25.5.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 184/83


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi qafas ta’ ċertifikazzjoni tal-Unjoni għall-assorbimenti tal-karbonju”

(COM(2022) 672 final — 2022/0394 (COD))

(2023/C 184/15)

Relatur: Stoyan TCHOUKANOV

Konsultazzjoni

Parlament Ewropew, 1.2.2023

Kunsill Ewropew, 6.2.2023

Bażi legali

Artikolu 192(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent

Adozzjoni fis-sezzjoni

9.3.2023

Adozzjoni fil-plenarja

22.3.2023

Sessjoni plenarja Nru

577

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

159/0/2

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-KESE jilqa’ l-Proposta tal-Kummissjoni għal qafas ta’ ċertifikazzjoni tal-Unjoni għall-assorbimenti tal-karbonju u jirrikonoxxi l-ħtieġa li jiżdiedu l-assorbimenti tal-karbonju u jiġu promossi l-prattiki riġenerattivi, mingħajr ma titneħħa l-enfasi primarja fuq it-tnaqqis kruċjali tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra biex jiġi limitat it-tisħin globali. Madankollu, il-KESE jinnota li għad hemm wisq punti kruċjali li għad iridu jiġu żviluppati aktar permezz ta’ atti delegati.

1.2

Il-KESE jirrikonoxxi li fl-Unjoni bħalissa jeżistu skemi differenti ta’ validazzjoni u ta’ kumpens fil-qasam tal-assorbiment tal-karbonju, u li qafas ta’ ċertifikazzjoni komuni għandu l-potenzjal li jagħti ċarezza u affidabbiltà billi jistabbilixxi regoli ġenerali tal-UE biex jirregolaw kif jitkejlu, jiġu vvalidati u vverifikati l-benefiċċji għall-klima tal-assorbimenti tal-karbonju. In-natura volontarja tal-qafas tinvolvi effett ta’ inċentiv li jista’ jipprovdi mezzi ġodda ta’ introjtu lil dawk interessati li jwettqu attivitajiet tal-assorbiment tal-karbonju. Il-KESE jappella għal aktar ċarezza dwar l-iskeda ta’ żmien mistennija għall-implimentazzjoni sħiħa, meta jitqies l-għadd ta’ korpi u unitajiet ta’ ċertifikazzjoni li jeħtieġ li jinħolqu.

1.3

Il-KESE jinnota li jista’ jkun hemm mistoqsijiet leġittimi dwar l-użu tal-assorbiment tal-karbonju fil-politika tal-UE dwar il-klima, mill-potenzjal għal limitazzjoni jew dewmien fit-tnaqqis tal-emissjonijiet minħabba wegħdiet ta’ assorbiment tal-karbonju fil-futur, għat-theddida ta’ talbiet frodulenti u greenwashing abbażi ta’ xiri ta’ kreditu ta’ karbonju. Sabiex jiġi evitat il-greenwashing, il-KESE jappella biex id-durata mistennija tal-ħżin tal-karbonju u r-riskji ta’ treġġigħ lura jiġu riflessi b’mod ċar fl-użu taċ-ċertifikati differenti tal-assorbiment tal-karbonju (li jkopru “ħżin permanenti”, “sekwestru tal-karbonju f’art agrikola” u “ħżin tal-karbonju fi prodotti dejjiema”).

1.4

Il-KESE jilqa’ l-għan tal-Kummissjoni li tagħti lill-pubbliku, lill-fornituri tal-assorbiment tal-karbonju u lix-xerrejja trasparenza u ċarezza dwar il-valur tal-attivitajiet tal-assorbiment tal-karbonju ċċertifikati. Madankollu, huwa jappella għal aktar salvagwardji dwar il-valur u l-użu taċ-ċertifikati. Huwa jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi gwida biex jiġu definiti d-dikjarazzjonijiet adatti li jistgħu jsiru abbażi ta’ każijiet differenti ta’ assorbiment iċċertifikat tal-karbonju u jappella biex tinżamm id-distinzjoni bejn ċertifikati li jirriżultaw mill-ħżin permanenti tal-karbonju, mis-sekwestru tal-karbonju f’art agrikola u mill-ħżin tal-karbonju fil-prodotti.

1.5

Il-KESE jappella biex il-metodoloġiji futuri żviluppati fl-ambitu tal-qafas jiddeskrivu b’mod ċar l-aspetti tar-responsabbiltà u jiddefendu t-trasparenza. Ir-riskju ta’ treġġigħ lura jeħtieġ li jiġi mmonitorjat u mmitigat kontinwament. Ir-responsabbiltà kif ukoll it-trasferiment tar-responsabbiltà għall-karbonju assorbit u maħżun jeħtieġ li jiġu definiti b’mod ċar fl-ispettru kollu tal-attivitajiet tal-assorbiment tal-karbonju.

1.6

Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-metodoloġiji jkunu bbażati fuq evidenza xjentifika u ggwidati mill-komunità xjentifika. Il-KESE jirrimarka li s-sistema għaċ-ċertifikazzjoni hija wisq kumplessa u diffiċli biex tippromovi adozzjoni wiesgħa ta’ dawn il-prattiki – dawn il-proċeduri jidhru li jieħdu ħafna ħin u huma tekniċi u jistgħu jiddemotivaw lill-operaturi fl-attivitajiet tagħhom, peress li spiss ikunu negozji fuq skala żgħira b’marġnijiet limitati anke fl-aħjar xenarju possibbli.

1.7

Il-KESE jinnota li hija meħtieġa firxa wiesgħa ta’ kejl tal-assorbimenti tal-karbonju biex jitwettqu il-monitoraġġ, ir-rapportar u l-verifika, inklużi l-użu ta’ telerilevament u immaġnijiet bis-satellita. Fir-rigward tal-kejl meħtieġ, il-KESE jenfasizza li huwa essenzjali li l-ispejjeż tal-monitoraġġ, ir-rapportar u l-verifika tal-assorbiment tal-karbonju jinżammu baxxi kemm jista’ jkun, biex tiġi żgurata aċċessibbiltà wiesgħa tal-qafas taċ-ċertifikazzjoni.

1.8

Il-KESE jenfasizza li r-riskji u l-effetti sekondarji potenzjali għall-atturi ewlenin (il-bdiewa, l-industrija tal-foresti, u l-industriji tal-kostruzzjoni u tal-injam) assoċjati mal-Proposta, inklużi dawk ta’ natura ambjentali jew soċjoekonomika, jeħtieġ li jiġu vvalutati u indirizzati bir-reqqa qabel ma l-qafas taċ-ċertifikazzjoni jiġi integrat f’politiki oħra, bħall-Politika Agrikola Komuni.

1.9

Fil-fehma tal-KESE, il-Politika Agrikola Komuni (PAK) attwali m’għandhiex tintuża biex tiffinanzja s-sekwestru tal-karbonju f’art agrikola jew l-assorbimenti tal-karbonju (1). Għalkemm il-PAK jista’ jkollha rwol żgħir fl-assorbimenti tal-karbonju, dan l-istrument huwa mfassal għall-produzzjoni tal-ikel, l-għalf u l-bijomassa, li huwa l-objettiv primarju tas-settur tal-agrikoltura u tal-forestrija. F’dan il-kuntest speċifiku, l-assorbimenti tal-karbonju huma prodott sekondarju, li jfisser li għandhom ikunu disponibbli sorsi ta’ finanzjament addizzjonali.

1.10

Il-KESE huwa tal-fehma li l-livell għoli ta’ ambigwità tal-Kummissjoni dwar il-finanzjament ser jaġixxi bħala diżinċentiv qawwi għall-parteċipazzjoni għal dawk li potenzjalment jieħdu sehem. Għalhekk, il-KESE jenfasizza li hemm bżonn ta’ ċertu livell ta’ ċertezza fir-rigward tal-finanzjament. Minħabba l-opportunitajiet tal-assorbimenti tal-karbonju fil-futur, il-KESE jirrakkomanda li jiġi żviluppat pjan direzzjonali lejn strument finanzjarju komuni għal dawn il-miżuri.

2.   Kummenti ġenerali

Il-ħtieġa li jiżdiedu l-assorbimenti tal-karbonju biex jintlaħqu l-miri żero netti

2.1

F’konformità mal-Ftehim ta’ Pariġi, l-Unjoni Ewropea impenjat ruħha li tilħaq emissjonijiet żero netti ta’ gassijiet serra sal-2050, u emissjonijiet negattivi netti wara dik is-sena. Skont l-aħħar rapport tal-Grupp Intergovernattiv ta’ Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima (IPCC), mhux ser ikun biżżejjed li jkun hemm enfasi biss fuq it-tnaqqis tal-emissjonijiet sabiex jintlaħaq dan l-għan. Ir-rapport jgħid li ma jistax jiġi evitat l-użu b’mod effettiv tal-assorbiment tad-diossidu tal-karbonju sabiex jiġu kkontrobilanċjati l-emissjonijiet residwi li huma diffiċli li jitrażżnu jekk iridu jinkisbu n-newtralità karbonika jew in-newtralità klimatika (2).

2.2

Minkejja li l-assorbimenti tal-karbonju ma jissostitwixxux it-tnaqqis drastiku meħtieġ tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra, dawn ser ikollhom jikkomplementaw l-isforzi tat-tnaqqis tal-emissjonijiet sabiex jintlaħqu n-newtralità klimatika jew l-emissjonijiet negattivi netti. Konsegwentement, l-assorbimenti tal-karbonju jeħtieġ li jiżdiedu b’mod sinifikanti globalment biex jiġu kkontrollati l-konċentrazzjonijiet atmosferiċi ta’ gassijiet serra u jiġi limitat it-tisħin globali. Biex tilħaq l-għanijiet klimatiċi tagħha, l-UE tantiċipa li ser ikollha bżonn tnaqqas l-emissjonijiet tagħha b’85-95 % meta mqabbla mal-1990, u jintużaw miżuri għall-assorbimenti tal-karbonju biex jikkumpensaw għad-diskrepanzi. Għalhekk, kull sena ser ikun meħtieġ li mill-atmosfera jitneħħew diversi mijiet ta’ miljun tunnellata (Mt) ta’ CO2.

2.3

Għal dan il-għan, l-UE s’issa introduċiet diversi inizjattivi:

il-Liġi dwar il-Klima, li tistabbilixxi l-objettiv tal-UE li tikseb in-newtralità klimatika sal-2050;

ir-Regolament dwar l-użu tal-art, it-tibdil fl-użu tal-art u l-forestrija (LULUCF), li l-aħħar proposta għal emenda tipprevedi mira netta għall-assorbimenti tal-karbonju ta’ 310 Mt CO2 ekwivalenti sal-2030, għall-ħżin tal-karbonju fil-ħamrija, fil-foresti u fil-prodotti tal-injam; u

il-Komunikazzjoni dwar iċ-Ċikli tal-Karbonju Sostenibbli, li tiddeskrivi l-pjan direzzjonali għas-sekwestru tal-karbonju f’art agrikola li jikkontribwixxi għall-mira proposta tal-2030 għal-LULUCF, u s-soluzzjonijiet industrijali li jneħħu mill-inqas 5 Mt CO2 sal-2030. Il-Komunikazzjoni ħabbret ukoll pjani biex tiġi żviluppata l-proposta għal qafas regolatorju għaċ-ċertifikazzjoni tal-assorbimenti tal-karbonju.

Il-ġestjoni tal-proġetti għall-assorbiment tal-karbonju

2.4

Permezz tal-Proposta tagħha li tistabbilixxi qafas ta’ ċertifikazzjoni volontarju tal-Unjoni għall-assorbimenti tal-karbonju, il-Kummissjoni Ewropea għandha l-għan li żżid l-assorbimenti tal-karbonju ta’ kwalità għolja u sostenibbli billi tinċentiva l-finanzjament, tiġġieled il-greenwashing u tibni l-fiduċja, kif ukoll tarmonizza l-kundizzjonijiet tas-suq.

2.5

Il-Kummissjoni tistabbilixxi tliet kategoriji ewlenin ta’ metodi għall-assorbiment tal-karbonju:

ħżin permanenti. Dan jinkludi metodi bħall-bijoenerġija bil-qbid u l-ħżin tad-diossidu tal-karbonju (BECCS) u l-qbid u l-ħżin tal-karbonju dirett mill-arja (DACCS). Mill-inqas 5 Mt ta’ CO2 għandhom jiġu assorbiti permezz ta’ metodi f’din il-kategorija sal-2030, u sa 200 Mt CO2 assorbiti sal-2050;

is-sekwestru tal-karbonju f’art agrikola jkopri metodi bħall-afforestazzjoni u r-riforestazzjoni, il-ġestjoni mtejba tal-foresti, l-agroforestrija, is-sekwestru tal-karbonju fil-ħamrija u r-restawr tat-torbiera. Flimkien mal-prodotti għall-ħżin tal-karbonju, is-sekwestru tal-karbonju f’art agrikola jikkontribwixxi għall-mira tal-assorbiment proposta tal-LULUCF ta’ 310 Mt CO2 ekwivalenti fis-sena, li għandha tintlaħaq sal-2030, u ekonomija “pożittiva għall-klima” sal-2050;

il-prodotti għall-ħżin tal-karbonju jinkludu metodi bħall-użu ta’ materjali bbażati fuq l-injam fil-kostruzzjoni, kif ukoll il-qbid u l-użu tal-karbonju (CCU) fit-tul, u flimkien mas-sekwestru tal-karbonju f’art agrikola se jgħinu biex jintlaħqu l-miri proposti tal-LULUCF u tal-impatt pożittiv fuq il-klima msemmija hawn fuq.

2.6

Il-Kummissjoni tistabbilixxi ċerti kriterji bażi sabiex jiġi żgurat li l-assorbimenti tal-karbonju ta’ kwalità għolja biss jiġu ċċertifikati skont ir-Regolament:

l-attivitajiet tal-assorbiment tal-karbonju jridu jitkejlu b’mod preċiż u jagħtu benefiċċji mhux ambigwi għall-klima (kwantifikazzjoni);

l-attivitajiet tal-assorbiment tal-karbonju jridu jmorru lil hinn mill-prattiki tas-suq u dak li huwa legalment meħtieġ (addizzjonalità);

iċ-ċertifikati jridu jqisu b’mod ċar it-tul tal-ħżin tal-karbonju u jiddistingwixxu bejn il-ħżin permanenti u dak temporanju (ħżin fit-tul);

fl-aħħar nett, l-attivitajiet tal-assorbiment tal-karbonju għandhom ikunu ta’ benefiċċju għall-objettivi ambjentali oħra bħall-bijodiversità, jew tal-anqas ma għandhomx jagħmlu ħsara lill-ambjent (sostenibbiltà).

2.7

Biex tiddefinixxi b’mod aktar ċar ir-regoli li japplikaw għal kull metodu ta’ assorbiment tal-karbonju, u biex tħaddem il-kriterji tal-kwalità, il-Kummissjoni se tiżviluppa metodoloġiji ta’ ċertifikazzjoni mfassla apposta b’appoġġ minn grupp ta’ esperti u tistabbilixxihom permezz ta’ atti delegati. L-UE l-ewwel se tiżviluppa metodoloġiji u tirrikonoxxi skemi ta’ ċertifikazzjoni. Fit-tieni pass, l-operaturi jistgħu jissieħbu fi skemi ta’ ċertifikazzjoni rikonoxxuti mill-UE, filwaqt li partijiet terzi se jivverifikaw l-attivitajiet eliġibbli għaċ-ċertifikazzjoni. L-assorbimenti tal-karbonju ċċertifikati se jiġu rreġistrati f’reġistri interoperabbli.

2.8

Hemm diversi sinerġiji bejn l-inizjattivi eżistenti u dawk futuri fil-qasam rilevanti għall-assorbiment tal-karbonju. L-assorbimenti tal-karbonju skont ir-Regolament propost jistgħu:

jirċievu appoġġ pubbliku permezz tal-Politika Agrikola Komuni, l-Għajnuna mill-Istat, jew il-Fond għall-Innovazzjoni;

jiġu inklużi fir-rapportar korporattiv, li għandhom jiġu definiti aktar mill-qrib fl-Inizjattiva biex jiġu sostanzjati l-asserzjonijiet ambjentali jew fid-Direttiva dwar ir-Rapportar Korporattiv dwar is-Sostenibbiltà (CSRD);

jagħmlu użu minn sinerġiji ma’ tikketti u ċertifikazzjonijiet oħra, bħaċ-ċertifikazzjoni tal-biedja organika u l-bijomassa sostenibbli;

jiġu inklużi fil-kuntratti tal-katina tal-provvista, billi jistabbilixxu ktajjen tal-valur industrijali u sinerġiji ma’ sistemi tal-ikel sostenibbli;

jikkontribwixxu għall-integrità tas-swieq volontarji tal-karbonju.

3.   Kummenti speċifiċi

Ċertifikazzjoni robusta bħala sinsla tant meħtieġa biex jiżdiedu b’mod rapidu l-kapaċitajiet ta’ assorbiment tal-karbonju fl-Ewropa

3.1

L-istabbiliment ta’ regoli ġenerali tal-UE biex jirregolaw kif il-benefiċċji klimatiċi tal-assorbimenti tal-karbonju jitkejlu, jiġu vvalidati u vverifikati, jista’ jipprovdi appoġġ kruċjali għall-iżvilupp ta’ kapaċitajiet b’saħħithom ta’ assorbiment tal-karbonju fl-Ewropa. Dan jinkludi varjetà wiesgħa ta’ metodi innovattivi għall-bdiewa, il-forestiera, l-industriji u oħrajn biex jaqbdu u jaħżnu CO2 mhux fossili.

3.2

Iċ-ċertifikazzjoni tirrappreżenta pass meħtieġ u sinifikanti lejn l-integrazzjoni tal-assorbimenti tal-karbonju fil-politiki tal-UE dwar il-klima. Dan jinkludi, pereżempju, li jinħolqu inċentivi għall-ħżin tal-karbonju fil-ħamrija għall-maniġers tal-art (eż. permezz tal-PAK), li jiġu ppremjati l-akkwisti ta’ materjali tal-bini li jaħżnu karbonju mhux fossili (eż. permezz ta’ kodiċijiet tal-bini), jew li jsir rapportar dwar il-miri klimatiċi (eż. permezz tas-CSRD).

3.3

Għalhekk, il-KESE jappoġġja bis-sħiħ il-qafas ta’ ċertifikazzjoni għall-assorbiment tal-karbonju fil-prinċipju u bħala pass lejn ċertifikazzjoni robusta.

Il-ħtieġa li jiġi mmonitorjat il-karbonju assorbit biex jiġu żgurati kobenefiċċji klimatiċi, ekonomiċi u soċjetali

3.4

Filwaqt li huwa imperattiv li l-assorbimenti tal-karbonju jintużaw b’mod effettiv fuq skala kbira, huwa importanti wkoll li dawn l-isforzi jinżammu taħt kontroll. Il-KESE jinnota li jista’ jkun hemm mistoqsijiet leġittimi dwar l-użu tal-assorbiment tal-karbonju fil-politika tal-UE dwar il-klima, mill-potenzjal għad-deterrenza tal-mitigazzjoni sat-theddida ta’ pretensjonijiet ekoloġiċi u greenwashing qarrieqa abbażi ta’ xiri ta’ kreditu ta’ karbonju.

3.5

Għalhekk, il-KESE jemmen li l-UE teħtieġ qafas effettiv u robust ta’ ċertifikazzjoni biex jiġi żgurat li jiġi ċċertifikat biss assorbiment tal-karbonju ta’ kwalità għolja u affidabbli. Dan ser jippermetti lill-UE tirrikonoxxi u tippremja l-assorbiment tal-karbonju mingħajr ma xxekkel id-dekarbonizzazzjoni.

3.6

L-istabbiliment ta’ livell minimu ta’ kwalità għall-assorbimenti tal-karbonju ċċertifikati kollha huwa kruċjali biex tingħata fiduċja lill-atturi ewlenin li l-assorbiment tal-karbonju ċċertifikat mill-UE joħloq benefiċċju reali għall-klima. Aktar ’il quddiem, ser ikollha tipprovdi wkoll sinjal b’saħħtu biżżejjed li l-assorbimenti tal-karbonju ċċertifikati jistgħu jiġu integrati b’mod sikur f’politiki usa’ tal-UE relatati mal-klima.

3.7

F’dan il-kuntest, l-attivitajiet tal-assorbimenti tal-karbonju jeħtieġ li juru addizzjonalità – li l-assorbiment ma kienx iseħħ mingħajr l-intervent. Dan huwa rekwiżit strett jekk iċ-ċertifikati jintużaw għal talbiet għal kumpens, iżda potenzjalment jistgħu jiġu llaxkati meta ma ssir l-ebda talba (eż. fil-każ ta’ pagamenti diretti tal-gvern lill-bdiewa biex jinċentivaw bidla lejn prattiki riġenerattivi). Għal din ir-raġuni, l-attivitajiet tal-assorbiment tal-karbonju għandhom jiġġeneraw kobenefiċċji f’termini ta’ sostenibbiltà, aktar milli jkollhom biss impatt “newtrali”, kif attwalment previst mill-Kummissjoni.

3.8

Il-KESE jenfasizza wkoll li r-riskju ta’ treġġigħ lura (rilaxx ta’ CO2 maħżun) jeħtieġ li jiġi mmonitorjat u mmitigat kontinwament. Ir-responsabbiltà, kif ukoll it-trasferiment tar-responsabbiltà, għall-karbonju assorbit u maħżun jeħtieġ li jiġu definiti b’mod ċar u jkunu speċifiċi għal kull tip ta’ assorbiment tal-karbonju.

Iż-żamma tad-distinzjoni bejn il-ħżin permanenti tal-karbonju, is-sekwestru tal-karbonju f’art agrikola u l-ħżin tal-karbonju fil-prodotti

3.9

Il-metodi għall-assorbiment tal-karbonju jvarjaw b’mod sinifikanti f’termini ta’ kif jiġi estratt is-CO2 mill-atmosfera, fejn jinħażen il-karbonju, u għal kemm żmien.

3.10

Ġeneralment, il-karbonju maħżun f’riżervi terrestri u l-bijomassa ħajja (metodi gall-assorbiment b’ċiklu qasir) huwa aktar vulnerabbli u juri perjodi ta’ ħżin iqsar mill-karbonju maħżun f’riżervi ġeoloġiċi (metodi għall-assorbiment b’ċiklu twil).

3.11

B’riżultat ta’ dan, id-diversi metodi għall-assorbiment u l-ħżin tal-karbonju għandhom jingħaddu, jiġu ġestiti u ċċertifikati b’modi differenti, skont in-natura tal-ħżin tal-karbonju. L-UE diġà tissepara l-pilastru tal-LULUCF mill-emissjonijiet tas-settur industrijali. Il-Komunikazzjoni dwar iċ-Ċikli tal-Karbonju Sostenibbli tintroduċi distinzjonijiet bejn it-tipi ta’ karbonju “fossili”, “bijoġeniku”, u “atmosferiku”, li tipproponi li jiġu ttikkettati, traċċati u kontabilizzati separatament fl-UE sa mhux aktar tard mill-2028.

3.12

Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li t-tliet gruppi ta’ metodi tal-assorbiment tal-karbonju (ħżin permanenti tal-karbonju, sekwestru tal-karbonju f’art agrikola u ħżin tal-karbonju fil-prodotti) għandhom rwoli differenti fi triqietna lejn in-newtralità klimatika u għandhom eżiti klimatiċi, kostijiet, sfidi tal-użu, livelli ta’ maturità u perċezzjoni pubblika differenti. Għalhekk, għandhom jiġu inċentivati u rregolati wkoll b’modi differenti, li jippermettu politiki mfassla apposta u appoġġ finanzjarju li jissodisfaw il-ħtiġijiet ta’ kull metodu għall-assorbiment tad-diossidu tal-karbonju.

3.13

Fid-dawl ta’ dan t’hawn fuq, il-KESE jaqbel mal-għan tal-Kummissjoni li tagħti lill-pubbliku, lill-fornituri tal-assorbiment tal-karbonju u lix-xerrejja trasparenza u ċarezza dwar il-valur tal-attivitajiet tal-assorbiment tal-karbonju ċċertifikati.

3.14

Madankollu. il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni tagħmel iktar u tintroduċi wkoll gwida li tiddefinixxi d-dikjarazzjonijiet adatti li jistgħu jsiru abbażi ta’ każijiet differenti ta’ assorbiment tal-karbonju ċċertifikat (jiġifieri ħżin permanenti, sekwestru tal-karbonju f’art agrikola, ħżin tal-karbonju fil-prodotti). Dan ser ikun kruċjali biex jitrawwem l-ispettru sħiħ ta’ każijiet possibbli ta’ ċertifikazzjoni għall-assorbiment tal-karbonju, filwaqt li tiġi żgurata l-integrità tal-benefiċċji klimatiċi ddikjarati u jiġi evitat il-greenwashing.

L-iżgurar tat-trasparenza u l-kontribut xjentifiku fl-iżvilupp tal-metodoloġiji

3.15

Peress li l-Kummissjoni għandha tinvolvi ruħha fi proċess separat, appoġġjata minn grupp ta’ esperti, biex tiżviluppa metodoloġiji għal attivitajiet tal-assorbiment tal-karbonju kif ukoll biex tistabbilixxi aktar dettalji dwar iċ-ċertifikati f’atti delegati, il-KESE jappella biex is-soċjetà ċivili tiġi involuta u kkonsultata.

3.16

Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-metodoloġiji li ser jiġu żviluppati jkunu bbażati fuq evidenza xjentifika u ggwidati mill-komunità xjentifika.

3.17

Il-KESE jinnota li hija meħtieġa firxa wiesgħa ta’ kejl tal-assorbimenti tal-karbonju biex jitwettqu il-monitoraġġ, ir-rapportar u l-verifika, inklużi l-użu ta’ telerilevament u immaġnijiet bis-satellita. Fir-rigward tal-kejl meħtieġ, il-KESE jenfasizza li huwa essenzjali li l-ispejjeż tal-monitoraġġ, ir-rapportar u l-verifika tal-assorbiment tal-karbonju jinżammu baxxi kemm jista’ jkun, biex tiġi żgurata aċċessibbiltà wiesgħa tal-qafas taċ-ċertifikazzjoni.

3.18

L-UE għandha tikkunsidra li tipprovdi finanzjament iddedikat għar-riċerka, l-iżvilupp tal-metodoloġija, u l-użu effettiv tal-fażi pilota. Għal atturi żgħar, l-appoġġ għall-bini tal-kapaċità u biex jiġu koperti l-ispejjeż amministrattivi ser ikun kruċjali biex jiġi demokratizzat l-aċċess għall-qafas ta’ ċertifikazzjoni.

3.19

Fl-aħħar, il-KESE jenfasizza li r-riskji u l-effetti sekondarji potenzjali assoċjati mal-Proposta għall-atturi ewlenin (il-bdiewa, l-industrija tal-foresti, u l-industriji tal-kostruzzjoni u tal-injam), inklużi dawk ta’ natura ambjentali jew soċjoekonomika, jeħtieġ li jiġu vvalutati u indirizzati bir-reqqa qabel ma l-qafas taċ-ċertifikazzjoni jiġi integrat f’politiki oħra, bħall-Politika Agrikola Komuni.

Brussell, it-22 ta’ Marzu 2023.

Christa SCHWENG

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


(1)  ĠU C 323, 26.8.2022, p. 95.

(2)  IPCC, Grupp ta’ Ħidma III, Sommarju għal dawk li jfasslu l-politika, 2022 (mhux disponibbli bil-Malti).