27.12.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 493/198


P9_TA(2022)0231

Notifika fl-ambitu tal-Iskema ta' Kumpens u Tnaqqis tal-Karbonju għall-Avjazzjoni Internazzjonali (CORSIA) ***I

Emendi adottati mill-Parlament Ewropew fit-8 ta' Ġunju 2022 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2003/87/KE fir-rigward tan-notifika ta' kumpens fir-rigward ta' miżura globali bbażata fuq is-suq għall-operaturi tal-inġenji tal-ajru bbażati fl-Unjoni (COM(2021)0567 – C9-0323/2021 – 2021/0204(COD)) (1)

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)

(2022/C 493/22)

Emenda 1

Proposta għal deċiżjoni

Premessa - 1a (ġdida)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(-1a)

Il-Ftehim ta' Pariġi, adottat f'Diċembru 2015 fil-kuntest tal-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC), daħal fis-seħħ f'Novembru 2016 (“il-Ftehim ta' Pariġi”)  (1a) . Il-Partijiet għall-Ftehim ta' Pariġi qablu li jżommu ż-żieda fit-temperatura medja globali sew taħt 2 oC 'il fuq mil-livelli preindustrijali u jagħmlu sforzi biex jillimitaw iż-żieda fit-temperatura sa 1,5  oC. Bl-adozzjoni tal-Patt Klimatiku ta' Glasgow fil-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (COP26) f'Novembru 2021, il-Partijiet tiegħu rrikonoxxew li l-limitazzjoni taż-żieda fit-temperatura medja globali għal 1,5  oC 'il fuq mil-livelli preindustrijali tnaqqas b'mod sinifikanti r-riskji u l-impatti tat-tibdil fil-klima, u impenjaw ruħhom li jsaħħu l-miri tagħhom għall-2030 sa tmiem l-2022 sabiex jiżguraw li l-Partijiet jinsabu fit-triq it-tajba biex jillimitaw it-tisħin globali għal 1,5  oC.

Emenda 2

Proposta għal deċiżjoni

Premessa - 1b (ġdida)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(-1b)

Fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta' Novembru 2019 dwar l-emerġenza klimatika u ambjentali  (1b) , il-Parlament Ewropew iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tieħu azzjoni minnufih u ambizzjuża biex tillimita t-tisħin globali għal 1,5  oC. L-urġenza li ma jinqabiżx l-għan tal-Ftehim ta' Pariġi ta' 1,5  oC saret aktar sinifikanti wara l-aktar sejbiet reċenti tal-Grupp Intergovernattiv ta' Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima (IPCC) fir-rapporti tiegħu tat-8 ta' Ottubru 2018 bit-titolu “Global warming of 1,5  oC” (Tisħin globali ta' 1,5  oC), tas-7 ta' Awwissu 2021 bit-titolu “Climate Change 2021: The Physical Science Basis” (It-Tibdil fil-Klima 2021: Il-Bażi tax-Xjenza Fiżika" u tat-28 ta' Frar 2022 bit-titolu “Climate Change 2022: Impacts, Adaptation and Vulnerability” (It-Tibdil fil-Klima 2022: Impatti, Adattament u Vulnerabbiltà). L-IPCC sostna, b'mod ferm kunfidenti, li t-tibdil fil-klima jikkostitwixxi theddida għall-benessri tal-bniedem u s-saħħa tal-pjaneta, u kwalunkwe dewmien ulterjuri f'azzjoni globali antiċipatorja miftiehma dwar l-adattament u l-mitigazzjoni se jwassal biex tintilef opportunità qasira u li qed tingħalaq malajr biex jiġi żgurat futur abitabbli u sostenibbli għal kulħadd. L-IPCC ikkonkluda wkoll li l-konsegwenzi tat-tibdil fil-klima se jkunu ħafna aktar qerrieda jekk ma jirnexxilniex nillimitaw it-tisħin globali għal 1,5  oC u dan jilħaq 2 oC. Barra minn hekk, it-temperatura globali se tilħaq jew taqbeż il-marka ta' 1,5  oC aktar kmieni milli kien antiċipat qabel, jiġifieri matul l-20 sena li jmiss. Huwa sab ukoll li sakemm ma jkunx hemm tnaqqis immedjat u ambizzjuż fl-emissjonijiet ta' gassijiet serra, mhux se jkun aktar possibbli li t-tisħin globali jiġi limitat għal qrib 1,5  oC jew saħansitra 2 oC. Barra minn hekk, fir-riżoluzzjoni tiegħu 48/13 tat-8 ta' Ottubru 2021, il-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU rrikonoxxa d-dritt għal ambjent sikur, nadif, tajjeb għas-saħħa u sostenibbli bħala dritt tal-bniedem.

Emenda 3

Proposta għal deċiżjoni

Premessa - 1c (ġdida)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(-1c)

Fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta' Ottubru 2021 dwar il-Konferenza tan-NU dwar it-Tibdil fil-Klima tal-2021 fi Glasgow, ir-Renju Unit (COP26)  (1c) , il-Parlament Ewropew esprima tħassib dwar il-progress bil-mod miksub fl-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO) biex jiġu indirizzati l-emissjonijiet mill-avjazzjoni internazzjonali u tenna f'dan il-kuntest il-ħtieġa li s-settur jiġi rregolat taħt l-iskema tal-UE għan-negozjar ta' emissjonijiet (EU ETS), li tista' sservi wkoll bħala mudell għall-ħidma parallela, filwaqt li tappoġġa l-ambizzjoni globali ogħla fil-livell internazzjonali, inkluż fl-ICAO. Barra minn hekk, il-Parlament Ewropew appella lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħmlu l-almu tagħhom biex isaħħu l-Iskema ta' Kumpens u Tnaqqis tal-Karbonju għall-Avjazzjoni Internazzjonali (CORSIA) u jappoġġaw l-adozzjoni mill-ICAO ta' għan fit-tul biex jitnaqqsu l-emissjonijiet fis-settur filwaqt li tiġi ssalvagwardjata l-awtonomija leġiżlattiva tal-Unjoni fl-implimentazzjoni tad-Direttiva EU ETS.

Emenda 4

Proposta għal deċiżjoni

Premessa 2

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(2)

Soġġett għad-differenzi bejn il-leġiżlazzjoni tal-UE u CORSIA, innotifikati lill-ICAO b'segwitu tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2018/2027 (14), u l-mod li bih il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jemendaw il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, l-UE beħsiebha timplimenta l-CORSIA.

(2)

Soġġett għad-differenzi bejn il-leġiżlazzjoni tal-UE u  l-iskema CORSIA adottata mill-ICAO , innotifikati lill-ICAO b'segwitu tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2018/2027 (14), u l-mod li bih il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jemendaw il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, l-Unjoni beħsiebha timplimenta l-CORSIA permezz tad-Direttiva 2003/87/KE .

Emenda 5

Proposta għal deċiżjoni

Premessa 9a (ġdida)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(9a)

Mingħajr preġudizzju għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2003/87/KE fir-rigward tal-kontribut tal-avjazzjoni għall-mira ta' tnaqqis tal-emissjonijiet fl-ekonomija kollha tal-Unjoni u li timplimenta b'mod xieraq miżura globali bbażata fuq is-suq, din id-Deċiżjoni hija maħsuba li tkun miżura temporanja li tapplika biss sad-dħul fis-seħħ ta' dik id-Direttiva.

Emenda 6

Proposta għal deċiżjoni

Artikolu 1 – paragrafu 1

Direttiva 2003/87/KE

Artikolu 12 – paragrafu 6 – subparagrafu 1 – punt b

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(b)

jipproduċu emissjonijiet annwali ta' CO2 akbar minn 10 000 tunnellata mill-użu ta' inġenji tal-ajru b'massa massima ċċertifikata waqt il-qtugħ mill-art akbar minn 5 700  kg li jwettqu titjiriet koperti mill-Anness I, minbarra dawk li jitilqu u jaslu fl-istess Stat Membru (inklużi r-reġjuni ultraperiferiċi tal-istess Stat Membru), mill-1 ta' Jannar  2019 .

(b)

jipproduċu emissjonijiet annwali ta' CO2 akbar minn 10 000 tunnellata mill-użu ta' inġenji tal-ajru b'massa massima ċċertifikata waqt il-qtugħ mill-art akbar minn 5 700  kg li jwettqu titjiriet koperti mill-Anness I  ta' din id-Direttiva u mill-Artikolu 2(3) u (4) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/1603  (1a), minbarra dawk li jitilqu u jaslu fl-istess Stat Membru (inklużi r-reġjuni ultraperiferiċi tal-istess Stat Membru), mill-1 ta' Jannar  2021 .


(1)  Il-kwistjoni ġiet riferuta lura għal negozjati interistituzzjonali lill-kumitat responsabbli, skont l-Artikolu 59(4), ir-raba’ subparagrafu (A9–0145/2022).

(1a)   Il-Ftehim ta' Pariġi (ĠU L 282, 19.10.2016, p. 4).

(1b)   ĠU C 232, 16.6.2021, p. 28.

(1c)   ĠU C 184, 5.5.2022, p. 118.

(14)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2018/2027 tad-29 ta' Novembru 2018 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni Ewropea fl-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali, fir-rigward tal-Ewwel Edizzjoni tal-Istandards Internazzjonali u l-Prattiki Rakkomandati dwar il-Ħarsien Ambjentali – Skema ta' Kumpens u Tnaqqis tal-Karbonju għall-Avjazzjoni Internazzjonali (CORSIA) (ĠU L 325, 20.12.2018, p. 25).

(14)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2018/2027 tad-29 ta' Novembru 2018 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni Ewropea fl-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali, fir-rigward tal-Ewwel Edizzjoni tal-Istandards Internazzjonali u l-Prattiki Rakkomandati dwar il-Ħarsien Ambjentali – Skema ta' Kumpens u Tnaqqis tal-Karbonju għall-Avjazzjoni Internazzjonali (CORSIA) (ĠU L 325, 20.12.2018, p. 25).

(1a)   Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/1603 tat-18 ta' Lulju 2019 li jissupplimenta d-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-miżuri adottati mill-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali għall-monitoraġġ, ir-rappurtar u l-verifika tal-emissjonijiet mill-avjazzjoni għall-finijiet tal-implimentazzjoni ta' miżura globali bbażata fuq is-suq (ĠU L 250, 30.9.2019, p. 10).