|
5.10.2022 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 258/211 |
RIŻOLUZZJONI (UE) 2022/1729 TAL-PARLAMENT EWROPEW
tal-4 ta’ Mejju 2022
li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Taħriġ fl-Infurzar tal-Liġi (CEPOL) għas-sena finanzjarja 2020
IL-PARLAMENT EWROPEW,
|
— |
wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Taħriġ fl-Infurzar tal-Liġi (CEPOL) għas-sena finanzjarja 2020, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 100 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, |
|
— |
wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern, |
|
— |
wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A9-0093/2022), |
|
A. |
billi, skont id-dikjarazzjoni tad-dħul u l-infiq tiegħu (1), il-baġit finali tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Taħriġ fl-Infurzar tal-Liġi (CEPOL) (l-"Aġenzija") għas-sena finanzjarja 2020 kien ta' EUR 30 602 017, li jirrappreżenta żieda ta' 67,52 % meta mqabbel mal-2019, ikkawżata minn żieda fit-titolu 5 "proġetti oħra"; billi l-Aġenzija hija ffinanzjata minn kontribuzzjoni mill-Unjoni (34,48 %) u dħul assenjat estern għal proġetti speċifiċi (65,10 %); |
|
B. |
billi l-Qorti tal-Awdituri (il-"Qorti"), fir-rapport tagħha dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija għas-sena finanzjarja 2020 (ir-"rapport tal-Qorti"), tiddikjara li ngħatat aċċertament raġonevoli li l-kontijiet annwali tal-Aġenzija huma affidabbli u li t-tranżazzjonijiet ta' bażi huma legali u regolari; |
Ġestjoni baġitarja u finanzjarja
|
1. |
Jinnota li l-isforzi ta' monitoraġġ baġitarju matul is-sena finanzjarja 2020 irriżultaw f'rata ta' implimentazzjoni tal-baġit ta' 91,70 %, li tirrappreżenta tnaqqis ta' 6,28 % meta mqabbla ma' dik tal-2019; jinnota li r-rata ta' eżekuzzjoni tal-approprjazzjonijiet ta' pagament kienet ta' 74,19 %, li tirrappreżenta tnaqqis ta' 2,32 % meta mqabbla mas-sena preċedenti; |
|
2. |
Jinnota bi tħassib li, skont ir-rapport tal-Qorti, l-Aġenzija ħallset tariffa għall-kanċellazzjoni għal prenotazzjoni ta' lukanda għal avveniment ta' taħriġ f'Budapest minħabba r-restrizzjonijiet tal-COVID-19; jenfasizza s-sejba tal-Qorti li, kieku l-Aġenzija invokat il-klawżola ta' "force majeure" fil-kuntratt qafas, kienet tkun tista' tħassar il-prenotazzjoni mingħajr ebda spiża; jinnota wkoll li l-avveniment kien ippjanat fid-29 ta' Ġunju 2020, meta s-sitwazzjoni fl-Ungerija kienet diġà waħda inċerta; jiddispjaċih li l-Aġenzija ma ħaditx il-passi meħtieġa biex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Unjoni u li l-pagament relatat għalhekk jitqies irregolari mill-Qorti; |
Prestazzjoni
|
3. |
Jinnota li l-Aġenzija tuża indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni biex ittejjeb il-ġestjoni tagħha tal-baġit u tkejjel l-attivitajiet ta' taħriġ tagħha u l-impatt tagħhom, b'mod partikolari l-livell ta' sodisfazzjon tal-parteċipanti, sabiex tivvaluta l-valur miżjud li dawk l-attivitajiet jipprovdu; |
|
4. |
Jilqa' l-fatt li, minkejja t-tifqigħa tal-COVID-19, l-Aġenzija kompliet iżżid is-sensibilizzazzjoni tagħha bl-għadd ta' parteċipanti fit-taħriġ jiżdied bi 13 %; jinnota li, fit-30 ta' April 2020, l-Aġenzija nediet pjattaforma ġdida għall-Edukazzjoni dwar l-Infurzar tal-Liġi (LEEd); jinnota li ġie stabbilit Ċentru tal-Għarfien pilota dwar il-Ġlieda kontra t-Terroriżmu CEPOL, li għandu l-mandat li jelabora portafoll komprensiv ta' taħriġ pluriennali; |
|
5. |
Jisħaq li huwa importanti li l-esperti li jikkontribwixxu għall-inizjattivi l-ġodda mnedija mill-Aġenzija jkollhom għarfien espert solidu fil-qasam tad-drittijiet fundamentali, b'mod partikolari l-ġlieda kontra r-razziżmu u l-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni; |
|
6. |
Josserva li l-Aġenzija lestiet l-ewwel Valutazzjoni tal-Ħtiġijiet Strateġiċi ta' Taħriġ tal-UE (EU-STNA) fl-2018, filwaqt li identifikat il-prijoritajiet tat-taħriġ għall-uffiċjali tal-infurzar tal-liġi għall-perjodu 2018-2021; jinnota li fl-2020, fornitur indipendenti kkuntrattat mill-Aġenzija wettaq evalwazzjoni tal-proċess u tal-impatt tal-ewwel EU-STNA; jinnota li l-eżitu ta' dik l-evalwazzjoni kkontribwixxa għar-rieżami tal-metodoloġija EU-STNA li l-Aġenzija użat biex tniedi l-EU-STNA l-ġdida li se tiddefinixxi l-prijoritajiet ta' taħriġ strateġiku fil-livell tal-Unjoni għaċ-ċiklu ta' politika li jmiss 2022-2025; |
|
7. |
Jistieden lill-Aġenzija tiżgura, fl-attivitajiet kollha tagħha, inklużi dawk ma' pajjiżi terzi, trasparenza sħiħa u rispett sħiħ tad-drittijiet fundamentali; jinnota li l-attività residenzjali f'żewġ stadji dwar id-Drittijiet Fundamentali, l-Etika tal-Pulizija u l-Ġestjoni tad-Diversità ġiet ikkanċellata minħabba l-pandemija tal-COVID-19; u jistieden lill-Aġenzija żżid l-għadd ta' attivitajiet ta' taħriġ f'dan il-qasam; |
|
8. |
Jinnota l-impenn tal-Aġenzija li ssaħħaħ il-preżenza internazzjonali tagħha permezz tal-implimentazzjoni b'suċċess ta' żewġ proġetti internazzjonali, jiġifieri s-Sħubija għal Taħriġ Kontra t-Terroriżmu UE/MENA 2 u l-Programm ta' Taħriġ fuq il-Post tax-Xogħol dwar l-Investigazzjoni Finanzjarja fil-Balkani tal-Punent, kif ukoll permezz tan-negozjar ta' portafoll ta' proġetti ta' EUR 23,5 miljun fl-oqsma tal-politika tat-tkabbir u tal-viċinat tal-Unjoni; |
|
9. |
Jinnota li, f'kooperazzjoni mal-Kunsill Ewropew u mal-Pjattaforma Multidixxiplinari Ewropea Kontra t-Theddid Kriminali (EMPACT), l-Aġenzija wettqet analiżi tal-ħtiġijiet ta' taħriġ ad hoc dwar l-impatt tal-COVID-19 fuq ix-xejriet tal-kriminalità, fuq l-operazzjonijiet u fuq il-ħtiġijiet ta' taħriġ tal-uffiċjali tal-infurzar tal-liġi fil-qasam tal-kriminalità serja u organizzata; jinnota li, f'Awwissu 2020, l-Aġenzija lestiet stħarriġ dwar l-impatt tal-COVID-19 fuq il-vjolenza domestika; jinnota li l-eżiti taż-żewġ analiżijiet jintużaw biex jiġu żviluppati prodotti ta' taħriġ bħala rispons għall-ħtiġijiet ta' taħriġ li nbidlu minħabba l-COVID-19; |
|
10. |
Jesprimi s-sodisfazzjon tiegħu li l-attivitajiet ta' taħriġ tal-Aġenzija huma allinjati mill-qrib mar-rekwiżiti msemmija mill-gruppi tal-EMPACT taċ-Ċiklu ta' Politika tal-UE, filwaqt li l-għarfien espert ġie żgurat mill-Istati Membri, mill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol), mill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fil-Ġustizzja Kriminali (Eurojust), mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta, min-Network Ewropew tat-Taħriġ Ġudizzjarju, mill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali, mill-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Ażil, miċ-Ċentru Ewropew taċ-Ċiberkriminalità, mill-Grupp Ewropew għat-Taħriġ u l-Edukazzjoni dwar iċ-Ċiberkriminalità, mill-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Pulizija Kriminali u minn partijiet ikkonċernati oħra; |
|
11. |
Jilqa' l-fatt li l-Aġenzija tkompli tesplora l-possibbiltajiet ta' kondiviżjoni tar-riżorsi fuq kompiti li jikkoinċidu (bħall-IT u servizzi oħra) ma' korpi, uffiċċji u aġenziji oħra bħall-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija; jilqa' l-fatt li l-Aġenzija beħsieba tikkuntattja lill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali u lill-Awtorità Ewropea tax-Xogħol biex flimkien janalizzaw l-għażliet ħalli jinħolqu sinerġiji; jinnota li l-programm ta' skambju konġunt mal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta relatat mal-attivitajiet ta' gwardja tal-fruntieri u tal-kosta ssaħħaħ aktar u li l-programm man-Network Ewropew tat-Taħriġ Ġudizzjarju ġie estiż aktar; |
Politika dwar il-persunal
|
12. |
Jinnota li, fil-31 ta' Diċembru 2020, 94 % tat-tabella tal-persunal kienet ġiet eżegwita, b'31 aġent temporanju maħtura minn total ta' 33 aġent temporanju awtorizzati mill-baġit tal-Unjoni (meta mqabbla ma' 32 post tax-xogħol awtorizzati fl-2019); jinnota li, barra minn hekk, 46 aġent kuntrattwali (li minnhom 16 kienu għal attivitajiet regolari u 30 għal proġetti ta' bini tal-kapaċitajiet iffinanzjati fuq livell estern) u seba' esperti nazzjonali sekondati (sitta ffinanzjati mill-baġit tal-Aġenzija u wieħed iffinanzjat fl-ambitu tas-Sħubija għal Taħriġ Kontra t-Terroriżmu 2) ħadmu għall-Aġenzija fl-2020; |
|
13. |
Jinnota li l-Aġenzija rrapportat li għandha 3 irġiel (50 %) u 3 nisa (50 %) fil-maniġment superjuri tagħha u, fost il-persunal ġenerali tagħha, hemm bilanċ bejn il-ġeneri ta' 35 raġel (41,7 %), u 49 mara (58,3 %); |
|
14. |
Josserva li kien hemm 16-il riżenja fl-2020 (meta mqabbla ma' 6 fl-2019) minħabba l-għeluq tal-proġett tal-Balkani tal-Punent jew minħabba opportunitajiet ġodda ta' xogħol fl-Aġenzija u lil hinn minnha; itenni t-tħassib tiegħu li l-Aġenzija qed tkompli tbati minn dawran għoli tal-impjegati u minn għadd limitat ta' applikazzjonijiet minn Stati Membri oħra minbarra dak tal-Istat Membru ospitanti; jinnota li l-fluttwazzjoni ogħla fil-persunal kellha impatt sinifikanti fuq l-organizzazzjoni, minbarra l-pandemija tal-COVID-19, u li l-persunal interim u l-esperti nazzjonali sekondati ġew ikkuntrattati biex jimlew l-assenzi tal-persunal u jlaħħqu ma' żieda fil-volum tax-xogħol fil-perjodi bl-akbar volum ta' xogħol; jistieden lill-Kummissjoni tidħol fi djalogu attiv mal-Aġenzija sabiex tindirizza dawk il-kwistjonijiet; |
|
15. |
Jissottolinja li nuqqas ta' spazju għall-uffiċċji u inċertezza dwar il-kwartieri ġenerali tal-Aġenzija joħolqu aktar diffikultajiet operazzjonali; jistieden lill-Kummissjoni tidħol fi djalogu attiv mal-Aġenzija u mal-Istat Membru ospitanti ħalli jiġu indirizzati dawk in-nuqqasijiet; |
|
16. |
Josserva li l-Aġenzija qed tikkunsidra li ssegwi s-suġġeriment tal-Qorti mill-2019 biex tippubblika avviżi ta' postijiet vakanti fil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni, b'link għat-test sħiħ bil-lingwa Ingliża biss, fuq is-sit web tal-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal sabiex tiżdied il-pubbliċità; |
Akkwist
|
17. |
Jinnota li l-Aġenzija għamlet progress fl-inizjattivi ta' diġitalizzazzjoni tagħha fir-rigward tal-akkwist elettroniku billi implimentat is-sottomissjoni elettronika ta' offerti, is-sejħa għall-offerti elettronika u l-fatturazzjoni elettronika fl-2020; jinnota li l-Aġenzija wettqet sejħiet miftuħa għall-offerti bl-użu kemm tas-sejħa għall-offerti elettronika kif ukoll tas-sottomissjoni elettronika; |
|
18. |
Jinnota b'sodisfazzjon li fl-2020 l-Aġenzija, wara r-rakkomandazzjoni mill-kwittanza tal-2019, biddlet il-politika tagħha biex tiżgura dokumentazzjoni xierqa dwar prezzijiet potenzjalment baxxi b'mod anormali għal offerta rebbieħa, inkluż paragrafu speċifiku biex titlob u tanalizza r-raġunijiet għal offerti potenzjalment baxxi b'mod anormali; |
Prevenzjoni u ġestjoni tal-kunflitti ta' interess, u trasparenza
|
19. |
Jilqa' l-miżuri eżistenti u l-isforzi kontinwi tal-Aġenzija biex tiżgura t-trasparenza u l-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-kunflitti ta' interess; jesprimi sodisfazzjon li l-Aġenzija stabbiliet u implimentat kodiċi ta' mġiba amministrattiva fl-2019, is-Sottostrateġija u l-Politika kontra l-Frodi dwar il-Ġestjoni tal-Kunflitt ta' Interess fl-2020; jinnota b'sodisfazzjon li d-dikjarazzjonijiet ta' interess u s-CVs tal-membri tal-bord maniġerjali u tal-maniġment superjuri huma ppubblikati fuq is-sit web tal-Aġenzija; jinnota li d-dikjarazzjonijiet dwar il-kunflitti ta' interess u l-kunfidenzjalità għall-esperti b'remunerazzjoni jinġabru u jiġu skrinjati qabel l-iffirmar ta' kuntratt; |
Kontroll intern
|
20. |
Jinnota l-valutazzjoni tal-Aġenzija tas-sistema ta' kontroll intern tagħha u l-konklużjoni tagħha, li hija effettiva, preżenti u li tiffunzjona tajjeb, u li huwa meħtieġ biss titjib żgħir; jistieden lill-Aġenzija tinkorpora b'mod espliċitu l-osservazzjonijiet tal-Qorti u r-rakkomandazzjonijiet relatati fil-valutazzjoni tagħha; |
|
21. |
Jinnota li, skont ir-rapport tal-Qorti, hemm diversi dgħufijiet fis-sistema ta' kontroll intern tal-Aġenzija, b'mod partikolari fir-rigward tal-ġestjoni tal-impenji baġitarji; jinnota li l-Aġenzija ffirmat tliet impenji legali qabel ma ġew approvati l-impenji baġitarji rispettivi, filwaqt li għamlet dan bi ksur tal-Artikolu 73 tar-Regolament (UE) 2019/715 (2); |
|
22. |
Jinnota li, skont ir-rapport tal-Qorti, f'okkażjoni waħda, l-Aġenzija ffirmat żewġ kuntratti speċifiċi differenti li kienu marbuta mal-istess impenn baġitarju individwali, bi ksur tal-Artikolu 112(1), l-ewwel subparagrafu, punt (a), tar-Regolament Finanzjarju; jinnota l-konklużjoni tal-Qorti li dak it-tip ta' ksur inaqqas it-trasparenza tal-monitoraġġ tal-kuntratti rispettivi fl-ABAC, is-sistema ta' ġestjoni finanzjarja; |
|
23. |
Jilqa' l-fatt li l-Aġenzija wettqet stħarriġ dwar l-involviment tal-persunal fl-2019 bil-għan li tkejjel il-kontrolli mhux vinkolanti (integrità, tmexxija, kompetenzi, ftuħ u motivazzjoni); jinnota li r-riżultati ġew analizzati mill-maniġment bl-assistenza ta' task force fl-2020, li jindika lok għal titjib fit-tmexxija, fil-motivazzjoni tal-persunal u fil-moral; jirrikonoxxi li l-istħarriġ li jmiss dwar l-involviment tal-persunal tnieda fl-2021 u se jintuża għall-awtovalutazzjoni li jmiss tal-indikaturi ta' kontroll intern rilevanti; jistieden lill-Aġenzija tinforma lill-awtorità ta' kwittanza dwar ir-riżultati tal-istħarriġ rigward l-involviment tal-persunal u kif l-Aġenzija indirizzat l-oqsma identifikati li fihom għandu jsir titjib; |
|
24. |
Jinnota mis-sejbiet tal-awditjar intern li l-Aġenzija ma għandhiex biżżejjed spazju għall-uffiċċji u spazju għal attivitajiet operattivi u li l-Akkademja tat-Taħriġ Ċibernetiku ġiet riallokata għal bini fl-Ungerija u spazju addizzjonali għal proġetti esterni ġie mikri fil-qrib; jirrikonoxxi li qed isiru diskussjonijiet mal-Gvern Ungeriż sabiex jinstab spazju suffiċjenti għall-uffiċċji li se jippermetti lill-Aġenzija topera minn post wieħed u b'hekk jiffaċilita fluss tax-xogħol simplifikat tad-dokumenti u kontinwità tal-operat b'perspettiva fit-tul; jistieden lill-Aġenzija żżomm lill-awtorità ta' kwittanza infurmata dwar l-iżviluppi fir-rigward tal-bini tagħha u l-progress li sar fid-diskussjonijiet mal-Istat Membru ospitanti; |
Rispons għall-COVID-19 u kontinwità tal-operat
|
25. |
Jinnota l-ħolqien ta' task force dwar il-COVID-19 mill-Aġenzija fit-30 ta' Marzu 2020, li kellha l-għan li tappoġġja lill-Istati Membri u lill-korpi, lill-uffiċċji u lill-aġenziji sħab fil-kuntest tal-kriżi tal-COVID-19; jirrikonoxxi r-rwol tat-tim tat-tagħlim elettroniku tal-Aġenzija fil-ħolqien ta' infrastruttura remota, flimkien mat-tim tal-ICT tal-Aġenzija, u fit-titjib tal-ħiliet u t-tħejjija ta' membri tal-persunal għal xogħol mill-bogħod sabiex jiġu żgurati tranżizzjoni bla xkiel u kontinwità tal-operat; jilqa' l-fatt li l-Aġenzija tat pariri lis-sħab tagħha dwar il-possibbiltajiet ta' użu tal-infrastruttura elettronika, bħal webinars u korsijiet online, u offriet appoġġ tekniku u amministrattiv; jilqa' d-diġitalizzazzjoni tal-proċessi tal-Aġenzija li jiggarantixxu l-kontinwità tal-operat f'ambjent remot; |
Kummenti oħra
|
26. |
Jinnota li l-ewwel ċertifikat tal-ISO 9001:2015 skada fl-1 ta' Frar 2020 u li, fi tmiem iċ-ċiklu ta' ċertifikazzjoni ta' 3 snin, l-Aġenzija għaddiet b'suċċess mill-awditu ta' ċertifikazzjoni mill-ġdid f'Jannar 2020, u ma ġie identifikat l-ebda nuqqas ta' konformità; jinnota li l-Aġenzija żammet iċ-ċertifikazzjoni addizzjonali għall-istandard ISO 29993:2017 rilevanti għas-servizzi tat-tagħlim; |
|
27. |
Jiddispjaċih li l-Aġenzija ma għandhiex politika dwar iċ-ċibersigurtà u l-protezzjoni tar-rekords diġitali; jinnota bi tħassib li l-Aġenzija kienet soġġetta għal attakk ċibernetiku li wassal għal waqfa temporanja tal-attivitajiet ta' taħriġ online għal madwar tliet ġimgħat; jistieden lill-Aġenzija tinforma lill-awtorità ta' kwittanza dwar l-isforzi tagħha fil-qasam taċ-ċibersigurtà; |
|
28. |
Jilqa' l-introduzzjoni ta' għodod ġodda tal-IT, jiġifieri SPEEDWELL għall-fluss tax-xogħol finanzjarju, SYSPER għar-riżorsi umani u ARES għall-ġestjoni tad-dokumenti, fi sforz biex tiżdied l-effiċjenza amministrattiva; |
|
29. |
Jinnota l-isforzi tal-Aġenzija biex tiżgura post tax-xogħol kosteffettiv u li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent; jirrimarka li l-Aġenzija ma għandhiex stabbilita skema ta' kumpens għal emissjonijiet ta' karbonju u jirrikonoxxi, abbażi tat-tweġiba tal-Aġenzija għall-kwestjonarju standard, li l-ispiża tal-parteċipazzjoni fi skema bħal din ma tistax tiġi koperta mir-riżorsi finanzjarji limitati tagħha; |
|
30. |
Jinnota li l-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi (OLAF) nieda investigazzjoni fl-2020 dwar każ ta' frodi esterna fl-Aġenzija; jinnota li din l-investigazzjoni tnediet fuq talba tal-Aġenzija u li wara l-konklużjonijiet tal-investigazzjoni mill-bidu tal-2021, l-Aġenzija diġà bdiet timplimenta r-rakkomandazzjonijiet tal-OLAF; |
|
31. |
Jirreferi, rigward kummenti oħrajn ta' natura orizzontali li jakkumpanjaw id-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza, għar-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta’ Mejju 2022 (3) dwar il-prestazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja u l-kontroll tal-aġenziji. |
(1) ĠU C 114, 31.3.2021, p. 110.
(2) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/715 tat-18 ta' Diċembru 2018 dwar ir-regolament finanzjarju qafas għall-korpi mwaqqfin skont it-TFUE u t-Trattat Euratom u msemmija fl-Artikolu 70 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 122, 10.5.2019, p. 1).
(3) Testi adottati, P9_TA(2022)0196.