16.3.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 100/132


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Analiżi tad-Diskrepanzi fl-Investimenti fid-Difiża u u l-Approċċ Futur”

(JOIN(2022) 24 final)

(2023/C 100/20)

Relatur:

Panagiotis GKOFAS

Korelatur:

Jan PIE

Konsultazzjoni

Kummissjoni Ewropea, 28.6.2022

Bażi legali

Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

Kummissjoni Konsultattiva dwar il-Bidliet Industrijali

Adozzjoni fis-sezzjoni

11.11.2022

Adozzjoni fil-plenarja

14.12.2022

Sessjoni plenarja Nru

574

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

202/6/4

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-KESE jappoġġja l-inizjattivi proposti fil-Komunikazzjoni Konġunta dwar l-Analiżi tad-Diskrepanzi fl-Investimenti fid-Difiża u l-Approċċ Futur. Il-Komunikazzjoni Konġunta hija pass importanti lejn it-trawwim tal-kooperazzjoni fil-qasam tad-difiża bejn l-Istati Membri, li hija meħtieġa biex jitnaqqsu d-duplikazzjonijiet għaljin tal-kapaċitajiet militari u tiġi evitata l-frammentazzjoni tas-suq tad-difiża tal-UE. Il-KESE jenfasizza l-punti ewlenin li ġejjin tal-Opinjoni.

1.1.1.

Strateġija tal-industrija tad-difiża tal-UE għandha tirriżulta minn politika Ewropea b’saħħitha dwar id-difiża u s-sigurtà.

1.1.2.

Volumi baxxi ta’ investiment u nuqqas ta’ koordinazzjoni bejn l-Istati Membri fir-riċerka u l-iżvilupp, il-produzzjoni u l-akkwist, joħolqu lakuni fil-kapaċità u jifframmentaw il-bażi industrijali u teknoloġika tad-difiża Ewropea (EDTIB).

1.1.3.

Il-KESE jappoġġja l-miżuri konkreti proposti mill-Kummissjoni Ewropea — l-Att dwar it-Tisħiħ tal-Industrija Ewropea tad-Difiża permezz tal-Akkwist Komuni (EDIRPA) u l-Programm Ewropew għall-Investiment fil-Qasam tad-Difiża (EDIP) — u jappella għal aktar koordinazzjoni bejn l-Istati Membri dwar il-politiki tad-difiża u l-akkwist fil-livell tal-UE.

1.1.4.

Il-baġits tad-difiża nazzjonali għandhom jiġu rieżaminati sabiex kull sena tiġi prevista l-kwota li tiġi allokata għall-konsolidazzjoni tal-investimenti Ewropej komuni fid-difiża. B’dan il-mod, huma se jikkontribwixxu għall-valutazzjoni tal-bażi finanzjarja għal azzjonijiet koordinati konkreti tal-UE li huma ddedikati biex jagħtu spinta lill-kapaċitajiet ta’ difiża Ewropej.

1.1.5.

Għandu jkun hemm enfasi speċjali fuq forom moderni ta’ gwerra (bħal attakki ċibernetiċi, gwerer diġitali u propaganda ta’ aħbarijiet foloz).

1.1.6.

Il-Parlament Ewropew jeħtieġlu jiżviluppa mekkaniżmu ta’ monitoraġġ għall-implimentazzjoni tal-politika Ewropea tad-difiża (kuntratti, akkwist, investiment), u jeħtieġlu jikseb l-għodod tekniċi u istituzzjonali adatti biex jagħmel dan.

1.1.7.

Il-Kummissjoni Ewropea hija mħeġġa tippreżenta proposta ambizzjuża li tmur lil hinn minn eżenzjoni possibbli tal-VAT u tinkludi miżuri b’saħħithom biex tgħin lill-industrija taġġusta għal sfidi strateġiċi ġodda.

1.2.

Il-KESE jaqbel mal-valutazzjoni tal-Komunikazzjoni Konġunta dwar id-diskrepanzi fl-investimenti fid-difiża fl-Unjoni Ewropea. Dan in-nuqqas ta’ investiment dgħajjef is-sigurtà tal-Ewropa, dgħajjef lin-NATO u dgħajjef il-pożizzjoni tal-Unjoni vis-à-vis setgħat globali oħra. Fl-istess ħin, għad hemm lakuni fl-investiment fid-difiża fl-Unjoni Ewropea. Dan imur kontra l-prinċipju ta’ solidarjetà bejn l-Istati Membri u jsaħħaħ is-setgħat politiċi ċentrifugi li jfixklu l-isforzi għall-iżvilupp ta’ kultura ta’ sigurtà komuni u politika ta’ difiża komuni fl-Ewropa.

1.3.

Il-KESE jilqa’ t-tħabbira ta’ diversi Stati Membri li jżidu l-baġits tad-difiża tagħhom, u jistedinhom iżommu mal-impenn tagħhom li mhux biss jinvestu aktar, iżda wkoll b’mod aħjar, u jindrizzaw il-ħtieġa li tiġi approfondita s-solidarjetà taċ-ċittadini Ewropej u l-kutura ta’ tħejjija għal sitwazzjoni urġenti. Huwa ta’ importanza kbira li jiġu kkoordinati l-isforzi tad-difiża nazzjonali fil-livell Ewropew biex jiġi żgurat li ma tiġix ikkawżata ħsara kollaterali lill-inizjattivi reċenti tal-UE u li ma joħonqux proġetti Ewropej tal-iżvilupp li jinsabu għaddejjin jew li huma ppjanati. Din iż-żieda fil-koordinazzjoni Ewropea għandha titqies bħala mod kif jissaħħu wkoll il-kapaċitajiet ġenerali tan-NATO. Il-KESE jappoġġja l-idea li jittejjeb il-qafas Ewropew għall-kooperazzjoni fil-qasam tad-difiża, speċjalment permezz tal-akkwist konġunt. F’dan ir-rigward, il-KESE jappoġġja bis-sħiħ l-istabbiliment immedjat tat-Task Force ta’ Akkwist Konġunt għad-Difiża bħala mezz biex jiġu kkoordinati r-reazzjonijiet tal-Istati Membri għal eżiġenzi urġenti immedjati — b’mod partikolari riforniment tal-ħażniet — fil-livell tal-UE.

1.4.

Il-KESE jappella għal aktar esplorazzjoni teknika dwar kif tista’ tinkiseb interfaċċa Ewropea li tottimizza l-output tan-nefqa nazzjonali għad-difiża fil-livell tal-UE.

1.5.

Il-KESE jilqa’ l-proposta ta’ strument għal żmien qasir ta’ EUR 500 miljun fuq sentejn (2022-2024) biex jinċentiva l-akkwist konġunt. Fuq il-bażi tal-ħidma tat-Task Force ta’ Akkwist Konġunt għad-Difiża, l-istrument jista’ jgħin biex tiġi strutturata u kkoordinata d-domanda attwali għall-prodotti tad-difiża meħtieġa b’mod urġenti u jiġu evitati effetti ta’ esklużjoni.

1.6.

Il-KESE jilqa’ wkoll it-tħabbira ta’ Programm Ewropew għall-Investiment fil-Qasam tad-Difiża (EDIP) għal proġetti ta’ difiża żviluppati b’mod konġunt, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tippreżenta malajr proposta ambizzjuża li tmur lil hinn minn eżenzjoni possibbli mill-VAT u li tinkludi miżuri b’saħħithom biex jgħinu lill-industrija taġġusta għal sfidi strateġiċi ġodda. L-Unjoni Ewropea jeħtieġ li tiżviluppa inizjattivi ta’ investiment li jippermettu l-kooperazzjoni tal-industrija permezz ta’ negozji ġodda u SMEs (skont is-“Small Business Act” tal-UE), u tuża bis-sħiħ il-persunal b’livell għoli ta’ ħiliet tas-settur tad-difiża, filwaqt li taġġorna u toħloq ħiliet ġodda permezz ta’ programmi speċifiċi ta’ riċerka u żvilupp, u proġetti Ewropej li jippermettu lill-industriji nazzjonali biex jikkollaboraw.

1.7.

Il-KESE jilqa’ t-tħabbira tal-Kummissjoni li se tippreżenta inizjattiva dwar il-materja prima kritika, li tinkludi miżuri leġiżlattivi, biex tissaħħaħ ir-reżiljenza tal-UE u s-sigurtà tal-provvista fir-rigward tal-materja prima kritika. Il-KESE jemmen li din l-inizjattiva trid tqis l-importanza strateġika tas-settur tad-difiża.

1.8.

L-integrazzjoni ta’ politika ta’ difiża komuni tippermetti innovazzjoni industrijali aktar awtonoma, effetti konsegwenzjali aktar teknoloġiċi bejn is-setturi militari u ċivili, u politiki tal-UE dwar id-difiża u l-enerġija aktar effettivi u indipendenti.

1.9.

Il-KESE jirrikonoxxi l-importanza li tinbena rabta b’saħħitha maċ-ċibersigurtà li se tindirizza gwerra ibrida ġdida. Minħabba r-rwol tagħha biex tindirizza gwerra ibrida ġdida, hija għandha tkun punt fokali ewlieni għall-investimenti futuri fiċ-ċibersigurtà.

1.10.

Il-KESE jemmen li l-Komunikazzjoni Konġunta ma tipprovdix gwida strateġika biżżejjed biex il-Bażi Industrijali u Teknoloġika tad-Difiża Ewropea (EDTIB) tiġi żviluppata aktar. Bi tweġiba għall-isfidi l-ġodda għas-sigurtà li jheddu l-qafas Ewropew ta’ solidarjetà, hija meħtieġa strateġija industrijali tad-difiża Ewropea komprensiva li tallinja l-miżuri kollha tal-politika industrijali lejn it-tisħiħ tal-prestazzjoni tal-EDTIB fuq il-funzjonijiet ewlenin tagħha. F’dan ir-rigward, il-Komunikazzjoni Konġunta hija biss pass wieħed fid-direzzjoni t-tajba.

1.11.

Il-KESE jirrakkomanda l-ħolqien ta’ kumitat xjentifiku/aġenzija xjentifika, taħt is-superviżjoni politika tal-Parlament Ewropew, li jimmonitorjaw u jivvalutaw b’mod kontinwu l-aspetti ewlenin tal-investiment fid-difiża, u jipprovdu gwida għall-allokazzjoni effiċjenti tar-riżorsi finanzjarji u militari. Ir-riżultati u r-rakkomandazzjonijiet għandhom ikunu disponibbli għal kull Stat Membru.

1.12.

Il-KESE jemmen li s-settur Ewropew tad-Difiża jista’ jinċentiva sinerġiji u kooperazzjoni bejn ħafna setturi ekonomiċi, atturi u partijiet interessati. Għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-SMEs f’konformità mal-Att dwar in-Negozji ż-Żgħar.

2.   Sfond

2.1.

Fil-laqgħa f’Versailles f’Marzu 2022, il-Kapijiet ta’Stat jew ta’ Gvern tal-UE esprimew l-impenn tagħhom li jagħtu spinta lill-kapaċitajiet tad-difiża Ewropej fid-dawl tal-aggressjoni militari Russa kontra l-Ukrajna. Huma impenjaw ruħhom li 1) iżidu n-nefqa fid-difiża; 2) isaħħu l-kooperazzjoni permezz ta’ proġetti konġunti; 3) jimmitigaw il-lakuni u jilħqu l-objettivi b’rabta mal-kapaċitajiet; 4) jagħtu spinta lill-innovazzjoni, inkluż permezz ta’ sinerġiji ċivili/militari; u 5) isaħħu u jiżviluppaw l-industrija tad-difiża tagħna, inklużi l-SMEs.

2.2.

Barra minn hekk, il-Kapijiet ta’ Stat jew ta’ Gvern tal-UE stiednu lill-Kummissjoni Ewropea biex, f’koordinazzjoni mal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża, “tippreżenta analiżi tad-diskrepanzi fl-investiment fid-difiża sa nofs Mejju u tipproponi kwalunkwe inizjattiva oħra meħtieġa biex tissaħħaħ il-bażi industrijali u teknoloġika tad-difiża Ewropea”.

2.3.

Bi tweġiba għal dan, il-Kummissjoni Ewropea u r-Rappreżentant Għoli/il-Kap tal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża (EDA) ippreżentaw lill-Kunsill Ewropew sett ta’ azzjonijiet u rakkomandazzjonijiet bl-għan li jiġi żgurat li ż-żidiet imħabbra fin-nefqa fid-difiża mill-Istati Membri ma jwasslux għal aktar frammentazzjoni tas-settur tad-difiża Ewropew, u li dawn jirriżultaw f’bażi teknoloġika u industrijali tad-difiża tal-UE aktar b’saħħitha. Dawn ir-rakkomandazzjonijiet jinkludu, b’mod partikolari, miżuri li jrawmu l-akkwist konġunt, jaġġornaw il-programmazzjoni tad-difiża u jżidu l-kapaċitajiet ta’ manifattura. Qed issir ukoll referenza speċjali għat-tisħiħ tal-opportunitajiet ta’ finanzjament għas-settur tad-difiża.

2.4.

Ir-rakkomandazzjonijiet tal-Komunikazzjoni Konġunta huma bbażati fuq valutazzjoni tad-diskrepanzi attwali fl-investimenti u fil-kapaċità. Minkejja ż-żieda fin-nefqa fid-difiża Ewropea fl-2020, 11 % biss tal-investimenti ntefqu b’mod kollaborattiv — ħafna inqas mill-valur referenzjarju ta’ 35 % miftiehem mill-Istati Membri fil-qafas tal-EDA u stabbilit fil-kooperazzjoni strutturata permanenti (PESCO) — meta mqabbel mad-89 % li ntefqu fil-livell nazzjonali. Ta’ min jinnota li l-Istati Membri tal-UE jiffaċċjaw riskji differenti u għandhom kapaċitajiet differenti biex jirrispondu għal kriżijiet militari jew kriżijiet oħra li jeħtieġu riżorsi ta’ difiża differenzjati.

2.5.

Minbarra dan, in-nefqa kkombinata tal-Istati Membri fuq ir-riċerka u t-teknoloġija (EUR 2,5 biljun) tammonta biss għal 1,2 % tan-nefqa fid-difiża totali tagħhom; ħafna inqas mill-valur referenzjarju ta’ 2 % miftiehem fil-qafas tal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża u stabbilit bħala impenn aktar vinkolanti fil-PESCO.

2.6.

Barra minn hekk, is-settur Ewropew tad-difiża għadu jesperjenza ineffiċjenzi sinifikanti: ekonomiji ta’ skala baxxi, frammentazzjoni tas-suq u tal-produzzjoni, duplikazzjoni u multiplikazzjoni tas-sistemi tad-difiża tal-istess tip, eċċ. In-nuqqas ta’ kooperazzjoni bejn l-Istati Membri jdgħajjef il-kapaċitajiet industrijali u teknoloġiċi meħtieġa biex tiġi ppreservata l-kapaċità ta’ difiża tal-UE u jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet ta’ sigurtà attwali u futuri.

3.   Kummenti ġenerali

3.1.

L-investimenti fis-settur tad-difiża għandhom jaħdmu b’mod preventiv u jaġixxu bħala fattur ta’ deterrenza u stabbiltà, filwaqt li jfittxu li jżidu s-sigurtà u jnaqqsu r-riskji ta’ kunflitt, aktar milli jwasslu għal aktar tlielaq tal-armi u jżidu l-probabbiltà ta’ kunflitti ġodda, kemm reġjonali kif ukoll globali.

3.2.

Idealment id-diplomazija għandha dejjem tipprevali fil-prevenzjoni u r-riżoluzzjoni tal-kunflitti. L-użu tal-forza militari għandu jibqa’ għodda deterrenti finali u l-aħħar għażla. Il-prospetti ta’ żvilupp u l-benesseri ekonomiku għandhom jintużaw biex jiddefendu l-valuri Ewropej tal-paċi, id-demokrazija, is-solidarjetà u l-istabbiltà qabel ma tittieħed kwalunkwe azzjoni militari. Il-KESE jappoġġja t-tentattivi internazzjonali kollha biex jinkisbu riżoluzzjonijiet paċifiċi, ġusti u konkreti tal-kunflitti, tat-tilwim u/jew tal-atti illegali (invażjoni, okkupazzjoni, theddid kontra s-sovranità tal-istat, intimidazzjoni), fi ħdan il-qafas tal-parametri tal-Karta tan-NU u r-riżoluzzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa (pereżempju, f’sitwazzjonijiet bħal dawk fl-Ukrajna, Ċipru, il-Balkani tal-Punent u bnadi oħra).

3.3.

Il-KESE huwa konvint dwar il-ħtieġa għal koordinazzjoni mill-qrib bejn l-UE u n-NATO. Iż-żewġ organizzazzjonijiet għandhom l-għodod u l-vantaġġi speċifiċi tagħhom stess li jridu jintużaw b’mod komplementari mal-objettiv komuni li tiġi ggarantita s-sigurtà tal-Ewropa.

3.4.

Il-KESE jiddispjaċih dwar il-fatt li snin ta’ nuqqas ta’ investiment gravi fid-difiża wasslu għal diskrepanzi industrijali u fil-kapaċità fl-UE. Huwa jirrikonoxxi wkoll li d-daqs tal-EDTIB bħalissa jikkorrispondi għal operazzjonijiet fi żminijiet ta’ paċi (jiġifieri ritmu baxx ta’ produzzjoni) u jappella għal miżuri biex jgħinu lill-EDTIB tissodisfa ż-żieda f’daqqa fid-domanda kkawżata mill-gwerra kontra l-Ukrajna.

3.5.

Il-KESE jappoġġja t-talbiet tal-Komunikazzjoni Konġunta lill-Istati Membri biex jixtru t-tagħmir u l-materjali tad-difiża meħtieġa b’mod kollaborattiv. L-akkwist konġunt ta’ prodotti meħtieġa b’mod urġenti jipprovdi valur akbar għall-flus, itejjeb l-interoperabbiltà u jevita li l-aktar Stati Membri esposti jispiċċaw ma jkunux jistgħu jiksbu dak li jeħtieġu, minħabba domandi kunfliġġenti fuq l-industrija tad-difiża, li ma tistax tirrispondi għal żieda fid-domanda bħal din fi żmien qasir.

3.6.

Il-KESE jappoġġja wkoll il-proposta li jiġi inċentivat l-akkwist komuni permezz tal-baġit tal-UE bl-użu ta’ strument iddedikat għal żmien qasir. L-appoġġ finanzjarju tal-UE permezz ta’ dan l-istrument għandu jistimula l-akkwist kooperattiv tad-difiża mill-Istati Membri u jibbenefika lill-EDTIB, filwaqt li jiżgura l-kapaċità ta’ azzjoni tal-forzi armati Ewropej, is-sigurtà tal-provvista tagħhom, u aktar interoperabbiltà.

3.7.

Il-KESE jistenna bil-ħerqa wkoll il-proposta għal EDIP. Fl-istess ħin, nistaqsu jekk hux se jkun biżżejjed li jiġi inċentivat l-akkwist konġunt ta’ proġetti żviluppati b’mod konġunt permezz ta’ eżenzjoni mill-VAT. Dak li huwa meħtieġ huwa li l-EDTIB titħalla tappoġġja lill-forzi armati Ewropej, għal u matul kunflitti twal fuq skala kbira wkoll. Dan ikun jeħtieġ l-użu sistematiku ta’ għodod differenti tal-politika industrijali biex jissaħħu l-ktajjen tal-provvista, jitrawmu l-ħiliet, jiġu stabbiliti riżervi strateġiċi, eċċ. Għalhekk, il-Programm Ewropew għall-Investiment fil-Qasam tad-Difiża għandu jsegwi approċċ komprensiv biex jappoġġa t-trasformazzjoni meħtieġa tal-EDTIB.

3.8.

Fl-istess ħin, il-Komunikazzjoni Konġunta hija nieqsa mill-ambizzjoni f’inizjattivi oħra, bħall-Fond Ewropew għad-Difiża. Il-KESE jirrakkomanda li tintuża l-flessibbiltà tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) attwali biex il-baġit tal-Fond Ewropew għad-Difiża jiżdied b’mod sinifikanti għal livell li jaqbel maż-żidiet imħabbra fl-infiq għad-difiża tal-Istati Membri. Dan huwa meħtieġ biex jiġu żgurati l-ingranaġġ u s-setgħa tal-Fond Ewropew għad-Difiża li jinċentiva l-kooperazzjoni. Il-Fond Ewropew għad-Difiża suppost ikollu rwol kruċjali biex tingħeleb il-frammentazzjoni tas-sistemi tad-difiża Ewropej u biex titnaqqas id-diskrepanza fl-investiment fid-difiża. Il-KESE jemmen li l-Fond Ewropew għad-Difiża jista’ potenzjalment jaqdi dan ir-rwol jekk l-Istati Membri jtejbu b’mod sinifikanti l-kooperazzjoni tagħhom. Il-Fond Ewropew għad-Difiża għandu jiġi evalwat regolarment u msaħħaħ jekk dan jikkontribwixxi b’mod effettiv għal aktar koeżjoni u effiċjenza fl-infiq Ewropew għad-difiża. Il-valur miżjud Ewropew huwa ta’ importanza kbira biex jiġġustifika din l-għodda. Barra minn hekk, il-KESE jissuġġerixxi li ssir prijorità li l-Fond Ewropew għad-Difiża isir aktar strateġiku (billi jiġu identifikati għadd limitat ta’ proġetti ewlenin iffinanzjati b’mod adegwat), aktar reattiv (billi tiżdied il-linja baġitarja għall-SMEs u t-teknoloġiji fixkiela, jiġu organizzati sejħiet miftuħa biex jitħaffu r-reazzjonijiet għal ideat innovattivi, jiġu ddefiniti proċeduri rapidi għal proġetti urġenti, eċċ.) u aktar effiċjenti (bl-ottimizzazzjoni tat-trasferimenti tad-difiża għall-proġetti tal-Fond Ewropew għad-Difiża, l-armonizzazzjoni tal-qafas tal-proprjetà intellettwali, id-definizzjoni ta’ soluzzjonijiet sostenibbli għall-ġestjoni ta’ data klassifikata, eċċ.).

3.9.

Barra minn hekk, il-KESE jemmen li politika olistika u strateġika dwar il-materja prima/il-materja prima kritika issa hija kruċjali biex jitnaqqsu d-dipendenzi strateġiċi tal-Ewropa fuq reġimi awtokratiċi. Fil-fehma tal-KESE, din l-istrateġija għandha tkun ibbażata fuq tliet pilastri: 1) l-aċċess globali liberu u miftuħ għall-materja prima/għall-materja prima kritika; 2) it-tisħiħ tal-isfruttament u l-ipproċessar tal-materja prima/tal-materja prima kritika, l-inċentivi fiskali, l-inizjattivi ta’ kumulazzjoni ta’ riżerva Ewropej/domestiċi; 3) ir-riċiklaġġ tal-materja prima/tal-materja prima kritika, it-titjib tal-kundizzjonijiet ta’ qafas għal ekonomija ċirkolari.

3.10.

Il-KESE jemmen li l-missjoni primarja tal-EDTIB hija li tappoġġja lill-forzi armati Ewropej fit-twettiq tal-kompiti tagħhom. Għal dan l-għan, il-KESE huwa konvint li l-EDTIB għandha tkun kapaċi twettaq erba’ funzjonijiet ewlenin: 1) tipprovdi f’kull ħin u taħt kwalunkwe ċirkostanza t-tagħmir ta’ difiża u s-servizzi relatati meħtieġa; 2) ittejjeb it-teknoloġiji ewlenin tad-difiża u l-applikazzjonijiet tagħhom u tiżviluppa verżjonijiet ġodda mtejba u l-ġenerazzjonijiet li jmiss tagħhom; 3) tirreaġixxi għal xejriet u skoperti teknoloġiċi emerġenti ġodda minn kompetituri u avversarji potenzjali; u 4) tisfida lill-kompetituri u lill-avversarji potenzjali billi tiżviluppa kunċetti innovattivi, teknoloġiji fixkiela u applikazzjonijiet totalment ġodda. Billi jibdew mill-Komunikazzjoni Konġunta, il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jiżviluppaw b’mod urġenti strateġija industrijali tad-difiża komprensiva mmirata lejn it-titjib tal-prestazzjoni tal-EDTIB fuq dawn il-funzjonijiet ewlenin.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1.

Il-KESE jirrikonoxxi wkoll l-importanza li tinbena rabta b’saħħitha maċ-ċibersigurtà li se tindirizza gwerra ibrida ġdida, bħal attakki ċibernetiċi u prattiki ħżiena diġitali f’kunflitti ċivili jew militari internazzjonali reċenti. Għalhekk, għandu jkun hemm enfasi speċjali fuq l-investimenti fiċ-ċibersigurtà, settur li kiber b’mod rapidu matul l-aħħar għaxar snin u jidher li jbiddel malajr l-affarijiet internazzjonali u domestiċi u l-kunsiderazzjonijiet tal-politika.

4.2.

Il-KESE jenfasizza li l-Unjoni Ewropea jeħtieġ li tiżviluppa inizjattivi ta’ investiment li jippermettu l-kooperazzjoni tal-industrija permezz ta’ negozji ġodda u SMEs, u tuża bis-sħiħ il-persunal bi kwalifiki għolja tas-settur tad-difiża, filwaqt li taġġorna u toħloq ukoll ħiliet ġodda permezz ta’ programmi kooperattivi Ewropej.

4.3.

Il-KESE jtenni l-proposta tiegħu li jiġi stabbilit punt uniku ta’ servizz online għall-SMEs u n-negozji ġodda — “Rokna għall-SMEs tal-UE” online — li joffri l-possibbiltà li tiddaħħal data definita minn qabel u li tirċievi, min-naħa tagħha, informazzjoni mfassla apposta dwar il-programmi tal-UE l-aktar adatti li jistgħu jipprovdu appoġġ.

4.4.

Rigward il-miżuri li jappoġġjaw teknoloġiji kritiċi u kapaċitajiet industrijali, it-tnaqqis tad-dipendenzi kritiċi tul il-ktajjen tal-valur tad-difiża jibqa’ vitali. Dan ivarja mill-aċċess għal materja prima kritika għall-provvista ta’ komponenti kritiċi, sottosistemi, eċċ. Dan jinkludi wkoll l-istabbiltà finanzjarja u ekonomika tal-katina tal-provvista industrijali u d-disponibbiltà ta’ ħiliet suffiċjenti biex jiġu ssodisfati r-rekwiżiti ta’ kapaċità u teknoloġiċi attwali u futuri. Il-KESE jixtieq jenfasizza wkoll il-fehmiet u r-rakkomandazzjonijiet tiegħu li diġà ġew sottolinjati fl-Opinjoni tiegħu dwar Il-pjan direzzjonali dwar it-teknoloġiji kritiċi għas-sigurtà u d-difiża (CCMI/189).

4.5.

It-tfassil ta’ paradigma ġdida għall-investiment fid-difiża fl-Ewropa għandu jqis ukoll il-kriterji soċjali u ambjentali, jissodisfa l-ħtieġa li jiġu integrati b’mod effettiv għodod affidabbli u trasferibbli fil-Patt Ekoloġiku u fl-objettivi tas-sostenibbiltà (SDGs), u b’hekk iwieġeb għall-prijoritajiet u r-riskji Ewropej ewlenin, bħall-ekonomija ċirkolari, il-protezzjoni ċivili, id-diżastri naturali, il-ġestjoni tal-emerġenzi u l-azzjonijiet terroristiċi marittimi. Il-ġestjoni tal-kriżijiet u l-fenomeni tal-kriżi klimatika jeħtieġu azzjonijiet komplementari immedjati u għodod moderni. Għandha tiġi diskussa skema ta’ kollaborazzjoni separata mad-DĠ ECHO.

Brussell, l-14 ta’ Diċembru 2022.

Christa SCHWENG

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew