Brussell, 14.3.2022

COM(2022) 106 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

RAPPORT ANNWALI TAL-2020 DWAR L-IMPLIMENTAZZJONI TAR-REGOLAMENT (KE) NRU 300/2008 DWAR REGOLI KOMUNI FIL-QASAM TAS-SIGURTÀ TAL-AVJAZZJONI ĊIVILI







INTRODUZZJONI

Skont l-Artikolu 16 tar-Regolament (KE) Nru 300/2008 1 , kull sena l-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Istati Membri sabiex tinformahom bl-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament u bl-impatt tiegħu fuq it-titjib tas-sigurtà tal-avjazzjoni. Dan ir-rapport fih ħames partijiet. L-ewwel parti tkopri l-attivitajiet ta’ spezzjoni tas-sigurtà tal-avjazzjoni, it-tieni parti l-emendi għall-qafas leġiżlattiv għas-sigurtà tal-avjazzjoni, it-tielet parti l-provi, l-istudji u inizjattivi ġodda fil-qasam tas-sigurtà tal-avjazzjoni, ir-raba’ parti l-avvenimenti ta’ theddida u prospettiva, u fl-aħħar nett il-ħames parti turi d-djalogu internazzjonali li l-Kummissjoni qiegħda timpenja ruħha fih ma’ korpi internazzjonali u ma’ pajjiżi terzi.

Fl-2020, il-Kummissjoni kompliet issaħħaħ ir-regoli tas-sigurtà tal-avjazzjoni, b’enfasi partikolari fuq l-indirizzar tal-impatt tal-pandemija tal-COVID-19 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli eżistenti u ġodda dwar is-sigurtà tal-avjazzjoni.

Fis-sigurtà tal-avjazzjoni, l-objettiv tal-Kummissjoni matul il-perjodu tal-pandemija tal-COVID-19 kien wieħed doppju: l-ewwel nett, li jiġi żgurat li s-sigurtà ma tiġix kompromessa, minħabba li ma hemmx lok għal inċident ta’ sigurtà ma jistax jiġi affordjat f’dan iż-żmien ta’ kriżi ekonomika u tas-saħħa. It-tieni, li tinħoloq bażi soda għat-tkomplija gradwali tal-operazzjonijiet u li terġa’ tinkiseb il-fiduċja pubblika fit-trasport, filwaqt li jiġi żgurat li s-sikurezza u s-sigurtà jibqgħu fl-ogħla livell.

Aktar tard matul is-sena, il-Kummissjoni adottat Regolament ta’ Implimentazzjoni 4 ieħor sabiex tindirizza b’mod partikolari l-impatt tal-pandemija tal-COVID-19. Tqies li kien meħtieġ li jiġu adottati miżuri urġenti li jistabbilixxu l-bażi ġuridika xierqa sabiex jiġi implimentat proċess alternattiv u mgħaġġel għall-validazzjonijiet tas-sigurtà tal-avjazzjoni tal-UE tal-operaturi tal-katina tal-provvista fil-livell tal-Unjoni affettwati mis-sitwazzjoni attwali u sabiex tiġi pprovduta xi flessibbiltà għall-implimentazzjoni ta’ rekwiżiti ġodda fl-oqsma ta’ kontroll tal-isfond għall-persunal tal-avjazzjoni ċivili u ċ-ċibersigurtà. Proċedura leġiżlattiva oħra li temenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1998, li bdiet fil-ħarifa tal-2020, ġiet konkluża fi Frar 2021 5 . Din l-emenda estendiet l-applikabbiltà tal-proċess alternattiv u mgħaġġel għall-validazzjonijiet tas-sigurtà tal-avjazzjoni tal-UE u tintroduċi r-regoli dwar l-Informazzjoni Antiċipata dwar il-Merkanzija Qabel it-Tagħbija (PLACI) fil-leġiżlazzjoni. Fiha wkoll dispożizzjonijiet sabiex jiġu ċċarati, armonizzati, simplifikati u msaħħa ċerti miżuri speċifiċi ta’ sigurtà tal-avjazzjoni.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni ħarġet gwida bil-għan li tassisti lill-Istati Membri u lill-operaturi affettwati mis-sitwazzjoni straordinarja kkawżata mill-pandemija, inkluż fil-qasam tal-monitoraġġ tal-konformità.

F’Marzu 2020 inħarġet nota ġenerali għall-modi kollha tat-trasport relatata ma’ miżuri eċċezzjonali sabiex tiġi indirizzata l-inkapaċità li jkun hemm konformità ma’ ċerti dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni tal-UE bħala riżultat tal-kriżi. Il-Kummissjoni ħejjiet ukoll gwida operazzjonali għall-komunità tas-sigurtà tal-avjazzjoni fir-rigward ta’ miżuri ta’ kontinġenza u ta’ sigurtà alternattivi tal-avjazzjoni fil-kuntest tal-COVID-19. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ħarġet ukoll Linji Gwida tal-COVID-19 għar-restawr progressiv tas-servizzi tat-trasport u tal-konnettività 6 .

L-ispezzjonijiet tal-Kummissjoni Ewropea kien diffiċli li jsiru minħabba restrizzjonijiet għall-mobbiltà matul il-kriżi tal-COVID-19, iżda fi kwalunkwe każ dawn komplew jużaw approċċi ġodda u tekniki ta’ appoġġ bħal spezzjonijiet mill-bogħod ibbażati fuq dokumenti.

L-użu illegali ta’ sistemi ta’ inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord, magħrufin aħjar bħala droni, bħala vettur ta’ attakk u ta’ tfixkil għall-operazzjonijiet tal-ajruport, attira l-attenzjoni tal-awtoritajiet u tal-media. Il-Kummissjoni appoġġat lill-Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea (EASA) fl-iżvilupp ta’ linji gwida għall-ġestjoni ta’ inċidenti relatati mad-droni fl-ajruporti. Barra minn hekk, il-Kummissjoni rawmet diskussjoni fost l-Istati Membri, filwaqt li qieset il-konsegwenzi avversi ta’ inċidenti relatati mad-droni għas-sistema tal-avjazzjoni.

Bħal fis-snin preċedenti, il-Kummissjoni kompliet tanalizza s-sitwazzjoni ta’ theddid f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri, mal-ICAO u mal-pajjiżi sħab, bħall-Istati Uniti — b’mod partikolari fir-rigward ta’ approċċi terroristiċi ġodda potenzjali — u, fejn xieraq, żviluppat strateġiji ta’ mitigazzjoni bbażati fuq valutazzjonijiet tar-riskju regolari.

Il-Kummissjoni kompliet tikkontribwixxi għat-titjib tas-sigurtà tal-avjazzjoni fid-dinja kollha, permezz tal-kooperazzjoni dejjiema tagħha mal-ICAO u permezz tal-proġett tal-bini tal-kapaċitajiet tagħha CASE-II għall-Afrika, għall-Asja u għal-Lvant Nofsani. Barra minn hekk, il-Kummissjoni pprovdiet valutazzjonijiet tar-riskju fir-rigward ta’ titjir fuq żoni ta’ kunflitt permezz tal-proċess integrat ta’ valutazzjoni tar-riskju għas-sigurtà tal-avjazzjoni tal-UE. Dan il-proċess jipprovdi wkoll kapaċità ta’ valutazzjoni tar-riskju u jappoġġa l-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet (mitigazzjoni tar-riskju) fil-qasam tal-istandards tas-sigurtà tal-merkanzija bl-ajru u tas-sigurtà tal-avjazzjoni.

L-EWWEL PARTI: SPEZZJONIJIET

1.Ġenerali

Ir-Regolament (KE) Nru 300/2008 dwar regoli komuni fil-qasam tas-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili għandu l-għan li jipprevjeni l-interferenza illegali mal-inġenji tal-ajru ċivili sabiex jipproteġi lill-persuni u lill-merkanzija.

Filwaqt li dan ir-Regolament jirrikjedi li l-Istati Membri jimmonitorjaw b’mod regolari l-ajruporti, l-operaturi u entitajiet oħrajn kollha li japplikaw l-istandards tas-sigurtà tal-avjazzjoni u li jiżguraw id-detezzjoni u l-korrezzjoni rapida tal-fallimenti, ir-rwol mogħti lill-Kummissjoni mil-leġiżlatur huwa li timmonitorja l-implimentazzjoni effettiva mill-Istati Membri tal-UE/taż-ŻEE 7 ta’ dan ir-rekwiżit legali.

Sabiex tilħaq dan l-objettiv ta’ monitoraġġ, is-sistema ta’ sorveljanza tal-Kummissjoni tkopri l-attivitajiet tal-Istati Membri tal-UE/taż-ŻEE fl-istabbiliment, fiż-żamma u fl-applikazzjoni ta’ programm nazzjonali effettiv tas-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili u ta’ programm nazzjonali effettiv ta’ kontroll tal-kwalità tal-avjazzjoni ċivili.

Għal dan il-għan, il-Kummissjoni stabbiliet sistema b’żewġ saffi ta’ monitoraġġ tal-konformità, jiġifieri spezzjonijiet mill-Kummissjoni kkomplementati mill-valutazzjoni tar-rapporti annwali proprji tal-Istati Membri dwar l-attivitajiet ta’ monitoraġġ nazzjonali (il-verifiki tas-sigurtà, l-ispezzjonijiet u t-testijiet).

L-Artikolu 15 tar-Regolament (KE) Nru 300/2008 jirrikjedi li l-Kummissjoni twettaq spezzjonijiet, inklużi spezzjonijiet ta’ ajruporti, ta’ operaturi u ta’ entitajiet li japplikaw l-istandards tas-sigurtà tal-avjazzjoni, sabiex timmonitorja l-applikazzjoni tar-Regolament mill-Istati Membri u, kif xieraq, sabiex tagħmel rakkomandazzjonijiet għat-titjib tas-sigurtà tal-avjazzjoni. L-Iżvizzera hija inkluża wkoll fil-programm tal-Unjoni, filwaqt li n-Norveġja u l-Iżlanda jiġu spezzjonati mill-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA (ESA) skont dispożizzjonijiet paralleli.

Sabiex twettaq ix-xogħol tagħha ta’ spezzjoni fl-2020, il-Kummissjoni kellha tim ta’ sitt spetturi tas-sigurtà tal-avjazzjoni full-time. Ix-xogħol ta’ spezzjoni jitwettaq minn grupp ta’ madwar 100 awditur nazzjonali maħtura mill-Istati Membri, mill-Iżlanda, min-Norveġja u mill-Iżvizzera, li jikkwalifikaw għall-parteċipazzjoni fi spezzjonijiet tal-Kummissjoni permezz ta’ taħriġ ipprovdut minnha. Mill-2016 8 , l-ispetturi mill-ESA u mill-Konferenza Ewropea tal-Avjazzjoni Ċivili (ECAC) bdew jieħdu sehem f’dan il-proċess b’mod ugwali bħal spetturi kkwalifikati bis-sħiħ. In-numru sinifikanti ta’ awdituri nazzjonali li jieħdu sehem fl-ispezzjonijiet tal-Kummissjoni jiżgura sistema ta’ rieżami bejn il-pari u jippermetti t-tifrix tal-metodoloġiji u tal-aħjar prattiki bejn l-Istati Membri u l-pajjiżi assoċjati. Fl-Anness 1 hemm mehmuża tabella li tiġbor fil-qosor l-attivitajiet kollha ta’ monitoraġġ tal-konformità li saru mill-Kummissjoni u mill-ESA fl-2020.

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 72/2010 9 , kif emendat, jistabbilixxi l-proċeduri sabiex jitwettqu spezzjonijiet mill-Kummissjoni fil-qasam tas-sigurtà tal-avjazzjoni. Dan jinkludi, fost l-oħrajn, dispożizzjonijiet għall-kwalifika u għas-setgħat tal-ispetturi tal-Kummissjoni.

Il-metodoloġija użata għat-twettiq tal-ispezzjonijiet ġiet żviluppata f’kooperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet tas-sigurtà tal-avjazzjoni tal-Istati Membri u hija bbażata fuq il-verifika tal-implimentazzjoni effettiva tal-miżuri ta’ sigurtà. Sabiex tinterpreta r-rekwiżiti u l-proċeduri għat-twettiq tal-ispezzjonijiet b’mod armonizzat, l-unità tas-sigurtà tad-Direttorat Ġenerali għall-Mobbiltà u t-Trasport (DĠ MOVE) tfassal u żżomm manwali għal spezzjonijiet ta’ ajruporti u ta’ merkanzija. Dawn il-manwali fihom ukoll suġġerimenti u gwida dettaljati dwar il-miżuri ta’ sigurtà tal-avjazzjoni kollha meħtieġa mil-leġiżlazzjoni tal-UE. Barra minn hekk, fihom ukoll dettalji dwar l-aspetti organizzazzjonali u prattiċi kollha tal-ispezzjonijiet tal-Kummissjoni. Il-manwali huma informazzjoni kklassifikata tal-UE u huma disponibbli biss għall-ispetturi tal-Kummissjoni u għall-awtorità xierqa ta’ kull Stat Membru.

Il-Kummissjoni tagħmel spezzjonijiet tal-amministrazzjonijiet tas-sigurtà tal-avjazzjoni (l-“awtoritajiet xierqa”) tal-Istati Membri u spezzjonijiet ta’ numru limitat ta’ ajruporti, ta’ operaturi u ta’ entitajiet li japplikaw standards tas-sigurtà tal-avjazzjoni. L-ispezzjonijiet tal-awtoritajiet xierqa għandhom l-għan li jivverifikaw jekk l-Istati Membri għandhomx l-għodod neċessarji — inkluż programm nazzjonali ta’ kontroll tal-kwalità, is-setgħat neċessarji u r-riżorsi xierqa — sabiex ikunu jistgħu jimplimentaw b’mod adegwat il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar is-sigurtà tal-avjazzjoni. L-ispezzjonijiet tal-ajruporti għandhom l-għan li jivverifikaw jekk l-awtorità xierqa timmonitorjax b’mod adegwat l-implimentazzjoni effettiva tal-miżuri ta’ sigurtà tal-avjazzjoni u hijiex kapaċi tinduna b’nuqqasijiet potenzjali minnufih u tirrettifikahom. Fiż-żewġ każijiet, kwalunkwe nuqqas identifikat mill-ispetturi tal-Kummissjoni jrid jiġi rrettifikat f’perjodu ta’ żmien stabbilit. Ir-rapporti tal-ispezzjonijiet jiġu kondiviżi fost l-Istati Membri kollha.

Minkejja r-restrizzjonijiet marbuta mal-pandemija tal-COVID-19, il-Kummissjoni kompliet bl-ispezzjonijiet tal-amministrazzjonijiet nazzjonali tal-Istati Membri f’konformità mal-istrateġija ta’ spezzjoni tagħha, bl-użu ta’ metodi mill-bogħod. Fl-2020, il-Kummissjoni wettqet 11-il spezzjoni komprensiva li jkopru l-ajruporti (inklużi trasportaturi tal-ajru u entitajiet) kif ukoll awtoritajiet xierqa f’seba’ Stati Membri. L-ispezzjonijiet kollha tal-ajruporti skedati għall-perjodu wara t-tifqigħa tal-pandemija f’Marzu 2020 fl-UE ġew posposti.

Bil-għan li tipprovdi lill-Istati Membri b’rispons mill-ispezzjonijiet, tippromwovi t-trasparenza u tarmonizza l-metodoloġiji ta’ monitoraġġ tal-konformità, il-Kummissjoni skedat, għal April 2020, laqgħa tal-grupp ta’ ħidma ta’ spezzjoni AVSEC. Madankollu, din il-laqgħa kellha tiġi kkanċellata minħabba t-tifqigħa tal-COVID-19. Bħala parti mit-taħriġ rikorrenti tagħhom, l-awdituri nazzjonali tlaqqgħu għal laqgħa annwali f’Ottubru 2020, li saret permezz ta’ vidjokonferenza.

1.1    Monitoraġġ tal-konformità pluriennali tal-Kummissjoni

Sabiex il-Kummissjoni tiġi pprovduta b’garanziji adegwati dwar il-livell ta’ konformità tal-Istati Membri, jintuża approċċ ta’ monitoraġġ pluriennali. B’hekk, l-evidenza dwar l-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 300/2008 u l-leġiżlazzjoni ta’ implimentazzjoni tiegħu tinkiseb minn kull Stat Membru f’ċiklu ta’ sentejn, permezz ta’ spezzjoni tal-awtorità xierqa tiegħu jew permezz ta’ spezzjoni ta’ mill-anqas wieħed mill-ajruporti tiegħu. Barra minn hekk, l-evidenza tal-applikazzjoni tal-istandards bażiċi komuni dwar is-sigurtà tal-avjazzjoni tinkiseb f’ċiklu ta’ ħames snin permezz ta’ għażla ta’ mill-anqas 15 % tal-ajruporti kollha tal-UE li jaqgħu taħt ir-Regolament (KE) Nru 300/2008, inkluż l-akbar ajruport f’termini ta’ volumi ta’ passiġġieri f’kull Stat Membru.

Skont ir-rekwiżiti tar-Regolament qafas, l-Istati Membri għandhom ir-responsabbiltà primarja għall-monitoraġġ tal-konformità tal-implimentazzjoni tal-istandards bażiċi komuni fl-ajruporti, mit-trasportaturi tal-ajru u mill-entitajiet responsabbli għas-sigurtà. L-ispezzjonijiet imwettqa mill-Kummissjoni f’ajruporti magħżula jikkostitwixxu indikatur b’saħħtu tal-livell ġenerali ta’ konformità f’kull Stat Membru.

Il-frekwenza u l-ambitu tal-ispezzjonijiet tal-Kummissjoni huma stabbiliti fl-istrateġija tad-DĠ MOVE għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-istandards tal-UE dwar is-sigurtà tal-avjazzjoni. Din tieħu inkunsiderazzjoni l-livell ta’ attività tal-avjazzjoni ta’ kull Stat Membru, kampjun rappreżentattiv tat-tip ta’ operazzjonijiet tal-ajruporti, l-istandard ta’ implimentazzjoni tar-regolamenti dwar is-sigurtà tal-avjazzjoni, ir-riżultati tal-ispezzjonijiet preċedenti tal-Kummissjoni, il-valutazzjonijiet tar-rapporti tal-kontroll tal-kwalità annwali nazzjonali, l-inċidenti tas-sigurtà (atti ta’ interferenza mhux skont il-liġi), il-livelli ta’ theddid u fatturi u valutazzjonijiet oħra.

Mill-2010 ’l hawn, ir-rata ta’ konformità 10 identifikata matul l-ispezzjonijiet tal-Kummissjoni hija ta’ madwar 80 % (2010: 80 %, 2011: 80 %, 2012: 83 %, 2013: 80 %; 2014: 81 %, 2015: 80 %, 2016: 79 %, 2017: 81 %, 2018: 81 %, 2019: 81 %, 2020: 81 %). Madankollu, iċ-ċifra relattivament stabbli ma tfissirx li l-Istati Membri ma żidux l-isforzi tagħhom. Għall-kuntrarju, l-isforzi tal-Istati Membri fil-qasam tas-sigurtà tal-avjazzjoni żdiedu b’mod sinifikanti, għaliex matul is-snin ir-rekwiżiti żdiedu wkoll, b’mod partikolari f’oqsma bħas-sigurtà tal-merkanzija bl-ajru, l-iskrinjar tal-likwidi u tal-ġellijiet jew l-użu ta’ detezzjoni ta’ traċċi splussivi.

2.Spezzjonijiet tal-awtoritajiet xierqa nazzjonali

Fl-2020, il-Kummissjoni kompliet is-sitt ċiklu tagħha ta’ spezzjonijiet tal-awtoritajiet xierqa. B’kollox, matul is-sena ġew spezzjonati sitt awtoritajiet xierqa.

L-aktar nuqqasijiet misjuba ta’ spiss kienu relatati ma’ nuqqasijiet fl-implimentazzjoni tal-Programmi Nazzjonali ta’ Kontroll tal-Kwalità. Ġew identifikati diffikultajiet sabiex jiġi żgurat li l-ajruporti, it-trasportaturi tal-ajru u l-entitajiet regolati b’responsabiltajiet ta’ sigurtà jaġġornaw u jżommu l-programmi tas-sigurtà konformi mar-regolamenti u d-deċiżjonijiet ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni. Barra minn hekk, xi Stati Membri ma mmonitorjawx bir-regolarità mistennija trasportaturi tal-ajru barranin u xi entitajiet b’responsabbiltajiet ta’ sigurtà. Stati Membri oħrajn ma applikawx bis-sħiħ il-metodoloġija meħtieġa għall-ispezzjonijiet u l-elementi li għandhom jiġu inklużi fir-rapportar tal-attivitajiet ta’ monitoraġġ tal-konformità. Barra minn hekk, xi Stati Membri ma laħqux il-frekwenzi minimi għall-verifiki u għall-ispezzjonijiet tas-sigurtà u mhux dejjem żguraw li n-nuqqasijiet identifikati jiġu rettifikati malajr u li ma jerġgħux iseħħu. Madankollu, il-maġġoranza tal-Istati Membri spezzjonati fl-2020 allinjaw il-Programmi Nazzjonali tas-Sigurtà tal-Avjazzjoni mal-leġiżlazzjoni tal-UE; ipprovdew lill-awtoritajiet xierqa tagħhom bis-setgħat ta’ infurzar meħtieġa għall-monitoraġġ u għall-infurzar tar-rekwiżiti kollha tar-Regolament u tal-atti ta’ implimentazzjoni tiegħu; żguraw li kien hemm numru suffiċjenti ta’ awdituri disponibbli għat-twettiq ta’ attivitajiet ta’ monitoraġġ tal-konformità; u implimentaw il-biċċa l-kbira tar-rekwiżiti relatati mat-taħriġ dwar is-sigurtà.

3.Spezzjonijiet inizjali fl-ajruporti

Matul l-2020 twettqu ħames spezzjonijiet inizjali tal-ajruporti. Il-kapitoli kollha kienu koperti f’konformità mal-oqsma applikabbli ta’ sigurtà f’erba’ minn dawn l-ispezzjonijiet tal-ajruporti, filwaqt li spezzjoni waħda tal-ajruport iffukat fuq il-merkanzija u fuq il-posta kif ukoll fuq id-dispożizzjonijiet relatati dwar it-tagħmir ta’ sigurtà. Fl-2020, il-perċentwal kumplessiv tal-miżuri ewlenin li nstabu li kienu konformi kien ta’ 81 %, jiġifieri l-istess bħall-2019. 11

Wara l-ħdax-il sena tal-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 300/2008, ir-riżultati tal-ispezzjonijiet jirriflettu l-isforzi li saru mill-awtoritajiet xierqa u mill-industrija. Il-maġġoranza tar-rekwiżiti dwar is-sigurtà li jirriżultaw minn din il-leġiżlazzjoni ambizzjuża ġew implimentati b’mod korrett; il-livell ta’ konformità għall-aktar oqsma importanti tas-sigurtà tal-avjazzjoni baqa’ stabbli f’livell ta’ madwar 80 %. Madankollu, l-effettività tal-implimentazzjoni ta’ xi miżuri fadlilha x’titjieb.

Il-biċċa l-kbira tan-nuqqasijiet li nstabu komplew jirriżultaw minn kwistjonijiet marbuta ma’ fatturi umani. Dawn seħħew l-aktar fl-implimentazzjoni prattika ta’ ċerti oqsma fejn ir-rekwiżiti legali huma ġodda jew inbidlu b’mod sinifikanti reċentement. B’mod partikolari, uħud mid-dispożizzjonijiet relatati mal-kontroll tal-aċċess u mal-iskrinjar tal-bagalji tal-kabina se jirrikjedu sforzi kontinwi mill-awtoritajiet xierqa, mill-partijiet ikkonċernati tal-industrija u mill-Kummissjoni. Dawn il-kwistjonijiet għandhom jiġu indirizzati billi jiżdiedu l-attivitajiet nazzjonali ta’ kontroll tal-kwalità fl-oqsma kkonċernati.

Fis-sena 2020 kien hemm titjib ċar fil-kontrolli tas-sigurtà tal-provvisti tal-ajruport u għal darb’oħra livelli ta’ konformità għoljin fir-rigward tal-iskrinjar u tal-protezzjoni tal-bagalji tal-istiva, tal-provvisti għal matul it-titjira, tat-tagħmir tas-sigurtà u tat-taħriġ. Dan isegwi riżultati relattivament tajbin fis-snin preċedenti, iżda tjieb ulterjorment permezz ta’ aktar sensibilizzazzjoni u esperjenza prattika bil-leġiżlazzjoni ta’ implimentazzjoni riveduta, li pprovdiet aktar ċarezza u konsistenza fil-miżuri.

4.Spezzjonijiet ta’ segwitu

F’konformità mal-Artikolu 13 tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 72/2010, kif emendat, il-Kummissjoni twettaq b’mod regolari numru limitat ta’ spezzjonijiet ta’ segwitu. Tali spezzjonijiet jiġu skedati meta jiġu identifikati diversi nuqqasijiet serji matul l-ispezzjoni inizjali, iżda anke fuq bażi aleatorja sabiex jiġi vverifikat li l-awtoritajiet xierqa jkollhom is-setgħat meħtieġa sabiex jirrikjedu li kull nuqqas identifikat jiġi rrettifikat fi ħdan perjodi ta’ żmien stabbiliti. Ma saret l-ebda attività bħal din matul l-2020 minħabba t-tifqigħa tal-pandemija tal-COVID-19.

5.Valutazzjonijiet tar-Rapporti tal-KONTROLL TAL-KWALITÀ ANNWALI tal-Istati Membri

Il-punt 18 tal-Anness tar-Regolament (KE) Nru 300/2008 12 jirrikjedi li kull sena, l-Istati Membri jissottomettu rapport lill-Kummissjoni dwar il-miżuri meħuda sabiex jissodisfaw l-obbligi tagħhom skont dan ir-Regolament u dwar is-sitwazzjoni tas-sigurtà tal-avjazzjoni fl-ajruporti li jinsabu fit-territorju tagħhom. Il-kontenut tar-rapport għandu jkun f’konformità mal-Appendiċi III permezz ta’ mudell ipprovdut mill-Kummissjoni.

Il-valutazzjoni ta’ dawn ir-rapporti, minbarra l-ispezzjonijiet regolari tal-Kummissjoni, tipprovdi għodda għall-Kummissjoni sabiex issegwi mill-qrib l-implimentazzjoni ta’ miżuri nazzjonali robusti ta’ kontroll tal-kwalità. Dan, min-naħa tiegħu, jippermetti detezzjoni u korrezzjoni rapida tan-nuqqasijiet f’kull Stat Membru.

Il-valutazzjoni tinkludi analiżi tal-monitoraġġ regolari tal-ajruporti, tat-trasportaturi tal-ajru u ta’ entitajiet oħrajn b’responsabbiltajiet fis-sigurtà tal-avjazzjoni, kif ukoll l-ammont ta’ jiem imqatta’ mill-awdituri fuq il-post, l-ambitu u l-frekwenzi ta’ taħlita xierqa ta’ attivitajiet ta’ monitoraġġ tal-konformità, il-livelli nazzjonali ta’ konformità, l-attivitajiet ta’ segwitu u l-użu ta’ setgħat ta’ infurzar.

Fir-rigward tar-rapporti annwali tal-2020 sottomessi mill-Istati Membri, il-pandemija tal-COVID-19 kellha impatt sinifikanti fuq il-kapaċità tal-Istati Membri li jwettqu l-attivitajiet ordinarji ta’ kontroll tal-kwalità tagħhom imwettqa fuq il-post fl-ajruporti u f’siti ta’ operaturi oħrajn matul is-sena 2020.

F’Marzu tal-2020, il-Kummissjoni ħarġet nota ġenerali li tistabbilixxi miżuri eċċezzjonali sabiex tittratta l-inkapaċità li jiġu ssodisfati ċerti dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni tal-UE. Dan ippermetta lill-Istati Membri jieħdu miżuri ta’ kontinġenza wkoll fir-rigward tal-attivitajiet ta’ monitoraġġ tal-konformità f’każ li l-prestazzjoni tagħhom tkun ġiet imfixkla jew affettwata b’mod sever mill-effetti tal-pandemija. F’termini ġenerali, l-effetti negattivi u l-limitazzjonijiet tal-COVID-19 affettwaw lill-Istati Membri kollha. Madankollu, peress li l-pandemija evolviet b’mod mhux uniformi madwar l-Unjoni, b’pass differenti u b’impatt li jvarja skont l-Istat Membru (f’xi każijiet anke fl-istess Stat Membru), is-27 Stat Membru ffaċċjaw sitwazzjonijiet ftit differenti fiż-żmien u fis-severità ta’ dawn il-limitazzjonijiet. L-operazzjonijiet tal-avjazzjoni ċivili (il-volum ta’ passiġġieri u n-numru ta’ movimenti tal-inġenji tal-ajru) esperjenzaw tnaqqis drammatiku, li rriżulta fl-ippjanar mill-ġdid, fil-kanċellazzjoni jew fil-konverżjoni mill-ġdid ta’ numru ta’ attivitajiet ta’ monitoraġġ tal-konformità. F’Mejju 2020, il-Kummissjoni ppreżentat lill-Istati Membri lista ta’ attivitajiet ta’ monitoraġġ tal-konformità 13 li għandhom jitwettqu bħala alternattiva għall-awditi, għall-ispezzjonijiet u għat-testijiet tradizzjonali, jew li għandhom jiġu integrati fihom, f’każ li dawn ma jkunux jistgħu jitwettqu kompletament jew parzjalment minħabba l-pandemija. Il-Kummissjoni għamlet disponibbli għall-Istati Membri għodda ta’ notifika li għandha tintuża sabiex tinkludi tali attivitajiet fil-kuntest tas-sottomissjoni tar-rapport annwali tagħhom għall-2020.

Għalhekk, il-valutazzjoni għar-rapporti annwali tal-2020 imwettqa mill-Kummissjoni ffukat fuq l-għodod ordinarji ta’ kontroll tal-kwalità li jistgħu jiġu implimentati mill-Istati Membri, flimkien ma’ evalwazzjoni u ponderazzjoni tal-attivitajiet alternattivi u addizzjonali msemmija hawn fuq li twettqu matul il-perjodu ta’ lockdown l-aktar sever. Il-Kummissjoni nnotat li filwaqt li xi Stati Membri jistgħu jinħelsu bis-sħiħ mill-obbligi tagħhom ta’ kontroll tal-kwalità bl-użu tal-metodoloġija u tal-għodod ordinarji, il-maġġoranza tagħhom għamlu użu kbir mill-attivitajiet alternattivi addizzjonali ta’ monitoraġġ tal-konformità, li kkontribwew għall-kisba ta’ prestazzjoni sodisfaċenti kemm f’termini ta’ jiem li qattgħu l-awdituri kif ukoll fin-numru reali ta’ operaturi mmonitorjati.

Minħabba s-sitwazzjoni bla preċedent, kif ukoll is-soluzzjonijiet u l-għodod murija hawn fuq użati mill-Istati Membri, il-valutazzjoni tar-rapporti annwali rrikonoxxiet l-isforzi pendenti stabbiliti mill-Istati Membri kollha fiż-żamma tar-reġim tas-sigurtà tal-avjazzjoni tagħhom taħt rieżami kontinwu permezz ta’ taħlita ta’ valutazzjonijiet bl-użu ta’ simulazzjonijiet u fejn possibbli, attivitajiet immirati fuq il-post.

Il-valutazzjoni ġenerali ma żvelat l-ebda nuqqas jew dgħufija li kienet tirrikjedi segwitu: il-Kummissjoni qieset ir-rispons tal-Istati Membri u l-isforzi prodotti bħala suffiċjenti. Peress li l-effetti tal-pandemija komplew matul l-2021, il-Kummissjoni se tikkunsidra li ttejjeb dan ir-reġim alternattiv ta’ attivitajiet ta’ monitoraġġ tal-konformità fid-dawl tal-valutazzjoni tar-rapporti annwali għall-2021.

Il-Kummissjoni bagħtet evalwazzjoni komprensiva formali lill-Istati Membri li tenfasizza, fejn meħtieġ, suġġerimenti dwar kif jistgħu jittejbu jew jitfasslu aħjar l-isforzi nazzjonali.

6.Valutazzjonijiet ta’ ajruporti ta’ pajjiżi terzi

Matul is-sena, minħabba ċirkostanzi eċċezzjonali, ma saret l-ebda valutazzjoni tal-ajruporti tal-Istati Uniti fil-qafas tal-Arranġament ta’ Ħidma mal-Amministrazzjoni tas-Sigurtà tat-Trasport tal-Istati Uniti tal-Amerka stabbilit skont il-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru bejn l-UE u l-Istati Uniti 14 . Fil-kuntest ta’ arranġamenti ta’ Punt Uniku ta’ Sigurtà bejn il-Kummissjoni u pajjiżi terzi, u għal raġunijiet simili, ma kienx possibbli li jitwettqu valutazzjonijiet. F’ċirkostanzi normali, dawn isiru b’mod regolari sabiex jiġi kontroverifikat li l-implimentazzjoni ta’ ċerti miżuri ta’ sigurtà tkompli tkun ta’ standard ekwivalenti għall-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar is-sigurtà tal-avjazzjoni.

7.Fajls miftuħa, każijiet tal-Artikolu 15 u proċedimenti legali

Kull fajl ta’ spezzjoni jibqa’ miftuħ sakemm il-Kummissjoni tkun issodisfata li ġiet implimentata l-azzjoni ta’ rettifika xierqa. Għalhekk, id-durata ta’ fajl tiddependi fuq il-kooperazzjoni tajba tal-Istat Membru kkonċernat. Ħmistax-il fajl ta’ spezzjoni (ħdax-il fajl li jikkonċernaw l-ispezzjonijiet fl-ajruporti u erba’ li jikkonċernaw l-ispezzjonijiet tal-awtoritajiet xierqa) setgħu jingħalqu fl-2020. B’kollox, fi tmiem is-sena l-fajls ta’ spezzjoni li baqgħu miftuħin kienu relatati ma’ seba’ awtoritajiet xierqa u ma’ seba’ ajruporti.

Jekk in-nuqqasijiet li jiġu identifikati fl-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ sigurtà f’ajruport jitqiesu serji biżżejjed sabiex ikollhom impatt sinifikanti fuq il-livell kumplessiv tas-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili fl-Unjoni, il-Kummissjoni se tattiva l-Artikolu 15 tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 72/2010. Dan ifisser li l-awtoritajiet xierqa l-oħrajn kollha jiġu mwissija dwar is-sitwazzjoni, u li jkun meħtieġ li jiġu kkunsidrati miżuri ta’ kumpens fir-rigward tat-titjiriet mill-ajruport inkwistjoni. Fl-2020, ma nbeda l-ebda każ tal-Artikolu 15, iżda ntbagħtet ittra waħda ta’ twissija minn qabel lil Stat Membru, li fiha ġie mistieden jieħu miżuri ta’ kumpens xierqa sakemm issir rettifika sħiħa tan-nuqqas ikkonċernat.

Irrispettivament minn jekk jiġix applikat jew le l-Artikolu 15, miżura oħra disponibbli, b’mod partikolari f’każijiet fejn ikun hemm dewmien sabiex issir rettifika jew minħabba r-rikorrenza ta’ nuqqasijiet, hija li jinbdew proċedimenti ta’ ksur mill-Kummissjoni. Fl-2020, tnieda proċediment ta’ ksur wieħed. Proċediment ta’ ksur ieħor seta’ jingħalaq fl-istess perjodu.

IT-TIENI PARTI: QAFAS LEĠIŻLATTIV U GĦODOD SUPPLIMENTARI

1.Qafas leġiżlattiv

L-avjazzjoni ċivili tibqa’ mira attraenti għall-gruppi terroristiċi, u fil-ġlieda kontra din it-theddida hija meħtieġa l-implimentazzjoni ta’ miżuri ta’ protezzjoni proporzjonati u bbażati fuq ir-riskju. Għalhekk, il-Kummissjoni u l-Istati Membri qegħdin jaġġustaw kostantement il-miżuri ta’ mitigazzjoni sabiex jilħqu l-ogħla livell ta’ sigurtà filwaqt li jnaqqsu l-effetti avversi fuq l-operazzjonijiet.

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1998 ġie aġġornat f’Jannar 2020 15 fir-rigward tal-approvazzjoni tat-tagħmir tas-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili kif ukoll tal-lista ta’ pajjiżi terzi rikonoxxuti bħala pajjiżi li japplikaw standards tas-sigurtà ekwivalenti għall-istandards bażiċi komuni dwar is-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili. F’Ġunju 2020, wara t-tifqigħa tal-pandemija tal-COVID-19, ir-Regolament ġie mmodifikat mill-ġdid 16 fir-rigward tar-regoli għad-deżinjazzjoni mill-ġdid tal-linji tal-ajru, tal-operaturi u tal-entitajiet li jipprovdu kontrolli tas-sigurtà għall-merkanzija u għall-posta li jaslu minn pajjiżi terzi, kif ukoll il-posponiment ta’ ċerti rekwiżiti regolatorji fil-qasam taċ-ċibersigurtà, il-kontrolli tal-isfond, l-istandards tas-sistema ta’ detezzjoni tal-isplussivi, u t-tagħmir għall-individwazzjoni tat-traċċi splussivi.

F’Marzu 2020, il-Kummissjoni ħarġet nota ġenerali għall-modi kollha tat-trasport b’rabta ma’ miżuri eċċezzjonali sabiex tiġi indirizzata l-inkapaċità li jiġu ssodisfati ċerti dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni tal-UE bħala riżultat tal-kriżi. Dan kien partikolarment rilevanti għas-sigurtà tal-avjazzjoni f’termini tat-trattament tal-estensjoni taċ-ċertifikazzjonijiet, tat-taħriġ, tal-karti ta’ identifikazzjoni tal-ajruport u tal-ekwipaġġ, tal-approvazzjonijiet mill-ġdid ta’ entitajiet regolati jew magħrufa, tal-monitoraġġ tal-konformità u ta’ attivitajiet oħrajn li ġew imfixkla jew affettwati b’mod sever mis-sitwazzjoni straordinarja kkawżata mill-pandemija, inkluż fil-qasam tal-monitoraġġ tal-konformità. Il-Kummissjoni ħejjiet ukoll gwida operazzjonali għall-komunità tas-sigurtà tal-avjazzjoni fir-rigward ta’ miżuri ta’ kontinġenza u ta’ sigurtà alternattivi tal-avjazzjoni fil-kuntest tal-COVID-19. Din il-gwida kellha l-għan li tgħin fil-protezzjoni ta’ dawk li jwettqu l-iskrinjar, tal-passiġġieri u tal-persunal filwaqt li tippreserva l-objettivi tas-sigurtà tal-avjazzjoni kif ukoll tarmonizza miżuri ta’ kontinġenza u miżuri alternattivi. Bħala tweġiba għall-pandemija, il-Kummissjoni ħarġet ukoll Linji gwida tal-COVID-19 għar-restawr progressiv tas-servizzi tat-trasport u tal-konnettività 17 .

2.Il-bażi tad-data tal-Unjoni dwar is-sigurtà tal-katina tal-provvista (UDSCS)

Mill-1 ta’ Ġunju 2010, il-bażi tad-data tal-aġenti regolati u tal-konsenjaturi 18 magħrufa kienet l-għodda ġuridika primarja u l-unika għodda ġuridika użata għall-konsultazzjoni meta jiġu aċċettati konsenji mingħand aġent regolat ieħor jew mingħand konsenjatur magħruf. Minn meta ġiet attivata, ġiet estiża sabiex tinkludi l-lista ta’ trasportaturi tal-ajru awtorizzati li jġorru merkanzija u posta fl-UE minn ajruporti ta’ pajjiżi terzi (ACC3) u l-fornituri tas-servizzi fuq l-art tagħhom fil-pajjiż terz (RA3 u KC3), il-lista ta’ validaturi tas-sigurtà tal-avjazzjoni tal-UE approvata mill-Istati Membri, il-Fornituri Regolati tal-UE li jipprovdu l-catering u provvisti oħrajn lill-ajruporti u lil-linji tal-ajru, u fl-aħħar nett il-lista tal-ajruporti tal-Unjoni li japplikaw ir-Regolament (KE) Nru 300/2008. L-estensjoni tal-ambitu tal-bażi tad-data ġġustifikat it-tismija l-ġdida tagħha bħala “Bażi tad-data tal-Unjoni dwar is-sigurtà tal-katina tal-provvista” 19 sabiex tirrifletti aħjar l-użu usa’ tagħha. Fi tmiem l-2020, il-bażi tad-data kien fiha 14 000 rekord ta’ aġenti regolati, konsenjaturi magħrufa, validaturi indipendenti, linji tal-ajru ACC3, fornituri regolati, u aġenti regolati u konsenjaturi magħrufa minn pajjiżi terzi. Ir-rata tad-disponibbiltà fil-mira tagħha ta’ 99,5 % intlaħqet ukoll b’mod kontinwu fl-2020. Qiegħda titlesta verżjoni ġdida ta’ din il-bażi tad-data u l-attivazzjoni sħiħa tagħha hija mistennija fi tmiem l-2021.

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/111 stabbilixxa r-reġim Ewropew ta’ approvazzjoni għat-tagħmir tas-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili, l-hekk imsejjaħ “Timbru tal-UE” li huwa applikabbli mill-1 ta’ Ottubru 2020. Dan ir-Regolament jarmonizza l-approvazzjoni tat-tagħmir tas-sigurtà tal-avjazzjoni, li qabel kien taħt ir-responsabbiltà ta’ kull Stat Membru. Is-sistema l-ġdida hija mibnija fuq il-Proċess ta’ Evalwazzjoni Komuni eżistenti tal-ECAC. L-implimentazzjoni tagħha talbet li t-tagħmir tas-sigurtà tal-avjazzjoni approvat kollu jiġi inkluż u elenkat fil-bażi tad-data 20 li minnha tista’ titniżżel ukoll il-marka “Timbru tal-UE”, li għandha titwaħħal fuq it-tagħmir. Din il-parti tal-bażi tad-data l-ġdida saret operattiva f’Diċembru 2020.

3.Informazzjoni Antiċipata dwar il-Merkanzija Qabel it-Tagħbija (PLACI)

Fir-rigward tal-merkanzija bl-ajru, il-Kummissjoni kompliet taħdem mill-qrib mal-Istati Membri sabiex tħejji l-implimentazzjoni tal-ewwel fażi tal-analiżi tal-informazzjoni antiċipata dwar il-merkanzija qabel it-tagħbija (PLACI). Din l-ewwel fażi, li fiha r-rekwiżiti fir-rigward tal-konsenji postali/posta u pakketti express, ġiet attivata fil-15 ta’ Marzu 2021. Ġew inklużi dispożizzjonijiet ġodda fil-leġiżlazzjoni tal-UE 21 fl-oqsma kemm tad-dwana kif ukoll tas-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili.

Skont ir-rekwiżiti, id-dettalji (7+1 elementi avvanzati tad-Dikjarazzjoni fil-Qosor tad-Dħul Doganali) li jappartjenu għal kull vjeġġ li jittajjar lejn l-UE għandhom jiġu ppreżentati b’mod elettroniku (permezz tal-ICS2 – Sistema ta’ Kontroll tal-Importazzjoni) lid-dwana tal-UE mill-Operaturi Ekonomiċi responsabbli għad-dħul fit-territorju doganali tal-Unjoni ta’ merkanzija f’konsenji postali jew express u analizzati għal finijiet ta’ sigurtà tal-avjazzjoni ċivili mill-ewwel punt tad-dħul tal-aġenzija doganali fl-UE. L-istess rekwiżiti se jsiru applikabbli mill-1 ta’ Marzu 2023 fir-rigward tal-konsenji kollha tal-merkanzija bl-ajru.

L-eżitu tal-analiżi tar-riskju tal-PLACI jista’ jirrikjedi l-implimentazzjoni ta’ miżuri speċifiċi ta’ mitigazzjoni tas-sigurtà tal-avjazzjoni. Dawn jistgħu jiġu applikati mill-operaturi ekonomiċi (direttament jew indirettament mill-fornituri tas-servizzi tal-art tagħhom u/jew fl-aħħar mill-aħħar mit-trasportatur tal-ajru) involuti fil-katina tal-provvista tal-UE qabel ma l-konsenja titgħabba abbord titjira li titlaq lejn l-UE. Tali azzjonijiet (kif aċċettati globalment fl-ICAO u fl-Organizzazzjoni Dinjija Doganali) jistgħu jikkonsistu f’talbiet għal aktar informazzjoni, talbiet għal skrinjar f’konformità ma’ standards ta’ Riskju Għoli jew ċaħda tat-tagħbija tal-vjeġġ fuq inġenju tal-ajru. Ir-rekwiżiti tal-PLACI japplikaw għall-postijiet kollha ta’ pajjiżi terzi madwar id-dinja, inklużi dawk fejn il-linji tal-ajru u l-operaturi tal-merkanzija jkunu eżentati mill-programm tal-UE ACC3.

F’Novembru 2020, il-Kummissjoni organizzat sessjoni ta’ ħidma konġunta mal-awtoritajiet tas-sigurtà tal-avjazzjoni u mal-awtoritajiet doganali nazzjonali sabiex trawwem il-fehim u l-armonizzazzjoni tal-azzjonijiet għall-implimentazzjoni bla xkiel tal-PLACI tal-UE. Il-kooperazzjoni mal-komunità doganali kompliet ukoll fil-kuntest globali mal-ICAO u mal-Organizzazzjoni Dinjija Doganali.

IT-TIELET PARTI: PROVI, STUDJI U INIZJATTIVI ĠODDA

1.Provi

“Prova” skont it-tifsira tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar is-sigurtà tal-avjazzjoni, titwettaq meta Stat Membru jaqbel mal-Kummissjoni li jkun se juża mezz jew metodu partikolari mhux rikonoxxut skont it-termini tal-leġiżlazzjoni sabiex jibdel wieħed mill-kontrolli ta’ sigurtà rikonoxxuti għal perjodu ta’ żmien limitat, bil-kundizzjoni li din il-prova ma jkollhiex impatt negattiv fuq il-livelli kumplessivi ta’ sigurtà. It-terminu, fit-tifsira legali, ma japplikax meta Stat Membru jew entità twettaq evalwazzjoni ta’ kontroll tas-sigurtà ġdid introdott b’mod parallel ma’ wieħed jew aktar minn dawk diġà koperti mil-leġiżlazzjoni.

Matul l-2020 ma saret jew ma nbdiet l-ebda prova.

2.Studji, Rapporti u Konferenzi

Filwaqt li l-organizzazzjoni ta’ avvenimenti fiżiċi kienet impossibbli matul il-biċċa l-kbira tas-sena 2020, f’Novembru 2020 il-Kummissjoni organizzat l-ewwel laqgħa virtwali tal-Grupp ta’ Ħidma dwar iċ-Ċibersigurtà tal-Avjazzjoni 22 , li laqqgħet flimkien lill-awtoritajiet tal-Istati Membri responsabbli għas-sigurtà tal-avjazzjoni u għall-implimentazzjoni tad-Direttiva NIS 23 , kif ukoll il-partijiet ikkonċernati. Il-Kummissjoni tqis li l-implimentazzjoni u t-titjib ulterjuri tal-ambjent regolatorju kumpless taċ-ċibersigurtà tal-avjazzjoni jistgħu jibbenefikaw bil-kbir minn pariri u mill-kondiviżjoni tal-esperjenza u tal-aħjar prattiki fi ħdan grupp ta’ ħidma bħal dan. Hemm ukoll interess qawwi li jiġi żgurat li jitqiesu l-ispeċifiċitajiet tas-settur tal-avjazzjoni u li jiġi vverifikat kif l-isforzi settorjali u orizzontali jistgħu jikkomplementaw lil xulxin, filwaqt li tiġi evitata d-duplikazzjoni tal-isforzi u l-piż żejjed fuq l-amministrazzjonijiet u l-industrija.

F’Diċembru 2020, il-Kummissjoni ppubblikat sett ta’ għodod għaċ-ċibersigurtà tat-trasport 24 , bil-għan li tqajjem kuxjenza dwar ir-riskji ċibernetiċi u l-iġjene ċibernetika u sabiex tibni t-tħejjija fis-settur tat-trasport. Dan is-sett ta’ għodod fih prattiki rakkomandati sabiex jittaffew xi wħud mit-theddidiet ċibernetiċi 25 li jistgħu jaffettwaw is-settur tat-trasport. Fih ukoll livell aktar avvanzat, li jipprovdi informazzjoni li hija partikolarment rilevanti għall-professjonisti tas-sigurtà u taċ-ċibersigurtà fl-organizzazzjonijiet tat-trasport. Dan il-livell avvanzat jipprovdi gwida dwar id-detezzjoni, il-protezzjoni, l-identifikazzjoni u r-rispons għat-theddidiet ċibernetiċi.

3.Inizjattivi Ġodda

Sar progress ulterjuri rigward l-iżvilupp ta’ teknoloġiji ġodda fis-sigurtà tal-avjazzjoni. B’mod partikolari, saret ħidma sabiex jiġu żviluppati standards ta’ detezzjoni sabiex it-tagħmir ta’ sigurtà jkun jista’ jindirizza theddidiet ġodda, speċjalment sustanzi kimiċi. Għal dan il-għan, hemm fis-seħħ kooperazzjoni allinjata ta’ livell eċċellenti mal-Istati Uniti u ma’ sħab internazzjonali oħra. Madankollu, il-kriżi tal-COVID-19 fixklet ukoll din il-kooperazzjoni, peress li din l-attività tirrikjedi l-iskambju ta’ informazzjoni kklassifikata f’ambjent sigur u ma kienx possibbli li jsiru laqgħat fiżiċi.

Fl-2020, il-Kummissjoni nediet diskussjoni dwar “strateġija AVSEC” ġdida, li l-għan tagħha huwa li tirrifletti fuq viżjoni strateġika għall-futur tas-sigurtà tal-avjazzjoni. Filwaqt li ddewmet minħabba l-prijoritajiet tal-pandemija tal-COVID-19, il-ħidma reġgħet bdiet bis-saħħa fl-2021. Dan jinkludi input minn diversi flussi ta’ ħidma fl-oqsma tas-sigurtà bbażata fuq ir-riskju, il-kultura tas-sigurtà u l-approċċ olistiku, l-innovazzjoni, u l-istandards tas-sigurtà tal-avjazzjoni. L-intenzjoni tal-Kummissjoni hija li tiffinalizza din il-ħidma sal-aħħar tas-sena 2021 bi proposti għal triq ’il quddiem, f’termini ta’ azzjonijiet u deċiżjonijiet konkreti possibbli.

IR-RABA’ PARTI: AVVENIMENTI TA’ THEDDID U L-PROSPETTIVA

Barra minn hekk, fid-dawl tal-iżviluppi internazzjonali reċenti, it-terroriżmu ġiħadista jibqa’ theddida maġġuri għall-UE, theddida li teħtieġ monitoraġġ b’attenzjoni 26 . Minkejja sforzi globali biex jiġu limitati s-sorsi ta’ finanzjament tat-terroristi, l-organizzazzjonijiet terroristiċi xorta waħda għandhom riżervi kbar ta’ flus kontanti 27 biex jiffinanzjaw l-attivitajiet u l-propoganda tagħhom, u t-trasport bl-ajru jibqa’ mira potenzjali, inkluż permezz ta’ tentattivi ta’ ħtif illegali ta’ sistemi ta’ sigurta tal-linji tal-ajru 28 jew permezz tal-iżvilupp ta’ ħabi innovattiv ta’ splussivi. Theddidiet oħra potenzjali bħas-CBRN, is-sustanzi kimiċi b’mod partikolari, qegħdin jiġu vvalutati kontinwament mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri. Theddid minn ġewwa u terroriżmu endoġenu jridu jibqgħu qasam ta’ attenzjoni partikolari fid-dawl tar-radikaliżmu online kontinwu, u l-perspettiva ta’ ġellieda terroristiċi barranin li rritornaw lejn l-Ewropea. Fl-istess ħin, tfaċċaw theddidiet u mezzi oħra ta’ attakk. Id-droni joħolqu opportunitajiet ġodda għall-ekonomija Ewropea u l-maġġoranza l-kbira tal-operazzjonijiet tad-droni huma u se jibqgħu leġittimi. Madankollu, id-droni għandhom il-potenzjal li jintużaw minn atturi malizzjużi differenti, sabiex iwettqu sorveljanza, ifixklu l-operazzjonijiet tal-infrastruttura kritika jew jattakkaw miri ta’ valur għoli. Tali “theddida tad-droni” x’aktarx li tikber filwaqt li d-droni qed isiru aktar disponibbli b’mod aktar wiesa’, aktar affordabbli u aktar kapaċi. Il-Kummissjoni hija impenjata li tappoġġa lill-Istati Membri fil-ġlieda kontra dan l-użu ħażin permezz ta’ taħlita ta’ miżuri, inkluża kemm leġiżlazzjoni kif ukoll gwida. Fit-22 ta’ April 2021, il-Kummissjoni ħadet passi konkreti f’dan il-qasam bl-adozzjoni ta’ qafas regolatorju għall-kunċett Ewropew ta’ ġestjoni tat-traffiku mingħajr bdot abbord (il-U-Space) 29 , li għandu jagħmilha aktar faċli għall-awtoritajiet sabiex jagħmlu distinzjoni bejn id-droni kooperattivi u dawk mhux kooperattivi u potenzjalment malizzjużi li jittajru. Barra minn hekk, ir-Regolament (UE) 2019/945 30 jirrikjedi li d-droni tal-konsumaturi maħsuba għall-użu mingħajr approvazzjoni minn qabel ikunu ddisinjati b’funzjoni integrata li awtomatikament ixxandar in-numru ta’ reġistrazzjoni tal-operatur u l-pożizzjoni tad-droni sabiex ikunu jistgħu jiġu riċevuti minn apparati mobbli, u b’hekk l-awtoritajiet tal-infurzar u l-pubbliku ġenerali qrib id-droni jkollhom aċċess faċli għal din l-informazzjoni (anke barra l-ispazju tal-ajru U-Space) u għalhekk jippromwovu mġiba tal-piloti responsabbli u jnaqqsu l-possibbiltajiet li dawn id-droni jintużaw b’mod diskret u anonimu għal skopijiet illegali jew malizzjużi. 31 Barra minn hekk, sabiex tappoġġa lill-awtoritajiet li jittrattaw id-droni mhux kooperattivi, il-Kummissjoni qiegħda tappoġġa l-iżvilupp ta’ forom differenti ta’ materjali ta’ gwida, tiffinanzja proġetti u studji innovattivi kontra d-droni, u tibni pontijiet bejn setturi affettwati differenti (eż. l-infurzar tal-liġi, l-avjazzjoni, l-infrastruttura kritika, il-ħabsijiet, id-dwana/il-fruntieri, il-protezzjoni personali, l-avvenimenti tal-massa) u l-partijiet ikkonċernati. Il-Kummissjoni nediet ukoll Programm Ewropew għall-ittestjar tas-sistemi kontra l-UAS. Din l-inizjattiva għandha l-għan li tiffaċilita approċċ Ewropew aktar ikkoordinat għall-ittestjar ta’ teknoloġiji differenti kontra d-droni. F’Marzu 2021, l-EASA — bl-appoġġ tal-Kummissjoni — ħarġet gwida sabiex tgħin lill-operaturi tal-avjazzjoni u lill-awtoritajiet nazzjonali jimmaniġġjaw l-inċidenti tad-droni fl-ajruporti u madwarhom. Il-ġlieda kontra t-theddida kkawżata minn droni mhux kooperattivi se tifforma parti integrali mill-“Istrateġija dwar id-Droni 2.0”, li l-Kummissjoni qiegħda tippjana li tadotta fl-2022.

Għall-oqsma kollha tat-trasport, inkluża l-avjazzjoni, il-Kummissjoni, flimkien mal-aġenziji rilevanti, żammet djalogu kontinwu dwar it-theddidiet emerġenti għas-sigurtà, inklużi dawk ta’ natura ibrida, mal-Istati Membri u mal-Partijiet Kontraenti għall-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, l-industrija u partijiet ikkonċernati oħra. Dan sabiex jinbnew l-għarfien u l-kapaċità ta’ reazzjoni għal dawk it-theddidiet, u sabiex ir-riskju jiġi mmaniġġjat b’mod effettiv.

Il-Kummissjoni kompliet twettaq il-monitoraġġ regolari tagħha tat-theddidiet emerġenti f’oqsma differenti 32 , inkluż it-theddid ibridu, sabiex tadatta l-linja bażi tas-Sigurtà tal-Avjazzjoni (AVSEC). Il-Kummissjoni kompliet tiżgura wkoll livell għoli ta’ protezzjoni tal-avjazzjoni ċivili kontra atti ta’ interferenza illegali, appoġġati mis-sistema ta’ spezzjonijiet tas-sigurtà tal-avjazzjoni tal-Kummissjoni, f’konformità mal-leġiżlazzjoni applikabbli tal-UE 33 . Fil-kuntest u fil-fora internazzjonali, il-Kummissjoni pprovdiet l-appoġġ tagħha u l-kooperazzjoni mill-qrib mal-ICAO u ma’ pajjiżi terzi fl-identifikazzjoni tal-istampa globali dwar it-theddid u r-riskju.

Skont is-Sistema ta’ Twissija ta’ Żoni ta’ Kunflitt, il-valutazzjonijiet tar-riskju komuni saru fuq bażi regolari, b’xi limitazzjonijiet prattiċi imposti mill-pandemija tal-COVID-19, taħt it-tmexxija tal-grupp integrat ta’ valutazzjoni tar-riskju tas-sigurtà tal-avjazzjoni tal-UE. L-għan ta’ dan l-eżerċizzju huwa li jikkondividi fil-ħin informazzjoni dwar il-valutazzjoni tar-riskji li jinħolqu minn żoni ta’ kunflitt. L-eżiti tal-grupp integrat ta’ valutazzjoni tar-riskju għas-sigurtà tal-avjazzjoni tal-UE jappoġġaw il-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet dwar miżuri possibbli ta’ mitigazzjoni inkluż il-ħruġ ta’ Bulettin ta’ Informazzjoni dwar iż-Żona ta’ Kunflitt (CZIB) jew noti ta’ informazzjoni mill-EASA.

IL-ĦAMES PARTI: DJALOGU INTERNAZZJONALI

1.    Ġenerali

Il-Kummissjoni timpenja ruħha ma’ korpi internazzjonali u sħab kummerċjali ewlenin u tipparteċipa f’laqgħat internazzjonali assoċjati, bħal-laqgħa annwali tal-Bord tas-Sigurtà tal-Avjazzjoni tal-ICAO. Hija taħdem mal-Istati Membri sabiex tiżgura pożizzjonijiet tal-UE kkoordinati. Qegħdin isiru djalogi bilaterali ma’ ċerti pajjiżi terzi, bħar-Renju Unit, l-Istati Uniti, il-Kanada, l-Awstralja, Singapore, eċċ. Dawn jippermettu lill-Kummissjoni tibni fehim tajjeb u livell għoli ta’ fiduċja ma’ pajjiżi li għandhom l-istess approċċ fir-rigward tas-sigurtà tal-avjazzjoni.

2.    Korpi internazzjonali

L-Unjoni Ewropea ħadet sehem b’mod attiv bħala osservatur fil-laqgħa annwali tal-Bord tas-Sigurtà tal-Avjazzjoni tal-ICAO (AVSECP/31) li saret f’Montreal bejn l-14 u s-17 ta’ Diċembru 2020. L-UE ppreżentat Dokument ta’ Informazzjoni dwar l-implimentazzjoni mill-UE tal-Programm ta’ Informazzjoni Antiċipata dwar il-Merkanzija Qabel it-Tagħbija (PLACI). Meta kkunsidra l-isfidi li jista’ jkollhom l-ajruporti fl-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tal-Anness 17 tal-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali matul il-kriżi tal-COVID-19, il-Bord fakkar fil-ħtieġa li jkomplu jipprovdu assistenza lill-industrija fl-implimentazzjoni ta’ miżuri ta’ sigurtà filwaqt li saħaq li s-sigurtà tal-avjazzjoni ma għandhiex tiġi kompromessa. Kwistjoni importanti diskussa matul il-laqgħa tal-Bord kienet l-aspetti ta’ sigurtà relatati mat-trasport tal-vaċċin kontra l-COVID-19. Il-Grupp ta’ Ħidma tal-Bord dwar is-Sigurtà tal-Merkanzija bl-Ajru żviluppa gwida dwar il-kwistjoni li ġiet ippubblikata fl-Ittra tal-Istat tal-ICAO 34 dwar id-“Distribuzzjoni tal-Vaċċini kontra l-COVID-19 u s-Sigurtà tal-Merkanzija bl-Ajru”. Dawn il-linji gwida tal-ICAO għandhom l-għan li jgħinu lill-Istati u lill-industrija japplikaw miżuri tas-sigurtà tal-avjazzjoni filwaqt li jiffaċilitaw fluss bla xkiel ta’ vaċċini tul il-katina tal-provvista u lejn id-destinazzjoni finali. Il-Bord ġie segwit minn Simpożju ta’ Sigurtà (virtwali) intitolat “Intejbu l-kultura tas-sigurtà pass pass” u li inawgura l-2021 bħala s-“Sena tal-Kultura tas-Sigurtà tal-Avjazzjoni”.

3.    Il-pajjiżi terzi

Il-Kummissjoni tinvolvi ruħha b’mod attiv ma’ numru ta’ sħab internazzjonali fil-qasam tas-sigurtà tal-avjazzjoni fuq bażi bilaterali u multilaterali, u tikkoopera fuq fajls importanti u tikkoordina azzjonijiet fil-kuntest globali.

Pereżempju, mal-Istati Uniti, il-Grupp ta’ Kooperazzjoni bejn l-UE u l-Istati Uniti dwar is-Sigurtà tat-Trasport (TSCG) għandu l-għan li jrawwem il-kooperazzjoni f’numru ta’ oqsma ta’ interess reċiproku. Dan jiżgura l-funzjonament kontinwu ta’ arranġamenti ta’ Punt Uniku ta’ Sigurtà u tar-rikonoxximent reċiproku tar-reġimi rispettivi tal-merkanzija u tal-posta bl-ajru tal-UE u tal-Istati Uniti. Dawn iż-żewġ inizjattivi jiffrankaw il-ħin, u jnaqqsu l-kostijiet u l-kumplessità operazzjonali tal-operaturi tat-trasport bl-ajru. It-30 laqgħa tal-Grupp ta’ Kooperazzjoni bejn l-UE u l-Istati Uniti dwar is-Sigurtà tat-Trasport(TSCG) saret fit-3 ta’ Diċembru 2020 f’format virtwali minħabba r-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar fis-seħħ. Is-suġġetti tal-laqgħa kienu jinkludu b’mod partikolari skambju dwar l-iżviluppi tal-COVID-19 u s-suġġetti attwali rigward il-kooperazzjoni fis-sigurtà tal-avjazzjoni.

Peress li t-theddida u r-riskji huma globali, il-Kummissjoni, l-Amministrazzjoni tas-Sigurtà tat-Trasport tal-Istati Uniti (TSA) u sħab oħra huma impenjati f’konsultazzjonijiet u jassistu lil xulxin f’azzjonijiet ta’ identifikazzjoni u ta’ koordinazzjoni, inkluż l-implimentazzjoni possibbli ta’ miżuri addizzjonali mmirati għall-mitigazzjoni ta’ theddidiet emerġenti speċifiċi. Dan l-approċċ jiżgura li kwalunkwe impatt fuq l-operaturi u fuq il-passiġġieri jinżamm f’livell minimu.

F’konformità mad-dritt tal-UE, il-Kummissjoni stabbiliet ftehimiet li jirrikonoxxu l-istandards tas-sigurtà applikati f’xi pajjiżi terzi, jew f’ajruporti ta’ pajjiżi terzi, bħala ekwivalenti għall-istandards tal-UE sabiex tavvanza l-għan ta’ Punt Uniku ta’ Sigurtà (OSS) għat-titjiriet kollha bejn l-UE u dawk il-pajjiżi terzi. L-ekwivalenza u l-OSS bħalissa huma rikonoxxuti, fost l-oħrajn, għall-Istati Uniti, għall-Kanada, għal Singapore, għall-Montenegro, għas-Serbja, għar-Renju Unit u għal Iżrael (għall-bagalji tal-istiva biss). Il-Kummissjoni tkompli bl-involviment ma’ Iżrael u mal-Ġappun dwar l-arranġamenti tal-OSS. Madankollu, minħabba l-pandemija kien hemm ftit progress fl-2020. Fil-każ ta’ Iżrael, hija ppjanata żjara teknika mill-esperti tas-sigurtà tal-avjazzjoni tal-UE sabiex tiġi vvalutata l-ekwivalenza tal-miżuri dwar l-iskrinjar tal-passiġġieri u tal-bagalji tal-kabina fl-Ajruport ta’ Ben Gurion ladarba tkun tippermetti s-sitwazzjoni tal-COVID-19. Mal-Ġappun, il-Kummissjoni qed ikollha diskussjonijiet tekniċi sabiex tqabbel il-leġiżlazzjonijiet rispettivi dwar is-sigurtà tal-avjazzjoni bħala l-ewwel pass.

Fid-dawl tal-irtirar tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq (ir-Renju Unit) mill-UE (inizjalment previst fl-aħħar ta’ Marzu 2019, iżda sussegwentement pospost għall-31 ta’ Jannar 2020 — u li warajh applika perjodu ta’ tranżizzjoni sal-aħħar tas-sena 2020), il-Kummissjoni adottat miżuri ta’ kontinġenza sabiex tiżgura l-kontinwazzjoni bla xkiel tal-proċess ta’ Punt Uniku ta’ Sigurtà għall-passiġġieri, għall-bagalji u għall-merkanzija li jaslu mir-Renju Unit fi trasferiment fl-ajruporti Ewropej. Wara l-konferma formali mir-Renju Unit li se jżomm ir-regolamenti u l-istandards tiegħu dwar is-sigurtà tal-avjazzjoni ekwivalenti għal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni lil hinn mid-data tal-ħruġ mill-UE, il-Kummissjoni emendat il-leġiżlazzjoni ta’ implimentazzjoni 35 li tintroduċi dispożizzjonijiet li jippermettu Punt Uniku ta’ Sigurtà mir-Renju Unit mill-jum wara dak li fih it-Trattati ma jibqgħux japplikaw fir-Renju Unit. Dan ir-Regolament sar applikabbli fl-1 ta’ Jannar 2021 wara t-tmiem tal-perjodu ta’ tranżizzjoni li jipprovdi benefiċċji sinifikanti għall-ajruporti, għal-linji tal-ajru u għall-passiġġieri. L-atturi li qabel kienu taħt ir-responsabbiltà tar-Renju Unit f’pajjiżi terzi u involuti fil-katina tal-provvista sigura għall-merkanzija bl-ajru (ACC3, RA3 u KC3) ġew attribwiti mill-ġdid lill-Istati Membri li jifdal.

Fir-rigward tal-bini tal-kapaċità, il-proġett “Is-Sigurtà tal-Avjazzjoni Ċivili fl-Afrika, fl-Asja u fil-Lvant Nofsani” (CASE II) beda jopera fit-tieni trimestru tal-2020 36 . Dan huwa ffinanzjat kompletament mill-UE u implimentat mill-ECAC. L-objettiv ġenerali ta’ CASE II huwa li jiġġieled it-theddida tat-terroriżmu għall-avjazzjoni ċivili permezz ta’ sħubija mal-Istati fit-tliet reġjuni, sabiex jissaħħu r-reġimi tas-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili fl-Istati Sħab. 37

KONKLUŻJONIJIET

Meta mqabbla mas-snin preċedenti, is-sena 2020 kienet sena differenti ħafna peress li l-COVID-19 kellha effett profond fuq l-attività kollha li normalment titwettaq mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri. Kellhom jitħejjew ħafna leġiżlazzjonijiet u gwidi addizzjonali. L-attivitajiet ta’ spezzjoni normali ġew sospiżi u ssostitwiti b’metodi alternattivi. Il-laqgħat setgħu jiġu organizzati biss virtwalment u dan ma jistax ikun produttiv daqs laqgħat fiżiċi. Il-kooperazzjoni internazzjonali ġiet affettwata wkoll minħabba l-istess raġuni. Madankollu, matul il-kriżi, il-punt tat-tluq tal-Kummissjoni kien li l-livell ta’ sigurtà tal-avjazzjoni ma jistax jiġi kompromess, lanqas waqt l-iffaċċjar tal-isfidi l-ġodda ta’ forza tax-xogħol u ta’ restrizzjonijiet finanzjarji mnaqqsa.

Fir-rigward tal-futur, il-Kummissjoni qiegħda tirrifletti kontinwament dwar kif il-qafas attwali għas-sigurtà tal-avjazzjoni jista’ jittejjeb saħansitra aktar billi jiżdiedu l-effiċjenza, is-sostenibbiltà, il-flessibbiltà u aktar kapaċitajiet ibbażati fuq ir-riskju sabiex ikun hemm reazzjoni għal theddidiet emerġenti, mingħajr ebda kompromess tal-livell għoli ta’ sigurtà tal-avjazzjoni miksub s’issa.

(1)    Ir-Regolament (KE) Nru 300/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2008 dwar regoli komuni fil-qasam tas-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 2320/2002 (ĠU L 97, 9.4.2008, p. 72).
(2)    Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1998 tal-5 ta’ Novembru 2015 li jistipula miżuri dettaljati għall-implimentazzjoni tal-istandards bażiċi komuni dwar is-sigurtà tal-avjazzjoni (ĠU L 299, 14.11.2015, p. 1).
(3)    Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/111 tat-13 ta’ Jannar 2020 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/1998 fir-rigward tal-approvazzjoni tat-tagħmir tas-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili kif ukoll tal-pajjiżi terzi rikonoxxuti bħala pajjiżi li japplikaw standards tas-sigurtà ekwivalenti għall-istandards bażiċi komuni dwar is-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili (ĠU L 21, 27.1.2020, p. 1).
(4)    Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/910 tat-30 ta’ Ġunju 2020 li jemenda r-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/1998, (UE) 2019/103 u (UE) 2019/1583 fir-rigward tad-deżinjazzjoni mill-ġdid tal-linji tal-ajru, tal-operaturi u tal-entitajiet li jipprovdu kontrolli tas-sigurtà għall-merkanzija u l-posta li jaslu minn pajjiżi terzi, kif ukoll il-posponiment ta’ ċerti rekwiżiti regolatorji fil-qasam taċ-ċibersigurtà, tal-kontroll tal-isfond, tal-istandards tat-tagħmir b’sistemi għad-detezzjoni tal-isplussivi, u tat-tagħmir għad-detezzjoni ta’ traċċi tal-isplussivi, minħabba l-pandemija tal-COVID-19 (ĠU L 208, 1.7.2020, p. 43).
(5)    Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/255 tat-18 ta’ Frar 2021 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/1998 li jistipula miżuri dettaljati għall-implimentazzjoni tal-istandards bażiċi komuni dwar is-sigurtà tal-avjazzjoni (ĠU L 58, 19.2.2021, p. 23).
(6)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni: Il-Linji Gwida dwar ir-restawr progressiv tas-servizzi tat-trasport u tal-konnettività – COVID-19 (ĠU C 169, 15.5.2020, p. 17).
(7)    Il-pajjiżi taż-Żona Ekonomika Ewropea + l-Iżvizzera.
(8)    Ara r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/472 tal-31 ta’ Marzu 2016 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 72/2010 fir-rigward tad-definizzjoni tat-terminu “spettur tal-Kummissjoni” (ĠU L 85, 1.4.2016, p. 28).
(9)    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 72/2010 tas-26 ta’ Jannar 2010 li jistabbilixxi proċeduri biex jitwettqu spezzjonijiet mill-Kummissjoni fil-qasam tas-sigurtà tal-avjazzjoni (ĠU L 23, 27.1.2010, p. 1).
(10)    Sabiex tiġi żgurata l-komparabbiltà u sabiex tkun tista’ ssir evalwazzjoni tal-livelli ta’ konformità tul iż-żmien, il-Kummissjoni tuża metodu ta’ kalkolu għall-indikatur tal-konformità tagħha li fih jiġu inklużi biss ir-rekwiżiti ewlenin tas-sigurtà li jiġu spezzjonati l-aktar ta’ spiss. Dawn ikopru r-rekwiżiti relatati mas-sigurtà tal-ajruporti, mas-sigurtà tal-inġenji tal-ajru, mas-sigurtà tal-passiġġieri u tal-bagalji tal-kabina u mas-sigurtà tal-bagalji tal-istiva. Il-miżuri tas-sigurtà huma raggruppati f’settijiet ta’ rekwiżiti tas-sigurtà relatati direttament u huma vvalutati b’mod kumplessiv. Imbagħad jiġi applikat fattur ta’ ponderazzjoni fiss li jirrifletti l-livell ta’ implimentazzjoni għal kull raggruppament, kif ġej:    Għalhekk, l-indikatur ġenerali tal-konformità għal sena partikolari huwa t-total tal-fatturi ponderati diviż bin-numru ta’ settijiet ikklassifikati ta’ rekwiżiti marbuta direttament.
(11)    Ara l-Kapitolu 1.1.
(12)    Ir-Regolament tal-Kummissjoni(UE) Nru 18/2010 tat-8 ta’ Jannar 2010 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 300/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f’dak li għandu x’jaqsam ma’ speċifikazzjonijiet għall-programmi nazzjonali ta’ kontroll tal-kwalità fil-qasam tas-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili (ĠU L 7, 12.1.2010, p. 3).
(13)    Li jikkonsistu, fost l-oħrajn, fil-valutazzjoni u fir-rieżami tal-programm tas-sigurtà nazzjonali (NASP, NSTP u NQCP), fil-programmi ta’ sigurtà tal-linji tal-ajru, tal-operaturi tal-ajruporti u ta’ entitajiet oħrajn, fl-attivitajiet ta’ taħriġ u ta’ ċertifikazzjoni online, fir-rieżami tal-valutazzjonijiet tar-riskju nazzjonali, fl-ispezzjonijiet desktop, fl-analiżi tax-xejriet, eċċ.
(14)    ĠU L 134, 25.5.2007, p. 4.
(15)    Ara n-nota 3 f’qiegħ il-paġna.
(16)    Ara n-nota 4 f’qiegħ il-paġna.
(17)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni: Il-Linji Gwida dwar ir-restawr progressiv tas-servizzi tat-trasport u tal-konnettività – COVID-19 (ĠU C 169, 15.5.2020, p. 17).
(18)    Il-Kummissjoni stabbiliet din il-bażi tad-data, u l-użu tagħha huwa obbligatorju għall-atturi fil-katina tal-provvista skont ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1998 u d-Deċiżjoni C(2015) 8005.
(19)    Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1116/2013 tas-6 ta’ Novembru 2013 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 185/2010 fir-rigward ta’ kjarifika u simplifikazzjoni ta’ ċerti miżuri speċifiċi tas-sigurtà tal-avjazzjoni (ĠU L 299, 9.11.2013, p. 1).
(20)     https://ksda.ec.europa.eu/  
(21)    Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/255 tat-18 ta’ Frar 2021 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/1998 li jistipula miżuri dettaljati għall-implimentazzjoni tal-istandards bażiċi komuni dwar is-sigurtà tal-avjazzjoni (ĠU L 58, 19.2.2021, p. 23); Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/877 tat-3 ta’ April 2020 li jemenda u jikkoreġi r-Regolament Delegat (UE) 2015/2446 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 952/2013, u li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2016/341 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 952/2013, li jistabbilixxi tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 203, 26.6.2020, p. 1); Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/893 tad-29 ta’ Ġunju 2020 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/2447 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 206, 30.6.2020, p. 8).
(22)    Wieħed mill-eżiti ewlenin tal-workshop dwar iċ-ċibersigurtà organizzat mis-servizzi tal-Kummissjoni (id-DĠ MOVE u d-DĠ CNECT) f’Novembru 2019 kien ir-rakkomandazzjoni tal-istabbiliment ta’ Grupp ta’ Ħidma dwar iċ-Ċibersigurtà tal-Avjazzjoni.
(23)    Id-Direttiva (UE) 2016/1148 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Lulju 2016 dwar miżuri għal livell għoli komuni ta’ sigurtà tan-networks u tas-sistemi tal-informazzjoni madwar l-Unjoni (ĠU L 194, 19.7.2016, p. 1).
(24)    Disponibbli hawnhekk (bi 23 lingwa): https://transport.ec.europa.eu/transport-themes/security-safety/cybersecurity_en
(25)    Jiġifieri diffużjoni ta’ malware, ċaħda ta’ servizz, aċċess mhux awtorizzat u serq, kif ukoll manipulazzjoni ta’ software.
(26)      Il-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE dwar il-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu jidentifika oqsma ta’ azzjoni fejn l-UE u l-Istati Membri tagħha jistgħu jħejju u jimmobilizzaw strumenti eżistenti fil-ħin opportun sabiex jantiċipaw u jindirizzaw riskji ta’ terroriżmu potenzjali għas-sigurta interna tal-UE li jirriżultaw mit-teħid tal-poter fl-Afganistan f’Settembru 2021, ara: https://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-12315-2021-INIT/mt/pdf
(27)    https://home.treasury.gov/news/press-releases/jy0532
(28)    https://www.justice.gov/opa/pr/kenyan-national-indicted-conspiring-hijack-aircraft-behalf-al-qaeda-affiliated-terrorist
(29)    Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/664 tat-22 ta’ April 2021 dwar qafas regolatorju għall-U-space (ĠU L 139, 23.4.2021, p. 161); Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/665 tat-22 ta’ April 2021 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/373 fir-rigward tar-rekwiżiti għall-fornituri tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru/tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru u funzjonijiet oħra tan-network tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru fl-ispazju tal-ajru tal-U-space ddeżinjati fl-ispazju tal-ajru kkontrollat (ĠU L 139, 23.4.2021, p. 184); Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/666 tat-22 ta’ April 2021 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 923/2012 fir-rigward tar-rekwiżiti għall-inġenji tal-ajru bi bdot abbord li joperaw fl-ispazju tal-ajru tal-U-space (ĠU L 139, 23.4.2021, p. 187).
(30)    Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/945 tat-12 ta’ Marzu 2019 dwar sistemi ta’ inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord u dwar operaturi ta’ sistemi tal-ajru mingħajr bdot abbord minn pajjiżi terzi (ĠU L 152, 11.6.2019, p. 1).
(31)    Dan ir-rekwiżit japplika għad-droni tal-konsumaturi li jiżnu aktar minn 250 gramma u se jsir applikabbli bis-sħiħ mill-1 ta’ Jannar 2024.
(32)    Pereżempju, dwar apparat splussiv improvvizzat, l-użu ta’ droni, iċ-ċibersigurtà, il-merkanzija u l-posta, eċċ.
(33)    Kif spjegat fil-Parti 1, fl-2020 il-Kummissjoni wettqet ħdax-il spezzjoni komprensiva li jkopru l-ajruporti, it-trasportaturi tal-ajru u l-entitajiet kif ukoll l-awtoritajiet xierqa f’seba’ Stati Membri. Dan sar f’konformità mal-istrateġija ta’ spezzjoni tagħha bl-użu ta’ metodi mill-bogħod.
(34)    AS 8/7-21/6 tas-27 ta’ Jannar 2021.
(35)    Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/413 tal-14 ta’ Marzu 2019 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/1998 fir-rigward ta’ pajjiżi terzi rikonoxxuti bħala pajjiżi li japplikaw standards tas-sigurtà li huma ekwivalenti għall-istandards bażiċi komuni dwar is-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili (ĠU L 73, 15.3.2019, p. 98).
(36)      CASE II huwa s-suċċessur tal-Proġett għas-Sigurtà tal-Avjazzjoni Ċivili fl-Afrika u fil-Peniżola Għarbija (CASE) li tnieda fil-bidu tal-2016, għal perjodu ta’ erba’ snin. Id-durata tal-Proġett CASE II hija ta’ erba’ snin ukoll u l-baġit allokat mill-Kummissjoni għall-perjodu kumplessiv huwa ta’ EUR 8 miljun. L-inklużjoni tal-Asja hija karatteristika ġdida ta’ CASE II, meta jitqabbel ma’ CASE I.
(37)

     L-Istati Sħab jintgħażlu abbażi ta’ kriterji oġġettivi, bħall-impenn/il-kapaċità ta’ Stat partikolari li jibbenefika bis-sħiħ mill-attivitajiet ta’ bini tal-kapaċità mwettqa mill-Proġett, jew in-nuqqas ta’ duplikazzjoni possibbli ma’ inizjattivi oħrajn ta’ bini tal-kapaċità, kemm bilaterali kif ukoll multilaterali.


Brussell, 14.3.2022

COM(2022) 106 final

ANNESSI

tar-

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

RAPPORT ANNWALI TAL-2020 DWAR L-IMPLIMENTAZZJONI TAR-REGOLAMENT (KE) NRU 300/2008 DWAR REGOLI KOMUNI FIL-QASAM TAS-SIGURTÀ TAL-AVJAZZJONI ĊIVILI


Anness 1

Spezzjonijiet tal-Kummissjoni tal-awtoritajiet xierqa u tal-ajruporti (spezzjonijiet inizjali u ta’ segwitu) sal-31 ta’ Diċembru 2020

Stat

Numru ta’ spezzjonijiet  
(spezzjonijiet inizjali u ta’ segwitu)  
fil-perjodu bejn Jannar 2020 u Diċembru 2020

Numru totali ta’ spezzjonijiet  
(spezzjonijiet inizjali u ta’ segwitu)  
mill-2004

L-Awstrija

0

17

Il-Belġju

0

20

Il-Bulgarija

0

14

Il-Kroazja

0

8

Ċipru

0

11

Ir-Repubblika Ċeka

0

14

Id-Danimarka

2

20

L-Estonja

0

10

Il-Finlandja

0

17

Franza

1

34

Il-Ġermanja

0

33

Il-Greċja

0

24

L-Ungerija

0

12

L-Irlanda

0

17

L-Italja

2

32

Il-Latvja

0

9

Il-Litwanja

1

11

Il-Lussemburgu

0

11

Malta

0

8

In-Netherlands

2

18

Il-Polonja

0

19

Il-Portugall

0

19

Ir-Rumanija

0

12

Ir-Repubblika Slovakka

0

10

Is-Slovenja

0

9

Spanja

0

32

L-Iżvezja

2

24

Stati li mhumiex fl-UE: L-Iżvizzera

1

13

TOTAL

11

478



Spezzjonijiet tal-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA tal-awtoritajiet xierqa u tal-ajruporti (spezzjonijiet inizjali u ta’ segwitu) sal-31 ta’ Diċembru 2020

Stat

Numru ta’ spezzjonijiet  
(spezzjonijiet inizjali u ta’ segwitu) 
fil-perjodu bejn Jannar 2020 u Diċembru 2020

Numru totali ta’ spezzjonijiet 
(spezzjonijiet inizjali u ta’ segwitu) 
mill-2004

L-Iżlanda

1

17

In-Norveġja

2

59

TOTAL

3

76



Anness 2

Leġiżlazzjoni supplimentari adottata matul l-2020:

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/111 tat-13 ta’ Jannar 2020 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/1998 fir-rigward tal-approvazzjoni tat-tagħmir tas-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili kif ukoll tal-pajjiżi terzi rikonoxxuti bħala pajjiżi li japplikaw standards tas-sigurtà ekwivalenti għall-istandards bażiċi komuni dwar is-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili (ĠU L 21, 27.1.2020, p. 1).

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/910 tat-30 ta’ Ġunju 2020 li jemenda r-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/1998, (UE) 2019/103 u (UE) 2019/1583 fir-rigward tad-deżinjazzjoni mill-ġdid tal-linji tal-ajru, tal-operaturi u tal-entitajiet li jipprovdu kontrolli tas-sigurtà għall-merkanzija u l-posta li jaslu minn pajjiżi terzi, kif ukoll il-posponiment ta’ ċerti rekwiżiti regolatorji fil-qasam taċ-ċibersigurtà, tal-kontroll tal-isfond, tal-istandards tat-tagħmir b’sistemi għad-detezzjoni tal-isplussivi, u tat-tagħmir għad-detezzjoni ta’ traċċi tal-isplussivi, minħabba l-pandemija tal-COVID-19 (ĠU L 208, 1.7.2020, p. 43).

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni C(2020) 4241 final tat-30 ta’ Ġunju 2020, li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni C(2019) 132 fir-rigward tal-posponiment ta’ ċerti rekwiżiti regolatorji fil-qasam tal-kontroll tal-isfond minħabba l-pandemija tal-COVID-19 (LIMITATA — mhux leġiżlazzjoni pubblika, notifikata direttament lill-Istati Membri).