29.7.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 290/149


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) 2019/833 li jistabbilixxi miżuri ta’ konservazzjoni u ta’ infurzar li japplikaw fiż-Żona Regolatorja tal-Organizzazzjoni tas-Sajd fl-Atlantiku tal-Majjistral”

(COM(2022) 51 final — 2022/0035(COD))

(2022/C 290/24)

Relatur Ġenerali:

Francisco Javier GARAT PÉREZ

Konsultazzjoni

Parlament Ewropew, 17.2.2022

Kunsill, 28.2.2022

Bażi legali

Artikoli 43(2) u 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent

Adottata fil-plenarja

24.3.2022

Sessjoni plenarja Nru

568

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

219/0/0

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-KESE jtenni mill-ġdid il-fehma tiegħu dwar il-Proposta għal Regolament li qed tiġi kkunsidrata, kif iddikjarat fl-Opinjonijiet 2018/05155 (1) u 2020/02842 (2) tiegħu, u li l-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tagħhom kienu dawn li ġejjin.

1.2.

Il-Kumitat iqis li hemm bżonn li l-miżuri ta’ konservazzjoni u ta’ infurzar adottati mill-Organizzazzjoni tas-Sajd fl-Atlantiku tal-Majjistral (NAFO) jiġu trasposti fid-dritt tal-Unjoni bil-għan li jiġu applikati b’mod uniformi u effettiv fi ħdan l-UE.

1.3.

Madankollu, il-KESE jqis li l-Proposta mressqa ma tistabbilixxix mekkaniżmu effiċjenti għat-traspożizzjoni tar-regoli adottati min-NAFO u ma tindirizzax il-ħtieġa li dawn jiġu aġġornati kull sena.

1.4.

Il-Kumitat huwa favur mekkaniżmu aktar effiċjenti u sempliċi, u għaldaqstant jipproponi Regolament b’artikolu wieħed biss li jistabbilixxi li, fir-rigward tal-flotta tagħha, l-Unjoni Ewropea għandha assolutament tapplika r-regoli adottati min-NAFO.

1.5.

Il-KESE jenfasizza r-riskju li ġġib magħha l-introduzzjoni tas-sistema ta’ atti delegati li permezz tagħha l-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tilleġiżla mingħajr ma tkun soġġetta għal proċeduri ordinarji.

2.   Sinteżi tal-proposta leġiżlattiva

2.1.

L-għan ewlieni tal-Proposta ppreżentata huwa l-integrazzjoni fid-dritt tal-Unjoni tal-miżuri ta’ konservazzjoni u ta’ infurzar adottati mill-Organizzazzjoni tas-Sajd fl-Atlantiku tal-Majjistral (NAFO) fil-laqgħa annwali tagħha f’Settembru 2021.

2.2.

Hija tinkludi emendi dwar il-kalkolu tal-kwota “Oħrajn”, u dwar il-miżuri ta’ akkumpanjament għall-bakkaljaw fid-Diviżjoni 3M u għall-ħalibatt ta’ Greenland fir-rigward tal-ispezzjoni tal-ħatt l-art.

2.3.

L-emendi jinkludu wkoll dispożizzjonijiet ġodda dwar proċeduri addizzjonali, ksur serju fir-rigward tal-użu ta’ ċerti daqsijiet tal-malji, tal-għeriebel jew tal-gradilji, u l-miżuri msaħħa relatati mas-segwitu għall-ksur, kif ukoll it-trażmissjoni ta’ dokumenti lin-NAFO u lill-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd.

2.4.

Il-Proposta tiddelega s-setgħat lill-Kummissjoni biex temenda r-Regolament (UE) 2019/833 fir-rigward tal-ħatt l-art u l-ispezzjoni tal-ħalibatt ta’ Greenland u l-miżuri ta’ infurzar għall-bakkaljaw fid-Diviżjoni 3M, f’każ li n-NAFO temenda l-miżuri tagħha fil-futur.

2.5.

Jeħtieġ li titħaffef l-adozzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet sabiex il-bastimenti tal-Unjoni jkunu jistgħu jistadu bl-istess kundizzjonijiet bħall-bastimenti l-oħra tal-Partijiet Kontraenti tan-NAFO.

3.   Kummenti ġenerali

3.1.

Il-KESE jqis li huwa neċessarju li jiġu trasposti fid-dritt tal-Unjoni l-miżuri ta’ konservazzjoni u ta’ infurzar adottati fl-aħħar laqgħa annwali tan-NAFO sabiex jiġi żgurat li jiġu applikati b’mod uniformi fl-UE.

3.2.

Madankollu, il-Kumitat huwa tal-fehma li din il-proċedura ta’ traspożizzjoni għadha mhux ibbażata fuq mekkaniżmu flessibbli, peress li dawn il-miżuri jinbidlu kull sena u l-proċeduri burokratiċi tal-UE jimxu bil-mod ħafna, u dan iwassal għal distakk kontinwu bejn ir-regoli adottati min-NAFO u l-leġiżlazzjoni tal-UE.

3.3.

Il-KESE jtenni l-ħtieġa li tiġi adottata proċedura aktar flessibbli, bħal dik proposta minnu stess fl-2019 u l-2020, li kienet appoġġjata wkoll mill-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri u s-setturi kkonċernati. Din il-proċedura tikkonsisti f’regolament sempliċi b’artikolu wieħed, li jinkludi l-impenn tal-Unjoni Ewropea li, fir-rigward tal-flotta tagħha, tapplika b’mod assolut ir-regoli adottati min-NAFO kull sena.

3.4.

Il-Kumitat jerġa’ jwissi li jekk inkomplu għaddejjin b’dan ir-Regolament, jistgħu jinħolqu regoli konfliġġenti, jew tal-inqas perjodi ta’ inċertezza legali għall-amministrazzjonijiet u n-negozji stess, li ma jkunux jafu jekk għandhomx jikkonformaw mar-regoli preċedenti, li huma fis-seħħ fl-UE, jew mar-regoli l-ġodda. Dan joħloq ukoll distorsjonijiet fl-applikazzjoni tal-miżuri fir-rigward ta’ flotot mhux tal-UE.

3.5.

Il-KESE jemmen li l-unika ħaġa li ser tiffaċilita l-introduzzjoni tas-sistema ta’ atti delegati hija li l-Kummissjoni tkun tista’ tistabbilixxi regoli mingħajr il-ħtieġa li tkun soġġetta għal proċeduri ordinarji.

Brussell, l-24 ta’ Marzu 2022.

Christa SCHWENG

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


(1)  Opinjoni tal-KESE dwar Miżuri ta’ konservazzjoni u ta’ kontroll li japplikaw fiż-Żona Regolatorja tal-Organizzazzjoni tas-Sajd fl-Atlantiku tal-Majjistral (ĠU C 159, 10.5.2019, p. 60).

(2)  Opinjoni tal-KESE dwar Miżuri ta’ konservazzjoni u ta’ infurzar – NAFO (ĠU C 429, 11.12.2020, p. 279).