|
25.5.2023 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 184/28 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistipula miżuri għal livell għoli ta’ interoperabbiltà tas-settur pubbliku madwar l-Unjoni (Att dwar Ewropa Interoperabbli)”
(COM(2022) 720 final — 2022/0379 (COD))
u dwar il-“Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar politika msaħħa ta’ interoperabbiltà tas-settur pubbliku Li torbot is-servizzi pubbliċi, l-appoġġ tal-politiki pubbliċi u t-twassil tal-benefiċċji pubbliċi Lejn ‘Ewropa Interoperabbli’”
(COM(2022) 710 final)
(2023/C 184/05)
|
Relatur: |
Vasco de MELLO |
|
Konsultazzjoni |
|
||||
|
Bażi legali |
|
||||
|
Sezzjoni kompetenti |
Sezzjoni għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum |
||||
|
Adozzjoni fis-sezzjoni |
10.3.2023 |
||||
|
Adozzjoni fil-plenarja |
22.3.2023 |
||||
|
Sessjoni plenarja Nru |
577 |
||||
|
Riżultat tal-votazzjoni (favur/kontra/astensjonijiet) |
200/0/3 |
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
|
1.1. |
Bħall-Kummissjoni, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jemmen li l-interoperabbiltà bejn is-servizzi pubbliċi hija prerekwiżit essenzjali biex jinħoloq suq uniku diġitali. |
|
1.2. |
Madankollu, it-tilħiq ta’ dan l-objettiv ma jistax ifisser li l-Istati Membri jadottaw politika li twassal għal diġitalizzazzjoni sħiħa tas-servizzi pubbliċi, għad-detriment ta’ dawk ipprovduti b’mod fiżiku, u barra minn hekk għandhom jitqiesu l-aktar gruppi vulnerabbli fost iċ-ċittadini. It-taħriġ dwar il-ħiliet diġitali għandu jkun disponibbli għal kulħadd, iżda b’mod partikolari għal dawn il-gruppi tal-popolazzjoni. |
|
1.3. |
Minflok ma jnaqqas il-persunal, fil-bidu l-iżvilupp u l-operat tas-servizzi diġitali ser joħolqu ħtieġa addizzjonali għall-persunal. Persunal adegwat huwa prerekwiżit għal trasformazzjoni diġitali ta’ suċċess. |
|
1.4. |
Il-KESE bi pjaċir jinnota li matul il-pandemija kien hemm progress kbir fid-diġitalizzazzjoni tas-servizzi pubbliċi. |
|
1.5. |
Il-KESE jilqa’ l-ħolqien ta’ mudell ta’ governanza għal din il-politika, magħmul minn żewġ korpi ewlenin, il-Bord għal Ewropa Interoperabbli u l-Komunità għal Ewropea Interoperabbli. |
|
1.6. |
Il-KESE jilqa’ l-fatt li l-Komunikazzjoni tipprevedi u tħeġġeġ it-tfassil ta’ soluzzjonijiet sperimentali li jippermettu sħubijiet bejn is-settur pubbliku u kumpaniji tat-teknoloġija innovattivi jew negozji ġodda, sabiex jiġu żviluppati soluzzjonijiet sperimentali innovattivi li jistgħu jiġu applikati fis-servizzi pubbliċi u kondiviżi bejniethom. |
|
1.7. |
Fil-fehma tal-KESE, huwa importanti li l-programmi futuri għall-finanzjament ta’ proġetti ta’ interoperabbiltà fil-qasam tas-servizz pubbliku jagħmlu l-allokazzjoni tar-riżorsi tagħhom taħt il-kundizzjoni li jiġu adottati l-prinċipji u l-istrutturi promossi mill-Qafas Ewropew għall-Interoperabbiltà. |
|
1.8. |
Filwaqt li jilqa’ l-fatt li dan l-approċċ huwa parti mill-hekk imsejħa “tranżizzjoni doppja”, il-KESE jixtieq jenfasizza li xi mekkaniżmi teknoloġiċi għad-diġitalizzazzjoni jistgħu jikkunsmaw ħafna enerġija. |
|
1.8.1. |
Il-KESE jqis li, anke jekk ikunu meħtieġa prekawzjonijiet, il-protezzjoni tad-data m’għandhiex tfixkel il-ħolqien ta’ soluzzjonijiet ġodda ta’ interoperabbiltà, kemm mis-servizzi pubbliċi kif ukoll mill-individwi. |
|
1.8.2. |
Barra minn hekk, il-KESE jemmen li l-aċċessibbiltà għad-data, kemm miċ-ċittadini, min-negozji jew minn servizzi pubbliċi oħra, għandha tkun soġġetta għal livelli differenti ta’ awtorizzazzjoni, sabiex tiġi ssalvagwardjata l-kunfidenzjalità u tiġi kkomunikata biss dik li hija assolutament meħtieġa. |
2. Kuntest
|
2.1. |
Il-ħolqien ta’ suq intern, jiġifieri żona ta’ moviment liberu ta’ persuni, oġġetti, servizzi u kapital, jinvolvi t-tneħħija tal-ostakli nazzjonali eżistenti kollha. |
|
2.2. |
Sa mill-bidu tagħha, u saħansitra b’mod aktar vigoruż wara li nħoloq is-suq uniku, l-Unjoni Ewropea fittxet li tneħħi kwalunkwe ostaklu li jista’ jfixkel il-ħolqien ta’ suq intern ġenwin. |
|
2.3. |
Biex ikun hemm suq intern ġenwin, jeħtieġ li ċ-ċittadini u n-negozji jkollhom aċċess u jinteraġixxu, b’mod sempliċi u rapidu, mas-servizzi pubbliċi tal-Istati Membri, kemm fil-livell lokali, reġjonali jew nazzjonali. |
|
2.4. |
Barra minn hekk, l-eżistenza ta’ spazju miftuħ, bħal dak tal-Ewropa, teħtieġ li l-korpi tal-amministrazzjonijiet pubbliċi tal-Istati Membri tagħha, fi kwalunkwe livell, jikkondividu d-data tagħhom u jikkooperaw bejniethom. |
|
2.5. |
Il-Kummissjoni ilha mis-snin disgħin tirsisti li twitti t-triq biex tinħoloq u tinżamm interoperabbiltà (1) jew, saħansitra, interkonnettività bejn is-servizzi pubbliċi differenti fl-Istati Membri (2). |
|
2.6. |
Din il-ħtieġa gradwalment saret aktar urġenti, hekk kif is-suq intern beda jinbidel f’dimensjoni ġdida, id-dimensjoni diġitali (3). |
|
2.7. |
Id-diġitalizzazzjoni tirrappreżenta rivoluzzjoni ġenwina, kemm fid-drawwiet tan-nies kif ukoll fil-mod kif joperaw in-negozji, kif ukoll fl-amministrazzjoni pubblika. |
|
2.8. |
F’dawn l-aħħar snin, sensiela ta’ servizzi pubbliċi li, sa dak iż-żmien, kienu ġew ipprovduti esklużivament b’mod fiżiku, ġew ipprovduti wkoll b’mod diġitali, u b’hekk iġġeneraw benefiċċji sinifikanti, kemm għaċ-ċittadini, għall-komunità tan-negozju, kif ukoll għas-servizzi pubbliċi nfushom, li setgħu jiffrankaw b’mod sostanzjali, f’termini ta’ sigħat tax-xogħol u riżorsi finanzjarji. |
|
2.9. |
Bil-kriżi tal-COVID-19, ix-xejra aċċellerat, peress li ntwera li l-interoperabbiltà bejn is-servizzi pubbliċi Ewropej differenti tista’ tkun għodda siewja għall-moviment liberu tal-persuni, kif muri mill-użu taċ-ċertifikat tat-tilqim kontra din il-marda. |
|
2.10. |
L-Unjoni Ewropea tirrikonoxxi li, minħabba l-importanza tas-settur pubbliku fil-PDG (4), id-diġitalizzazzjoni tiegħu tista’ tkun fattur deċiżiv fil-proċess Ewropew f’dan il-qasam, mhux biss minħabba li għandha l-potenzjal li tingrana oqsma oħra, iżda wkoll minħabba li hija kapaċi taġixxi bħala xprun għall-proċess kollu, fil-kuntest tal-ekonomija tal-Ewropa. |
|
2.11. |
B’riżultat ta’ dan, il-pjani għall-irkupru u r-reżiljenza jipprevedu investiment pubbliku għad-diġitalizzazzjoni tal-amministrazzjoni pubblika li jammonta għal EUR 47 biljun. |
|
2.12. |
Maż-żmien, l-Unjoni Ewropea, permezz tal-Kummissjoni, u l-gvernijiet tal-Istati Membri rrikonoxxew il-ħtieġa li jiżdiedu l-interoperabbiltà u l-interkonnettività mhux biss fi ħdan is-servizzi pubbliċi nazzjonali, iżda anke bejn is-servizzi tal-Istati differenti, u bejn dawn u dawk tal-Unjoni Ewropea (5), sabiex iċ-ċittadini u n-negozji fl-Unjoni jkunu jistgħu jaċċessaw dawn is-servizzi, ikunu fejn ikunu |
|
2.13. |
Filwaqt li l-interoperabbiltà bejn is-servizzi pubbliċi mhijiex suġġett ġdid (6), madankollu l-Komunikazzjoni għandha l-għan li tistabbilixxi qafas għall-kooperazzjoni li jkun aktar formali, aktar stabbli u aktar sigur, sabiex tiżdied l-interkonnettività eżistenti tal-apparati diġitali tas-servizzi pubbliċi nazzjonali differenti, kemm bejniethom kif ukoll ma’ dawk tal-Unjoni Ewropea (7), u li tikkonsolida dan l-objettiv sabiex sal-2030 tinkiseb rata ta’ diġitalizzazzjoni ta’ dawn is-servizzi fit-territorju tagħha ta’ 100 %, kif propost fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, “Il-Kumpass Diġitali tal-2030: l-approċċ Ewropew għad-Deċennju Diġitali” (COM(2021) 118). |
|
2.14. |
Għal dan l-għan, il-Komunikazzjoni analizzata tistabbilixxi l-prinċipji ewlenin li ġejjin għall-implimentazzjoni ta’ approċċ koerenti f’dan il-qasam:
|
3. Kummenti ġenerali
|
3.1. |
Bħall-Kummissjoni, il-KESE jemmen li l-interoperabbiltà bejn is-servizzi pubbliċi hija prerekwiżit essenzjali biex jinħoloq suq uniku diġitali u jitneħħew l-ostakli fiżiċi li fadal (9). |
|
3.2. |
L-istabbiliment tal-għan li 100 % tas-servizzi pubbliċi fl-Unjoni Ewropea jkunu diġitalizzati sal-2030 jimplika li jiġi aċċelerat u jittejjeb network trans-Ewropew li jikkollegahom u li juża elementi komuni, fil-livell tekniku, semantiku, legali jew organizzattiv, fost oħrajn. |
|
3.3. |
Madankollu, it-tilħiq ta’ dan l-objettiv ma għandux iwassal għal politika nazzjonali ta’ diġitalizzazzjoni sħiħa tas-servizzi pubbliċi, għad-detriment ta’ dawk ipprovduti b’mod fiżiku u, barra minn hekk, għandhom jitqiesu l-aktar gruppi vulnerabbli taċ-ċittadini, peress li kulħadd għandu jkollu aċċess għas-servizzi pubbliċi provduti b’mod fiżiku. It-taħriġ dwar il-ħiliet diġitali għandu jkun disponibbli għal kulħadd, iżda b’mod partikolari għal dawn il-gruppi tal-popolazzjoni. |
|
3.4. |
Minflok ma jnaqqas il-persunal, fil-bidu l-iżvilupp u l-operat tas-servizzi diġitali ser joħolqu ħtieġa addizzjonali għall-persunal. Persunal adegwat huwa prerekwiżit għal trasformazzjoni diġitali ta’ suċċess. |
|
3.5. |
Id-diġitalizzazzjoni għandha tintuża biex jiġi żgurat servizz pubbliku aħjar. |
|
3.6. |
Kif enfasizza l-KESE f’Opinjoni preċedenti tiegħu, “[…] dan m’għandux iwassal għas-sostituzzjoni tar-riżorsi umani b’għodda tal-informatika, iżda għandu jagħti iktar ċans lill-bnedmin biex jiddedikaw ruħhom għal kompiti ta’ iktar valur miżjud, […]” (10). |
|
3.7. |
Id-diġitalizzazzjoni u l-użu tal-intelliġenza artifiċjali mhumiex mezz biex jiġi leġittimizzat it-tnaqqis ġenerali tal-impjiegi. L-eliminazzjoni tal-kompiti ta’ rutina minħabba d-diġitalizzazzjoni għandha twassal biex l-impjegati jkollhom aktar ħin għal xogħol eżiġenti u biex jagħtu pariri lin-nies. |
|
3.8. |
Barra minn hekk, fl-2030 bla dubju ser ikun hemm minoranza ta’ ċittadini esklużi diġitalment, li ser ikunu jistgħu jaċċessaw is-servizzi pubbliċi b’mod fiżiku biss (11). Ir-rotot ta’ aċċess analogu għan-nies biex jużaw is-servizzi pubbliċi ma jistgħux isiru aktar diffiċli jew jingħalqu matul id-diġitalizzazzjoni. |
|
3.9. |
Għalhekk, il-KESE jilqa’ l-fatt li l-għan ta’ din il-Komunikazzjoni huwa li tapprofondixxi u ttejjeb il-livell ta’ interoperabbiltà tas-settur pubbliku, billi toħloq qafas legali li huwa definit fil-livell tal-Unjoni (12). |
|
3.10. |
Il-KESE jirrikonoxxi li dan l-approfondiment tal-interoperabbiltà ser iġib miegħu benefiċċji enormi kemm għaċ-ċittadini, b’mod partikolari għall-ħaddiema transfruntiera, kif ukoll għall-intrapriżi u għall-amministrazzjoni pubblika tal-Istati Membri stess. |
|
3.11. |
Madankollu, sabiex dawn il-benefiċċji jkunu tassew effettivi, kif tirrikonoxxi l-Kummissjoni, mhuwiex biżżejjed li jiġu stabbiliti standards tekniċi li jagħmluha possibbli li s-servizzi jiġu interkonnessi. Huwa meħtieġ investiment pubbliku nazzjonali adatt, fil-livell kollha. |
|
3.12. |
Jeħtieġ li jkun hemm koordinazzjoni, kemm fil-livell leġiżlattiv kif ukoll fil-livell tan-networks tas-servizzi settorjali, sabiex jiġi evitat li, minn naħa, ir-riżultati miksuba permezz tal-interoperabbiltà jispiċċaw mhux effettivi minħabba piżijiet burokratiċi bla bżonn u, min-naħa l-oħra, li l-istess data tiġi pprovduta aktar minn darba miċ-ċittadini jew mill-individwi lil servizzi pubbliċi differenti, bir-riżultat li jkun hemm duplikazzjoni tal-proċeduri u spejjeż bla bżonn. |
|
3.13. |
Min-naħa l-oħra, jeħtieġ li fil-livell nazzjonali ma jkunx hemm ostakli għas-servizzi pubbliċi diġitali li jagħmluha impossibbli li jintużaw bejn fruntieri differenti, jew fir-rigward tal-konnettività u l-interoperabbiltà tagħhom, ma’ ċittadini jew intrapriżi minn Stati Membri oħra, jew ma’ servizzi pubbliċi oħra li jappartjenu għal Stati Membri oħra (13). |
|
3.14. |
Il-KESE bi pjaċir jinnota li matul il-pandemija u l-lockdown kien hemm progress kbir fid-diġitalizzazzjoni tas-servizzi pubbliċi. |
|
3.15. |
Fid-dawl ta’ dan, nilqgħu l-fatt li l-Komunikazzjoni inkwistjoni tipprova tikseb koerenza bejn il-politiki kollha tal-interoperabbiltà, kemm fil-livell tal-politiki nazzjonali kif ukoll fil-livell tal-politiki Ewropej settorjali, li għandha tinkiseb billi jitħeġġeġ l-użu ta’ mudelli komuni, u billi jiġu kondiviżi l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi u tipi oħra ta’ soluzzjonijiet komuni. |
|
3.16. |
Għall-istess raġunijiet, il-KESE jappoġġja l-prinċipju li s-servizzi pubbliċi differenti jużaw mill-ġdid u jikkondividu l-elementi u d-data, kemm fil-livell Ewropew kif ukoll f’dak nazzjonali. |
|
3.17. |
Barra minn hekk, il-KESE jesprimi tħassib dwar l-użu tal-lingwi fil-qasam tal-interoperabbiltà tas-servizzi pubbliċi. L-arranġamenti lingwistiċi m’għandhomx ikunu ostaklu burokratiku, u jeħtieġ li jiġi żgurat li l-kondiviżjoni tad-data u tal-informazzjoni ssir b’lingwa li tinftiehem minn kulħadd. |
|
3.18. |
Il-KESE jappoġġja l-ħolqien u l-istituzzjonalizzazzjoni ta’ mudell ta’ governanza għal din il-politika, magħmul minn żewġ korpi fundamentali, jiġifieri l-Bord għal Ewropa Interoperabbli, li ser ikun ippresedut mill-Kummissjoni u magħmul minn rappreżentanti tal-Istati Membri kollha, minn rappreżentant tal-Kumitat tar-Reġjuni u minn rappreżentant tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, kif ukoll il-Komunità għal Ewropa Interoperabbli, magħmula minn atturi tas-soċjetà ċivili u tas-settur privat (14) (15). |
|
3.19. |
Il-KESE jqis li huwa importanti li s-soċjetà ċivili, b’mod partikolari l-imsieħba soċjali, tieħu sehem fid-definizzjoni tal-politiki relatati mal-interoperabbiltà, mhux biss minħabba li ċ-ċittadini u l-intrapriżi huma d-destinatarji finali ta’ din il-politika, iżda wkoll minħabba li s-soċjetà ċivili tista’ tikkontribwixxi billi tipprovdi soluzzjonijiet teknoloġiċi ġodda għal din il-politika, li ma jkunux jistgħu jinkisbu mis-settur pubbliku. |
|
3.20. |
Il-KESE jemmen li l-involviment tas-soċjetà ċivili għandu jsir f’livelli differenti, u jeħtieġ li l-Kummissjoni tħeġġeġ u tinċentiva lill-Istati Membri biex jippromovu dan l-involviment fil-livelli differenti – nazzjonali, reġjonali u lokali. |
|
3.21. |
Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon li l-Kummissjoni toħloq punt ta’ aċċess uniku bil-għan li tiġbor flimkien u tiċċentralizza l-għarfien u s-soluzzjonijiet kollha tal-interoperabbiltà, li jistgħu jiġu pprovduti kemm mill-entitajiet pubbliċi kif ukoll minn dawk privati. |
|
3.22. |
Bħall-Kummissjoni, il-KESE jemmen li s-servizzi pubbliċi tal-Unjoni għandhom inaqqsu d-dipendenza tagħhom mill-infrastrutturi diġitali pprovduti minn pajjiżi terzi, li joħolqu theddida għas-sovranità diġitali Ewropea. |
|
3.23. |
Għal dan il-għan, nenfasizzaw li l-Kummissjoni tqis li għandhom jintużaw is-sistemi miftuħa, preferibbilment bħala kodiċijiet tas-sors miftuħ, sabiex l-iżviluppaturi jkunu jistgħu jikkondividu s-soluzzjonijiet. |
|
3.24. |
F’dan ir-rigward, il-KESE jilqa’ l-fatt li l-Komunikazzjoni tipprevedi u tħeġġeġ it-tfassil ta’ soluzzjonijiet sperimentali li jippermettu sħubijiet bejn is-settur pubbliku u kumpaniji tat-teknoloġija innovattivi jew negozji ġodda, sabiex jiġu żviluppati soluzzjonijiet sperimentali innovattivi li, wara fażi ta’ ttestjar li jirnexxi, jistgħu jiġu applikati fis-servizzi pubbliċi u kondiviżi bejniethom. |
|
3.25. |
Fil-fehma tal-KESE, huwa importanti li l-programmi futuri għall-finanzjament ta’ proġetti ta’ interoperabbiltà fil-qasam tas-servizz pubbliku jagħmlu l-allokazzjoni tar-riżorsi tagħhom taħt il-kundizzjoni li jiġu adottati l-prinċipji u l-istrutturi promossi mill-Qafas Ewropew għall-Interoperabbiltà. |
|
3.26. |
Kundizzjoni bħal din tkun mezz eċċellenti biex is-servizzi pubbliċi jiġu sfurzati jadottaw standards komuni għall-interoperabbiltà fuq bażi volontarja. |
|
3.27. |
Il-KESE huwa sorpriż jinnota li din il-Komunikazzjoni, għall-kuntrarju ta’ Komunikazzjonijiet preċedenti (16), imkien ma ssemmi l-benefiċċji li l-interoperabbiltà tas-sistemi pubbliċi Ewropej tista’ ġġib fil-ġlieda kontra l-frodi jew li b’hekk twassal għal gwadanji fl-effiċjenza u fl-introjtu għall-Istati Membri. |
|
3.28. |
F’dan ir-rigward, il-KESE jinnota li l-interoperabbiltà tas-sistemi ser ikollha timxi id f’id mal-użu tal-intelliġenza artifiċjali, li tista’ tgħin lis-servizzi pubbliċi fl-analiżi tad-data u tiftaħ il-possibbiltà li jinħolqu allerti u twissijiet li jintbagħtu lil servizzi pubbliċi differenti fl-Istati Membri. |
|
3.29. |
Fl-aħħar nett, jenħtieġ li jsiru żewġ kummenti relatati mat-tranżizzjoni ekoloġika u l-protezzjoni tad-data: |
|
3.29.1. |
Wieħed mill-objettivi tal-Komunikazzjoni huwa li l-istrateġija għall-interoperabbiltà tas-sistemi pubbliċi tiġi inkluża fl-istrateġija għat-tranżizzjoni diġitali kif ukoll fl-istrateġija għat-tranżizzjoni ekoloġika. |
|
3.29.2. |
Il-KESE jirrimarka li ċerti soluzzjonijiet tal-IT, għalkemm effiċjenti ħafna, jistgħu jikkunsmaw ħafna enerġija. |
|
3.29.3. |
Dan huwa l-każ għat-teknoloġija blockchain li, minkejja li hija effettiva ħafna fir-rigward tas-sigurtà, pereżempju, ta’ data sensittiva, tikkonsma ħafna riżorsi tal-enerġija. |
|
3.29.4. |
Il-KESE jilqa’ l-mod li bih inkisbet ir-regolamentazzjoni stabbilita fil-Komunikazzjoni għall-ambjenti ta’ esperimentazzjoni regolatorji. |
|
3.29.5. |
Il-KESE jqis li, anke jekk ikunu meħtieġa prekawzjonijiet, il-protezzjoni tad-data m’għandhiex tfixkel il-ħolqien ta’ soluzzjonijiet ġodda ta’ interoperabbiltà, kemm mis-servizzi pubbliċi kif ukoll mill-individwi. |
|
3.29.6. |
Barra minn hekk, il-KESE jemmen li l-aċċessibbiltà għad-data, kemm miċ-ċittadini, min-negozji jew minn servizzi pubbliċi oħra, għandha tkun soġġetta għal livelli differenti ta’ awtorizzazzjoni, sabiex tiġi ssalvagwardjata l-kunfidenzjalità u tiġi kkomunikata biss dik li hija assolutament meħtieġa. |
|
3.29.7. |
B’dan il-mod jistgħu jiġu evitati kwistjonijiet bħal dawk li nqalgħu reċentement fir-rigward tal-aċċessibbiltà tad-data mir-Reġistru Ċentrali tas-Sjieda Benefiċjarja, li diġà kienu s-suġġett ta’ sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. |
Brussell, it-22 ta’ Marzu 2023.
Christa SCHWENG
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
(1) L-interoperabbiltà tas-settur pubbliku hija definita bħala “dik li tippermetti lill-amministrazzjonijiet jikkooperaw u jagħmlu s-servizzi pubbliċi jiffunzjonaw bejn il-fruntieri, bejn is-setturi u bejn il-fruntieri organizzattivi” Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar politika msaħħa ta’ interoperabbiltà tas-settur pubbliku Li torbot is-servizzi pubbliċi, l-appoġġ tal-politiki pubbliċi u t-twassil tal-benefiċċji pubbliċi Lejn “Ewropa Interoperabbli”.
(2) Permezz tad-Deċiżjoni Nru 1719/1999/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, il-Kummissjoni nediet inizjattiva għall-interoperabbiltà tas-servizzi pubbliċi, li tikkonsisti f’serje ta’ linji gwida, li l-għan tagħhom huwa, fost l-oħrajn, li jidentifikaw proġetti ta’ interess komuni fir-rigward tan-networks trans-Ewropej għall-iskambju elettroniku ta’ data bejn l-amministrazzjonijiet.
(3) Fil-bini ta’ suq intern diġitali, sar importanti mhux biss li jitneħħew l-ostakli għall-eżistenza tiegħu, iżda wkoll li jinħolqu mekkaniżmi biex jiġi evitat li jiżdiedu ostakli ġodda.
(4) Skont id-data tal-Eurostat għall-2022, is-settur pubbliku kien jirrappreżenta 53,1 % tal-PDG Ewropew — ara Government finance statistics – Statistics Explained (europa.eu) (L-istatistika tal-finanzi pubbliċi — spjegazzjoni tal-istatistika).
(5) For example, see the final declarations of the inter-ministerial meetings held in Tallinn (2017), Berlin (2020) and Strasbourg (2022).
(6) Fl-2010, il-Kummissjoni ppreżentat il-Komunikazzjoni Lejn l-interoperabbiltà għas-servizzi pubbliċi Ewropej (COM(2010) 744 final), li kienet is-suġġett ta’ Opinjoni tal-KESE TEN/448-449 li ġiet implimentata permezz tal-programm dwar is-soluzzjonijiet ta’ interoperabbiltà għall-amministrazzjonijiet pubbliċi Ewropej (ISA, Deċiżjoni Nru 922/2009/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, segwit fl-2015 mill-programm ISA2, stabbilit bid-Deċiżjoni (UE) 2015/2240 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u mill-Programm Ewropa Diġitali skont ir-Regolament (UE) 2021/694 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.
(7) Fil-Proposta analizzata f’din l-Opinjoni, il-Kummissjoni tirrikonoxxi li l-approċċ proattiv segwit s’issa mhuwiex biżżejjed biex jintlaħqu l-objettivi proposti relatati mal-interoperabbiltà.
(8) Ara l-memorandum ta’ spjegazzjoni tal-Proposta għal Regolament kif ukoll il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar politika msaħħa ta’ interoperabbiltà tas-settur pubbliku Li torbot is-servizzi pubbliċi, l-appoġġ tal-politiki pubbliċi u t-twassil tal-benefiċċji pubbliċi Lejn “Ewropa Interoperabbli”.
(9) Fl-Opinjoni tiegħu TEN/635 dwar “Il-Qafas Ewropew għall-Interoperabbiltà — l-Istrateġija ta’ Implimentazzjoni”, il-KESE kien diġà enfasizza l-importanza tal-interoperabbiltà biex jinkiseb Suq Uniku Diġitali (ĠU C 81, 2.3.2018, p. 176).
(10) Ara l-Opinjoni tal-KESE dwar il-“Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Il-Pjan ta’ Azzjoni Ewropew dwar il-gvern elettroniku 2011-2015 — L-użu tal-ICT għall-promozzjoni ta’ gvern intelliġenti, sostenibbli u innovattiv” u dwar il-“Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Lejn l-interoperabbiltà għas-servizzi pubbliċi Ewropej” (ĠU C 376, 22.12.2011, p. 92).
(11) Dan huwa tħassib rikorrenti fl-Opinjonijiet tal-KESE (ĠU C 81, 2.3.2018, p. 176).
(12) F’Opinjonijiet preċedenti, il-KESE esprima l-appoġġ tiegħu għall-proġetti kollha tal-Unjoni Ewropea li għandhom l-għan li jintlaħqu l-objettivi tat-tranżizzjoni diġitali tagħha (ĠU C 365, 23.9.2022, p. 13).
(13) Element wieħed li jista’ jsir ostaklu għall-interoperabbiltà transfruntiera tas-servizzi pubbliċi huwa l-pożizzjoni meħuda dwar id-data personali.
(14) Il-Bord għal Ewropa Interoperabbli huwa responsabbli għat-tfassil ta’ miżuri kif ukoll li jappoġġja, jagħti pariri u jimmonitorja l-politiki Ewropej dwar l-interoperabbiltà. Il-Komunità għal Ewropa Interoperabbli ser tlaqqa’ flimkien atturi tas-soċjetà ċivili biex jassistu lill-Bord għal Ewropa Interoperabbli fit-tfittxija u d-definizzjoni ta’ soluzzjonijiet ġodda li għandhom jiġu proposti.
(15) L-għażla tal-Kummissjoni hija konformi mar-rakkomandazzjonijiet li saru mill-KESE f’Opinjonijiet preċedenti (ĠU C 81, 2.3.2018, p. 176).
(16) Ara l-Anness għall-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Il-Qafas Ewropew għall-Interoperabbiltà — l-Istrateġija ta’ Implimentazzjoni.