5.5.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 161/23


P9_TA(2022)0379

Sussidji barranin distorsivi

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Novembru 2022 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar sussidji barranin li joħolqu distorsjoni fis-suq intern (COM(2021)0223 – C9-0167/2021 – 2021/0114(COD))

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)

(2023/C 161/06)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2021)0223),

wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikoli 207 u 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C9-0167/2021),

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tal-20 ta' Ottubru 2021 (1),

wara li kkunsidra l-ftehim proviżorju approvat mill-kumitat responsabbli fis-sens tal-Artikolu 74(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu u l-impenn meħud mir-rappreżentant tal-Kunsill, permezz tal-ittra tat-13 ta' Lulju 2022, li japprova l-pożizzjoni tal-Parlament, skont l-Artikolu 294(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-Artikolu 59 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji, tal-Kumitat dwar is-Suq Intern u l-Protezzjoni tal-Konsumaturi u tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali;

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (A9-0135/2022),

1.

Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt (2);

2.

Japprova d-dikjarazzjoni konġunta tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni annessa ma’ din ir-riżoluzzjoni, li se tiġi ppubblikata fis-serje C ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

3.

Jieħu nota tad-dikjarazzjonijiet tal-Kummissjoni annessa ma’ din ir-riżoluzzjoni li se jiġu ppubblikati fis-serje C ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

4.

Jitlob lill-Kummissjoni terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk tibdel il-proposta tagħha, temendaha b'mod sustanzjali jew ikollha l-ħsieb li temendaha b'mod sustanzjali;

5.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

(1)  ĠU C 105, 4.3.2022, p. 87.

(2)  Din il-pożizzjoni tissostitwixxi l-emendi adottati fl-4 ta’ Mejju 2022 (Testi adottati P9_TA(2022)0143).


P9_TC1-COD(2021)0114

Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fl-10 ta’ Novembru 2022 bil-ħsieb tal-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2022/… tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar sussidji barranin li joħolqu distorsjoni fis-suq intern

(Peress li ntlaħaq ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill, il-pożizzjoni tal-Parlament taqbel mal-att leġislattiv finali, r-Regolament (UE) 2022/2560.)


ANNESS GĦAR-RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA

Dikjarazzjoni konġunta tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni

L-Unjoni tibqa' impenjata lejn sistema kummerċjali multilaterali miftuħa u bbażata fuq ir-regoli, b'WTO modernizzata fil-qalba tagħha, u biex tkompli ttejjeb l-effettività tal-qafas multilaterali dwar is-sussidji. Hija tirriafferma l-impenn tagħha li tappoġġa l-modernizzazzjoni tar-regoli tad-WTO biex jiġu indirizzati d-distorsjonijiet għall-kummerċ u għall-kompetizzjoni. B'mod partikolari, l-Unjoni ser timpenja ruħha fl-immodernizzar tar-regoli dwar is-sussidji industrijali biex jittejjeb il-funzjonament xieraq tal-Ftehim tad-WTO dwar is-Sussidji u l-Miżuri Kumpensatorji (ASCM) u biex jiġu promossi l-konformità u l-infurzar.

Dikjarazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar kjarifiki fir-rigward tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2022/2560 (1), skont l-Artikolu 46 tiegħu

Il-Kummissjoni timpenja ruħha li tiċċara l-applikazzjoni tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) 2022/2560 dwar l-eżistenza ta' distorsjoni kkawżata minn sussidju barrani fis-suq intern, l-applikazzjoni tat-test tal-ibbilanċjar stabbilit fl-Artikolu 6 ta' dan ir-Regolament, u l-valutazzjoni ta' distorsjoni fi proċedura ta' akkwist pubbliku stabbilita fl-Artikolu 27(1) ta' dan ir-Regolament.

Il-Kummissjoni ser tippubblika dawn il-kjarifiki inizjali mhux aktar tard minn tnax-il xahar wara d-data tal-applikazzjoni ta' dawn id-dispożizzjonijiet.

Il-linji gwida li jinħarġu skont l-Artikolu 46 tar-Regolament (UE) 2022/2560 jistgħu jissostitwixxu dawn il-kjarifiki inizjali.

Dikjarazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar regoli multilaterali biex jiġu indirizzati s-sussidji barranin distorsivi fl-okkażjoni tal-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2022/2560 (2)

Fit-30 ta' Ġunju 2022, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni Ewropea laħqu ftehim dwar ir-Regolament dwar sussidji barranin li joħolqu distorsjoni fis-suq intern (3). Dan ir-Regolament jikkomplementa d-dixxiplini Ewropej u internazzjonali eżistenti dwar is-sussidji u l-kontroll tas-sussidji. Huwa jittratta d-distorsjonijiet ikkawżati minn sussidji barranin fis-suq intern tal-Unjoni.

Is-sussidji jista' jkollhom impatt negattiv fuq il-kummerċ internazzjonali u jistgħu jwasslu għal distorsjonijiet tal-kompetizzjoni kemm fis-setturi tradizzjonali kif ukoll fit-teknoloġiji l-ġodda. F'xi każijiet, is-sussidji mhux ikkontrollati jistgħu jirriżultaw ukoll f'kapaċitajiet eċċessivi, għad-detriment ta' dinamika tas-suq b'saħħitha. L-UE teħtieġ li tkompli tikseb il-benefiċċji tal-opportunitajiet internazzjonali filwaqt li tiżviluppa għodod biex tindirizza prattiki kummerċjali inġusti, kemm internament kif ukoll esternament (4). Dan ir-Regolament għandu jikkontribwixxi għat-titjib tar-reżiljenza tas-suq intern tal-UE, b'mod partikolari fir-rigward tal-protezzjoni tiegħu kontra distorsjonijiet ikkawżati minn sussidji barranin. B'dan il-mod, l-Unjoni tikkomplementa s-sett ta' għodod tagħha bil-ħsieb li jinkisbu l-objettivi tal-awtonomija strateġika miftuħa tal-Unjoni.

Bil-ħsieb li jiġu indirizzati l-impatti negattivi tas-sussidji, u filwaqt li jiġi rikonoxxut li r-regoli tad-WTO jistgħu ma jkunux effettivi biżżejjed fl-indirizzar tal-effetti konsegwenzjali negattivi tal-intervent mill-Istat fl-ekonomija, inkluż għal ċerti setturi industrijali, il-Kummissjoni Ewropea tibqa' impenjata li tkompli ssaħħaħ l-effettività tal-qafas multilaterali dwar is-sussidji, u hija determinata li tinsisti bil-qawwa għal qafas legali li jkun mgħammar sew biex jindirizza d-distorsjonijiet għall-kummerċ u għall-kompetizzjoni u għal kundizzjonijiet ekwi (5). B'mod partikolari, il-Kummissjoni hija impenjata għall-immodernizzar tar-regoli dwar is-sussidji industrijali biex jittejjeb il-funzjonament xieraq tal-Ftehim tad-WTO dwar is-Sussidji u l-Miżuri Kumpensatorji (ASCM) u tiġi promossa l-konformità miegħu. F'dan il-kuntest, il-Kummissjoni Ewropea tfakkar fil-kooperazzjoni trilaterali kontinwa tagħha mal-Ġappun u l-Istati Uniti.

Ir-regoli dwar is-sussidji huma stabbiliti b'mod partikolari fl-ASCM, li jistabbilixxi projbizzjonijiet ta' ċerti sussidji u azzjonijiet kontra l-effetti negattivi tas-sussidji fil-kuntest tal-kummerċ tal-merkanzija. Fir-rigward tal-Unjoni, dawn ir-regoli huma, sa fejn huma relatati mas-sussidjar kumpensatorju, implimentati bir-Regolament (UE) 2016/1037 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Unjoni Ewropea (6). Il-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2016/1037 huwa ddeterminat mill-kamp ta' applikazzjoni tal-ASCM.

Ir-Regolament dwar is-sussidji barranin li jfixklu s-suq intern huwa konformi mal-obbligi internazzjonali tal-Unjoni, inkluż b'mod partikolari dawk li jirriżultaw mill-ASCM. Il-Kummissjoni Ewropea ser tiżgura li kwalunkwe azzjoni meħuda fl-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament tkun konsistenti mal-obbligi internazzjonali tagħha.

Il-Kummissjoni biħsiebha tagħmel użu sħiħ minn dan ir-Regolament il-ġdid biex tindirizza d-distorsjonijiet ikkawżati minn sussidji barranin fis-suq intern.


(1)  Regolament (UE) 2022/2560 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Diċembru 2022 dwar sussidji barranin li joħolqu distorsjoni fis-suq intern (ĠU L 330, 23.12.2022, p. 1).

(2)  Regolament (UE) 2022/2560 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Diċembru 2022 dwar sussidji barranin li joħolqu distorsjoni fis-suq intern (ĠU L 330, 23.12.2022, p. 1).

(3)  Il-Kummissjoni Ewropea, Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar sussidji barranin li joħolqu distorsjoni fis-suq intern (COM(2021)0223).

(4)  Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, Rieżami tal-Politika Kummerċjali – Politika Kummerċjali Miftuħa, Sostenibbli u Assertiva, tat-18 ta' Frar 2021 (COM(2021)0066).

(5)  Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, Rieżami tal-Politika Kummerċjali – Politika Kummerċjali Miftuħa, Sostenibbli u Assertiva, tat-18 ta' Frar 2021 (COM(2021)0066).

(6)  Ir-Regolament (UE) 2016/1037 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 176, 30.6.2016, p. 55).