28.2.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 75/190


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-linji gwida tal-Unjoni għall-iżvilupp ta’ network tat-trasport trans-Ewropew li jemenda r-Regolament (UE) 2021/1153 u r-Regolament (UE) Nru 913/2010 u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1315/2013”

(COM(2022) 384 final/2 — 2021/0420 (COD))

(2023/C 75/28)

Relatur Ġenerali:

Stefan BACK

Konsultazzjoni

Parlament Ewropew, 3.10.2022

Kunsill tal-Unjoni Ewropea, 6.10.2022

Bażi legali

Artikoli 172 u 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni

Adozzjoni fil-plenarja

27.10.2022

Sessjoni plenarja Nru

573

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

155/0/0

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-KESE jirrimarka li, fl-Opinjoni tiegħu dwar il-proposta għal reviżjoni tar-Regolament dwar it-TEN-T u l-Kurituri tat-Trasport Ferrovjarju tal-Merkanzija (1) (minn hawn ’il quddiem “il-Proposta TEN-T” (2)), huwa laqa’ l-enfasi akbar fuq il-konnessjonijiet mal-pajjiżi ġirien, inklużi l-pajjiżi msieħba u l-proċess ta’ adeżjoni.

1.2.

Il-Proposta TEN-T ġiet ippubblikata f’Diċembru 2021; l-attakk Russu fuq l-Ukrajna beda ftit wara fi Frar 2022. Il-KESE jaqbel mal-valutazzjoni li saret fil-proposta emendata li dan l-attakk iddefinixxa mill-ġdid ix-xenarju ġeopolitiku, ħareġ fid-dieher il-vulnerabbiltà tal-UE għal avvenimenti ta’ tfixkil mhux previsti lil hinn mill-fruntieri tagħha, u enfasizza l-fatt li s-suq intern tal-UE u n-network tat-trasport tagħha ma jistgħux jitqiesu b’mod iżolat fit-tfassil tal-politika tal-UE.

1.3.

Din is-sitwazzjoni ġustament enfasizzat il-ħtieġa urġenti li tingħata assistenza lill-Ukrajna, inkluż billi tittejjeb il-konnettività tat-trasport mal-UE sabiex jinżammu u jittejbu l-flussi tal-mobbiltà u tal-merkanzija bejn l-Ukrajna u l-UE. B’mod partikolari, hemm ħtieġa akuta li jiġi megħjun it-trasport tal-għelejjel taċ-ċereali barra mill-Ukrajna minħabba n-nuqqas ta’ disponibbiltà tal-portijiet tal-Baħar l-Iswed, li qed jiġu mblukkati mir-Russja.

1.4.

Il-KESE jaqbel li l-istabbiliment rapidu ta’ rotot loġistiċi alternattivi bl-użu tal-modi kollha tat-trasport li jgħaqqdu lill-UE mal-Ukrajna huwa vitali għall-ekonomija u l-irkupru ekonomiku tal-Ukrajna u biex jiġu stabbilizzati s-swieq dinjija tal-ikel u s-sigurtà tal-ikel.

1.5.

Il-KESE jappoġġja wkoll il-pjan ta’ azzjoni stabbilit fil-Komunikazzjoni dwar il-Korsiji ta’ Solidarjetà biex jittejbu l-konnessjonijiet transfruntiera (bit-triq-bit-triq, bil-ferrovija-bit-triq u bil-ferrovija-bil-ferrovija) bejn l-UE u l-Ukrajna, inklużi punti addizzjonali ta’ qsim tal-fruntieri, u biex tiġi vvalutata l-estensjoni tal-kurituri tan-network ewlieni TEN-T fl-Ukrajna.

1.6.

Il-KESE jqis b’mod pożittiv ukoll il-fatt li l-pjan ta’ azzjoni jipprevedi wkoll “sejħiet għal proposti tal-FNE” li se jagħmluha possibbli li l-appoġġ jiġi ffukat b’mod partikolari fuq proġetti mmirati lejn it-titjib tal-interoperabbiltà u l-konnettività tan-network tat-trasport tal-UE mal-Ukrajna.

1.7.

Il-KESE għaldaqstant jappoġġja bis-sħiħ l-estensjoni tat-TEN-T għall-Ukrajna u l-Moldova, permezz ta’ mapep indikattivi inklużi fl-Anness IV tal-proposta emendata; dan huwa suġġeriment f’waqtu u maż-żmien jista’ jġib valur miżjud, b’mod partikolari billi jtejjeb l-opportunitajiet għall-istabbiliment ta’ flussi tat-trasport bla xkiel u mingħajr interruzzjoni bejn l-Ukrajna u l-UE.

1.8.

Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ il-messaġġ politiku qawwi li qed jintbagħat billi jiġu inklużi l-konnessjonijiet fl-Ukrajna fil-prijorità ewlenija tat-TEN-T, jiġifieri l-Kurituri Ewropej tat-Trasport, bis-sistema ta’ implimentazzjoni b’saħħitha tagħhom fil-forma ta’ koordinaturi, pjani ta’ ħidma, diversi gruppi ta’ ħidma u, skont il-Proposta TEN-T, obbligu li l-pjani ta’ ħidma jingħataw forza legali permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni.

1.9.

Madankollu, il-KESE jiddispjaċih li la d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi, u lanqas id-dispożizzjonijiet dwar l-implimentazzjoni tal-istrument tal-Kurituri Ewropej tat-Trasport u l-Prijoritajiet Orizzontali, ma jidhru li jipprovdu bażi legali għall-estensjoni tal-applikazzjoni tal-prijoritajiet tal-kuritur jew tas-sistema ta’ implimentazzjoni tagħhom, inklużi l-koordinaturi, il-governanza, il-pjan ta’ ħidma tal-koordinatur Ewropew jew l-att ta’ implimentazzjoni, għal pajjiżi terzi.

1.10.

Għalhekk, il-KESE jitlob sistema ta’ implimentazzjoni b’saħħitha u kredibbli għal dawk il-konnessjonijiet li għandhom jitqiesu bħala parti mill-Kurituri Ewropej tat-Trasport, possibbilment billi jissaħħu u jiġu mmultiplikati l-gruppi ta’ ħidma dwar il-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi.

1.11.

Fid-dawl tal-kuntest politiku attwali jidher ukoll xieraq, u f’konformità mas-sanzjonijiet imposti, li jiġu eliminati l-konnessjonijiet indikattivi tat-TEN-T fir-Russja u l-Belarussja.

1.12.

Il-KESE jinnota b’sorpriża li l-proposta emendata tinkludi impenn espliċitu biex jiġi kkunsidrat l-istabbiliment mill-ġdid ta’ konnessjonijiet fil-Belarussja, u konnessjonijiet bejn il-Belarussja u l-Istati Membri tal-UE, jekk il-pajjiż jiżviluppa lejn id-demokrazija, filwaqt li ma hemm l-ebda impenn simili fir-rigward tar-Russja. Il-KESE huwa tal-fehma li għandhom jiġu evitati impenji ta’ dan it-tip għall-futur.

1.13.

Il-KESE jieħu nota li l-eliminazzjoni tal-konnessjonijiet tal-Istati Membri mar-Russja tidher li ħolqot problemi għal xi Stati Membri, peress li xi wħud minn dawn il-konnessjonijiet jibqgħu importanti għall-konnettività fl-Istat Membru kkonċernat. Il-KESE jirrakkomanda li għandha tingħata l-attenzjoni dovuta għas-sinifikat intern possibbli ta’ dawn il-konnessjonijiet fil-livell tal-UE.

1.14.

Il-KESE jaqbel li ċertament hemm ukoll il-ħtieġa li tiġi indirizzata l-kwistjoni tal-gauges tal-binarji ferrovjarji differenti fl-UE u fl-Ukrajna, għalkemm il-bidliet f’dan ir-rigward jistgħu jeħtieġu xi żmien biex jidħlu fis-seħħ, u għalhekk x’aktarx li ma jipprovdux soluzzjonijiet għal problemi immedjati u urġenti ta’ effiċjenza.

1.15.

Il-KESE jissuġġerixxi li r-rekwiżit tal-migrazzjoni għall-gauge standard tal-UE ta’ 1 435 mm għandu jkun limitat għall-Kurituri Ewropej tat-Trasport sabiex tiġi żgurata migrazzjoni konsistenti u kkoordinata tajjeb, peress li l-obbligu tal-Istati Membri li jistabbilixxu pjani ta’ migrazzjoni huwa limitat għal dawk il-kurituri.

1.16.

Il-KESE jwissi li l-proposta li kwalunkwe infrastruttura ferrovjarja ġdida fit-TEN-T ewlieni jew komprensiv għandha tinbena bil-qies tal-gauge standard tal-UE ta’ 1 435 mm tista’ toħloq problemi ta’ konsistenza interna kkumplikati ħafna fl-Istati Membri b’gauges tal-binarji ferrovjarji differenti.

2.   Kummenti ġenerali – Sfond

2.1.   Konnessjonijiet mal-Ukrajna u l-Moldova u l-eliminazzjoni/tnaqqis fil-konnessjonijiet fir-Russja u l-Belarussja u magħhom

2.1.1.

Il-proposta tas-27 ta’ Lulju 2022 biex tiġi emendata l-Proposta tat-TEN-T ippreżentata mill-Kummissjoni f’Diċembru 2021 (3) (minn hawn ’il quddiem “il-proposta”), ġiet skattata mill-gwerra Russa kontra l-Ukrajna u l-effetti tagħha fuq il-ktajjen tal-provvista, li enfasizzat l-importanza tal-konnessjonijiet tat-TEN-T ma’ pajjiżi msieħba ġirien.

2.1.2.

L-Artikolu 9 tal-proposta ta’ Diċembru tal-Kummissjoni (il-Proposta TEN-T) jipprevedi kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi biex it-TEN-T jiġi konness mal-infrastruttura tagħhom, u biex jissaħħu t-tkabbir ekonomiku sostenibbli u l-kompetittività. Il-punti enfasizzati jinkludu l-estensjoni tal-politika tat-TEN-T għal pajjiżi terzi, il-proċeduri ta’ kontroll tal-fruntieri u s-sorveljanza li jippermettu flussi tat-traffiku mingħajr xkiel, it-tlestija tal-konnessjonijiet infrastrutturali rilevanti, l-interoperabbiltà, il-faċilitazzjoni tat-trasport fuq l-ilma u l-iżvilupp ta’ sistemi tal-ICT. Il-mapep assoċjati jispeċifikaw l-istatus tan-network ewlieni u komprensiv skont il-kriterji tar-Regolament TEN-T (4).

2.1.3.

Huma stabbiliti kriterji speċifiċi għall-Kurituri Ewropej tat-Trasport, distinti minn dawk applikabbli għan-network ewlieni u komprensiv. Il-kurituri huma l-aktar partijiet strateġikament importanti tat-TEN-T (Artikolu 7 tal-Proposta TEN-T), bi prijoritajiet ġenerali speċifiċi, distinti min-networks ewlenin u komprensivi (Artikoli 12 u 13), u regoli ta’ implimentazzjoni ddedikati (Kapitolu V, Artikoli 50-54).

2.1.4.

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-Korsiji ta’ Solidarjetà bejn l-UE u l-Ukrajna (5) tidentifika għadd ta’ sfidi infrastrutturali li l-UE u l-pajjiżi ġirien tagħha jeħtieġ li jindirizzaw biex jappoġġjaw l-ekonomija u l-irkupru tal-Ukrajna, u biex jindirizzaw kwistjonijiet ta’ provvista u konnettività bejn l-UE, l-Ukrajna u s-swieq dinjija. Hija tipproponi li tiġi vvalutata l-estensjoni tal-Kurituri Ewropej tat-Trasport lejn l-Ukrajna u l-Moldova biex jiġu ssalvagwardjati l-importazzjonijiet u l-esportazzjonijiet, inkluża l-esportazzjoni tal-għelejjel mill-Ukrajna. F’Mejju 2022 ġie ffirmat Ftehim ta’ Livell Għoli dwar il-mapep indikattivi tat-TEN-T fl-Ukrajna.

2.1.5.

Fl-14 ta’ Lulju 2022, il-Kummissjoni adottat Regolament delegat b’mapep indikattivi għan-network TEN-T fl-Ukrajna u fil-Moldova, biex l-istandards tat-TEN-T jiġu estiżi għall-pajjiżi ġirien biex ikun hemm konnessjonijiet bla xkiel. Dawn il-mapep issa huma parti mill-proposta emendata, li tinkludi wkoll mapep li jestendu diversi Kurituri tat-TEN-T għall-Ukrajna u l-Moldova.

2.1.6.

Il-proposta emendata tneħħi wkoll il-konnessjonijiet indikattivi tat-TEN-T fir-Russja u l-Belarussja.

2.1.7.

Barra minn hekk, il-konnessjonijiet li jgħaqqdu n-network tal-Istati Membri mal-konnessjonijiet indikattivi tat-TEN-T fir-Russja u l-Belarussja tnaqqsu biex jiffurmaw parti min-network komprensiv.

2.2.   Il-gauge tal-binarji ferrovjarji

2.2.1.

Il-Komunikazzjoni dwar il-Korsiji ta’ Solidarjetà bejn l-UE u l-Ukrajna tidentifika wkoll ostakli minħabba d-diverġenza bejn il-gauge tal-binarji ferrovjarji tal-Ukrajna ta’ 1 520 mm u dak tal-UE ta’ 1 435 mm. Dan jikkawża problema minħabba l-kapaċità ta’ trażbord attwalment insuffiċjenti.

2.2.2.

Il-proposta emendata għandha l-għan li tarmonizza l-gauge tal-binarji ferrovjarji fuq in-network ewlieni u komprensiv fl-UE biex eventwalment jintlaħaq gauge komuni ta’ 1 435 mm. Jeħtieġ li tinbena infrastruttura ferrovjarja ġdida b’dan il-gauge u l-Istati Membri b’gauge differenti, kompletament jew parzjalment, għandhom, fi żmien sentejn mid-dħul fis-seħħ tar-Regolament, jagħmlu pjan ta’ migrazzjoni tal-linji ferrovjarji eżistenti fil-Kurituri Ewropej tat-Trasport għall-gauge ta’ 1 435 mm. Il-pjani għandhom jiġu kkoordinati mal-Istati Membri ġirien ikkonċernati.

2.2.3.

Il-pjani ta’ migrazzjoni għandhom jidentifikaw il-linji ferrovjarji li mhux se jemigraw għall-gauge standard, u jinkludu analiżi tal-ispejjeż imqabbla mal-benefiċċji li tiġġustifika dik id-deċiżjoni, inkluż l-impatt fuq l-interoperabbiltà.

2.2.4.

Il-prijoritajiet għall-ippjanar tal-infrastruttura u l-investiment relatati mal-pjani ta’ migrazzjoni għandhom ikunu parti mill-ewwel pjan ta’ ħidma tal-Koordinaturi Ewropej għal dawk il-Kurituri Ewropej tat-Trasport li jinkludu linji ferrovjarji tal-merkanzija b’gauge li mhuwiex standard Ewropew.

2.2.5.

L-Irlanda hija eżentata mill-obbligu li tarmonizza l-gauge (l-Artikoli 15 u 16 tal-Proposta TEN-T).

3.   Kummenti ġenerali

3.1.

Il-KESE jirrimarka li, fl-Opinjoni tiegħu dwar il-Proposta TEN-T), huwa laqa’ l-enfasi akbar fuq il-konnessjonijiet mal-pajjiżi ġirien, inklużi l-pajjiżi msieħba u dawk fil-proċess ta’ adeżjoni.

3.2.

Il-Proposta TEN-T ġiet ippubblikata f’Diċembru 2021; l-attakk Russu fuq l-Ukrajna beda ftit wara fi Frar 2022. Il-KESE jaqbel mal-valutazzjoni li saret fil-proposta emendata li dan l-attakk iddefinixxa mill-ġdid ix-xenarju ġeopolitiku, ħareġ fid-dieher il-vulnerabbiltà tal-UE għal avvenimenti ta’ tfixkil mhux previsti lil hinn mill-fruntieri tagħha, u enfasizza l-fatt li s-suq intern tal-UE u n-network tat-trasport tagħha ma jistgħux jitqiesu b’mod iżolat fit-tfassil tal-politika tal-UE.

3.3.

Din is-sitwazzjoni ġustament enfasizzat il-ħtieġa urġenti li tingħata assistenza lill-Ukrajna inkluż billi tittejjeb il-konnettività tat-trasport mal-UE sabiex jinżammu u jittejbu l-flussi tal-mobbiltà u tal-merkanzija bejn l-Ukrajna u l-UE. B’mod partikolari, hemm ħtieġa akuta li jiġi megħjun it-trasport tal-għelejjel taċ-ċereali barra mill-Ukrajna minħabba n-nuqqas ta’ disponibbiltà tal-portijiet tal-Baħar l-Iswed, li qed jiġu mblukkati mir-Russja.

3.4.

Il-ħtieġa li jittieħdu miżuri biex jiġu żgurati flussi adegwati ta’ mobbiltà u trasport bejn l-UE u l-Ukrajna tqajmet għall-ewwel darba fil-Komunikazzjoni msemmija hawn fuq dwar il-Korsiji ta’ Solidarjetà bejn l-UE u l-Ukrajna u minn dak iż-żmien ġiet indirizzata permezz ta’ għadd ta’ miżuri, inkluż permezz tal-promozzjoni ta’ żvilupp adegwat tal-infrastruttura permezz ta’ estensjonijiet indikattivi tal-konnessjonijiet TEN-T mal-Ukrajna, f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Proposta TEN-T rigward il-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi.

3.5.

Il-KESE jaqbel li l-istabbiliment rapidu ta’ rotot loġistiċi alternattivi bl-użu tal-modi kollha tat-trasport li jgħaqqdu lill-UE mal-Ukrajna huwa vitali għall-ekonomija u l-irkupru ekonomiku tal-Ukrajna u biex jiġu stabbilizzati s-swieq dinjija tal-ikel u s-sigurtà tal-ikel.

3.6.

Il-KESE jinnota wkoll li l-kapaċità tat-terminals u l-qsim tal-fruntieri rilevanti, pereżempju f’punti b’gauge doppju, jeħtieġ li tittejjeb b’mod urġenti, kif indikat fil-Komunikazzjoni dwar il-Korsiji ta’ Solidarjetà.

3.7.

Il-KESE jappoġġja wkoll il-pjan ta’ azzjoni stabbilit fil-Komunikazzjoni dwar il-Korsiji ta’ Solidarjetà biex jittejbu l-konnessjonijiet transfruntiera (bit-triq-bit-triq, bil-ferrovija-bit-triq u bil-ferrovija-bil-ferrovija) bejn l-UE u l-Ukrajna, inklużi punti addizzjonali ta’ qsim tal-fruntieri, u biex tiġi vvalutata l-estensjoni tal-kurituri tan-network ewlieni TEN-T fl-Ukrajna biex tiġi offruta konnettività akbar permezz tal-iżvilupp ta’ linji ferrovjarji b’gauge standard tal-UE kemm fl-Ukrajna kif ukoll fil-Moldova, u biex jittejbu l-konnettività u n-navigabbiltà fil-kuritur Renu-Danubju biex jiġi żgurat traffiku aktar effiċjenti.

3.8.

Il-KESE jqis b’mod pożittiv ukoll il-fatt li l-pjan ta’ azzjoni jipprevedi wkoll “sejħiet għal proposti tal-FNE” li se jagħmluha possibbli li l-appoġġ jiġi ffukat b’mod partikolari fuq proġetti mmirati lejn it-titjib tal-interoperabbiltà u l-konnettività tan-network tat-trasport tal-UE mal-Ukrajna.

3.9.

Il-KESE għaldaqstant jappoġġja bis-sħiħ l-estensjoni tat-TEN-T għall-Ukrajna u l-Moldova, permezz ta’ mapep indikattivi inklużi fl-Anness IV tal-proposta emendata; dan huwa suġġeriment f’waqtu u maż-żmien jista’ jġib valur miżjud, b’mod partikolari billi jtejjeb l-opportunitajiet għall-istabbiliment ta’ flussi tat-trasport bla xkiel u mingħajr interruzzjoni bejn l-Ukrajna u l-UE.

3.10.

Il-KESE jieħu nota li l-mapep indikattivi tal-infrastruttura TEN-T tal-Ukrajna fl-Anness IV tal-proposta emendata jikklassifikaw il-konnessjonijiet, it-terminals, il-portijiet u l-ajruporti bħala li jappartjenu għan-network ewlieni jew komprensiv, f’konformità mal-Artikolu 9(2) tal-Proposta TEN-T.

3.11.

Il-konnessjonijiet indikattivi fl-Ukrajna huma wkoll parti mill-Kurituri Ewropej tat-Trasport, li jestendu l-Kuritur Baħar tat-Tramuntana-Baltiku, il-Kuritur Skandinavja-Mediterran, il-Kuritur Baħar Baltiku-Baħar Adrijatiku, il-Kuritur Renu-Danubju u l-Kuritur Baħar Baltiku-Baħar l-Iswed fl-Ukrajna permezz ta’ mapep inklużi fl-Anness III tal-proposta emendata.

3.12.

Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ il-messaġġ politiku qawwi li qed jintbagħat billi jiġu inklużi l-konnessjonijiet fl-Ukrajna fil-prijorità ewlenija tat-TEN-T, jiġifieri l-Kurituri Ewropej tat-Trasport, bis-sistema ta’ implimentazzjoni b’saħħitha tagħhom fil-forma ta’ koordinaturi, pjani ta’ ħidma, diversi gruppi ta’ ħidma u, skont il-Proposta TEN-T, obbligu li l-pjani ta’ ħidma jingħataw forza legali permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni.

3.13.

Madankollu, il-KESE jiddispjaċih li la d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi, u lanqas id-dispożizzjonijiet dwar l-implimentazzjoni tal-istrument tal-Kurituri Ewropej tat-Trasport u l-Prijoritajiet Orizzontali, ma jidhru li jipprovdu bażi legali għall-estensjoni tal-applikazzjoni tal-prijoritajiet tal-kuritur jew tas-sistema ta’ implimentazzjoni tagħhom, inklużi l-koordinaturi, il-governanza, il-pjan ta’ ħidma tal-koordinatur Ewropew jew l-att ta’ implimentazzjoni, għal pajjiżi terzi. Huwa biss l-Artikolu 52(3)(f) dwar il-governanza tal-kurituri li jippermetti gruppi ta’ ħidma dwar il-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi, iżda dan ma jidhirx li jbiddel il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar il-Kurituri trans-Ewropej.

3.14.

Għalhekk, il-KESE jitlob sistema ta’ implimentazzjoni b’saħħitha u kredibbli għal dawk il-konnessjonijiet li għandhom jitqiesu bħala estensjoni tal-Kurituri Ewropej tat-Trasport, possibbilment billi jissaħħu u jiġu mmultiplikati l-gruppi ta’ ħidma dwar il-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi.

3.15.

Fid-dawl tal-kuntest politiku attwali jidher ukoll xieraq, u f’konformità mas-sanzjonijiet imposti, li jiġu eliminati l-konnessjonijiet indikattivi tat-TEN-T fir-Russja u l-Belarussja.

3.16.

Madankollu, il-KESE jinnota b’sorpriża li l-proposta emendata tinkludi impenn espliċitu biex jiġi kkunsidrat l-istabbiliment mill-ġdid ta’ konnessjonijiet fil-Belarussja, u konnessjonijiet bejn il-Belarussja u l-Istati Membri tal-UE, jekk il-pajjiż jiżviluppa lejn id-demokrazija f’konformità ma’ pjan tal-UE għal dak l-għan, filwaqt li ma hemm l-ebda prospetti simili fir-rigward tar-Russja. Għalkemm jista’ ma jkun hemm l-ebda pjan speċifiku tal-UE fir-rigward tad-demokrazija fir-Russja, l-approċċi differenti huma diffiċli biex jinftiehmu. Għalhekk, il-KESE jirrakkomanda li dan it-tip ta’ impenn jiġi evitat fil-futur.

3.17.

Il-KESE jieħu nota li l-eliminazzjoni tal-konnessjonijiet tal-Istati Membri mar-Russja tidher li ħolqot problemi għal xi Stati Membri. Pereżempju, il-Ministru tat-Trasport Finlandiż ikkritika n-natura ġenerali ta’ dawn il-miżuri, peress li xi wħud minn dawn il-konnessjonijiet huma importanti għall-konnettività fl-Istat Membru kkonċernat. Il-KESE jirrakkomanda li għandha tingħata l-attenzjoni dovuta għas-sinifikat intern possibbli ta’ dawn il-konnessjonijiet fil-livell tal-UE.

3.18.

Il-KESE jaqbel li ċertament hemm ukoll il-ħtieġa li tiġi indirizzata l-kwistjoni tal-gauges tal-binarji ferrovjarji differenti fl-UE u fl-Ukrajna, għalkemm il-bidliet f’dan ir-rigward jistgħu jeħtieġu xi żmien biex jidħlu fis-seħħ, u għalhekk x’aktarx li ma jipprovdux soluzzjonijiet għal problemi immedjati u urġenti ta’ effiċjenza.

3.19.

Il-KESE jinnota li l-ħtieġa ta’ migrazzjoni għal gauge tal-binarji ferrovjarji ta’ 1 435 mm twessgħet u l-possibbiltà li jinżammu strumenti oħra ta’ kejl tnaqqset, permezz ta’ emendi proposti għall-Artikoli 15 u 16 u l-Artikolu 16a l-ġdid. Peress li l-enfasi tal-implimentazzjoni tal-migrazzjoni għal gauge ta’ 1 435 mm hija fuq il-Kurituri Ewropej tat-Trasport – peress li l-pjani ta’ migrazzjoni li għandhom jitfasslu mill-Istati Membri kollha huma limitati għal dawk il-kurituri – obbligu ġenerali li l-linji l-ġodda jinbnew kollha bil-gauge ta’ 1 435 mm jidher inkonsistenti mal-linja prinċipali tal-Artikolu 16a, li hija li tiġi żgurata l-konsistenza u t-trasport ferrovjarju mingħajr xkiel fil-Kurituri trans-Ewropej.

3.20.

Għalhekk, il-KESE jissuġġerixxi li r-rekwiżit tal-migrazzjoni għandu jkun limitat għall-Kurituri Ewropej tat-Trasport sabiex tiġi żgurata migrazzjoni konsistenti u kkoordinata tajjeb.

3.21.

Il-KESE huwa sorpriż bl-obbligu ġenerali stabbilit fl-Artikolu 16a(1) propost li kwalunkwe infrastruttura ferrovjarja ġdida għandha tinbena bil-gauge tal-binarji ferrovjarji standard Ewropew ta’ 1 435 mm, apparentement irrispettivament mill-konfigurazzjoni tan-network tal-madwar, peress li dan l-obbligu jista’ joħloq konsistenza interna kkumplikata ħafna u problemi ta’ konġestjoni fl-Istati Membri b’gauge tal-binarji ferrovjarji differenti.

3.22.

Ta’ min jinnota li t-tnaqqis tal-possibbiltajiet ta’ eżenzjoni għal kejl diverġenti ħoloq tħassib, pereżempju fil-Finlandja, fejn tqajmu dubji dwar il-proporzjonalità tal-proposta f’dan ir-rigward.

Brussell, is-27 ta’ Ottubru 2022.

Christa SCHWENG

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


(1)  ĠU C 290, 29.7.2022, p. 120..

(2)  COM(2021) 812 final.

(3)  COM(2022) 384 final.

(4)  Ir-Regolament (UE) Nru 1315/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 dwar linji gwida tal-Unjoni għall-iżvilupp tan-netwerk trans-Ewropew tat-trasport u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 661/2010/UE (ĠU L 348, 20.12.2013, p. 1).

(5)  (COM (2022) 217 final).