IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 20.1.2022
COM(2022) 19 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW
Rapport finali - inkjesta settorjali dwar l-Internet tal-Oġġetti tal-konsumaturi
{SWD(2022) 10 final}
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 20.1.2022
COM(2022) 19 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW
Rapport finali - inkjesta settorjali dwar l-Internet tal-Oġġetti tal-konsumaturi
{SWD(2022) 10 final}
1Introduzzjoni u passi ewlenin tal-inkjesta settorjali
(1)Fis-16 ta’ Lulju 2020, il-Kummissjoni nediet inkjesta settorjali dwar l-Internet tal-Oġġetti tal-konsumaturi (IoT) fl-UE. L-għan kien li jinkiseb fehim aħjar tas-settur tal-IoT tal-konsumaturi 1 , tax-xenarju kompetittiv tiegħu, tax-xejriet emerġenti u tal-kwistjonijiet potenzjali tal-kompetizzjoni. Filwaqt li s-settur tal-IoT tal-konsumaturi għadu qed jiżviluppa, l-inkjesta settorjali kienet imqanqla minn indikazzjonijiet ta’ mġiba tal-kumpanija li tista’ twassal għal distorsjoni tal-kompetizzjoni f’dan is-settur.
(2)Peress li l-użu tal-prodotti tal-IoT tal-konsumaturi qed isir dejjem aktar parti mill-ħajja ta’ kuljum għall-Ewropej, is-settur tal-IoT tal-konsumaturi huwa mistenni li jikber b’mod sinifikanti fis-snin li ġejjin. Huwa mbassar li d-dħul globali tal-IoT tal-konsumaturi madwar id-dinja se jikber minn EUR 105.7 biljun fl-2019 għal madwar EUR 404.6 biljun sal-2030 2 . Id-dħul tad-djar intelliġenti Ewropej se jkun ukoll aktar mid-doppju bejn l-2020 u l-2025 (minn madwar EUR 17 biljun għal madwar EUR 38.1 biljun) 3 .
(3)Għall-finijiet tal-inkjesta settorjali, f’Lulju 2020 intbagħtu talbiet għal informazzjoni (“kwestjonarji”) lill-partijiet ikkonċernati. Ġew indirizzati kwestjonarji differenti lil kumpaniji attivi f’erba’ segmenti tal-IoT tal-konsumaturi fl-UE: i) il-manifattura ta’ apparati tad-djar intelliġenti; (i) il-forniment ta’ assistenti bil-vuċi; (iii) il-forniment ta’ servizzi tal-IoT tal-konsumaturi; u (iv) il-manifattura ta’ apparati li jintlibsu. Intbagħat il-ħames kwestjonarju lill-organizzazzjonijiet li jistabbilixxu l-istandards u lill-industrija.
(4)It-tip u l-għadd ta’ mistoqsijiet varjaw fil-ħames kwestjonarji, iżda ffukaw fuq is-suġġetti li ġejjin ta’ interess partikolari fl-eżaminar ta’ kwistjonijiet possibbli ta’ kompetizzjoni fis-settur tal-IoT tal-konsumaturi:
a.Il-karatteristiċi tal-prodotti u s-servizzi tal-IoT tal-konsumaturi tar-rispondenti;
b.Il-karatteristiċi ewlenin tal-kompetizzjoni fis-settur tal-IoT tal-konsumaturi, inklużi l-ostakli potenzjali għad-dħul u r-rwol ta’ diversi strateġiji tan-negozju;
c.Ir-rwol tal-istandards fis-settur tal-IoT tal-konsumaturi, inkluża l-importanza ta’ standards u organizzazzjonijiet li jistabbilixxu l-istandards (kundizzjonijiet ta’ aċċess u kompetizzjoni fost l-istandards);
d.L-interazzjoni bejn l-apparati, is-servizzi u l-assistenti bil-vuċi fis-settur tal-IoT tal-konsumaturi, inklużi mistoqsijiet dwar l-interoperabbiltà, l-installazzjoni minn qabel u l-konfigurazzjonijiet awtomatiċi, l-esklussività u trattament preferenzjali ieħor;
e.Ir-rwol tad-data f’termini tas-settur tal-IoT tal-konsumaturi, inklużi mistoqsijiet dwar il-ġbir tad-data, kif din tiċċirkola bejn il-partijiet, kif tintuża u potenzjalment monetizzata mill-kumpaniji, u l-interoperabbiltà u l-portabbiltà tad-data.
(5)Filwaqt li l-għażla tad-destinatarji ma kinitx maħsuba biex tikkorrispondi għal kampjun statistikament rappreżentattiv tas-settur tal-IoT tal-konsumaturi tal-UE, hija kopriet varjetà ta’ prodotti u servizzi tal-IoT tal-konsumaturi u rrappreżentat tipi differenti ta’ kumpaniji f’termini ta’ daqs, attivitajiet u firxa ta’ prodotti offruti.
(6)Il-Kummissjoni rċeviet tweġibiet għall-kwestjonarji minn aktar minn 200 kumpanija attivi fil-manifattura ta’ apparati intelliġenti, il-forniment ta’ assistenti bil-vuċi u/jew il-forniment ta’ servizzi tal-IoT tal-konsumaturi, kif ukoll minn 14-il organizzazzjoni tal-iffissar tal-istandards u tal-industrija. Dawn it-tweġibiet kienu s-sors ewlieni ta’ informazzjoni għar-rapport preliminari dwar l-inkjesta settorjali, li ġie ppubblikat fid-9 ta’ Ġunju 2021 4 u ppreżenta s-sejbiet preliminari tal-Kummissjoni.
(7) Il-pubblikazzjoni tar-rapport preliminari kienet segwita minn konsultazzjoni pubblika miftuħa għall-partijiet ikkonċernati kollha. Din intemmet fl-1 ta’ Settembru 2021, u waslu 26 sottomissjoni 5 .
(8)Dan ir-rapport huwa akkumpanjat minn dokument ta’ ħidma tal-persunal li jiġbor fil-qosor is-sejbiet ewlenin tal-inkjesta settorjali tal-IoT tal-konsumaturi u jinkorpora l-kummenti sottomessi mill-partijiet ikkonċernati matul il-konsultazzjoni pubblika.
2Karatteristiki tal-prodotti u s-servizzi dwar l-IoT tal-konsumaturi
(9)Is-sejbiet tal-inkjesta settorjali jikkonfermaw li, b’mod ġenerali, għadd dejjem jikber ta’ apparati u servizzi qed isiru ‘intelliġenti’ 6 . Dan jippermetti lill-utenti jaċċessaw firxa progressivament usa’ ta’ apparati u servizzi interkonnessi fi u barra minn darhom. It-tweġibiet ta’ dawk li wieġbu jindikaw ukoll xejra ta’ żieda ulterjuri fl-għadd globali ta’ servizzi tal-IoT tal-konsumaturi disponibbli fuq apparat intelliġenti tad-dar u li jintlibsu u permezz ta’ assistenti bil-vuċi. Barra minn hekk, dawk li wieġbu jindikaw tendenza lejn disponibbiltà akbar ta’ assistenti bil-vuċi bħala interfaċċa tal-utent li tippermetti l-interazzjoni ma’ apparati intelliġenti u servizzi tal-IoT tal-konsumaturi.
(10)L-assistenti ewlenin bil-vuċi fl-UE huma Alexa ta’ Amazon, l-Assistent Google ta’ Google, u Siri ta’ Apple. Dawn huma assistenti bil-vuċi bi skop ġenerali peress li jippermettu lill-utenti jaċċessaw firxa wiesgħa ta’ karatteristiċi bħal li jdoqqu l-mużika, jisimgħu r-radju, l-aħbarijiet jew il-podcasts, jikkontrollaw apparat intelliġenti tad-dar, jipprovdu informazzjoni jew jgħinu fl-ippjanar u l-eżekuzzjoni ta’ rutini ta’ kuljum.
(11)Assistenti oħra bil-vuċi huma meqjusa bħala assistenti speċjalizzati bil-vuċi peress li għandhom funzjonalitajiet aktar limitati. Dawn jippermettu l-aktar l-aċċess għal u l-interazzjoni mal-apparati u/jew is-servizzi intelliġenti tal-fornitur stess.
(12)Minkejja l-popolarità dejjem tikber tal-assistenti bil-vuċi, l-applikazzjonijiet mobbli intelliġenti jew l-apps ta’ akkumpanjament jibqgħu l-aktar interfaċċi tal-utent popolari biex jaċċessaw apparati intelliġenti u servizzi tal-IoT tal-konsumaturi. F’dak is-sens, l-apparati mobbli intelliġenti u s-sistemi operattivi tagħhom għandhom ukoll rwol importanti fis-settur tal-IoT tal-konsumaturi. L-Android ta’ Google u l-iOS ta’ Apple huma s-sistemi operattivi ewlenin għal apparati mobbli intelliġenti.
3Karatteristiċi ewlenin tal-kompetizzjoni
(13)Il-maġġoranza ta’ dawk li wieġbu jindikaw il-kost tal-investiment fit-teknoloġija u s-sitwazzjoni kompetittiva bħala l-ostakli ewlenin għad-dħul jew l-espansjoni fis-settur tal-IoT tal-konsumaturi, flimkien ma’ diversi kwistjonijiet ta’ interoperabbiltà, in-nuqqas ta’ aċċess għad-data kif ukoll l-ostakli regolatorji.
(14)Il-kost tal-investiment fit-teknoloġija hija meqjusa bħala ostaklu partikolarment importanti għad-dħul u/jew l-espansjoni fis-suq għall-assistenti bil-vuċi. Fil-fatt, dawk li wieġbu jsibuha improbabbli li se jkun hemm parteċipanti ġodda fis-suq għal assistenti bil-vuċi bi skop ġenerali fuq medda qasira ta’ żmien, minħabba li l-kostijiet tal-iżvilupp u t-tħaddim ta’ assistenti ġodda bil-vuċi għal skopijiet ġenerali huma meqjusa bħala kważi għoljin b’mod projbittiv.
(15)B’riżultat ta’ dan, ħafna mill-istrateġiji tan-negozju tar-rispondenti għall-futur qarib jiffokaw fuq l-espansjoni tal-offerta tagħhom tal-IoT għall-konsumaturi, b’mod partikolari l-aċċessibbiltà tal-apparat intelliġenti tagħhom u s-servizzi tal-IoT tal-konsumaturi, permezz tal-assistenti bil-vuċi ewlenin bi skop ġenerali 7 . L-aspettattiva ġenerali hija waħda ta’ tkabbir kontinwu jew li qed jiżdied fis-servizzi IoT tal-konsumaturi, l-apparat tad-dar intelliġenti u s-segmenti tat-tagħmir li jintlibes.
(16)Dwar is-sitwazzjoni kompetittiva, għadd kbir ta’ rispondenti jqisu l-inabbiltà li wieħed jikkompeti b’mod effettiv mal-fornituri ewlenin ta’ sistemi operattivi ta’ apparat intelliġenti (mobbli) u assistenti bil-vuċi bħala l-ostaklu ewlieni għall-iżvilupp ta’ prodotti u servizzi ġodda. Dan għaliex dawn il-kumpaniji huma integrati vertikalment u bnew l-ekosistemi tagħhom stess fi ħdan u lil hinn mis-settur tal-IoT tal-konsumaturi billi għaqqdu flimkien prodotti u servizzi ta’ partijiet terzi u integraw f’offerta ma’ għadd kbir ta’ utenti.
4Interoperabbiltà fl-ekosistemi tal-IoT tal-konsumaturi
(17)Il-kapaċità ta’ interkonnessjoni u komunikazzjoni mal-komponenti differenti ta’ ekosistema, jiġifieri l-interoperabbiltà fost apparati intelliġenti, assistenti bil-vuċi u servizzi tal-IoT tal-konsumaturi, hija essenzjali għall-użu sħiħ tal-funzjonalitajiet li ekosistema tal-IoT tal-konsumaturi tista’ toffri lill-utenti. L-interoperabbiltà bejn marki differenti hija daqstant importanti peress li tippermetti lill-utenti jibnu ekosistemi tal-IoT tal-konsumaturi bi prodotti eteroġeni, u b’hekk ittejjeb l-għażla tal-konsumatur u tipprevjeni intrappolament fi prodotti ta’ ċertu fornitur.
(18)Żewġ nodi importanti għall-konnessjoni tal-komponenti differenti tal-hardware u s-software ta’ ekosistema tal-IoT tal-konsumaturi huma a) is-sistema operattiva, li taħdem fuq l-apparat intelliġenti jew l-interfaċċi tal-utent tagħhom u b) l-assistenti bil-vuċi, li permezz tagħhom l-utenti jistgħu jaċċessaw servizzi u apparati differenti tal-Internet tal-Oġġetti tal-konsumaturi. It-tnejn huma pjattaformi tat-teknoloġija tal-IoT tal-konsumaturi 8 , li jippermettu l-komunikazzjoni bejn dawk il-komponenti tal-hardware u s-software u jżidu l-komplementarjetà tagħhom. Dawn il-pjattaformi tat-teknoloġija tal-IoT tal-konsumaturi jippermettu wkoll aċċess ċentralizzat u kontroll tal-prodotti u s-servizzi li huma jintegraw u bħala tali kellhom rwol sinifikanti fl-avvanz tal-integrazzjoni tat-teknoloġija.
(19)L-aċċess għall-pjattaformi ewlenin tat-teknoloġija tal-IoT tal-konsumaturi u l-prestazzjoni tajba fuqhom huwa meqjus essenzjali biex wieħed jikkompeti. Is-sejbiet tal-inkjesta settorjali juru li, fil-prattika, il-proċessi ta’ integrazzjoni li jippermettu l-interoperabbiltà bejn il-komponenti differenti ta’ ekosistema tal-IoT tal-konsumaturi huma xprunati l-aktar mill-fornituri ewlenin ta’ sistemi operattivi ta’ apparat intelliġenti (mobbli) u assistenti bil-vuċi, jiġifieri Amazon, Google u Apple. Dawn il-fornituri jirregolaw l-integrazzjoni mal-prodotti tagħhom billi jimponu proċessi ta’ ċertifikazzjoni, li huma jikkontrollaw unilateralment fil-biċċa l-kbira tal-każijiet. Id-diversi speċifikazzjonijiet u tipi ta’ software 9 li jippermettu l-interoperabbiltà mas-sistemi operattivi ewlenin u/jew l-assistenti bil-vuċi huma tipikament disponibbli għal partijiet terzi soġġetti għall-konklużjoni ta’ ftehimiet. Ftehimiet bħal dawn normalment ikunu termini u kundizzjonijiet standardizzati, u ġeneralment ma jkunux miftuħa għal negozjati mal-kontropartijiet, bl-eċċezzjoni ta’ atturi prominenti b’setgħa ta’ negozjar b’saħħitha.
5L-istandards u l-proċess tal-istipular tal-istandards
(20)L-istandards fis-settur tal-IoT tal-konsumaturi jinkludu dawk meħtieġa biex jiġu integrati u konnessi l-apparati u l-applikazzjonijiet, kif ukoll standards li jiżguraw il-kwalità u s-sigurtà tal-komunikazzjonijiet tal-IoT.
(21)Għadd importanti ta’ Organizzazzjonijiet li Jiżviluppaw l-Istandards (SDOs) formali, bħall-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni (CEN), il-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni Elettroteknika (CENELEC) 10 , l-Istitut Ewropew tal-Istandards tat-Telekomunikazzjoni (ETSI) 11 , kif ukoll sħubijiet privati/alleanzi indipendenti, bħalissa huma attivi fl-iżvilupp ta’ teknoloġiji li l-apparat u s-servizzi tal-IoT tal-konsumaturi jistgħu jiddependu fuqhom biex jiżguraw u jiffaċilitaw l-interoperabbiltà fis-settur. L-atturi ewlenin fis-settur tal-IoT tal-konsumaturi huma tipikament involuti f’SDOs formali kif ukoll fi sħubijiet privati/alleanzi indipendenti bħal Matter 12 jew l-Inizjattiva dwar l-Interoperabbiltà tal-Vuċi.
(22)Dawn l-SDOs u s-sħubijiet privati/alleanzi indipendenti japplikaw politiki differenti tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (IPR) għal-liċenzjar tal-ispeċifikazzjonijiet li jiżviluppaw. Filwaqt li ħafna organizzazzjonijiet, inklużi l-SDOs formali, iżommu ma’ definizzjonijiet ta’ livell għoli, tipikament limitati għal impenn ġenerali ta’ liċenzjar FRAND 13 , għadd ta’ SDOs żviluppaw aktar il-politiki tagħhom dwar l-IPR. Xi wħud minnhom jimpenjaw ruħhom għall-eżitu (pereżempju li jiggarantixxu eżitu mingħajr royalties), filwaqt li oħrajn jintroduċu regoli differenti mingħajr ma jimpenjaw ruħhom għal eżitu speċifiku, pereżempju billi joffru għażla fakultattiva (tipikament (F) impenn RAND jew patt mingħajr royalties jew mingħajr dikjarazzjoni 14 ) 15 .
(23) Is-sejbiet tal-inkjesta settorjali jindikaw li s-settur tal-IoT tal-konsumaturi huwa ambjent ferm eteroġenju f’dak li għandu x’jaqsam mal-istandards: l-apparati u s-servizzi jiddependu fuq taħlita ta’ standards miftuħa, protokolli, u teknoloġiji proprjetarji 16 u b’sors miftuħ. It-taħlita ta’ standards, teknoloġiji proprjetarji u teknoloġiji b’sors miftuħ tvarja ħafna skont is-saffi differenti tat-teknoloġija inkorporati fl-apparat u l-programmi tas-software.
(24)Tipikament, it-teknoloġiji standardizzati fis-settur tal-IoT tal-konsumaturi għadhom prevalenti fil-livell tat-teknoloġiji abilitanti bażiċi (bħal standards ta’ konnettività bħall-WiFi jew il-Bluetooth), filwaqt li l-istandards formali bħalissa mhumiex f’pożizzjoni li jikkompetu b’mod effettiv mat-teknoloġiji proprjetarji tal-fornituri ewlenin tas-sistemi operattivi u l-assistenti tal-vuċi għal tipi oħra ta’ teknoloġiji bħad-definizzjonijiet tat-tagħmir, is-saffi tal-applikazzjonijiet u l-interfaċċi tal-utenti. Barra minn hekk, ċerti teknoloġiji proprjetarji fl-oqsma koperti mill-inkjesta settorjali ġew enfasizzati bħala standards de facto, inklużi ċerti assistenti tal-vuċi, apparat tad-dar intelliġenti u apparat li jintlibes. Kważi dawk kollha li wieġbu jsibu l-interoperabbiltà sħiħa ma’ dawn it-teknoloġiji u l-ekosistemi essenzjali biex jikkompetu.
(25)Madankollu, is-sidien ta’ dawn it-teknoloġiji “essenzjali” ġeneralment jenfasizzaw li n-natura proprjetarja tagħhom ma tfissirx li kwalunkwe dritt tal-proprjetà intellettwali jipprevjeni lil partijiet terzi milli jiżviluppaw u/jew jimplimentaw teknoloġiji b’funzjonalità komparabbli.
(26)F’termini tal-evoluzzjoni futura tal-istandards fis-settur tal-IoT tal-konsumaturi, il-fehmiet tal-partijiet ikkonċernati jvarjaw. Xi wħud isejħu għal aktar standardizzazzjoni, filwaqt li oħrajn jargumentaw li l-istandardizzazzjoni mhijiex neċessarjament l-aħjar soluzzjoni għall-interoperabbiltà f’dan is-settur 17 .
6Data tal-IoT tal-Konsumaturi: aspetti relatati mal-utent u man-negozju
(27)Il-manifatturi u l-fornituri ta’ prodotti u servizzi tal-IoT tal-konsumaturi jiġbru firxa wiesgħa ta’ data, permezz tal-input manwali ta’ utent, fil-kuntest tal-użu ta’ apparat jew servizz speċifiku, jew awtomatikament, pereżempju bħala parti minnhom li jiffunzjonaw fl-isfond.
(28)It-tipi ta’ data miġbura jvarjaw skont is-segment tal-IoT tal-konsumatur. Din id-data tista’ tinkludi data personali jew data oħra tal-utent, kemm jekk fil-forma ta’ input ta’ informazzjoni mill-utenti, jew ta’ informazzjoni dwar l-imġiba tal-utent miġbura billi jitħaddem l-apparat jew billi jiġi aċċessat is-servizz. Barra minn hekk, l-apparat intelliġenti u s-servizzi tal-IoT tal-konsumaturi jiġbru data dwar kif jiffunzjonaw huma stess u dwar l-inħawi ta’ madwarhom. Pereżempju, sistema ta’ termostat jew tisħin intelliġenti tista’ tiġbor data dwar it-temperatura tad-dar u l-kwalità tal-arja, il-moviment, is-sistema tat-tisħin li tkun mixgħula u mitfija, u tista’ tirreġistra meta l-utenti jitilqu u jaslu d-dar. F’ħafna każijiet, id-data miġbura taqa’ taħt id-definizzjoni ta’ data personali għall-finijiet tar-Regolament Ġenerali tal-UE dwar il-Protezzjoni tad-Data (GDPR) 18 . Il-ġbir ta’ data minn tagħmir terminali, li huwa apparat konness ma’ netwerk pubbliku ta’ komunikazzjoni, huwa soġġett għar-regoli tal-Artikolu 5(3) tad-Direttiva dwar il-Privatezza Elettronika 19 .
(29)Is-sejbiet tal-inkjesta settorjali juru li l-kumpaniji jagħtu lill-utenti aċċess għad-data tagħhom b’modi differenti (pereżempju permezz ta’ kontijiet tal-utent, interfaċċi tal-utent, jew permezz ta’ għodod jew teknoloġija speċifiċi), skont fatturi bħat-tip ta’ apparat intelliġenti jew servizz IoT tal-konsumaturi li l-kumpanija tipprovdi u l-użu maħsub tiegħu. Il-maġġoranza tal-fornituri tas-servizzi tal-IoT tal-konsumaturi u tal-manifatturi tal-apparat intelliġenti mistħarrġa jindikaw li dawn jippermettu lill-utenti jaċċessaw u jniżżlu d-data personali tagħhom sabiex ikunu jistgħu jibagħtuha lil fornituri ta’ servizzi u manifatturi ta’ apparati oħrajn skont l-Artikolu 20 tal-GDPR.
(30)Xi fornituri tas-servizzi tal-IoT għall-konsumaturi jiddikjaraw ukoll li d-data tagħhom tista’ tiġi ttrasferita direttament minn fornitur ta’ servizz għal ieħor billi d-data tiġi trasferita awtomatikament bejn l-applikazzjonijiet taż-żewġ fornituri tas-servizzi, f’konformità mal-Artikolu 20(2) tal-GDPR. Madankollu, tali portabbiltà diretta tad-data bejn kumpaniji differenti (jew kontrolluri tad-data) mhijiex komuni.
(31)B’mod partikolari, il-possibbiltajiet tal-portabbiltà tad-data jidhru li huma aktar limitati għal data miġbura permezz ta’ assistenti bil-vuċi. Raġuni waħda mressqa hija li l-kmandi tal-vuċi jistgħu ma jiġux importati faċilment f’assistenti oħra tal-vuċi. Barra minn hekk, diversi rispondenti jispjegaw li l-fornituri ta’ assistenti tal-vuċi huma parti mill-ekosistema tagħhom stess u jillimitaw it-trasferiment u l-portabbiltà tad-data barra minn din l-ekosistema.
(32)Fir-rigward tal-aspetti relatati man-negozju 20 tad-data tal-IoT tal-konsumaturi, is-sejbiet tal-inkjesta settorjali jindikaw li l-flussi tad-data bejn il-partijiet differenti tal-ekosistema tal-IoT tal-konsumatur tipikament għandhom natura funzjonali ħafna. Huma mfassla biex is-sistema taħdem tajjeb għall-utent, pereżempju billi jipproċessaw u jeżegwixxu kmand tal-vuċi.
(33)Tipi oħra ta’ data li jistgħu jiġu kondiviżi bejn il-kumpaniji jinkludu data mhux aggregata b’rabta ma’ żbalji u data aggregata dwar il-prestazzjoni. Meta data miġbura minn kumpanija waħda tkun tista’ tiġi aċċessata minn parti terza, din id-data normalment issir disponibbli permezz ta’ dashboards ċentrali. Meta d-data personali tiġi kondiviża, pereżempju billi jingħaqdu diversi kontijiet tal-utent, ikun meħtieġ il-kunsens ta’ dak l-utent.
(34)Anke fin-nuqqas ta’ kondiviżjoni attiva tad-data, xi atturi tal-IoT tal-konsumaturi għandhom aċċess għad-data fir-rigward tal-attivitajiet ta’ parti terza. Dawn huma tipikament il-fornitur tas-sistema operattiva tal-apparat intelliġenti u/jew il-fornitur tal-assistent tal-vuċi, li jistgħu jiġbru ċerta informazzjoni dwar l-interazzjoni tal-utent ma’ pereżempju servizz IoT tal-konsumaturi minħabba l-pożizzjoni tagħhom f’ekosistema tal-IoT tal-konsumaturi.
(35)Ma hemmx formati standardizzati fl-industrija kollha għall-ġbir u l-kondiviżjoni tad-data bejn il-kumpaniji tal-IoT tal-konsumaturi. Id-data tipikament tiġi pproċessata jew f’format proprjetarju speċifiku għall-kumpanija jew f’format ta’ fajl mhux standardizzat iżda komunement użat. L-APIs 21 u/jew l-SDKs 22 ta’ kumpanija waħda (pereżempju l-fornitur tal-assistent tal-vuċi) spiss jiddeterminaw liema formati tad-data għandhom jintużaw u jista’ jkun fihom ukoll dispożizzjonijiet rilevanti dwar l-ipproċessar tad-data u l-kondiviżjoni tad-data.
(36)Bosta dispożizzjonijiet kuntrattwali jidhru li jirregolaw aspetti relatati man-negozju tad-data tal-IoT tal-konsumaturi. Tali ftehimiet jistgħu jinkludu klawżoli fir-rigward tal-protezzjoni, l-ipproċessar, il-ħżin u l-użu tad-data personali. Il-politika tal-privatezza ta’ kull kumpanija hija rilevanti wkoll għall-ġestjoni (tal-fluss) tad-data. B’mod ġenerali, is-sejbiet tal-inkjesta settorjali jindikaw li ċerti atturi tal-IoT tal-konsumaturi, b’mod partikolari l-fornituri ewlenin tal-assistenti vokali, jistgħu jimponu termini u kundizzjonijiet standard li jillimitaw l-aċċess għad-data u l-użu tagħha għal partijiet terzi, filwaqt li huma stess ikollhom aċċess estensiv għad-data u possibbiltajiet ta’ użu assoċjati.
(37)Fir-rigward tal-każijiet tal-użu tad-data fil-kumpaniji tal-IoT tal-konsumaturi, dawk li wieġbu jirrapportaw li jużaw id-data miġbura għal: (i) il-funzjonament normali tal-prodotti u s-servizzi tal-IoT tal-konsumaturi; (ii) il-personalizzazzjoni tal-esperjenza tal-utent; (iii) l-analitika tan-negozju; (iv) il-manutenzjoni u l-iżvilupp tal-prodott; u (v) diversi każijiet oħra ta’ użu (pereżempju l-komunikazzjoni tal-kummerċjalizzazzjoni, is-sikurezza u l-prevenzjoni tal-frodi).
(38)Dawk li wieġbu jirrapportaw li ma jitolbux ħlas lil partijiet terzi talli jagħmlu d-data disponibbli. Madankollu, huma jirreferu għar-reklamar diġitali u għat-tfassil ta’ profili tal-utenti bħala possibbiltajiet ta’ monetizzazzjoni. L-użu tad-data tal-IoT tal-konsumaturi għal finijiet ta’ reklamar diġitali jista’ jkun ta’ valur partikolari għal dawk l-atturi ewlenin tal-IoT tal-konsumaturi b’negozju eżistenti ta’ reklamar diġitali. Il-pervażività tal-apparati intelliġenti u tas-servizzi tal-IoT tal-konsumaturi fid-djar tal-utenti u fil-ħajja personali tista’ żżid il-valur tad-data tal-IoT tal-konsumaturi għall-finijiet tat-tfassil ta’ profili tal-utenti. Madankollu, dawk li wieġbu jindikaw li din l-opportunità ta’ negozju għadha mhix avvanzata ħafna u jeħtieġ li tikkonforma mar-regoli tal-protezzjoni tad-data.
7Tħassib ewlieni relatat mal-kompetizzjoni u tħassib ieħor identifikat
(39)It-tweġibiet għall-inkjesta settorjali jindikaw varjetà ta’ tħassib dwar prattiki li potenzjalment jista’ jkollhom impatt negattiv fuq il-kompetizzjoni, l-innovazzjoni u l-għażla tal-konsumatur fis-settur tal-IoT tal-konsumaturi fl-UE.
(40)L-ewwel nett, fir-rigward tal-interoperabbiltà, dawk li wieġbu qajmu tħassib speċifiku fir-rigward ta’ żewġ kwistjonijiet ewlenin. L-ewwel nett, il-proċessi ta’ integrazzjoni huma fil-biċċa l-kbira ddeterminati mill-preżenza ta’ ftit fornituri ta’ assistenti proprjetarji ewlenin tal-vuċi u sistemi operattivi rilevanti għas-settur tal-IoT tal-konsumaturi. Dawn il-kumpaniji jistgħu jiddeterminaw b’mod indipendenti r-rekwiżiti meħtieġa biex tinkiseb l-interoperabbiltà mat-teknoloġija proprjetarja tagħhom permezz ta’ termini u kundizzjonijiet regolati b’mod unilaterali, rekwiżiti tekniċi u proċessi ta’ ċertifikazzjoni. It-tieni u b’rabta ma’ dan, billi jirregolaw b’mod unilaterali l-proċessi tal-interoperabbiltà u l-integrazzjoni, jistgħu wkoll ikunu jistgħu jillimitaw il-funzjonalitajiet ta’ apparati intelliġenti ta’ partijiet terzi u servizzi tal-IoT għall-konsumaturi, meta mqabbla ma’ tagħhom stess, billi jimponu restrizzjonijiet tekniċi, bħall-APIs limitati.
(41)It-tieni, dawk li wieġbu għad-diversi kwestjonarji identifikaw tħassib fir-rigward tal-istandardizzazzjoni. Dawn jirrigwardaw b’mod partikolari l-proċess ta’ standardizzazzjoni, ir-regoli tal-SDOs dwar is-sħubija u l-parteċipazzjoni, id-dikjarazzjonijiet essenzjali standard tal-privattivi 23 , il-politiki tal-IPR u t-termini tal-liċenzjar. Filwaqt li dan it-tħassib mhuwiex speċifiku għas-segmenti koperti mill-inkjesta settorjali, ix-xenarju kumpless ta’ standardizzazzjoni flimkien ma’ xenarju frammentat simili ta’ teknoloġiji proprjetarji huwa rrappurtat li jaffettwa b’mod negattiv il-potenzjal ta’ tkabbir tas-segmenti tal-IoT għall-konsumaturi. B’mod ġenerali, dawk li wieġbu esprimew il-fehma li l-kumpaniji ewlenin tat-teknoloġija fil-biċċa l-kbira huma minn ta’ quddiem f’dak li għandu x’jaqsam ma’ soluzzjonijiet teknoloġiċi. Dan jista’ jippermettilhom li jisfruttaw is-saħħa tagħhom fis-suq bħala sidien ta’ privattivi fi swieq downstream u jista’ jorbot lill-utenti f’ekosistemi proprjetarji. Dan jista’ jwassal għall-kontinwazzjoni ta’ xenarju teknoloġiku frammentat u jżid l-ostakli għall-komunikazzjoni bejn is-sistemi. Barra minn hekk, ħafna minn dawk li wieġbu jissuġġerixxu li tali perpetwazzjoni ta’ ekosistemi paralleli tippermetti lill-ekosistemi l-kbar marġni sinifikanti ta’ kontroll fuq il-livell u l-kwalità tal-interoperabbiltà bejn is-sistemi.
(42)It-tielet, fir-rigward tad-data, il-manifatturi tat-tagħmir intelliġenti u l-fornituri tas-servizzi tal-IoT tal-konsumaturi jesprimu tħassib dwar il-pożizzjoni tal-assistenti bil-vuċi fiċ-ċentru tal-ġbir tad-data fl-IoT tal-konsumaturi. Tħassib partikolari huwa li l-fornituri ta’ assistenti tal-vuċi jistgħu jikkontrollaw mhux biss il-flussi tad-data u r-relazzjonijiet mal-utenti, iżda jistgħu wkoll jisfruttaw dawn il-vantaġġi fi swieq kontigwi, jiġifieri l-forniment ta’ prodotti u servizzi oħra tal-IoT għall-konsumaturi. Barra minn hekk, manifatturi u fornituri ta’ servizzi terzi jqisu li l-limiti fuq id-data li jirċievu mill-fornituri ewlenin tal-assistenti vokali jfixkluhom fl-iżvilupp tan-negozju tagħhom stess.
(43)F’termini ta’ kondiviżjoni tad-data, huwa importanti li jitqiesu l-kunsiderazzjonijiet tal-privatezza bħala mezz biex jinżammu l-fiduċja tal-konsumatur, il-kunfidenzjalità, l-aċċess għad-data u l-integrità tagħha. Madankollu, it-talbiet għall-protezzjoni tal-privatezza jistgħu jintużaw ukoll mill-atturi tas-suq biex jiġġustifikaw l-“illokkjar” ta’ ċerta data għalihom infushom.
(44)Barra minn hekk, dan l-aċċess privileġġat għal volumi kbar ta’ data jista’ jippermetti lill-fornituri ewlenin ta’ assistenti vokali biex itejbu l-kwalità tal-assistent tal-vuċi/it-teknoloġija tar-rikonoxximent tal-vuċi tagħhom b’mod aktar faċli permezz ta’ taħriġ algoritmiku u tagħlim awtomatiku. In-nuqqas ta’ aċċess għal tali data jista’ joħloq ostakli għal parteċipanti ġodda fis-suq tal-assistenti vokali u jfixkel l-iżvilupp ta’ kompetituri iżgħar f’dak is-suq. Bħala tħassib finali relatat mad-data, għadd ta’ rispondenti indikaw li l-opportunitajiet ta’ monetizzazzjoni tad-data identifikati huma mistennija li jkunu ta’ benefiċċju għall-fornituri ewlenin ta’ pjattaformi tat-teknoloġija IoT tal-konsumaturi u, b’mod partikolari, il-ftit atturi tal-IoT tal-konsumaturi li diġà huma preżenti fis-suq tar-reklamar diġitali. Skont xi wħud minn dawk li wieġbu, id-data miġbura minn prodotti u servizzi tal-IoT għall-konsumaturi tippermetti lil dawn il-kumpaniji jattribwixxu spazju għar-reklamar lil partijiet terzi li jirreklamaw b’mod aktar preċiż filwaqt li jqisu l-preferenzi tal-utenti.
(45)Ir-raba’, xi wħud minn dawk li wieġbu qajmu għadd ta’ tħassib potenzjali dwar il-kompetizzjoni fir-rigward tal-karatteristiċi “out-the-box” li huma disponibbli għall-utenti. Is-sejbiet tal-inkjesta settorjali jiżvelaw l-eżistenza ta’ prattiki fir-rigward ta’ qabel l-installazzjoni, l-issettjar inadempjenti u t-tqegħid prominenti tas-servizzi tal-IoT tal-konsumatur fuq apparati intelliġenti jew fir-rigward ta’ assistenti bil-vuċi. Filwaqt li prattiki bħal dawn jista’ jkollhom benefiċċji potenzjali għall-utenti (pereżempju f’termini ta’ konvenjenza), dawn jistgħu jiddeterminaw ukoll fil-biċċa l-kbira l-kapaċità ta’ skoperta, il-viżibbiltà u l-faċilità tas-sejbien ta’ servizz IoT tal-konsumaturi, u jagħtu vantaġġi kompetittivi lill-fornitur ta’ servizz li jkun installat minn qabel, issettjat bħala prestabbilit, jew inkella jingħata tqegħid prominenti. Is-servizzi allegatament favoriti b’dan il-mod ħafna drabi huma s-servizzi proprjetarji tal-fornituri ewlenin ta’ pjattaformi tat-teknoloġija tal-IoT tal-konsumaturi, jew dawk ta’ fornituri kbar ta’ servizzi internazzjonali ta’ kontenut kreattiv, għad-detriment ta’ atturi iżgħar u/jew lokali.
(46)Il-ħames, tqajjem tħassib dwar tentattivi minn fornituri ewlenin ta’ assistenti vokali biex jiżguraw l-esklussività tal-assistent vokali tagħhom fuq ċertu apparat intelliġenti jew biex jipprevjenu l-użu simultanju ta’ assistenti bil-vuċi. Xi manifatturi tal-apparat intelliġenti jirrapportaw ukoll li l-fornituri ta’ assistenti bil-vuċi se jilliċenzjaw biss l-assistenti tal-vuċi tagħhom flimkien ma’ tipi oħra ta’ software, teknoloġija jew applikazzjonijiet u mhux fuq bażi awtonoma.
(47)Is-sitta, dawk li wieġbu qajmu diversi tħassib dwar ir-rwol tal-fornituri ewlenin ta’ assistenti bil-vuċi u sistemi operattivi ta’ apparat intelliġenti bħala intermedjarji bejn l-utent u l-apparat intelliġenti jew is-servizzi tal-IoT tal-konsumaturi li huma kontrollabbli u aċċessibbli permezz tal-assistent tal-vuċi u/jew tas-sistema operattiva. L-ewwel sett ta’ tħassib huwa relatat mal-kontroll li dawn il-fornituri għandhom fuq ir-relazzjoni tal-utent u l-esperjenza tal-utent. B’riżultat ta’ dan, dawk li wieġbu jibżgħu li se jitilfu r-rikonoxximent tal-marka kummerċjali tagħhom u r-relazzjoni diretta tagħhom mal-utenti. It-tieni sett ta’ tħassib huwa relatat ma’ kif dawn il-fornituri jikkontrollaw l-aċċess għas-servizzi tal-IoT tal-konsumaturi u d-data relatata. It-tielet sett ta’ tħassib huwa relatat mal-prestazzjoni u l-proċessi tekniċi. Pereżempju, dawk li wieġbu jindikaw li huma dipendenti fuq l-appoġġ tekniku pprovdut mill-assistenti bil-vuċi u mill-fornituri tas-sistemi operattivi kif ukoll mill-avviż bil-quddiem f’waqtu tal-aġġornamenti tas-software u aġġornamenti oħra. B’kuntrast ma’ dan, il-fornituri ewlenin tal-pjattaformi tat-teknoloġija tal-IoT tal-konsumaturi jikkontrollaw bis-sħiħ l-esperjenza relatata mal-prodotti u s-servizzi tal-ewwel parti tagħhom mill-bidu nett tal-interazzjoni tal-utent, jiġbru d-data rilevanti tal-utenti u fil-biċċa l-kbira tal-każijiet ma jiddependux fuq parti terza biex issolvi kwistjonijiet tekniċi.
(48)Barra minn hekk, ir-riżultati tal-inkjesta settorjali juru li l-ftehimiet IoT tal-konsumaturi rilevanti fihom varjetà ta’ klawżoli, pereżempju fir-rigward tat-terminazzjoni. Skont dawk li wieġbu, dawn jamplifikaw l-iżbilanċi kummerċjali bejn atturi iżgħar u l-fornituri ewlenin tal-pjattaforma tat-teknoloġija tal-IoT tal-konsumaturi.
8Konklużjonijiet ta’ politika dwar l-inkjesta settorjali tal-IoT tal-konsumaturi
(49)Is-sejbiet tal-inkjesta settorjali jikkonfermaw it-tkabbir rapidu tas-swieq tal-IoT għall-konsumaturi, iżda jidentifikaw ukoll tħassib potenzjali mressaq minn dawk li wieġbu għall-kwestjonarji kif ukoll fis-sottomissjonijiet għall-konsultazzjoni pubblika.
(50)F’termini ta’ azzjoni ta’ segwitu potenzjali biex jiġi indirizzat dak it-tħassib, diversi sottomissjonijiet għall-konsultazzjoni pubblika enfasizzaw il-ħtieġa kemm għall-infurzar tal-liġi tal-kompetizzjoni kif ukoll għar-regolamentazzjoni fir-rigward tat-tħassib identifikat.
(51)Fejn it-tħassib identifikat jidher li huwa r-riżultat ta’ prattiki potenzjalment antikompetittivi, il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li tiftaħ investigazzjonijiet speċifiċi għall-każ skont l-Artikoli 101 u 102 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Kull miżura tal-infurzar tal-kompetizzjoni li toriġina mill-inkjesta settorjali jkollha tkun ibbażata fuq valutazzjoni każ b’każ.
(52)Ir-riżultati tal-inkjesta settorjali jinfurmaw ukoll il-ħidma ulterjuri tal-Kummissjoni fl-implimentazzjoni tal-istrateġija diġitali tagħha 24 . B’mod partikolari, dawn se jikkontribwixxu għall-istrateġija ta’ standardizzazzjoni 25 tal-Kummissjoni u għall-inizjattivi leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi li ġejjin li għandhom l-għan li jiċċaraw u jtejbu l-qafas tal-privattiva essenzjali għall-istandard (SEP) 26 . Is-sejbiet tal-inkjesta settorjali se jikkontribwixxu wkoll għad-dibattitu leġiżlattiv li għaddej dwar il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Att dwar is-Swieq Diġitali 27 (DMA) u speċifikament f’xi wħud mill-obbligi proposti.
L-IoT industrijali mhuwiex fl-ambitu tal-inkjesta settorjali. Waħda mill-karatteristiċi speċjali tal-IoT tal-konsumaturi hija li t-tip ta’ data miġbura minn apparati intelliġenti tipikament tinkludi data personali. L-iżvilupp ta’ dan is-settur jista’ għalhekk ikun mistenni li jkollu impatt partikolarment sinifikanti kemm direttament fuq il-konsumaturi kif ukoll fuq is-soċjetà kollha kemm hi. Il-karozzi konnessi wkoll mhumiex parti minn din l-inkjesta settorjali minħabba l-karatteristiċi regolatorji u fattwali distintivi tagħhom.
Transforma Insights (22 ta’ Diċembru 2020), ‘Internet of Things (IoT) revenue worldwide from 2019 to 2030 (in billion U.S. dollars), by vertical’ [Graph], Statista, miġbura fit-23 ta’ Marzu 2021, minn https://www.statista.com/statistics/1183471/iot-revenue-worldwide-by-vertical/
Statista (11 ta’ Settembru 2020), ‘Smart Home - revenue forecast in Europe from 2017 to 2025 (in million U.S. dollars)’ [Tabella], Statista, miġbura fit-23 ta’ Marzu 2021, minn https://www.statista.com/forecasts/528116/revenue-in-the-smart-home-market-in-europe
Il-Kummissjoni Ewropea, Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni: Rapport Preliminari – Inkjesta Settorjali dwar l-Internet tal-Oġġetti tal-konsumaturi (SWD (2021) 144 final), Il-Kummissjoni Ewropea, Brussell, 9 ta’ Ġunju 2021, li tista’ tinkiseb minn https://ec.europa.eu/competition-policy/system/files/2021-06/internet_of_things_preliminary_report.pdf
Kummissjoni Ewropea, Konsultazzjonijiet pubbliċi - Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni - Rapport Preliminari - Inkjesta Settorjali dwar l-Internet tal-Oġġetti għall-Konsumatur, aċċessibbli minn https://ec.europa.eu/competition-policy/public-consultations/2021-internet-things_en
Pereżempju, “apparati intelliġenti” ġew definiti għall-finijiet ta’ din l-inkjesta settorjali bħala apparati elettroniċi mingħajr fili tal-Internet tal-Oġġetti tal-konsumaturi, bħal apparati li jintlibsu, smart speakers u apparati domestiċi intelliġenti oħra, li kapaċi jaqbdu ma’ apparati jew networks oħra, jiskambjaw data magħhom u joperaw sa ċertu punt b’mod interattiv u awtonomu. Din id-definizzjoni ma tinkludix apparat mobbli intelliġenti (jiġifieri smartphones u tablets).
L-assistenti bil-vuċi bi skop ġenerali jippermettu lill-utenti jaċċessaw firxa wiesgħa ta’ funzjonijiet, pereżempju jisimgħu l-mużika, jikkontrollaw l-apparat tad-dar intelliġenti, jipprovdu informazzjoni, jew jgħinu fl-ippjanar u l-eżekuzzjoni ta’ rutini ta’ kuljum.
Għall-finijiet ta’ din l-inkjesta settorjali, pjattaforma tat-teknoloġija tal-IoT tal-konsumaturi hija s-soluzzjoni teknoloġika sottostanti għall-integrazzjoni tas-servizzi tal-IoT tal-konsumaturi u tal-apparat intelliġenti f’sistema konnessa, b’mod partikolari l-assistenti bil-vuċi u s-sistemi operattivi tat-tagħmir intelliġenti. L-atturi tal-IoT tal-konsumaturi jiżviluppaw applikazzjonijiet speċifiċi biex jagħmlu s-servizzi u l-apparati tagħhom kompatibbli ma’ dawn il-pjattaformi tat-teknoloġija tal-IoT tal-konsumaturi.
Għalkemm ma hemm l-ebda approċċ komuni għall-integrazzjoni, l-interoperabbiltà, minn perspettiva teknika, hija ġeneralment ibbażata fuq interfaċċi għall-ipprogrammar tal-applikazzjonijiet (APIs), żviluppati jew magħmula disponibbli minn waħda mill-partijiet, li jippermettu l-iskambji ta’ data u funzjonalitajiet permezz ta’ interfaċċi tas-software. Il-partijiet ta’ spiss jagħmlu disponibbli kits għall-iżvilupp ta’ software (SDKs) u speċifikazzjonijiet tekniċi tal-hardware biex jiffaċilitaw l-implimentazzjoni.
Is-CEN u s-CENELEC huma żewġ organizzazzjonijiet internazzjonali privati distinti mingħajr skop ta’ qligħ. Huma wkoll organizzazzjonijiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni uffiċjali rikonoxxuti mill-UE u mill-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles (EFTA) bħala responsabbli għall-iżvilupp u d-definizzjoni ta’ standards volontarji fil-livell Ewropew. Il-membri tas-CEN u tas-CENELEC huma l-korpi nazzjonali tal-istandards u l-Kumitati Elettrotekniċi Nazzjonali fl-UE, l-EFTA u l-pajjiżi kandidati uffiċjali tal-UE.
ETSI hija organizzazzjoni ewlenija ta’ standardizzazzjoni għall-istandards tat-Teknoloġija tal-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni (ICT). Hija organizzazzjoni Ewropea tal-istandardizzazzjoni rikonoxxuta uffiċjalment. L-ETSI għandha aktar minn 900 organizzazzjoni membru madwar id-dinja, magħżula minn 65 pajjiż u ħames kontinenti. Il-membri jinkludu grupp varjat ta’ kumpaniji privati żgħar u kbar, korpi ta’ riċerka, akkademiċi, u organizzazzjonijiet governattivi u pubbliċi.
Preċedentement magħruf bħala l-Proġett CHIP.
Liċenzjar ġust, raġonevoli u mhux diskriminatorju. Il-liċenzjar jingħata wkoll b’mod komuni fuq termini RAND (raġonevoli u mhux diskriminatorji).
Ftehim biex ma titfittixx li tiġi infurzata privattiva jew dritt ieħor ta’ proprjetà intellettwali kontra parti jew partijiet oħra.
L-aktar approċċi tipiċi tal-SDOs huma (i) FRAND/RAND jew impenn raġonevoli ieħor ta’ liċenzjar mhux diskriminatorju, (ii) liċenzjar mingħajr royalties biss, tipikament b’termini oħra li jkunu (F)RAND, (iii) liċenzjar mingħajr royalties bil-possibbiltà ta’ esklużjoni u (iv) impenn favur jew FRAND/RAND, jew liċenzjar mingħajr royalties, jew patt ta’ noninvokazzjoni.
Għall-finijiet ta’ dan ir-rapport, teknoloġija proprjetarja tirreferi għal teknoloġija proprjetà ta’ kumpanija u mhux soġġetta għal liċenzja ta’ sors miftuħ. It-teknoloġija proprjetarja tista’ tkun liċenzjabbli jew mhux liċenzjabbli lil partijiet terzi.
Madwar 60 % ta’ dawk li wieġbu għall-kwestjonarji differenti jesprimu l-ħtieġa għal aktar standardizzazzjoni fl-IoT tal-konsumaturi (bħalma huma tipikament il-fornituri tas-servizzi tat-telekomunikazzjoni, iżda wkoll diversi manifatturi ta’ apparat intelliġenti u fornituri ta’ servizzi tal-IoT), filwaqt li madwar 40 % ma jipprijoritizzawx aktar standardizzazzjoni fuq żviluppi proprjetarji (bħal tipikament is-sidien ta’ teknoloġiji proprjetarji ewlenin, iżda wkoll diversi rispondenti oħrajn).
Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1–88.
Id-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika), ĠU L 201, 31.7.2002, p. 37, kif emendata bid-Direttiva 2009/136/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009, ĠU L 337, 18.12.2009, p. 11.
Tali aspetti relatati man-negozju jinkludu (i) iċ-ċirkostanzi li fihom id-data tgħaddi bejn apparati, servizzi u/jew assistenti tal-vuċi ta’ parti terza, (ii) kif id-data tiġi pproċessata u x’format tieħu, (iii) l-iskopijiet li għalihom il-kumpaniji rispondenti jużaw id-data, u (iv) jekk u sa liema punt ir-rispondenti jimmonetizzaw id-data li jiġbru.
Ara n-nota 9 f’qiegħ il-paġna.
Ara n-nota 9 f’qiegħ il-paġna.
Privattivi standard essenzjali huma privattivi li jkopru teknoloġija li għaliha jagħmel referenza standard u li l-implimentaturi tal-istandard ma jistgħux jevitaw li jużaw.
L-inkjesta settorjali tħabbret fil-Komunikazzjoni dwar Insawru l-futur diġitali tal-Ewropa tal-Kummissjoni, il-Lussemburgu, l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 2020, li tista’ tinkiseb minn https://ec.europa.eu/info/sites/default/files/communication-shaping-europes-digital-future-feb2020_en_4.pdf
F’Ġunju 2021, il-Kummissjoni ppubblikat il-pjan direzzjonali tagħha għall-istrateġija ta’ standardizzazzjoni li jmiss, li jista’ jinkiseb minn https://ec.europa.eu/info/law/better-regulation/have-your-say/initiatives/13099-Standardisation-strategy_en
Għal aktar informazzjoni dwar dawn l-inizjattivi: https://ec.europa.eu/growth/industry/policy/intellectual-property/patents/standards_en
Il-Kummissjoni Ewropea. Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar swieq kontestabbli u ġusti fis-settur diġitali (l-Att dwar is-Swieq Diġitali) (COM/2020/842 final). Il-Kummissjoni Ewropea, Brussell, 15 ta’ Diċembru 2020, li tista’ tinkiseb minn https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX:52020PC0842