Brussell, 1.6.2022

COM(2022) 253 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

Lejn sajd aktar sostenibbli fl-UE: is-sitwazzjoni attwali u l-orjentazzjonijiet għall-2023

{SWD(2022) 157 final}


KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

Lejn sajd aktar sostenibbli fl-UE: is-sitwazzjoni attwali u l-orjentazzjonijiet għall-2023

1.Introduzzjoni

Din il-Komunikazzjoni tipprovdi aktar dettalji dwar l-istatus tas-sajd Ewropew u toffri orjentazzjonijiet għall-proposti u l-konsultazzjonijiet tal-Kummissjoni ma’ pajjiżi terzi dwar l-opportunitajiet tas-sajd (OS) għall-2023 li jkollhom l-għan li jkomplu jsaħħu l-irkupru ta’ xi stokkijiet u jżommu stokkijiet b’saħħithom fil-livell tar-rendiment massimu sostenibbli (MSY).

Is-sajd kompla jikber fis-sostenibbiltà b’mod ġenerali, bis-saħħa tal-isforzi li saru mis-settur mhux biss biex tkompli tittejjeb is-sitwazzjoni tal-istokkijiet, iżda wkoll biex l-istokkijiet sostenibbli jinżammu f’kundizzjoni tajba. Dan wassal biex aktar stokkijiet jinġiebu f’livelli sostenibbli, b’riżultati tajbin ħafna speċjalment fl-Atlantiku tal-Grigal.

Fuq livell internazzjonali, fl-2021 l-UE kompliet tkun mutur ewlieni għal aktar progress fl-organizzazzjonijiet reġjonali tal-ġestjoni tas-sajd (RFMOs). Madankollu, huma meħtieġa aktar sforzi, b’mod partikolari fil-Baħar Mediterran, fejn is-sitwazzjoni għadha ta’ tħassib u fil-Baltiku, li mar lura mit-titjib reċenti, minħabba pressjonijiet oħrajn fuq l-ambjent u l-ekosistemi tal-baħar.

Minn Frar ta’ din is-sena, l-aggressjoni militari tar-Russja kontra l-Ukrajna kellha impatt fuq is-sajd minn diversi perspettivi, speċjalment fil-Baħar l-Iswed. Is-sitwazzjoni tas-sigurtà li qed tevolvi fil-Baħar l-Iswed irriżultat fi tfixkil tal-attivitajiet tas-sajd, bi projbizzjoni temporanja tal-attivitajiet tas-sajd għal raġunijiet ta’ sigurtà fl-ilmijiet ta’ ċerti Stati Membri, bħall-ilmijiet Rumeni li jmissu mal-Ukrajna fid-Delta tad-Danubju, filwaqt li l-Istati Membri u pajjiżi riparji oħra fil-livell reġjonali ħarġu twissijiet ta’ sigurtà lis-settur. Barra minn hekk, l-aggressjoni militari tar-Russja wasslet għal tfixkil fil-flussi tal-kummerċ, għal impatt fuq l-għoti ta’ pariri xjentifiċi u fuq ċerti negozjati fil-livell internazzjonali, u għal żieda fil-prezzijiet tal-enerġija li teħtieġ l-użu ta’ miżuri ta’ kriżi tal-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura (FEMSA) biex jingħata appoġġ għat-tfixkil sinifikanti fis-suq fis-settur. Dan juri l-importanza ta’ reżiljenza akbar biex tiġi żgurata s-sigurtà tal-ikel fl-Ewropa, u li jintlaħqu l-objettivi tal-Patt Ekoloġiku, speċjalment permezz ta’ aktar innovazzjoni u tranżizzjoni enerġetika.

2.Il-progress fil-kisba ta’ sajd sostenibbli fl-UE

2.1.Ix-xejriet tal-bijomassa u l-pressjoni tas-sajd

Biex ikun żgurat li l-attivitajiet tas-sajd ikunu sostenibbli jeħtieġ li ma jinqabadx aktar ħut minn kemm jista’ jiġi riprodott kull sena. Stokk jinqabad b’mod sostenibbli fil-livell tal-MSY meta l-proporzjon bejn il-mortalità attwali mis-sajd (F) u l-mortalità mis-sajd fil-livell tal-MSY (FMSY) ikun 1 jew anqas.

Fl-2020, il-pressjoni ġenerali tas-sajd fl-ilmijiet tal-UE kompliet tonqos, u l-istatus tal-istokkijiet kompla jitjieb. Huwa partikolarment tajjeb li wieħed jara li, bis-saħħa tal-isforzi li saru mis-settur, fl-2020 il-proporzjon globali tal-mortalità mis-sajd għall-ewwel darba waqa’ taħt 1 fl-Atlantiku tal-Grigal. Madankollu, ċerti stokkijiet oħrajn għadhom qed jibqgħu jiġu mistada żżejjed u/jew lil hinn mil-limiti bijoloġiċi sikuri, u dan jitlob aktar progress biex jintlaħqu l-objettivi tal-Politika Komuni tas-Sajd (PKS). Fil-Baħar Baltiku, ix-xejra pożittiva f’dawn l-aħħar snin marret lura minħabba s-sitwazzjoni ambjentali ħażina u s-sajd eċċessiv fil-passat. Dan wassal għal telf ta’ ħabitat għal għadd ta’ stokkijiet ta’ ħut, għal tnaqqis fl-ammont ta’ ħut fil-baħar u għal daqsijiet iżgħar għall-bakkaljaw tal-Baltiku u issa wkoll għal stokkijiet Baltiċi oħrajn. Fil-Baħar Mediterran, għall-istokkijiet tal-UE u dawk kondiviżi, regolati taħt il-pjan pluriennali (MAP) tal-Mediterran tal-Punent (West Med) 1 u tal-Kummissjoni Ġenerali tas-Sajd għall-Mediterran (GFCM), ġew osservati passi fid-direzzjoni tal-objettiv tal-MSY, bi tnaqqis fil-proporzjon tal-mortalità mis-sajd taħt 2 għall-ewwel darba mill-2003.

2.2.Opportunitajiet tas-sajd stabbiliti għall-2022

L-OS stabbiliti għall-2022 huma pass importanti f’termini ta’ ġestjoni sostenibbli tas-sajd.

Fl-Atlantiku, fil-Baħar Baltiku u fis-Skagerrak/fil-Kattegat, l-OS huma prinċipalment iddefiniti bħala limiti ta’ qbid permezz ta’ qabdiet totali permissibbli (TACs).

F’dawk iż-żoni, għall-istokkijiet ġestiti biss mill-UE, il-limiti tal-qbid ġew stabbiliti f’konformità mal-MSY għall-istokkijiet kollha fejn dan il-proporzjon kien disponibbli, ħlief għall-aringa tal-Baltiku tal-Punent, fejn ittieħdu miżuri strinġenti oħrajn f’konformità mal-MAP tal-Baltiku. Ittieħdu wkoll miżuri protettivi addizzjonali għal stokkijiet f’sitwazzjoni diffiċli, bħall-bakkaljaw tal-Kattegat u l-bakkaljaw tal-Baltiku tal-Punent. B’mod ġenerali, l-Istati Membri Baltiċi u l-partijiet ikkonċernati jirrikonoxxu l-ħtieġa ta’ azzjoni biex jinbnew mill-ġdid l-istokkijiet kummerċjali importanti tal-ħut fil-Baħar Baltiku u qed jagħmlu l-parti tagħhom biex jilħqu dan l-objettiv.

Għall-istokkijiet kondiviżi mar-Renju Unit, iż-żewġ partijiet qablu dwar il-limiti tal-qbid, sal-iskadenza stabbilita mill-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni (TCA 2 ), f’konformità mal-MSY għall-biċċa l-kbira tal-istokkijiet fejn dan il-parir kien disponibbli. Għal 4 stokkijiet biss (fejn il-parir kien ta’ ebda qabdiet (0)) ittieħdet deċiżjoni differenti, biż-żewġ partijiet jaqblu dwar limitu ta’ qbid baxx li jkopri biss qabdiet inċidentali, biex jiġi evitat il-fgar tas-sajd demersali mħallat. Għal stokk wieħed, huma qablu fuq TAC żgħira li tippermetti li jkompli l-ġbir tad-data.

Fir-rigward tal-istokkijiet kondiviżi b’mod trilaterali man-Norveġja u r-Renju Unit, it-tliet partijiet qablu li jissoktaw bl-irkupru ulterjuri tal-bakkaljaw tal-Baħar tat-Tramuntana billi jkomplu bil-miżuri ta’ rimedju u billi jistabbilixxu t-TAC taħt il-parir xjentifiku għal diversi stokkijiet oħra li jinteraġixxu mal-bakkaljaw fis-sajd imħallat. It-TACs tal-aringa ġew stabbiliti taħt il-parir xjentifiku. L-uniku stokk ivvalutat tal-MSY kondiviż b’mod bilaterali man-Norveġja ġie stabbilit fil-livell tal-MSY.

Fir-rigward tal-istokkijiet tal-kavall, tal-istokkafixx u tal-aringa Atlantu-Skandjana, l-istati kostali 3 qablu li jistabbilixxu TACs ġenerali fil-livell tal-MSY. Id-diskussjonijiet dwar l-arranġamenti ta’ kondiviżjoni jinsabu fuq l-aġenda fl-2022, sabiex jiġi evitat li jseħħ sajd eċċessiv fin-nuqqas ta’ arranġamenti ta’ kondiviżjoni.

Fil-Baħar Mediterran u fil-Baħar l-Iswed, ikkaratterizzati minn sajd ta’ ħafna speċijiet u ħafna stokkijiet kondiviżi ma’ pajjiżi terzi, filwaqt li l-mortalità mis-sajd resqet lejn il-livell sostenibbli għal xi stokkijiet, b’sebgħa minnhom li laħqu l-Fmsy fl-2020, ħafna stokkijiet għadhom qed ikunu mistada ’l fuq mil-livelli sostenibbli. Jeħtieġ li l-isforzi vigorużi ta’ konservazzjoni jkomplu jilħqu l-objettiv tal-MSY sal-2025, b’mod partikolari bl-applikazzjoni tal-MAP tal-Punent tal-Mediterran u l-Istrateġija l-ġdida tal-GFCM għall-2030 4 . Fil-fatt, l-OS għall-2022 jimplimentaw pakkett sostanzjali ta’ miżuri adottati fl-2021 mill-GFCM.

Fid-dawl tal-għan tal-MAP tal-Punent tal-Mediterran li jinkiseb l-MSY għall-istokkijiet demersali kollha sa mhux aktar tard minn Jannar 2025, l-OS jistabbilixxu approċċ integrat u globali, li jibni fuq diversi għodod ta’ ġestjoni u jintroduċu mekkaniżmu ta’ inċentiv li jippermetti żieda fl-attività tas-sajd biex jiġi ppremjat l-użu ta’ rkaptu aktar selettiv u żoni tal-għeluq effiċjenti. L-Istati Membri huma mħeġġa jistabbilixxu miżuri biex jibbenefikaw minn dan il-mekkaniżmu. Barra minn hekk, il-Kunsill adotta l-limiti massimi ta’ qbid għall-aktar gambli tal-ilma fond mistada żżejjed u l-limiti massimi tal-isforz għall-bastimenti tas-sajd bil-konz.

Il-ħidma intensiva taħt il-GFCM, appoġġata mill-pożizzjoni konsistenti tal-UE fl-RFMOs wasslet għall-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet sinifikanti. Ġie miftiehem pjan ta’ ġestjoni fit-tul tal-GFCM għall-pelaġiċi żgħar fl-Adrijatiku biex jipprovdi rendimenti għoljin fit-tul konsistenti mal-MSY, b’limiti ta’ qbid imnaqqsa fl-2022 għall-inċova u s-sardin, u ffriżar tal-kapaċità għall-bastimenti tat-tkarkir pelaġiku u għall-bastimenti tas-sajd bit-tartarun tal-borża. Il-GFCM iddeċidiet ukoll li timplimenta pjan pluriennali rivoluzzjonarju għall-istokkijiet demersali fl-Adrijatiku billi stabbiliet limitu massimu tal-kapaċità kemm għall-bastimenti tat-tkarkir tal-qiegħ kif ukoll għal dawk bit-travu, biex tintlaħaq il-mira tal-MSY fl-2026 għall-istokkijiet ewlenin kollha. Hija adottat ukoll limiti ta’ ħsad għall-qroll aħmar, limitu fuq l-isforz tas-sajd għal-lampuki komuni fl-ilmijiet internazzjonali tal-Mediterran, għall-gambli tal-ilma fond fil-Baħar Jonju, fil-Baħar Levantin u fl-Istrett ta’ Sqallija, limiti ta’ qbid għall-paġella ħamra u ddeċidiet li tkompli l-miżuri biex tipproteġi s-sallura. Għall-ispeċijiet tal-Baħar l-Iswed, ġew stabbiliti TACs għall-barbun imperjali skont il-pjan tal-GFCM, u ġiet stabbilita kwota awtonoma għal-laċċa kaħla.

3.L-istat tal-flotta tal-UE

Il-PKS tkopri wkoll il-ġestjoni tad-daqs tal-flotot tas-sajd biex jiġi żgurat li l-kapaċità tal-qbid tagħhom tkun f’bilanċ mal-potenzjal produttiv tal-istokkijiet tal-ħut. Il-kapaċità tas-sajd żejda hija ekoloġikament u finanzjarjament mhux mixtieqa, peress li tpoġġi l-istokkijiet f’riskju ta’ sfruttament żejjed, twassal għall-ħruq tal-fjuwil mingħajr ebda skop tajjeb u tnaqqas il-profittabbiltà.

L-Istati Membri jeħtiġilhom iżommu l-flotot fil-limiti nazzjonali massimi tal-kapaċità tal-bastimenti (tunnellaġġ gross (TG)) u tal-qawwa tal-magna (kW). Huma jeħtiġilhom jaġixxu biex inaqqsu l-kapaċità tal-flotot li ma jkunux f’bilanċ billi jippreparaw rapporti annwali dwar is-sostenibbiltà bijoloġika u ekonomika tal-flotot, u fejn ikun hemm evidenza ta’ żbilanċ, iridu jippreżentaw pjanijiet ta’ azzjoni biex jirrimedjaw dan f’perjodu ċar ta’ żmien. Kwalunkwe kapaċità li tiġi rtirata b’għajnuna pubblika ma tistax tiġi ssostitwita.

Meta mqabbla mal-2020, l-għadd ta’ bastimenti, it-TG u l-qawwa tal-magna tnaqqsu ftit b’0,07 %, 0,1 % u 0,1 %, rispettivament. B’riżultat ta’ dan, f’Diċembru 2021, il-flotta rreġistrata tal-UE (inkluż dik attiva fir-reġjuni ultraperiferiċi) kienet tikkonsisti f’74 380 bastiment b’tunnellaġġ gross ta’ 1 320 362 GT u 5 304 015 kW.

L-Istati Membri jindikaw fir-rapportar tagħhom tal-2021 li qed iżommu flotot taħt il-limiti massimi, u b’hekk jirrispettaw ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 22 tar-Regolament 1380/2013. Madankollu, jeżisti tħassib serju dwar l-akkuratezza u l-affidabbiltà tad-dikjarazzjonijiet dwar il-qawwa tal-magna mill-Istati Membri kif ukoll dwar id-data li tirfed ir-rapporti nazzjonali u l-eżistenza jew l-akkuratezza tal-pjanijiet ta’ azzjoni tal-Istati Membri meħtieġa taħt l-Artikolu 22 tar-Regolament dwar il-PKS.

Ir-rapporti juru li hemm lakuni sinifikanti fl-għoti ta’ data bijoloġika fir-reġjuni ultraperiferiċi u fil-baċir tal-Mediterran tal-Lvant, u ta’ indikaturi ekonomiċi. Il-Bulgarija, Ċipru, Spanja, Franza, il-Greċja, L-Irlanda, l-Italja, Malta, il-Portugall u l-Iżvezja kollha kellhom segmenti b’50 bastiment jew aktar li għalihom ma kinitx disponibbli data bijoloġika jew ekonomika. Għal Ċipru, Franza, l-Irlanda u l-Iżvezja dan qabeż il-200 bastiment.

Fir-rigward tal-pjanijiet ta’ azzjoni, dawn mhux dejjem jidhru li huma suffiċjenti biex jindirizzaw l-iżbilanċi. Dan huwa ta’ tħassib partikolari fil-Baltiku fejn it-tnaqqis fl-OS aktarx li joħloq aktar żbilanċi u fil-Mediterran fejn l-istokkijiet jinqabdu 1,94 darbiet ir-rati tal-MSY u fejn l-inklużjoni ta’ miri aktar speċifiċi fil-pjan ta’ azzjoni tista’ tipprovdi bażi għall-użu sħiħ tal-FEMSA.

Peress li l-waqfien permanenti tal-attivitajiet tas-sajd huwa wieħed mill-għodod appoġġati mill-FEMSA għall-eliminazzjoni tal-kapaċità żejda strutturali tal-flotta, il-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri jallinjaw il-programmi tal-FEMSA li qed jitħejjew għall-2021–27 mal-politika tagħhom dwar il-ġestjoni tal-flotta.

B’mod parallel, il-Kummissjoni qed tikkuntattja lill-Istati Membri rilevanti u titlobhom jindirizzaw il-kwistjonijiet f’kull każ partikolari.

4.Il-prestazzjoni ekonomika

Wara bosta snin ta’ prezzijiet affordabbli, il-prezzijiet tal-fjuwil żdiedu drastikament minn Marzu 2022, u rduppjaw meta mqabbla mal-prezz medju fl-2021. Il-flotta tas-sajd tal-UE kienet qed tħallas madwar EUR 1,1–1,2 għal kull litru ta’ fjuwil f’nofs Marzu 2022.

Sakemm joħroġ ir-rapport mill-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (STECF) dwar il-prestazzjoni ekonomika tal-flotta tas-sajd tal-UE (mistenni f’Lulju 2022), l-istimi bikrija juru li jekk il-prezzijiet tal-enerġija jibqgħu fil-livell attwali, il-flotta tas-sajd tal-EU-27 titlef kumplessivament EUR 0,3 biljun fl-introjtu operatorju fl-2022.

Madankollu, l-impatti taż-żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija jvarjaw b’mod sinifikanti fost il-flotot tas-sajd u l-irkapti tas-sajd differenti tal-UE. Madwar 40 % tal-flotta fuq skala żgħira, 66 % tal-flotta fuq skala kbira u 87 % tal-flotta tal-ilmijiet imbiegħda ma jkunux profittabbli jekk il-prezzijiet tal-enerġija jibqgħu fil-livell attwali għall-bqija tal-2022. Is-segmenti tal-flotta li jużaw irkapti intensivi fl-użu tal-fjuwil bħat-tkarkir ikunu fost l-aktar affettwati.

Dawn l-istimi se jiġu indirizzati aktar fir-rapport tal-STECF ta’ Lulju, li se jikkontribwixxi għad-deċiżjonijiet dwar l-OS għall-2023.

Barra minn hekk, b’reazzjoni għall-kriżi, il-Kummissjoni ħadet azzjoni rapida fil-25 ta’ Marzu 2022 billi skattat il-mekkaniżmu ta’ kriżi tal-FEMSA, li jippermetti lill-Istati Membri jipprovdu appoġġ tal-FEMSA biex jindirizzaw it-tfixkil sinifikanti fis-suq ikkawżat mill-kriżi. Dan jista’ jiġi kkombinat mal-pakketti l-oħra ta’ kriżi disponibbli biex jittaffa l-impatt tal-kriżi, b’mod partikolari l-Qafas Temporanju ta’ għajnuna mill-Istat għall-Kriżijiet. Il-possibbiltà li jiġu riportati sa 10 % ta’ kwalunkwe kwota mhux użata għas-sena d-dieħla tibqa’ valida wkoll. Barra minn hekk, fit-13 ta’ April 2022, il-Kummissjoni pproponiet emenda leġiżlattiva għall-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (FEMS), li tippermetti miżuri addizzjonali għall-kriżijiet.

5.L-obbligu ta’ ħatt l-art

L-obbligu ta’ ħatt l-art għandu l-għan li jżid is-selettività u jnaqqas il-livelli ta’ qabdiet mhux mixtieqa, billi jiżgura li l-qabdiet kollha jinħattu l-art.

Il-parir mill-STECF u mill-ICES (il-Kunsill Internazzjonali għall-Esplorazzjoni tal-Baħar) jindika li l-livelli ta’ qabdiet mhux mixtieqa għadhom għoljin f’ħafna sajd demersali mħallat fl-ilmijiet tal-UE (bejn 20 % u 30 % fil-Baħar tat-Tramuntana l-Kbir, l-Ibħra Ċeltiki u l-Golf tal-Biskalja u l-Kosta Iberjana). Barra minn hekk, ir-rapporti mill-Istati Membribaqgħu jipprovdu biss informazzjoni limitata dwar l-impatti soċjoekonomiċi tal-obbligu ta’ ħatt l-art.

B’referenza għad-disa’ regolamenti delegati li jispeċifikaw id-dettalji tal-implimentazzjoni tal-obbligu ta’ ħatt l-art, l-STECF josserva li l-impatti ta’ tali eżenzjonijiet fuq il-mortalità mis-sajd ma humiex mifhuma tajjeb meta wieħed iqis il-livell ta’ rapportar ta’ qabdiet skartati taħt l-eżenzjonijiet. Għalhekk, fl-2023 il-Kummissjoni se taħdem mal-gruppi reġjonali tal-Istati Membri fuq rieżami tal-eżenzjonijiet kollha eżistenti għall-obbligu ta’ ħatt l-art.

Il-FEMS u l-FEMSA – b’rata għolja ta’ għajnuna pubblika – jipprovdu appoġġ għall-implimentazzjoni tal-obbligu ta’ ħatt l-art. F’dak il-kuntest, fl-2020 l-Istati Membri nefqu aktar minn EUR 86 miljun biex jappoġġaw miżuri relatati  mal-obbligu ta’ ħatt l-art, aktar minn kwalunkwe sena qabel. Filwaqt li l-appoġġ għall-miżuri tekniċi biex jgħinu fit-titjib tas-selettività kompla jikber, analiżi dettaljata turi wkoll li l-biċċa l-kbira tal-appoġġ finanzjarju kien iddedikat għar-riċerka li tappoġġa l-eżenzjonijiet u għat-titjib tas-sistema tal-IT li tiffaċilita użu aktar effettiv tal-kwoti. Għalkemm saru diversi proġetti u provi ta’ rkaptu innovattiv, f’ħafna każijiet l-użu mill-flotot ma huwiex mifrux daqskemm seta’ kien mistenni. L-STECF indika wkoll li l-Istati Membri dehru li ffukaw aktar fuq l-adozzjoni ta’ eżenzjonijiet milli fuq it-titjib tas-selettività.

Huwa għalhekk li l-Kummissjoni tkompli tħeġġeġ lill-Istati Membri biex jagħmlu użu aħjar mill-fondi biex jiżguraw aktar innovazzjoni u użu effettiv ta’ tagħmir u metodi tas-sajd aktar selettivi, biex itejbu l-kontrolli, u biex jiksbu xi valur minn qabdiet mhux mixtieqa (mingħajr ma joħolqu suq strutturat għal tali qabdiet).

Il-kontroll u l-infurzar tal-obbligu ta’ ħatt l-art għadhom problema. Is-sejbiet tal-awditi mnedija mill-Kummissjoni fl-2020 juru li l-Istati Membri awditjati ma adottawx il-miżuri meħtieġa biex jiżguraw kontroll u infurzar effettivi tal-obbligu ta’ ħatt l-art u rimi sinifikanti mhux dokumentat ta’ qabdiet mill-operaturi. Dan huwa kkorroborat minn rapporti oħrajn, inklużi tliet evalwazzjonijiet tal-konformità mill-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd (EFCA). Madankollu, l-STECF jindika l-progress fi proġetti pilota dwar sistemi ta’ Monitoraġġ Elettroniku mill-Istati Membri bħala pass pożittiv u innovattiv li se jgħin fl-implimentazzjoni effettiva tal-obbligu ta’ ħatt l-art. Minħabba l-importanza tal-monitoraġġ u l-infurzar tal-obbligu ta’ ħatt l-art għas-suċċess tal-PKS, fl-2021 il-Kummissjoni nediet proċeduri ta’ ksur kontra Spanja, Franza, il-Belġju, l-Irlanda u n-Netherlands talli naqsu milli jieħdu miżuri xierqa biex jiżguraw il-kontroll, l-infurzar u l-ispezzjoni tal-obbligu ta’ ħatt l-art u milli jiżguraw dokumentazzjoni dettaljata u preċiża tal-qabdiet. In-nuqqas ta’ teħid ta’ miżuri xierqa f’dawk iż-żoni għandu konsegwenzi fir-rigward tal-kwantitajiet potenzjalment kbar ta’ qabdiet mhux irrapportati jew irrapportati ħażin.

Il-Kummissjoni tkompli taħdem ukoll mal-koleġiżlaturi biex jintlaħaq ftehim dwar sistema ta’ kontroll tas-sajd riveduta 5 , b’mod partikolari biex tawtorizza l-użu ta’ għodod elettroniċi ta’ monitoraġġ mill-bogħod li huma l-aktar mezz effettiv u kosteffiċjenti għall-monitoraġġ tal-obbligu ta’ ħatt l-art. Il-ġbir u r-rapportar tad-data dwar il-qabdiet ukoll jibqgħu importanti għall-kwalità tal-parir xjentifiku u għaldaqstant għall-ilħuq tal-objettiv tal-MSY.

6.Il-messaġġi u l-orjentazzjonijiet ewlenin għall-proposti tal-opportunitajiet tas-sajd għall-2023

6.1. Passi ewlenin lejn l-istabbiliment tal-opportunitajiet tas-sajd li jmiss

Bħal fis-snin preċedenti, il-Kummissjoni se tibbaża l-proposti tagħha tal-OS għall-2023 fuq il-parir xjentifiku tal-ICES u tal-STECF, fuq id-deċiżjonijiet meħuda matul in-negozjati bilaterali ma’ pajjiżi terzi u d-deċiżjonijiet meħuda mill-RFMOs fl-2022 u fuq analiżi soċjoekonomika. Għalkemm il-parir xjentifiku jista’ jittardja għal xi stokkijiet, minħabba l-impatti tal-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja fuq l-attivitajiet tal-ICES, dan ma huwiex mistenni li jaffettwa ż-żmien tal-laqgħat rilevanti tal-Kunsill. Il-Kummissjoni se tkopri kemm jista’ jkun stokkijiet fil-proposti inizjali tagħha tal-OS.

Il-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri u lill-partijiet interessati biex jikkunsidraw il-parir xjentifiku hekk kif isir disponibbli għall-pubbliku. Il-partijiet ikkonċernati jistgħu wkoll jagħmlu r-rakkomandazzjonijiet permezz tal-Kunsilli Konsultattivi, l-awtoritajiet nazzjonali u individwalment.

Il-Kummissjoni se twettaq diversi konsultazzjonijiet mar-Renju Unit, man-Norveġja u ma’ Stati Kostali bejn Ottubru u Diċembru tal-2022, bil-għan li tikkonkludi fil-ħin l-eżitu fil-Kunsill AGRIFISH ta’ Diċembru.

Minbarra biex tistabbilixxi l-OS, matul is-sena l-Kummissjoni se taħdem biex tikseb progress fl-arranġamenti ta’ kondiviżjoni għal stokkijiet distribwiti b’mod wiesa’ ma’ pajjiżi terzi fejn bħalissa ma jeżistux arranġamenti bħal dawn, biex tiżgura l-isfruttament sostenibbli tal-istokkijiet kondiviżi.

6.2. L-istabbiliment ta’ opportunitajiet tas-sajd għal baċiri tal-baħar differenti

Għall-istokkijiet ġestiti biss mill-UE fil-Baħar Baltiku, fi Skagerrak/f’Kattegat u fl-ilmijiet tal-Lbiċ, il-Kummissjoni se tipproponi li tkompli żżomm/tnaqqas il-mortalità mis-sajd f’konformità mal-livell tal-MSY meta dan il-parir ikun disponibbli. Fejn il-pjanijiet ta’ ġestjoni jippermettu aktar flessibbiltà biex jiġu stabbiliti limiti tal-qbid, il-Kummissjoni tista’ tipproponi li tintuża l-medda superjuri tal-livelli tal-MSY għal stokkijiet b’saħħithom, bil-kundizzjoni li l-parir xjentifiku jqis li dan ikun meħtieġ biex jintlaħqu l-objettivi skont il-MAP għas-sajd imħallat. Għall-istokkijiet fejn il-parir xjentifiku jkun qabdiet żero jew fejn il-bijomassa tkun naqset tant li jkunu taħt limitu sikur, se jiġu proposti miżuri ta’ rimedju skont il-MAPs relevanti biex l-istokkijiet jinbnew mill-ġdid. Se tingħata aktar attenzjoni biex tinkiseb evalwazzjoni xjentifika sħiħa tal-MSY għal stokkijiet ewlenin oħra mill-aktar fis possibbli.

Fil-kuntest tal-obbligu ta’ ħatt l-art, il-kwoti de minimis jew ta’ kapaċità ta’ sopravivenza għolja se jitnaqqsu mill-parir tal-STECF fejn xieraq. Il-Kummissjoni se tevalwa wkoll il-progress tal-Istati Membri fl-implimentazzjoni tal-miżuri attwali għat-tnaqqis tal-qabdiet inċidentali.

Għall-istokkijiet kondiviżi ma’ pajjiżi terzi (ir-Renju Unit, in-Norveġja, l-Istati Kostali), l-għadd ta’ TACs stabbiliti f’konformità mal-parir xjentifiku żdied fl-2022, kemm għal stokkijiet b’parir dwar l-MSY kif ukoll għal dawk li jirċievu parir ta’ prekawzjoni. Għall-2023, l-UE se tibni fuq l-eżerċizzju tal-2022 u se tkompli taħdem għal TACs sostenibbli f’konformità mal-parir xjentifiku, kif previst mill-PKS u l-FKK. Il-Kummissjoni se tfittex li tibda l-konsultazzjonijiet, b’mod partikolari mar-Renju Unit u man-Norveġja, kmieni kemm jista’ jkun fil-ħarifa, soġġett għad-disponibbiltà tal-parir xjentifiku.

L-UE irsistiet ukoll biex jibdew il-konsultazzjonijiet dwar il-kondiviżjoni tal-kwoti għal 3 stokkijiet distribwiti b’mod wiesa’ (il-kavall, l-istokkafixx, l-aringa Norveġiża li tbid fir-rebbiegħa) kondiviżi ma’ stati kostali oħrajn. Għall-kavall, il-konsultazzjonijiet ilhom għaddejjin minn Marzu 2022, filwaqt li l-partijiet ikkonċernati qablu li l-konsultazzjonijiet dwar l-istokkafixx u l-aringa jenħtieġ li jitħaffu minn Settembru ’il quddiem. L-Unjoni talbet lill-partijiet kollha biex jippermettu kompromess sostenibbli li ma jipperikolax l-interessi leġittimi tal-Unjoni u tal-industrija tagħha.

Għall-Baħar Mediterran u l-Baħar l-Iswed, huwa essenzjali li l-Istati Membri jkomplu bl-isforzi tagħhom biex jiksbu l-objettivi tal-MAPs tal-Punent tal-Mediterran u tal-GFCM u biex jadottaw u jimplimentaw programmi operazzjonali ambizzjużi għall-FEMSA għall-iżvilupp ta’ miżuri ta’ akkumpanjament. Il-proposta tal-OS se jkollha l-għan li timplimenta aktar il-MAP tal-Punent tal-Mediterran, inkluż aktar tnaqqis u l-iżvilupp ta’ għodod ta’ ġestjoni biex jinkiseb l-MSY sa mhux aktar tard minn Jannar 2025 għall-istokkijiet kollha, abbażi ta’ approċċ olistiku fuq sentejn.

Filwaqt li l-implimentazzjoni tal-MAP tal-Punent tal-Mediterran ġiet evalwata kull sena mill-STECF mill-adozzjoni tiegħu, il-Kummissjoni se tniedi l-ħidma preparatorja biex sa Lulju 2024 tirrapporta dwar ir-riżultati u l-impatt tal-pjan fuq l-istokkijiet ikkonċernati, u dwar is-sajd li jisfrutta dawk l-istokkijiet, f’konformità mar-rekwiżit taħt il-MAP.

Lil hinn mill-implimentazzjoni tal-MAP tal-Punent tal-Mediterran, li huwa kruċjali għall-futur tal-flotot tal-Mediterran, il-ġestjoni tal-istokkijiet kondiviżi hija neċessarja wkoll biex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi bejn is-sajjieda kollha fil-Baħar Mediterran. Għalhekk, il-Kummissjoni, bl-appoġġ tal-Istati Membri, se tkompli tkun proattiva fil-GFCM. F’dak l-ispirtu, il-proposta tal-OS għall-2023 se tkopri wkoll miżuri tal-GFCM li jestendu lil dawk li diġà huma fis-seħħ u se tinkludi miżuri addizzjonali li għandhom jiġu adottati fis-sessjoni annwali ta’ Novembru tal-GFCM. Għall-ispeċijiet tal-Baħar l-Iswed, it-TACs u l-kwoti għall-barbun imperjali se jiġu proposti f’konformità mad-deċiżjoni tal-GFCM ta’ Novembru 2022.

Barra minn hekk, minħabba l-istat kritiku tal-istokk Ewropew tas-sallura, il-Kummissjoni qed tesplora kif tindirizza l-aħħar parir tal-ICES dwar qabdiet żero 6  u ssegwi l-progress tal-Istati Membri fl-implimentazzjoni tal-Pjanijiet ta’ Ġestjoni tas-Sallura u l-miżuri skont ir-Regolament dwar is-Sallura 7 .

Finalment, il-GFCM bħalissa qed taħdem fuq miżuri ta’ ġestjoni possibbli li għandhom jittieħdu, b’mod partikolari abbażi tar-riżultati ta’ programm ta’ riċerka li ntemm dan l-aħħar dwar is-sallura 8 . F’dan ir-rigward, se jiġi adottat parir dedikat dwar il-ġestjoni tas-sallura fil-Baħar Mediterran mill-korp xjentifiku tal-GFCM f’Ġunju. Dan se jinforma t-teħid ta’ deċiżjonijiet dwar approċċi possibbli ta’ ġestjoni fl-UE.

7.Konklużjoni

Fl-2021, is-sajd fl-UE kompla jikber fis-sostenibbiltà, bl-eċċezzjoni tal-Baħar Baltiku fejn xi stokkijiet kummerċjali li qabel kienu importanti qed jonqsu, l-aktar minħabba s-sitwazzjoni ambjentali ħażina fil-Baħar Baltiku. Jeħtieġu wkoll aktar sforzi, b’mod partikolari fil-Baħar Mediterran. Bil-proposti tagħha għall-OS għall-2023, il-Kummissjoni se timmira li tkompli taħdem għall-irkupru tal-istokkijiet u tikkonsolida l-istokkijiet li diġà jinsabu f’livelli sostenibbli.

Lil hinn mill-istat tar-riżorsi tas-sajd, trid tingħata attenzjoni wkoll lill-ekosistemi tal-baħar usa’. F’dak l-ispirtu, il-Kummissjoni qed tħejji Pjan ta’ Azzjoni għall-konservazzjoni tar-riżorsi tas-sajd u għall-protezzjoni tal-ekosistemi tal-baħar. Dan se jkollu l-għan li jkompli jipproteġi speċijiet u ħabitats sensittivi, b’miżuri appoġġati minn bażi ta’ għarfien imtejba, bit-titjib tas-sinerġiji bejn il-partijiet ikkonċernati tas-sajd u dawk ambjentali, u appoġġ lis-settur biex tiġi żgurata tranżizzjoni ġusta. Tali appoġġ se jibqa’ kruċjali fix-xhur u fis-snin li ġejjin biex tiġi żgurata r-reżiljenza tas-sajd b’mod partikolari fil-kuntest tal-aggressjoni militari tar-Russja kontra l-Ukrajna u l-kriżi ekoloġika u klimatika.

Il-Kummissjoni se tkompli tistudja l-implimentazzjoni tal-PKS f’rapport li għandu jiġi adottat sa tmiem is-sena.

Il-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri, lill-Kunsilli Konsultattivi, lill-partijiet ikkonċernati u lill-pubbliku jipprovdu rispons dwar din il-Komunikazzjoni sal-31 ta’ Awwissu 2022.



Skeda tax-xogħol ippjanata 9

Meta

Xiex

Mejju–Novembru 2022

Parir xjentifiku tal-ICES

Ġunju–l-aħħar ta’ Awwissu 2022

Konsultazzjoni pubblika dwar il-Komunikazzjoni

L-aħħar ta’ Awwissu 2022

Il-Kummissjoni tadotta l-proposta dwar l-OS għall-Baħar Baltiku

Settembru - Diċembru 2022

Konsultazzjonijiet annwali dwar l-OS mar-Renju Unit, mar-Renju Unit u man-Norveġja, u man-Norveġja

Nofs Settembru 2022

Il-Kummissjoni tadotta l-proposta dwar l-OS għall-Baħar Mediterran u l-Baħar l-Iswed

Ottubru 2022

Laqgħa tal-Kunsill dwar l-OS għall-Baħar Baltiku

Konsultazzjonijiet mal-Istati kostali dwar stokkijiet distribwiti b’mod wiesa’ fl-Atlantiku tal-Grigal

L-aħħar ta’ Ottubru 2022

Il-Kummissjoni tadotta l-proposta dwar l-OS għall-Atlantiku/għall-Baħar tat-Tramuntana

7-11 ta’ Novembru 2022

Sessjoni annwali tal-GFCM

2 ta’ Diċembru 2022

Il-valutazzjoni tal-istokk u l-parir dwar il-ġestjoni tal-STECF

Diċembru 2022

Laqgħa tal-Kunsill dwar l-OS għall-Atlantiku/għall-Baħar tat-Tramuntana

Laqgħa tal-Kunsill dwar l-OS għall-Baħar Mediterran u l-Baħar l-Iswed

(1)    Ir-Regolament (UE) 2019/1022 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 li jistabbilixxi pjan pluriennali għas-sajd li jisfrutta l-istokkijiet tal-ħut tal-qiegħ fil-Punent tal-Mediterran u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 508/2014 (ĠU L 172, 26.6.2019, p. 1).
(2) Il-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra, ST/5198/2021/INIT (ĠU L 149, 30.4.2021, p. 10–2539).
(3) L-Istati kostali fil-Grigal tal-Atlantiku għall-istokkijiet rilevanti huma l-Unjoni Ewropea, ir-Renju Unit, in-Norveġja, l-Iżlanda, il-Gżejjer Faeroe, Greenland u l-Federazzjoni Russa
(4)   https://www.fao.org/gfcm/2seas1vision/GFCM2030Strategy/es
(5) Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009, u li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 768/2005, (KE) Nru 1967/2006, (KE) Nru 1005/2008, u r-Regolament (UE) Nru 2016/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-kontroll tas-sajd (COM/2018/368 final, 30.5.2018).
(6)

 Parir tal-ICES tal-4 ta’ Novembru 2021: ele.2737.nea (ices.dk) : “L-ICES jagħti parir li, meta jiġi applikat l-approċċ ta’ prekawzjoni, għandu jkun hemm qabdiet żero fil-ħabitats kollha fl-2022”.

(7) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1100/2007 tat-18 ta’ Settembru 2007 li jistabbilixxi miżuri għall-irkupru tal-istokk tas-sallura Ewropea (ĠU L 248, 22.9.2007, p. 17–23).
(8)   https://www.fao.org/gfcm/technical-meetings/detail/en/c/1507967/
(9) Għall-istokkijiet ġestiti mill-RFMO fl-ilmijiet tal-UE u f’ċerti ilmijiet mhux tal-UE, l-OS jiġu adottati wara l-laqgħa annwali tal-RFMOs, permezz ta’ reviżjonijiet perjodiċi tar-regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Fos