27.4.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 146/29


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-ġbir u l-kondiviżjoni ta’ data b’rabta mas-servizzi ta’ kiri ta’ akkomodazzjoni fuq medda qasira ta’ żmien u li jemenda r-Regolament (UE) 2018/1724”

(COM(2022) 571 final — 2022/0358 (COD))

(2023/C 146/05)

Relatur:

Marinel Dănuț MURESAN

Konsultazzjoni

Parlament Ewropew, 21.11.2022

Kunsill tal-Unjoni Ewropea, 1.12.2022

Bażi legali

Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum

Adozzjoni fis-sezzjoni

27.1.2023

Adozzjoni fil-plenarja

22.2.2023

Sessjoni plenarja Nru

576

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

190/0/4

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Ir-Regolament propost iwieġeb għas-sejħa mill-partijiet ikkonċernati onesti kollha biex is-suq tal-kiri fuq medda qasira ta’ żmien (short-term rental — STR) jiġi rregolat, u jkun konformi mar-Regolamenti l-oħra tal-UE.

1.2.

Il-Kumitat Ekonomliku u Soċjali Ewropew (il-KESE) jirrakkomanda li l-mekkaniżmi proposti fir-Regolament jiġu implimentati bil-għan li tiġi żviluppata kompetizzjoni aktar ġusta għall-attivitajiet tal-STR u provvista aktar sikura u trasparenti tas-servizzi tal-STR li huma adattati għall-iskop tagħhom, u li l-awtoritajiet nazzjonali u lokali jiġu attrezzati b’għodod effiċjenti biex jadattaw l-attivitajiet tal-STR għaċ-ċirkostanzi u l-ħtiġijiet lokali f’diversi partijiet tal-UE.

1.3.

Ir-Regolament ma jispeċifikax min u x’għandu jiġi ddikjarat meta ssir ir-reġistrazzjoni fir-reġistru diġitali nazzjonali, u hemm sitwazzjonijiet speċifiċi li japplikaw għal:

informazzjoni dwar l-ospitanti (sid il-proprjetà, rappreżentant ta sid il-proprjetà, inkwilin/sullokatur, kumpanija li taġixxi bħala intermedjarja, kumpanija li timmaniġġja jew tipprovdi manutenzjoni għal unitajiet ta’ akkomodazzjoni);

informazzjoni dwar l-unitajiet ta’ akkomodazzjoni (immexxija kompletament jew parzjalment biss bħala STR, b’servizzi disponibbli bi ħlas, servizzi komuni, eċċ.);

l-għadd massimu ta’ persuni permessi li jokkupaw unità (biex jiġi evitat li tinqabeż il-kapaċità tal-unità).

1.3.1.

Il-proċess ta’ reġistrazzjoni fir-reġistru diġitali nazzjonali — b’format uniformi fil-livell tal-UE — jeħtieġ li jsir aktar sempliċi u flessibbli sabiex ikun faċli kemm jista’ jkun fis-sitwazzjonijiet kollha biex ikun hemm konformità mar-regoli, biex jiġi żgurat li d-data tiġi pproċessata kif suppost u b’mod effiċjenti u biex jiġi żgurat li jitħarsu r-regoli; dan se jgħin biex jiġu evitati każijiet ta’ ospitanti li jevitaw li jirreġistraw fil-punt ta’ dħul uniku diġitali.

1.4.

Il-KESE jipproponi li fir-Regolament, il-Kummissjoni tirrakkomanda li l-awtoritajiet nazzjonali u/jew lokali jwettqu valutazzjonijiet tal-impatt perjodiċi dwar l-attivitajiet tal-STR, fir-rigward:

tal-potenzjal reali tat-turiżmu lokali;

l-impatt fuq il-ħajja tar-residenti lokali;

l-impatt soċjali f’termini ta’ akkomodazzjoni mikrija;

l-impatt fuq is-suq lokali tal-akkomodazzjoni;

l-impatt soċjali f’termini tal-għoli tal-ħajja fiż-żona lokali;

l-impatt fuq l-impjiegi;

l-impatt fuq it-tniġġis;

l-impatt fuq ir-rispett għat-tradizzjonijiet lokali;

l-impatt fuq in-negozji affettwati direttament u indirettament fiż-żona lokali.

1.4.1.

Dan se jippermetti lill-awtoritajiet jieħdu azzjoni fi żmien xieraq u jevitaw li sitwazzjonijiet jilħqu punt ta’ kriżi.

1.5.

Ir-Regolament ma jimponix kriterji ta’ awtorizzazzjoni fuq l-awtoritajiet nazzjonali u lokali wara r-reġistrazzjoni fir-reġistru diġitali nazzjonali: jagħtihom il-flessibilità biex ifasslu dawn il-kriterji għas-sitwazzjoni lokali, iżda jirrakkomanda li l-proċedura ta’ awtorizzazzjoni tevita li timponi restrizzjonijiet artifiċjali u xxekkel l-operat normali tal-attivitajiet tal-STR. Aħna nħossu li sistema ta’ poloz tal-assigurazzjoni maħruġa mill-ospitanti għall-unitajiet tagħhom li tkopri l-biċċa l-kbira tar-riskji li jirriżultaw mill-attivitajiet tal-STR tista’ tissostitwixxi r-rekwiżiti għall-awtorizzazzjoni, billi l-kumpaniji tal-assigurazzjoni jivverifikaw li l-ospitanti jikkonformaw mar-regoli meta jevalwaw il-polza.

1.6.

Ir-Regolament mhuwiex strett iżżejjed fir-rigward tal-informazzjoni li l-ospitanti jridu jipprovdu meta jirreġistraw fir-reġistru diġitali nazzjonali jew li l-pjattaformi jridu jirrapportaw lill-awtoritajiet. Għalhekk, approċċ standardizzat immexxi mill-istituzzjonijiet Ewropej, kif speċifikat, fir-rigward tal-livell ta’ informazzjoni meħtieġ għall-attivitajiet kollha tal-STR jgħin lill-awtoritajiet nazzjonali u lokali jieħdu deċiżjonijiet f’konformità mal-interessi tal-komunitajiet ikkonċernati, jiffaċilita l-kondiviżjoni tad-data bejn l-awtoritajiet, isaħħaħ il-livell ta’ konformità mar-regoli u jippermetti lill-awtoritajiet jieħdu azzjoni adegwata abbażi ta’ analiżijiet fil-livell tal-UE u dak lokali.

1.7.

Madankollu, aħna nipproponu li l-Kummissjoni tirrakkomanda li l-awtoritajiet nazzjonali u/jew lokali jimmonitorjaw l-impatt tal-attivitajiet tal-STR, fir-rigward:

tat-tnaqqis drastiku fin-numru ta’ kirjiet fit-tul disponibbli għal skopijiet oħra minbarra t-turiżmu;

l-għadd limitat ta’ għażliet ta’ kiri miftuħa għal persuni bi dħul baxx, minħabba l-kirjiet li qed jiġu xprunati minn domanda għolja fis-suq tal-STR;

biddel il-kundizzjonijiet tal-għajxien tar-residenti lokali minħabba t-tniġġis akustiku kkawżat mit-turisti, imġiba mhux xierqa min-naħa tat-turisti u t-turisti li jonqsu milli jirrispettaw ir-regoli fis-seħħ biex jiġi żgurat li r-residenti temporanji u permanenti jkunu jistgħu jimxu magħhom (ir-rispett tat-tradizzjonijiet lokali, l-iżgurar li ż-żoni pubbliċi u s-siti tal-ġbir u tal-għażla tal-iskart jinżammu nodfa u puliti);

il-miżuri addizzjonali li jridu jittieħdu għall-protezzjoni tas-siti storiċi, arkitettoniċi u naturali;

l-effetti fuq is-suq tax-xogħol kollu kemm hu.

1.7.1.

Il-proposta se twitti t-triq għal diskussjoni miftuħa dwar dawn l-isfidi, li jistgħu jkunu biss ta’ vantaġġ għal dawk kollha involuti fl-attivitajiet tal-STR. Il-miżuri meħuda mhux se jfixklu s-suq jew jirriżultaw f’għadd sinifikanti ta’ nies li jevitaw il-konformità mar-regoli, u l-komunità lokali se ttejjeb direttament l-integrazzjoni bla xkiel tal-STRs.

1.8.

Il-KESE jirrakkomanda li dan ir-Regolament jirrikjedi li l-pjattaformi online jipprovdu lill-klijenti b’informazzjoni rilevanti dwar ir-reġistrazzjoni tal-ospitant fir-reġistru diġitali nazzjonali jew bi preżentazzjoni ġenerali tal-unità, kif ukoll b’informazzjoni dwar il-livell ta’ responsabbiltà tal-ospitanti u tal-pjattaforma, il-miżuri meħuda biex jiġu żgurati kundizzjonijiet adegwati ta’ saħħa u sikurezza għall-klijenti, rekwiżiti speċifiċi li għandhom jiġu ssodisfati mill-klijenti kemm fl-unità kif ukoll f’żoni pubbliċi, u diversi tradizzjonijiet lokali li huma importanti għall-atturi kollha tas-suq, għall-komunità u għall-awtoritajiet lokali.

1.9.

Ir-Regolament jistipula li se jiġi implimentat fil-livell nazzjonali sentejn wara li jiġi adottat. Aħna nħossu li se jkun ħafna aktar faċli li tiġi stabbilita pjattaforma online wara dak il-perjodu minħabba l-interoperabbiltà u l-kondiviżjoni tad-data, filwaqt li l-ġbir manwali tad-data ma jibqax aktar meħtieġ. Konsegwentement, il-KESE jirrakkomanda li l-ġbir manwali tad-data jsir fakultattiv għall-amministraturi tal-pjattaformi online li joperaw bħala negozji, intrapriżi mikro u żgħar. Madankollu, il-KESE jirrakkomanda li jiġi stipulat li l-awtoritajiet nazzjonali u lokali jridu jimmonitorjaw il-konformità mar-rapportar/it-trażmissjoni tad-data mill-pjattaformi kollha li jaġixxu bħala intermedjarji għas-servizzi tal-STR jew li jiffaċilitaw dawn is-servizzi, u jiġu infurzati penali f’każ ta’ nuqqas ta’ rapportar ta’ data jew rapportar ta’ data mhux preċiża min-naħa tal-amministraturi tal-pjattaformi online jew tipi oħra ta’ pjattaformi li jiffaċilitaw is-servizzi tal-STR.

1.10.

Il-KESE jirrakkomanda li r-Regolament jistipula li l-istituzzjonijiet tal-UE se jinfurmaw lill-partijiet ikkonċernati kollha tal-STR, jew direttament jew permezz tal-awtoritajiet nazzjonali u lokali, dwar kwalunkwe avveniment kbir li jkun għaddej jew antiċipat relatat mal-attivitajiet tal-STR li jista’ jkollu impatt fuq l-ekonomija, is-soċjetà, l-ambjent jew is-sikurezza pubblika ta’ oqsma speċifiċi. Dan jgħin biex tittieħed azzjoni fi żmien xieraq, billi jiġu evitati avvenimenti serji u dannużi (bħal kriżijiet ekonomiċi, kriżijiet soċjali kbar, inkwiet soċjali kbir, żieda fil-faqar u fil-kondizzjoni ta’ persuni mingħajr dar, impatt kbir fuq l-ambjent jew impatt fuq is-saħħa pubblika) jew kwalunkwe avveniment ieħor li jġiegħel lill-awtoritajiet jieħdu azzjoni li taffettwa l-attivitajiet tal-STR.

2.   Kummenti ġenerali

2.1.

Il-kirjiet ta’ akkomodazzjoni fuq medda qasira ta’ żmien qed jiżdiedu b’mod rapidu fl-UE, fil-biċċa l-kbira xprunati mill-ekonomija tal-pjattaformi. Dawn jirrappreżentaw madwar kwart tal-akkomodazzjoni turistika kollha fl-UE, bl-għadd ta’ proprjetajiet bħal dawn jiżdied b’mod sinifikanti madwar l-UE kollha. Din il-Proposta tal-Kummissjoni hija element ewlieni tal-Perkors ta’ Tranżizzjoni għat-Turiżmu, ippubblikat fi Frar 2022. Dan tħabbar fl-Istrateġija tal-Kummissjoni għall-SMEs ta’ Marzu 2020, bil-għan li jiġi promoss l-iżvilupp ibbilanċjat u responsabbli tal-ekonomija kollaborattiva fis-suq uniku.

2.2.

Il-qafas il-ġdid propost għandu l-għan li:

jarmonizza r-rekwiżiti ta’ reġistrazzjoni għall-ospitanti u l-proprjetajiet tal-kiri tagħhom fuq medda qasira ta’ żmien, fejn jiġu introdotti tali rekwiżiti mill-awtoritajiet nazzjonali;

jiċċara r-regoli li jiżguraw li n-numri tar-reġistrazzjoni jintwerew u jiġu vverifikati;

jissemplifika l-kondiviżjoni tad-data bejn il-pjattaformi online u l-awtoritajiet pubbliċi;

jippermetti l-użu mill-ġdid tad-data f’forma aggregata;

jistabbilixxi qafas ta’ implimentazzjoni effettiv.

2.3.

Ir-Regolament propost huwa konsistenti ma’ strumenti legali oħra:

l-Att dwar is-Servizzi Diġitali;

id-Direttiva dwar is-Servizzi;

id-Direttiva dwar il-Kummerċ Elettroniku;

ir-Regolament tal-Pjattaforma għan-Negozju;

il-proposta tal-Att dwar id-Data;

ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data;

ir-Regolament dwar il-Gateway Diġitali Unika;

u jaqa’ taħt ir-regoli tad-Direttiva DAC7 (1).

2.4.

Ir-Regolament għandu l-għan li jistabbilixxi qafas armonizzat u uniformi għal servizzi ta’ kiri ta’ akkomodazzjoni fuq medda qasira ta’ żmien fir-rigward tal-ġenerazzjoni tad-data u l-kondiviżjoni tad-data madwar l-Unjoni Ewropea, biex tiġi evitata proliferazzjoni ta’ rekwiżiti u talbiet diverġenti tad-data fis-suq uniku.

2.5.

Ir-Regolament propost jappoġġja wkoll il-pjattaformi online f’termini ta’ standardizzazzjoni u semplifikazzjoni tal-proċeduri ta’ reġistrazzjoni u trażmissjoni tad-data u l-iżgurar li d-data skambjata tkun interoperabbli, billi jinħoloq qafas armonizzat u jitnaqqsu l-frammentazzjoni, l-ambigwitajiet semantiċi u l-piżijiet amministrattivi.

2.6.

Ir-Regolament jirrikjedi li l-ospitanti jirreġistraw minn qabel fir-reġistru diġitali nazzjonali, li se jgħin lill-klijenti tal-pjattaformi tal-STR online jaċċessaw informazzjoni aktar trasparenti u preċiża, iżidu ċ-ċertezza legali tas-servizzi nnegozjati, jiffaċilitaw il-kondiviżjoni ta’ informazzjoni utli u jikkontribwixxu għall-ġestjoni bla xkiel ta’ tali servizzi f’oqsma differenti.

2.7.

Dan ir-Regolament jipprovdi qafas komuni fil-livell tal-UE għall-ipproċessar tal-informazzjoni u tad-data, filwaqt li jipprovdi lill-awtoritajiet nazzjonali u lokali bit-traċċabbiltà tad-data li jeħtieġu sabiex jiżviluppaw u jżommu r-regoli dwar l-STR u jikkonformaw mar-regoli u jadottaw risponsi ta’ politika infurmati, f’konformità mal-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE.

2.8.

Ir-Regolament iqis id-diffikultajiet finanzjarji u amministrattivi li l-intrapriżi mikro u żgħar li joperaw pjattaformi online jistgħu jiltaqgħu magħhom fl-adattament ta’ dawn il-pjattaformi għar-rekwiżiti tar-Regolament relatat mal-interoperabbiltà awtomatika tal-kondiviżjoni tad-data, filwaqt li jipprovdi soluzzjonijiet alternattivi li ma jinvolvux kostijiet sinifikanti.

3.   Kummenti ġenerali u speċifiċi

3.1.

Ir-Regolament jikkonforma mar-Regolamenti tal-UE elenkati; huwa jappoġġja l-iżvilupp ta’ kompetizzjoni aktar ġusta u bbilanċjata f’dan is-settur tan-negozju importanti u dinamiku u jimponi livell aktar adegwat ta’ konformità mad-dispożizzjonijiet legali (tat-taxxa) min-naħa tal-fornituri kollha tas-servizzi fis-suq tal-STR (ospitanti), filwaqt li jkompli jixpruna l-iżvilupp ta’ diversi negozji fl-UE.

3.2.

L-UE u l-istituzzjonijiet nazzjonali jridu jimmonitorjaw u jirregolaw dan is-settur li qed jevolvi b’mod kostanti, sabiex l-attivitajiet tas-servizzi tal-STR jiġu integrati bla xkiel fl-ambjent kollu, u b’hekk jikkontribwixxu b’mod attiv għall-iżvilupp sostenibbli tal-ambjent tan-negozju lokali f’konformità mat-tassonomija soċjali.

3.3.

Ir-Regolament ma jimponix kriterji ta’ awtorizzazzjoni speċifiċi fuq l-awtoritajiet nazzjonali u lokali: jagħtihom libertà biex ifasslu dawn il-kriterji għas-sitwazzjoni lokali, u jippermetti għas-suq lokali tal-kera, is-sitwazzjoni soċjali ġenerali, ir-relazzjoni mar-residenti lokali u kwistjonijiet ambjentali u kummerċjali fid-distretti kkonċernati. Madankollu, dan jirrakkomanda li l-proċedura ta’ awtorizzazzjoni tevita li timponi restrizzjonijiet artifiċjali u tfixkel l-operat normali tal-attivitajiet tal-STR.

3.3.1.

Ir-Regolament mhuwiex strett iżżejjed fir-rigward tal-informazzjoni li l-ospitanti jridu jipprovdu meta jirreġistraw fir-reġistru diġitali nazzjonali jew li l-pjattaformi jridu jirrapportaw lill-awtoritajiet. Dan ifisser li hemm kemm opportunitajiet kif ukoll riskji għall-awtoritajiet nazzjonali u lokali f’termini ta’ kif jimmaniġġjaw il-volum ta’ data miksuba mill-ospitanti meta jirreġistraw u jkunu awtorizzati joperaw u minn pjattaformi meta jirrapportaw id-data meħtieġa. Din id-data trid tintuża b’mod effiċjenti, mingħajr ma jiġu mminati l-iżvilupp u l-operat tal-attivitajiet tal-STR. Madankollu, il-Kummissjoni tirrakkomanda li l-livell ta’ informazzjoni meħtieġ jiġi standardizzat, sabiex tiġi ffaċilitata l-kondiviżjoni vitali tal-informazzjoni bejn l-awtoritajiet.

3.4.

L-istituzzjonijiet Ewropej, flimkien mal-awtoritajiet nazzjonali u lokali, jenħtieġ li jirregolaw il-kundizzjonijiet biex l-attivitajiet tal-STR joperaw u jiżviluppaw, filwaqt li jrawmu l-konformità ma’ tassonomija soċjali, ekonomika, ta’ protezzjoni ambjentali, u ta’ konservazzjoni tas-sit u tan-natura biex jiżguraw li l-attivitajiet tal-STR jiġu integrati mingħajr xkiel fiż-żona lokali.

3.5.

Peress li l-klijentela ta’ dawn il-pjattaformi hija magħmula minn ċittadini tal-UE u mhux tal-UE li jivvjaġġaw għal diversi raġunijiet minbarra t-turiżmu, huwa importanti li l-introduzzjoni ta’ dan ir-Regolament tippromovi u żżomm kundizzjonijiet ekwi bi prezzijiet raġonevoli u firxa bbilanċjata ta’ akkomodazzjoni (inklużi forom tradizzjonali bħal lukandi, stabbilimenti li joffru sodda u kolazzjon, u ħostels, u forom mhux tradizzjonali bħal ospitanti privati), mingħajr ma titnaqqas il-provvista tal-STRs jew tagħmel din l-akkomodazzjoni aktar għalja.

3.6.

Dan ir-Regolament għandu jirrikjedi li kwalunkwe regola speċifika addizzjonali jew ta’ konformità introdotta mill-awtoritajiet nazzjonali u lokali tiġi imposta fuq l-ospitanti gradwalment u fil-ħin. Dan jevita t-tnaqqis tal-provvista tal-STRs fis-swieq rispettivi u jiżgura li din il-provvista ma titmexxiex lejn forom inqas uffiċjali ta’ STRs, li jaffettwaw is-suq tal-impjiegi diretti u indiretti ġġenerati mill-STRs, in-negozji tal-STR infushom u n-negozji relatati f’dan is-settur, u l-konformità volontarja tal-ospitanti mar-rekwiżiti legali.

3.7.

L-iżvilupp rapidu tat-turiżmu u ta’ pjattaformi online speċifiċi ħoloq opportunitajiet ġodda għall-ospitanti u għall-klijenti u t-turisti. Madankollu, flimkien mal-opportunitajiet kbar ta’ negozju għall-komunitajiet ikkonċernati, dan wassal ukoll għal għadd ta’ sfidi:

naqqas drastikament in-numru ta’ kirjiet fit-tul disponibbli għal skopijiet oħra minbarra t-turiżmu;

naqqas l-għażliet ta’ kiri miftuħa għal persuni bi dħul baxx, peress li l-kirjiet li qed jiġu xprunati minn domanda għolja fis-suq tal-STR;

biddel il-kundizzjonijiet tal-għajxien tar-residenti lokali minħabba t-tniġġis akustiku kkawżat mit-turisti, imġiba mhux xierqa min-naħa tat-turisti u t-turisti li jonqsu milli jirrispettaw ir-regoli fis-seħħ biex jiġi żgurat li r-residenti temporanji u permanenti jkunu jistgħu jimxu magħhom (ir-rispett tat-tradizzjonijiet lokali, l-iżgurar li ż-żoni pubbliċi u s-siti tal-ġbir u tal-għażla tal-iskart jinżammu nodfa u puliti);

fisser li jridu jittieħdu miżuri addizzjonali għall-protezzjoni tas-siti storiċi, arkitettoniċi u naturali;

il-grupp ta’ impjegati potenzjali li huwa kemm limitat kif ukoll għali.

3.7.1.

Il-KESE huwa mħasseb dwar din is-sitwazzjoni li nqalgħet f’ċerti partijiet tal-UE u huwa konxju li dan mhuwiex l-għan tar-Regolament propost mill-Kummissjoni. Il-KESE jitlob li dawn l-aspetti ċiviċi u soċjali ewlenin jiġu inklużi fir-regoli.

3.8.

Il-KESE jirrimarka li r-Regolament ma jispeċifikax min u x’għandu jiġi ddikjarat meta ssir ir-reġistrazzjoni fir-reġistru diġitali nazzjonali, u li hemm sitwazzjonijiet speċifiċi li japplikaw għal:

informazzjoni dwar l-ospitanti (sid il-proprjetà, rappreżentant ta sid il-proprjetà, inkwilin/sullokatur, kumpanija li taġixxi bħala intermedjarja, kumpanija li timmaniġġja jew tipprovdi manutenzjoni għal unitajiet ta’ akkomodazzjoni);

informazzjoni dwar l-unitajiet ta’ akkomodazzjoni (immexxija kompletament jew parzjalment biss bħala STR, b’servizzi disponibbli bi ħlas, servizzi komuni, eċċ.);

l-għadd massimu ta’ persuni permessi li jokkupaw unità (biex jiġi evitat li tinqabeż il-kapaċità tal-unità).

3.8.1.

Dawn il-punti kollha jridu jiġu ċċarati minn qabel u l-informazzjoni għandha tintbagħat lill-awtoritajiet responsabbli għall-operat u l-ġestjoni tar-reġistru diġitali nazzjonali. Dan se jiżgura li l-informazzjoni tiġi pproċessata kif suppost u b’mod effiċjenti, li r-regoli jiġu rrispettati u li l-kondiviżjoni tal-informazzjoni tkun konsistenti kemm jista’ jkun, b’implimentazzjoni uniformi madwar l-UE.

3.9.

Madankollu, il-KESE jinnota li r-Regolament jippermetti lill-awtoritajiet nazzjonali u lokali jiddeċiedu dwar il-kriterji għall-awtorizzazzjoni tal-unitajiet tal-STR. Dan jista’ jkun effiċjenti u jiżgura li l-kriterji jkunu tajbin għal ċirkostanzi lokali speċifiċi, u jiġi evitat li l-awtoritajiet jorbtu l-proċess ta’ awtorizzazzjoni f’wisq burokrazija.

3.10.

Ir-Regolament ma jistabbilixxix rekwiżiti speċifiċi għall-pjattaformi online fir-rigward tal-livell ta’ informazzjoni li għandha tiġi pprovduta lill-klijenti dwar l-unitajiet ta’ akkomodazzjoni jew mill-ospitanti jew dwar il-livell ta’ responsabbiltà tad-diversi partijiet, u lanqas ma jispeċifika r-rekwiżiti dwar l-informazzjoni li trid tiġi żvelata lill-klijenti rigward il-kundizzjonijiet li japplikaw meta jikru l-unità — ir-Regolament iħalli f’idejn il-pjattaforma jew l-awtoritajiet nazzjonali u lokali biex jiddeċiedu dwar dawn il-kwistjonijiet. Livell uniformi ta’ konformità li jiżgura li l-klijenti jiġu pprovduti b’informazzjoni utli dwar l-akkomodazzjoni, dwar ir-rekwiżiti tas-saħħa u s-sikurezza u dwar ir-responsabbiltà tad-diversi partijiet u r-rekwiżiti li għandhom jiġu ssodisfati mill-klijenti kemm fl-unità tal-akkomodazzjoni kif ukoll f’żoni pubbliċi jkun utli għall-parteċipanti fis-suq, għaż-żona lokali u għall-awtoritajiet lokali.

3.11.

Ir-Regolament jikkonforma mal-leġiżlazzjoni tal-UE, u mhux se jiġi implimentat fil-livell nazzjonali qabel sentejn oħra. Aħna nħossu li se jkun ħafna aktar faċli li tiġi stabbilita pjattaforma online wara dak il-perjodu minħabba l-interoperabbiltà u l-kondiviżjoni tad-data, filwaqt li l-ġbir manwali tad-data ma jibqax aktar meħtieġ. Konsegwentement, permezz ta’ dan ir-Regolament, għandu jiġi rrakkomandat li l-ġbir manwali tad-data jsir fakultattiv għall-amministraturi tal-pjattaformi online li joperaw bħala negozji, intrapriżi mikro u żgħar, u li l-awtoritajiet nazzjonali u lokali jimmonitorjaw il-konformità mar-rapportar/it-trażmissjoni tad-data mill-pjattaformi kollha li jaġixxu bħala intermedjarji għas-servizzi tal-STR jew li jiffaċilitaw dawn is-servizzi.

Brussell, it-22 ta’ Frar 2023.

Christa SCHWENG

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


(1)  Id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2021/514 tat-22 ta’ Marzu 2021 li temenda d-Direttiva 2011/16/UE dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni (ĠU L 104, 25.3.2021, p. 1) estendiet il-qafas tal-UE dwar l-iskambju awtomatiku ta’ informazzjoni fil-qasam tat-tassazzjoni. L-Istati Membri kellhom jinkorporaw din id-Direttiva fil-liġijiet nazzjonali tagħhom sal-31 ta’ Jannar 2022 u jridu japplikaw id-dispożizzjonijiet il-ġodda mill-1 ta’ Jannar 2023.