IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 24.5.2022
COM(2022) 301 final
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI
Rapport dwar l-Istat ta' Schengen 2022
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI
Ir-Rapport dwar l-Istat ta’ Schengen 2022
Iż-żona Schengen mingħajr kontrolli fil-fruntieri interni (iż-“żona Schengen”) hija kisba storika tal-integrazzjoni Ewropea. Sa mill-bidu tagħha fl-1985, din biddlet ir-realtà ta’ kuljum ta’ miljuni ta’ persuni. Il-proġett ta’ Schengen neħħa l-ostakli, ġab lin-nies eqreb lejn xulxin u saħħaħ l-ekonomiji Ewropej. Il-veloċità li biha n-nies, il-prodotti u s-servizzi jiċċirkolaw fl-UE tgħin biex tixpruna l-kompetittività Ewropea u tiġġenera l-impjiegi u t-tkabbir.
Il-ħolqien taż-żona Schengen għaqqad ukoll il-kontinent billi stabbilixxa żona mingħajr fruntieri, li hija emblematika għall-Ewropej kollha. Dan igawdi appoġġ enormi. Għal ġenerazzjoni sħiħa ta’ Ewropej, l-idea li wieħed jiġi soġġett għal verifiki fuq il-fruntiera fil-fruntieri interni tal-UE ftit li xejn hija immaġinabbli. Bis-saħħa ta’ Schengen, iċ-ċittadini jistgħu jivvjaġġaw mingħajr xkiel bejn l-Istati Membri biex jesploraw, jistudjaw jew jaħdmu. Barra minn hekk, il-prezz li rridu nħallsu jekk ma jkunx hemm Schengen ikun tassew għoli, kif uriet l-aktar reċentement il-pandemija tal-COVID-19.
Tabilħaqq, diversi kriżijiet f’dawn l-aħħar snin urew li din il-kisba ma tistax tittieħed bħala fatt. Iż-żona Schengen iffaċċjat l-ewwel test ewlieni fl-2015 bil-kriżi tal-migrazzjoni, u numru ta’ theddidiet serji għas-sigurtà. Aktar reċentement, dehru sfidi ġodda bil-pandemija kif ukoll bin-numru kbir ta’ wasliet ta’ persuni minħabba l-gwerra fl-Ukrajna.
Bis-saħħa tar-riżoluzzjoni tal-UE u tal-Istati Membri u l-progress li nkiseb f’dawn l-aħħar snin, Schengen uriet ir-reżiljenza tagħha u ħarġet minn dawn l-isfidi aktar b’saħħitha. Filwaqt li l-isfidi għadhom jeżistu, Schengen qed taħdem tajjeb b’mod ġenerali. Dan huwa kkonfermat mir-riżultati tal-evalwazzjonijiet regolari ta’ Schengen, li juru biss ftit każijiet ta’ nuqqasijiet sistemiċi kif ukoll minn għodod oħra li għandna stabbiliti biex nivvalutaw il-funzjonament taż-żona Schengen u l-kapaċitajiet nazzjonali għall-kontroll fil-fruntieri fl-Istati Membri.
F’dawn l-aħħar snin, is-sistema ta’ Schengen ġiet ittestjata minn diversi kriżijiet, li wasslu għal diskussjonijiet politiċi ad hoc dwar Schengen. Sar evidenti aktar minn qatt qabel li l-kisbiet ta’ Schengen ma għandhomx jittieħdu bħala fatt. L-isfidi reċenti kollha enfasizzaw il-ħtieġa li jittieħdu passi deċiżivi biex tittejjeb l-istruttura ta’ governanza taż-żona Schengen sabiex jiġi ssalvagwardjat il-funzjonament tajjeb tagħha. F’Novembru 2020, il-Kummissjoni stabbiliet il-Forum annwali ta’ Schengen bħala l-ewwel pass lejn it-trawwim ta’ dibattitu politiku inklużiv iddedikat għall-bini ta’ żona Schengen aktar b’saħħitha bbażata fuq fiduċja reċiproka. Skambji politiċi ta’ livell għoli kkonfermaw il-ħtieġa ta’ governanza aktar b’saħħitha għal Schengen li ġiet imtennija fit-tieni Forum ta’ Schengen ta’ Mejju 2021.
F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni żviluppat mudell ta’ governanza ġdid għaż-żona Schengen fil-forma ta’ “ċiklu ta’ Schengen” li jiżgura “verifika tas-saħħa” regolari tal-istat ta’ Schengen. Wara diskussjonijiet fil-Kunsill ĠAI f’Lille, dawn l-ideat bdew jimmaterjalizzaw bl-ewwel Kunsill ta’ Schengen li sar fit-3 ta’ Marzu 2022. Schengen, proġett kondiviż, jeħtieġ rispons komuni għall-isfidi attwali u futuri u l-impenn tal-Istati Membri, tal-istituzzjonijiet tal-UE u tal-aġenziji rilevanti. Ir-regolament il-ġdid li jirriforma l-mekkaniżmu ta’ evalwazzjoni u monitoraġġ ta’ Schengen huwa maħsub biex jikkontribwixxi aktar għal dan l-objettiv billi jiżgura identifikazzjoni fil-pront tan-nuqqasijiet u proċeduri ta’ segwitu effiċjenti.
Din il-governanza msaħħa hija kruċjali biex ikun hemm segwitu għall-aġenda ambizzjuża stabbilita għal Schengen fl-Istrateġija ta’ Schengen ippreżentata mill-Kummissjoni f’Ġunju 2021. L-adozzjoni urġenti tal-qafas leġiżlattiv imsaħħaħ u l-implimentazzjoni huma meħtieġa biex iż-żona Schengen issir aktar b’saħħitha u aktar reżiljenti.
Dan ir-rapport dwar l-Istat ta’ Schengen jidentifika l-elementi ewlenin tal-mudell il-ġdid ta’ governanza għaż-żona Schengen, iqis l-implimentazzjoni tal-Istrateġija ta’ Schengen b’mod ġenerali kif ukoll il-komponenti individwali tagħha u jistabbilixxi l-prijoritajiet għaż-żona Schengen fl-2022/2023. Dan jindirizza wkoll l-obbligi legali tal-Kummissjoni li tirrapporta dwar is-sitwazzjoni fir-rigward tan-nuqqas ta’ kontrolli fil-fruntieri interni, ir-riżultati tal-evalwazzjonijiet ta’ Schengen, u l-istat tal-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet. Dan ir-rapport iservi bħala mudell għall-futur: bħala l-ewwel pass taċ-ċiklu annwali ta’ Schengen, kull Rapport futur dwar l-Istat ta’ Schengen għandu jniedi eżerċizzju ta’ rapportar annwali dwar il-preżentazzjoni tal-istat ta’ Schengen, l-identifikazzjoni tal-prijoritajiet għas-sena li jmiss u l-għan li jiġu żgurati diskussjonijiet dwar il-progress li jkun sar fi tmiem sena partikolari. Ir-rapport dwar l-Istat ta’ Schengen għandu jkun il-bażi għal aktar djalogu politiku, monitoraġġ u infurzar tal-acquis ta’ Schengen.
1.It-tisħiħ tal-governanza taż-żona Schengen
Qasam li jiddependi fuq il-fiduċja reċiproka fost l-Istati Membri u fl-aħħar mill-aħħar fuq implimentazzjoni korretta u effiċjenti tal-qafas legali ta’ Schengen, jeħtieġ governanza b’saħħitha u strutturata. Wara diskussjonijiet fl-ewwel u fit-tieni Forum ta’ Schengen u biex Schengen verament tissaħħaħ għal perjodu ta’ żmien twil, ġie stabbilit mudell ġdid ta’ governanza ta’ Schengen. Matul l-ewwel Kunsill ta’ Schengen ta’ Marzu 2022, l-Istati Membri kkonfermaw mill-ġdid din il-ħtieġa u approvaw iċ-ċiklu ta’ Schengen ippreżentat mill-Kummissjoni. Dan iċ-ċiklu jipprevedi “verifika tas-saħħa” regolari tal-istat ta’ Schengen, li jippermetti li l-problemi jiġu identifikati fi stadju bikri biex tiġi żgurata responsabbiltà komuni u biex jiġi promoss l-użu ta’ miżuri xierqa.
Il-punt tat-tluq taċ-ċiklu annwali ta’ Schengen huwa r-rapport annwali tal-Istat ta’ Schengen, li permezz tiegħu l-Kummissjoni tibda l-proċess ta’ governanza billi tidentifika l-isfidi ewlenin għaż-żona Schengen u l-azzjonijiet ta’ prijorità li għandhom jiġu indirizzati kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f’dak Ewropew. Bħala parti miċ-ċiklu ta’ Schengen, biex tipprovdi aġġornament tas-sitwazzjoni dwar l-istat ta’ Schengen, il-Kummissjoni se tippreżenta regolarment barometru ta’ Schengen.
Id-diskussjonijiet interistituzzjonali fil-Forum ta’ Schengen u d-deliberazzjonijiet politiċi fil-Kunsill ta’ Schengen ta’ Ġunju se jagħtu l-ispinta politika meħtieġa dwar il-kwistjonijiet strateġiċi ewlenin. L-implimentazzjoni tal-azzjonijiet ta’ prijorità se teħtieġ l-involviment ta’ kulħadd. Il-mudell ta’ governanza ta’ Schengen jipprovdi qafas biex jiżgura segwitu xieraq, bi skambji regolari dwar sfidi komuni, soluzzjonijiet koordinati u kondiviżjoni ta’ prattiki tajbin sabiex iwitti t-triq għal implimentazzjoni effettiva u f’waqtha tal-azzjonijiet meħtieġa. Matul l-aħħar fażijiet fl-aħħar tas-sena, id-diskussjonijiet se jiffukaw fuq il-monitoraġġ ta’ kif ġew indirizzati l-isfidi ewlenin għal Schengen, inkluża gwida għall-operazzjonijiet imwettqa mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (“Frontex”). Dan se jgħin biex jiġi żgurat impenn politiku aktar b’saħħtu għall-governanza Ewropea komuni taż-żona Schengen u jistabbilixxi l-passi meħtieġa għaċ-ċiklu annwali li ġej.
Il-Mekkaniżmu l-ġdid ta’ Evalwazzjoni u Monitoraġġ ta’ Schengen, li l-Kummissjoni pproponiet f’Ġunju 2021 u li dan l-aħħar ġie adottat mill-Kunsill, se jkollu rwol kruċjali f’dan il-mudell ġdid ta’ governanza ta’ Schengen. Se jkun il-mekkaniżmu ewlieni biex jiġu identifikati l-isfidi li qed jiffaċċjaw l-Istati Membri u biex jiġu żgurati azzjonijiet ta’ rimedju rapidi. Dan se jgħin biex jiġi evitat li kwalunkwe kwistjoni ta’ implimentazzjoni, b’mod partikolari każijiet ta’ nuqqasijiet serji, tipproduċi effetti kollaterali fiż-żona Schengen kollha. L-implimentazzjoni fil-pront ta’ din ir-riforma se tiggarantixxi li ż-żona Schengen tkun mgħammra bi strument aktar effiċjenti, strateġiku u flessibbli biex tindirizza sfidi ġodda, tirreaġixxi għal realtajiet mibdula, u tadatta għal ċirkostanzi ġodda. Il-Kummissjoni diġà qed tieħu l-passi meħtieġa biex tiżgura l-applikazzjoni f’waqtha u effettiva tagħha.
Il-koordinatur ta’ Schengen tal-Kummissjoni se jmexxi u jikkoordina ċ-ċiklu ta’ Schengen, f’koordinazzjoni mal-Istati Membri.
Kaxxa 1. L-Ewwel Ċiklu ta’ Schengen - Prijoritajiet għall-2022/2023
L-azzjonijiet ta’ prijorità ewlenin għaż-żona Schengen huma:
1.Ġestjoni msaħħa tal-fruntieri esterni.
2.Jiġi żgurat li l-kontrolli fil-fruntieri interni jkunu miżuri tal-aħħar rimedju miżmuma għal perjodu limitat u akkumpanjati minn miżuri ta’ mitigazzjoni, fejn meħtieġ.
3.Sigurtà interna msaħħa permezz ta’ kooperazzjoni msaħħa tal-pulizija fl-UE.
Sabiex jintlaħqu dawn l-objettivi, l-implimentazzjoni rapida fuq l-azzjonijiet ta’ prijorità li ġejjin hija indispensabbli:
·L-adozzjoni u l-implimentazzjoni tal-politika strateġika pluriennali għall-Ġestjoni Integrata Ewropea tal-Fruntieri;
·L-iżgurar ta’ kontrolli sistematiċi fil-fruntieri esterni tal-vjaġġaturi kollha;
·L-implimentazzjoni tal-arkitettura l-ġdida tal-IT u l-interoperabbiltà għall-ġestjoni tal-fruntieri fil-ħin sal-2023;
·L-applikazzjoni tal-Mekkaniżmu l-ġdid ta’ Evalwazzjoni u Monitoraġġ ta’ Schengen;
·L-iżgurar ta’ implimentazzjoni sħiħa tal-mandati tal-Frontex u tal-Europol;
·It-tisħiħ tas-sistemi nazzjonali ta’ ritorn;
·L-użu sħiħ tal-għodod ta’ kooperazzjoni tal-pulizija transfruntiera disponibbli;
·It-tneħħija tal-kontrolli fil-fruntieri interni li ilhom jeżistu kollha.
Prijorità ewlenija oħra għat-titjib tal-qafas leġiżlattiv hija li jiġu adottati malajr il-proposti mressqa mill-Kummissjoni, inklużi:
·Emenda għall-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen.
·Proposti għall-Kooperazzjoni tal-Pulizija.
·Il-proposta tal-iskrinjar.
|
2.Progress skont l-Istrateġija ta’ Schengen
Bl-Istrateġija ta’ Schengen, il-Kummissjoni stabbiliet il-miżuri għall-funzjonament tajjeb taż-żona Schengen. Mill-adozzjoni tagħha f’Ġunju 2021, il-Kummissjoni żammet mal-wegħda tagħha u żgurat li l-għodod biex tiġi sostnuta ż-żona Schengen jitressqu malajr. It-tliet pilastri li fuqhom hija mibnija ż-żona Schengen: ġestjoni effettiva tal-fruntieri esterni, miżuri li jikkumpensaw għan-nuqqas ta’ kontrolli fil-fruntieri interni u governanza robusta, kollha ġew imsaħħa u mgħammra b’għodod aġġornati biex ikunu adattati biex jindirizzaw b’mod effettiv ċirkostanzi ġodda. Issa wasal iż-żmien li jitwettqu l-proposti u l-impenji pendenti, bl-involviment tal-Istati Membri u ta’ partijiet ikkonċernati oħrajn indispensabbli biex tiġi żgurata responsabbiltà komuni.
L-implimentazzjoni ta’ waħda mill-aktar sistemi ta’ ġestjoni tal-fruntieri teknoloġikament avvanzati fid-dinja għadha prijorità ewlenija. Matul l-aħħar sena, l-Istati Membri, l-eu-LISA u l-Kummissjoni komplew iżidu l-isforzi biex jimplimentaw l-arkitettura u l-interoperabbiltà l-ġdida tal-IT f’konformità mal-iskedi ta’ żmien miftiehma. Issa huwa ta’ importanza kbira li jiġi żgurat li l-partijiet ikkonċernati kollha jieħdu l-passi meħtieġa fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-responsabbiltajiet tagħhom biex jevitaw dewmien ġdid li jqiegħed f’riskju l-iskeda ta’ żmien kumplessiva biex ikollhom l-arkitettura u l-interoperabbiltà l-ġodda kollha fis-seħħ sa tmiem l-2023. Id-dewmien fil-kunsinni, il-punti ta’ qsim tal-fruntiera b’nuqqas ta’ tagħmir u l-kwistjonijiet tal-kwalità jistgħu jikkawżaw effett domino fuq sistemi u funzjonalitajiet oħra.
Ittieħdu passi importanti biex il-preżentazzjoni u l-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għal viża jiġu modernizzati u jsiru aktar effiċjenti filwaqt li tissaħħaħ is-sigurtà taż-żona Schengen. Id-dokumentazzjoni diġitali hija kemm aktar effiċjenti kif ukoll aktar sigura. Fis-27 ta’ April 2022, il-Kummissjoni ppreżentat Proposta dwar id-diġitalizzazzjoni tal-proċeduri tal-viża.
F’Diċembru 2021, il-Kummissjoni adottat sett ta’ proposti dwar Schengen u l-Kooperazzjoni tal-Pulizija. Il-proposta għal reviżjoni tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen hija maħsuba biex iġġib aktar ċarezza fir-rigward tar-regoli dwar l-introduzzjoni mill-ġdid ta’ kontrolli fil-fruntieri interni u l-użu ta’ miżuri alternattivi. Din tipproponi wkoll li jiġu stabbiliti għodod komuni għall-ġestjoni tal-fruntieri esterni b’mod aktar effiċjenti f’sitwazzjonijiet ta’ kriżi, bħal fil-konfront ta’ kriżi tas-saħħa pubblika jew f’sitwazzjoni fejn il-migranti jiġu strumentalizzati għal finijiet politiċi.
Dawn il-miżuri huma kkomplementati minn proposti leġiżlattivi biex tissaħħaħ is-sigurtà interna tal-Unjoni Ewropea f’konformità mal-Istrateġija dwar l-Unjoni tas-Sigurtà. Il-proposti dwar il-kooperazzjoni tal-pulizija se jipprevedu qafas legali koerenti tal-UE biex jiġi żgurat li l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi jkollhom aċċess ekwivalenti għall-informazzjoni miżmuma minn Stati Membri oħrajn biex jiġġieldu l-kriminalità u t-terroriżmu. Il-kooperazzjoni effiċjenti u bla xkiel tal-pulizija se tgħin biex tingħata spinta lill-prevenzjoni, lid-detezzjoni u lill-investigazzjoni ta’ reati kriminali fl-UE, biex tittrawwem is-sigurtà għal kull min jgħix u jiċċaqlaq fiż-żona Schengen. L-istandards komuni għal pattulji konġunti se jiffaċilitaw il-ħidma bejn l-uffiċjali tal-pulizija li jipparteċipaw u li jaġixxu fit-territorju ta’ pajjiżi oħrajn tal-UE, filwaqt li jippromwovu wkoll kultura komuni tal-UE għall-ħidma tal-pulizija. Progress rapidu fl-ilħuq ta’ qbil dwarhom jikkontribwixxi biex jiġi żgurat li ż-żona Schengen tiffunzjona sew. Huwa mistenni li l-proċess tan-negozjati jiġi ffinalizzat fl-2023.
It-tisħiħ tas-sigurtà f’żona mingħajr kontrolli fil-fruntieri interni jeħtieġ fruntieri esterni siguri. Mill-2017, l-Istati Membri u l-Pajjiżi Assoċjati ma’ Schengen kienu meħtieġa jwettqu kontrolli sistematiċi skont il-bażijiet ta’ data rilevanti dwar il-persuni kollha li jaqsmu l-fruntieri esterni tal-UE, inklużi persuni li jgawdu mid-dritt għall-moviment liberu. Din il-miżura kienet maħsuba biex issaħħaħ is-sigurtà interna tal-UE wara sejbiet li ċ-ċittadini tal-UE kienu fost ġellieda terroristi barranin li rritornaw fl-UE. Ir-rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill janalizza l-implimentazzjoni u l-impatt ta’ dawn il-kontrolli sistematiċi. Dan isib li l-applikazzjoni ta’ kontrolli sistematiċi kontra bażijiet ta’ data rilevanti dwar persuni li jgawdu mid-dritt ta’ moviment liberu skont id-dritt tal-Unjoni mliet lakuna regolatorja importanti, minkejja l-isfidi li jiffaċċjaw l-Istati Membri fl-implimentazzjoni ta’ dawn ir-regoli. Il-Kummissjoni beħsiebha tindirizza dawk l-isfidi u tappoġġa lill-Istati Membri billi tuża “liġi mhux vinkolanti”, b’mod partikolari r-rieżami li jmiss tal-Manwal Prattiku għall-Gwardji tal-Fruntiera, li jintuża mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri meta jwettqu kontrolli fil-fruntieri fuq il-persuni.
Kaxxa 2. Il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta – Żviluppi ewlenin
·Sar progress importanti biex ir-Regolament tal-2019 dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta jiġi operazzjonalizzat.
·Mill-1 ta’ Jannar 2021, il-Frontex bdiet tappoġġa lill-Istati Membri fil-protezzjoni tal-fruntieri esterni u fir-ritorn permezz tal-korp permanenti tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta. Il-korp permanenti issa huwa magħmul minn aktar minn 6 000 uffiċjal, u se jilħaq il-kapaċità sħiħa tiegħu ta’ 10 000 uffiċjal sal-2027. Bħalissa, bħala medja, kuljum, il-Frontex tuża 2 000 uffiċjal fil-fruntieri esterni tal-art, tal-baħar u tal-ajru u b’appoġġ għar-ritorn.
·Ċiklu ġdid ta’ politika strateġika se jkollu l-għan li jiggarantixxi użu effettiv u koerenti tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta, li jgħaqqad flimkien aktar minn 120 000 gwardjan tal-fruntiera u tal-kosta u esperti tar-ritorn tal-Istati Membri u tal-Frontex. Dan il-qafas se jgħaqqad aħjar diversi politiki u għodod u għandu l-għan li jagħlaq il-lakuni bejn il-protezzjoni tal-fruntieri, is-sigurtà, ir-ritorn u l-migrazzjoni, filwaqt li jiżgura l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali.
·Wara l-konsultazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tnediet illum, il-Kummissjoni qed tippjana li tadotta sa tmiem l-2022 l-ewwel politika strateġika pluriennali għall-Ġestjoni Integrata Ewropea tal-Fruntieri, li għandha tiġi implimentata u komplementata bl-istrateġiji li se jiġu adottati mill-Frontex u mill-awtoritajiet nazzjonali.
·Se tiġi pprovduta tmexxija strateġika addizzjonali f’laqgħa ta’ livell għoli tal-Bord tat-Tmexxija tal-Aġenzija. Il-laqgħat tal-Kunsill ta’ Schengen jipprevedu wkoll l-opportunità li darba fis-sena jiġu diskussi f’livell politiku kwistjonijiet relatati mal-implimentazzjoni tal-Ġestjoni Integrata Ewropea tal-Fruntieri mill-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta, inkluża l-Frontex.
·Fil-21 ta’ Diċembru 2021, il-Kummissjoni adottat ukoll mudell għall-arranġamenti ta’ ħidma li għandhom jintużaw mill-Frontex meta tikkoopera ma’ pajjiżi terzi u mudell ta’ ftehim dwar l-istatus biex jiġi regolat l-iskjerament ta’ timijiet tal-korp permanenti tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta f’pajjiżi terzi.
·Fil-qasam tar-ritorn, il-Frontex għamlet ukoll progress importanti fl-iżvilupp tal-kapaċitajiet tagħha li tappoġġa lill-Istati Membri dwar ir-ritorn u r-riintegrazzjoni. B’mod partikolari, Viċi Direttur Ġenerali għar-Ritorn u l-Operazzjonijiet ħa l-kariga fi Frar 2022 u jissorvelja Diviżjoni tar-Ritorn ġdida.
·Jingħata appoġġ imsaħħaħ lill-Istati Membri fil-qasam tar-ritorn volontarju u ġew imnedija s-Servizzi Konġunti ta’ Riintegrazzjoni tal-Frontex biex jipprovdu appoġġ għar-riintegrazzjoni lill-Istati Membri minn April 2022.
·Il-Frontex qed tavvanza fl-istabbiliment tal-kapaċitajiet tagħha li torganizza operazzjonijiet ta’ ritorn fuq l-inizjattiva proprja tal-Aġenzija bl-ewwel titjira ta’ suċċess li ġiet organizzata lejn l-Albanija f’Jannar 2022.
·L-Aġenzija sarulha bidliet strutturali importanti bi tliet Viċi Diretturi Eżekuttivi li ħadu l-kariga rispettivament f’Novembru 2021, f’Jannar 2022 u fi Frar 2022.
·Ġew stabbiliti l-elementi kostitwenti ewlenin kollha ta’ sistema ta’ monitoraġġ li tiffunzjona bis-sħiħ biex tiġi żgurata l-konformità tal-attivitajiet tal-Frontex mad-drittijiet fundamentali. B’mod partikolari, Uffiċjal ġdid għad-Drittijiet Fundamentali u Viċi Uffiċjal għad-Drittijiet Fundamentali bdew jaħdmu rispettivament f’Ġunju 2021 u f’Marzu 2022. Il-ħidma tagħhom hija appoġġata minn 20 Superviżur tad-Drittijiet Fundamentali u l-għadd tagħhom se jiżdied għal 46 Superviżur sal-aħħar tas-sajf.
·Il-Frontex twettaq kompitu ta’ importanza kritika biex tappoġġa lill-Istati Membri fil-ġestjoni tal-fruntieri esterni komuni tal-Unjoni Ewropea. Sabiex tiġi żgurata kontinwità sħiħa tal-Aġenzija, il-Kummissjoni se tipproċedi malajr bil-proċess ta’ reklutaġġ li jwassal għall-ħatra ta’ Direttur Eżekuttiv ġdid.
·Il-Bord tat-Tmexxija tal-Frontex se jkompli jsaħħaħ aktar is-sorveljanza tal-ġestjoni interna tal-Aġenzija u tal-attivitajiet tagħha. Fl-istess ħin, minħabba l-mandat imsaħħaħ u r-riżorsi msaħħa b’mod sinifikanti, l-Aġenzija għandha tiżgura r-responsabbiltà sħiħa tagħha lejn l-istituzzjonijiet tal-UE. Fil-vjaġġ lejn l-evalwazzjoni li jmiss tal-funzjonament tal-Aġenzija, il-Kummissjoni se tniedi djalogu mal-Parlament Ewropew u mal-Kunsill fir-rigward tal-governanza tal-Aġenzija.
|
3.L-istat taż-żona Schengen
3.1.Is-sitwazzjoni fil-fruntieri esterni
Mijiet ta’ miljuni ta’ persuni jaqsmu l-fruntieri esterni tal-UE kull sena u b’hekk jagħmlu l-UE l-aktar destinazzjoni li miftuħa fid-dinja. Illum, madwar 1,3 biljun persuna minn madwar 60 pajjiż madwar id-dinja jistgħu jibbenefikaw minn ivvjaġġar mingħajr viża lejn l-Unjoni Ewropea.
Għalkemm il-maġġoranza l-kbira taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi jaslu fl-UE b’mod awtorizzat, il-migrazzjoni irregolari għadha sfida. Fl-2021, il-Frontex irrapportat 200 000 qasma mhux awtorizzata tal-fruntieri. Matul dik is-sena, il-wasliet irregolari fil-Litwanja, fil-Polonja u fil-Latvja kienu aktar minn għaxar darbiet ogħla minn dawk fl-2020 minħabba l-istrumentalizzazzjoni tal-migranti għal finijiet politiċi organizzati mir-reġim tal-Belarussja. Madankollu, minħabba l-azzjoni determinata u deċiżiva tal-UE, is-sitwazzjoni issa stabbilizzat u l-għadd ta’ wasliet mill-Belarussja naqas b’mod sinifikanti.
F’termini ta’ xejriet, ir-rotta tal-Mediterran Ċentrali, bl-Italja bħala l-pajjiż tad-destinazzjoni ewlieni, reġgħet kienet il-perkors migratorju l-aktar użat għall-migrazzjoni irregolari lejn l-UE fl-2021 (34 % tal-qsim mhux awtorizzat tal-fruntieri irrapportat). Din ix-xejra kompliet fl-2022: mit-8 ta’ Mejju 2022, ġew irrapportati kważi 11 800 wasla fuq din ir-rotta, tnaqqis ta’ 7,6 % meta mqabbel mal-istess perjodu s-sena l-oħra. L-għadd totali ta’ qsim mhux awtorizzat tal-fruntieri fl-2022, mit-8 ta’ Mejju, huwa ta’ 11 797 lejn l-Italja u ta’ 1 biss lejn Malta. Il-wasliet fi Spanja permezz tar-rotot tal-Mediterran tal-Punent u tal-Afrika tal-Punent ukoll baqgħu għoljin: mit-8 ta’ Mejju 2022, ġew irreġistrati 10 475 qasma mhux awtorizzata tal-fruntieri, 32 % aktar milli fl-istess perjodu tal-2021. Filwaqt li l-wasliet lejn Spanja kontinentali naqsu fl-2022 meta mqabbla mal-istess perjodu tal-2021, kien hemm żieda sinifikanti (53 %) fil-wasliet fil-Gżejjer Kanarji.
Filwaqt li l-pressjoni migratorja kompliet tonqos fil-Greċja, il-wasliet f’Ċipru żdiedu b’mod sinifikanti (b’123 %) fl-2021, meta mqabbla mal-2020. Fl-2022, mit-8 ta’ Mejju, ġew irrapportati 3 031 wasla fil-Greċja (żieda ta’ 24 % meta mqabbla mal-istess perjodu tal-2021) u 6 755 f’Ċipru (żieda ta’ 142 %).
Il-pressjoni żdiedet ukoll fuq ir-rotta tal-Balkani tal-Punent fejn ġew irrapportati 19 029 qasma mhux awtorizzata tal-fruntieri fl-ewwel tliet xhur tal-2022, żieda ta’ 125 % meta mqabbla mal-istess perjodu tas-sena ta’ qabel.
Il-wasliet irregolari mill-Afganistan lejn l-UE żdiedu minn meta t-Taliban ħaduh f’idejhom f’Awwissu 2021 iżda baqgħu f’livelli moderati.
Skont il-Europol, aktar minn 90 % tal-migranti irregolari li jaslu fl-UE jagħmlu użu minn persuni li jiffaċilitaw id-dħul klandestin ta’ persuni, jew matul partijiet tal-vjaġġ tagħhom jew matulu kollu. Żewġ terzi minnhom ma jissodisfawx il-kriterji biex jingħataw protezzjoni internazzjonali mal-ewwel darba u eventwalment ikunu meħtieġa jiġu ritornati.
Kaxxa 3. L-aggressjoni Russa tal-Ukrajna – l-akbar spostament Ewropew ta’ persuni mit-Tieni Gwerra Dinjija u r-rispons immedjat tal-UE
Mill-bidu tal-invażjoni militari tal-Ukrajna mir-Russja, madwar 6 miljun persuna daħlu fl-Unjoni Ewropea mill-Ukrajna u mill-Moldova, li minnhom 200 000 huma ċittadini mhux Ukreni ta’ pajjiżi terzi. L-Ukreni li għandhom passaport bijometriku jaslu bħala vjaġġaturi mingħajr viża u spiss jingħaqdu mal-familji u l-ħbieb tagħhom fi Stati Membri differenti.
L-UE mmaniġġjat il-konsegwenzi enormi b’mod effettiv billi bbażat fuq miżuri kemm fi ħdan kif ukoll lil hinn mill-acquis ta’ Schengen:
·Minħabba s-sitwazzjoni eċċezzjonali fil-fruntieri tal-Unjoni mal-Ukrajna, il-Kummissjoni ppreżentat linji gwida operazzjonali maħsuba biex jgħinu lill-gwardji tal-fruntiera tal-Istati Membri jimmaniġġjaw il-wasliet fil-fruntieri b’mod effiċjenti, filwaqt li jinżamm livell għoli ta’ sigurtà.
·Fl-4 ta’ Marzu 2022, il-Kunsill, fuq proposta mill-Kummissjoni, adotta b’mod unanimu għall-ewwel darba d-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni li tintroduċi protezzjoni temporanja minħabba influss bil-massa ta’ persuni li jaħarbu mill-Ukrajna b’konsegwenza tal-gwerra.
·L-attività tan-Network tal-Mekkaniżmu tal-UE għat-Tħejjija għall-Migrazzjoni u għall-Ġestjoni tal-Kriżijiet tal-Migrazzjoni (in-“Network Blueprint”) ġiet intensifikata sabiex jiġi żgurat l-iskambju kostanti ta’ informazzjoni u rispons koordinat għall-isfidi kkawżati minn tali avvenimenti.
·Il-Kummissjoni stabbiliet ukoll il-Pjattaforma ta’ Solidarjetà, li tlaqqa’ flimkien l-Istati Membri u l-Pajjiżi Assoċjati ma’ Schengen, l-Aġenziji tal-UE, l-organizzazzjonijiet internazzjonali, bil-parteċipazzjoni tal-Ukrajna u tal-Moldova, biex tikkoordina l-appoġġ għan-nies li jaħarbu mill-gwerra fl-Ukrajna u għall-pajjiżi li jilqgħuhom.
·Fil-Kunsill Straordinarju tal-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni tat-28 ta’ Marzu, il-Kummissjoni ppreżentat pjan ta’ azzjoni ta’ 10 punti, miftiehem minn qabel mal-Presidenza Franċiża tal-Kunsill tal-UE, biex tiġi ffaċilitata koordinazzjoni Ewropea aktar b’saħħitha dwar kif jintlaqgħu n-nies li qed jaħarbu mill-gwerra kontra l-Ukrajna.
·L-aġenziji tal-UE taw appoġġ konkret malajr:
oIl-Frontex minnufih skjerat persunal addizzjonali fil-fruntieri bejn l-UE u l-Ukrajna fil-qafas tal-Operazzjoni Konġunta Terra, li diġà teżisti, u wkoll wara talbiet mill-Istati Membri. Mis-27 ta’ April 2022, 297 Korp Permanenti tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta ġew skjerati fil-fruntieri esterni tal-UE tal-Lvant (inklużi mal-Ukrajna, il-Moldova, ir-Russja u l-Belarussja). Il-Frontex għenet ukoll lil 718-il ċittadin ta’ pajjiż terz li kienu qed jaħarbu mill-gwerra biex jirritornaw b’mod sikur lejn il-pajjiżi ta’ oriġini tagħhom.
oIl-Frontex qed tappoġġa b’mod attiv u fil-prattika l-isforzi tal-awtoritajiet tal-Moldova fuq il-post biex jindirizzaw l-isfidi doppji tar-regolamentazzjoni tal-influss u l-ħruġ sussegwenti ta’ mijiet ta’ eluf ta’ rifuġjati li jaħarbu mill-gwerra fl-Ukrajna. Wara l-konklużjoni f’ħin rekord ta’ Ftehim dwar l-istatus mal-Moldova, mis-27 ta’ April, 70 uffiċjal tal-Korp Permanenti tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta ġew skjerati fil-Moldova.
oL-esperti tal-Europol u l-uffiċjali mistiedna skjerati fil-fruntieri esterni tal-UE qed jappoġġaw lill-Istati Membri, isaħħu l-kontrolli sekondarji tas-sigurtà kif ukoll janalizzaw l-informazzjoni kriminali biex ikunu jistgħu jappoġġaw l-investigazzjonijiet u jipproduċu stampa sħiħa tal-intelligence kriminali u analiżi konsolidata tad-data.
oL-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali żaret l-Istati Membri kollha li jmissu mal-Ukrajna u l-Moldova, filwaqt li osservat u analizzat is-sitwazzjoni tad-drittijiet fundamentali fil-punti ta’ qsim tal-fruntiera u fiċ-ċentri ta’ reġistrazzjoni/akkoljenza.
·Wara l-proposta tal-Kummissjoni, mill-25 ta’ Frar 2022, il-Kunsill adotta sospensjoni parzjali tal-faċilitazzjoni tal-viża bejn l-UE u r-Russja.
B’mod ġenerali, l-eżistenza stess ta’ żona Schengen ħielsa mill-fruntieri pprovdiet opportunità unika għall-Ewropa biex twieġeb b’mod koeżiv għall-isfidi, u offriet kemm opportunità lil dawk li qed jaħarbu biex igawdu mill-protezzjoni fil-pajjiż l-aktar adattat għalihom kif ukoll l-iffaċilitar ta’ offerti ta’ solidarjetà u trasferimenti mill-Istati Membri l-aktar esposti għal oħrajn.
|
3.2.Is-sitwazzjoni fil-fruntieri interni
Minn Settembru 2015, il-kontrolli fil-fruntieri interni reġgħu ġew introdotti aktar minn 280 darba. Hemm tliet ġustifikazzjonijiet ewlenin li għalihom l-Istati Membri nnotifikaw lill-Kummissjoni bl-introduzzjoni mill-ġdid temporanja tal-kontrolli fil-fruntieri fiż-żona Schengen: 1. dawk li ġew introdotti mill-ġdid minħabba l-kriżi tar-rifuġjati tal-2015 għal raġunijiet ta’ movimenti sekondarji, 2. dawk li ġew introdotti mill-ġdid fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, u 3. dawk introdotti biex jillimitaw it-tixrid tal-COVID-19.
Matul is-snin, il-Kummissjoni żammet djalogu politiku u tekniku mill-qrib ma’ dawk l-Istati Membri li għandhom kontrolli fit-tul fil-fruntieri interni, bil-għan li tinftiehem is-sitwazzjoni, u jiġu esplorati għażliet għal miżuri alternattivi speċifiċi. Fl-2017, il-Kummissjoni pproponiet li timmodifika r-regoli applikabbli, filwaqt li tibni fuq ir-Rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni adottati fl-istess sena bil-għan li twitti t-triq biex jitneħħew il-kontrolli li ilhom żmien twil fis-seħħ fil-fruntieri interni. Madankollu, dik il-proposta ma rċevietx appoġġ suffiċjenti fil-Kunsill. B’riflessjoni fuq dawk id-diskussjonijiet u abbażi ta’ konsultazzjonijiet mal-Istati Membri u mal-partijiet ikkonċernati, f’Diċembru 2021, il-Kummissjoni ppreżentat emendi ġodda għall-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, li jissostitwixxi l-proposta preċedenti tagħha. L-emendi mmirati proposti jibbażaw fuq it-tagħlimiet meħuda kif ukoll fuq l-esperjenzi miġbura matul il-pandemija tal-COVID-19, filwaqt li jindirizzaw it-tħassib li tqajjem mill-Istati Membri filwaqt li jippreservaw iż-żona Schengen fejn kwalunkwe kontroll fil-fruntieri interni għandu jibqa’ miżura tal-aħħar rimedju.
Fis-sentenza reċenti fil-Kawżi Magħquda C-368/20 u C-369/20 il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li bħala miżura eċċezzjonali, il-possibbiltà tal-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontroll fil-fruntieri interni trid tiġi interpretata b’mod strett. Il-Kummissjoni u l-Kunsill nedew diskussjonijiet mal-Istati Membri dwar l-implikazzjonijiet tas-sentenza. Sadanittant, il-Kummissjoni qed tivvaluta mill-ġdid l-aktar notifiki riċenti ta’ kontrolli fil-fruntieri interni fid-dawl tas-sentenza.
Kaxxa 4. L-impatt tal-COVID-19
Il-pandemija tal-COVID-19 esponiet il-ħtieġa ta’ qafas stabbli għall-koordinazzjoni u t-teħid ta’ deċiżjonijiet fil-fruntieri esterni u fiż-żona Schengen f’sitwazzjonijiet ta’ kriżi. Fil-bidu tal-pandemija, il-maġġoranza tal-Istati Membri introduċew mill-ġdid il-kontrolli fil-fruntieri interni u l-koordinazzjoni komuni bejniethom seħħet biss wara u xi drabi ġie pperikolat il-funzjonament xieraq tas-suq Uniku. Bi tweġiba għal dan, il-Kummissjoni stiednet lill-Kunsill jieħu deċiżjoni koordinata fir-rigward tar-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar għall-ivvjaġġar mhux essenzjali minn pajjiżi terzi lejn iż-żona Schengen. Din is-sejħa ġiet segwita mill-Istati Membri kollha tal-UE (bl-eċċezzjoni tal-Irlanda) u mill-Pajjiżi Assoċjati kollha ta’ Schengen u aktar tard ġiet inkluża f’Rakkomandazzjoni tal-Kunsill. Madankollu, l-Istati Membri applikaw din ir-Rakkomandazzjoni b’modi differenti ħafna, u b’hekk poġġew f’riskju l-funzjonament ġenerali taż-żona Schengen. Il-miżuri ta’ koordinazzjoni ad hoc stabbiliti mill-Kummissjoni matul l-aħħar sentejn għenu biex il-kriżi tiġi ġestita b’mod aktar ordnat. Il-Kummissjoni ħadmet ukoll flimkien mal-Istati Membri biex tidentifika l-ħtiġijiet tagħhom biex jindirizzaw il-pandemija b’mod effettiv, b’mod partikolari fil-kuntest tar-rispons Politiku Integrat f’Sitwazzjonijiet ta’ Kriżi (IPCR) tal-Kunsill. Madankollu, il-kriżi żvelat ukoll il-ħtieġa ta’ qafas legali speċifiku għal tali azzjonijiet fil-fruntieri esterni f’każ ta’ xi sitwazzjoni simili fil-futur u dan jifforma parti mill-proposta tal-Kummissjoni għal emenda tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, adottata f’Diċembru 2021. Iċ-ċirkostanzi tal-pandemija affettwaw ukoll l-ippjanar u l-implimentazzjoni tal-proċess ta’ evalwazzjoni u monitoraġġ ta’ Schengen, b’mod partikolari fil-qasam tal-politika komuni dwar il-viżi.
|
3.3.It-tlestija taż-żona Schengen
Mill-2011, il-Kummissjoni kienet qed tippromwovi b’mod attiv it-tlestija ta’ Schengen, u ħeġġet lill-Istati Membri biex jieħdu malajr il-passi meħtieġa biex jippermettu lil dawk l-Istati Membri tal-UE li għadhom ma humiex kompletament parti miż-żona mingħajr kontrolli fil-fruntieri interni jissieħbu. Dan se jżid is-sigurtà fl-UE kollha kemm hi.
Matul l-aħħar xhur, ittieħdu passi politiċi importanti. F’Diċembru 2021, il-Kunsill irrikonoxxa li l-Kroazja kienet issodisfat il-kundizzjonijiet meħtieġa għall-applikazzjoni tal-partijiet kollha tal-acquis ta’ Schengen. Issa huwa f’idejn il-Kunsill li jressaq abbozz ta’ Deċiżjoni dwar it-tneħħija tal-kontrolli fil-fruntieri interni u li jikkonsulta lill-Parlament Ewropew.
Barra minn hekk, ir-Rumanija u l-Bulgarija qed jistennew ukoll id-Deċiżjoni tal-Kunsill, filwaqt li jkomplu japplikaw b’mod attiv l-acquis ta’ Schengen, b’mod partikolari fir-rigward tal-ġestjoni tal-fruntieri esterni mal-Ukrajna. Mill-2011, il-Kummissjoni kkonfermat li l-Bulgarija u r-Rumanija jissodisfaw il-kundizzjonijiet meħtieġa biex jissieħbu f’Schengen. Iż-żewġ Stati Membri, fil-kuntest tal-Mekkaniżmu riformat ta’ Evalwazzjoni u Monitoraġġ ta’ Schengen, għamlu dikjarazzjoni konġunta lill-Kunsill li tenfasizza l-impenn tagħhom li japplikaw b’mod korrett l-acquis ta’ Schengen u li jikkontribwixxu għall-funzjonament xieraq taż-żona mingħajr kontrolli fil-fruntieri interni. Biex jissostanzjaw dan l-impenn u biex isaħħu l-fiduċja reċiproka, huma stiednu fuq bażi volontarja tim taħt il-koordinazzjoni tal-Kummissjoni, biex jivvaluta l-applikazzjoni tal-aħħar żviluppi tal-acquis ta’ Schengen mill-evalwazzjonijiet tal-2011, b’enfasi fuq il-ġestjoni tal-fruntieri esterni u l-kooperazzjoni tal-pulizija. Il-Kummissjoni tinsab lesta li tikkoordina u timplimenta dawn il-valutazzjonijiet volontarji. Il-Kummissjoni għal darb’oħra tappella lill-Kunsill biex jieħu l-passi meħtieġa biex jikkonsolida ż-żona Schengen billi jadotta d-deċiżjoni li tippermetti lill-Bulgarija, lill-Kroazja u lir-Rumanija jsiru formalment parti minnha.
Il-proċess ta’ evalwazzjoni ta’ Schengen biex tiġi vvalutata r-rieda li wieħed jissieħeb fiż-żona Schengen għadu għaddej għal Ċipru wkoll. Fit-3 ta’ Mejju 2022, il-Parlament Ewropew adotta, abbażi tal-proposta tal-Kummissjoni, ir-rapport dwar l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fil-qasam tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen f’Ċipru b’maġġoranza kbira. Bħala l-pass li jmiss, fit-tieni nofs tal-2022, il-Kunsill huwa mistenni jadotta Deċiżjoni dwar l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fil-qasam tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen f’Ċipru, li għandha tiġi segwita minn evalwazzjoni tal-operat tas-sistema.
4.Prijoritajiet li jirriżultaw mill-evalwazzjonijiet ta’ Schengen
Flimkien ma’ governanza robusta, żona Schengen li tiffunzjona tajjeb tiddependi fuq l-implimentazzjoni korretta u f’waqtha tal-acquis ta’ Schengen. Dawn ir-regoli jiżguraw li l-Istati Membri kollha japplikaw kriterji uniformi dwar il-kontrolli fuq id-dħul u l-ħruġ fil-fruntiera esterna komuni, jiżviluppaw kooperazzjoni bejn il-gwardji tal-fruntiera, il-pulizija nazzjonali, u l-awtoritajiet ġudizzjarji, jużaw sistemi adegwati ta’ skambju ta’ informazzjoni u jimplimentaw politika komuni ta’ ritorn. Dawn jiżguraw kundizzjonijiet armonizzati ta’ dħul, u politika komuni dwar il-viżi biex jinżamm livell għoli ta’ sigurtà interna u l-possibbiltà li wieħed jivvjaġġa mingħajr ma jkun soġġett għal kontrolli fil-fruntieri interni. Minħabba l-ammont kbir ta’ data personali li tiġi pproċessata, ir-rispett tar-rekwiżiti tal-protezzjoni tad-data għandu rwol ewlieni. L-implimentazzjoni korretta ta’ dawn ir-regoli kollha mhux biss tissalvagwardja s-sigurtà taċ-ċittadini f’żona mingħajr fruntieri interni iżda toħloq ukoll sinerġiji bejn l-awtoritajiet nazzjonali.
L-appoġġ finanzjarju taħt il-finanzjament tal-UE (il-Fond għas-Sigurtà Interna, l-Istrument għall-Ġestjoni tal-Fruntieri u għall-Viżi, u l-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni) jiffaċilita wkoll l-implimentazzjoni korretta tal-acquis ta’ Schengen. Il-Kummissjoni tfittex li tiżgura li l-Istati Membri jkollhom biżżejjed riżorsi biex jimplimentaw dawk ir-rakkomandazzjonijiet b’implikazzjonijiet finanzjarji li jirriżultaw mill-evalwazzjonijiet ta’ Schengen. B’kunsiderazzjoni tal-iskeda ta’ żmien tal-evalwazzjonijiet, l-Istati Membri huma għalhekk imħeġġa jwarrbu r-riżorsi meħtieġa skont il-programmi nazzjonali tagħhom sabiex in-nuqqasijiet identifikati fir-rapporti ta’ evalwazzjoni jingħataw prijorità, speċjalment f’każ li jkunu ġew identifikati nuqqasijiet serji.
Filwaqt li l-evalwazzjonijiet ta’ Schengen matul l-aħħar snin urew li f’termini ġenerali l-Istati Membri jimplimentaw b’mod adegwat l-acquis ta’ Schengen, għad hemm ċerti nuqqasijiet u azzjonijiet ewlenin li jeħtieġ li jiġu indirizzati bħala prijoritajiet. In-nuqqasijiet ma għandhomx jiġu eżaminati f’iżolament, iżda fl-interazzjoni tagħhom ma’ diversi oqsma koperti mill-Mekkaniżmu ta’ Evalwazzjoni u Monitoraġġ ta’ Schengen u l-potenzjal tagħhom li jagħmlu ħsara liż-żona Schengen kollha kemm hi. Xi wħud minn dawn in-nuqqasijiet huma ta’ natura orizzontali f’oqsma ta’ politika differenti u, minħabba l-implikazzjonijiet multipli tagħhom, jista’ jkollhom impatt ogħla fuq il-funzjonament tajjeb taż-żona Schengen.
Matul l-ewwel ċiklu ta’ evalwazzjoni tal-Evalwazzjonijiet ta’ Schengen (2015-2019), ġew identifikati nuqqasijiet serji f’għaxar evalwazzjonijiet fi tliet oqsma u għall-perjodu 2020-2021 – każ ieħor fir-raba’ qasam ta’ politika. Dawn in-nuqqasijiet serji f’xi każijiet huma relatati ma’ nuqqasijiet li jqiegħdu f’riskju l-funzjonament ġenerali taż-żona Schengen jew f’każijiet oħra jirrappreżentaw riskju serju għad-drittijiet fundamentali. Meta jiġu identifikati nuqqasijiet serji, l-Istati Membri jiġu mmonitorjati mill-qrib biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni rapida tal-azzjonijiet ta’ rimedju, inkluż billi jitwettqu żjarat mill-ġdid. Il-Mekkaniżmu riformat ta’ Evalwazzjoni u Monitoraġġ ta’ Schengen se jwassal għal sistema ta’ monitoraġġ saħansitra aktar robusta li tħaffef il-proċess kollu speċjalment meta jiġu identifikati nuqqasijiet serji, li għalihom tkun prevista proċedura rapida speċifika.
4.1. Il-ġestjoni tal-fruntieri esterni
Il-fruntieri esterni jridu jiġu protetti u ġestiti b’mod effiċjenti, filwaqt li jiġi żgurat li d-drittijiet tal-persuni li jkunu qed ifittxu protezzjoni jiġu rrispettati bis-sħiħ. Il-qsim bla xkiel tal-fruntieri jrid jimxi id f’id mal-iżgurar ta’ livell għoli ta’ sigurtà. Proċeduri ta’ kontrolli, fil-fruntieri, effiċjenti u orjentati lejn is-sigurtà bbażati fuq informazzjoni komprensiva ta’ qabel il-wasla u tfixxijiet fil-bażijiet ta’ data rilevanti biex jiġi żgurat li jitwettqu kontrolli sistematiċi tal-persuni kollha li jaqsmu l-fruntieri esterni bħala regola. L-Istati Membri huma obbligati wkoll li jiżguraw mekkaniżmu komprensiv għall-monitoraġġ tal-fruntieri esterni u sorveljanza effettiva tal-fruntieri biex jiżguraw sensibilizzazzjoni sħiħa tas-sitwazzjoni u biex jipprovdu rispons adegwat, inkluż is-salvataġġ tal-ħajjiet fuq il-baħar.
Sfida partikolari hija l-istrumentalizzazzjoni tal-migranti għal finijiet politiċi, li għalihom il-Kummissjoni ressqet proposti dedikati f’Diċembru 2021, bi tweġiba għas-sejħa mill-Kunsill Ewropew: l-emenda tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen li tipprevedi definizzjoni ta’ strumentalizzazzjoni tal-migrazzjoni u strument ġdid li jindirizza sitwazzjonijiet ta’ strumentalizzazzjoni fil-qasam tal-migrazzjoni u l-ażil. L-adozzjoni ta’ dawn il-proposti hija mistennija li tipprovdi qafas solidu għal każijiet ta’ strumentalizzazzjoni fil-futur u tneħħi l-ħtieġa li wieħed jirrikorri għal miżuri ad hoc skont l-Artikolu 78(3) tat-TFUE.
Il-Ġestjoni Integrata Ewropea tal-Fruntieri hija responsabbiltà kondiviża tal-Istati Membri kollha u tal-Pajjiżi Assoċjati ma’ Schengen, tal-istituzzjonijiet u tal-aġenziji tal-Unjoni. F’dan il-kuntest, il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta għandha rwol ewlieni, u tlaqqa’ flimkien l-awtoritajiet nazzjonali rilevanti u l-Frontex. In-nuqqasijiet fil-fruntiera esterna ta’ pajjiż wieħed jistgħu jaffettwaw lill-Istati Membri kollha u sussegwentement ipoġġu f’riskju l-funzjonament taż-żona Schengen. Għalhekk, jeħtieġ li jkun hemm integrazzjoni tal-ġestjoni tal-fruntieri tal-Istati Membri sabiex tiġi stabbilita ġestjoni effettiva, effiċjenti u koordinata tal-fruntieri esterni tal-UE.
L-evalwazzjonijiet ta’ Schengen żvelaw li matul l-aħħar snin, l-Istati Membri investew b’mod sinifikanti biex jipproteġu aħjar il-fruntieri esterni, u dan irriżulta f’titjib muri matul it-tieni ċiklu ta’ evalwazzjoni (li jibda mill-2020) u f’livell adegwat ta’ ġestjoni tal-fruntieri esterni b’mod ġenerali. Madankollu, l-evalwazzjonijiet identifikaw ċerti nuqqasijiet, li wieħed minnhom huwa li ġeneralment ma hemmx governanza strateġika adegwata u ppjanar tal-kapaċitajiet nazzjonali għall-ġestjoni integrata tal-fruntieri. Dan jirriżulta f’kooperazzjoni interistituzzjonali mnaqqsa, duplikazzjoni tal-kompetenzi bejn awtoritajiet differenti tal-fruntieri esterni u allokazzjoni tar-riżorsi mxerrda. Dan huwa relatat b’mod partikolari mal-ippjanar fit-tul tar-riżorsi umani u t-taħriġ, kif ukoll mal-użu sistematiku tas-sistemi ta’ informazzjoni għall-kontroll fil-fruntieri, inkluż livell baxx ta’ konnettività biex jiġu żgurati kontrolli sistematiċi fil-bażijiet tad-data rilevanti f’xi wħud mill-postijiet. L-eżekuzzjoni u l-kwalità diverġenti tal-analiżijiet tar-riskju u tal-valutazzjonijiet tal-vulnerabbiltà fl-Istati Membri huma ta’ tħassib.
Fir-rigward tal-kontroll fil-fruntieri (il-kontrolli fil-fruntieri u s-sorveljanza tal-fruntieri), l-evalwazzjonijiet ta’ Schengen żvelaw li, b’mod ġenerali, l-applikazzjoni tal-acquis ta’ Schengen mill-Istati Membri hija adegwata. L-evalwazzjoni ta’ Schengen indikat ukoll prattiki tajbin u attivitajiet innovattivi implimentati mill-Istati Membri biex jimplimentaw il-kriterji ta’ Schengen b’mod effiċjenti. Minkejja l-progress ġenerali tajjeb, hemm nuqqasijiet rikorrenti fis-sorveljanza tal-fruntieri esterni u l-proċeduri ta’ kontroll fil-fruntieri f’xi punti ta’ qsim fihom nuqqasijiet. Il-kontroll fil-fruntieri jitwettaq f’konformità mal-analiżi komprensiva tar-riskju fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri; madankollu, għad hemm nuqqasijiet identifikati fil-mod kif xi Stati Membri jimplimentaw il-mudell Ewropew ta’ analiżi tar-riskju għall-kontroll fil-fruntieri li jirriżultaw f’għarfien insuffiċjenti tas-sitwazzjoni, ippjanar imxerred tar-riżorsi u azzjonijiet operazzjonali inadegwati.
F’xi punti ta’ qsim tal-fruntiera, il-kontrolli fil-fruntieri ma jitwettqux b’mod sistematiku u ma humiex skont l-istandard. Dan huwa prinċipalment relatat ma’ riżorsi umani insuffiċjenti, nuqqas ta’ gwardji tal-fruntiera mħarrġa kif xieraq kif ukoll ma’ konnettività ħażina mal-bażijiet ta’ data, li tipprevjeni li l-verifiki mal-bażijiet ta’ data rilevanti, inkluż is-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen u mal-bażi ta’ data ta’ Dokumenti tal-Ivvjaġġar Misruqin u Mitlufin (SLTD) tal-Interpol, isiru b’mod uniformi u sistematiku, u dan iwassal għal lakuni importanti fis-sigurtà. Dan jista’ jirrappreżenta theddida għall-politika pubblika, għas-sigurtà interna, għas-saħħa pubblika jew għar-relazzjonijiet internazzjonali ta’ kwalunkwe Stat Membru u tal-UE kollha kemm hi.
Dan huwa aggravat aktar mill-implimentazzjoni u l-applikazzjoni insuffiċjenti tar-Responsabbiltà tat-Trasportatur u tad-direttivi dwar Informazzjoni Antiċipata dwar il-Passiġġieri f’xi Stati Membri. Sabiex jiġġieldu l-immigrazzjoni irregolari u jiżguraw kontrolli fil-fruntieri effettivi, it-trasportaturi tal-ajru jeħtieġ li jibagħtu fuq talba tal-awtoritajiet responsabbli għat-twettieq tal-kontrolli fuq persuni fil-fruntieri esterni, sal-aħħar taċ-check-in, informazzjoni li tikkonċerna l-passiġġieri li se jittrasportaw lejn punt ta’ qsim awtorizzat tal-fruntiera, li minnu dawn il-persuni jidħlu fit-territorju ta’ Stat Membru. Meta dan ma jsirx, il-gwardji tal-fruntiera ma jkollhomx l-informazzjoni kollha meħtieġa għad-dispożizzjoni tagħhom biex iwettqu kontrolli adegwati fil-fruntieri. Sa tmiem l-2022 hija prevista reviżjoni tad-Direttiva dwar Informazzjoni Antiċipata dwar il-Passiġġieri biex jingħalqu l-lakuni li saru evidenti wkoll mill-evalwazzjoni tal-2020 u jiġu żgurati l-kundizzjonijiet għal implimentazzjoni adegwata.
Diversi Stati Membri għandhom stampa tas-sitwazzjoni nazzjonali frammentata, kapaċitajiet imnaqqsa ta’ detezzjoni u kapaċitajiet limitati ta’ rispons speċjalment fil-fruntieri tal-baħar u tal-art, minħabba n-nuqqas ta’ sistemi integrati ta’ sorveljanza tal-fruntieri, koordinazzjoni u kooperazzjoni insuffiċjenti bejn l-awtoritajiet nazzjonali tagħhom tal-kontroll fil-fruntieri, kif ukoll implimentazzjoni mxerrda tas-sistema Ewropea ta’ Sorveljanza tal-Fruntieri (EUROSUR) li taffettwa l-kwalità tal-kontroll fil-fruntieri. Dawn in-nuqqasijiet jistgħu jnaqqsu l-effiċjenza operazzjonali fil-ġestjoni tal-fruntieri esterni u tal-kapaċità ta’ rispons, u b’hekk ipoġġu ż-żona Schengen f’riskju. Dan huwa partikolarment validu fil-fruntieri tal-baħar u tal-art, minħabba kapaċitajiet limitati u sistemi integrati ta’ sorveljanza tal-fruntieri, li jaffettwaw il-kwalità tal-kontroll fil-fruntieri. Dawn in-nuqqasijiet jistgħu jnaqqsu l-effiċjenza operazzjonali fil-ġestjoni tal-fruntieri esterni u l-kapaċità ta’ rispons, u b’hekk ipoġġu ż-żona Schengen f’riskju.
Ir-rispett tad-drittijiet fundamentali u b’mod partikolari l-prinċipju ta’ non-refoulement huwa prinċipju ewlieni fil-ġestjoni tal-fruntieri esterni tal-UE. Fl-2020, l-osservaturi mill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali bdew jipparteċipaw fl-evalwazzjonijiet ta’ Schengen fil-qasam tal-fruntieri esterni. Dawn ikkontribwew biex jiġu identifikati n-nuqqasijiet u r-rakkomandazzjonijiet għat-titjib. L-allegazzjonijiet ta’ ksur tad-drittijiet fundamentali fil-fruntieri esterni dejjem huma kawża ta’ tħassib. Valutazzjonijiet effettivi ta’ kull allegat ksur u investigazzjonijiet rapidi u indipendenti fejn rilevanti huma essenzjali biex jiġi żgurat li d-drittijiet fundamentali jiġu protetti fil-fruntieri esterni. Mekkaniżmi indipendenti ta’ monitoraġġ tad-drittijiet fundamentali huma prattika tajba f’dan ir-rigward u l-Kummissjoni se tkompli tappoġġahom u tiffinanzjahom. Ir-rispett tad-drittijiet fundamentali huwa aspett li huwa kopert mill-Mekkaniżmu l-ġdid ta’ Evalwazzjoni u Monitoraġġ ta’ Schengen, li se jiżgura li jittieħdu miżuri għall-prevenzjoni u l-indirizzar ta’ kwalunkwe nuqqas.
Kaxxa 5. Il-prijoritajiet għall-ġestjoni tal-fruntieri esterni Ewropej
·Implimentazzjoni effiċjenti tal-Ġestjoni Integrata Ewropea tal-Fruntieri;
·Jiżdied l-użu tal-analiżi tar-riskju fil-kontroll fil-fruntieri u l-integrazzjoni sħiħa tar-riżultati tal-valutazzjoni tal-vulnerabbiltà fl-ippjanar u fl-operazzjonijiet tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta;
·Titjieb il-kwalità tal-kontrolli fil-fruntieri billi jiġu applikati proċeduri bbażati fuq l-informazzjoni u jiżdied l-użu ta’ informazzjoni ta’ qabel il-wasla billi jiġu implimentati sistemi ta’ informazzjoni għall-kontroll fil-fruntieri, inkluża l-adozzjoni mill-Kummissjoni ta’ proposta għal reviżjoni tad-Direttiva dwar l-Informazzjoni Antiċipata dwar il-Passiġġieri;
·Jissaħħu s-sistemi nazzjonali integrati ta’ sorveljanza tal-fruntieri u l-kooperazzjoni bejn l-aġenziji;
·L-implimentazzjoni ta’ sistemi nazzjonali sodi ta’ taħriġ għall-kontroll fil-fruntieri;
·L-implimentazzjoni ta’ mekkaniżmi nazzjonali ta’ monitoraġġ għad-drittijiet fundamentali.
|
4.2. Politika dwar il-viżi
Iż-żona Schengen ma tistax tiffunzjona b’mod effiċjenti mingħajr politika komuni dwar il-viżi. Din hija għodda biex jiġi ffaċilitat id-dħul ta’ viżitaturi legali, bħat-turisti u l-persuni li jivvjaġġaw għal raġunijiet ta’ negozju, filwaqt li jiġu evitati r-riskji għas-sigurtà u r-riskju ta’ migrazzjoni irregolari lejn l-UE. Il-Kodiċi dwar il-Viżi jistabbilixxi proċeduri u kundizzjonijiet armonizzati għall-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għal viża u għall-ħruġ ta’ viżi, filwaqt li s-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża tiżgura li l-konsulati, il-gwardji tal-fruntiera, l-infurzar tal-liġi, l-immigrazzjoni u awtoritajiet rilevanti oħra jkollhom aċċess għad-data tal-applikanti għal viża.
Ir-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar relatati mal-pandemija tal-COVID-19 irriżultaw fi tnaqqis kbir fl-applikazzjonijiet għall-viża ta’ Schengen. Filwaqt li qabel il-pandemija, il-konsulati tal-Istati li pparteċipaw fiż-żona Schengen irċevew 16-il miljun applikazzjoni għal viża fl-2018 u 17-il miljun fl-2019, in-numru ta’ applikazzjonijiet naqas għal 3 miljun fl-2020 u 2,5 miljun fl-2021.
Il-pandemija poġġiet ukoll restrizzjonijiet fuq it-twettiq tal-evalwazzjonijiet ta’ Schengen f’dan il-qasam ta’ politika minħabba li l-evalwazzjonijiet qed isiru fil-konsulati tal-Istati Membri f’pajjiżi terzi bi ħtieġa ta’ viża. Fl-2020 u fl-2021 setgħu jsiru biss żewġ evalwazzjonijiet. Madankollu, ħafna Stati Membri għamlu progress tajjeb fl-implimentazzjoni tal-pjanijiet ta’ azzjoni tagħhom relatati ma’ evalwazzjonijiet preċedenti. L-għeluq ta’ 12-il pjan ta’ azzjoni f’dawn l-aħħar sentejn ifisser li numru sostanzjali tan-nuqqasijiet identifikati ġew ikkoreġuti b’suċċess.
Fil-biċċa l-kbira l-Istati Membri jimplimentaw b’mod adegwat, il-politika komuni dwar il-viża, b’deċiżjonijiet li ġeneralment huma ġġustifikati sew dwar jekk viżi għandhomx jinħarġu jew jiġu miċħuda. Xi wħud mill-kwistjonijiet ewlenin ta’ tħassib huma relatati ma’:
·Il-prattiki tal-Istati Membri li għadhom ivarjaw meta jiddeterminaw il-validità tal-viżi jew tad-dokumenti ta’ sostenn mitluba, minkejja r-regoli dwar il-validità tal-viża stabbiliti fil-Kodiċi dwar il-Viżi u l-listi armonizzati legalment vinkolanti tad-dokumenti ta’ sostenn adottati mill-Kummissjoni.
·Nuqqas ta’ taħriġ u nuqqas ta’ persunal li jwasslu għal żbalji proċedurali.
·L-użu ta’ fornituri esterni tas-servizzi huwa mifrux, iżda l-monitoraġġ tal-attivitajiet tagħhom ma huwiex biżżejjed.
·L-użu tas-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża huwa subottimali minħabba li xi drabi fiha data ta’ kwalità inadegwata, il-fatt li s-sistemi nazzjonali tal-ġestjoni tal-każijiet mhux dejjem ikunu adattati għall-Kodiċi dwar il-Viżi u għall-fluss ta’ ħidma tas-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża, in-nuqqas ta’ taħriġ adegwat tal-IT u s-sensibilizzazzjoni limitata ta’ ċerti funzjonalitajiet u benefiċċji tas-sistema.
Bħala parti mill-proċess ta’ monitoraġġ tal-evalwazzjonijiet preċedenti, il-Kummissjoni ripetutament talbet lill-Istati Membri jindirizzaw dawn il-kwistjonijiet u sar disponibbli appoġġ finanzjarju adegwat taħt il-Fond għall-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri u l-Istrument għall-Ġestjoni tal-Fruntieri u tal-Viżi (2021-27) biex jiġu appoġġati l-azzjonijiet rilevanti.
Fis-27 ta’ April 2022, il-Kummissjoni ppreżentat Proposta dwar id-diġitalizzazzjoni tal-proċeduri tal-viża biex il-preżentazzjoni u l-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għal viża jsiru modernizzati u aktar effiċjenti filwaqt li tissaħħaħ is-sigurtà taż-żona Schengen. Fl-istess jum, il-Kummissjoni pproponiet li tneħħi r-rekwiżit tal-viża għaċ-ċittadini tal-Kuwajt u tal-Qatar. Fix-xhur li ġejjin, hija se twettaq evalwazzjoni tal-Kodiċi rivedut dwar il-Viżi li daħal fis-seħħ fi Frar 2020. Se tkompli timmonitorja mill-qrib il-pajjiżi terzi li ngħataw aċċess mingħajr viża għall-UE, b’mod partikolari permezz tar-rapport dwar il-mekkaniżmu ta’ sospensjoni tal-viża, u se tkompli taħdem ukoll f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri kkonċernati u mal-Istati Uniti biex tinkiseb reċiproċità sħiħa tal-eżenzjoni mill-ħtieġa ta’ viża għall-bqija tal-Istati Membri, jiġifieri, il-Bulgarija, Ċipru u r-Rumanija. Barra minn hekk, il-Kummissjoni, f’koordinazzjoni mal-Istati Membri, qed issegwi mill-qrib il-programmi ta’ ċittadinanza b’investiment immexxija minn pajjiżi terzi mingħajr viża peress li l-benefiċjarji ta’ dawn l-iskemi jistgħu jiksbu aċċess liberu għaż-żona Schengen. Dan l-aħħar, fuq proposta tal-Kummissjoni, il-Kunsill iddeċieda li jissospendi temporanjament ir-rekwiżiti għall-eżenzjoni mill-ħtieġa ta’ viża għad-detenturi ta’ passaporti ta’ Vanuatu maħruġa wara l-2015 minħabba r-riskji marbuta mal-programm tiegħu ta’ Ċittadinanza b’Investiment. L-Istati Membri se jkollhom ikomplu jaħdmu f’kooperazzjoni mill-qrib mal-eu-LISA u mal-Kummissjoni biex itejbu s-sistemi tal-IT tagħhom għall-ipproċessar tal-viżi biex jikkonformaw mal-aġġornament tas-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża. L-evalwazzjonijiet ta’ Schengen f’dan il-qasam ta’ politika se jitkomplew f’Ġunju 2022 filwaqt li titqies kif xieraq is-sitwazzjoni epidemjoloġika li qed tevolvi.
Kaxxa 6. Prijoritajiet għall-politika dwar il-viżi
·Progress rapidu fin-negozjati tal-proposta rigward id-diġitalizzazzjoni tal-proċeduri tal-viża
·Progress rapidu fin-negozjati dwar il-proposta għall-eżenzjoni mill-Viża għall-Kuwajt u l-Qatar.
·It-tħejjija tal-implimentazzjoni tas-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża riveduta
·It-tisħiħ tal-monitoraġġ ta’ pajjiżi terzi li jkunu kisbu aċċess mingħajr viża għall-UE
·It-tisħiħ tal-monitoraġġ tal-iskemi taċ-ċittadinanza u tar-residenza tal-investituri mmexxija minn pajjiżi terzi f’konformità mar-rakkomandazzjoni C/2022/2028.
·It-tkomplija tal-evalwazzjonijiet ta’ Schengen minn Ġunju 2022.
|
4.3. Ritorn ta’ persuni mingħajr dritt legali li jibqgħu
It-tisħiħ tal-isforzi biex titnaqqas il-migrazzjoni irregolari lejn l-UE u l-protezzjoni aħjar tal-fruntieri esterni għandhom jimxu id f’id mat-teħid ta’ miżuri għar-ritorn effettiv ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi b’soġġorn illegali fit-territorju tal-Istati Membri. Kull sena madwar 400 000 ċittadin ta’ pajjiżi terzi jiġu ordnati jitilqu, iżda 140 000 biss (inqas fl-2020 ukoll minħabba l-miżuri restrittivi biex tiġi kkontrollata l-pandemija) tal-persuni kkonċernati jirritornaw b’mod effettiv lejn pajjiż terz, li minnhom madwar 45 % huma ritorni volontarji. It-titjib tal-effettività tal-Sistemi ta’ ritorn tal-Istati Membri huwa wkoll aspett importanti tal-ħidma fuq l-istabbiliment ta’ sistema komuni tal-UE għar-ritorn kif stabbilit fil-Patt dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil li tgħaqqad strutturi aktar b’saħħithom fl-UE, b’mod partikolari qafas legali msaħħaħ mad-Direttiva riformulata dwar ir-Ritorn, b’kooperazzjoni aktar effettiva ma’ pajjiżi terzi. Barra minn hekk, f’konformità mal-Istrateġija tal-UE dwar ir-ritorn volontarju u r-riintegrazzjoni adottata f’April 2021, qiegħed jiġi żviluppat approċċ aktar uniformi u kkoordinat fost l-Istati Membri biex jiġi sfruttat il-potenzjal sħiħ tar-ritorn volontarju u r-riintegrazzjoni bil-għan li tingħata spinta lill-effettività u lis-sostenibbiltà tas-sistema komuni tal-UE dwar ir-ritorni għall-benefiċċju reċiproku tal-persuni rimpatrijati, tal-UE u tal-pajjiżi terzi.
L-evalwazzjonijiet ta’ Schengen urew titjib f’dan il-qasam u l-leġiżlazzjoni u l-prattiki nazzjonali tal-Istati Membri issa huma allinjati aħjar mar-rekwiżiti tad-Direttiva dwar ir-Ritorn. Madankollu, għad hemm titjib xi jsir biex jiġi żgurat ir-rispett sħiħ tad-drittijiet fundamentali. Ġew identifikati nuqqasijiet serji fi Stat Membru wieħed minħabba kundizzjonijiet ta’ detenzjoni inadegwati u salvagwardji proċedurali insuffiċjenti.
Barra minn hekk, fir-rigward tal-effettività tas-sistemi ta’ ritorn, mhux l-Istati Membri kollha sistematikament joħorġu deċiżjonijiet ta’ ritorn lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi mingħajr dritt legali li jibqgħu. Jeżistu prattiki diverġenti fir-rigward tal-projbizzjonijiet fuq id-dħul li ma jinħarġux sistematikament meta ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi ma jikkonformawx mal-obbligu tar-ritorn, u dan jillimita l-effett ta’ deterrent tagħhom.
L-infurzar effettiv tad-deċiżjonijiet ta’ ritorn għadu sfida, li huwa influwenzat ukoll mill-kooperazzjoni limitata dwar ir-riammissjoni ta’ pajjiżi terzi. Minkejja dawn l-isfidi esterni, hemm ostakli fis-sistemi nazzjonali, żvelati mill-evalwazzjonijiet ta’ Schengen, li jxekklu l-effettività tas-sistemi ta’ ritorn tal-Istati Membri. Barra minn hekk, il-ġbir tad-data fil-qasam tar-ritorn jeħtieġ li jittejjeb biex jippermetti tfassil, implimentazzjoni u evalwazzjoni aħjar tal-politika. Il-kwistjonijiet ewlenin identifikati f’għadd ta’ Stati Membri huma relatati ma’:
·Riżorsi limitati/insuffiċjenti ddedikati għar-ritorn, f’termini ta’ persunal u infrastruttura.
·Nuqqas ta’ monitoraġġ jew monitoraġġ ineffettiv tal-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet ta’ ritorn, inkluż permezz ta’ sistemi tal-IT għall-ġestjoni tal-każijiet ta’ ritorn.
·Disponibbiltà u użu limitati tal-programmi ta’ ritorn volontarju u riintegrazzjoni (inkluż fir-rigward tal-konsulenza dwar ir-ritorn).
·Użu limitat ta’ alternattivi għad-detenzjoni biex jiġi evitata l-ħrib u n-nuqqas ta’ kapaċità ta’ detenzjoni speċjalizzata suffiċjenti.
Il-Kummissjoni qed taħdem mill-qrib mal-Istati Membri biex tiżgura l-implimentazzjoni sħiħa tar-regoli dwar ir-ritorn u s-segwitu kif xieraq, inkluż permezz ta’ proċeduri ta’ ksur. Qed issir enfasi speċjali fuq l-implimentazzjoni tal-proċeduri ta’ ritorn, bħall-ħruġ ta’ deċiżjonijiet ta’ ritorn u l-infurzar effettiv tagħhom, kif ukoll fir-rigward tar-rispett tad-drittijiet tal-migranti – b’mod partikolari t-tfal u l-persuni vulnerabbli – matul il-passi kollha tal-proċess ta’ ritorn.
Fit-2 ta’ Marzu 2022, il-Kummissjoni ħatret l-ewwel Koordinatur tar-Ritorn tal-UE. Il-Koordinatur tar-Ritorn se jiġbor flimkien il-fergħat tal-politika ta’ ritorn tal-UE, filwaqt li jibni fuq l-esperjenzi pożittivi tal-Istati Membri fil-ġestjoni tar-ritorn u jiffaċilita l-implimentazzjoni bla xkiel u interkonnessa tal-proċess tar-ritorn. Il-Kummissjoni tinsab fil-proċess li tistabbilixxi Network ta’ Livell Għoli għar-Ritorn li se jappoġġa lill-Koordinatur tar-Ritorn jiffaċilita l-kooperazzjoni prattika bejn l-Istati Membri, il-Kummissjoni u l-Frontex u jservi bħala spazju fdat għal skambju u djalogu kostruttivi dwar kwistjonijiet ta’ ritorn f’livell għoli.
Kaxxa 7. Prijoritajiet għall-politika tar-ritorn.
·Adozzjoni rapida tal-qafas legali imġedded dwar ir-ritorn ibbażat fuq id-Direttiva riformulata dwar ir-Ritorn.
·Il-promozzjoni tar-ritorn volontarju u tar-riintegrazzjoni bħala parti integrali minn sistema komuni tal-UE għar-ritorn, f’konformità mal-istrateġija tal-UE dwar ir-ritorn volontarju u r-riintegrazzjoni.
·Isir użu sħiħ mill-appoġġ operazzjonali u prattiku li l-Frontex tista’ tipprovdi f’dan il-qasam.
|
4.4. Koperazzjoni tal-pulizija
F’żona mingħajr kontrolli fil-fruntieri interni, il-kooperazzjoni b’saħħitha tal-pulizija bejn l-Istati Membri hija indispensabbli biex jiġu żgurati s-sigurtà u l-fiduċja fiż-żona Schengen, u b’mod partikolari fir-reġjuni tal-fruntieri. Skont il-“Valutazzjoni mill-Unjoni Ewropea tat-Theddid mill-Kriminalità Serja u Organizzata” (EU SOCTA) tal-2021, ippubblikata mill-Europol, kważi 70 % tan-networks tal-kriminalità organizzata huma attivi f’aktar minn tliet Stati Membri. L-uffiċjali tal-pulizija jeħtieġ li jkunu jistgħu jikkooperaw b’mod effettiv, malajr, u sistematikament madwar l-UE biex jiġġieldu l-kriminalità tranżnazzjonali.
L-evalwazzjonijiet ta’ Schengen li saru s’issa fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija enfasizzaw li għalkemm l-Istati Membri huma ġeneralment legalment konformi mal-acquis ta’ Schengen, għadd ta’ ostakli jxekklu l-użu prattiku ta’ wħud mill-għodod tal-kooperazzjoni tal-pulizija transfruntiera disponibbli għall-Istati Membri.
Il-kooperazzjoni transfruntiera tal-pulizija, kif stabbilit fil-Proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-kooperazzjoni operazzjonali tal-pulizija, issir aktar ikkumplikata mill-koeżistenza f’ħafna Stati Membri ta’ korpi tal-pulizija differenti, eż. pulizija tal-istat militari, pulizija tal-istat ċivili, pulizija nazzjonali, reġjonali jew lokali. Huwa essenzjali li kull Stat Membru jorganizza l-koordinazzjoni interna tiegħu b’tali mod li s-servizzi rilevanti kollha jkunu jistgħu jipparteċipaw fil-kooperazzjoni transfruntiera u internazzjonali tal-pulizija. Għal dan il-għan, kważi l-Istati Membri kollha ħatru servizz wieħed bħala Punt Uniku ta’ Kuntatt li huwa kompetenti għal kull kooperazzjoni operazzjonali u skambju ta’ informazzjoni transfruntiera u internazzjonali dwar l-infurzar tal-liġi. Il-Punti Uniċi ta’ Kuntatt, li huma punti ta’ kuntatt prinċipali tal-kooperazzjoni transfruntiera fl-infurzar tal-liġi u l-iskambju ta’ informazzjoni operazzjonali, għandhom nuqqas ta’ integrazzjoni u ta’ taħriġ imfassal apposta għall-persunal, u b’hekk jiġi limitat il-benefiċċju taż-żieda qawwija fl-iskambju ta’ informazzjoni matul l-aħħar snin.
Kooperazzjoni transfruntiera effiċjenti teħtieġ mezzi ta’ komunikazzjoni interoperabbli u aċċess mobbli għal bażijiet ta’ data rilevanti f’konformità mas-salvagwardji meħtieġa. Is-sistemi tekniċi użati fil-livell nazzjonali għandhom ikunu disponibbli għal skambju sigur ta’ informazzjoni transfruntiera, inkluża l-posta elettronika sigura kif ukoll is-sistemi ta’ komunikazzjoni bir-radju, b’mod partikolari fil-każ ta’ insegwimenti transkonfinali. Bħala riżultat tan-nuqqas ta’ għodod tekniċi adegwati, fil-maġġoranza tal-Istati Membri l-uffiċjali tal-pulizija jirrikorru għal għodod mhux siguri tal-komunikazzjoni bir-radju jew għall-mowbajls sabiex jikkuntattjaw id-dispaċċ rispettiv tagħhom għall-verifiki tal-preċedenti personali. Dan iġib miegħu riskju ta’ falliment fil-komunikazzjoni (frekwenti f’żoni muntanjużi) u nuqqas ta’ ftehim (eż. fil-każ ta’ kwistjonijiet ta’ trażlitterazzjoni). L-istess riskji jinstabu f’każ ta’ nuqqas ta’ aċċess mobbli adegwat għal bażijiet ta’ data għall-uffiċjali tal-pulizija fuq il-post. Meta l-uffiċjali tal-pulizija jivverifikaw persuna matul viġilanza konġunta jew matul azzjonijiet konġunti mmirati fiż-żoni tal-fruntiera, jeħtieġ li jkollhom aċċess immedjat u adegwat għall-bażijiet ta’ data nazzjonali u internazzjonali tagħhom li għalihom għandhom aċċess skont id-dritt nazzjonali. Jekk l-informazzjoni disponibbli jew l-azzjonijiet li għandhom jittieħdu ma jintwerewx b’mod korrett, il-kriminali mfittxija pereżempju jistgħu jgħaddu minn diversi pajjiżi mingħajr ma jiġu identifikati. Minbarra l-uffiċjali tal-pulizija fuq il-post, l-investigaturi jeħtieġu wkoll aċċess aktar dirett għal bażijiet ta’ data internazzjonali rilevanti. Bil-maġġoranza tal-kriminali li jaħdmu minn naħa għal oħra tal-fruntiera, id-detezzjoni bikrija tar-rabtiet internazzjonali hija kruċjali għal investigazzjoni kriminali ta’ suċċess.
Fl-aħħar nett, il-punt sa fejn l-attivitajiet tal-pulizija operazzjonali transfruntiera (bħal insegwimenti transkonfinali jew sorveljanza transfruntiera) jiġu ffaċilitati jvarja b’mod sinifikanti madwar l-UE. Filwaqt li xi pajjiżi jippermettu ħafna aċċess reċiproku għall-bażijiet ta’ data tal-infurzar tal-liġi ta’ xulxin (inklużi l-Gwardji Doganali u tal-Fruntiera), oħrajn jimponu limitazzjonijiet ġeografiċi jew ta’ żmien limitati wisq għal insegwimenti transkonfinali jew ma jippermettux lill-uffiċjali tal-pulizija barranin jaqbdu persuni suspettati fit-territorju tagħhom matul insegwiment transkonfinali.
Il-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen (KIFS)
li tistabbilixxi prinċipji bażiċi għall-kooperazzjoni tal-pulizija, u d-Deċiżjoni Qafas 2006/960/ĠAI tal-Iżvezja li tissimplifika l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi t-tnejn li huma jagħmlu parti mill-acquis ta’ Schengen. Id-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni jagħtu flessibbiltà konsiderevoli lill-partijiet tal-istat fil-mod kif jagħżlu li jimplimentawhom. Fil-prattika, ftehimiet bilaterali jew multilaterali jintużaw sistematikament biex tiġi żviluppata aktar din il-linja bażi komuni
. Bħalissa hemm madwar 60 ftehim bħal dan bejn l-Istati Membri tal-UE.
Sfida ewlenija fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija hija li l-qafas leġiżlattiv huwa frammentat u jħalli flessibbiltà wiesgħa lill-Istati Membri fil-mod kif jagħżlu li jimplimentawh. Il-proposti ta’ kooperazzjoni tal-pulizija għandhom l-għan li jindirizzaw dan u jsaħħu l-kooperazzjoni tal-pulizija billi jipprovdu kanali u perjodi ta’ żmien ċari għall-iskambju ta’ informazzjoni u jagħtu lill-Europol rwol aktar b’saħħtu. Il-Kummissjoni tilqa’ l-progress li sar mill-Kunsill, li għandu l-għan jadotta l-approċċ ġenerali tiegħu dwar id-Direttiva u r-Regolament f’Ġunju 2022 kif ukoll li japprova r-Rakkomandazzjoni dwar il-kooperazzjoni operazzjonali tal-pulizija. Għalhekk, it-trilogi għal dawn il-proposti xorta setgħu jibdew din is-sena bl-adozzjonijiet sussegwenti mistennija qabel tmiem l-2023.
Huwa essenzjali li jkomplu jiġu żviluppati l-għodod f’idejn l-awtoritajiet tal-pulizija. L-użu u l-iskambju ta’ Informazzjoni Antiċipata dwar il-Passiġġieri flimkien ma’ Rekords tal-Ismijiet tal-Passiġġieri diġà taw riżultati tanġibbli fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità serja. Qed titħejja inizjattiva leġiżlattiva ġdida biex jittejjeb l-użu ta’ Informazzjoni Antiċipata dwar il-Passiġġieri anke għal finijiet ta’ infurzar tal-liġi billi tissaħħaħ iċ-ċertezza legali u jitnaqqsu d-diskrepanzi li saru evidenti mill-evalwazzjoni tal-2020 tad-Direttiva dwar l-Informazzjoni Antiċipata dwar il-Passiġġieri, filwaqt li jiġu previsti s-salvagwardji meħtieġa. Din hija skedata li tiġi ppreżentata sal-aħħar tal-2022.
Kaxxa 8. Prijoritajiet għall-kooperazzjoni tal-pulizija.
·L-adozzjoni rapida tal-proposti għall-Kooperazzjoni tal-Pulizija, u l-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni dwar il-kooperazzjoni operazzjonali tal-pulizija li mistennija tiġi adottata mill-Kunsill f’Ġunju.
·L-adozzjoni sa tmiem l-2022 mill-Kummissjoni ta’ proposta għal miżura leġiżlattiva ġdida dwar l-Informazzjoni Antiċipata dwar il-Passiġġieri li ssaħħaħ l-użu tagħha għall-finijiet tal-infurzar tal-liġi.
·Aktar integrazzjoni tal-kanali ta’ kooperazzjoni internazzjonali, titjib tas-sistemi ta’ ġestjoni tal-każijiet u awtomatizzazzjoni tal-proċessi fil-Punti Uniċi ta’ Kuntatt (SPOC).
·Aċċess online effiċjenti u dirett għal bażijiet ta’ data nazzjonali, tal-UE u internazzjonali dwar l-infurzar tal-liġi għall-persunal tal-Punti Uniċi ta’ Kuntatt, għall-investigaturi u għall-uffiċjali tal-pulizija fuq il-post sa fejn dan ikun meħtieġ għall-kompiti tagħhom.
·Aċċess mobbli effiċjenti għal bażijiet ta’ data (inter)nazzjonali għall-uffiċjali tal-pulizija fuq il-post, speċifikament fir-reġjuni tal-fruntieri.
·L-interoperabbiltà tal-għodod ta’ komunikazzjoni bir-radju.
|
4.5. Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen
Is-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS) hija l-miżura kumpensatorja ewlenija għat-tneħħija tal-kontrolli fil-fruntieri interni peress li toffri appoġġ essenzjali għall-politika dwar il-migrazzjoni u s-sigurtà fiż-żona Schengen u fil-fruntieri esterni tagħha.
L-importanza tas-SIS għall-ġestjoni tas-sigurtà u tal-fruntieri fl-Ewropa qed tkompli tikber. Għalkemm l-użu tal-sistema kien affettwat mill-kriżi tal-COVID-19 minħabba t-tnaqqis relatat fl-ivvjaġġar u t-tnaqqis fin-numru ta’ kontrolli fil-fruntieri li saru matul dak iż-żmien, l-użu tas-SIS fl-Ewropa issa qed jikber b’mod kostanti, u fl-aħħar tal-2021 laħaq massimu ta’ kważi 90 miljun allert introdotti mill-Istati Membri fil-bażi ta’ data tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen. Sa Diċembru 2019, eżatt qabel ma bdiet il-pandemija, in-numru ta’ tfittxijiet fis-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen laħaq rekord ta’ 6,6 biljun, u ntlaħaq livell rekord ta’ 283 713 hit (aktar mid-doppju minn 128 598 hit fl-2014). Fl-2021, saru aktar minn 7 biljun tiftixa fs-SIS, u nkisbu 222 967 hit, li kkontribwew għas-soluzzjoni ta’ dan in-numru ta’ każijiet fil-pajjiżi Ewropej li jużaw is-sistema.
Abbażi tal-evalwazzjonijiet ta’ Schengen imwettqa, jista’ jiġi konkluż li l-Istati Membri ġeneralment implimentaw u użaw is-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen b’mod effettiv u uniformi. Għalkemm ġew identifikati nuqqasijiet serji fl-implimentazzjoni tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen f’xi Stati Membri, dawn il-pajjiżi kienu qed jaħdmu b’mod urġenti u attiv biex jirrimedjaw in-nuqqasijiet.
Matul l-evalwazzjonijiet ħarġu ċerti nuqqasijiet rikorrenti:
·L-Istati Membri ma jinkludux l-informazzjoni rilevanti kollha fis-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen. Pereżempju, il-marki tas-swaba’ u r-ritratti mhux dejjem ikunu mehmuża, anke jekk din id-data tkun disponibbli fil-livell tal-pajjiż. F’xi każijiet dan huwa dovut għal nuqqas ta’ għodod tekniċi jew proċeduri obbligatorji fil-livell tal-pajjiż li jeħtieġu li l-awtoritajiet li joħorġu l-allert iżidu din id-data meta tkun disponibbli.
·Mhux l-informazzjoni kollha disponibbli fl-allert tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (pereżempju r-ritratt disponibbli ta’ persuna) tintwera lill-utenti finali, jiġifieri l-uffiċjali tal-pulizija, lill-gwardji tal-fruntieri u utenti oħra meta jikkonsultaw is-sistema. Dan jagħmilha diffiċli li l-persuna soġġetta għal allert tiġi identifikata b’mod korrett u li tittieħed l-azzjoni xierqa.
·F’xi Stati Membri hemm nuqqas ta’ progress fl-użu ta’ għodod ġodda, bħall-funzjonalità tat-tiftix tal-marki tas-swaba’ tas-SIS. Dan għandu konsegwenzi importanti, li jwasslu għal lakuni fis-sigurtà.
·L-“Uffiċċji ta’ SIRENE”, l-istrutturi amministrattivi li jittrattaw l-iskambju ta’ informazzjoni supplimentari għall-allerti tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen, jinsabu fil-qalba tal-operazzjoni tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen iżda mhux dejjem ikollhom biżżejjed persunal u riżorsi tekniċi, inklużi għodod awtomatizzati u integrati tal-fluss tax-xogħol, biex ikunu jistgħu jiskambjaw din l-informazzjoni b’mod effettiv.
·It-tisħiħ limitat tar-riżorsi umani u tekniċi fl-Uffiċċji SIRENE spiss iwassal biex dawn l-istrutturi jaslu fil-limiti tal-kapaċità tagħhom. Il-kwalità u l-veloċità tal-iskambju ta’ informazzjoni u l-kooperazzjoni operazzjonali bejn l-uffiċċji huma kruċjali fis-segwitu għall-hits biex tiġi żgurata, pereżempju, il-protezzjoni ta’ persuni neqsin u vulnerabbli.
·Xi Stati Membri ma qabbdux is-Sistemi ta’ Rikonoxximent Awtomatiku tal-Pjanċi tagħhom mas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen li tillimita s-sigurtà ġenerali f’Schengen u fil-fruntieri esterni.
Kaxxa 9. Prijoritajiet għas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen.
·Implimentazzjoni rapida tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen imġedda mill-aktar fis possibbli, li se tinkludi kategoriji ġodda ta’ allert u tintroduċi funzjonalitajiet ġodda li se jkomplu jtejbu l-effettività tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen.
·Persunal u riżorsi xierqa li għandhom jissaħħu fl-Uffiċċji SIRENE tal-Istati Membri bl-awtomatizzazzjoni tal-fluss tax-xogħol sabiex jiġi pproċessat l-għadd kbir ta’ hits li jkunu deħlin u jiġu żgurati l-kwalità u l-veloċità tal-iskambju tal-informazzjoni u l-kooperazzjoni.
·Użu sħiħ tal-funzjonalità tat-tiftix tal-marki tas-swaba’ tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen.
|
4.6. Protezzjoni tad-data
Parti importanti oħra tal-acquis ta’ Schengen hija r-regoli dwar il-protezzjoni ta’ data personali. Id-dispożizzjonijiet speċifiċi dwar il-protezzjoni ta’ data personali fl-acquis tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen u tas-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża u, fil-futur, tas-sistemi l-ġodda ta’ informazzjoni (is-Sistema ta’ Dħul u Ħruġ, ETIAS, l-interoperabbiltà), id-dispożizzjonijiet fir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (GDPR) li għalihom l-acquis ta’ dawk is-sistemi jagħmel kontroreferenzi u d-Direttiva dwar l-Infurzar tal-Liġi dwar il-Protezzjoni tad-Data (LED) huma r-rekwiżiti leġiżlattivi ewlenin applikabbli f’dan il-qasam.
Il-valutazzjoni ta’ kif l-Istati Membri jimplimentaw u japplikaw l-acquis ta’ Schengen, b’mod partikolari fir-rigward tas-SIS u l-VIS fl-isfond tar-rekwiżiti tal-protezzjoni ta’ data, hija salvagwardja essenzjali.
Għalkemm ma ġie identifikat l-ebda nuqqas serju matul l-evalwazzjoni ta’ Schengen u l-konformità mal-atti applikabbli tad-dritt tal-Unjoni f’każijiet individwali jeħtieġ li tiġi vvalutata fuq bażi ta’ każ b’każ, għad hemm diversi kwistjonijiet rikorrenti li jeħtieġ li jiġu indirizzati:
·Xi awtoritajiet nazzjonali għall-protezzjoni tad-data (DPA) ma għandhomx biżżejjed riżorsi umani u finanzjarji u dan ifixkel il-possibbiltajiet tagħhom li jwettqu l-kompiti kollha tagħhom relatati mas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen u mas-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża.
·Uħud mill-awtoritajiet għall-protezzjoni tad-data jirriskjaw li jkunu soġġetti għal influwenza esterna fuq il-ħidma tagħhom li tista’ taffettwa l-indipendenza tagħhom.
·Mhux l-awtoritajiet kollha għall-protezzjoni tad-data ngħataw setgħat korrettivi effettivi fuq l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi.
·F’xi Stati Membri, spezzjonijiet aktar frekwenti u komprensivi mill-awtoritajiet għall-protezzjoni tad-data ġew meqjusa bħala meħtieġa biex jissodisfaw il-kompitu tagħhom li jimmonitorjaw il-legalità tal-ipproċessar tad-data tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen u tas-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża.
·Ħafna drabi r-rekwiżit li jsiru awditi tal-operazzjonijiet tal-ipproċessar tad-data fis-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen u fis-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża mill-inqas kull erba’ snin ma ġiex issodisfat mill-awtoritajiet għall-protezzjoni tad-data.
·Ħafna drabi jkun meħtieġ titjib fir-rigward ta’ informazzjoni dwar id-drittijiet tas-suġġett tad-data fir-rigward tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen u s-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża u l-proċedura għall-użu ta’ dawk id-drittijiet.
·Il-perjodu taż-żamma tar-reġistri tat-tfixxijiet fis-sistemi tal-informazzjoni, f’xi każijiet, għadu mhux konformi mal-acquis ta’ Schengen.
·Spiss, ma jkun hemm l-ebda awtoverifika proattiva dwar il-konformità tal-protezzjoni tad-data mill-kontrolluri tad-data, inkluż l-ebda rieżami regolari tar-reġistri.
·Fl-aħħar nett, taħriġ regolari u kontinwu dwar il-protezzjoni tad-data u s-sigurtà tad-data għall-persunal operazzjonali kollu li jkollu aċċess għas-sistemi tal-informazzjoni mhux dejjem jiġi pprovdut.
Kaxxa 10. Prijoritajiet għall-protezzjoni tad-data.
·L-Istati Membri għandhom jipprovdu riżorsi suffiċjenti lill-awtoritajiet għall-protezzjoni tad-data sabiex dawn iwettqu l-kompiti kollha tagħhom relatati mas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen u mas-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża.
·L-awtoritajiet għall-protezzjoni tad-data għandhom jiżguraw li l-awditi tal-operazzjonijiet tal-ipproċessar tad-data fis-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen u fis-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża jsiru mill-inqas kull erba’ snin.
·L-awtoritajiet kompetenti tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen u tas-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża għandhom isegwu r-rakkomandazzjonijiet b’mod partikolari fir-rigward tal-awtoawditjar u t-taħriġ.
·Matul l-implimentazzjoni tas-sistemi l-ġodda ta’ informazzjoni għall-kontroll fil-fruntieri (is-Sistema ta’ Dħul u Ħruġ, l-ETIAS, l-interoperabbiltà), l-approċċ ta’ privatezza mid-disinn għandu jiġi appoġġat bis-sħiħ mill-entitajiet responsabbli kollha. Għandu jiġi żgurat li r-rekwiżiti tal-protezzjoni tad-data jkunu integrati bis-sħiħ u li jiġu rrispettati mill-bidu tal-użu ta’ dawk is-sistemi.
|
5.Passi li jmiss
Filwaqt li llum ninsabu mgħammra aħjar biex inwieġbu għall-isfidi attwali u futuri, kwalunkwe leġiżlazzjoni jew qafas huwa tajjeb biss jekk jiġi implimentat b'mod effettiv u f’waqtu.
L-evalwazzjonijiet ta’ Schengen imwettqa matul l-aħħar snin ikkonfermaw li l-Istati Membri qed jimplimentaw b’mod adegwat l-acquis ta’ Schengen fl-oqsma ta’ politika differenti u li l-Mekkaniżmu kiseb l-effett mixtieq u maħsub tiegħu. Madankollu, ġew identifikati nuqqasijiet u għadu meħtieġ progress f’xi oqsma. Dan ir-rapport jidentifika l-oqsma ta’ prijorità ewlenin li jeħtieġu titjib urġenti u jenfasizza li hija meħtieġa implimentazzjoni rapida u adegwata tal-għodod kollha disponibbli.
Biċ-ċiklu ta’ Schengen, iż-żona ta’ Schengen issa għandha governanza msaħħa u robusta, li tiżgura tmexxija politika biex il-leġiżlazzjoni tiġi implimentata b’mod adegwat u mmonitorjata b’mod regolari. Wara l-ewwel passi fl-implimentazzjoni taċ-ċiklu, huwa meħtieġ li jkomplu jiġu ggarantiti l-isforzi konġunti u s-sjieda komuni mill-Istati Membri, mill-istituzzjonijiet u mill-aġenziji tal-UE tal-proċess fit-triq lejn iċ-ċiklu annwali li jmiss tal-2023.
Huwa essenzjali li titkompla l-ħidma lejn ġestjoni integrata Ewropea tal-fruntieri kompletament effettiva, li tlaqqa’ flimkien l-atturi rilevanti kollha kemm fil-livell Ewropew kif ukoll f’dak nazzjonali. F’żona mingħajr kontrolli fil-fruntieri interni, il-kooperazzjoni b’saħħitha tal-pulizija bejn l-Istati Membri flimkien mal-implimentazzjoni effettiva tal-sistemi ta’ informazzjoni fuq skala kbira, b’mod partikolari s-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen, kif ukoll politiki effettivi dwar ir-ritorn u politiki komuni dwar il-viżi, huma indispensabbli.
Barra minn hekk, huwa kruċjali li ma tintilifx l-enfasi fuq l-implimentazzjoni sħiħa tal-arkitettura l-ġdida tal-IT sal-aħħar tal-2023. L-UE fasslet waħda mis-sistemi ta’ ġestjoni tal-fruntieri l-aktar teknoloġikament avvanzati fid-dinja u jeħtieġ li nwettqu dan il-proġett ambizzjuż fil-ħin.
L-għoti ta’ riżorsi u taħriġ suffiċjenti lil dawk li jimplimentaw u jinfurzaw l-acquis ta’ Schengen huwa essenzjali biex jiġi żgurat li l-impenji legali tagħna jiġu implimentati b’mod effettiv fil-prattika. F’dan il-kuntest, l-aġenziji tal-UE għandhom rwol ewlieni u huwa importanti li jiġi żgurat li l-mandati tagħhom jintużaw bis-sħiħ.
Fl-aħħar nett, l-implimentazzjoni rapida u effettiva tar-rakkomandazzjonijiet identifikati fl-evalwazzjonijiet ta’ Schengen hija kruċjali.
Sjieda politika akbar ibbażata fuq id-djalogu u l-monitoraġġ regolari se jiżguraw l-implimentazzjoni tal-prijoritajiet għaż-żona Schengen. Għalhekk, il-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri u lill-aġenziji tal-UE jieħdu l-passi meħtieġa biex iwettqu dawn il-prijoritajiet u jieħdu l-azzjonijiet ta’ segwitu meħtieġa.
F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tistieden lill-Kunsill ta’ Schengen f’Ġunju biex japprova l-elementi ewlenin tal-mudell il-ġdid ta’ governanza ta’ Schengen u l-prijoritajiet għall-2022-2023 kif stabbilit f’dan ir-rapport. Il-Kummissjoni se takkumpanja mill-qrib dan il-proċess kemm fil-livell politiku kif ukoll f’dak tekniku, u se tirrapporta dwar il-progress miksub u l-azzjonijiet ta’ segwitu fi tmiem iċ-ċiklu annwali.