16.3.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 100/76


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Kontroll tal-kompetittività biex nibnu ekonomija tal-UE aktar b’saħħitha u aktar reżiljenti”

(opinjoni esploratorja)

(2023/C 100/11)

Relatur:

Christian ARDHE

Korelatur:

Giuseppe GUERINI

Konsultazzjoni

Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, 30.6.2022

Bażi legali

Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum

Adozzjoni fis-sezzjoni

10.11.2022

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

54/1/2

Adozzjoni fil-plenarja

14.12.2022

Sessjoni Plenarja Nru

574

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

150/4/11

1.   Konklużjonjiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-KESE jqis li t-talba tal-Presidenza Ċeka biex titħejja opinjoni esploratorja dwar il-kontroll tal-kompetittività hija topika ħafna. Minħabba l-isfidi attwali u previsti għall-futur il-KESE jqis li huwa ta’ importanza kritika li l-ekonomija tal-UE ssir aktar kompetittiva. Filwaqt li jirrikonoxxi li s-suq uniku u l-ekonomija soċjali tas-suq tal-UE huma l-akbar assi tal-UE għall-kisba tat-tkabbir ekonomiku u l-benesseri soċjali, il-KESE jappella għal kontroll tal-kompetittività biex jiġu appoġġjati l-intrapriżi, il-ħolqien tal-impjiegi u kundizzjonijiet tax-xogħol aħjar, kif ukoll tkabbir ekonomiku sostenibbli u koeżjoni soċjali.

1.2.

Il-KESE jqis il-kontroll tal-kompetittività bħala approċċ biex jiġi żgurat li l-aspetti tal-kompetittività jitqiesu kif suppost fit-teħid tad-deċiżjonijiet. Dan jirrikjedi għarfien adegwat dwar l-impatti tal-inizjattivi fuq il-kompetittività kif ukoll mod ta’ ħsieb sensittiv għall-kompetittività fit-teħid tad-deċiżjonijiet.

1.3.

Il-KESE jenfasizza li l-kontroll tal-kompetittività għandu jkun parti ewlenija ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet tal-UE bbilanċjat, u għandu jiġi applikat fil-kuntest ta’ kwalunkwe proċess ta’ tfassil ta’ politiki u liġijiet tal-UE. Għandu jkopri inizjattivi leġiżlattivi, leġiżlazzjoni sekondarja, miżuri fiskali, strateġiji u programmi, kif ukoll ftehimiet internazzjonali. Għandu jiġi integrat ukoll fil-proċess tas-Semestru Ewropew, peress li l-politiki tal-Istati Membri huma kruċjali f’dan ir-rigward.

1.4.

Peress li valutazzjoni tal-impatt solida tipprovdi l-bażi fattwali għall-kontroll tal-kompetittività, huwa kruċjali li jiġi żgurat li l-valutazzjoni tal-impatt tal-kompetittività tkun obbligatorja, effettiva u infurzata bis-sħiħ, f’kull stadju tal-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet. Il-KESE japprezza l-Linji Gwida għal Regolamentazzjoni Aħjar u s-Sett ta’ Għodod attwali iżda jirrimarka li, kif enfasizzat mill-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju, hemm ħtieġa ċara għal titjib, speċjalment fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-għodod.

1.5.

Il-KESE jemmen li l-kontroll tal-kompetittività għandu jqis l-impatt fuq in-negozji, l-impjieg, il-kundizzjonijiet tax-xogħol f’diversi livelli, inklużi l-ispejjeż tal-konformità u effetti diretti oħra, l-impatti multiplikaturi fuq il-ktajjen tal-valur, u l-impatti makroekonomiċi konsegwenti tagħhom. F’dan ir-rigward, għandha tingħata attenzjoni lill-pożizzjoni kompetittiva tal-varjetà wiesgħa ta’ intrapriżi f’termini ta’ settur, daqs u mudell tan-negozju, inklużi l-intrapriżi tal-ekonomija soċjali.

1.6.

Il-KESE jaħseb li huwa importanti li jiġu koperti kemm l-impatti pożittivi kif ukoll dawk negattivi fuq il-kompetittività, bl-għan li mhux biss jiġi evitat it-telf fil-kompetittività iżda wkoll tittejjeb il-kompetittività, filwaqt li tingħata attenzjoni speċjali lill-kompetittività fir-rigward tal-iżvilupp ta’ prodotti u servizzi tal-UE li huma kompetittivi fis-suq dinji. Il-kontroll tal-kompetittività jeħtieġ li jqis id-diversità wiesgħa ta’ negozji li jistgħu jiġu affettwati b’modi differenti.

1.7.

Filwaqt li l-fokus ewlieni tal-kontroll tal-kompetittività huwa fuq inizjattivi b’objettivi primarji minbarra kompetittività mtejba, il-KESE jistieden lill-Kummissjoni biex tħejji wkoll aġenda speċifika tal-kompetittività, bl-għan fit-tul prinċipali li tissaħħaħ il-kompetittività tal-UE.

1.8.

Aġenda tal-kompetittività għandha tibni fuq l-ekonomija soċjali tas-suq tal-UE, u tiffoka fuq kwistjonijiet bażiċi bħas-suq uniku u l-kummerċ barrani, l-investiment u l-aċċess għall-finanzjament, is-sistemi tat-taxxa, ir-riċerka u l-innovazzjoni, il-ħiliet u s-swieq tax-xogħol, kif ukoll l-MSMEs u t-tranżizzjoni doppja, filwaqt li jitqies il-qafas ta’ finanzjament sostenibbli u l-kompetittività tkun konsistenti mal-objettivi soċjali u ambjentali. Peress li l-kompetittività għandha wkoll rabtiet ma’ aspetti soċjali u ambjentali u hija kwistjoni li tikkonċerna lil kulħadd, ir-rappreżentanti tal-imsieħba soċjali u atturi oħra tas-soċjetà ċivili jeħtieġ li jkunu involuti mill-qrib fit-tħejjija tal-aġenda, bid-djalogu soċjali jaqdi rwol ewlieni kif deskritt fil-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali.

2.   Sfond

2.1.

Din l-Opinjoni tindirizza t-talba tal-Presidenza Ċeka għal opinjoni esploratorja tal-KESE fil-qasam tal-kompetittività tal-UE u l-aspetti regolatorji tal-leġiżlazzjoni tal-UE għan-negozji tal-UE. It-tema tagħha huwa l-kontroll tal-kompetittività biex nibnu ekonomija tal-UE aktar b’saħħitha u aktar reżiljenti Il-Presidenza tenfasizza l-ħtieġa li titnaqqas id-dipendenza strateġika tal-UE u tiġi żgurata reżiljenza akbar, kif ukoll li jiġu żgurati l-ftuħ għad-dinja esterna u l-kompetittività tan-negozji tal-UE.

2.2.

Il-Gvern Żvediż iddeskriva wkoll il-kompetittività bħala element wieħed tad-direzzjoni politika tal-Presidenza tal-UE li jmiss tal-Iżvezja.

2.3.

Il-KESE diġà talab li jsir kontroll tal-kompetittività fl-Opinjoni tiegħu dwar “Lesti għall-mira ta’ 55 %” (1), li fiha ddikjara li “Fit-tranżizzjoni lejn soċjetà newtrali għall-klima, jeħtieġ li nsegwu mudell li jirriżulta f’ekonomija b’saħħitha. Jekk irridu li l-UE tkun minn ta’ quddiem u tiġi segwita mill-bqija tad-dinja, għandna nimmiraw li nsawru l-mudell li jirnexxi l-aktar – wieħed li huwa ġust u sostenibbli mill-perspettiva ekonomika, soċjali u ambjentali”. Il-KESE ddikjara wkoll li “l-proposti leġiżlattivi kollha mressqa fil-qafas tal-pakkett ‘lesti għall-mira ta’ 55 %’ għandhom ikunu soġġetti għal verifika tal-kompetittività b’konformità mal-prinċipji tal-SDG sabiex l-implikazzjonijiet sħaħ fuq l-intrapriżi jkunu mifhuma sew”. Qabel dan, il-KESE appella għal test tal-kompetittività fl-Opinjoni tiegħu dwar l-Unjoni tas-Swieq Kapitali (2).

2.4.

Ir-rapport tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa talab ukoll li l-inizjattivi ta’ politika ġodda tal-UE għandu jsirilhom kontroll tal-kompetittività biex jiġi analizzat l-impatt tagħhom fuq il-kumpaniji u l-ambjent tan-negozju tagħhom (l-ispejjeż tan-negozju, il-kapaċità għall-innovazzjoni, il-kompetittività internazzjonali, il-kundizzjonijiet ekwi ta’ kompetizzjoni, eċċ.). Talab ukoll li tali kontroll għandu jkun b’konformità mal-Ftehim ta’ Pariġi, mal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli, inkluża l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, u ma għandux jipperikola la l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, soċjali u tal-ħaddiema u lanqas l-istandards ambjentali u tal-protezzjoni tal-konsumatur.

2.5.

Dan l-aħħar, il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen, iddikjarat fid-diskors tagħha (3) li se nintroduċu kontroll standard tal-kompetittività fir-regolamentazzjoni tagħna.

3.   Raġunijiet u ħtieġa għal kontroll tal-kompetittività

3.1.

Il-kompetittività bħala objettiv espliċitu ilha fuq l-aġenda tal-UE f’diversi forom sa mill-Istrateġija ta’ Liżbona tal-2000, segwita mill-Istrateġija Ewropa 2020, l-istrateġija industrijali kif ukoll serje ta’ rapporti dwar il-kompetittività Ewropea u s-suq uniku. Madankollu, matul is-snin, il-kompetizzjoni internazzjonali saret dejjem aktar ħarxa u, fid-dawl tal-isfidi attwali u futuri previsti, huwa ta’ importanza kritika li jinħoloq momentum imġedded biex l-UE ssir aktar kompetittiva. Ir-rispons tal-UE għall-pandemija tal-COVID-19 kien in-Next Generation EU, programm ta’ investiment massiv li jwiegħed li jagħti spinta lill-pożizzjoni kompetittiva globali tal-ekonomija tal-UE, filwaqt li jibni fuq negozji aktar ekoloġiċi u aktar diġitali appoġġjati minn servizzi pubbliċi aktar effiċjenti, infrastruttura msaħħa u suq tax-xogħol dinamiku.

3.2.

Is-sehem tal-Ewropa fl-ekonomija globali ilu jonqos għal xi żmien mhux ħażin. Ġie stmat li, fl-2050, l-UE se tirrappreżenta inqas minn 10 % tal-prodott domestiku gross (PDG) globali, u 85 % tat-tkabbir tal-PDG globali previst se jiġi minn barra l-UE fis-sentejn li ġejjin. Il-prospettiva ta’ tkabbir fqir tal-Ewropa taggrava t-tnaqqis ekonomiku relattiv. Dan ifisser li l-vuċi tal-Ewropa fid-dinja tkun inqas relevanti u jiddgħajfu r-rwol u l-influwenza globali tal-UE fil-kooperazzjoni internazzjonali (4).

3.3.

Il-prospettiva fuq terminu qasir hija fil-biċċa l-kbira relatata mal-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja, li tkompli tolqot ħażin l-ekonomija tal-UE, kif ukoll il-fatt li l-UE għadha qed tirkupra mid-diversi impatti tal-pandemija tal-COVID-19. Il-gwerra poġġiet aktar pressjonijiet ’il fuq fuq il-prezzijiet tal-enerġija u tal-prodotti bażiċi tal-ikel, li qed iwasslu għal pressjonijiet inflazzjonarji globali u jnaqqsu l-kapaċità tal-akkwist tal-unitajiet domestiċi (5). Bi tweġiba għar-rati għoljin tal-inflazzjoni, il-Bank Ċentrali Ewropew għolla r-rati tal-imgħax tal-euro, bħal fil-każ tal-azzjoni li ħa l-Federal Reserve Bank fl-Istati Uniti. Barra minn hekk, it-tkabbir globali li qed jiddgħajjef iwassal għal tnaqqis fid-domanda esterna. Min-naħa tagħhom, l-UE u l-Istati Membri tagħha rreaġixxew billi mmultiplikaw l-appoġġ għall-intrapriżi b’diversi programmi biex jippreservaw il-kompetittività tagħhom f’perspettiva ekonomika fqira u instabbli ħafna.

3.4.

Minbarra s-sitwazzjoni bla preċedent ikkawżata mill-pandemija u l-gwerra, l-Ewropa qed tiffaċċja trasformazzjoni strutturali storika, xprunata mill-iżviluppi ġeopolitiċi, it-tibdil demografiku, id-diġitalizzazzjoni u t-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari u newtrali għall-klima. Dan qed jagħti sura ġdida lis-swieq u qed jaċċellera l-kompetizzjoni fir-rigward tal-fatturi tal-produzzjoni. Is-suċċess fit-trasformazzjoni fl-aħħar mill-aħħar jiddependi minn kemm tiffunzjona tajjeb l-ekonomija ġenerali. Huwa biss billi tkun mexxejja dinjija fl-innovazzjoni u s-sostenibbiltà li l-Ewropa se tkun tista’ tikkompeti b’suċċess globalment, u b’hekk twassal għall-prosperità meħtieġa.

3.5.

Għandha tiġi nnotata d-distinzjoni bejn il-kompetittività fis-suq intern u dak globali. L-ewwel waħda tinkludi l-kompetizzjoni fuq termini ugwali, l-armonizzazzjoni tar-regoli, u t-tneħħija tal-ostakli (6). Dik tal-aħħar timplika kundizzjonijiet favorevoli u prodotti u servizzi aħjar u aktar aċċessibbli f’kompetizzjoni ma’ kompetituri barra mill-UE. Suq intern li jiffunzjona tajjeb jikkontribwixxi wkoll għal kundizzjonijiet aħjar għall-kompetittività globali.

3.6.

Huwa importanti li jinstab bilanċ bejn l-objettivi ta’ politiki differenti. Madankollu, għandu jkun hemm enfasi akbar fuq il-ħolqien ta’ sitwazzjonijiet ta’ benefiċċju għal kulħadd, meta jitqies li n-negozji kompetittivi jipprovdu benefiċċji għall-ekonomija u s-soċjetà kollha kemm hi u li ekonomija soda u soċjetà stabbli jsaħħu r-reżiljenza u jikkontribwixxu għal ambjent tan-negozju kompetittiv.

3.7.

Huwa ċar ukoll li l-UE jeħtieġ li ssaħħaħ il-pożizzjoni u l-influwenza internazzjonali tagħha fit-tranżizzjoni doppja ekoloġika u diġitali. Pożizzjoni aktar b’saħħitha fl-iżvilupp u l-adozzjoni tat-teknoloġiji diġitali mhijiex biss kwistjoni ta’ kompetittività ekonomika iżda tikkonċerna wkoll is-sigurtà u r-rwol ġeopolitiku tal-UE. Hija wkoll prerekwiżit għall-UE biex tkun f’pożizzjoni li tistabbilixxi standards dinjija, pereżempju f’IA affidabbli.

3.8.

Il-ħtieġa għal influwenza globali aktar b’saħħitha tgħodd ukoll għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima. Dan jeħtieġ kemm influwenza diplomatika konsiderevoli kif ukoll kompetittività b’saħħitha f’termini ta’ kosteffettività, innovazzjoni, ħiliet u provvista ta’ prodotti, teknoloġiji u soluzzjonijiet b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju għas-swieq globali. Żvilupp pożittiv huwa li għadd ta’ kumpaniji tal-UE diġà qed jallinjaw l-investimenti mal-objettivi ambjentali u soċjali kif jixhed l-użu dejjem jiżdied tal-prodotti ESG fis-swieq finanzjarji globali u Ewropej. L-UE qed tiżviluppa qafas sħiħ għall-finanzi sostenibbli li għandu jipprovdi aktar trasparenza u spazju għall-prodotti ESG, u jkun konformi mas-sostenibbiltà ġenerali.

3.9.

Meta titqies l-importanza ta’ ekonomija b’saħħitha b’negozji kompetittivi biex jinħolqu l-prosperità u benesseri fl-Ewropa, kif ukoll soluzzjonijiet sostenibbli għall-problemi klimatiċi u ambjentali, huwa essenzjali li n-negozji tal-UE jingħataw ambjent favorevoli għall-innovazzjoni, l-investiment u l-kummerċ. Peress li ħafna elementi tal-ambjent tan-negozju huma determinati mill-qafas politiku, regolatorju u fiskali, dawk li jfasslu l-politika jeħtieġ li jiżguraw li dan il-qafas jappoġġja l-kompetittività tal-intrapriżi u, konsegwentement, l-ekonomija u s-soċjetà ġenerali.

4.   Elementi tal-kontroll tal-kompetittività

4.1.

Peress li ma hemm l-ebda definizzjoni unika jew universali tal-kompetittività, il-kontenut tal-kontroll tal-kompetittività jiddependi mill-ambitu u l-perspettiva applikabbli. It-talba tal-Presidenza Ċeka tirreferi b’mod espliċitu għall-kompetittività tan-negozji tal-UE, bl-għan li tinbena ekonomija tal-UE aktar b’saħħitha u aktar reżiljenti.

4.2.

Il-kompetittività tan-negozji tista’ tiġi deskritta bħala l-kapaċità tagħhom li jirnexxu fis-suq b’mod profittabbli, li joħloq valur għalihom infushom u għas-soċjetà inġenerali. Għal darb’ oħra dan jiddependi mid-disponibbiltà tal-fatturi ta’ produzzjoni (forza tax-xogħol bil-ħiliet, enerġija u materja prima, kapital, data), l-ispejjeż globali tal-produzzjoni, id-domanda u s-swieq għall-prodotti, u l-kapaċità tal-intrapriżi li jinnovaw u jaħtfu l-opportunitajiet u fl-istess ħin jissaħħaħ il-mudell tal-UE tal-ekonomija soċjali tas-suq.

4.3.

L-ekonomija soċjali tas-suq unika tal-UE, flimkien ma’ governanza makroekonomika soda, riċerka u innovazzjoni, djalogu soċjali, involviment tas-soċjetà ċivili, kif ukoll edukazzjoni komprensiva, forza tax-xogħol motivata b’impjiegi stabbli, sistemi tas-saħħa u soċjali, settur tal-ekonomija soċjali li jirnexxi u investituri sostenibbli, jikkostitwixxu assi essenzjali li wieħed jista’ jibni fuqhom fil-ħidma għal kompetittività aħjar. Minħabba l-isfidi attwali u previsti għall-futur, il-KESE jappella għal kontroll tal-kompetittività biex jiġu appoġġjati l-intrapriżi, il-ħolqien tal-impjiegi u kundizzjonijiet tax-xogħol aħjar, it-tkabbir ekonomiku sostenibbli u l-koeżjoni soċjali.

4.4.

Il-KESE jqis il-kontroll tal-kompetittività bħala approċċ biex jiġi żgurat li l-aspetti tal-kompetittività jitqiesu kif suppost fit-teħid tad-deċiżjonijiet. Dan jirrikjedi fehim ta’ kif l-inizjattivi se jaffettwaw il-kompetittività kif ukoll mod ta’ ħsieb sensittiv għall-kompetittività fit-teħid tad-deċiżjonijiet. Il-kontroll tal-kompetittività għalhekk jikkonsisti f’żewġ livelli:

livell ta’ valutazzjoni tal-impatt (livell “tekniku”), jiġifieri dwar il-valutazzjoni ta’ diversi modi kif l-inizjattivi ta’ politika u regolatorji jaffettwaw il-kompetittività;

livell ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet (livell politiku), jiġifieri dwar l-għoti tal-attenzjoni dovuta lill-kompetittività u l-għoti tal-importanza mistħoqqa fit-tfassil ta’ inizjattivi ġodda, fuq il-bażi tal-mudell tal-UE tal-ekonomija soċjali tas-suq.

4.5.

Il-KESE jemmen li huwa importanti li l-kontroll tal-kompetittività jkun komprensiv kemm jista’ jkun meta jitqiesu l-impatti fuq in-negozji u l-ktajjen tal-provvista, l-impjieg u l-kundizzjonijiet tax-xogħol, kif ukoll l-impatti makroekonomiċi konsegwenti tagħhom. Verifika robusta tal-kompetittività għall-inizjattivi ġodda kollha għandha sservi bħala miżura ta’ kontroll biex jiġi żgurat li l-proposti jappoġġjaw aktar kompetittività, aktar impjiegi u tkabbir sostenibbli.

5.   Il-valutazzjoni tal-impatt bħala l-pedament tal-kontroll tal-kompetittività

5.1.

Il-kontroll tal-kompetittività għandu jkun ibbażat fuq informazzjoni solida dwar l-impatti ta’ inizjattivi ta’ politika u regolatorji f’diversi livelli, inklużi l-ispejjeż ta’ konformità, il-faċilità ta’ aċċess għas-swieq u effetti diretti oħra fuq in-negozji. Ta’ importanza partikolari huma l-impatti multiplikaturi fil-ktajjen tal-valur, bħall-impatti fuq id-disponibbiltà tal-enerġija u tal-materja prima. Il-kontroll tal-kompetittività għandu jkopri wkoll l-impatti konsegwenti fuq l-impjiegi, l-investiment, l-innovazzjoni, il-produttività, l-aspetti ta’ litigazzjoni, il-funzjonament tas-suq uniku, il-kummerċ barrani, u l-mudell soċjali Ewropew u t-tkabbir sostenibbli b’mod ġenerali.

5.2.

Il-Linji Gwida għal Regolamentazzjoni Aħjar attwali u s-Sett ta’ Għodod stabbiliti fil-kuntest tal-aġenda għal Regolamentazzjoni Aħjar tal-Kummissjoni Ewropea diġà jirrikjedu li l-inizjattivi li huma mistennija li jkollhom impatti ekonomiċi, soċjali jew ambjentali sinifikanti jkunu akkumpanjati minn valutazzjonijiet tal-impatt. Ir-rapport tal-valutazzjoni tal-impatt irid jinkludi deskrizzjoni tal-impatti ambjentali, soċjali u ekonomiċi, inklużi l-impatti fuq l-SMEs u l-kompetittività. Il-KESE jappella għal rappurtar komprensiv dwar l-impatti tal-kompetittività fuq id-diversità wiesgħa tan-negozji f’termini ta’ settur, daqs u mudell tan-negozju, inklużi l-intrapriżi tal-ekonomija soċjali.

5.3.

Il-KESE japprezza l-kontenut tas-sett ta’ għodod attwali u jinnota li f’dokument ta’ ħidma tal-OECD, l-għodda tal-kompetittività tal-Kummissjoni Ewropea ssemmiet bħala l-aktar dokument komprensiv eżistenti għall-valutazzjoni tal-impatti regolatorji fuq il-kompetittività (7) Madankollu, hemm ukoll ħtieġa ċara għal titjib, speċjalment fir-rigward tal-implimentazzjoni u l-infurzar tal-għodod.

5.4.

Skont il-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju, l-analiżi tal-impatt spiss ma ġietx żviluppata biżżejjed, b’ċerti impatti sinifikanti li ma ġewx ivvalutati biżżejjed. Kif deskritt fir-Rapport Annwali tiegħu tal-2021 (8), il-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju spiss talab għal aktar analiżi tal-impatti fuq il-konsumaturi, il-kompetittività, l-innovazzjoni, l-Istati Membri u l-SMEs. Ta’ spiss talab ukoll għal aktar kwantifikazzjoni, b’mod partikolari tal-ispejjeż u l-iffrankar amministrattivi. Fir-rapport Annwali tiegħu tal-2020 (9), il-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju ta’ spiss irrefera għal nuqqas ta’ analiżi tal-kompetittività (ħafna drabi relatata ma’ analiżi insuffiċjenti tal-ispejjeż), l-impatti fuq l-SMEs u l-impatti fuq is-soċjetà.

5.5.

Għalhekk, il-KESE jenfasizza l-ħtieġa li l-valutazzjonijiet tal-impatt jiffukaw aktar fuq il-kompetittività biex jiġi żgurat li jkunu bbilanċjati kif xieraq. Il-Kumitat jaħseb ukoll li huwa importanti li d-diversi partijiet tas-sett ta’ għodod relatati mal-kompetittività, inklużi dawk li jirrigwardaw il-kompetittività settorjali, l-SMEs, l-innovazzjoni, il-kompetizzjoni, is-suq intern, il-kummerċ u l-investiment, jiġu kkunsidrati b’mod integrat.

5.6.

Il-kontroll tal-kompetittività jeħtieġ li jqis id-diversità wiesgħa ta’ negozji li jistgħu jiġu affettwati b’modi għal kollox differenti. Għalhekk, il-KESE jappella għal valutazzjoni adatta tal-impatti fuq diversi setturi u ekosistemi tan-negozju, fuq intrapriżi ta’ daqsijiet differenti (inklużi l-MSMEs), fuq intrapriżi li joperaw f’partijiet differenti tal-ktajjen tal-valur u fi swieq u postijiet ġeografiċi differenti, u fuq intrapriżi b’mudelli ta’ negozju differenti, inklużi korporazzjonijiet, kooperattivi u intrapriżi tal-ekonomija soċjali.

5.7.

Il-KESE jitlob li tingħata attenzjoni speċifika lill-kompetittività internazzjonali tan-negozji tal-UE, li hija partikolarment importanti mill-perspettiva tal-awtonomija strateġika miftuħa tal-UE u l-opportunitajiet ta’ esportazzjoni.

5.8.

Il-KESE jenfasizza li l-valutazzjoni tal-impatti tal-kompetittività m’għandhiex tkun limitata għall-impatti ta’ xi inizjattiva partikolari b’mod iżolat iżda għandha tqis ukoll il-piż kumulattiv, speċjalment l-ispejjeż ta’ konformità, tal-leġiżlazzjoni jew miżuri oħra li jaffettwaw l-istess atturi. Barra minn hekk, il-valutazzjoni għandha tkopri kemm l-impatti fuq terminu qasir kif ukoll dawk fit-tul, inkluż f’diversi xenarji ta’ prospettiva. Biex tinstab l-aħjar opzjoni ta’ politika, jeħtieġ ukoll li jiġi vvalutat l-impatt tal-kompetittività ta’ opzjonijiet alternattivi u li dawn jiġu spjegati b’mod komprensiv. Huwa importanti wkoll li l-valutazzjoni tal-impatt fuq il-kompetittività tiffoka aktar fuq data kwantitattiva u telabora dwarha.

5.9.

Il-KESE jappella għal valutazzjoni u evidenza robusti kemm tal-impatti pożittivi kif ukoll ta’ dawk negattivi fuq il-kompetittività. L-għan m’għandux ikun biss li jiġi evitat it-telf fil-kompetittività, iżda wkoll li jsir sforz għal għan aktar ambizzjuż li tittejjeb il-kompetittività ġenerali tal-ekonomija soċjali tas-suq Ewropea biex tiffavorixxi tkabbir robust, sostenibbli u inklużiv.

5.10.

Il-KESE jemmen ukoll li huwa importanti li ssir analiżi minn perspettiva komprensiva tal-kompetittività fir-rigward tas-sostenibbiltà. Is-sostenibbiltà ambjentali hija marbuta mal-kompetittività tan-negozju, mhux biss bħala fattur tal-kostijiet iżda minħabba li diversi atturi tas-suq, inklużi l-klijenti, l-investituri u l-finanzjaturi jistennew prestazzjoni ambjentali tajba. L-istess japplika għas-sostenibbiltà soċjali, inkluż ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u d-drittijiet tax-xogħol. F’dan il-proċess, diversi aspetti jeħtieġ li jiġu rikonċiljati, inklużi l-avvanzi teknoloġiċi, l-ispejjeż u l-aċċettazzjoni tas-soċjetà, fost l-oħrajn.

5.11.

Peress li l-valutazzjoni tal-impatti fuq il-kompetittività hija l-bażi fattwali għall-kontroll tal-kompetittività, il-KESE jqis li huwa kruċjali li jiġi żgurat li l-valutazzjoni tal-impatt tal-kompetittività tkun obbligatorja, effettiva u implimentata u infurzata bis-sħiħ. Għandha tiġi aġġornata wkoll matul il-proċess tat-tfassil tal-liġijiet f’każ li jsiru bidliet sostanzjali. Fl-istess ħin, il-KESE jenfasizza li biex jitwettqu l-valutazzjonijiet huma meħtieġa riżorsi adegwati u l-ħiliet it-tajba. Il-KESE jirrakkomanda wkoll valutazzjoni komparattiva regolari tal-prattiki tal-pajjiżi kompetituri.

5.12.

Il-kontroll tal-kompetittività għandu wkoll jagħmel użu sħiħ minn għodod eżistenti oħra bħall-kontrolli tal-idoneità, il-programm REFIT u l-pjattaforma Fit for Future. Dawn huma ta’ importanza partikolari għall-valutazzjoni tal-impatti kumulattivi ta’ diversi inizjattivi.

6.   Kontroll tal-kompetittività bħala parti mit-teħid ta’ deċiżjonijiet

6.1.

Il-KESE jqis li l-kontroll tal-kompetittività għandu jkun parti ewlenija mit-teħid ta’ deċiżjonijiet ibbilanċjat u għandu jiġi applikat fil-kuntest ta’ kwalunkwe tip ta’ politika jew proċess tat-tfassil tal-liġijiet tal-UE, filwaqt li jkopri wkoll l-istrateġiji u l-programmi tal-UE, id-dispożizzjonijiet baġitarji u fiskali, il-leġiżlazzjoni sekondarja, u l-ftehimiet internazzjonali. Barra minn hekk, għandu jiġi applikat għall-proċess tas-Semestru Ewropew, peress li l-politiki tal-Istati Membri huma kruċjali f’dan ir-rigward.

6.2.

Filwaqt li l-fokus ewlieni tal-kontroll tal-kompetittività huwa fuq inizjattivi b’objettivi primarji minbarra kompetittività mtejba, il-KESE jistieden lill-Kummissjoni biex tħejji wkoll aġenda speċifika tal-kompetittività, bl-għan fit-tul li tissaħħaħ il-kompetittività tal-UE.

6.3.

L-aġenda tal-kompetittività għandha tiffoka fuq il-perspettiva fit-tul u tagħti attenzjoni lil kwistjonijiet bażiċi bħal: l-iżvilupp tas-suq uniku u t-tnaqqis tal-ostakli tas-suq; it-tisħiħ tal-investiment u l-aċċess għall-finanzi u l-finanzjament, inkluż l-investiment b’perspettiva tal-ġeneru; l-iffaċilitar tal-kummerċ barrani u l-kooperazzjoni esterna; il-promozzjoni tal-innovazzjoni, it-talent ta’ livell għoli u l-eċċellenza fir-riċerka; it-tisħiħ tal-ħiliet permezz tal-edukazzjoni, it-taħriġ vokazzjonali u t-tagħlim tul il-ħajja; ħidma biex is-swieq tax-xogħol isiru aktar inklużivi u biex il-kundizzjonijiet tax-xogħol jittejbu; ħidma biex jitħaffu l-proċeduri tal-permessi, biex jitnaqqsu l-burokrazija u l-ispejjeż tal-konformità u biex is-sistemi tat-taxxa jsiru aktar inkoraġġanti. Għandha wkoll tawtonomizza lill-mudelli ta’ negozju li jallinjaw il-kompetittività mal-objettivi soċjali u ambjentali kif jiġri għall-kumpaniji u l-organizzazzjonijiet li jadottaw kriterji ESG għall-investimenti tagħhom.

6.4.

It-tisħiħ tal-MSMEs u t-tisħiħ tat-tranżizzjoni doppja ekoloġika u diġitali għandhom ikunu partijiet essenzjali tal-aġenda wkoll. Barra minn hekk, għandha tingħata l-attenzjoni dovuta lill-kapaċitajiet tal-Istati Membri, id-differenzi u l-kooperazzjoni meħtieġa bejn l-Istati Membri, kif ukoll lill-eżegwibbiltà tal-inizjattivi u l-monitoraġġ regolari tal-implimentazzjoni u r-riżultati tal-aġenda. Il-KESE jenfasizza wkoll ir-rwol ewlieni tad-djalogu soċjali kif deskritt fil-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali.

6.5.

Fir-rigward tal-miżuri fuq terminu qasir, il-KESE japprezza l-adattament rapidu tal-politika tal-kompetizzjoni tal-UE għall-pandemija tal-COVID-19 u għall-gwerra fl-Ukrajna u l-implikazzjonijiet ekonomiċi tagħhom (10). Il-flessibbiltà fl-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, għalkemm ta’ natura eċċezzjonali u temporanja, kienet kruċjali biex tippermetti s-sopravivenza tal-kumpaniji tal-UE fi żminijiet diffiċli ħafna, biex b’hekk tiġi ppreservata l-kompetittività miksuba mill-kumpaniji Ewropej permezz tal-innovazzjoni u l-produttività.

6.6.

Kompetizzjoni soda u ġusta kemm internament kif ukoll fir-rigward ta’ kompetituri barranin hija wkoll tal-akbar importanza. Il-Kumitat japprezza l-ħidma li għaddejja bl-għan li r-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għas-servizzi tas-saħħa u dawk soċjali ta’ interess ekonomiku ġenerali (SIEĠ) isiru aktar effiċjenti, sabiex in-nies fil-livell lokali jingħataw kwalità u aċċessibbiltà aħjar għal dawn is-servizzi (11).

6.7.

Il-KESE jilqa’ wkoll b’mod ġenerali l-inizjattiva tal-Kummissjoni dwar Regolament dwar sussidji barranin li joħolqu distorsjoni fis-suq intern, peress li għandha l-għan li tevita distorsjonijiet li jħallu impatt fuq il-funzjonament tas-suq uniku, u b’hekk tiżgura kundizzjonijiet ekwi ta’ kompetizzjoni fir-rigward tal-kompetituri barranin (12).

6.8.

L-aġenda tal-kompetittività tkun il-pass li jmiss biex twieġeb għall-objettiv bażiku tat-talba mill-Presidenza Ċeka, jiġifieri li tinbena ekonomija tal-UE aktar b’saħħitha u aktar reżiljenti. Konsegwentement, din se tikkontribwixxi għall-benesseri taċ-ċittadini tal-UE kif ukoll għall-kisba ta’ ekonomija ċirkolari u newtrali għall-klima. Peress li l-kompetittività hija kwistjoni li tikkonċerna lil kulħadd, ir-rappreżentanti tal-imsieħba soċjali u atturi oħra tas-soċjetà ċivili jeħtieġ li jkunu involuti mill-qrib fit-tħejjija tal-aġenda.

Brussell, l-14 ta’ Diċembru 2022.

Christa SCHWENG

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


(1)  L-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: “Lesti għall-mira ta’ 55 %”: Nilħqu l-mira klimatika tal-UE għall-2030 fi triqitna lejn in-newtralità klimatika (COM(2021) 550 final) (ĠU C 275, 18.7.2022, p. 101).

(2)  L-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Unjoni tas-Swieq Kapitali għall-persuni u n-negozji — pjan ta' azzjoni ġdid” (COM(2020) 590 final) (ĠU C 155, 30.4.2021, p. 20).

(3)  Diskors mill-President von der Leyen fil-Plenarja tal-Parlament Ewropew dwar it-tħejjija tal-laqgħa tal-Kunsill Ewropew tal-20 u l-21 ta’ Ottubru 2022.

(4)  Achtung Europa, ECIPE 2021.

(5)  Tbassir Ekonomiku tas-Sajf 2022.

(6)  L-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-kost tan-non-Ewropa — il-benefiċċji tas-suq uniku” (opinjoni esploratorja) (ĠU C 443, 22.11.2022, p. 51).

(7)  How do laws and regulations affect competitiveness (Kif il-liġijiet u r-regolamenti jaffettwaw il-kompetittività [mhux disponibbli bil-Malti]), OECD 2021.

(8)  Bord tal-Iskrutinju Regolatorju, Rapport Annwali, 2021.

(9)  Bord tal-Iskrutinju Regolatorju, Rapport Annwali, 2020.

(10)  L-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Politika ta’ kompetizzjoni lesta għal sfidi ġodda” (COM(2021) 713 final) (ĠU C 323, 26.8.2022, p. 34).

(11)  L-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Ir-Regoli dwar l-għajnuna mill-Istat applikabbli għas-servizzi tas-saħħa u s-servizzi soċjali: is-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali f’xenarju postpandemiku. Ħsibijiet u proposti dwar l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni biex jiġi emendat il-Pakkett Leġiżlattiv tal-2012” (Opinjoni fuq inizjattiva proprja) (ĠU C 323, 26.8.2022, p. 8).

(12)  L-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar sussidji barranin li joħolqu distorsjoni fis-suq intern” (COM(2021) 223 final — 2021/0114 (COD)) (ĠU C 105, 4.3.2022, p. 87).