-Kummissjoni ressqet abbozz ta’ miżuri sabiex tagħmel il-ġbir ta’ formoli tal-lokalizzazzjoni tal-passiġġieri (PLFs) u l-konnessjoni mal-pjattaforma ta’ skambju għall-PLFs obbligatorja għall-Istati Membri kollha. Madankollu, l-inizjattiva ntlaqgħet b’reżistenza qawwija minn diversi Stati Membri u ma ġietx segwita aktar.

F’April 2022, kien hemm ħames pajjiżi konnessi mal-pjattaforma ta’ skambju għall-ePLF, jiġifieri Franza, l-Italja, Malta, is-Slovenja, u Spanja. Wara l-iskadenza tad-deċiżjonijiet ta’ implimentazzjoni rilevanti fil-31 ta’ Mejju 2022, bħalissa ma huwa possibbli l-ebda skambju ta’ data. L-iskambju ta’ messaġġi bl-użu ta’ din il-pjattaforma ta’ skambju għall-PLF ġie limitat. Il-Kummissjoni u l-ECDC ilhom jaħdmu mir-rebbiegħa 2022 fuq proġett li jintegra l-pjattaforma ta’ skambju għall-PLF u s-Sistema ta’ Twissija Bikrija u ta’ Rispons (EWRS), fid-dawl tal-ħtiġijiet futuri possibbli.  

3.2.    Implimentazzjoni u Prestazzjoni

L-ESI wera l-effettività tiegħu f’termini ta’ mobilizzazzjoni rapida tar-riżorsi lejn il-ħtiġijiet identifikati fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19. Għalhekk, irnexxielu jwieġeb b’mod effettiv għal diversi ħtiġijiet urġenti, li qegħdin jevolvu tal-Istati Membri fir-rispons għall-kriżi. Il-flessibbiltà stabbilita fil-bażi ġuridika u l-mandat mogħti lill-Kummissjoni sabiex tiġġestixxi b’mod ċentrali l-finanzjament, f’kooperazzjoni mal-Istati Membri, ippermettew il-prijoritizzazzjoni ta’ dawk l-azzjonijiet kollettivi li jistgħu jwasslu għal interventi u eżiti aktar f’waqthom li ma setgħux jinkisbu mill-azzjoni individwali tal-Istati Membri.

L-eżekuzzjoni finanzjarja għall-istrument – kemm f’termini ta’ impenji kif ukoll ta’ pagamenti – tinsab fit-triq it-tajba. Ir-rata ta’ implimentazzjoni għall-approprjazzjonijiet ta’ impenn fl-2020 u fl-2021 kienet ta’ 100 % fir-rigward tal-krediti baġitarji disponibbli ta’ EUR 2,9 biljun. Mis-EUR 750 miljun fi dħul assenjat estern mill-kontribuzzjonijiet tal-Istati Membri, EUR 27 miljun ma ntefqux wara tweġibiet negattivi mill-Istati Membri, li kieku kienu jippermettu li dawn il-fondi jintużaw fl-inizjattiva għall-kondiviżjoni tal-vaċċini ma’ pajjiżi b’introjtu baxx.

L-istrument huwa uniku f’diversi aspetti. Intuża f’ambjent li jevolvi malajr, ikkaratterizzat minn inċertezzi dwar in-natura tal-virus, ir-rispons mediku xieraq, kif ukoll il-provvista u d-domanda. Fl-istess ħin, madankollu, irriżulta li kien effettiv sabiex jipprovdi rispons rapidu meta meħtieġ, pereżempju, billi pprovda kontromiżuri mediċi (Remdesivir, testijiet rapidi tal-antiġeni, eċċ.) b’appoġġ għall-ħtiġijiet tal-Istati Membri. Fl-aħħar nett, il-firxa tal-ambitu u l-interventi possibbli kienu jeħtieġu wkoll tfassil ta’ politika speċjalizzat fil-kuntest ta’ sitwazzjoni epidemjoloġika li l-ħin kollu tinbidel. Dan ħaqqu tifħir partikolari speċjalment meta jitqiesu l-kompetenzi ta’ appoġġ tal-UE fil-qasam tas-saħħa.

3.2.1.    Sforz bla preċedent: il-finanzjament tal-vaċċini fl-UE u lil hinn minnha

L-enfasi ewlenija tal-programm (madwar 70 % tal-finanzjament) ingħatat lill-inizjattiva dwar il-vaċċini. Dan ippermetta l-konklużjoni fi stadju bikri ta’ ftehimiet ta’ xiri bil-quddiem ma’ kumpaniji farmaċewtiċi li jiżviluppaw vaċċini tal-COVID-19 kandidati, sabiex jiġi pprovdut l-investiment neċessarju sabiex jitħaffef l-iżvilupp xjentifiku ta’ dawk il-vaċċini u, b’mod parallel, l-iżvilupp tal-kapaċitajiet tal-produzzjoni meħtieġa sabiex jiġu prodotti fuq l-iskala meħtieġa.

B’riżultat ta’ dan, 2,2 biljun doża ta’ vaċċini tal-COVID-19 għall-Istati Membri ġew żgurati permezz ta’ arranġamenti ffinanzjati bil-finanzjament tal-ESI 14 . L-istrument ipprovda r-raġunijiet finanzjarji sabiex iħeġġeġ lill-Istati Membri jassumu approċċ konġunt f’dan il-qasam. B’riżultat ta’ dan, ipprovda lill-Istati Membri b’aċċess għal portafoll usa’ ta’ kandidati tal-vaċċini. Fil-fatt, ħafna Stati Membri individwali ftit kien ikollhom influwenza sabiex jinnegozjaw mal-iżviluppaturi tal-vaċċini ħalli jiżguraw il-provvisti. L-azzjoni konġunta żiedet il-possibbiltajiet għall-Istati Membri sabiex ikollhom aċċess għal dawk il-vaċċini kandidati li eventwalment jirnexxu, ikunu liema jkunu.

Il-finanzjament tal-ESI ħoloq ukoll appoġġ akbar għall-kandidati tal-vaċċini milli kien ikun il-każ taħt arranġament individwali. Fi kliem ieħor, l-approċċ iffaċilitat mill-ESI żgura li l-vaċċini ta’ suċċess kienu lesti aktar kmieni milli kieku kien ikun il-każ, u fuq skala akbar - u kienu disponibbli għall-Istati Membri kollha fuq bażi ugwali. Dan l-approċċ konġunt għamel użu wkoll mill-kapaċità tal-akkwist offruta mill-investiment tal-Unjoni sabiex jitnaqqsu l-prezzijiet u jinkisbu kundizzjonijiet kuntrattwali dwar kwistjonijiet bħar-responsabbiltà u ż-żieda fil-kapaċità li se jtaffu r-riskji tal-Istati Membri fil-futur.

Fl-istess ħin, l-APAs iffinanzjati mill-istrument dejjem kienu magħrufa li huma investimenti riskjużi min-natura tagħhom. Filwaqt li l-Kummissjoni fasslet portafoll ta’ kuntratti mal-aktar kandidati promettenti f’firxa wiesgħa ta’ teknoloġiji, ma kien hemm l-ebda garanzija li l-vaċċini individwali kienu se jirnexxu u jiġu awtorizzati fl-UE. L-Istrateġija dwar il-Vaċċini kienet ibbażata fuq is-suppożizzjoni li kien probabbli biżżejjed li mill-anqas wieħed mill-kandidati tal-vaċċini kien se jirnexxi. Ir-riskju ttaffa aktar permezz tad-dispożizzjonijiet fl-APAs li jeħtieġu r-rimborż ta’ parti mill-investiment mhux użat tal-UE fi kwalunkwe każ bħal dan.

L-istrument tal-ESI kkontribwixxa b’EUR 461 miljun sabiex jappoġġa r-rispons għall-COVID-19 u l-isforzi globali ta’ tilqim f’pajjiżi b’introjtu inferjuri u medju inferjuri – azzjonijiet li se jiġu implimentati fl-2022. Dan l-appoġġ għall-varar tat-tilqim tal-COVID-19 għandu fil-mira tiegħu l-objettiv inizjali li jagħti spinta lit-tilqim globali sabiex jikkontribwixxi għall-immunizzazzjoni globali li tipproteġi wkoll lill-UE mill-feġġ ta’ varjanti oħrajn.

4.Il-valur miżjud tal-attivazzjoni tar-regolament tal-ESI fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19

L-ESI kien imfassal sabiex iwieġeb għal konsegwenzi umanitarji severi li jirriżultaw minn kriżijiet akuti. Bejn l-2016 u l-2018, ippermetta lill-Unjoni tipprovdi appoġġ xieraq u f’waqtu lir-refuġjati u lill-migranti preżenti fil-Greċja, u fl-2020, ippermetta lill-UE tappoġġa direttament lis-sistemi tal-kura tas-saħħa tal-Istati Membri tal-UE fl-isforzi tagħhom sabiex jindirizzaw il-pandemija tal-COVID-19. Minħabba l-kuntest speċifiku u l-fokus tal-objettivi tal-ewwel attivazzjoni, is-sejbiet tal-evalwazzjoni huma ta’ rilevanza limitata għal dan il-programm.

Fil-perjodu bejn Frar 2020 u Jannar 2022, l-ESI ipprovda strument rapidu, flessibbli u effiċjenti sabiex jiġu implimentati azzjonijiet immirati li jipprevjenu u jtaffu l-konsegwenzi akuti immedjati fi Stat Membru wieħed jew aktar u sabiex jappoġġa b’mod koordinat il-ħtiġijiet relatati mal-pandemija tal-COVID-19.

Il-komplementarjetà u s-sinerġiji ma’ mekkaniżmi oħrajn kienu test ewlieni fl-għażla tal-azzjonijiet. Pereżempju, ma kien hemm l-ebda strument ieħor tal-UE disponibbli għall-finanzjament tal-ftehimiet ta’ xiri bil-quddiem mal-iżviluppaturi tal-vaċċini: mingħajr il-finanzjament tal-ESI u l-bażi ġuridika tal-ESI, kien ikun ferm aktar diffiċli li jinkiseb approċċ konġunt, bi probabbiltà kbira li l-eżitu jkun li fl-Istati Membri kien ikollhom differenzi kbar fl-aċċess għal vaċċini tal-COVID-19 sikuri u effettivi. Barra minn hekk, fir-rigward tal-appoġġ għall-faċilitajiet mediċi fil-Greċja, l-ebda strument ieħor ma kellu l-iskop legali sabiex jipprovdi finanzjament sabiex tissaħħaħ il-kapaċità kumplessiva tal-infrastruttura lokali sabiex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet tal-komunitajiet ospitanti kif ukoll dawk fiċ-ċentri ta’ akkoljenza. Azzjonijiet bħad-donazzjonijiet diretti ta’ robots ta’ diżinfezzjoni bil-UV ingħataw bi sħubija mal-atturi lokali benefiċjarji, fil-livell ta’ sptarijiet individwali. L-azzjoni sabiex tiżdied il-kapaċità tal-ittestjar ġiet implimentata permezz tal-Kumitat Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar, li qiegħed jaħdem permezz tal-fergħat nazzjonali u reġjonali tiegħu sabiex iwassal aktar ittestjar lokalizzat.

L-ESI ikkontribwixxa direttament u fl-intier tiegħu (EUR 3,7 biljun) għall-Għan ta’ Żvilupp Sostenibbli 3: is-saħħa tajba u l-benesseri. In-Nazzjonijiet Uniti (NU) rrikonoxxew li l-COVID-19 qiegħed ixerred it-tbatija tal-bniedem, jiddestabbilizza l-ekonomija globali u jaqleb ta’ taħt fuq il-ħajjiet ta’ biljuni ta’ persuni madwar id-dinja, u li l-pandemija tipprovdi mument definittiv għat-tħejjija għal emerġenzi tas-saħħa. L-ESI, użat b’reazzjoni għall-kriżi tas-saħħa, jappoġġa r-rispons ta’ approċċ ta’ gvern sħiħ u tas-soċjetà kollha meħtieġ, u jaqbel mar-riżoluzzjoni tal-ħaddiema tas-saħħa tal-ewwel linja.

L-ESI pprovda tagħmir mediku għall-ħaddiema tas-saħħa fil-bidu tal-kriżi, u aktar ’il quddiem it-terapewtiċi sabiex jiġu ttrattati kważi 35 000 pazjent. Ipprovda testijiet rapidi tal-antiġeni u appoġġa wkoll lill-Istati Membri sabiex iwettqu aktar testijiet. Dan ipprovda kapaċitajiet akbar ta’ ttestjar u ppromwova d-disponibbiltà ta’ trattamenti bħall-plażma ta’ konvalexxenti. Ipprovda soluzzjonijiet sabiex jappoġġa l-interoperabbiltà tal-apps ta’ traċċar u twissija transfruntiera, u b’hekk jgħin ikisser il-katina tal-infezzjonijiet tal-coronavirus u jgħin isalva l-ħajjiet. L-aktar importanti, ħaffef l-iżvilupp tal-vaċċini u żgura l-aċċess għal diversi biljuni ta’ dożi tal-vaċċini għall-Istati Membri tal-UE u – permezz tal-COVAX – għall-bqija tad-dinja.

L-ESI appoġġa lill-Istati Membri tal-UE fil-ħolqien u fl-użu tas-sistema taċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE (id-DCC tal-UE). B’60 pajjiż konness madwar id-dinja, id-DCC tal-UE kien l-akbar sistema globali ta’ ċertifikati interoperabbli diġitali tal-COVID-19, u ppermetta l-interoperabbiltà fost il-pajjiżi kollha konnessi, mhux biss mal-UE u fi ħdan l-UE. Kif irrapportat minn studju ta’ Bruegel 15 , iċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE 16 għen sabiex jiżdied it-teħid tal-vaċċini, sabiex jiġu evitati eluf ta’ mwiet u sabiex tittejjeb is-saħħa pubblika u l-prestazzjoni ekonomika, b’hekk ġie evitat telf ta’ biljuni ta’ euro.

Il-Formoli tal-Lokalizzazzjoni tal-Passiġġieri diġitali kienu strumentali sabiex jippermettu l-iskambju effettiv tad-data dwar il-passiġġieri fost l-Istati Membri u jenħtieġ li jiġu ppreservati u jinkoraġġixxu aktar simplifikazzjoni u titjib. Dan jippermetti lill-pjattaforma tibqa’ teżisti fuq standby u tiġi attivata aktar faċilment f’każ li tkun meħtieġa mhux biss għall-pandemija tal-COVID-19, iżda wkoll għal mard transfruntier potenzjali ieħor.

Fil-qosor, l-ESI kien kruċjali għar-rispons u l-ġlieda kontra l-pandemija u l-ebda mekkaniżmu ieħor tal-UE waħdu jew anke flimkien ma’ oħrajn ma seta’ jagħmel dan. Kien strumentali sabiex jappoġġa lill-Istati Membri kollha tal-UE u jiggarantixxi li kollha kemm huma jkollhom aċċess għall-istess prodotti u mediċini fl-istess ħin u li jikkooperaw u jirreaġixxu bħala Unjoni tas-Saħħa ta’ veru f’termini prattiċi, anke fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni speċifika.

5.It-triq ’il quddiem

In-natura u l-konsegwenzi tat-tifqigħa tal-COVID-19 fl-2020 kienu fuq skala kbira u tranżnazzjonali u għalhekk kienu jeħtieġu rispons komprensiv. Il-miżuri previsti fil-qafas tal-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili/rescEU, l-Inizjattiva ta’ Investiment fir-Rispons għall-Coronavirus sabiex jintużaw il-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej u strumenti oħrajn tal-Unjoni kienu parzjalment qegħdin jikkontribwixxu sabiex tiġi indirizzata l-emerġenza attwali tas-saħħa pubblika. Madankollu, l-iskala u l-ambitu tal-isfida kienu jeħtieġu rispons aktar qawwi, immirat b’mod partikolari lejn is-settur tal-kura tas-saħħa tal-UE. Din hija r-raġuni għaliex il-Kummissjoni pproponiet li timmobilizza l-ESI sabiex l-UE tiġi mgħammra b’sett ta’ għodod usa’ proporzjonat għall-iskala kbira tal-pandemija attwali tal-COVID-19. Azzjoni kkoordinata fil-livell tal-UE għamlitha possibbli kemm li tiġi indirizzata l-kriżi attwali kif ukoll li tiġi żgurata reazzjoni xierqa warajha. Għaċ-ċittadini tal-UE, l-ESI kien dimostrazzjoni ċara tas-solidarjetà, u prova li l-UE tista’ tindirizza sfidi umanitarji urġenti bi sforz kollettiv.

L-attivazzjoni tal-istrument skadiet fil-31 ta’ Jannar 2022 u l-Kummissjoni qiegħda tiffinalizza l-attivitajiet relatati miegħu.

Bħalissa ma hemm l-ebda intenzjoni li l-istrument jitkompla, jiġi estiż jew jerġa’ jintuża għall-pandemija attwali.

L-24 xahar ta’ implimentazzjoni ppermettew l-użu ta’ strumenti legali oħrajn, fil-qafas tal-Unjoni Ewropea tas-Saħħa, sabiex tissaħħaħ il-kompetenza tal-UE dwar it-theddid transfruntier għas-saħħa u jissaħħu l-kompetenzi u l-ambitu taċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard u l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini.

Filwaqt li tibni fuq il-valur miżjud tal-interventi tal-ESI, f’Ottubru 2021 il-HERA ġiet stabbilita bħala servizz tal-Kummissjoni sabiex tmexxi t-triq ’il quddiem għall-antiċipazzjoni u l-indirizzar tar-riskji b’mod konġunt. Il-HERA ngħatat il-mandat li tivvaluta t-theddid għas-saħħa, tiġbor l-intelliġenza u tippromwovi r-riċerka u l-iżvilupp ta’ kontromiżuri mediċi u teknoloġiji relatati, tindirizza l-isfidi tas-suq, tagħti spinta lill-awtonomija strateġika tal-Unjoni fil-produzzjoni tal-kontromiżuri mediċi, u ssaħħaħ l-għarfien u l-ħiliet fil-qasam madwar l-UE. Il-HERA tal-Kummissjoni se jkollha għad-dispożizzjoni tagħha finanzjament minn diversi sorsi inkluż mill-baġit miżjud għall-Programm tal-UE għas-Saħħa, Orizzont Ewropa u RescEU, inkluż l-attivazzjoni ta’ finanzjament ta’ emerġenza f’każ ta’ kriżi tas-saħħa.

L-implimentazzjoni tal-ESI ppermettiet li titfassal it-triq ’il quddiem lejn tħejjija u rispons aħjar fil-futur.

Il-Kummissjoni bħalissa qiegħda taħdem fuq proposta għal Strument ta’ Emerġenza fis-Suq Uniku sabiex tiżgura Suq Uniku li jiffunzjona tajjeb, il-moviment liberu tal-merkanzija, tas-servizzi u tal-persuni, bi trasparenza u koordinazzjoni akbar fi żminijiet ta’ kriżijiet. L-istrument il-ġdid se jkun allinjat ma’ inizjattivi ta’ politika rilevanti, bħall-istabbiliment tal-Awtorità tal-Kummissjoni għat-Tħejjija u għar-Rispons f’Każ ta’ Emerġenza tas-Saħħa (HERA), u l-pjan ta’ kontinġenza adottat għat-trasport u l-mobbiltà. Il-proposta hija ppjanata li tiġi adottata fit-tielet trimestru tal-2022.

(1)    https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/PDF/?uri=CELEX:32016R0369&from=MT
(2)    https://ec.europa.eu/info/sites/info/files/about_the_european_commission/eu_budget/com175final_-_en_-_proposal_council_regulation_activating_esi.pdf
(3)    https://ec.europa.eu/info/live-work-travel-eu/coronavirus-response/emergency-support-instrument/covid-19-clearing-house-medical-equipment_mt
(4)    Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2020)2794 tal-24 ta’ April 2020 dwar il-finanzjament tal-Appoġġ ta’ Emerġenza skont ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2016/369.
(5)    Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2020)4192 tat-18 ta’ Ġunju 2020 li temenda d-Deċiżjoni C(2020)2794 fir-rigward tal-approvazzjoni tal-ftehim mal-Istati Membri dwar l-akkwist tal-vaċċini tal-COVID-19 f’isem l-Istati Membri u proċeduri relatati.
(6)    Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2020)4193 tat-18 ta’ Ġunju 2020 li temenda d-Deċiżjoni C(2020)2794 fir-rigward tal-finanzjament tal-Istrument tal-Vaċċini.
(7)

   Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2020)5162 tat-23 ta’ Lulju 2020 li temenda d-Deċiżjoni C(2020)2794 fir-rigward tal-finanzjament ta’ azzjonijiet addizzjonali fil-qafas tal-Istrument għall-Appoġġ ta’ Emerġenza u ż-żieda fil-baġit tal-Istrument tal-Vaċċini.

(8)    Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2020)8800 tal-4 ta’ Diċembru 2020 li temenda d-Deċiżjoni C(2020)2794 fir-rigward tal-finanzjament ta’ azzjonijiet addizzjonali fil-qafas tal-Istrument għall-Appoġġ ta’ Emerġenza u ż-żieda fil-baġit tal-Istrument tal-Vaċċini fir-rigward ta’ donazzjonijiet mill-Istati Membri.
(9)    Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2021)4791 tal-24 ta’ Ġunju 2021 li temenda d-Deċiżjoni C(2020)2794 fir-rigward tal-finanzjament ta’ azzjonijiet addizzjonali fil-qafas tal-Istrument għall-Appoġġ ta’ Emerġenza u ż-żieda fil-baġit tal-Istrument tal-Vaċċini fir-rigward ta’ donazzjonijiet mill-Istati Membri.
(10)    Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2021)2347 tad-29 ta’ Marzu 2021 li temenda d-Deċiżjoni C(2020)2794 fir-rigward tal-finanzjament ta’ azzjonijiet addizzjonali fil-qafas tal-Istrument għall-Appoġġ ta’ Emerġenza.
(11)    Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2021)10001 tal-20 ta’ Diċembru 2021 fir-rigward tal-finanzjament ta’ azzjonijiet addizzjonali fil-qafas tal-Istrument għall-Appoġġ ta’ Emerġenza.
(12)    Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2022) 698
(13)     https://ec.europa.eu/info/live-work-travel-eu/coronavirus-response/emergency-support-instrument_mt#general
(14)    B’kollox, ġew iffirmati kuntratti għal 4,6 biljun doża; madankollu dan kien jinkludi kemm Ftehimiet ta’ Akkwist Minn Qabel kif ukoll Ftehimiet ta’ Akkwist. Barra minn hekk, mhux il-manifatturi kollha tal-vaċċini rnexxielhom jiksbu awtorizzazzjoni kundizzjonali għat-tqegħid fis-suq għall-vaċċini.
(15)     The effect of COVID certificates on vaccine uptake, public health, and the economy | Bruegel
(16)    Ir-Regolament tal-UE dwar iċ-Ċertifikat COVID Diġitali inizjalment kien japplika sat-30 ta’ Ġunju 2022 u ġie estiż b’sena, sat-30 ta’ Ġunju 2023.

Brussell, 28.7.2022

COM(2022) 386 final

ANNESS

tar-

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL

dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) 2020/521 li jattiva l-appoġġ ta’ emerġenza biex jiffinanzja n-nefqa neċessarja ħalli tiġi indirizzata l-pandemija tal-COVID-19


ANNESS

Allokazzjoni tal-baġit tal-ESI (baġit ġenerali tal-Unjoni u dħul assenjat estern)

Allokazzjoni (f’miljuni ta’ EUR)

Total: 3 677.6

Pakkett dwar il-Mobbiltà:

175.3

Faċilità għall-prodotti essenzjali relatati mas-saħħa (jiġifieri maskri, Remdesivir, taħriġ għall-fprofessjonisti tal-kura tas-saħħa fil-ħiliet tal-kura intensiva, testijiet rapidi tal-antiġeni)

201.97

Strument għall-vaċċini

2 553.79

Trattament tal-pazjenti bil-COVID-19 (plażma ta’ konvalexxenti)

35.15

Ittestjar kliniku tal-mediċini bi skop ġdid

1.0

Żieda fil-kapaċità tal-ittestjar

35.47

Interoperabbiltà tal-applikazzjonijiet għat-traċċar:

Gateway federata

Appoġġ lill-Istati Membri

13.02

Robots tad-diżinfezzjoni bil-UV għall-isptarijiet

12.0

Kapaċitajiet mediċi għall-faċilitajiet ta’ akkoljenza u l-komunitajiet ospitanti tagħhom fil-Greċja

25.37

Pjattaforma ta’ skambju għall-formola tal-lokalizzazzjoni tal-passiġġieri diġitali (PLF) komuni (inkluż il-Proġett pilota)

2.8

Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE (EU DCC)

37.1

Sistema ta’ monitoraġġ tal-ilma mormi tal-UE

21.2

Testijiet affordabbli fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament dwar iċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE

94.6

Appoġġ għar-rispons għall-COVID-19 u sforzi globali ta’ tilqim f’pajjiżi b’introjtu inferjuri u medju inferjuri

461.4

Revoka ta’ Ċertifikati COVID-19 Diġitali/Ħodor foloz u manutenzjoni taċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE

7.0

Karatterizzazzjoni tal-varjant Omicron

0.5