16.3.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 100/111


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew U tal-Kunsill li jistabbilixxi qafas komuni għas-servizzi tal-midja fis-suq intern (l-Att Ewropew dwar il-Libertà tal-Midja) u li jemenda d-Direttiva 2010/13/UE”

(COM(2022) 457 final — 2022/0277 (COD))

(2023/C 100/17)

Relatur:

Christian MOOS

Korelatur:

Tomasz Andrzej WRÓBLEWSKI

Konsultazzjoni

Parlament Ewropew, 17.10.2022

Kunsill tal-Unjoni Ewropea, 28.10.2022

Bażi legali

L-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza

Adozzjoni fis-sezzjoni

23.11.2022

Adozzjoni fil-plenarja

14.12.2022

Sessjoni plenarja Nru

574

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

155/0/3

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-libertà u d-diversità tal-media huma ta’ importanza fundamentali għall-istat tad-dritt u d-demokrazija liberali. Il-KESE jiddeplora l-iżviluppi inkwetanti fi ħdan l-UE. Għalhekk, huwa jilqa’ l-inizjattivi tal-Kummissjoni Ewropea għal-libertà tal-media.

1.2.

Il-KESE huwa mħasseb dwar jekk it-tlestija tas-suq intern tal-media hijiex approċċ suffiċjenti għall-protezzjoni tal-libertà u l-pluraliżmu tal-media. L-għan ewlieni għandu jkun li jiġu ppreservati jew restawrati l-libertà u d-diversità tal-media, mingħajr ma jintesa li l-benesseri ekonomiku huwa marbut mal-libertà tal-media.

1.3.

Il-KESE jilqa’ r-rikonoxximent tal-Kummissjoni Ewropea li l-konċentrazzjoni tas-suq tal-media li twassal għal monopolji tista’ tkun theddida enormi għal-libertà u l-pluralità tal-media. Madankollu, il-konċentrazzjoni tas-suq tista’ tkun tagħmel sens, u ma għandhiex għalfejn ikollha effetti negattivi bħal dawn.

1.4.

Sempliċi rakkomandazzjonijiet u approċċ ta’ liġi mhux vinkolanti mhumiex biżżejjed. Il-media ħielsa u indipendenti trid tkun kriterju vinkolanti għar-rapportar u l-mekkaniżmu dwar l-istat tad-dritt.

1.5.

Il-KESE jilqa’ l-proposti għat-tisħiħ u d-difiża tal-indipendenza editorjali. Huwa jenfasizza l-ħtieġa li tiġi mħarsa l-indipendenza tal-ġurnalisti u l-pubblikaturi.

1.6.

Il-media pubblika hija relevanti biss jekk tkun imparzjali u kompletament indipendenti mill-influwenza politika. Riżorsi finanzjarji adegwati u stabbli huma salvagwardja kruċjali f’dan ir-rigward, dment li jkun hemm sistema effettiva ta’ kontrolli li tiggarantixxi l-effettività tal-infiq.

1.7.

Il-KESE jqis li r-rekwiżiti vinkolanti għat-trasparenza tas-sjieda tal-media huma importanti. Għall-mezzi tal-media żgħar, ir-rekwiżiti stabbiliti ma jridux iwasslu għal piż amministrattiv eċċessiv.

1.8.

Il-KESE huwa mħasseb dwar in-nuqqas ta’ indipendenza ta’ ċerti korpi regolatorji nazzjonali, u jappella għal qafas li jiżgura l-indipendenza tagħhom.

1.9.

Il-KESE jilqa’ l-ħolqien ta’ bord Ewropew għas-servizzi tal-media, iżda jinsisti li dan ikun għalkollox indipendenti, peress li l-UE għandha taġixxi bħala eżempju tal-aħjar prattika bl-għan li tinkiseb l-indipendenza sħiħa tal-korpi regolatorji nazzjonali. Il-parteċipazzjoni tal-korpi regolatorji nazzjonali li mhumiex indipendenti mhijiex rakkomandata.

1.10.

Il-KESE jenfasizza l-importanza tat-trasparenza fil-proċessi kollha relatati mal-moderazzjoni tal-kontenut fuq pjattaformi online kbar ħafna.

1.11.

Il-KESE jirrakkomanda li jiġu definiti standards minimi għall-UE kollha b’konformità mad-dispożizzjonijiet attwali tal-liġi tal-UE kontra l-konċentrazzjoni. Huwa jappella lil-leġiżlaturi biex jadottaw regolamenti vinkolanti b’rispett dovut għal-libertà intraprenditorjali u biex jiġu evitati burokrazija u spejjeż bla bżonn.

1.12.

Fejn ir-regolaturi nazzjonali jonqsu milli jivvalutaw biżżejjed il-konċentrazzjoni tas-suq tal-media, il-Kummissjoni Ewropea għandha tirreaġixxi skont id-dispożizzjonijiet eżistenti tal-liġi tal-UE kontra l-konċentrazzjoni.

1.13.

Il-KESE jilqa’ r-rekwiżiti vinkolanti ta’ trasparenza fir-rigward tal-allokazzjoni tar-reklamar mill-Istat.

1.14.

Il-KESE jilqa’ l-monitoraġġ annwali u jitlob li jiġu kkonsultati l-partijiet interessati rilevanti u s-soċjetà ċivili. Huwa jipproponi t-twessigħ tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-monitoraġġ u l-inklużjoni ta’ kwalunkwe aspett ieħor rilevanti għall-protezzjoni tal-libertà u l-pluralità tal-media.

2.   Kummenti ġenerali

2.1.

Il-KESE jtenni l-pożizzjoni reċenti tiegħu dwar l-importanza tal-libertà u d-diversità tal-media għad-demokrazija liberali u l-istat tad-dritt, li għaliha l-Istati Membri kollha ħadu impenn permezz tar-ratifika tat-Trattati tal-UE, kif stabbilit fl-Opinjoni fuq inizjattiva proprja komprensiva dwar Niżguraw il-libertà u d-diversità tal-media fl-Ewropa (1), fl-Opinjoni tiegħu dwar il-Pjan ta’ Azzjoni għad-Demokrazija Ewropea (2) u f’dik dwar il-kawżi strateġiċi kontra l-parteċipazzjoni pubblika (SLAPP) (3).

2.2.

Il-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen iddikjarat b’mod korrett fid-diskors tagħha dwar l-Istat tal-Unjoni tal-2021 (4) li l-informazzjoni hija ben pubbliku. Mingħajr aċċess liberu għal informazzjoni indipendenti u affidabbli, iċ-ċittadini tal-UE ma jistgħux jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jipparteċipaw fil-ħajja demokratika tal-Unjoni, iggarantit mill-Artikolu 10 tat-TUE.

2.3.

B’mod ġenerali, l-Ewropa għadha kontinent b’media ħielsa u diversa. Madankollu, l-iżviluppi reċenti fi ħdan l-UE huma allarmanti. Il-protezzjoni tal-ġurnalisti, b’mod partikolari minħabba n-nuqqas ta’ strumenti kontra s-SLAPP, tibqa’ ta’ tħassib kbir fir-rigward ta’ salvagwardji regolatorji effettivi li jipproteġu l-libertà tal-media. L-Għodda għall-Monitoraġġ tal-Pluraliżmu tal-Media 2022 (5) sabet ukoll li l-pluralità tas-suq qed tiffaċċja l-ogħla livell ta’ riskji fost l-oqsma kollha koperti mill-istudju. Peress li l-indipendenza politika ma għamlet l-ebda progress f’dawn l-aħħar snin, din l-għodda tenfasizza n-nuqqas ta’ mekkaniżmi effiċjenti għall-protezzjoni tal-awtonomija editorjali fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi bħala ostaklu ewlieni għat-titjib f’dan il-qasam.

2.4.

Minbarra t-theddid intern għal-libertà tal-media, l-UE qed tħabbat wiċċha ma’ interferenza esterna li tipprova timmanipula d-dibattiti pubbliċi fl-Ewropa. Fl-isfond ta’ tensjonijiet ġeopolitiċi li qed jiżdiedu, il-protezzjoni tal-libertà tal-media u tal-pluraliżmu tal-media hija kontribut importanti għar-reżiljenza tal-UE kontra t-theddid estern.

2.5.

Madankollu, għadd żgħir ta’ żviluppi pożittivi juru wkoll li l-leġiżlazzjoni tal-UE tista’ tagħmel differenza. L-Għodda għall-Monitoraġġ tal-Pluraliżmu tal-Media 2022 sabet żvilupp pożittiv fir-rigward tal-indikatur tal-“Protezzjoni tad-dritt għall-informazzjoni” f’erba’ pajjiżi, u tattribwixxi dan it-titjib għat-traspożizzjoni tad-Direttiva tal-UE 2019/1937 (6) dwar il-protezzjoni tal-informaturi.

2.6.

Għalhekk, il-KESE jilqa’ fil-prinċipju l-inizjattiva tal-Kummissjoni għal Att Ewropew dwar il-Libertà tal-Media (7) u r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar salvagwardji interni għall-indipendenza editorjali u t-trasparenza tas-sjieda fis-settur tal-media (8) bħala l-pass konsegwenzjali li jmiss lejn il-protezzjoni tal-libertà tal-media u l-pluraliżmu tal-media, u b’hekk id-demokrazija liberali fl-UE.

2.7.

Il-KESE jenfasizza l-importanza li l-Att Ewropew dwar il-Libertà tal-Media jkun regolament b’effett dirett, filwaqt li għandu dubji dwar jekk l-approċċ tal-liġi nonvinkolanti tar-rakkomandazzjoni huwiex mod effettiv biex jintlaħqu l-objettivi tiegħu. Sempliċi rakkomandazzjonijiet mhumiex biżżejjed biex jiggarantixxu l-libertà u d-diversità tal-media fl-Istati Membri. Il-media ħielsa u indipendenti trid tkun kriterju vinkolanti għar-rapport dwar l-istat tad-dritt u għall-iskattar tal-mekkaniżmu fl-Istati Membri fejn il-gvernijiet jiksru l-libertajiet u l-indipendenza tal-media.

2.8.

Il-bażi ġuridika għar-Regolament hija l-Artikolu 114 tat-TFUE, li jippermetti l-approssimazzjoni tal-liġijiet nazzjonali mmirati lejn l-istabbiliment u l-funzjonament tas-suq intern. Peress li l-problemi u n-nuqqasijiet sottostanti għandhom dimensjoni politika qawwija u huma relatati mal-funzjonament tas-sistemi demokratiċi bbażati fuq l-istat tad-dritt, il-KESE jinsab imħasseb dwar jekk it-tlestija tas-suq intern tal-media hijiex approċċ suffiċjenti għall-protezzjoni tal-libertà u l-pluraliżmu tal-media.

2.9.

Il-Proposta għal Regolament għandha ħames objettivi distinti: a) l-armonizzazzjoni tar-regoli u l-proċeduri nazzjonali biex jingħelbu l-ostakli li jxekklu lill-kumpaniji tal-media milli joperaw u jinvestu fis-suq intern; b) it-tneħħija tas-soqfa tal-ħġieġ li jirrestrinġu lill-pubblikaturi barranin milli jinvestu fis-swieq nazzjonali lokali; c) it-tisħiħ tal-libertà editorjali tal-media kollha, mingħajr ma fl-istess ħin jiġu ristretti d-drittijiet tal-pubblikaturi privati; d) il-garanzija tal-indipendenza tal-media pubblika permezz ta’ kostruzzjoni ta’ mekkaniżmi permanenti ħielsa mill-influwenza tal-politiċi; u e) ir-regolazzjoni tal-allokazzjoni tar-riżorsi ekonomiċi, jiġifieri r-reklamar mill-Istat. Il-KESE għandu dubji dwar il-ġerarkija tal-objettivi elenkati. Huwa jemmen li l-għan ewlieni għandu jkun li jiġu ppreservati jew restawrati l-libertà u d-diversità tal-media, aktar milli ssir enfasi fuq kwistjonijiet ekonomiċi sakemm dawn ma jkunux relatati b’mod ċar mal-libertà tal-media.

2.10.

Huwa ċar mir-Regolament li l-Kummissjoni trid tiffoka fuq id- “distorsjonijiet” tas-suq intern u tiftaħ is-suq tal-media għal kompetizzjoni transfruntiera akbar, speċjalment għas-servizzi tal-media awdjoviżiva u l-iskambju tal-video. Għalhekk, il-kamp ta’ applikazzjoni attwali tar-regolament huwa ħafna aktar ristrett minn dak li t-titolu tiegħu jagħti wieħed x’jifhem. Il-KESE jemmen li dan l-approċċ mhuwiex biżżejjed biex jiddefendi b’mod effettiv u, fejn meħtieġ, jirrestawra l-libertà u l-pluralità tal-media, li qed jiġi attakkat kważi fl-Istati Membri kollha u bażikament abolit f’ċerti każijiet severi, bil-konsegwenzi devastanti kollha li dan iġib miegħu għall-ħidma u s-sigurtà tal-ġurnalisti u l-integrità tad-dibattitu pubbliku u l-informazzjoni. Bil-ftuħ tas-suq, huwa meħtieġ li jiġu żgurati l-istess standards ta’ protezzjoni tal-libertà tal-espressjoni biex jiġi żgurat li aċċess usa’ għas-suq ma jinvolvix monopolizzazzjoni tas-suq minn atturi barranin, b’mod partikolari fil-każ ta’ pajjiżi ifqar.

2.11.

Il-KESE jilqa’ l-proposti għat-tisħiħ u d-difiża tal-indipendenza editorjali. Jenfasizza wkoll il-ħtieġa li tinżamm l-indipendenza tal-ġurnalisti u tal-pubblikaturi, jiġifieri d-dritt tal-pubblikaturi li jifformulaw linja editorjali ta’ pubblikazzjoni. Il-KESE osserva dejjem aktar influwenza politika u ekonomika f’diversi pajjiżi tal-UE, kemm fil-media pubblika kif ukoll fil-media privata li għandhom rabtiet mill-qrib mal-poter. Dan huwa inkompatibbli mar-rwol tal-media bħala r-raba’ poter. Ir-Regolament ma jispeċifikax kif l-indipendenza editorjali tista’ tiġi rrikonċiljata mad-drittijiet u l-interessi leġittimi tal-pubblikaturi/tas-sidien tal-media privati.

2.12.

Il-KESE jappoġġja miżuri li jsaħħu r-reżiljenza kontra l-manipulazzjoni u l-interferenza tal-informazzjoni barranija, sakemm dan ma jaffettwax il-libertà tal-espressjoni fl-Unjoni Ewropea.

2.13.

L-Att Ewropew dwar il-Libertà tal-Media jidentifika l-ħtieġa ta’ finanzjament għas-settur tal-media, kif issuġġerixxa l-KESE fl-Opinjoni tiegħu dwar Niżguraw il-libertà u d-diversità tal-media fl-Ewropa (9). Madankollu, l-għodod imsemmija għadhom mhumiex biżżejjed biex jiżguraw il-ġurnaliżmu ta’ kwalità u d-diversità tal-media fl-Istati Membri. Fl-istess ħin, il-KESE jemmen li l-aħjar kundizzjonijiet għal-libertà tal-media huma qafas regolatorju li jippermetti lill-istrumenti tal-media jiffinanzjaw lilhom infushom permezz tal-offerta tagħhom fis-suq. Il-media pubblika tagħmel sens biss jekk tkun imparzjali u indipendenti għalkollox mill-influwenza politika, inkella l-finanzjament pubbliku jista’ jwassal għal kull tip ta’ abbuż u manipulazzjoni tal-gvern. Kwalunkwe proġett ta’ finanzjament tal-media għandu jkun ibbażat fuq regoli trasparenti ħafna u garanziji ta’ indipendenza politika għall-ġurnalisti.

2.14.

Il-KESE jappoġġja r-rapport finali tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa (10) u t-talba qawwija tiegħu għall-promozzjoni tal-indipendenza u l-pluraliżmu tal-media (proposti 27(1) u 37(4)), li l-Kummissjoni tikkwota mingħajr ma ssegwi l-prijoritizzazzjoni li dawn il-proposti jinvolvu.

3.   Kummenti speċifiċi

3.1.

Il-KESE jilqa’ d-dritt tar-riċevituri tas-servizzi tal-media u tal-fornituri tas-servizzi tal-media “li jirċievu pluralità ta’ kontenut tal-aħbarijiet u tal-ġrajjiet kurrenti, maħluq b’rispett għal-libertà editorjali tal-fornituri tas-servizzi tal-midja, għall-benefiċċju tad-diskors pubbliku”, kif stabbilit fl-Artikolu 3.

3.2.

Il-KESE għandu dubji dwar il-kamp ta’ applikazzjoni ristrett tal-Artikolu 4(2)(c) li jindirizza biss l-użu ta’ software ta’ spjunaġġ (“spyware” li “tfisser kull prodott b’elementi diġitali”), u jipproponi li jiġi pprojbit l-użu ta’ kwalunkwe apparat jew teknoloġija li jistgħu jintużaw għas-sorveljanza.

3.3.

Il-KESE jenfasizza l-importanza ta’ salvagwardji għall-indipendenza tal-fornituri tal-media tas-servizz pubbliku u riżorsi finanzjarji adegwati u stabbli għalihom (Artikolu 5), madankollu, għandu jkun hemm sistema effettiva ta’ kontrolli li tissalvagwardja l-effettività tal-infiq tar-riżorsi. Il-KESE jqis li korp indipendenti huwa l-aħjar opzjoni biex jiġi definit l-ammont adegwat ta’ finanzjament li huwa meħtieġ biex il-fornituri tal-media tas-servizz pubbliku jkunu jistgħu jwettqu l-missjoni tagħhom, u dment li dan ma jinħatarx politikament. It-tendenzi attwali ta’ politiċizzazzjoni tal-kwistjoni tal-finanzjament għall-fornituri tal-media tas-servizz pubbliku hija theddida konsiderevoli għal-libertà tal-media.

3.4.

Il-KESE jqis li d-dmirijiet tal-fornituri tas-servizzi tal-media kif definiti fl-Artikolu 6(1) ma jipprovdux trasparenza tas-sjieda tal-media. In-nuqqas ta’ trasparenza fis-sjieda tal-media hija raġuni importanti għan-nuqqas ta’ libertà editorjali u ġurnaliżmu ta’ kwalità (f’konformità mal-istandards ġurnalistiċi). Il-fornituri tas-servizzi tal-media kif ukoll il-pjattaformi online jeħtieġ jagħmlu s-sjieda tagħhom trasparenti għall-utenti tal-media. Il-protezzjoni tad-data u tal-privatezza ma tridx tfixkel it-trasparenza tas-sjieda tal-media. Għall-mezzi tal-media żgħar, ir-rekwiżiti stabbiliti ma jridux iwasslu għal piż amministrattiv eċċessiv.

3.5.

Il-KESE jirrakkomanda li r-rekwiżiti vinkolanti ta’ trasparenza msemmija fil-punt 20 tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni jiġu kkomplementati b’rekwiżiti addizzjonali msemmija fil-punti 4.1 sa 4.6 tal-Appendiċi għar-Rakkomandazzjoni tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa lill-Istati Membri dwar il-pluraliżmu tal-media u t-trasparenza tas-sjieda tal-media (11).

3.6.

Il-KESE jara li hemm riskju li l-approċċ ta’ liġi nonvinkolanti tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni jirriżulta fi frammentazzjoni regolatorja li ddgħajjef l-integrità tas-suq komuni u l-objettivi tad-Direttiva.

3.7.

Il-KESE jqis ir-referenza tal-Artikolu 7 għar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 30 tad-Direttiva 2010/13/UE (12) bħala vaga wisq biex tiġi żgurata l-indipendenza tal-awtoritajiet jew il-korpi regolatorji nazzjonali. Għalhekk, jirrakkomanda li jiġi definit qafas li jiżgura l-indipendenza tal-korpi u l-istrumenti regolatorji nazzjonali sabiex jiġi rimedjat kwalunkwe nuqqas ta’ indipendenza ta’ korp regolatorju nazzjonali.

3.8.

Il-KESE jqis li mhuwiex aċċettabbli li rappreżentant ta’ awtorità jew korp nazzjonali mhux kompletament indipendenti, jipparteċipa fit-teħid tad-deċiżjonijiet tal-Bord Ewropew għas-Servizzi tal-Media propost. Sabiex tiġi vvalutata l-indipendenza tal-awtoritajiet jew il-korpi nazzjonali, jeħtieġ li jiġu definiti kriterji ċari fir-Regolament.

3.9.

Il-KESE ma jqisx li l-Bord Ewropew għas-Servizzi tal-Media propost huwa indipendenti mill-Kummissjoni Ewropea, u jistieden lil-leġiżlatur Ewropew jiżgura l-indipendenza sħiħa tal-bord. Jekk il-bord ma jkunx kompletament indipendenti mill-Kummissjoni Ewropea, ma jista’ jeżerċita l-ebda kompitu superviżorju jew regolatorju.

3.10.

Il-KESE jirrakkomanda li l-Artikolu 10(5) jiġi riformulat kif ġej: “Il-Kummissjoni għandha tiddeżinja rappreżentant fil-Bord. Ir-rappreżentant tal-Kummissjoni jista’ jipparteċipa fil-laqgħat tal-Bord, mingħajr dritt tal-vot”.

3.11.

Il-KESE jirrakkomanda li l-Artikolu 10(5) jiġi riformulat kif ġej: “Il-Bord jista’ jistieden lil esperti u osservaturi biex jattendu l-laqgħat tiegħu”.

3.12.

Fir-rigward tal-Artikolu 11, il-KESE jirrifjuta d-deċiżjoni tal-Kummissjoni għas-subopzjoni A li jiġi stabbilit Bord Ewropew għas-Servizzi tal-Media appoġġjat minn segretarjat tal-Kummissjoni. Hija biss is-subopzjoni B li jiġi stabbilit Bord Ewropew għas-Servizzi tal-Media, assistit minn uffiċċju indipendenti tal-UE, li tista’ tiggarantixxi l-indipendenza tal-bord.

3.13.

Il-KESE jilqa’ d-djalogu strutturat mal-partijiet interessati kollha u b’mod espliċitu mas-soċjetà ċivili, kif imsemmi fl-Artikolu 12(l). Il-KESE, li jirrappreżenta l-aktar setturi importanti tas-soċjetà ċivili (inklużi l-imsieħba soċjali), jista’ jikkontribwixxi bl-għarfien espert tiegħu għal dan id-djalogu strutturat.

3.14.

Il-KESE jilqa’ l-kooperazzjoni strutturata, inkluża l-assistenza reċiproka, bejn l-awtoritajiet u l-korpi regolatorji nazzjonali. Madankollu, il-KESE jirrakkomanda li jitwessa’ l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 13(2) lil hinn mir-riskji għall-funzjonament tas-suq intern għas-servizzi tal-media u s-sigurtà u d-difiża pubblika, u li jiġu inklużi wkoll riskji oħra għal-libertà u d-diversità tal-media, kif ukoll riskji għall-indipendenza politika tal-awtoritajiet u l-korpi regolatorji.

3.15.

Il-KESE jilqa’ l-isforzi għal protezzjoni aħjar tal-kontenut tal-fornituri tas-servizzi tal-media fuq pjattaformi online kbar ħafna kif stabbilit fl-Artikolu 17, u jenfasizza l-importanza tat-trasparenza fil-proċessi kollha relatati mal-moderazzjoni tal-kontenut fuq pjattaformi online kbar ħafna, dment li l-obbligi msemmija f’dan il-paragrafu ma jfixklux il-funzjonament tal-pjattaformi online kbar. Il-KESE jilqa’ d-djalogu strutturat previst fl-Artikolu 18, u jenfasizza l-importanza li s-soċjetà ċivili tiġi involuta fir-reviżjoni tal-applikazzjoni tal-Artikolu 17.

3.16.

Il-KESE jilqa’ d-dritt tal-utenti li jippersonalizzaw il-konfigurazzjonijiet prestabbiliti tal-media awdjoviżiva, kif stabbilit fl-Artikolu 19. Biex dan jiwettaq fil-prattika, il-faċilità tal-użu tal-apparati u/jew tal-interfaċċi tal-utent hija ta’ importanza kruċjali. Madankollu, il-kapaċità operattiva tal-manifatturi u l-iżviluppaturi m’għandhiex tinkiser, jew jiġi limitat l-iżvilupp futur tagħhom. Dawn għandhom jitfasslu b’mod faċli għall-utent, b’lingwaġġ sempliċi.

3.17.

Il-KESE jipproponi wkoll li l-Bord Ewropew għas-Servizzi tal-Media (skont l-Artikolu 20(4)) jingħata d-dritt li jfassal opinjoni fuq inizjattiva proprja fejn miżura leġiżlattiva, regolatorja jew amministrattiva nazzjonali x’aktarx taffettwa l-funzjonament tas-suq intern għas-servizzi tal-media.

3.18.

Il-KESE jtenni t-tħassib li esprima qabel li approċċ purament ibbażat fuq is-suq biex jiġu żgurati l-pluralità u l-libertà tal-media fl-Ewropa mhuwiex biżżejjed. Filwaqt li jirrikonoxxi li d-daqs tal-kumpaniji fis-suq tas-servizzi tal-media jista’ jikkontribwixxi għas-sostenibbiltà ekonomika tal-fornituri tas-servizzi tal-media, il-KESE jilqa’ r-rikonoxximent tal-Kummissjoni Ewropea li l-konċentrazzjoni tas-suq tal-media tista’ tkun theddida sostanzjali għal-libertà u l-pluralità tal-media.

3.19.

Il-KESE jilqa’ l-miżuri proposti fl-Artikolu 21 biex tiżdied it-trasparenza tal-konċentrazzjoni tas-suq bħala l-ewwel pass biex jitrażżan it-theddid għal-libertà tal-media u l-pluraliżmu tal-media li jirriżultaw mill-konċentrazzjoni fis-suq tal-media. Il-konċentrazzjoni tas-suq mhux bilfors ikollha effett negattiv fuq il-libertà u d-diversità tal-media fejn, pereżempju, tgħin lill-mezzi tal-media iżgħar biex jissopravivu, iżda huwa meħtieġ li tittieħed azzjoni kontra l-konċentrazzjoni fejn din twassal għal monopolji tal-informazzjoni. L-UE għandha tieħu azzjoni b’mod partikolari kontra l-manipulazzjoni tal-media minn persunaġġi tal-media u oligarki li spiss ikunu f’relazzjonijiet mill-qrib ma’ politiċi ewlenin fil-pajjiż, jew saħansitra gvernijiet ta’ pajjiżi terzi.

3.20.

Il-KESE jfakkar fil-fatt li s-swieq tal-media għadhom frammentati ħafna, u jappella sabiex titkejjel il-konċentrazzjoni tas-suq mhux biss b’referenza għas-suq nazzjonali għas-servizzi tal-media, iżda wkoll għal swieq frammentati fil-livell sottonazzjonali jew distrettwali. Il-konċentrazzjoni tas-suq tal-media f’distretti bi stabbiliment tal-media reġjonali wieħed biss toħloq theddida sostanzjali għal-libertà u l-pluraliżmu tal-media.

3.21.

Il-KESE jqis li l-linji gwida tal-Kummissjoni dwar il-fatturi li għandhom jitqiesu meta jiġu applikati l-kriterji għall-valutazzjoni tal-impatt tal-konċentrazzjonijiet tas-suq tal-midja mhumiex biżżejjed biex tiġi żgurata l-komparabbiltà tal-valutazzjonijiet madwar l-UE kollha. Il-KESE jirrakkomanda li jiġu definiti standards minimi fl-UE kollha għall-valutazzjonijiet, li jeħtieġ li jiġu rispettati fl-Istati Membri kollha. L-Istati Membri huma mistiedna jipprovdu valutazzjonijiet aktar dettaljati u fil-fond flimkien mar-rekwiżiti minimi tal-UE.

3.22.

Madankollu, ir-rekwiżiti nonvinkolanti ta’ trasparenza ma jindirizzawx it-theddida attwali ppreżentata mill-konċentrazzjoni tas-suq għal-libertà tal-media u l-pluralità tal-media. Għalhekk, il-KESE jappella lil-leġiżlaturi Ewropej biex jadottaw regolamenti vinkolanti dwar il-konċentrazzjoni tal-media, bir-rispett dovut għal-libertà ta’ deċiżjonijiet intraprenditorjali. Madankollu, dan ma jistax ikun ta’ piż fuq il-media jew l-istituzzjonijiet tal-media b’burokrazija addizzjonali u proċeduri bi spejjeż għolja.

3.23.

Il-KESE jirrakkomanda wkoll li l-Bord Ewropew għas-Servizzi tal-Media (skont l-Artikolu 22) jingħata d-dritt li jfassal opinjoni fuq inizjattiva proprja “meta ma ssirx valutazzjoni jew konsultazzjoni skont l-Artikolu 21”. Mhuwiex biżżejjed li jiġi ddelegat il-kompitu tal-valutazzjoni tal-konċentrazzjoni tas-suq lill-Istati Membri, peress li ċerti gvernijiet qed jappoġġjaw b’mod attiv il-konċentrazzjoni tas-suq sabiex isikktu l-ilħna kritiċi u l-mezzi tal-media ta’ oppożizzjoni.

3.24.

Il-KESE jfakkar fil-fatt li d-distorsjonijiet fis-suq intern għas-servizzi tal-media jaffettwaw ukoll il-libertà u l-pluralità tal-midja, jekk dawn id-distorsjonijiet ikunu limitati għal partijiet speċifiċi tas-suq komuni, fil-livell nazzjonali, reġjonali jew saħansitra distrettwali. F’dawn il-każijiet kollha, il-Bord għandu jkollu d-dritt li jibda valutazzjoni tal-konċentrazzjoni tal-media jekk l-awtoritajiet jew il-korpi regolatorji nazzjonali jonqsu milli jagħmlu dan.

3.25.

Il-KESE jirrakkomanda li l-Bord Ewropew għas-Servizzi tal-Media jiġi assenjat il-kompitu li jwettaq valutazzjonijiet li jindirizzaw theddid ieħor għal-libertà u l-pluraliżmu tal-media jekk l-awtoritajiet jew il-korpi regolatorji nazzjonali jonqsu milli jagħmlu dan.

3.26.

Il-KESE jilqa’ r-rekwiżiti vinkolanti ta’ trasparenza tal-Artikolu 24 fir-rigward tal-allokazzjoni tar-reklamar mill-Istat. Madankollu, huwa jqis l-eżenzjoni għal entitajiet territorjali ta’ aktar minn 1 miljun abitant mir-rekwiżiti bħala lakuna biex tiġi evitata t-trasparenza. Filwaqt li jirrikonoxxi l-fatt li l-piż amministrattiv relatat mar-rekwiżiti ta’ rappurtar għandu jkun proporzjonat, il-KESE jipproponi li jiġi definit limitu minimu għall-ammont ta’ nfiq minn gvern nazzjonali, reġjonali jew lokali partikolari. Jekk l-infiq annwali totali fuq ir-reklamar mill-Istat minn entità waħda jibqa’ taħt il-livell limitu, ir-rekwiżiti ta’ trasparenza ma jkunux applikabbli.

3.27.

Il-KESE jilqa’ l-monitoraġġ annwali previst fl-Artikolu 25, u jappella għall-konsultazzjoni tal-partijiet interessati rilevanti u s-soċjetà ċivili matul l-eżerċizzju ta’ monitoraġġ. Madankollu, mhuwiex biżżejjed li s-suġġett tal-eżerċizzju ta’ monitoraġġ jiġi limitat għall-funzjonament tas-suq intern għas-servizzi tal-media. Għalhekk, il-KESE jipproponi li jitwessa’ l-kamp ta’ applikazzjoni tal-eżerċizzju ta’ monitoraġġ biex ikopri wkoll kwalunkwe aspett ieħor rilevanti għall-protezzjoni tal-libertà u l-pluralità tal-media. Il-KESE jirrakkomanda li l-Bord Ewropew għas-Servizzi tal-Media jingħata l-kompitu li jiżviluppa sett ta’ indikaturi għall-eżerċizzju ta’ monitoraġġ.

Brussell, l-14 ta’ Diċembru 2022.

Christa SCHWENG

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


(1)  L-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Niżguraw il-libertà u d-diversità tal-media fl-Ewropa” (opinjoni fuq inizjattiva proprja) (ĠU C 517, 22.12.2021, p. 9).

(2)  L-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-Pjan ta’ Azzjoni għad-Demokrazija Ewropea” (COM(2020) 790 final) (ĠU C 341, 24.8.2021, p. 56).

(3)  L-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni ta’ persuni li jinvolvu ruħhom f’parteċipazzjoni pubblika minn proċedimenti ġudizzjarji manifestament infondati jew abbużivi (‘Kawżi strateġiċi kontra l-parteċipazzjoni pubblika’)” (COM(2022) 177 final — 2022/0117 COD) (ĠU C 75, 28.2.2023, p. 143).

(4)  Kummissjoni Ewropea, 2021, Diskors dwar l-Istat tal-Unjoni mill-President von der Leyen, Strasburgu, 15 ta’ Settembru 2021.

(5)  Istitut Universitarju Ewropew, Ċentru għall-Pluraliżmu tal-Media u l-Libertà tal-Media, Application of the Media Pluralism Monitor in the European Union, Albania, Montenegro, the Republic of North Macedonia, Serbia and Turkey in the year 2021 (Applikazzjoni tal-Għodda għall-Monitoraġġ tal-Pluraliżmu tal-Media fl-Unjoni Ewropea, l-Albanija, il-Montenegro, ir-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq, is-Serbja u t-Turkija fis-sena 2021 [mhux disponibbli bil-Malti]), San Domenico di Fiesole 2022.

(6)  Id-Direttiva (UE) 2019/1937 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2019 dwar il-protezzjoni ta’ persuni li jirrapportaw dwar ksur tal-liġi tal-Unjoni (ĠU L 305, 26.11.2019, p. 17).

(7)  COM(2022) 457.

(8)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/1634 tas-16 ta’ Settembru 2022 dwar salvagwardji interni għall-indipendenza editorjali u t-trasparenza tas-sjieda fis-settur tal-midja (ĠU L 245, 22.9.2022, p. 56).

(9)  L-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Niżguraw il-libertà u d-diversità tal-media fl-Ewropa” (opinjoni fuq inizjattiva proprja) (ĠU C 517, 22.12.2021, p. 9).

(10)  Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa, Rapport dwar l-eżitu finali, Mejju 2022.

(11)  Il-Kunsill tal-Ewropa, ir-Rakkomandazzjoni CM/Rec(2018)1[1] tal-Kumitat tal-Ministri lill-Istati Membri dwar il-pluraliżmu tal-media u t-trasparenza tas-sjieda tal-media, is-7 ta’ Marzu 2018. https://search.coe.int/cm/Pages/result_details.aspx?ObjectId=0900001680790e13

(12)  Id-Direttiva 2010/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Marzu 2010 dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar il-forniment ta’ servizzi tal-media awdjoviżiva (Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media awdjoviżiva) (ĠU L 95, 15.4.2010, p. 1).