Brussell, 26.1.2022

COM(2022) 28 final

Dikjarazzjoni Ewropea

dwar id-Drittijiet u l-Prinċipji Diġitali għad-Deċennju Diġitali


Dikjarazzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet u l-Prinċipji Diġitali għad-Deċennju Diġitali

Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni jipproklamaw b’mod solenni d-Dikjarazzjoni konġunta li ġejja dwar id-Drittijiet u l-Prinċipji Diġitali għad-Deċennju Diġitali

Preambolu

Billi:

(1)It-trasformazzjoni diġitali taffettwa kull aspett tal-ħajja tan-nies. Din toffri opportunitajiet sinifikanti għal kwalità ta’ ħajja, innovazzjoni, tkabbir ekonomiku u sostenibbiltà aħjar, iżda tippreżenta wkoll sfidi ġodda għan-nisġa, għas-sigurtà u għall-istabbiltà tas-soċjetajiet u tal-ekonomiji tagħna. Permezz tal-aċċellerazzjoni tat-trasformazzjoni diġitali, wasal iż-żmien li l-Unjoni Ewropea (UE) tispjega kif il-valuri u d-drittijiet fundamentali tagħha għandhom jiġu applikati fid-dinja online.

(2)Il-Parlament għamel diversi appelli biex jiżgura l-konformità sħiħa tal-approċċ tal-Unjoni għat-trasformazzjoni diġitali mad-drittijiet fundamentali bħall-protezzjoni tad-data jew in-nondiskriminazzjoni, u ma’ prinċipji bħan-newtralità teknoloġika u tan-network, u l-inklużività 1 . Appella wkoll għal protezzjoni msaħħa tad-drittijiet tal-utenti fl-ambjent diġitali 2 . 

(3)Filwaqt li l-Kunsill ibbaża fuq inizjattivi preċedenti bħad-“Dikjarazzjoni ta’ Tallinn dwar l-eGvern” u d-“Dikjarazzjoni ta’ Berlin dwar is-Soċjetà Diġitali u l-Gvern Diġitali bbażat fuq il-Valuri”, permezz tad-“Dikjarazzjoni ta’ Liżbona — Demokrazija Diġitali bi Skop” il-Kunsill appella, għal mudell ta’ trasformazzjoni diġitali li ssaħħaħ id-dimensjoni umana tal-ekosistema diġitali bis-Suq Uniku Diġitali bħala l-qalba tiegħu. Il-Kunsill appella wkoll għal mudell ta’ tranżizzjoni diġitali li jiżgura li t-teknoloġija tassisti fil-ħtieġa li tittieħed azzjoni dwar il-klima u li tipproteġi l-ambjent.

(4)Il-viżjoni tal-UE għat-trasformazzjoni diġitali tpoġġi lin-nies fiċ-ċentru, tagħti s-setgħa lill-individwi u trawwem negozji innovattivi. Reċentement, il-Kummissjoni ppreżentat Proposta għal Deċiżjoni dwar “Perkors għad-Deċennju Diġitali”, li tistabbilixxi l-miri diġitali konkreti bbażati fuq erba’ punti kardinali (il-ħiliet diġitali, l-infrastrutturi diġitali, id-diġitalizzazzjoni tan-negozji u tas-servizzi pubbliċi) li se jgħinuna niksbu din il-viżjoni. L-approċċ tal-Unjoni għat-trasformazzjoni diġitali tas-soċjetajiet u l-ekonomija tagħna għandu jinkludi s-sovranità diġitali, l-inklużjoni, l-ugwaljanza, is-sostenibbiltà, ir-reżiljenza, is-sigurtà, il-fiduċja, it-titjib fil-kwalità tal-ħajja, ir-rispett tad-drittijiet tal-bnedmin u l-aspirazzjonijiet u għandu jikkontribwixxi għal ekonomija u soċjetà dinamiċi, effiċjenti fir-riżorsi u ġusti fl-Unjoni.

(5)Id-Dikjarazzjoni għandha l-għan li tispjega l-intenzjonijiet politiċi komuni. Mhux biss tfakkar dwar id-drittijiet l-aktar rilevanti fil-kuntest tat-trasformazzjoni diġitali, iżda għandha sservi wkoll bħala punt ta’ referenza għan-negozji u għal atturi rilevanti oħra meta jiġu żviluppati u varati teknoloġiji ġodda. Id-Dikjarazzjoni għandha tiggwida lil dawk li jfasslu l-politika meta jirriflettu fuq il-viżjoni tagħhom tat-trasformazzjoni diġitali li: tpoġġi lin-nies fiċ-ċentru tat-trasformazzjoni diġitali; tissottolinja s-solidarjetà u l-inklużjoni; tiddikjara mill-ġdid l-importanza tal-libertà tal-għażla; trawwem l-parteċipazzjoni fi spazju pubbliku diġitali; tiggarantixxi s-sikurezza, is-sigurtà u s-setgħa; u s-sostenibbiltà.

(6)Is-sorveljanza demokratika tas-soċjetà u tal-ekonomija diġitali għandha tkompli tissaħħaħ, b’rispett sħiħ tal-prinċipji tal-istat tad-dritt, tal-ġustizzja effettiva u tal-infurzar tal-liġi. Din id-Dikjarazzjoni ma taffettwax il-limiti legali dwar l-eżerċitar tad-drittijiet legali, sabiex jiġu rikonċiljati mal-eżerċitar ta’ drittijiet oħra, jew restrizzjonijiet meħtieġa u proporzjonati fl-interess pubbliku. L-Unjoni għandha tippromwovi d-Dikjarazzjoni fir-relazzjonijiet tagħha ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali oħra u ma’ pajjiżi terzi bl-ambizzjoni li l-prinċipji jservu bħala ispirazzjoni għas-sħab internazzjonali biex jiggwidaw trasformazzjoni diġitali li tpoġġi lin-nies u d-drittijiet tal-bniedem tagħhom fiċ-ċentru madwar id-dinja.

(7)Din id-Dikjarazzjoni hija bbażata b’mod partikolari fuq id-dritt primarju tal-UE, b’mod partikolari fuq it-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, fuq it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, fuq il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE, kif ukoll fuq il-leġiżlazzjoni sekondarja. Hija bbażata wkoll fuq il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u tikkomplementah. Għandha natura dikjaratorja u per se ma taffettwax il-kontenut tan-normi ġuridiċi jew tal-applikazzjoni tagħhom.

(8)Il-promozzjoni u l-implimentazzjoni tal-prinċipji diġitali jikkostitwixxu impenji politiku u responsabbiltà li jikkondividu l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha fil-qafas tal-kompetenzi rispettivi tagħhom u f’konformità sħiħa mad-dritt tal-Unjoni. Il-Kummissjoni pproponiet li r-rapport annwali dwar “l-Istat tad-Deċennju Diġitali”, li jrid jiġi sottomess lill-Parlament u lill-Kunsill, se jkun ikopri l-monitoraġġ tal-prinċipji diġitali.

Dikjarazzjoni dwar id-Drittijiet u l-Prinċipji Diġitali għad-Deċennju Diġitali

L-għan tagħna huwa li nippromwovu approċċ Ewropew għat-tranżizzjoni diġitali, billi npoġġu lin-nies fiċ-ċentru. Dan għandu jkun ibbażat fuq il-valuri Ewropej u għall-benefiċċju tal-individwi u tan-negozji kollha.

Għaldaqstant niddikjaraw kif ġej:

Kapitolu I: In-nies jitqiegħdu fiċ-ċentru tat-trasformazzjoni diġitali

In-nies huma fiċ-ċentru tat-trasformazzjoni diġitali fl-Unjoni Ewropea. It-teknoloġija għandha sservi u tibbenefika lill-Ewropej kollha u tagħtihom is-setgħa biex isegwu l-aspirazzjonijiet tagħhom, b’sigurtà sħiħa u b’rispett għad-drittijiet fundamentali tagħhom.

Nimpenjaw ruħna biex:    

insaħħu l-qafas demokratiku għal trasformazzjoni diġitali li tibbenefika lil kulħadd u li ttejjeb ħajjet l-Ewropej kollha;

nieħdu l-miżuri meħtieġa biex niżguraw li l-valuri tal-Unjoni u d-drittijiet tal-individwi kif inhuma rikonoxxuti mid-dritt tal-Unjoni jiġu rispettati kemm online u kif ukoll offline;

inrawmu azzjoni responsabbli u diliġenti mill-atturi diġitali kollha, pubbliċi u privati, għal ambjent diġitali sikur u mingħajr periklu;

nippromwovu b’mod attiv din il-viżjoni tat-trasformazzjoni diġitali, anki fir-relazzjonijiet internazzjonali tagħna.

Kapitolu II: Solidarjetà u inklużjoni

Kulħadd għandu jkollu aċċess għat-teknoloġija li għandha l-għan li tgħaqqad lin-nies flimkien u mhux tifridhom. It-trasformazzjoni diġitali għandha tikkontribwixxi għal soċjetà u ekonomija ġusti fl-Unjoni.

Nimpenjaw ruħna biex:

niżguraw li s-soluzzjonijiet teknoloġiċi jirrispettaw id-drittijiet tan-nies, filwaqt li jkunu jistgħu jeżerċitaw dawn id-drittijiet u jippromwovu l-inklużjoni.

ikollna trasformazzjoni diġitali li ma tħalli lil ħadd lura. Din għandha tinkludi b’mod partikolari lill-anzjani, lill-persuni b’diżabbiltà, jew lill-persuni marġinalizzati, vulnerabbli jew dawk mingħajr id-dritt tal-vot u dawk li jaġixxu f’isimhom.

niżviluppaw oqfsa xierqa sabiex l-atturi tas-suq kollha li jibbenefikaw mit-trasformazzjoni diġitali jassumu r-responsabbiltajiet soċjali tagħhom u jagħmlu kontribut ġust u proporzjonat mal-kostijiet tal-beni pubbliċi, tas-servizzi u l-infrastrutturi, għall-benefiċċju tal-Ewropej kollha.

Konnettività

Kulħadd, kullimkien fl-UE, għandu jkollu aċċess għal konnettività diġitali affordabbli u b’veloċità għolja.

Nimpenjaw ruħna biex:

niżguraw aċċess għal konnettività eċċellenti għal kulħadd, irrispettivament minn fejn jgħixu jew mill-introjtu tagħhom

nipproteġu Internet newtrali u miftuħ, fejn il-kontenut, is-servizzi u l-applikazzjonijiet ma jiġux imblukkati jew degradati mingħajr ġustifikazzjoni.

Edukazzjoni u ħiliet diġitali

Kulħadd għandu d-dritt għall-edukazzjoni, għat-taħriġ u għall-apprendiment tul il-ħajja u għandu jkun jista’ jikseb il-ħiliet diġitali bażiċi u avvanzati kollha.

Nimpenjaw ruħna biex:

nippromwovu u nappoġġaw l-isforzi biex ngħammru l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ kollha permezz tal-konnettività, l-infrastruttura u l-għodod diġitali,

nappoġġaw l-isforzi li jippermettu lill-istudenti u lill-għalliema jiksbu u jikkondividu l-ħiliet u l-kompetenzi diġitali meħtieġa kollha biex ikollhom parti attiva fl-ekonomija, fis-soċjetà u fil-proċess demokratiku.

nagħtu lil kulħadd il-possibbiltà li jaġġusta għall-bidliet li ġġib magħha d-diġitalizzazzjoni tax-xogħol permezz tat-titjib tal-ħiliet u tat-tiġdid tal-ħiliet.

Kundizzjonijiet tax-xogħol 

Kulħadd għandu d-dritt għal kundizzjonijiet tax-xogħol ekwi, ġusti, tajbin għas-saħħa u sikuri u għal protezzjoni xierqa fl-ambjent diġitali bħal fuq il-post tax-xogħol fiżiku, irrispettivament mill-istatus fl-impjieg, il-modalità jew id-durata.

Nimpenjaw ruħna biex:

niżguraw li kulħadd ikun jista’ jiskonnettja u jibbenefika mis-salvagwardji għall-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata f’ambjent diġitali.

Servizzi pubbliċi diġitali online

Kulħadd għandu jkollu aċċess għas-servizzi pubbliċi ewlenin online madwar l-Unjoni. Ħadd ma għandu jintalab jipprovdi data aktar ta’ spiss milli meħtieġ matul l-aċċess u l-użu tas-servizzi pubbliċi diġitali.

Nimpenjaw ruħna biex:

niżguraw li l-Ewropej kollha jiġu offruti identità diġitali aċċessibbli, mingħajr periklu u fdata li tagħti aċċess għal firxa wiesgħa ta’ servizzi online,

niżguraw aċċessibbiltà wiesgħa u l-użu mill-ġdid ta’ informazzjoni tal-gvern.

niffaċilitaw u nappoġġaw aċċess bla xkiel, mingħajr periklu u interoperabbli madwar l-Unjoni għas-servizzi diġitali tas-saħħa u tal-kura, inkluż ir-rekords mediċi, li jkunu mfassla biex jissodisfaw il-ħtiġijiet tan-nies.

Kapitolu III: Libertà tal-għażla

Interazzjonijiet ma’ algoritmiċi u sistemi ta’ intelliġenza artifiċjali

Kulħadd għandu jkollu s-setgħa li jibbenifika mill-vantaġġi tal-intelliġenza artifiċjali billi jagħmel l-għażliet informati tiegħu stess fl-ambjent diġitali, filwaqt li jkun protett kontra r-riskji u l-ħsara għas-saħħa, għas-sikurezza u għad-drittijiet fundamentali tiegħu.

Nimpenjaw ruħna biex:

niżguraw trasparenza dwar l-użu tal-algoritmi u l-intelliġenza artifiċjali, u li n-nies ikollhom is-setgħa u jkunu informati meta jinteraġixxu magħhom.

niżguraw li s-sistemi algoritmiċi jkunu bbażati fuq settijiet ta’ data adattati biex tiġi evitata d-diskriminazzjoni illegali u biex jippermetti s-superviżjoni mill-bniedem tal-eżiti li jaffettwaw in-nies.

niżguraw li t-teknoloġiji, bħall-algoritmi u l-intelliġenza artifiċjali ma jkunux użati biex jiddeterminaw minn qabel l-għażliet tan-nies, pereżempju fir-rigward tas-saħħa, l-edukazzjoni, l-impjieg u l-ħajja privata tagħhom.

nipprevedu salvagwardji biex niżguraw li l-intelliġenza artifiċjali u s-sistemi diġitali jkunu sikuri u użati b’rispett sħiħ tad-drittijiet fundamentali tan-nies.

Ambjent online ġust

Kulħadd għandu jkun jista’ jagħżel b’mod effettiv liema servizzi online għandu juża, abbażi ta’ informazzjoni objettiva, trasparenti u affidabbli.

Kulħadd għandu jkollu d-dritt li jikkompeti b’mod ġust u jinnova ruħu fl-ambjent diġitali.

Nimpenjaw ruħna biex:

niżguraw ambjent online sikur, mingħajr periklu u ġust, fejn id-drittijiet fundamentali jiġu protetti u r-responsabbiltajiet tal-pjattaformi ikunu definiti sew, speċjalment tal-atturi l-kbar u ta’ dawk bi rwol ta’ gwardjan.

Kapitolu IV: Parteċipazzjoni fi spazju pubbliku diġitali

Kulħadd għandu jkollu aċċess għal ambjent online affidabbli, divers u multilingwi. L-aċċess għall-kontenut divers jikkontribwixxi għal dibattitu pubbliku pluralistiku u għandu jippermetti lil kulħadd jipparteċipa fid-demokrazija.

Kulħadd għandu d-dritt għal-libertà tal-espressjoni fl-ambjent online, mingħajr il-biża li jiġi ċċensurat jew intimidat.

Kulħadd għandu jkollu l-mezzi biex ikun jaf min huwa s-sid jew min jikkontrolla s-servizzi tal-media li jkun qed juża.

Il-pjattaformi online kbar ħafna għandhom jappoġġaw id-dibattitu demokratiku liberu online, meta jitqies ir-rwol tas-servizzi tagħhom fit-tiswir tal-opinjoni pubblika u d-diskors. Dawn għandhom jimmitigaw ir-riskji li jirriżultaw mill-funzjonament u mill-użu tas-servizzi tagħhom, inkluż għall-kampanji ta’ diżinformazzjoni u l-protezzjoni tal-libertà tal-espressjoni.

Nimpenjaw ruħna biex:

nappoġġaw l-iżvilupp u l-aħjar użu tat-teknoloġiji diġitali biex nistimulaw l-involviment taċ-ċittadini u l-parteċipazzjoni demokratika.

inkomplu nissalvagwardjaw id-drittijiet fundamentali online, b’mod partikolari l-libertà tal-espressjoni u l-informazzjoni.

nieħdu l-miżuri biex nindirizzaw il-forom kollha tal-kontenut illegali fi proporzjon tal-ħsara li jista’ jikkawża, u b’rispett sħiħ tad-dritt tal-libertà tal-espressjoni u l-informazzjoni, u mingħajr ma jiġu stabbiliti xi obbligi ta’ monitoraġġ ġenerali.

noħolqu ambjent online li fih in-nies ikunu protetti kontra d-diżinformazzjoni u forom oħra ta’ kontenut ta’ ħsara.

Kapitolu V: Sikurezza, sigurtà u l-għoti tas-setgħa

Ambjent online protett, sikur u mingħajr periklu

Kulħadd għandu jkollu aċċess għat-teknoloġiji diġitali, għall-prodotti u s-servizzi li jkunu sikuri u mingħajr periklu, u li mit-tfassil iħarsu l-protezzjoni tal-ħajja privata.

Nimpenjaw ruħna biex:

nipproteġu l-interessi tan-nies, in-negozji u l-istituzzjonijiet pubbliċi kontra ċ-ċiberkriminalità, inkluż il-ksur tad-data u ċ-ċiberattakki. Dan jinkludi l-protezzjoni tal-identità diġitali mis-serq tal- identità jew mill-manipulazzjoni.

niġġieldu kontra dawk li jfittxu li jimminaw is-sigurtà online u l-integrità tal-ambjent online tal-Ewropej jew dawk li jippromwovu l-vjolenza u l-mibegħda permezz tal-mezzi diġitali u nżommuhom responsabbli għall-azzjonijiet tagħhom.

Privatezza u kontroll individwali fuq id-data

Kulħadd għandu d-dritt għall-protezzjoni tad-data personali tiegħu online. Dak id-dritt jinkludi l-kontroll dwar kif id-data tiġi użata u ma’ min tiġi kondiviża.

Kulħadd għandu d-dritt għall-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet tiegħu u tal-informazzjoni fuq l-apparat teknoloġiku tiegħu, u ħadd ma għandu jkun soġġetti għal sorveljanza online illegali jew għal miżuri ta’ interċezzjoni.

Kulħadd għandu jkun jista’ jiddetermina l-legat diġitali tiegħu, u jiddeċiedi x’jiġri bl-informazzjoni disponibbli pubblikament li tikkonċernah, wara l-mewt tiegħu.

Nimpenjaw ruħna biex:

niżguraw il-possibbiltà li nikkondividu faċilment id-data personali bejn servizzi diġitali differenti. 

Tfal u żgħażagħ għandhom ikunu protetti u għandhom ikollhom is-setgħa online

It-tfal u ż-żgħażagħ għandhom ikollhom is-setgħa li jagħmlu għażliet sikuri u informati u jesprimu l-kreattività tagħhom fl-ambjent online.

Il-materjali li jkunu adattati skont l-età għandhom itejbu l-esperjenzi, il-benesseri u l-parteċipazzjoni tat-tfal fl-ambjent online.

It-tfal għandhom id-dritt li jkunu protetti mill-kriminalitajiet kollha, li jkunu twettqu permezz tat-teknoloġiji diġitali jew li jkunu ġew iffaċilitati permezz tagħhom.

Nimpenjaw ruħna biex:

nippromwovu ambjent diġitali pożittiv, adattat għall-età u sikur għat-tfal u għaż-żgħażagħ.

nipprovdu opportunitajiet għat-tfal kollha biex jiksbu l-ħiliet u l-kompetenzi meħtieġa biex jinnavigaw l-ambjent online b’mod attiv u sikur u biex jagħmlu għażliet informati meta jkunu online.

nipproteġu t-tfal kollha kontra l-kontenut illegali u li jagħmel il-ħsara, l-isfruttament, il-manipulazzjoni u l-abbuż online, u nipprevjenu l-ispazju diġitali milli jintuża biex jitwettqu jew jiġu ffaċilitati l-kriminalitajiet.

Kapitolu VI: Sostenibbiltà

Sabiex nevitaw ħsara sinifikanti fuq l-ambjent u biex tiġi promossa l-ekonomija ċirkolari, il-prodotti u s-servizzi diġitali għandhom jitfasslu, jiġu prodotti, użati, mormija u riċiklati b’mod li jnaqqas l-impatt ambjentali u soċjali negattiv tagħhom.

Kulħadd għandu jkollu aċċess għall-informazzjoni li tkun preċiża u faċli biex tinftiehem dwar l-impatt ambjentali u l-konsum tal-enerġija tal-prodotti u s-servizzi diġitali, filwaqt li jippermettulhom jagħmlu għażliet responsabbli.

Nimpenjaw ruħna biex:

nappoġġaw l-iżvilupp u l-użu ta’ teknoloġiji diġitali sostenibbli li għandhom impatt minimu fuq l-ambjent u fuq is-soċjetà.

niżviluppaw u nniedu soluzzjonijiet diġitali b’impatt pożittiv dwar l-ambjent u l-klima.

(1)

   2020/2216(INI)

(2)

   2020/2018(INL); 2020/2019(INL); 2020/2022(INI); 2020/2012(INL); 2020/2014(INL); 2020/2015(INI); 2020/2017(INI)