29.6.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 228/126


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Lejn Settur tal-Algi tal-UE B’Saħħtu u Sostenibbli”

(COM(2022) 592 final)

(2023/C 228/18)

Relatur:

Zsolt KÜKEDI

Konsultazzjoni

Kummissjoni Ewropea, 8.2.2023

Bażi legali

Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja

27.4.2023

Bażi legali

Artikolu 52(2) tar-Regoli ta’ Proċedura

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent

Adozzjoni fis-sezzjoni

13.4.2023

Adozzjoni fil-plenarja

27.4.2023

Sessjoni plenarja Nru

578

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

147/0/1

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jilqa’ l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bil-għan li jiġi stabbilit “settur tal-algi tal-UE b’saħħtu u sostenibbli”. L-algi jistgħu jikkontribwixxu b’ħafna modi biex jittaffew l-effetti tat-tibdil fil-klima u biex l-enerġija tiġi alimentata u pprovduta b’mod sostenibbli lill-popolazzjoni tad-dinja li qed tespandi b’mod rapidu.

1.2.

Fost il-popolazzjoni Ewropea hemm diversi opinjonijiet dwar l-algi. B’mod partikolari, f’żoni li jinsabu viċin ta’ ilmijiet imniġġsa, il-proliferazzjoni tal-algi titqies bħala kawża ta’ tħassib. Fl-istess ħin, l-algi jitqiesu wkoll bħala soluzzjoni possibbli għall-problemi ta’ ħafna pajjiżi, parzjalment bis-saħħa tal-innovazzjoni Ewropea. Il-KESE jirrimarka li fil-kuntest tal-ħolqien ta’ settur tal-algi, jeħtieġ li tiżdied il-fiduċja fil-prodotti u għandha tingħata aktar attenzjoni biex jiġi żgurat li dawn ikunu sikuri.

1.3.

Il-KESE jinnota li l-Komunikazzjoni ma tenfasizzax biżżejjed il-possibbiltà li jinħoloq sors ta’ ikel f’ambjenti tal-ilma ħelu. Barra minn hekk, l-algi jistgħu ma jkunux neċessarjament biss sors ta’ ikel f’ambjenti tal-ilma ħelu, iżda jistgħu jistendu wkoll għall-ambjenti ta’ ilma ħelu ewtrofikat, ilma termali użat u ilma mormi ieħor, fejn tali sors jista’ sservi għal skopijiet ambjentali jew tal-enerġija. Din ir-riżorsa enormi, iżda li mhijiex utilizzata biżżejjed, għandha tintuża għall-iżvilupp tal-Ewropa, b’mod partikolari ż-żoni rurali tal-UE.

1.4.

Il-makroalgi fl-ibħra kostali marittimi jistgħu jiġġeneraw dħul addizzjonali għall-intrapriżi tas-sajd. L-estrazzjoni tagħhom tnaqqas l-ewtrofikazzjoni u tista’ tiġġenera prodotti u servizzi tal-ekosistema siewja, inkluż billi tipprovdi ħabitats ġodda għal ċerti speċijiet. Is-settur tal-makroalgi tal-ilma ħelu għadu fil-bidu, u għalhekk għandu jiġi kkunsidrat fid-dokumenti ta’ politika futuri.

1.5.

Fl-Unjoni, il-kultivazzjoni kontinwa tal-mikroalgi hija prinċipalent possibbli f’reattur magħluq, li jimplika ħtieġa kbira ta’ kapital. Madankollu, hija produttiva u affidabbli ħafna, bi kwalità prevedibbli. Il-kultivazzjoni tal-mikroalgi hija possibbli wkoll fl-ilma ħelu u fil-lagi fin-Nofsinhar tal-Ewropa.

1.6.

Il-produzzjoni tal-mikroalgi hija kważi l-unika għażla disponibbli għal ċerti Stati Membri li ma għandhomx kosta marittima (eż. l-Ungerija, iċ-Ċekja u s-Slovakkja). Fl-istess ħin, uħud minn dawn il-pajjiżi għandhom livell għoli ta’ għarfien xjentifiku u teknoloġiku li għandu jintuża meta jinħoloq settur Ewropew tal-algi.

1.7.

Il-makroalgi u l-mikroalgi ma għandhomx jiġu trattati bl-istess mod, peress li dawn joffru firxa wiesgħa ta’ possibbiltajiet, u għandhom karatteristiċi, impatti u ħtiġijiet regolatorji differenti. Il-KESE jifhem li hemm bilanċ raġonevoli bejn il-makroalgi u l-mikroalgi fil-Komunikazzjoni, iżda jirrakkomanda li jiġi eżaminat kif il-parti tal-ilma ħelu tas-settur tal-algi tista’ ġġib benefiċċji għal ċerti Stati Membri (dawk mingħajr kosta marittima). Il-KESE jirrakkomanda li jittieħed approċċ aktar ibbilanċjat u integrat għas-setturi relatati, li ssir distinzjoni ċara bejn il-kompetenzi tal-UE u dawk tal-Istati Membri u, jekk ikun meħtieġ, jiġi protett is-suq intern minn prodotti importati rħas.

1.8.

Il-provvista tal-ikel fl-Unjoni għadha mhijiex problema, għall-kuntrarju tad-disponibbiltà u l-prezz tal-enerġija (kemm f’termini ta’ produzzjoni kif ukoll ta’ importazzjonijiet), tal-fertilizzanti u l-ingredjenti tal-għalf, iż-żieda fl-iskart organiku u t-tnaqqis fir-raba’ li jinħadem. It-teknoloġiji li jistgħu jindirizzaw dawn il-problemi urġenti b’mod ġenerali, li jinkludu l-produzzjoni u l-isfruttament tal-algi, jistħoqqilhom appoġġ wiesa’.

1.9.

Il-KESE jinnota li l-Komunikazzjoni tqis li hemm potenzjal ekonomiku enormi għall-algi, iżda l-kultivazzjoni tagħhom għandha potenzjal teoretiku saħansitra akbar, u għalhekk hija kapaċi tissodisfa d-domanda dejjem tikber. Madankollu, il-fondi Ewropej jistgħu jintużaw biss għal soluzzjonijiet ekonomiċi vijabbli u sostenibbli, u għalhekk il-KESE jitlob lill-Kummissjoni tagħti attenzjoni partikolari lill-effiċjenza ekonomika tal-produzzjoni tal-algi, kif ukoll għad-dimensjonijiet ambjentali u soċjali.

1.10.

Kif propost mill-KESE, fl-istabbiliment tal-industrija tal-algi, għandhom jiġu promossi l-għarfien u s-sensibilizzazzjoni dwar din l-industrija l-ġdida sabiex tiġi żgurata l-aċċettazzjoni tagħha mis-soċjetà u mis-suq, u għalhekk jitlob lill-Kummissjoni Ewropea li din il-miżura proposta tingħata enfasi speċjali permezz ta’ stħarriġiet rappreżentattivi, pjani ta’ azzjoni speċifiċi għall-pajjiż, u l-involviment u saħansitra l-ħolqien ta’ organizzazzjonijiet settorjali.

1.11.

Il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni Ewropea, lill-Istati Membri involuti u l-industrija tal-algi jikkunsidraw il-proposti li ġejjin fir-rigward tal-ħolqien ta’ settur tal-algi:

il-produzzjoni tal-algi tiġi integrata fil-ktajjen tal-valur eżistenti tal-prodotti tal-ikel agrikoli, tal-għalf, u tal-materja prima industrijali u tal-enerġija;

il-Komunikazzjoni għandha tagħmel aktar enfasi fuq il-produzzjoni tal-algi tal-ilma ħelu;

jitnieda proċess ta’ standardizzazzjoni li jkopri l-algi kollha, li jista’ jinkludi wkoll l-iżvilupp ta’ strateġija integrata dwar il-prodotti tal-baħar;

abbażi tal-aħjar prattiki amministrattivi, tintemm il-frammentazzjoni tal-leġiżlazzjoni u jiġu estiżi l-mudelli ta’ awtorizzazzjoni għall-algi;

jiġu inklużi l-ispeċijiet differenti tal-algi fil-katalgu tal-ikel tal-UE;

jimtlew il-lakuni fl-għarfien tekniku, it-teknoloġija u l-innovazzjoni permezz ta’ programm ambizzjuż ta’ finanzjament għar-riċerka fit-terminu qasir u medju;

jiġu stabbiliti banek tal-materjal tal-propagazzjoni tal-algi, jiġi ffinanzjat l-operat tagħhom, u jiġi żgurat li l-materja prima tkun disponibbli bi prezzijiet raġonevoli għall-produtturi tal-algi u l-proġetti tar-riċerka u l-iżvilupp;

l-aspetti ekonomiċi tal-produzzjoni u tal-użu potenzjali jridu jiġu rieżaminati sabiex jinħoloq settur tal-algi ekonomikament vijabbli; is-suq intern irid ikun protett minn prodotti importati rħas.

1.12.

Il-KESE jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE jibdew jagħtu prijorità lill-kwistjoni tal-ilma u jiżviluppaw “Patt Blu għall-Ewropa” sabiex jippreservaw, jużaw aħjar u jindirizzaw b’mod adegwat ir-riżorsi tal-ilma. F’dan il-kuntest, il-ħolqien ta’ settur tal-algi tal-UE huwa pass importanti.

2.   Kummenti ġenerali

2.1.

Fil-15 ta’ Novembru 2022, il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat il-proposta tagħha dwar Lejn settur tal-algi tal-UE b’saħħtu u sostenibbli (1). Il-Komunikazzjoni tipproponi l-iżvilupp ta’ modi ġodda u sostenibbli għall-alimentazzjoni u l-provvista ta’ enerġija sostenibbli lill-popolazzjoni tad-dinja li qed tikber b’rata mgħaġġla. Il-Komunikazzjoni tenfasizza li sabiex tiġi żgurata s-sigurtà tal-provvista tal-materja prima u l-enerġija, irridu nisfruttaw bis-sħiħ il-potenzjal tal-algi bħala riżorsa rinnovabbli fl-Ewropa.

2.2.

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea hija loġika u tagħmel parti minn serje ta’ dokumenti ppubblikati s’issa dwar is-suġġett, li jirrikonoxxu l-potenzjal ekonomiku sinifikanti kif ukoll il-benefiċċji soċjali u ambjentali tal-kultivazzjoni fuq skala kbira tal-mikroalgi u l-makroalgi fl-UE. Hija tidentifika 23 azzjoni bil-għan li jittejbu l-qafas ta’ governanza u l-leġiżlazzjoni; l-ambjent tan-negozju jsir aktar favorevoli għall-isfruttament tal-algi; jiżdiedu s-sensibilizzazzjoni tal-pubbliku u l-aċċettazzjoni mill-konsumatur tal-algi u l-prodotti tal-algi, u jimtlew il-lakuni fl-għarfien, ir-riċerka u t-teknoloġija.

2.3.

Il-politiki Ewropew, kemm il-Patt Ekoloġiku Ewropew (2) kif ukoll l-Istrateġija mill-Għalqa sal-Platt (3), enfasizzaw il-potenzjal tal-algi (tal-baħar) u ta’ prodotti oħra bbażati fuq l-algi permezz tal-akkwakultura bħala sors ta’ proteini tal-ikel u tal-għalf b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju. Il-Komunikazzjoni dwar Linji gwida strateġiċi għal akkwakultura tal-UE li tkun aktar sostenibbli u kompetittiva għall-perjodu bejn l-2021 u l-2030 (4) tenfasizza l-ħtieġa li tiġi promossa l-kultivazzjoni tal-algi –kemm il-makroalgi (algi tal-baħar) kif ukoll il-mikroalgi – sabiex tikkontribwixxi biex jintlaħqu diversi objettivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew. Fil-Komunikazzjoni tagħha dwar Ċikli tal-Karbonju Sostenibbli (5), il-Kummissjoni tirrikonoxxi l-potenzjal tal-algi għall-ekonomija blu tal-karbonju. Il-Komunikazzjoni dwar Ekonomija Blu Sostenibbli (6) tirreferi wkoll għall-potenzjal tal-algi biex jiġu żgurati sistema tal-ikel sostenibbli u sigurtà tal-ikel globali.

2.4.

L-algi mhumiex biss materja prima li ma tagħmilx ħsara lill-ambjent (u għalhekk “ekoloġika”), iżda l-użu sistemiku tagħhom huwa konformi mal-prinċipju fundamentali tat-tnaqqis massimu tal-iskart tal-ekonomija blu, u għaldaqstant huma kemm prodott “blu” kif ukoll prodott “aħdar”.

2.5.

Il-kultivazzjoni tal-algi ġġib valur miżjud għal kważi l-elementi kollha tal-Patt Ekoloġiku Ewropew:

il-protezzjoni tal-klima, permezz tad-dekarbonizzazzjoni;

il-provvista tal-enerġija, permezz tal-produzzjoni tal-bijogass u l-bijofjuwils;

l-iżvilupp taċ-ċirkolarità, permezz tal-kontribut tagħha għall-ġestjoni tal-iskart u t-tniġġis żero;

il-promozzjoni ta’ sistema tal-ikel tajba għas-saħħa u li ma tagħmilx ħsara lill-ambjent;

il-preservazzjoni u r-restawr tal-ekosistemi u l-bijodiversità, kif ukoll l-iżvilupp ta’ servizzi ambjentali;

l-għan ta’ tniġġis żero.

L-intensifikazzjoni tal-produzzjoni tal-algi toffri l-possibbiltajiet speċifiċi li ġejjin (7):

il-produzzjoni tal-ikel (inkluż ikel tat-trabi) jew ta’ supplimenti tal-ikel (eż. vitamini jew karraġenina) b’mod sostenibbli mingħajr l-użu ta’ raba’ li jinħadem;

il-produzzjoni ta’ bijogass u bijofjuwils tal-ogħla livell ta’ żvilupp tekniku;

il-produzzjoni ta’ kożmetiċi, prodotti tas-saħħa (estratti mediċinali, pigmenti, talassoterapija) u materja prima industrijali (materja prima għall-produzzjoni tal-karta/fibri b’bażi bijoloġika) b’valur miżjud għoli;

il-produzzjoni ta’ supplimenti tal-għalf (rendiment u/jew kwalità aħjar, inqas ħtieġa għal dqiq tas-sojja jew frakass tal-fdal tal-ħut);

il-produzzjoni ta’ bijostimulanti għall-għelejjel (tejjieba tal-ħamrija, fertilizzant tal-weraq);

benefiċċji ambjentali (trattament tal-ilma mormi, kejl tal-purità tal-ilma, kwoti tal-emissjonijiet tal-karbonju).

2.6.

Fil-Komunikazzjoni dwar Ekonomija Blu Sostenibbli, il-Kummissjoni ħabbret li se “tħares lejn il-potenzjal tal-algi fl-UE u tistabbilixxi approċċ koerenti, inklużi azzjonijiet immirati, sabiex jiġi appoġġjat it-tkabbir tal-kultivazzjoni u l-produzzjoni tal-algi riġenerattivi madwar l-UE, u jiġu żviluppati u integrati s-swieq għall-applikazzjonijiet tal-algi tal-ikel u dawk mhux tal-ikel”.

2.7.

Mhux biss “il-kultivazzjoni u l-produzzjoni tal-algi riġenerattivi” jittrasformaw l-enerġija solari u n-nutrijenti fil-bijomassa tal-pjanti u jappoġġjaw ir-restawr tal-ekosistema, iżda “l-kultivazzjoni tal-ħaxix tal-baħar tista’ twassal oġġetti u servizzi siewja tal-ekosistema, inkluż billi tipprovdi ħabitats ġodda għall-ispeċijiet ta’ ħut u ta’ invertebrati mobbli”.

2.8.

Attwalment, l-ibħra u l-oċeani huma riżorsa enormi iżda li ftit li xejn tiġi sfruttata, u “jirrappreżentaw sors ta’ mhux aktar minn 2 % biss tal-ikel tal-bniedem, minkejja li jkopru aktar minn 70 % tas-superfiċje tad-dinja”. Fl-istess ħin, l-isfruttament tal-ambjenti akkwatiċi jista’ jaffettwa mhux biss l-ibħra u l-oċeani, iżda wkoll l-ilma ħelu ewtrofikat (sew jekk dan ikun xmara, lag jew ġibjun magħmul mill-bniedem, kanal għall-irrigazzjoni, eċċ.), ilma termali użat u ilma mormi ieħor.

2.9.

L-użu tal-algi jista’ jimmitiga b’mod effettiv u sostenibbli l-kwistjoni tad-disponibbiltà tal-fertilizzanti, tal-komponenti tal-għalf u tal-enerġija li nħolqot mill-gwerra bejn ir-Russja u l-Ukrajna (8).

2.10.

Id-domanda għall-algi għandha potenzjal enormi għat-tkabbir (9): għalkemm fl-2019 id-domanda Ewropea għall-algi kienet ta’ madwar 270 000 tunnellata, fl-2030 hija tista’ tiżdied għal 8 miljun tunnellata b’valur ta’ EUR 9 biljun. Żieda bħal din tista’ toħloq madwar 85 000 impjieg, tneħħi eluf ta’ tunnellati ta’ fosfru u nitroġenu mill-ibħra Ewropej kull sena, ittaffi sa 5,4 miljun tunnellata ta’ emissjonijiet tas-CO2 fis-sena u ttaffi l-pressjoni fuq l-użu tal-art. Il-KESE jinnota li l-kultivazzjoni tal-algi għandha potenzjal teoretiku saħansitra ogħla mid-domanda attwali u għalhekk hija kapaċi tissodisfa d-domanda dejjem tikber.

3.   Kummenti speċifiċi

3.1.

Il-perċezzjoni tal-medja tan-nies u tan-negozji Ewropej dwar l-algi hija negattiva u bbażata fuq l-immaġni ta’ bajja mimlija algi jew ta’ lag tal-ilma ħelu li jbiddel il-kulur minħabba l-proliferazzjoni tal-algi. Madankollu, l-algi huma organiżmi uniċi u utli minħabba l-istruttura fiżika u l-istil ta’ ħajja tagħhom.

3.2.

It-terminu “algi” fil-fatt jirreferi għal grupp magħmul minn madwar 72 500 speċi (10) ta’ organiżmi fotosintetiċi akkwatiċi. 20 % tal-ispeċijiet huma makroalgi, jiġifieri algi kbar b’ħafna ċelloli, normalment preżenti fl-ibħra, filwaqt li l-bqija jikkonsistu f’mikroalgi li jistgħu wkoll jitkabbru artifiċjalment b’mod effiċjenti, u għandhom użu aktar versatili iżda huma aktar għaljin biex jiġu prodotti. L-inizjattiva għandha bilanċ raġonevoli bejn il-makroalgi u l-mikroalgi, peress li 36 miljun tunnellata ta’ makroalgi u 0,05 miljun tunnellata ta’ mikroalgi bħalissa huma prodotti madwar id-dinja.

3.3.

Il-Komunikazzjoni toffri prospetti ambizzjużi iżda realistiċi għas-settur Ewropew tal-produzzjoni tal-algi. L-analiżi tas-settur tal-algi u tal-possibbiltajiet u l-limitazzjonijiet tiegħu hija fil-biċċa l-kbira preċiża, il-programm huwa koerenti u l-miżuri ġeneralment huma konkreti u rilevanti għall-iżvilupp tas-settur Ewropew tal-algi fil-futur qrib. Madankollu, ċerti elementi jistħoqqilhom jiġu ċċarati u spjegati iżjed. F’dak li jikkonċerna l-implimentazzjoni, għandha tiġi żgurata l-koerenza ma’ setturi oħra, bħas-settur agroalimentari tradizzjonali u s-setturi tal-prodotti tal-baħar (is-sajd u l-akkwakultura tal-annimali).

3.4.

Il-produzzjoni tal-algi bħalissa hija kompletament distinta minn setturi oħra tal-produzzjoni agrikola. Madankollu, huwa importanti li l-produzzjoni tal-algi ma titqiesx bħala settur kompletament distint, iżda pjuttost tiġi integrata fil-ktajjen tal-valur eżistenti tal-prodotti tal-ikel agrikoli u tal-għalf, kif ukoll tal-materja prima industrijali u tal-enerġija. Il-KESE jenfasizza l-ħtieġa li l-produzzjoni tal-algi u l-attivitajiet relatati jiġu regolati taħt sistema komuni, b’mod partikolari fir-rigward tal-aspetti li ġejjin:

is-setturi tal-impjanti tal-enerġija u tat-trattament tal-ilma mormi (trattament kumpless tal-ilma mormi, irkupru tas-sħana mormija u tas-CO2);

l-integrazzjoni tal-faċilitajiet tal-bijogass agrikolu mal-produzzjoni u/jew l-użu tal-algi (eż. l-irkupru tad-demel likwidu, it-tnaqqis tad-domanda għall-art agrikola, l-użu tal-algi bħala kosottostrat għall-produzzjoni tal-bijogass);

is-sostituzzjoni parzjali tar-rekwiżiti tal-għalf tal-proteini għat-trobbija tal-bhejjem (riċerka relatata man-nutrizzjoni u l-ikel għal użu f’dieti speċjali);

ir-restawr sostenibbli tal-ekosistemi tal-ilma affettwati mill-ewtrofikazzjoni.

3.5.

Peress li dan huwa settur ġdid u sottożviluppat, għandha tingħata attenzjoni partikolari biex jiġi stimulat l-iżvilupp tiegħu u għandu jitnieda proċess ta’ standardizzazzjoni. Dan jista’ jkun akkumpanjat mill-iżvilupp ta’ strateġija integrata dwar il-prodotti tal-frott tal-baħar u ikel ieħor ibbażat fuq il-prodotti tal-baħar li tkopri attivitajiet bħas-sajd, l-isfruttament tal-organiżmi selvaġġi u l-akkwakultura tal-annimali, u tindirizza wkoll, lil hinn mis-settur tal-ikel, il-kwistjoni tal-bijokarburanti bbażati fuq l-algi. Il-kultivazzjoni tal-algi tista’ tkun ukoll attività alternattiva għas-sajjieda li jiffaċċjaw tnaqqis fil-produzzjoni ta’ materja prima oħra u żieda fl-ispejjeż, u li jista’ jkollhom jibdlu l-attivitajiet tradizzjonali tagħhom. Dan l-approċċ integrat bilkemm huwa rifless f’din il-Komunikazzjoni.

3.6.

Għadd ta’ miżuri previsti fil-Komunijazzjoni jiffokaw prinċipalment fuq l-algakultura offshore. Dan jista’ jinftiehem minħabba r-rati attwali tal-produzzjoni tal-makroalgi u tal-mikroalgi, l-istatus tal-produzzjoni tal-mikroalgi bħalissa huwa sottożviluppat fl-Ewropa, iżda l-objettiv tal-iżvilupp għandu jkopri t-tipi kollha ta’ algi. L-algi tal-baħar jistgħu jiġu kkultivati f’pajjiżi b’kosta marittima u fil-gżejjer, normalment f’kundizzjonijiet naturali, skont l-ispeċijiet u l-użu tagħhom. Barra minn hekk, il-kultivazzjoni tal-mikroalgi, li normalment issir fuq l-art, hija wkoll ta’ importanza kbira, speċjalment għall-produzzjoni tal-proteini u tal-lipidi, u m’għandhiex tintesa. Din tinkludi l-mikroalgi u l-makroalgi tal-ilma ħelu u l-kulturi applikati fl-ilma mormi, li huma sors promettenti ta’ bijomassa għall-użu bħala materja prima bijoloġika, u b’hekk jiddiversifikaw l-istruttura ekonomika ta’ żoni iżolati u depopolati, u jikkontribwixxu għall-viżjoni fit-tul għaż-żoni rurali tal-UE (11).

3.7.

Wieħed mill-ostakli ewlenin magħrufa għall-produzzjoni, speċjalment tal-makroalgi, kemm fil-baħar kif ukoll fuq l-art, huwa l-frammentazzjoni tal-leġiżlazzjoni u d-disparitajiet kbar tagħha, mhux biss bejn l-Istati Membri iżda wkoll bejn ir-reġjuni tal-istess pajjiż, jew saħansitra n-nuqqas totali ta’ regolamentazzjoni dwar l-algi, peress li l-mudelli ta’ awtorizzazzjoni ġeneralment tfasslu għall-annimali akkwatiċi (ħut, frott tal-baħar bil-qoxra, eċċ.). Ta’ spiss, l-algi ma jissemmewx fil-forom użati għall-proċedura ta’ awtorizzazzjoni, għalhekk lanqas biss huwa possibbli li ssir applikazzjoni għal awtorizzazzjoni għall-kultivazzjoni tal-algi. Il-KESE jirrakkomanda l-istabbiliment ta’ inventarju pan-Ewropew komprensiv tal-leġiżlazzjoni u l-proċeduri amministrattivi kollha applikabbli għal kull stadju tal-kultivazzjoni tal-algi u l-oqsma ta’ applikazzjoni tagħhom (ikel, għalf, bijofjuwils, kożmetiċi, prodotti farmaċewtiċi, eċċ.), u li jintuża bħala eżempju għall-Istati Membri biex jiġu żviluppati prattiki amministrattivi tajbin u jinħolqu kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni għall-kummerċ fl-UE u lil hinn minnha.

3.8.

Għall-iżvilupp ta’ settur alimentari tal-algi verament Ewropew, huwa essenzjali li tiġi mħeġġa l-inklużjoni ta’ speċijiet jew gruppi ta’ algi fil-katalgu tal-ikel tal-UE. Ħafna mill-ispeċijiet li bħalissa huma rikonoxxuti ġejjin minn pajjiżi terzi (b’mod partikolari l-Asja), li jista’ joħloq ostaklu, speċjalment għal kumpaniji u investituri iżgħar li jixtiequ jkabbru speċijiet Ewropej relatati mill-qrib jew simili. Barra minn hekk, għandhom jiġu riveduti l-partijiet tal-katalgu tal-ikel relatati mal-algi u tiġi mħeġġa l-inklużjoni ta’ speċijiet jew familji ġodda.

3.9.

Minħabba r-riluttanza qawwija tas-soċjetà fir-rigward tal-algi – minkejja li hija bla bażi u riżultat ta’ nuqqas ta’ għarfien dwar l-algi, l-għarfien u s-sensibilizzazzjoni dwar din l-industrija l-ġdida, kif ukoll l-integrazzjoni u l-applikazzjoni sistematika tagħha, għandhom jiġu promossi fil-livelli amministrattivi kollha, u dawn għandhom jiġu riflessi fil-miżuri proposti. Il-passi li ġejjin jistgħu jiġu kkunsidrati:

jitwettqu stħarriġiet rappreżentattivi fil-livell nazzjonali fost il-pubbliku ġenerali u n-negozji, b’mistoqsijiet u metodoloġija omoġenji;

fuq din il-bażi, jiġu żviluppati pjani ta’ azzjoni speċifiċi għall-pajjiż biex tinbidel l-imġiba;

jinħolqu organizzazzjonijiet tal-industrija.

3.10.

Peress l-industrija tal-algi hija settur ġdid għall-Ewropa, hemm lakuni sinifikanti fil-kompetenzi tekniċi, kif ukoll fit-teknoloġija u l-innovazzjoni. Fil-biċċa l-kbira ġew identifikati lakuni fl-għarfien, iżda jeħtieġ li dawn jiġu indirizzati permezz ta’ programm ambizzjuż ta’ finanzjament għar-riċerka fit-terminu qasir u medju. F’dan ir-rigward, ir-riċerka, kemm dik bażika (strateġika) kif ukoll dik applikata, hija essenzjali fil-livelli kollha tal-produzzjoni tal-algi:

appoġġ ta’ prijorità għar-riċerka bażika: fir-rigward tal-mikroalgi, prinċipalment ir-riċerka relatata mat-teknoloġija tal-kultivazzjoni; fir-rigward tal-makroalgi, riċerka dwar l-effiċjenza tal-ħsad u l-ittestjar tal-firxa ta’ speċijiet fl-ilmijiet tal-baħar ta’ pajjiżi differenti; u fir-rigward tal-ispeċijiet kollha tal-algi, riċerka dwar l-użu;

it-titjib tal-ambjent tas-suq għall-iżviluppi applikati b’valur miżjud għoli (il-prodotti farmaċewtiċi, il-kożmetiċi, il-fertilizzanti tal-weraq, l-oġġetti tal-ikel).

3.11.

Minħabba li fl-Ewropa ċerta kwalità (firxa ta’ speċijiet) u rendiment għoli ta’ algi jistgħu jinkisbu biss f’sistemi magħluqin jew nofshom magħluqin, li jeħtieġu materjal ta’ propagazzjoni nadif li l-produzzjoni tiegħu mhijiex profittabbli f’sistemi industrijali, jeħtieġ li jiġi stabbilit numru suffiċjenti ta’ banek ta’ materjal ta’ propagazzjoni tal-algi, jiġi ffinanzjat l-operat tagħhom u jiġi żgurat li l-materja prima tkun disponibbli bi prezzijiet raġonevoli għall-produtturi tal-algi u għal proġetti marbutin mar-riċerka u l-iżvilupp.

3.12.

Is-settur tal-algi għandu potenzjal sinifikanti għall-ħolqien tal-impjiegi, li għandhom ikunu mħallsa tajjeb u b’kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti. Is-settur tal-algi għandu jibbenefika b’mod partikolari mill-bini ta’ kompetenzi meħtieġa għall-ħolqien tal-Patt Blu tal-UE; huwa importanti wkoll li jkun hemm investiment fit-taħri. L-ostakli għad-dħul fis-settur tal-algi ma għandhomx jipprevjenu lill-SMEs milli jidħlu f’dan is-settur tan-negozju. Il-KESE jilqa’ l-ħolqien ta’ ktajjen ta’ prodotti tal-algi li jevitaw prattiki inġusti.

3.13.

It-titjib tal-ambjent tan-negozju huwa essenzjali għat-tkabbir effiċjenti tas-settur tal-algi. L-aspetti ekonomiċi tal-produzzjoni u l-applikazzjonijiet potenzjali u kif dawn jistgħu jittejbu għandhom jiġu eżaminati bir-reqqa. Pereżempju, il-miżura 7 tikkonċerna l-promozzjoni tas-sostituzzjoni tal-għalf ibbażat fuq il-ħut b’għalf ibbażat fuq l-algi (fl-akkwakultura). Fl-għalf tal-ħut, kważi l-ingredjenti kollha tal-ħut jistgħu faċilment jiġu sostitwiti b’ingredjenti bbażati fuq l-algi (proteini, aċidi grassi, eċċ.), iżda l-produzzjoni tagħhom hija ħafna aktar għalja minn prodotti bbażati fuq il-ħut jew is-sojja b’karatteristiċi simili. Peress li l-għalf jirrappreżenta waħda mill-ispejjeż ewlenin tal-produzzjoni għal dawk li jrabbu l-ħut, li l-marġni ta’ profitt tagħhom huwa ġeneralment baxx, l-għalf ibbażat fuq l-algi sempliċement mhuwiex fattibbli mil-lat ekonomiku. Għalhekk, għandhom jiġu previsti miżuri biex jitnaqqsu l-ispejjeż tal-produzzjoni tal-ingredjenti tal-algi, u jiġu evitati rekwiżiti ta’ monitoraġġ u standardizzazzjoni aktar stretti għall-algi milli għal prodotti agrikoli oħra. Il-produtturi kollha tal-ikel (u tal-ingredjenti tal-ikel) għandhom jiġu ttrattati bl-istess mod sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni fis-suq. Jekk ikun hemm evidenza li l-ingredjenti tal-algi huma aktar sostenibbli, l-użu tagħhom jista’ jkun soġġett għal ċertifikazzjoni ekoloġika (ekotikketta), li tista’ twassal lill-konsumaturi biex jaċċettaw prezz ogħla għal prodott aktar ekoloġiku.

Brussell, is-27 ta’ April 2023.

Oliver RÖPKE

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


(1)  Lejn Settur tal-Algi tal-UE B’Saħħtu u Sostenibbli, COM(2022) 592 final, 15 ta’ Novembru 2022.

(2)  Il-Patt Ekoloġiku Ewropew, COM(2019) 640 final, 11 ta’ Diċembru 2019.

(3)  Strateġija “Mill-Għalqa sal-Platt” għal sistema tal-ikel ġusta, tajba għas-saħħa u favur l-ambjent, COM(2020) 381 final, 20 ta’ Mejju 2020.

(4)  Linji gwida strateġiċi għal akkwakultura tal-UE li tkun aktar sostenibbli u kompetittiva għall-perjodu bejn l-2021 u l-2030, COM(2021) 236 final, 12 ta’ Mejju 2021.

(5)  Ċikli tal-Karbonju Sostenibbli, COM (2021) 800 final, 15 ta’ Diċembru 2021.

(6)  It-trasformazzjoni tal-Ekonomija Blu tal-UE għal Futur Sostenibbli, COM(2021) 240 final, 17 ta’ Mejju 2021.

(7)  Referenza u possibbiltajiet oħra: Babich et al, Algae: Study of Edible and Biologically Active Fractions, Their Properties and Applications, Plants 2022, 11(6), 780; https://doi.org/10.3390/plants11060780, kif ukoll Poonam Sharma, Nivedita Sharma (2017), Industrial and Biotechnological Applications of Algae: A Review, Journal of Advances in Plant Biology – 1(1):01-25. DOI 10.14302/issn.2638-4469.japb-17-1534, https://openaccesspub.org/article/530/japb-17-1534.pdf.

(8)  Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-23 u l-24 ta’ Ġunju 2022.

(9)  Stimi minn studju tal-koalizzjoni Seaweed for Europe, bit-titolu Hidden Champion of the Ocean: Seaweed as a Growth Engine for a Sustainable European Future

(10)  Fl-istudju tiegħu “How many species of algae are there?”, Michael D. Guiry jistma li l-għadd ta’ speċijiet ta’ algi huwa ta’ 1 miljun, iżda din iċ-ċifra ta’ 72 500 ġejja mill-bażi tad-data tassonomika online AlgaeBase. Ara Guiry (2012), https://pubmed.ncbi.nlm.nih.gov/27011267/, DOI: 10.1111/j.1529-8817.2012.01222.x.

(11)  COM(2021) 345 Viżjoni fit-tul għaż-żoni rurali tal-UE – Lejn żoni u komunitajiet rurali aktar b’saħħithom, konnessi, reżiljenti u prosperużi sal-2040 u NAT/839 ĠU C 290, 29.7.2022, p. 137.