Brussell, 23.3.2022

COM(2022) 131 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, IL-KUNSILL EWROPEW, IL-KUNSILL, IL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U L-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Nilqgħu lil dawk li qed jaħarbu mill-gwerra fl-Ukrajna: Inħejju l-Ewropa biex tkun tista' tissodisfa l-ħtiġijiet







Mill-invażjoni Russa tal-Ukrajna, xi tliet miljun ruħ u nofs, prinċipalment nisa u tfal, waslu fl-Unjoni Ewropea fi spazju ta’ erba’ ġimgħat biss. Kemm l-iskala kif ukoll il-ħeffa tal-wasliet huma bla preċedent. Filwaqt li l-UE tkompli tappoġġa bla heda lil dawk li qed ibatu mill-katastrofi umanitarja fl-Ukrajna, din il-Komunikazzjoni tiffoka fuq azzjonijiet fl-UE biex tappoġġa lil dawk li qed jaħarbu mill-pajjiż.

L-ilqugħ tal-UE ta’ dawk li qed jaħarbu minn djarhom kien ċentrali għar-rispons komuni tal-Istati Membri għall-gwerra 1 . L-azzjoni fil-livell tal-UE tirrifletti d-determinazzjoni, il-ħniena u s-solidarjetà murija min-nies madwar l-UE, kif ukoll l-isforzi enormi li saru mill-awtoritajiet nazzjonali u lokali, l-NGOs, l-assoċjazzjonijiet tal-komunità, u n-negozji.

Bħalissa, l-enfasi hija ġustament fuq l-issodisfar tal-ħtiġijiet immedjati ta’ akkoljenza u protezzjoni tal-wasliet. L-UE qed tagħti appoġġ kostanti lill-Istati Membri f’termini ta’ assistenza fil-fruntiera, l-akkoljenza u l-protezzjoni ċivili. Din il-Komunikazzjoni tistabbilixxi perspettiva dwar kif l-UE se tkompli tappoġġa l-ħidma tagħhom maż-żmien.

L-UE tilqa’ b’sodisfazzjon l-ewwel attivazzjoni tad-Direttiva dwar il-Protezzjoni Temporanja 2 , li toffri assistenza rapida u effettiva u status legali ċar. Iċ-ċittadini Ukreni u l-membri tal-familja tagħhom, kif ukoll il-persuni spostati minħabba l-kunflitt li għamlu lill-Ukrajna d-dar tagħhom 3 , issa huma intitolati għal protezzjoni bla preċedent madwar l-UE, inkluż l-aċċess għall-akkomodazzjoni, l-iskejjel, il-kura tas-saħħa, u l-impjiegi. Dan se jkompli japplika hekk kif aktar nies huma mġiegħla jitilqu mill-Ukrajna. L-isfida issa hija li tingħata ħajja lil dawk id-drittijiet fil-prattika.

Dawk li waslu kellhom il-familji tagħhom maqsuma. Ta’ tħassib partikolari huwa l-għadd kbir ta’ tfal li jaslu mill-Ukrajna, bin-NU jistmaw li dawn jistgħu jikkostitwixxu nofs il-wasliet kollha. Dawn it-tfal ġew esposti għal esperjenzi terribbli, u se jeħtieġu protezzjoni, kura u appoġġ psikosoċjali partikolari. Ħafna huma minorenni mhux akkumpanjati jew qed jaslu mingħajr il-ġenituri tagħhom. Jenħtieġ li dawn kollha jħossuhom sikuri, jibdew imorru l-iskola biex biex jerġgħu jiksbu sens ta’ stabbiltà u jiġu protetti mir-riskji potenzjali ta’ abbuż u traffikar.

Biex nilqgħu din l-isfida se jkun hemm bżonn ta’ approċċ komuni, u solidarjetà reali. Linji gwida operazzjonali ġodda 4 dwar id-Direttiva dwar il-Protezzjoni Temporanja se jgħinu lil dawk li jaslu biex igawdu minn livell konsistenti u effettiv ta’ drittijiet, u jgħinu lill-Istati Membri jerfgħu r-responsabbiltajiet il-ġodda tagħhom. Il-linji gwida se jiġu aġġornati regolarment biex jappoġġaw lill-Istati Membri fl-isfidi ta’ kuljum u fis-sitwazzjonijiet ġodda li jiffaċċjaw.

Issa qed titħaddem Pjattaforma ta’ Solidarjetà biex tikkoordina l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri, li tibda bit-trasferimenti mill-Moldova, li tinsab taħt pressjoni straordinarja. Il-Pjattaforma se tikkoordina l-offerti ta’ solidarjetà u l-ħtiġijiet identifikati, inkluża l-kapaċità ta’ akkoljenza 5 . Se tiżgura li l-faċilitajiet u s-servizzi madwar l-UE jkunu jistgħu jintużaw bl-aħjar mod, filwaqt li tgħaqqad l-għodod u l-istrumenti kollha fil-livell tal-UE biex twieġeb għall-ħtiġijiet tal-Istati Membri. Meta tagħmel dan, se tagħti attenzjoni partikolari lill-każijiet l-aktar vulnerabbli, b’mod partikolari t-tfal. Fl-ewwel ġimgħa tal-operat tagħha, sitt Stati Membri u n-Norveġja wegħdu li jilqgħu persuni li ħarbu mill-Ukrajna u li kienu qed jitfgħu pressjoni kbira fuq il-kapaċitajiet ta’ akkoljenza tal-Moldova. Għal implimentazzjoni rapida u riżultati fil-Pjattaforma ta’ Solidarjetà, l-involviment attiv tal-partijiet ikkonċernati kollha, tal-Istati Membri u tal-aġenziji se jkun essenzjali. Data trasparenti u aġġornata 6 mill-Istati Membri se tkun kruċjali għal koordinazzjoni effettiva sabiex in-nies jiġu diretti lejn Stati Membri b’kapaċità suffiċjenti.

Minħabba l-iskala tal-ħtiġijiet, is-setturi kollha tas-soċjetà huma involuti fl-għoti ta’ aċċess għad-drittijiet marbuta mal-protezzjoni temporanja - l-akkomodazzjoni, l-edukazzjoni, il-kura tas-saħħa u l-aċċess għall-impjiegi. L-awtoritajiet lokali u reġjonali, in-negozji, is-servizzi tas-saħħa, is-servizzi soċjali u tal-impjiegi, is-servizzi għall-protezzjoni tat-tfal, il-faċilitajiet għall-indukrar tat-tfal u l-iskejjel kollha għandhom rwol ewlieni x’jaqdu, flimkien mas-soċjetà ċivili, l-organizzazzjonijiet immexxija mill-migranti u l-komunitajiet tad-dijaspora. Dan l-impenn se jkun appoġġat minn sforz kbir ġdid fil-livell tal-UE, li jimmassimizza l-impatt tal-finanzjament disponibbli u jisfrutta varjetà wiesgħa ta’ networks ta’ esperti.

L-appoġġ għal tant wasliet ġodda fl-Ewropa li qed jaħarbu mill-gwerra kontra l-Ukrajna jitlob li jkun hemm umanità u flessibbiltà. Dan jirrappreżenta sfida kbira għall-organizzazzjoni u l-koordinazzjoni effettivi min-naħa tal-UE, kif ukoll mal-awtoritajiet Ukreni u s-sħab internazzjonali. L-UE qed tiffaċċja sfida bla preċedent, u huwa permezz tas-saħħa kollettiva tagħha li se twieġeb għal dawk li jeħtieġu l-għajnuna tagħna, f’konformità mal-valuri tagħna u l-istil ta’ ħajja Ewropew.

Il-Kummissjoni se:

·Timmobilizza networks ewlenin biex tappoġġa lill-Istati Membri permezz tal-Pjattaforma ta’ Solidarjetà fl-użu tar-riżorsi u l-għarfien espert madwar l-UE bl-aħjar mod possibbli;

·Tgħin lill-Istati Membri jużaw il-fondi tal-UE malajr u b’mod flessibbli, sabiex il-finanzjament imfassal apposta jkun jista’ jgħaddi malajr biex jappoġġa l-isforzi tal-Istati Membri, l-organizzazzjonijiet ewlenin u s-soċjetà ċivili biex id-drittijiet mogħtija permezz tal-protezzjoni temporanja jsiru realtà;

·Tistabbilixxi strutturi ddedikati sabiex l-Istati Membri kemm tal-ewwel dħul kif ukoll tad-destinazzjoni, u fornituri ta’ servizzi ewlenin oħra, ikunu jistgħu jużaw l-aħjar għodod disponibbli malajr kemm jista’ jkun.

I    L-OFFERTA TA’ RIFUĠJU SIKUR FL-EWROPA

L-Ukreni ġew imġiegħla jitilqu minn pajjiżhom kontra r-rieda tagħhom mill-aggressjoni Russa, u ħafna se jkunu qed jittamaw li eventwalment jirritornaw lejn pajjiżhom. Għadu inċert ħafna meta dan se jkun possibbli. Għalhekk, l-appoġġ irid ikun immedjat, iżda jinkludi wkoll il-possibbiltà ta’ soġġorn fit-tul. Dan huwa rifless fit-tfassil tad-Direttiva dwar il-Protezzjoni Temporanja, li tipprevedi protezzjoni inizjali għal sena iżda li tista’ tiġġedded awtomatikament darbtejn għal sitt xhur kull darba. L-appoġġ lill-Istati Membri se jgħaqqad l-appoġġ fl-indirizzar tal-isfidi attwali mal-indirizzar tar-rekwiżiti prevedibbli tagħhom għat-terminu medju.

Il-Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Integrazzjoni u l-Inklużjoni 2021-2027 7 jipprovdi qafas b’saħħtu biex jiggwida l-ħidma u jgħin biex isostni r-rabtiet bejn il-persuni spostati mill-Ukrajna u l-komunitajiet ospitanti li naraw illum. Huwa jissottolinja l-importanza li tiġi inkluża firxa wiesgħa ta’ partijiet ikkonċernati - inklużi l-wasliet il-ġodda nfushom, u l-komunitajiet tad-dijaspora - fit-tfassil tal-azzjonijiet. Dan huwa kruċjali għall-komunikazzjoni, l-għoti tas-setgħa u s-sjieda effettivi. Hija importanti wkoll il-koordinazzjoni, sabiex il-kontribuzzjonijiet mill-awtoritajiet pubbliċi, l-organizzazzjonijiet filantropiċi u s-soċjetà ċivili jaħdmu flimkien bl-aħjar mod, inkluż fejn possibbli mal-awtoritajiet Ukreni. Il-Kummissjoni mmobilizzat l-Erasmus+, il-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà u l-komunitajiet kulturali biex jadattaw l-attivitajiet tagħhom biex jappoġġaw il-wasliet.

Wasliet ġodda u l-komunitajiet ospitanti tagħhom jenħtieġ li jirċievu assistenza mmirata kmieni kemm jista’ jkun. Dan jirrifletti l-appoġġ massiv diġà meħtieġ u li qed jiġi pprovdut, l-ewwel nett mill-ġirien immedjati tal-Ukrajna l-Polonja, ir-Rumanija, l-Ungerija u s-Slovakkja. Dan se jaqleb malajr għal enfasi fuq l-għajnuna lill-persuni spostati biex isibu posthom. L-aħjar mod biex titnaqqas id-dipendenza fuq l-appoġġ estern, u tissaħħaħ l-interazzjoni mal-komunitajiet ospitanti, huwa li l-wasliet jiġu megħjuna jiksbu grad ta’ awtonomija finanzjarja - l-aktar ovvjament billi jsibu impjieg f’konformità mal-ħiliet tagħhom - u biex jiġi żgurat l-aċċess tagħhom għall-akkomodazzjoni, l-edukazzjoni, il-kura tas-saħħa, u servizzi soċjali oħra. Meta possibbli, l-awtoritajiet Ukreni jistgħu wkoll jipprovdu rekords u informazzjoni li jgħinu lill-Istati Membri biex jimmiraw l-appoġġ b’mod aktar effettiv, u se jsir kull sforz biex jiġu megħjuna dawk li ma għandhomx dokumenti.

Fattur ewlieni li jgħin lin-nies ġodda li jaslu se jkun l-informazzjoni dwar id-drittijiet ipprovduti. L-informazzjoni mogħtija fil-fruntiera diġà kienet ta’ valur kbir. Tnediet paġna web “Appoġġ għan-nies li qed jaħarbu mill-Ukrajna” 8 biex tgħinhom jifhmu d-drittijiet tagħhom fl-UE. Is-sit web fih informazzjoni dwar il-qsim tal-fruntiera, id-drittijiet mal-wasla u t-tkomplija tal-vjaġġ. Il-Kummissjoni se tkompli taħdem mal-aġenziji tal-UE, l-Istati Membri, l-aġenziji tan-NU, u sħab oħra biex tiżgura li n-nies ikollhom l-informazzjoni li jeħtieġu, kif ukoll biex tiġġieled id-diżinformazzjoni favur ir-Russja mfassla biex ixxerred id-dubju u l-inċertezza.

Data preċiża se tkun ukoll kruċjali biex tixpruna r-rispons tal-UE - inkluża data dwar il-ħtiġijiet, vulnerabbiltajiet partikolari u l-istatus tas-saħħa, konnessjonijiet familjari, gruppi ta’ età u ħiliet ta’ dawk li jaslu, kif ukoll id-destinazzjonijiet magħżula tagħhom fl-Ewropa. Se jkun essenzjali li l-Istati Membri jikkondividu data preċiża, komparabbli u aġġornata biex is-solidarjetà fl-oqsma kollha tkun tista’ taħdem b’mod effettiv. In-Network tal-UE għat-Tħejjija għall-Migrazzjoni u l-Ġestjoni tal-Kriżijiet tal-Migrazzjoni diġà qed jikkondividi data siewja, u se jiffoka fuq kwistjonijiet speċifiċi bħall-għadd ta’ minorenni mhux akkumpanjati, persuni b’diżabilità jew kapaċità ta’ akkoljenza xierqa għall-familji. Il-Pjattaforma ta’ Solidarjetà u networks ewlenin oħra diġà qed jaħdmu biex iqabblu l-kapaċità mal-ħtiġijiet u biex jaħdmu fuq kwistjonijiet bħall-identifikazzjoni ta’ fejn hemm lakuni fil-ħiliet li l-wasliet il-ġodda jistgħu jimlew. Se jiġu esplorati wkoll modi ulterjuri ta’ ġbir ta’ data dwar il-movimenti tal-popolazzjoni.

Parti mill-għajnuna lil dawk li jaslu mill-Ukrajna biex isibu posthom fl-UE se tkun l-appoġġ biex jingħelbu l-ostakli kulturali u lingwistiċi. Dan huwa l-każ għall-adulti u għat-tfal ukoll. L-UE tista’ tgħin b’inizjattivi bħal appoġġ għal ċentri ta’ merħba, siti web bi gwida prattika biex jingħaqdu mal-komunità lokali u s-servizzi pubbliċi, iż-żieda tal-lingwa Ukrena fl-għodod li jgħinu lil dawk li qed ifittxu impjieg, u jiġu rreklamati s-siti web eżistenti ta’ tagħlim elettroniku tal-lingwa Ukrena. L-Ukren għadu kif ġie miżjud bħala waħda mil-lingwi tal-għodda tat-Traduzzjoni Elettronika tal-Kummissjoni Ewropea u huwa disponibbli għall-awtoritajiet pubbliċi nazzjonali biex tiġi appoġġata l-ħidma tagħhom 9 . Il-finanzjament għall-integrazzjoni jippermetti li t-tagħlim tal-lingwi jkun disponibbli immedjatament għall-etajiet kollha. Il-medjaturi u l-interpreti kulturali, inkluż mid-dijaspora u mill-wasliet infushom, jistgħu jgħinu wkoll fl-integrazzjoni interkulturali.

Parti mill-assimilazzjoni fil-ħajja normali għal dawk li jaslu mill-Ukrajna hija l-aċċess għal kontijiet bankarji fl-UE, sabiex in-nies ikunu jistgħu jirċievu pagamenti ta’ appoġġ soċjali jew salarji jew jagħmlu pagamenti. Il-benefiċjarji tal-protezzjoni temporanja għandhom id-dritt għal kont bankarju bażiku 10 . Il-Kummissjoni tinsab f’kuntatt mal-industrija bankarja biex tiżgura l-implimentazzjoni, u dan se jkun parti minn kampanji ta’ informazzjoni. Il-gwida dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar il-Protezzjoni Temporanja tirrakkomanda wkoll li l-Istati Membri jiffaċilitaw il-ftuħ ta’ kont bankarju anki qabel ma jinħareġ permess ta’ residenza.

L-UE għandha l-intenzjoni mhux biss li tilqa’ lil dawk li qed jaħarbu mill-gwerra iżda li tiżgura s-sikurezza tagħhom fl-Ewropa. Il-maġġoranza l-kbira ta’ dawk li setgħu jaqsmu fl-UE huma nisa, tfal u anzjani u madwar nofs il-wasliet huma tfal. Huwa essenzjali li ħadd minn dawn in-nies ma jsib ruħu espost għal perikli ġodda fis-sitwazzjoni l-ġdida tiegħu. L-NGOs u oħrajn li jaħdmu f’reġjuni tal-fruntiera enfasizzaw ir-riskju li r-refuġjati jistgħu jisfaw vittmi ta’ offerti foloz ta’ akkomodazzjoni jew trasport, u jsibu ruħhom f’idejn it-traffikanti. It-tfal, il-minorenni mhux akkumpanjati u l-orfni jinsabu f’riskju partikolarment għoli u r-reġistrazzjoni mal-ewwel dħul hija essenzjali biex jiġi żgurat li l-aħjar interessi tat-tfal jistgħu jiġu rispettati fl-istadji kollha. Jenħtieġ li kull tifel u tifla jkunu traċċabbli mill-mument li jitilqu mill-Ukrajna sal-mument tal-wasla fil-pajjiż tad-destinazzjoni tagħhom. Il-Europol tirrapporta li t-traffikanti qed jimmiraw il-minorenni mhux akkumpanjati fil-fruntiera, u wissiet lill-Istati Membri biex jirrappurtaw il-każijiet suspettużi kollha. Il-liġijiet u l-proċeduri nazzjonali għal proċeduri ta’ skrutinju u monitoraġġ għal familji tar-rispett u ospitanti oħra jridu jiġu rispettati bis-sħiħ, f’konformità mal-aħjar interessi tat-tfal. In-network ta’ Rapporteurs Nazzjonali dwar it-Traffikar tal-Bnedmin huwa impenjat bis-sħiħ biex jappoġġa r-reġistrazzjoni effettiva ta’ entitajiet u persuni li jipprovdu akkomodazzjoni u trasport. In-nisa u l-bniet li jaħarbu minn kunflitti armati huma esposti għal riskji partikolari, u huma meħtieġa miżuri mmirati għall-protezzjoni tagħhom 11 .

Ir-rispett sħiħ għad-drittijiet fundamentali jrid ikun punt ta’ referenza għar-rispons tal-UE, irrispettivament min-nazzjonalità jew l-etniċità ta’ dawk li jaslu. Il-miżuri kollha tal-UE se jagħtu attenzjoni partikolari lin-nondiskriminazzjoni u lill-vulnerabbiltajiet speċifiċi ta’ gruppi partikolari f’riskju akbar ta’ diskriminazzjoni, inklużi r-Rom u minoranzi oħra, u l-komunità LGBTIQ, mill-ewwel wasla sal-akkoljenza u l-integrazzjoni.

2.    PROTEZZJONI SPEĊJALI GĦAT-TFAL

Billi t-tfal jirrappreżentaw nofs dawk li telqu mill-Ukrajna minħabba l-invażjoni tar-Russja, l-UE hija determinata li tagħti prijorità lill-iżgurar li dawn it-tfal nieħdu ħsiebhom sew. Dan se jeħtieġ sforz partikolari - li jibda mill-ewwel mument ta’ identifikazzjoni u reġistrazzjoni. Is-servizzi pubbliċi kollha, kif ukoll is-soċjetà ċivili, jeħtieġ li jkunu mmirati biex jirrispondu u jiżguraw li d-drittijiet tagħhom u l-aħjar interessi tagħhom jiġu protetti. Il-finanzjament tal-UE huwa disponibbli biex jappoġġa l-inklużjoni soċjali, il-foster care u l-konsulenza psikosoċjali, kif ukoll l-edukazzjoni.

Kull tifel u tifla li qed jaħarbu mill-Ukrajna sofrew it-trawma tal-gwerra u l-konsegwenzi tagħha. It-tfal iridu jiġu garantiti aċċess rapidu għad-drittijiet tagħhom, mingħajr diskriminazzjoni, inkluż l-appoġġ psikosoċjali meħtieġ, il-kura tas-saħħa u l-edukazzjoni (ara hawn taħt) 12 . Jenħtieġ li t-tfal jiġu pprovduti b’informazzjoni dwar is-sitwazzjoni tagħhom imfassla għall-età tagħhom, minn persunal imħarreġ biex jaħdem fil-protezzjoni tat-tfal. Huma meħtieġa attenzjoni u appoġġ partikolari għal dawk li huma orfni, mhux akkumpanjati jew separati mill-familji tagħhom, u provvediment partikolari għal dawk bi bżonnijiet speċjali jew diżabilitajiet.

L-uffiċċji nazzjonali tal-Istati Membri għat-tfal u għas-servizzi tal-protezzjoni tat-tfal għandhom rwol ewlieni biex jiżguraw l-appoġġ xieraq u l-protezzjoni tat-tfal kollha li jaslu mill-Ukrajna. L-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u l-persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ jista’ jkollhom ukoll rwol ewlieni fl-għoti ta’ għajnuna konkreta u appoġġ psikoloġiku lit-tfal li jaslu mill-Ukrajna 13 . L-attivitajiet kulturali u sportivi jistgħu jkunu importanti wkoll biex tiġi indirizzata t-trawma psikoloġika u titrawwem l-integrazzjoni. Linji ta’ responsabbiltà u punti ta’ kuntatt ikkoordinati tajjeb u ċari huma ta’ importanza partikolari.

L-Istrateġija tal-UE dwar id-Drittijiet tat-Tfal tipprovdi qafas komprensiv ta’ azzjonijiet biex jiġi żgurat li l-ħtiġijiet tat-tfal jitqiesu bis-sħiħ. Taħt il-Garanzija Ewropea għat-Tfal 14 , inħatru l-Koordinaturi nazzjonali u dan ix-xahar kien hemm il-preżentazzjoni tal-pjanijiet ta’ azzjoni nazzjonali, b’fokus ewlieni fuq it-tfal bi sfond ta’ migrazzjoni, anke qabel l-invażjoni Russa tal-Ukrajna. Issa se jkollhom rwol partikolari fil-galvanizzazzjoni u l-koordinazzjoni tal-isforz fil-livell nazzjonali u mal-awtoritajiet reġjonali u lokali, kif ukoll l-iskambju tal-aħjar prattika fil-livell tal-UE. Barra minn hekk, in-Network tal-UE għad-Drittijiet tat-Tfal, li jlaqqa’ flimkien rappreżentanti nazzjonali, organizzazzjonijiet internazzjonali, NGOs, ombudspersons u tfal infushom, se jitnieda fil-31 ta’ Marzu.

L-isfida li jiġu indirizzati għadd kbir ta’ wasliet ma għandhiex iżżomm lit-tfal kollha mhux akkumpanjati milli jiġu rreġistrati. Jenħtieġ li dawn jirċievu appoġġ sħiħ u sikur u jenħtieġ li rappreżentant tas-servizzi għall-protezzjoni tat-tfal ikun preżenti malajr kemm jista’ jkun. Fil-każ ta’ tfal separati, (dawk li jaslu ma’ adulti li mhumiex l-indokratur tas-soltu tagħhom) jenħtieġ li l-awtoritajiet nazzjonali jivverifikaw id-dokumenti rilevanti biex jikkonfermaw l-identità tat-tfal, u l-kunsens tal-ġenituri. Il-programmi ta’ traċċar tal-familji jenħtieġ li jfittxu li jgħaqqdu mill-ġdid minorenni mhux akkumpanjati ma’ membri tal-familja f’partijiet oħra tal-UE. Dan jista’ jieħu ż-żmien u jitlob kawtela żejda fid-determinazzjoni ta’ soluzzjonijiet fit-tul għal dawn it-tfal. Il-Kummissjoni se taħdem ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali u mal-Istati Membri biex terġa’ tgħaqqad il-familji mifrudin mill-gwerra.

Minħabba l-vulnerabbiltà u l-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom, it-tfal minn istituzzjonijiet fl-Ukrajna bħal orfanatrofji jew xelters oħra, b’mod partikolari dawk b’diżabilità, jeħtieġu riferiment immedjat lill-awtoritajiet għall-protezzjoni tat-tfal. L-aħjar interessi tat-tfal spiss jindikaw foster temporanju jew kura oħra bbażata fil-komunità, bis-salvagwardji meħtieġa fis-seħħ.

L-Istati Membri huma mħeġġa jkunu partikolarment viġilanti dwar it-tfal f’riskju ta’ traffikar jew ħtif. Jenħtieġ li l-Linja ta’ Għajnuna għat-Tfal 116000 tal-UE għat-tfal nieqsa tiġi rreklamata b’mod wiesa’. Is-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen imġedda li tidħol fis-seħħ fix-xhur li ġejjin se toffri l-possibbiltà li jiddaħħlu allerti mhux biss dwar tfal li għebu, iżda wkoll allerti “preventivi”. Din jenħtieġ li tintuża kollha kemm hi.

Minbarra l-linji gwida ġenerali dwar it-trasferimenti ta’ benefiċjarji ta’ protezzjoni temporanja, il-Kummissjoni qed tħejji Proċeduri Operattivi Standard apposta għat-trasferimenti ta’ minorenni mhux akkumpanjati. Dawn qed jiġu żviluppati mal-Istati Membri u l-aġenziji tal-UE u tan-NU, biex jiġi żgurat li l-aħjar interessi tat-tfal jiġu l-ewwel. Dawn se jiġu kondiviżi mal-awtoritajiet rilevanti kollha biex jiġi żgurat li l-qafas ikun lest sabiex il-każijiet kollha tat-tfal mhux akkumpanjati u separati, irrispettivament minn kemm ikunu urġenti, jiġu ttrattati bis-salvagwardji meħtieġa. Il-Pjattaforma ta’ Solidarjetà se tagħti prijorità lit-trasferimenti sikuri ta’ minorenni mhux akkumpanjati (ara hawn taħt).

3.    AĊĊESS GĦAL EDUKAZZJONI

B’sehem tant kbir ta’ tfal fost dawk li qed jaħarbu mill-Ukrajna, is-sistemi edukattivi jiffaċċjaw sfida loġistika enormi kif ukoll responsabbiltà soċjali kbira. Ir-ritorn rapidu tat-tfal għat-tagħlim jew l-edukazzjoni bikrija se jkun fattur ewlieni fir-ritorn għall-istabbiltà, li jgħin biex jittaffa l-istress psikoloġiku. Maġġoranza kbira tista’ tkun mistennija li tiġi minn familji separati, b’ħafna minnhom mhux akkumpanjati. L-iskejjel, l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, u l-faċilitajiet tal-edukazzjoni bikrija tat-tfal jistgħu jgħinu biex it-tfal u ż-żgħażagħ spostati jiġu konnessi mas-servizzi soċjali u tas-saħħa, inkluż l-appoġġ psikosoċjali, u jinħoloq sens ta’ komunità. L-għadd ta’ tfal bi dritt għall-edukazzjoni huwa ta’ miljuni, u dan jitlob żidiet kbar kemm fl-infrastruttura kif ukoll fil-persunal. Dan se jirrikjedi approċċ ta’ Tim Ewropa, bil-fondi tal-UE jappoġġaw lill-Istati Membri fil-livelli nazzjonali u lokali u jikkapitalizzaw fuq l-appoġġ eżistenti.

It-tfal x’aktarx li jkunu preżenti f’numri akbar f’xi reġjuni milli f’oħrajn. Fil-bidu, dawn se jkunu fil-biċċa l-kbira fil-pajjiżi li jmissu mal-Ukrajna u dawn l-Istati Membri jeħtieġu għajnuna immedjata, iżda dalwaqt destinazzjonijiet oħra fl-Ewropa, jistgħu jospitaw gruppi akbar ta’ tfal u se jeħtieġu appoġġ immirat. Il-prijorità immedjata hija li dawn it-tfal jiġu offruti post fejn iħossuhom sikuri u fejn jistgħu jaċċessaw l-edukazzjoni, segwita mill-indirizzar tal-ostakli lingwistiċi u t-trawma psikoloġika. Sitwazzjonijiet lokali differenti se jitolbu kombinazzjonijiet differenti ta’ integrazzjoni diretta fis-sistema edukattiva lokali u klassijiet ta’ akkoljenza temporanja biex l-ewwel iħejju għall-integrazzjoni fis-sistema edukattiva ġenerali. Huwa importanti li jsir kuntatt mal-familji mal-wasla u li l-ġenituri u l-kustodji jingħataw l-informazzjoni kollha meħtieġa 15 . Ħafna tfal se jkunu ilhom barra mill-edukazzjoni formali għal xi żmien, u se jkollhom bżonn għajnuna partikolari biex ilaħħqu. Oħrajn se jkollhom bżonnijiet speċjali. Iċ-ċentri tal-edukazzjoni mhux formali jista’ jkollhom rwol importanti għat-tfal f’din is-sitwazzjoni. L-aċċess għal attivitajiet ekstrakurrikulari bħall-isport u l-attivitajiet kulturali huwa importanti wkoll, flimkien mal-kura psikosoċjali u l-klassijiet tal-lingwa. Appoġġ addizzjonali inkluż ir-reklutaġġ ta’ għalliema li jitkellmu bl-Ukren jgħin l-integrazzjoni u jnaqqas l-ostakli lingwistiċi.

L-Istati Membri qed iħarsu lejn liema flessibbiltà hija meħtieġa u kif jistgħu jiġu adattati malajr ir-regoli legali u amministrattivi biex jiġi żgurat l-aċċess għas-sistemi skolastiċi u biex jiġu mmobilizzati għalliema addizzjonali - inkluż billi jiġu rikonoxxuti l-kwalifiki edukattivi miksuba fl-Ukrajna. Dan se jinkludi wkoll ħarsa lejn l-ostakli finanzjarji possibbli għall-edukazzjoni. Jenħtieġ ukoll li l-ħidma tibda issa biex tħejji għal bidu bla xkiel tat-terminu skolastiku li jmiss, b’kont meħud tal-kapaċità, it-tħejjija tal-għalliema, u l-identifikazzjoni tar-risponsi għall-ħtiġijiet ta’ gruppi speċifiċi, kif ukoll l-indirizzar tat-taħriġ fil-lingwi jew il-ħtiġijiet tat-traduzzjoni. Dawn l-elementi se jkunu essenzjali biex jiġi żgurat ambjent tal-iskola inklużiv. Il-fondi tal-Politika ta’ Koeżjoni tal-UE jistgħu jgħinu biex jiffinanzjaw firxa wiesgħa ta’ attivitajiet biex jappoġġaw l-integrazzjoni fl-edukazzjoni. Dan jinkludi korsijiet tal-lingwa. Erasmus+ jista’ jappoġġa lill-persunal biex jaħdem temporanjament fejn ikun hemm konċentrazzjonijiet ta’ persuni spostati u l-Kummissjoni se tappoġġa l-isforzi biex jinstabu persunal u għarfien espert xierqa permezz tal-Aġenziji Nazzjonali tal-Erasmus+ 16 . Fejn l-istituzzjonijiet diġà qed jipparteċipaw fi proġetti ta’ kooperazzjoni Erasmus+, dawn jistgħu jiġu adattati għal ħtiġijiet ġodda, filwaqt li jaħdmu wkoll mill-qrib mal-fondi tal-Politika ta’ Koeżjoni. Il-Kummissjoni se tlaqqa’ flimkien l-Istati Membri biex trawwem il-kondiviżjoni tal-esperjenza u l-identifikazzjoni ta’ dak li huwa meħtieġ biex titkompla l-edukazzjoni tat-tfal spostati. Dan se jappoġġa lill-Istati Membri billi jiġbor flimkien l-għarfien espert disponibbli madwar l-Ewropa dwar l-integrazzjoni effettiva tat-tfal spostati fis-sistemi edukattivi nazzjonali, inkluż permezz ta’ klassijiet ta’ akkoljenza u edukazzjoni diġitali, kif ukoll l-edukazzjoni għolja. Il-Kummissjoni se torganizza tagħlim bejn il-pari u se tiġbor flimkien gwida politika dwar l-integrazzjoni tat-tfal u ż-żgħażagħ fl-edukazzjoni jew f’aktar taħriġ jew studju.

Filwaqt li se tkun prijorità li t-tfal jiġu megħjuna jitgħallmu l-lingwa tal-pajjiż ospitanti tagħhom sabiex jidħlu fl-edukazzjoni ġenerali, se jkollhom bżonn ukoll ikomplu jibnu l-ħiliet fil-lingwa materna tagħhom, u tal-anqas għal perjodu tranżitorju, se jeħtieġu materjal tal-iskola bl-Ukren. F’kooperazzjoni mal-awtoritajiet Ukreni, l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-UE jinsab lest li jistampa l-kotba tal-iskola bl-Ukren għall-istudenti li bħalissa jinsabu fl-UE. Il-materjal tat-tagħlim u l-korsijiet tal-lingwa, li għalihom il-Kummissjoni tista’ tikseb id-drittijiet, jistgħu jiġu ppubblikati wkoll b’mod elettroniku fuq School Education Gateway, pjattaforma pubblika li tipprovdi informazzjoni bla ħlas u materjal ta’ żvilupp professjonali lill-għalliema u partijiet ikkonċernati oħra tal-edukazzjoni. Il-pjattaforma se sservi bħala punt uniku ta’ kuntatt mal-materjal edukattiv mill-Ukrajna u l-materjal tal-Istati Membri bil-lingwa Ukrena. Inizjattiva oħra se taħdem mal-fornituri tat-teknoloġija tal-edukazzjoni bbażata fl-UE, fuq il-bażi tal-ħidma żviluppata mill-gvern Ukren, l-Istati Membri u sorsi rikonoxxuti oħra, biex jipprovdu kontenut edukattiv diġitali mmirat fuq pjattaformi lokali skalabbli. Dan se jiddependi wkoll fuq l-aċċess għat-tagħmir għat-tfal biex jużaw offerti ta’ edukazzjoni diġitali: għal dan il-għan jistgħu jiġu organizzati donazzjonijiet ta’ apparati mhux użati, rinnovati u ġodda minn ċittadini, kumpaniji u istituzzjonijiet pubbliċi. Telecentres, ċentri lokali fejn in-nies jistgħu jmorru biex itejbu l-ħiliet diġitali tagħhom, jistgħu jgħinu wkoll billi jipprovdu aċċess għall-edukazzjoni u t-tagħlim online.

Se jkun essenzjali li jintużaw il-kapaċitajiet tal-għalliema Ukreni fost il-wasliet il-ġodda fl-Ewropa. Il-komunità tal-ġemellaġġ elettroniku tista’ tgħin permezz ta’ gruppi maħluqa fl-ispazju sikur tal-pjattaforma biex jappoġġaw lill-għalliema li qed jiffaċċjaw l-isfida tal-integrazzjoni tal-wasliet ġodda u l-indirizzar tal-kuntest tal-gwerra fil-klassi. Flimkien mal-għalliema Ukreni diġà involuti fil-ġemellaġġ elettroniku, jista’ jieħu sehem kull għalliem li jkun telaq mill-pajjiż u li jkun stabbilixxa rabtiet ma’ skola.

Minbarra l-appoġġ għall-edukazzjoni primarja u sekondarja, l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja diġà qed iħarsu lejn kif jilqgħu u jintegraw l-istudenti u l-persunal akkademiku li qed jaħarbu mill-Ukrajna fil-kampusijiet tagħhom. Il-flessibbiltà hija meħtieġa biex tiffaċilita l-aċċess għall-korsijiet u toffri opportunitajiet lill-istudenti li jibbenefikaw minn protezzjoni temporanja u li jeħtieġ li jkomplu l-edukazzjoni tagħhom. Dan se jeħtieġ kunsiderazzjoni rapida ta’ kif għandhom jiġu rikonoxxuti u kkunsidrati l-krediti u l-kwalifiki tal-edukazzjoni għolja miksuba fl-Ukrajna 17 . Il-flessibbiltà fil-programm ta’ finanzjament Erasmus+ u s-sinerġiji mal-fondi tal-Politika ta’ Koeżjoni se jintużaw biex jappoġġaw l-edukazzjoni tal-istudenti u l-integrazzjoni tal-persunal tal-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja li qed jaħarbu wkoll mill-gwerra. Erasmus+ se jippromwovi wkoll it-tagħlim bejn il-pari bejn l-Istati Membri għall-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja u l-persunal.

4.    AĊĊESS GĦALL-KURA TAS-SAĦĦA

Ħafna minn dawk li qed jaħarbu mill-gwerra kontra l-Ukrajna qed jaslu fl-Ewropa fi stat ta’ saħħa vulnerabbli. Ħafna affaċċjaw tbatija reali fit-triq jew saħansitra jistgħu jkunu feruti. Xi wħud għandhom kundizzjonijiet preeżistenti li jeħtieġu trattament kontinwu, jew jistgħu jkunu tqal. Ħafna jistgħu jkollhom problemi ta’ saħħa mentali minħabba l-esperjenzi reċenti tagħhom. It-tfal għandhom ħtiġijiet partikolari u l-kura psikosoċjali, in-nutrizzjoni, u l-kura għal bżonnijiet speċjali jew diżabilitajiet għandhom ikunu prijoritajiet partikolari.

Id-Direttiva dwar il-Protezzjoni Temporanja tenfasizza d-drittijiet ta’ dawk fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha għall-kura soċjali u medika, inkluża l-kura tas-saħħa mentali. Il-Kummissjoni tirrakkomanda li l-Istati Membri jipprovdu aċċess wiesa’ għall-benefiċċji tal-mard u jassoċjawhom mas-sistema tal-kura tas-saħħa pubblika tal-Istat Membru ospitanti. Dan se jitlob ukoll informazzjoni ċara għall-wasliet dwar il-proċedura u l-kundizzjonijiet għall-aċċess għall-kura tas-saħħa. Xi inizjattivi ta’ integrazzjoni eżistenti tal-UE diġà jinkludu komponent b’saħħtu tas-saħħa 18 . Fl-istess ħin, il-Kummissjoni se tesplora kif il-kwalifiki tal-ħaddiema tal-kura tas-saħħa Ukreni, inklużi l-professjonisti tas-saħħa mentali, jistgħu jiġu rikonoxxuti sabiex ikunu jistgħu jaqdu r-rwol tagħhom biex jissodisfaw ħtiġijiet ġodda.

Il-prijorità immedjata hija li jiġu ttrattati dawk li għandhom bżonn urġenti ta’ trattament u kura speċjalizzati fl-isptar, kemm jekk kura ta’ emerġenza kif ukoll trattament għal mard kroniku. Il-Kummissjoni waqqfet mekkaniżmu ta’ solidarjetà 19  għal trasferimenti mediċi intra-UE mill-Istati Membri li jmissu mal-Ukrajna, fejn is-sistemi tal-kura tas-saħħa jinsabu taħt pressjoni partikolari. Diġà saru disponibbli 10 000 post mill-Istati Membri, inklużi postijiet għall-pazjenti bil-kanċer u l-ħruq, kif ukoll swali pedjatriċi, u sodod għat-trabi tat-twelid u ommijiethom. Il-vaċċini, il-mediċini u t-tagħmir mediku inklużi l-ambulanzi twasslu wkoll lill-Istati Membri taħt pressjoni.

Il-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri biex jagħmlu użu sħiħ mill-Proċeduri Operattivi Standard ġodda għat-trasferimenti mediċi bl-użu tas-Sistema ta’ Reazzjoni ta’ Twissija Bikrija fil-mekkaniżmu. Dawn jippermettu lill-Istati Membri jitolbu appoġġ għat-trasferiment effettiv u sigur tar-rekords tas-saħħa tal-pazjenti, u jiddeskrivu l-komponenti ewlenin li għandhom jiġu indirizzati — bħall-kundizzjoni, il-ħtieġa għat-trattament, u s-sitwazzjoni tal-familja. Il-provvisti mediċi huma parti ewlenija mill-ħidma tal-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili (UCPM) biex jappoġġa lill-Istati Membri. Filwaqt li l-Istat Membru riċeventi jkopri l-ispiża tat-trattament u l-kura tal-pazjenti li jkunu deħlin, l-evakwazzjonijiet mediċi u t-twassil ta’ provvisti mediċi jistgħu jiġu appoġġati u kofinanzjati mill-UCPM. Dan għen lill-Istati Membri biex jagħtu b’donazzjoni mediċini, tilqim ta’ rutina u tagħmir biex jgħinu fi ħtiġijiet mediċi urġenti. Biex tgħin tħaffef it-trasferimenti mediċi tal-pazjenti, il-Kummissjoni, f’koordinazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri u d-WHO Europe, hija lesta li tappoġġa l-istabbiliment ta’ ċentri ta’ triage għall-pazjenti fl-Istati Membri l-aktar affettwati direttament fil-fruntiera biex jagħmlu l-ewwel dijanjożi, jiddeterminaw l-urġenza u jidentifikaw sptarijiet għar-riferiment. Il-UCPM jista’ jgħin ukoll lill-Istati Membri biex jistazzjonaw persunal mediku fil-post.

Iċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (European Centre for Disease Prevention and Control, ECDC) qed jimmonitorja s-sitwazzjoni tas-saħħa fuq bażi permanenti, inkluż ir-riskju minn mard infettiv minħabba s-sitwazzjoni umanitarja. Dan jipprovdi gwida prattika dwar is-saħħa pubblika u appoġġ fil-post għal pajjiżi li jesperjenzaw influss kbir ta’ persuni spostati. Dan jiddependi fuq li l-Istati Membri jistabbilixxu sistemi ta’ sorveljanza b’saħħithom 20 , kif ukoll li jitolbu l-appoġġ meħtieġ fil-post biex jgħinu fl-indirizzar ta’ tifqigħat ta’ mard u jżidu t-tilqim. L-ECDC ħareġ ukoll linji gwida dwar il-prevenzjoni u l-kontroll ta’ mard infettiv 21 , biex tiżdied is-sensibilizzazzjoni fost il-fornituri tal-kura tas-saħħa tal-komunità dwar il-ħtieġa li jiġi żgurat l-aċċess għas-servizzi u l-kontinwità tal-programmi ta’ tilqim, u għall-appoġġ tas-saħħa mentali u psikosoċjali.

Il-kopertura tat-tilqim fl-Ukrajna hija baxxa meta mqabbla mal-UE, b’mod partikolari għat-tuberkulożi, il-poljo, il-ħosba u l-COVID-19. It-tilqim standard tat-tfal għandu jitqies bħala prijorità u kampanji ta’ tilqim dedikati jgħinu lill-professjonisti tal-kura tas-saħħa nazzjonali jniedu dan. F’dan l-istadju, ħafna nies qed joqogħdu f’ċentri ta’ akkoljenza jew f’akkomodazzjoni kondiviża oħra u jistgħu jkunu partikolarment vulnerabbli għar-riskji ta’ infezzjoni. L-awtorità tal-Kummissjoni għat-Tħejjija u għar-Rispons f’Każ ta’ Emerġenza tas-Saħħa qed tappoġġa l-akkwist u l-provvista ta’ vaċċini, filwaqt li tqis li t-tilqim fit-tfulija jirrikjedi diversi dożi għal protezzjoni sħiħa, imqassma fuq diversi xhur. Iċ-ċavetta għall-introduzzjoni tal-vaċċini hija li dawn isiru faċilment aċċessibbli għal dawk kollha li jaslu mill-Ukrajna, u dan jitlob komunikazzjoni u ppjanar tajbin fl-oqsma kollha fejn in-nies qed jibqgħu aktar permanentement. Is-sitwazzjoni se żżid il-ħtiġijiet ġenerali tal-UE għall-mediċini u l-UE u l-Istati Membri se jaħdmu flimkien biex jimmonitorjaw u jindirizzaw kwistjonijiet ta’ provvista. Dan jista’ jiġi estiż biex jinkisbu aktar vaċċini u mediċini jekk l-Istati Membri jesprimu tali ħtieġa.  

Aċċess faċli, rapidu u mingħajr ħlas għat-tilqim kontra l-COVID-19 għal dawk li għadhom ma lestewx l-ewwel kors ta’ tilqim tagħhom jew id-doża booster tagħhom huwa kruċjali. Huwa partikolarment importanti li tiġi żgurata s-sikurezza ta’ dawk l-aktar vulnerabbli. L-istokkijiet tal-vaċċini kontra l-COVID-19 fl-UE huma biżżejjed biex ikopru l-ħtiġijiet ta’ dawk li jaslu mill-Ukrajna. Il-Kummissjoni tirrakkomanda li l-Istati Membri jipprovdu ttestjar għall-COVID-19 mingħajr ħlas matul il-proċess tal-wasla.

Il-Kummissjoni se ssaħħaħ l-azzjonijiet immirati dwar is-saħħa mentali u l-appoġġ għat-trawma għal dawk li qed jaħarbu mill-gwerra, filwaqt li taħdem mal-NGOs u mas-soċjetà ċivili.
Dan ser jinkludi l-appoġġ għal żieda fil-kapaċità skjerata fuq il-post biex jiġi pprovdut appoġġ għall-kriżijiet tas-saħħa mentali, u l-istabbiliment ta’ netwerk ta’ professjonisti tas-saħħa mentali li jitkellmu l-Ukren, fl-UE
22 . Inizjattiva bil-programm EU4Health se tiġbor u timplimenta l-aħjar prattika dwar is-saħħa u l-benesseri mentali, b’attenzjoni speċjali għat-trawma li esperjenzaw.

Il-Pjattaforma tal-Politika tas-Saħħa tal-UE 23 waqqfet network iddedikat għall-kondiviżjoni tal-informazzjoni u għall-koordinazzjoni ta’ inizjattivi ġodda dwar it-tħassib dwar is-saħħa pubblika. 

5.    AĊĊESS GĦALL-IMPJIEGI

Id-dritt ta’ aċċess għas-suq tax-xogħol huwa aspett ewlieni tad-drittijiet offruti lil dawk li jgawdu minn protezzjoni temporanja tal-UE. Sabiex jiġu evitati tensjonijiet potenzjali, il-benefiċċji reċiproċi reali tal-parteċipazzjoni ta’ dawk li qed jaħarbu mill-gwerra fl-Ukraina, fis-suq tax-xogħol jeħtieġ li jiġu spjegati u kkomunikati kif xieraq. L-impjieg bikri jista’ jkollu impatt kbir fuq il-ħajja ta’ dawk li jkunu għadhom kif waslu, li jippermettilhom li jkunu ekonomikament indipendenti u jintegraw fil-komunità lokali, filwaqt li fl-istess ħin inaqqsu l-piż ekonomiku fil-komunitajiet ospitanti. L-importanza tal-offerta ta’ aċċess għas-suq tax-xogħol ġiet enfasizzata f’dikjarazzjoni konġunta mill-Ministri tal-Affarijiet Soċjali tar-Repubblika Ċeka, l-Estonja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Polonja, ir-Rumanija u s-Slovakkja, uħud mill-pajjiżi li jospitaw l-akbar għadd ta’ wasliet ġodda. Fid-dikjarazzjoni tagħhom 24 , huma jissottolinjaw ukoll il-ħtieġa għal appoġġ mill-UE. 

Id-Direttiva dwar il-Protezzjoni Temporanja tistipula li dawk bi protezzjoni temporanja għandhom ikunu jistgħu jinvolvu ruħhom f’attivitajiet ta’ impjegati jew ta’ persuni li jaħdmu għal rashom, kif ukoll f’taħriġ vokazzjonali. Il-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri biex jieħdu miżuri nazzjonali biex jimplimentaw dawn id-dispożizzjonijiet bħala kwistjoni ta’ urġenza, f’kooperazzjoni mill-qrib mas-sħab soċjali. Huwa essenzjali li l-persuni kkonċernati jiġu infurmati dwar id-drittijiet tagħhom, sabiex dawk li jaslu jkunu jistgħu jibdew jaħdmu malajr kemm jista’ jkun.

Huma għandhom ikunu jistgħu jiddependu wkoll fuq trattament ugwali f’termini ta’ paga u kundizzjonijiet tax-xogħol oħra. Il-Kummissjoni tirrakkomanda li l-Istati Membri jinterpretaw id-drittijiet mogħtija mid-Direttiva dwar il-Protezzjoni Temporanja għall-aċċess għas-suq tax-xogħol tal-UE bl-aktar mod wiesa’ possibbli, billi japplikaw eċċezzjonijiet għall-moviment liberu fis-suq intern biss f’ċirkostanzi debitament ġustifikati. Għall-benefiċjarji tal-protezzjoni temporanja tal-UE, l-aċċess għas-suq tax-xogħol tal-UE huwa dritt. Il-Kummissjoni tħeġġeġ ukoll l-għoti ta’ tali aċċess lill-benefiċjarji ta’ protezzjoni skont il-liġi nazzjonali. Dan jiffaċilita l-awtonomija finanzjarja u proċess ta’ integrazzjoni aktar faċli għal dawk kollha li jibbenefikaw minn xi forma ta’ protezzjoni fl-UE.

L-għajnuna lil wasliet ġodda biex jiksbu l-ħiliet meħtieġa biex jidħlu fis-suq tax-xogħol tal-UE hija kompitu ewlieni tal-finanzjament tal-Politika ta’ Koeżjoni tal-UE u l-programm il-ġdid Azzjoni ta’ Koeżjoni għar-Refuġjati fl-Ewropa (Cohesion’s Action for Refugees in Europe, CARE), kif ukoll il-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni. Dan jista’ jinkludi għajnuna għat-tħejjija għall-impjieg jew l-intraprenditorija, permezz ta’ korsijiet tal-lingwa, konsulenza, taħriġ bażiku, jew appoġġ għan-negozju, fejn l-Istati Membri jkollhom il-flessibbiltà li jfasslu l-appoġġ għall-ħtiġijiet tagħhom. Il-ħiliet lingwistiċi u diġitali bażiċi jistgħu jinbnew ukoll bl-użu ta’ networks bil-Patt għall-Ħiliet biex jiġu konnessi l-awtoritajiet reġjonali u tal-ibliet, l-organizzazzjonijiet edukattivi, u l-NGOs involuti fl-appoġġ ta’ persuni li ħarbu mill-Ukrajna. Il-Kummissjoni żiedet il-lingwa Ukrena mal-Għodda tal-UE għall-Profil tal-Ħiliet għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi, biex tgħin lil dawk l-Ukreni li qed ifittxu impjieg u lil dawk li jixtiequ jkomplu l-istudji tagħhom.

Minħabba l-għadd kbir ta’ nisa fost dawk li qed jaħarbu mill-gwerra kontra l-Ukrajna, li effettivament huma ġenituri waħedhom fl-UE, l-aċċess għall-indukrar tat-tfal u għall-edukazzjoni preprimarja se jkunu essenzjali biex jippermettu l-parteċipazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol. Il-fondi għall-CARE jistgħu jappoġġaw kemm is-servizzi kif ukoll l-infrastruttura f’dan il-qasam.

L-impjegaturi u l-istituzzjonijiet tat-taħriġ jeħtieġ li jkunu kapaċi jifhmu l-ħiliet ta’ dawk li jaslu mill-Ukrajna. Il-Kummissjoni qed tiżviluppa linji gwida ġodda biex tiffaċilita r-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali miksuba fl-Ukraina, u se tkompli l-ħidma mal-Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ biex tqabbel il-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki u l-qafas nazzjonali tal-kwalifiki tal-Ukraina. Barra minn hekk, il-Kummissjoni qed tesplora l-potenzjal tal-Kredenzjali Diġitali Ewropej għat-Tagħlim biex jerġgħu joħorġu diplomi fil-format diġitali għal dawk li ma għandhomx id-dokumenti meħtieġa, wara li ħarbu mill-gwerra. Il-Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ qed tistabbilixxi sit ta’ riżorsi biex tgħin kemm lill-Ukreni li qed ifittxu l-għajnuna biex il-kwalifiki tagħhom jiġu rikonoxxuti, kif ukoll lil persuni oħra li għandhom bżonn l-għajnuna fl-interpretazzjoni tagħhom.

Fost id-drittijiet offruti skont id-Direttiva dwar il-Protezzjoni Temporanja hemm id-dritt għal opportunitajiet edukattivi għall-adulti, u t-taħriġ vokazzjonali. L-appoġġ għal dawk li jaslu mill-Ukrajna fil-kisba ta’ ħiliet ġodda jista’ jgħin ukoll biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol tal-UE u d-diskrepanzi fil-ħiliet. L-Awtorità Ewropea tax-Xogħol identifika 25 t 28 impjieg, li jirrappreżentaw 14 % tal-impjiegi tal-UE, li qed jiffaċċjaw nuqqas ta’ persunal. Is-Cedefop, l-aġenzija tal-UE għall-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, qed tanalizza miljuni ta’ postijiet tax-xogħol battala madwar l-Ewropa biex teżamina liema ħiliet huma meħtieġa u fejn. Is-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi se jkollhom rwol ewlieni fil-politiki attivi tas-suq tax-xogħol biex jagħmlu użu mill-ħiliet tal-wasliet il-ġodda, u jaġixxu bħala parteċipanti fis-suq tax-xogħol. Il-Kummissjoni talbet lis-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi kollha biex jiġbru informazzjoni dwar il-miżuri fis-seħħ, u se ssegwi bi gwida ddedikata dwar l-integrazzjoni tal-ħaddiema mill-Ukrajna fis-suq tax-xogħol, inkluż fiż-żoni rurali. Skema ta’ appoġġ speċifiku - li fl-ewwel fażi tislet l-għodod disponibbli fl-Erasmus għal Imprendituri Żgħażagħ - tista’ tappoġġa wkoll negozji ġodda Ukreni. In-Network Enterprise Europe jista’ jipprovdi appoġġ lil intraprendituri ġodda li jniedu negozji.

B’mod parallel mal-immappjar tal-ħiliet eżistenti ta’ wasliet ġodda mill-Ukrajna u l-għajnuna biex dawn jiġu konnessi mas-servizzi tal-impjiegi, l-impjiegi disponibbli u l-impjegaturi, il-Kummissjoni se tniedi inizjattiva pilota tar-Riżerva ta’ Talent tal-UE. Din l-għodda bbażata fuq l-internet se tippermetti lill-kandidati jippreżentaw il-ħiliet u d-disponibbiltà tagħhom biex jaħdmu. Il-proġett pilota se jqis l-inizjattivi ta’ suċċess li għaddejjin fl-Istati Membri bħal fil-Portugall u r-Rumanija. Dan se jiġi żviluppat f’kooperazzjoni mal-Istati Membri, b’komunikazzjoni mas-sħab soċjali u l-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha, li għandu jkun operattiv sas-sajf. Il-pjattaforma tista’ tipprovdi għajnuna partikolari lis-setturi ta’ prijorità, bħall-għajnuna biex jiġu identifikati l-għalliema għal tfal spostati jew biex jingħataw korsijiet tal-lingwa, kif ukoll interpreti u professjonisti tal-kura biex jappoġġaw servizzi ewlenin għal wasliet ġodda.

Il-Kummissjoni se taħdem mas-sħab soċjali biex tinforma lill-benefiċjarji tal-protezzjoni u lis-settur privat dwar id-drittijiet taħt protezzjoni temporanja u l-programmi stabbiliti biex iqabblu l-offerti ta’ impjieg u l-profili tal-ħiliet. Multiplikaturi ewlenin oħra jinkludu n-Network Ewropew għall-Integrazzjoni u s-Sħubija Ewropea għall-Integrazzjoni. Il-Kummissjoni se ssaħħaħ is-Sħubija u se tkopri l-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol ta’ persuni li qed jaħarbu mill-Ukrajna. Dawn in-networks kollha jistgħu jgħinu fl-iżvilupp ta’ programmi ta’ mentoraġġ flimkien mas-soċjetà ċivili, li jibnu fuq il-kooperazzjoni eżistenti mad-dijaspora tal-Ukrajna.

6.    AĊĊESS GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-AKKOMODAZZJONI

Dawk li qed jaħarbu mill-Ukrajna għandhom bżonn kenn immedjat. Ħafna fost l-ewwel wasliet marru direttament fid-djar tal-familja u l-ħbieb. Madankollu, il-wasliet qed jaħarbu dejjem aktar mingħajr il-kumdità li jkunu jafu d-destinazzjoni tagħhom. Id-Direttiva dwar il-Protezzjoni Temporanja toffri d-dritt għal akkomodazzjoni xierqa, li twieġeb għall-ħtiġijiet partikolari ta’ dawk li jaslu, jew il-mezzi biex jiksbu akkomodazzjoni. Din hija wkoll parti mill-ħidma tal-Pjattaforma ta’ Solidarjetà: l-akkomodazzjoni se tkun fattur determinanti ewlieni ta’ kif l-Istati Membri jistgħu jgħinu biex jaqsmu l-isforzi tagħhom biex jilqgħu lin-nies.

Biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet immedjati ta’ dawk li jaslu, eluf ta’ individwi privati diġà qed jipprovdu akkomodazzjoni u assistenza, li jissupplimentaw il-kapaċità ta’ akkoljenza uffiċjali tal-Istati Membri. Din il-ġenerożità turi s-solidarjetà u s-sens ta’ skop unifikat li l-Ewropa wriet li qed tiffaċċja din is-sitwazzjoni bla preċedent. Inizjattiva ġdida ta’ “djar sikuri” se tappoġġja lill-Ewropej li qed jagħmlu djarhom disponibbli billi tħaddan l-inizjattivi li diġà ttieħdu minn xi Stati Membri, atturi reġjonali u lokali, timmassimizza l-użu tal-fondi eżistenti tal-UE għal dan il-għan, u timmobilizza finanzjament immirat u riżorsi online hekk kif ifiġġu l-ħtiġijiet. Se tappoġġa wkoll sħubijiet ġodda u innovattivi fil-livell lokali nazzjonali u tal-UE, u tisfrutta l-esperjenza tal-programmi ta’ sponsorizzazzjoni tal-komunità.

Il-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni, kif ukoll il-fondi tal-Politika ta’ Koeżjoni, se jiġu mobilizzati biex isaħħu s-sistemi ta’ akkoljenza pubblika. L-Istati Membri li jeħtieġ li jżidu l-kapaċità ta’ akkoljenza biex jipprovdu kenn, provvisti u servizzi jistgħu jagħmlu użu mir-regoli previsti għal akkwist pubbliku urġenti, kif kien il-każ matul il-kriżi tal-migrazzjoni tal-2015-16.

L-Istati Membri huma mħeġġa jikkoordinaw, permezz tal-Pjattaforma ta’ Solidarjetà, dwar l-iffaċilitar tal-moviment ulterjuri ta’ persuni li qed jaħarbu mill-gwerra kontra l-Ukrajna, billi jistabbilixxu konnessjonijiet tat-trasport bejn il-punti ewlenin tal-wasla, tat-tranżitu u tad-destinazzjoni tagħhom. Dan għandu jqis il-kapaċitajiet ta’ akkoljenza fl-Istati Membri. Din il-koordinazzjoni għandha tiżgura vjaġġar aktar dinjituż għan-nies lejn id-destinazzjoni magħżula tagħhom, kondiviżjoni aħjar tal-isforzi madwar l-Ewropa u aktar prevedibbiltà dwar l-għadd ta’ wasliet għall-Istati Membri ta’ destinazzjoni u ta’ tranżitu.

Madankollu, soluzzjonijiet ta’ akkomodazzjoni aktar permanenti jistgħu jkunu meħtieġa malajr u jeħtieġ li jiġu kkunsidrati fil-politiki usa’ dwar l-akkomodazzjoni tal-Istati Membri, filwaqt li jitqiesu l-ħtiġijiet kemm tal-wasliet il-ġodda kif ukoll tal-komunitajiet ospitanti fejn l-akkomodazzjoni diġà tinsab taħt pressjoni. Il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali jgħin biex jipprovdi akkomodazzjoni soċjali għall-familji u l-individwi fil-komunità, u l-Fond jista’ jkopri kemm ix-xiri kif ukoll ir-rinnovazzjoni tal-akkomodazzjoni. Barra minn hekk, tista’ tiġi prevista kera bażika għall-akkomodazzjoni. Il-Fond Soċjali Ewropew jista’ jappoġġa servizzi u akkomodazzjoni bbażati fil-komunità, speċjalment għal dawk bi bżonnijiet speċjali, b’diżabbiltajiet, tfal u anzjani.

7.    SOLIDARJETÀ FL-AZZJONI

Il-wasla fl-UE ta’ tant persuni li qed jaħarbu mill-gwerra b’veloċità bla preċedent hija sfida li qed tiġi ssodisfata mill-Unjoni kollha kemm hi, li tibni fuq l-isforzi straordinarji murija l-ewwel nett fil-Polonja, fir-Rumanija, fl-Ungerija u fis-Slovakkja. L-awtoritajiet pubbliċi, is-soċjetà ċivili u l-individwi privati qed juru impenn enormi biex jgħinu lil dawk fil-bżonn.

L-UE se tiżgura li l-Istati Membri jirċievu l-appoġġ li jeħtieġu. Il-Kummissjoni, permezz taċ-Ċentru ta’ Koordinazzjoni għal Rispons ta’ Emerġenza, ħadmet 24/7 biex timmobilizza l-assistenza u l-aġenziji tal-UE qed iżidu l-iskjerament tagħhom f’konformità mat-talbiet tal-Istati Membri. Il-Frontex bħalissa qed tiskjera total ta’ aktar minn 250 membru tal-persunal u dan se jkompli jiżdied. L-Aġenzija tal-UE għall-Ażil qed twieġeb għat-talbiet tal-Istati Membri għal appoġġ, u l-Europol qed iżżid l-involviment tagħha.

Il-Pjattaforma ta’ Solidarjetà, li tlaqqa’ flimkien l-Istati Membri, il-Kummissjoni u l-aġenziji tal-UE, qed tiġbor u teżamina l-ħtiġijiet identifikati mill-Istati Membri, u tikkoordina s-segwitu operazzjonali. Permezz ta’ skambju regolari ta’ informazzjoni, il-Pjattaforma se tipprovdi ħarsa ġenerali komprensiva tal-kapaċitajiet ta’ akkoljenza fl-Istati Membri. Dan se jaqbel mal-offerti ta’ dawk li jistgħu jipprovdu għajnuna lil dawk li jeħtieġu appoġġ, kif ukoll se jgħin fl-organizzazzjoni tat-trasferimenti mill-Istati Membri taħt l-akbar pressjoni għal dawk b’kapaċità ta’ akkoljenza xierqa. Hija se taħdem mill-qrib mar-Rispons Politiku Integrat għall-Kriżijiet tal-Kunsill u n-Network tal-Blueprint tal-UE għat-Tħejjija għall-Migrazzjoni u l-Ġestjoni tal-Kriżijiet tal-Migrazzjoni biex jiġu mmappjati l-ħtiġijiet, ir-riżorsi, u l-azzjoni. Qed tingħata attenzjoni partikolari lill-ħtiġijiet ta’ dawk l-aktar vulnerabbli, b’mod partikolari t-tfal.

26 Is-settur privat qed jagħti sehmu wkoll. Il-Kummissjoni qed tħares lejn kif donazzjonijiet ta’ oġġetti minn kumpaniji privati jistgħu jiżdiedu mal-isforz komuni. Ħafna operaturi tat-trasport offrew appoġġ spontanjament biex iġorru lil dawk li qed jaħarbu, billi organizzaw ferroviji umanitarji u pprovdew biljetti b’xejn, kif ukoll biex jittrasportaw l-għajnuna umanitarja lejn l-Ukrajna. Il-Kummissjoni se tikkoordina mal-operaturi tas-settur privat biex tiffaċilita u tespandi dawn l-isforzi. Bħala parti mil-linji gwida operattivi tagħha, il-Kummissjoni tirrakkomanda li l-Istati Membri ma jimponux penali finanzjarji fuq it-trasportaturi li jittrasportaw persuni li jgawdu minn protezzjoni temporanja mingħajr dokumenti validi għall-ivvjaġġar.

Barra minn hekk, il-wasla ta’ miljuni ta’ nies li qed jaħarbu mill-gwerra kontra l-Ukrajna mhijiex kwistjoni għall-UE biss. Is-sħab madwar id-dinja kkundannaw l-aggressjoni tar-Russja u jistgħu jkunu jixtiequ jagħtu sehemhom biex jgħinu lil dawk li tilfu djarhom u l-għajxien tagħhom. Il-Pjattaforma ta’ Solidarjetà tista’ tgħin permezz ta’ pjattaforma ta’ kooperazzjoni ddedikata għal pajjiżi terzi biex jistabbilixxu rotot għal persuni spostati minħabba l-kunflitt, b’mod partikolari dawk li diġà jospitaw komunitajiet Ukreni sinifikanti (bħall-Kanada jew ir-Renju Unit).

L-appoġġ ikompli wkoll għar-ripatrijazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li nqabdu fil-gwerra fl-Ukrajna, inkluż permezz ta’ komunikazzjoni mal-pajjiżi ta’ oriġini. Ħafna pajjiżi terzi rranġaw biex iċ-ċittadini tagħhom jiġu ripatrijati direttament jew bl-assistenza tal-UE.  Il-Frontex appoġġat l-ewwel titjiriet ta’ ritorn volontarju umanitarju mill-Polonja għat-Taġikistan u l-Kirgiżistan, b’aktar titjiriet ta’ ritorn volontarju umanitarju ppjanati. Il-Kummissjoni qed taħdem mal-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni fuq faċilità biex tappoġġa lill-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant bħall-Moldova biex jirripatrijaw ċittadini ta’ pajjiżi terzi li qed jaħarbu mill-gwerra.

8.    SOLUZZJONIJIET RAPIDI U FLESSIBBLI GĦALL-FINANZJAMENT TAS-SOLIDARJETÀ

Il-Kummissjoni ħadet azzjoni immedjata biex tgħin timmobilizza l-appoġġ finanzjarju lill-Istati Membri li jospitaw lil dawk li qed jaħarbu mill-gwerra kontra l-Ukrajna. Dan jibni fuq il-firxa wiesgħa ħafna ta’ assistenza diġà disponibbli bil-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili, il-Politika ta’ Koeżjoni u l-fondi tal-Affarijiet Interni. Dan jinkludi investimenti fl-infrastruttura, fit-tagħmir, fis-servizzi fl-edukazzjoni, fl-impjiegi, fl-akkomodazzjoni, fis-saħħa, fis-soċjetà u fl-indukrar tat-tfal. Sors ieħor ta’ assistenza fil-pront huwa l-Fond għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn.  

Il-proposta ta’ Azzjoni ta’ Koeżjoni għar-Refuġjati fl-Ewropa (CARE) 27 , li għandha tiġi adottata mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill fil-jiem li ġejjin, tiffaċilita l-użu flessibbli tal-finanzjament li għadu disponibbli mill-programmi 2014–20. B’mod partikolari, se jippermetti użu aktar flessibbli u interkambjabbli tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Fond Soċjali Ewropew. In-nefqa kollha li tikkonċerna lil dawk li qed jaħarbu mill-gwerra se tkun eliġibbli b’mod retrospettiv, tmur lura għall-invażjoni Russa tal-Ukrajna fl-24 ta’ Frar 2022. Dan se jippermetti l-mobilizzazzjoni immedjata tal-finanzjament, mingħajr ma jkun hemm bżonn li wieħed jistenna li l-programmi jiġu modifikati. Ir-rata eċċezzjonali ta’ kofinanzjament ta’ 100 % applikata b’rispons għall-pandemija hija estiża b’sena, li se tħaffef il-piż fuq il-baġits nazzjonali, reġjonali u lokali, filwaqt li tirrilaxxa fondi biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet operazzjonali. Dawn il-flessibbiltajiet għandhom jgħinu wkoll biex jappoġġjaw il-ħafna NGOs li bħalissa għandhom rwol tant importanti biex jirċievu wasliet ġodda fl-Istati Membri u joffru s-servizzi essenzjali li jeħtieġu.

L-emendi għall-fondi tal-Affarijiet Interni se jiżblukkaw l-aċċess għal ammonti mhux minfuqa li qabel kienu allokati għal skopijiet speċifiċi bil-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni fl-2014-20, u b’hekk l-Istati Membri jingħataw flessibbiltà biex jużaw dawn ir-riżorsi biex jissodisfaw il-ħtiġijiet il-ġodda 28 . 

Barra minn hekk, il-finanzjament disponibbli bir-REACT-EU, b’mod partikolari s-segment tagħha tal-2022 sa EUR 10 biljun, jista’ jintuża jekk ikun konformi mal-objettiv li jiġi żgurat l-irkupru wara l-pandemija. Biex jiġu appoġġati l-Istati Membri, u b’mod partikolari dawk li huma l-eqreb tal-fruntiera tal-UE mal-Ukrajna, se jsiru disponibbli pagamenti ta’ prefinanzjament ta’ EUR 3.4 biljun bir-REACT-EU biex jitħaffef l-aċċess għall-fondi.

Huwa disponibbli wkoll finanzjament sinifikanti fil-qafas finanzjarju 2021-2027 kemm mill-fondi tal-Affarijiet Interni kif ukoll dawk tal-Politika ta’ Koeżjoni. L-Istati Membri jistgħu jibdew proġetti eliġibbli diġà billi n-nefqa hija eliġibbli għar-rimborż mill-1 ta’ Jannar 2021.

Biż-żieda fil-flessibbiltà fl-użu tal-fondi disponibbli mill-perjodi baġitarji tal-imgħoddi u tal-preżent, l-Istati Membri għandhom diversi għażliet ta’ finanzjament disponibbli biex jappoġġaw lil dawk li qed jaħarbu mill-gwerra kontra l-Ukrajna. L-Istati Membri u r-reġjuni huma mistiedna jagħmlu użu minn dawn l-għażliet, jaċċelleraw l-ipprogrammar tal-fondi kollha u jinkludu miżuri li jappoġġaw lil dawk li qed jaħarbu mill-gwerra fl-Ukraina.

Biex jassisti lill-Istati Membri u lir-reġjuni f’dan, qed jiġi stabbilit punt uniku ta’ servizz biex ilaqqa’ flimkien l-esperti rilevanti kollha tal-Kummissjoni biex jilħqu lill-kontropartijiet rilevanti kollha fl-Istati Membri biex jipprovdu gwida komprensiva u appoġġ individwalizzat dwar kif jista’ jiġi ottimizzat l-użu tal-finanzjament tal-UE. Se jipprovdi għarfien espert biex twieġeb il-mistoqsijiet speċifiċi tal-Istati Membri f’ħin reali. Timijiet fil-post qed jintbagħtu wkoll lejn l-Istati Membri biex jipprovdu gwida u appoġġ fil-post.

L-Istrument ta’ Appoġġ Tekniku (Technical Suppost, Instrument, TSI) jipprovdi appoġġ imfassal apposta biex jgħin lill-Istati Membri jibnu l-kapaċità istituzzjonali, u jista’ jintuża wkoll biex jgħin lill-Istati Membri jindirizzaw iċ-ċirkostanzi l-ġodda. Il-Kummissjoni nediet sejħa apposta 29 bi tweġiba għall-ħtiġijiet emerġenti tal-Istati Membri fil-kuntest tal-gwerra. Huma se jkunu jistgħu jitolbu appoġġ tekniku bit-TSI Ewlenija dwar l-integrazzjoni tal-migranti biex jgħinuhom jipprovdu aċċess rapidu għal servizzi vitali bħall-akkomodazzjoni, l-edukazzjoni, l-impjiegi u l-assorbiment tal-fondi tal-UE. L-attivitajiet bi proġetti li għaddejjin bħalissa dwar l-integrazzjoni tal-migranti u l-Garanzija għat-Tfal jistgħu jiġu adattati malajr għal ħtiġijiet ġodda li jirriżultaw mill-gwerra fl-Ukrajna. Seba’ Stati Membri diġà għandhom pjanijiet għaddejjin biex itejbu l-appoġġ għall-migranti, inkluż dwar ir-rikonoxximent tal-ħiliet u l-impjiegi, li jistgħu jiġu kkalibrati mill-ġdid biex jissodisfaw il-ħtiġijiet il-ġodda. Barra minn hekk, l-Istati Membri jistgħu jitolbu miżuri speċjali għall-mobilizzazzjoni rapida tal-appoġġ tekniku.

9.    KONKLUŻJONI

L-akkoljenza ta’ miljuni ta’ nies wara l-aggressjoni Russa fl-Ukraina rat u se tkompli teħtieġ rispons mingħajr preċedent mill-UE f’termini ta’ solidarjetà, koordinazzjoni u appoġġ reċiproku. Din il-Komunikazzjoni turi kif il-Kummissjoni qed tuża kull għodda disponibbli — f’termini ta’ koordinazzjoni, organizzazzjoni, u finanzjament — biex tappoġġa l-ħidma li għaddejja bħalissa fl-Istati Membri.

Il-Kummissjoni tinsab f’kuntatt ta’ kuljum mal-Istati Membri u mal-partijiet ikkonċernati bħall-komunità tan-negozju, l-NGOs u l-atturi tas-soċjetà ċivili. L-Istati Membri jeħtieġu tweġibiet malajr dwar kif jirreaġixxu għal sfidi ġodda u r-responsabbiltajiet il-ġodda li għandhom skont id-Direttiva dwar il-Protezzjoni Temporanja.

L-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom ir-riżorsi, l-għarfien u l-għarfien espert biex jegħlbu l-isfidi li ġejjin. Għandna n-networks u l-proċessi fis-seħħ kif ukoll id-determinazzjoni meħtieġa biex jinkisbu r-riżultati. Dan issa jrid jingħaqad flimkien biex jiġi żgurat li l-azzjoni miftiehma tipprovdi l-appoġġ meħtieġ fl-Istati Membri kollha. Flimkien se nittraduċu r-rieda tajba tal-Ewropej f’għajnuna prattika għall-miljuni mġiegħla biex jitilqu minn djarhom mill-aggressjoni Russa.

Filwaqt li l-enfasi issa hija fuq l-indirizzar tal-ħtiġijiet immedjati u fuq terminu medju, is-sitwazzjoni attwali sservi bħala tfakkira ulterjuri tal-ħtieġa li tiġi stabbilita sistema komprensiva ta’ ġestjoni tal-migrazzjoni u l-ażil.

Il-Kummissjoni tistieden lill-istituzzjonijiet kollha biex jagħtu konsiderazzjoni rapida lil din il-Komunikazzjoni, bil-laqgħa li jmiss tal-Kunsill tal-Ġustizzja u Affarijiet Interni skedata għat-28 ta’ Marzu 2022 li tipprovdi opportunità għall-Ministri tal-Intern biex imexxu l-elementi rilevanti ‘l quddiem.

(1)

     Il-Komunikazzjoni dwar is-solidarjetà Ewropea mar-refuġjati u dawk li qed jaħarbu mill-gwerra fl-Ukrajna COM(2022)107, (8.3.2022)

(2)

     Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/382 li tistabbilixxi l-eżistenza ta’ influss bil-massa ta’ persuni spostati mill-Ukrajna.

(3)

     Minbarra ċ-ċittadini Ukreni, id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/382 tipprevedi li ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew persuni apolidi li jibbenefikaw minn protezzjoni internazzjonali fl-Ukrajna u l-membri tal-familja tagħhom jenħtieġ li jingħataw protezzjoni temporanja jekk kienu jirrisjedu fl-Ukrajna qabel jew fl-24 ta’ Frar 2022. Għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jirrisjedu fl-Ukrajna qabel jew fl-24 ta’ Frar b’permess ta’ residenza permanenti u li ma jistgħux jirritornaw b’mod sikur lejn il-pajjiż ta’ oriġini tagħhom, l-Istati Membri għandhom japplikaw jew protezzjoni temporanja jew protezzjoni adegwata skont il-liġi nazzjonali tagħhom. L-Istati Membri jistgħu wkoll jagħtu protezzjoni temporanja lil ċittadini oħra ta’ pajjiżi terzi li kienu legalment residenti fl-Ukrajna u li ma jistgħux jirritornaw.

(4)

     Il-Komunikazzjoni dwar Linji gwida operazzjonali għall-implimentazzjoni ta’ protezzjoni temporanja, C(2022) 1806, (21.3.2022)

(5)

     Din il-ħidma hija bbażata fuq gwida pprovduta mill-Istati Membri fi ħdan il-Mekkaniżmu Integrat għar-Rispons Politiku f’Sitwazzjonijiet ta’ Kriżi (Integrated Political Crisis Response, IPCR).

(6)

     Inkluża data dwar il-flussi u l-għadd ta’ persuni preżenti fit-territorji tal-Istati Membri, kif ukoll dwar il-kapaċitajiet ta’ akkomodazzjoni disponibbli

(7)

     COM(2020) 758 final, (24.11.2020)

(8)

      Informazzjoni għan-nies li qed jaħarbu mill-gwerra fl-Ukrajna Il-Kummissjoni Ewropea (europa.eu)

(9)

      Traduzzjoni awtomatika għall-amministrazzjonijiet pubbliċi - Traduzzjoni Elettronika (europa.eu)

(10)

   Ara d-Direttiva 2014/92/UE dwar il-Kontijiet tal-Ħlas.

(11)

     Ara l-proposta tal-Kummissjoni għal Direttiva dwar il-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika, COM(2022) 105, (8.3.2022)

(12)

     Il-Komunikazzjoni dwar Linji gwida operazzjonali għall-implimentazzjoni ta’ protezzjoni temporanja, C(2022) 1806, (21.3.2022)

(13)

     Il-partijiet ikkonċernati u l-koordinaturi nazzjonali tas-Sena Ewropea taż-Żgħażagħ huma mħeġġa wkoll jagħtu sura ġdida lill-attivitajiet fil-livell nazzjonali biex jimmobilizzaw liż-żgħażagħ biex joffru appoġġ u juru solidarjetà.

(14)

     COM(2021) 142, 24.3.2021. Ara wkoll il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-Protezzjoni tat-Tfal, COM(2017) 211, 12.4.2017. F’konformità mal-Garanzija Ewropea għat-Tfal, l-Istati Membri jiżguraw aċċess għal edukazzjoni u kura bikrija tat-tfal, edukazzjoni, kura tas-saħħa mingħajr ħlas, nutrizzjoni tajba għas-saħħa, u akkomodazzjoni adegwata għat-tfal fil-bżonn. It-tfal bi sfond ta’ migrazzjoni huma wieħed mill-gruppi fil-mira ewlenin.

(15)

     Il-pjattaforma tat-tagħlim elettroniku tal-Akkademja tal-UE se tipprovdi appoġġ edukattiv inkluż għall-integrazzjoni tat-tfal refuġjati, il-membri adulti tal-familja tagħhom u dawk li jieħdu ħsiebhom. Tista’ tospita wkoll kanali tal-media speċifiċi għall-edukazzjoni (għal podcasts u taħdidiet diretti u rrekordjati bil-video).

(16)

     Tista’ tintuża wkoll il-pjattaforma tal-edukazzjoni għall-adulti EPALE (Pjattaforma Elettronika għat-Tagħlim tal-Adulti fl-Ewropa).

(17)

     Dan se jkun appoġġat min-network taċ-Ċentri Nazzjonali ta’ Informazzjoni dwar ir-Rikonoxximent Akkademiku

(18)

     Bħas-Sħubija għall-Inklużjoni tal-Aġenda Urbana.

(19)

      https://ec.europa.eu/neighbourhood-enlargement/news/ukraine-commission-sets-european-solidarity-mechanism-intra-eu-medical-transfers-refugees-and-2022-03-08_en

(20)

     Dan jista’ japplika wkoll għas-sorveljanza ambjentali tal-ilma mormi biex tiġi identifikata l-preżenza ta’ viruses.

(21)

      Kunsiderazzjonijiet operattivi tas-saħħa pubblika għall-prevenzjoni u l-kontroll ta’ mard infettiv fil-kuntest tal-aggressjoni tar-Russja lejn l-Ukrajna (europa.eu)

(22)

     Il-Kummissjoni se taħdem ukoll mal-proġett pilota tal-Pakkett ta’ Servizzi Minimi għas-saħħa mentali u psikosoċjali żviluppat mid-WHO, mill-UNICEF u minn Aġenziji oħra tan-NU.

(23)

     Issa hemm network speċifiku “Appoġġ għall-Ukrajna, l-Istati Membri ġirien tal-UE u l-Moldova”.

(24)

      https://www.lm.gov.lv/en/article/joint-statement-ministers-social-affairs-czech-republic-baltic-states-poland-romania-and-slovakia

(25)

     Rapport dwar in-Nuqqasijiet u s-Surpluses tax-Xogħol, l-Awtorità Ewropea tax-Xogħol, Novembru 2021

(26)

      E żempji ta’ appoġġ bħal dan mis-settur tat-trasport huma l-kumpaniji tal-linji tal-ajru, tal-ferroviji, tal-karozzi tal-linja u tat-tbaħħir li joffru biljetti bla ħlas jew skontati għal dawk li qed jaħarbu mill-Ukrajna.

(27)

     COM(2022) 109, (8.3.2022)

(28)

     COM(2022) 112, (8.3.2022)

(29)

      https://ec.europa.eu/commission/presscorner/detail/en/ip_22_1867