27.1.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 32/403


P9_TA(2022)0254

Abbozz ta' baġit emendatorju Nru 3/2022: finanzjament tal-ispejjeż ta' akkoljenza tan-nies li qed jaħarbu mill-Ukrajna

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta' Ġunju 2022 dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 3/2022 tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2022 – il-finanzjament tal-ispejjeż ta' akkoljenza tan-nies li qed jaħarbu mill-Ukrajna (09095/2022 – C9-0182/2022 – 2022/0126(BUD))

(2023/C 32/18)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Artikolu 314 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-Artikolu 106a tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika,

wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 44 tiegħu,

wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2022, adottat b'mod definittiv fl-24 ta' Novembru 2021 (2),

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2093 tas-17 ta' Diċembru 2020 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin mill-2021-2027 (3) (ir-“Regolament dwar il-QFP”),

wara li kkunsidrat il-Ftehim Interistituzzjonali tas-16 ta' Diċembru 2020, bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji baġitarji u dwar ġestjoni finanzjarja tajba, kif ukoll dwar riżorsi proprji ġodda, inkluż pjan direzzjonali lejn l-introduzzjoni ta' riżorsi proprji ġodda (4),

wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni (UE, Euratom) 2020/2053 tal-14 ta' Diċembru 2020 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea u li tħassar id-Deċiżjoni 2014/335/UE, Euratom (5),

wara li kkunsidra l-abbozz tal-baġit emendatorju Nru 3/2022, adottat mill-Kummissjoni fit-22 ta' April 2022 (COM(2022)0262),

wara li kkunsidra l-pożizzjoni dwar l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 3/2022, adottata mill-Kunsill fis-16 ta' Mejju 2022 u li ntbagħtet lill-Parlament Ewropew dakinhar stess (09095/2022 – C9-0182/2022),

wara li kkunsidra l-Artikoli 94 u 96 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A9-0181/2022),

A.

billi l-Kummissjoni tipproponi li l-baġit tal-Unjoni jikkontribwixxi ammont totali ta' EUR 400 miljun fl-ambitu tal-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni (AMIF) u l-Istrument għall-Ġestjoni tal-Fruntieri u tal-Viżi (BMVI) għall-finanzjament tal-ewwel spejjeż ta' akkoljenza u reġistrazzjoni tal-persuni li qed jaħarbu mill-Ukrajna, wara l-gwerra illegali, mhux provokata u mhux ġustifikata ta' aggressjoni mwettqa mill-Federazzjoni Russa fil-konfront tal-Ukrajna mill-24 ta' Frar 2022;

B.

billi l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 3/2022 huwa wieħed mill-elementi li qed jintużaw biex jintlaħaq l-ammont propost ta' EUR 400 miljun, flimkien ma' emendi għall-programmi ta' ħidma tal-Faċilità Tematika AMIF u BMVI għall-2021-2022 li jrendu disponibbli ammont ta' EUR 124 miljun fil-forma ta' assistenza ta' emerġenza fl-ambitu ta' kull programm, u mal-proposta għal trasferiment tal-awtorità baġitarja (DEC 11/2022) għal tisħiħ tal-AMIF b'EUR 52,2 miljun f'approprjazzjonijiet ta' impenn u EUR 74 miljun f'approprjazzjonijiet ta' pagament;

C.

billi l-impatt nett tal-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 3/2022 fuq in-nefqa jammonta għal żieda ta' EUR 99,8 miljun f'approprjazzjonijiet ta' impenn għall-AMIF, u żieda ta' EUR 176 miljun f'approprjazzjonijiet ta' pagament magħmula minn EUR 76 miljun għall-AMIF u EUR 100 miljun għall-BMVI;

1.

Jilqa' l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 3/2022, kif imressaq mill-Kummissjoni;

2.

Ifakkar fl-impenn tal-Parlament li jattiva l-istrumenti baġitarji disponibbli kollha tal-Unjoni biex ikompli jipprovdi l-aktar appoġġ ekonomiku u finanzjarju b'saħħtu lill-Ukrajna u lin-nies li qed jaħarbu mill-gwerra fl-Ukrajna; itenni l-ħtieġa ta' solidarjetà bejn l-Istati Membri u ta' miżuri komuni bħala rispons għall-fluss ta' miljuni ta' rifuġjati li qed jaħarbu mill-Ukrajna, inkluża r-riallokazzjoni tar-rifuġjati; jissottolinja l-importanza li jitkompla jingħata appoġġ lir-Repubblika tal-Moldova għat-trasferiment ta' persuni lejn Stati Membri fil-kuntest tal-Pjattaforma ta' Solidarjetà; iħeġġeġ b'mod partikolari lill-Kummissjoni tipprogramma u tuża l-fondi intiżi għal programmi ta' kooperazzjoni transfruntiera bejn l-Ukrajna u l-Istati Membri għall-perjodu 2021-2027 biex iżżid ir-reżiljenza tal-komunitajiet li jgħixu fil-fruntiera fid-dawl tal-kriżi attwali tar-rifuġjati;

3.

Ifakkar li l-Parlament kien żgura tisħiħ tal-BMVI ta' EUR 1 biljun fin-negozjati tal-QFP biex il-programm ikun jista' jilħaq bis-sħiħ l-objettivi tiegħu; jiddispjaċih ħafna li l-Kummissjoni għażlet li tnaqqas il-pakkett BMVI biex tikkumpensa għat-tisħiħ taċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga b'EUR 63 miljun u l-Europol b'EUR 185 miljun tul il-QFP attwali; isostni l-pożizzjoni tiegħu li kompiti ġodda għall-aġenziji jeħtieġu riżorsi ġodda u ma għandhomx isiru għad-detriment ta' programmi jew aġenziji eżistenti;

4.

Jissottolinja li la l-fond tal-NGEU, il-komponent tiegħu tal-Fond għall-Irkupru u r-Reżiljenza, u lanqas il-flessibbiltà fl-ambitu tal-QFP attwali mhuma biżżejjed biex ikopru bis-sħiħ il-ħtiġijiet finanzjarji ġġenerati mill-gwerra fl-Ukrajna; jipprevedi, barra minn hekk, li s-sitwazzjoni ekonomika u soċjali fl-Unjoni tkompli tiddeterjora fix-xhur li ġejjin u jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jistabbilixxu b'mod urġenti l-mekkaniżmi ta' solidarjetà u kumpens meħtieġa;

5.

Jinsab imħasseb ħafna li l-QFP diġà laħaq il-limiti tiegħu u mhuwiex adattat biex ikompli jindirizza d-diversi kriżijiet interni u esterni b'mod sostenibbli; jindika, b'mod partikolari, il-ħtieġa li jiżdied il-limitu massimu tal-Intestatura 4 sabiex jirrifletti l-ħtiġijiet finanzjarji reali għall-ġestjoni tal-migrazzjoni u tal-fruntieri tal-Unjoni; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni twettaq rieżami fil-fond tal-funzjonament tal-QFP attwali u tipproċedi bi proposta leġiżlattiva għal reviżjoni komprensiva tal-QFP mill-aktar fis possibbli u mhux aktar tard mill-ewwel trimestru tal-2023; jistenna li tali reviżjoni tqis l-implikazzjonijiet fit-tul tal-gwerra fl-Ukrajna u l-miżuri ta' emerġenza meħuda;

6.

Japprova l-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 3/2022;

7.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tiddikjara li l-baġit emendatorju Nru 2/2022 ġie adottat b'mod definittiv u biex tiżgura li jiġi ppubblikat f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

8.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni u lill-parlamenti nazzjonali.

(1)  ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1

(2)  ĠU L 45, 24.2.2022, p. 1.

(3)  ĠU L 433 I, 22.12.2020, p. 11.

(4)  ĠU L 433 I, 22.12.2020, p. 28.

(5)  ĠU L 424, 15.12.2020, p. 1.