25.5.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 184/34


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tarmonizza ċerti aspetti tal-liġi dwar l-insolvenza”

(COM(2022)702 final — 2022/0408 (COD))

(2023/C 184/06)

Relatur:

Sandra PARTHIE

Korelatur:

Philip VON BROCKDORFF

Konsultazzjoni

Parlament Ewropew, 26.1.2023

Kunsill tal-Unjoni Ewropea, 30.1.2023

Bażi legali

Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropa

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum

Adozzjoni fis-sezzjoni

10.3.2023

Adozzjoni fil-plenarja

22.3.2023

Sessjoni plenarja Nru

577

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

207/0/3

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jenfasizza li reġim ta’ insolvenza mfassal tajjeb għandu jgħin lin-negozji vijabbli biex jibqgħu operattivi, u jevita l-likwidazzjoni prematura tagħhom. L-għan għandu jkun li jinstab bilanċ bejn l-insolvenza prematura u l-proċedimenti li jibdew tard wisq. It-trasparenza tal-proċedimenti, kif ukoll l-aċċess faċli għall-informazzjoni dwar il-prestazzjoni tan-negozju, huma fatturi ewlenin f’dan il-kuntest. Barra minn hekk, reġim ta’ insolvenza mfassal sew għandu wkoll jiskoraġġixxi lis-selliefa milli jagħtu self b’riskju għoli, u lill-maniġers u lill-azzjonisti milli jirrikorru għal tali self kif ukoll milli jieħdu deċiżjonijiet finanzjarji imprudenti oħrajn (1).

1.2.

Il-KESE jemmen li r-riformi tal-insolvenza mmirati biex jinkoraġġixxu r-ristrutturar tad-dejn u r-riorganizzazzjoni interna jgħinu biex jiġu ssalvagwardjati l-impjiegi, u fl-istess ħin inaqqsu kemm ir-rati ta’ falliment fost l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju, kif ukoll il-likwidazzjoni ta’ negozji profittabbli. Madankollu, il-KESE jilqa’ l-proposti biex tiġi indirizzata l-kwistjoni pendenti tal-insolvenza ta’ persuni fiżiċi.

1.3.

Il-KESE għandu dubji dwar kemm il-proposta, li hija ppreżentata bħala pass importanti biex jingħalqu l-lakuni rilevanti għat-titjib tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali tal-UE, tista’ fil-fatt tissodisfa din l-aspettattiva. Il-proposta ma tipprovdix definizzjoni armonizzata tar-raġunijiet għall-insolvenza u l-gradazzjoni ta’ pretensjonijiet, li t-tnejn huma essenzjali biex tinkiseb effiċjenza akbar u tiġi limitata l-frammentazzjoni eżistenti fir-regoli nazzjonali dwar l-insolvenza.

1.4.

Għalhekk, il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni, lill-Parlament u lill-Kunsill jirrevedu l-proposta fl-Artikolu 27 li tobbliga lill-kontropartijiet, eż. fornituri ta’ negozju li jkun qed iniedi proċediment ta’ insolvenza, biex jiffirmaw kuntratti eżekutorji, li wara jiġu assenjati lill-akkwirent tan-negozju mingħajr il-kunsens tal-kontroparti. Dan, fil-fatt, jorbothom b’mod artifiċjali ma’ sieħeb kuntrattwali li qatt ma għażlu u lanqas skrutinizzaw, u jillimita l-libertà intraprenditorjali tagħhom. Ir-restrizzjoni tad-drittijiet kuntrattwali ta’ terminazzjoni f’każ ta’ insolvenza tnaqqas ir-rieda tal-fornituri essenzjali li jipprovdu kreditu, speċjalment fil-każ ta’ MSMEs li jkunu qed jiffaċċjaw diffikultajiet finanzjarji.

1.5.

Madankollu, il-KESE jilqa’ l-proposta li tiġi introdotta proċedura speċjali li tiffaċilita u tħaffef l-istralċ tal-mikrointrapriżi, li tippermetti proċess ta’ insolvenza aktar kosteffiċjenti għal dawn l-intrapriżi. Dawn l-arranġamenti jappoġġjaw ukoll l-istralċ ordnat ta’ mikrointrapriżi “mingħajr assi” (asset-less), u jindirizzaw ir-rifjut ta’ xi wħud mill-Istati Membri għall-aċċess għal proċedimenti ta’ insolvenza jekk il-valur ta’ rkupru previst ikun inqas mill-ispejjeż ġudizzjarji. Il-KESE jenfasizza li dan jirrigwarda madwar 90 % tal-insolvenzi fl-UE, u għalhekk iqis li din il-proċedura hija sinifikanti ħafna.

1.6.

Minkejja li l-KESE japprova din il-proċedura speċjali, huwa jwissi li r-rekwiżiti għall-qrati nazzjonali biex iwettqu dawn il-kompiti jistgħu jwasslu għal piż żejjed fuq is-sistemi ġudizzjarji nazzjonali, jekk jingħataw ir-responsabbiltà biex jeżaminaw jekk mikrointrapriża hijiex tabilħaqq insolventi, u biex iwettqu l-proċedimenti twal meħtieġa, inklużi ir-realizzazzjoni tal-assi u d-distribuzzjoni tar-rikavat. Għalhekk, il-KESE jirrakkomanda li jiġu involuti atturi kompetenti oħra, bħall-prattikanti fl-insolvenza, sabiex jgħinu biex jitnaqqas il-piż fuq il-ġudikatura (2).

1.7.

Fl-aħħar nett, il-KESE jixtieq jirrimarka li proċedimenti ta’ insolvenza ineffiċjenti jistgħu jirriżultaw f’livelli ogħla ta’ self li ma jrendix li jpoġġu l-istabbiltà finanzjarja f’riskju u li jkollhom ukoll impatt fuq il-kreditu, l-inflazzjoni u l-PDG reali. Il-KESE huwa tal-fehma li r-reġimi effiċjenti ta’ insolvenza u tad-drittijiet tal-kredituri/debituri huma wħud mill-għodod komplementari li huma disponibbli għal min ifassal il-politika biex jitrażżan it-tkabbir tas-self li ma jrendix, billi jżidu l-probabbiltà tal-ħlas lura tas-self u jaġġustaw aktar malajr il-livelli tas-self li ma jrendix.

2.   Sinteżi tal-proposta tal-Kummissjoni

2.1.

L-objettiv tal-proposta huwa li jitnaqqsu d-differenzi fil-liġijiet nazzjonali dwar l-insolvenza u b’hekk tiġi indirizzata l-kwistjoni ta’ oqfsa ta’ insolvenza potenzjalment ineffiċjenti fl-Istati Membri fejn dawn id-differenzi jseħħu, u li tiżdied it-trasparenza tal-proċedimenti ta’ insolvenza b’mod ġenerali u jitnaqqsu l-ostakli għall-moviment liberu tal-kapital. Billi tarmonizza aspetti mmirati tal-liġijiet dwar l-insolvenza, il-proposta għandha l-għan, b’mod partikolari, li tnaqqas l-ispejjeż tal-informazzjoni u tat-tagħlim għall-investituri transfruntiera. L-għan huwa li jkun hemm liġijiet aktar uniformi dwar l-insolvenza, u b’hekk tiġi estiża l-għażla tal-finanzjament disponibbli għall-kumpaniji madwar l-Unjoni.

2.2.

Il-proposta attwali għandha l-għan li tindirizza uħud mil-lakuni fil-leġiżlazzjoni preċedenti tal-UE dwar ir-regoli tal-insolvenza, jiġifieri d-Direttiva (UE) 2019/1023 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) u r-Regolament (UE) 2015/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), b’mod partikolari fir-rigward tal-irkupru tal-assi mill-patrimonju tal-insolvenza likwidat, l-effiċjenza tal-proċedimenti, u d-distribuzzjoni prevedibbli u ġusta tal-valur irkuprat fost il-kredituri. Dan jinkludi kwistjonijiet relatati ma’ azzjonijiet revokatorji, l-investigazzjoni dwar l-assi, id-dmirijiet u r-responsabbiltà tad-diretturi, il-bejgħ ta’ kumpanija bħala negozju avvjat permezz ta’ “proċedimenti ta’ pre-pack”, l-iskattatur tal-insolvenza, reġim speċjali tal-insolvenza għall-mikrointrapriżi u l-intrapriżi żgħar, il-gradazzjoni ta’ pretensjonijiet u l-kumitati tal-kredituri.

2.3.

Ġie osservat li fir-regoli nazzjonali eżistenti dwar l-insolvenza fl-Istati Membri, hemm varjazzjonijiet sinifikanti fiż-żmien meħtieġ biex kumpanija tiġi likwidata u l-valur li eventwalment jista’ jiġi rkuprat. F’xi Stati Membri, dan iwassal għal proċeduri twal ta’ insolvenza u valur medju baxx ta’ rkupru f’każijiet ta’ likwidazzjoni. Skont il-Kummissjoni Ewropea, dan jikkostitwixxi ostaklu għall-unjoni tas-swieq kapitali u għall-investimenti transfruntiera fl-UE.

3.   Kummenti ġenerali

3.1.

Il-KESE jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni għal aktar trasparenza u disponibbiltà ta’ informazzjoni dwar ir-regoli u l-proċedimenti ta’ insolvenza transfruntiera. Madankollu, il-KESE huwa tal-fehma li din il-proposta hija biss l-ewwel pass biex tintlaħaq il-konverġenza tar-reġimi ta’ insolvenza fl-Istati Membri tal-UE. Il-KESE jilqa’ wkoll proposti biex tiġi indirizzata l-kwistjoni pendenti tal-insolvenza ta’ persuni fiżiċi.

3.2.

Il-KESE jenfasizza li reġim ta’ insolvenza mfassal tajjeb għandu jgħin lin-negozji vijabbli biex jibqgħu operattivi, filwaqt li jevita l-likwidazzjoni prematura tagħhom. Ir-reġim ta’ insolvenza għandu wkoll jiskoraġġixxi lis-selliefa milli joħorġu self b’riskju għoli, u lill-maniġers u lill-azzjonisti milli jirrikorru għal tali self kif ukoll milli jieħdu deċiżjonijiet finanzjarji imprudenti oħrajn (5). Negozju milqut minn tnaqqis temporanju fir-ritmu ekonomiku jew minn deċiżjoni ħażina xorta jiġi salvat jekk is-sitwazzjoni ekonomika titjieb jew jittieħdu miżuri korrettivi min-negozju. Meta dan iseħħ, il-partijiet ikkonċernati kollha jibbenefikaw. Il-kredituri jistgħu jirkupraw parti akbar mill-investiment tagħhom, aktar ħaddiema jżommu l-impjiegi tagħhom u jiġi ppreservat in-network tal-fornituri u tal-klijenti.

3.3.

F’dan il-kuntest, il-KESE jiġbed l-attenzjoni għal studji li juru li riformi effettivi tad-drittijiet tal-kredituri huma assoċjati ma’ spejjeż aktar baxxi tal-kreditu, aċċess akbar għall-kreditu, irkupru aħjar għall-kredituri u żamma aktar effettiva tal-impjiegi (6). Id-drittijiet ta’ parteċipazzjoni ta’ kumitat tal-kredituri bl-involviment possibbli ta’ rappreżentant tal-impjegati għandhom jissaħħu wkoll. Jekk, fi tmiem il-proċedimenti ta’ insolvenza, il-kredituri jkunu jistgħu jirkupraw il-biċċa l-kbira tal-investimenti tagħhom, ikunu jistgħu jkomplu jinvestu mill-ġdid f’negozji u jtejbu l-aċċess tal-kumpaniji għall-kreditu. Bl-istess mod, jekk reġim ta’ falliment jirrispetta l-prijorità assoluta tal-pretensjonijiet, il-kredituri garantiti jistgħu jkomplu jsellfu, u b’hekk tinżamm il-fiduċja fis-sistema tal-falliment (7).

3.4.

Il-KESE huwa tal-fehma li r-riformi tal-insolvenza mmirati biex jinkoraġġixxu r-ristrutturar tad-dejn u r-riorganizzazzjoni interna, jgħinu biex jiġu ssalvagwardjati l-impjiegi, u jnaqqsu kemm ir-rati ta’ falliment fost l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju kif ukoll il-likwidazzjoni ta’ negozji profittabbli.

3.5.

Id-disparitajiet sinifikanti fil-liġijiet nazzjonali dwar l-insolvenza spiss jissemmew bħala ostakli għall-investimenti transfruntiera, bħalma huma r-regoli dwar it-tassazzjoni. Il-KESE jemmen li livelli ogħla ta’ konverġenza tal-liġijiet dwar l-insolvenza jgħinu biex jinkiseb funzjonament aħjar tas-swieq kapitali, u b’hekk jiġi ffaċilitat l-investiment madwar l-UE. Madankollu, il-proposta tonqos milli tarmonizza l-aspetti ewlenin tal-liġi dwar l-insolvenza, bħal definizzjoni armonizzata tar-raġunijiet għall-insolvenza u l-gradazzjoni ta’ pretensjonijiet, li t-tnejn huma essenzjali biex tinkiseb effiċjenza akbar u tiġi limitata l-frammentazzjoni eżistenti fir-regoli nazzjonali dwar l-insolvenza. Dan ma jawgurax tajjeb biex jintlaħaq l-għan tant meħtieġ, iżda ambizzjuż, ta’ Unjoni tas-Swieq Kapitali.

3.6.

Madankollu, il-KESE jenfasizza l-appoġġ sod tiegħu għal suq tal-kapital aktar miftuħ fl-UE kollha li jipprovdi firxa usa’ ta’ aċċess għall-investiment għall-kumpaniji, u jirrikonoxxi s-sejbiet tal-Kummissjoni u tal-Bank Dinji (8) li żieda fir-rata ta’ rkupru tal-assi fil-kuntest ta’ effettività akbar tal-insolvenza u tad-drittijiet tal-kredituri, twessa’ l-aċċess għall-kreditu għall-kumpaniji Ewropej.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1.

Il-KESE jirrikonoxxi li l-proċedimenti ta’ insolvenza jvarjaw b’mod sinifikanti minn Stat Membru għal ieħor, b’regolamentazzjoni nazzjonali li tiffavorixxi aktar l-approċċ ta’ “debitur fil-pussess”, jew approċċ ibbażat fuq id-“drittijiet tal-kreditur”, jew li tagħti prijorità lill-impjiegi u lill-leġiżlazzjoni dwar l-impjiegi. Dan iwassal għal preferenzi differenti fir-rigward tal-likwidazzjoni tal-kumpaniji, il-gradazzjoni ta’ pretensjonijiet mill-kredituri u r-rwoli tad-diretturi tal-kumpaniji, il-prattikanti fl-insolvenza u l-qrati. Bl-istess mod, fit-tfassil tal-politiki, għandhom jitqiesu d-differenzi bejn l-azzjonisti u d-detenturi tad-dejn; l-azzjonisti huma fil-biċċa l-kbira reattivi għall-għodod ta’ prevenzjoni u semplifikazzjoni, id-detenturi tad-dejn jirrispondu aktar għad-disponibbiltà tal-istrumenti ta’ ristrutturar. Il-KESE huwa tal-fehma li l-proposti tal-Kummissjoni huma l-ewwel pass lejn il-konverġenza madwar l-UE, iżda xorta waħda ma jilħqux l-armonizzazzjoni effettiva, u ma jindirizzawx il-kwistjoni pendenti tal-insolvenza tal-persuni fiżiċi.

4.2.

Il-KESE jappoġġja l-fehma tal-Kummissjoni li l-liġijiet nazzjonali dwar l-insolvenza huma kunsiderazzjoni ewlenija għall-investituri barranin. Madankollu, il-KESE jirrimarka li l-ammont ta’ insolvenzi b’forniment transfruntier tal-kreditu ma jaqbiżx l-20 % tal-każijiet kollha, u li d-data relattiva għall-pajjiżi tal-G20 turi li sistema effettiva tad-drittijiet legali żżid il-livell ta’ investiment dirett barrani minn 2 għal 3 % tal-PDG biss. Barra minn hekk, porzjon sinifikanti tal-investiment dirett barrani huwa dovut għal fużjonijiet korporattivi u akkwiżizzjonijiet ta’ korporazzjonijiet eżistenti aktar milli investiment f’intrapriżi ġodda.

4.3.

Għalhekk, il-KESE jwissi kontra li wieħed jistenna wisq mill-impatt tal-konverġenza tal-liġi dwar l-insolvenza fuq l-investimenti. Madankollu, il-KESE jirrikonoxxi li l-għoti ta’ qafas effettiv tad-drittijiet legali għall-kredituri u aktar trasparenza għall-investituri potenzjali kollha dwar il-liġijiet tal-insolvenza u informazzjoni ugwali dwar is-sitwazzjoni legali jista’ jkollhom impatti pożittivi fuq l-investiment barrani. Iċ-ċertezza dwar ir-regoli rigward id-drittijiet tal-kredituri u tad-debituri u armonizzazzjoni akbar tal-proċeduri tat-tneħħija tal-kollateral fl-Istati Membri kollha se jnaqqsu r-riskji u jipprovdu aktar impetu għall-investimenti transfruntiera u l-kummerċ intern.

4.4.

Barra minn hekk, il-KESE jemmen li l-għoti ta’ informazzjoni u trasparenza lill-investituri dwar kwistjonijiet relatati ma’ azzjonijiet revokatorji, l-investigazzjoni dwar l-assi, id-dmirijiet u r-responsabbiltà tad-diretturi, il-bejgħ ta’ kumpanija bħala negozju avvjat permezz ta’ proċedimenti ta’ pre-pack, l-iskattatur tal-insolvenza, reġim speċjali tal-insolvenza għall-mikrointrapriżi u l-intrapriżi żgħar, il-gradazzjoni ta’ pretensjonijiet u l-kumitati tal-kredituri, huma kollha importanti ħafna.

4.5.

Il-KESE jilqa’ wkoll il-fatt li l-proposta tintroduċi proċedura speċjali biex tiffaċilita u tħaffef l-istralċ tal-mikrointrapriżi, li tippermetti proċess ta’ insolvenza aktar kosteffiċjenti għal dawn l-intrapriżi. Dawn l-arranġamenti jappoġġjaw ukoll l-istralċ ordnat ta’ mikrointrapriżi “mingħajr assi” (asset-less), u jindirizzaw ir-rifjut ta’ xi wħud mill-Istati Membri għall-aċċess għal proċedimenti ta’ insolvenza jekk il-valur ta’ rkupru previst ikun inqas mill-ispejjeż ġudizzjarji. Il-KESE jenfasizza li dan jirrigwarda madwar 90 % tal-insolvenzi fl-UE, u għalhekk iqis li din il-proċedura hija sinifikanti ħafna.

4.6.

Madankollu, minkejja li l-KESE japprova din il-proċedura speċjali, huwa jwissi li r-rekwiżiti għall-qrati nazzjonali biex iwettqu dawn il-kompiti, f’konformità mal-Artikolu 12ff tad-Direttiva, jistgħu jwasslu għal piż żejjed fuq is-sistemi ġudizzjarji nazzjonali jekk dawn isiru responsabbli biex jeżaminaw jekk mikrointrapriża hijiex tabilħaqq insolventi u biex iwettqu l-proċedimenti twal meħtieġa. Fil-fehma tagħna, dan imur parzjalment kontra l-iskop tal-leġiżlazzjoni proposta. F’Opinjonijiet preċedenti (9), il-KESE ddikjara li l-użu sistematiku tal-qrati jista’ ma jkunx l-għażla ppreferuta u l-KESE rrakkomanda li jiġu stabbiliti korpi ġodda li jassumu r-responsabbiltà għal dan il-kompitu. L-involviment effettiv ta’ prattikanti indipendenti fl-insolvenza wera li huwa ta’ benefiċċju speċjalment għal mikroimprendituri organizzati ħażin fi proċedimenti ta’ likwidazzjoni semplifikati, u l-KESE huwa tal-fehma li l-involviment ta’ prattikanti fl-insolvenza għandu jiġi kkunsidrat sew (10).

4.7.

Il-KESE jirrakkomanda wkoll li l-prattikanti fl-insolvenza, f’każijiet ta’ interessi leġittimi, ikollhom aċċess dirett u rapidu għar-reġistri nazzjonali tal-assi, irrispettivament mill-Istat Membru fejn ikunu nħatru. Il-KESE jinnota wkoll li dawn ir-reġistri għadhom ma ġewx stabbiliti fl-Istati Membri kollha u jħeġġeġ lill-awtoritajiet rilevanti biex jirrettifikaw din is-sitwazzjoni malajr.

4.8.

Fl-interess tal-effiċjenza, il-KESE jilqa’ l-proposta għal proċedimenti ta’ pre-pack, fejn il-bejgħ tan-negozju tad-debitur (jew parti minnu) jitħejja u jiġi nnegozjat qabel il-ftuħ formali tal-proċedimenti ta’ insolvenza. Dan jagħmilha possibbli li jiġi eżegwit il-bejgħ u jinkiseb ir-rikavat ftit wara l-ftuħ tal-proċedimenti formali ta’ insolvenza maħsuba biex jillikwidaw kumpanija. Madankollu, il-KESE jwissi kontra l-proposta fl-Artikolu 27 li tobbliga lill-kontropartijiet, eż. fornituri ta’ negozju li jkun qed iniedi proċediment ta’ insolvenza, biex jiffirmaw kuntratti eżekutorji, li wara jiġu assenjati lill-akkwirent tan-negozju mingħajr il-kunsens tal-kontroparti. Dan, fil-fatt, jorbothom b’mod artifiċjali ma’ sieħeb kuntrattwali li qatt ma għażlu u lanqas skrutinizzaw, u jillimita l-libertà intraprenditorjali tagħhom. Dan japplika aktar u aktar għall-impjegati li l-libertà professjonali tagħhom ma tistax tiġi miksura minn bidla furzata tal-impjegatur. Għalhekk, il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni, lill-Parlament u lill-Kunsill jirrevedu din il-proposta. Barra minn hekk, il-possibbiltà ta’ parteċipazzjoni u monitoraġġ li jitwettqu minn kumitat tal-kredituri għandhom jissaħħu wkoll fil-proċess ta’ prepakkett.

4.9.

Il-KESE jinnota wkoll li d-Direttiva, fil-fatt, la tindirizza l-kwistjoni tal-konverġenza tal-gradazzjoni ta’ pretensjonijiet, u lanqas ma tipprovdi definizzjoni tar-raġunijiet għall-insolvenza. Peress li dawn huma rekwiżit ewlieni għal proċedimenti ta’ insolvenza armonizzati, il-KESE jinsab diżappuntat ħafna li l-Kummissjoni ma żviluppathomx fil-fond.

4.10.

Bl-istess mod, l-iskattaturi tal-insolvenza mhumiex ikkunsidrati biżżejjed fil-proposta, minkejja affermazzjonijiet kuntrarji fil-Komunikazzjoni dwar id-direttiva. Il-proposta tiddikjara li ż-żewġ skattaturi tas-soltu fl-Istati Membri għall-ftuħ ta’ proċedimenti standard ta’ insolvenza huma t-test tal-waqfien tal-pagamenti u t-test tal-karta tal-bilanċ.

4.11.

Bil-għan li jiġu ssemplifikati l-proċedimenti ta’ insolvenza, li l-KESE jappoġġja fil-prinċipju, id-direttiva tipproponi li l-inabbiltà li jitħallsu d-djun hekk kif jimmaturaw għandha tkun il-kriterju għall-ftuħ ta’ proċedimenti ta’ stralċ semplifikati. Minflok ma tipprovdi gwida dwar kif għandhom jiġu definiti l-kundizzjonijiet speċifiċi li abbażi tagħhom jiġi ssodisfat dan il-kriterju, il-proposta titlob lill-Istati Membri jiddefinixxu dawn il-kundizzjonijiet speċifiċi huma stess, u titlef l-opportunità li tiggarantixxi koerenza madwar l-UE.

4.12.

Il-KESE jinnota wkoll li l-banek huma tipikament l-intermedjarji finanzjarji primarji u huma fundamentali għal sistema finanzjarja stabbli. Is-self li ma jrendix inaqqas il-profittabbiltà u jista’ joħloq riskju għas-solvenza tal-banek. Ir-reġimi ta’ insolvenza u tad-drittijiet tal-kredituri/debituri huma wħud mill-għodod komplementari li huma disponibbli għal min ifassal il-politika biex jitrażżan it-tkabbir tas-self li ma jrendix, u jikkontribwixxu biex jiġi solvut is-self li ma jrendix meta dan jilħaq livelli problematiċi. L-analiżi fil-livell tan-negozji turi li r-riformi tar-reġimi tal-insolvenza li jnaqqsu l-ostakli għar-ristrutturar korporattiv u l-kost personali assoċjat mal-falliment intraprenditorjali jistgħu jnaqqsu s-sehem tal-kapital mitluf fl-hekk imsejħa ditti żombi. Dan il-qligħ huwa parzjalment realizzat mir-ristrutturar ta’ negozji dgħajfa, li min-naħa tiegħu jixpruna r-riallokazzjoni tal-kapital lil negozji aktar produttivi.

4.13.

Fl-aħħar nett, il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni tippubblika statistika regolari dwar każijiet ta’ insolvenza skont ir-regolament rilevanti dwar l-insolvenza sabiex l-effettività tas-sistema stabbilita tkun tista’ tiġi vvalutata minn żmien għal żmien.

Brussell, it-22 ta’ Marzu 2023.

Christa SCHWENG

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


(1)  Il-Bank Dinji, Resolving Insolvency (Ir-Riżoluzzjoni tal-Insolvenza), aċċessata fit-3 ta’ Jannar 2023.

(2)  Bank Dinji, Principles for effective Insolvency and Creditor/debtor Regimes (Prinċipji għal reġimi effettiva fil-qasam tal-insolvenza u tad-drittijiet tal-kredituri/debituri), Edizzjoni riveduta 2021, prinċipji c6.1 u c19.6.

(3)  Id-Direttiva (UE) 2019/1023 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar oqfsa ta' ristrutturar preventiv, dwar il-ħelsien mid-dejn u l-iskwalifiki, u dwar miżuri sabiex tiżdied l-effiċjenza tal-proċeduri li jikkonċernaw ir-ristrutturar, l-insolvenza u l-ħelsien mid-dejn, u li temenda d-Direttiva (UE) 2017/1132 (ĠU L 172, 26.6.2019, p. 18).

(4)  Ir-Regolament (UE) 2015/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Mejju 2015 dwar proċedimenti ta' insolvenza (ĠU L 141, 5.6.2015, p. 19).

(5)  Il-Bank Dinji, Resolving Insolvency (Ir-Riżoluzzjoni tal-Insolvenza), aċċessata fit-3 ta’ Jannar 2023.

(6)  Il-Bank Dinji, Resolving Insolvency (Ir-Riżoluzzjoni tal-Insolvenza), aċċessata fit-3 ta’ Jannar 2023.

(7)  Il-Bank Dinji, Resolving Insolvency (Ir-Riżoluzzjoni tal-Insolvenza), aċċessata fit-3 ta’ Jannar 2023.

(8)  How Insolvency and Creditor/Debtor Regimes Can Help Address Nonperforming Loans – EFI Note-Finance. Washington, DC: Bank Dinji (Kif ir-reġimi tal-insolvenza u d-drittijiet tal-kredituri/debituri jistgħu jgħinu biex jiġi indirizzat s-self li ma jrendix [mhux disponibbli bil-Malti]).

(9)  Fosthom l-Opinjoni tal-KESE dwar L-insolvenza tan-negozji (ĠU C 209, 30.6.2017, p. 21).

(10)  Bank Dinji, Principles for effective Insolvency and Creditor/debtor Regimes (Prinċipji għal reġimi effettiva fil-qasam tal-insolvenza u tad-drittijiet tal-kredituri/debituri), Edizzjoni riveduta 2021, prinċipji c6.1 u c19.6.