Brussell, 25.5.2022

COM(2022) 249 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL























Lejn Direttiva dwar il-pieni kriminali għall-ksur tal-miżuri restrittivi tal-Unjoni


1.INTRODUZZJONI

1.1.Liġi tal-Unjoni dwar miżuri restrittivi

Il-miżuri restrittivi huma għodda essenzjali għall-promozzjoni tal-objettivi tal-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni (“PESK”), kif stabbilit fl-Artikolu 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (“TUE”). Dawn l-objettivi jinkludu s-salvagwardja tal-valuri tal-Unjoni, iż-żamma tal-paċi u s-sigurtà internazzjonali kif ukoll il-konsolidazzjoni u l-appoġġ tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem.

Għall-fini tal-preservazzjoni ta’ dawn il-valuri, l-Unjoni tista’ timponi miżuri restrittivi kontra pajjiżi terzi, entitajiet jew individwi. Dawn il-miżuri jinkludu miżuri individwali mmirati, jiġifieri l-iffriżar tal-assi u r-restrizzjonijiet fuq l-ammissjonijiet (projbizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar), kif ukoll miżuri settorjali, jiġifieri embargi fuq l-armi jew miżuri ekonomiċi u finanzjarji (eż. restrizzjonijiet fuq l-importazzjoni u l-esportazzjoni, restrizzjonijiet fuq il-forniment ta’ ċerti servizzi, bħas-servizzi bankarji) 1 . Bħalissa, l-Unjoni għandha aktar minn erbgħin reġim differenti ta’ miżuri restrittivi fis-seħħ u l-użu tagħhom intensifika fi żminijiet reċenti. Uħud minn dawn ir-reġimi jimplimentaw miżuri restrittivi mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti u f’xi każijiet jimponu restrizzjonijiet addizzjonali; oħrajn huma adottati b’mod awtonomu mill-Unjoni. Minbarra reġimi li jindirizzaw sitwazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż, l-Unjoni adottat ukoll reġimi orizzontali mmirati lejn il-proliferazzjoni u l-użu ta’ armi kimiċi, attakki ċibernetiċi, ksur tad-drittijiet tal-bniedem u terroriżmu 2 .

Il-preservazzjoni tal-paċi u s-sigurtà internazzjonali hija kritika fil-kuntest attwali tal-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja. L-Unjoni daħħlet fis-seħħ sensiela ta’ miżuri restrittivi kontra individwi u kumpaniji Russi u Belarussi, kif ukoll miżuri settorjali li wħud minnhom imorru lura għall-2014. F’dan il-kuntest, sabiex tissaħħaħ il-koordinazzjoni fil-livell tal-Unjoni fl-infurzar ta’ dawn il-miżuri restrittivi, il-Kummissjoni stabbiliet it-Task Force “Iffriżar u Sekwestru”, li fiha jipparteċipaw is-servizzi tal-Kummissjoni, ir-rappreżentanti tal-Istati Membri u l-aġenziji tal-Unjoni, bħall-Eurojust u l-Europol 3 . Minbarra li tiżgura l-koordinazzjoni fost l-Istati Membri, it-Task Force tfittex li tesplora l-interazzjoni bejn il-miżuri restrittivi u l-miżuri tad-dritt kriminali.

1.2.Bżonn li jissaħħaħ l-infurzar ta’ miżuri restrittivi permezz tad-dritt kriminali

L-implimentazzjoni u l-infurzar ta’ miżuri restrittivi huma primarjament ir-responsabbiltà tal-Istati Membri. L-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri jridu jivvalutaw jekk kienx hemm ksur tar-Regolament tal-Kunsill rilevanti u jieħdu passi adegwati. F’dan ir-rigward, ir-Regolamenti tal-Kunsill adottati skont l-Artikolu 215 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (“TFUE”) sistematikament jinkludu dispożizzjoni li tirrikjedi li l-Istati Membri jadottaw regoli nazzjonali li jipprevedu pieni effettivi, proporzjonati u dissważivi, li jridu jiġu applikati fil-każ ta’ ksur tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament rilevanti 4 . Dawn ir-Regolamenti ġeneralment jinkludu:

·il-miżuri restrittivi;

·il-klawżola kontra ċ-ċirkomvenzjoni, li tipprojbixxi l-għarfien u l-parteċipazzjoni intenzjonali f’attivitajiet li jfittxu li jaħarbu l-miżuri restrittivi ikkonċernati 5 ; u

·obbligi oħrajn, b’mod partikolari li jiġu rrappurtati l-passi meħuda għall-implimentazzjoni tal-miżuri restrittivi (eż. ir-rappurtar lill-awtoritajiet tal-ammont ta’ assi li ġew iffriżati).

Fin-nuqqas ta’ armonizzazzjoni fil-livell tal-Unjoni, is-sistemi nazzjonali jvarjaw b’mod sinifikanti fir-rigward tal-kriminalizzazzjoni tal-ksur tad-dritt tal-Unjoni dwar miżuri restrittivi (“miżuri restrittivi tal-Unjoni”). Fi 12-il Stat Membru, il-ksur tal-miżuri restrittivi tal-Unjoni huwa biss reat kriminali. Fi 13-il Stat Membru, il-ksur ta’ miżuri restrittivi tal-Unjoni jista’ jammonta għal reat amministrattiv jew kriminali 6 . Il-kriterji li jiddeterminaw jekk dan l-att ikunx reat amministrattiv jew kriminali normalment ikunu relatati mal-gravità tiegħu (natura gravi), jew iddeterminata f’termini kwalitattivi (intenzjoni, negliġenza gravi) jew kwantitattivi (dannu) 7 , iżda huma differenti f’kull Stat Membru. F’żewġ Stati Membri, ir-reat speċifiku ta’ ksur ta’ miżuri restrittivi tal-Unjoni bħalissa jista’ jwassal biss għal pieni amministrattivi 8 .

Is-sistemi tal-pieni jvarjaw b’mod sostanzjali wkoll bejn l-Istati Membri. Fir-rigward tas-sentenzi ta’ priġunerija, f’14-il Stat Membru, it-tul massimu tal-priġunerija huwa ta’ bejn sentejn u 5 snin. Fi tmien Stati Membri, huma possibbli sentenzi massimi ta’ bejn tmien snin u 12-il sena 9 . Il-multa massima li tista’ tiġi imposta għall-ksur tal-miżuri restrittivi tal-Unjoni – jew bħala reat kriminali jew bħala reat amministrattiv – tvarja ħafna minn Stat Membru għall-ieħor, b’firxa ta’ minn EUR 1 200 sa EUR 500 000 10 .

14-il Stat Membru jipprevedu r-responsabbiltà kriminali ta’ persuni ġuridiċi għall-ksur ta’ miżuri restrittivi tal-Unjoni 11 . Barra minn hekk, tnax-il Stat Membru jipprevedu pieni amministrattivi, b’mod partikolari multi, li jistgħu jiġu imposti fuq persuni ġuridiċi meta l-impjegati tagħhom jew il-maniġment tagħhom jiksru miżuri restrittivi. Il-multi massimi għall-persuni ġuridiċi jvarjaw minn EUR 133 000 sa EUR 37,5 miljun 12 .

Il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà pproponew li tissaħħaħ id-dispożizzjoni dwar il-pieni fir-Regolamenti tal-Kunsill 833/2014 u 269/2014 fil-qafas tas-sitt pakkett ta’ miżuri restrittivi b’reazzjoni għall-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna. Id-dispożizzjonijiet emendati jobbligaw lill-Istati Membri jistabbilixxu r-regoli dwar il-pieni, inklużi kif xieraq il-pieni kriminali, applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ dawn ir-regolamenti. Jeħtieġ li l-Istati Membri jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li dawn il-pieni jiġu implimentati u applikati kif suppost. Il-pieni jridu jkunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. L-Istati Membri jridu jipprevedu wkoll miżuri xierqa għall-konfiska tar-rikavat minn tali ksur. Miżuri restrittivi jiġu adottati abbażi tal-Artikolu 29 TUE u l-Artikolu 215 TFUE. Filwaqt li dawn id-dispożizzjonijiet iservu bħala bażi ġuridika biex l-Istati Membri jkunu obbligati jistabbilixxu l-pieni, inklużi pieni kriminali, l-ebda minnhom ma jistgħu jintużaw biex jiġu definiti t-tipi u l-livelli eżatti ta’ pieni kriminali. L-impatt limitat meta l-Istati Membri jkunu obbligati jkollhom pieni kriminali fis-seħħ, mingħajr ma jiġu approssimati d-definizzjonijiet u l-pieni kriminali b’Direttiva bbażata fuq l-Artikolu 83 TFUE, ifisser li l-Istati Membri xorta ma jkollhomx approċċ armonizzat għall-miżuri ta’ konfiska, fir-rigward tal-ksur ta’ miżuri restrittivi tal-Unjoni, u li l-miżuri ta’ ffriżar, ġestjoni u konfiska, kif previst fl-acquis attwali u futur tal-Unjoni dwar l-irkupru u l-konfiska tal-assi ma jkunux japplikaw għall-ksur ta’ miżuri restrittivi tal-Unjoni. Anki jekk f’bosta Stati Membri l-ksur tal-miżuri restrittivi tal-Unjoni diġà ġie kriminalizzat, id-differenzi fost l-Istati Membri jistgħu jwasslu għal approċċ frammentat f’każijiet transfruntieri.

F’dan l-isfond, il-Kummissjoni qed toħroġ proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar iż-żieda tal-ksur ta’ miżuri restrittivi tal-Unjoni fl-oqsma tal-kriminalità stabbiliti fl-Artikolu 83(1) TFUE 13 . Iż-żieda tal-ksur ta’ miżuri restrittivi tal-Unjoni fl-oqsma tal-kriminalità stabbiliti fl-Artikolu 83(1) TFUE tkun tippermetti lill-Kummissjoni, bħala t-tieni pass, li tipproponi immedjatament Direttiva skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja biex tiġi approssimata d-definizzjoni ta’ reati u pieni kriminali. Din l-approssimazzjoni ta’ definizzjonijiet u pieni kriminali għall-ksur ta’ miżuri restrittivi tal-Unjoni tkun tikkomplementa l-proposta tal-Kummissjoni għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, adottata llum ukoll, dwar l-irkupru u l-konfiska tal-assi 14 . Din il-proposta ssaħħaħ b’mod sinifikanti l-qafas attwali tal-UE għall-irkupru tal-assi, magħmul mid-Direttiva dwar il-Konfiska u d-Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-uffiċċji għall-irkupru tal-assi 15 .

Id-Direttiva proposta dwar l-irkupru u l-konfiska tal-assi tikkontribwixxi għall-applikazzjoni effettiva ta’ miżuri restrittivi tal-Unjoni b’żewġ modi. L-ewwel nett, dan jirrikjedi li l-Istati Membri jiftħu investigazzjonijiet ta’ traċċar u identifikazzjoni tal-assi meta jkun meħtieġ biex jipprevjenu, jidentifikaw jew jinvestigaw reati kriminali relatati mal-ksur ta’ miżuri restrittivi tal-Unjoni, u li jestendu l-mandat tal-uffiċċji għall-irkupru tal-assi biex jittraċċaw u jidentifikaw malajr il-proprjetà ta’ individwi u entitajiet soġġetti għal sanzjonijiet finanzjarji mmirati tal-UE, u jiffriżawha b’mod urġenti kull meta jkun meħtieġ biex tiġi evitata t-tneħħija tagħha mill-ġuriżdizzjoni. It-tieni, billi r-regoli msaħħa dwar l-irkupru u l-konfiska tal-assi tagħmilhom applikabbli għar-reat kriminali ta’ ksur ta’ miżuri restrittivi tal-Unjoni, il-proposta tiżgura t-traċċar, l-iffriżar, il-ġestjoni u l-konfiska effettivi tar-rikavat li jirriżulta mill-ksur tal-miżuri restrittivi tal-Unjoni, sakemm jiġu approssimati d-definizzjonijiet kriminali u l-pieni għall-ksur tal-miżuri restrittivi tal-Unjoni.

Kif spjegat f’aktar dettall fil-proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar iż-żieda tal-ksur ta’ miżuri restrittivi tal-Unjoni fl-oqsma tal-kriminalità stabbiliti fl-Artikolu 83(1) TFUE 16 , il-kriterji msemmijin fl-Artikolu 83(1) TFUE biex jiżdied qasam ġdid ta’ kriminalità fih, relatat mad-dimensjoni transfruntiera ta’ dak il-qasam tal-kriminalità (natura, impatt, ħtieġa speċjali ta’ ġlieda fuq bażi komuni), huma ssodisfati.

Dan huwa l-każ minħabba li l-ksur tal-miżuri restrittivi tal-Unjoni jenħtieġ li jiġi kkwalifikat bħala qasam ta’ kriminalità u diġà huwa kkategorizzat bħala tali mill-maġġoranza tal-Istati Membri 17 , iżda għadu mhux kopert mil-lista eżistenti ta’ reati tal-Unjoni prevista fl-Artikolu 83(1) TFUE. Barra minn hekk, dan huwa qasam partikolarment gravi tal-kriminalità, peress li jista’ jipperpetwa theddid għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali, jimmina l-konsolidazzjoni u l-appoġġ għad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem u jirriżulta fi ħsara ekonomika, soċjetali u ambjentali sinifikanti.

Barra minn hekk, il-ksur tal-miżuri restrittivi tal-Unjoni għandu dimensjoni transfruntiera ċara u kultant anke inerenti, li tirrikjedi reazzjoni transfruntiera uniformi fil-livell tal-UE u fil-livell globali. Mhux talli dawn ir-reati normalment jitwettqu minn persuni fiżiċi u ġuridiċi li joperaw fuq skala globali, talli saħansitra f’xi każijiet il-miżuri restrittivi tal-Unjoni jipprojbixxu wkoll operazzjonijiet transfruntieri (eż. restrizzjonijiet fuq is-servizzi bankarji).

Barra minn hekk, il-fatt li l-Istati Membri għandhom definizzjonijiet u pieni differenti ħafna għall-ksur tal-miżuri restrittivi tal-Unjoni skont id-dritt amministrattiv u/jew kriminali tagħhom jissuġġerixxi li l-istess att jista’ jiġi sanzjonat b’piena differenti u b’livelli differenti ta’ infurzar. Dan joħloq riskju ta’ għażla opportunistika tal-ġuriżdizzjoni minn individwi u kumpaniji u, b’mod ġenerali, jimmina l-kredibbiltà tal-objettivi tal-Unjoni li żżomm il-paċi u s-sigurtà internazzjonali u tiddefendi l-valuri komuni tal-Unjoni. Għalhekk, hemm ħtieġa speċjali għal azzjoni komuni fil-livell tal-Unjoni biex jiġi indirizzat il-ksur tal-miżuri restrittivi tal-Unjoni permezz tad-dritt kriminali. L-Unjoni tista’ wkoll tippromwovi kundizzjonijiet ekwivalenti globali f’dan ir-rigward.

Fl-aħħar nett, id-definizzjonijiet u l-pieni differenti għall-ksur ta’ miżuri restrittivi tal-Unjoni skont id-dritt amministrattiv u/jew kriminali tal-Istati Membri jirrappreżentaw ostaklu għall-applikazzjoni konsistenti tal-politika tal-Unjoni dwar miżuri restrittivi.

Fid-dawl tal-ħtieġa urġenti li individwi u persuni ġuridiċi involuti fil-ksur tal-miżuri restrittivi tal-Unjoni jinżammu responsabbli, l-anness ta’ din il-Komunikazzjoni diġà jiddeskrivi l-elementi ewlenin li jista’ jkun fiha Direttiva futura dwar pieni kriminali għall-ksur ta’ miżuri restrittivi tal-Unjoni. Dan se jiffaċilita l-interazzjoni rapida mal-Parlament Ewropew u mal-Kunsill dwar din il-kwistjoni.

(1)

     Il-Kunsill jadotta miżuri restrittivi. Il-Kunsill l-ewwel jadotta Deċiżjoni tal-PESK skont l-Artikolu 29 TUE. Il-miżuri previsti fid-Deċiżjoni tal-Kunsill jiġu implimentati jew fil-livell tal-Unjoni jew fil-livell nazzjonali. S’issa kienet il-prattika li miżuri bħal embargi fuq l-armi jew restrizzjonijiet fuq id-dħul jiġu implimentati direttament mill-Istati Membri, li huma legalment marbuta li jaġixxu f’konformità mad-Deċiżjonijiet tal-Kunsill tal-PESK. Miżuri oħrajn li jinterrompu jew inaqqsu, parzjalment jew kompletament, ir-relazzjonijiet ekonomiċi ma’ pajjiż terz kif ukoll miżuri individwali li jiffriżaw fondi u riżorsi ekonomiċi, li jipprojbixxu d-disponibbiltà ta’ fondi u riżorsi ekonomiċi, jiġu implimentati permezz ta’ Regolament adottat mill-Kunsill, li jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata, fuq proposta konġunta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà u l-Kummissjoni, skont l-Artikolu 215 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Id-dispożizzjonijiet kontra ċ-ċirkomvenzjoni jinsabu fiż-żewġ tipi ta’ atti.

(2)

   Għal ħarsa ġenerali, ara l-Mappa dwar is-sanzjonijiet tal-UE, disponibbli fuq https://www.sanctionsmap.eu/#/main .

(3)

   “L-infurzar ta’ sanzjonijiet kontra l-oligarki Russi u Belarussi elenkati: It-Task Force tal-Kummissjoni “Iffriżar u Sekwestru” żżid il-ħidma mas-sħab internazzjonali, Stqarrija għall-istampa tal-Kummissjoni Ewropea, 17.03.2022, tinsab hawnhekk: https://ec.europa.eu/commission/presscorner/detail/en/IP_22_1828 ; “Task Force Iffriżar u Sekwestru: Kważi EUR 30 biljun ta’ assi ta’ oligarki u entitajiet Russi u Belarussi ffriżati mill-UE s’issa”, Stqarrija għall-istampa tal-Kummissjoni Ewropea, 08.04.2022, tinsab hawnhekk: https://ec.europa.eu/commission/presscorner/detail/en/IP_22_2373 .

(4)

   Pereżempju, ara l-Artikolu 8 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 833/2014 tal-31 ta’ Lulju 2014 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukrajna, it-test konsolidat jinsab fil- EUR-Lex - 02014R0833-20220413 - MT - EUR-Lex (europa.eu) .

(5)

     Għal eżempju, ara l-Artikolu 12 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 833/2014. Ta’ min jinnota li din il-klawżola tapplika wkoll jekk il-miżuri restrittivi ma jkunux inkisru; biżżejjed li wieħed jipparteċipa fi skemi maħluqa għal dak l-għan.

(6)

   Network għall-Ġenoċidju, Prosecution of sanctions (restrictive measures) violations in national jurisdictions: a comparative analysis, 2021, Anness, jinsab hawnhekk: https://www.eurojust.europa.eu/sites/default/files/assets/genocide_network_report_on_prosecution_of_sanctions_restrictive_measures_violations_23_11_2021.pdf . Bil-ħsieb ta’ preżentazzjoni fil-Grupp ta’ Ħidma tal-Kunsill dwar il-Kooperazzjoni Ġudizzjarja f’Materji Kriminali (COPEN), ir-rapport ġie ppubblikat ukoll fid-dokument tal-Kunsill 7274/22 tas-16 ta’ Marzu 2022.

(7)

   Network għall-Ġenoċidju, Prosecution of sanctions (restrictive measures) violations in national jurisdictions: a comparative analysis, 2021, taqsima 5.1., p. 22.

(8)

       Idem.

(9)

       Idem, taqsima 5.2., p.23.

(10)

       Idem, taqsima 5.3., p.24.

(11)

     Idem, abbażi tar-rapport tan-Network għall-Ġenoċidju u investigazzjoni ulterjuri mill-Kummissjoni.

(12)

       Idem.

(13)

     Il-Kummissjoni Ewropea, Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar iż-żieda tal-ksur ta’ miżuri restrittivi tal-Unjoni, mal-oqsma tal-kriminalità stabbiliti fl-Artikolu 83(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, COM (2022) 247 tal-25.05.2022.

(14)

     Il-Kummissjoni Ewropea, Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-irkupru u l-konfiska tal-assi, COM (2002) 245 tal-25.05.2022.

(15)

   Id-Direttiva 2014/42/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta’ April 2014 dwar l-iffriżar u l-konfiska ta’ mezzi strumentali u r-rikavat minn attività kriminali fl-Unjoni Ewropea, ĠU L 127, 29.4.2014, p. 39–50; Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/845/ĠAI tas-6 ta’ Diċembru 2007 dwar il-kooperazzjoni bejn l-Uffiċċji għall-Irkupru tal-Assi tal-Istati Membri fil-qasam tar-rintraċċar u l-identifikazzjoni ta’ rikavati mill-kriminalità, jew proprjetà oħra relatata magħha, ĠU L 332, 18.12.2007, p. 103–105.

(16)

     Il-Kummissjoni Ewropea, Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar iż-żieda tal-ksur ta’ miżuri restrittivi tal-Unjoni mal-oqsma tal-kriminalità stabbiliti fl-Artikolu 83(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

(17)

     Ara l-ħarsa ġenerali pprovduta min-Network għall-Ġenoċidju, Prosecution of sanctions (restrictive measures) violations in national jurisdictions: a comparative analysis, 2021.


Brussell, 25.5.2022

COM(2022) 249 final

ANNESS

tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill

Lejn Direttiva dwar il-pieni kriminali għall-ksur tal-miżuri restrittivi tal-Unjoni


1.1. Introduzzjoni

Iż-żieda tal-ksur ta’ miżuri restrittivi tal-Unjoni fl-oqsma tal-kriminalità stabbiliti fl-Artikolu 83(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (“TFUE”) tkun tippermetti lill-Kummissjoni li tipproponi Direttiva skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja, li tkun tista’ tqarreb id-definizzjoni ta’ reati u pieni kriminali.

Tali proposta tal-Kummissjoni tkun teħtieġ li tikkonforma mal-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità li jirregolaw l-azzjonijiet kollha tal-UE 1 . Jeħtieġ ukoll li tkun konformi mar-rekwiżiti ta’ Regolamentazzjoni Aħjar 2 . Barra minn hekk, il-proposta jkollha bżonn tikkunsidra l-ispeċifiċitajiet tad-dritt kriminali 3 . B’mod partikolari, l-approssimazzjoni tad-definizzjonijiet u l-pieni tad-dritt kriminali jkollha tqis id-differenzi bejn is-sistemi tal-ġustizzja kriminali tal-Istati Membri, inkluż fir-rigward tal-pieni.

Barra minn hekk, id-Direttiva sussegwenti jkollha tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji stabbiliti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (“il-Karta”) 4 . B’mod partikolari, jeħtieġ li tiġi żgurata l-konformità tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva mad-drittijiet għal-libertà u għas-sigurtà, il-protezzjoni tad-data personali, id-dritt għall-proprjetà, id-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess imparzjali, il-preżunzjoni tal-innoċenza u d-dritt għad-difiża, il-prinċipji tal-legalità, inkluż il-prinċipju tan-nonretroattività ta’ pieni kriminali u l-proporzjonalità ta’ reati u ta’ pieni kriminali, kif ukoll il-prinċipju ne bis in idem, iridu jiġu assigurati.

Id-Direttiva futura tkun tkopri firxa ta’ kwistjonijiet tad-dritt kriminali li huma konswetudinarji fid-Direttivi tal-Unjoni bbażati fuq l-Artikolu 83 TFUE. Din li ġejja hija lista illustrattiva ta’ dispożizzjonijiet possibbli li jridu jiġu inklużi fil-proposta leġiżlattiva futura.

1.2. Kamp ta’ applikazzjoni

L-ewwel dispożizzjoni tistabbilixxi l-fini u l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva, u b’mod partikolari tiċċara li tapplika għall-ksur ta’ miżuri restrittivi tal-Unjoni. Dawn il-miżuri restrittivi huma adottati skont l-Artikolu 29 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u l-Artikolu 215 TFUE u jinkludu miżuri individwali mmirati, jiġifieri l-iffriżar tal-assi, il-projbizzjonijiet li jsiru disponibbli fondi u riżorsi ekonomiċi u restrizzjonijiet fuq l-ammissjonijiet (projbizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar), kif ukoll miżuri restrittivi settorjali, jiġifieri embargi fuq l-armi jew miżuri ekonomiċi u finanzjarji (eż. restrizzjonijiet fuq l-importazzjonijiet u l-esportazzjonijiet, restrizzjonijiet fuq il-forniment ta’ ċerti servizzi, bħas-servizzi bankarji).

1.3. Definizzjonijiet

Dan l-Artikolu tad-Direttiva jkun fih id-definizzjonijiet rilevanti kollha, inkluż, meta jkun xieraq, permezz ta’ kontroreferenzjar tad-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti u d-Deċiżjonijiet tal-Kunsill dwar miżuri restrittivi. Dawn id-definizzjonijiet jinkludu, fost l-oħrajn, “miżuri restrittivi”, “entità elenkata” u “persuna elenkata”. Eżempju rilevanti ta’ miżura tad-dritt kriminali li fiha hemm inklużi l-użu ta’ kontroreferenzi simili fid-dispożizzjoni dwar id-definizzjonijiet, hija d-Direttiva 2014/57/UE dwar sanzjonijiet kriminali għal abbuż tas-suq (Direttiva dwar l-Abbuż tas-Suq) 5 .

1.4. Ir-reati kriminali, inklużi l-inċitament, l-għajnuna, l-assistenza u l-attentat

L-Artikoli dwar ir-reati li jridu jiġu approssimati mid-Direttiva jkunu jinkludu definizzjonijiet preċiżi ta’ diversi reati kriminali relatati ma’ ksur ta’ miżuri restrittivi tal-Unjoni, bħal:

·it-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ fondi jew riżorsi ekonomiċi direttament jew indirettament, lil persuna/entità elenkata jew għall-benefiċċju tagħha;

·in-nuqqas ta’ ffriżar ta’ fondi jew riżorsi ekonomiċi li jappartjenu lil persuna/entità elenkata, li jkunu proprjetà tagħhom, miżmuma minnhom jew ikkontrollati minnhom;

·l-involviment f’attivitajiet finanzjarji pprojbiti, bħall-għoti ta’ self jew kreditu pprojbiti;

·l-involviment f’attivitajiet ipprojbiti tan-negozju, kummerċjali jew oħrajn, bħall-importazzjoni jew l-esportazzjoni ta’ oġġetti u ta’ teknoloġija koperti minn projbizzjonijiet tan-negozju, jew il-forniment ta’ servizzi pprojbiti;

·il-ksur tal-kundizzjonijiet applikabbli skont l-awtorizzazzjonijiet mogħtija mill-awtoritajiet kompetenti;

·in-nuqqas ta’ konformità ma’ kwalunkwe obbligu li tiġi pprovduta informazzjoni lill-awtoritajiet, bħall-obbligu li jiġi ddikjarat kwalunkwe assi li jappartjenu lil persuna/entità elenkata, li jkunu proprjetà tagħha, miżmum minnha jew ikkontrollat minnha;

·l-involviment f’azzjonijiet jew attivitajiet li jfittxu li jevitaw direttament jew indirettament il-miżuri restrittivi, b’għarfien u intenzjoni, inkluż billi jkunu involuti fi skemi mfassla biex jaħbu l-assi jew l-involviment ta’ persuni/entitajiet elenkati, billi jassistu lill-persuni/entitajiet fil-mira ta’ miżuri restrittivi biex jevitaw l-impatt tagħhom, jew billi jipprovdu informazzjoni qarrieqa lill-awtoritajiet;

·in-nuqqas ta’ rappurtar ta’ ksur ta’ miżuri restrittivi, jew attivitajiet li jfittxu li jevitawhom, bi ksur ta’ obbligu speċifiku ta’ rapportar.

Ir-reati li jridu jiġu approssimati, sakemm ma jkunx previst mod ieħor, ikunu jeħtieġu intenzjoni, jew tal-inqas negliġenza gravi bbażata fuq l-għarfien li l-imġiba tikkonċerna persuni, entitajiet, attivitajiet jew proprjetà soġġetti għal miżuri restrittivi, jew li jiġu injorati miżuri restrittivi jew projbizzjonijiet legali relatati (għama volontarja).

Id-Direttiva tkun tinkludi wkoll reati relatati, bħall-ħasil tal-flus. Għall-ħasil tal-flus, ikun hemm dispożizzjoni li tobbliga lill-Istati Membri jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li r-reat tal-ħasil tal-flus, kif deskritt fl-Artikolu 3 tad-Direttiva (UE) 2018/1673 6 , li tkun japplika għall-proprjetà derivata mir-reati kriminali koperti mid-Direttiva.

Barra minn hekk, id-Direttiva jkun fiha dispożizzjoni li tobbliga lill-Istati Membri jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-inċitament, l-għajnuna u l-assistenza għat-twettiq tar-reati kriminali msemmijin fid-Direttiva, kif ukoll l-attentat li jitwettqu tali reati, ikunu punibbli bħala reati kriminali 7 .

1.5. Pieni għal persuni fiżiċi u ġuridiċi

F’dan ir-rigward, ir-Regolamenti tal-Kunsill adottati skont l-Artikolu 215 TFUE sistematikament jinkludu dispożizzjoni li tirrikjedi li l-Istati Membri jadottaw regoli nazzjonali li jipprevedu pieni effettivi, proporzjonati u dissważivi, li jridu jiġu applikati fil-każ ta’ ksur tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament rilevanti 8 . Peress li dan l-obbligu jħalli lakuni sinifikanti bejn il-livelli u t-tipi ta’ pieni, jenħtieġ li d-Direttiva futura jkun fiha Artikolu dwar il-pieni għall-persuni fiżiċi. Dawn il-pieni jkunu applikabbli għar-reati kollha msemmijin fit-taqsima 1.4. hawn fuq, u bl-istess mod jirrikjedu li l-Istati Membri japplikaw pieni effettivi, proporzjonati u dissważivi kif ukoll jistabbilixxu ċertu minimu tal-pieni kriminali massimi, inklużi multi għall-persuni fiżiċi. Jenħtieġ li tali pieni jkunu proporzjonati fir-rigward tas-serjetà konsiderevoli tar-reati 9 .

Barra minn hekk, id-Direttiva tkun tinkludi dispożizzjoni dwar ir-responsabbiltà tal-persuni ġuridiċi. Din id-dispożizzjoni tkun applikabbli għar-reati kollha msemmijin fit-taqsima 1.4 hawn fuq. F’konformità ma’ din id-dispożizzjoni, l-Istati Membri jkollhom jistipulaw il-pieni u r-responsabbiltà tal-persuni ġuridiċi:

(I)għal kwalunkwe wieħed mir-reati kriminali msemmijin fit-taqsima 1.4. imwettqa għall-benefiċċju tagħhom minn persuni li jkollhom kariga ta’ tmexxija fil-persuna ġuridika; jew

(II)għan-nuqqas ta’ superviżjoni jew kontroll minn persuni f’kariga ta’ tmexxija li għamel possibbli t-twettiq, minn persuna taħt l-awtorità tagħhom, ta’ kwalunkwe wieħed mir-reati kriminali msemmijin hawn fuq għall-benefiċċju ta’ dik il-persuna ġuridika 10 .

Id-Direttiva tkun tapprossima wkoll il-pieni applikabbli għall-persuni ġuridiċi. B’mod partikolari, l-Istati Membri jkunu meħtieġa jieħdu l-miżuri neċessarji biex jiżguraw li persuna ġuridika miżmuma responsabbli skont id-dispożizzjonijiet rilevanti diskussi fit-taqsima 1.4. tkun soġġetta għal pieni effettivi, proporzjonati u dissważivi, inklużi:

·multi kriminali jew mhux kriminali;

·esklużjoni temporanja mill-aċċess għal finanzjament pubbliku, inklużi proċeduri ta’ akkwist, għotjiet u konċessjonijiet;

·skwalifika temporanja jew permanenti mill-prattika ta’ attivitajiet kummerċjali;

·irtirar ta’ permessi u awtorizzazzjonijiet għall-eżerċitar ta’ attivitajiet li rriżultaw fit-twettiq tar-reat;

·tqegħid taħt superviżjoni ġudizzjarja;

·stralċ ġudizzjarju; u

·għeluq temporanju jew permanenti tal-istabbilimenti użati għat-twettiq tar-reat 11 .

Barra minn hekk, id-Direttiva tista’ tipprevedi li jenħtieġ li l-Istati Membri jieħdu l-miżuri neċessarji biex jiżguraw li l-persuni ġuridiċi li jibbenefikaw mit-twettiq minn oħrajn ta’ reati li jiksru l-miżuri restrittivi tal-Unjoni jkunu punibbli b’multi, li l-limitu massimu tagħhom jenħtieġ li ma jkunx inqas minn ċertu perċentwal tal-fatturat dinji totali tal-persuna ġuridika fis-sena finanzjarja ta’ qabel id-deċiżjoni ta’ mmultar.

Ir-responsabbiltà ta’ persuni ġuridiċi ma teskludix il-possibbiltà ta’ proċedimenti kriminali kontra persuni fiżiċi li jkunu l-awturi tar-reati kriminali previsti fit-taqsima 1.4. 

1.6. Ċirkustanzi aggravanti u mitiganti

Id-Direttiva jkun fiha wkoll Artikolu li jistabbilixxi ċ-ċirkostanzi aggravanti li jridu jitqiesu meta jiġu applikati pieni għal reat imsemmi fit-taqsima 1.4. iktar ’il fuq. Dawk iċ-ċirkostanzi aggravanti jistgħu jinkludu:

·konsegwenzi gravi tal-ksur fid-dawl tal-finijiet tal-miżuri restrittivi;

·valur għoli tal-fondi, ir-riżorsi ekonomiċi, l-oġġetti jew it-teknoloġija ikkonċernati;

·ir-reat ikun twettaq minn uffiċjal pubbliku waqt il-qadi ta’ dmirijietu;

·ir-reat ikun twettaq fil-kuntest ta’ attività professjonali privata, inkluż billi wieħed jikser id-dmirijiet professjonali tiegħu;

·ir-reat ikun twettaq fil-kuntest ta’ organizzazzjoni kriminali fis-sens tad-Deċiżjoni Kwadru 2008/841/ĠAI 12 ;

·ir-reat ikun jinvolvi l-użu ta’ dokumenti foloz jew falsifikati;

·it-trażgressur ikun wettaq ksur preċedenti simili tad-dritt tad-dritt tal-Unjoni dwar miżuri restrittivi;

·it-trażgressur ikun fixkel b’mod attiv l-attivitajiet ta’ investigazzjoni, jew intimida lix-xhieda jew interferixxa magħhom; u

·ir-reat ikun iġġenera jew kien mistenni li jiġġenera benefiċċji finanzjarji sostanzjali (bil-kunċett ta’ benefiċċji finanzjarji sostanzjali jrid jiġi definit aktar fi premessa).

Id-Direttiva jkun fiha wkoll Artikolu li jistabbilixxi ċ-ċirkostanzi mitiganti li jridu jitqiesu meta jiġu applikati pieni għal reat imsemmi fit-taqsima 1.4. iktar ’il fuq. B’mod partikolari, f’konformità ma’ dan l-Artikolu, l-Istati Membri jkunu obbligati jiżguraw li, fir-rigward tar-reati msemmijin hawn fuq, ċerti fatti jitqiesu bħala ċirkostanza mitiganti. Dan ikun japplika pereżempju għall-fatt li trażgressur ikun ipprovda lill-awtoritajiet amministrattivi jew ġudizzjarji b’informazzjoni li kieku ma kinux ikunu jistgħu jiksbu, u jkun għenhom jidentifikaw jew iressqu quddiem il-ġustizzja lit-trażgressuri l-oħrajn jew isibu evidenza.

1.7. Regoli ta’ ġuriżdizzjoni

Id-Direttiva tkun tinkludi wkoll dispożizzjoni dwar ir-regoli ta’ ġuriżdizzjoni. Fost l-oħrajn, skont l-eżempju tal-Artikolu 11 tad-Direttiva (UE) 2017/1371 dwar il-ġlieda kontra l-frodi tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni permezz tal-liġi kriminali (“id-Direttiva PIF”), Stat Membru jkun jeħtieġ jistabbilixxi ġuriżdizzjoni fuq ir-reati msemmija fit-taqsima 1.4., meta r-reat kriminali jitwettaq kompletament jew parzjalment fit-territorju tiegħu jew meta it-trażgressur ikun wieħed miċ-ċittadini tiegħu. Barra minn hekk, l-Istati Membri jkunu obbligati jinfurmaw lill-Kummissjoni jekk jiddeċiedu li jestendu l-ġuriżdizzjoni tagħhom fuq reati mwettqa:

(I)minn residenti abitwali fit-territorju tagħhom;

(II)għall-benefiċċju ta’ persuna ġuridika stabbilita fit-territorju tagħhom; jew

(III)minn wieħed mill-uffiċjali tagħhom waqt li jaġixxi fid-dmir uffiċjali tiegħu.

F’każijiet meta t-trażgressur ikun wieħed miċ-ċittadini tagħhom, l-Istati Membri ma jkunux jistgħu jissoġġettaw l-eżerċizzju tal-ġuriżdizzjoni għall-kundizzjoni li l-prosekuzzjoni tkun tista’ tibda biss wara:

(I)li ssir kwerela mill-vittma fil-post fejn ikun twettaq ir-reat kriminali; jew

(II)denunzja mill-Istat tal-post fejn ikun twettaq ir-reat kriminali.

Ir-Regolamenti tal-Kunsill adottati skont l-Artikolu 215 TFUE sistematikament jinkludu l-klawżola ta’ ġuriżdizzjoni li ġejja:

“Dan ir-Regolament għandu japplika:

(a) fit-territorju tal-Unjoni, inkluż l-ispazju tal-ajru tagħha;

(b) abbord kull inġenju tal-ajru jew bastiment fil-ġuriżdizzjoni ta’ Stat Membru;

(c) għal kull persuna ġewwa jew barra mit-territorju tal-Unjoni li tkun ċittadin ta’ Stat Membru;

(d) għal kull persuna, entità jew korp ġuridiku, ġewwa jew barra mit-territorju tal-Unjoni, li tkun inkorporata jew kostitwita skont il-liġi ta’ Stat Membru;

(e) għal kwalunkwe persuna, entità jew korp ġuridiku fir-rigward ta’ kull negozju li jsir kompletament jew parzjalment fl-Unjoni.”

Dan ikun rifless ukoll fid-Direttiva. B’mod partikolari, wara l-paragrafu (e) hawn fuq, l-Istati Membri jkunu meħtieġa jestendu l-ġuriżdizzjoni kriminali tagħhom għal persuni mhux tal-UE barra mit-territorju tal-UE sakemm in-negozju tagħhom ikollu rabta mal-UE (li tista’, b’estensjoni, tikkonċerna wkoll l-assi tagħhom).

1.8. Termini ta’ preskrizzjoni

Id-Direttiva tkun tinkludi dispożizzjoni applikabbli għar-reati kollha msemmija fit-taqsima 1.4 hawn fuq, li tkun teħtieġ l-istabbiliment ta’ terminu minimu ta’ preskrizzjoni, kif ukoll dispożizzjoni dwar it-terminu ta’ preskrizzjoni għall-eżekuzzjoni tal-pieni wara kundanna definittiva. Eżempju rilevanti jinsab fl-Artikolu 12 tad-Direttiva PIF. Skont dan l-Artikolu, l-Istati Membri jeħtiġilhom:

(I)jistabbilixxu termini ta’ preskrizzjoni għal perjodu ta’ żmien suffiċjenti wara t-twettiq tar-reati kriminali msemmijin fid-Direttiva, sabiex dawk ir-reati kriminali jiġu ttrattati b’mod effettiv, b’termini ta’ preskrizzjoni minimi li japplikaw għal dawk ir-reati punibbli b’piena massima ta’ mill-inqas erba’ snin priġunerija;

(II)jieħdu l-miżuri neċessarji biex il-pieni jkunu jistgħu jiġu eżegwiti.

1.9. Kooperazzjoni bejn l-Istati Membri, l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi tal-Unjoni kif ukoll ma’ stati terzi

Sabiex tissaħħaħ l-investigazzjoni ta’ każijiet b’element transfruntier, id-Direttiva tkun tinkludi dispożizzjoni li tkun teħtieġ kooperazzjoni reċiproka bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, l-istituzzjonijiet, il-korpi, u l-organi tal-Unjoni, inklużi l-Eurojust u l-Europol 13 . Din id-dispożizzjoni tad-Direttiva tiffaċilita wkoll il-kondiviżjoni ta’ informazzjoni dwar kwistjonijiet prattiċi (b’mod partikolari, xejriet ta’ ċirkomvenzjoni, eż. strutturi biex jaħbu s-sjieda/kontroll reali tal-assi) ma’ awtoritajiet fi Stati Membri oħrajn u mal-Kummissjoni.

1.10. Informaturi

Biex tissaħħaħ l-effettività tal-miżuri restrittivi tal-Unjoni, il-Kummissjoni dan l-aħħar nediet l-Għodda tal-UE għall-Informaturi dwar ksur tas-Sanzjonijiet 14 . Minħabba l-importanza tal-kontribut tal-informaturi għall-applikazzjoni xierqa tal-miżuri restrittivi tal-Unjoni, il-proposta tal-Kummissjoni tipprevedi obbligu għall-Istati Membri biex jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-protezzjoni mogħtija skont id-Direttiva (UE) 2019/1937 15 tkun applikabbli għal persuni li jirrapportaw reati kriminali msemmijin fid-Direttiva. Barra minn hekk, l-Istati Membri ikunu obbligati jieħdu l-miżuri meħtieġa kollha biex jiżguraw li persuni li jirrapportaw ir-reati msemmijin fid-Direttiva u li jipprovdu evidenza jew li b’xi mod ieħor jikkooperaw mal-investigazzjoni, il-prosekuzzjoni jew l-aġġudikazzjoni ta’ tali reati, jingħataw l-appoġġ u l-assistenza meħtieġa fil-kuntest ta’ proċedimenti kriminali 16 .

2. IT-TRIQ ’IL QUDDIEM

Ladarba l-Kunsill jilħaq ftehim u l-Parlament Ewropew jagħti l-kunsens tiegħu biex jiżdied il-ksur tal-miżuri restrittivi tal-Unjoni fl-oqsma tal-kriminalità stabbiliti fl-Artikolu 83(1) TFUE, il-Kummissjoni tkun f’pożizzjoni li tipproponi minnufih Direttiva skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja, li tista’ tqarreb id-definizzjoni tar-reati u l-pieni kriminali.

Tali proposta tal-Kummissjoni tkun teħtieġ li tikkonforma mal-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità li jirregolaw l-azzjonijiet kollha tal-UE 17 . Jeħtieġ ukoll li tkun konformi mar-rekwiżiti ta’ Regolamentazzjoni Aħjar 18 .

(1)

     L-Artikoli 5(1) u 5(4) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea; Il-Protokoll Nru 2 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji ta’ sussidjarjetà u proporzjonalità.

(2)

     Il-Ftehim Interistituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet, ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1–14.

(3)

     Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Soċjali u Ekonomiku Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, Lejn Politika Kriminali tal-UE: L-iżgurar ta’ implimentazzjoni effettiva tal-politiki tal-UE permezz tal-liġi kriminali, COM (2011) 573 final, 20.09.2011; Il-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar linji gwida għad-dritt kriminali futur fil-leġiżlazzjoni tal-UE, Dokument tal-Kunsill 14162/09 tad-9.10.2009; Ir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-22 ta’ Mejju 2012 dwar l-approċċ tal-UE rigward id-dritt kriminali, ĠU C 264 E, 13.9.2013, p. 7–11.

(4)

     Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, ĠU C 326, 26.10.2012, p. 391–407.

(5)

     Id-Direttiva 2014/57/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 dwar sanzjonijiet kriminali għal abbuż tas-suq (direttiva dwar l-abbuż tas-suq) ĠU L 173, 12.6.2014, p. 179–189, l-Artikolu 2.

(6)

     Id-Direttiva (UE) 2018/1673 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus permezz tal-liġi kriminali, ĠU L 284, 12.11.2018, p. 22-30.

(7)

     Id-Direttiva (UE) 2017/1371 dwar il-ġlieda kontra l-frodi tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni permezz tal-liġi kriminali (“id-Direttiva PIF”), ĠU L 198, 28.7.2017, p. 29–41, l-Artikolu 5; Id-Direttiva dwar l-abbuż tas-suq, l-Artikolu 6.

(8)

   Pereżempju, ara l-Artikolu 8 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 833/2014 tal-31 ta’ Lulju 2014 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukrajna, it-test konsolidat jinsab fil- EUR-Lex - 02014R0833-20220413 - MT - EUR-Lex (europa.eu) .

(9)

   Ara wkoll id-Direttiva PIF, l-Artikolu 7; Id-Direttiva dwar l-abbuż tas-suq, l-Artikolu 7.

(10)

   Ara wkoll id-Direttiva PIF, l-Artikolu 6; Id-Direttiva dwar l-abbuż tas-suq, l-Artikolu 8.

(11)

   Ara wkoll id-Direttiva PIF, l-Artikolu 10; Id-Direttiva dwar l-abbuż tas-suq, l-Artikolu 9.

(12)

   Id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2008/841/ĠAI tal-24 ta’ Ottubru 2008 dwar il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata ĠU L 300, 11.11.2008, p. 42–45.

(13)

     Ara wkoll id-Direttiva PIF, l-Artikolu 15.

(14)

     Il-Kummissjoni Ewropea, Ħarsa ġenerali lejn is-sanzjonijiet u l-għodod relatati, li tinsab hawnhekk: https://ec.europa.eu/info/business-economy-euro/banking-and-finance/international-relations/restrictive-measures-sanctions/overview-sanctions-and-related-tools_en#whistleblower .

(15)

     Id-Direttiva (UE) 2019/1937 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2019 dwar il-protezzjoni ta’ persuni li jirrapportaw dwar ksur tal-liġi tal-Unjoni, ĠU L 305, 26.11.2019, p. 17–56.

(16)

     Ara wkoll il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni tal-ambjent permezz tad-dritt kriminali u li tissostitwixxi d-Direttiva 2008/99/KE, COM(2021)851 final, 15.12.2021, l-Artikolu 13.

(17)

     L-Artikoli 5(1) u 5(4) TUE; Il-Protokoll Nru 2 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji ta’ sussidjarjetà u proporzjonalità.

(18)

     Il-Ftehim Interistituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet, ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1–14.