Brussell, 23.5.2022

COM(2022) 211 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Pjan ta’ kontinġenza għat-trasport


KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Pjan ta’ kontinġenza għat-trasport

Introduzzjoni

F’dawn l-aħħar sentejn, is-settur tat-trasport tal-UE ġie affettwat ħafna minn żewġ kriżijiet kbar – il-pandemija tal-COVID-19 u l-aggressjoni militari tar-Russja kontra l-Ukrajna. Il-pandemija tal-COVID-19 affettwat serjament lis-soċjetà, inkluż is-settur tat-trasport 1 . Sabiex titrażżan it-tifqigħa, ittieħdu għadd ta’ miżuri li rrestrinġew l-ivvjaġġar internazzjonali u domestiku, bħal tbegħid fiżiku, ordnijiet ta’ soġġorn fid-dar, għeluq tat-trasport pubbliku, traċċar tal-kuntatti u kwarantina, u għeluq tal-fruntieri. In-nuqqas ta’ koordinazzjoni tal-miżuri nazzjonali affettwa aktar is-settur tat-trasport billi fixkel l-operazzjonijiet tat-trasport transfruntiera 2 , li spiss amplifika l-effetti tax-xokk inizjali fuq in-nies u l-ekonomija. 3

L-effett sħiħ tal-aggressjoni militari tar-Russja kontra l-Ukrajna għad irid joħroġ. Minn meta bdiet l-invażjoni, l-awtoritajiet tal-Istati Membri u l-kumpaniji tat-trasport tal-UE – partikolarment f’pajjiżi li jmissu mal-Ukrajna – qegħdin jipprovdu għajnuna umanitarja fuq skala mingħajr preċedent. Il-gwerra u s-sanzjonijiet ħolqu wkoll ħafna sfidi għat-trasport tal-UE: is-sewwieqa tat-trakkijiet li weħlu f’żona ta’ kunflitt, l-għeluq tal-ispazju tal-ajru Russu, il-qerda tal-infrastruttura tat-trasport tal-Ukrajna, it-tnaqqis tal-ktajjen tal-provvista, u pressjoni ’l fuq biex il-prezzijiet taż-żejt jogħlew.

Dawn iż-żewġ avvenimenti ma humiex l-ewwel każijiet ta’ tfixkil kbir fis-sistema tat-trasport tal-UE. L-eruzzjoni tal-vulkan Iżlandiż Eyjafjallajökull fl-14 ta’ Marzu 2010 u l-kollass tal-Mina ta’ Rastatt fit-12 ta’ Awwissu 2017 ukoll kellhom impatt sistemiku fuq is-settur tat-trasport, kemm għall-passiġġieri kif ukoll għall-merkanzija.

Il-pjan ta’ kontinġenza għat-trasport, ippreżentat f’din il-Komunikazzjoni, jipproponi sett ta’ għodod sabiex tiġi indirizzata kwalunkwe tip ta’ kriżi tat-trasport 4 . Huwa jwieġeb għall-appell tal-Kunsill 5 lill-Kummissjoni sabiex jitfassal pjan ta’ kontinġenza Ewropew għat-trasport tal-merkanzija għall-pandemiji u għal kriżijiet kbar oħrajn. Barra minn hekk, l-Istrateġija għal Mobbiltà Sostenibbli u Intelliġenti 6 pprovdiet li l-Kummissjoni tħejji pjan ta’ kontinġenza għall-kriżijiet sabiex tiżgura l-kontinwità tal-operat u tikkoordina rispons fis-settur tat-trasport. Il-pjan huwa mfassal abbażi tat-tagħlimiet meħuda u l-inizjattivi meħuda matul il-pandemija tal-COVID-19, bħall-Komunikazzjoni dwar il-Korsiji Ħodor 7 , il-Linji Gwida dwar il-Baħħara 8 u l-leġiżlazzjoni “Omnibus” tal-COVID-19 li tintroduċi miżuri temporanji għat-trasport 9 . Il-pjan huwa wieħed mir-riżultati fl-ambitu tal-“Inizjattiva ewlenija 8 – It-tisħiħ tas-Suq Uniku” (l-Azzjoni 58) tal-Istrateġija għal Mobbiltà Sostenibbli u Intelliġenti. Dan jikkomplementa l-Azzjoni 56 sabiex jiġi vvalutat l-impatt tal-pandemija tal-COVID-19 fuq il-konnettività u l-kompetizzjoni tat-trasport fis-suq uniku. Huwa jiffoka fuq is-settur tat-trasport – il-Kummissjoni se tindirizza l-kwistjonijiet usa’, il-moviment liberu tal-oġġetti, tas-servizzi u tal-persuni fis-Suq Uniku tal-UE u d-disponibbiltà tal-prodotti u tas-servizzi fl-Istrument għas-Suq Uniku f’Emerġenza li ġej 10 .

Ħafna mill-għodod u mill-prinċipji proposti f’dan il-pjan diġà wrew li huma utli sabiex jgħinu fis-soluzzjoni tal-problemi kkawżati mill-aggressjoni militari tar-Russja kontra l-Ukrajna. Filwaqt li xi wħud mill-konklużjonijiet preliminari huma ppreżentati hawn taħt, hija meħtieġa rivalutazzjoni kontinwa tal-isfidi li qegħdin iseħħu. Għalhekk, it-taqsima li jmiss hawn taħt tiffoka l-aktar fuq ir-rispons tal-UE għall-pandemija tal-COVID-19. Din hija segwita minn taqsima li tħares ’il quddiem dwar il-preparatezza għall-kriżijiet li tidentifika l-prinċipji fl-indirizzar tal-kontinġenzi tat-trasport u toffri sett ta’ azzjonijiet.

L-appoġġ għas-settur tat-trasport fi żminijiet ta’ kriżi

L-UE aġixxiet malajr sabiex tindirizza l-problemi kkawżati mill-COVID-19 u tirrestawra l-konnettività tat-trasport. Ir-rispons iffoka fuq l-iżgurar tal-fluss mingħajr interruzzjoni tal-oġġetti u l-provvista tas-servizzi tat-trasport, mingħajr dewmien. Madankollu, il-pandemija tal-COVID-19 uriet ukoll kif id-diviżjoni tar-responsabbiltà bejn l-UE u l-Istati Membri dwar kwistjonijiet importanti, bħall-kontroll tas-saħħa u tal-fruntieri, tista’ toħloq sfidi fit-twettiq ta’ rispons politiku rapidu u kkoordinat.

2.1 Il-koordinazzjoni, il-monitoraġġ u l-għoti ta’ informazzjoni

In-Network ta’ Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali għat-Trasport tejjeb il-koordinazzjoni fis-settur tat-trasport. Dan ġie stabbilit fl-ambitu tal-Komunikazzjoni dwar il-Korsiji Ħodor sabiex jindirizza kwistjonijiet speċifiċi tat-trasport u ġie kkoordinat mill-Kummissjoni. In-Network kellu impatt kruċjali fuq il-ġestjoni tal-kriżi u jikkomplementa l-mekkaniżmu integrat tal-UE għal rispons politiku f’sitwazzjonijiet ta’ kriżi (IPCR), li ġie attivat fil-bidu nett tal-kriżi f’Jannar tal-2020.

Madankollu, l-għoti ta’ informazzjoni f’ħin reali kien ta’ sfida. Informazzjoni aġġornata kienet essenzjali minħabba s-sitwazzjoni, ir-rekwiżiti u r-regoli tal-pandemija li dejjem jinbidlu. Is-sit web u l-applikazzjoni mobbli Re-open EU 11 pprovdew informazzjoni lin-nies u lin-negozji madwar l-UE. Il-portal tal-Kummissjoni Your Europe 12 kien mezz ta’ informazzjoni importanti, u ġie miżjur 9,9 miljun darba f’Lulju tal-2021. Dawn l-għodod kellhom rwol importanti sabiex ireġġgħu lura l-ivvjaġġar u t-turiżmu sikuri. Fl-istess ħin, minħabba regoli li jinbidlu ta’ spiss u l-fluss ta’ informazzjoni imperfetta bejn l-awtoritajiet nazzjonali u l-Kummissjoni, xi drabi l-informazzjoni dwar ċerti regoli ma kinitx aġġornata 13 . Is-sit web għen lill-passiġġieri, iżda ma jinkludix regoli għall-ħaddiema tat-trasport.

L-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna: il-koordinazzjoni, il-monitoraġġ u l-kondiviżjoni tal-informazzjoni

In-Network ta’ Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali għat-Trasport reġa’ ġie organizzat fl-ewwel jiem wara l-aggressjoni militari tar-Russja kontra l-Ukrajna. Dan kien forum għall-Istati Membri, għall-Kummissjoni, għal korpi oħrajn tal-UE, u xi drabi saħansitra għar-rappreżentanti tal-Ukrajna. In-Network iddiskuta u kkoordina azzjonijiet sabiex jiġu stabbiliti rotot ġodda tat-trasport u ktajjen tal-provvista u jiġu ppreżervati dawk eżistenti lejn u mill-Ukrajna.

2.2 L-iżblokkar tat-trasport tal-merkanzija

Is-sistema tal-Korsiji Ħodor 14 żammet it-traffiku tal-UE għaddej u ppermettiet lill-ħaddiema tat-trasport jaqsmu l-fruntieri b’mod mhux diskriminatorju. Il-Kummissjoni stiednet lill-Istati Membri jiddeżinjaw il-qsim tal-fruntieri interni tan-network TEN-T bħala punti ta' qsim tal-fruntieri b'“korsiji ħodor” fejn japplikaw ċerti regoli. Il-mogħdija minn dawn il-korsiji ħodor għandha tieħu anqas minn 15-il minuta fil-fruntieri interni fuq l-art, u dawn il-punti ta’ qsim għandhom ikunu miftuħa għall-vetturi kollha tal-merkanzija li jġorru kwalunkwe tip ta’ oġġetti.

Kif huwa magħruf sew mill-partijiet ikkonċernati 15 , il-Korsiji Ħodor kellhom effett immedjat fl-iżgurar ta’ servizzi tat-trasport mingħajr interruzzjoni u fil-limitazzjoni tat-tfixkil fil-ktajjen tal-provvista. Dan naqqas l-impatt ekonomiku tar-restrizzjonijiet tal-COVID-19 fuq il-kumpaniji tat-trasport u appoġġa l-irkupru ekonomiku tal-UE. Il-korsiji żguraw ukoll is-saħħa u s-sikurezza tal-ħaddiema tat-trasport permezz tar-regoli dwar is-sanità u l-faċilitajiet ta’ mistrieħ. Il-miżura kienet suċċess: monitoraġġ ta’ kuljum – żviluppat mill-Aġenzija tal-UE għall-Programm Spazjali – wera li l-ħinijiet medji ta’ stennija fil-punti ta’ qsim tal-fruntiera intra-Schengen baqgħu taħt il-limitu ta’ 15-il minuta 16 .

Tabella 1: Il-ħin medju ta’ qsim tal-fruntieri f’minuti (il-punti kollha ta’ qsim tal-fruntieri tal-UE) u x-xejra lineari tiegħu bejn Ġunju tal-2020 u Mejju tal-2022 – fuq bażi ta’ kull ġimgħa. 

Barra minn hekk, l-UE ħadet miżuri konkreti sabiex tiżgura li l-leġiżlazzjoni tkun tista’ tiġi emendata jew interpretata b’mod li nżammet il-konnettività tat-trasport matul il-kriżi. Ċerti kumpaniji tat-trasport ma setgħux ilestu l-proċeduri meħtieġa sabiex jikkonformaw mar-regoli tal-UE dwar it-tiġdid jew l-estensjoni taċ-ċertifikati (eż. iċ-ċertifikati tas-sikurezza), tal-liċenzji (eż. il-liċenzji tas-sewqan) jew tal-awtorizzazzjonijiet. Minħabba l-miżuri ta’ konfinament, l-Istati Membri ma setgħux jiżguraw li t-testijiet, it-taħriġ jew l-ispezzjonijiet rilevanti meħtieġa skont ir-regoli tat-trasport tal-UE jitwettqu sal-iskadenzi applikabbli. Bl-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2020/698 17 (l-Omnibus I) u tar-Regolament (UE) 2021/267 18 (l-Omnibus II), l-UE estendiet il-perjodi stabbiliti fil-liġijiet rilevanti tal-UE dwar it-trasport għat-taħriġ, l-ispezzjonijiet, u l-ħruġ ta’ ċertifikati, liċenzji u awtorizzazzjonijiet. Dawn il-miżuri, li qiesu bir-reqqa s-sikurezza tat-trasport, ġew milqugħa tajjeb ħafna mill-partijiet ikkonċernati 19 u żguraw li l-kumpaniji tat-trasport u l-individwi kkonċernati setgħu jkomplu bl-attivitajiet tagħhom. 

2.3 Il-koordinazzjoni tal-miżuri tal-ivvjaġġar għall-passiġġieri u għall-ħaddiema tat-trasport 

Minn meta bdiet il-pandemija, il-Kummissjoni ppromwoviet approċċ ikkoordinat għar-restrizzjonijiet fuq il-moviment liberu fl-UE, li saru meħtieġa mill-pandemija. Sabiex jiġi evitat it-tfixkil tat-trasport, ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill 2020/1475 20 u r-reviżjonijiet sussegwenti tagħha kkonfermaw li l-ħaddiema tat-trasport, fil-prinċipju, ma humiex meħtieġa jagħmlu test jew joqogħdu kwarantina, u jekk ikun meħtieġ test, jistgħu jintużaw testijiet rapidi tal-antiġeni. Is-suċċessur tagħha, ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill 2022/107 21 , tipprevedi li l-ħaddiema tat-trasport ma għandhomx ikunu meħtieġa li jkunu fil-pussess ta’ ċertifikat tal-COVID Diġitali tal-UE.

B’rispons għall-kriżi tal-Ukrajna, il-Kummissjoni kkonfermat li l-ħaddiema tat-trasport kienu kruċjali għall-ktajjen tal-provvista fil-Komunikazzjoni tagħha dwar linji gwida operazzjonali għall-ġestjoni tal-fruntieri esterni sabiex jiġi ffaċilitat il-qsim tal-fruntieri fil-fruntieri bejn l-UE u l-Ukrajna 22 . Il-Kummissjoni pproponiet ukoll li tissimplifika l-proċeduri ta’ qsim tal-fruntieri għall-ħaddiema tat-trasport li jaħdmu fl-Ukrajna.

Iċ-ċertifikat tal-COVID Diġitali tal-UE u l-Formola tal-Lokalizzazzjoni tal-Passiġġieri diġitali tal-UE

Iċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE sigur u interoperabbli 23 u protokolli oħrajn tas-saħħa, żviluppati mill-Kummissjoni u miċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard mal-aġenziji tat-trasport rilevanti, kienu strumentali sabiex jerġa’ jinbeda – fejn possibbli – l-ivvjaġġar sikur madwar l-UE. Iċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE u l-isforzi sabiex jiġi stabbilit approċċ ikkoordinat għall-ivvjaġġar fil-livell tal-UE ġew milqugħa tajjeb ħafna mill-assoċjazzjonijiet tal-ivvjaġġar u tat-turiżmu bħala għodda importanti sabiex iċ-ċittadini jkunu jistgħu jivvjaġġaw u jitħeġġu li jagħmlu dan billi tiġi ggarantita l-prevedibbiltà meħtieġa. Sabiex jiġi żgurat li ċ-ċittadini ma jiġux imċaħħda minn dan il-mod effettiv u ta’ preżervazzjoni tal-privatezza sabiex jagħtu prova tal-istatus tal-COVID-19 tagħhom, f’każ li ċerti restrizzjonijiet għall-moviment liberu bbażati fuq is-saħħa pubblika jkunu għadhom stabbiliti wara t-30 ta’ Ġunju 2022, il-Kummissjoni pproponiet li testendi l-bażi ġuridika taċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE sat-30 ta’ Ġunju 2023.

Madankollu, diversi Stati Membri introduċew formoli ta’ lokalizzazzjoni tal-passiġġieri u dikjarazzjonijiet oħrajn (eż. dikjarazzjonijiet tas-saħħa, dikjarazzjonijiet tad-dħul f’territorju) b’mod mhux koordinat. Dawn huma f’formati differenti, u xi wħud huma biss fuq karta. Dan ħoloq inkonvenjenza u konfużjoni bla bżonn għall-vjaġġaturi, li setgħu ġew evitati b’koordinazzjoni xierqa.

Matul il-pandemija tal-COVID-19, l-isforzi konġunti tal-UE u tal-Istati Membri ppermettew lil 650 000 ċittadin tal-UE jirritornaw id-dar b’mod sikur. Aktar minn 100 000 persuna, li minnhom 90 060 kienu ċittadini tal-UE, ġew ripatrijati permezz tal-Mekkaniżmu tal-UE għall-Protezzjoni Ċivili. Il-pandemija tal-COVID-19 affettwat ukoll konsiderevolment lill-ħaddiema tat-trasport. Dawn il-ħaddiema jinsabu fuq quddiem nett tal-kriżi, u sofrew minn restrizzjonijiet meta kienu qegħdin jivvjaġġaw madwar l-UE, inklużi ħinijiet itwal ta’ stennija fil-fruntieri u faċilitajiet limitati ta’ akkomodazzjoni u ta’ mistrieħ. Il-baħħara ġew affettwati partikolarment, u ma tħallewx jirritornaw id-dar għal diversi xhur minħabba restrizzjonijiet u konnettività limitata tat-trasport. Il-Kummissjoni pprovdiet gwida lill-Istati Membri dwar l-ivvjaġġar fl-UE 24 , li tenfasizza l-ħtieġa li jiġu żgurati kurituri ta’ tranżitu sikuri. Il-Kummissjoni appoġġat ukoll lill-baħħara billi rrakkomandat ċerti arranġamenti dwar is-saħħa, ir-ripatrijazzjoni u l-ivvjaġġar 25 . Hija talbet lill-Istati Membri sabiex joħolqu network ta’ portijiet sikuri fejn l-ekwipaġġi jkunu jistgħu jinbidlu mingħajr restrizzjonijiet. Il-Kummissjoni ffaċilitat ukoll ir-rekwiżiti tal-viża u introduċiet eżenzjonijiet ta’ kwarantina, inkluż għall-baħħara mhux tal-UE.

Il-COVID-19 u d-drittijiet tal-passiġġieri

Il-Kummissjoni pprovdiet gwida bikrija dwar l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar id-drittijiet tal-passiġġieri relatata mal-COVID-19 26 . Hija ħarġet Rakkomandazzjoni dwar il-vouchers offruti lill-passiġġieri u lill-vjaġġaturi bħala alternattiva għar-rifużjonijiet għal servizzi tal-ivvjaġġar u tat-trasport ikkanċellati. Din enfasizzat ukoll kif l-Istati Membri jistgħu jappoġġaw il-likwidità finanzjarja tal-kumpaniji tat-trasport 27 . F’Diċembru tal-2020, il-Kummissjoni avżat lin-network ta’ infurzar tal- Kooperazzjoni għall-Protezzjoni tal-Konsumatur dwar il-politiki ta’ kanċellazzjoni u ta’ rifużjoni ta’ diversi linji tal-ajru. Dan wassal għal diskussjonijiet bejn il-Kummissjoni, l-awtoritajiet nazzjonali għall-protezzjoni tal-konsumatur, u 16-il linja tal-ajru ewlenija. B’riżultat ta’ dan, dawn il-linji tal-ajru impenjaw ruħhom li jipprovdu informazzjoni aħjar u rifużjonijiet f’waqthom lill-passiġġieri għal titjiriet ikkanċellati 28 .

Il-Kummissjoni talbet lill-Istati Membri jużaw il-pjattaforma pilota tal-UE sabiex jipprovdu informazzjoni dwar l-applikazzjoni, il-monitoraġġ u l-infurzar tal-liġijiet tal-UE dwar id-drittijiet tal-passiġġieri matul il-kriżi tal-COVID-19. Tingħata attenzjoni partikolari lill-kumpaniji tat-trasport u jekk dawn jagħtux lill-passiġġieri l-għażla bejn rifużjonijiet jew vouchers. Il-Kummissjoni nediet proċedimenti ta’ ksur kontra l-Istati Membri li kienu introduċew regoli li jiksru l-liġijiet tal-UE dwar id-drittijiet tal-passiġġieri. Dan irriżulta fl-irtirar ta’ dawn ir-regoli nazzjonali kunfliġġenti.

2.4 Iż-żamma tal-konnettività tat-trasport

L-UE pprovdiet ukoll eżenzjoni regolatorja lill-kumpaniji tat-trasport permezz tal-emendi leġiżlattivi tagħha. Jekk trasportatur tal-ajru ma jkunx jista’ jibqa’ jissodisfa l-obbligi finanzjarji tiegħu għal perjodu ta’ 12-il xahar, l-awtoritajiet tal-liċenzjar tal-Istati Membri għandhom l-għażla li ma jissospendux jew ma jirrevokawx il-liċenzja tiegħu. Il-liġijiet introduċew miżuri sabiex jappoġġaw l-ajruporti u l-kumpaniji tas-servizzi fuq l-art, partikolarment billi jippermettu lill-ajruporti jagħtu kuntratti ta’ servizzi fuq l-art f’emerġenza jekk kumpanija twaqqaf l-attivitajiet tagħha minħabba l-kriżi tal-COVID-19 29 .

Emendi għar-Regolament dwar is-Slots 30

L-UE adottat malajr emendi leġiżlattivi li jippermettu lit-trasportaturi tal-ajru jżommu s-slots tagħhom fl-istaġun ta’ skedar korrispondenti li jmiss, anke meta ma jkunux jistgħu joperaw il-minimu ta’ 80 % tas-slots kif normalment meħtieġ. Dawn l-emendi għandhom l-għan li jipprovdu għajnuna finanzjarja lil-linji tal-ajru u jevitaw li jkollhom joperaw titjiriet sabiex iżommu s-slots tagħhom biss. Barra minn hekk, jiżguraw li l-kapaċità tal-ajruport tintuża kompetittivament għall-benefiċċju tal-konsumaturi u tal-konnettività. 

L-eżenzjoni leġiżlattiva fis-settur marittimu għamlitha possibbli għal korp maniġerjali ta’ port jew għall-awtorità responsabbli li tirrinunzja, tnaqqas jew tiddifferixxi l-pagamenti għall-imposti tal-infrastruttura tal-portijiet 31 . Fis-settur ferrovjarju, ġew introdotti regoli temporanji ta’ benefiċċju għall-kumpaniji ferrovjarji, pereżempju billi l-maniġers tal-infrastruttura tħallew jistabbilixxu imposti tal-aċċess li huma anqas mill-kostijiet operatorji 32 . It-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni ta’ xi regoli tal-UE ġew posposti sabiex jitnaqqas il-piż fuq l-Istati Membri sabiex ikunu jistgħu jiffokaw fuq il-ġlieda kontra t-tixrid tal-virus 33 .

Ir-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat ippermettew lill-Istati Membri jipprovdu għajnuna temporanja ta’ emerġenza sabiex jikkumpensaw għal telf f’daqqa ta’ likwidità jew jikkumpensaw għad-danni direttament marbuta mal-COVID-19. Fid-19 ta’ Marzu 2020, il-Kummissjoni adottat Qafas Temporanju għall-Għajnuna mill-Istat 34 sabiex tappoġġa l-ekonomija fil-kriżi tal-COVID-19. Dan stabbilixxa l-kundizzjonijiet tal-Għajnuna mill-Istat sabiex jiġi ffaċilitat kwalunkwe tfixkil serju fl-ekonomija ta’ Stat Membru. Dan japplika għal kważi s-setturi u l-kumpaniji kollha, inklużi l-kumpaniji tat-trasport, li huwa jirrikonoxxi bħala wieħed mill-aktar setturi affettwati. Il-Qafas għandu l-għan li jtaffi n-nuqqas ta’ likwidità tal-kumpaniji billi jippermetti, pereżempju, għotjiet diretti, vantaġġi tat-taxxa, garanziji mill-Istat għal self, self pubbliku sussidjat, u rikapitalizzazzjoni.

Il-Kummissjoni ċċarat ukoll kif għandhom jiġu interpretati r-regoli ewlenin tal-UE dwar it-trasport, l-għajnuna mill-Istat u l-akkwist pubbliku fi kriżi billi adottat gwida għall-Istati Membri. Dan ippermetta lill-Istati Membri jemendaw il-kuntratti eżistenti tal-obbligi tas-servizz pubbliku, għat-trasport fuq l-art 35 , bl-ajru 36 u marittimu 37 , għall-ħtiġijiet li rriżultaw mill-kriżi tal-COVID-19. Il-Kummissjoni ħarġet ukoll gwida dwar il-proċedura għall-għoti urġenti ta’ kuntratti ġodda ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku sabiex il-konnettività bażika tat-trasport tkun tista’ tinżamm jekk is-servizzi kummerċjali ma jkunux jistgħu minħabba l-kriżi. Dawn il-miżuri leġiżlattivi huma temporanji u għall-perjodu limitat tal-kriżi tal-COVID-19. L-adozzjoni rapida tagħhom turi li l-Kummissjoni u l-Parlament u l-Kunsill jistgħu jirreaġixxu effettivament għal kriżijiet bħal dawn.

L-Istati Membri jistgħu jidentifikaw obbligi ġodda ta’ servizz pubbliku, speċjalment meta jkun hemm riskju ta’ telf f’daqqa ta’ konnettività. Il-Kummissjoni pprovdiet gwida dwar il-kumpens tal-obbligi tas-servizz pubbliku matul it-tifqigħa tal-COVID-19 38 u organizzat numru ta’ diskussjonijiet bilaterali mal-Istati Membri. 

2.5 L-għoti ta’ finanzjament immirat għal operazzjonijiet ewlenin tat-trasport

Bħala parti mit-EUR 2,7 biljun allokati fl-ambitu tal-Istrument għall-Appoġġ ta’ Emerġenza (ESI) sabiex jgħinu lill-Istati Membri jirrispondu għall-kriżi tal-COVID-19, il-flessibbiltà tal-ESI ppermettiet li jsiru disponibbli malajr EUR 220 miljun għal azzjonijiet relatati mat-trasport. Dan imbagħad ġie strutturat bħala l-“Pakkett dwar il-Mobilità” tal-ESI, li, meta tnieda fid-19 ta’ Ġunju 2020, ipprovda appoġġ ibbażat fuq il-ħtiġijiet lill-Istati Membri għat-trasport tal-merkanzija relatata mal-kriżi tal-COVID-19, għat-trasport tal-pazjenti, kif ukoll timijiet mediċi. B’kollox, ġew appoġġati aktar minn 2 000 operazzjoni bl-ajru, fuq l-art jew fuq il-baħar għat-trasport ta’ tagħmir u timijiet mediċi u t-trasferiment ta’ pazjenti. Kumplessivament, l-operazzjonijiet tal-merkanzija ġew iffinanzjati b’aktar minn EUR 164 miljun. S’issa ngħataw ukoll aktar minn EUR 9 miljun lill-Istati Membri għat-trasport ta’ timijiet mediċi u t-trasferiment ta’ pazjenti, filwaqt li ġie appoġġat it-trasport ta’ aktar minn 450 ħaddiem tas-saħħa u madwar 350 pazjent. In-numru ta’ Stati Membri li bbenefikaw mill-Pakkett dwar il-Mobilità tal-ESI huwa 21.

Ir-rispons tal-UE għall-aggressjoni militari tar-Russja kontra l-Ukrajna

Fl-24 ta’ Frar 2022, ir-Russja nediet invażjoni militari fuq skala kbira kontra l-Ukrajna. Fl-ewwel ġimgħat tal-kunflitt, aktar minn 3,9 miljun persuna ħarbu mill-Ukrajna lejn l-UE. L-UE pprovdiet EUR 1.2 biljun f’assistenza makrofinanzjarja lill-Ukrajna, fejn 600 miljun f’self konċessjonali ġew żborżati f’Marzu u t-tieni pagament parzjali ta’ EUR 600 miljun għad irid jiġi żborżat. Barra minn hekk, fis-7 ta’ April ġie trasferit għall-baġit tal-Ukrajna appoġġ ta’ emerġenza ta’ EUR 120 miljun f’għotjiet, provvediment b’appoġġ għan-nefqiet bażiċi tal-gvern. L-UE qed tagħti skop ġdid lill-proġetti li għaddejjin bħalissa (bejn EUR 100-200 miljun) biex tipprovdi assistenza ta’ emerġenza u biex tissodisfa l-bżonnijiet urġenti tal-popolazzjoni u l-awtoritajiet. Il-Kummissjoni adottat ukoll pakkett ġdid ta’ emerġenza ta’ EUR 330 miljun. L-UE ħadet diversi miżuri sabiex tissanzjona lir-Russja u tgħin lill-Ukrajna. Il-miżuri relatati mat-trasport jinkludu:

(-) L-UE tat parir kontra l-operat ta’ titjiriet kummerċjali fuq l-ispazju tal-ajru kollu tal-Ukrajna, tal-Belarussja u ta’ partijiet mir-Russja f’Bullettin ta’ Informazzjoni dwar iż-Żona ta’ Kunflitt mill-Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-UE. Dan il-parir ġie estiż malajr sabiex jinkludi l-ispazju tal-ajru tal-Moldova.

(-) L-UE għalqet l-ispazju tal-ajru tagħha lit-trasportaturi u lill-kumpaniji Russi 39 .

(-) Fid-9 ta’ Marzu, l-UE adottat projbizzjoni kontra:

(i) Il-bejgħ, il-forniment, il-lokazzjoni, it-trasferiment u l-esportazzjoni, diretti jew indiretti, tal-oġġetti u t-teknoloġiji ajrunawtiċi kollha (inġenji tal-ajru, inġenji tal-ispazju u l-partijiet tagħhom);

(ii) Il-provvista ta’ assigurazzjoni u riassigurazzjoni, diretta jew indiretta, għal kwalunkwe wieħed minn dawn l-oġġetti u t-teknoloġiji ajrunawtiċi;

(iii) Il-forniment ta’ servizzi ta’ tiswija u manutenzjoni għal dawn il-prodotti ajrunawtiċi.

(-) L-UE żiedet il-Ferroviji Russi fil-lista ta’ korpi soġġetti għal sanzjonijiet finanzjarji. L-individwi marbuta mal-Ferroviji Russi u s-sussidjarji tagħhom żdiedu mal-lista ta’ persuni koperti mill-miżuri restrittivi tal-UE.

(-) L-UE introduċiet sanzjonijiet fuq in-navigazzjoni tal-baħar u t-tagħmir tar-radju li jipprojbixxu;

(i) Il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni ta’ dawn il-prodotti lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fir-Russja, għall-użu fir-Russja, jew għat-tqegħid abbord ta’ bastiment li jtajjar il-bandiera Russa.

(ii) Il-forniment ta’ assistenza teknika, servizzi ta’ senserija jew servizzi oħrajn kif ukoll finanzjament u assistenza finanzjarja relatati ma’ dawn il-prodotti.

(-) L-UE adottat sanzjonijiet ulterjuri fit-8 ta’ April li jipprojbixxu bastimenti li jtajru l-bandiera Russa milli jidħlu f’port tal-UE (inklużi l-jottijiet) u li jipprojbixxu impriżi tat-trasport bit-triq stabbiliti fir-Russja u fil-Belarussja milli jġorru oġġetti bit-triq fit-territorju tal-Unjoni Ewropea.

(-) Fuq talba tal-Ukrajna, l-UE attivat il-Mekkaniżmu tal-UE għall-Protezzjoni Ċivili (UCPM) li jipprovdi appoġġ relatat mal-konsegwenzi tal-aggressjoni militari Russa. Eluf ta’ tunnellati ta’ assistenza mill-Istati Membri kollha tal-UE ntbagħtu lejn l-Ukrajna permezz ta’ ċentri loġistiċi tal-UCPM fil-Polonja, fir-Rumanija u fis-Slovakkja. Il-pajjiżi ġirien talbu wkoll assistenza tal-UCPM relatata mal-influss ta’ Migrazzjoni. Minbarra l-Ukrajna, il-UCPM qiegħed jintuża wkoll sabiex jipprovdi forom differenti ta’ appoġġ kritiku lill-Moldova, lill-Polonja, lis-Slovakkja u lir-Repubblika Ċeka, li kollha huma pajjiżi ta’ destinazzjoni ewlenija għar-refuġjati li jaħarbu mill-kunflitt. Il-UCPM sar affidament fuqu wkoll sabiex tiġi ffaċilitata r-ripatrijazzjoni taċ-ċittadini tal-UE meta possibbli. Iċ-ċentri loġistiċi għall-provvisti ta’ sokkors ġew stabbiliti taħt ir-responsabbiltà tal-awtoritajiet lokali fil-Polonja, fis-Slovakkja, u fir-Rumanija u kienu ffinanzjati bis-sħiħ mill-UCPM

(-) L-attivazzjoni tad-Direttiva dwar il-Protezzjoni Temporanja 40 għall-Ukreni u għall-persuni mhux Ukreni jekk ma jkunux jistgħu jirritornaw b’mod sikur lejn l-Ukrajna.

(-) Linji gwida operazzjonali għall-ġestjoni tal-fruntieri esterni sabiex jiġi ffaċilitat il-qsim tal-fruntieri bejn l-UE u l-Ukrajna. Dawn il-linji gwida jinkludu l-ħaddiema tat-trasport 41 .

(-) L-għajnuna lis-sewwieqa tat-trakkijiet tal-UE li jitħallew l-art sabiex jirritornaw id-dar mill-Ukrajna, mir-Russja u mill-Belarussja, billi jiġu ssimplifikati l-proċeduri għalihom.

(-) L-attivitajiet kollha tas-sħubija tat-trasport u l-loġistika tad-Dimensjoni tat-Tramuntana li jinvolvu r-Russja u l-Belarussja ġew sospiżi.

(-) Xi Stati Membri pprovdew trasport pubbliku bla ħlas lill-poplu tal-Ukrajna. Barra minn hekk, ħafna kumpaniji tat-trasport tal-UE introduċew miżuri, bħall-biljetti tal-ajru, tal-karozzi tal-linja jew tal-ferrovija b’xejn, sabiex jgħinu lill-Ukrajna u lill-poplu tagħha; jew sabiex iwasslu għajnuna umanitarja.

(-) L-Istati Membri li jmissu mal-Ukrajna stabbilew faċilitajiet ta’ akkoljenza/ċentri tat-trasport.

(-) il-Kummissjoni attivat in-Network ta’ Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali għat-Trasport.

(-) Il-Kummissjoni Ewropea pproponiet deskrizzjoni ġenerali ta’ pjan (RePower EU) sabiex l-Ewropa ssir indipendenti mill-fjuwils fossili Russi ferm qabel l-2030, filwaqt li tibda bil-gass, fid-dawl tal-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja 42 .

(-) Bħala parti mill-appoġġ tal-UE għall-Ukrajna quddiem l-aggressjoni militari tar-Russja, fit-12 ta’ Mejju, il-Kummissjoni stabbiliet Korsiji ta’ Solidarjetà 43 li jikkonsistu f’sett ta’ azzjonijiet biex jgħinu lill-Ukrajna tesporta l-prodotti agrikoli tagħha. Wara l-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja u l-imblokk tagħha tal-portijiet Ukreni, jeħtieġ li l-qamħ Ukren u prodotti agrikoli oħra jsibu rotot loġistiċi alternattivi biex jaslu fid-destinazzjoni tagħhom. Permezz tal-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni qed tippreżenta pjan ta’ azzjoni biex tistabbilixxi “Korsiji ta’ Solidarjetà” bl-għan li tiżgura li l-Ukrajna tkun tista’ tesporta ċ-ċereali, iżda wkoll li tkun tista’ timporta l-prodotti li teħtieġ, minn għajnuna umanitarja sa għalf tal-annimali u fertilizzanti. Dan se jikkontribwixxi għall-appoġġ tal-ekonomija tal-Ukrajna kif ukoll għas-sigurtà globali tal-ikel. Il-Kummissjoni, flimkien mal-Istati Membri u l-partijiet konċernati, identifikat xi azzjoni ta’ prijorità, inkluż:

   Ikunu disponibbli vetturi ferrovjarji, bastimenti u trakkijiet addizzjonali tal-merkanzija:

   Tiġi żgurata kapaċità suffiċjenti tan-networks tat-trasport u tat-terminals tat-trażbord għall-esportazzjoni agrikola tal-Ukrajna;

   Jiġu promossi flessibbiltà massima u ingaġġ ta’ persunal adegwat għall-operazzjonijiet doganali u spezzjonijiet oħra;

   Jiġu identifikati l-possibbiltajiet għall-ħżin ta’ prodotti agrikoli Ukreni fit-territorju tal-UE;

   Tittejjeb il-konnettività bejn l-UE u l-Ukrajna fit-terminu medju billi tiżdied il-kapaċità tal-infrastruttura ta’ kurituri ġodda tal-esportazzjoni u jiġu stabbiliti konnessjonijiet infrastrutturali ġodda fil-qafas tar-rikostruzzjoni tal-Ukrajna.

(-) Fit-12 ta’ Mejju, il-Kummissjoni approvat fehim ta’ livell għoli 44 mal-Ukraina fejn qablet dwar mapep indikattivi ġodda għan-Netwerk Trans-Ewropew tat-Trasport (TEN-T) għall-Ukrajna, bħala parti mill-politika tal-Kummissjoni dwar l-estensjoni tat-TEN-T għall-pajjiżi ġirien.

Tħejjija għall-Kriżi

Il-gwerra tar-Russja kontra l-Ukrajna wriet l-importanza tat-tħejjija. Bis-saħħa tal-kapaċitajiet eżistenti, l-UE kienet kapaċi tistabbilixxi malajr assistenza effettiva għall-Ukrajna u għar-refuġjati li jaħarbu mill-pajjiż. Għadna ma nafux l-impatt sħiħ tal-gwerra jew il-kriżi li jmiss li tista’ taffettwa t-trasport. Mekkaniżmu ta’ rispons effettiv ma għandux jimmira biss mezz wieħed ta’ trasport minħabba li t-tfixkil sistemiku f’mod wieħed jista’ jaffettwa n-network kollu.

Ir-Rapport ta’ Tbassir Strateġiku tal-UE tal-2021 45 jenfasizza fatturi li jistgħu jħallu impatt fuq it-trasport tal-UE, inkluż it-tibdil fil-klima u sfidi ambjentali oħrajn, it-theddid għas-sigurtà u t-terroriżmu, l-iperkonnettività diġitali, u t-trasformazzjoni teknoloġika. Fil-passat, diversi attakki jew tentattivi terroristiċi kienu mmirati lejn it-trasport tal-UE, peress li t-trasport huwa mira effettiva minħabba n-numru kbir ta’ persuni li jużawh kuljum 46 . Matul il-pandemija tal-COVID-19, ġiet immirata t-telekomunikazzjoni, inkluża l-infrastruttura 3G/4G/5G (eż. ripetituri, repeater bridges u torrijiet tat-telefonija ċellulari) u komponenti oħrajn tan-network (eż. relays u kejbils). F’Lulju tal-2021, l-għargħar fil-Belġju u fil-Ġermanja kkawża ħafna mwiet u tfixkil serju u fit-tul fit-trasport.

Iċ-ċibersigurtà teħtieġ attenzjoni partikolari. L-istrateġija għal mobbiltà sostenibbli u intelliġenti tirrikonoxxi l-ħtieġa li ċ-ċibersigurtà tat-trasport tiġi ttrattata bi prijorità għolja sabiex jiġi indirizzat it-theddid ċibernetiku. Skont l-Aġenzija tal-UE għaċ-Ċibersigurtà (ENISA) 47 , iċ-ċiberkriminali qegħdin jimmiraw infrastruttura tal-kura tas-saħħa, tat-trasport 48 , u tal-enerġija aktar kritika. L-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna żiedet it-tħassib tat-theddid ċibernetiku, anke kontra miri fl-UE.

3.1 Prinċipji ta’ kontinġenza tat-trasport

Sabiex ikun hemm tħejjija għal avvenimenti ewlenin u rispons għalihom, minbarra prinċipji rilevanti oħrajn tal-UE, il-prinċipji ta’ kontinġenza deskritti hawn taħt għandhom dejjem jiġu rrispettati.

I.Proporzjonalità: L-introduzzjoni ta’ miżuri li jirrestrinġu t-trasport ta’ oġġetti jew ta’ persuni biss bħala l-aħħar alternattiva. Il-miżuri kollha jridu jkunu ġġustifikati kif xieraq, ibbażati fuq l-evidenza u proporzjonali, soġġetti għal monitoraġġ u rieżami regolari, ikkomunikati malajr, temporanji, u mneħħija mill-aktar fis possibbli 49 .

II.Nondiskriminazzjoni: Il-miżuri ma għandhomx jiddiskriminaw bla bżonn abbażi tan-nazzjonalità, tal-oriġini tal-oġġetti, jew jiddiskriminaw bejn modi differenti ta’ trasport jew ta’ oġġetti ttrasportati. Dawn għandhom jiżguraw trattament mhux diskriminatorju tal-ħaddiema tat-trasport (inklużi residenti mhux tal-UE) u jirrinunzjaw, fejn possibbli, għar-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar jew it-traffiku jew kwalunkwe piż amministrattiv ieħor li jaffettwahom, minħabba r-rwol kruċjali tagħhom fil-ktajjen tal-provvista tal-vetturi tal-merkanzija. L-istess japplika għan-nondiskriminazzjoni tal-passiġġieri.

III.Koordinazzjoni: Il-miżuri kollha għandhom jiġu kkoordinati mal-awtoritajiet tat-trasport permezz tan-Network ta’ Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali tat-Trasport. Għandhom jiġu stabbiliti kanali ta’ komunikazzjoni bejn in-Network, l-UE u fora orizzontali internazzjonali għall-ġestjoni tal-kriżijiet. Il-koordinazzjoni trid tibda bejn l-awtoritajiet rilevanti mill-bidu nett partikolarment meta taffettwa n-network tat-TEN-T u aktar minn Stat Membru wieħed.

IV.Trasparenza, komunikazzjoni u djalogu: Il-miżuri kollha għandhom jiġu kkomunikati b’mod ċar lill-partijiet konċernati affettwati qabel ma jidħlu fis-seħħ 50 , jiġu diskussi magħhom, u jiġu aġġustati jekk ikun meħtieġ. Għandu jiġi żgurat djalogu kontinwu mal-partijiet ikkonċernati, inklużi s-sħab internazzjonali.

V.Konsistenza ma’ politiki tal-UE: Miżuri nazzjonali u lokali li jagħmlu ħsara lill-funzjonament taż-Żona Unika Ewropea tat-Trasport iridu jiġu evitati. Ladarba jkun hemm miżuri ta’ kontinġenza tat-trasport fil-livell tal-UE, l-awtoritajiet rilevanti għandhom ineħħu l-miżuri nazzjonali minnufih.

VI.Integrità tas-sistema tat-trasport: Il-miżuri li jirrispondu għall-problemi f’mezz wieħed tat-trasport għandhom iqisu u jagħmlu użu sħiħ mill-modi kollha tat-trasport.

VII.Attenzjoni għall-passiġġieri bi bżonnijiet speċifiċi: Għandha tingħata attenzjoni partikolari għall-ħtiġijiet tal-passiġġieri u tal-gruppi ta’ passiġġieri f’sitwazzjonijiet vulnerabbli (eż. persuni b’mobbiltà mnaqqsa u/jew persuni b’diżabilità), tal-passiġġieri li jitħallew l-art, tal-vjaġġaturi b’impjiegi essenzjali, u tal-ħaddiema transfruntiera.

VIII.Kura għall-ħaddiema tat-trasport: Il-ħaddiema tat-trasport għandu jkollhom kundizzjonijiet tax-xogħol sikuri, siguri u xierqa 51 .

3.2 Sett ta’ għodod ta’ kontinġenza għat-trasport

Il-Kummissjoni tipproponi sett ta’ għodod b’[10] miżuri sabiex tiżdied il-preparatezza għall-kriżijiet tas-settur tat-trasport u l-kapaċitajiet ta’ rispons tiegħu. Is-sett ta’ għodod għandu jintuża f’konformità mal-prinċipji elenkati hawn fuq. Il-miżuri jvarjaw minn azzjonijiet preparatorji fit-tul għal għodod li jistgħu jintużaw għal miżuri immedjati. L-objettiv komuni huwa li jkun hemm tħejjija aħjar għal rispons rapidu għal kwalunkwe aċċident jew avveniment li kapaċi jikkawża tfixkil serju fis-sistema tat-trasport tal-UE. Dan it-tfixkil jista’ jiġi kkawżat minn diżastri naturali, pandemiji, attakki terroristiċi, attakki ċibernetiċi, ransomware, kunflitti militari, ħsarat fl-infrastruttura (bħal kollass ta’ pontijiet jew mini), jew qtugħ tal-enerġija.

1)Adattament tal-liġijiet tal-UE dwar it-trasport għal sitwazzjonijiet ta’ kriżi

Xi liġijiet tat-trasport diġà għandhom klawżoli ta’ emerġenza. Eżempji jinkludu l-Artikolu 21 tar-Regolament dwar is-Servizzi tal-Ajru 52 , l-Artikolu 5(5) tar-Regolament dwar l-għoti ta’ kuntratti ta’ servizz pubbliku għat-trasport fuq l-art 53 , l-Artikolu 7(4) tar-Regolament dwar is-servizzi portwarji 54 , u l-Artikolu 10 tar-Regolament dwar l-aċċess għas-suq internazzjonali tat-trasport tal-merkanzija bit-triq 55 . Xi leġiżlazzjoni attwali diġà ssemmi l-obbligu li jiġu pprovduti pjanijiet ta’ kontinġenza. Skont ir-raba’ pakkett ferrovjarju 56 , il-kumpaniji ferrovjarji jridu jfasslu pjanijiet ta’ kontinġenza sabiex jipproteġu u jassistu lill-passiġġieri jekk ikun hemm tfixkil kbir fit-trasport 57 .

Fejn xieraq, il-liġijiet tal-UE dwar it-trasport jeħtieġ li jiġu emendati sabiex jiġu introdotti dispożizzjonijiet ħalli tiġi indirizzata aħjar kriżi kbira. Madankollu, dawn id-dispożizzjonijiet ma għandhomx jirriżultaw f’eċċezzjonijiet bla bżonn għall-applikazzjoni tad-dritt tal-UE. Għalhekk, l-introduzzjoni ta’ tali klawżoli għandha tiġi kkunsidrata bir-reqqa meta jiġi emendat jew adottat regolament jew direttiva speċifika. Il-valutazzjonijiet tal-impatt għandhom jevalwaw jekk humiex meħtieġa klawżoli ta’ emerġenza u kif dawn għandhom jitfasslu.

B’segwitu għal dan l-approċċ, il-Kummissjoni pproponiet ċerti dispożizzjonijiet fir-reviżjonijiet reċenti tal-liġijiet tat-TEN-T u tas-Sistema tat-Trasport Intelliġenti 58 . It-tisħiħ tat-taqsimiet transfruntiera tat-TEN-T, iż-żieda tal-multimodalità permezz tat-terminali u l-bidla għal modi sostenibbli ta’ trasport huma eżempji ta’ azzjonijiet fit-tul meħtieġa għal tħejjija aħjar. Il-Kummissjoni beħsiebha tanalizza jekk huwiex xieraq li toffri flessibbiltà temporanja addizzjonali fl-applikazzjoni tar-regoli tat-trasport bit-triq dwar ir-restrizzjonijiet tas-sewqan u l-ħinijiet tas-sewqan, filwaqt li tiżgura s-sikurezza tal-operazzjonijiet tat-trasport f’kull ħin.

Dawn id-dispożizzjonijiet permanenti jistgħu jirriflettu l-miżuri temporanji introdotti b’rispons għall-kriżi tal-COVID-19, bħal dawk introdotti fl-Omnibus I u II jew fl-emendi għar-Regolament dwar is-Servizzi tal-Ajru u r-Regolament dwar is-Slots 59 (ara t-Taqsima 2.4). Bl-istess mod, it-tagħlimiet meħuda mill-pandemija tal-COVID-19 għandhom jagħtu bidu għad-diskussjonijiet li ilhom mistennija dwar ir-reviżjoni tar-Regolament Nru 261/2004 dwar id-drittijiet tal-passiġġieri tal-ajru sabiex dan ikun adattat għal kriżijiet futuri. L-introduzzjoni ta’ pjanijiet ta’ kontinġenza se tkun ukoll parti mill-valutazzjoni kontinwa tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar id-drittijiet tal-passiġġieri.  

2)L-iżgurar ta’ appoġġ adegwat għas-settur tat-trasport

It-tisħiħ tar-reżiljenza tas-settur tat-trasport jimxi id f’id mat-titjib tal-konnettività u s-sostenibbiltà tas-sistema tat-trasport tal-UE. Il-Kummissjoni se tkompli ssegwi mill-qrib u tappoġġa l-implimentazzjoni tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRF), li se tgħin sabiex is-settur tat-trasport isir aktar reżiljenti fil-modi kollha. L-Istati Membri qegħdin jippjanaw li jiddedikaw partijiet sinifikanti tal-RRF għat-trasport, billi jpoġġuh fost l-aktar setturi importanti tal-ekonomija sabiex jibbenefika minn investimenti fl-ambitu ta’ Next Generation EU. Fit-22 Pjan għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRPs) approvati mill-Kunsill, l-RRPs nazzjonali se jiddedikaw ammont sinifikanti sabiex itejbu s-sostenibbiltà tas-sistema Ewropea tal-mobbiltà. Kumplessivament, l-Istati Membri se jonfqu EUR 70,7 biljun fuq investimenti u riformi relatati mat-tranżizzjoni ekoloġika tat-trasport, madwar 15,7 % tal-allokazzjoni. Investimenti u riformi addizzjonali fis-settur tat-trasport jindirizzaw prijoritajiet oħrajn, bħat-trasformazzjoni diġitali u l-koeżjoni soċjali u territorjali tiegħu. Kull pjan nazzjonali jalloka ftit mill-allokazzjoni tiegħu għal dan il-qasam. Fil-kuntest ġeopolitiku attwali affettwat konsiderevolment mill-aggressjoni militari Russa fl-Ukrajna, it-tnaqqis tad-dipendenza tal-UE fuq il-fjuwils fossili huwa saħansitra aktar urġenti. Biex tindirizza dawn l-isfidi, fit-18 ta’ Mejju 2022 il-Kummissjoni ppubblikat pjan REPowerEU 60 li jistabbilixxi azzjonijiet Ewropej konġunti f’dan il-qasam. L-RRF se jkollha rwol ċentrali fil-mobilizzazzjoni u l-implimentazzjoni tar-riżorsi disponibbli fil-livelli Ewropej u nazzjonali biex jintlaħqu l-objettivi tal-pjan REPowerEU. Barra minn hekk, strumenti finanzjarji bħall-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, inkluża l-parti diġitali tagħha FNE Diġitali, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u InvestEU, huma kruċjali għat-titjib tar-reżiljenza tas-suq uniku permezz ta’ investimenti fil-konnettività, fid-diġitalizzazzjoni u fl-infrastrutturi tal-konnettività diġitali u l-multimodalità tas-sistema tat-trasport tal-UE, kif ukoll it-tnaqqis tad-dipendenza tagħha mill-fjuwils fossili.

Sabiex twieġeb malajr għal kriżi futura, il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jimmobilizzaw fondi oħrajn kif xieraq, skont in-natura tal-kriżi. Ir-rispons jista’ jieħu wkoll il-forma ta’ għajnuna finanzjarja, billi jtaffi temporanjament l-obbligi ta’ ħlas. Il-Kummissjoni tista’ tikkunsidra wkoll miżuri leġiżlattivi li jipprovdu għajnuna finanzjarja lis-settur tat-trasport. Dawn il-miżuri jistgħu jippermettu lill-korp maniġerjali ta’ port jew lill-awtorità responsabbli li tirrinunzja, tnaqqas jew tiddifferixxi l-ħlas ta’ imposti fuq l-infrastruttura tal-portijiet jew tippermetti lill-maniġers tal-infrastruttura ferrovjarja jistabbilixxu imposti tal-aċċess taħt il-kostijiet operatorji (ara t-Taqsima 2.4). Minħabba li kull kriżi hija differenti u tista’ tirrikjedi azzjoni differenti, il-ħtieġa ta’ għajnuna temporanja mill-Istat se tiġi analizzata każ b’każ minflok ma jiġi stabbilit qafas permanenti u inflessibbli għall-futur.

3)L-iżgurar tal-moviment liberu tal-oġġetti, tas-servizzi u tal-persuni

Is-sistema tal-Korsiji Ħodor, li ġiet stabbilita b’suċċess matul il-pandemija tal-COVID-19, tista’ tiġi riattivata meta jkun meħtieġ sabiex tiġi indirizzata kwalunkwe kriżi ġdida li taffettwa t-trasport tal-UE. Sabiex jiġi żgurat li l-kontrolli fil-fruntieri interni jibqgħu miżura tal-aħħar istanza, il-proposta tal-Kummissjoni għall-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen 61 iċċarat u espandiet il-lista li Stat Membru jeħtieġlu jivvaluta meta jiddeċiedi li jintroduċi mill-ġdid temporanjament il-kontrolli fil-fruntieri. Ir-regoli l-ġodda jintroduċu wkoll għodod komuni għall-ġestjoni tal-fruntieri esterni b’mod aktar effiċjenti fi kriżi tas-saħħa pubblika, li jibnu fuq it-tagħlimiet meħuda mill-pandemija tal-COVID-19. Il-Kummissjoni qiegħda tippjana li tipproponi Strument ta’ Emerġenza tas-Suq Uniku fl-2022. Dan se jipprovdi qafas għall-implimentazzjoni ta’ miżuri ta’ rispons għall-kriżijiet li huma importanti għas-settur tat-trasport, partikolarment il-moviment liberu tal-oġġetti, tas-servizzi u tal-persuni, id-disponibbiltà tal-prodotti u tas-servizzi, u t-trasparenza u l-koordinazzjoni.

Il-Kummissjoni stiednet lill-Istati Membri jiżguraw li jiġu applikati l-prinċipji ta’ kontinġenza u jimminimizzaw il-kontrolli, l-iskrinjar u formalitajiet oħrajn sabiex jitnaqqas id-dewmien fil-qsim tal-fruntieri tal-korsija ħadra u jiġi rrispettat il-limitu ta’ żmien ta’ 15-il minuta. L-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw ukoll li jissospendu r-restrizzjonijiet kollha fuq l-aċċess għat-toroq fit-territorju tagħhom (projbizzjonijiet fi tmiem il-ġimgħa, projbizzjonijiet ta’ matul il-lejl, projbizzjonijiet fuq ċerti setturi tat-trasport sabiex jitnaqqas l-istorbju, eċċ.) sabiex jiffaċilitaw it-trasport tal-merkanzija bit-triq u l-moviment liberu meħtieġ tal-ħaddiema tat-trasport. Dawn għandhom jiżguraw ukoll li s-sottomissjoni/il-wiri elettroniku tad-dokumenti jitqies suffiċjenti u jiġi mħeġġeġ. L-Istati Membri għandhom ikomplu jirrikonoxxu wkoll iċ-ċertifikat għall-ħaddiema tat-trasport internazzjonali li jwettqu servizzi transfruntiera, kif propost fl-Anness 3 tal-Komunikazzjoni dwar il-Korsiji Ħodor 62 . Dan iċ-ċertifikat diġà ġie miżjud fil-Manwal prattiku tal-UE għall-gwardji tal-fruntiera 63 .

Jekk isseħħ kriżi li tixbah lill-COVID-19, il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jibnu fuq l-esperjenza fl-iżvilupp ta’ mudell komuni għall-formoli diġitali tal-UE għal-lokalizzazzjoni tal-passiġġieri 64 u pjattaforma sabiex jikkondividu d-data tal-passiġġieri għat-traċċar tal-kuntatti transfruntiera. L-għodod żviluppati fil-livell tal-UE għandhom jiġu riattivati malajr u faċilment jekk ikun meħtieġ.

L-istabbiliment ta’ korsiji ta’ appoġġ ta’ emerġenza għall-konvojs u t-trakkijiet umanitarji

Sabiex il-konvojs umanitarji jiġu megħjuna jaqsmu l-fruntieri bejn l-UE u l-Ukrajna malajr u b’mod sikur, il-Komunikazzjoni dwar il-linji gwida operazzjonali għall-ġestjoni tal-fruntieri esterni tagħti struzzjonijiet lill-Istati Membri sabiex jindikaw korsiji speċjali fil-punti ta’ qsim tal-fruntiera tagħhom bħala korsiji ta’ appoġġ ta’ emerġenza. Id-deżinjazzjoni ta’ korsiji simili għat-trakkijiet hija mħeġġa wkoll sabiex tiżgura provvista kontinwa ta’ oġġetti u servizzi u r-ritorn sikur tal-ħaddiema tat-trasport mill-Ukrajna 65 .

4)Il-ġestjoni tal-flussi tar-refuġjati u r-ripatrijazzjoni ta’ passiġġieri li jitħallew l-art u ta’ ħaddiema tat-trasport

F’pajjiżi mhux tal-UE, id-Delegazzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri b’ambaxxati jew konsulati għandhom ikomplu jżidu l-preparatezza konsulari għall-kriżijiet, partikolarment permezz ta’ pjanijiet ta’ kontinġenza lokali. Għandhom jiġu kkunsidrati u stabbiliti timijiet konsulari konġunti tal-UE ta’ rispons għall-kriżijiet, inkluża l-parteċipazzjoni possibbli ta’ Stati Membri mhux rappreżentati. Is-SEAE saħħaħ ir-rispons u l-preparatezza konsulari tiegħu billi waqqaf tim ta’ kriżi konsulari, lest sabiex jieħu azzjoni u jikkoordina, man-network tad-Delegazzjonijiet tal-UE, l-isforzi ta’ ripatrijazzjoni organizzati mill-Istati Membri (sponsorjati mill-UCPM jew le).

Il-Mekkaniżmu tal-UE għall-Protezzjoni Ċivili u r-riżerva ta’ rescEU se jiġu mmobilizzati kif meħtieġ. Passiġġieri jew ħaddiema jistgħu jitħallew l-art fit-territorju tal-UE jew barra minnu. Sabiex iħejji għal kriżijiet futuri u jwieġeb għalihom, is-SEAE se jkompli jikkontribwixxi għall-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni fi kriżi, filwaqt li jaħdem mill-qrib mal-Istati Membri. Fil-kriżijiet futuri, il-Mekkaniżmu tal-UE għall-Protezzjoni Ċivili se jappoġġa r-ripatrijazzjoni ta’ ċittadini tal-UE li jitħallew barra mill-UE. Il-Mekkaniżmu jeħtieġ li jiġi attivat malajr mill-gvern(ijiet) taċ-ċittadini affettwati. Stat Membru li jikkoordina l-assistenza għaċ-ċittadini tal-UE affettwati kollha jista’ jibgħat ukoll talba liċ-ċentru ta’ koordinazzjoni tar-rispons ta’ emerġenza tal-Kummissjoni.

L-evakwazzjoni tista’ titwettaq mill-Istati Membri u/jew mill-Istati parteċipanti 66 għall-Mekkaniżmu fuq bażi volontarja, u l-Kummissjoni tista’ tikkofinanzja sa 75 % tal-kostijiet tat-trasport. Il-leġiżlazzjoni riveduta dwar il-Mekkaniżmu 67  tipprevedi l-possibbiltà li jiġu żviluppati inġenji tal-ajru b’diversi użi għar-riżerva tar-rescEU għal evakwazzjoni medika. Fil-futur, il-Kummissjoni tista’ tuża dawn l-inġenji tal-ajru, bħala l-aħħar alternattiva, sabiex twieġeb għat-talbiet tal-Istati Membri biex tingħata assistenza f’evakwazzjonijiet konsulari. F’każ ta’ kriżi relatata mas-saħħa, l-evakwazzjoni medika tal-passiġġieri u tal-ħaddiema tat-trasport tal-UE tista’ tiġi attivata bħala parti mill-operazzjoni ta’ evakwazzjoni medika u permezz tas-Sistema ta’ Twissija Bikrija u ta’ Rispons tal-UE f’koordinazzjoni mal-Kummissjoni.

Il-Kummissjoni u s-SEAE se jikkoordinaw u jimmonitorjaw l-istabbiliment ta’ kurituri ta’ tranżitu b’passaġġ sikur. F’konformità mal-Komunikazzjoni ta’ Marzu tal-2020 dwar il-Korsiji Ħodor, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu kurituri ta’ tranżitu għas-sewwieqa privati u l-passiġġieri tagħhom (irrispettivament min-nazzjonalità tagħhom) u għaċ-ċittadini kollha tal-UE li jkunu qegħdin jiġu rimpatrijati 68 . L-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll li jkollhom mill-anqas ajruport wieħed dedikat għar-ripatrijazzjoni u għat-titjiriet internazzjonali ta’ għajnuna. Dawn il-kurituri għandhom ikunu parti mill-pjanijiet nazzjonali ta’ emerġenza.

L-Istati Membri għandhom jippermettu lin-nies jivvjaġġaw u jgħinuhom jerġgħu jmorru lura d-dar. Iċ-ċittadini tal-UE, li ġew ittrasportati lura minn żoni ta’ kriżi u li għadhom ma laħqux il-pajjiż ta’ residenza tagħhom tal-UE, ma għandhomx jivvjaġġaw flimkien f’numri kbar peress li dan jista’ joħloq konġestjoni f’ċentri infrastrutturali/loġistiċi. L-Istati Membri, li ċ-ċittadini tagħhom ikunu fi tranżitu f’pajjiż ieħor tal-UE, għandhom jipprovaw jgħinu lil dak il-pajjiż l-ieħor sabiex jirripatrija ċ-ċittadini affettwati.

L-Istati Membri għandhom jgħinu lil ċittadini mhux tal-UE li jaslu minn żoni ta’ kunflitt jew żoni oħrajn f’diffikultà u jgħinuhom jibqgħu għaddejjin bil-vjaġġ tagħhom. Dan jista’ jinkludi l-istabbiliment ta’ faċilitajiet ta’ akkoljenza u kurituri ta’ tranżitu sikuri, ir-rinunzja temporanja ta’ rekwiżiti speċifiċi (eż. permessi ta’ tranżitu), u t-twettiq ta’ kontrolli fuq il-fruntiera f’post sikur lil hinn mill-fruntiera sabiex jiġi evitat il-ħolqien ta’ kjuwijiet twal. F’konformità mal-Komunikazzjoni dwar il-linji gwida operazzjonali għall-ġestjoni tal-fruntieri esterni 69 , l-Istati Membri għandhom jużaw il-Frontex u l-korp permanenti tal-Europol li jistgħu jiġu skjerati sabiex jimmaniġġjaw u jtejbu l-flussi tat-traffiku fil-fruntieri (jivverifikaw id-dokumenti tal-ivvjaġġar, iċ-ċertifikati tal-COVID-19, eċċ.). Il-linji gwida operazzjonali għandhom japplikaw fl-Istati Membri kollha u mhux biss dawk li jmissu ma’ żona ta’ kunflitt. Dan jiffaċilita l-qsim tal-fruntieri interni tal-UE, jevita l-konġestjoni u jgħin lin-nies li jaħarbu miż-żona ta’ kunflitt sabiex jibqgħu għaddejjin bil-vjaġġ tagħhom. Dan jinkludi l-qsim tal-fruntieri bejn il-pajjiżi mhux Schengen u dawk Schengen.

Il-persuni b’diżabilità jistgħu jkunu f’sitwazzjoni primarjament vulnerabbli matul il-kriżijiet. Il-passiġġieri b’diżabilità jistgħu jiffaċċjaw ostakli fl-aċċess għat-trasport f’sitwazzjonijiet ta’ emerġenza. Għalhekk, l-Istati Membri għandhom jiżguraw kemm azzjoni mmirata kif ukoll integrazzjoni tad-diżabilità f’kull waħda mill-azzjonijiet ta’ hawn fuq. Huwa meħtieġ li jitqiesu l-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom, li jiġu żgurati l-aċċessibbiltà, l-akkomodazzjoni raġonevoli u s-sikurezza tagħhom matul il-ġestjoni tal-kriżijiet f’konformità mal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità.  70

L-iżgurar ta’ bidliet tal-ekwipaġġ u ta’ ripatrijazzjoni tal-baħħara mingħajr xkiel

L-għoti ta’ appoġġ għall-baħħara jirrikjedi mekkaniżmu speċifiku. Il-Kummissjoni tipproponi li dan jiġi bbażat fuq tliet karatteristiċi.

Forum tal-partijiet ikkonċernati marittimi: Il-forum, li huwa stabbilit mill-Kummissjoni, se jikkoordina regolarment u mill-qrib it-tibdil tal-ekwipaġġ u l-problemi tal-ivvjaġġar tal-baħħara f’emerġenza. Il-forum se jiġi attivat malajr u jinkludi lill-partijiet ikkonċernati kollha, inklużi ċ-ċentri nazzjonali ta’ kriżi u s-sħab soċjali, sabiex jiġi żgurat li dawn ikunu jistgħu jiddiskutu u jindirizzaw kwalunkwe kwistjoni emerġenti f’waqtha u b’mod xieraq. Huwa se jidentifika kwistjonijiet potenzjali, jagħmel is-sistema tax-xogħol tal-industrija tat-tbaħħir aktar reżiljenti, u jsaħħaħ l-istabbiltà tal-katina tal-provvista tal-UE.

Kooperazzjoni aktar mill-qrib mal-pajjiżi ta’ oriġini: Filwaqt li jibnu fuq is-sensibilizzazzjoni matul il-pandemija tal-COVID-19, il-Kummissjoni u s-SEAE se jaħdmu mad-Delegazzjonijiet tal-UE fil-pajjiżi li jipprovdu l-ħaddiema. Dawn se jibbażaw fuq it-tagħlimiet meħuda mill-ivvjaġġar tal-baħħara matul il-kriżi tal-COVID-19 u jidentifikaw modi sabiex jiżguraw bidliet tal-ekwipaġġ u ripatrijazzjoni aktar faċli lejn dawk il-pajjiżi. Dan se jiffaċilita ritorn rapidu lejn id-dar għall-baħħara li jkun imisshom jiżbarkaw, speċjalment matul l-emerġenzi.

Data mtejba: Problema sinifikanti hija n-nuqqas ta’ data dwar fejn il-baħħara qegħdin jaħdmu u jivvjaġġaw. Din id-data hija essenzjali sabiex tiġi vvalutata l-iskala ta’ kwalunkwe bidla fl-ekwipaġġ u l-kwistjonijiet tal-ivvjaġġar tal-baħħara sabiex imbagħad dawn jiġu evalwati u indirizzati. Għalhekk, l-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima (EMSA) se tagħmel sforz sabiex tiġbor u tanalizza din l-informazzjoni. Din il-bażi ta’ data mbagħad tista’ tikkontribwixxi għall-inizjattivi tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri sabiex jitħejjew miżuri ta’ kontinġenza għal kriżijiet futuri.

5)L-iżgurar ta’ konnettività minima tat-trasport u protezzjoni tal-passiġġieri

Meta s-servizzi tat-trasport ikunu taħt pressjoni, huwa importanti li jinżamm trasport pubbliku kollettiv adegwat fl-ibliet u r-reġjuni u bejniethom. Dan jista’ jkun partikolarment ta’ sfida għaż-żoni tal-fruntiera, fejn il-forniment ta’ servizzi essenzjali jista’ jiddependi minn ħaddiema transfruntiera. Għalhekk, l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw l-għoti urġenti ta’ kuntratti ta’ servizz pubbliku għal servizzi ta’ trasport kollettiv jew li jemendaw il-kuntratti eżistenti għall-ħtiġijiet tal-ivvjaġġar tal-pubbliku. Ir-regoli tat-trasport pubbliku tal-UE għat-trasport bil-ferrovija, bit-triq u bil-baħar diġà jipprevedu proċedura urġenti f’ċerti kundizzjonijiet. Bħala parti mir-reviżjoni tar-Regolament dwar is-Servizzi tal-Ajru, il-Kummissjoni se tikkunsidra għażliet sabiex tiffaċilita l-għoti urġenti mill-Istati Membri ta’ kuntratti ta’ servizz pubbliku ħalli tiġi żgurata konnettività bażika fi kriżi.

Il-Kummissjoni tistieden ukoll lill-awtoritajiet reġjonali u lokali jżidu l-preparatezza tagħhom. Wara l-gwida dwar l-ippjanar għal mobbiltà urbana aktar reżiljenti u robusta 71 , il-Kummissjoni indikat il-ħtieġa li ssir tħejjija għal kwalunkwe kontinġenza u l-importanza tal-mobbiltà urbana fir-reżiljenza ġenerali taż-żoni urbani. Dan ikun rifless f’azzjoni ta’ segwitu, bħal rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar pjanijiet ta’ mobbiltà urbana sostenibbli skedati fl-2022 u diskussjonijiet dedikati mal-esperti tal-Istati Membri u tal-bliet dwar miżuri addizzjonali sabiex il-mobbiltà urbana ssir aktar reżiljenti.

Mod ieħor kif tiġi żgurata konnettività minima fil-kriżijiet huwa billi tissaħħaħ ir-reżiljenza tal-infrastruttura u tal-operaturi tat-trasport għax-xokkijiet. Fil-proposta tal-Kummissjoni għal regolament ġdid tat-TEN-T, l-Istati Membri jkollhom itejbu s-sigurtà u r-reżiljenza tan-network TEN-T għat-tibdil fil-klima, id-diżastri ambjentali u dawk ikkawżati mill-bniedem, u avvenimenti eċċezzjonali oħra li jaffettwaw is-sistema tat-trasport tal-UE.

Il-Kummissjoni qiegħda tesplora inizjattivi leġiżlattivi sabiex tipproteġi lill-passiġġieri mir-riskju ta’ kriżi tal-likwidità jew l-insolvenza tat-trasportaturi – sitwazzjoni li spiss tkun marbuta ma’ kriżi. Il-Kummissjoni se tiċċara u tipproteġi wkoll id-drittijiet tal-passiġġieri meta kriżi tpoġġihom taħt pressjoni u se tiċċara wkoll kif għandhom jiġu protetti minn riskji mhux koperti mir-regoli attwali tal-UE dwar id-drittijiet tal-passiġġieri.

6)Kondiviżjoni tal-informazzjoni dwar it-trasport

Il-kondiviżjoni tal-informazzjoni fost l-atturi ewlenin hija kruċjali. Il-Kummissjoni, l-awtoritajiet tal-Istati Membri (inklużi dawk fil-livell sottonazzjonali), l-aġenziji tal-UE, istituzzjonijiet oħrajn tal-UE (inklużi l-Parlament u l-Kunsill), il-kumpaniji tat-trasport, il-passiġġieri, il-ħaddiema tat-trasport, in-negozji, u l-organizzazzjonijiet u l-assoċjazzjonijiet tat-trasport għandhom jikkondividu u għandu jkollhom aċċess għal informazzjoni aġġornata sabiex ikunu jistgħu jkunu sħab fis-soluzzjoni tal-problemi. Diskussjoni u kooperazzjoni regolari fil-livell internazzjonali (eż. l-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali, l-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali u l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa) hija importanti wkoll għal rispons effettiv għall-kriżijiet. Sabiex ikunu lesti għall-kriżijiet kollha possibbli (eż. minn blackouts tal-internet sat-telf tal-komunikazzjoni bis-satellita), se jkollhom jiġu stabbiliti protokolli dwar l-aktar mezz xieraq ta’ komunikazzjoni/tixrid u kwistjonijiet relatati bħala parti mix-xogħol tax-xenarju ta’ kriżi. Jekk jiġu attakkati sistemi ta’ komunikazzjoni ewlenin, għandhom jiġu stabbiliti sistemi alternattivi u ta’ riżerva mal-awtoritajiet tal-Istati Membri sabiex tiġi żgurata komunikazzjoni effiċjenti fost il-partijiet ikkonċernati. Se jitqiesu modi alternattivi sabiex tiġi kkomunikata u miġbura l-informazzjoni ħalli jingħata aċċess għal informazzjoni f’ħin reali jekk ikun hemm diżaggregazzjoni fil-kanali tas-soltu.

L-applikazzjoni Galileo Green Lanes

L-Aġenzija tal-UE għall-Programm Spazjali żviluppat l-applikazzjoni mobbli Galileo Green Lanes. Din turi f’ħin reali l-fruntieri tal-UE u tissorveljahom sabiex tipprovdi ħinijiet ta’ stennija. Din għenet lis-sewwieqa tat-trakkijiet u lill-kumpaniji tat-trasport jippjanaw l-ivvjaġġar u jindirizzaw id-diffikultajiet ikkawżati mir-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar. Għenet ukoll lill-awtoritajiet nazzjonali jimmaniġġjaw aktar effiċjentement it-tranżitu tal-oġġetti. Il-Kummissjoni u l-Aġenzija tal-UE għall-Programm Spazjali iggarantew riżorsi sabiex itejbu l-applikazzjoni Galileo Green Lanes. L-iżvilupp ta’ din l-applikazzjoni mtejba jinsab għaddej, u għandu jinkludi karatteristiċi u kopertura ġeografika identifikati fil-Komunikazzjoni aġġornata dwar il-Korsiji Ħodor.

7)It-tisħiħ tal-koordinazzjoni tal-politika tat-trasport

In-Network ta’ Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali għat-Trasport se jkompli jkun il-punt ċentrali għad-diskussjonijiet dwar kriżijiet tat-trasport. Dan se jevita t-teħid ta’ deċiżjonijiet paralleli, u se jippermetti reazzjoni rapida, u jindirizza karatteristiċi speċifiċi tat-trasport f’forum b’għarfien tekniku tas-settur. Wara l-esperjenza pożittiva bin-Network u f’konformità mal-fehmiet tal-partijiet ikkonċernati dwar il-ħtieġa li jiġu kkoordinati aħjar il-miżuri nazzjonali u jitnaqqas il-ħin ta’ reazzjoni, il-Kummissjoni tipproponi li ssaħħaħ ir-rwol tiegħu billi tagħmlu network aktar permanenti b’firxa usa’ ta’ kompiti, lest li jirreaġixxi malajr fi kwalunkwe mument. In-Network għandu jkompli jaħdem flessibbilment u informalment sabiex iwieġeb malajr għal kriżi li tikkawża tfixkil fit-tul u serju fis-sistema tat-trasport tal-UE. Dan għandu jservi bħala forum sabiex jiġu diskussi u implimentati miżuri ta’ kontinġenza u d-diżattivazzjoni tagħhom. Il-Kummissjoni se tippresjedi n-Network, li se jlaqqa’ flimkien rappreżentanti tal-ministeri u l-aġenziji tat-trasport tal-Istati Membri u tal-aġenziji tat-trasport tal-UE. Partijiet oħrajn, bħal aġenziji u korpi oħrajn tal-UE, rappreżentanti ta’ ministeri oħrajn tal-Istati Membri, u partijiet ikkonċernati tat-trasport, jistgħu jiġu mistiedna jipparteċipaw f’diskussjonijiet fuq bażi ta’ każ b’każ.

Il-Kummissjoni se tiżgura fluss ta’ informazzjoni bejn in-Network, l-IPCR, gruppi oħrajn tal-Kunsill u fora tal-UE u internazzjonali. In-Network se jirrapporta wkoll dwar ir-riżultati tat-testijiet ta’ preparatezza għall-kriżijiet organizzati mill-aġenziji tal-UE u mis-sħab internazzjonali. Huwa jista’ jipproponi u jikkoordina wkoll taħriġ iddedikat sabiex jiġu ttestjati l-protokolli u tittejjeb il-preparatezza għall-kriżijiet. In-Network se jipparteċipa f’testijiet ta’ preparatezza fejn xieraq. Il-Kummissjoni se tkompli wkoll timmonitorja regolarment il-ħinijiet ta’ stennija f’punti ta’ qsim tal-fruntiera tal-korsija ħadra u tirrapportahom lin-Network. Dan se jagħmilha possibbli li ssir reazzjoni minnufih għal kwalunkwe kwistjoni emerġenti.

8)It-tisħiħ taċ-ċibersigurtà

Il-Kummissjoni se żżid il-kooperazzjoni fiċ-ċibersigurtà mal-Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea (EASA), mal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima (EMSA), mal-Aġenzija tal-UE għall-Ferroviji (ERA), mal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Tmexxija Operattiva tas-Sistemi tal-IT fuq Skala Kbira fl-Ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja u l-ENISA. Il-leġiżlazzjoni attwali tal-UE dwar l-avjazzjoni u dik marittima tobbliga lill-awtoritajiet u lill-partijiet ikkonċernati jwettqu valutazzjonijiet tar-riskju li jidentifikaw data u sistemi kritiċi u jistabbilixxu miżuri xierqa li jindirizzaw kwalunkwe riskju residwu. Dawn il-miżuri għandhom jiġu żviluppati aktar sabiex itejbu s-sensibilizzazzjoni ċibernetika, ir-reżiljenza ċibernetika, it-taħriġ u l-kondiviżjoni tal-informazzjoni. F’konformità mal-Azzjoni 3, ir-reviżjonijiet futuri tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar it-trasport għandhom iqisu r-riskji taċ-ċiberattakki u jindirizzawhom fejn meħtieġ.

Il-Kummissjoni pproponiet qafas leġiżlattiv komprensiv għall-protezzjoni tal-infrastruttura kritika, li jkopri wkoll ir-reżiljenza tas-settur tat-trasport. Il-proposta għal reviżjoni tad-Direttiva dwar ir-reżiljenza tal-entitajiet kritiċi 72 tirrikjedi li dawk l-entitajiet kritiċi identifikati mill-Istati Membri li jipprovdu servizzi essenzjali fis-suq intern jagħmlu valutazzjonijiet tar-riskju u jieħdu miżuri li jsaħħu r-reżiljenza sabiex isiru aktar reżiljenti kontra r-riskji rilevanti kollha mhux ċibernetiċi kkawżati mill-bniedem u naturali. Ladarba jiġi adottat it-test finali, il-Kummissjoni se taħdem sabiex tiżgura l-implimentazzjoni f’waqtha tiegħu u tipprovdi appoġġ lill-Istati Membri u lill-entitajiet kritiċi, inkluża ħarsa ġenerali lejn ir-riskju fil-livell tal-Unjoni, il-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki, testijiet, kif ukoll l-iffaċilitar tal-kooperazzjoni mal-Istati Membri. Fil-proposta parallela tagħha għar-reviżjoni tad-Direttiva dwar is-Sigurtà tan-Networks u l-Informazzjoni, il-Kummissjoni 73 tipproponi li ssaħħaħ ir-reżiljenza u l-preparatezza billi tirrikjedi li l-organizzazzjonijiet, inklużi dawk fis-settur tat-trasport, jistabbilixxu miżuri ta’ kontinwità tal-operat u ta’ ġestjoni tal-kriżijiet.

Il-Kummissjoni u l-aġenziji tal-UE se jkomplu jappoġġaw l-iżvilupp ta’ protokolli taċ-ċibersigurtà sabiex jiżguraw il-kontinwità tal-operat f’inċident. L-ENISA ħarġet gwida dwar il-ġestjoni tar-riskji taċ-ċibersigurtà fis-settur ferrovjarju 74 u fil-portijiet 75 . L-EASA qiegħda taħdem fuq leġiżlazzjoni sabiex tiżgura s-sikurezza fl-avjazzjoni ċivili. L-EMSA qiegħda taħdem mal-Istati Membri u mal-industrija marittima sabiex tidentifika lakuni potenzjali fiċ-ċibersigurtà u passi sabiex tindirizzahom. Din il-ħidma se sservi bħala bażi għal aktar ħidma mal-Kummissjoni, bħall-miżuri taċ-ċibersigurtà għall-bastimenti.

Il-Kummissjoni se taħdem ukoll mas-sħab internazzjonali. Fl-2021, l-OECD adottat gwida sabiex tiffaċilita l-ivvjaġġar internazzjonali, ispirata miċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE u minn gwida oħra tal-UE 76 . L-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO) adottat standards dwar miżuri preventivi taċ-ċibersigurtà, li ġew trasposti fil-liġi tal-UE dwar is-sigurtà tal-avjazzjoni fl-2019 77 . Barra minn hekk, ir-riżoluzzjoni A40-12/1 tal-ICAO talbet lill-pajjiżi u lill-industrija, fost l-oħrajn, jidentifikaw it-theddid u r-riskji taċ-ċibersigurtà fuq l-operazzjonijiet tal-avjazzjoni ċivili u fuq is-sistemi kritiċi u l-konsegwenzi tagħhom. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri qegħdin jaħdmu wkoll attivament f’diversi attivitajiet taċ-ċibersigurtà tal-ICAO li għaddejjin bħalissa, inkluża l-implimentazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni taċ-ċibersigurtà tal-ICAO 78 . Il-Kummissjoni se tkompli taħdem mill-qrib mal-EUROCONTROL sabiex tippromwovi approċċ armonizzat għaċ-ċibersigurtà u r-reżiljenza ċibernetika billi tqajjem sensibilizzazzjoni u taħdem mal-partijiet ikkonċernati sabiex tiżviluppa d-difiżi għat-theddid ċibernetiku. Bl-istess mod, il-Kummissjoni se tkompli tappoġġa ċ-ċibersigurtà marittima internazzjonali fl-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO). L-IMO tirrakkomanda partikolarment li l-kumpaniji tat-tbaħħir jindirizzaw adegwatament ir-riskji ċibernetiċi fis-sistemi ta’ ġestjoni tas-sikurezza tagħhom, u l-assoċjazzjonijiet tal-industrija fasslu linji gwida li jibnu fuq dan.

9)Ittestjar tal-kontinġenza tat-trasport

Il-Kummissjoni filwaqt li tibni fuq il-proċessi eżistenti, flimkien mal-aġenziji rilevanti jew atturi oħra, tipproponi li twettaq testijiet ta’ kontinġenza biex tivvaluta l-preparatezza għall-kriżijiet f’konformità ma’ dan il-pjan. 

Dawn it-testijiet għandhom jiġu integrati fis-sistema ġenerali tal-Kummissjoni għall-ġestjoni tal-kriżijiet u kemm jista’ jkun ikunu parti mill-eżerċizzji eżistenti tal-UE, biex jiġu massimizzati l-input u r-riżultati. Eżempju huwa l-eżerċizzju Parallel u Koordinat tal-2022 li jinkludi komponent tat-trasport. Tali testijiet jistgħu jibnu fuq xenarji possibbli li jaffettwaw is-sistema tat-trasport tal-UE, bħal pandemija, diżastru naturali, attakk terroristiku, nuqqas ta’ enerġija, attakk ċibernetiku fuq skala kbira (inkluż ransomware) jew qtugħ sever tat-telekomunikazzjoni.). Skont il-kuntest, għandhom isiru sforzi biex jiġu involuti l-atturi rilevanti li jistgħu jikkontribwixxu b’mod sinifikanti għat-testijiet kemm jista’ jkun, bħall-ENISA, l-EMSA, l-EASA, il-Maniġer tan-Netwerk EUROCONTROL u l-ERA. Iċ-Ċellula Ewropea ta’ Koordinazzjoni tal-Kriżijiet fis-Settur tal-Avjazzjoni ġestita mill-Maniġer tan-Network tal-EUROCONTROL tista’ tkun strumentali fl-indirizzar tal-isfidi tas-settur tal-avjazzjoni, bħar-restrizzjonijiet fuq is-saħħa, il-fruntieri u l-ivvjaġġar.

Dak li nitgħallmu minn dawn it-testijiet ta’ kontinġensa għandhom jgħinu lill-industrija u l-awtoritajiet tat-trasport, kif xieraq, meta jkunu qed jiżviluppaw il-pjanijiet tagħhom għall-kontinità operazzjonali. Għandhom jikkunsidraw jistabbilixxu sistemi ta’ backup u soluzzjonijiet żejda (eż. rotot alternattivi, provvisti diversifikati, fjuwils alternattivi, bażijiet ta’ data ta’ riżerva, konnettività mingħajr interruzzjoni, u sistemi u infrastrutturi teknoloġiċi oħrajn) sabiex jirrispondu għal kriżijiet differenti. L-Istati Membri għandhom ikomplu wkoll isaħħu r-reżiljenza u d-disponibbiltà tal-infrastruttura tat-trasport fit-territorju tagħhom (inklużi l-portijiet u l-ajruporti) u jiżguraw id-disponibbiltà ta’ servizzi anċillari (bħall-aċċess għall-istazzjonijiet ta’ riforniment tal-fjuwil, livell adegwat ta’ servizzi tas-sanità, tal-catering u tal-akkomodazzjoni). Ir-riżultati tat-testijiet ta’ kontinġenza għandhom jintużaw ukoll għat-taħriġ (f’kooperazzjoni mal-partijiet ikkonċernati tat-trasport u mal-Istati Membri) u sabiex titqajjem kuxjenza. In-Network ta’ Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali għat-Trasport se jiddiskuti t-tagħlimiet meħuda minn dawn it-testijiet u jipproponi taħriġ ta’ tħejjija ddedikat kif xieraq.

10)Il-kooperazzjoni mas-sħab internazzjonali

Kwalunkwe kriżi li taffettwa s-sistema tat-trasport tal-UE jista’ jkollha dimensjoni globali. Ir-rispons minn konsultazzjoni pubblika 79 juri l-ħtieġa li jissaħħu l-mekkaniżmi ta’ koordinazzjoni internazzjonali minħabba li l-pandemija tal-COVID-19 żvelat dgħufijiet fil-kapaċità li jiġi armonizzat ir-rispons globali. Għalhekk, it-tisħiħ tal-preparatezza għall-kriżijiet għandu jiġi diskuss regolarment mas-sħab internazzjonali ewlenin tal-UE, partikolarment dawk b’rabtiet ta’ konnettività aktar mill-qrib u dawk b’esperjenza speċifika ta’ kriżi, f’konformità mal-Global Gateway. Il-pandemija tal-COVID-19 u l-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja enfasizzaw l-importanza tal-kooperazzjoni mal-Balkani tal-Punent – permezz tal-Komunità tat-Trasport – sabiex il-korsiji ħodor jaħdmu effettivament lil hinn mill-UE, kif ukoll tal-estensjoni tan-network tat-TEN-T. Bl-istess mod, il-kriżijiet reċenti wrew ukoll l-importanza li tingħata attenzjoni partikolari lill-Asja Ċentrali kif ukoll liż-żoni remoti u lit-territorji ekstra-Ewropej, minħabba l-ħtiġijiet tat-trasport speċifiċi tagħhom. Il-Kummissjoni u s-SEAE se jkomplu jippromwovu l-preparatezza għall-kriżijiet fil-fora u l-organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti kollha, bħall-ICAO u l-IMO. Barra minn hekk, l-emenda ppjanata għall-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, sabiex tissimplifika l-proċedura għall-adozzjoni ta’ restrizzjonijiet mhux essenzjali fuq l-ivvjaġġar, tenfasizza wkoll il-ħtieġa ta’ kooperazzjoni tajba ma’ pajjiżi mhux tal-UE. It-theddid ibridu diġà huwa l-enfasi tal-kooperazzjoni bejn l-UE u n-NATO, abbażi tad-Dikjarazzjonijiet Konġunti ta’ Varsavja u Brussell tal-2016 u l-2018 80 .

Konklużjonijiet

L-aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna qiegħda taffettwa bis-sħiħ is-sistema tat-trasport tal-UE. Iż-żieda fil-prezzijiet taż-żejt u tal-gass, il-ktajjen tal-provvista maqsuma, l-għeluq ta’ spazji tal-ajru u swieq, u n-nuqqas potenzjali ta’ ħaddiema tat-trasport iżidu mal-isfidi eżistenti tal-pandemija tal-COVID-19. Madankollu, il-kunflitt juri li l-UE tgħallmet ħafna mill-kriżi tal-COVID-19 bil-mod rapidu kif diġà wieġbet għall-gwerra. Il-kunflitt enfasizza wkoll il-ħtieġa li titnaqqas id-dipendenza tal-UE mill-fjuwils fossili importati.

Ix-xenarju tar-riskju qiegħed jinbidel u jeħtieġ is-sett komprensiv ta’ għodod deskritti f’din il-Komunikazzjoni. Il-livell ta’ tħejjija jista’ u għandu jiżdied. Filwaqt li l-inizjattivi ta’ prevenzjoni u tħejjija jippermettulna nadattaw għat-tibdil fil-klima u jimmitigaw ir-riskji li qegħdin jevolvu, dawn madankollu jeħtieġ li jiġu adattati u rieżaminati kontinwament. Hemm bżonn li jkomplu jittejbu u jissaħħu s-sistemi ta’ twissija bikrija għal informazzjoni azzjonabbli sabiex jippermettu t-teħid ta’ deċiżjonijiet informat, u li jiġi żgurat il-qlib ulterjuri ta’ informazzjoni/sensibilizzazzjoni bikrija f’azzjoni bikrija. Ma hemm l-ebda soluzzjoni lesta sabiex tiġi indirizzata kriżi imprevedibbli fil-futur. L-aħjar soluzzjoni hija li jittejjeb l-għarfien dwar il-vulnerabbiltajiet u r-riskji u li dawn jiġu mmitigati. Dan se joħloq u jmantni l-kapaċità tal-UE li twieġeb b’mod rapidu, koordinat u kooperattiv b’taħlita ta’ miżuri tal-UE, nazzjonali u lokali.

Huwa essenzjali li l-Istati Membri japplikaw il-prinċipji ta’ kontinġenza u jagħmlu użu sħiħ mis-sett ta’ għodod ta’ kontinġenza tal-Kummissjoni, filwaqt li jqabblu l-għodod differenti mal-problemi speċifiċi li għandhom jiġu indirizzati. Il-Kummissjoni se tmexxi attivament dak il-proċess sabiex tibni l-preparatezza għar-rispons għal kriżi f’kooperazzjoni mal-aġenziji tal-UE, billi tikkoordina n-Network ta’ Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali għat-Trasport u żżomm diskussjonijiet regolari mas-sħab internazzjonali u mal-partijiet ikkonċernati.

Il-Kummissjoni se tappoġġa lill-Istati Membri sabiex itejbu l-preparatezza tagħhom għall-kriżijiet. L-Istati Membri għandhom jintensifikaw il-kooperazzjoni u d-diskussjoni mal-partijiet konċernati sabiex iżidu l-preparatezza u r-rispons tagħhom għal kriżi li taffettwa s-settur tat-trasport, abbażi tal-esperjenza mill-kriżijiet tal-COVID-19 u tal-Ukrajna u testijiet ta’ kontinġenza differenti. Il-Kummissjoni se tappoġġa wkoll dan il-proċess billi torganizza testijiet regolari ta’ simulazzjoni tal-kriżijiet mal-aġenziji tal-UE u tikkondividi t-tagħlimiet meħuda.

Il-Kummissjoni tappella lill-Parlament u lill-Kunsill jinvolvu ruħhom bis-sħiħ fil-ħidma leġiżlattiva sabiex tiġi mmodernizzata u msaħħa r-reżiljenza tas-settur tat-trasport tal-UE. Il-finalizzazzjoni tal-ħidma dwar il-proposti pendenti dwar it-TEN-T, is-Sistemi Intelliġenti tat-Trasport, l-Ajru Uniku Ewropew, RefuelEU Aviation, FuelEU Maritime, u r-Regolament dwar l-Infrastruttura tal-Fjuwil Alternattiv se tkun essenzjali sabiex tinbena reżiljenza fit-tul fit-trasport tal-UE. L-awtoritajiet reġjonali u lokali tal-UE għandhom jaħdmu wkoll mal-Kummissjoni sabiex itejbu l-mobbiltà urbana, f’konformità mal-Qafas il-ġdid għall-Mobbiltà Urbana.

 

(1) Fl-2020, it-traffiku tal-ajru Ewropew kien ta’ 45 % tal-livelli tal-2019, bi tnaqqis konsegwenti tal-passiġġieri ta’ aktar minn 70 % (EUROCONTROL). F’xi xhur tal-2020, in-numru ta’ passiġġieri li imbarkaw u żbarkaw fil-portijiet tal-UE naqas kważi bin-nofs (b’45 %) meta mqabbel mal-2019. Kien hemm ukoll 42 % anqas passiġġieri tal-ferrovija (Eurostat). Il-fatturat totali fis-settur tas-servizzi tat-trasport naqas bi 13 % bejn l-2019 u l-2020.
(2) Għal bażi ta’ data tal-miżuri, ara: https://covid-statistics.jrc.ec.europa.eu/RMeasures .
(3) The impact of COVID-19 on the Internal Market, IPOL_STU(2021)658219_EN.
(4) Eżempji ta’ kriżijiet possibbli huma diżastri naturali, pandemiji, attakki terroristiċi, attakki ċibernetiċi, ransomware, kunflitti militari, kollassi ta’ pontijiet u mini jew ħsarat oħrajn fl-infrastruttura, u qtugħ tal-enerġija.
(5) Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill, ST 12391/20.
(6) COM(2020) 789 final
(7) C(2020) 1897
(8) C(2020) 3100
(9) Ir-Regolament (UE) 2020/698 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Mejju 2020 li jistabbilixxi miżuri speċifiċi u temporanji fid-dawl tat-tifqigħa tal-COVID-19 u rigward it-tiġdid jew l-estensjoni ta’ ċerti ċertifikati, liċenzji u awtorizzazzjonijiet u l-posponiment ta’ ċerti kontrolli perjodiċi u taħriġ perjodiku f’ċerti oqsma tal-leġiżlazzjoni dwar it-trasport, ĠU L 165, 27.5.2020, p. 10–24.
(10) https://ec.europa.eu/info/law/better-regulation/have-your-say/initiatives/13181-Is-suq-uniku-strument-gdid-tal-UE-li-jiggarantixxi-l-funzjonament-tas-suq-uniku-waqt-emergenzi_mt
(11) Re-open EU tipprovdi informazzjoni dwar il-COVID-19 rigward il-miżuri tal-ivvjaġġar u tas-saħħa fil-pajjiżi tal-UE u taż-Żona Schengen (l-Iżlanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja u l-Iżvizzera). L-informazzjoni tiġi aġġornata ta’ spiss u hija disponibbli f’24 lingwa.
(12) https://europa.eu/youreurope/index_mt.htm
(13) Valutazzjoni mill-Qorti tal-Awdituri ta’ Re-Open.eu, ir-Rapport Speċjali 15/2021: Id-drittijiet tal-passiġġieri tal-ajru matul il-pandemija tal-COVID-19: Drittijiet ewlenin mhux protetti minkejja l-isforzi tal-Kummissjoni.
(14) C(2020) 189, COM(2020) 685 final
(15) https://ec.europa.eu/info/law/better-regulation/have-your-say/initiatives/13056-Contingency-plan-for-transport_mt
(16) Il-ħin medju ta’ qsim tal-fruntieri ta’ kuljum kien ta’ 15-il minuta u nofs fil-punti kollha ta’ qsim tal-fruntieri tal-UE tul in-network tat-TEN-T bejn it-3 ta’ Ġunju 2020 (meta beda l-monitoraġġ) u t-30 ta’ Settembru 2021, b’devjazzjoni standard ta’ 2,8 minuti. L-istess figuri fl-2021 kienu 15,1 u żewġ minuti rispettivament.
(17) Ir-Regolament (UE) 2020/698 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Mejju 2020 li jistabbilixxi miżuri speċifiċi u temporanji fid-dawl tat-tifqigħa tal-COVID-19 u rigward it-tiġdid jew l-estensjoni ta’ ċerti ċertifikati, liċenzji u awtorizzazzjonijiet u l-posponiment ta’ ċerti kontrolli perjodiċi u taħriġ perjodiku f’ċerti oqsma tal-leġiżlazzjoni dwar it-trasport, ĠU L 165, 27.5.2020, p. 10.
(18) Ir-Regolament (UE) 2021/267 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2021 li jistabbilixxi miżuri speċifiċi u temporanji fid-dawl tal-persistenza tal-kriżi tal-COVID-19 rigward it-tiġdid jew l-estensjoni ta’ ċerti ċertifikati, liċenzji u awtorizzazzjonijiet, il-posponiment ta’ ċerti kontrolli perjodiċi u taħriġ perjodiku f’ċerti oqsma tal-leġiżlazzjoni dwar it-trasport u l-estensjoni ta’ ċerti perjodi msemmija fir-Regolament (UE) 2020/698, ĠU L 60, 22.2.2021, p. 1.
(19) https://ec.europa.eu/info/law/better-regulation/have-your-say/initiatives/13056-Contingency-plan-for-transport_mt
(20) Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 2020 dwar approċċ ikkoordinat għar-restrizzjoni tal-moviment liberu b’reazzjoni għall-pandemija tal-COVID-19, ĠU L 337, 14.10.2020, p. 3.
(21) Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/107 tal-25 ta’ Jannar 2022 dwar approċċ ikkoordinat biex jiġi ffaċilitat il-moviment liberu sikur matul il-pandemija tal-COVID-19 u li tissostitwixxi r-Rakkomandazzjoni (UE) 2020/1475 (disponibbli hawnhekk: http://data.europa.eu/eli/reco/2022/107/oj )
(22) C(2022) 1404 final
(23) Ir-Regolament (UE) 2021/953 dwar qafas għall-ħruġ, il-verifika u l-aċċettazzjoni ta’ ċertifikati ta’ tilqim, ta’ ttestjar u ta’ rkupru tal-COVID-19 interoperabbli (iċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE) sabiex jiġi ffaċilitat il-moviment liberu matul il-pandemija tal-COVID-19 ġie adottat mill-Parlament u mill-Kunsill.
(24) C(2020) 1897 final
(25) C(2020) 119/01
(26) Il-Linji Gwida Interpretattivi tat-18 ta’ Marzu 2020, segwiti minn Rakkomandazzjoni dwar il-vouchers fit-13 ta’ Mejju 2020.
(27) Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/648 tat-13 ta’ Mejju 2020 dwar vouchers offruti lill-passiġġieri u lill-vjaġġaturi bħala alternattiva għar-rimborż ta’ pakketti tal-ivvjaġġar u servizzi tat-trasport ikkanċellati fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19, C/2020/3125, ĠU L 151, 14.5.2020, p. 10-16.
(28) Għal aktar informazzjoni dwar impenji speċifiċi tal-linji tal-ajru: https://ec.europa.eu/info/live-work-travel-eu/consumer-rights-and-complaints/enforcement-consumer-protection/coordinated-actions/air-travel_mt.
(29) Ir-Regolament (UE) 2020/696 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Mejju 2020 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1008/2008 dwar regoli komuni għall-operat tas-servizzi tal-ajru fil-Komunità fid-dawl tal-pandemija tal-COVID-19, ĠU L 165, 27.5.2020, p. 1.
(30) Ir-Regolament (UE) 2020/459 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Marzu 2020 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 95/93 dwar ir-regoli komuni għall-allokazzjoni ta’ slots f’ajruporti Komunitarji, ĠU L 99, 31.3.2020, p. 1; Ir-Regolament (UE) 2021/250 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2021 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 95/93 fir-rigward tal-eżenzjoni temporanja mir-regoli dwar l-użu ta’ slots fl-ajruporti tal-Unjoni minħabba l-kriżi tal-COVID-19, ĠU L 58, 19.2.2021, p. 1.
(31) Ir-Regolament (UE) 2017/352 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Frar 2017 li jistabbilixxi qafas għall-forniment tas-servizzi portwarji u regoli komuni dwar it-trasparenza finanzjarja tal-portijiet, ĠU L 57, 3.3.2017, p. 1.
(32) Ir-Regolament (UE) 2020/1429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Ottubru 2020 li jistabbilixxi miżuri għal suq ferrovjarju sostenibbli fid-dawl tat-tifqigħa tal-COVID-19, ĠU L 333, 12.10.2020, p. 1.
(33) Ara, pereżempju, id-Direttiva (UE) 2020/700 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Mejju 2020 li temenda d-Direttivi (UE) 2016/797 u (UE) 2016/798, fir-rigward tal-estensjoni tal-perjodu tat-traspożizzjoni, ĠU L 165, 27.5.2020, p. 27.
(34) ĠU C 91I, 20.3.2020, p. 1. Il-Qafas Temporanju ġie emendat diversi drabi.
(35) https://ec.europa.eu/competition-policy/system/files/2021-03/land_transport_overview_rules_during_coronavirus.pdf  
(36) https://ec.europa.eu/competition-policy/system/files/2021-05/air_transport_update_March_2021.pdf
(37) https://ec.europa.eu/competition-policy/system/files/2021-05/maritime_transport_update_March_2021.pdf
(38) https://ec.europa.eu/competition/state_aid/what_is_new/air_transport_overview_sa_rules_during_coronavirus.pdf
(39) Ir-Russja u l-Belarussja għalqu tagħhom għat-titjiriet tal-UE. L-inġenji tal-ajru li jtajru l-bandiera tal-UE bidlu l-bandiera u ġew riassigurati fir-Russja kontra d-dritt internazzjonali.
(40) Din il-liġi kienet ir-rispons tal-UE fl-2001 għall-influss ta’ persuni spostati wara l-kunflitt fl-eks Jugoslava. Qatt ma ġiet skattata sat-3 ta’ Marzu 2022. Sas-7 ta’ April 2022 irreġistraw aktar minn 1,6 miljun persuna.
(41) C(2022) 1404 final.
(42) COM(2022)108 final
(43)  COM(2022) 217 final
(44) C(2022) 3204 final
(45)   https://ec.europa.eu/info/strategy/strategic-planning/strategic-foresight/2021-strategic-foresight-report_mt  
(46) Madrid (2004), Londra (2005), Glasgow (2007), l-ajruport ta’ Frankfurt (2011), Oignes (Thalys, 2015), Brussell (2016), Würzburg (2016), Brussell (2017) jew Londra (2017).
(47)   https://www.enisa.europa.eu/publications/enisa-threat-landscape-2021
(48) Fis-settur marittimu, pereżempju, mill-2017, erba’ mill-akbar kumpaniji tat-tbaħħir marittimu (APM Maersk, CMA CGM, COSCO, Mediterranean Shipping Company) kollha kemm huma ntlaqtu minn attakki ċibernetiċi.
(49) L-istess japplika għas-sospensjonijiet temporanji ta’ miżuri protettivi ambjentali, soċjali jew tas-saħħa.
(50) F’sitwazzjonijiet speċifiċi, bħas-sanzjonijiet ekonomiċi kontra r-Russja, ċerti konsultazzjonijiet minn qabel jista’ jkollhom bżonn ikunu limitati.
(51) Inkluż l-aderenza mal-leġiżlazzjoni rilevanti tal-UE u dik nazzjonali fil-qasam tas-sikurezza u s-saħħa okkupazzjonali, inkluż fir-rigward tad-Direttiva tal-Kunsill 89/391/KEE tat-12 ta’ Ġunju 1989 dwar l-introduzzjoni ta’ miżuri biex jinkoraġġixxu titjib fis-sikurezza u s-saħħa tal-ħaddiema fuq ix-xogħol, ĠU L 183, 29.6.1989, p. 1-8.
(52) Ir-Regolament (KE) Nru 1008/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Settembru 2008 dwar regoli komuni għall-operat ta’ servizzi tal-ajru fil-Komunità (Riformulazzjoni), ĠU L 293, 31.10.2008, p. 3.
(53) Ir-Regolament (KE) Nru 1370/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2007 dwar servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija u bit-triq u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nri 1191/69 u 1107/70, ĠU L 315, 3.12.2007, p. 1.
(54) Ir-Regolament (UE) 2017/352 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Frar 2017 li jistabbilixxi qafas għall-forniment tas-servizzi portwarji u regoli komuni dwar it-trasparenza finanzjarja tal-portijiet, ĠU L 57, 3.3.2017, p. 1.
(55) Ir-Regolament (KE) Nru 1072/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 dwar regoli komuni għall-aċċess għas-suq internazzjonali tat-trasport bit-triq tal-merkanzija, ĠU L 300, 14.11.2009, p. 72.
(56)   L-Artikolu 54 tad-Direttiva 2012/34/UE li tistabbilixxi ż-żona ferrovjarja unika Ewropea.
(57) Barra minn hekk, ir-Regolament il-ġdid dwar id-Drittijiet tal-Passiġġieri tal-Ferroviji (UE) 2021/782, li se japplika mis-7 ta’ Ġunju 2023, jobbliga lill-kumpaniji ferrovjarji jikkooperaw mal-maniġers tal-istazzjonijiet u tal-infrastruttura meta jfasslu dawk il-pjanijiet. Il-pjanijiet ta’ kontinġenza jridu jqisu wkoll il-ħtieġa ta’ sistemi ta’ twissija u informazzjoni aċċessibbli.
(58) COM(2021) 812 u COM(2021) 813
(59) Ir-Regolament (UE) 2020/459 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Marzu 2020 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 95/93 dwar ir-regoli komuni għall-allokazzjoni ta’ slots f’ajruporti Komunitarji, ĠU L 99, 31.3.2020, p. 1; Ir-Regolament (UE) 2021/250 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2021 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 95/93 fir-rigward tal-eżenzjoni temporanja mir-regoli dwar l-użu ta’ slots fl-ajruporti tal-Unjoni minħabba l-kriżi tal-COVID-19, ĠU L 58, 19.2.2021, p. 1.
(60) COM(2022) 108 final
(61) COM(2021)891 final
(62) C(2020) 1897
(63) C(2019) 7131 final
(64) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2021/858 u d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2021/1212 jiddefinixxu l-bażi ġuridika għall-iskambju ta’ data ta’ passiġġieri infettati u ta’ persuni esposti għat-traċċar tal-kuntatti transfruntiera.
(65) Barra minn hekk, saru arranġamenti speċjali sabiex jiffaċilitaw titjiriet ta’ trasferiment ta’ persuni li jaħarbu mill-Ukrajna li waslu fil-Moldova fi triqithom lejn l-UE. Il-Moldova kienet ħarġet projbizzjoni fuq it-titjiriet, li kienet teħtieġ li tiġi emendata sabiex tippermetti dawn it-titjiriet.
(66) L-Istati parteċipanti tal-Mekkaniżmu (l-Iżlanda, in-Norveġja, is-Serbja, il-Maċedonja ta’ Fuq, il-Montenegro, u t-Turkija).
(67)   Ir-Regolament (UE) 2021/836 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2021 li jemenda d-Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE dwar Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili, ĠU L 185, 26.5.2021, p. 26.5.
(68) L-Istati Membri jeħtiġilhom jassistu liċ-ċittadini tal-UE mhux rappreżentati f’pajjiż mhux tal-UE bl-istess kundizzjonijiet kif jassistu liċ-ċittadini tagħhom.
(69) C(2022) 1404 final.
(70) L-Artikoli 2, 9 u 11 tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità (UN CRPD)
(71) COM(2021)811 final
(72) COM(2020) 829 final
(73) COM(2020) 823 final
(74) https://www.enisa.europa.eu/publications/railway-cybersecurity-good-practices-in-cyber-risk-management
(75)   https://www.enisa.europa.eu/publications/guidelines-cyber-risk-management-for-ports/  
(76)   https://www.oecd.org/coronavirus/policy-responses/oecd-initiative-for-safe-international-mobility-during-the-covid-19-pandemic-including-blueprint-d0594162/  
(77) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1583 tal-25 ta’ Settembru 2019 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/1998 li jistipula miżuri dettaljati għall-implimentazzjoni tal-istandards bażiċi komuni dwar is-sigurtà tal-avjazzjoni, fir-rigward tal-miżuri taċ-ċibersigurtà, C/2019/6825, ĠU L 246, 26.9.2019, p. 15–18.
(78) https://www.icao.int/cybersecurity/Pages/Cybersecurity-Action-Plan.aspx
(79) https://ec.europa.eu/info/law/better-regulation/have-your-say/initiatives/13056-Contingency-plan-for-transport_mt
(80) Is-sitt rapport ta’ progress dwar l-implimentazzjoni tas-sett komuni ta’ proposti approvati mill-Kunsill tal-UE u mill-Kunsill tan-NATO fis-6 ta’ Diċembru 2016 u fil-5 ta’ Diċembru 2017, it-3 ta’ Ġunju 2021