Brussell, 8.2.2022

COM(2022) 45 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Att dwar iċ-Ċipep għall-Ewropa


Att dwar iċ-Ċipep għall-Ewropa

1.Introduzzjoni

Iċ-ċipep tas-semikondutturi huma l-elementi kostitwenti essenzjali ta’ prodotti diġitali u diġitalizzati. Mill-ismartphones u l-karozzi, għal applikazzjonijiet u infrastrutturi kritiċi għall-kura tas-saħħa, l-enerġija, il-mobbiltà, il-komunikazzjoni u l-awtomatizzazzjoni industrijali, iċ-ċipep huma ċentrali għall-ekonomija diġitali moderna. Huma jiddeterminaw il-karatteristiċi tal-prestazzjoni tas-sistemi diġitali, fosthom is-sigurtà u l-effiċjenza enerġetika — essenzjali għat-tranżizzjonijiet diġitali u ekoloġiċi tal-UE. Dawn huma kruċjali wkoll għal teknoloġiji diġitali ewlenin tal-futur, inkluż l-intelliġenza artifiċjali (IA), il-5G u l-edge computing, kif stabbilit fid-Deċennju Diġitali 2030 tal-UE. 1 Fi ftit kliem, ma hemm l-ebda qasam “diġitali” mingħajr iċ-ċipep.

Sa mill-bidu tal-pandemija fl-ewwel xhur tal-2020, l-Ewropa u reġjuni oħra tad-dinja ilhom jesperjenzaw sfidi sinifikanti ta’ provvista, u ta’ skarsezza ta’ ċipep. Filwaqt li t-trasformazzjoni diġitali qed taċċellera u tidħol f’kull parti tas-soċjetà, skarsezza ta’ ċipep timmina l-produzzjoni industrijali u l-iżvilupp ekonomiku fis-setturi kollha u għandha konsegwenzi soċjetali potenzjalment serji. It-tfixkil fil-katina tal-provvista tas-semikondutturi ffoka l-attenzjoni tad-dinja fuq iċ-ċipep bħala l-qalba tal-ekonomija u tal-ħajja tagħna ta’ kuljum.

Is-settur tas-semikondutturi huwa intensiv kemm fil-kapital kif ukoll fl-għarfien, u soġġett għal evoluzzjoni teknoloġika rapida. Il-produzzjoni taċ-ċipep isseħħ f’katina tal-provvista li hija globali, kumplessa u, f’xi segmenti importanti, ikkonċentrata wisq. Pereżempju, attwalment żewġ kumpaniji biss fid-dinja, li jinsabu fit-Tajwan u fil-Korea t’Isfel, għandhom l-abbiltà li jimmanifatturaw l-aktar ċipep avvanzati.

Fis-semikondutturi, l-Ewropa hija b’saħħitha f’xi oqsma speċifiċi, bħal fid-disinn tal-komponenti għall-elettronika tal-potenza, il-frekwenza tar-radju u l-apparati analogi, is-sensuri u l-mikrokontrolluri li jintużaw b’mod wiesa’ fl-industriji tal-karozzi u tal-manifattura. L-Ewropa hija wkoll iċ-ċentru dinji għar-riċerka dwar is-semikondutturi. Għandha ċentri ta’ riċerka ewlenin li qed javvanzaw l-iżviluppi globali tat-teknoloġiji tas-semikondutturi l-aktar avvanzati. It-teknoloġija Ewropea fil-fatt hija faċilitatur ewlieni tal-minjaturizzazzjoni 2 fiċ-ċipep; kunċetti bħal FinFET u Gate All Around 3 huma meħtieġa għall-produzzjoni ta’ ċipep b’saħħithom tal-ġenerazzjoni li jmiss, u t-teknoloġija FDSOI 4 hija kruċjali għat-tnaqqis tal-konsum tal-enerġija. 

L-Ewropa tinsab f’pożizzjoni tajba ħafna wkoll f’termini tal-materjali u t-tagħmir meħtieġa biex jitħaddmu impjanti kbar tal-manifattura taċ-ċipep, u ħafna kumpaniji għandhom rwoli essenzjali tul il-katina tal-provvista. Għandha wkoll setturi tal-utenti finali industrijali b’saħħithom u diversifikati, eż. is-setturi tal-karozzi, tal-awtomatizzazzjoni industrijali, tal-kura tas-saħħa, tal-enerġija, tal-komunikazzjoni, tal-agrikoltura, eċċ.

Minkejja dawn il-punti b’saħħithom, l-Ewropa għandha sehem globali mis-suq dinji tas-semikondutturi ta’ 10 % 5 biss u tiddependi l-aktar fuq fornituri minn pajjiżi terzi. F’każ ta’ tfixkil fil-katina tal-provvista, ir-riżervi taċ-ċipep tal-Ewropa f’xi setturi industrijali, bħall-karozzi, jistgħu jispiċċaw fi ftit ġimgħat, 6 u dan iġiegħel lil ħafna industriji Ewropej inaqqsu jew iwaqqfu l-produzzjoni. Barra minn hekk, l-Ewropa għandha abbiltajiet limitati ta’ manifattura taċ-ċipep, prinċipalment f’nodi ta’ produzzjoni maturi (fi 22 nm u aktar), u l-ebda kapaċità f’ċipep mill-aktar avvanzati (f’7 nm u anqas) 7 . Għandha wkoll dipendenzi b’saħħithom fid-disinn, fl-imballaġġ u fl-assemblaġġ 8 .

Meta t-tranżizzjoni diġitali qed taċċellera u d-domanda dinjija għaċ-ċipep qed tikber b’mod rapidu 9 u hija mistennija li tirdoppja sa tmiem id-deċennju, 10 is-semikondutturi jinsabu fiċ-ċentru ta’ interessi ġeostrateġiċi b’saħħithom, u tat-tellieqa teknoloġika globali. L-ekonomiji ewlenin huma ħerqana li jiżguraw il-provvista tagħhom fiċ-ċipep l-aktar avvanzati peress li dan qed jikkondizzjona dejjem aktar il-kapaċità tagħhom li jaġixxu (ekonomikament, industrijalment, militarment) u li jixprunaw it-trasformazzjoni diġitali. Diġà qed jinvestu ħafna u qed jintroduċu miżuri ta’ appoġġ biex isaħħu l-kapaċitajiet ta’ produzzjoni tagħhom u jagħmluhom innovattivi. Il-proposta għal Att tal-Istati Uniti dwar iċ-Ċipep tipprevedi allokazzjoni ta’ USD 52 biljun għall-manifattura u għar-riċerka u l-iżvilupp sal-2026 11 . Iċ-Ċina qiegħda taċċellera l-isforzi biex tnaqqas id-distakk teknoloġiku tagħha u, sal-2025 huwa stmat li se tkun investiet madwar USD 150 biljun matul l-aħħar deċennju f’konformità ma’ sensiela ta’ pjanijiet u inizjattivi bħall-“Made in China 2025” 12 . Il-Ġappun dan l-aħħar ħabbar USD 8 biljun f’finanzjament pubbliku għall-investiment domestiku fis-semikondutturi, li huwa mistenni li jiġi kkomplementat b’finanzjament addizzjonali 13 . Il-Korea t’Isfel se ssaħħaħ l-industrija tas-semikondutturi tagħha billi tappoġġa, permezz ta’ inċentivi fiskali, l-investimenti privati tal-kumpaniji domestiċi tagħha fir-riċerka u l-iżvilupp u fil-manifattura, li huma stmati għal USD 450 biljun sal-2030 14 .

Quddiem it-tensjonijiet ġeopolitiċi li qed jiżdiedu, it-tkabbir rapidu fid-domanda, u l-possibbiltà ta’ aktar tfixkil fil-katina tal-provvista, l-Ewropa trid tuża l-punti b’saħħithom tagħha u tniedi mekkaniżmi effettivi biex tistabbilixxi pożizzjonijiet ta’ tmexxija akbar u tiżgura s-sigurtà tal-provvista fil-katina industrijali globali. Dan huwa l-uniku mod biex l-Ewropa jkollha l-mezzi biex tikseb l-ingranaġġ meħtieġ fi żminijiet ta’ kriżi u żżomm il-ktajjen tal-provvista globali għaddejjin minkejja l-ġeopolitika l-ġdida tal-ktajjen tal-provvista. Dan ifisser il-promozzjoni ta’ interdipendenzi aktar ibbilanċjati kif ukoll ktajjen tal-provvista reżiljenti mingħajr punti uniċi ta’ falliment.

L-Ewropa għandha l-assi meħtieġa biex issir mexxej industrijali fis-swieq tas-semikondutturi tal-futur. L-ambizzjoni tagħha hija li sal-2030 tilħaq mill-inqas 20 % tal-produzzjoni dinjija fil-valur ta’ semikondutturi mill-aktar avvanzati u sostenibbli 15 . L-għan mhuwiex biss li jitnaqqsu d-dipendenzi eċċessivi, iżda wkoll li jiġu sfruttati l-opportunitajiet offruti mis-swieq dejjem aktar diġitalizzati u mill-bidla teknoloġika. Dan se jtejjeb il-kompetittività tal-ekosistema Ewropea tas-semikondutturi u tal-industrija Ewropea b’mod ġenerali, inklużi l-SMEs, peress li l-industrija madwar l-UE kollha se jkollha aċċess aktar sigur għal ċipep ta’ prestazzjoni tajba u effiċjenti fl-użu tal-enerġija u se twassal prodotti innovattivi liċ-ċittadini tal-Ewropa u lis-swieq dinjija.

Biex jinkiseb dan, l-Ewropa se jkollha żżid b’mod sostanzjali l-kapaċità tal-produzzjoni tagħha, u tistabbilixxi abbiltajiet f’teknoloġiji avvanzati. Mingħajr investimenti rapidi u suffiċjenti, is-sehem mis-suq tal-Ewropa se jonqos għal anqas minn 5 %, minħabba l-irduppjar tas-suq u l-iskala tal-isforzi li qed isiru f’partijiet oħra tad-dinja. Dan jista’ wkoll idewwem l-adozzjoni ta’ ċipep tal-ġenerazzjoni li jmiss mill-industrija Ewropea, u jqiegħed il-kompetittività usa’ u l-awtonomija teknoloġika tagħha f’riskju.

Filwaqt li l-industrija tas-semikondutturi tinvesti aktar minn kwalunkwe industrija oħra fir-riċerka u l-iżvilupp u fit-tagħmir kapitali, ir-riskji assoċjati mal-investiment u r-redditi fit-tul ħafna tagħhom, flimkien mar-rilevanza strateġika tat-teknoloġija tas-semikondutturi, fissru li s-settur dejjem kien soġġett għall-appoġġ pubbliku 16 . L-UE kienet qed tappoġġa lis-settur prinċipalment permezz tal-programmi qafas ta’ riċerka tagħha u preċedentement stabbiliet għanijiet ambizzjużi għas-sehem mis-suq flimkien mal-industrija 17 . Madankollu, il-biċċa l-kbira tal-investimenti ffukaw fuq ir-riċerka u l-iżvilupp u ma kinux biżżejjed biex jindirizzaw l-iskala tal-isfida fis-settur. Hemm bżonn ta’ sett ta’ azzjonijiet u ta’ skemi ta’ finanzjament aktar komprensiv, u kollaborazzjoni ħafna aktar mill-qrib tal-atturi min-naħa tal-provvista u tad-domanda.

L-impatt tal-iskarsezzi ta’ ċipep fuq l-ekonomija Ewropea enfasizza l-urġenza li jittieħdu passi ulterjuri. L-isforzi jridu jibdew issa, billi jiġu mmobilizzati l-atturi pubbliċi u privati rilevanti kollha, jiġu ingranati l-punti b’saħħithom, jiġu diversifikati l-abbiltajiet, jiġu indirizzati l-lakuni strutturali, jiġu aċċettati swieq ġodda u jinbnew sħubijiet internazzjonali.

Fil-15 ta’ Settembru 2021, il-President tal-Kummissjoni, Ursula von der Leyen ħabbret Att tal-UE dwar iċ-Ċipep fid-diskors tagħha dwar l-Istat tal-Unjoni 18 , u indikat il-ħtieġa li l-kapaċitajiet ta’ riċerka tal-Ewropa ta’ klassi dinjija jingħaqdu flimkien, u li l-investiment tal-UE u dak nazzjonali jiġu kkoordinati tul il-katina tal-valur.

L-Att tal-UE dwar iċ-Ċipep jipproponi li l-punti b’saħħithom tal-Ewropa jiġu żviluppati ulterjorment u li d-dgħufijiet pendenti jiġu indirizzati, li tiġi żviluppata ekosistema tas-semikondutturi ta’ suċċess u katina tal-provvista reżiljenti, filwaqt li jiġu stabbiliti miżuri għat-tħejjija, għall-antiċipazzjoni u għar-rispons għal tfixkil futur fil-katina tal-provvista.

L-Att dwar iċ-Ċipep huwa opportunità unika biex l-Ewropa taġixxi b’mod konġunt fl-Istati Membri kollha u għall-benefiċċju tal-Ewropa kollha. Fuq terminu qasir, se jippermetti li wieħed jifhem u jantiċipa kriżijiet futuri fil-qasam taċ-ċipep, filwaqt li dawn jiġu indirizzati permezz ta’ koordinazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri, u billi l-Unjoni tiġi mgħammra bl-istrumenti li xi pajjiżi tal-istess fehma għandhom għad-dispożizzjoni tagħhom 19 . Fuq terminu qasir sa terminu medju, se jsaħħaħ l-attivitajiet tal-manifattura fl-Unjoni u se jappoġġa l-espansjoni u l-innovazzjoni tul il-katina tal-valur kollha, filwaqt li se jindirizza s-sigurtà tal-provvista u ekosistema aktar reżiljenti. U, fuq terminu medju sa terminu twil, se jsaħħaħ it-tmexxija teknoloġika tal-Ewropa filwaqt li se jħejji l-abbiltajiet teknoloġiċi meħtieġa li jappoġġaw it-trasferiment tal-għarfien mil-laboratorju għall-fabbrika, u li jqiegħed lill-Ewropa bħala mexxej tat-teknoloġija fi swieq downstream innovattivi.

Din il-Komunikazzjoni tipprovdi l-kuntest u tipproponi sett ta’ miżuri għat-tisħiħ tal-ekosistema tas-semikondutturi tal-Ewropa għad-Deċennju Diġitali. Għal dan l-għan, hija akkumpanjata minn:

Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, biex tinbena ekosistema Ewropea reżiljenti u tissaħħaħ it-tmexxija teknoloġika tal-Ewropa, biex jiġi pprovdut qafas xieraq għall-investiment fil-produzzjoni taċ-ċipep, u biex tiġi żgurata koordinazzjoni effettiva bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni fl-indirizzar tal-kriżijiet fis-suq tas-semikondutturi.

Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni, indirizzata lill-Istati Membri, li tantiċipa miżuri ewlenin previsti fir-Regolament propost, sakemm tiġi adottata l-proposta, u li tipproponi qafas ta’ governanza li jista’ jibda immedjatament biex jgħin biex tingħeleb l-iskarsezza attwali.

Proposta għal Regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2021/2085 li jistabbilixxi l-Impriżi Konġunti fil-qafas ta’ Orizzont Ewropa.

2. Il-perspettivi u l-opportunitajiet tas-suq tal-Ewropa

2.1 Skarsezza globali ta’ semikondutturi

L-iskarsezza attwali ta’ semikondutturi huwa r-riżultat ta’ kombinament ta’ fatturi: domanda b’saħħitha u li qed taċċellera għat-teknoloġiji diġitali, il-karatteristiċi strutturali tal-ktajjen tal-provvista tas-semikondutturi — bħal ċikli twal tal-manifattura li jaħbtu ma’ mudelli ta’ produzzjoni eżatt fil-ħin tal-utenti tas-semikondutturi, jew provvista mhux flessibbli u kkonċentrata li kompliet tiggrava bil-kriżi tal-COVID-19 — kif ukoll tensjonijiet ġeopolitiċi. Minħabba d-diġitalizzazzjoni wiesgħa tal-ekonomija u tas-soċjetà, id-domanda għaċ-ċipep żdiedet ħafna anki qabel il-pandemija (eż. fil-mobiles u fl-antenni 5G, logħbiet elettroniċi ġodda, sensuri u apparati għall-Internet tal-Oġġetti, eċċ.). Il-pandemija kompliet tiggrava s-sitwazzjoni u esponiet ir-rwol vitali taċ-ċipep għall-ekonomiji u għas-soċjetajiet moderni permezz ta’ għadd ta’ żviluppi paralleli.

It-telexogħol, l-edukazzjoni fid-dar, u d-divertiment diġitali li rriżultaw minn lock-downs wasslu għal żieda fid-domanda għat-tagħmir tal-IT, fosthom il-kompjuters, il-laptops u l-aċċessorji periferali, in-networks bla fili, il-consoles tal-logħob elettroniku, kif ukoll iċ-ċentri tad-data, is-servers u t-tagħmir tan-networking, u għal żieda fid-domanda għaċ-ċipep meħtieġa.

Għadd ta’ fabbriki taċ-ċipep għalqu temporanjament minħabba l-pandemija kif ukoll minħabba d-diżastri naturali f’dawn l-aħħar sentejn, li poġġew pressjoni fuq il-ktajjen tal-valur tas-semikondutturi globali. Il-vjeġġi ta’ semikondutturi lejn l-Ewropa mil-Lvant tal-Asja komplew jonqsu minħabba kwistjonijiet ġenerali tal-katina tal-provvista kkawżati minn restrizzjonijiet tat-trasport imposti mill-gvernijiet madwar id-dinja biex jiġġieldu kontra l-pandemija.

L-ippjanar u t-tbassir tad-domanda tal-industrija saru aktar diffiċli. Il-manifatturi tal-karozzi kienu fost dawk li kellhom jerfgħu l-piż tal-iskarsezza. Fil-bidu tal-2020, il-manifatturi tal-karozzi naqqsu l-ordnijiet taċ-ċipep meta d-domanda naqset. Il-fonderiji allokaw il-kapaċità disponibbli għat-tagħmir tal-IT. Meta d-domanda għall-vetturi rkuprat lejn tmiem l-2020, il-fonderiji kienu qed jaħdmu b’kapaċità sħiħa, u b’hekk il-manifatturi tal-karozzi kellhom jistennew sa sena jew aktar 20 . B’riżultat ta’ dan, fl-Ewropa u madwar id-dinja, ingħalqu diversi fabbriki tal-karozzi, u l-ħaddiema ngħataw is-sensja 21 . Il-manifatturi tal-karozzi Ewropej talbu żieda fil-kapaċità tal-produzzjoni taċ-ċipep tal-UE u tnaqqis fid-dipendenza fuq l-importazzjonijiet barranin 22 . Globalment, b’rabta mal-ordnijiet permanenti, minħabba l-iskarsezza taċ-ċipep, fl-2021 ma setgħux jiġu prodotti 11,3 miljun karozza 23 , u f’xi Stati Membri l-produzzjoni naqset b’34 % meta mqabbla mal-livelli tal-2019, lura għal-livelli tal-1975 24 . Is-settur tat-tagħmir industrijali kien affettwat bl-istess mod 25 .

It-tnaqqis fil-provvista ssaħħaħ ulterjorment ukoll minħabba t-tensjonijiet kummerċjali bejn l-Istati Uniti u ċ-Ċina, u huwa maħsub li l-biża’ ta’ projbizzjonijiet addizzjonali fuq l-esportazzjoni mill-Istati Uniti wassal lil xi kumpaniji Ċiniżi biex jaħżnu ċ-ċipep.

L-aktar importanti, iż-żieda fid-domanda ma kinitx akkumpanjata mill-provvista, li ma setgħetx tiżdied b’veloċità suffiċjenti. Il-linji tal-produzzjoni huma stabbiliti għal kull tip speċifiku ta’ ċippa, proċess li jieħu bosta xhur u bosta biljuni ta’ euro. Il-linji tal-produzzjoni huma wkoll ftit u kkonċentrati; dejjem iridu jaħdmu qrib il-kapaċità sħiħa sabiex ikopru l-kostijiet għoljin ħafna tal-investiment kapitali, u b’hekk iħallu ftit flessibbiltà biex jakkomodaw żidiet f’daqqa fid-domanda.

B’mod ġenerali, ġew affettwati diversi setturi ekonomiċi. Dewmien fil-forniment ta’ ċipep speċjalizzati għal apparati tal-kura tas-saħħa bħal tagħmir għall-monitoraġġ tal-kura intensiva, pacemakers, tagħmir tal-monitoraġġ taz-zokkor fid-demm jew defibrillaturi għandu konsegwenzi potenzjali ta’ periklu għall-ħajja 26 . Ma jistgħux jiġu prodotti biżżejjed karti tal-kreditu, l-apparati elettroniċi tal-konsumatur jinsabu “out of stock”. Setturi strateġiċi bħad-difiża, is-sigurtà u l-ajruspazju wkoll huma mhedda. Iċ-ċipep foloz mhux affidabbli bdew jidħlu fis-swieq, u jikkompromettu s-sigurtà u l-affidabbiltà tal-apparati elettroniċi 27 .

L-iskarsezza attwali x’aktarx li ma titlaqx qabel l-2023 jew saħansitra l-2024. Peress li d-domanda se tkompli taċċellera u l-kapaċitajiet tal-produzzjoni jieħdu ż-żmien biex jikkonsolidaw, l-iskarsezzi taċ-ċipep se jkomplu, u se tintensifika l-pressjoni inflazzjonarja.

2.2 Evoluzzjoni tas-swieq u tat-teknoloġija tas-semikondutturi

Il-valur tas-suq globali taċ-ċipep fl-2021 kien ta’ madwar USD 550 biljun 28 . Il-maġġoranza tad-domanda globali llum ġejja minn applikazzjonijiet ta’ użu finali fil-computing, inklużi l-kompjuters u l-infrastruttura taċ-ċentri tad-data (32 %), il-komunikazzjoni, inklużi l-apparati mobbli u l-infrastruttura tan-network (31 %), u l-elettronika tal-konsumatur (12 %). Ir-rata ta’ tkabbir hija għolja f’segmenti li qabel kienu regolati minn teknoloġija analoġika u mekkanika, bħall-manifattura tal-karozzi u industrijali (12 % kull waħda), fejn l-Ewropa hija b’saħħitha 29 (Illustrazzjoni 1).

Illustrazzjoni 1: Segmenti tas-suq tas-semikondutturi, skont it-tip ta’ apparat u skont id-domanda tas-settur tal-utent finali 30

Is-suq globali għaċ-ċipep huwa mistenni jaqbeż USD 1 triljun sal-2030 minħabba li huwa xprunat mit-tkabbir bla heda fil-volumi tad-data, u minħabba l-integrazzjoni tal-potenza komputazzjonali, l-IA u l-konnettività f’kollox, li dejjem qed jiżdiedu.

Iż-żieda fid-domanda għaċ-ċipep hija xprunata wkoll minn opportunitajiet ġodda tas-suq li jinkludu:

·Intelliġenza Artifiċjali: l-IA se jkollha impatt akbar f’ħafna setturi. L-arkitetturi ddedikati tal-computing u tar-rilevament huma meħtieġa biex jipprovdu l-prestazzjoni meħtieġa, u s-segment taċ-ċipep tal-IA huwa bil-wisq l-aktar tkabbir mgħaġġel fil-mikroelettronika, b’rati ta’ tkabbir annwali mistennija ta’ aktar minn 40 % għas-snin li ġejjin 31 .

·Edge computing: l-ipproċessar tad-data qed jimxi gradwalment minn ċentri tad-data fil-cloud għall-periferija tan-network, fejn tiġi ġġenerata d-data. Il-konnettività tal-5G se tkompli tagħti spinta lill-espansjoni tas-suq tal-Internet tal-Oġġetti u l-analisti jistennew li sal-2025, sa 80 % tad-data tiġi pproċessata fl-edge, u b’hekk ir-rata ta’ tkabbir annwali tkun ta’ 35 % tas-swieq tal-edge computing madwar l-Internet tal-Oġġetti industrijali u d-data ġġenerata mill-impriżi, 32 li huma setturi fejn l-UE għandha kompetenzi ewlenin.

·It-trasformazzjoni diġitali b’mod ġenerali u l-evoluzzjoni tal-vertikali: fil-qalba tal-istrateġija għal kwalunkwe industrija, sal-2025 hija mistennija żieda ta’ 10 darbiet fl-apparati konnessi. Dan huwa partikolarment il-każ għal setturi bħall-manifattura u l-awtomatizzazzjoni, l-agrikoltura, in-networks tat-telekomunikazzjoni, l-infrastruttura tal-enerġija jew is-servizzi tal-kura tas-saħħa. Pereżempju, huwa mistenni li s-semikondutturi fis-settur tal-kura tas-saħħa jikbru b’rata ta’ tkabbir annwali ta’ 10 % fl-2020-2025 33 . Id-domanda, xprunata mill-elettrifikazzjoni u mis-sewqan awtonomu, qed tikber ukoll fis-settur tal-karozzi: sal-2026, is-suq tal-elettronika għall-vetturi huwa mistenni li jikber b’rata ta’ tkabbir annwali ta’ kważi 15 % għal USD 78 biljun sal-2026 34 .

Ix-xejriet rilevanti jinkludu wkoll disinji mfassla apposta għall-ħtiġijiet speċifiċi tas-setturi tal-industrija. Sabiex jiġu ssodisfati varjetà ta’ każijiet ta’ użu f’segmenti tas-suq tradizzjonali u dawk emerġenti, u sabiex tinkiseb prestazzjoni ogħla, huma meħtieġa arkitetturi speċifiċi għad-dominju, u dan iżid id-domanda għal ċipep imfassla apposta. Il-valur miżjud tas-semikondutturi huwa l-impriżi tal-utenti ewlenin, bħall-kumpaniji tal-pjattaformi online jew il-kumpaniji tal-karozzi, biex jiddisinjaw b’mod konġunt jew saħansitra jipproduċu ċ-ċipep tagħhom stess.

Is-settur huwa xprunat ukoll minn evoluzzjoni teknoloġika rapida li tressaq il-minjaturizzazzjoni lejn fruntieri ġodda filwaqt li żżid il-prestazzjoni tal-kompjuters, tnaqqas il-kostijiet u tillimita l-konsum tal-enerġija. Eżempji rappreżentattivi jinkludu: teknoloġiji ġodda ta’ tranżisturi bħal Gate All Around u FDSOI avvanzat; arkitetturi ġodda għall-integrazzjoni tas-sistemi li jippermettu r-raggruppament ta’ ċipep differenti; u teknoloġiji emerġenti rivoluzzjonarji, bħall-arkitetturi tal-computing kwantistiku 35 u l-computing newromorfiku 36 , kif ukoll arkitetturi ġodda tal-computing ibbażati fuq cores avvanzati tal-proċessuri, inklużi sorsi miftuħa. Barra minn hekk, l-użu ta’ materjali ġodda tal-wejfer, bħall-Karbur tas-Siliċju u n-Nitrid tal-Gallju se jagħtu prestazzjoni akbar għall-komunikazzjoni u għall-applikazzjonijiet tal-elettronika tal-potenza fl-elettromobbiltà u fl-enerġija rinnovabbli.

Fl-aħħar nett, l-użu tal-prodotti elettroniċi għal żmien itwal, permezz tad-disinn għad-durabbiltà u tas-servizzi ta’ mmodernizzar, se jnaqqas ir-rati ta’ sostituzzjoni u l-ħtieġa għal prodotti ġodda. Il-materjali tal-mikroċipep jistgħu jiġu rkuprati minn skart elettroniku; pereżempju, huwa teknikament possibbli li jiġu riċiklati materjali komposti tas-semikondutturi, għalkemm bħalissa fi kwantitajiet żgħar ħafna biss.

2.3 Il-Pożizzjoni tal-Ewropa

L-industrija Ewropea għandha ħafna punti b’saħħithom u xi dgħufijiet fil-katina tal-valur tas-semikundutturi. Fl-Illustrazzjoni 2 tiġi ppreżentata ħarsa ġenerali lejn il-pożizzjoni tal-Ewropa.

Is-settur tas-semikondutturi huwa kkaratterizzat minn attività intensa ta’ riċerka u żvilupp, b’kumpaniji jinvestu mill-ġdid aktar minn 15 % tad-dħul tagħhom fir-riċerka fit-teknoloġiji tal-ġenerazzjoni li jmiss. Fl-UE hemm organizzazzjonijiet tar-riċerka u tat-teknoloġija (RTOs) fost l-aqwa fid-dinja , u madwar l-Unjoni hemm ukoll ħafna universitajiet u istituti tar-riċerka eċċellenti. L-RTOs Ewropej huma l-pijuniera tat-tekniki wara l-produzzjoni ta’ xi wħud mill-aktar ċipep avvanzati fid-dinja. Il-prestazzjoni komputazzjonali taċ-ċipep tal-lum hija dovuta għall-minjaturizzazzjoni bla waqfien tat-teknoloġija tal-proċess tal-FinFET, li min-naħa tagħha ġiet iffaċilitata minn litografija ultravjola estrema (EUV - Extreme Ultraviolet) żviluppata fl-Ewropa. Teknoloġija ta’ proċess komplementari, FDSOI, li hija żviluppata u industrijalizzata fl-Ewropa, toffri vantaġġi sostanzjali ta’ prestazzjoni fl-effiċjenza enerġetika li hija utli għal apparat li jaħdem bil-batteriji. Iċ-ċipep ibbażati kemm fuq it-teknoloġiji tal-proċess tal-FinFET kif ukoll tal-FDSOI huma preżenti f’kull apparat mobbli tal-idejn li jiġi manifatturat illum.

Illustrazzjoni 2: Katina tal-provvista tas-semikondutturi: ishma tal-UE mis-suq globali ta’ segmenti rilevanti

Il-manifattura tas-semikondutturi teħtieġ għadd kbir ta’ materjali uniċi, sustanzi kimiċi u tagħmir sofistikat li jiġu pprovduti minn bejjiegħa speċjalizzati għal kull stadju tal-proċess tal-manifattura. Fl-Ewropa hemm fornituri mill-aqwa fid-dinja ta’ tagħmir u materja prima bħas-substrati u l-gassijiet 37 . F’din il-parti tal-katina tal-provvista, ċerti atturi Ewropej tat-tagħmir tal-manifattura huma b’saħħithom ħafna fis-segmenti tas-suq rispettivi tagħhom, sal-punt li l-ebda ċippa avvanzata fid-dinja ma tista’ tiġi prodotta mingħajr tagħmir magħmul fl-UE, bħal magni litografiċi tal-EUV.

L-Ewropa għandha wkoll manifatturi taċ-ċipep ewlenin speċjalizzati fid-disinn ta’ komponenti speċifiċi tas-semikondutturi. Il-fornituri tas-semikondutturi tal-UE huma mexxejja globali fiċ-ċipep għat-tagħmir tal-karozzi u dak industrijali, li huma żewġ swieq bi tkabbir għoli 38 .

Fl-Ewropa hemm ukoll setturi industrijali li jirrappreżentaw bażi ta’ utenti b’saħħitha u se tkun fost dawk li qed imexxu d-domanda għall-futur, inkluż — iżda mhux ristrett għal — domanda għal nodi aktar avvanzati. Il-kumpaniji tas-semikondutturi qed jikkodisinjaw dejjem aktar iċ-ċipep mal-kumpaniji tal-utenti finali għat-titjib tal-prestazzjoni tas-sistema; xejra fejn l-Ewropa għandha lok għal titjib.

Minkejja dawn il-punti b’saħħithom, illum, is-sehem tal-UE tad-dħul globali għaċ-ċipep tas-semikondutturi huwa madwar 10 % kumplessivament, filwaqt li fis-snin disgħin kien aktar minn 20 % 39 . Il-manifattura fl-Ewropa naqset parzjalment minħabba n-nuqqas ta’ kumpaniji kbar tal-computing u t-tnaqqis ta’ manifatturi tal-apparati mobbli tal-idejn li jistgħu jiġġustifikaw l-investimenti mdaqqsa ħafna. Il-kostijiet għoljin tal-manifattura wasslu wkoll biex din timxi lejn l-Asja, u tibbenefika minn kostijiet aktar baxxi u minn appoġġ pubbliku ogħla. Matul dawn l-aħħar ftit snin, l-industrija Ewropea tas-semikondutturi kienet qed terġa’ tinvesti fil-manifattura, iżda mhux fi skala li hija biżżejjed biex issostni t-tkabbir mistenni tal-futur.

Illum, il-biċċa l-kbira tal-kumpaniji jmexxu n-negozji tagħhom abbażi ta’ mudelli fabless (jew fab-lite) fejn jesternalizzaw il-manifattura kollha (jew parti minnha) lill-fonderiji. Il-produtturi taċ-ċipep tal-Ewropa ffukaw fuq il-produzzjoni għas-swieq fejn huma b’saħħithom, bħall-apparati analogi, u li għadhom ma jeħtiġux nodi edge ewlenin mitluba mill-computing u mill-komunikazzjoni. Anke jekk it-tagħmir għall-manifattura taħt is-7 nm isir fl-Ewropa biss, l-Ewropa ma għandha l-ebda fonderija li tipproduċi nodi tal-proċess inqas minn 22 nm, filwaqt li s-swieq tal-futur se jimxu dejjem aktar lejn ċipep tan-nodi tal-proċess taħt il-5 nm. Fir-rigward tal-assemblaġġ, l-ittestjar u l-imballaġġ taċ-ċipep, dawn tradizzjonalment ġew esternalizzati lejn il-Lvant tal-Asja.

B’biljuni ta’ tranżisturi f’ċippa waħda, disinn ġdid jista’ jeħtieġ bosta snin ta’ sforzi minn mijiet ta’ inġiniera, bl-użu ta’ software estern tal-IP u tal-Awtomatizzazzjoni tad-Disinn Elettroniku (ADE). Il-bejjiegħa ewlenin jinsabu barra mill-Ewropa. Madankollu, hemm talent konsiderevoli fid-disinn madwar l-Unjoni u aktar reċentement, għadd dejjem akbar ta’ kumpaniji żgħar Ewropej huma attivi fid-disinn ta’ proċessuri u ta’ aċċelleraturi avvanzati, b’mod partikolari għaċ-ċipep tal-IA.

3.Strateġija taċ-ċipep għad-Deċennju Diġitali

3.1 Il-viżjoni tal-Ewropa u l-assi strateġiċi biex titwettaq

Minħabba r-rwol ċentrali li ċ-ċipep għandhom fl-ekonomija diġitali, id-dimensjoni ġeopolitika tagħhom u l-konċentrazzjoni qawwija attwali fil-kapaċità tal-produzzjoni, l-Unjoni trid issaħħaħ b’mod urġenti l-ekosistema tas-semikondutturi tagħha, iżżid ir-reżiljenza tagħha kif ukoll is-sigurtà tal-provvista u tnaqqas id-dipendenzi esterni tagħha.

F’Diċembru 2020, 22 Stat Membru ffirmaw Dikjarazzjoni dwar Inizjattiva Ewropea dwar il-proċessuri u t-teknoloġiji tas-semikondutturi 40 . Huma ħadu nota li s-sehem tal-Ewropa mis-suq globali tas-semikondutturi huwa ferm inqas mill-pożizzjoni ekonomika tagħha. Qablu li jwettqu “sforz partikolari biex isaħħu l-ekosistema tal-proċessuri u tas-semikondutturi u biex jespandu l-preżenza industrijali tul il-katina tal-provvista, sabiex jindirizzaw sfidi teknoloġiċi, tas-sigurtà u soċjetali ewlenin”. Abbażi ta’ dan, il-Kumpass Diġitali tal-Kummissjoni 41 ppubblikat f’Marzu 2021 stabbilixxa objettiv li sal-2030 “il-produzzjoni ta’ semikondutturi avvanzati u sostenibbli fl-Unjoni tkun mill-inqas 20 % tal-produzzjoni dinjija”. Il-Proposta għall-Programm ta’ Politika tal-2030 “Path to the Digital Decade” 42 affermat mill-ġdid din l-ambizzjoni.

L-Ewropa għandha assi b’saħħithom ħafna, li huma diversifikati u mifruxa f’ħafna Stati Membri, u tista’ tissodisfa din il-viżjoni ambizzjuża bl-isforz meħtieġ u b’massa kritika ta’ investiment, kemm min-naħa pubblika kif ukoll minn dik privata.

L-Ewropa trid u tista’ timmobilizza livell ta’ investiment mingħajr preċedent minħabba l-effetti sekondarji pożittivi għoljin li s-settur għandu fl-ekonomija kollha u f’ħafna oqsma ta’ interess pubbliku. L-investiment pubbliku ewlieni se jkun essenzjali biex jiġu attirati livelli għoljin ta’ investiment privat, li fil-każ ta’ kumpaniji Ewropej diġà huwa ta’ madwar EUR 6 biljun fis-sena. Investiment miżjud fis-semikondutturi se jkun ta’ benefiċċju għas-setturi industrijali kollha u għas-soċjetà inġenerali, u se jġib miegħu benefiċċju għall-Istati Membri kollha.

Il-ħidma saħansitra aktar mill-qrib flimkien se tkun fattur ieħor ta’ suċċess. L-Ewropa trid u tista’ timmobilizza t-talenti u l-assi kollha tagħha. Diġà qed isseħħ kollaborazzjoni mill-qrib bejn ħafna mill-partijiet ikkonċernati pubbliċi u privati rilevanti fl-Impriża Konġunta Teknoloġiji Diġitali Ewlenin (KDT - Key Digital Technologies) 43 . Din teħtieġ li tissaħħaħ u li tiġi estiża ulterjorment biex tinvolvi lill-atturi kollha tal-katina tal-valur, u lill-mexxejja tal-komunità tar-riċerka, permezz ta’ proġetti Ewropej li jindirizzaw l-interess kollettiv tal-Istati Membri.

Barra minn hekk, il-valur li l-Ewropa tagħti lis-sigurtà, inkluż dak tal-infrastrutturi kritiċi, il-protezzjoni tad-data, u l-effiċjenza enerġetika għandu jiġi ingranat, pereżempju permezz tal-applikazzjoni tar-rekwiżiti ta’ ċertifikazzjoni fl-akkwist pubbliku, u dan jista’ jgħin biex tiġi xprunata d-domanda.

Filwaqt li l-Ewropa tinsab minn ta’ quddiem fir-riċerka ma’ organizzazzjonijiet importanti madwar il-kontinent, hija trid tnaqqas id-distakk bejn il-laboratorju u l-fabbrika u tista’ tagħmel dan billi tisfrutta l-aspetti b’saħħithom tagħha (i) fit-tagħmir u fil-materjali, (ii) fis-soluzzjonijiet tas-sistemi u fl-integrazzjoni tas-sistemi, (iii) fil-preżenza qawwija f’segmenti tas-suq bi tkabbir kbir bħall-karozzi, il-medtech, il-komunikazzjoni, l-enerġija u l-makkinarju, u (iv) fir-riċerka u fl-eċċellenza akkademika, fejn il-kapaċitajiet teknoloġiċi għandhom jissaħħu ulterjorment. L-eżiti ta’ suċċess jiddependu b’mod kruċjali fuq l-isforzi konġunti u fuq il-kollaborazzjoni mill-qrib tal-partijiet kollha — l-industrija tul il-katina tal-valur, is-settur pubbliku u l-organizzazzjonijiet tar-riċerka.

Fl-aħħar nett, l-isforzi tal-Ewropa jridu jiffukaw fuq l-opportunitajiet li ġejjin. L-ewwel nett, billi tħares lejn x’jeħtieġu s-suq tat-tkabbir u l-ekonomija ċirkolari, jiġifieri komponenti b’konsum baxx tal-enerġija, ġenerazzjoni ġdida ta’ proċessuri li huma aktar b’saħħithom u adattati għall-analiżi tad-data, l-IA u l-edge computing, il-frekwenza tar-radju u l-komponenti 5G/6G għall-komunikazzjoni terabit, u elettronika tal-potenza aktar integrata, inklużi aspetti ta’ riċiklabbiltà u sostenibbiltà usa’. It-tieni, billi tiffoka fuq dak li t-teknoloġija qed toffri biex jiġu indirizzati dawn il-ħtiġijiet: 2 nm u inqas fil-FinFET u fil-Gate-all-around u inqas minn 10 nm fl-FDSOI, fil-kwantistika, fin-newromorfika iżda wkoll fil-litografija tal-EUV għall-produzzjoni. L-Ewropa trid tavvanza l-abbiltajiet tagħha f’dawn l-oqsma, tmexxi l-iżviluppi teknoloġiċi u l-industrijalizzazzjoni tagħhom, tingrana l-investimenti u tiffaċilita l-adozzjoni ta’ dawn it-teknoloġiji l-ġodda mill-industrija Ewropea, b’mod partikolari mill-SMEs, biex tiżgura li tibqa’ kompetittiva fit-tellieqa teknoloġika, inkluż għall-industriji li tradizzjonalment huma aktar iffokati fuq iċ-ċipep maturi.

3.2 Objettivi strateġiċi

Biex tissodisfa din il-viżjoni, l-istrateġija Ewropea għaċ-ċipep hija mibnija fuq il-ħames objettivi strateġiċi li ġejjin:

L-ewwel nett, l-Ewropa għandha ssaħħaħ it-tmexxija tagħha fir-riċerka u t-teknoloġija. Dan huwa essenzjali biex jiġu ppreservati l-assi attwali tal-Ewropa f’bosta teknoloġiji rivoluzzjonarji, inkluż fil-manifattura tat-tagħmir u ta’ materjali avvanzati, meħtieġa biex jinbnew faċilitajiet ta’ produzzjoni tal-ġenerazzjoni li jmiss li jaqdu s-setturi kollha tagħha.

It-tieni, l-Ewropa għandha tibni u ssaħħaħ il-kapaċità tagħha stess li tkun innovattiva fid-disinn, fil-manifattura u fl-imballaġġ ta’ ċipep avvanzati, effiċjenti fl-użu tal-enerġija u siguri, u tibdilhom fi prodotti manifatturati. Dan jiggarantixxi l-provvista ta’ ċipep fuq terminu twil, li taqdi l-ħtiġijiet tal-industrija u tas-settur pubbliku u tistimula l-innovazzjoni fl-ekonomija usa’. Għalhekk, l-investiment f’linji pilota kif ukoll fid-disinn u fl-ittestjar avvanzati u f’faċilitajiet u f’għodod ta’ esperimentazzjoni huwa essenzjali. Se jkunu disponibbli linji pilota għall-aċċess għall-atturi tal-katina tal-provvista fuq termini miftuħa u mhux diskriminatorji; bħala faċilitajiet uniċi ta’ klassi dinjija, dawn se jagħmlu lill-Ewropa sieħeb b’saħħtu fix-xena globali, u se jipprovdu bażi b’saħħitha għat-tisħiħ tal-kooperazzjoni internazzjonali.

It-tielet, l-Ewropa għandha tistabbilixxi qafas adegwat biex iżżid sostanzjalment il-kapaċità tal-produzzjoni tagħha sal-2030. Peress li huwa mistenni li s-suq jirdoppja sal-2030, jeħtieġ li l-produzzjoni tiżdied b’erba’ darbiet biex jintlaħqu l-objettivi tal-Ewropa. Din mhijiex biss kwistjoni ta’ volum. Tfisser ukoll li l-Ewropa tkun f’pożizzjoni li tipproduċi l-aktar ċipep avvanzati, taqdi l-ħtiġijiet tal-utenti u tiddiversifika l-aċċess għas-swieq, filwaqt li tindirizza dawk fejn l-Ewropa mhijiex preżenti llum, u tiżgura li l-produzzjoni taċ-ċipep tqis ukoll l-impronta ambjentali possibbli tagħha. Barra minn hekk, huwa neċessarju li tissaħħaħ is-sigurtà tal-provvista, b’mod partikolari għal setturi kritiċi bħal dawk rilevanti għas-sikurezza pubblika. Għalhekk, l-Ewropa jeħtieġ li tattira investimenti f’faċilitajiet ta’ produzzjoni fit-territorju tagħha li jistgħu jiġu kemm minn ġewwa kif ukoll minn barra l-Unjoni, u li tistabbilixxi l-kundizzjonijiet xierqa u qafas favorevoli biex iseħħ l-investiment privat.

Ir-raba’, jeħtieġ li l-Ewropa tindirizza l-iskarsezza kbira ta’ ħiliet, tattira talent ġdid u tappoġġa t-twassil ta’ forza tax-xogħol bil-ħiliet meħtieġa, peress li l-iskarsezzi attwali qed jillimitaw l-isforzi mmirati lejn it-tisħiħ tal-ekosistema.

B’mod ġenerali, l-Ewropa għandha tiżviluppa fehim fil-fond tal-ktajjen tal-provvista globali tas-semikondutturi biex timmonitorja l-funzjonament tagħhom, tifhem ix-xejriet futuri, tantiċipa t-tfixkil, tibni sħubijiet internazzjonali bbażati fuq abbiltajiet aktar ibbilanċjati u interess reċiproku, tirreaġixxi fil-ħin biex tipprevjeni li l-ktajjen tal-provvista internazzjonali jisfaxxaw, u tippermetti lill-UE tieħu miżuri xierqa meta jkun meħtieġ.

Sabiex jinkiseb dak kollu li ssemma hawn fuq, l-Unjoni għandha taħdem mill-qrib mal-Istati Membri u mal-partijiet ikkonċernati pubbliċi u privati rilevanti kollha biex tikkoordina l-isforzi, tiġbor flimkien l-għarfien u r-riżorsi, u toħloq ekosistema ta’ semikondutturi vibranti u reżiljenti fl-Ewropa. Barra minn hekk, minħabba l-katina tal-valur tas-semikondutturi globalizzata, l-Unjoni għandha tistabbilixxi sħubijiet internazzjonali b’saħħithom, b’mod partikolari ma’ sħab tal-istess fehma. Dan se jtejjeb il-koordinazzjoni u se jimminimizza l-objettivi kunfliġġenti potenzjali. Tali sħubijiet se jipprevedu valutazzjoni mill-qrib tal-politiki ta’ pajjiżi terzi fis-settur kif ukoll approċċi konġunti biex jiġu indirizzati l-isfidi tal-provvista, inkluż permezz ta’ strateġiji ta’ diversifikazzjoni ta’ benefiċċju reċiproku.

L-implimentazzjoni tal-affarijiet li ssemmew hawn fuq għandha tippermetti lill-Ewropa tibni ekosistema dinamika madwar l-UE, għall-benefiċċju tal-Istati Membri kollha, u tattira investimenti fil-produzzjoni, fid-disinn u fir-riċerka u l-iżvilupp, kif ukoll l-aħjar talenti minn madwar id-dinja li se jkunu jistgħu jimplimentaw il-viżjoni. Dawn l-iżviluppi se jsaħħu l-abbiltajiet tal-Ewropa biex tilħaq l-għanijiet ambjentali tagħha, se jaċċelleraw it-tranżizzjonijiet diġitali u ekoloġiċi, filwaqt li se jtejbu s-sigurtà tal-Unjoni. Dan jeħtieġ azzjoni deċiżiva issa u huwa r-raġuni għala l-Kummissjoni qed tipproponi pakkett ta’ miżuri kif deskritt f’din il-Komunikazzjoni.

3.3 It-twettiq tal-ambizzjoni

L-istrateġija Ewropea dwar iċ-ċipep tistabbilixxi għadd ta’ miżuri u inizjattivi flimkien ma’ investiment sostanzjali biex jitwettqu l-viżjoni u l-objettivi stabbiliti hawn fuq.

Il-livell kumplessiv ta’ investiment xprunat mill-politiki 44 b’appoġġ għall-Att tal-UE dwar iċ-Ċipep, huwa stmat li jaqbeż l-EUR 43 biljun sal-2030, abbażi tat-tħabbiriet sal-lum. Dan x’aktarx li jattira u jiġġenera aktar investimenti privati fit-tul ta’ volum proporzjonat.

Dan l-investiment pubbliku jinkludi EUR 11-il biljun previsti għall-Inizjattiva Ċipep għall-Ewropa 45 biex tiffinanzja t-tmexxija teknoloġika fl-abbiltajiet fir-riċerka, fid-disinn u fil-manifattura sal-2030. Dan se jirrikjedi l-investiment kollettiv mill-Unjoni u mill-Istati Membri, u huwa mistenni li jipparteċipaw ukoll atturi privati. Dan se jiġi kkomplementat minn appoġġ ta’ ekwità għal negozji ġodda, negozji li qed jespandu u kumpaniji oħrajn fil-ktajjen tal-provvista, permezz ta’ attivitajiet ta’ faċilitazzjoni tal-investiment deskritti b’mod kollettiv bħala l-“Fond taċ-Ċipep” b’valur ta’ investiment kumplessiv ipproġettat ta’ mill-inqas EUR 2 biljun. Dawn l-azzjonijiet differenti, flimkien, għandhom jirriżultaw direttament f’investimenti pubbliċi u privati li jaqbżu sew il-EUR 15-il biljun. Dan se jiżdied mas-selfiet li l-BEI jista’ joffri lill-ekosistema tas-semikondutturi kollha.

Barra minn hekk, l-appoġġ tal-Istati Membri għall-Inizjattiva Ċipep għall-Ewropa jista’ jiġi wkoll minn miżuri li jindirizzaw il-mikroelettronika fil-pjanijiet ta’ rkupru u ta’ reżiljenza tagħhom, jew minn fondi nazzjonali jew reġjonali. L-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw ukoll li jieħdu vantaġġ mill-kapaċità ta’ self mhux użata taħt il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza biex jipprovdu appoġġ ulterjuri

Pereżempju, l-Istati Membri diġà qed jippjanaw li jinvestu f’IPCEI ġdid, filwaqt li jappoġġaw proġetti innovattivi transfruntieri tul il-katina tal-valur tal-mikroelettronika, inkluż permezz tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u l-Fondi Strutturali. Dan l-investiment jikkomplementa l-appoġġ li ġej għall-istabbiliment ta’ faċilitajiet kbar tal-manifattura.

 

L-investimenti ta’ hawn fuq se jikkomplementaw il-programmi u l-azzjonijiet eżistenti fir-riċerka u l-innovazzjoni fis-semikondutturi bħal Orizzont Ewropa u l-Programm Ewropa Diġitali. Fir-rigward tal-appoġġ għat-tmexxija teknoloġika, l-ambitu tal-programm Ewropa Diġitali se jitwessa’. Barra minn hekk, l-Impriża Konġunta KDT se tissaħħaħ u se tkun orjentata mill-ġdid lejn l-objettivi tal-istrateġija taċ-ċipep tal-Ewropa u se tingħata l-isem ġdid ta’ “Impriża Konġunta taċ-Ċipep”. L-Impriża Konġunta se żżid l-isforzi tagħha biex tgħaqqad flimkien il-mezzi finanzjarji u tekniċi li huma essenzjali biex jiġi ġestit il-pass dejjem aktar mgħaġġel tal-innovazzjoni fil-qasam tas-semikondutturi, biex jiġu ġġenerati effetti sekondarji pożittivi importanti għas-soċjetà, u biex jiġi kondiviż it-teħid tar-riskju billi l-istrateġiji u l-investimenti jiġu allinjati lejn interess Ewropew komuni. Se tissieħeb mal-Istati Membri biex tiffaċilita allinjament koerenti mal-programmi nazzjonali, u se tappoġġa proġetti innovattivi fuq skala kbira. Hija mfassla biex tħares l-interess kollettiv tal-Istati Membri fl-iżvilupp tal-infrastruttura u l-kapaċitajiet imsaħħa għall-benefiċċju tal-atturi fil-katina tal-valur madwar l-Unjoni. Għalhekk, is-suċċess tagħha jista’ jinbena biss fuq sforz kollettiv mill-Istati Membri, mal-Unjoni, biex jiġu appoġġati kemm il-kostijiet kapitali sinifikanti kif ukoll id-disponibbiltà wiesgħa tar-riżorsi tad-disinn virtwali, tal-ittestjar u tal-pilotaġġ u t-tixrid tal-għarfien, tal-ħiliet u tal-kompetenzi. Bil-missjoni mġedda tagħha, l-Impriża Konġunta se ssir il-qalba tal-isforzi tal-Unjoni fis-semikondutturi.

It-taqsimiet li ġejjin jiddeskrivu l-miżuri u l-inizjattivi speċifiċi biex jintlaħqu l-objettivi.

3.3.1    Tmexxija fir-riċerka, fl-innovazzjoni u fil-manifattura tat-tagħmir

Biex tippreserva u ssaħħaħ it-tmexxija tagħha fir-riċerka u fl-innovazzjoni kif ukoll fil-manifattura tat-tagħmir, l-Ewropa diġà ppjanat li tinvesti f’teknoloġiji tal-ġenerazzjoni li jmiss taħt il-programm Orizzont Ewropa.

L-attivitajiet futuri ta’ riċerka li jridu jiġu appoġġati taħt l-Impriża Konġunta taċ-Ċipep se jikkontribwixxu għat-tisħiħ tal-appoġġ għall-ħtiġijiet futuri tal-industriji vertikali, u għall-iżgurar li jiġu indirizzati l-isfidi soċjetali u dawk ambjentali. L-isforzi tar-riċerka se jiffukaw pereżempju fuq teknoloġiji biex jinkisbu qisien ta’ tranżisturi inqas minn 2 nm, teknoloġiji ta’ tfixkil għall-IA, proċessuri effiċjenti fl-użu tal-enerġija b’konsum ultrabaxx tal-enerġija, materjali ġodda 46 , kif ukoll integrazzjoni eteroġenja u 3D ta’ materjali differenti, u soluzzjonijiet emerġenti fid-disinn, pereżempju abbażi tal-arkitettura tal-computing RISC-V b’sors miftuħ.

L-Impriża Konġunta tista’ tinvolvi ruħha wkoll ma’ sħubijiet Ewropej rilevanti oħra li jindirizzaw pereżempju l-materjali, il-manifattura, in-networks intelliġenti u l-kura tas-saħħa, jew l-industriji tal-utenti li jużaw iċ-ċipep.

Barra minn hekk, l-Inizjattiva Ewlenija tat-Teknoloġiji Kwantistiċi 47 ta’ EUR 1 biljun taħt Orizzont Ewropa qiegħda tappoġġa r-riċerka fiċ-ċipep kwantistiċi, minħabba l-potenzjal ta’ tfixkil tagħhom għal kompiti komputazzjonali kumplessi jew f’komunikazzjoni ultrasigura.

Aktar appoġġ għar-riċerka u l-innovazzjoni industrijali ġej mill-Istati Membri permezz ta’ Proġetti Importanti ta’ Interess Ewropew Komuni (IPCEIs). Bħalissa qed jitħejja t-tieni IPCEI li jindirizza l-mikroelettronika 48 . Huwa mistenni li l-IPCEI jinvolvu aktar minn 100 parteċipant prospettiv minn madwar 20 Stat Membru. Is-segmenti ewlenin kollha tas-suq huma indirizzati, b’enfasi partikolari fuq l-innovazzjoni f’oqsma bħall-proċessuri tal-IA, l-edge computing, il-mobbiltà elettrika, is-sigurtà u l-effiċjenza enerġetika. L-IPCEI jinkludu wkoll proġetti fil-komunikazzjoni, suq vertikali importanti li jsaħħaħ il-kompetenzi Ewropej fit-teknoloġiji 5G u 6G. Il-proġetti se jsegwu approċċ olistiku li jinvolvi l-katina kollha tal-provvista tas-semikondutturi.

3.3.2    Tmexxija fid-disinn, fil-manifattura u fl-imballaġġ

L-inizjattiva l-ġdida “Ċipep għall-Ewropa” se jkollha l-għan li ssaħħaħ il-kapaċitajiet tat-teknoloġija u tal-innovazzjoni tas-semikondutturi tal-UE, u li tiżgura tmexxija fit-teknoloġija tas-semikondutturi fuq terminu medju sa terminu twil. Se tiżgura l-użu madwar l-Ewropa ta’ għodod avvanzati tad-disinn tas-semikondutturi, linji pilota għaċ-ċipep tal-ġenerazzjoni li jmiss u faċilitajiet tal-ittestjar għal applikazzjonijiet innovattivi tal-aktar teknoloġija tas-semikondutturi riċenti. Se trawwem ukoll il-kapaċità tat-teknoloġija u tal-inġinerija fiċ-ċipep kwantistiċi billi tibni kapaċitajiet avvanzati tat-teknoloġija u tal-inġinerija f’dan il-qasam.

L-Inizjattiva se tespandi u ssaħħaħ it-tmexxija tal-Ewropa fir-riċerka, inkluż fuq l-abbiltajiet tal-RTOs tagħha u tal-fornituri ewlenin tat-tagħmir tal-produzzjoni, tal-manifatturi integrati tad-disinn 49 u tas-setturi b’saħħithom tal-utenti.

L-Inizjattiva se tiġbor flimkien investimenti mill-Unjoni u mill-Istati Membri biex tingrana investimenti addizzjonali minn investituri privati. Din l-impriża tikkomplementa l-attivitajiet ta’ riċerka diġà ppjanati, u r-riżultati tagħhom se jiddaħħlu kontinwament fil-linji pilota u fl-infrastruttura tad-disinn. L-Inizjattiva se tgħin biex jiġu kkonsolidati l-isforzi frammentati u biex dawn jiżdiedu b’mod sinifikanti biex jitnaqqas id-distakk bejn il-laboratorju u l-fabbrika, kif ukoll biex tinħoloq ekosistema li tibqa’ valida fil-futur biex l-eċċellenza fir-riċerka u l-innovazzjoni tal-Ewropa tiġi kkonkretizzata f’kapaċità ta’ innovazzjoni industrijali.

L-Inizjattiva se trawwem ekosistema ta’ semikondutturi vibranti u reżiljenti fl-Ewropa, li tinkludi l-atturi tal-innovazzjoni teknoloġika kif ukoll l-industriji tal-provvista u tal-utenti, filwaqt li se trawwem l-adozzjoni bikrija u l-kondiviżjoni tal-benefiċċji madwar l-Ewropa. Il-kollaborazzjoni mill-qrib bejn l-atturi min-naħa tal-provvista u dawk min-naħa tad-domanda se tkun fattur ewlieni ta’ suċċess. L-Alleanza Ewropea dwar il-Proċessuri u t-teknoloġiji tas-Semikondutturi 50 se jkollha rwol konsultattiv għall-Inizjattiva, flimkien ma’ partijiet ikkonċernati rilevanti oħra. 

L-implimentazzjoni tal-Inizjattiva l-ġdida Ċipep għall-Ewropa se ssir prinċipalment permezz tal-“Impriża Konġunta taċ-Ċipep”. Il-kombinament tal-attivitajiet tar-riċerka u l-innovazzjoni u l-bini tal-kapaċitajiet fl-Inizjattiva Ċipep għall-Ewropa fi ħdan l-istess Impriża Konġunta se jwasslu għal benefiċċji reċiproċi bis-saħħa ta’ sinerġiji bejn l-Inizjattiva u l-ambitu u l-objettivi tal-Impriża Konġunta eżistenti.

Strateġija tad-disinn

Id-disinn huwa abbiltà ewlenija fis-semikondutturi għall-ħolqien ta’ sistemi ġodda adattati għall-ħtiġijiet differenti tal-applikazzjonijiet u tal-utenti. Sabiex tissaħħaħ il-kapaċità tal-Ewropa li tkun innovattiva fid-disinn, fil-manifattura u fl-imballaġġ ta’ ċipep avvanzati, se tinbena infrastruttura tad-disinn fuq skala kbira għat-teknoloġiji integrati tas-semikondutturi permezz ta’ pjattaforma virtwali disponibbli madwar l-Ewropa. Il-partijiet ikkonċernati, inklużi l-SMEs u l-RTOs innovattivi, se jkollhom aċċess għall-infrastruttura tad-disinn, b’regoli ċari dwar l-IP.

Din il-pjattaforma se tissejjes fuq il-libreriji tad-disinn eżistenti kif ukoll fuq dawk ġodda li jintegraw għadd kbir ta’ teknoloġiji avvanzati u ġodda. Flimkien mal-għodod eżistenti tal-Awtomatizzazzjoni tad-Disinn Elettroniku, il-pjattaforma tippermetti d-disinn ta’ komponenti u ta’ sistemi ġodda b’funzjonalitajiet ġodda bħal konsum baxx tal-enerġija, sigurtà, kif ukoll abbiltajiet ġodda għall-integrazzjoni tas-sistema u għall-assemblaġġ 3D. Se tiġi mmodernizzata kontinwament b’abbiltajiet ġodda tad-disinn peress li se tkun qed tintegra aktar u aktar teknoloġiji u disinn għall-proċessuri, inkluż is-sors miftuħ. Ir-rekwiżiti tad-disinn innovattiv se jimmiraw ukoll lejn id-durabbiltà u l-immodernizzar tal-prodotti elettroniċi.

L-Alleanza u l-Impriża Konġunta taċ-Ċipep se jlaqqgħu flimkien lill-produtturi u lill-utenti taċ-ċipep biex jiddisinjaw u jiżviluppaw proċessuri ddedikati f’oqsma bħall-awtomatizzazzjoni industrijali, il-karozzi jew il-komunikazzjoni, kif ukoll lil ħafna SMEs fl-Ewropa li huma attivi mil-lat tad-disinn. Il-kooperazzjoni internazzjonali se tkun importanti wkoll għall-aċċess għal għodod tal-ogħla livell ta’ żvilupp tekniku. Il-Pjattaforma se tistimula kooperazzjoni wiesgħa tal-komunitajiet tal-utenti mad-djar tad-disinn, mal-fornituri tal-IP u tal-għodda, mad-disinjaturi u mal-RTOs, u se tgħin biex jiġi żgurat li l-IP tal-ġenerazzjonijiet li jmiss ta’ ċipep jiġi mill-Ewropa.

Linji pilota għat-tħejjija ta’ produzzjoni innovattiva u għall-ittestjar u għall-esperimentazzjoni

L-istadji medji tal-iżvilupp tal-prodotti taċ-ċipep jistgħu jiswew ħafna flus u jkunu riskjużi ħafna, u b’hekk isiru ostakli reali għall-industrijalizzazzjoni. Għalhekk, l-Inizjattiva se toħloq u se tuża linji pilota estiżi biex toħloq prototipi u twessa’ l-innovazzjoni, biex tgħaqqad id-dimostrazzjoni f’laboratorju mal-produzzjoni f’faċilità tal-manifattura.

L-Inizjattiva se tissejjes fuq linji pilota eżistenti, se tiżviluppa infrastruttura li jkollha l-abbiltà li twassal teknoloġiji avvanzati ġodda għal livell ogħla ta’ maturità, u se tiffaċilita l-adozzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni industrijali aċċellerati. Tali faċilitajiet avvanzati se jipprovdu l-mezzi biex l-industrija tittestja, tesperimenta u tivvalida disinji ġodda tas-sistema tal-prototipi, tintegra teknoloġiji ġodda rivoluzzjonarji bħal pereżempju, teknoloġiji kwantistiċi, tal-IA jew newromorfiċi, kif ukoll funzjonalitajiet ġodda bħas-sigurtà jew l-effiċjenza enerġetika. Dan se jgħin biex jipprovdi feedback immedjat lid-disinjaturi biex jirfinaw u jtejbu l-mudelli tad-disinn tagħhom qabel it-trasferiment għall-manifattura, u se jippermettilhom iqassru b’mod sinifikanti ċ-ċiklu tal-iżvilupp.

L-Inizjattiva se tappoġġa l-iżvilupp ta’ linji pilota ġodda bħal waħda dwar l-FDSOI (10 nm u anqas), waħda dwar nodi edge ewlenin (anqas minn 2 nm), u waħda għall-integrazzjoni ta’ sistemi eteroġenji 3D u l-imballaġġ avvanzat. Dawn il-linji pilota se jrawmu l-IP Ewropew fit-teknoloġija tal-produzzjoni u fit-tagħmir u fil-materjali tal-manifattura avvanzati. Se jsaħħu s-sħubijiet mal-fornituri tat-tagħmir għall-iżvilupp tat-teknoloġija avvanzata, u se jappoġġaw proġetti mmexxija mill-industrija li jiffukaw fuq it-tranżizzjoni mil-laboratorju għall-fabbrika għall-prototipi, fuq il-validazzjoni tal-prova tal-kunċetti, u fuq it-trasferiment tat-teknoloġija għal-linji tal-produzzjoni. Dawn il-linji pilota — u b’mod partikolari l-linja pilota dwar l-FDSOI — se jippermettu l-iżvilupp ta’ ċipep effiċjenti ħafna fl-użu tal-enerġija li huma ċentrali għat-tranżizzjoni ekoloġika f’setturi bħal tal-karozzi, tal-ICT, jew tal-mobbiltà.

Il-linji pilota u l-pjattaforma tad-disinn ta’ hawn fuq se jkunu marbutin ma’ xulxin, peress li l-linji pilota se jippermettu lill-komunità tad-disinn tittestja u tivvalida l-opzjonijiet teknoloġiċi qabel ma dawn isiru disponibbli kummerċjalment. Din ir-rabta tiżgura li d-disinji ġodda taċ-ċipep u tas-sistemi jisfruttaw bis-sħiħ il-potenzjal ta’ teknoloġiji ġodda u jwasslu innovazzjoni mill-aktar avvanzata.

Din l-infrastruttura tat-teknoloġija hija fundamentali biex jiġu estiżi l-għarfien, il-kapaċitajiet u l-abbiltajiet tal-Ewropa li jnaqqsu d-distakk fl-innovazzjoni mir-riċerka għall-manifattura ffinanzjata kummerċjalment, u biex sa tmiem id-deċennju jiżdiedu kemm id-domanda kif ukoll il-produzzjoni fl-Ewropa 51 . Jistgħu jinkisbu sinerġiji b’saħħithom permezz tal-iżvilupp ikkombinat ta’ linji pilota differenti, eż. permezz ta’ Konsorzju Ewropew għall-Industrija taċ-Ċipep, li jiġbor flimkien il-kontribuzzjoni tal-Unjoni mar-riżorsi kollettivi tal-Istati Membri u ta’ parteċipanti oħra.

Barra minn hekk, it-teknoloġija kwantistika hija teknoloġija emerġenti promettenti ħafna għall-computing, għall-komunikazzjoni u għar-rilevament. L-Inizjattiva se tappoġġa l-bini ta’ kapaċitajiet tat-teknoloġija u tal-inġinerija għall-aċċellerazzjoni tal-iżvilupp ta’ ċipep kwantistiċi (jiġifieri ċipep li jisfruttaw l-effetti kwantistiċi). L-attivitajiet se jinkludu l-iżvilupp ta’ linji pilota għaċ-ċipep kwantistiċi kif ukoll għall-ittestjar u għall-esperimentazzjoni tagħhom.

Ċertifikazzjoni taċ-ċipep

L-apparati, is-sistemi u l-pjattaformi ta’ konnettività intelliġenti futuri se jkollhom jibbażaw fuq l-elettronika avvanzata u se jkollhom jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-effiċjenza enerġetika, tal-fiduċja u taċ-ċibersigurtà, li se jiddependu fil-biċċa l-kbira fuq il-karatteristiċi tat-teknoloġija sottostanti. L-Istati Membri diġà qablu li “jaħdmu favur standards komuni u, fejn ikun xieraq, iċ-ċertifikazzjoni għal elettronika affidabbli, kif ukoll rekwiżiti komuni għall-akkwist ta’ ċipep siguri u sistemi inkorporati f’applikazzjonijiet li jibbażaw fuq it-teknoloġija taċ-ċipep jew li jagħmlu użu estensiv minnha.”

Filwaqt li tibni fuq il-pożizzjoni tagħha ta’ mexxej dinji fl-iżvilupp ta’ ċipep ekoloġiċi, affidabbli u siguri, 52 huma meħtieġa proċeduri ta’ ċertifikazzjoni ta’ referenza għal setturi u teknoloġiji kritiċi speċifiċi b’impatt soċjali għoli potenzjali. Iċ-ċertifikazzjoni ta’ dawn iċ-ċipep għal prodotti ekoloġiċi, ta’ fiduċja u ta’ sigurtà għandha tkopri l-katina tal-valur sal-integrazzjoni tagħhom fil-prodotti finali u tkun riflessa fl-akkwist pubbliku u promossa fl-attivitajiet ta’ standardizzazzjoni internazzjonali.

Il-Kummissjoni, f’konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati pubbliċi u privati, inkluż permezz tal-Alleanza dwar il-Proċessuri u t-Teknoloġiji tas-Semikondutturi, se tidentifika u se tipprijoritizza s-setturi u l-prodotti bi kwistjonijiet ekoloġiċi, ta’ fiduċja u ta’ sigurtà rilevanti li jeħtieġu proċessi ta’ ċertifikazzjoni, filwaqt li se tqis ir-rekwiżiti legalment applikabbli li joħorġu mid-dritt armonizzat tal-Unjoni, u attivitajiet rilevanti fi ħdan il-qafas Ewropew taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà 53 .

3.3.3    L-ixprunar tal-ekosistema tal-Ewropa u l-iżgurar tas-sigurtà tal-provvista

L-investiment f’faċilitajiet ta’ produzzjoni avvanzati ġodda huwa essenzjali biex tiġi ssalvagwardjata s-sigurtà tal-provvista u r-reżiljenza tal-katina tal-provvista tal-Unjoni filwaqt li jiġu ġġenerati impatti pożittivi sinifikanti għall-ekonomija usa’. L-impatti pożittivi jseħħu kemm meta l-produzzjoni tevolvi lejn teknoloġiji aktar avvanzati (eż. l-iskalar, l-integrazzjoni funzjonali jew il-prestazzjoni, inkluża l-prestazzjoni tal-enerġija), kif ukoll meta jiġu stabbiliti proċessi teknoloġiċi innovattivi.

L-investiment privat f’dawn il-faċilitajiet avvanzati x’aktarx li jkun jeħtieġ appoġġ pubbliku sinifikanti. Fid-dawl tal-ostakli estremament għoljin għad-dħul u l-intensità kapitali tas-settur, il-Kummissjoni tirrikonoxxi l-ħtieġa għal valutazzjoni skont il-każ, fejn l-appoġġ pubbliku jinkludi għajnuna mill-Istat li ma taqax taħt il-linji gwida eżistenti. F’każijiet bħal dawn, kif diġà tħabbar fil-Komunikazzjoni dwar politika tal-kompetizzjoni adattata għal sfidi ġodda , 54  jista’ jkun ġustifikat li tiġi koperta b’riżorsi pubbliċi sa 100 % ta’ diskrepanza mixhuda bil-provi fil-finanzjament, jekk tali faċilitajiet kieku ma jkunux jeżistu fl-Ewropa. Każijiet bħal dawn iridu jiġu vvalutati mill-Kummissjoni direttament skont l-Artikolu 107(3)(c) tat-TFUE. Skont din id-dispożizzjoni, il-Kummissjoni tista’ tikkunsidra għajnuna biex tiffaċilita l-iżvilupp ta’ ċerti attivitajiet ekonomiċi jew ta’ ċerti żoni ekonomiċi bħala kompatibbli mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, fejn ma taffettwax b’mod avvers il-kundizzjonijiet kummerċjali sa punt li jmur kontra l-interess komuni, filwaqt li jiġu meqjusa l-effetti pożittivi ta’ tali għajnuna mill-Istat meta mqabbla mal-impatt negattiv probabbli tagħha fuq il-kummerċ u l-kompetizzjoni.

Fl-ibbilanċjar kumplessiv tal-effetti pożittivi tal-għajnuna mqabbla mal-effetti negattivi tagħha fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ, il-Kummissjoni se tqis il-fatt li faċilitajiet ta’ produzzjoni ġodda huma l-ewwel tat-tip fl-Unjoni, fis-sens li dawn huma stabbiliti bil-ħsieb li jiġu prodotti teknoloġiji li jmorru lil hinn mill-ogħla livell ta’ żvilupp tekniku tal-Unjoni, pereżempju f’termini tan-nodu tat-teknoloġija, materjal substrat, bħall-karbur tas-siliċju u n-nitrid tal-gallju, u innovazzjoni oħra tal-prodotti li tista’ toffri prestazzjoni aħjar, teknoloġija tal-proċess aħjar jew prestazzjoni enerġetika u ambjentali aħjar. Il-Kummissjoni se tikkunsidra wkoll il-vijabbiltà fuq terminu twil ta’ dawk il-faċilitajiet mingħajr appoġġ operazzjonali kontinwu kif ukoll impenji ċari għal innovazzjoni kontinwata fl-ekosistema tas-semikondutturi tal-Unjoni 55 .

Ir-Regolament propost rigward l-Att dwar iċ-Ċipep jipprevedi definizzjoni tal-ewwel tip li l-Kummissjoni se tqis fil-valutazzjoni tagħha tal-għajnuna mill-Istat. Ir-Regolament propost rigward l-Att dwar iċ-Ċipep jintroduċi wkoll żewġ tipi ta’ faċilitajiet tal-ewwel tip: “Fonderiji Miftuħa tal-UE”, li jiddedikaw ammont sinifikanti tal-kapaċità tal-manifattura tagħhom għall-produzzjoni għal atturi industrijali oħra; u “Faċilitajiet Integrati tal-Produzzjoni”, li jiddisinjaw u li jipproduċu komponenti li jaqdu s-swieq tagħhom stess. Ir-rikonoxximent bħala kwalunkwe tip ta’ faċilità jiskatta għadd ta’ benefiċċji. Dan jippermetti l-aċċess għall-għoti ta’ permessi rapidi u l-aċċess prijoritizzat għal-linji pilota stabbiliti taħt l-Inizjattiva proposta Ċipep għall-Ewropa. Barra minn hekk, dan jikkonferma li l-investiment fil-faċilità tal-produzzjoni jikkontribwixxi għas-sigurtà tal-provvista tas-semikondutturi fl-Unjoni u għalhekk huwa fl-interess pubbliku. Il-proċeduri għar-rikonoxximent tal-“Fonderiji Miftuħa tal-UE” jew tal-“Faċilitajiet Integrati tal-Produzzjoni” u għall-awtorizzazzjoni tal-għajnuna mill-Istat, fejn ikun applikabbli, se jitwettqu b’mod parallel. Is-servizzi tal-Kummissjoni se jikkoordinaw dawn il-valutazzjonijiet paralleli biex jaċċelleraw it-teħid tad-deċiżjonijiet bl-għan li jittieħdu deċiżjonijiet simultanji.

L-għajnuna jrid ikollha effett ta’ inċentiv u tkun meħtieġa, xierqa u proporzjonata. Dan ifisser b’mod partikolari li l-għajnuna ma tridx tingħata għal investimenti li diġà jkunu ġew deċiżi qabel ma tkun ġiet sottomessa applikazzjoni għall-għajnuna, li l-investiment ma kienx isir mingħajr l-għajnuna, li l-appoġġ finanzjarju pubbliku huwa għodda adattata u li ma teżisti l-ebda alternattiva inqas distortiva, u li d-distorsjonijiet bla bżonn tal-kompetizzjoni jiġu mminimizzati. Il-kundizzjonijiet li skonthom il-faċilitajiet taħt l-Att dwar iċ-Ċipep jeħtieġ li jkunu tal-ewwel tip għandhom rwol anki f’dan il-kuntest, sa fejn dan jiżgura li l-appoġġ jiġi limitat għal oqsma fejn ma tkunx disponibbli provvista affidabbli biżżejjed fl-Unjoni u li l-ebda inizjattiva privata eżistenti jew ippjanata ma tiġi mxekkla 56 . Fattur addizzjonali biex jiġu limitati d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni u biex tiġi żgurata l-proporzjonalità huwa li jiġi evitat kumpens żejjed. L-għajnuna mill-Istat li tammonta għad-diskrepanza fil-finanzjament b’biżżejjed provi tista’ tiġi aċċettata skont dan 57 .

Skont il-merti ta’ kull każ individwali taħt rieżami, se jitqiesu effetti pożittivi addizzjonali biex jiġu paċuti r-riskji li jifdal ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni. Dawn l-effetti jinkludu l-impatt pożittiv tal-proġett appoġġat fuq il-katina tal-valur tas-semikondutturi fir-rigward tal-iżgurar tas-sigurtà tal-provvista u ż-żieda tal-forza tax-xogħol kwalifikata, jew l-impatt pożittiv tiegħu fuq il-potenzjal tal-innovazzjoni tal-SMEs u l-vertikali li jistgħu jaċċessaw prodotti innovattivi fuq l-għatba tagħhom stess, jew kwalunkwe benefiċċju ieħor li jista’ jiġi kondiviż b’mod wiesa’ u mingħajr diskriminazzjoni fl-ekonomija tal-UE kollha. Il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Att propost dwar iċ-Ċipep għar-rikonoxximent tal-Fonderiji Miftuħa tal-UE u tal-Faċilitajiet Integrati tal-Produzzjoni flimkien mal-ewwel tip huma rilevanti f’dan ir-rigward, b’mod partikolari l-impenn li jsir investiment fil-ġenerazzjoni li jmiss ta’ ċipep 58 u l-garanziji pprovduti biex tiġi evitata kwalunkwe applikazzjoni ekstraterritorjali tal-obbligi tas-servizz pubbliku li tista’ timmina r-rekwiżit li jiġu implimentati ordnijiet klassifikati bħala prijorità. Kontribuzzjonijiet pożittivi għall-koeżjoni u għall-kooperazzjoni transfruntiera jistgħu jitqiesu rilevanti wkoll.

Għal proġetti li għalihom l-għajnuna mill-Istat tiġi nnotifikata qabel ma jiġi adottat l-Att propost dwar iċ-Ċipep, il-Kummissjoni tqis il-konformità tagħhom mal-kriterji għall-Fonderiji Miftuħa tal-UE u għall-Faċilitajiet Integrati tal-Produzzjoni kif stabbilit fl-Att propost dwar iċ-Ċipep bl-istennija li tali proġetti japplikaw għal rikonoxximent formali ladarba l-Att dwar iċ-Ċipep jidħol fis-seħħ.

Investiment f’ekosistema tas-semikondutturi innovattiva u vibranti

L-industrija tas-semikondutturi għandha t-tendenza li tkun inqas attraenti għall-investituri minn setturi oħra minħabba intensità għolja ta’ kapital, riskji għoljin, proġetti tekniċi kumplessi u ħinijiet itwal għar-redditu fuq l-investiment. B’hekk, din l-industrija ilha tiffaċċja skarsezzi sinifikanti fl-aċċess għall-finanzi, inkluż permezz ta’ ekwità u selfiet. B’mod partikolari, in-negozji ġodda u l-SMEs spiss isibuha diffiċli li jiżguraw finanzjament adegwat tas-suq għall-investimenti f’teknoloġiji innovattivi ta’ teknoloġija avvanzata jew diġitali, minkejja prospetti tajbin ta’ tkabbir u pjanijiet kummerċjali b’saħħithom.

Sabiex jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-finanzi u sabiex jiġi appoġġat l-iżvilupp ta’ ekosistema tas-semikondutturi dinamika u reżiljenti, l-Unjoni se twettaq attivitajiet, li għandhom jiġu deskritti b’mod kollettiv bħala attivitajiet tal-“Fond taċ-Ċipep”, permezz ta’ żewġ opportunitajiet ta’ investiment 59 .

L-ewwel nett, se tiġi stabbilita faċilità ta’ taħlit iddedikata tal-ekwità tas-semikondutturi taħt InvestEU f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Grupp tal-Bank Ewropew tal-Investiment. Din se tipprovdi finanzjament ta’ ekwità u ta’ kważi ekwità, b’mod partikolari permezz ta’ fondi ta’ kapital ta’ riskju, biex tappoġġa negozji li qed jespandu u SMEs li qed jirnexxu fit-teknoloġiji tas-semikondutturi u dawk kwantistiċi biex itaffu l-espansjoni tas-suq tagħhom, fid-dawl tal-ħtieġa li tiġi sostnuta r-reżiljenza ekonomika tal-Ewropa. Il-BEI huwa lest ukoll li jżid il-finanzjament tiegħu fil-katina tal-valur tas-semikondutturi f’konformità mal-ambizzjonijiet tal-UE. Is-selfiet mill-BEI jistgħu jappoġġaw sa 50 % tal-investimenti tul il-katina tal-valur kollha mir-RŻI għat-tagħmir, inklużi ċentri pilota u ta’ ttestjar, mid-disinn sal-manifattura fuq skala kbira u l-estensjonijiet avvanzati tal-kapaċità taċ-ċipep 60 .

It-tieni, il-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni (EIC) ta’ Orizzont Ewropa se jipprovdi, b’mod partikolari permezz tal-iskema Aċċelleratur tiegħu, possibbiltajiet ta’ investiment iddedikati fl-għamla ta’ għotjiet u ekwità biex jappoġġa SMEs innovattivi ta’ riskju għoli, inklużi negozji ġodda, b’potenzjal ta’ innovazzjoni li joħloq is-suq fis-settur tat-teknoloġiji kwantistiċi u tas-semikondutturi, u se jgħinhom jimmaturaw l-innovazzjonijiet tagħhom u jattiraw lill-investituri.

3.3.4    Ħiliet u Kompetenzi

Id-domanda għat-talent fl-elettronika ilha tiżdied għal dawn l-aħħar 20 sena, u fl-2018 l-industrija tal-mikroelettronika fl-Ewropa kienet direttament responsabbli għal 455 000 impjieg b’ħiliet għoljin. Madankollu, il-parteċipazzjoni tan-nisa fl-edukazzjoni u fl-impjiegi fil-qasam tal-elettronika hija baxxa, u l-iskarsezzi fil-forza tax-xogħol huma ostaklu importanti għal aktar tkabbir fis-settur.

L-isfida prinċipali għas-settur hija li jattira u li jżomm it-talent b’ħiliet għoljin. Biex isir dan, hemm bżonn ta’ aċċess għal tagħmir b’disinn u b’manifattura tal-ogħla livell ta’ żvilupp tekniku użat mill-industrija, kif ukoll aktar taħriġ għall-istudenti dwar problemi ta’ negozju fil-ħajja reali.

L-Inizjattiva Ċipep għall-Ewropa se tappoġġa l-inizjattivi fl-edukazzjoni, fit-taħriġ, fil-ħiliet u fit-taħriġ mill-ġdid. L-azzjoni se tappoġġa l-aċċess għal programmi postgradwatorji fil-mikroelettronika, korsijiet ta’ taħriġ fuq terminu qasir, kollokamenti ta’ impjieg/traineeships u apprendistati, taħriġ f’laboratorji avvanzati, eċċ. Barra minn hekk, l-Inizjattiva se tappoġġa network ta’ ċentri ta’ kompetenza, li jinsabu madwar l-Ewropa, li se jipprovdi aċċess għal għarfien espert tekniku u esperimentazzjoni fil-qasam tas-semikondutturi, filwaqt li se jgħin lill-kumpaniji, b’mod partikolari lill-SMEs, biex jindirizzaw u jtejbu l-abbiltajiet tad-disinn u jiżviluppaw il-ħiliet. Iċ-ċentri ta’ kompetenza se jsiru punti ta’ attrazzjoni għall-innovazzjoni u għal talent ġdid.

Dan ta’ hawn fuq ikun jeħtieġ kollaborazzjoni mill-qrib mal-atturi rilevanti, bħall-fornituri tal-edukazzjoni u tat-taħriġ, l-industrija u s-Sħab Soċjali, biex tiżdied id-disponibbiltà ta’ internships u ta’ apprendistati, jiżdied l-għarfien tal-istudenti dwar l-opportunitajiet fil-qasam u jiġu appoġġati boroż ta’ studju ddedikati għall-Masters u għall-PhDs, bl-għan ukoll li tiżdied il-parteċipazzjoni tan-nisa, fost l-oħrajn permezz tal-Koalizzjoni STEM tal-UE.

L-attivitajiet se jibbażaw fuq l-esperjenza tal-Istitut Ewropew għall-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (EIT) u se jikkunsidraw l-istrateġija Ewropea għall-universitajiet u l-Pjan ta’ Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali. 

L-Istati Membri għandhom isaħħu wkoll l-istrateġiji nazzjonali tagħhom għall-ħiliet fil-mikroelettronika, inkluż f’dawk riflessi fil-pjanijiet nazzjonali ta’ riforma, kif ukoll permezz tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Fond Soċjali Ewropew Plus.

Fl-aħħar nett, l-Alleanza Ewropea dwar il-Proċessuri u t-Teknoloġiji tas-Semikondutturi tista’ tkun strumentali biex tiżgura l-impenn tal-industrija fil-qafas offrut mill-Patt għall-Ħiliet 61 , billi torganizza sensibilizzazzjoni f’istituzzjonijiet edukattivi rilevanti, iżda wkoll billi timpenja ruħha li żżid l-offerta ta’ internships u ta’ apprendistati. Erasmus+ joffri wkoll opportunitajiet għall-istudenti li jagħmlu internships f’pajjiż ieħor Ewropew 62 .

3.3.5    Il-fehim tal-ktajjen tal-provvista globali u l-antiċipazzjoni ta’ kriżijiet futuri

Il-katina tal-valur tas-semikondutturi hija soġġetta għal riskji ta’ skarsezzi; iż-żieda fid-domanda hija b’saħħitha, xi segmenti tas-suq huma kkonċentrati, il-kostijiet huma għoljin u l-provvista mhijiex flessibbli. Barra minn hekk, il-provvista u d-domanda mhumiex trasparenti. Fil-preżenza ta’ skarsezzi, dawn il-fatturi jesponu lill-Ewropa għal tensjonijiet ġeopolitiċi. Sabiex jittaffew ir-riskji, l-Unjoni u l-Istati Membri għandhom jikkoordinaw l-azzjonijiet tagħhom u jiżviluppaw abbiltajiet biex jimmonitorjaw il-funzjonament tal-ktajjen tal-provvista taċ-ċipep, inkluż il-ġbir tal-intelliġenza, kif ukoll biex jidentifikaw u jirrispondu għall-kriżijiet permezz ta’ miżuri ta’ korrezzjoni.

63 64 Għalhekk, l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha se jwettqu valutazzjoni tar-riskju kkoordinata li se tidentifika indikaturi ta’ twissija bikrija u se tantiċipa riskji kbar għall-katina tal-provvista. Se jkun hemm żewġ tipi ta’ miżuri: dawk li jappartjenu għal monitoraġġ permanenti (tħejjija) u dawk li jistgħu jiġu attivati biss fi kriżi (rispons għall-kriżijiet). F’każ ta’ skarsezza fil-provvista, se jittieħdu miżuri biex tiġi żgurata s-sigurtà tal-provvista tal-Ewropa. Se jiġu żgurati l-koerenza u l-koordinazzjoni ma’ strumenti oħra ta’ kriżi bħall-Awtorità għat-Tħejjija u għar-Rispons f’Każ ta’ Emerġenza tas-Saħħa (HERA) u l-Istrument għas-Suq Uniku f’Emerġenza (SMEI) li ġej.

Fir-rigward tat-tħejjija, l-Istati Membri jipprovdu evidenza dwar is-swieq nazzjonali rilevanti sabiex iwettqu valutazzjoni tar-riskju u jistabbilixxu twissija bikrija għall-antiċipazzjoni ta’ skarsezzi ta’ semikondutturi. Il-Kummissjoni tniedi wkoll diversi stħarriġiet immirati tal-partijiet ikkonċernati li jkollhom fil-mira l-kumpaniji involuti fil-manifattura kif ukoll fix-xiri tas-semikondutturi.

Dawn l-inputs jippermettu lill-Kummissjoni tivvaluta l-fatturi rilevanti, inklużi l-punti ta’ konġestjoni, ix-xejriet u l-avvenimenti, li jistgħu jwasslu għal tfixkil fil-katina tal-provvista tas-semikondutturi fl-Unjoni. Barra minn hekk, l-Istati Membri għandhom joffru l-possibbiltà għall-organizzazzjonijiet rilevanti tal-partijiet ikkonċernati, inklużi l-assoċjazzjonijiet tal-industrija u r-rappreżentanti tal-kategoriji prinċipali tal-utenti, li jipprovdu informazzjoni dwar bidliet mhux tipiċi fid-domanda u fil-provvista, u tfixkil magħruf fil-katina tal-provvista tagħhom, inkluż in-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ semikondutturi kritiċi jew ta’ materja prima, ħin ta’ tħejjija itwal mill-medja, dewmien fil-konsenja u żidiet eċċezzjonali fil-prezzijiet.

L-analiżi tas-sitwazzjoni bbażata fuq id-data miġbura fil-fażi ta’ monitoraġġ, u permezz ta’ diskussjonijiet mas-sħab internazzjonali, hija kruċjali biex jiġi antiċipat it-tfixkil possibbli tal-katina tal-valur. Tali informazzjoni hija vitali sabiex wieħed jibni fuq is-sħubijiet internazzjonali b’inizjattivi speċifiċi li jistgħu jgħinu biex jiġu evitati, jew tal-anqas biex jittaffew l-effetti ta’ tali tfixkil. Biex jiżdied il-potenzjal għal soluzzjonijiet ta’ fiduċja u ta’ benefiċċju reċiproku, l-istrateġija tal-UE dwar iċ-ċipep se tkun strumentali biex titnaqqas mhux biss l-asimetrija tal-mezzi u tas-setgħa ta’ negozjar, iżda wkoll l-asimetrija tal-informazzjoni dwar l-iżviluppi tal-industrija. Meta tiġi individwata kriżi potenzjali tal-katina tal-provvista, l-Unjoni se tfittex li tidħol f’konsultazzjoni mas-sħab bl-għan li tfittex soluzzjoni kooperattiva biex tindirizza s-sitwazzjoni.

F’każ ta’ tfixkil sinifikanti li jaffettwa lis-setturi kritiċi tal-ekonomija u lis-soċjetà, jitqanqal rispons għall-kriżi, sabiex ikun jista’ jkun hemm rispons rapidu, effiċjenti u kkoordinat tal-Unjoni.

Sett ta’ għodod għar-rispons għall-kriżijiet jiġi attivat permezz ta’ sett ta’ miżuri li jkunu proporzjonati għas-sitwazzjoni ta’ kriżi. Is-sett ta’ għodod ikun jinkludi miżuri bħall-ġbir obbligatorju ta’ informazzjoni, il-prijoritizzazzjoni tal-ordnijiet għal setturi kritiċi, u skemi komuni ta’ xiri. Barra minn hekk, il-Bord jista’ jesprimi l-fehmiet tiegħu lill-Kummissjoni dwar jekk l-introduzzjoni tal-kontrolli tal-esportazzjoni hijiex xierqa. Tali rispons tal-Unjoni huwa mingħajr preġudizzju għal aktar inizjattivi possibbli, b’mod parallel, flimkien mas-sħab internazzjonali.

Sabiex jiġi indirizzat dan ta’ hawn fuq u tiġi ffaċilitata kooperazzjoni bla xkiel, effettiva u armonizzata, se jiġi stabbilit Bord Ewropew tas-Semikondutturi. Dan se jkun magħmul minn rappreżentanti ta’ livell għoli tal-Istati Membri u tal-Kummissjoni. Se jagħti pariri lill-Kummissjoni u se jassistiha fl-indirizzar ta’ kwistjonijiet ta’ tħejjija u ta’ monitoraġġ relatati mas-sigurtà u mar-reżiljenza tal-provvista.

Sabiex tattiva minnufih dan il-mekkaniżmu ta’ koordinazzjoni u tippermetti rispons rapidu, effettiv u kkoordinat tal-Unjoni għall-iskarsezza ta’ ċipep attwali, il-Kummissjoni tressaq Rakkomandazzjoni lill-Istati Membri, li tħeġġeġ lill-Istati Membri jaħdmu flimkien mal-Kummissjoni biex jimmonitorjaw il-katina tal-provvista tas-semikondutturi u jantiċipaw tfixkil potenzjali. L-Istati Membri huma mħeġġa jiġbru u jipprovdu informazzjoni dwar l-istat attwali tal-kriżi tas-semikondutturi fis-swieq nazzjonali tagħhom u jiddiskutu u jadottaw miżuri xierqa, effettivi u proporzjonati ta’ rispons għall-kriżi fil-livell nazzjonali u tal-Unjoni. Dan il-mekkaniżmu ta’ koordinazzjoni immedjata diġà jista’ jieħu passi importanti biex jegħleb l-iskarsezza attwali sakemm tiġi adottata l-proposta għal Regolament.

4.Kooperazzjoni Internazzjonali

Billi ssaħħaħ is-sigurtà tal-provvista tagħha u l-kapaċità tagħha tad-disinn u tal-produzzjoni ta’ semikondutturi b’saħħithom u effiċjenti fl-użu tar-riżorsi, l-UE qed tikkontribwixxi għall-ibbilanċjar mill-ġdid tal-katina tal-provvista globali tas-semikondutturi. L-għan huwa li tittejjeb il-kapaċità tagħha tul il-katina tal-provvista, inkluż fil-livell avvanzat, u li tiġi evitata kwalunkwe segmentazzjoni ġeografika jew konċentrazzjoni f’partijiet magħżula tal-katina tal-provvista, sabiex tkun f’pożizzjoni li tiddependi fuq setgħa ta’ negozjar effiċjenti biex tingrana fi żmien ta’ kriżi. Barra minn hekk, l-UE għandha, bħala objettiv kumplessiv, li taqdi d-domanda globali, li se tiżdied b’mod sostanzjali, u li tirbaħ is-sehem tagħha mis-suq li qed jikber.

Sabiex tintlaħaq din l-ambizzjoni, l-UE se jkollha bżonn timmaniġġja b’mod proattiv l-interdipendenzi tagħha mal-bqija tad-dinja, b’objettiv doppju: (i) li jiġi żgurat suq globali affidabbli għall-prodotti Ewropej, u (ii) li tiġi żgurata s-sigurtà tal-provvista, inkluż f’sitwazzjonijiet ta’ kriżi.

L-iżgurar ta’ dawn l-objettivi se jirrikjedi l-bini ta’ sħubijiet ibbilanċjati tas-semikondutturi ma’ pajjiżi tal-istess fehma. L-għan ta’ dawn is-sħubijiet ikun li jistabbilixxu oqfsa kooperattivi fir-rigward ta’ inizjattivi ta’ interess reċiproku, u li jfittxu impenn biex jiżguraw il-kontinwità tal-provvista fi żminijiet ta’ kriżi. Sabiex tali impenn ikun sinifikanti, hija meħtieġa bażi fattwali b’saħħitha b’input mill-partijiet ikkonċernati tal-industrija tan-naħa tal-provvista u tan-naħa tad-domanda.

L-elementi li ġejjin jistgħu jkunu parti mis-sħubijiet, fir-rigward tas-sigurtà tal-provvista: viżibbiltà aħjar tax-xokkijiet potenzjali, permezz tal-kondiviżjoni regolari tal-informazzjoni, tal-aħjar prattiki u tal-intelliġenza dwar il-mitigazzjoni tal-iskarsezzi li jkunu ġejjin; mekkaniżmi effettivi ta’ twissija bikrija, biex tissaħħaħ it-tħejjija f’mumenti ta’ kriżi; skambju ta’ informazzjoni dwar strateġiji ta’ investiment fuq terminu twil; attivitajiet internazzjonali ta’ standardizzazzjoni; u, koordinazzjoni dwar il-kontrolli tal-esportazzjoni, l-iżgurar ta’ konsultazzjoni minn qabel u l-ġestjoni ta’ konsegwenzi mhux intenzjonati. Suġġetti rilevanti oħra għar-reżiljenza, b’mod partikolari l-iżvilupp tal-forza tax-xogħol; l-aħjar prattiki biex jitnaqqsu l-impatti ambjentali tal-produzzjoni, u l-kooperazzjoni mtejba fir-riċerka, jistgħu jkunu parti minn sħubija bbilanċjata b’benefiċċji reċiproċi ċari f’termini ta’ reżiljenza u sigurtà tal-provvista kif ukoll reċiproċità 65 . 

Bħala l-ewwel pass, dan ta’ hawn fuq se jiġi esplorat — bl-użu ta’ fora eżistenti jew ġodda — ma’ sħab tal-istess fehma, bħall-Istati Uniti, il-Ġappun, il-Korea t’Isfel, Singapore, it-Tajwan u oħrajn.

Barra minn hekk, l-UE se tistabbilixxi kooperazzjoni b’saħħitha mal-pajjiżi ġirien, bl-għan li ttejjeb ir-reżiljenza tal-ktajjen tal-provvista tas-semikondutturi.

L-għan tal-Ewropa se jkun li tistabbilixxi approċċ kooperattiv li jindirizza s-sigurtà tal-provvista tagħha. Fl-istess ħin, l-UE għandha tkun ipprepata għal falliment possibbli ta’ approċċ bħal dan, bidla f’daqqa fis-sitwazzjoni politika jew kriżijiet mhux previsti, li jistgħu jheddu s-sigurtà tal-provvista tal-UE. Is-sett ta’ għodod għar-rispons għall-kriżijiet fi ħdan l-Att tal-UE dwar iċ-Ċipep jagħti lill-UE l-mezzi meħtieġa biex tindirizza sitwazzjonijiet bħal dawn u, bħala l-aħħar miżura, biex tiżgura r-reżiljenza kumplessiva tal-Ewropa.

5.Konklużjoni

It-tisħiħ tal-kapaċitajiet ta’ tmexxija tal-Ewropa fis-semikondutturi huwa prekundizzjoni għall-kompetittività futura tagħha, u kwistjoni ta’ sovranità u sigurtà teknoloġiċi. L-implimentazzjoni tal-Pakkett tal-Att dwar iċ-Ċipep se tkun pass kbir fl-indirizzar tad-dgħufijiet strutturali tal-Ewropa fis-semikondutturi u fit-tisħiħ tal-pożizzjoni tagħha f’ekosistema globali u interdipendenti. Il-Kunsill u l-Parlament Ewropew mistiedna jappoġġaw dan l-approċċ, biex b’hekk jibdlu l-ambizzjoni f’realtà fl-iqsar perjodu ta’ żmien possibbli.

(1)      COM(2021) 118
(2)      Il-minjaturizzazzjoni (il-liġi ta’ Moore) hija forza xprunatriċi ewlenija wara d-disinn taċ-ċipep — l-irdoppjar tal-ammont ta’ tranżisturi f’żona partikolari ta’ semikonduttur, u għaldaqstant l-irdoppjar tal-potenza komputazzjonali, kull 18-il xahar, ippersista għal kważi 60 sena. Iċ-ċipep avvanzati tal-lum fihom għexieren ta’ biljuni ta’ tranżisturi f’kull cm2 tas-siliċju.
(3)      It-tranżisturi gate-all-around field-effect (GAAFETs), is-suċċessuri tat-tranżisturi Fin field effect (FinFETs) li jintużaw għal ċipep avvanzati, jirrappreżentaw teknoloġija essenzjali biex jinkisbu qisien ta’ tranżisturi ta’ inqas minn 3 nm.
(4)      Teknoloġija ta’ proċess bħas-siliċju kompletament użat fuq iżolatur (FDSOI) tipprovdi l-benefiċċji ta’ ġeometriji tas-siliċju mnaqqsa bi proċess ta’ manifattura ssimplifikat u kompromess tajjeb bejn il-prestazzjoni u l-konsum tal-enerġija.
(5)      Sors: “ Strengthening the semiconductor supply chain in an uncertain era ”, Boston Consulting u SIA (Semiconductor Industry Association)
(6)      Stimi tal-Kummissjoni, abbażi ta’ prattiki tal-manifattura “eżatt fil-ħin”, li jimminimizzaw l-iskart u jżidu l-effiċjenza billi jżommu l-inventarji baxxi. Prattiki bħal dawn huma ingranati ħafna fil-katina tal-provvista tal-karozzi, The semiconductor shortage in autos: Strategies for success | McKinsey . Pereżempju, fl-Istati Uniti, l-inventarju taċ-ċipep għall-industrija naqas minn 40 jum fl-2019 għal inqas minn ħamest ijiem ta’ provvista. https://www.commerce.gov/news/blog/2022/01/results-semiconductor-supply-chain-request-information  
(7)      Fil-manifattura tas-semikondutturi, it-teknoloġija tal-proċessi tradizzjonalment kienet korrelatata mad-dimensjoni tat-tranżistur u titkejjel f’nanometri (nm); 1 nm huwa wieħed fuq biljun ta’ metru. Nodi ta’ proċessi iżgħar jagħtu prestazzjoni u effiċjenza tal-potenza ogħla, iżda huma wkoll aktar kumplessi u jiswew aktar biex jiġu prodotti. Attwalment, il-manifattura ssir f’5 nm, bi 3 nm qabel il-produzzjoni u 2 nm fl-iżvilupp
(8)      L-imballaġġ u l-assemblaġġ huma l-aħħar stadji fil-manifattura taċ-ċipep. Dawn jirreferu għal għadd ta’ passi ta’ pproċessar meħtieġa biex iċ-ċippa tiġi pprovduta f’għamla li tista’ tintuża fl-apparati elettroniċi. Il-wejfers jinqatgħu f’dies, isiru l-interkonnessjonijiet, imbagħad iċ-ċipep jiġu inkapsulati biex tiġi żgurata l-protezzjoni minn fatturi esterni bħall-umdità, is-sustanzi kimiċi, eċċ. F’imballaġġ avvanzat, bosta komponenti jiġu integrati f’apparat uniku.
(9) Fl-2021 id-domanda kienet 17 % ogħla mill-2019, u ma kinitx akkumpanjata minn żidiet proporzjonali fil-provvista, li rriżulta f’diskrepanza kbira meta mqabbla mal-provvista https://www.commerce.gov/news/blog/2022/01/results-semiconductor-supply-chain-request-information  
(10)      Tbassir minn SEMI (Semiconductor Equipment and Materials International) and VLSI Research.
(11)     https://www.congress.gov/bill/117th-congress/senate-bill/1260?s=1&r=52  
(12)     https://crsreports.congress.gov/product/pdf/R/R46767  
(13)     https://www.reuters.com/technology/japan-create-scheme-subsidise-domestic-chip-output-nikkei-2021-11-07/  
(14)     https://spectrum.ieee.org/south-koreas-450billion-investment-latest-in-chip-making-push  
(15)      Ara n-nota 1 f’qiegħ il-paġna.
(16)       Rapport tal-PCAST tal-2017 dwar is-semikondutturi
(17)       L-industrija tal-elettronika tissottometti pjan biex l-Ewropa ssir mexxej globali fil-mikroelettronika u fin-nanoelettronika  
(18)       L-Istat tal-Unjoni 2021 - Servizz ta’ Streaming tal-Kummissjoni Ewropea (europa.eu)  
(19) Pereżempju, l-Att dwar il-Produzzjoni tad-Difiża fl-Istati Uniti.
(20)

    Understanding the global chip shortages” , J.P. Kleinhans & J. Hess, Stiftung Neue Verantwortung (2021)

(21)

     Huwa stmat li l-iskarsezzi relatati mas-semikondutturi fl-2021 swew lill-industrija tal-karozzi USD 210 biljun fi dħul — Alixpartners (2021).

(22)       https://www.acea.auto/message-dg/chip-shortage-auto-industry-calls-for-more-eu-made-semiconductors/  
(23)      Stimi minn AutoForecast Solutions.
(24)      Sors: Verband der Automobilindustrie
(25)      L-impatt tal-iskarsezzi wassal għal tnaqqis ta’ 5,1 punti perċentwali fil-produzzjoni industrijali madwar l-UE kollha fil-perjodu bejn Jannar u Ottubru 2021. Terz ta’ dan it-tnaqqis ġie mis-setturi tal-vetturi bil-mutur (0,9 %) u tal-makkinarju u tat-tagħmir (0,8 %). https://voxeu.org/article/impact-shortages-manufacturing-eu  
(26)       Minn stħarriġ riċenti tal-Assoċjazzjoni tat-Teknoloġija Medika Avvanzata ħareġ li żewġ terzi tal-kumpaniji tat-teknoloġija medika jużaw is-semikondutturi f’mill-inqas nofs il-prodotti tagħhom. Ir-rispondenti kollha esperjenzaw xi tfixkil fil-katina tal-provvista taċ-ċipep tagħhom. Id-dewmien ivarja b’mod sinifikanti, minn ġimagħtejn għal aktar minn 52 ġimgħa;
Pacemaker, Ultrasound Companies Seek Priority Amid Chip Shortage, The Wall Street Journal (2021).
(27) F’dan il-kuntest, il-laqgħa plenarja tal-Gvern u l-Awtoritajiet dwar is-Semikondutturi (GAMS) ta’ Novembru 2021 iddiskutiet il-kwistjoni tas-semikondutturi foloz.
(28)      Skont IC Insights , fl-2021 il-bejgħ kien 26 % ogħla milli fl-2020 u t-tkabbir mistenni fl-2022 huwa ta’ 11 %.
(29)       Factbook 2021 tal-Assoċjazzjoni tal-Industrija tas-Semikondutturi (ċifri għall-2020).
(30)       Sors SIA / WSTS , IC insights.
(31) Tbassir minn Technavio , Allied Market Research , Market Research Future
(32)       IOT Analytics  
(33)     Semiconductor in Healthcare Market: Industry Insights, Major Key Players and Current Trends Analysis”, MarketWatch , 2021.
(34)

      Tbassir minn Yole Developpement

(35) It-teknoloġiji kwantistiċi jippromettu abbiltajiet bla preċedent tal-computing, tal-komunikazzjoni u tar-rilevament, bħala soluzzjonijiet awtonomi jew integrati mas-soluzzjonijiet klassiċi. L-ewwel komponenti bbażati fuq teknoloġiji kwantistiċi diġà qed jidhru fis-suq.
(36)      L-arkitetturi newromorfiċi jimitaw l-istruttura u t-tħaddim newrali tal-moħħ tal-bniedem u jiffaċilitaw l-apprendiment taċ-ċipep maż-żmien b’titjib sinifikanti fl-effiċjenza enerġetika. 
(37)      Minkejja dawn il-punti b’saħħithom, l-Ewropa tiddependi fuq pajjiżi terzi għal ċerti materjali bħall-metall fotoreżistenti jew tas-siliċju. Biex tgħin fil-bini tar-reżiljenza fil-materja prima, il-Kummissjoni Ewropea stabbiliet l- Alleanza Ewropea dwar il-Materja Prima (ERMA).
(38) Il-kumpaniji tal-UE huma b’saħħithom fid-disinn taċ-ċipep għall-karozzi, iżda parti mill-produzzjoni sseħħ ukoll f’reġjuni oħra.
(39)      Sors Decision / Carsa
(40)       Joint declaration on processors and semiconductor technologies | Shaping Europe’s digital future (europa.eu)  
(41)      COM(2021) 118
(42)      COM(2021) 574
(43)      L-Impriża Konġunta KDT ( https://www.kdt-ju.europa.eu ) tnediet f’Novembru 2021. Din hija sforz tripartitiku kondiviż mill-Kummissjoni, mill-Istati Parteċipanti (l-Istati Membri u l-pajjiżi assoċjati) u mill-industrija. Timmobilizza sa EUR 3,6 biljun ta’ investiment pubbliku (l-UE u l-Istati Parteċipanti) sal-2027. Barra minn hekk, huwa previst li l-partijiet ikkonċernati privati se jinvestu ammont ugwali.
(44) Investiment pubbliku u appoġġ ta’ ekwità ingranat
(45) Inkluża l-Impriża Konġunta KDT eżistenti
(46)      Fis-7 ta’ Frar 2022, atturi tal-industrija u organizzazzjonijiet tar-riċerka ewlenin ippreżentaw il-“Manifesto proposing a Systemic Approach of Advanced Materials for Prosperity: a 2030 Perspective” li jenfasizza li l-ġenerazzjoni li jmiss ta’ materjali semikondutturi se jixprunaw “swieq tal-innovazzjoni” ġodda fl-Ewropa.
(47)      L-Inizjattiva Ewlenija Kwantistika hija inizjattiva ta’ riċerka fuq terminu twil li tiżviluppa teknoloġiji kwantistiċi bħal fil-computing u s-simulazzjoni kwantistiċi, fin-networks ta’ komunikazzjoni kwantistiċi u fir-rilevament u l-metroloġija kwantistiċi.
(48)   https://ec.europa.eu/commission/commissioners/2019-2024/breton/blog/ipcei-microelectronics-major-step-more-resilient-eu-chips-supply-chain_en  
(49) Kumpaniji tas-semikondutturi li jkopru d-disinn u l-manifattura taċ-ċipep u jbigħuhom lill-klijenti tagħhom.
(50)   https://digital-strategy.ec.europa.eu/en/policies/alliance-processors-and-semiconductor-technologies  
(51) L-investimenti fl-infrastruttura tad-disinn u l-linji pilota jistgħu jeħtieġu kofinanzjament mill-Istati Membri, li jkunu jridu jirrispettaw ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat fejn ikun rilevanti.
(52)      Fl-2020 inħarġu għadd ta’ ċertifikati ta’ kriterji komuni minn sett ta’ manifatturi ewlenin tal-UE.
(53)

Ir-Regolament (UE) 2019/881 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 dwar l-ENISA (l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għaċ-Ċibersigurtà) u dwar iċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà tat-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 526/2013 (l-Att dwar iċ-Ċibersigurtà) (Test b’rilevanza għaż-ŻEE).

(54) COM(2021) 713 final.
(55)      Tali investiment addizzjonali fir-riċerka u l-iżvilupp għal teknoloġiji futuri jieħu l-għamla ta’ kontribuzzjoni indipendenti mill-benefiċjarji u ma jkunx parti mill-kalkolu tad-diskrepanza fil-finanzjament.
(56)      Jista’ jkun il-każ li bosta proġetti paralleli jiġu rikonoxxuti bħala tal-ewwel tip, sakemm tkun tista’ tingħata prova li l-attivitajiet appoġġati mill-Istat ma jxekklux attivitajiet privati eżistenti jew ippjanati. Kull proposta ta’ għajnuna mill-Istat tiġi vvalutata abbażi tal-merti tagħha biex jiġu evitati distorsjonijiet bla bżonn tal-kompetizzjoni. Dan jinkludi fehma komprensiva dwar in-neċessità, biex jiġu evitati sitwazzjonijiet ta’ kapaċità żejda.
(57)      Dan ifisser li jrid ikun hemm biżżejjed provi tad-diskrepanza fil-finanzjament biex jiġi żgurat l-istabbiliment tal-faċilità fl-Unjoni, pereżempju billi jitqabblu l-kostijiet tal-produzzjoni mistennija fl-Ewropa bl-użu ta’ suppożizzjonijiet realistiċi bħala parti minn pjan ta’ direzzjoni tan-negozju kredibbli, inklużi r-redditi referenzjarji fuq il-kapital fis-settur, u t-tqabbil tagħhom ma’ alternattivi realistiċi ta’ akkwist jew ta’ produzzjoni (anki globalment) ibbażati fuq evidenza konkreta mill-benefiċjarji, u/jew minn salvagwardji biex tiġi żgurata distribuzzjoni ġusta ta’ gwadanji addizzjonali li ma kinux previsti fl-analiżi tad-diskrepanza fil-finanzjament notifikata.
(58)      L-investiment fir-riċerka, fl-iżvilupp u fl-innovazzjoni jkun indipendenti mill-analiżi tad-diskrepanza fil-finanzjament taħt valutazzjoni possibbli tal-għajnuna mill-Istat li tkopri l-kapaċitajiet tal-manifattura.
(59)      L-Istati Membri jistgħu jikkofinanzjaw proġetti appoġġati mill-Fond taċ-Ċipep f’konformità mar-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat. Il-kofinanzjament mill-Istati Membri jista’ jsir permezz ta’ korpi jew vetturi tal-Istat li jużaw ir-riżorsi tal-Istat, bħall-banek u l-istituzzjonijiet promozzjonali nazzjonali, u f’operazzjonijiet ta’ taħlit jew fil-kompartiment tal-Istat Membru skont ir-Regolament InvestEU.
(60) Finanzjament addizzjonali mill-BEI ikun soġġett għad-domanda u għal diliġenza dovuta.
(61)

      EU Pact for Skills: upskilling and reskilling initiative for those training and working in the microelectronics industry | Shaping Europe’s digital future (europa.eu) . Il-Patt għall-Ħiliet huwa waħda mill-inizjattivi ewlenin taħt l- Aġenda għall-Ħiliet għall-Ewropa (europa.eu) u tnieda fl-10 ta’ Novembru 2020. Fil-mikroelettronika, dan jirrappreżenta investiment pubbliku u privat ta’ EUR 2 biljun li jipprovdi opportunitajiet ta’ titjib tal-ħiliet u ta’ taħriġ mill-ġdid għal aktar minn 250 000 ħaddiem u student (2021-2025) fir-raggruppamenti tal-elettronika tal-Ewropa.

(62)       https://myinternship.eu/  
(63)      COM(2021) 576 final
(64)      COM(2021) 350 final
(65)      Il-programm ta’ riċerka tal-Unjoni Orizzont Ewropa, li se jiffinanzja parzjalment l-Impriża Konġunta taċ-Ċipep, diġà huwa l-aktar miftuħ fid-dinja għal sħab minn pajjiżi terzi. Fil-kuntest ta’ sħubija usa’ ma’ sieħeb ewlieni wieħed jew aktar tal-istess fehma fir-rigward ta’ fatturi rilevanti għar-reżiljenza u għas-sigurtà tal-provvista tal-Unjoni, l-Unjoni għandha tkun lesta li teżamina opportunitajiet għal kooperazzjoni msaħħa ma’ sħab bħal dawn, inkluż fil-kuntest tal-Impriża Konġunta, abbażi tar-reċiproċità u tal-interess strateġiku tal-UE.