Brussell, 13.1.2022

COM(2022) 7 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar l-eżerċizzju ta’ delega ta’ setgħat lill-Kummissjoni biex tadotta atti delegati, skont l-Artikoli 5(1) u 50 tad-Direttiva 2016/797/UE


1. Introduzzjoni

L-Artikoli 5(1) u 50 tad-Direttiva 2016/797/UE 1 taw setgħat lill-Kummissjoni biex tadotta atti delegati. Dawn is-setgħat ingħataw lill-Kummissjoni għal perjodu ta’ ħames snin mill-15 ta’ Ġunju 2016 u jenħtieġ li jiġu estiżi b’mod taċitu għal perjodi ta’ durata identika.

2. Bażi ġuridika tar-rapport

Skont l-Artikolu 50(2) tad-Direttiva 2016/797/UE, jenħtieġ li l-Kummissjoni tfassal rapport fir-rigward tad-delega tas-setgħat previsti, mhux aktar tard minn disa’ xhur qabel it-tmiem tal-perjodu ta’ ħames snin, għaldaqstant qabel il-15 ta’ Settembru 2020. Il-Kummissjoni tirrikonoxxi bis-sħiħ u jiddispjaċiha ħafna għas-sottomissjoni tard ta’ dan ir-rapport.

3. Eżerċizzju tad-delega

It-tabella li ġejja turi l-miżuri speċifiċi skont is-setgħat rilevanti:

Setgħat mogħtija fid-
Direttiva 2016/797/UE

Deskrizzjoni tas-setgħat tal-att delegat

Artikolu 5(1)

Il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 50 dwar:

·L-ambitu ġeografiku u tekniku tal-Ispeċifikazzjonijiet Tekniċi ta’ Interoperabbiltà

·Ir-rekwiżiti essenzjali applikabbli

·Il-lista ta’ kundizzjonijiet regolatorji, tekniċi u operazzjonali li għandhom jiġu armonizzati fuq il-livell tas-subsistemi u fuq il-livell tal-interfaċċi bejn is-subsistemi u l-livell ta’ armonizzazzjoni mistenni tagħhom

·Il-proċeduri ferrovjarji speċifiċi għall-valutazzjoni tal-verifika “KE” tas-subsistemi

·Il-kategoriji ta’ persunal involut fl-operazzjoni u l-manutenzjoni tas-subsistemi kkonċernati u l-objettivi ġenerali għall-istabbiliment ta’ rekwiżiti minimi għall-kwalifiki professjonali u għall-kundizzjonijiet ta’ saħħa u sikurezza għall-persunal ikkonċernat

·Kull element meħtieġ ieħor li għandu jitqies biex tiġi żgurata l-interoperabbiltà skont l-Artikolu 1(1) u (2) fis-sistema ferrovjarja tal-Unjoni, bħall-allinjament tat-TSI ma’ standards jew speċifikazzjonijiet Ewropej u internazzjonali

Il-Kummissjoni eżerċitat is-setgħa tagħha biex tadotta d-Deċiżjoni Delegata tal-Kummissjoni (UE) 2017/1474 tat-8 ta’ Ġunju 2017 li tissupplimenta d-Direttiva (UE) 2016/797 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill b’rabta mal-objettivi speċifiċi għall-abbozzar, l-adozzjoni u r-reviżjoni tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għall-interoperabbiltà.

Id-Direttiva (UE) 2016/797 tistabbilixxi l-kontenut u xi objettivi ġenerali tal-Ispeċifikazzjonijiet Tekniċi għall-Interoperabbiltà. Id-Deċiżjoni Delegata tistabbilixxi sett koerenti ta’ objettivi speċifiċi li jenħtieġ li jkunu integrati fl-Ispeċifikazzjonijiet Tekniċi ta’ Interoperabbiltà sabiex itejbu l-interoperabbiltà filwaqt li jagħmlu possibbli l-faċilitazzjoni, it-titjib u l-iżvilupp tas-servizzi tat-trasport ferrovjarju fl-Unjoni u ma’ pajjiżi terzi u jikkontribwixxu għat-tlestija taż-żona ferrovjarja unika Ewropea u għall-kisba progressiva tas-suq intern.

L-Ispeċifikazzjonijiet Tekniċi ta’ Interoperabbiltà koperti mid-Deċiżjoni Delegata huma:

·TSI tar-Rolling Stock — Lokomottivi u Passiġġiera

·TSI tad-WAG

·TSI tal-Istorbju

·TSI tal-Kontroll-Kmand u Sinjalazzjoni

·TSI tal-Enerġija

·TSI tal-Infrastruttura

·TSI tal-Passiġġiera b’Diżabbiltà u Mobbiltà Mnaqqsa

·TSI tal-Operazzjoni u tal-Ġestjoni tat-Traffiku

·TSI tas-Sikurezza fil-Mini Ferrovjarji

·TSI tal-Applikazzjonijiet Telematiċi għas-servizzi tal-Passiġġieri

·TSI tal-Applikazzjonijiet Telematiċi għas-servizzi tal-Merkanzija

4. Konklużjoni

Permezz ta’ dan ir-rapport, il-Kummissjoni tikkonforma mal-obbligu ta’ rapportar skont l-Artikolu 50(2) tad-Direttiva 2016/797/UE.

Il-Kummissjoni tistieden lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew sabiex jieħdu nota ta’ dan ir-rapport.

(1)

  Id-Direttiva (UE) 2016/797 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2016 dwar l-interoperabbiltà tas-sistema ferrovjarja fl-Unjoni Ewropea, ĠU L 138, 26.5.2016, p. 44