16.3.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 100/95


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

(a) “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi strument għas-Suq Uniku f’emerġenza u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2679/98”

(COM(2022) 459 final — 2022/0278 (COD))

(b) “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolamenti (UE) 2016/424, (UE) 2016/425, (UE) 2016/426, (UE) 2019/1009 u (UE) Nru 305/2011 fir-rigward tal-proċeduri ta’ emerġenza għall-valutazzjoni tal-konformità, tal-adozzjoni ta’ speċifikazzjonijiet komuni u tas-sorveljanza tas-suq minħabba emerġenza fis-Suq Uniku”

(COM(2022) 461 final — 2022/0279 (COD))

(c) “Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttivi 2000/14/KE, 2006/42/KE, 2010/35/UE, 2013/29/UE, 2014/28/UE, 2014/29/UE, 2014/30/UE, 2014/31/UE, 2014/32/UE, 2014/33/UE, 2014/34/UE, 2014/35/UE, 2014/53/UE u 2014/68/UE fir-rigward tal-proċeduri ta’ emerġenza għall-valutazzjoni tal-konformità, tal-adozzjoni ta’ speċifikazzjonijiet komuni u tas-sorveljanza tas-suq minħabba emerġenza fis-Suq Uniku”

(COM(2022) 462 final — 2022/0280 (COD))

(2023/C 100/14)

Relatur:

Andrej ZORKO

Korelatur:

Janica YLIKARJULA

Konsultazzjoni

(a)

Parlament Ewropew, 9.11.2022

(a)

Kunsill tal-Unjoni Ewropea, 11.11.2022

(b)

Parlament Ewropew, 21.11.2022

(b)

Kunsill tal-Unjoni Ewropea, 24.11.2022

(c)

Parlament Ewropew, 21.11.2022

(c)

Kunsill tal-Unjoni Ewropea, 30.11.2022

Bażi legali

(a)

Artikoli 114, 21, 45 u 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

(b)

Artikoli 114 u 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal- Unjoni Ewropea

(c)

Artikoli 91, 114, u 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum

Adozzjoni fis-sezzjoni

10.11.2022

Adozzjoni fil-plenarja

14.12.2022

Sessjoni plenarja Nru

574

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

208/0/1

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-KESE jappoġġja l-għan tal-Kummissjoni li tistabbilixxi Strument għas-Suq Uniku f’Emerġenza biex tiġġieled il-kriżijiet futuri li jistgħu jaffettwaw il-funzjonament tas-Suq Uniku u n-negozji tiegħu, kif ukoll il-benessri taċ-ċittadini tal-UE. Il-KESE jappoġġja l-miżuri biex jiġi żgurat il-moviment liberu tal-merkanzija, tas-servizzi u tal-persuni u jiġu evitati restrizzjonijiet ġewwa l-UE stess anke matul kriżi. L-Istrument għas-Suq Uniku f’Emerġenza għandu jipprijoritizza l-kondiviżjoni tal-informazzjoni, il-kooperazzjoni, il-komunikazzjoni u s-solidarjetà fost l-Istati Membri. Huwa essenzjali li jkun hemm miżuri aħjar ta’ kooperazzjoni amministrattiva u trasparenza għall-Istati Membri, iżda l-KESE jiddispjaċih li m’hemm l-ebda konsegwenza f’każ li l-Istati Membri ma jissodisfawx ir-rekwiżiti.

1.2.

Ir-rispons għall-kriżijiet irid ikun rapidu, temporanju, immirat u kkoordinat b’mod adegwat fil-livell tal-UE biex jiġi żgurat approċċ komuni. Għandu jikkunsidra l-effetti ta’ kriżi fuq in-negozji u l-benessri taċ-ċittadini tal-UE, u jistabbilixxi kundizzjonijiet għal soċjetà u ekonomija iktar reżiljenti fil-futur. Il-fokus għandu jkun b’mod ċar fuq il-moviment liberu tal-merkanzija, tas-servizzi u tal-persuni fi żminijiet ta’ kriżi, u fuq il-mitigazzjoni tal-effetti ta’ kriżi fuq il-benessri tan-nies, iktar milli intervent fil-produzzjoni u l-provvista tal-oġġetti u s-servizzi u fil-ktajjen tal-provvista tagħhom.

1.3.

Il-mitigazzjoni ta’ kriżi teħtieġ qafas legali ċar biex jiġu evitati interpretazzjonijiet diverġenti, miżuri frammentati u litigazzjoni mhux meħtieġa. Il-KESE jqis li d-definizzjonijiet tat-termini “kriżi”, “oqsma importanti mill-aspett strateġiku”, “oġġetti u servizzi ta’ importanza strateġika” u “oġġetti u servizzi rilevanti għall-kriżi” huma vagi wisq biex jindirizzaw dan it-tħassib u jirrakkomanda li l-Kummissjoni tiddefinixxihom b’mod aktar preċiż.

1.4.

Il-miżuri ta’ emerġenza ma għandhomx jiksru d-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini Ewropej, u lanqas ma għandu l-eżerċitar ta’ dawk id-drittijiet, inkluż id-dritt għal strajk, fi kwalunkwe settur, ikun jeħtieġ rispons għal kriżi. Il-Kummissjoni għandha tagħmilha ċara li, jekk isir strajk jew tittieħed azzjoni industrijali oħra skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali, dan ma jistax jitqies bħala kriżi skont l-Istrument għas-Suq Uniku f’Emerġenza. Bl-istess mod, il-miżuri ta’ mitigazzjoni tal-kriżi kollha jridu jissodisfaw il-prinċipji tan-neċessità u l-proporzjonalità fejn huma kkonċernati l-kumpaniji, li mhuwiex il-każ fil-proposta. Barra minn hekk, l-awtonomija tal-imsieħba soċjali trid tiġi rispettata. Il-miżuri jirriskjaw li joħolqu aktar ostakli, restrizzjonijiet u piżijiet bla bżonn, li jeħtieġ li jiġu evitati, speċjalment fi żminijiet ta’ kriżi. Is-Suq Uniku għandu jinżamm aċċessibbli, b’salvagwardji kontra d-dumping soċjali u d-dumping fiskali.

1.5.

Il-KESE jemmen li emerġenza tirrikjedi rispons rapidu u effiċjenti. Għalhekk, il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni terġa’ tikkunsidra l-proposta fid-dawl ta’ approċċ rapidu u effettiv b’mod xieraq għall-indirizzar ta’ kriżi. Il-KESE huwa mħasseb dwar il-fatt li l-approċċ pass pass propost jista’ joħloq wisq piżijiet amministrattivi biex ikun effettiv.

1.6.

Il-KESE jirrakkomanda li tiġi stabbilita kooperazzjoni mill-qrib bejn il-Grupp Konsultattiv tal-Istrument għas-Suq Uniku f’Emerġenza u l-istrumenti ta’ prospettiva strateġika eżistenti tal-UE, bil-għan li jiġu previsti avvenimenti ta’ kriżi abbażi tal-monitoraġġ kontinwu u l-valutazzjoni tar-riskju ta’ avvenimenti globali u reġjonali. Ir-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili għandhom ikunu involuti mill-qrib f’dan il-proċess, biex jidderieġu l-għarfien tagħhom u r-riżultati tal-ħidma tagħhom lejn l-attivitajiet ta’ prospettiva tal-UE.

1.7.

Il-KESE jipproponi li rappreżentanti tal-imsieħba soċjali u organizzazzjoni tas-soċjetà ċivili rilevanti jistgħu jiġu inklużi bħala osservaturi tal-Grupp Konsultattiv tal-Istrument għas-Suq Uniku f’Emerġenza. Il-KESE jappella wkoll għal kjarifika tar-rwol tal-Grupp Konsultattiv propost, speċjalment fir-rigward ta’ korpi oħrajn ta’ natura simili.

1.8.

Id-delega tas-setgħat lill-Kummissjoni skont il-proposta għandha terġa’ tiġi kkunsidrata, sabiex jintlaħaq bilanċ bejn rispons għall-kriżijiet effettiv u l-inklużjoni tal-Istati Membri fil-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet.

1.9.

Hemm periklu li s-setgħat ta’ intervent mogħtija lill-Kummissjoni fil-proposta, bħall-prijoritizzazzjoni tal-ordnijiet u l-klawżola ta’ prevalenza fuq kuntratti li jistgħu jiġu mmirati lejn negozji speċifiċi, jistgħu jkunu detrimentali għall-funzjonament tas-Suq Uniku. Bl-eżistenza tagħhom stess, huma jintroduċu element ta’ imprevedibbiltà. Il-KESE għalhekk jirrakkomanda li l-Kummissjoni terġa’ tikkunsidra bir-reqqa l-proposta, fid-dawl ukoll tal-mistoqsija dwar liema kumpaniji se jkunu fil-mira u min se jbati l-ispejjeż ta’ riorganizzazzjoni potenzjali tal-linji ta’ produzzjoni.

1.10.

Huwa importanti li jiġi limitat il-ġbir ta’ data mingħand il-kumpaniji mill-Kummissjoni jew mill-Istati Memrbi billi jiġu segwiti l-prinċipji ta’ neċessità estrema u proporzjonalità. Uħud mill-proposti joħolqu riskji għall-kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni, bħall-istabbiliment ta’ listi ta’ “l-iktar operaturi ekonomiċi rilevanti” qabel ma tiġi mħabbra emerġenza. Il-KESE huwa mħasseb dwar is-sinjali li dan jista’ jibgħat lis-suq u l-impatt ġenerali fuq il-kompetizzjoni.

1.11.

Komunikazzjoni rapida, faċli biex tifhimha u miftuħa għall-pubbliku, għan-negozji u atturi oħrajn hija essenzjali għall-ġestjoni tal-kriżijiet fis-Suq Uniku. Interfaċċa ta’ informazzjoni online dedikata għandha tkun immedjatament operazzjonali f’każ ta’ kriżi.

2.   Bażi għall-Opinjoni

2.1.

Suq Uniku li jiffunzjona sew huwa wieħed mill-akbar assi tal-UE u huwa importanti għall-ekonomija tagħha u għat-“titjib tal-benessri permezz tal-konverġenza soċjali u ekonomika u li jiġi żgurat li l-aggravament tal-iżbilanċi soċjali ma jwassalx biex jinħolqu ostakli serji għall-integrazzjoni Ewropea (1).”

2.2.

Kriżijiet riċenti, bħall-pandemija tal-COVID-19 u l-invażjoni Russa tal-Ukrajna, urew grad ta’ vulnerabbiltà fis-Suq Uniku u l-ktajjen tal-provvista tiegħu f’każ ta’ tfixkil mhux previst. Il-lockdown matul il-pandemija waqqaf lil ħafna negozji milli joperaw, ingħalqu l-fruntieri, ġew interrotti l-ktajjen tal-provvista, ġiet imfixkla d-domanda u l-ħaddiema u l-fornituri tas-servizzi ma setgħux jiċċaqalqu madwar l-Ewropa, u fakkar lin-nies li l-moviment liberu tal-persuni huwa interkonness sew mal-moviment liberu tal-merkanzija u s-servizzi. Ħafna drabi, kriżi tolqot b’mod partikolari lill-MSMEs u lill-familji b’introjtu baxx.

2.3.

Nuqqas ta’ trasparenza fil-miżuri li diversi Stati Membri ħadu biex jindirizzaw il-kriżijiet ikkawża inċertezza dwar il-ġustifikazzjoni u l-proporzjonalità tagħhom. Dan dgħajjef il-fiduċja reċiproka u s-solidarjetà u ħoloq ostakli għall-funzjonament tas-suq uniku. Min-naħa l-oħra, dehret b’mod ċar l-importanza tal-kooperazzjoni, il-ftuħ u d-djalogu bejn l-Istati Membri u l-valur ta’ ktajjen tal-valur diversifikati. Rispons koordinat biex jiġi żgurat li l-fruntieri interni tal-UE jibqgħu miftuħa permezz ta’ punti ta’ qsim tal-fruntieri b’“korsiji ħodor” intwera li huwa essenzjali biex jiġi evitat tfixkil fl-ivvjaġġar essenzjali u l-ktajjen tal-provvista.

2.4.

L-Istrument għas-Suq Uniku f’Emerġenza jikkomplementa miżuri leġiżlattivi oħra tal-UE jew proposti għall-ġestjoni tal-kriżijiet li jikkonċernaw, pereżempju, is-saħħa, is-semikondutturi, is-sigurtà tal-ikel u l-Mekkaniżmu tal-UE għall-Protezzjoni Ċivili.

3.   Kummenti ġenerali

3.1.

Il-KESE jilqa’ l-isforz tal-Kummissjoni li tintroduċi l-Istrument għas-Suq Uniku f’Emerġenza biex jiġu miġġielda l-effetti negattivi ta’ kriżijiet eżistenti u potenzjali fuq is-Suq Uniku, in-nies u n-negozju tiegħu, u japprezza l-konferma li l-Istrument għas-Suq Uniku f’Emerġenza se japplika mingħajr preġudizzju għall-istrumenti eżistenti ta’ ġestjoni tal-kriżijiet, li se jiġu trattati bħala lex specialis.

3.2.

Il-KESE jenfasizza li l-Istrument għas-Suq Uniku f’Emerġenza għandu jiżgura l-koordinazzjoni aħjar ta’ miżuri bejn l-Istati Membri, issaħħaħ is-solidarjetà, isostni l-effettivita’ tal-erba’ libertajiet u jingrana s-Suq Uniku biex jiġu indirizzati kriżijiet urġenti u mhux mistennija. Il-Kumitat jenfasizza li suq uniku li jiffunzjona sew huwa għodda effiċjenti u assi għat-tħejjija u għall-indirizzar ta’ kriżijiet.

3.3.

Kriżi li tista’ taffettwa l-funzjonament tas-Suq Uniku tista’ xxekkel in-negozji iżda taffettwa bil-kbir il-ħajjiet tan-nies madwar l-UE wkoll. Il-miżuri proposti biex jiġġieldu kwalunkwe kriżi għandhom għalhekk jikkunsidraw iż-żewġ perspettivi u jqisu direzzjoni ’l quddiem għat-tranżizzjoni diġitali, ekoloġika u ġusta għal tħejjija aħjar tas-Suq Uniku għal ħasdiet u kriżijiet futuri. Is-Suq Uniku tal-futur jista’ biss ikun ibbażat fuq bażi ekonomika soda marbuta ma’ dimensjoni soċjali b’saħħitha (2).

3.4.

Il-KESE jenfasizza li rispons għall-kriżijiet irid ikun rapidu, temporanju, proporzjonat u mmirat b’mod adegwat, biex iwitti t-triq għal soċjetà u ekonomija iktar reżiljenti fil-futur. Irid ikun ikkoordinat wkoll fuq il-livell tal-UE biex jiġu evitati miżuri nazzjonali diverġenti, li jistgħu jimpedixxu l-funzjonament tas-Suq Uniku.

3.5.

L-UE se tiffaċċja sfidi ġodda fi kriżijiet futuri. Il-miżuri għall-mitigazzjoni tal-kriżijiet għandhom ikunu trasparenti u faċilment disponibbli — bi skop limitat u jsegwu kriterji stretti — u jiġu applikati malajr, li jirrikjedu qafas legali ċar fuq il-livell tal-UE. L-istrument għandu jipproteġi lin-negozji u lir-residenti tal-UE u l-libertajiet tas-Suq Uniku f’każ ta’ kriżi mifruxa u serja, għandu jikkontrolla miżuri nazzjonali u tal-UE għal kontra l-kriżijiet biex jiġu ssodisfati l-prinċipji bażiċi ta’ neċessità, proporzjonalità u nondiskriminazzjoni u għandu jiżgura kooperazzjoni amministrattiva f’ħin reali u aċċess għall-informazzjoni għan-negozju u l-individwi.

3.6.

Il-KESE huwa mħasseb li proċedura ta’ rispons għall-kriżijiet pass pass, kif stabbilita skont l-Istrument għas-Suq Uniku f’Emerġenza, se tieħu wisq ħin u se ddewwem il-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet, minflok tirrispondi malajr għall-kriżi.

3.7.

Huwa impossibbli li jiġu previsti l-portata u t-tip ta’ kriżi partikolari futura. Fl-istess ħin, rispons għal kriżi jkun l-aktar effettiv u l-anqas invażiv jekk jiġi skattat fl-istadji bikrin ta’ kriżi. Il-KESE jenfasizza l-importanza ta’ prospettiva strateġika fl-UE u jkompli jilqa’ b’sodisfazzjon kbir l-inklużjoni tal-metodoloġija ta’ prospettiva fil-proċess tat-tfassil tal-politika tal-UE. L-istrumenti proposti fl-Istrument għas-Suq Uniku f’Emerġenza għandhom jiġu kkomplementati b’kooperazzjoni mill-qrib bejn il-Grupp Konsultattiv u l-mekkaniżmi ta’ prospettiva strateġika eżistenti tal-UE sabiex jiġu previsti kriżijiet futuri bbażati fuq avvenimenti globali u reġjonali kontinwi li jistgħu jfixklu bil-kbir il-ħidma ta’ Suq Uniku b’mod li ma jistax jiġi kkundisdrat bħala l-funzjonament normali ta’ suq. Il-Grupp Konsultattiv ma għandux biss ikollu l-kompitu li jivvaluta l-inċidenti li l-Istati Membri javżaw lill-Kummissjoni dwarhom, iżda għandu jikkoopera b’mod kontinwu mal-eżekuturi tal-prospettiva strateġika tal-UE fil-kompitu li jwettqu l-monitoraġġ u l-valutazzjoni tar-riskju tal-inċidenti globali u reġjonali. Peress li l-Prospettiva Strateġika hija proċess parteċipattiv, il-KESE jistenna li s-sinerġiji kif ukoll l-involviment strutturali tal-istituzzjonijiet kollha tal-UE, inkluż il-KESE, jirnexxu fuq din il-bażi (3).

3.8.

Il-proposta għandha l-għan li tkopri l-kriżijiet sinifikanti kollha li qed jaffettwaw is-suq uniku u l-ktajjen tal-provvista tiegħu, bi ftit eċċezzjonijiet, li għalihom l-UE għandha jew qed tħejji l-miżuri proprji tagħha. Il-kamp ta’ applikazzjoni wiesa’ joħloq sfidi sinifikanti. Il-KESE jenfasizza li l-Istrument għas-Suq Uniku f’Emerġenza jeħtieġ definizzjoni iktar ċara ta’ kriżi, li ma tridx tkun soġġetta għal interpretazzjonijiet diverġenti. Barra minn hekk, id-definizzjonijiet ta’ “oqsma importanti mill-aspett strateġiku”, “oġġetti u servizzi ta’ importanza strateġika” u “oġġetti u servizzi rilevanti għall-kriżi” huma wiesgħa ħafna. Il-KESE huwa tal-fehma li dawn id-definizzjonijiet għandhom ikunu inekwivoki, biex jiġu żgurati l-proporzjonalità u l-immirar adegwat tal-miżuri ta’ emerġenza. In-nuqqas ta’ definizzjonijiet ċari u preċiżi jirriskja li tinħoloq inċertezza legali u litigazzjoni fi ħdan is-Suq Uniku.

3.9.

Kwalunkwe definizzjoni u rispons għall-kriżijiet skont l-Istrument għas-Suq Uniku f’Emerġenza jrid ikun proporzjonat u ma jridx iwassal għal piżijiet amministrattivi mhux meħtieġa. B’mod partikolari, l-istrument għandu jkun skattat biss meta jkun hemm kriżi urġenti u temporanja fis-Suq Uniku, inklużi kriżijiet reġjonali li jaffetwaw l-erba’ libertajiet. B’mod korrispondenti, l-użu tal-istrument għandu jiġi llimitat fil-ħin u ma jitħalliex isir ta’ natura permanenti. Il-proposta tagħti lill-Kummissjoni setgħat delegati fir-rigward il-protokolli ta’ kriżi, li għandhom jerġgħu jiġu kkunsidrati bir-reqqa biex jinkiseb bilanċ bejn rispons effettiv għall-kriżijiet u impenn sħiħ favur il-miżuri konġunti mill-Istati Membri.

3.10.

Il-kapaċità li jiġi rikonoxxut li sitwazzjoni teħtieġ rispons għal kriżi u li jiġu mmirati b’mod adegwat il-kwistjonijiet li jinqalgħu mill-emerġenzi hija kruċjali. Kwalunkwe miżura ta’ emerġenza m’għandhiex timpedixxi d-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini Ewropej, speċjalment dawk rikonoxxuti fi ftehimiet u konvenzjonijiet internazzjonali. Anke fi żminijiet ta’ kriżi, l-UE jeħtiġilha tibqa’ impenjata li tiddefendi d-drittijiet fundamentali tal-bniedem. Bl-istess mod, il-miżuri ta’ mitigazzjoni tal-kriżi kollha jridu jissodisfaw il-prinċipji bażiċi tan-neċessità u l-proporzjonalità fejn huma kkonċernati l-kumpaniji, li mhuwiex il-każ f’din il-proposta.

3.11.

Ir-rikonoxximent u r-regolamentazzjoni ta’ oġġetti rilevanti għall-kriżi jistgħu minnhom infushom joħolqu inċertezzi fis-Suq Uniku li jillimitaw il-funzjonament tiegħu, peress li huwa impossibbli tkun taf liema se jkunu l-oġġetti rilevanti għall-kriżi fi kwalunkwe kriżi futura. Il-KESE jifhem l-intenzjoni tad-delega ta’ ċerti setgħat lill-Kummissjoni bħala parti mill-proposta, iżda fl-istess ħin jeħtieġlu jesprimi tħassib dwar is-setgħat ta’ intervent tal-Kummissjoni stabbiliti fil-proposta, inklużi l-iżvelar ta’ informazzjoni sensittiva kummerċjalment u l-prijoritizzazzjoni ta’ ordinijet, inkluża l-klawżola ta’ prevalenza fuq kuntratti. Il-produzzjoni u l-provvista ta’ oġġetti u servizzi u l-ktajjen tal-provvista tagħhom huma prinċipalment kwistjoni għall-atturi tas-suq u parti mill-ippjanar u t-tħejjija regolari ta’ kontinġenza mill-kumpaniji u l-gvernijiet.

3.12.

Il-KESE huwa konvint li l-introduzzjoni ta’ ostakli u restrizzjonijiet fl-UE stess fi żminijiet ta’ kriżi jridu jiġu evitati. Biex dan ikun ta’ suċċess, l-istrument għandu jiggarantixxi iktar kondiviżjoni ta’ informazzjoni, koordinazzjoni u solidarjetà bejn l-Istati Membri meta jiġu adottati miżuri relatati ma’ kriżi, filwaqt li jiġu rrispettati l-kompetenzi nazzjonali. Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ l-elenkar ta’ restrizzjonijiet projbiti għal-libertajiet tas-Suq Uniku. Madankollu, il-KESE jiddispjaċih li ma hemm l-ebda konsegwenza ċara f’każijiet meta l-Istati Membri ma jissodisfawx ir-rekwiżiti.

3.13.

Il-produzzjoni u l-provvista ta’ oġġetti speċifiċi li jistgħu jkunu essenzjali fil-ġlieda kontra kwalunkwe kriżi partikolari mhumiex imqassma b’mod indaqs fost is-Suq Uniku. Skont in-natura tal-kriżi, in-negozju u l-individwi madwar l-UE jistgħu wkoll jiġu affettwati bi gradi differenti ta’ severità, anke fil-każ ta’ kriżi mifruxa mal-UE kollha. Meta jiġu indirizzati sitwazzjonijiet bħal dawn, is-solidarjetà bejn l-Istati Membri hija kruċjali. Is-sett tal-għodda tar-rispons għal kriżi għandu għalhekk ikollu l-għan li jiskoraġġixxi l-protezzjoniżmu, li jwassal għall-frammentazzjoni tas-Suq Uniku u jimpedixxi l-fluss ta’ oġġetti u servizzi kritiċi għan-negozji u għar-residenti tal-UE.

3.14.

Il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni tevalwa t-tagħlimiet meħuda mill-kriżijiet riċenti u tużahom bħala pjan ta’ azzjoni għall-futur. Matul il-pandemija, l-introduzzjoni ta’ “korsiji ħodor” taffiet diversi koġestjonijiet għaljin relatati mal-fluss intra-UE b’mod partikolari tal-merkanzija, iżda wkoll tas-servizzi. Barra minn hekk, l-adozzjoni relattivament mgħaġġla taċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE komuni għen fl-irkupru tal-mobilità fis-Suq Uniku għal fornituri ta’ servizzi transfruntiera, ħaddiema migranti u vjaġġaturi fuq xogħol. L-għajnuna teknika pprovduta mill-UE għenet ukoll biex tiġi żgurata implimentazzjoni iktar uniformi tal-miżuri.

3.15.

Il-KESE jaqbel mal-Kummissjoni li l-miżuri fil-livell tal-UE għandhom jiġu kkoordinati flimkien mal-Istati Membri. Fejn possibbli, irid jiġi applikat approċċ komuni bejn l-Istati Membri. Approċċ frammentat jippreżenta ostakli addizzjonali għas-suq uniku, li jxekklu l-innovazzjoni, l-investiment u l-ħolqien tax-xogħlijiet, kif ukoll il-koeżjoni soċjali u l-kwalità tal-ħajja. Anke fi żminijiet ta’ kriżi, huwa importanti li s-suq uniku jibqa’ aċċessibbli għal kulħadd, b’salvagwardji effettivi kontra d-dumping soċjali u d-dumping fiskali (4).

3.16.

Kemm jista’ jkun, in-negozji u l-individwi għandhom ukoll jingħataw inċentivi biex jadattaw il-mod li bih joperaw għar-realtà ta’ wara l-kriżi ta’ spejjeż ogħla tal-enerġija u l-effetti tat-tibdil fil-klima. Kwalunkwe miżura ta’ emerġenza għandha tkun f’konformità mal-objettivi tal-klima tal-UE u d-direzzjoni lejn in-netwtralità klimatika u, meta applikata, għandha tagħti direzzjoni lejn l-ilħuq tagħhom, kif ukoll biex is-suq uniku jsir aktar reżiljenti. Rispons għal emerġenza jrid ukoll iqis li dejjem hemm ċans ta’ kriżi li twassal għal differenzi bejn il-pajjiżi tal-UE f’termini ta’ żvilupp ekonomiku, garanziji soċjali u livelli ta’ prosperità (5), u jrid jitfassal b’tali mod li jiġu evitati dawn l-effetti.

3.17.

Komunikazzjoni rapida, faċli biex tinftiehem u miftuħa għall-pubbliku, għan-negozji u atturi oħrajn hija parti essenzjali mill-ġestjoni tal-kriżijiet tas-Suq Uniku. Biex tgħin lill-atturi fil-prattika, il-KESE jirrakkomanda li interfaċċa komuni ta’ informazzjoni online dedikata għandha tkun operazzjonali minnufih meta tfaqqa’ kriżi, tiġi aġġornata regolarment u tkun tinkludi informazzjoni affidabbli dwar il-kriżi u l-miżuri meħuda. Dan l-istrument għandu jiżgura t-trasparenza għan-nies u n-negozji rigward il-miżuri madwar l-Istati Membri biex jiġi appoġġjat il-moviment liberu kontinwu tagħhom. Kwalunkwe miżura ta’ emerġenza għandha tkun ikkomunikata b’mod ċar biex ma jinħolqux konfużjoni jew ostakli addizzjonali fil-funzjonament tas-Suq Uniku. Il-KESE jemmen li l-imsieħba soċjali u s-soċjetà ċivili jista’ jkollhom rwol importanti f’dan.

3.18.

Il-kooperazzjoni mill-qrib mal-partijiet interessati hija wkoll meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-istrument, b’kunsiderazzjoni tal-fatt li fil-prattika huma l-atturi tas-soċjetà ċivili li jwettqu l-miżuri. Huma għandhom ukoll l-aħjar għarfien tal-miżuri u tal-proċeduri li jaħdmu. L-infrastruttura tat-tmexxija tas-Suq Uniku trid tissaħħaħ, bl-inklużjoni proattiva ta’ korpi organizzati li jirrappreżentaw liċ-ċittadini, lill-konsumaturi u lill-intrapriżi (6). Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni tinkludi l-imsieħba soċjali, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-esperti fil-proċessi ta’ valutazzjoni u monitoraġġ tar-riskji, kif ukoll fl-iżvilupp u l-koordinazzjoni ta’ miżuri fi kriżi.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1.

Il-miżuri għandhom kemm jista’ jkun ikomplu jibnu fuq strumenti eżistenti rigward notifiki, standards, eċċ. Għandhom jiffukaw fuq l-ikkjarifikar u l-iffaċilitar tal-użu rapidu u effiċjenti tagħhom għall-ippreservar tal-funzjonament tas-Suq Uniku kull meta tfaqqa’ kriżi.

4.2.

L-istrument għandu jikkunsidra valutazzjoni ta’ konformità rapida, koordinazzjoni ta’ akkwist pubbliku u sorveljanza tas-suq għall-oġġetti u s-servizzi li huma kritiċi għal dik il-kriżi. Madankollu, għandu jikkunsidra wkoll li direttivi tal-UE eżistenti diġà joffru diversi għażliet li jippermettu akkwist rapidu ħafna f’emerġenzi.

4.3.

Il-miżuri ta’ emerġenza m’għandhomx jitħallew jillimitaw id-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini tal-UE, u lanqas m’għandu l-eżerċitar ta’ dawk id-drittijiet, inkluż id-dritt għal strajk, fi kwalunkwe settur, jirrappreżenta ċirkustanza li tiġġustifika rispons għal kriżi skont l-Istrument għas-Suq Uniku f’Emerġenza. Il-KESE huwa konvint li r-regolamentazzjoni legali tal-istrajks taqa’ fi ħdan il-ġuriżdizzjoni tal-Istati Membri, u li jekk isir strajk jew tittieħed kwalunkwe azzjoni industrijali oħra skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali din ma tistax tikkostitwixxi kriżi skont it-termini tal-Istrument għas-Suq Uniku f’Emerġenza.

4.4.

Huwa importanti li jiġi llimitat il-ġbir ta’ data mingħand il-kumpaniji mill-Kummissjoni jew mill-Istati Membri billi jżommu mal-prinċipji ta’ neċessità estrema u proporzjonalità. Ma jridux jiġu adottati obbligi obbligatorji fuq in-negozji li jiżvelaw informazzjoni kummerċjalment sensittiva, il-prijoritizzazzjoni ta’ ordinijiet u l-klawżola ta’ prevalenza fuq kuntratti, peress li huma kontroproduttivi għal azzjoni proattiva biex jinstabu soluzzjonijiet għall-indirizzar tal-kriżijiet. Uħud mill-proposti joħolqu riskji għall-kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni, bħall-istabbiliment ta’ listi ta’ “l-aktar operaturi ekonomiċi rilevanti” qabel ma tiġi mħabbra emerġenza. Il-KESE huwa mħasseb dwar is-sinjali li dan jista’ jibgħat lis-suq u l-impatt ġenerali fuq il-kompetizzjoni.

4.5.

Il-KESE jemmen li l-Grupp Konsultattiv, kif stabbilit fl-Artikolu 3 tal-proposta, għandu jagħmel użu sħiħ tal-għarfien u l-esperjenza tal-imsieħba soċjali u ta’ organizzazzjoni rilevanti tas-soċjetà ċivili, li huma l-aktar f’kuntatt mal-kundizzjonijiet “fil-prattika” ta’ kuljum fis-Suq Uniku. Filwaqt li huwa importanti li l-Grupp Konsultattiv jinkludi lil dawk li jfasslu l-politika, lill-awtoritajiet kompetenti u lill-aġenziji rilevanti kollha fil-livell tal-UE u tal-Istati Membri, il-KESE jemmen li l-imsieħba soċjali huma marbuta b’mod inseparabbli mas-Suq Uniku u għandhom jiġu inklużi awtomatikament bħala osservaturi fil-Grupp Konsultattiv, flimkien ma’ organizzazzjoni tas-soċjetà ċivili rilevanti, pereżempju organizzazzjoni tal-konsumaturi, biex jagħtu pariri dwar, jimplimentaw u jimmonitorjaw il-miżuri prattiċi meħuda skont l-Istrument għas-Suq Uniku f’Emerġenza.

4.6.

Skont l-Artikolu 13, il-KESE jemmen li huwa meħtieġ li tiġi stabbilità solidarjetà bejn l-Istati Membri, pereżempju, meta jiġu żgurati riżervi strateġiċi. Għalhekk, il-KESE jappoġġja r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni li l-Istati Membri jqassmu riżervi strateġiċi b’mod immirat, fejn possibbli.

4.7.

Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni biex terġa’ tikkunsidra l-possibilità ta’ restrizzjoni tal-moviment liberu tal-ħaddiema proposta fl-Artikolu 17 fir-rigward ta’ ħaddiema fruntaliera, peress li l-limitazzjoni tal-moviment liberu tagħhom jista’ jkollha effetti avversi fuq is-suq uniku, kif diġà ġie enfasizzat.

4.8.

Il-KESE jemmen li l-interazzjoni bejn il-Grupp Konsultattiv fil-proposta u l-gruppi ta’ ġestjoni tal-kriżijiet diġà stabbiliti, bħat-Task Force għall-Infurzar fis-Suq Uniku, l-Għodda ta’ Informazzjoni għas-Suq Uniku u l-pjattaformi għall-kriżi tal-ikel, mhijiex stabbilita b’mod ċar fil-proposta. Il-Kummissjoni għandha tevita kwalunkwe duplikazzjoni fil-ġuriżdizzjonijiet ta’ korpi differenti għall-ġestjoni tal-kriżijiet, li toħloq xogħol amministrattiv mhux meħtieġ u ddewwem ir-rispons għall-kriżijiet.

Brussell, l-14 ta’ Diċembru 2022.

Christa SCHWENG

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


(1)  L-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar ÒKomunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Strateġija Industrijali Ġdida għall-EwropaÓ(COM(2020) 102 final) (ĠU C 364, 28.10.2020, p. 108).

(2)  L-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Suq uniku għal kulħadd” (opinjoni esploratorja) (ĠU C 311, 18.9.2020, p. 19).

(3)  L-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill Rapport ta’ Prospettiva Strateġika 2021 — Il-kapaċità u l-libertà tal-UE li taġixxi” (COM(2021) 750 final) (ĠU C 290, 29.7.2022, p. 35).

(4)  Ara n-nota 2 f’qiegħ il-paġna.

(5)  L-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar (a) “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Pjan ta’ azzjoni fit-tul għal implimentazzjoni u infurzar aħjar tar-regoli tas-suq uniku” (COM(2020) 94 final) u (b) “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — L-identifikazzjoni u l-indirizzar tal-ostakli għas-Suq Uniku” (COM(2020) 93 final) (ĠU C 364, 28.10.2020, p. 116).

(6)  Ara n-nota 2 f’qiegħ il-paġna.