Brussell, 14.6.2022

COM(2022) 284 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar l-implimentazzjoni tas-Sistema Komuni ta' Monitoraġġ u Evalwazzjoni għall-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd



Akronimi

AIR        Rapport annwali ta’ implimentazzjoni

PKS        Politika komuni tas-sajd

CMES        Sistema komuni ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni

RDK        Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni

DĠ MARE    Id-Direttorat Ġenerali għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd

FEMS        Il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd

FEMSA    Il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura

UE        L-Unjoni Ewropea

FAME        Monitoraġġ u evalwazzjoni tas-sajd u tal-akkwakultura

PMI        Politika Marittima Integrata

MA        Awtorità ta’ ġestjoni

MEF        Qafas ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni

PO        Programm operazzjonali

SWOT        Qawwiet, dgħufijiet, opportunitajiet u theddid



Werrej

1.Introduzzjoni

2.Implimentazzjoni tas-CMES

2.1.Loġika ta’ intervent tal-FEMS

2.2.Indikaturi komuni

2.3.Data kumulattiva dwar l-operazzjonijiet (Infosys)

2.4.AIRs

2.5.Evalwazzjonijiet

2.6.Qafas tal-prestazzjoni

3.Qafas ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni tal-FEMSA

4.Konklużjoni



1.Introduzzjoni

Il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (FEMS) appoġġa l-politiki marittimi u tas-sajd tal-UE mill-2014 sal-2020. Total ta’ EUR 6,4 biljuni huwa disponibbli taħt il-fond, li minnhom l-Istati Membri u l-Kummissjoni jimmaniġġaw EUR 5,96 biljuni b’mod konġunt (ġestjoni kondiviża). Dan ir-rapport għandu x’jaqsam mal-baġit taħt ġestjoni kondiviża biss. Dan il-baġit jintuża sabiex irawwem is-sostenibbiltà tas-sajd u tal-akkwakultura, jippromwovi l-kummerċjalizzazzjoni u l-ipproċessar effettivi u sostenibbli tal-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura, u sabiex isaħħaħ il-kontroll tas-sajd u jtejjeb il-ġbir ta’ data xjentifika għall-ġestjoni tas-sajd. Huwa jgħin lill-komunitajiet kostali jiddiversifikaw l-ekonomija blu tagħhom u jgħin sabiex il-kosta tal-UE ssir aktar attraenti. Huwa jappoġġa wkoll il-ħarsien tal-ambjent u l-arrikkiment tal-bijodiversità akkwatika.

Ġiet stabbilita sistema komuni ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni (CMES) sabiex timmonitorja l-operazzjonijiet tal-FEMS li huma ffinanzjati taħt ġestjoni kondiviża 1 . Hija tgħin sabiex jiġu rreġistrati u segwiti l-kisbiet ta’ dawn l-operazzjonijiet. Permezz ta’ dan, hija tipprovdi trasparenza dwar l-użu tal-flus pubbliċi u tippermetti l-evalwazzjoni tal-appoġġ tal-FEMS. Qafas għal djalogu kontinwu, manutenzjoni, appoġġ u l-kondiviżjoni tal-esperjenza bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri huwa l-bażi tas-CMES. L-għan ta’ dan il-qafas huwa li jipprovdi data komuni u komparabbli li tista’ tiġi aggregata u analizzata skont diversi kriterji madwar l-Istati Membri,

Dan huwa t-tieni rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tas-CMES. Huwa jiffoka fuq l-iżviluppi mir-rapport preċedenti 2 , jistabbilixxi t-tagħlimiet meħuda matul l-implimentazzjoni, u jħares lejn kif dawn tqiesu fl-iżvilupp tal-qafas għall-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura (FEMSA) għall-2021 sal-2027 3 . Dan ir-rapport ma jagħtix dettalji dwar il-kisbiet tal-FEMS. Dawn jingħataw fir-rapporti ta’ implimentazzjoni tal-FEMS, li huma disponibbli fuq is-sit web tad-DĠ MARE 4 .

Kif stabbilit fl-Artikolu 108 tar-Regolament FEMS, l-objettivi tas-CMES huma:

a)li turi l-progress u l-kisbiet tal-politika komuni tas-sajd (PKS) u tal-politika marittima integrata (PMI), u li tqis l-impatt ġenerali u tivvaluta l-effettività, l-effiċjenza u r-rilevanza tal-operazzjonijiet tal-FEMS;

b)li tikkontribwixxi għal appoġġ immirat aħjar għall-PKS u l-PMI;

c)li tappoġġa proċess ta’ apprendiment komuni għall-monitoraġġ u l-evalwazzjoni; u

d)li tipprovdi evalwazzjonijiet robusti u bbażati fuq l-evidenza tal-operazzjonijiet tal-FEMS li jikkontribwixxu għall-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet.

Sabiex jintlaħqu dawn l-objettivi, is-CMES tipprovdi dan li ġej 5 :

1)loġika ta’ intervent li tispjega kif il-prijoritajiet, l-objettivi u l-miżuri speċifiċi jaffettwaw lil xulxin 6 ;

2)ġabra ta’ indikaturi komuni 7 ;

3)data kumulattiva dwar operazzjonijiet magħżula għal finanzjament 8 ;

4)rapporti annwali ta’ implimentazzjoni (AIRs) dwar il-programmi operazzjonali (PO) 9 ;

5)pjanijiet ta’ evalwazzjoni 10 ;

6)evalwazzjonijiet ex ante u ex post u attivitajiet ta’ evalwazzjoni oħra marbuta mal-programm tal-FEMS 11 ; u

7)rieżamijiet tal-prestazzjoni 12 .

Dawn l-aspetti huma deskritti fid-dettall fir-rapport preċedenti dwar l-implimentazzjoni tas-CMES tal-FEMS 13 . Dan ir-rapport jiffoka fuq aspetti ġodda li ħarġu mill-aħħar rapport.

2.Implimentazzjoni tas-CMES

Kull wieħed mill-aspetti deskritti fit-Taqsima 1 ġie diskuss mal-Istati Membri fil-laqgħat tal-gruppi ta’ esperti tal-FEMS 14 . Il-Kummissjoni użat dawn il-laqgħat sabiex tiżviluppa l-qafas ta’ regolamenti delegati u ta’ implimentazzjoni li jappoġġaw is-CMES. Dan l-approċċ parteċipattiv tkompla matul il-perjodu ta’ programmazzjoni, bl-involviment tal-awtoritajiet ta’ ġestjoni (MAs) fl-iżvilupp u t-tisħiħ ulterjuri tas-CMES billi ġew kondiviżi l-aħjar prattiki u ġew indirizzati kwistjonijiet komuni. Dan żgura s-sjieda u l-aċċettazzjoni kollettiva tas-sistema, u għen sabiex l-MAs jiġu mħarrġa u mgħammra u sabiex il-Kummissjoni twettaq monitoraġġ u evalwazzjoni.

Sabiex tiżgura li l-Istati Membri japplikaw is-CMES b’mod konsistenti, il-Kummissjoni stabbiliet unità ta’ appoġġ tekniku, magħrufa bħala FAME (monitoraġġ u evalwazzjoni tas-sajd u tal-akkwakultura) 15 . Dan is-servizz ta’ appoġġ ġie pprovdut minn kuntrattur estern matul is-seba’ snin tal-perjodu ta’ programmazzjoni. Il-feedback, l-esperjenza u l-għarfien inġabru mill-MAs u ġew żviluppati mal-unità ta’ appoġġ tal-FAME. Id-dokumenti ta’ ħidma u r-rapporti prodotti mill-FAME huma disponibbli fuq il-paġna web Europa 16 . Il-FAME għenet lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżviluppaw, jimplimentaw u janalizzaw kull wieħed mill-aspetti stabbiliti f’dan il-kapitolu.



X’tista’ tgħidilna s-CMES dwar il-FEMS?

Is-CMES tgħaqqad l-informazzjoni dwar il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni minn diversi sorsi. L-informazzjoni dwar kull operazzjoni ffinanzjata tista’ tiġi kkombinata ma’ informazzjoni kuntestwali dwar is-sitwazzjoni fl-Istati Membri, u ma’ bażijiet ta’ data esterni bħar-reġistru komuni tal-flotta.

·L-indikaturi komuni tar-riżultati jwasslu l-informazzjoni tal-ogħla livell. Pereżempju, bis-saħħa tal-appoġġ tal-FEMS, inżammu 31 594 impjieg fil-komunitajiet kostali fis-setturi tas-sajd, tal-akkwakultura u tal-ipproċessar.

·In-nefqa tista’ tiġi vvalutata skont il-miżuri tar-Regolament FEMS li għalihom ġiet impenjata. Pereżempju, madwar 33 % tal-finanzjament totali tal-FEMS kien impenjat għal miżuri li jappoġġaw il-bijodiversità (EUR 1 637 miljun).

·Tista’ tiġi pprovduta wkoll analiżi aktar dettaljata skont is-settur. Pereżempju, 13 123 bastiment individwali rċevew appoġġ mill-FEMS. Madwar 25 % tal-infiq tal-FEMS li huwa ddedikat għall-bastimenti ġie pprovdut għall-bastimenti fis-settur tas-sajd kostali fuq skala żgħira (EUR 124 miljun).

Kull wieħed mill-eżempji pprovduti jista’ jinqasam ulterjorment skont l-Istat Membru. Iċ-ċifri huma relatati mal-istat tal-implimentazzjoni tal-FEMS fil-31 ta’ Diċembru 2020. Aktar dettalji u eżempji jistgħu jinstabu fir-rapporti ta’ implimentazzjoni tal-FEMS fuq is-sit web tad-DĠ MARE 17 4.

2.1.Loġika ta’ intervent tal-FEMS

Il-loġika ta’ intervent tiddeskrivi kif id-deċiżjonijiet ta’ politika, il-miżuri meħuda u r-riżultat mixtieq jaffettwaw lil xulxin. Hija s-sinsla tal-monitoraġġ u l-evalwazzjoni, li tibda fil-livell tal-politika u li tkompli fil-livelli ta’ programmi u operazzjonijiet individwali.

L-Artikolu 5 tar-Regolament FEMS jistabbilixxi l-objettivi tal-UE tiegħu. Fil-livell ta’ politika, dawn jinqasmu fil-prijoritajiet u fl-objettivi speċifiċi tal-UE, kif stabbilit fl-Artikolu 6 tar-Regolament FEMS. Kull Stat Membru li jimplimenta l-FEMS 18 ifassal PO. Il-PO jindirizza l-ħtiġijiet ta’ appoġġ tal-Istat Membru inkwistjoni billi jagħżel mis-sett disponibbli ta’ 51 miżura. L-Istati Membri janalizzaw il-qawwiet, id-dgħufijiet, l-opportunitajiet u t-theddid tagħhom (SWOT) sabiex jidentifikaw il-ħtiġijiet tagħhom. Din l-analiżi tippermettilhom jiddeċiedu dwar miżuri xierqa u l-intensità tagħhom. L-Istati Membri jagħżlu wkoll indikaturi xierqa tar-riżultati u tal-output, u jistabbilixxu valuri fil-mira u stadji importanti għall-indikaturi finanzjarji, tal-output u tar-riżultati. Dawn jintużaw sabiex jimmonitorjaw il-progress u jiffaċilitaw l-evalwazzjoni. Il-PO jiġi approvat mill-Kummissjoni. Matul il-perjodu ta’ implimentazzjoni, l-Istati Membri jistgħu jemendaw il-programmi tagħhom sabiex jirriflettu l-ħtiġijiet li qegħdin jinbidlu, wara l-approvazzjoni tal-programm mill-Kummissjoni.

Il-loġika ta’ intervent ġiet proposta bħala struttura predefinita sabiex tindirizza l-ħtiġijiet tal-Istati Membri kollha. Madankollu, matul l-implimentazzjoni, deher li approċċ aktar flessibbli jaħdem aħjar. Xi aspetti ħadmu tajjeb, bħall-prijoritajiet tal-UE. Dawn iffaċilitaw l-aggregazzjoni tad-data fil-livell tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (FSIE) 19 . Aspetti oħrajn, bħall-objettivi tematiċi 20 (jiġifieri aggregazzjoni ta’ livell ogħla li tirrappreżenta l-11-il prijorità ta’ investiment tal-Fondi SIE), urew li għandhom ftit rilevanza għall-FEMS minħabba li għandhom baġit komparattivament żgħir għal tali analiżi ta’ livell għoli.

F’xi każijiet, ir-rabtiet riġidi bejn l-aspetti tal-loġika ta’ intervent tal-FEMS kienu diffiċli sabiex wieħed jaħdem bihom. Ir-rabtiet bejn il-prijoritajiet u l-miżuri tal-UE nħolqu mir-Regolament FEMS. Ir-Regolament inkwadra xi miżuri b’mod ristrett ħafna. Pereżempju, huwa qasam l-investimenti produttivi fl-akkwakultura fi 11-il kategorija. Fil-prattika, instab li l-Istati Membri ma użawx tajjeb tali miżuri definiti b’mod ristrett. Huma ppreferew li jipprovdu finanzjament taħt miżuri b’qafas aktar wiesa’ li jkopru l-istess objettivi.

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 1014/2014 21 ħoloq ir-rabta bejn il-prijoritajiet tal-UE u l-indikaturi komuni tar-riżultati. L-implimentazzjoni mill-Istati Membri tal-miżuri tikkontribwixxi għall-indikaturi tar-riżultati. It-Taqsima 2.2 tagħti dettalji dwar l-osservazzjonijiet dwar l-indikaturi komuni tar-riżultati li saru matul l-implimentazzjoni tal-programm.

Matul l-implimentazzjoni, kien meħtieġ li jiġi analizzat kif il-miżuri tal-FEMS, u n-natura tal-operazzjonijiet appoġġati taħt kull miżura, għenu sabiex jintlaħqu l-objettivi tal-PKS. Għal dan, ġew żviluppati metodi ad hoc f’workshops u bl-użu ta’ għarfien espert tekniku. Id-disponibbiltà ta’ data dettaljata dwar il‑livell ta’ operazzjoni ffaċilitat din l-analiżi. Pereżempju, instab li l-operazzjonijiet implimentati taħt 11-il miżura tal-FEMS (eż. innovazzjoni skont l-Artikolu 47, investiment produttiv fl-akkwakultura skont il-punti (a) sa (d) u (f) sa (h) tal-Artikolu 48(1), u l-akkwakultura li tipprovdi servizzi ambjentali skont l-Artikolu 54) għenu sabiex jintlaħaq l-objettiv tal-PKS li tippromwovi l-iżvilupp ta’ attivitajiet tal-akkwakultura sostenibbli. Dan it-tip ta’ analiżi wera l-valur ċar li jkun hemm informazzjoni dettaljata dwar kull operazzjoni.

Eżempju: rabta bejn il-prijoritajiet tal-UE, l-objettivi speċifiċi, il-miżuri u l-indikaturi tar-riżultati

Il-prijorità 1 tal-UE (il-promozzjoni ta’ sajd ambjentalment sostenibbli, effiċjenti fir-riżorsi, innovattiv, kompetittiv u bbażat fuq l-għarfien) għandha sitt objettivi speċifiċi.

Kull objettiv speċifiku għandu sensiela korrispondenti ta’ miżuri. Pereżempju, il-waqfien permanenti tal-attivitajiet tas-sajd u l-appoġġ għas-sistemi ta’ allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd huma miżuri (l-Artikoli 34 u 36 tar-Regolament FEMS rispettivament) li jikkontribwixxu għall-ilħuq tal-objettiv speċifiku 3 (l-iżgurar ta’ bilanċ bejn il-kapaċità tas-sajd u l-opportunitajiet disponibbli tas-sajd), skont il-prijorità 1 tal-UE.

L-indikaturi komuni tar-riżultati li ġejjin japplikaw għall-objettiv speċifiku 3: indikatur tar-riżultat 1.3 (bidla fil-profitti netti) u indikatur tar-riżultat 1.6 (bidla fil-perċentwal ta’ flotot żbilanċjati).

Il-mod kif tiġi pprovduta d-data dwar il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni jsegwi l-istruttura tal-loġika ta’ intervent deskritta. Id-data hija pprovduta fi tliet formati prinċipali:

·data kumulattiva dwar l-operazzjonijiet (Infosys) sottomessa fl-aħħar ta’ Marzu ta’ kull sena;

·rapporti ta’ implimentazzjoni annwali (AIRs), sottomessi fl-aħħar ta’ Mejju ta’ kull sena; u

·evalwazzjonijiet imwettqa qabel, matul u wara l-perjodu ta’ programmazzjoni.

Din id-data tikkontribwixxi għall-ġabra ta’ indikaturi komuni tar-riżultati li jservu bħala illustraturi ewlenin tal-kisbiet tal-FEMS.

2.2.Indikaturi komuni

B’mod ġenerali, l-indikaturi komuni tal-FEMS ipprovdew bażi tajba għall-monitoraġġ tal-progress fl-implimentazzjoni tiegħu. Il-valuri tagħhom jiġu rrapportati fuq il-Portal tad-Data Miftuħa li huwa aċċessibbli għall-pubbliku 22 . Hawn taħt insibu l-osservazzjonijiet magħmula dwar l-indikaturi.

·L-indikaturi tal-kuntest huma essenzjali għall-analiżi SWOT u għad-determinazzjoni tal-ħtiġijiet tal-Istati Membri. Madankollu, l-inklużjoni tagħhom fir-rapportar ma kellha l-ebda valur għall-monitoraġġ tal-progress.

·L-aktar indikatur affidabbli tal-output kien in-numru ta’ operazzjonijiet. Dan ipprovda s-sempliċità għall-programmazzjoni u r-rapportar, u jista’ jittejjeb ħafna billi jiġi kkombinat ma’ data oħra fil-livell operazzjonali.

·Xi indikaturi kienu kumplessi u diffiċli sabiex jintużaw fil-qasam minħabba nuqqas ta’ data, jew minħabba differenzi fil-ġbir tad-data bejn l-Istati Membri (pereżempju, bidliet kemm pożittivi kif ukoll negattivi fl-indikaturi – “bidla fil-qabdiet mhux mixtieqa” jew “bidla fl-effiċjenza fl-użu tal-fjuwil tal-qbid tal-ħut” – li jitqiesu bħala bidliet pożittivi).

·Xi indikaturi ma kinux kompletament adatti sabiex ikopru l-effett dirett fuq terminu medju tal-FEMS. Minflok, kienu mmirati aktar lejn il-qbid tal-effetti tal-PKS, indipendentement mill-FEMS (pereżempju “bidla f’qabdiet mhux mixtieqa” jew “bidla fil-kopertura taż-żoni protetti tal-baħar”).

·L-MAs evitaw indikaturi aktar kumplessi. Dawn l-indikaturi spiss ġew iddikjarati mhux applikabbli fil-livell tal-programm, jew sempliċiment ma ġewx irrapportati fil-livell ta’ operazzjonijiet uniċi.

·Diversi żbalji fir-rapportar seħħew ta’ spiss. Il-biċċa l-kbira tagħhom kienu minħabba l-interpretazzjoni ħażina tad-definizzjonijiet tal-indikaturi u prattiki differenti tal-ġbir ta’ data. Id-definizzjonijiet ġew iċċarati u mtejba matul il-perjodu ta’ implimentazzjoni billi d-dokument ta’ ħidma dwar id-definizzjonijiet tal-indikaturi ġie aġġornat regolarment 23 . Saru żbalji oħrajn minħabba n-nuqqas ta’ preċiżjoni fl-unitajiet tal-kejl, pereżempju “elf EUR” minflok sempliċiment EUR. Dawn l-iżbalji nstabu u ġew ikkoreġuti fir-rapportar u fl-ipprogrammar u billi ġew ipprovduti definizzjonijiet riveduti sabiex jittejjeb l-użu tad-definizzjoni.

·L-Istati Membri kellhom l-għażla li jirrapportaw indikaturi tar-riżultati speċifiċi għall-programm. Il-valur tagħhom barra mir-rapportar għall-Istat Membru kkonċernat kien limitat, peress li ma setgħux jiġu aggregati fil-livell tal-UE.

·Fil-prattika, instab li l-indikaturi komuni tar-riżultati li huma definiti u maħsuba għall-użu taħt ċerti miżuri biss setgħu kienu adatti bl-istess mod sabiex jintużaw taħt miżuri oħrajn. L-esperjenza matul l-implimentazzjoni wriet li struttura aktar flessibbli kienet taħdem aħjar.

Eżempju: tliet indikaturi komuni tar-riżultati tal-FEMS, li jirrappreżentaw il-kisbiet tal-fond mill-2014 sal-2020

1.In-numru ta’ operazzjonijiet iffinanzjati mill-FEMS li jimplimentaw is-sistema ta’ kontroll, ta’ spezzjonijiet u ta’ infurzar tal-UE:

ippjanati, skont il-programmi tal-Istati Membri: 954 operazzjoni

implimentati, skont l-AIRs tal-Istati Membri: 615-il operazzjoni.

2.In-numru ta’ negozji ġodda maħluqa minn inizjattivi ta’ żvilupp lokali mmexxija mill-komunità ffinanzjati taħt il-FEMS:

ippjanati, skont il-programmi tal-Istati Membri: 750 negozju

implimentati, skont l-AIRs tal-Istati Membri: 486 negozju.

3.L-impjiegi miżmuma fis-settur tas-sajd bis-saħħa tal-appoġġ tal-FEMS, imkejla f’unitajiet ekwivalenti għall-full-time (FTE):

ippjanati, skont il-programmi tal-Istati Membri: 22 473 FTE

implimentati, skont l-AIRs tal-Istati Membri: 17 985 FTE

2.3.Data kumulattiva dwar l-operazzjonijiet (Infosys)

Fil-perjodu bejn l-2014 u l-2020, ġie introdott rapportar skont l-Artikolu 97(1) tar-Regolament FEMS. Dan wassal għall-produzzjoni ta’ data ferm superjuri għad-data disponibbli għall-Fond Ewropew għas-Sajd (FES) fil-perjodu preċedenti (bejn l-2007 u l-2014). Madankollu, għadda xi żmien sabiex jiġu stabbiliti sistemi f’kull Stat Membru li kienu kompatibbli u affidabbli biżżejjed sabiex jaggregaw id-data, pereżempju billi jidentifikaw u jeliminaw żbalji tal-unità bħar-rapportar ta’ “EUR” minflok “elf EUR”. L-unità ta’ appoġġ tal-FAME żviluppat diversi dokumenti ta’ ħidma u għodod ta’ appoġġ tal-IT sabiex tgħin fl-istabbiliment tas-sistemi. L-għodod tfasslu sabiex inaqqsu l-iżbalji fir-rapportar u jqassru ż-żmien meħtieġ sabiex tiġi limitata u ffinalizzata d-data qabel ma din tkun tista’ tintuża għall-analiżi.

Infosys tipprovdi mod strutturat tajjeb, komuni u konsistenti ta’ reġistrazzjoni tad-data. Dan jagħmilha possibbli li l-Infosys tintuża għall-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u l-valutazzjoni komparattiva tal-progress fil-livell tal-Istati Membri. Fil-livell aggregat tal-UE, din saret għodda imprezzabbli sabiex tiġi pprovduta data affidabbli għar-rapportar u t-teħid ta’ deċiżjonijiet.

X’tista’ tgħidilna l-Infosys dwar proġett?

Id-data rreġistrata fil-livell ta’ operazzjoni tgħin lill-Kummissjoni tifhem l-istorja warajha. Pereżempju, intrapriża tas-sajd minn Almería (Spanja) li topera bħala mikrointrapriża timplimenta operazzjoni tal‑FEMS relatata mad-diversifikazzjoni u ma’ forom ġodda ta’ introjtu billi tiżviluppa turiżmu tas-sajd bil-qasba minn fuq il-bastiment tagħha. Il-bastiment jista’ jiġi identifikat min-numru tar-reġistru tal-flotta tas-sajd, li jirrelata ma’ informazzjoni dwar id-daqs tal-bastiment, is-saħħa tal-magna, il-klassi u l-irkapti tas-sajd ewlenin.

Id-dati tal-bidu u tat-tmiem tal-operazzjoni huma pprovduti. Il-kost totali tal-operazzjoni u d-dettalji tal-finanzjament huma pprovduti. Pereżempju, nofs il-finanzjament jiġi mill-baġit tal-FEMS u l-bqija huwa taħlita ta’ finanzjament mill-gvern u mill-privat.

Il-kodiċi tan-Nomenklatura tal-Unitajiet Territorjali għall-Istatistika (NUTS) għan-negozju huwa pprovdut, filwaqt li tiġi indikata ż-żona lokali li tkopri l-operazzjoni. Id-data tista’ turi wkoll ir-rilevanza tal-operazzjoni għall-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri fis-settur tas-sajd.

L-operazzjoni hija implimentata skont l-Artikolu 30 (“Diversifikazzjoni u forom ġodda ta’ introjtu”) tar-Regolament FEMS. Ir-riżultat jitkejjel mill-indikatur komuni “bidla fil-profitti netti”.

L-Artikolu 97 tar-Regolament FEMS jirrikjedi li l-MAs jipprovdu lill-Kummissjoni b’data kumulattiva dwar l-operazzjonijiet magħżula għall-finanzjament. Id-data, ipprovduta fl-aħħar ta’ Marzu ta’ kull sena, tkopri l-implimentazzjoni sa tmiem is-sena kalendarja preċedenti. Bħas-sistemi ta’ rapportar ta’ strumenti ta’ finanzjament preċedenti (l-Istrument Finanzjarju għall-Gwida tas-Sajd u l-FES), din is-sistema ta’ rapportar hija magħrufa b’mod komuni bħala Infosys.

Il-livell ta’ dettall ipprovdut fil-livell tal-operazzjoni permezz tar-rapportar tal-Infosys huwa uniku għall-FEMS. Żewġ Regolamenti ta’ Implimentazzjoni 24 jipprovdu dettalji dwar l-istruttura tad-data u tal-bażi ta’ data meħtieġa. Id-data tiddeskrivi l-progress u l-kisbiet fil-livell tal-operazzjoni billi tkopri dak li jkun qiegħed iseħħ fil-prattika. Id-data tinkludi informazzjoni importanti dwar il-benefiċjarju (eż. id-daqs tan-negozju jew il-ġeneru) u l-operazzjoni (it-tip ta’ attivitajiet, il-baġit, in-numru ta’ sajjieda kkonċernati, l-erja totali kkonċernata, eċċ.). Sabiex jiġi limitat il-piż amministrattiv fuq l-MAs u l-benefiċjarji, il-biċċa l-kbira tad-data tal-Infosys tiġi minn informazzjoni diġà maħżuna f’bażijiet ta’ data nazzjonali stabbiliti sabiex jikkonformaw mar-rekwiżiti tar-reġistrazzjoni u l-ħżin tad-data għal operazzjonijiet individwali.

2.4.AIRs

Skont l-Artikolu 114 tar-Regolament FEMS u l-Artikolu 50 tar-Regolament dwar id-Dispożizzjonijiet Komuni (RDK), irid jiġi trażmess AIR għal kull programm lill-Kummissjoni sal-31 ta’ Mejju ta’ kull sena. L-AIRs jiġbru fil-qosor il-kisbiet ewlenin u l-isfidi fl-implimentazzjoni tal-POs. Bħal Infosys, l-AIRs ikopru l-implimentazzjoni sa tmiem is-sena kalendarja preċedenti. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri jużaw il-ħarsa ġenerali lejn l-implimentazzjoni li jipprovdu l-AIRs sabiex jirrieżaminaw il-kisbiet u jagħmlu aġġustamenti fejn meħtieġ.

L-AIRs jipprovdu żewġ tipi ta’ informazzjoni: informazzjoni kwalitattiva li tiddeskrivi l-kisbiet u l-isfidi ewlenin, u informazzjoni kwantitattiva li jkun fiha data aggregata f’forma ta’ tabella. Dawn fihom ukoll allokazzjoni finanzjarja indikattiva fil-livell tal-kejl.

L-AIRs huma sorsi siewja ta’ informazzjoni, b’mod partikolari dwar in-narrattiva ta’ kif l-implimentazzjoni tal-programm żviluppat matul il-perjodu ta’ programmazzjoni, x’kien ta’ suċċess, u fejn hemm diffikultajiet u sfidi.

L-informazzjoni f’AIR tikkonċerna l-implimentazzjoni fl-aħħar ta’ Diċembru tas-sena preċedenti. Meta wieħed iqis iż-żmien meħtieġ sabiex jitħejja r-rapport u sabiex dan jiġi sottomess u aċċettat u sabiex issir kwalunkwe reviżjoni meħtieġa, id-data fir-rapport normalment tkun antika madwar disa’ xhur fiż-żmien tal-pubblikazzjoni.

Id-data tal-AIR tintuża wkoll sabiex tinġabar data fil-livell tal-Fondi SIE, u ssir disponibbli għall-pubbliku fuq il-Portal tad-Data Miftuħa 25 . Infosys, min-naħa l-oħra, tintuża għal analiżi aktar teknika u dettaljata. Il-fatt li jkun hemm żewġ flussi separati ta’ rapportar għal data kwantitattiva għamel l-analiżi aktar kumplessa. Dan minħabba li s-settijiet ta’ data li jirriżultaw jeħtieġ li jitqabblu sabiex jiġu identifikati d-differenzi u l-iżbalji.

X’jindika AIR dwar l-implimentazzjoni?

L-AIRs jipprovdu informazzjoni dwar kwistjonijiet li jaffettwaw l-implimentazzjoni u l-prestazzjoni tal-programm billi jiddeskrivu l-ambjent ekonomiku u legali nazzjonali. Din hija informazzjoni importanti sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tfassal osservazzjonijiet u taħdem mal-Istati Membri dwar l-isfidi speċifiċi tagħhom sabiex itejbu l-implimentazzjoni. Ir-rapporti jipprovdu dettalji ta’ appoġġ għas-sajd kostali fuq skala żgħira, pereżempju s-sostituzzjoni jew il-modernizzazzjoni ta’ magni ewlenin jew anċillari.

L-AIRs jiddeskrivu wkoll attivitajiet li huma parti mill-pjan ta’ evalwazzjoni tal-programm, u jiġbru fil-qosor l-evalwazzjonijiet imwettqa. Ir-rapporti tal-2017 u l-2019 inkludew taqsimiet speċjali li jipprovdu informazzjoni addizzjonali dwar l-appoġġ għall-objettivi tat-tibdil fil-klima u tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv.

2.5.Evalwazzjonijiet

L-Istati Membri wettqu evalwazzjonijiet ex ante 26 bħala bażi għat-tfassil tal-programm. Dawn l-evalwazzjonijiet ġew sottomessi lill-Kummissjoni flimkien mal-POs. Il-Kummissjoni fasslet sinteżi tal-evalwazzjonijiet ex ante 27 . Din is-sinteżi wriet li l-benefiċċju ewlieni tal-evalwazzjoni ex ante kien l-appoġġ li pprovdiet fit-twettiq tal-analiżijiet SWOT, fl-identifikazzjoni tal-ħtiġijiet ta’ intervent speċifiċi tal-programmi, u fil-kwantifikazzjoni tal-miri tal-indikaturi.

Kull programm jinkludi wkoll pjan ta’ evalwazzjoni sabiex jiġu żgurati evalwazzjonijiet regolari u segwitu xieraq. L-evalwazzjonijiet għandhom jivvalutaw l-effettività, l-effiċjenza u l-impatt tal-FEMS 28 . Mill-anqas darba matul il-perjodu ta’ programmazzjoni, evalwazzjoni għandha tivvaluta kif l-appoġġ tal-FEMS għen sabiex jintlaħqu l-objettivi għal kull prijorità tal-UE. Dawn l-evalwazzjonijiet se jikkontribwixxu għall-evalwazzjoni ex post tal-FEMS, li għandha ssir sa tmiem l-2024 29 .

L-aktar tip frekwenti ta’ evalwazzjoni mwettqa mill-Istati Membri huma l-evalwazzjonijiet tal-proċessi u tal-proċeduri. Il-biċċa l-kbira ta’ dawn kienu strutturati sabiex jevalwaw l-effettività u l-effiċjenza tal-proċessi fil-livell tal-PO, permezz ta’ objettiv u miżura speċifiċi. Eżempji ta’ evalwazzjonijiet speċifiċi mwettqa jinkludu:

·evalwazzjoni tal-implimentazzjoni tal-iżvilupp lokali mmexxi mill-komunità;

·analiżi tal-kostijiet imqabbla mal-benefiċċji ta’ skema ta’ dekummissjonar;

·evalwazzjoni ta’ skema ta’ V-notching tal-awwista;

·evalwazzjoni ta’ skema tas-sajd sostenibbli;

·evalwazzjoni tas-sistemi tal-akkwakultura li jiċċirkolaw mill-ġdid;

·valutazzjoni tal-impatt tas-setturi tal-ekonomija blu; u

·valutazzjoni ex ante tal-użu tal-istrumenti finanzjarji.

Skont l-informazzjoni dwar l-evalwazzjonijiet ipprovduti fl-AIRs, ġew identifikati tliet eżiti ewlenin:

·l-emendi tal-PO f’konformità mal-osservazzjonijiet magħmulin fl-evalwazzjonijiet, l-aktar għar-riallokazzjoni tal-finanzjament minn miżuri li attiraw inqas interess għal miżuri f’domanda akbar;

·is-simplifikazzjoni u l-aġġustament tar-regoli u l-proċeduri nazzjonali; u

·l-iżvilupp ta’ ideat u ta’ strutturi ta’ programmi abbozzati għall-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura (FEMSA).

Is-sinteżi tal-evalwazzjoni tal-AIRs u l-appoġġ għall-evalwazzjoni u l-workshops għall-bini tal-kapaċità 30 tal-unità tal-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tas-sajd u tal-akkwakultura (FAME) urew li l-kwalità u l-firxa tal-evalwazzjonijiet varjaw b’mod sinifikanti fl-Istati Membri. Il-kwalità u l-firxa tal-evalwazzjonijiet kienu jiddependu ħafna fuq:

·l-organizzazzjoni tal-MAs u l-effettività tagħhom fis-sorveljanza tal-programm nazzjonali;

·il-livell ta’ għarfien espert tal-esperti kkuntrattati; u

·l-grad ta’ tħejjija u ta’ għarfien espert applikat:

ogħad-definizzjoni tat-termini ta’ referenza għal evalwazzjoni;

ogħall-abbozzar ta’ mistoqsijiet ta’ evalwazzjoni xierqa; u

ogħall-ispeċifikazzjoni tal-kriterji tal-għażla għall-offerti għal evalwazzjonijiet.

L-Istati Membri rrapportaw diffikultajiet fid-deċiżjoni dwar in-numru u l-ambitu tal-mistoqsijiet ta’ evalwazzjoni, li rriżultaw f’evalwazzjoni li tista’ tkun jew ġenerali wisq jew iffokata wisq fuq suġġett speċifiku, skont il-ħin u l-baġit disponibbli.

Eżempji ta’ evalwazzjonijiet li jivvalutaw il-prestazzjoni u l-implimentazzjoni

Fl-2020, Stat Membru wettaq evalwazzjoni tal-prestazzjoni u evalwazzjoni tal-proċess ta’ implimentazzjoni. L-evalwazzjoni tal-prestazzjoni ffokat fuq kemm kienu effettivi l-miżuri tal-FEMS fl-ilħuq tal-objettivi u l-miri speċifiċi tal-PO. L-evalwazzjoni tal-proċess ta’ implimentazzjoni vvalutat l-effettività u l-effiċjenza tal-mekkaniżmu ta’ twassil tal-appoġġ tal-FEMS, billi vvalutat l-istrutturi ta’ ġestjoni u l-metodi ta’ implimentazzjoni.

Abbażi tal-evalwazzjonijiet, l-Istat Membru ddeċieda li jżomm il-miri għall-implimentazzjoni tal-programm taħt rieżami, u li jalloka mill-ġdid il-fondi minn miżuri li x’aktarx ma jonfqux l-allokazzjoni sħiħa tagħhom għal miżuri b’domanda akbar. Ir-rakkomandazzjonijiet sussegwenti ssuġġerew is-simplifikazzjoni tan-numru ta’ interventi sabiex l-amministrazzjoni ssir aktar effiċjenti u tiġi pprovduta aktar ċarezza għall-applikanti. Huma ssuġġerew ukoll it-titjib tas-sistema tal-IT u s-simplifikazzjoni tal-proċeduri ta’ ġestjoni tal-programmi, speċjalment l-iffaċilitar tal-ipproċessar tal-għotjiet online.

2.6.Qafas tal-prestazzjoni

L-Artikoli 21 u 22 tal-RDK jipprovdu l-bażi għall-qafas tal-prestazzjoni u l-applikazzjoni tiegħu għar-rieżami tal-programmi. Ir-rieżami tal-prestazzjoni eżamina l-ilħuq tal-istadji importanti tal-programmi fil-livell tal-prijoritajiet tal-UE, bl-użu tal-informazzjoni ppreżentata fl-AIRs sottomessi mill-Istati Membri fl-2019.

Għal kull programm tal-FEMS, il-Kummissjoni adottat deċiżjonijiet dwar il-prijoritajiet tal-UE li kienu laħqu l-istadji importanti tagħhom (indikaturi finanzjarji u tal-output). Ir-riżerva tal-prestazzjoni (jiġifieri 5 % sa 7 % tal-allokazzjoni għal kull prijorità, kif deċiż mill-Istat Membru inkwistjoni) ġiet allokata għal dawn il-prijoritajiet. Ir-riżerva tal-prestazzjoni għall-prijoritajiet li ma kinux laħqu l-istadji importanti tagħhom ġiet allokata mill-ġdid għal prijoritajiet li kienu għamlu dan.

Il-qafas tal-prestazzjoni, b’mod partikolari r-rieżami tal-programmi, l-analiżi meħtieġa u l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet. Ir-rieżami pprovda inċentiv sabiex tittejjeb l-implimentazzjoni, iżda l-inċentiv ma kienx b’saħħtu ħafna. Il-konsegwenza ta’ prestazzjoni insuffiċjenti kienet it-trasferiment obbligatorju ta’ fondi minn prijorità waħda tal-UE għal oħra. Dan jikkorrespondi mal-azzjoni loġika tal-MA li ttejjeb l-implimentazzjoni f’ċirkostanzi normali, anke mingħajr ir-rieżami.

3.Qafas ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni tal-FEMSA

Il-qafas ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni (MEF) tal-FEMSA ġie stabbilit bħala parti mill-qafas tal-prestazzjoni tal-baġit tal-UE 31 . Dan il-qafas tal-prestazzjoni jinkludi kunċetti bħal indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni, rapportar armonizzat u ttrekkjar tan-nefqa għal aspetti orizzontali bħall-klima u l-ambjent. Għalhekk, kull fond għandu qafas imfassal apposta. L-MEF tal-FEMSA huwa bbażat fuq l-esperjenza miksuba matul l-implimentazzjoni tal-FEMS, kif deskritt fit-Taqsima 2. It-taqsima attwali tiddeskrivi fil-qosor in-novitajiet tal-MEF. Id-dettalji sħaħ se jiġu ppubblikati f’dokument ta’ ħidma li se jsir disponibbli fuq il-paġna tal-FEMSA tas-sit web tad-DĠ MARE 32 .

Il-loġika ta’ intervent tal-FEMSA hija aktar flessibbli minn dik tal-FEMS. Hemm inqas prijoritajiet u inqas objettivi speċifiċi u l-miżuri dettaljati u definiti sew tal-FEMS ma għadhomx jintużaw bħala għodda ta’ programmazzjoni u monitoraġġ. Minflok, l-Istati Membri għandhom il-libertà li jagħżlu u li jiddefinixxu miżuri mfassla apposta għall‑ħtiġijiet speċifiċi tagħhom.

L-Istati Membri għandhom ukoll il-libertà li jagħżlu l-aktar indikaturi tar-riżultat komuni xierqa sabiex ikejlu l-effetti tal-azzjoni tagħhom. L-indikaturi huma stabbiliti fir-Regolament FEMSA 33 u n-numru ta’ indikaturi tnaqqas minn 35 skont il-FEMS għal 22 (25 inklużi s-sottoindikaturi). Dawn ġew issimplifikati u deskritti b’mod li għandu jelimina ħafna mill-inċertezzi u mill-iżbalji relatati mal-indikaturi tal-FEMS.

Skont il-FEMSA, l-Istati Membri ma jissottomettux AIRs. Minflok, huma jirrapportaw data kwantitattiva aktar strutturata u aktar regolari, kif speċifikat fl-RDK 2021-2027 34 . Darbtejn fis-sena, din id-data kwantitattiva tiġi kkomplementata minn data ta’ implimentazzjoni fil-livell operazzjonali (Infosys). Il-laqgħat annwali ta’ rieżami tal-prestazzjoni bejn l-MA u l-Kummissjoni jipprovdu l-opportunità li jiġu indirizzati l-aspetti kwalitattivi tal-programm.

L-evalwazzjonijiet jibqgħu aspett ewlieni tal-qafas. L-Istati Membri jridu jevalwaw il-programmi tagħhom abbażi ta’ kriterju wieħed jew aktar milli ġejjin: l-effettività, l-effiċjenza, ir-rilevanza, il-koerenza u l-valur miżjud tal-Unjoni 35 . L-għan huwa li tittejjeb il-kwalità tat-tfassil u tal-implimentazzjoni tal-programmi. L-evalwazzjonijiet jistgħu jkopru wkoll kriterji rilevanti oħrajn bħall-inklużività, in-nondiskriminazzjoni u l-viżibbiltà. Il-qafas jipprevedi wkoll evalwazzjoni interim u finali tal-implimentazzjoni tal-FEMSA.

L-Artikolu 16 tal-RDK 2021-2027 jistabbilixxi l-qafas tal-prestazzjoni. Il-qafas jistabbilixxi l-istadji importanti u l-miri għall-indikaturi tal-output u tar-riżultati, u jirrelathom ma’ objettivi speċifiċi. Huwa jiffaċilita l-monitoraġġ, ir-rapportar u l-evalwazzjoni tal-prestazzjoni tal-Fond matul il-perjodu ta’ implimentazzjoni. Ir-Regolament FEMSA ma jipprevedix rieżami tal-prestazzjoni u allokazzjoni sussegwenti ta’ riżerva tal-prestazzjoni.

It- Table 1 tipprovdi ħarsa ġenerali lejn l-aktar differenzi sinifikanti bejn il-perjodu ta’ bejn l-2014 u l-2020 u l-perjodu ta’ bejn l-2021 u l-2027. B’mod ġenerali, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni bħala parti mill-qafas tal-FEMSA ġew issimplifikati u joffru konsistenza u flessibbiltà akbar mill-qafas tal-FEMS.

Tabella 1: Tqabbil tal-MEFs tal-FEMS u tal-FEMSA

Aspett

2014-2020 CMES (FEMS)

2021-2027 MEF (FEMSA)

Loġika ta’ intervent

Predefinita

Aktar flessibbli b’anqas restrizzjonijiet

Prijoritajiet

6

4

Objettivi speċifiċi

17

10

Miżuri

Predefiniti fir-Regolament FEMS

L-ebda miżura; L-Istati Membri jispeċifikaw it-tipi ta’ azzjoni tagħhom f’livell oġġettiv speċifiku (azzjoni ineliġibbli hija eskluża)

Indikaturi tal-kuntest

53

L-ebda wieħed

Indikaturi tar-riżultati

35 inklużi s-sottoindikaturi

25 inklużi s-sottoindikaturi

Indikaturi tal-output

28

1

Tipi ta’ operazzjoni

160

66

Rapportar kull sena

Darba

Data fil-livell operazzjonali: darbtejn; data finanzjarja: tliet darbiet

Pjan ta’ evalwazzjoni

Iva, parti mill-PO

Iva, dokument intern

Evalwazzjoni

Evalwazzjoni ex ante fl-2015 (l-Istati Membri), evalwazzjonijiet matul il-perjodu ta’ implimentazzjoni (l-Istati Membri), evalwazzjoni ex post fl-2024 (il-Kummissjoni)

Evalwazzjonijiet matul il-perjodu ta’ implimentazzjoni (l-Istati Membri), evalwazzjoni interim fl-2024 (il-Kummissjoni), evalwazzjoni tal-impatt fl-2029 (l-Istati Membri), evalwazzjoni ex post fl-2031 (il-Kummissjoni)

Qafas tal-prestazzjoni

Inkluż, iżda ma tingħata l-ebda gwida

Inkluż; L-Istati Membri rċevew dokument ta’ metodoloġija tal-qafas tal-prestazzjoni 36

Sors: FAME, 2021

4.Konklużjoni

Meta ġiet stabbilita s-CMES tal-FEMS fl-2014, hija tat rapportar komparabbli fil-livell tal-operat madwar l-Istati Membri għall-ewwel darba. Is-sistema kienet ibbażata fuq loġika ta’ intervent predefinita u fuq sett ta’ indikaturi komuni. L-istruttura riġida tagħha ħolqot xi diffikultajiet, pereżempju kwistjonijiet relatati mal-livell ta’ dettall li jiddeskrivu l-miżuri għall-implimentazzjoni tal-finanzjament, diversi interpretazzjonijiet tar-rekwiżiti u d-definizzjonijiet madwar l-Istati Membri, u skali differenti ta’ intervent meta mqabbla mal-Fondi SIE l-oħrajn. Il-Kummissjoni, bl-għajnuna tal-unità ta’ appoġġ tal-FAME, ħadmet kontinwament sabiex tindirizza dawn il-kwistjonijiet. Il-FAME pprovda wkoll l-appoġġ, l-analiżi u t-taħriġ meħtieġa kemm għall-Istati Membri kif ukoll għall-Kummissjoni. Il-workshops, id-dokumenti ta’ ħidma u l-appoġġ ad hoc kienu bbażati fuq l-esperjenza kollettiva u l-kapaċità tal-awtoritajiet ta’ ġestjoni armonizzati u mtejba ħafna sabiex jiġbru data dwar il-prestazzjoni tal-FEMS, jirrapportaw dwarha u jevalwawha. L-esperjenza miksuba fl-implimentazzjoni tal-FEMS kienet ċentrali fl-iżvilupp ta’ qafas aktar effiċjenti u ssimplifikat bi frekwenza akbar ta’ rapportar għall-perjodu ta’ bejn l-2021 u l-2027.

(1)    L-Artikolu 107 tar-Regolament (UE) Nru 508/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2328/2003, (KE) Nru 861/2006, (KE) Nru 1198/2006 u (KE) Nru 791/2007 u r-Regolament (UE) Nru 1255/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ir-“Regolament FEMS”).
(2)    Kif meħtieġ f’konformità mal-Artikolu 107(4) tar-Regolament FEMS. L-ewwel rapport ġie ppubblikat fl-2018 (COM(2018) 48 final).
(3)    Ir-Regolament (UE) 2021/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Lulju 2021 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura u li jemenda r-Regolament (UE) 2017/1004.
(4)     https://ec.europa.eu/oceans-and-fisheries/funding/fisheries-and-aquaculture-monitoring-and-evaluation-fame_mt
(5)    Elenkati fl-Artikolu 1 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 1014/2014.
(6)    L-Artikolu 18(1)(a) u l-Artikolu 116 tar-Regolament FEMS.
(7)    L-Artikolu 109 tar-Regolament FEMS. Il-lista ta’ indikaturi komuni hija stabbilita fl-Anness tar-Regolament (UE) Nru 1014/2014.
(8)    L-Artikolu 97(1)(a) tar-Regolament FEMS (Rapport tal-Infosys).
(9)    L-Artikolu 114 tar-Regolament FEMS, li jikkomplementa l-Artikolu 50 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (ir-“Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni” (RDK)).
(10)    L-Artikolu 115 tar-Regolament FEMS flimkien mal-Artikolu 56 tal-RDK.
(11)    L-Artikoli 115, 116 u 117 tar-Regolament FEMS flimkien mal-Artikoli 55, 56 u 57 tal-RDK.
(12)    L-Artikolu 21(1) tal-RDK.
(13)    COM(2018) 48 final.
(14)    Id-dokumenti minn dawn il-laqgħat u r-rapporti tagħhom huma disponibbli fuq https://ec.europa.eu/oceans-and-fisheries/funding/european-maritime-and-fisheries-fund-emff_mt .
(15)    Aktar informazzjoni dwar il-FAME hija disponibbli fuq https://ec.europa.eu/oceans-and-fisheries/funding/fisheries-and-aquaculture-monitoring-and-evaluation-fame_mt .
(16)       https://ec.europa.eu/oceans-and-fisheries/funding/fisheries-and-aquaculture-monitoring-and-evaluation-fame_mt
(17)     https://ec.europa.eu/oceans-and-fisheries/funding/fisheries-and-aquaculture-monitoring-and-evaluation-fame_mt
(18)    L-Istati Membri kollha għajr il-Lussemburgu.
(19)     https://ec.europa.eu/info/funding-tenders/funding-opportunities/funding-programmes/overview-funding-programmes/european-structural-and-investment-funds_mt
(20)     https://ec.europa.eu/regional_policy/mt/policy/what/glossary/t/thematic-objectives
(21)      Ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1014/2014 tat-22 ta’ Lulju 2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 508/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2328/2003, (KE) Nru 861/2006, (KE) Nru 1198/2006 u (KE) Nru 791/2007 u r-Regolament (UE) Nru 1255/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-kontenut u l-kostruzzjoni ta’ sistema komuni ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni għall-operazzjonijiet finanzjati mill-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (ĠU L 283, 27.9.2014, p. 11).
(22)     https://cohesiondata.ec.europa.eu/  
(23)    FAME, Working paper on definitions of EMFF common indicators: https://ec.europa.eu/oceans-and-fisheries/funding/fisheries-and-aquaculture-monitoring-and-evaluation-fame_mt .
(24)    Ir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1242/2014 u (UE) Nru 1243/2014.
(25)     https://cohesiondata.ec.europa.eu/  
(26)    L-Artikolu 55 tal-RDK.
(27)     https://op.europa.eu/mt/publication-detail/-/publication/a47f1ad1-055d-11e7-8a35-01aa75ed71a1
(28)    L-Artikolu 115 tar-Regolament FEMS u l-Artikolu 56 tal-RDK.
(29)    L-Artikolu 57 tal-RDK.
(30)    Workshops sabiex jgħinu lill-awtoritajiet ta’ ġestjoni jtejbu l-kwalità u l-profondità tal-attivitajiet tagħhom. Pereżempju, għajnuna fit-tfassil ta’ mistoqsijiet speċifiċi u mmirati ta’ evalwazzjoni adattati għar-riżorsi u l-informazzjoni disponibbli għall-ħidma.
(31)    Deskritt f’COM(2021) 366 final.
(32)     https://ec.europa.eu/oceans-and-fisheries/funding/emfaf_mt  
(33)    Ir-Regolament (UE) 2021/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Lulju 2021 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura u li jemenda r-Regolament (UE) 2017/1004.
(34)    Ir-Regolament (UE) 2021/1060 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ġunju 2021 li jistipula dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew Plus, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura u r-regoli finanzjarji għalihom u għall-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni, il-Fond għas-Sigurtà Interna u l-Istrument għall-Appoġġ Finanzjarju għall-Ġestjoni tal-Fruntieri u l-Politika dwar il-Viżi.
(35)    L-Artikolu 44 tal-RDK 2021-2027.
(36)    Id-dokument ta’ ħidma dwar il-metodoloġija tal-qafas tal-prestazzjoni tqassam u ġie ppreżentat f’Ġunju tal-2021. L-għan tiegħu huwa li jiffaċilita l-approvazzjoni tal-programm, li jipprovdi mudell għal-loġika ta’ intervent tal-programmi tal-Istati Membri, u li jipprovdi bażi għall-għażla tal-indikaturi u li tispeċifika (u sussegwentement tirrevedi) l-istadji importanti, il-miri u l-istimi finanzjarji. Dawn l-aspetti jistgħu jipprovdu bażi sabiex il-pjan ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni jiġi abbozzat fi stadju aktar tard u sabiex il-programmi u l-partijiet ikkonċernati jingħataw gwida dwar il-ħżin tal-għarfien fl-organizzazzjonijiet tagħhom.