IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 6.1.2022
COM(2022) 2 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 692/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istatistika Ewropea dwar it-turiżmu
Werrej
1.Sfond
2.Kisbiet u titjib ewlenin
3.Informazzjoni ewlenija dwar l-istatistika Ewropea dwar it-turiżmu
4.Atti delegati u miżuri ta’ implimentazzjoni
5.Implimentazzjoni tar-Regolament
5.1.Rilevanza
5.2.Akkuratezza
5.3.Tempestività u puntwalità
5.4.Aċċessibbiltà u ċarezza
5.5.Komparabbiltà
5.6.Koerenza
6.Piż u kosteffettività
7.Prospettiva
1.Sfond
Ir-Regolament (UE) Nru 692/2011 dwar l-istatistika Ewropea dwar it-turiżmu (“ir-Regolament”) stabbilixxa qafas komuni għall-iżvilupp, il-produzzjoni u d-disseminazzjoni sistematiċi tal-istatistika dwar it-turiżmu fl-Unjoni Ewropea. Dan irrifletta l-bidliet fl-ekonomija tat-turiżmu u fl-imġiba tat-turisti li seħħew mid-dħul fis-seħħ tad-Direttiva tal-Kunsill 95/57/KE u indirizza l-bidliet li rriżultaw mill-ħtiġijiet tal-utent.
L-Artikolu 7 tar-Regolament jgħid li, kull ħames snin, “il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport ta’ evalwazzjoni dwar l-istatistika miġbura abbażi ta’ dan ir-Regolament, u b’mod partikolari, dwar ir-rilevanza tagħha u l-piż fuq is-settur tan-negozju”.
L-ewwel rapport ta’ evalwazzjoni nħareġ fl-2016 u dan huwa t-tieni rapport ta' dan it-tip. Jagħti ħarsa ġenerali lejn l-istatistika Ewropea dwar it-turiżmu, b’mod partikolari:
-ir-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament (it-Taqsima 2);
-ir-raġunament għall-miżuri ta’ implimentazzjoni u l-atti delegati adottati mill-ewwel rapport (it-Taqsima 3).
Barra minn hekk, huwa jiddiskuti kif jiġi implimentat ir-Regolament, b’referenza għall-kriterji tal-kwalità stabbiliti għall-istatistika uffiċjali (it-Taqsima 4), u jħares lejn il-miżuri meħuda sabiex jitnaqqas il-piż fuq in-negozji (it-Taqsima 5). Fl-aħħar nett, ir-rapport jesplora r-reviżjoni possibbli tal-qafas legali attwali bil-għan li tiġi mmodernizzata l-istatistika dwar it-turiżmu (it-Taqsima 6).
2.Kisbiet u titjib ewlenin
-Il-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mill-qrib mas-sħab tagħha fis-Sistema Ewropea tal-Istatistika, teżegwixxi r-Regolament b’mod effettiv. Dan l-aħħar, il-qafas statistiku għen ukoll sabiex jintlaħqu l-ħtiġijiet tal-utenti li jimmonitorjaw l-impatt tal-COVID-19 fuq is-settur tat-turiżmu.
-L-għodod għall-adozzjoni ta’ atti delegati għenu biex jittejjeb il-livell ta’ dettall u t-tempestività tad-data disponibbli.
-Kull tliet snin saru studji pilota dwar il-kontijiet satellita tat-turiżmu (TSA), li jistgħu jwasslu għall-integrazzjoni tat-TSA meta jiġi mmodernizzat ir-Regolament.
-Sorsi u metodi ġodda ġew esplorati b’mod attiv u b’suċċess, u data li qabel ma kinitx disponibbli qiegħda tiġi ppubblikata bħala statistika sperimentali.
3.Informazzjoni ewlenija dwar l-istatistika Ewropea dwar it-turiżmu
L-ekosistema tat-turiżmu tal-UE tinkludi ktajjen tal-valur globalizzati u interkonnessi. Dawn jinkludu fornituri ta’ informazzjoni u ta’ servizzi offline u online (uffiċċji turistiċi, pjattaformi diġitali, fornituri tat-teknoloġija tal-ivvjaġġar), aġenti tal-ivvjaġġar u operaturi turistiċi, fornituri tal-akkomodazzjoni, organizzazzjonijiet ta’ ġestjoni tad-destinazzjoni, attrazzjonijiet u attivitajiet relatati mat-trasport tal-passiġġieri (pereżempju, vjaġġi magħmula bl-ajru, bil-ferroviji u bil-kruċieri). Kumpaniji żgħar ħafna joperaw flimkien ma’ korporazzjonijiet multinazzjonali kbar, u l-kapital privat u pubbliku huma marbutin flimkien.
It-turiżmu jirreferi għall-attività tal-viżitaturi li jivvjaġġaw lejn destinazzjoni ewlenija barra mill-ambjent tas-soltu tagħhom, għal anqas minn sena, għal kwalunkwe għan ewlieni inkluż in-negozju, id-divertiment, jew għan ieħor personali, għajr biex jiġu impjegati minn entità residenti fil-post li fih issir iż-żjara. Is-settur tat-turiżmu tal-UE huwa importanti għall-ekonomija tal-Istati Membri kollha u jirrappreżenta sors sinifikanti ta’ impjiegi. Kwalunkwe evalwazzjoni tal-kompetittività tiegħu teħtieġ għarfien tajjeb tal-volum tat-turiżmu, tal-karatteristiċi tiegħu, tal-profil tat-turist, tal-livell tan-nefqa tat-turiżmu u tal-benefiċċji għall-ekonomiji Ewropej.
Ir-Regolament (UE) Nru 692/2011 huwa l-bażi primarja għal statistika uffiċjali u armonizzata dwar il-provvista u d-domanda tat-turiżmu. Ir-Regolament ikopri, minn naħa waħda, data dwar il-kapaċità u l-okkupazzjoni tal-istabbilimenti tal-akkomodazzjoni turistika tal-UE u, min-naħa l-oħra, data dwar vjaġġi magħmula mir-residenti tal-UE. L-ewwel data ġeneralment tinġabar min-negozji fis-settur tal-akkomodazzjoni (data ta’ kull xahar u annwali trażmessa mill-Istati Membri lill-Kummissjoni, fil-forma ta’ tabelli aggregati); din tal-aħħar ġeneralment tinġabar permezz ta’ stħarriġ tal-unitajiet domestiċi (data annwali trażmessa mill-Istati Membri lill-Kummissjoni, parzjalment fil-forma ta’ tabelli aggregati, parzjalment fil-forma ta’ mikrodata).
Fuq is-sit web tal-Eurostat hemm disponibbli settijiet ta’ data komprensivi, tabelli sommarji u artikli.
Minbarra l-istatistika disseminata fil-kuntest tar-Regolament, il-Eurostat jikkomplementa d-data dwar il-flussi tat-turiżmu b’informazzjoni dwar l-impjiegi relatati mat-turiżmu u dwar id-dimensjoni ekonomika tal-industriji tat-turiżmu, abbażi ta’ statistika eżistenti dwar is-suq tax-xogħol jew statistika strutturali u għal żmien qasir dwar in-negozju. Kull tliet snin, il-Eurostat jippubblika wkoll rapport dwar il-kontijiet satellita tat-turiżmu, inkluż is-sitwazzjoni attwali metodoloġika dwar l-implimentazzjoni tat-TSA madwar l-Ewropa, kif ukoll data.
4.Atti delegati u miżuri ta’ implimentazzjoni
Ir-Regolament (UE) Nru 692/2011 jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni tadotta atti delegati li:
-jemendaw id-definizzjonijiet sabiex jirriflettu l-bidliet fid-definizzjonijiet internazzjonali (l-Artikolu 2(2));
-jemendaw l-iskadenzi għat-trażmissjoni tad-data sabiex jitqiesu l-iżviluppi ekonomiċi, soċjali u tekniċi (l-Artikolu 9(5)); u
-jadattaw l-Annessi sabiex jitqiesu l-iżviluppi ekonomiċi, soċjali u tekniċi.
Madankollu, il-Kummissjoni ma tistax tibdel id-dispożizzjonijiet fl-Annessi dwar in-natura fakultattiva tad-data meħtieġa u dwar il-limitazzjonijiet tal-kamp ta’ applikazzjoni tagħha (l-Artikolu 3(2)).
Matul il-perjodu ta’ rapportar, il-Kummissjoni adottat żewġ atti delegati:
-Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/1681; u
-Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/1569.
L-ewwel att tejjeb ir-rilevanza u t-tempestività tal-istatistika Ewropea dwar it-turiżmu, minħabba l-ħtiġijiet mibdula tal-utenti mill-adozzjoni tar-Regolament fl-2011. Tal-aħħar allinja r-Regolament mar-Renju Unit bħala pajjiż mhux tal-UE (pajjiż terz) mill-1 ta’ Frar 2020.
Rapport dwar l-eżerċizzju tas-setgħa li jiġu adottati atti delegati ġie ppreżentat mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill fi Frar tal-2021.
Ir-Regolament (UE) Nru 692/2011 jistipula li l-Kummissjoni trid tiddefinixxi, fil-forma ta’ atti ta’ implimentazzjoni, l-arranġamenti għar-rapporti tal-kwalità u l-istruttura tagħhom (l-Artikolu 6(4)) u l-arranġamenti prattiċi għat-trażmissjoni tad-data (l-Artikoli 9(2) u 9(3)).
Matul il-perjodu ta’ rapportar, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1179 ġie adottat sabiex jallinja r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1051/2011 mar-rekwiżiti emendati stabbiliti fir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/1681 imsemmi hawn fuq.
5.Implimentazzjoni tar-Regolament
Skont ir-Regolament (UE) Nru 692/2011, l-Istati Membri jiġbru, jikkumpilaw, jipproċessaw u jittrażmettu statistika armonizzata dwar il-forniment u d-domanda tat-turiżmu. Il-Kummissjoni (Eurostat) tivvaluta l-kwalità tad-data li tirċievi u tippubblikaha fuq is-sit web tal-Eurostat fil-forma ta’ tabelli predefiniti, bażijiet tad-data multidimensjonali u artikli analitiċi. Din it-taqsima tevalwa l-implimentazzjoni tar-Regolament abbażi ta’ kriterji ta’ kwalità standard għall-istatistika Ewropea.
Abbażi tal-aktar stħarriġ riċenti dwar is-sodisfazzjon tal-utenti mwettaq mill-Eurostat (2020), 75 % tar-rispondenti (n = 180) ikklassifikaw il-kwalità ġenerali tal-istatistika Ewropea dwar it-turiżmu bħala “tajba ħafna jew tajba” u 19 % bħala “adegwata”.
5.1.Rilevanza
Ir-rilevanza tirreferi għall-grad ta’ kemm l-istatistika tilħaq il-ħtiġijiet attwali u potenzjali tal-utenti.
Id-dħul fis-seħħ tar-Regolament (UE) Nru 692/2011 tejjeb il-kompletezza u t-tempestività tal-istatistika dwar it-turiżmu u, bħala tali, żied ir-rilevanza tad-data għall-utenti. Il-Kummissjoni kompliet tindirizza l-ħtiġijiet tal-utenti permezz tal-qafas legali, iżda wkoll f’approċċ aktar sperimentali u ad hoc.
Minn naħa, ġie adottat att delegat, li tejjeb: il-kejl ta’ fenomeni ġodda bħall-użu ta’ pjattaformi ta’ prenotazzjoni; it-tempestività tal-istatistika dwar l-akkomodazzjoni ta’ kull xahar (it-tnaqqis tad-dewmien tat-trażmissjoni minn tliet xhur jew tmien ġimgħat għal sitt ġimgħat); u l-livell ta’ dettall fl-istatistika annwali dwar l-akkomodazzjoni, billi tiġi inkluża data dwar ir-reġjuni u l-bliet tan-NUTS3 u data ta’ kull xahar għar-reġjuni tan-NUTS2, li tippermetti monitoraġġ aħjar tal-istaġunalità tat-turiżmu.
Min-naħa l-oħra, tnedew inizjattivi volontarji jew ad hoc sabiex jagħmlu d-data disponibbli dwar it-TSA, jew sabiex jippermettu tweġibiet għal ħtiġijiet urġenti tal-utenti (eż. data ta’ kull xahar skont il-pajjiż ta’ oriġini tal-klijenti, fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19). Fl-2021, il-Kummissjoni ppubblikat ukoll l-ewwel data sperimentali dwar is-servizzi ta’ akkomodazzjoni għal soġġorn qasir riżervati permezz ta’ pjattaformi tal-ekonomija kollaborattiva online, miġbura direttament mill-pjattaformi permezz ta’ ftehimiet. Il-Kummissjoni kompliet tesplora wkoll sorsi u metodi innovattivi tad-data, sabiex tkompli ttejjeb l-istatistika eżistenti jew sabiex tipproduċi statistika u indikaturi b’rilevanza politika għolja li qabel ma kinux disponibbli.
F’termini ta’ rilevanza, l-isfidi ewlenin għall-istatistika Ewropea dwar it-turiżmu għall-ħames snin li ġejjin huma: valutazzjoni aktar fil-fond tal-importanza ekonomika tat-turiżmu permezz tal-qafas statistiku tal-kontabbiltà satellita tat-turiżmu; il-kejl tas-sostenibbiltà tat-turiżmu; u t-tħaddin ta’ approċċi innovattivi għall-produzzjoni tal-istatistika dwar it-turiżmu.
5.2.Akkuratezza
L-akkuratezza tirreferi għal kemm l-istimi jqarrbu lejn il-valuri reali mhux magħrufa.
L-Istati Membri ġeneralment jikkoordinaw il-metodoloġija għall-ġbir tad-data bbażata fuq sistemi nazzjonali tal-istatistika u sorsi disponibbli, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà. Madankollu, ir-Regolament jirrikjedi li “l-Istati Membri għandhom jieħdu kwalunkwe miżuri li dawn iqisu bħala xierqa sabiex iżommu l-kwalità tar-riżultati” (l-Artikolu 8).
Sabiex timmonitorja l-kwalità tad-data, il-Kummissjoni tissoġġetta kull sett ta’ data għal proċeduri stretti ta’ validazzjoni. Kull sena, l-Istati Membri jibagħtu rapport dwar il-metadata li jkopri l-aspetti ewlenin tal-kwalità tal-istatistika mibgħuta lill-Eurostat. Dawn ir-rapporti dwar il-metadata huma disponibbli għall-pubbliku fuq is-sit web tal-Eurostat.
Mir-rapport tal-2016, il-Kummissjoni esplorat approċċi alternattivi sabiex ittejjeb il-kopertura ta’ atturi iżgħar fis-settur tal-akkomodazzjoni, li spiss ma humiex koperti minn reġistri tan-negozju għal finijiet statistiċi jew minn reġistri tat-turiżmu amministrattiv. Id-dehra ta’ pjattaformi tal-ekonomija kollaborattiva online tat spinta lill-importanza ta’ dan is-segment tas-suq tal-kiri għal żmien qasir; hija ħolqot ukoll opportunitajiet sabiex titkejjel l-attività ta’ dawn il-fornituri ta’ servizzi permezz tal-impronta diġitali li jħallu fuq il-pjattaformi li jikkonnettjawhom ma’ klijenti potenzjali.
Fl-2020, il-Kummissjoni ffirmat ftehimiet ma’ erba’ pjattaformi internazzjonali ewlenin. Fl-2021, il-Eurostat ħareġ l-ewwel data skont dawn il-ftehimiet.
Il-Eurostat jappoġġa lill-Istati Membri fl-esplorazzjoni ta’ modi innovattivi sabiex tittejjeb il-kwalità tal-istatistika dwar it-turiżmu. Dan għen sabiex tittejjeb l-istatistika dwar id-domanda għat-turiżmu f’diversi Stati Membri billi ntużat informazzjoni awżiljarja minn, pereżempju, operaturi ta’ networks mobbli jew webscraping. Inizjattivi bħal dawn se jibqgħu prijorità għall-Eurostat, filwaqt li jibnu fuq id-dokument ta’ referenza “Tourism statistics: early adopters of big data?”, ippubblikat fl-2017.
5.3.Tempestività u puntwalità
It-tempestività tirreferi għall-perjodu bejn id-disponibilità tal-informazzjoni u l-event jew il-fenomenu li dan jiddeskrivi. Il-puntwalità tirreferi għaż-żmien li jgħaddi bejn id-data ta’ rilaxx tad-data u d-data fil-mira (id-data sa meta suppost kellha tintbagħat id-data).
L-istatistika Ewropea dwar it-turiżmu ġeneralment tiġi rilaxxata ftit jiem wara li tasal id-data, soġġetta għal validazzjoni b’suċċess. Il-Eurostat issa jippubblika l-aggregati tal-EU-27 għas-serje kollha; jekk id-data ma tkunx disponibbli għas-27 Stat Membru , jintużaw tekniki ta’ stima malli d-data tkun disponibbli għal mill-anqas 15-il Stat Membru li flimkien jirrappreżentaw mill-anqas 65 % tal-valur totali ta’ indikatur matul perjodu ta’ referenza preċedenti.
Fir-rigward tal-iskadenzi tat-trażmissjoni, fl-2020 anqas minn wieħed minn disa’ settijiet ta’ data ta’ kull xahar ma ntbagħatx sal-iskadenza indikata, u wieħed biss minn 50 fajl wasal aktar minn ġimgħa tard. Jenħtieġ li jiġi nnotat li l-2020 kienet l-ewwel sena ta’ referenza għal skadenzi mqassra, wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/1681. It-tempestività tajba tal-istatistika dwar l-akkomodazzjoni ta’ kull xahar wasslet għall-inklużjoni ta’ dawn is-serje fid-Dashboard Ewropew tal-istatistika tal-Irkupru (stabbilit matul il-pandemija).
Għas-settijiet tad-data annwali, dovuti sitt xhur wara t-tmiem tas-sena ta’ referenza, bejn 85 % u 90 % tal-fajls jaslu sal-iskadenza stipulata. Il-każijiet aktar persistenti huma mmonitorjati mill-qrib mill-Eurostat u diskussi mal-awtoritajiet nazzjonali fil-livell xieraq. Ir-rapporti dwar il-konformità huma diskussi mal-Istati Membri f’intervalli regolari.
Aktar titjib fit-tempestività jibqa’ fuq l-aġenda tal-Kummissjoni (Eurostat).
5.4.Aċċessibbiltà u ċarezza
L-aċċessibilità u ċ-ċarezza jirreferu għall-kundizzjonijiet u għall-modalitajiet li bihom l-utenti jistgħu jiksbu, jużaw u jinterpretaw id-data.
L-istatistika kollha hija disponibbli b'xejn fuq is-sit web tal-Eurostat. Id-data hija disponibbli bħala tabelli predefiniti jew bħala tabelli multidimensjonali li l-utenti jistgħu jadattaw skont il-ħtiġijiet ta’ riċerka tagħhom. Il-Eurostat jagħmel ukoll estrazzjonijiet personalizzati sabiex jiġu indirizzati talbiet speċifiċi għall-utenti; sabiex titrawwem it-trasparenza, tali estrazzjonijiet isiru disponibbli għall-pubbliku ġenerali permezz tal-extranet tas-CIRCABC.
Minbarra t-tabelli tad-data, l-utenti jistgħu jikkonsultaw ukoll artikli aġġornati regolarment jew ad hoc li jiffokaw fuq aspetti speċifiċi tat-turiżmu, spiss akkumpanjati minn aħbarijiet jew rilaxxi tal-aħbarijiet viżibbli ħafna. Fl-aħħar nett, il-Eurostat jippromwovi b’mod attiv ir-rilaxxi dwar l-istatistika tat-turiżmu permezz tad-diversi mezzi tal-media soċjali tiegħu.
5.5.Komparabbiltà
Il-komparabilità tirreferi għall-kejl tal-impatt tad-differenzi fil-kunċetti applikati tal-istatistika, l-għodod u l-proċeduri tal-kejl, fejn l-istatistika titqabbel bejn iż-żoni ġeografiċi, id-dominji settorjali jew matul iż-żmien.
Dan ir-Regolament stabbilixxa qafas komuni għall-iżvilupp, il-produzzjoni u d-disseminazzjoni sistematiċi tal-istatistika Ewropea dwar it-turiżmu (l-Artikolu 2). Objettiv sottostanti ta’ dan il-qafas huwa li jrawwem l-armonizzazzjoni tal-kunċetti, id-definizzjonijiet, il-klassifikazzjonijiet u l-metodoloġiji. Il-Eurostat u l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-istatistika dwar it-turiżmu jiddiskutu u jallinjaw il-kwistjonijiet metodoloġiċi f’task forces, fi gruppi ta’ ħidma jew fi gruppi ta’ esperti ddedikati. Fuq bażi ta’ kuljum, il-linji gwida rakkomandati fil-Manwal Metodoloġiku għall-Istatistika dwar it-Turiżmu (l-Artikolu 10) jikkontribwixxu għal data dwar it-turiżmu armonizzata u komparabbli għall-Unjoni Ewropea. B’riżultat ta’ dan, il-komparabbiltà matul iż-żmien u bejn il-pajjiżi u r-reġjuni hija pjuttost tajba.
5.6.Koerenza
Il-koerenza tirreferi għall-adegwatezza tad-data, sabiex tkun tista’ tiġi kkombinata b’mod affidabbli f’modi differenti u għal użi varji.
L-istatistika turi grad qawwi ta’ koerenza mad-data prodotta minn organizzazzjonijiet nazzjonali u internazzjonali. Il-kooperazzjoni bejn id-dominji fil-Eurostat jew fi ħdan is-Sistema Ewropea tal-Istatistika kkontribwiet għall-koerenza tal-istatistika dwar it-turiżmu mad-data ekonomika, kummerċjali jew tas-suq tax-xogħol relatata. Għal dan il-għan, id-data eżistenti minn dominji relatati tintuża mill-ġdid għal analiżi aktar fil-fond tal-industriji li huma rilevanti għat-turiżmu. F’dan il-kuntest, titjib ulterjuri tal-koerenza tad-data fil-livell tas-settur minn serje statistika differenti tal-Eurostat jista’ jtejjeb l-analiżi tal-industriji li jappartjenu għall-ekosistema tat-turiżmu.
Fil-futur, implimentazzjoni sistematika tal-kontijiet satellita tat-turiżmu tista’ tikkontribwixxi wkoll għal koerenza aktar b’saħħitha, b’mod partikolari, mal-kontijiet nazzjonali.
6.Piż u kosteffettività
Ir-Regolament joffri flessibbiltà lill-kumpilaturi nazzjonali tad-data sabiex jagħżlu l-aktar sorsi ta’ data xierqa (l-Artikolu 8): stħarriġ, data amministrattiva u proċeduri xierqa għall-istima statistika. Il-piż u l-kosteffettività huma tipikament parametri sinifikanti fl-għażla tal-Istati Membri tas-sorsi tad-data u tal-metodoloġija. Mir-rapport preċedenti, il-potenzjal ta’ sorsi ġodda tad-data kompla jiżdied u l-Artikolu 8 jippermetti, fil-prinċipju, l-użu ta’ tali sorsi jew metodi innovattivi bħala parti mis-sistema tal-produzzjoni.
Il-piż u l-kosteffettività spiss jinvolvu kompromess mal-kwalità tad-data. L-Anness I tar-Regolament jippermetti lill-Istati Membri jillimitaw il-kamp ta’ applikazzjoni tal-osservazzjoni stabbilit fl-Artikolu 4(a) sabiex jinkludu biss stabbilimenti li jaqbżu ċertu limitu ta’ kapaċità. Din il-limitazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tnaqqas b’mod sinifikanti l-piż impost fuq l-iżgħar negozji, iżda tista’ tikkawża wkoll nuqqas ta' kopertura ta’ dan is-segment fl-istatistika uffiċjali. Madankollu, żviluppi riċenti bħall-esplorazzjoni tad-data minn pjattaformi tal-ekonomija kollaborattiva online jgħinu sabiex jimtlew il-lakuni fid-data b’mod aktar kosteffettiv. Approċċi innovattivi oħrajn li bħalissa qegħdin jiġu esplorati mill-Eurostat, f’kooperazzjoni mal-Istati Membri, għandhom ukoll il-potenzjal li jindirizzaw il-piż, filwaqt li jtejbu l-kopertura tad-data.
Fl-aħħar nett, l-użu ta’ moduli li jinbidlu (id-data meħtieġa kull tliet snin) u varjabbli jew analiżijiet fakultattivi jgħin sabiex jiġi limitat il-piż fuq ir-rispondenti.
7.Prospettiva
L-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 692/2011 ċertament ipprovdiet lill-utenti fil-livell internazzjonali, nazzjonali u subnazzjonali b’sistema solida, affidabbli u armonizzata ta’ informazzjoni dwar it-turiżmu. Madankollu, għaxar snin wara, is-settur tat-turiżmu u l-prijoritajiet tal-politika jew tas-soċjetà relatati mat-turiżmu evolvew. Barra minn hekk, l-istatistika uffiċjali daħlet fis-seklu 21 u qiegħda tipprova titbiegħed minn tekniki tradizzjonali bbażati fuq l-istħarriġ u timmodernizza l-produzzjoni tal-istatistika.
Għalhekk, il-Kummissjoni (Eurostat) bdiet tiskambja fehmiet mal-utenti u mal-produtturi tal-istatistika dwar it-turiżmu sabiex tidentifika l-punti b’saħħithom u d-dgħufijiet tal-qafas attwali u ttejjeb ir-rilevanza tal-indikaturi. B’mod parallel ma’ dan il-proċess ta’ reviżjoni, l-inizjattivi ta’ innovazzjoni wasslu għal riċerka promettenti dwar l-użu ta’ sorsi alternattivi ta’ data u għar-rilaxx ta’ statistika sperimentali li tinkludi indikaturi li qabel ma kinux disponibbli.
L-ewwel diskussjonijiet identifikaw il-kontijiet satellita tat-turiżmu u l-kejl tas-sostenibbiltà tat-turiżmu bħala dimensjonijiet importanti ta’ kwalunkwe reviżjoni għall-bażi ġuridika. Ma hijiex koinċidenza li dawn is-suġġetti diġà ġew enfasizzati fir-Regolament, għalkemm bħala sejħa għat-tfassil ta’ programm għal studji pilota f’dawn l-oqsma (l-Artikolu 5). Barra minn hekk, il-proċess ta’ reviżjoni jenħtieġ li jqis l-isforzi li għaddejjin sabiex tinġabar data bażika minn sorsi ġodda u innovattivi bil-għan li jittejbu r-rilevanza, it-tempestività u l-kopertura tal-qafas statistiku.